EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62019CJ0073

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-16 ta’ Lulju 2020.
Belgische Staat u Directeur-Generaal van de Algemene Directie Controle en Bemiddeling van de FOD Economie, K.M.O., Middenstand en Energie vs Movic BV et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Hof van beroep te Antwerpen.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Artikolu 1(1) – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ ‘materji ċivili u kummerċjali’ – Azzjoni għal inibizzjoni ta’ prattiki kummerċjali żleali mressqa minn awtorità pubblika għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi.
Kawża C-73/19.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2020:568

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

16 ta’ Lulju 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Artikolu 1(1) – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ ‘materji ċivili u kummerċjali’ – Azzjoni għal inibizzjoni ta’ prattiki kummerċjali żleali mressqa minn awtorità pubblika għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi”

Fil-Kawża C‑73/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-hof van beroep te Antwerpen (il-Qorti tal-Appell ta’ Antwerpen, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Jannar 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta’ Jannar 2019, fil-proċedura

Belgische Staat, irrappreżentat mill-Minister van Werk, Economie en Consumenten, responsabbli għall-Buitenlandse handel, u mid-Directeur-Generaal van de Algemene Directie Controle en Bemiddeling van de FOD Economie, K.M.O., Middenstand en Energie, li saret Algemene Directie Economische Inspectie,

Directeur-Generaal van de Algemene Directie Controle en Bemiddeling van de FOD Economie, K.M.O., Middenstand en Energie, li saret Algemene Directie Economische Inspectie

vs

Movic BV,

Events Belgium BV,

Leisure tickets & Activities International BV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, M. Safjan, L. Bay Larsen, C. Toader (Relatur) u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Jannar 2020,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Movic BV, minn L. Savelkoul u B. Schildermans, avukati,

għal Events Belgium BV u Leisure Tickets & Activities International BV, minn T. Baes, avukat,

għall-Gvern Belġjan, minn P. Cottin, L. Van den Broeck u C. Pochet, bħala aġenti, assistiti minn E. Vervaeke, avukat,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Heller u G. Wils, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-23 ta’ April 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Belgische Staat (l-Istat Belġjan), irrappreżentat mill-Minister van Werk, Economie en Consumenten (il-Ministru tal-Impjieg, tal-Ekonomija u tal-Konsumaturi), inkarigat mill-Buitenlandse handel (il-kummerċ estern), u mid-Directeur-Generaal van de Algemene Directie Controle en Bemiddeling van de FOD Economie, K.M.O., Middenstand en Energie (id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tal-Kontroll u tal-Medjazzjoni tas-Servizz Pubbliku Federali tal-Ekonomija, tal-SMEs, tal-Klassijiet Medji u tal-Enerġija), li sar l-Algemene Directie Economische Inspectie (id-Direttorat Ġenerali tal-Ispezzjoni Ekonomika), kif ukoll id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tal-Kontroll u tal-Medjazzjoni tas-Servizz Pubbliku Federali tal-Ekonomija, tal-SMEs, tal-Klassijiet Medji u tal-Enerġija, li sar id-Direttorat Ġenerali tal-Ispezzjoni Ekonomika (iktar ’il quddiem l-“Awtoritajiet Belġjani”) u Movic BV, u Events Belgium BV u Leisure Tickets & Activities International BV, kumpanniji tad-dritt Olandiż, dwar, b’mod partikolari, il-waqfien minn dawn tal-aħħar tal-prattika kummerċjali tagħhom ta’ bejgħ mill-ġdid ta’ titoli ta’ aċċess għall-avvenimenti organizzati fil-Belġju.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-kunsill 93/13 KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288), jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.

2.   Il-mezzi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu disposizzjonijiet li bihom persuni jew organizzazzjonijiet, li jkollhom interess leġittimu skond il-liġi nazzjonali li jipproteġu lill-konsumaturi, ikunu jistgħu jieħdu azzjoni skond il-liġi nazzjonali kkonċernata quddiem il-qrati jew quddiem korpi amministrattivi kompetenti għal deċiżjoni dwar jekk il-klawżoli kuntrattwali ppreparati għal-użu ġenerali jkunux inġusti, biex ikunu jistgħu japplikaw mezzi xierqa u effettivi biex jipprevjenu li jkomplu jintużaw dawn il-klawżoli.

[…]”

4

Intitolat “Infurzar”, l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU 2005, L 149, p. 22, rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 86) huwa hekk redatt:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu mezzi adegwati u effettivi li jikkumbattu l-prattiċi kummerċjali żleali sabiex tiġi nfurzata l-osservanza tad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva fl-interess tal-konsumaturi.

