EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62019CJ0186

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-3 ta’ Settembru 2020.
Supreme Site Services GmbH et vs Supreme Headquarters Allied Powers Europe.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Artikolu 1(1) – Kamp ta’ applikazzjoni – Materji ċivili u kummerċjali – Ġurisdizzjoni – Kompetenzi esklużivi – Artikolu 24(5) – Tilwim fil-qasam ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenzi – Azzjoni ta’ organizzazzjoni internazzjonali bbażata fuq l-immunità minn eżekuzzjoni intiża għar-revoka ta’ mandat ta’ qbid kawtelatorju kif ukoll għall-projbizzjoni li din twettaq dan mill-ġdid.
Kawża C-186/19.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2020:638

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

3 ta’ Settembru 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Artikolu 1(1) – Kamp ta’ applikazzjoni – Materji ċivili u kummerċjali – Ġurisdizzjoni – Kompetenzi esklużivi – Artikolu 24(5) – Tilwim fil-qasam ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenzi – Azzjoni ta’ organizzazzjoni internazzjonali bbażata fuq l-immunità minn eżekuzzjoni intiża għar-revoka ta’ mandat ta’ qbid kawtelatorju kif ukoll għall-projbizzjoni li din twettaq dan mill-ġdid”

Fil-Kawża C‑186/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Frar 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Frar 2019, fil-proċedura

Supreme Site Services GmbH,

Supreme Fuels GmbH & Co KG,

Supreme Fuels Trading Fze

vs

Supreme Headquarters Allied Powers Europe,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, M. Safjan, L. Bay Larsen, C. Toader (Relatur) u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑12 ta’ Diċembru 2019,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Supreme Fuels Trading FZE, Supreme Fuels GmbH & Co KG u Supreme Site Services GmbH, minn J. van de Velden, G. van der Bend u B. Korthals Altes-van Dijk, advocaten,

għal Supreme Headquarters Allied Powers Europe, minn G. den Dekker, advocaat, kif ukoll minn D. Waelbroeck, D. Slater u I. Antypas, avocats,

għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman, A. M. de Ree u J. Hoogveld, bħala aġenti,

għall-Gvern Belġjan, minn C. Pochet, C. Van Lul u J.‑C. Halleux, bħala aġenti,

għall-Gvern Elleniku, minn V. Karra, S. Papaioannou u S. Charitaki, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn A. Grumetto, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Awstrijak, minn J. Schmoll u F. Koppensteiner, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Troosters u M. Heller, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat‑2 ta’ April 2020,

tagħti l-prezenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) u tal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura bejn Supreme Site Services GmbH, stabbilita fl-Isvizzera, Supreme Fuels GmbH & Co KG, stabbilita fil-Ġermanja, u Supreme Fuels Trading Fze, stabbilita fl-Emirati Għarab Magħquda (iktar ’il quddiem, flimkien il-“kumpanniji Supreme”), ma’ Supreme Headquarters Allied Powers Europe (iktar ’il quddiem ix-“SHAPE”), stabbilita fil-Belġju, dwar ir-revoka ta’ mandat ta’ qbid kawtelatorju.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

3

Skontl-Artikolu I(a) tal-Protokoll dwar l-Istatut tal-Kwartieri Ġenerali Militari Internazzjonali Maħluqa Abbażi tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana, iffirmat f’Pariġi fit‑28 ta’ Awwissu 1952 (iktar ’il quddiem il-“Protokoll ta’ Pariġi”):

“‘Konvenzjoni’ tfisser il-Konvenzjoni ffirmata f’Londra fid‑19 ta’ Ġunju 1951 mill-Istati li huma partijiet fit-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana dwar l-istatus tal-forzi tagħhom”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4

L-Artikolu XI tal-Protokoll ta’ Pariġi jipprevedi:

“1.

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni, kwartier ġenerali suprem jista’ jkollu locus standi in judicio, kemm bħala rikorrent kif ukoll bħala konvenut. Madankollu, jista’ jiġi miftiehem bejn il-kwartier ġenerali suprem jew kwalunkwe kwartier ġenerali alleat subordinat awtorizzat minnu, minn naħa, u l-Istat ta’ residenza, min-naħa l-oħra, li dan tal-aħħar jaġixxi f’isem il-kwartier ġenerali suprem quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat fil-kontenzjuż li jkun parti fih.

2.

Ebda miżura ta’ implimentazzjoni jew miżura intiża għall-konfiska jew għall-qbid tal-propjetà jew ta’ fondi tagħha ma tista’ tittieħed kontra kwartier ġenerali alleat, ħlief għall-finijiet tal-Artikolu 7(6a) u tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-dritt tal-Unjoni

5

Il-premessi 10, 34 u 36 tar-Regolament Nru 1215/2012 jiddikjaraw:

“(10)

Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandu jkopri l-kwistjonijiet ċivili u kummerċjali prinċipali kollha barra ċerti kwistjonijiet definiti sew […]

[…]

(34)

Għandha tiġi żgurata l-kontinwità bejn il-Konvenzjoni [ta’ Brussell tas‑27 ta’ Settembru 1968 dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32)], ir-Regolament [tal-Kunsill] (KE) Nru 44/2001 [tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42),] u dan ir-Regolament, u għal dan il-għan għandhom jitfasslu dispożizzjonijiet tranżitorji. L-istess ħtieġa għal kontinwità tapplika għall-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-Konvenzjoni ta’ Brussell tal‑1968 u r-Regolamenti li jissostitwixxieha.

[…]

(36)

Mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri skont it-Trattati, dan ir-Regolament m’għandux jaffettwa l-applikazzjoni ta’ konvenzjonijiet u ftehimiet bilaterali bejn Stat terz u Stat Membru li ġew konklużi qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 u li jirrigwardaw kwistjonijiet regolati minn dan ir-Regolament.”

6

L-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Dan ir-Regolament għandu japplika fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. Huwa m’għandux jestendi, b’mod partikolari, għal kwistjonijiet ta’ dħul, dawk doganali jew amministrattivi jew għar-responsabbiltà tal-Istat għal atti u ommissjonijiet fl-eżerċitar tal-awtorità tal-Istat (acta iure imperii).”

7

L-Artikolu 4(1) tal-istess regolament huwa redatt kif ġej:

“Soġġetti għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jitressqu quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

8

Skont l-Artikolu 24(5) tar-Regolament Nru 1215/2012:

“Dawn il-qrati li ġejjin ta’ Stat Membru għandu jkollhom ġurisdizzjoni esklużiva, independentement mid-domiċilju tal-partijiet:

[…]

(5)

fi proċedimenti li għandhom x’jaqsmu mal-eżekuzzjoni ta’ sentenzi, il-qrati tal-Istat Membru li fih is-sentenza kienet jew għandha tiġi eżegwita.”

