Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62019CJ0041

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-4 ta’ Ġunju 2020.
    FX vs GZ.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Amtsgericht Köln.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet fi kwistjonijiet ta’ obbligi ta’ manteniment – Regolament (KE) Nru 4/2009 – Artikolu 41(1) – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Artikolu 24(5) – Titolu ddikjarat eżekuttiv, li jikkonstata dritt għall-manteniment – Azzjoni għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni – Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.
    Kawża C-41/19.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2020:425

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    4 ta’ Ġunju 2020 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet fi kwistjonijiet ta’ obbligi ta’ manteniment – Regolament (KE) Nru 4/2009 – Artikolu 41(1) – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Artikolu 24(5) – Titolu ddikjarat eżekuttiv, li jikkonstata dritt għall-manteniment – Azzjoni għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni – Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni”

    Fil-Kawża C‑41/19,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Amtsgericht Köln (il-Qorti Distrettwali ta’ Köln, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Jannar 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Jannar 2019, fil-proċedura

    FX

    vs

    GZ, irrappreżentata għal finijiet legali minn ommha,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn A. Prechal, President tal-Awla, L. S. Rossi (Relatur), J. Malenovský, F. Biltgen u N. Wahl, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Bobek,

    Reġistratur: M. Krausenböck, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Novembru 2019,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal FX, minn H. W. Junker, Rechtsanwalt,

    għal GZ, irrappreżentata għal finijiet legali minn ommha, B.,

    għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, M. Hellmann u U. Bartl, bħala aġenti,

    għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, R. Stańczyk u S. Żyrek, bħala aġenti,

    għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, P. Barros da Costa, L. Medeiros u S. Duarte Afonso, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin u M. Heller, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta’ Frar 2020,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni, minn naħa, tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment (ĠU 2009, L 7, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2011, L 131, p. 26, fil-ĠU 2013, L 8, p. 19, u fil-ĠU 2013, L 281, p. 29), u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn FX, iddomiċiljat fil-Ġermanja, u bintu minuri GZ, irrappreżentata għal finijiet legali minn ommha u ddomiċiljata fil-Polonja, dwar il-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju sabiex tiddeċiedi dwar l-azzjoni li permezz tagħha FX oppona l-eżekuzzjoni tad-dritt għall-manteniment li tiegħu huwa d-debitur.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    Ir-Regolament Nru 4/2009

    3

    Il-premessi 9 sa 11, 30 u 44 tar-Regolament Nru 4/2009 huma fformulati kif ġej:

    “ (9)

    Kreditur ta’ manteniment għandu jkun jista’ jikseb faċilment, fi Stat Membru, deċiżjoni li tkun awtomatikament eżegwibbli fi Stat Membru ieħor mingħajr il-ħtieġa ta’ ebda formalità oħra.

    (10)

    Sabiex jintlaħaq dan l-objettiv, huwa xieraq li jiġi stabbilit att komunitarju fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment li jiġbor id-dispożizzjonijiet dwar il-kunflitti ta’ ġurisdizzjonijiet, il-kunflitti ta’ liġijiet, ir-rikonoxximent u leżekutorjetà, l-eżekuzzjoni, l-għajnuna legali u l-kooperazzjoni bejn l-Awtoritajiet Ċentrali.

    (11)

    Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandu jkun estiż għall-obbligi ta’ manteniment kollha li jirriżultaw minn relazzjonijiet tal-familja, tal-parentela, taż-żwieġ jew ta’ affinità, u dan, sabiex tkun garantita ugwaljanza fit-trattament bejn il-kredituri ta’ manteniment kollha. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, it-terminu ‘obbligu ta’ manteniment’ għandu jinftiehem b’mod awtonomu.

    […]

    (30)

    Sabiex titħaffef l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ Stat Membru marbut mill-Protokoll [dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi ta’ Manteniment, iffirmat fit-23 ta’ Novembru 2007 f’Den Haag, approvat, f’isem il-Komunità Ewropea, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/941/KE tat-30 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 331, p. 17),] fi Stat Membru ieħor, jeħtieġ li jiġu limitati r-raġunijiet għal rifjut jew għal suspensjoni tal- eżekuzzjoni li jistgħu jiġu invokati mid-debitur minħabba n-natura transkonfinali tal-obbligu ta’ manteniment. Din il-limitazzjoni m’għandhiex taffettwa r-raġunijiet għal rifjut jew sospensjoni stabbiliti mil-liġi nazzjonali li ma jkunux inkompatibbli ma’ dawk elenkati f’dan ir-Regolament, bħal-liberazzjoni mid-dejn min-naħa tad-debitur fil-mument tal-infurzar jew in-natura eżenti ta’ ċerti assi.