Dawn il-mezzi għandhom jinkludu disposizzjonijiet legali li taħthom persuni jew organizzazzjonijiet li f’għajnejn il-liġi nazzjonali għandhom interess leġittimu li jiġġieldu l-prattiċi kummerċjali żleali, inklużi kompetituri, jistgħu:

(a)

jistitwixxu azzjoni legali kontra tali prattiċi kummerċjali żleali

u/jew

(b)

iġibu każijiet ta’ tali prattiċi kummerċjali żleali quddiem awtorità amministrattiva li għandha l-kompetenza jew li tiddeċiedi dwar ilmenti jew li tagħti bidu għall-proċedimenti legali adegwati.

Għandu jkun għal kull Stat Membru li jiddeċiedi liema minn dawn il-mezzi għandu jkun disponibbli u li jiddeċiedi jekk il-qrati jew l-awtoritajiet amministattivi jistgħux jesiġu li jkun preċedentement sar rikors għal mezzi stabbiliti oħra tat-trattament ta’ ilmenti, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 10. Dawn il-faċilitajiet għandhom ikunu disponibbli indipendentement minn jekk il-konsumaturi milquta jinsabux fit-territorju ta’ l-Istat Membru fejn jinsab il-kummerċjant jew fi Stat Membru ieħor.

[…]

2.   Taħt id-disposizzjonijiet legali msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-qrati jew lill-awtoritajiet amministrattivi s-setgħat li, fil-każijiet fejn jikkunsidraw li tali miżuri huma meħtieġa wara li jittieħed kont ta’ l-interessi kollha involuti u b’mod partikolari ta’ l-interess pubbliku:

(a)

jordnaw il-waqfien, jew jistitwixxu proċedimenti legali adegwati għall-għoti ta’ ordni ta’ waqfien, ta’ prattiċi kummerċjali żleali,

jew

(b)

jekk il-prattika kummerċjali żleali għadha ma seħħetx iżda hija imminenti, jordnaw il-projbizzjoni tal-prattika, jew jistitwixxu proċedimenti legali adegwati għall-għoti ta’ ordni ta’ projbizzjoni tal-prattika

anki mingħajr prova ta’ telf jew ħsara attwali jew ta’ intenzjoni jew negligenza min-naħa tal-kummerċjant.

L-Istati Membri għandhom ukoll jipprovdu sabiex il-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu jiġu meħuda taħt proċedura aċċelerata:

jew b’effett provviżorju, jew

b’effett definittiv,

iżda għandu jkun għal kull Stat Membru li jiddeċiedi liema miż-żewġ possibbiltajiet jagħżel.

Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jagħtu lill-qrati u lill-awtoritajiet amministrattivi s-setgħat li, bil-ħsieb li jeliminaw l-effetti kontinwi ta’ prattiċi kummerċjali żleali li t-terminazzjoni tagħhom ġiet ordnata permezz ta’ deċiżjoni definittiva:

(a)

jesiġu l-pubblikazzjoni sħiħa jew parzjali ta’ dik id-deċiżjoni u fil-forma li huma jikkunsidraw adegwata,

(b)

li jitolbu barra minn dan il-pubblikazzjoni ta’ dikjarazzjoni rettifikattiva.

[…]”

5

Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2009/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar inġunzjonijiet [inibizzjonijiet] għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi (ĠU 2009, L 110, p. 30) għandha l-għan li tapprossima l-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri relatati ma’ azzjonijiet għal inibizzjoni mmirati lejn il-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi inklużi fid-Direttivi elenkati fl-Anness I ta’ din id-direttiva, bil-għan li tkun żgurata l-ħidma t-tajba tas-suq intern.

6

L-Anness I tal-imsemmija direttiva jsemmi d-Direttivi 93/13 u 2005/29 fost dawk intiżi sabiex jipproteġu l-interessi kollettivi tal-konsumaturi.

7

Il-premessi 10 u 34 tar-Regolament Nru 1215/2012 jistabbilixxu:

“(10)

Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandu jkopri l-kwistjonijiet ċivili u kummerċjali prinċipali kollha barra ċerti kwistjonijiet definiti sew, […].

[…]

(34)

Għandha tiġi żgurata l-kontinwità bejn il-Konvenzjoni [tas-27 ta’ Settembru dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, (ĠU 1972, L 299, p. 32)], ir-Regolament (KE) Nru 44/2001 [tal-Kunsill tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42),] u dan ir-Regolament, u għal dan il-għan għandhom jitfasslu dispożizzjonijiet tranżitorji. L-istess ħtieġa għal kontinwità tapplika għall-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-[imsemmija] Konvenzjoni […] u r-Regolamenti li jissostitwixxieha.”

8

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1215/2012, li jinsab fil-Kapitolu I tiegħu, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dan ir-Regolament għandu japplika fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. Huwa m’għandux jestendi, b’mod partikolari, għal kwistjonijiet ta’ dħul, dawk doganali jew amministrattivi jew għar-responsabbiltà tal-Istat għal atti u ommissjonijiet fl-eżerċitar tal-awtorità tal-Istat (acta iure imperii).”