9

L-Artikolu 35 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Tista’ ssir talba lill-qrati ta’ Stat Membru għal miżuri proviżorji bħal dawn, inklużi miżuri kawtolatorji, previsti mil-liġi ta’ dak l-Istat Membru, anki jekk, il-qrati ta’ Stat Membru ieħor ikollhom il-ġurisdizzjoni rigward is-sustanza tal-kwistjoni.”

10

L-Artikolu 73(3) tal-imsemmi regolament jistabbilixxi:

“Dan ir-Regolament m’għandux jaffettwa l-applikazzjoni ta’ konvenzjonijiet u ftehimiet bilaterali bejn Stat terz u Stat Membru li ġew konklużi qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 li jkopru kwistjonijiet irregolati b’dan ir-Regolament.”

Id-dritt Olandiż

11

L-Artikolu 700 tan-Nederlandse Wetboek van Burgerlijke Rechtsvordering (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Olandiż, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili”) jiddisponi:

“1)   L-impożizzjoni ta’ mandat ta’ qbid kawtelatorju teħtieġ l-awtorizzazzjoni tal-Imħallef għal miżuri provviżorji tal-qorti li fil-ġurisdizzjoni tagħha jinsabu wieħed jew iktar mill-beni kkonċernati u, jekk il-mandat ta’ qbid ma jirrigwardax beni, tal-qorti li fil-ġurisdizzjoni tagħha jkunu ddomiċiljati d-debitur jew il-persuna jew waħda mill-persuni li jkunu s-suġġett tal-mandat ta’ qbid.

2)   L-awtorizzazzjoni hija mitluba permezz ta’ rikors li fih huma indikati n-natura tal-qbid li għandu jitwettaq, kif ukoll in-natura tad-dritt invokat mir-rikorrent u, fil-każ fejn dan id-dritt huwa kreditu pekunjarju, anki l-ammont jew, jekk dan ma jkunx għadu ġie iddeterminat, l-ammont massimu tiegħu, bla ħsara għar-rekwiżiti speċifiċi imposti mil-liġi għat-tip ta’ qbid ikkonċernat. L-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu jagħti d-deċiżjoni tiegħu wara eżami sommarju. […]

[…]”

12

Skont l-Artikolu 705(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili:

“L-Imħallef għal miżuri provviżorji li jkun awtorizza l-mandat ta’ qbid jista’, permezz ta’ miżuri provviżorji, jannulla l-mandat ta’ qbid fuq talba ta’ kwalunkwe persuna interessata, bla ħsara għall-ġurisdizzjoni tal-qrati ordinarji.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13

Ix-SHAPE hija organizzazzjoni internazzjonali stabbilita f’Mons (il-Belġju) skont il-Protokoll ta’ Pariġi. Kwartier ġenerali reġjonali, jiġifieri l-Allied Joint Force Command Brunssum (il-Kmand ta’ Forzi Konġunti Alleati Brunssum, iktar ’il quddiem il-“JFCB”), imqiegħed taħt l-awtorità tax-SHAPE, huwa stabbilit fi Brunssum (il-Pajjiżi l-Baxxi).

14

Permezz ta’ riżoluzzjoni tal‑20 ta’ Diċembru 2001, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti awtorizza l-ħolqien tal-Forza Internazzjonali ta’ Assistenza għas-Sigurtà (iktar ’il quddiem il-“FIAS”) sabiex tissaħħaħ is-sigurtà fl-Afganistan.

15

L-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (iktar ’il quddiem in-“NATO”) assumiet, mill‑11 ta’ Awwissu 2003, il-kmand strateġiku, it-tmexxija u l-koordinazzjoni tal-FIAS.

16

Hekk kif jirriżulta mill-elementi tal-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-kumpanniji Supreme, abbażi taż-żewġ “Ftehimiet Ġenerali ta’ Għoti ta’ Ordni” (Basic Ordering Agreements, iktar ’il quddiem il-“ftehimiet BOA”) iffirmati rispettivament fl‑1 ta’ Frar 2006 u fil‑15 ta’ Marzu 2007, ipprovdew karburanti lix-SHAPE għall-bżonnijiet tal-missjoni tal-FIAS fl-Afganistan. Il-ftehimiet BOA spiċċaw fit‑30 ta’ Novembru 2014.

17

Sabiex jiġi ggarantit il-ħlas tal-ispejjeż kollha li jirriżultaw mill-imsemmija ftehimiet, matul ix-xahar ta’ Novembru 2013, il-JFCB u l-kumpanniji Supreme iffirmaw ftehim ta’ amministrazzjoni fiduċjarja, li fil-kuntest tiegħu dawn tal-aħħar huma wkoll indikati bħala “fornitur”.

18

Skont it-termini ta’ dan il-ftehim:

“PREAMBOLU:

[…]

B. Mal-iskadenza tal-kuntratti, ċerti aġġustamenti mill-ġdid, fatturi mhux imħallsa jew spejjeż ulterjuri […] jistgħu jkunu dovuti [lill-kumpanniji] Supreme mill-klijenti NATO awtorizzati […], jew ammonti dovuti minħabba ħlas żejjed jibqgħu dovuti u jistgħu jiġu rkuprati min-NATO u mill-klijenti NATO awtorizzati.

C. Il-partijiet jirrikonoxxu li l-ħlas tal-ispejjeż eventwali previsti fil-kuntratti fl-iskadenza tal-[ftehimiet] BOA jibbenefika minn mekkaniżmi ta’ fatturazzjoni limitati.

Barra minn hekk, huwa possibbli li mal-iskadenza tal-kuntratti, in-NATO jew il-klijenti NATO awtorizzati ma jkollhomx il-fondi neċessarji sabiex iħallsu l-ispejjeż approvati. Sabiex jirregolaw dawn il-kwistjonijiet ta’ natura prattika, il-partijiet qablu li jistabbilixxu kont ta’ amministrazzjoni fiduċjarja skont id-dispożizzjonijiet tal-ftehim ta’ amministrazzjoni fiduċjarja sabiex jiġu koperti t-talbiet għal kumpens jew l-aġġustamenti mill-ġdid l-oħra u li jikkonkludu l-ftehim ta’ amministrazzjoni fiduċjarja kif spjegat hawn isfel.

IL-PARTIJIET FTEHMU kif ġej:

[…]

2. Il-ħolqien ta’ kont ta’ amministrazzjoni fiduċjarja

[…]

2.2 Hemm lok li jiġi kkonstatat li n-NATO u l-klijenti NATO awtorizzati jibqgħu proprjetarji tal-fondi ddepożitati, li huma kkalkolati skont id-depożitu fiduċjarju (punt 3.2), mill-ħlas min-NATO jew mill-klijenti NATO awtorizzati. Kull trasferiment ta’ proprjetà tal-fondi ddepożitati jista’ jsir biss sabiex ikopri talbiet għal kumpens awtorizzati jew aġġustamenti mill-ġdid oħra.

