EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62018CJ0456

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-4 ta’ Ġunju 2020.
L-Ungerija vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Għajnuna mill-Istat – Għajnuna preżunta – Deċiżjoni li tinbeda l-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE – Ordni ta’ sospensjoni tal-miżuri inkwistjoni – Kundizzjonijiet għal-legalità tal-ordni.
Kawża C-456/18 P.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2020:421

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

4 ta’ Ġunju 2020 ( *1 )

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Għajnuna preżunta – Deċiżjoni li tinbeda l-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE – Ordni ta’ sospensjoni tal-miżuri inkwistjoni – Kundizzjonijiet għal-legalità tal-ordni”

Fil-Kawża C‑456/18 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-12 ta’ Lulju 2018,

L-Ungerija, irrappreżentata minn M. Z. Fehér u G. Koós, bħala aġenti,

appellanti,

sostnuta minn:

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna u M. Rzotkiewicz kif ukoll minn A. Kramarczyk, bħala aġenti,

intervenjenti fl-appell,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn, P.‑J. Loewenthal, V. Bottka u K. Talabér-Ritz, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla (Relatur), R. Silva de Lapuerta, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed taġixxi bħala Imħallef tal-Ewwel Awla, M. Safjan, L. S. Rossi u C. Toader, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Settembru 2019,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tas-16 ta’ Jannar 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Bl-appell tagħha, l-Ungerija titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-25 ta’ April 2018, L-Ungerija vs Il-Kummissjoni (T‑554/15 u T‑555/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2018:220), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikorsi tal-Ungerija intiżi għall-annullament, minn naħa, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 4805 final tal-15 ta’ Lulju 2015 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA. 41187 (2015/NN) – L-Ungerija – Il-kontribuzzjoni lejn is-saħħa min-negozji tal-industrija tat-tabakk (ĠU 2015, C 277, p. 24), u, min-naħa l-oħra tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 4808 final tal-15 ta’ Lulju 2015 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA. 40018 (2015/C) (eks 2014/NN) – 2014 Emenda tat-tariffa ta’ spezzjoni tal-katina alimentari tal-Ungerija (ĠU 2015, C 277, p. 12) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet kontenzjużi”), sa fejn huma jordnaw is-sospensjoni tal-applikazzjoni tar-rata ta’ tassazzjoni progressiva, rispettivament, tal-kontribuzzjoni għas-saħħa tal-impriżi fis-settur tat-tabakk u tat-tariffa ta’ spezzjoni tal-katina tal-ikel, kif jirriżultaw mil-Liġi Nru XCIV tal-2014, dwar il-kontribuzzjoni għas-saħħa tal-impriżi tas-settur tat-tabakk, u mill-emenda tal-2014 tal-Liġi Nru XLVI tal-2008, dwar il-katina tal-ikel u l-kontroll uffiċjali relatat magħha.

Il-kuntest ġuridiku

2

Il-premessa 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), kif ġie emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 734/2013 tat-22 ta’ Lulju 2013 (ĠU 2013, L 204, p. 15) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 659/1999”) hija fformulata kif ġej:

“Billi f’każijiet ta’ għajnuna kontra l-liġi, il-Kummissjoni għandha jkollha d-dritt li tikseb l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex jawtorizzawha tieħu deċiżjoni u tirristawra minnufih, fejn xieraq, kompetizzjoni mingħajr xkiel; billi huwa b’hekk xieraq sabiex tawtorizza lill-Kummissjoni sabiex tadotta miżuri interim indirizzati lill-Istati Membri konċernati; billi l-miżuri interim jistgħu jieħdu l-forma ta’ inġunzjonijiet ta’ l-informazzjoni, inġunzjonijiet ta’ sospensjoni u inġunzjonijiet ta’ rkupru; billi l-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata fl-eventwalità ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ inġunzjoni ta’ l-informazzjoni, sabiex tawtorizza abbażi ta’ l-informazzjoni disponibbli u, fl-eventwalità ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ inġunzjonijiet ta’ sospensjoni u rkupru, sabiex tirreferi l-argument direttament lill-Qorti tal-Ġustizzja, f’konformità mat-tieni sottoparagrafu ta’ l-Artikolu [108(2) TFUE]”.