    […]

    (44)

    Dan ir-Regolament għandu jemenda r-Regolament [tal-Kunsill] (KE) Nru 44/2001 [tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol 4, p. 42),] billi jissostitwixxi d-dispożizzjonijiet li japplikaw fil-qasam ta’ obbligi ta’ manteniment. Soġġett għad-dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom, fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment, japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament dwar il-kompetenza, ir-rikonoxximent, eżekutorjetà u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-għajnuna ġudizzjarja minflok dawk tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 mid-data ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.”

    4

    L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 4/2009 jipprevedi:

    “Dan ir-Regolament għandu japplika għall-obbligi ta’ manteniment li ġejjin minn relazzjonijiet tal-familja, parentela, żwieġ jew affinità.”

    5

    L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

    “1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

    1)

    ‘deċiżjoni’: għandha tfisser deċiżjoni fi kwistjonijiet relatati ma’ obbligi ta’ manteniment mogħtija minn ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru, tkun xi tkun id-denomenazzjoni, jiġifieri digriet, ordni, sentenza jew mandat ta’ eżekuzzjoni […]

    […]

    4)

    ‘Stat Membru tal-oriġini’: għandha tfisser l-Istat Membru fejn […] ingħatat id-deċiżjoni […]

    5)

    ‘Stat Membru tal-eżekuzzjoni’: għandha tfisser l-Istat Membru li fih [hija] mfittxija l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni […]

    […]”

    6

    L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament jiddikjara:

    “Fi kwistjonijiet relatati ma’ obbligi ta’ manteniment, fl-Istati Membri, il-ġurisdizzjoni għandha tkun f’idejn:

    a)

    il-qorti tal-post fejn il-konvenut għandu r-residenza abitwali tiegħu, jew

    b)

    il-qorti tal-post fejn il-kreditur għandu r-residenza abitwali tiegħu, […]

    […]”

    7

    L-Artikolu 8 tal-istess regolament, intitolat “Limiti fuq il-proċedimenti”, fil-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi:

    “Meta tingħata deċiżjoni fi Stat Membru jew fi Stat Kontraenti għall-Konvenzjoni [dwar l-Irkupru Internazzjonali ta’ Manteniment għat-Tfal u Forom Oħrajn ta’ Manteniment tal-Familja, konkluża fit-23 ta’ Novembru 2007 f’Den Haag, approvata f’isem l-Unjoni Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/432/UE tad-9 ta’ Ġunju 2011 (ĠU 2011, L 192, p. 39),] fejn il-kreditur ikollu r-residenza abitwali tiegħu, il-proċedimenti għall-emenda tad-deċiżjoni jew biex tingħata deċiżjoni ġdida ma jistgħux jitressqu mid-debitur fi kwalunkwe Stat Membru ieħor dment li l-kreditur jibqa’ jkollu r-residenza abitwali tiegħu fl-Istat fejn tkun ingħatat id-deċiżjoni.”

    8

    Il-Kapitolu IV tar-Regolament Nru 4/2009, intitolat “Rikonoxximent, Eżekutorjetà u Eżekuzzjoni ta’ Deċiżjonijiet”, huwa maqsum fi tliet taqsimiet u japplika, b’mod partikolari, għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet fi kwistjonijiet ta’ obbligi ta’ manteniment. Skont l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 4/2009, it-Taqsima 1, li tiġbor fiha l-Artikoli 17 sa 22 ta’ dan ir-regolament, tapplika għad-deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru marbut bil-Protokoll dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi ta’ Manteniment, it-Taqsima 2, li tiġbor fiha l-Artikoli 23 sa 38 tal-imsemmi regolament, tapplika għad-deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru mhux marbut b’dan il-Protokoll, filwaqt li t-Taqsima 3, li tiġbor fiha l-Artikoli 39 sa 43 tal-istess regolament, tinkludi dispożizzjonijiet komuni għad-deċiżjonijiet kollha.

    9

    L-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 4/2009, intitolat “Proċeduri u kondizzjonijiet għall-eżekuzzjoni”, li jinsab fit-Taqsima 3 tal-Kapitolu IV ta’ dan ir-regolament, jistipula:

    “1.   Suġġetta għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, il-proċedura għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru ieħor għandha tkun irregolata mil-liġi tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni. Deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru li hija eżegwibbli fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni għandha tiġi eżegwita hemmekk skont l-istess kondizzjonijiet bħal deċiżjoni mogħtija f’dan l-Istat Membru tal-eżekuzzjoni.