[…]

4. L-obbligi tal-fornitur

[…]

4.4 Il-fornitur jibgħat it-talbiet direttament lill-grupp ta’ ħidma “rilaxx ta’ fondi” u ma għandu l-ebda pretensjoni, dritt jew titolu fuq id-depożitu fiduċjarju.

[…]”

19

Wara l-verifiki finanzjarji mwettqa mill-JFCB mal-kumpanniji Supreme, dawn tal-aħħar, għas-sena 2013, wettqu rimbors ta’ madwar 122 miljun dollaru Amerikan (USD) (madwar EUR 112 miljun) lin-NATO minħabba ammonti miġbura żejda. L-ammont irrimborsat tħallas f’kont ta’ amministrazzjoni fiduċjarja miftuħ, skont id-dispożizzjonijiet tal-ftehim ta’ amministrazzjoni fiduċjarja, mal-bank BNP Paribas, fi Brussell (il-Belġju).

20

Fl‑1 ta’ Diċembru 2015, il-kumpanniji Supreme ressqu kawża kontra x-SHAPE u l-JFCB quddiem ir-rechtbank Limburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Limburg, il-Pajjiżi l-Baxxi) għall-finijiet tal-ġbir tal-ammonti mitluba fuq fondi ddepożitati f’dan il-kont ta’ amministrazzjoni fiduċjarja (iktar ’il quddiem il-“proċedura fuq il-mertu”). Il-kumpanniji Supreme sostnew din it-talba billi affermaw li huma kienu ipprovdew karburanti lil SHAPE abbażi tal-ftehimiet BOA għall-finijiet tal-missjoni tal-FIAS fl-Afganistan u li x-SHAPE u l-JFCB ma kinux osservaw l-obbligi ta’ ħlas li kienu jaqgħu fuqhom.

21

Ix-SHAPE u l-JFCB qajmu eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tar-rechtbank Limburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Limburg), billi invokaw l-immunità minn ġurisdizzjoni. Permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Frar 2017, din il-qorti ddikjarat li kellha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tat-talbiet tal-kumpanniji Supreme. Fl‑4 ta’ Mejju 2017, SHAPE appellat minn din id-deċiżjoni. Hekk kif ġie ppreċiżat waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2019, il-Gerechtshof ‘s-Hertogenbosch (il-Qorti tal-Appell ta’ ‘s-Hertogenbosch, il-Pajjiżi l-Baxxi) annullat is-sentenza tar-rechtbank Limburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Limburg) u ddikjarat li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża minħabba l-immunità minn ġurisdizzjoni li jgawdu minnha x-SHAPE u l-JFCB. Din is-sentenza ġiet ikkontestata quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi).

22

Fl-istess ħin ma’ din il-proċedura fuq il-mertu, inbdew żewġ proċeduri oħra quddiem ir-rechtbank Limburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Limburg).

23

Fuq talba tal-kumpanniji Supreme, fil-kuntest tal-ewwel proċedura mhux kontradittorja, l-Imħallef għal miżuri provviżorji tar-rechtbank Limburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Limburg), permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ April 2016, awtorizza lill-kumpanniji Supreme sabiex iwettqu mandat ta’ qbid kawtelatorju mal-bank BNP Paribas, fi Brussell fuq il-fondi ddepożitati fil-kont ta’ amministrazzjoni fiduċjarja fl-ammont ta’ USD 217857167 (madwar EUR 200855593). Il-mandat ta’ qbid kawtelatorju ġie eżegwit fit‑18 ta’ April 2016.

24

Fis‑17 ta’ Marzu 2017, fil-kuntest tat-tieni proċedura, jiġifieri l-azzjoni għal miżuri provviżorji fil-kawża prinċipali, ix-SHAPE adixxiet lir-rechtbank Limburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Limburg) sabiex tikseb ir-revoka tal-mandat ta’ qbid kawtelatorju awtorizzat permezz tad-deċiżjoni tal‑14 ta’ April 2016 u sabiex il-kumpanniji Supreme jiġu pprojbiti milli jipproċedu mill-ġdid għal mandat ta’ qbid kawtelatorju abbażi ta’ fatti identiċi. Insostenn tat-talbiet tagħha, ix-SHAPE invokat l-immunità minn eżekuzzjoni.

25

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Ġunju 2017, ir-Rechtbank Limburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Limburg) laqgħet it-talbiet ta’ SHAPE.

26

Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata fis‑27 ta’ Ġunju 2017 mill-Gerechtshof ‘s-Hertogenbosch (il-Qorti tal-Appell ta’ ‘s-Hertogenbosch) li bbażat il-kompetenza tagħha sabiex tieħu konjizzjoni tat-talbiet tax-SHAPE fuq l-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1215/2012 kif ukoll fuq l-Artikolu 705 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, li jipprovdi li jekk il-qorti Olandiża tat awtorizzazzjoni għal mandat ta’ qbid, hija għandha ġurisdizzjoni sabiex tannullaha.

27

Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-Gerechtshof ‘s-Hertogenbosch (il-Qorti tal-Appell ta’ ‘s-Hertogenbosch) iddeċidiet li l-interess tax-SHAPE li żżomm l-immunità minn eżekuzzjoni kien jipprevali fuq l-interess tal-kumpanniji Supreme fl-irkupru tal-kreditu tagħhom u ma kienx imur kontra l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950.

28

Fil‑21 ta’ Awwissu 2017, il-kumpanniji Supreme ippreżentaw appell fil-kassazzjoni kontra din l-aħħar deċiżjoni quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi).

29

Din il-qorti tesponi, l-ewwel nett, li l-mandat ta’ qbid kawtelatorju eżegwit mill-kumpanniji Supreme fil-Belġju diġà ġie rrevokat, wara li qorti Belġjana kienet, b’applikazzjoni tal-ftehim konkluż bejn ir-Renju tal-Belġju u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi dwar il-ġurisdizzjoni ġudizzjarja territorjali, dwar il-falliment, u dwar l-awtorità u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, tas-sentenzi arbitrali u tal-atti awtentiċi, iffirmata fi Brussell fit‑28 ta’ Marzu 1925 (iktar ’il quddiem il-“ftehim bilaterali tal-1925”), tat l-awtorizzazzjoni sabiex teżegwixxi d-deċiżjonijiet tat‑12 ta’ Ġunju 2017 tar-rechtbank Limburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Limburg) u tas‑27 ta’ Ġunju 2017 tal-Gerechtshof ‘s-Hertogenbosch (il-Qorti tal-Appell ta’ ‘s-Hertogenbosch). Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li l-kumpanniji Supreme għandhom interess ġuridiku peress li r-rechtbank Limburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Limburg) ma awtorizzatx biss ir-revoka tal-mandat ta’ qbid kawtelatorju, iżda pprojbixxiet ukoll lill-kumpanniji Supreme milli jwettqu mill-ġdid tali miżura fuq il-kont ta’ amministrazzjoni fiduċjarja.