Id-dritt Belġjan

Il-liġi tat-30 ta’ Lulju 2013

9

L-Artikolu 5(1) tal-Wet betreffende de verkoop van toegangsbewijzen tot evenementen (il-Liġi dwar il-Bejgħ mill-Ġdid ta’ Titoli ta’ Aċċess għal Avvenimenti), tat-30 ta’ Lulju 2013 (Belgisch Staatsblad, 6 ta’ Settembru 2013, p. 63069, iktar ’il quddiem il-“Liġi tat-30 ta’ Lulju 2013”), jipprojbixxi l-fatt li jiġu esposti għall-bejgħ mill-ġdid b’mod abitwali titoli ta’ aċċess għal avvenimenti u l-provvista tal-mezzi li ser jintużaw għal tali bejgħ mill-ġdid. L-Artikolu 5(2) ta’ din il-liġi jipprojbixxi l-bejgħ mill-ġdid b’mod okkażjonali ta’ titoli ta’ aċċess għal avvenimenti bi prezz ogħla mill-prezz definittiv tagħhom.

10

Skont l-Artikolu 14 tal-Liġi tat-30 ta’ Lulju 2013, il-President tar-rechtbank van koophandel (il-Qorti Kummerċjali, il-Belġju), li sussegwentement saret l-ondernemingsrechtbank (il-Qorti tal-Impriża), għandu jikkonstata l-eżistenza ta’ att li jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 5 ta’ din il-liġi u jordna t-tmiem tiegħu. Din id-dispożizzjoni tipprovdi li azzjoni ta’ inibizzjoni ta’ tali att għandha titressaq fuq talba tal-Ministru li għandu l-Ekonomija fil-funzjonijiet tiegħu, jew tad-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għall-Kontroll u l-Medjazzjoni tas-Servizz Pubbliku Federali tal-Ekonomija, SMEs, klassijiet medji u tal-enerġija, jew tal-persuni kkonċernati.

Il-KDE

11

Il-Ktieb VI tal-Wetboek Economisch Recht (il-Kodiċi tad-Dritt Ekonomiku) tat-28 ta’ Frar 2013, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem il-“KDE”) fih, fit-Titolu 4 tiegħu, il-Kapitolu 1, dwar il-“Prattiki Kummerċjali Żleali fil-konfront tal-konsumaturi”, li l-Artikoli VI.92 sa VI.100 tiegħu jikkostitwixxu implimentazzjoni tad-Direttiva 2005/29. F’dan il-kuntest, l-Artikoli VI.93, VI.97, VI.99 u VI.100 ta’ dan il-kodiċi jiddefinixxu prattiki kummerċjali żleali.

12

Skont l-Artikolu XVII.1 tal-KDE, il-President tar-rechtbank van koophandel (il-Qorti Kummerċjali) jikkonstata l-eżistenza ta’ att li jikkostitwixxi ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kodiċi, bla ħsara għal ċerti azzjonijiet partikolari, u jordna t-terminazzjoni tiegħu.

13

L-Artikolu XVII.7 tal-KDE jipprevedi li l-azzjoni bbażata fuq l-Artikolu XVII.1 ta’ dan il-kodiċi għandha tiġi ppreżentata fuq talba, b’mod partikolari, tal-persuni kkonċernati, tal-Ministru li għandu l-Ekonomija fir-responsabbiltajiet tiegħu, tad-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għall-Kontroll u għall-Medjazzjoni tas-Servizz Pubbliku Federali tal-Ekonomija, tal-SMEs, tal-Klassijiet Medji u tal-Enerġija, ta’ grupp professjonali jew interprofessjonali li għandu personalità ġuridika, jew inkella ta’ assoċjazzjoni li l-għan tagħha huwa li tiddefendi l-interessi tal-konsumaturi, meta din taġixxi quddiem qorti sabiex tiddefendi l-interessi kollettivi tagħhom iddefiniti b’mod statutorju.

14

Skont l-Artikolu XV.2 (2) tal-KDE, il-minuti redatti mill-aġenti kompetenti f’dan il-qasam huma awtentiċi sakemm tingħata prova kuntrarja.

15

Skont l-Artikolu XV.3.1 ta’ dan il-kodiċi, l-aġenti msemmija fl-Artikolu XV.2 tal-imsemmi kodiċi jistgħu jfasslu proċess verbal ta’ twissija jew proċess verbal jew jipproponu sanzjoni amministrattiva bbażata b’mod partikolari fuq il-konstatazzjonijiet magħmula.