    […]”

    10

    L-Artikolu 42 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

    “Taħt l-ebda ċirkostanza ma tista’ deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru […] tkun riveduta fir-rigward tas-sustanza tagħha fl-Istat Membru li fih jintalab ir-rikonoxximent, l-eżekutorjetà jew l-eżekuzzjoni.”

    11

    L-Artikolu 64(2) tar-Regolament Nru 4/2009 jipprevedi:

    “Id-dritt ta’ korp pubbliku li jaġixxi minflok individwu li lilu huwa dovut manteniment jew li jfittex ir-rimborż ta’ benefiċċji pprovduti lill-kreditur minflok manteniment għandu jkun irregolat mil-liġi li għaliha huwa soġġett il-korp.”

    Ir-Regolament Nru 1215/2012

    12

    Il-premessa 10 tar-Regolament Nru 1215/2012 tistipula:

    “Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandu jkopri l-kwistjonijiet ċivili u kummerċjali prinċipali kollha barra ċerti kwistjonijiet definiti sew, partikolarment l-obbligi ta’ manteniment, li għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament wara l-adozzjoni tar-Regolament [Nru 4/2009].”

    13

    L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprovdi:

    “1.   Dan ir-Regolament għandu japplika fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. […]

    2.   Dan ir-Regolament m’għandux japplika għal:

    […]

    e)

    obbligi ta’ manteniment li jirriżultaw minn relazzjonijiet tal-familja, ta’ parentela, ta’ żwieġ jew ta’ affinità;

    […]”

    14

    L-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1215/2012, li jinsab fit-Taqsima 6 tal-Kapitolu II ta’ dan tal-aħħar, intitolata “Ġurisdizzjoni esklużiva”, jipprevedi:

    “Dawn il-qrati li ġejjin ta’ Stat Membru għandu jkollhom ġurisdizzjoni esklużiva, independentement mid-domiċilju tal-partijiet:

    […]

    5)

    fi proċedimenti li għandhom x’jaqsmu mal-eżekuzzjoni ta’ sentenzi, il-qrati tal-Istat Membru li fih is-sentenza kienet jew għandha tiġi eżegwita.”

    Id-dritt Ġermaniż

    Iz-ZPO

    15

    L-Artikolu 767 taz-Zivilprozessordnung (il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (BGBl. 2007 I, p. 1781, iktar ’il quddiem iz-“ZPO”), intitolat “Azzjoni għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni”, jistipula:

    “(1)   Id-debituri huma meħtieġa jqajmu l-eċċezzjonijiet li jikkonċernaw il-pretensjoni nnifisha stabbilita mis-sentenza billi jġibu azzjoni korrispondenti quddiem il-qorti tal-ewwel istanza inkarigata mill-każ.

    (2)   Eċċezzjonijiet bħal dawn bħala azzjoni huma ammissibbli biss sakemm ir-raġunijiet li fuqhom huma bbażati rriżultaw wara l-għeluq tal-proċedura orali, li kienet l-aħħar opportunità, skont l-istipulazzjonijiet tal-preżenti kodiċi, sabiex jitqajmu eċċezzjonijiet, u allura sakemm ma jistgħux jitqajmu billi jitressaq rikors.

    (3)   Fl-azzjoni li huwa għandu jġib, id-debitur għandu jqajjem l-eċċezzjonijiet kollha li seta’ jqajjem fil-waqt li fih ippreżenta r-rikors.”

    Il-FamFG

    16

    L-Artikolu 120 tal-Gesetz über das Verfahren in Familiensachen und in den Angelegenheiten der freiwilligen Gerichtsbarkeit (il-Liġi dwar il-Proċedura fil-Qasam ta’ Kawżi tal-Familja u ta’ Ġurisdizzjoni Volontarja, iktar ’il quddiem il-“FamFG”), intitolat “Eżekuzzjoni”, jipprovdi:

    “(1)   L-eżekuzzjoni f’każijiet li jikkonċernaw kwistjonijiet ta’ tilwim matrimonjali jew tal-familja għandha sseħħ skont id-dispożizzjonijiet [taz-ZPO] li jikkonċernaw eżekuzzjoni forzata.