30

Sussegwentement, il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) tippreċiża li hija obbligata teżamina ex officio jekk il-qorti ta’ Stat Membru ieħor kellhiex ġurisdizzjoni esklużiva, skont l-Artikolu 24(5) tar-Regolament Nru 1215/2012. Madankollu, qabel ma twettaq tali analiżi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk l-azzjoni għal miżuri provviżorji mressqa mix-SHAPE taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru 1215/2012.

31

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-fatt li, fil-proċedura ta’ revoka, ix-SHAPE ibbażat ruħha fuq l-immunità minn eżekuzzjoni setax iwassal sabiex jitqies li hija kienet aġixxiet fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, b’tali mod li t-tilwima ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru 1215/2012. Din il-qorti tqajjem ukoll il-kwistjoni dwar liema effett jista’ jkollu, fuq il-klassifikazzjoni tal-kawża bħala “materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, il-fatt li l-mandat ta’ qbid kawtelatorju ġie awtorizzat abbażi ta’ kreditu li jirriżulta minn relazzjoni kuntrattwali li hija s-suġġett tal-proċedura fuq il-mertu.

32

Fil-każ li t-tilwima taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fit-tieni lok, dwar jekk ir-revoka ta’ mandat ta’ qbid li twettaq bl-awtorizzazzjoni ta’ qorti jaqax taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva li tirrigwarda l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni, prevista fl-Artikolu 24(5) tar-Regolament Nru 1215/2012. Id-dubji ta’ din il-qorti jirriżultaw mill-fatt li, minn naħa, l-eċċezzjonijiet għar-regola ġenerali ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu interpretati b’mod strett u, min-naħa l-oħra, il-proċeduri li għandhom rabta mill-qrib mal-proċedura ta’ eżekuzzjoni jaqgħu taħt l-Artikolu 24(5) ta’ dan ir-regolament. Din il-qorti tistaqsi wkoll dwar l-effett li jista’ jkollha, għall-analiżi ta’ din it-tieni domanda, iċ-ċirkustanza li x-SHAPE kienet invokat l-immunità minn eżekuzzjoni. Fil-fehma tal-imsemmija qorti, jista’ jitqies li l-qrati tal-Istat Membru li fih ġie eżegwit mandat ta’ qbid kawtelatorju kontra organizzazzjoni internazzjonali huma fl-aħjar pożizzjoni sabiex jevalwaw jekk il-mandat ta’ qbid huwiex kuntrarju għall-immunità minn eżekuzzjoni li tinvoka din l-organizzazzjoni abbażi ta’ trattat jew tad-dritt internazzjonali konswetudinarju li jorbot lil dan l-Istat Membru.

33

Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fil-każ fejn l-immunità minn eżekuzzjoni invokata mix-SHAPE tista’ tinfluwenza l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012, sa fejn il-qorti adita għandha tevalwa jekk l-użu ta’ din l-immunità huwiex fondat. B’mod iktar partikolari, hija tistaqsi kif tapplika f’dan il-każ ir-regola li l-qorti għandha tevalwa l-elementi kollha għad-dispożizzjoni tagħha, inklużi l-kontestazzjonijiet magħmula mill-konvenuta f’dan ir-rigward.

34

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

(a)

Ir-Regolament [Nru 1215/2012] għandu jiġi interpretat fis-sens li kawża bħal dik ineżami, li fiha organizzazzjoni internazzjonali titlob

(i)

ir-revoka ta’ mandat ta’ qbid kawtelatorju impost fi Stat Membru ieħor mill-parti avversarja u

(ii)

li l-parti avversarja tiġi pprojbita milli timponi mandat ta’ qbid kawtelatorju ġdid, abbażi tal-istess fatti,

u tinvoka insostenn tat-talbiet tagħha l-immunità minn eżekuzzjoni, għandha titqies, totalment jew parzjalment, bħala kwistjoni ċivili jew kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 1(1) [ta’ dan ir-r]egolament […]?

(b)

Il-fatt li qorti ta’ Stat Membru awtorizzat il-qbid fuq il-bażi ta’ kreditu li l-parti avversarja tiddikjara li għandha fil-konfront tal-organizzazzjoni internazzjonali, kreditu li huwa s-suġġett ta’ proċedura pendenti fuq il-mertu f’dan l-Istat Membru fil-kuntest ta’ tilwima kuntrattwali dwar il-ħlas ta’ karburanti pprovduti għall-finijiet ta’ operazzjoni għaż-żamma tal-paċi mwettqa minn organizzazzjoni internazzjonali konnessa ma’ dik tal-ewwel, għandu effett fuq ir-risposta għall-punt (a) tal-ewwel domanda, u, jekk iva, liema effett?

2)

(a)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-punt (a) tal-ewwel domanda, il-punt 5 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-qorti ta’ Stat Membru tagħti awtorizzazzjoni li jiġi impost mandat ta’ qbid kawtelatorju u meta dan il-mandat jiġi sussegwentement impost fi Stat Membru ieħor, il-qrati tal-Istat Membru fejn jiġi impost il-mandat ta’ qbid kawtelatorju għandhom il-ġurisdizzjoni esklużiva sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ talba għar-revoka ta’ dan il-mandat?

(b)

Il-fatt li l-organizzazzjoni internazzjonali invokat l-immunità minn eżekuzzjoni insostenn tat-talba tagħha għar-revoka tal-mandat ta’ qbid kawtelatorju għandu effett fuq ir-risposta għall-punt (a) tat-tieni domanda, u, jekk iva, liema effett?

3)

Jekk il-fatt li l-organizzazzjoni internazzjonali invokat l-immunità minn eżekuzzjoni insostenn tat-talbiet tagħha għandu effett fuq ir-risposti, minn naħa, għall-kwistjoni dwar jekk hijiex kwistjoni ċivili jew kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, u, min-naħa l-oħra, għall-kwistjoni dwar jekk hijiex talba li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 5 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1215/2012, sa liema punt il-qorti adita hija obbligata tevalwa jekk l-invokazzjoni tal-immunità minn eżekuzzjoni hijiex fondata u, f’dan ir-rigward, għandha tiġi applikata r-regola li tgħid li hija għandha tevalwa l-elementi kollha disponibbli għaliha, inklużi, f’dan il-każ, il-kontestazzjonijiet magħmula mill-konvenuta, jew kwalunkwe regola oħra?”

Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

35

Wara li ngħataw il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ix-SHAPE, permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja, talbet li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Insostenn tat-talba tagħha, hija ssostni, essenzjalment, li l-Avukat Ġenerali, fil-punti 90 u 100 sa 103 tal-konklużjonijiet tiegħu, ibbaża l-evalwazzjoni tiegħu fuq interpretazzjoni żbaljata tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi marbuta mal-funzjonament tal-organizzazzjonijiet internazzjonali.

36

Konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta tqis li ma jkollhiex informazzjoni biżżejjed jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tinqata’ fuq il-bażi ta’ argument li ma jkunx ġie indirizzat mill-partijiet jew mill-persuni kkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2013, Carratù, C‑361/12, EU:C:2013:830, punt 18, u tal‑11 ta’ April 2019, Bosworth u Hurley, C‑603/17, EU:C:2019:310, punt 17 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

37

Min-naħa l-oħra, l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura ma jipprevedux il-possibbiltà li l-partijiet jippreżentaw osservazzjonijiet bħala risposta għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (sentenza tal‑15 ta’ Frar 2017, W u V, C‑499/15, EU:C:2017:118, punt 35 kif ukoll l-ġurisprudenza ċċitata).

38

F’dan il-każ, l-argument invokat mix-SHAPE insostenn tat-talba tagħha għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura jikkonsisti fi kritika tal-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali f’din il-kawża. Issa, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex marbuta minnhom, ma huwiex indispensabbli li jsir il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali kull darba li l-Avukat Ġenerali jqajjem punt li fuqu l-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux miegħu (sentenza tat‑3 ta’ April 2014, Weber, C‑438/12, EU:C:2014:212, punt 30).

39

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, tikkunsidra li f’dan il-każ, għandha l-elementi kollha meħtieġa sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju u li l-argumenti kollha neċessarji sabiex tiġi deċiża l-kawża inkwistjoni ġew diskussi bejn il-partijiet u l-persuni kkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

40

Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

41

Ix-SHAPE teċċepixxi l-inammissibbiltà tal-ewwel u tat-tieni domandi sa fejn dawn jikkonċernaw it-talba għar-revoka, jiġifieri il-punt (a)(i) tal-ewwel domanda u l-punti (a) u (b) tat-tieni domanda, minħabba li dawn saru ipotetiċi sa fejn il-mandat ta’ qbid kawtelatorju mogħti fuq talba tal-kumpanniji Supreme permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ April 2016 tar-rechtbank Limburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Limburg) diġà tneħħa wara d-deċiżjonijiet mogħtija fl-ewwel istanza u fl-appell, mill-istess qorti u mill-Gerechtshof ‘s-Hertogenbosch (il-Qorti tal-Appell ta’ ‘s-Hertogenbosch) rispettivament fit‑12 u fis‑27 ta’ Ġunju 2017, u eżegwiti insegwitu għall-awtorizzazzjoni mogħtija minn qorti Belġjana skont il-ftehim bilaterali tal‑1925.

42

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi relatati mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li l-eżattezza tiegħu ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Huwa biss possibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja li tirrifjuta li tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, meta, b’mod partikolari, ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kontenut tat-talba għal deċiżjoni preliminari previst fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura ma jkunux osservati jew meta jkun jidher, b’mod manifest, li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola tal-Unjoni, mitluba mill-qorti nazzjonali, ma jkollhom l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika (sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2017, Online Games et, C‑685/15, EU:C:2017:452, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

Issa, miċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali ma jirriżultax li d-domandi preliminari li jirrigwardaw it-talba għar-revoka tal-mandat ta’ qbid kawtelatorju, magħmula mill-qorti tar-rinviju, ma għandhom ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża, iktar u iktar peress li hija esklużivament din il-qorti li għandha tiddetermina l-limiti tal-istħarriġ li hija għandha fil-kuntest tar-rikors fil-kassazzjoni kontra d-deċiżjoni tas‑27 ta’ Ġunju 2017 tal-Gerechtshof ‘s-Hertogenbosch (il-Qorti tal-Appell ta’ ‘s-Hertogenbosch) li kkonfermat id-deċiżjoni tat‑12 ta’ Ġunju 2017 mogħtija mir-rechtbank Limburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Limburg) u li tilqa’ t-talba għar-revoka tal-mandat ta’ qbid kawtelatorju magħmul mix-SHAPE.

44

F’dan il-kuntest, hekk kif ġie rrilevat ukoll mill-Avukat Ġenerali fil-punt 31 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kwistjoni dwar jekk il-qrati Olandiżi għandhomx ġurisdizzjoni internazzjonali skont ir-Regolament Nru 1215/2012 sabiex jiddeċiedu dwar din it-talba għal revoka la tidher ipotetika u lanqas manifestament nieqsa minn rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali.

45

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi kkunsidrata bħala ammissibbli.

Fuq l-ewwel domanda

46

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, azzjoni għal miżuri provviżorji, imressqa quddiem qorti ta’ Stat Membru, li fil-kuntest tagħha organizzazzjoni internazzjonali tinvoka l-immunità minn eżekuzzjoni tagħha sabiex tikseb kemm ir-revoka ta’ mandat ta’ qbid kawtelatorju, eżegwit fi Stat Membru differenti minn dak tal-qorti, kif ukoll il-projbizzjoni li jitwettaq mill-ġdid tali mandat ta’ qbid abbażi tal-istess fatti, u li tinbeda fl-istess ħin proċedura fuq il-mertu bbażata fuq kreditu li jirriżulta minn allegat nuqqas ta’ ħlas ta’ karburanti pprovduti għall-finijiet ta’ operazzjoni ta’ żamma tal-paċi żgurata minn din l-organizzazzjoni.

47

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, sa fejn ir-Regolament Nru 1215/2012 iħassar u jissostitwixxi r-Regolament Nru 44/2001 li huwa stess issostitwixxa l-Konvenzjoni ta’ Brussell tas‑27 ta’ Settembru 1968 dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali, kif emendata bil-konvenzjonijiet suċċessivi dwar l-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda għal din il-konvenzjoni (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell tal‑1968”), l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-aħħar strumenti legali tapplika wkoll għar-Regolament Nru 1215/2012 meta dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu kklassifikati bħala “ekwivalenti” (sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Tibor-Trans, C‑451/18, EU:C:2019:635, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, hemm lok li l-eżami tal-ewwel domanda jinqasam fi tliet punti u li jiġi analizzat, qabel kollox, l-effett tan-natura tal-azzjoni għal miżuri provviżorji fil-kawża prinċipali fuq ir-rabta tagħha mal-“materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, sabiex sussegwentement jiġu eżaminati l-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza sabiex azzjoni tiġi kklassifikata bħala li taqa’ taħt l-istess qasam u, fl-aħħar nett, ir-rwol li għandu l-privileġġ tal-immunità fil-kuntest ta’ din il-klassifikazzjoni.

