Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62018CJ0658

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-16 ta’ Lulju 2020.
    UX vs Governo della Repubblica italiana.
    Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa mill-Giudice di pace di Bologna.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ammissibbiltà – Artikolu 267 TFUE – Kunċett ta’ ‘qorti nazzjonali’ – Kriterji – Politika soċjali – Direttiva 2003/88/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 7 – Leave annwali mħallas – Direttiva 1999/70/KE – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Klawżoli 2 u 3 – Kunċett ta’ ‘ħaddiem għal żmien determinat’ – Giudici di pace [membri tal-ġudikatura li jippresjedu l-Qorti Konċiljatorja] u membri tal-ġudikatura ordinarji – Differenza fit-trattament – Klawżola 4 – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Kunċett ta’ ‘raġunijiet oġġettivi’.
    Kawża C-658/18.

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2020:572

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    16 ta’ Lulju 2020 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ammissibbiltà – Artikolu 267 TFUE – Kunċett ta’ ‘qorti nazzjonali’ – Kriterji – Politika soċjali – Direttiva 2003/88/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 7 – Leave annwali mħallas – Direttiva 1999/70/KE – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Klawżoli 2 u 3 – Kunċett ta’ ‘ħaddiem għal żmien determinat’ – Giudici di pace [membri tal-ġudikatura li jippresjedu l-Qorti Konċiljatorja] u membri tal-ġudikatura ordinarji – Differenza fit-trattament – Klawżola 4 – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Kunċett ta’ ‘raġunijiet oġġettivi’”

    Fil-Kawża C‑658/18,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Giudice di pace di Bologna (il-Qorti Konċiljatorja ta’ Bologna, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Ottubru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Ottubru 2018, fil-proċedura

    UX

    vs

    Governo della Repubblica italiana,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President tal-Awla, P. G. Xuereb u T. von Danwitz, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: M R. Schiano, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Novembru 2019,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal UX, minn G. Guida, F. Sisto, F. Visco, u V. De Michele, avvocati,

    għall-Governo della Repubblica italiana, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn L. Fiandaca u minn F. Sclafani, avvocati dello Stato,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara u M. van Beek, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-23 ta’ Jannar 2020,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 267 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 31(2) u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), il-prinċipju tar-responsabbiltà tal-Istati Membri għal ksur tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(3), u tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381), kif ukoll tal-klawżoli 2 u 4 tal-ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien determinat konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“ftehim qafas”), li jinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn UX u l-Governo della Repubblica italiana (il-Gvern Taljan) rigward talba għal kumpens għal dannu subit minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni mill-Istat Taljan.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    Id-Direttiva 89/391/KEE

    3

    L-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 349), jiddefinixxi l-oqsma ta’ attivitajiet li huma koperti minn din id-direttiva:

    “1.   Din id-Direttiva għandha tgħodd għas-setturi ta’ attività kollha, kemm pubbliċi u kemm privati (industrijali, agrikoli, kummerċjali, amministrattivi, ta’ servizz, edukattivi, kulturali, ta’ serħan etċ.).

    2.   Din id-Direttiva ma għandhiex tgħodd fejn karatteristiċi partikolari għal ċerti attivitajiet ta’ servizzi pubbliċi speċifiċi, bħall-forzi armati jew il-pulizija, jew għal ċerti attivitajiet speċifiċi fis-servizzi tal-protezzjoni ċivili, b’mod inevitabbli jmorru kontra tagħha.

    F’dak il-każ, is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema għandhom ikunu żgurati sa fejn ikun possibbli fid-dawl ta’ l-għanijiet ta’ din id-Direttiva.”

    Id-Direttiva 2003/88

    4

    L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/88, intitolat “Kamp ta’ Applikazzjoni u Definizzjonijiet”, jistabbilixxi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

    “1.   Din id-Direttiva tistabilixxi ħtiġiet minimi tas-siġurtà u s-saħħa għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.

    2.   Din id-Direttiva tapplika għal:

    a)

    il-perjodi minimi […] [ta’] leave annwali […]

    […]

    3.   Din id-Direttiva għandha tapplika għas-setturi kollha ta’ l-attività, kemm pubblika u wkoll privata, fil-qofol tat-tifsira ta’ l-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/391/KEE, mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 14, 17, 18, u 19 ta’ din id-Direttiva.

    […]”

    5

    L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, intitolat “Leave annwali”, jipprevedi:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali bil-ħlas ta’ mill-inqas erba’ ġimgħat b’konformità mal-kondizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta’, leave bħal dan stabbilit bil-leġiżlazzjoni nazzjonali u/jew bil-prattika.

    2.   Il-perjodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas ma jistax ikun mibdul b’pagament ta’ benefiċċji bħala kumpens, apparti minn meta r-relazzjoni ta’ l-impieg tkun ġiet itterminata.”

    Id-Direttiva 1999/70

    6

    Il-premessa 17 tad-Direttiva 1999/70 hija fformulata kif ġej:

    “Fejn għandhom x’jaqsmu t-termini użati fil-ftehim qafas imma mhux speċifikament definiti hemmhekk, din id-Direttiva tippermetti lill-Istati Membri biex jiddefinixxu dawn it-termini f’konformità mal-liġi jew il-prattika nazzjonali kif inhu l-każ għal Direttivi oħrajn dwar kwistjonijiet soċjali li jużaw termini simili, sakemm id-definizzjonijiet inkwistjoni jirrispettaw il-kontenut tal-ftehim qafas”.

    7

    L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprevedi li din hija intiża “li jġib [iġġib] fis-seħħ il-ftehim qafas […] bejn l-organizzazzjonijiet ġenerali ta’ l-industrija (ETUC, UNICE u CEEP) annessi hawn”.

    8

    Skont il-klawżola 1 tal-ftehim qafas, dan għandu l-għan, minn naħa, li jtejjeb il-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat billi tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u, min-naħa l-oħra, li jiġi stabbilit qafas għall-prevenzjoni tal-abbużi li jirriżultaw mill-użu minn kuntratti jew minn relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat.

    9

    Il-klawżola 2 tal-ftehim qafas, intitolata “L-iskop [Il-kamp ta’ applikazzjoni]”, tipprevedi:

    “1.

    Dan il-ftehim japplika għal ħaddiema għal terminu fiss li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattika f’kull Stat Membru.

    2.

    L-Istati Membri wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali u/jew l-imsieħba soċjali jistgħu jipprovdu li dan il-ftehim ma japplikax għal:

    a)

    relazzjonijiet ta’ taħriġ professjonali u skemi ta’ apprentistat tal-bidu;

    b)

    kuntratti u relazzjonijiet ta’ impjieg li kienu konklużi fil-qafas ta’ programm speċifiku pubbliku jew bl-appoġġ tal-pubbliku ta’ taħriġ, integrazzjoni u taħriġ professjonali mill-ġdid.”

    10

    Il-klawżola 3 tal-ftehim qafas, intitolata “Definizzjonijiet”, hija fformulata b’dan il-mod:

    “1.

    Għall-iskop ta’ dan il-ftehim il-kliem ‘ħaddiem għal terminu fiss’ ifisru persuna li jkollha kuntratt jew relazzjoni ta’ l-impjieg dirett bejn min jimpjega u ħaddiem meta l-aħħar tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ l-impjieg hu ddeterminat b’kondizzjonijiet oġġettivi bħal li jilħaq data speċifika, ilesti xogħol speċifiku, jew it-twettiq ta’ każ speċifiku.

    2.

    Għall-iskop ta’ dan il-ftehim il-kliem ‘ħaddiem kumparabbli permanenti’ ifissru ħaddiem b’kuntratt jew relazzjoni ta’ impjieg għal żmien indefinit, fl-istess stabbiliment, ingaġġat fl-istess xogħol jew xogħol/impjieg simili, wara li tingħata attenzjoni xierqa lill-kwalifiki/kapaċitajiet. […]”

    11

    Il-klawżola 4 tal-ftehim qafas, intitolata “Il-prinċipju ta’ non‑diskriminazzjoni”, tistabbilixxi:

    “1.

    Fejn għandhom x’jaqsmu l-kondizzjonijiet tal-impjieg, ħaddiema għal terminu fiss m’għandhomx jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiema kumparabbli permanenti biss minħabba li għandhom kuntratt jew relazzjoni għal terminu fiss sakemm trattament differenti ma jkunx ġustifikat fuq bażi [għal raġuni] oġġettiva.

    2.

    Meta approprjat, għandu japplika l-prinċipju ta’ pro rata temporis.”

    Id-dritt Taljan

    12

    L-Artikolu 106 tal-Kostituzzjoni Taljana fih dispożizzjonijiet fundamentali dwar l-aċċess għall-ġudikatura:

    “L-imħallfin jinħatru permezz ta’ kompetizzjoni.

    Il-liġi dwar l-ordinament ġudizzjarju tista’ tippermetti l-ħatra, ukoll permezz ta’ elezzjoni, ta’ mħallfin ‘onorarji’ [onorari] għall-funzjonijiet kollha attribwiti lil imħallfin individwali.

    […]”

    13

    Fil-verżjoni applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, il-legge n. 374 – Istituzione del giudice di pace (il-Liġi Nru 374 dwar l-Istabbiliment tal-Giudice di Pace [membru tal-ġudikatura li jippresjedi l-Qorti Konċiljatorja]), tal-21 ta’ Novembru 1991 (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 278, tas-27 ta’ Novembru 1991, p. 5, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 374/1991”) tipprevedi:

    “Artikolu 1

    Ħolqien u funzjonijiet tal-giudice di pace

    1.   Ser jinħoloq il-giudice di pace, li jeżerċita l-funzjoni ġudizzjarja fil-materja ċivili u kriminali u jeżerċita l-funzjoni ta’ konċiljazzjoni fil-materja ċivili skont ir-regoli previsti minn din il-liġi.

    2.   Il-funzjoni ta’ giudice di pace hija eżerċitata minn imħallef ‘onorarju’ li jagħmel parti mill-ordinament ġudizzjarju.

    […]

    Artikolu 3

    Kompożizzjoni u tabella tal-persunal tal-giudice di pace

    1.   Il-kompożizzjoni tal-membri tal-ġudikatura ‘onorarji’ assenjati fil-pożizzjonijiet ta’ giudice di pace huwa ffissat għal 4700 pożizzjoni; […]

    […]

    Artikolu 4

    Ħatra

    1.   Il-membri tal-ġudikatura ‘onorarji’ msejħa sabiex jidħlu fil-kariga ta’ giudice di pace jinħatru permezz ta’ digriet tal-President tar-Repubblika, wara deliberazzjoni mill-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura fuq proposta mill-kunsill ġudizzjarju li jkollu ġurisdizzjoni fit-territorju, ikkompletat minn ħames rappreżentanti maħtura, bi ftehim komuni, mill-kunsilli tal-Kamra tal-Avukati u tal-prosekuturi tad-distrett tal-Qorti tal-Appell.

    […]

    Artikolu 10

    Dmirijiet tal-giudice di pace

    1.   Il-giudice di pace huwa marbut li josserva d-dmirijiet li huma imposti fuq il-membri tal-ġudikatura ordinarji.

    […]

    Artikolu 11

    Kumpens dovut lill-giudice di pace

    1.   Il-funzjonijiet ta’ giudice di pace huma ‘onorarji’.

    2.   Il-membri tal-ġudikatura onorarji li jeżerċitaw il-funzjoni ta’ giudice di pace jirċievu kumpens ta’ 70000 [liri Taljani (ITL) (madwar EUR 35)] għal kull seduta ċivili jew kriminali, anki jekk ma tkunx seduta għas-sottomissjonijiet orali, u għat-tqegħid tas-siġilli, u ta’ ITL 110000 [madwar EUR 55] għal kull proċedura oħra assenjata u magħluqa jew imħassra mil-lista.

    3.   Huma jirċievu wkoll kumpens ta’ ITL 500000 [madwar EUR 250] għal kull xahar ta’ servizz effettiv fil-forma ta’ rimbors għal spejjeż ta’ taħriġ, spejjeż ta’ taħriġ mill-ġdid u spejjeż ġenerali tal-funzjoni.