    […]”

    L-AUG

    17

    L-Artikolu 40 tal-Auslandsunterhaltsgesetz (il-Liġi dwar l-Irkupru ta’ Manteniment fir-Rigward ta’ Stati Barranin) tat-23 ta’ Mejju 2011 (BGBl. 2011 I, p. 898, iktar ’il quddiem l-“AUG”) jistipula:

    “(1)   Jekk l-eżekuzzjoni għandha tkun awtorizzata abbażi tat-titolu, il-qorti għandha tiddeċiedi li t-titolu għandu jitqies bħala titolu li jikkonstata dritt għal eżekuzzjoni […]”

    18

    L-Artikolu 66 tal-AUG, intitolat “Azzjoni għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni”, jipprevedi:

    “(1)   Jekk titolu barrani huwa eżegwibbli skont ir-Regolament Nru 4/2009 mingħajr proċedura ta’ exequatur jew huwa ddikjarat eżegwibbli skont dak ir-regolament […], id-debitur jista’ jqajjem eċċezzjonijiet fir-rigward tal-pretensjoni nnifisha fil-kuntest ta’ proċedura skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 120(1) [tal-FamFG] u tal-Artikolu 767 [taz-ZPO]. Jekk titolu huwa deċiżjoni ġudizzjarja, dan għandu japplika biss sa fejn ir-raġunijiet li fuqhom huma bbażati l-eċċezzjonijiet irriżultaw biss wara li d-deċiżjoni ngħatat.

    […]

    (3)   L-azzjoni magħmula skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 120(1) tal-[FamFG] u tal-Artikolu 767 taz-[ZPO] għandha titressaq quddiem il-qorti li kienet ġiet adita bl-azzjoni tal-ħruġ ta’ titolu li jikkonstata dritt għall-eżekuzzjoni. […]”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    19

    Permezz ta’ deċiżjoni tas-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Kraków, il-Polonja) tas-26 ta’ Mejju 2009, FX ġie kkundannat għall-ħlas, favur bintu minuri, GZ, ta’ manteniment mensili ta’ madwar EUR 100, b’mod retroattiv mix-xahar ta’ Ġunju 2008.

    20

    Wara talba ta’ GZ tal-20 ta’ Lulju 2016, permezz ta’ digriet tas-27 ta’ Lulju 2016, l-Amtsgericht Köln (il-Qorti Distrettwali ta’ Köln, il-Ġermanja) iddeċidiet li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva tad-deċiżjoni msemmija iktar ’il fuq tas-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Kraków).

    21

    Abbażi ta’ dan it-titolu ddikjarat eżekuttiv, GZ, irrappreżentata għal finijiet legali minn ommha, bdiet proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata kontra FX fil-Ġermanja. Filwaqt li kkontesta din il-proċedura, fil-5 ta’ April 2018 FX ippreżenta, quddiem l-Amtsgerich Köln (il-Qorti Distrettwali ta’ Köln), azzjoni għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni b’applikazzjoni tal-Artikolu 767 taz-ZPO.

    22

    Insostenn tal-azzjoni tiegħu, FX sostna li d-dejn ta’ manteniment inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien diġà tħallas, direttament sas-sena 2010, jew indirettament mix-xahar ta’ Diċembru 2010 permezz tal-Fond ta’ Manteniment (il-Polonja) li lilu FX allegatament radd lura s-somom imħallsa lil GZ, sa fejn kienu jippermettu l-kapaċitajiet finanzjarji tiegħu. FX sostna li, fi kwalunkwe każ, il-parti l-kbira ta’ dan id-dejn kienet issodisfatta.

    23

    L-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar jekk l-azzjoni għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni mressqa quddiemha minn FX taqax fil-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha.

    24

    Minn naħa, dik il-qorti tqis li, jekk din l-azzjoni tiġi kklassifikata bħala azzjoni fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment, fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 4/2009, hija ma jkollha ebda ġurisdizzjoni internazzjonali skont dan ir-regolment, peress li għaldaqstant ikunu biss il-qrati Pollakki li jkollhom ġurisdizzjoni jeżaminaw l-eċċezzjoni li FX jislet mill-ħlas tad-dejn ta’ manteniment inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    25

    F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li parti mill-kummentarji Ġermaniżi tqis li l-azzjoni għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni prevista fl-Artikolu 767 taz-ZPO tabilħaqq taqa’ fil-klassifikazzjoni ta’ azzjoni fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment, fis-sens tar-Regolament Nru 4/2009, ġaladarba l-eċċezzjonijiet imqajma fil-kuntest ta’ tali azzjoni, b’mod partikolari dawk ibbażati fuq il-ħlas jew fuq it-trasferiment tad-debitu, finalment jirrigwardaw mhux il-mod li bih twettqet l-eżekuzzjoni forzata, eżaminata mis-sempliċi perspettiva tad-dritt għall-eżekuzzjoni, iżda t-titolu eżekuttiv bħala tali. Bl-istess mod, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, mil-lat funzjonali, din l-azzjoni għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni tikkorrispondi għal azzjoni intiża għat-tnaqqis tad-dritt għall-manteniment li għalih inħareġ titolu eżekuttiv, peress li, skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 4/2009, tali talba għal emenda hija suġġetta għall-kriterji ta’ ġurisdizzjoni previsti f’dan tal-aħħar. Din l-interpretazzjoni, difiża minn parti mill-kummentarji Ġermaniżi, li magħha l-qorti tar-rinviju hija lesta li taderixxi, fil-fehma tagħha hija l-unika waħda kompatibbli mal-għan imfittex minn dan ir-regolament, jiġifieri li jiġi ggarantit li l-kreditur ta’ manteniment ikun protett u mqiegħed f’pożizzjoni privileġġata mill-perspettiva tar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni, mingħajr madankollu ma jkollu jiddefendi lilu nnifsu, quddiem il-qrati tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tad-dejn li fir-rigward tiegħu ikun inħareġ titolu eżekuttiv, kontra azzjoni għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni li jkollha bħala suġġett eċċezzjonijiet sostantivi fir-rigward tal-imsemmi debitu.