49

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-influwenza tan-natura tal-azzjoni għal miżuri provviżorji fil-kawża prinċipali fuq ir-rabta tagħha mal-“materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, għandu l-ewwel nett jiġi kkonstatat, kif jirriżulta mill-elementi tal-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, li din il-kawża hija intiża għall-kisba ta’ miżuri provviżorji sabiex tiġi protetta sitwazzjoni ta’ fatt suġġetta għall-evalwazzjoni tal-qorti fil-kuntest tal-proċedura dwar il-mertu mressqa bejn l-istess partijiet. Għalhekk, jista’ jiġi kkunsidrat li tali azzjoni tirrigwarda “miżuri provviżorji jew kawtelatorji”, fis-sens tal-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1215/2012, bil-kundizzjoni li din taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

50

Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell tal‑1968, li tista’ tiġi trasposta għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ekwivalenti li jinsabu fl-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1215/2012, jirriżulta li “miżuri provviżorji jew kawtelatorji” tfisser il-miżuri li, fl-oqsma li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament, huma intiżi sabiex iżommu sitwazzjoni ta’ fatt jew ta’ liġi sabiex jitħarsu d-drittijiet li r-rikonoxximent tagħhom huwa, barra minn hekk, mitlub mill-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 1992, Reichert u Kockler, C‑261/90, EU:C:1992:149, punt 34).

51

F’dak li jirrigwarda, sussegwentement, ir-rabta bejn il-proċedura fuq il-mertu u l-miżuri provviżorji u kawtelatorji, għandu jiġi osservat li l-partijiet u l-persuni kkonċernati li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jaqblux fuq il-kwistjoni dwar jekk l-azzjoni għal miżuri provviżorji tirrigwardax materji ċivili u kummerċjali u taqax, f’dan ir-rigward, fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012. F’dan ir-rigward, il-kumpanniji Supreme u l-Gvern Elleniku sostnew, essenzjalment, li, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-azzjoni għal miżuri provviżorji fil-kawża prinċipali taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012, għandha ssir referenza għall-karatteristiċi tal-proċedura fuq il-mertu, filwaqt li x-SHAPE sostniet li l-analiżi għandha tirrigwarda l-karatteristiċi proprji tal-miżura provviżorja u kawtelatorja inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni Ewropea kif ukoll il-Gvern Olandiż u l-Gvern Belġjan ippreferew l-analiżi tad-drittijiet li l-miżura provviżorja u kawtelatorja tagħhom hija intiża li tiżgura s-salvagwardja.

52

Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-miżuri provviżorji jew kawtelatorji jistgħu jissalvagwardjaw drittijiet ta’ natura differenti ħafna, b’tali mod li l-appartenenza tagħhom għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell tal‑1968 hija ddeterminata mhux min-natura tagħhom stess, iżda min-natura tad-drittijiet li tagħhom jiżguraw is-salvagwardja (sentenzi tas‑27 ta’ Marzu 1979, de Cavel, 143/78, EU:C:1979:83, punt 8, kif ukoll tas‑26 ta’ Marzu 1992, Reichert u Kockler, C‑261/90, EU:C:1992:149, punt 32).

53

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, peress li s-suġġett ta’ talba għal miżuri provviżorji jirrigwarda kwistjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Konvenzjoni ta’ Brussell tal‑1968, din tal-aħħar tapplika u, għaldaqstant, l-Artikolu 24 tagħha jista’ jservi bħala bażi għall-ġurisdizzjoni tal-Imħallef għal miżuri provviżorji, anki jekk ikunu diġà nbdew jew jistgħu jinbdew proċeduri dwar il-mertu, peress li l-miżuri provviżorji jiġu adottati fl-istess ħin ma’ tali proċedura u huma intiżi, essenzjalment, għas-salvagwardja tal-istess drittijiet bħal dawn (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 1998, Van Uden, C‑391/95, EU:C:1998:543, punti 3334).

54

Minn din il-ġurisprudenza, li tista’ tiġi trasposta, hekk kif tfakkar fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, għall-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1215/2012 jirriżulta li l-appartenenza tal-miżuri provviżorji u kawtelatorji għall-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dan ir-regolament għandha tiġi ddeterminata mhux min-natura tagħhom stess, iżda min-natura tad-drittijiet li tagħhom huma intiżi li jiżguraw il-ħarsien fuq il-mertu.

55

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza sabiex azzjoni tiġi kklassifikata bħala li taqa’ jew le taħt il-“materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat l-elementi li jikkaratterizzaw in-natura tar-relazzjonijiet ġuridiċi bejn il-partijiet fil-kawża jew is-suġġett tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Novembru 2002, Baten, C‑271/00, EU:C:2002:656, punt 29; tat‑18 ta’ Ottubru 2011, Realchemie Nederland, C‑406/09, EU:C:2011:668, punt 39 u tas‑7 ta’ Mejju 2020, Rina, C‑641/18, EU:C:2020:349, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata) jew, alternattivament, il-bażi u l-modalitajiet ta’ eżerċizzju tal-azzjoni mressqa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ April 2013, Sapir et, C‑645/11, EU:C:2013:228, punt 34, tat‑12 ta’ Settembru 2013, Sunico et, C‑49/12, EU:C:2013:545, punt 35 kif ukoll tas‑7 ta’ Mejju 2020, Rina, C‑641/18, EU:C:2020:349, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56

Għalhekk, għalkemm ċertu tilwim bejn awtorità pubblika u persuna rregolata mid-dritt privat jista’ jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012 meta l-azzjoni ġudizzjarja tirrigwarda atti mwettqa iure gestionis, dan ma jkunx il-każ meta l-awtorità pubblika taġixxi fl-eżerċizzju tas-setgħa pubblika tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2020, Rina, C‑641/18, EU:C:2020:349, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

Fil-fatt, l-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika minn waħda mill-partijiet fit-tilwima, minħabba l-eżerċizzju minn din ta’ setgħat eżorbitanti meta mqabbla mar-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn individwi, jeskludi tali tilwima mill-“materji ċivili u kummerċjali” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2020, Rina, C‑641/18, EU:C:2020:349, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

Fit-tielet lok, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-invokazzjoni, fil-kuntest ta’ tilwima, minn organizzazzjoni internazzjonali tal-privileġġ ibbażat fuq l-immunità minn eżekuzzjoni, teskludix ex officio din il-kawża mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012.