    […]

    4 bis.   Il-kumpens previst f’dan l-artikolu jista’ jiġi akkumulat mal-pensjonijiet u mal-benefiċċji tal-irtirar, indipendentement minn taħt liema isem jaqgħu.

    4 ter.   Il-kumpens previst f’dan l-artikolu fl-ebda każ ma jista’ jaqbeż l-ammont ta’ EUR 72000 gross fis-sena.”

    14

    Skont l-Artikolu 8 bis tal-legge n. 97 – Norme sullo stato giuridico dei magistrati e sul trattamento economico dei magistrati ordinari e amministrativi, dei magistrati della giustizia militare e degli avvocati dello Stato (il-Liġi Nru 97, Regoli dwar l-Istatus Ġuridiku tal-Membri tal-Ġudikatura u dwar ir-Remunerazzjoni tal-Membri tal-Ġudikatura Ordinarji u Amministrattivi, tal-Membri tal-Ġudikatura fil-Qasam Militari u tal-Avukati tal-Istat), tat-2 ta’ April 1979, applikabbli fiż-żmien tal-fatti f’dan il-każ:

    “[…] il-membri tal-ġudikatura ordinarji, amministrattivi, fil-qasam tal-kontabbiltà u dawk fil-qasam militari, kif ukoll l-avukati u l-prosekuturi tal-Istat (avvocati dello Stato et procuratori dello Stato) għandhom leave annwali ta’ 30 jum”.

    15

    L-Artikolu 24 tad-decreto legislativo n. 116 – Riforma organica della magistratura onoraria e altre disposizioni sui giudici di pace, nonché disciplina transitoria relativa ai magistrati onorari in servizio, a norma della legge 28 aprile 2016, n. 57 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 116 – Riforma Organika tal-Ġudikatura Onorarja u Dispożizzjonijiet Oħra dwar il-Giudici di Pace, kif ukoll Dispożizzjonijiet Tranżitorji Applikabbli għall-Membri tal-Ġudikatura ‘Onorarji’ fis-Servizz, skont il-Liġi Nru 57, tat-28 ta’ April 2016), tat-13 ta’ Lulju 2017 (GURI Nru 177, tal-31 ta’ Lulju 2017, p. 1), jipprevedi kumpens għall-perijodu ta’ vaganzi għall-giudici di pace, iżda biss għall-membri tal-ġudikatura onorarji li daħlu fis-servizz wara s-16 ta’ Awwissu 2017.

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    16

    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali nħatret Giudice di pace (membru tal-ġudikatura li jippresjedi l-Qorti Konċiljatorja) fit-23 ta’ Frar 2001 u eżerċitat dawn il-funzjonijiet f’żewġ qrati differenti mis-sena 2002 sas-sena 2005, u mbagħad mis-sena 2005 sal-ġurnata tal-lum.

    17

    Għall-perijodu bejn l-1 ta’ Lulju 2017 sat-30 ta’ Ġunju 2018, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ħarġet 478 sentenza inkwantu mħallef tal-qorti kriminali, 1 113‑il digriet li ma tittiħidx azzjoni fir-rigward ta’ ssuspettati magħrufa u 193 digriet li ma tittiħidx azzjoni fir-rigward ta’ ssuspettati mhux magħrufa inkwantu giudice dell’indagine preliminari (imħallef inkarigat mill-istruttorja preliminari). Fil-kuntest tal-funzjonijiet tagħha, hija żżomm, inkwantu mħallef uniku, żewġ seduti fil-ġimgħa, ħlief matul il-perijodu ta’ leave mhux irremunerat fix-xahar ta’ Awwissu, li matulu t-termini ta’ proċedura jiġu sospiżi.

    18

    Fix-xahar ta’ Awwissu 2018, matul il-leave mhux irremunerat tagħha, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma eżerċitat l-ebda attività inkwantu giudice di pace u, konsegwentement, hija ma rċeviet l-ebda kumpens.

    19

    Fit-8 ta’ Ottubru 2018, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqet quddiem il-Giudice di pace di Bologna (il-Qorti Konċiljatorja ta’ Bologna) talba sabiex il-Governo della Republicca italiana (il-Gvern Taljan) jiġi ordnat iħallasha ammont ta’ EUR 4 500.00, li jikkorrispondi, fil-fehma tagħha, għas-salarju għax-xahar ta’ Awwissu 2018, li għalih ikun intitolat membru tal-ġudikatura ordinarju li jkollu l-istess anzjanità bħalha, bħala kumpens għad-dannu li hija tqis li sostniet minħabba ksur manifest, mill-Istat Taljan, b’mod partikolari tal-klawżola 4 tal-ftehim qafas u tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 kif ukoll tal-Artikolu 31 tal-Karta. Sussidjarjament, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali titlob li l-Gvern Taljan jiġi ordnat iħallas, fuq l-istess bażi, is-somma ta’ EUR 3 039.76, ikkalkolata abbażi tar-remunerazzjoni netta li hija rċeviet għax-xahar ta’ Lulju 2018.

    20

    F’dan il-kuntest, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-pagamenti rċevuti mill-giudici di pace huma marbuta max-xogħol imwettaq u kkalkolati b’rabta man-numru ta’ deċiżjonijiet mogħtija. Konsegwentement, matul il-perijodu ta’ leave fix-xahar ta’ Awwissu, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma rċeviet l-ebda kumpens filwaqt li l-membri tal-ġudikatura ordinarji għandhom dritt għal leave mħallas ta’ 30 jum. L-Artikolu 24 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 116, tat-13 ta’ Lulju 2017, li jipprevedi, minn issa ’l quddiem, il-pagament tal-perijodu ta’ leave għall-giudici di pace, ma huwiex allegatament applikabbli għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali minħabba d-data li fiha hija daħlet fis-servizz.

    21

    Mill-imsemmija deċiżjoni jirriżulta wkoll li l-giudici di pace huma suġġetti, fil-qasam dixxiplinari, għal obbligi li huma simili għal dawk tal-membri tal-ġudikatura ordinarji. Il-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura jiżgura, flimkien mal-Ministru għall-Ġustizzja, li l-imsemmija obbligi jiġu osservati.

    22

    Il-Giudice di pace di Bologna (il-Qorti Konċiljatorja ta’ Bologna) tqis, bil-kontra ta’ dak li jqisu l-qrati supremi Taljani, li l-giudici di pace għandhom jitqiesu bħala “ħaddiema”, minkejja n-natura onorarja tas-servizz tagħhom, skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88 u skont il-ftehim qafas. Insostenn ta’ dan l-approċċ, hija tirreferi, b’mod partikolari, għar-rabta ta’ subordinazzjoni li, fil-fehma tagħha, tikkaratterizza r-relazzjoni bejn il-giudici di pace u l-Ministero della giustizia (il-Ministeru għall-Ġustizzja). B’mod simili, il-giudici di pace huma mhux biss suġġetti għas-setgħa dixxiplinari tal-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura, iżda huma inklużi wkoll fit-tabella tal-persunal ta’ dan tal-aħħar. Minbarra dan, iċ-ċertifikati ta’ pagamenti tal-giudici di pace jinħarġu bl-istess mod bħal dak previst għall-impjegati pubbliċi u d-dħul tal-giudice di pace huwa assimilat għal dak tal-ħaddiem impjegat. Għaldaqstant, id-Direttiva 2003/88 u l-ftehim qafas huma applikabbli għalihom.

    23

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Giudice di pace di Bologna (il-Qorti Konċiljatorja ta’ Bologna), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja ħames domandi preliminari.

    24

    Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Novembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Novembru 2019, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tirtira r-raba’ u l-ħames domanda preliminari, filwaqt li kkonfermat li hija kienet qiegħda żżomm l-ewwel sat-tielet domanda preliminari li ġejjin:

    “1)

    Il-Qorti Konċiljatorja, bħala qorti tar-rinviju, taqa’ taħt il-kunċett ta’ qorti ordinarja ta’ Stat Membru tal-Unjoni, li għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tressaq talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, anki jekk l-ordinament ġuridiku nazzjonali ma jagħtix lill-ġudikant li jippresjedi din il-qorti, minħabba n-natura prekarja tas-sitwazzjoni professjonali tiegħu, kundizzjonijiet tax-xogħol ekwivalenti għal dawk ta’ magistrati professjonisti, minkejja li jeżerċita l-istess funzjonijiet ġudizzjarji u huwa parti mill-ordinament ġudizzjarju nazzjonali, u dan bi ksur tal-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità tal-qorti ordinarja ta’ Stat Membru tal-Unjoni, imsemmija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2006, Wilson (C‑506/04, EU:C:2006:587, punti 47 sa 53), tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punti 32 u 41 sa 45) u tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punti 50 sa 54)?

    2)

    Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, fid-dawl tax-xogħol tiegħu, il-ġudikant rikorrent li jippresjedi l-Qorti Konċiljatorja jaqa’ taħt il-kunċett ta’ ‘ħaddiem għal żmien determinat’ previst fl-Artikolu 1(3) u fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, moqrija flimkien mal-klawżola 2 tal-[ftehim qafas], u mal-Artikolu 31(2) tal-Karta, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tal-1 ta’ Marzu 2012, O’Brien (C‑393/10, EU:C:2012:110) u tad‑29 ta’ Novembru 2017, King (C‑214/16, EU:C:2017:914) u, fil-każ ta’ risposta affermattiva, il-maġistrat ordinarju jew professjonist jista’ jitqies li huwa ħaddiem għal żmien indeterminat meta mqabbel mal-ġudikant li jippresjedi l-Qorti Konċiljatorja li huwa ħaddiem għal żmien determinat, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-istess kundizzjonijiet tax-xogħol, previsti fil-klawżola 4 tal-[ftehim qafas]?

    3)

    Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel u għat-tieni domanda, l-Artikolu 47 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 267 TFUE u fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tar-responsabbiltà tal-Istat Taljan għall-ksur manifest tal-leġiżlazzjoni [tal-Unjoni] mill-qorti tal-aħħar istanza, fis-sentenzi tat‑30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513), tat-13 ta’ Ġunju 2006, Traghetti del Mediterraneo (C‑173/03, EU:C:2006:391) u tal-24 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑379/10, mhux ippubblikata, EU:C:2011:775), jipprekludu l-Artikolu 2(3) u (3a) tal-legge no 117 – Risarcimento dei danni cagionati nell’esercizio delle funzioni giudiziarie e responsabilità civile dei magistrati (il-Liġi Nru 117, – Kumpens għad-Danni Kkawżati fl-Eżerċizzju tal-Funzjonijiet Ġudizzjarji u Responsabbiltà Ċivili tal-Maġistrati), tat-13 ta’ April 1988 (GURI Nru 88 tal-15 ta’ April 1988), li jipprevedi r-responsabbiltà tal-imħallef għal aġir doluż jew għal nuqqas serju ‘fil-każ ta’ ksur manifest tal-liġi kif ukoll tad-dritt tal-Unjoni […]’ u li jagħti lill-imħallef nazzjonali l-għażla – li irrispettivament minn kif tiġi eżerċitata twassal għar-responsabbiltà ċivili tiegħu u għal azzjoni dixxiplinari fil-konfront tal-Istat fil-kawżi li fihom l-awtoritajiet pubbliċi jkunu partijiet fil-mertu, b’mod partikolari meta l-imħallef adit bil-kawża jkun qiegħed jippresjedi l-Qorti Konċiljatorja u jaħdem għal żmien determinat, mingħajr protezzjoni ġuridika, ekonomika jew soċjali effettiva – bejn, bħal f’dan il-każ, jew li jikser il-leġiżlazzjoni nazzjonali billi ma japplikahiex u japplika d-dritt tal-Unjoni […], kif interpetat mill-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella li jikser id-dritt tal-Unjoni […] billi japplika r-regoli tad-dritt nazzjonali li jipprekludu r-rikonoxximent tal-protezzjoni u li jiksru l-Artikolu 1(3) u l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, il-klawżoli 2 u 4 tal-[ftehim qafas], u l-Artikolu 31(2) tal-Karta?”