    26

    Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tosserva li, għall-kuntrarju, il-leġiżlatur Ġermaniż huwa manifestament tal-fehma li l-qrati tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ta’ dritt għall-manteniment għandhom ġurisdizzjoni li jiddeċiedu dwar azzjoni għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni, bħal dik prevista fl-Artikolu 767 taz-ZPO, li fiha d-debitur huwa awtorizzat iqajjem eċċezzjonijiet li jirrigwardaw id-dejn fih innifsu. Skont il-qorti tar-rinviju, il-kummentarji dominanti fil-Ġermanja jqisu wkoll li tali azzjoni għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni ma tagħmilx parti mill-azzjonijiet fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment, fis-sens tar-Regolament Nru 4/2009, u dan għar-raġuni, b’mod partikolari, li l-għan tal-protezzjoni ġuridika mitluba tkun intiża biss għall-eżekuzzjoni tad-debitu, filwaqt li l-eżistenza tat-titolu oriġinali tibqa’ intatta.

    27

    Fil-każ fejn din it-tieni pożizzjoni kellha tipprevali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fit-tieni lok, jekk l-azzjoni għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni mibdija minn FX ikollhiex għalhekk tiġi kklassifikata bħala “proċedimenti li għandhom x’jaqsmu mal-eżekuzzjoni ta’ sentenzi”, fis-sens tal-Artikolu 24(5) tar-Regolament Nru 1215/2012.

    28

    Skont dik il-qorti, is-sentenzi tal-4 ta’ Lulju 1985, AS‑Autoteile Service (220/84, EU:C:1985:302), u tat-13 ta’ Ottubru 2011, Prism Investments (C‑139/10, EU:C:2011:653) waħedhom ma jippermettux li tingħata tweġiba għal din il-kwistjoni. Fil-fatt, dawn ingħataw fil-kuntest leġiżlattiv preċedenti għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 4/2009. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 1(2)(e) tar-Regolament Nru 1215/2012, dan tal-aħħar ma japplikax għall-obbligi ta’ manteniment.

    29

    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Amtsgericht Köln (il-Qorti Distrettwali ta’ Köln) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    Meta tkun diretta kontra titolu barrani li jikkonstata dritt għall-manteniment, l-azzjoni għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni prevista fl-Artikolu 767 taz-[ZPO] hija azzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment fis-sens tar-Regolament [Nru 4/2009]?

    2)

    Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv [għall-ewwel domanda], l-azzjoni għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni prevista fl-Artikolu 767 taz-ZPO, meta tkun diretta kontra titolu barrani li jikkonstata dritt għall-manteniment, hija azzjoni f’materji ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenzi fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 24 tar-Regolament [Nru 1215/2012]?”

    Fuq id-domandi preliminari

    30

    Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk azzjoni għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni mressqa mid-debitur ta’ dritt għall-manteniment, li hija diretta kontra l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mogħtija minn qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini u li kkonstatat dan id-debitu, taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 4/2009 jew ta’ dak tar-Regolament Nru 1215/2012 kif ukoll fil-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

    31

    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok għandu jiġi rrilevat li b’mod partikolari mill-premessi 10 u 11, mill-Artikolu 1(1) kif ukoll mill-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 4/2009 jirriżulta li dan tal-aħħar jikkostitwixxi strument tal-Unjoni Ewropea li jiġbor fih, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet dwar il-kunflitti ta’ ġurisdizzjonijiet, il-kunflitti tal-liġijiet, ir-rikonoxximent u l-forza eżekuttiva kif ukoll l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment li jirriżultaw minn relazzjonijiet tal-familja, tal-parentela, taż-żwieġ u ta’ affinità.