59

Fir-rigward, minn naħa, tal-prinċipju tad-dritt internazzjonali konswetudinarju dwar l-immunità ġudizzjarja tal-Istati, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fl-istat attwali tal-prassi internazzjonali, l-immunità ġudizzjarja tal-Istati ma għandhiex valur assolut, iżda hija ġeneralment irrikonoxxuta meta t-tilwima tikkonċerna atti ta’ sovranità mwettqa iure imperii. Min-naħa l-oħra, din tista’ tiġi eskluża jekk l-azzjoni ġudizzjarja tirrigwarda atti li ma jaqgħux taħt l-awtorità pubblika (sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2020, Rina, C‑641/18, EU:C:2020:349, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60

Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-immunità ġudizzjarja tal-organi rregolati mid-dritt privat, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din ma tipprekludix l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012, meta l-qorti adita tikkonstata li tali organi ma użawx il-prerogattivi tal-awtorità pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2020, Rina, C‑641/18, EU:C:2020:349, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61

Din il-ġurisprudenza dwar l-immunità ġudizzjarja tal-Istati u tal-organi tad-dritt privat tista’ tiġi trasposta fil-każ fejn il-privileġġ ibbażat fuq l-immunità jiġi invokat minn organizzazzjoni internazzjonali, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk din hijiex l-immunità ġudizzjarja jew l-immunità minn eżekuzzjoni. Il-fatt li, b’differenza mill-immunità ġudizzjarja tal-Istati, ibbażata fuq il-prinċipju par in parem non habet imperium (sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2020, Rina, C‑641/18, EU:C:2020:349, punt 58), l-immunitajiet tal-organizzazzjonijiet internazzjonali huma, bħala prinċipju, mogħtija mit-trattati li jikkostitwixxu dawn l-organizzazzjonijiet, ma huwiex ta’ natura li jikkontesta din l-interpretazzjoni.

62

Għalhekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 72 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-privileġġ tal-immunità invokat minn organizzazzjoni internazzjonali skont id-dritt internazzjonali ma jikkostitwixxix ex officio ostakolu għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2015.

63

Konsegwentement, sabiex jiġi ddeterminat jekk tilwima li tinvolvi organizzazzjoni internazzjonali li invokat il-privileġġ ibbażat fuq l-immunità minn eżekuzzjoni taqax jew le fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dan ir-regolament, hemm lok li jiġi eżaminat jekk, fid-dawl tal-kriterji msemmija fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, din l-organizzazzjoni teżerċitax prerogattivi ta’ awtorità pubblika.

64

F’dan ir-rigward, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 67 tal-konklużjonijiet tiegħu, is-sempliċi fatt li l-qorti nazzjonali tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni internazzjonali, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1215/2012, ma jippreġudikax il-protezzjoni tal-immunità invokata, abbażi tad-dritt internazzjonali, mill-organizzazzjoni internazzjonali li hija parti f’din il-kawża.

65

F’dan il-każ, mill-elementi tal-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-għan tal-mandat ta’ qbid kawtelatorju, li ntalab ir-revoka tiegħu permezz ta’ azzjoni għal miżuri provviżorji fil-kawża prinċipali, kien jikkonsisti f’li tiġi żgurata s-salvagwardja tad-drittijiet ta’ kreditu li jirriżultaw minn relazzjoni ġuridika ta’ natura kuntrattwali, jiġifieri l-ftehimiet BOA konklużi bejn ix-SHAPE u l-kumpanniji Supreme. Dawn il-ftehimiet, għalkemm jirrigwardaw il-provvista ta’ karburanti lix-SHAPE għall-bżonnijiet ta’ operazzjoni militari mmexxija min-NATO għaż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà fl-Afganistan, huma l-bażi, bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali, ta’ relazzjoni ġuridika tad-dritt privat li fil-kuntest tagħha huma taw liberament il-kunsens tagħhom sabiex jassumu drittijiet u obbligi.

66

L-użu ulterjuri mix-SHAPE tal-karburanti pprovduti fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-ftehimiet BOA ma huwiex, hekk kif ġie sostnut mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha u hekk kif ġie rrilevat ukoll mill-Avukat Ġenerali fil-punt 103 tal-konklużjonijiet tiegħu, ta’ natura li jinfluwenza n-natura ta’ tali relazzjoni ġuridika. Fil-fatt, l-għan pubbliku ta’ ċerti attivitajiet ma jikkostitwixxix, fih innifsu, element suffiċjenti sabiex dawn l-attivitajiet jiġu kklassifikati bħala mwettqa iure imperii, sa fejn dawn ma jikkorrispondux għall-eżerċizzju ta’ setgħat eżorbitanti fid-dawl tar-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-individwi (sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2020, Rina, C‑641/18, EU:C:2020:349, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67

F’dak li jirrigwarda l-bażi u l-modalitajiet tal-eżerċizzju tal-azzjoni ppreżentata, għandu wkoll jiġi osservat li r-revoka tal-mandat ta’ qbid kawtelatorju huwa mfittex quddiem il-qorti tar-rinviju permezz ta’ azzjoni għal miżuri provviżorji li hija bbażata fuq ir-regoli tad-dritt komuni, jiġifieri l-Artikolu 705(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili.

68

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, la r-relazzjoni ġuridika eżistenti bejn il-partijiet f’azzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali u lanqas il-bażi u l-modalitajiet ta’ tali azzjoni ma jistgħu jitqiesu li jiżvelaw l-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, b’tali mod li azzjoni ta’ dan it-tip taqa’ taħt il-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 u tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

69

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni għal miżuri provviżorji, imressqa quddiem qorti ta’ Stat Membru, li fil-kuntest tagħha organizzazzjoni internazzjonali tinvoka l-immunità minn eżekuzzjoni tagħha sabiex tikseb kemm ir-revoka ta’ mandat ta’ qbid kawtelatorju, eżegwit fi Stat Membru differenti minn dak tal-qorti, kif ukoll il-projbizzjoni li jitwettaq mill-ġdid tali mandat ta’ qbid abbażi tal-istess fatti, u li tinbeda fl-istess ħin proċedura fuq il-mertu bbażata fuq kreditu li jirriżulta minn allegat nuqqas ta’ ħlas ta’ karburanti pprovduti għall-finijiet ta’ operazzjoni ta’ żamma tal-paċi żgurata minn din l-organizzazzjoni, jaqa’ fil-kuntest ta’ “materji ċivili jew kummerċjali” sa fejn din l-azzjoni ma tiġix eżerċitata taħt il-prerogattivi ta’ awtorità pubblika, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa.

Fuq it-tieni domanda

70

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 24(5) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li azzjoni għal miżuri provviżorji, imressqa quddiem qorti ta’ Stat Membru, li fil-kuntest tagħha organizzazzjoni internazzjonali tinvoka l-immunità minn eżekuzzjoni tagħha sabiex tikseb kemm ir-revoka ta’ mandat ta’ qbid kawtelatorju, eżegwit fi Stat Membru differenti minn dak tal-qorti, kif ukoll il-projbizzjoni li jitwettaq mill-ġdid tali mandat ta’ qbid abbażi tal-istess fatti, taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-Istat Membru li fih l-mandat ta’ qbid kawtelatorju ġie eżegwit.