Il-Kodiċi Ġudizzjarju

16

Il-Gerechtelijk Wetboek (il-Kodiċi Ġudizzjarju) jinkludi l-Kapitolu XXIII, intitolat “Fuq il-pagamenti ta’ penalità”, li taħtu l-Artikolu 1385a ta’ dan il-kodiċi jipprovdi li l-qorti tista’, fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, tikkundanna lill-parti l-oħra, fil-każ li l-kundanna prinċipali ma tkunx issodisfatta, għall-ħlas ta’ somma ta’ flus, imsejħa pagamenti ta’ penalità, bla ħsara għad-danni, jekk ikun hemm lok. Skont l-Artikolu 1385b ta’ dan il-kodiċi, il-qorti tista’ tiffissa l-pagamenti ta’ penalità, b’mod partikolari, għal somma ddeterminata għal kull ksur.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

17

Fit-2 ta’ Diċembru 2016, l-awtoritajiet Belġjani ressqu proċeduri legali quddiem il-President tar-rechtbank van koophandel Antwerpen-afdeling Antwerpen (il-Qorti Kummerċjali, diviżjoni ta’ Antwerpen, il-Belġju), fi proċedura għal miżuri provviżorji, kontra Movic, Events Belgium u Leisure tickets & Activities International, fejn talbu, prinċipalment, minn naħa, li jiġi kkonstatat li dawn il-kumpanniji kienu jipprattikaw il-bejgħ mill-ġdid, fil-Belġju, permezz ta’ siti internet ġestiti minnhom, ta’ titoli ta’ aċċess għall-avvenimenti għal prezz superjuri għal dak inizjali, attività li tikkostitwixxi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi tat-30 ta’ Lulju 2013 u tal-KDE, u, min-naħa l-oħra, li jiġi ordnat il-waqfien minn dawn il-prattiki kummerċjali.

18

Sussidjarjament, l-awtoritajiet Belġjani talbu li jiġu ordnati miżuri ta’ pubblikazzjoni tad-deċiżjoni mogħtija bi spejjeż tal-imsemmija kumpanniji, li jiġu imposti pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 10000 għal kull ksur ikkonstatat min-notifika ta’ din id-deċiżjoni u li jiġi deċiż li l-ksur futur ikun jista’ jiġi kkonstatat permezz ta’ sempliċi minuti redatti minn uffiċjal taħt il-ġurament tad-Direttorat Ġenerali tal-Ispezzjoni Ekonomika, skont il-KDE.

19

It-tliet kumpanniji inkwistjoni qajmu eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Belġjani, billi sostnew li l-awtoritajiet Belġjani kienu aġixxew fl-eżerċizzju tas-setgħa pubblika, b’tali mod li l-azzjonijiet tagħhom ma kinux jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012.

20

Permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Ottubru 2017, il-President tar-rechtbank van koophandel Antwerpen-afdeling Antwerpen (il-Qorti tal-Kummerċ, Diviżjoni ta’ Antwerpen, Antwerpen) ikkunsidrat li ma kellhiex ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex tieħu konjizzjoni tal-azzjonijiet fil-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, hija ddeċidiet li r-Regolament Nru 1215/2012 ma kienx applikabbli f’dan il-każ, minħabba li dawn l-azzjonijiet ma setgħux jitqiesu li jaqgħu taħt “materji ċivili jew kummerċjali”, fis-sens ta’ dan ir-regolament.

21

L-awtoritajiet Belġjani appellaw minn din id-deċiżjoni quddiem il-hof van beroep te Antwerpen (il-Qorti tal-Appell ta’ Antwerpen, il-Belġju).

22

Il-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux dwar il-kwistjoni jekk l-eżerċizzju tal-kompetenza ta’ awtorità pubblika sabiex tressaq azzjoni intiża sabiex ittemm ksur tal-Liġi tal-30 ta’ Lulju 2013 u tal-KDE jirriżultax jew le mill-manifestazzjoni tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

23

L-awtoritajiet Belġjani jsostnu li, fil-kawżi prinċipali, huma jiddefendu mhux interess pubbliku simili għalihom, iżda interess ġenerali, li jikkonsisti f’li tiġi osservata l-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-prattiki kummerċjali li, hija stess, hija intiża sabiex tipproteġi l-interessi privati, kemm dawk tal-imprendituri kif ukoll dawk tal-konsumaturi, peress li dawn il-prattiki huma rregolati minn dispożizzjonijiet tad-dritt komuni applikabbli għar-relazzjonijiet bejn individwi, b’tali mod li dawn il-kawżi jaqgħu taħt il-“materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012.

24

Il-konvenuti fil-kawża prinċipali jsostnu, għall-kuntrarju, li l-awtoritajiet Belġjani jaġixxu bis-saħħa ta’ dritt proprju tal-awtorità pubblika, li abbażi tiegħu huma jistgħu, kuntrarjament għal sempliċi individwi jew impriżi, iressqu azzjoni għal inibizzjoni, mingħajr ma jkollhom interess proprju. L-awtoritajiet Belġjani jaġixxu, għaldaqstant, fl-eżerċizzju tas-setgħa pubblika, peress li huma stess ma humiex affettwati mill-prattiki kummerċjali tal-kumpanniji kkonċernati.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-hof van beroep te Antwerpen (il-Qorti tal-Appell ta’ Antwerpen) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li jmiss:

“Proċedura ġudizzjarja dwar azzjoni intiża għall-konstatazzjoni u għat-twaqqif tal-prattiki tas-suq jew tal-prattiki kummerċjali illegali fil-konfront tal-konsumaturi, mibdija mill-awtoritajiet Belġjani skont l-Artikolu 14 tal-Liġi tat-30 ta’ Lulju 2013 […] u abbażi tal-Artikolu XVII.7 [tal-KDE], kontra kumpanniji tal-Pajjiżi l-Baxxi li, mill-Pajjiżi l-Baxxi, permezz ta’ siti tal-internet jindirizzaw lil klijentela prinċipalment Belġjana fid-dawl tal-bejgħ mill-ġdid ta’ biljetti għal avvenimenti li jseħħu fil-Belġju, għandha titqies li hija proċedura dwar [“]kwistjoni ċivili u kummerċjali [”] fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament [Nru 1215/2012], u sentenza mogħtija f’tali proċedura tista’ għal din ir-raġuni tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament?”

Fuq id-domanda preliminari

26

Id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tikkonċerna, essenzjalment, id-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-azzjonijiet imressqa mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru kontra kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru ieħor u intiżi sabiex jiġu kkonstatati u mitmuma prattiki kummerċjali allegatament illegali ta’ dawn il-kumpanniji intiżi għal konsumaturi residenti fl-ewwel Stat Membru.

27

Hemm lok li jiġi rrilevat li l-kawża pendenti quddiem din il-qorti tinkludi wkoll tliet talbiet ifformulati b’mod anċillari, jiġifieri talbiet intiżi sabiex jiġu ordnati miżuri ta’ reklamar, sabiex jiġu imposti pagamenti ta’ penalità u sabiex jiġi deċiż li l-ksur futur ikun jista’ jiġi kkonstatat permezz ta’ sempliċi minuti redatti minn uffiċjal ġuramentat ta’ waħda mill-imsemmija awtoritajiet.

28

Għaldaqstant, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 14 tal-konklużjonijiet tiegħu, sabiex tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha skont ir-Regolament Nru 1215/2012 sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawżi prinċipali, il-qorti tar-rinviju għandha tistabbilixxi li ebda wieħed mill-kapijiet tat-talba mressqa mill-awtoritajiet Belġjani ma jista’ jeskludi dawn it-tilwimiet, kompletament jew parzjalment, mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dan ir-regolament.

29

Skont ġurisprudenza stabbilita, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tipprovdi lill-qorti tar-rinviju l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jippermettulha tiddeċiedi l-kawża li għandha quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2008, Gysbrechts u Santurel Inter, C‑205/07, EU:C:2008:730, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tat-12 ta’ Frar 2015, Baczó u Vizsnyiczai, C‑567/13, EU:C:2015:88, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), billi tifformula mill-ġdid, jekk ikun il-każ, id-domanda preliminari.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ser tingħata risposta għat-talba għal deċiżjoni preliminari fid-dawl mhux biss tal-kapijiet ta’ talba mressqa b’mod prinċipali quddiem il-qorti tar-rinviju, iżda wkoll ta’ dawk ifformulati b’mod anċillari quddiem din il-qorti.

31

Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, li jinsab f’din id-dispożizzjoni, azzjoni bejn l-awtoritajiet ta’ Stat Membru u professjonisti stabbiliti fi Stat Membru ieħor li fil-kuntest tagħha dawn l-awtoritajiet jitolbu, prinċipalment, li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ ksur li jikkostitwixxi prattiki kummerċjali żleali allegatament illegali u li jiġi ordnat il-waqfien tagħhom, kif ukoll, sussidjarjament, li jiġu ordnati miżuri ta’ reklamar, sabiex jiġi impost pagament ta’ penalità għall-ksur ikkonstatat u sabiex jiġi ddikjarat li l-ksur futur jista’ jiġi kkonstatat minn sempliċi minuti fformulati minn uffiċjal ġuramentat tal-imsemmija awtoritajiet.

32

Qabelxejn għandu jitfakkar li, sa fejn ir-Regolament Nru 1215/2012 iħassar u jissostitwixxi r-Regolament Nru 44/2001, li huwa stess issostitwixxa l-konvenzjoni msemmija fil-premessa 34 tar-Regolament Nru 1215/2012, l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-istrumenti legali tgħodd ukoll għal dan ir-regolament, kif jirriżulta minn din il-premessa, meta d-dispożizzjonijiet tal-imsemmija strumenti jistgħu jiġu kklassifikati bħala “ekwivalenti”.