3

L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Klawsola ta’ waqfien totali”, jipprevedi:

“Għajnuna notifikabbli skond l-Artikolu 2(1) m’għandhiex tiddaħħal fis-seħħ qabel ma l-Kummissjoni ma tkun ħadet, jew tinftiehem li tkun ħadet, deċiżjoni li tawtorizza din l-għajnuna.”

4

Skont l-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, intitolat “Abbozz [Eżami] preliminari tan-notifika u deċiżjonijiet tal-Kummissjoni”:

“1.   Il-Kummissjoni għandha teżamina n-notifika malli tirċevieha. Mingħajr preġudizzju għal l-Artikolu 8, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni skond il-paragrafi 2, 3 jew 4.

2.   Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li l-miżura notifikata ma tikkostitwixix għajnuna, għandha tirreġistra dik is-sejba permezz ta’ deċiżjoni.

3.   Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li ma tqajjem l-ebda dubju f’dik li l-kompatibilità mas-suq [intern] ta’ miżura notifikata, safejn taqa’ fi ħdan l-iskop ta’ l-Artikolu [107(1) TFUE], għandha tiddeċiedi li l-miżura hija kompatibbli mas-suq [intern], (minn hawn ‘l quddiem imsejjaħ ‘deċiżjoni li ma jitqajjmux oġġezzjonijiet’). Id-deċiżjoni għandha tispeċifika liema eċċezzjoni taħt it-Trattat kienet applikata.

4.   Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li tqajjmu dubji dwar il-kompatibilità mas-suq [intern], ta’ miżura notifikata, għandha tiddeċiedi jekk għandhomx jibdew proċeduri skond l-Artikolu [108(2) TFUE] (minn hawn ‘l quddiem imsejjħa ‘deċiżjoni li tinbeda l-proċedura formali għall-investigazzjoni’).

[…]”

5

Il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 659/1999, intitolat “Proċedura li Tirrigwarda Għajnuna Kontra l-Liġi”, tinkludi l-Artikoli 10 sa 14 ta’ dan tal-aħħar. L-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 20, il-Kummissjoni tista’ fuq l-inizjattiva tagħha stess teżamina informazzjoni li tirrigwarda għajnuna illegali allegata minn kwalunkwe sors.

[…]

2.   Jekk neċessarju, il-Kummissjoni għandha titlob l-informazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat. […]”

6

L-Artikolu 11 tal-imsemmi regolament, intitolat “Inġunzjoni għas-sospensjoni jew rkupru proviżjonali ta’ għajnuna”, jipprevedi:

“1.   Il-Kummissjoni tista’ wara li tagħti lill-Istat Membru kkonċernat l-opportunità li tissottometti l-kummenti tagħha [jissottometti l-kummenti tiegħu], tadotta deċiżjoni li teħtieġ lill-Istat Membru li jissospendi kull għajnuna llegali sakemm il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni dwar il-kompatibilità ta’ l-għajnuna mas-suq [intern] (minn hawn ‘l quddiem imsejjħa ‘inġunzjoni ta’ suspensjoni’).

2.   Il-Kummissjoni tista’ wara li tagħti lill-Istat Membru kkonċernat l-opportunità li tissottometti l-kummenti tagħha, tadotta deċiżjoni li teħtieġ lill-Istat Membru sabiex jirkupra proviżjonalment kull għajnuna kontra l-liġi sakemm il-Kummissjoni tkun ħadet deċiżjoni dwar il-kompatibilità ta’ l-għajnuna mas-suq [intern] (minn hawn ‘l quddiem imsejjħa ‘inġunzjoni ta’ rkupru’), jekk ikunu sodisfatti l-kriterji li ġejjin:

skond prattika mwaqqfa m’hemm l-ebda dubji dwar il-karattru ta’ l-għajnuna tal-miżura kkonċernata u

hemm urġenza għall-azzjoni u

hemm riskju serju ta’ ħsara sustanzjali u rreparrabbli lil xi kompetitur.

Ir-rkupru għandu jsir f’konformità mal-proċedura mqiegħda fl-Artikolu 14(2) u (3). Wara li l-għajnuna tkun irkuprata effettivament, il-Kummissjoni għanda tieħu deċiżjoni fil-limiti ta’ żmien applikabbli għall-għajnuna notifikata.