71

Mill-kliem tal-Artikolu 24(5) tar-Regolament Nru 1215/2012 jirriżulta li l-qrati tal-Istat Membru tal-post tal-eżekuzzjoni tas-sentenzi għandhom, fil-qasam tal-eżekuzzjoni tas-sentenzi, ġurisdizzjoni mingħajr kunsiderazzjoni tad-domiċilju tal-partijiet.

72

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-azzjonijiet intiżi sabiex tiġi deċiża oppożizzjoni dwar l-użu ta’ forza, limitazzjoni jew qbid ta’ proprjetà mobbli jew immobbli sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tad-deċiżjonijiet u tal-atti jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 24(5) tar-Regolament Nru 1215/2012 (sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2019, Reitbauer et, C‑722/17, EU:C:2019:577, punt 52).

73

F’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, ix-SHAPE ma tikkontestax il-miżuri meħuda mit-tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża, il-Belġju), b’applikazzjoni tal-ftehim bilaterali tal‑1925, sabiex teżegwixxi rispettivament id-deċiżjonijiet tat‑12 ta’ Ġunju 2017 tar-rechtbank Limburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Limburg) u tas‑27 ta’ Ġunju 2017 tal-Gerechtshof ‘s-Hertogenbosch (il-Qorti tal-Appell ta’ ‘s-Hertogenbosch), iżda titlob lill-qorti tar-rinviju tipproċedi għar-revoka tal-mandat ta’ qbid kawtelatorju mogħti preċedentement fil-kuntest ta’ proċedura ex parte mir-rechtbank Limburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Limburg) kif ukoll il-projbizzjoni li jitwettaq mill-ġdid tali mandat ta’ qbid abbażi tal-istess fatti. Issa, għandu jiġi kkonstatat li proċedura bħal dik fil-kawża prinċipali, li fiha nnifisha ma tirrigwardax l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fis-sens tal-Artikolu 24(5) tar-Regolament Nru 1215/2012 ma hijiex koperta mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u għalhekk ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-Istat Membru li fih il-mandat ta’ qbid kawtelatorju ġie eżegwit.

74

Barra minn hekk, il-fatt li organizzazzjoni internazzjonali, bħax-SHAPE, tinvoka, insostenn tal-azzjoni tagħha għal miżuri provviżorji, l-immunità minn eżekuzzjoni ma jipprekludix l-eżami mill-qorti tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha skont ir-Regolament Nru 1215/2012. Fil-fatt, il-kwistjoni dwar jekk l-immunità invokata minn organizzazzjoni internazzjonali tipprekludix il-ġurisdizzjoni tal-qorti adita sabiex tieħu konjizzjoni ta’ tali azzjoni jew li tadotta miżuri ta’ implementazzjoni kontra tali organizzazzjoni sseħħ fi stadju ulterjuri, wara d-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali ta’ din il-qorti.

75

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 24(5) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni għal miżuri provviżorji, imressqa quddiem qorti ta’ Stat Membru, li fil-kuntest tagħha organizzazzjoni internazzjonali tinvoka l-immunità minn eżekuzzjoni tagħha sabiex tikseb kemm ir-revoka ta’ mandat ta’ qbid kawtelatorju, eżegwit fi Stat Membru differenti minn dak tal-qorti, kif ukoll il-projbizzjoni li jitwettaq mill-ġdid tali mandat ta’ qbid abbażi tal-istess fatti, ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-Istat Membru li fih il-mandat ta’ qbid kawtelatorju ġie eżegwit.

Fuq it-tielet domanda

76

It-tielet domanda tirrigwarda, essenzjalment, il-portata tal-istħarriġ eżerċitat mill-qorti nazzjonali fuq il-fondatezza tal-invokazzjoni ta’ immunità minn eżekuzzjoni minn organizzazzjoni internazzjonali, fl-ipoteżi fejn mir-risposta mogħtija għall-ewwel u għat-tieni domanda jirriżulta li l-immunità minn eżekuzzjoni hekk invokata hija determinanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ azzjoni għal miżuri provviżorji bħal dik fil-kawża prinċipali bħala li taqa’ taħt il-“materji ċivili jew kummerċjali”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, jew għall-finijiet tal-eventwali applikazzjoni tar-regola ta’ ġurisdizzjoni esklużiva prevista fl-Artikolu 24(5) tiegħu.

77

Peress li ngħatat risposta għal dawn id-domandi fis-sens li l-invokazzjoni ta’ immunità minn eżekuzzjoni ma teskludix ex officio tali azzjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012 u ma taffettwax il-kriterji ta’ determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali ta’ qorti ta’ Stat Membru sabiex tieħu konjizzjoni ta’ din l-azzjoni, ma hemmx lok li tiġi eżaminata t-tielet domanda.

Fuq l-ispejjeż

78

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni għal miżuri provviżorji, imressqa quddiem qorti ta’ Stat Membru, li fil-kuntest tagħha organizzazzjoni internazzjonali tinvoka l-immunità minn eżekuzzjoni tagħha sabiex tikseb kemm ir-revoka ta’ mandat ta’ qbid kawtelatorju, eżegwit fi Stat Membru differenti minn dak tal-qorti, kif ukoll il-projbizzjoni li jitwettaq mill-ġdid tali mandat ta’ qbid abbażi tal-istess fatti, u li tinbeda fl-istess ħin proċedura fuq il-mertu bbażata fuq kreditu li jirriżulta minn allegat nuqqas ta’ ħlas ta’ karburanti pprovduti għall-finijiet ta’ operazzjoni ta’ żamma tal-paċi żgurata minn din l-organizzazzjoni, jaqa’ fil-kuntest ta’ “materji ċivili jew kummerċjali” sa fejn din l-azzjoni ma tiġix eżerċitata taħt il-prerogattivi ta’ awtorità pubblika, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa.

 

2)

L-Artikolu 24(5) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni għal miżuri provviżorji, imressqa quddiem qorti ta’ Stat Membru, li fil-kuntest tagħha organizzazzjoni internazzjonali tinvoka l-immunità minn eżekuzzjoni tagħha sabiex tikseb kemm ir-revoka ta’ mandat ta’ qbid kawtelatorju, eżegwit fi Stat Membru differenti minn dak tal-qorti, kif ukoll il-projbizzjoni li jitwettaq mill-ġdid tali mandat ta’ qbid abbażi tal-istess fatti, ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-Istat Membru li fih il-mandat ta’ qbid kawtelatorju ġie eżegwit.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Fuq