33

Sabiex jiġu żgurati, sa fejn huwa possibbli, l-ugwaljanza u l-uniformità tad-drittijiet u tal-obbligi li jirriżultaw mir-Regolament Nru 1215/2012 għall-Istati Membri u għall-persuni kkonċernati, il-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali” li jinsab fl-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament ma għandux jiġi interpretat bħala sempliċi riferiment għad-dritt intern ta’ Stat Membru. Dan il-kunċett għandu jitqies bħala kunċett awtonomu li għandu jiġi interpretat b’riferiment, minn naħa, għall-għanijiet u għall-istruttura ta’ dan ir-regolament u, min-naħa l-oħra, għall-prinċipji ġenerali li joħorġu mill-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali kollha (sentenza tas-7 ta’ Mejju 2020, Rina, C‑641/18, EU:C:2020:349, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Barra minn hekk, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 10 tar-Regolament Nru 1215/2012, in-neċessità li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern kif ukoll dik li jiġi evitat, għall-funzjonament armonjuż tal-ġustizzja, li ma jingħatawx deċiżjonijiet irrikonċiljabbli fl-Istati Membri jeħtieġu interpretazzjoni wiesgħa tal-imsemmi kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali” (sentenza tat-28 ta’ Frar 2019, Gradbeništvo Korana, C‑579/17, EU:C:2019:162, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li, għalkemm ċertu tilwim bejn awtorità pubblika u persuna rregolata mid-dritt privat jista’ jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012, dan ma jkunx il-każ meta l-awtorità pubblika taġixxi fl-eżerċizzju tas-setgħa pubblika tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ April 2013, Sapir et, C‑645/11, EU:C:2013:228, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-12 ta’ Settembru 2013, Sunico et, C‑49/12, EU:C:2013:545, punt 34).

36

Fil-fatt, il-manifestazzjoni ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika minn waħda mill-partijiet fil-kawża, minħabba l-eżerċizzju minnha ta’ setgħat li jmorru lil hinn mir-regoli tad-dritt komuni applikabbli fir-relazzjonijiet bejn individwi, teskludi tali tilwima mill-“materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Frar 2007, Lechouritou et, C‑292/05, EU:C:2007:102, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tat-28 ta’ Frar 2019, Gradbeništvo Korana, C‑579/17, EU:C:2019:162, punt 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

37

Minn dan isegwi li, sabiex jiġi ddeterminat jekk materja taqax jew le taħt il-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, u konsegwentement fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, hemm lok li tiġi identifikata r-relazzjoni legali eżistenti bejn il-partijiet fil-kawża u s-suġġett tagħha, jew, alternattivament, li jiġu eżaminati l-bażi u l-modalitajiet ta’ eżerċizzju tal-azzjoni mressqa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 1976, LTU, 29/76, EU:C:1976:137, punt 4, u tat-28 ta’ Frar 2019, Gradbeništvo Korana, C‑579/17, EU:C:2019:162, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

38

Fir-rigward tal-bażi ta’ talba bħal dik ifformulata prinċipalment fil-kawżi prinċipali, għandu jitfakkar li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 93/13 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu azzjonijiet għal inibizzjoni tal-użu ta’ klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi.

39

Bl-istess mod, fl-Artikolu 11 tagħha, intitolat “Applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni”, id-Direttiva 2005/29 tipprevedi diversi modalitajiet intiżi sabiex tiġi kkonstatata n-natura illegali tal-prattiki kummerċjali u sabiex jiġi ordnat il-waqfien tagħhom.

40

Fl-aħħar nett, fl-Anness I tagħha, id-Direttiva 2009/22 tirreferi għad-Direttivi 93/13 u 2005/29 fost l-istrumenti tad-dritt tal-Unjoni li jipproteġu l-interessi kollettivi tal-konsumaturi.

41

Fir-rigward tal-azzjonijiet għal inibizzjoni u l-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-azzjoni relatata mal-projbizzjoni għan-negozjanti milli jużaw klawżoli inġusti, fis-sens tad-Direttiva 93/13, fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi, sa fejn din hija intiża li tissuġġetta għall-istħarriġ tal-qorti ir-relazzjonijiet tad-dritt privat, taqa’ taħt il-kunċett ta’ materji ċivili (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2002, Henkel, C‑167/00, EU:C:2002:555, punt 30). Din il-ġurisprudenza ġiet ulterjorment imtennija u b’mod iktar ġenerali estiża għall-azzjonijiet għal inibizzjoni msemmija fid-Direttiva 2009/22 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, Verein für Konsumenteninformation, C‑191/15, EU:C:2016:612, punti 3839).

42

Minn dan isegwi li azzjonijiet intiżi sabiex jiġu kkonstatati u mitmuma prattiki kummerċjali żleali, fis-sens tad-Direttiva 2005/29, jaqgħu wkoll taħt il-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012.

43

F’dan il-każ, l-azzjonijiet pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju huma intiżi sabiex tiġi osservata l-projbizzjoni, stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jsir il-bejgħ mill-ġdid b’mod abitwali ta’ titolu ta’ aċċess għal avvenimenti jew il-bejgħ mill-ġdid b’mod okkażjonali ta’ tali titoli bi prezz ogħla mill-prezz definittiv tagħhom, peress li tali bejgħ mill-ġdid jista’ jiġi kkunsidrat bħala prattika kummerċjali żleali fid-dawl ta’ din il-leġiżlazzjoni.