Il-Kummissjoni tista’ tawtorizza lill-Istat Membru biex jgħaqqad ir-rifużjoni ta’ l-għajnuna mal-ħlas ta’ l-għajnuna ta’ rescue lid-ditta kkonċernata.

Id-disposizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu għandhom jgħoddu biss għal għajnuna llegali implimentata wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.”

7

Skont l-Artikolu 12 tal-istess regolament, intitolat “Nuqqas ta’ konformità ma’ deċiżjoni ta’ inġunzjoni”:

“Jekk l-Istat Membru jonqos milli jikkonforma ma’ inġunzjoni ta’ sospensjoni jew inġunzjoni ta’ rkupru, il-Kummissjoni għandha tkun intitolata, filwaqt li tkun qed tagħmel l-eżami fuq is-sustanza ta’ l-argument abbażi ta’ l-informazzjoni disponibbli, biex tirreferi l-argument lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej direttament u japplika għal dikjarazzjoni li n-nuqqas ta’ konformità tikkostitwixxi ksur tat-Trattat.”

8

L-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999 jipprevedi:

“L-eżami ta’ għajnuna llegali possibli għandu jirriżulta f’deċiżjoni skond l-Artikolu 4(2), (3) jew (4). Fil-każ ta’ deċiżjonijiet sabiex tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-proċeduri għandhom jingħalqu permezz ta’ deċiżjoni skond l-Artikolu 7. Jekk Stat Membru jonqos milli jikkonforma ma’ inġunzjoni ta’ informazzjoni, dik id-deċiżjoni għandha tittieħed abbażi ta’ l-informazzjoni disponibbli.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

9

Permezz tal-Liġi Nru XCIV tal-2014, dwar il-kontribuzzjoni għas-saħħa tal-impriżi tas-settur tat-tabakk, il-Parlament Ungeriż stabbilixxa taxxa ġdida miġbura, skont rata progressiva, fuq id-dħul mill-bejgħ annwali tal-impriżi li jaqilgħu mill-inqas 50 % tad-dħul mill-bejgħ tagħhom mill-produzzjoni jew mill-kummerċ tal-prodotti tat-tabakk. Huwa rrenda wkoll progressiva, permezz tal-emenda tal-2014 tal-Liġi Nru XLVI tal-2008, dwar il-katina tal-ikel u l-kontroll uffiċjali relatat magħha, tariffa ta’ spezzjoni tal-katina tal-ikel miġbura fuq id-dħul mill-bejgħ tal-ħwienet li jbiegħu l-oġġetti ta’ konsum ta’ kuljum.

10

B’ittri li għandhom, rispettivament, id-data tas-17 ta’ Marzu u tat-13 ta’ April 2015, il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet Ungeriżi li, fil-fehma tagħha, ir-rata progressiva tat-tariffa ta’ spezzjoni tal-katina tal-ikel, minn naħa, u dik tal-kontribuzzjoni għas-saħħa kif ukoll it-tnaqqis tal-kontribuzzjoni għas-saħħa fil-każ ta’ investimenti, min-naħa l-oħra, kellhom bħala effett li jiġu ttrattati b’mod differenti impriżi li jkunu jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli u li setgħu għalhekk jitqiesu li jistabbilixxu għajnuna mill-Istat li hija inkompatibbli mas-suq intern. F’kull waħda minn dawn l-ittri, il-Kummissjoni semmiet il-possibbiltà li tindirizza lill-Ungerija ordni ta’ sospensjoni, abbażi tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 659/1999, u talbitha tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-eventwali applikazzjoni ta’ tali ordni. B’ittri tas-16 ta’ April u tat-12 ta’ Mejju 2015, l-awtoritajiet Ungeriżi rrispondew li l-miżuri kkonċernati ma kinux jikkostitwixxu, fil-fehma tagħhom, għajnuna mill-Istat.

11

Permezz tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, il-Kummissjoni, f’kull waħda minn dawn il-kawżi, minn naħa, bdiet proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE u, min-naħa l-oħra, b’applikazzjoni tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 659/1999, ordnat lill-Ungerija tissospendi l-eżekuzzjoni tal-miżuri fiskali inkwistjoni.