    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    25

    Il-qorti tar-rinviju talbet li l-kawża tiġi suġġetta għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

    26

    Fis-6 ta’ Novembru 2018, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, u wara li nstemgħet l-Avukat Ġenerali, li ma kienx hemm lok li tintlaqa’ din it-talba.

    Fuq it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura

    27

    Wara l-għoti tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, b’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Jannar 2020, talbet li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    28

    Insostenn tat-talba tagħha, hija ssostni, essenzjalment, li, f’dak li jirrigwarda l-elementi li jifformaw ir-remunerazzjoni tal-giudici di pace, l-Avukat Ġenerali, fil-konklużjonijiet tagħha, ibbażat ruħha fuq ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li ma ġietx diskussa fis-seduta għas-sottomissjonijiet orali tat-28 ta’ Novembru 2019. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Avukat Ġenerali rigward il-metodu għall-kalkolu tal-kumpens għal leave mħallas u, b’mod iktar speċifiku, ċerti aspetti tar-remunerazzjoni li għandha tintuża għall-kalkolu tal-imsemmi kumpens. Għalhekk, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tqis li l-Avukat Ġenerali introduċiet argument ġdid li ma ġiex diskuss fis-seduta.

    29

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu jippreżenta pubblikament, f’imparzjalità sħiħa u f’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet immotivati dwar il-kawżi li, skont l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeżiġu l-intervent tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta b’dawn il-konklużjonijiet u lanqas bil-motivazzjoni li twassal lill-Avukat Ġenerali għall-imsemmija konklużjonijiet (sentenza tad-19 ta’ Marzu 2020, Sánchez Ruiz et, C‑103/18 u C‑429/18, EU:C:2020:219, punt 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    30

    Għandu jingħad ukoll, f’dan il-kuntest, li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura ma jipprevedux il-possibbiltà għall-partijiet jew għall-persuni kkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 ta’ dan l-istatut li jippreżentaw osservazzjonijiet b’risposta għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali. In-nuqqas ta’ qbil ta’ parti jew ta’ tali persuna kkonċernata mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, indipendentment mill-kwistjonijiet li huwa jeżamina fihom, ma jistax, għaldaqstant, jikkostitwixxi fih innifsu raġuni li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali (sentenza tad-19 ta’ Marzu 2020, Sánchez Ruiz et, C‑103/18 u C‑429/18, EU:C:2020:219, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    31

    Għaldaqstant, sa fejn it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura mressqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija intiża sabiex tippermetti lil din tirrispondi għall-pożizzjoni meħuda mill-Avukat Ġenerali fil-konklużjonijiet tagħha, hija ma tistax tintlaqa’.

    32

    Madankollu, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fi kwalunkwe ħin, u wara li jkun instema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari jekk hija tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed, jew meta parti tkun issottomettiet, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid li huwa tali li jkun ta’ influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew fejn il-kawża għandha tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet jew il-persuni kkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

    33

    Madankollu, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li semgħet l-Avukat Ġenerali, tqis li hija għandha l-elementi kollha li huma neċessarji sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju u li din il-kawża ma titlobx li tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-persuni kkonċernati.

    34

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ammissibbiltà

    35

    Ir-Repubblika Taljana u l-Kummissjoni Ewropea jsostnu, l-ewwel nett, li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli kollha kemm hi, għaliex il-Qorti Konċiljatorja li għamlet ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma tistax titqies bħala qorti nazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, fl-assenza ta’ tlieta mill-kundizzjonijiet essenzjali f’dan ir-rigward.

    36

    Fl-ewwel lok, ir-rekwiżit ta’ indipendenza ma huwiex osservat, b’mod partikolari, taħt it-tieni aspett tiegħu, ta’ natura interna, sa fejn il-qorti li qiegħda tagħmel ir-rinviju għandha neċessarjament interess fis-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali għaliex hija tagħmel parti mill-kategorija ta’ giudici di pace. Għaldaqstant, il-qorti li qiegħda tagħmel ir-rinviju ma tistax titqies bħala imparzjali.

    37

    Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda n-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tal-qorti li qiegħda tagħmel ir-rinviju, ir-Repubblika Taljana u l-Kummissjoni jsostnu, minn naħa, li l-allegazzjonijiet ifformulati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jagħmlu parti mill-kuntest ta’ tilwima fil-qasam tad-dritt industrijali li tirrigwarda l-punt dwar jekk il-giudici di pace humiex ħaddiema u, min-naħa l-oħra, li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti Konċiljatorja hija bbażata fuq diviżjoni, ipprojbita mid-dritt Taljan, tat-talbiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-konfront tal-Istat Taljan.

    38

    Fit-tielet lok, ir-Repubblika Taljana u l-Kummissjoni jqisu li, f’dan il-każ, in-natura kontradittorja tal-proċedura għal ordni ta’ ħlas quddiem il-qorti li qiegħda tagħmel ir-rinviju hija nieqsa.

    39

    It-tieni nett, il-Kummissjoni tesprimi dubji, minn naħa, dwar in-neċessità tat-talba għal deċiżjoni preliminari u, min-naħa l-oħra, dwar ir-rilevanza tad-domandi magħmula għall-finijiet tas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Hija tqis, fl-ewwel lok, li l-qorti tar-rinviju, filwaqt li affermat hija nnifisha, fil-punt 22 tad-deċiżjoni tar-rinviju, li rinviju għal deċiżjoni preliminari ma huwiex neċessarju, ma spjegatx b’mod ċar ir-raġunijiet li wassluha għal mistoqsijiet dwar l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tqis, minn naħa, li t-tieni domanda ma hijiex imqajma sabiex tirrispondi dubju reali tal-qorti li qiegħda tagħmel ir-rinviju dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li t-tielet domanda ma għandhiex x’taqsam mal-fatti jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

    40

    F’dan ir-rigward, għandha tiġi eżaminata, l-ewwel nett, il-kwistjoni dwar jekk, f’dan il-każ, il-Qorti Konċiljatorja li għamlet dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari tissodisfax il-kriterji sabiex titqies bħala qorti nazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

    41

    Din il-kwistjoni hija mqajma wkoll permezz tal-ewwel domanda li hija intiża, essenzjalment, sabiex jiġi stabbilit jekk il-Qorti Konċiljatorja taqax taħt il-kunċett ta’ “qorti ta’ Stat Membru”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

    42

    Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi evalwat jekk il-korp ta’ rinviju inkwistjoni għandux in-natura ta’ “qorti” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, kwistjoni li taqa’ unikament taħt id-dritt tal-Unjoni, Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni numru ta’ elementi, bħall-oriġini legali ta’ dan il-korp, il-permanenza tiegħu, in-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tiegħu, in-natura kontradittorja tal-proċedura tiegħu, l-applikazzjoni, mill-korp, tar-regoli tad-dritt kif ukoll l-indipendenza tiegħu (sentenza tal-21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander,C‑274/14, EU:C:2020:17, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    43

    F’dan il-każ, l-elementi li jinsabu fil-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermettux li jiġu ddubitat il-fatt li l-Qorti Konċiljatorja tissodisfa l-kriterji marbuta mal-oriġini legali tagħha, il-permanenza tagħha u l-applikazzjoni, minnha, ta’ regoli tad-dritt.

    44

    Min-naħa l-oħra, tqum, qabel kollox, il-kwistjoni dwar jekk hija tissodisfax il-kriterju ta’ indipendenza. Il-qorti tar-rinviju tesprimi, rigward l-indipendenza proprja tagħha, riżervi marbuta mal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-giudici di pace Taljani.

    45

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-indipendenza tal-qrati nazzjonali hija essenzjali għall-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja li hija inkorporata fil-mekkaniżmu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari previst fl-Artikolu 267 TFUE, sa fejn, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, imfakkra fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, dan il-mekkaniżmu jista’ jiġi attivitat biss minn istanza, li hija responsabbli sabiex tapplika d-dritt tal-Unjoni, li tissodisfa, b’mod partikolari, dan il-kriterju ta’ indipendenza (ta’ din is-sentenza21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander, C‑274/14, EU:C:2020:17, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    46

    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “indipendenza” ikopri żewġ aspetti. L-ewwel aspett, ta’ natura esterna, jeżiġi li l-korp kkonċernat jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu f’awtonomija sħiħa, mingħajr ma jkun suġġett għall-ebda rabta ġerarkika jew ta’ subordinazzjoni fir-rigward ta’ kwalunke korp ieħor u mingħajr ma jirċievi ordnijiet jew istruzzjonijiet minn kwalunkwe sors, u b’hekk ikun protett mill-interventi jew mill-pressjonijiet esterni li jistgħu jikkompromettu l-indipendenza tas-sentenza mogħtija mill-membri tiegħu u jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom (sentenza tal-21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander, C‑274/14, EU:C:2020:17, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    47

    Fir-rigward ukoll tal-aspett estern tal-kunċett ta’ “indipendenza”, għandu jitfakkar li l-fatt li l-membri tal-korp ikkonċernat ma jistgħux jitneħħew jikkostitwixxi garanzija inerenti tal-indipendenza tal-imħallfin sa fejn huwa intiż sabiex jipproteġi l-persuna ta’ dawk li għandhom il-kompitu li jiddeċiedu (sentenza tal-21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander, C‑274/14, EU:C:2020:17, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    48

    Il-prinċipju li persuni ma jistgħux jitneħħew, li l-importanza kardinali tiegħu għandha tiġi enfasizzata, jeżiġi, b’mod partikolari, li l-imħallfin ikunu jistgħu jibqgħu fil-kariga sakemm jilħqu l-età obbligatorja tal-irtirar jew sa tmiem il-mandat tagħhom meta dan tal-aħħar ikun għal perijodu ta’ żmien determinat. Filwaqt li ma huwiex ta’ natura totalment assoluta, l-imsemmi prinċipju jista’ jiġi suġġett għal eċċezzjonijiet biss bil-kundizzjoni li jkun hemm raġunijiet leġittimi u imperattivi li jiġġustifikaw dan, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Għalhekk huwa normalment aċċettat li l-imħallfin ikunu jistgħu jitkeċċew jekk ma jkunux jistgħu jkomplu jaqdu l-funzjonijiet tagħhom minħabba inkapaċità jew minħabba nuqqas serju, permezz tal-osservanza ta’ proċeduri xierqa (sentenza tal-21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander, C‑274/14, EU:C:2020:17, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    49

    Għalhekk, il-garanzija li l-membri ta’ qorti ma jitneħħewx titlob li l-każijiet ta’ tkeċċija tal-membri ta’ dan il-korp jiġu ddeterminati permezz ta’ leġiżlazzjoni speċifika, permezz ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi espliċiti li joffru garanziji li jmorru lil hinn minn dawk previsti mir-regoli ġenerali tad-dritt amministrattiv u tad-dritt industrijali li japplikaw fil-każ ta’ tkeċċija abbużiva (sentenza tal-21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander, C‑274/14, EU:C:2020:17, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    50

    It-tieni aspett tal-kunċett ta’ “indipendenza”, ta’ natura interna, huwa konness mal-kunċett ta’ “imparzjalità” u huwa intiż għad-distanza ugwali fil-konfront tal-partijiet fit-tilwima u l-interessi rispettivi tagħhom fis-suġġett tal-imsemmija tilwima. Dan l-aspett jeżiġi l-osservanza tal-oġġettività u l-assenza ta’ kwalunkwe interess fis-soluzzjoni tat-tilwima lil hinn mill-applikazzjoni stretta tad-dispożizzjoni legali (sentenza tal-21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander, C‑274/14, EU:C:2020:17, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    51

    Dawn il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità jeżiġu l-eżistenza ta’ regoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-istanza, il-ħatra, it-tul ta’ żmien fil-kariga kif ukoll ir-raġunijiet għal astensjoni, għal rikuża u għal tkeċċija tal-membri tagħha, li għandhom ikunu xierqa sabiex jippermettu li l-partijiet fil-kawża ma jkollhom l-ebda dubju leġittimu dwar jekk l-imħallfin ikkonċernati jħallux lilhom infushom jiġu influwenzati minn fatturi esterni u dwar in-newtralità tagħhom fir-rigward tal-interessi inkwistjoni quddiemhom (sentenza tal-21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander, C‑274/14, EU:C:2020:17, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    52

    F’dan il-każ, fir-rigward tal-ħatra tal-giudici di pace, għandu jiġi kkonstatat li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, b’mod partikolari l-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 374/1991, il-giudici di pace jinħatru permezz ta’ digriet tal-President tar-Repubblika Taljana, wara deliberazzjoni mill-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura fuq proposta mill-kunsill ġudizzjarju li jkollu ġurisdizzjoni fit-territorju, ikkompletat minn ħames rappreżentanti maħtura, bi ftehim komuni, mill-kunsilli tal-Kamra tal-Avukati u tal-prosekuturi tad-distrett tal-Qorti tal-Appell.