44

Madankollu, fir-rigward tal-modalitajiet ta’ eżerċizzju tal-azzjoni mibdija, għandu jiġi osservat li l-azzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma ġewx ippreżentati minn persuni rregolati mid-dritt privat, bħal konsumaturi jew organi li jaħdmu għall-protezzjoni tal-konsumaturi, iżda mill-awtoritajiet Belġjani inkarigati mill-Istat Membru kkonċernat sabiex jiżguraw, b’mod partikolari, il-protezzjoni tal-konsumaturi.

45

F’dan il-każ, il-konvenuti fil-kawża prinċipali jikkontestaw li l-azzjonijiet jistgħu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, billi jsostnu, qabel kollox, li l-awtoritajiet Belġjani ma humiex obbligati juru li huma għandhom interess proprju sabiex jibdew proċeduri bħal dawk fil-kawża prinċipali.

46

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li l-lista ta’ persuni awtorizzati li jressqu tali azzjoni skont l-Artikolu 14(1) tal-Liġi tat-30 ta’ Lulju 2013 u l-Artikolu XVII.7 tal-KDE ġiet adottata mil-leġiżlatur nazzjonali.

47

Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-fatt li kompetenza jew setgħa ngħataw minn liġi ma huwiex determinanti fih innifsu sabiex jiġi konkluż li awtorità Statali aġixxiet fl-eżerċizzju tas-setgħa pubblika (ara, b’analoġija, fir-rigward tal-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali” fis-sens tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (servizz ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 (ĠU 2007, L 324, p. 79, rettifika fil-ĠU 2015, L 68, p. 91), is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Fahnenbrock et, C‑226/13, C‑245/13 u C‑247/13, EU:C:2015:383, punt 56).

48

F’dan il-każ, mill-kliem tal-Artikolu 14(1) tal-Liġi tat-30 ta’ Lulju 2013 u mill-Artikolu XVII.7 tal-KDE jirriżulta li l-awtoritajiet Belġjani għandhom, l-istess bħal persuni kkonċernati u assoċjazzjonijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, il-possibbiltà li jadixxu lill-President tar-rechtbank van koophandel (il-Qorti Kummerċjali), li saret l-ondernemingsrechtbank (il-Qorti tal-Impriża) sabiex jikkonstataw il-ksur tal-leġiżlazzjoni nazzjonali f’dan il-qasam u jordnaw il-ħruġ ta’ inibizzjoni ta’ waqfien.

49

Minn dan isegwi li s-sitwazzjoni proċedurali tal-awtoritajiet Belġjani hija, f’dan ir-rigward, paragunabbli ma’ dik ta’ organu ta’ protezzjoni tal-konsumaturi.

50

Fit-tieni lok, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali lanqas ma tidher li tikkunsidra għall-awtoritajiet Belġjani li hija ssemmi regoli ta’ rikonoxximent tal-interess ġuridiku li jagħtuhom kundizzjonijiet ta’ rikors eżorbitanti meta mqabbla ma’ dawk previsti għar-rikorrenti l-oħra.

51

B’mod partikolari, u bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, dawn l-awtoritajiet Belġjani ma humiex iktar miż-żewġ kategoriji l-oħra tar-rikorrenti msemmija fl-Artikolu XVII.7 tal-KDE eżentati milli jippreżentaw interess ġuridiku.

52

Għalhekk, għalkemm huwa minnu li fil-kawżi prinċipali dawn l-awtoritajiet Belġjani ma jidhrux li kellhom prova ta’ interess ġuridiku, dan il-fatt huwa neċessarjament inerenti għall-fatt li huma setgħu jaġixxu biss fuq il-bażi ta’ kompetenza mogħtija lilhom mil-liġi fil-qasam tal-ġlieda kontra ċerti prattiki kummerċjali żleali.

53

Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 29 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-difiża tal-interess ġenerali ma tistax tiġi konfuża mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ setgħa pubblika.

54

Għalhekk, fil-kawża prinċipali, il-kundizzjonijiet stabbiliti sabiex l-awtoritajiet Belġjani jkollhom interess ġuridiku ma jidhrux, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, li jikkostitwixxu l-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ setgħa pubblika.

55

Sussegwentement, il-konvenuti fil-kawża prinċipali jenfasizzaw il-fatt li l-awtoritajiet Belġjani jużaw il-konstatazzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet tagħhom bħala provi quddiem il-qrati, b’tali mod li d-dokumenti kruċjali tal-proċess huma magħmula minn sensiela ta’ rapporti u minn konstatazzjonijiet li jirriżultaw minn kontrolluri Statali, li jikkostitwixxi l-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ setgħa pubblika.