    32

    Permezz ta’ dan l-istrument, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jissostitwixxi d-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment li jinsabu fir-Regolament Nru 44/2001 b’dispożizzjonijiet li, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-urġenza partikolari tal-ħlas tad-drittijiet għall-manteniment, jissimplifikaw il-proċedura quddiem il-qorti tal-eżekuzzjoni u b’hekk jirrenduha iktar rapida (sentenza tad-9 ta’ Frar 2017, S., C‑283/16, EU:C:2017:104, punt 32). Għal dan l-għan, ir-Regolament Nru 4/2009 jinkludi l-Kapitolu IV, intitolat “Rikonoxximent, Eżekutorjetà u Eżekuzzjoni ta’ Deċiżjonijiet”, li jirregola, b’mod partikolari, l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet tal-qrati tal-Istati Membri fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment.

    33

    B’hekk ir-Regolament Nru 4/2009 jikkostitwixxi lex specialis f’dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, il-kwistjonijiet ta’ ġurisdizzjoni, ta’ liġi applikabbli, ta’ rikonoxximent, kif ukoll ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fil-qasam speċifiku tal-obbligi ta’ manteniment, kif barra minn hekk jikkonferma r-Regolament Nru 1215/2012, li ħassar ir-Regolament Nru 44/2001. Fil-fatt, mill-Artikolu 1(2)(e) tar-Regolament Nru 1215/2012, moqri fid-dawl tal-premessa 10 ta’ dan tal-aħħar, jirriżulta li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dan ir-regolament l-obbligi ta’ manteniment li jirriżultaw minn relazzjonijiet tal-familja, ta’ parentela, ta’ żwieġ u ta’ affinità wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 4/2009.

    34

    Konsegwentement, hekk kif l-Avukat Ġenerali essenzjalment irrileva fil-punti 39 u 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, tilwima, bħal dik fil-kawża prinċipali, ippreżentata quddiem qorti ta’ Stat Membru (l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni), li għandha bħala suġġett l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ddikjarata eżekuttiva f’dan l-Istat Membru, mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ieħor (l-Istat Membru ta’ oriġini), fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment li jirriżultaw minn relazzjoni tal-familja, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 4/2009, b’mod partikolari f’dak tal-Kapitolu IV ta’ dan tal-aħħar.

    35

    Il-fatt li qorti nazzjonali tkun, bħall-qorti tar-rinviju, adita b’azzjoni għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini li tkun ikkonstatat dritt għall-manteniment ma jibdilx din l-evalwazzjoni. Fil-fatt, hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-azzjoni għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni prevista fl-Artikolu 767 taz-ZPO għandha rabta mill-qrib mal-proċedura ta’ eżekuzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Lulju 1985, AS‑Autoteile Service, 220/84,EU:C:1985:302, punt 12). Għaldaqstant, meta tali azzjoni titwaħħad ma’ talba intiża għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment, hija ssir taqa’, bħalma huwa l-każ għal din tal-aħħar, fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 4/2009.

    36

    Fir-rigward, fit-tieni lok, tad-dubji li għandha l-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha, bħala qorti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tad-dritt għall-manteniment, sabiex tiddeċiedi dwar azzjoni għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li, minkejja li fil-Kapitolu IV tiegħu r-Regolament Nru 4/2009 jiġbor sensiela ta’ dispożizzjonijiet relatati mal-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment, l-ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma ssemmi b’mod espress il-ġurisdizzjoni fl-istadju tal-eżekuzzjoni.

    37

    Madankollu, fost id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 3 tal-Kapitolu IV tar-Regolament Nru 4/2009, intitolata “Dispożizzjonijiet komuni”, insibu l-Artikolu 41(1) ta’ dan tal-aħħar, li minn naħa jistipula li, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, il-proċedura għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru ieħor għandha tkun irregolata mil-liġi tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni u, min-naħa l-oħra, jistipula li deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru li hija eżegwibbli fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandha tiġi eżegwita hemmhekk skont l-istess kundizzjonijiet bħal dawk ta’ deċiżjoni mogħtija f’dan l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

    38

    B’mod impliċitu u neċessarju, minn din id-dispożizzjoni tar-Regolament Nru 4/2009 jirriżulta li azzjoni li jkollha rabta mill-qrib mal-proċedura ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mogħtija minn qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini li tkun ikkonstatat dritt għall-manteniment, bħalma hija l-azzjoni għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, taqa’, bħalma tagħmel it-talba għal eżekuzzjoni fiha nnifisha tal-imsemmija deċiżjoni, fil-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