    53

    Fir-rigward tat-tul ta’ żmien fil-kariga tal-giudici di pace, għandu jiġi osservat li mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dawn l-imħallfin għandhom mandat ta’ erba’ snin, li jista’ jiġġedded, xħin dan jintemm, għall-istess tul ta’ żmien. Minbarra dan, il-giudici di pace jibqgħu, fil-prinċipju, fil-kariga sa tmiem il-mandat tagħhom ta’ erba’ snin, sakemm dan tal-aħħar ma jiġġeddidx.

    54

    Fir-rigward tat-tkeċċija tal-giudici di pace, minn dan il-proċess jirriżulta li l-każijiet tat-tkeċċija tagħhom u l-proċeduri speċifiċi marbuta magħhom huma stabbiliti permezz tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi espliċiti fuq il-livell nazzjonali.

    55

    Jidher, barra minn hekk, li l-giudici di pace jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom f’awtonomija sħiħa, suġġett għal regoli fil-qasam dixxiplinari, u mingħajr pressjonijiet esterni li jistgħu jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom.

    56

    Fir-rigward tar-rekwiżit ta’ indipendenza kkunsidrat taħt it-tieni aspett tiegħu, ta’ natura interna, imsemmi fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, kif l-Avukat Ġenerali osservat, fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tagħha, biżżejjed jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrispondiet, diversi drabi, għal domandi preliminari rigward l-istatus tal-imħallfin, mingħajr ma esprimiet dubji rigward l-indipendenza tal-qrati tar-rinviju li għamlu dawn id-domandi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Ġunju 2017, Florescu et, C‑258/14, EU:C:2017:448; tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117; tas-7 ta’ Frar 2019, Escribano Vindel, C‑49/18, EU:C:2019:106, kif ukoll tad-19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982).

    57

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 44 sa 56 ta’ din is-sentenza, għandu jitqies li r-rekwiżit ta’ indipendenza huwa ssodisfatt f’dan il-każ.

    58

    Sussegwentement, tqum il-kwistjoni tan-natura obbligatorja tal-qorti tar-rinviju.

    59

    Ir-Repubblika Taljana u l-Kummissjoni esprimew dubji rigward il-ġurisdizzjoni tal-qorti li qiegħda tagħmel ir-rinviju sabiex tieħu konjizzjoni ta’ tilwima bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali sa fejn, minn naħa, l-allegazzjonijiet ifformulati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jagħmlu parti mill-kuntest ta’ tilwima fil-qasam tad-dritt industrijali li tirrigwarda l-punt dwar jekk il-giudici di pace humiex ħaddiema. Issa, f’dan ir-rigward, biżżejjed jiġi osservat li huwa stabbilit li t-tilwima fil-kawża prinċipali ma hijiex azzjoni fil-qasam tad-dritt industrijali, iżda azzjoni għal kumpens kontra l-Istat. Barra minn hekk, ir-Repubblika Taljana u l-Kummissjoni ma jikkontestawx li l-giudici di pace ma humiex kompetenti sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ azzjonijiet bħal dawn.

    60

    Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-allegata diviżjoni tat-talbiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tal-codice di procedura civile (il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili), il-giudice di pace għandu ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ tilwim dwar beni mobbli li l-valur tagħhom ma jaqbiżx EUR 5000, meta ma jkunx assenjat bil-liġi għall-ġurisdizzjoni ta’ qorti oħra. Skont din l-istess deċiżjoni, l-Artikolu 4(43) tal-legge 12 novembre 2011, n. 183 (il-Liġi Nru 183, tat-12 ta’ Novembru 2011), ma jipprevedi l-ebda riżerva fir-rigward tal-ġurisdizzjoni materjali, u, għaldaqstant, it-talba tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali intiża għall-ksib ta’ ordni għal ħlas kontra l-Gvern Taljan saret korrettament fil-limiti tal-ġurisdizzjoni tal-qorti li qiegħda tagħmel ir-rinviju abbażi tal-valur u tal-ġurisdizzjoni territorjali ta’ din.

    61

    F’dan ir-rigward, biżżejjed jitfakkar li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja la li tikkontesta l-evalwazzjoni mill-qorti tar-rinviju tal-ammissibbiltà tar-rikors fil-kawża prinċipali, li jaqa’, fil-kuntest tal-proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, fil-kompetenza tal-qorti nazzjonali, u lanqas li tivverifika jekk id-deċiżjoni tar-rinviju tteħditx b’mod konformi mar-regoli nazzjonali ta’ organizzazzjoni u ta’ proċedura ġudizzjarji (sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 30, kif ukoll id-digriet tas-17 ta’ Jannar 2019, Rossi et, C‑626/17, mhux ippubblikat, EU:C:2019:28, punt 22 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tillimita ruħha għad-deċiżjoni tar-rinviju maħruġa minn qorti ta’ Stat Membru, sakemm ma tkunx ġiet irrevokata fil-kuntest tar-rimedji li jistgħu jkunu previsti mid-dritt nazzjonali (sentenzi tas-7 ta’ Lulju 2016, Genentech, C‑567/14, EU:C:2016:526, punt 23, kif ukoll tal-11 ta’ Lulju 1996, SFEI et, C‑39/94, EU:C:1996:285, punt 24).

    62

    Għandu jingħad ukoll li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, tali sitwazzjoni hija distinta minn dawk inkwistjoni, b’mod partikolari, fil-kawża li tat lok għad-digrieti tas-6 ta’ Settembru 2018, Di Girolamo (C‑472/17, mhux ippubblikat, EU:C:2018:684), u tas-17 ta’ Diċembru 2019, Di Girolamo (C‑618/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:1090), fejn il-qorti tar-rinviju kienet indikat b’mod ċar li hija ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq it-talba magħmula quddiemha.

    63

    Fl-aħħar nett, fir-rigward tan-natura kontradittorja tal-proċedura pendenti quddiem il-qorti li qiegħda tagħmel ir-rinviju, biżżejjed jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 267 TFUE ma jissuġġettax ir-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja għall-kundizzjoni tan-natura kontradittorja tal-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju. Min-naħa l-oħra, minn dan l-artikolu jirriżulta li l-qrati nazzjonali jistgħu jagħmlu rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja biss jekk tilwima tkun pendenti quddiemhom u jekk huma msejħa sabiex jiddeċiedu fil-kuntest ta’ proċedura intiża sabiex twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja (sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio, C‑210/06, EU:C:2008:723, punt 56, u tal-4 ta’ Settembru 2019, Salvoni, C‑347/18, EU:C:2019:661, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, dan ma huwiex il-każ hawnhekk.

    64

    Barra minn hekk, kif l-Avukat Ġenerali osservat, fil-punt 62 tal-konklużjonijiet tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li talba għal deċiżjoni preliminari tista’ wkoll tiġi indirizzata lilha fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ordni għal ħlas (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 1971, Politi, 43/71, EU:C:1971:122, punti 4 u 5 kif ukoll tat-8 ta’ Ġunju 1998, Corsica Ferries France, C‑266/96, EU:C:1998:306, punt 23).

    65

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, għandhom jiġu esklużi d-dubji espressi mill-Kummissjoni u mill-Gvern Taljan u għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Konċiljatorja tissodisfa l-kriterji sabiex titqies bħala “qorti ta’ ta’ Stat Membru”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

    66

    It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda n-neċessità tat-talba għal deċiżjoni preliminari u r-rilevanza tad-domandi magħmula, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, hija biss il-qorti nazzjonali, li hija adita bit-tilwima u li hija responsabbli għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li tevalwa, fid-dawl tal-aspetti partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-prinċipju, hija marbuta li tiddeċiedi (sentenza tad-19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 97 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    67

    Għaldaqstant id-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma jkollhiex x’taqsam mal-fatti jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-elementi ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi magħmula lilha (sentenzi tad-19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 98 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tad-19 ta’ Ottubru 2017, Paper Consult, C‑101/16, EU:C:2017:775, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    68

    Għalhekk, peress li d-deċiżjoni tar-rinviju tikkostitwixxi l-bażi tal-proċedura segwita quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa indispensabbli li l-qorti nazzjonali tispjega, f’din id-deċiżjoni, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv li fih tinsab it-tilwima fil-kawża prinċipali u tagħti minimu ta’ spjegazzjonijiet dwar ir-raġunijiet għall-għażla tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li tagħhom hija titlob l-interpretazzjoni, kif ukoll ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima mressqa quddiemha (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2017, Milkova, C‑406/15, EU:C:2017:198, punt 73, kif ukoll id-digriet tas-16 ta’ Jannar 2020, Telecom Italia et, C‑368/19, mhux ippubblikat, EU:C:2020:21, punt 37).

    69

    Dawn ir-rekwiżiti kumulattivi rigward il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni jinsabu b’mod espliċitu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura. Minnu jirriżulta, b’mod partikolari, li t-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tinkludi “espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll il-konnessjoni li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali”.

    70

    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li jirriżulta b’mod ċar mill-punt 22 tad-deċiżjoni tagħha li, f’dak il-punt, il-qorti tar-rinviju sempliċement tippreżenta l-argument tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li jgħid li huwa possibbli li tintlaqa’ t-talba tagħha mingħajr ma jsiru domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja u bl-ebda mod ma tafferma li rinviju għal deċiżjoni preliminari ma huwiex neċessarju sabiex tiġi deċiża t-tilwima mressqa quddiemha.

    71

    Barra minn hekk, kif l-Avukat Ġenerali osservat, fil-punti 32 u 33 tal-konklużjonijiet tagħha, għandu jiġi enfasizzat, fir-rigward tat-tieni domanda preliminari, li din ma hijiex irrilevanti sa fejn, permezz ta’ din id-domanda, sabiex jiġi stabbilit jekk ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tistax titlob danni minħabba r-rifjut ta’ leave mħallas, il-qorti tar-rinviju titlob kjarifika dwar il-kunċett ta’ “ħaddiem”, fis-sens tad-Direttiva 2003/88, u l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fil-ftehim qafas sabiex jiġi ddeterminat jekk huma japplikawx għall- giudici di pace Taljani.

    72

    Madankollu, kif l-Avukat Ġenerali osservat, fil-punt 34 tal-konklużjonijiet tagħha, dawn id-domandi jeżiġu kjarifika.

    73

    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat, fir-rigward tat-tielet domanda, li t-tilwima fil-kawża prinċipali ma tirrigwardax ir-responsabbiltà personali tal-imħallfin, iżda talba għal kumpens għal leave mħallas. Il-qorti tar-rinviju ma spjegatx kif interpretazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta hija neċessarja sabiex hija tiddeċiedi u lanqas ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni li tagħhom hija titlob l-interpretazzjoni u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

    74

    Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju bl-ebda mod ma jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tista’ tinżamm responsabbli għal aġir doluż jew nuqqas serju.

    75

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, għandu jiġi kkonstatat li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli bl-eċċezzjoni tat-tielet domanda.