56

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, li jitqies li azzjoni mressqa minn awtorità pubblika hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012 sempliċement minħabba l-użu, minn din l-awtorità, ta’ provi miġbura permezz tal-prerogattivi tagħha jdgħajjef l-effikaċja prattika tal-mezzi ta’ implimentazzjoni tal-protezzjoni tal-konsumaturi rrikonoxxuti mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Fil-fatt, b’differenza mill-mudell li fih hija l-awtorità amministrattiva stess li tiddeċiedi dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn ksur, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-awtorità pubblika hija responsabbli għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi quddiem il-qrati ġudizzjarji.

57

Huwa biss jekk, minħabba l-użu li hija tkun għamlet minn ċerti provi, awtorità pubblika ma tinsabx b’mod konkret fl-istess sitwazzjoni bħal persuna rregolata mid-dritt privat fil-kuntest ta’ tilwima analoga, li jkollu għalhekk jiġi kkunsidrat li tali awtorità għamlet użu, f’dan il-każ, minn prerogattivi ta’ setgħa pubblika.

58

Għandu jiġi ppreċiżat li s-sempliċi ġabra u l-kumpilazzjoni ta’ lmenti jew ta’ provi, kif tista’ tagħmel kollettività ta’ professjonisti jew ta’ konsumaturi, ma jistgħux ikunu ekwivalenti għall-eżerċizzju ta’ tali prerogattivi.

59

F’dan ir-rigward, mill-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li, fil-kuntest tal-proċedura pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, l-awtoritajiet Belġjani għamlu kwalunkwe użu minn provi li nkisbu permezz tal-prerogattivi tagħhom ta’ setgħa pubblika, fatt li, jekk ikun il-każ, għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

60

Minn dan isegwi li azzjoni bejn l-awtoritajiet ta’ Stat Membru u professjonisti stabbiliti fi Stat Membru ieħor li fil-kuntest tagħha dawn l-awtoritajiet jitolbu, prinċipalment, li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ ksur li jikkostitwixxi prattiki kummerċjali żleali allegatament illegali u li jiġi ordnat il-waqfien tagħhom, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012.

61

Fir-rigward tat-talbiet magħmula b’mod anċillari fil-kawżi prinċipali, għandu jiġi rrilevat li dawk intiżi sabiex jiġu ordnati miżuri ta’ reklamar u sabiex jiġi impost pagament ta’ penalità jikkostitwixxu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 71 u 72 tal-konklużjonijiet tiegħu, miżuri normali tal-proċedura ċivili intiżi sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ġudizzjarja futura.

62

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-talba mressqa quddiem il-qorti tar-rinviju mill-awtoritajiet Belġjani, intiża sabiex tingħata l-kompetenza li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur futur permezz ta’ sempliċi minuti redatti minn uffiċjal ġuramentat tad-Direttorat Ġenerali tal-Ispezzjoni Ekonomika, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 75 sa 77 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma jistax jitqies li tali talba taqa’ taħt il-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, għaliex din it-talba tirrigwarda fir-realtà setgħat eżorbitanti meta mqabbla mar-regoli tad-dritt komuni applikabbli fir-relazzjonijiet bejn individwi.

63

Madankollu, is-sistema ġenerali tar-Regolament Nru 1215/2012 ma timponix li t-trattament ta’ talba anċillari għandu neċessarjament ikun marbut ma’ dak ta’ talba prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015, Aannemingsbedrijf Aertssen u Aertssen Terrassements, C‑523/14, EU:C:2015:722, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), b’tali mod li l-ġurisdizzjoni internazzjonali ta’ qorti ta’ Stat Membru sabiex tieħu konjizzjoni ta’ talba prinċipali tista’ tkun ibbażata fuq dan ir-regolament mingħajr ma dan ikun neċessarjament il-każ ukoll fir-rigward tat-talbiet anċillari tagħha, u viċi versa.

64

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, li jinsab f’din id-dispożizzjoni, azzjoni bejn l-awtoritajiet ta’ Stat Membru u professjonisti stabbiliti fi Stat Membru ieħor li fil-kuntest tagħha dawn l-awtoritajiet jitolbu, prinċipalment, li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ ksur li jikkostitwixxi prattiki kummerċjali żleali allegatament illegali u li jiġi ordnat il-waqfien tagħhom, kif ukoll, sussidjarjament, li jiġu ordnati miżuri ta’ reklamar u li jiġi impost pagament ta’ penalità.

Fuq l-ispejjeż

65

Billi l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, li jinsab f’din id-dispożizzjoni, azzjoni bejn l-awtoritajiet ta’ Stat Membru u professjonisti stabbiliti fi Stat Membru ieħor li fil-kuntest tagħha dawn l-awtoritajiet jitolbu, prinċipalment, li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ ksur li jikkostitwixxi prattiki kummerċjali żleali allegatament illegali u li jiġi ordnat il-waqfien tagħhom, kif ukoll, sussidjarjament, li jiġu ordnati miżuri ta’ reklamar u li jiġi impost pagament ta’ penalità.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Fuq