    39

    F’dan ir-rigward, ikun b’mod partikolari kuntrarju għall-għanijiet imfakkra fil-punt 32 ta’ din is-sentenza ta’ sempliċità u ta’ rapidità mfittxija mir-Regolament Nru 4/2009, partikolarment permezz tas-sistema li jagħmel parti minnha l-Artikolu 41(1) ta’ dan ir-regolament, jekk, meta tkun adita minn kreditur tal-manteniment sabiex teżegwixxi deċiżjoni ddikjarata eżekuttiva fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, il-qorti kompetenti ta’ dan tal-aħħar ikollha tikkonstata fi kwalunkwe każ in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tagħha sabiex tiddeċiedi dwar azzjoni għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni, favur il-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini, għar-raġuni li din tal-aħħar, bħala qorti tal-Istat Membru ta’ residenza tal-kreditur, skont l-Artikolu 3(b) tar-Regolament Nru 4/2009 hija l-iktar waħda adatta sabiex tiżgura l-protezzjoni tiegħu.

    40

    Fil-fatt, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-qrubija bejn il-qorti li għandha ġurisdizzjoni u l-kreditur ta’ manteniment ma hijiex l-uniku għan tar-Regolament Nru 4/2009 (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Sanders u Huber, C‑400/13 u C‑408/13, EU:C:2014:2461, punt 40). Dan tal-aħħar huwa wkoll intiż li jiżgura amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, mhux biss mill-perspettiva ta’ ottimizzazzjoni tal-organizzazzjoni ġudizzjarja, iżda wkoll fir-rigward tal-interess tal-partijiet, irrispettivament minn jekk ikunx ir-rikorrent jew il-konvenut li jibbenefikaw, b’mod partikolari, minn aċċess iffaċilitat għall-ġustizzja u minn prevedibbiltà tar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Sanders u Huber, C‑400/13 u C‑408/13, EU:C:2014:2461, punt 29).

    41

    Min-naħa l-oħra, l-obbligu li jkun impost fuq il-qorti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li fi kwalunkwe każ tiċħad il-ġurisdizzjoni tagħha li tiddeċiedi dwar azzjoni għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, favur il-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini li kkonstatat id-dritt għall-manteniment, ikollu l-konsegwenza mhux li jirrendi l-irkupru tad-dritt għall-manteniment internazzjonali l-iktar faċli possibbli, konfermement ma’ wieħed mill-għanijiet prinċipali tar-Regolament Nru 4/2009, iżda, għall-kuntrarju, li jtawwal u jirrendi l-proċedura iktar oneruża b’mod eċċessiv, u li lill-partijiet jikkawżalhom telf ta’ ħin u spejjeż addizzjonali mhux negliġibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Sanders u Huber, C‑400/13 u C‑408/13, EU:C:2014:2461, punt 41).

    42

    Minn dan jirriżulta li qorti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, adita b’talba għal eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mogħtija minn qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini u li kkonstatat dritt għall-manteniment, għandha ġurisdizzjoni skont ir-Regolament Nru 4/2009, b’mod partikolari l-Artikolu 41(1) ta’ dan tal-aħħar, sabiex tiddeċiedi dwar azzjoni għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni meta din ikollha rabta mill-qrib mat-talba għal eżekuzzjoni mressqa quddiemha.

    43

    F’dan ir-rigward għandu jiżdied li, fil-kawża prinċipali, l-azzjoni għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni hija bbażata fuq l-affermazzjoni tar-rikorrent li huwa diġà ħallas il-parti l-kbira tad-dejn tal-manteniment inkwistjoni, jekk hux direttament jew inkella indirettament permezz tal-Fond ta’ Manteniment.

    44

    Filwaqt li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti l-elementi ta’ interpretazzjoni tar-Regolament Nru 4/2009 li huma utli għall-qorti tar-rinviju b’rabta ma’ tali raġuni għal oppożizzjoni, hija biss il-qorti tar-rinviju li tevalwa l-fatti kif ukoll il-provi miġjuba mill-partijiet fil-kawża prinċipali insostenn tal-pretensjonijiet tagħhom.

    45

    Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 78 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-raġuni bbażata fuq il-kwittanza tad-dejn hija waħda minn dawk ir-raġunijiet li ġeneralment jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-istadju tal-eżekuzzjoni, hekk kif barra minn hekk tenfasizza t-tieni sentenza tal-premessa 30 tar-Regolament Nru 4/2009, li tistipula li l-kwittanza tad-dejn mid-debitur fil-mument tal-eżekuzzjoni hija waħda mir-raġunijiet ta’ rifjut jew ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni previsti mid-dritt nazzjonali li ma humiex inkompatibbli ma’ dan ir-regolament.