    Fuq il-mertu

    Fuq l-ewwel domanda

    76

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 267 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li l-Qorti Konċiljatorja taqa’ taħt il-kunċett ta’ “qorti ta’ Stat Membru”, fis-sens ta’ dan l-artikolu.

    77

    Hawnhekk, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 42 sa 65 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li dan huwa l-każ. Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Qorti Konċiljatorja taqa’ taħt il-kunċett ta’ “qorti ta’ Stat Membru”, fis-sens ta’ dan l-artikolu.

    Fuq it-tieni domanda

    78

    B’mod preliminari, għandu jiġi osservat li t-tieni domanda għandha tliet aspetti distinti intiżi sabiex jiġi evalwat eventwali dritt tal-giudici di pace li jibbenefikaw minn leave mħallas abbażi tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, din id-domanda tirrigwarda, qabel kollox, l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “ħaddiem”, fis-sens tad-Direttiva 2003/88, sabiex jiġi stabbilit jekk giudice di pace, bħalma hija r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jistax jaqa’ taħt dan il-kunċett, sa fejn l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex kull ħaddiem jibbenefika minn leave annwali mħallas ta’ mill-inqas erba’ ġimgħat. L-imsemmija domanda tirreferi, imbagħad, għall-kunċett ta’ “ħaddiem għal żmien determinat” fis-sens tal-ftehim qafas. Fl-aħħar nett, jekk il-kunċett imsemmi l-aħħar kellu jkopri l-giudice di pace, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk huwa jistax jiġi pparagunat mal-membri tal-ġudikatura ordinarji għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fil-klawżola 4 ta’ dan il-ftehim qafas, li jibbenefikaw minn leave annwali mħallas addizzjonali, ta’ 30 jum b’kollox.

    – Fuq id-Direttiva 2003/88

    79

    Permezz tal-ewwel parti tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 u l-Artikolu 31(2) tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li giudice di pace, li jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu b’mod prinċipali u li jirċievi kumpens marbut mas-servizzi mwettqa kif ukoll kumpens għal kull xahar ta’ servizz effettiv, jista’ jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “ħaddiem”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

    80

    Fl-ewwel lok, għandu jiġi stabbilit jekk din id-direttiva hijiex applikabbli f’dan il-każ.

    81

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2003/88 jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din billi jirreferi għall-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/391.

    82

    Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 89/391, din tapplika għas-“setturi ta’ attività kollha, kemm pubbliċi u kemm privati”.

    83

    Madankollu, kif jirriżulta mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tal-imsemmija direttiva, din ma hijiex applikabbli meta aspetti partikolari inerenti f’ċerti attivitajiet speċifiċi fis-servizz pubbliku, b’mod partikolari fil-forzi armati jew fil-pulizija, jew għal ċerti attivitajiet speċifiċi fis-servizzi ta’ protezzjoni ċivili, jipprekludu dan b’mod imperattiv.

    84

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kriterju użat fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391 sabiex jiġu esklużi ċerti attivitajiet mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u, indirettament, minn dak tad-Direttiva 2003/88 huwa bbażat, mhux fuq l-appartenenza tal-ħaddiema f’wieħed mis-setturi tas-servizz pubbliku msemmija f’din id-dispożizzjoni, meqjus fil-globalità tiegħu, iżda esklużivament fuq in-natura speċifika ta’ ċerti kompiti partikolari eżerċitati mill-ħaddiema tas-setturi msemmija minn din id-dispożizzjoni, natura li tiġġustifika eċċezzjoni mir-regoli fil-qasam tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema, minħabba n-neċessità assoluta li tiġi ggarantita protezzjoni effettiva tal-komunità (sentenza tal-20 ta’ Novembru 2018, Sindicatul Familia Constanţa et, C‑147/17, EU:C:2018:926, punt 55).

    85

    F’dan il-każ, minkejja li l-attività ġudizzjarja tal-giudice di pace ma tissemmiex b’mod espliċitu fl-eżempji ċċitati fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 89/391, hija tagħmel parti mis-settur pubbliku ta’ attività. Għalhekk, hija taqa’, fil-prinċipju, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 89/391 u tad-Direttiva 2003/88.

    86

    Barra minn hekk, kif l-Avukat Ġenerali osservat, fil-punt 71 tal-konklużjonijiet tagħha, ma hemmx ġustifikazzjoni għall-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391 fir-rigward tal-giudici di pace u għall-esklużjoni globali tagħhom mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ direttivi.

    87

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li d-Direttiva 2003/88 hija applikabbli fil-kawża prinċipali.

    88

    Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88, l-interpretazzjoni li tingħata lill-kunċett ta’ “ħaddiem” ma tistax tvarja skont id-dritt nazzjonali, iżda dan il-kunċett għandu portata awtonoma speċifika għad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tas-26 ta’ Marzu 2015, Fenoll, C‑316/13, EU:C:2015:200, punt 25, u tal-20 ta’ Novembru 2018, Sindicatul Familia Constanţa et, C‑147/17, EU:C:2018:926, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    89

    Din il-konstatazzjoni hija neċessarja wkoll għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “ħaddiem” fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, u tal-Artikolu 31(2) tal-Karta sabiex tiġi ggarantita l-uniformità tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-dritt għal leave mħallas tal-ħaddiema (sentenza tas-26 ta’ Marzu 2015, Fenoll, C‑316/13, EU:C:2015:200, punt 26).

    90

    L-imsemmi kunċett għandu jiġi ddefinit skont kriterji oġġettivi li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni ta’ xogħol fid-dawl tad-drittijiet u tal-obbligi tal-persuni kkonċernati (sentenza tal-20 ta’ Novembru 2018, Sindicatul Familia Constanţa et, C‑147/17, EU:C:2018:926, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    91

    Fil-kuntest tal-klassifikazzjoni fir-rigward tal-kunċett ta’ “ħaddiem”, li fl-aħħar mill-aħħar għandha ssir mill-qorti nazzjonali, din għandha tibbaża ruħha fuq il-kriterji oġġettivi u għandha tevalwa globalment iċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża mressqa quddiemha, li jirrigwardaw in-natura kemm tal-attivitajiet ikkonċernati kif ukoll tar-relazzjoni bejn il-partijiet inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010, Union syndicale Solidaires Isère, C‑428/09, EU:C:2010:612, punt 29).

    92

    Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tindika lill-qorti tar-rinviju l-prinċipji u l-kriterji li din għandha tieħu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami tagħha.

    93

    Għaldaqstant għandu jitfakkar, minn naħa, li għandha titqies bħala “ħaddiem” kull persuna li teżerċita attivitajiet reali u effettivi, bl-esklużjoni ta’ attivitajiet tant żgħar li jkunu purament marġinali u anċillari (sentenza tas-26 ta’ Marzu 2015, Fenoll, C‑316/13, EU:C:2015:200, punt 27).

    94

    Min-naħa l-oħra, skont ġurisprudenza stabbilita, il-karatteristika essenzjali tar-relazzjoni ta’ xogħol hija l-fatt li persuna tipprovdi, matul ċertu żmien, għal persuna oħra u taħt id-direzzjoni ta’ din, servizzi li bħala korrispettiv għalihom hija tirċievi remunerazzjoni (sentenza tal-20 novembre 2018, Sindicatul Familia Constanţa et, C‑147/17, EU:C:2018:926, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    95

    Qabel kollox, f’dak li jirrigwarda s-servizzi pprovduti mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali inkwantu giudice di pace, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dawn huma reali u effettivi u li, barra minn hekk, hija tipprovdihom b’mod prinċipali. B’mod partikolari, matul ċertu żmien, f’dan il-każ matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Lulju 2017 u t-30 ta’ Ġunju 2018, hija, minn naħa, qatgħet, bħala mħallef tal-qorti kriminali, 478 sentenza kif ukoll 1326 digriet u, min-naħa l-oħra żammet seduti darbtejn fil-ġimgħa. Dawn is-servizzi ma jidhrux li huma purament marġinali u anċillari.

    96

    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar, f’dak li jirrigwarda n-natura tar-relazzjoni ġuridika inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fil-kuntest ta’ liema r-rikorrenti fil-kawża prinċipali teżerċita l-funzjonijiet tagħha, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li n-natura ġuridika sui generis ta’ relazzjoni ta’ impjieg taħt id-dritt nazzjonali ma jistax ikollha konsegwenzi fuq il-kwalità ta’ “ħaddiem”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tas-26 ta’ Marzu 2015, Fenoll, C‑316/13, EU:C:2015:200, punt 31).

    97

    Sussegwentement, fir-rigward tar-remunerazzjoni, għandu jiġi eżaminat jekk is-somom rċevuti mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jitħallsux lilha b’korrispettiv għall-attività professjonali tagħha.

    98

    F’dan ir-rigward, mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-giudici di pace jirċievu kumpens marbut mas-servizzi li huma jipprovdu, li jammonta għal EUR 35 jew 55, suġġett għall-istess taxxi bħar-remunerazzjoni ta’ ħaddiem ordinarju. B’mod partikolari, dawn jibbenefikaw minn tali kumpens għal kull seduta ċivili jew kriminali, anki jekk ma tkunx seduta għat-trattazzjoni, u għat-tqegħid ta’ siġilli, kif ukoll għal kwalunkwe proċedura oħra assenjata u magħluqa jew mħassra mil-lista. Barra minn hekk, dawn l-imħallfin jirċievu kumpens għal kull xahar ta’ servizz effettiv fil-forma ta’ rimbors għal spejjeż ta’ taħriġ, spejjeż ta’ taħriġ mill-ġdid u spejjeż ġenerali tal-funzjoni.

    99

    Filwaqt li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-funzjonijiet ta’ giudice di pace huma “onorarji” u xi wħud mis-somom imħallsa huma fil-forma ta’ kumpens għal rimbors ta’ spejjeż, jibqa’ l-fatt li l-volum ta’ xogħol imwettaq mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u, għaldaqstant, is-somom rċevuti minn din tal-aħħar għal dan ix-xogħol huma importanti. Fil-fatt, minn din id-deċiżjoni jirriżulta li, matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Lulju 2017 u t-30 ta’ Ġunju 2018, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għalqet madwar 1800 proċedura.

    100

    Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li l-funzjonijiet ta’ giudice di pace huma kklassifikati bħala “onorarji” mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ma jfissirx li l-benefiċċji finanzjarji li giudice di pace jirċievi għandhom jitqiesu li ma humiex ta’ natura remuneratorja.

    101

    Barra minn hekk, minkejja li huwa minnu li r-remunerazzjoni għas-servizzi pprovduti tikkostitwixxi karatteristika fundamentali tar-relazzjoni ta’ xogħol, jibqa’ l-fatt li la l-livell limitat ta’ din ir-remunerazzjoni u lanqas l-oriġini tar-riżorsi għal din tal-aħħar ma jista’ jkollhom konsegwenzi fuq il-kwalità ta’ “ħaddiem”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Marzu 2006, Mattern u Cikotic, C‑10/05, EU:C:2006:220, punt 22, kif ukoll tal-4 ta’ Ġunju 2009, Vatsouras u Koupatantze, C‑22/08 u C‑23/08, EU:C:2009:344, punt 27).

    102

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, fl-evalwazzjoni tal-fatti, li għalihom hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, fl-aħħar mill-aħħar, jekk l-ammonti rċevuti mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, fil-kuntest tal-attività professjonali tagħha ta’ giudice di pace, humiex ta’ natura remuneratorja tali li jagħtuha vantaġġ materjali u li jiżgurawlha mezz ta’ għajxien.

    103

    Fl-aħħar nett, relazzjoni ta’ xogħol tippreżupponi l-eżistenza ta’ rabta ta’ subordinazzjoni bejn il-ħaddiem u l-persuna li timpjegah. L-eżistenza ta’ tali rabta għandha tiġi evalwata f’kull każ partikolari abbażi tal-elementi kollha u abbażi taċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw ir-relazzjonijiet bejn il-partijiet (sentenza tal-20 ta’ Novembru 2018, Sindicatul Familia Constanţa et, C‑147/17, EU:C:2018:926, punt 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    104

    Ċertament, huwa inerenti fil-kariga tal-imħallfin li dawn għandhom jiġu protetti mill-interventi jew mill-pressjonijiet esterni li jkollhom mnejn jikkompromettu l-indipendenza tagħhom fl-eżerċizzju tal-attivitajiet ġudizzjarji tagħhom u fil-kompitu ta’ teħid ta’ deċiżjoni.