12

Fl-4 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni adottat żewġ deċiżjonijiet li jtemmu l-proċeduri ta’ investigazzjoni formali, li permezz tagħhom hija qieset li l-miżuri kkontestati kienu illegali u inkompatibbli mas-suq intern.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

13

B’atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Settembru 2015, l-Ungerija ppreżentat rikors kontra kull waħda mid-deċiżjonijiet kontenzjużi sa fejn huma jordnaw is-sospensjoni tal-applikazzjoni tar-rata ta’ tassazzjoni progressiva, rispettivament, tal-kontribuzzjoni għas-saħħa u tat-tariffa ta’ spezzjoni tal-katina tal-ikel kif ukoll is-sospensjoni tat-tnaqqis tal-kontribuzzjoni għas-saħħa fil-każ ta’ investiment.

14

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn ir-rikorsi.

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

15

Permezz tal-appell tagħha, l-Ungerija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tannulla s-sentenza appellata, tilqa’ t-talbiet tagħha ppreżentati fl-ewwel istanza u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

16

B’deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ottubru 2018, ir-Repubblika tal-Polonja ġiet ammessa tintervjeni insostenn tal-Ungerija.

17

Il-Kummissjoni titlob li l-appell jiġi miċħud, li l-Ungerija tiġi kkundannata għall-ispejjeż u li r-Repubblika tal-Polonja tiġi kkundannata għall-ispejjeż marbuta mal-intervent.

Fuq l-appell

Fuq l-ammissibbiltà tal-appell

18

Il-Kummissjoni topponi lill-Gvern Ungeriż eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq il-fatt li huwa ma jippreżentax b’mod ċar u inekwivoku l-aggravji li huwa jibbaża ruħu fuqhom, ma jispeċifikax il-punti kollha kkritikati tas-sentenza appellata li huwa jikkontesta, fil-biċċa l-kbira sempliċement jirrepeti l-motivi u l-argumenti diġà ppreżentati fl-ewwel istanza u esklużi mill-Qorti Ġenerali, jikkritika, b’mod partikolari, il-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi tal-Kummissjoni minflok dik tas-sentenza appellata u jipprova, fir-realtà, jikseb l-eżami mill-ġdid tar-rikors miċħud mill-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, l-appell ma jissodisfax ir-rekwiżiti kkombinati tal-Artikolu 256 TFUE, tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

19

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma tipprovdix id-dettalji meħtieġa sabiex tiġi evalwata l-fondatezza tal-allegazzjonijiet tagħha. Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, l-Ungerija tqajjem fl-appell tagħha, b’mod partikolari, l-aggravji bbażati fuq l-iżbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali rigward, minn naħa, is-setgħa diskrezzjonali li l-Kummissjoni għandha meta hija tadotta ordnijiet ta’ sospensjoni u, min-naħa l-oħra, l-obbligu ta’ din l-istituzzjoni li timmotiva l-imsemmija ordnijiet.

20

Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni kontra l-appell għandha tiġi miċħuda.

Fuq l-ammissibbiltà tal-aggravji tal-intervent

L-argumenti tal-partijiet

21

Il-Kummissjoni ssostni li t-tieni aggravju tar-Repubblika tal-Polonja, li huwa marbut mat-tieni aggravju tal-Ungerija iżda jikkritika partijiet oħra tas-sentenza appellata, bl-istess mod bħat-tielet aggravju tagħha, li ma jkompli fuq l-ebda aggravju tal-appell, jibdlu s-suġġett tat-tilwima u huma, għaldaqstant, inammissibbli.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

22

Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-talbiet tar-rikors għal intervent għandhom ikunu limitati sabiex isostnu t-talbiet ta’ waħda mill-partijiet. L-Artikolu 132 tar-Regoli tal-Proċedura, li huwa applikabbli għall-proċedura ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 190 tal-istess regoli, jipprevedi li n-nota ta’ intervent għandha tinkludi l-aggravji u l-argumenti invokati mill-intervenjent.