    46

    Meta deċiżjoni tkun ingħatat fi Stat Membru fejn il-kreditur għandu r-residenza abitwali tiegħu, tali raġuni, invokata insostenn tal-azzjoni għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni mid-debitur quddiem il-qorti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, la tkun intiża li tibdel din id-deċiżjoni jew li tikseb deċiżjoni ġdida f’dan l-aħħar Stat Membru, fis-sens tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 4/2009, u lanqas li titlob ir-reviżjoni fuq il-mertu tal-imsemmija deċiżjoni fl-imsemmi Stat Membru, fis-sens tal-Artikolu 42 tal-imsemmi regolament.

    47

    Fil-fatt, l-azzjoni għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni li hija bbażata fuq din ir-raġuni hija marbuta mill-qrib mal-proċedura ta’ eżekuzzjoni inkwantu hija għandha biss l-għan li tikkontesta l-ammont li fir-rigward tiegħu tkun għadha tista’ tiġi eżegwita d-deċiżjoni li tkun ikkonstatat id-dritt għall-manteniment, abbażi tal-provi pprovduti mid-debitur fir-rigward tal-kwittanza allegata tad-dejn tiegħu, u dawn huma elementi li għandhom jiġu evalwati mill-qorti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, kemm fir-rigward tal-ammissibbiltà kif ukoll fir-rigward tal-fondatezza.

    48

    Barra minn hekk, fil-kawża prinċipali, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 66 tal-AUG jirriżulta li d-debitur ta’ manteniment jista’ jqajjem oġġezzjonijiet biss abbażi ta’ ċirkustanzi li seħħew wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni li kkonstatat id-dritt għall-manteniment. Tali dispożizzjonijiet għaldaqstant jeskludu li ċirkustanzi li ġew invokati mid-debitur tad-dritt għall-manteniment quddiem il-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini, jew li setgħu jiġu invokati, ikunu jistgħu jiġu ppreżentati b’mod validu insostenn tal-azzjoni għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni.

    49

    Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment fil-punti 79 sa 81 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-evalwazzjoni li tinsab fil-punti 46 u 47 ta’ din is-sentenza ma tistax tiġi invalidata permezz tal-intervent, fil-kawża prinċipali, ta’ organu pubbliku bħall-Fond ta’ Manteniment, li jissostitwixxi lid-debitur fir-rigward tal-kreditur ta’ manteniment.

    50

    Fil-fatt, f’kawża tali, l-intervent ta’ tali organu, li barra minn hekk huwa previst fl-Artikolu 64(2) tar-Regolament Nru 4/2009, jikkonċerna biss il-modalitajiet li skonthom id-dejn ta’ manteniment għandu jitħallas, kif ukoll il-provi miġjuba mid-debitur quddiem il-qorti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni insostenn tal-allegazzjoni tiegħu li huwa ħallas id-dejn tiegħu indirettament. Tali intervent ma huwiex ta’ rilevanza fir-rigward tal-mertu tad-deċiżjoni tal-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini li kkonstatat id-dritt għall-manteniment.

    51

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha ta’ hawn fuq, ir-risposti għad-domandi magħmula għandhom ikunu kif ġej:

    Ir-Regolament Nru 4/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, kif ukoll fil-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, azzjoni għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni mressqa mid-debitur ta’ dritt għall-manteniment kontra l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mogħtija minn qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini u li kkonstatat dan id-dejn, li hija marbuta mill-qrib mal-proċedura ta’ eżekuzzjoni.

    Skont l-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 4/2009 u d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali rilevanti, hija l-qorti tar-rinviju li, bħala qorti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, għandha tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà u l-fondatezza tal-provi miġjuba mid-debitur tad-dritt għall-manteniment intiżi li jsostnu l-allegazzjoni li dan tal-aħħar ħallas il-parti l-kbira tad-dejn tiegħu.

    Fuq l-ispejjeż

    52

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment għandu jiġi interpretat fis-sens li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, kif ukoll fil-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, azzjoni għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni mressqa mid-debitur ta’ dritt għall-manteniment kontra l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mogħtija minn qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini u li kkonstatat dan id-dejn, li hija marbuta mill-qrib mal-proċedura ta’ eżekuzzjoni.

     

    Skont l-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 4/2009 u d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali rilevanti, hija l-qorti tar-rinviju li, bħala qorti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, għandha tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà u l-fondatezza tal-provi miġjuba mid-debitur tad-dritt għall-manteniment intiżi li jsostnu l-allegazzjoni li dan tal-aħħar ħallas il-parti l-kbira tad-dejn tiegħu.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Fuq