    105

    Madankollu, kif l-Avukat Ġenerali osservat, fil-punt 83 tal-konklużjonijiet tagħha, dan ir-rekwiżit ma jipprekludix il-klassifikazzjoni tal-giudici di pace bħala “ħaddiema”.

    106

    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-fatt li l-imħallfin huma suġġetti għal regoli ta’ servizz u li huma jistgħu jitqiesu bħala ħaddiema bl-ebda mod ma jippreġudika l-prinċipju ta’ indipendenza tal-poter ġudizzjarju u s-setgħa tal-Istati Membri li jipprevedu l-eżistenza ta’ status partikolari li jirregola l-korp tal-ġudikatura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2012, O’Brien, C‑393/10, EU:C:2012:110, punt 47).

    107

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, minkejja li s-sempliċi fatt li, f’dan il-każ, il-giudici di pace huma suġġetti għas-setgħa dixxiplinari eżerċitata mill-Consiglio superiore della magistratura (il-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura, l-Italja, iktar ’il quddiem iċ-“CSM”), ma huwiex suffiċjenti sabiex huma jitqiesu li jinsabu, fir-rigward ta’ persuna li timpjega, f’relazzjoni ġuridika ta’ subordinazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Marzu 1987, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi Il-Baxxi,235/85, EU:C:1987:161, punt 14), dan il-fatt għandu, madankollu, jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-fatti kollha fil-kawża prinċipali.

    108

    B’dan il-mod, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-mod kif huwa organizzat ix-xogħol tal-giudici di pace.

    109

    F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, minkejja li huma jistgħu jorganizzaw ix-xogħol tagħhom b’mod iktar flessibbli mill-membri ta’ professjonijiet oħra, il-giudici di pace huma mistennija li josservaw tabelli li jindikaw il-kompożizzjoni tal-Qorti Konċiljatorja li huma jagħmlu parti minnha, tabelli li jirregolaw fid-dettall u b’mod vinkolanti l-organizzazzjoni tax-xogħol tagħhom, inklużi l-assenjazzjoni tal-fajls, id-dati u l-ħinijiet tas-seduti.

    110

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li l-giudici di pace għandhom josservaw l-istruzzjonijiet tal-Capo dell’Ufficio (il-Kap tal-Uffiċċju, Superjur Ġerarkiku, l-Italja). Dawn l-imħallfin huma obbligati wkoll josservaw deċiżjonijiet speċjali u ġenerali ta’ organizzazzjoni taċ-CSM.

    111

    Il-qorti tar-rinviju żżid li l-imsemmija mħallfin għandhom ikunu disponibbli b’mod kostanti u huma suġġetti, fil-qasam dixxiplinari, għal obbligi analogi għal dawk tal-membri professjonali tal-ġudikatura.

    112

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li l-giudici di pace jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom fil-kuntest ta’ relazzjoni ġuridika ta’ subordinazzjoni fuq il-livell amministrattiv, li ma taffettwax l-indipendenza tagħhom fil-kompitu ta’ teħid ta’ deċiżjoni, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

    113

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel parti tat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 u l-Artikolu 31(2) tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li giudice di pace, li, fil-kuntest tal-funzjonijiet tiegħu, jipprovdi servizzi reali u effettivi, li ma jkunu la purament marġinali u lanqas anċillari, u li għalihom huwa jirċievi kumpens li jkun ta’ natura remuneratorja, jista’ jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “ħaddiem”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

    – Fuq il-kunċett ta’ “ħaddiem għal żmien determinat” fis-sens tal-ftehim qafas

    114

    Permezz tat-tieni parti tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-klawżola 2(1) tal-ftehim qafas għandhiex tiġi interpretata fis-sens li giudice di pace, maħtur għal perijodu limitat, li jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu b’mod prinċipali u li jirċievi kumpens marbut mas-servizzi pprovduti kif ukoll allowances għal kull xahar ta’ servizz effettiv, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “ħaddiem għal żmien determinat”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    115

    F’dan ir-rigward, mill-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din huwa wiesa’, peress li huwa jkopri b’mod ġenerali l-“ħaddiema għal terminu fiss li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattika f’kull Stat Membru”. Barra minn hekk, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “ħaddiema għal żmien determinat” fis-sens tal-klawżola 3(1) tal-ftehim qafas, tinkludi l-ħaddiema kollha, mingħajr ma tagħmel distinzjoni skont il-kwalità pubblika jew privata tal-persuna li timpjega li magħha huma marbuta, u indipendentement mill-klassifikazzjoni tal-kuntratt tagħhom taħt id-dritt nazzjonali (sentenza tad-19 ta’ Marzu 2020, Sánchez Ruiz et, C‑103/18 u C‑429/18, EU:C:2020:219, punt 108).

    116

    Il-ftehim qafas japplika, għaldaqstant, għall-ħaddiema kollha li jipprovdu servizzi rremunerati fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg għal żmien determinat li torbothom mal-persuna li timpjegahom, sakemm dawn ikunu marbuta b’kuntratt jew b’relazzjoni ta’ xogħol, fis-sens tad-dritt nazzjonali, u bl-unika kundizzjoni tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri permezz tal-klawżola 2(2) tal-ftehim qafas fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar għal ċerti kategoriji ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol kif ukoll bl-esklużjoni, skont ir-raba’ paragrafu tal-preambolu tal-ftehim qafas, tal-ħaddiema temporanji (sentenza tad-19 ta’ Marzu 2020, Sánchez Ruiz et, C‑103/18 u C‑429/18, EU:C:2020:219, punt 109).

    117

    Minkejja li, kif jirriżulta mill-premessa 17 tad-Direttiva 1999/70 u mill-klawżola 2(1) tal-ftehim qafas, din id-direttiva tħalli f’idejn l-Istati Membri sabiex jiddefinixxu t-termini “kuntratt ta’ xogħol” jew “relazzjoni ta’ xogħol” użati f’din il-klawżola b’mod konformi mad-dritt nazzjonali u/jew mal-prattiki nazzjonali, jibqa’ l-fatt li s-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-Istati Membri sabiex jiddefinixxu tali kunċetti ma hijiex mingħajr limiti. Fil-fatt, tali termini jistgħu jiġu ddefiniti b’mod konformi mad-dritt nazzjonali u/jew mal-prattiki nazzjonali bil-kundizzjoni li jiġu osservati l-effett utli ta’ din id-direttiva u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2012, O’Brien, C‑393/10, EU:C:2012:110, punt 34).

    118

    F’dan il-kuntest, is-sempliċi fatt li attività professjonali, li l-eżerċizzju tagħha jagħti vantaġġ materjali, tkun ikklassifikata bħala “onorarja” taħt id-dritt nazzjonali huwa irrilevanti, f’dak li jirrigwarda l-applikabbiltà tal-ftehim qafas, inkella jiġu kompromessi b’mod serju l-effett utli tad-Direttiva 1999/70 u dak tal-ftehim qafas kif ukoll l-applikazzjoni uniformi ta’ dawn fl-Istati Membri, billi dawn tal-aħħar jingħataw il-possibbiltà li jeskludu, fid-diskrezzjoni tagħhom, ċerti kategoriji ta’ persuni mill-benefiċċju tal-protezzjoni intiża minn dawn l-istrumenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso, C‑307/05, EU:C:2007:509, punt 29 u tal-1 ta’ Marzu 2012, O’Brien, C‑393/10, EU:C:2012:110, punt 36).

    119

    Kif tfakkar fil-punt 116 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva 1999/70 u l-ftehim qafas huma applikabbli għall-ħaddiema kollha li jipprovdu servizzi rremunerati fil-kuntest ta’, relazzjoni ta’ impjieg għal żmien determinat li torbothom mal-persuna li timpjegahom.

    120

    Madankollu, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 95, 98 u 99 ta’ din is-sentenza kif ukoll mit-talba għal deċiżjoni preliminari, jidher li giudice di pace bħalma hija r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jipprovdi f’din il-kapaċità servizzi reali u effettivi, li ma huma la purament marġinali u lanqas anċillari, u li jagħtu lok, b’korrispettiv, għal kumpens għal kull servizz u kull xahar, li n-natura remuneratorja tiegħu ma tistax tiġi eskluża.

    121

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ftehim qafas ma jeskludi l-ebda settur partikolari u li d-dispożizzjonijiet stabbiliti f’dan il-ftehim huma intiżi sabiex japplikaw għall-kuntratti kif ukoll għar-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat konklużi mal-amministrazzjonijiet u mal-entitatjiet l-oħra tas-settur pubbliku (digriet tad-19 ta’ Marzu 2019, CCOO, C‑293/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:224, punt 30).

    122

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-fatt li, f’dan il-każ, il-giudici di pace għandhom kariga ġudizzjarja ma huwiex suffiċjenti, inkwantu tali, sabiex jeskludihom mill-benefiċċju tad-drittijiet previsti minn dan il-ftehim qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2012, O’Brien, C‑393/10, EU:C:2012:110, punt 41).

    123

    Fil-fatt, min-neċessità li jiġi protett l-effett utli tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit mill-imsemmi ftehim qafas jirriżulta li tali esklużjoni tista’ tiġi ammessa biss, għaliex inkella titqies bħala arbitrarja, jekk in-natura tar-relazzjoni ta’ xogħol inkwistjoni tkun sostanzjalment differenti minn dik li torbot l-impjegati li jaqgħu, skont id-dritt nazzjonali, taħt il-kategorija ta’ ħaddiema, u l-persuni li jimpjegawhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2012, O’Brien, C‑393/10, EU:C:2012:110, punt 42).

    124

    Fl-aħħar mill-aħħar hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina sa fejn ir-relazzjoni li torbot lill-giudici di pace mal-Ministeru għall-Ġustizzja hija, min-natura tagħha, sostanzjalment differenti minn relazzjoni ta’ xogħol li torbot persuna li timpjega ma’ ħaddiem. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, madankollu, tindika lill-qorti tar-rinviju ċerti prinċipji u kriterji li din tal-aħħar għandha tieħu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2012, O’Brien, C‑393/10, EU:C:2012:110, punt 43).

    125

    F’dan ir-rigward, fl-eżami intiż sabiex jiġi stabbilit jekk in-natura tal-imsemmija relazzjoni hijiex sostanzjalment differenti minn dik tar-relazzjoni ta’ xogħol li torbot l-impjegati li jaqgħu, skont id-dritt nazzjonali, taħt il-kategorija ta’ ħaddiema u l-persuni li jimpjegawhom, il-qorti tar-rinviju għandha, skont l-ispirtu u l-għan tal-ftehim qafas, tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntrast bejn din il-kategorija u dik ta’ dawk li jaħdmu għal rashom (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2012, O’Brien, C‑393/10, EU:C:2012:110, punt 44).

    126

    F’dan ir-rigward, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-modalitajiet għall-ħatra u għat-tkeċċija tal-giudici di pace, iżda wkoll il-mod kif xogħolhom huwa organizzat (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2012, O’Brien, C‑393/10,EU:C:2012:110, punt 45).

    127

    F’dak li jirrigwarda l-giudici di pace, l-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 374/1991 jipprevedi li dawn l-imħallfin jinħatru permezz ta’ digriet tal-President tar-Repubblika Taljana, wara deliberazzjoni mill-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura fuq proposta mill-kunsill ġudizzjarju li jkollu ġurisdizzjoni fit-territorju, ikkompletat minn ħames rappreżentanti maħtura, bi ftehim komuni, mill-kunsilli tal-Kamra tal-Avukati u tal-prosekuturi tad-distrett tal-Qorti tal-Appell.

    128

    Madankollu, ma huwiex deċiżiv, f’dan ir-rigward, il-fatt li dawn ir-relazzjonijiet ta’ xogħol ġew stabbiliti permezz ta’ digriet Presidenzjali minħabba l-istatus pubbliku tal-persuna li timpjega (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2020, Sánchez Ruiz et, C‑103/18 u C‑429/18, EU:C:2020:219, punt 115).

    129

    Fir-rigward tat-tkeċċija tal-giudici di pace, mill-elementi tal-proċess jirriżulta li l-każijiet tat-tkeċċija tagħhom u l-proċeduri speċifiċi marbuta ma’ dawn huma stabbiliti permezz tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi espliċitu fuq il-livell nazzjonali. F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-modalitajiet għat-tkeċċija tal-giudici di pace stabbiliti fuq il-livell nazzjonali jirrendux ir-relazzjoni li torbot lill-giudici di pace mal-Ministeru għall-Ġustizzja sostanzjalment differenti minn relazzjoni ta’ xogħol li torbot persuna li timpjega ma’ ħaddiem.

    130

    Fir-rigward tal-mod kif huwa organizzat ix-xogħol tal-giudici di pace u, b’mod iktar partikolari, jekk dawn l-imħallfin jeżerċitawx il-funzjonijiet tagħhom fil-kuntest ta’ relazzjoni ġuridika ta’ subordinazzjoni, kif jirriżulta mill-punti 107 sa 112 ta’ din is-sentenza, għalkemm jidher li l-imsemmija mħallfin jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom fil-kuntest ta’ tali relazzjoni ġuridika, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan.

    131

    Fir-rigward tal-punt dwar jekk ir-relazzjoni li torbot il-giudici di pace mal-Ministeru għall-Ġustizzja hijiex għal żmien determinat, mill-kliem tal-klawżola 3(1) tal-ftehim qafas jidher li kuntratt jew relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat huma kkaratterizzati mill-fatt li t-tmiem tal-imsemmi kuntratt jew tal-imsemmija relazzjoni ta’ xogħol “hu ddeterminat b’kondizzjonijiet oġġettivi bħal li jilħaq data speċifika, ilesti xogħol speċifiku, jew it-twettiq ta’ każ speċifiku” (digriet tad-19 ta’ Marzu 2019, CCOO, C‑293/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:224, punt 31).

    132

    Fil-kawża prinċipali, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-mandat tal-giudici di pace huwa limitat għal perijodu ta’ erba’ snin, li jista’ jiġġedded.

    133

    Għaldaqstant, jidher li, f’dan il-każ, ir-relazzjoni li torbot il-giudici di pace mal-Ministeru għall-Ġustizzja hija għal żmien determinat.

    134

    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għat-tieni parti tat-tieni domanda għandha tkun li l-klawżola 2(1) tal-ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kunċett ta’ “ħaddiem għal żmien determinat”, li jinsab f’din id-dispożizzjoni, jista’ jinkludi giudice di pace, maħtur għal perijodu limitat, li, fil-kuntest tal-funzjonijiet tiegħu, jipprovdi servizzi reali u effettivi, li ma jkunu la purament marġinali u lanqas anċillari, u li għalihom huwa jirċievi kumpens li jkun ta’ natura remuneratorja, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

    – Fuq il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fis-sens tal-ftehim qafas

    135

    Permezz tat-tielet parti tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix id-dritt għal giudice di pace li jibbenefika minn leave annwali mħallas ta’ 30 jum, bħal dak previst għall-membri tal-ġudikatura ordinarji, fil-każ li fih dan il-giudice di pace jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “ħaddiem għal żmien determinat”, fis-sens tal-klawżola 2(1) ta’ dan il-ftehim qafas.

    136

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas tipprevedi projbizzjoni ta’ trattament, f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ impjieg, tal-ħaddiema għal żmien determinat li jkun inqas favorevoli minn dak tal-ħaddiema għal żmien indeterminat komparabbli, biss għar-raġuni li huma jeżerċitaw attività taħt kuntratt għal żmien determinat, sakemm trattament differenti ma jkunx iġġustifikat abbażi ta’ raġunijiet oġġettivi.

    137

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex jiġi applikat il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni għall-ħaddiema għal żmien determinat b’mod li jiġi prekluż li relazzjoni ta’ impjieg ta’ din in-natura tintuża minn persuna li timpjega sabiex iċċaħħad lil dawn il-ħaddiema minn drittijiet li huma mogħtija lill-ħaddiema għal żmien indeterminat (sentenza tat-22 ta’ Jannar 2020, Baldonedo Martín, C‑177/18, EU:C:2020:26, punt 35).

    138

    Fid-dawl tal-għanijiet segwiti mill-ftehim qafas, il-klawżola 4 ta’ dan għandha tinftiehem fis-sens li hija tesprimi prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni li ma jistax jiġi interpretat b’mod strett (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Montero Mateos, C‑677/16, EU:C:2018:393, punt 41).

    139

    F’dan il-każ, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li d-differenza fit-trattament invokata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tinsab fil-fatt li l-membri tal-ġudikatura ordinarji għandhom dritt għal 30 jum ta’ leave annwali mħallas, filwaqt li l-giudici di pace ma għandhomx tali dritt.

    140

    Fit-tieni lok, għandu jitqies li d-drittijiet għal leave annwali mħallas mogħtija lill-ħaddiema jaqgħu, mingħajr ebda dubju, taħt il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet ta’ impjieg”, fis-sens tal-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas.

    141

    Fit-tielet lok, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, li tiegħu l-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas tikkostitwixxi espressjoni partikolari, jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx iġġustifikat oġġettivament (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Montero Mateos, C‑677/16, EU:C:2018:393, punt 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    142

    F’dan ir-rigward, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ġie implimentat u mogħti forma konkreta mill-ftehim qafas biss f’dak li jirrigwarda d-differenzi fit-trattament bejn il-ħaddiema għal żmien determinat u l-ħaddiema għal żmien indeterminat li jkunu jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Montero Mateos, C‑677/16, EU:C:2018:393, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    143

    Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi evalwat jekk il-persuni kkonċernati jeżerċitawx xogħol identiku jew simili, fis-sens tal-ftehim qafas, għandu, skont il-klawżola 3(2), u l-klawżola 4(1) ta’ dan il-ftehim qafas, jiġi eżaminat jekk, fid-dawl ta’ sett ta’ fatturi, bħalma huma n-natura tax-xogħol, il-kundizzjonijiet ta’ taħriġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, dawn il-persuni jistgħux jitqiesu li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Montero Mateos, C‑677/16, EU:C:2018:393, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    144

    F’dan ir-rigward, jekk huwa stabbilit li, meta huma kienu impjegati, il-ħaddiema għal żmien determinat kienu jeżerċitaw l-istess funzjonijiet bħall-ħaddiema impjegati mill-istess persuna li timpjega għal żmien indeterminat jew kienu jokkupaw l-istess pożizzjoni bħal dawn, hemm lok, fil-prinċipju, li s-sitwazzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ kategoriji ta’ ħaddiema jitqiesu bħala komparabbli (sentenza tat-22 ta’ Jannar 2020, Baldonedo Martín, C‑177/18, EU:C:2020:26, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    145

    F’dan il-każ, mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali tista’, inkwantu giudice di pace, titqies bħala komparabbli għal togato (membru tal-ġudikatura ordinarju) li jkun għadda mit-tielet evalwazzjoni ta’ kapaċità professjonali u li jkun kiseb mill-inqas erbatax‑il sena ta’ anzjanità, peress li hija eżerċitat attività ġudizzjarja ekwivalenti għal dik ta’ membru tal-ġudikatura ordinarju, u kellha l-istess responsabbiltajiet fuq il-livell amministrattiv, dixxiplinari u fiskali u peress li hija kompliet tkun inkluża fit-tabella tal-persunal tal-uffiċċji fejn hija ħadmet, u rċeviet l-benefiċċji finanzjarji previsti fl-Artikolu 11 tal-Liġi Nru 374/1991.

    146

    B’mod iktar partikolari, mill-proċess jirriżulta li, l-istess bħal membru tal-ġudikatura ordinarju, il-giudice di pace huwa, l-ewwel nett, imħallef li jagħmel parti mis-sistema ġudizzjarja Taljana u li jeżerċita funzjoni ġudizzjarja fil-qasam ċivili u kriminali kif ukoll funzjoni ta’ konċiljazzjoni fil-qasam ċivili. It-tieni nett, skont l-Artikolu 10(1) tal-Liġi Nru 374/1991, il-giudice di pace huwa marbut bid-dmirijiet li huma imposti fuq il-membri tal-ġudikatura ordinarji. It-tielet nett, il-giudice di pace, l-istess bħal membru tal-ġudikatura ordinarju, huwa mistenni li josserva t-tabelli li jindikaw il-kompożizzjoni tal-Qorti Konċiljatorja li huma jagħmel parti minnha, tabelli li jirregolaw fid-dettall u b’mod vinkolanti l-organizzazzjoni tax-xogħol tagħhom, inklużi l-assenjazzjoni tal-fajls, id-dati u l-ħinijiet tas-seduti. Ir-raba’ nett, kemm il-membru tal-ġudikatura ordinarju kif ukoll il-giudice di pace huma marbuta li josservaw l-istruzzjonijiet tal-Kap tal-Uffiċċju kif ukoll id-deċiżjonijiet speċjali u ġenerali ta’ organizzazzjoni taċ-CSM. Il-ħames nett, il-giudice di pace għandu, l-istess bħal membru tal-ġudikatura ordinarju, ikun disponibbli b’mod kostanti. Is-sitt nett, fil-każ li jonqos mid-dmirijiet tiegħu ta’ etika u tas-servizz, il-giudice di pace huwa suġġett, bħal membru tal-ġudikatura ordinarju, għas-setgħa dixxiplinari taċ-CSM. Is-seba’ nett, il-giudice di pace huwa suġġett għall-istess kriterji rigorużi li huma applikabbli għall-evalwazzjonijiet ta’ kapaċità tal-membru tal-ġudikatura ordinarju. It-tmien nett, giudice di pace huwa suġġett għall-istess regoli fil-qasam ta’ responsabbiltà ċivili u ta’ dannu finanzjarju kkawżat lill-Istat, bħal dawk li l-liġi tipprevedi għall-membru tal-ġudikatura ordinarju.

    147

    Madankollu, fir-rigward tal-funzjonijiet ta’ giudice di pace, mill-elementi tal-proċess jirriżulta li t-tilwim irriżervat għall-ġudikatura onorarja u, b’mod partikolari, għall-giudici di pace, ma għandux il-kumplessità li għandu t-tilwim assenjat lill-membri tal-ġudikatura ordinarji. Il-giudici di pace jittrattaw prinċipalment kawżi ta’ inqas importanza, filwaqt li l-membri tal-ġudikatura ordinarji li huma sedenti f’istanzi superjuri jittrattaw kawżi ta’ importanza u ta’ kumplessità ikbar. Barra minn hekk, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 106 tal-Kostituzzjoni Taljana, il-giudici di pace jistgħu jaġixxu fil-kwalità ta’ mħallef uniku u ma jistgħux għaldaqstant jiġu assenjati fi qrati b’iktar minn membru wieħed.

    148

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika kompetenti sabiex tevalwa l-fatti, li għandha tistabbilixxi, fl-aħħar mill-aħħar, jekk giudice di pace, bħalma hija r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jinsabx f’sitwazzjoni komparabbli għal dik ta’ membru tal-ġudikatura ordinarju li jkun għadda mit-tielet evalwazzjoni ta’ kapaċità professjonali u li jkun kiseb mill-inqas erbatax‑il sena ta’ anzjanità matul l-istess perijodu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Montero Mateos, C‑677/16, EU:C:2018:393, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    149

    Jekk jiġi stabbilit li giudice di pace bħalma hija r-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-membri tal-ġudikatura ordinarji huma komparabbli, ikun għadu neċessarju li jiġi vverifikat jekk teżistix raġuni oġġettiva li tiġġustifika differenza fit-trattament bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    150

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi”, fis-sens tal-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas, għandu jinftiehem fis-sens li ma jippermettix li tiġi ġġustifikata differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema għal żmien determinat u l-ħaddiema għal żmien indeterminat abbażi tal-fatt li din id-differenza hija prevista minn regola ġenerali jew astratta, bħal liġi jew ftehim kollettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Montero Mateos, C‑677/16, EU:C:2018:393, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    151

    L-imsemmi kunċett jeżiġi, skont ġurisprudenza daqstant stabbilita, li l-inugwaljanza fit-trattament ikkonstatata tkun iġġustifikata bl-eżistenza ta’ elementi preċiżi u konkreti, li jikkaratterizzaw il-kundizzjoni ta’ impjieg inkwistjoni, fil-kuntest speċifiku li fih hija tinsab u abbażi ta’ kriterji oġġettivi u trasparenti, sabiex jiġi vverifikat jekk din l-inugwaljanza tissodisfax bżonn ġenwin, hijiex xierqa sabiex jintlaħaq l-għan segwit u jekk hijiex neċessarja għal dan il-għan. L-imsemmija elementi jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, min-natura speċifika tal-kompiti li għat-twettiq tagħhom ġew konklużi kuntratti għal żmien determinat u karatteristiċi inerenti f’dawn jew, jekk ikun il-każ, mill-fatt li qiegħed jiġi segwit għan leġittimu ta’ politika soċjali minn Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Montero Mateos, C‑677/16, EU:C:2018:393, punt 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    152

    Ir-riferiment għas-sempliċi natura temporanja ta’ impjieg ma tissodisfax dawn ir-rekwiżiti u ma tistax għaldaqstant tikkostitwixxi “raġuni oġġettiva” fis-sens tal-klawżola 4(1) jew (4) tal-ftehim qafas. Fil-fatt, jekk jiġi aċċettat li s-sempliċi natura temporanja ta’ relazzjoni ta’ impjieg hija suffiċjenti sabiex tiġġustifika differenza fit-trattament bejn ħaddiema għal żmien determinat u ħaddiema għal żmien indeterminat, dan ikun ineħħi l-essenza tal-għanijiet tad-Direttiva 1999/70 kif ukoll tal-ftehim qafas u jkun jammonta għal tkomplija ta’ sitwazzjoni sfavorevoli għall-ħaddiema għal żmien determinat (sentenza tal-20 ta’ Settembru 2018, Motter, C‑466/17, EU:C:2018:758, punt 38).

    153

    Is-sempliċi fatt li l-ħaddiem għal żmien determinat ikun ikkkompleta l-imsemmija perijodi ta’ servizz abbażi ta’ kuntratt jew ta’ relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat ma jikkostitwixxix tali raġuni oġġettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2018, Motter, C‑466/17, EU:C:2018:758, punt 39).

    154

    F’dan il-każ, sabiex jiġġustifika d-differenza fit-trattament allegata fil-kawża prinċipali, il-Gvern Taljan isostni li l-eżistenza ta’ kompetizzjoni inizjali maħsuba speċifikament għall-membri tal-ġudikatura ordinarji għall-finijiet tal-aċċess għall-ġudikatura, li ma hijiex inerenti fil-ħatra tal-giudici di pace, tikkostitwixxi raġuni oġġettiva. Fil-fatt, dan il-gvern iqis li l-kompetenza tal-giudici di pace hija differenti minn dik tal-membri tal-ġudikatura ordinarji ingaġġati abbażi ta’ kompetizzjoni. B’mod differenti minn dawn tal-aħħar, f’dak li jirrigwarda n-natura partikolari tal-kompiti u tal-karatteristiċi inerenti tagħhom, il-giudici di pace huma inkarigati b’tilwim li l-livell ta’ kumplessità u l-volum tagħhom ma jikkorrispondux għal dawk tal-kawżi tal-membri tal-ġudikatura ordinarji.

    155

    Fid-dawl ta’ dawn id-differenzi, kemm mil-lat kwalitattiv kif ukoll mil-lat kwantitattiv, il-Gvern Taljan iqis iġġustifikat li l-giudici di pace u l-membri tal-ġudikatura ordinarji jiġu ttrattati b’mod differenti.

    156

    F’dan ir-rigward, għandu jitqies li, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri, fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi tagħhom, dawn jistgħu, fil-prinċipju, mingħajr ma jmorru kontra d-Direttiva 1999/70 u lanqas kontra l-ftehim qafas, jipprevedu kundizzjonijiet għall-aċċess għall-ġudikatura kif ukoll kundizzjonijiet ta’ impjieg applikabbli kemm għall-membri tal-ġudikatura ordinarji kif ukoll għall-giudici di pace (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2018, Motter, C‑466/17, EU:C:2018:758, punt 43).

    157

    Madankollu, minkejja din il-marġni ta’ diskrezzjoni, l-applikazzjoni tal-kriterji li l-Istati Membri jistabbilixxu għandha ssir b’mod trasparenti u għandha tkun tista’ tiġi mistħarrġa sabiex jiġi prekluż kull trattament sfavorevoli tal-ħaddiema għal żmien determinat fuq is-sempliċi bażi tat-tul ta’ żmien tal-kuntratti jew tar-relazzjonijiet ta’ xogħol li jiġġustifikaw l-anzjanità tagħhom u l-esperjenza professjonali tagħhom (sentenza tal-20 ta’ Settembru 2018, Motter, C‑466/17, EU:C:2018:758, punt 44).

    158

    Meta tali trattament differenti jirriżulta min-neċessità li jittieħdu inkunsiderazzjoni rekwiżiti oġġettivi marbuta mal-impjieg li l-proċedura ta’ reklutaġġ hija intiża li timla u li ma jkollhomx x’jaqsmu mat-tul determinat tar-relazzjoni ta’ xogħol li torbot lill-ħaddiem mal-persuna li timpjegah, dan jista’ jiġi ġġustifikat, fis-sens tal-klawżola 4(1) u/jew (4) tal-ftehim qafas (sentenza tal-20 ta’ Settembru 2018, Motter, C‑466/17, EU:C:2018:758, punt 45).

    159

    F’dan ir-rigward, għandu jitqies li ċerti differenzi fit-trattament bejn ħaddiema għal żmien indeterminat irreklutati wara kompetizzjoni u ħaddiema għal żmien determinat irreklutati wara proċedura differenti minn dik prevista għall-ħaddiema għal żmien indeterminat jistgħu, fil-prinċipju, ikunu ġġustifikati abbażi tad-differenzi fil-kwalifiki meħtieġa u n-natura tal-kompiti li għalihom għandhom ikunu responsabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2018, Motter, C‑466/17, EU:C:2018:758, punt 46).

    160

    L-għanijiet allegati mill-Gvern Taljan, jiġifieri li jiġu riflessi d-differenzi fl-eżerċizzju professjonali bejn giudice di pace u membru tal-ġudikatura ordinarju, jistgħu għaldaqstant jitqiesu li jikkostitwixxu “raġuni oġġettiva” fis-sens tal-klawżola 4(1) u/jew (4) tal-ftehim qafas, sakemm ikunu jissodisfaw bżonn ġenwin, ikunu xierqa sabiex jintlaħaq l-għan segwit u jkunu neċessarji għal dan il-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2018, Motter, C‑466/17, EU:C:2018:758, punt 47).

    161

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, filwaqt li d-differenzi bejn il-proċeduri għar-reklutaġġ tal-giudici di pace u tal-membri tal-ġudikatura ordinarji ma jeżiġux neċessarjament li l-giudici di pace jiġu mċaħħda minn leave annwali mħallas, li jikkorrispondi għal dak previst għall-membri tal-ġudikatura ordinarji, jibqa’ l-fatt li dawn id-differenzi u, b’mod partikolari, l-importanza speċjali mogħtija mill-ordinament ġuridiku nazzjonali u, b’mod iktar partikolari, mill-Artikolu 106(1) tal-Kostituzzjoni Taljana, lill-kompetizzjonijiet maħsuba b’mod speċifiku għall-finijiet tar-reklutaġġ tal-membri tal-ġudikatura ordinarji, donnhom jindikaw natura partikolari tal-kompiti li għalihom dawn tal-aħħar huma responsabbli u livell differenti tal-kwalifiki mitluba għall-finijiet tat-twettiq ta’ dawn il-kompiti. F’kull każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, għal dan il-għan, l-elementi kwalitattivi u kwantitattivi disponibbli rigward il-funzjonijiet eżerċitati mill-giudici di pace u mill-membri tal-ġudikatura professjonali, l-irbit ta’ ħin u l-obbligi li għalihom huma suġġetti kif ukoll, b’mod ġenerali, iċ-ċirkustanzi u l-fatti kollha li huma rilevanti.

    162

    Suġġett għall-verifiki li jaqgħu taħt l-unika ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju, jidher li l-għanijiet invokati mill-Gvern Taljan f’dan il-każ, jiġifieri li jiġu riflessi d-differenzi fl-eżerċizzju professjonali bejn giudici di pace u membri tal-ġudikatura professjonali, jistgħu jkunu tali li jissodisfaw bżonn ġenwin u d-differenzi fit-trattament li jeżistu bejn dawn iż-żewġ kategorija, inkluż fil-qasam ta’ leave annwali mħallas, jistgħu jitqiesu bħala proporzjonati mal-għanijiet segwiti.

    163

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għat-tielet parti tat-tieni domanda għandha tkun li l-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix id-dritt għal giudice di pace li jibbenefika minn leave annwali mħallas ta’ 30 jum, bħal dak previst għall-membri tal-ġudikatura ordinarji, fil-każ li dan il-giudice di pace jkun jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “ħaddiem għal żmien determinat”, fis-sens tal-klawżola 2(1) ta’ dan il-ftehim qafas, u fil-każ li huwa jkun jinsab f’sitwazzjoni komparabbli għal dik ta’ membru tal-ġudikatura ordinarju, sakemm tali differenza fit-trattament ma tkunx iġġustifikata abbażi tad-differenzi fil-kwalifiki meħtieġa u n-natura tal-kompiti li għalihom l-imsemmija membri tal-ġudikatura huma responsabbli, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

    Fuq l-ispejjeż

    164

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Giudice di pace (il-Qorti Konċiljatorja, l-Italja) taqa’ taħt il-kunċett ta’ “qorti ta’ Stat Membru”, fis-sens ta’ dan l-artikolu.

     

    2)

    L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, u l-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li giudice di pace [membru tal-ġudikatura li jippresjedi l-Qorti Konċiljatorja] li, fil-kuntest tal-funzjonijiet tiegħu, jipprovdi servizzi reali u effettivi, li ma jkunu la purament marġinali u lanqas anċillari, u li għalihom huwa jirċievi kumpens li jkun ta’ natura remuneratorja, jista’ jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “ħaddiem”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

    Il-klawżola 2(1) tal-ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien determinat konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kunċett ta’ “ħaddiem għal żmien determinat”, li jinsab f’din id-dispożizzjoni, jista’ jinkludi giudice di pace, maħtur għal perijodu limitat, li, fil-kuntest tal-funzjonijiet tiegħu, jipprovdi servizzi reali u effettivi, li ma jkunu la purament marġinali u lanqas anċillari, u li għalihom huwa jirċievi kumpens li jkun ta’ natura remuneratorja, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

    Il-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-anness tad-Direttiva 1999/70, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix id-dritt għal giudice di pace li jibbenefika minn leave annwali mħallas ta’ 30 jum, bħal dak previst għall-membri tal-ġudikatura ordinarji, fil-każ li dan il-giudice di pace jkun jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “ħaddiem għal żmien determinat”, fis-sens tal-klawżola 2(1) ta’ dan il-ftehim qafas, u fil-każ li huwa jkun jinsab f’sitwazzjoni komparabbli għal dik ta’ membru tal-ġudikatura ordinarju, sakemm tali differenza fit-trattament ma tkunx iġġustifikata abbażi tad-differenzi fil-kwalifiki meħtieġa u n-natura tal-kompiti li għalihom l-imsemmija membri tal-ġudikatura huma responsabbli, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

    Fuq