23

Dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux, għaldaqstant, lill-intervenjent milli jsemmi argumenti differenti minn dawk tal-parti li huwa jsostni, sakemm dawn ikunu intiżi biss sabiex isostnu t-talbiet ta’ din tal-aħħar jew sabiex jiġu miċħuda t-talbiet tal-parti opposta (sentenzi tat-23 ta’ Frar 1961, De Gezamenlijke Steenkolenmijnen in Limburg vs HauteAutorité, 30/59, EU:C:1961:2, p. 37 u 38, kif ukoll tad-19 ta’ Novembru 1998, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, C‑150/94, EU:C:1998:547, punt 36).

24

Konsegwentement, ma jistgħux jitqiesu bħala inammissibbli l-aggravji tar-Repubblika tal-Polonja ppreżentati insostenn tat-talbiet tal-Ungerija għar-raġuni li huma jikkompletaw it-tieni aggravju billi jikkritikaw partijiet oħra tas-sentenza appellata u jinkludu argument li ma jinstabx fl-appell.

25

L-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà parzjali mqajma mill-Kummissjoni kontra l-intervent tar-Repubblika tal-Polonja għandha, għaldaqstant, tiġi miċħuda.

Fuq il-mertu

26

Insostenn tal-appell tagħha, l-Ungerija tqajjem tliet aggravji, ibbażati, l-ewwel nett, fuq interpretazzjoni żbaljata mill-Qorti Ġenerali tal-kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta’ ordnijiet ta’ sospensjoni taħt l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 659/1999, it-tieni nett, fuq żnaturament ta’ wħud mill-argumenti tagħha mill-Qorti Ġenerali u, it-tielet nett, fuq ksur mill-Qorti Ġenerali tal-obbligu ta’ motivazzjoni u għalhekk fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Fuq ir-raba’ parti tal-ewwel aggravju

– L-argumenti tal-partijiet

27

Skont il-Gvern Ungeriż, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li ordni ta’ sospensjoni kellha tkun konformi mat-Trattat FUE u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Huwa minnu li, fil-punt 86 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali osservat li “l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni ma huwiex limitat biss għal kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 659/1999 u jista’ jestendi, b’mod partikolari, għall-konformità tal-ordni ta’ sospensjoni mat-[TFUE] u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt”. Madankollu, fil-punti 70 u 71 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali llimitat il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta’ ordni ta’ sospensjoni għaż-żewġ kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 659/1999. Bl-istess mod, fil-punt 87 tal-imsemmija sentenza, hija llimitat l-eżami tagħha biss għal dan l-artikolu. Il-Qorti Ġenerali wettqet l-istess żball ta’ liġi fil-punti 95 u 134 tas-sentenza appellata, billi qieset li, meta hija tordna s-sospensjoni ta’ miżura, b’applikazzjoni tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 659/1999, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta li taċċerta ruħha li l-ordni tkun neċessajra u proporzjonata.

28

Il-Kummissjoni tqis, min-naħa tagħha, li ma hemmx inkoerenza bejn il-punti 71 u 95 tas-sentenza appellata, minn naħa, u l-punti 86 u 98 ta’ din is-sentenza, min-naħa l-oħra. Fil-fatt, il-punti 86 u 98 għandhom jiġu interpretati b’teħid inkunsiderazzjoni tal-punti 130 u 134 tal-imsemmija sentenza, li jgħidu li n-natura xierqa tal-adozzjoni ta’ ordni ta’ sospensjoni hija suffiċjentement iġġustifikata bl-eżistenza ta’ ksur ipprovat tal-Artikolu 108(3) TFUE u għaldaqstant ma huwiex meħtieġ li tiġi mmotivata ulterjorment. Fil-fatt, il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE tapplika jerġa’ qabel ma l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni li tibda proċedura ta’ investigazzjoni formali. Meta Stat Membru jimplimenta miżura ta’ għajnuna mingħajr ma jkun innotifikaha lill-Kummissjoni, dan ikun jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE. Il-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat illegali tal-miżura nazzjonali inkwistjoni tikkostitwixxi l-kundizzjoni sostantiva stabbilita fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 659/1999. Huwa għal din ir-raġuni li l-Kummissjoni tqis li ma huwiex loġiku li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punti 135 sa 137 tas-sentenza appellata li hija kellha tesponi, fid-deċiżjoni ta’ ordni ta’ sospensjoni, il-motivi li għalihom hija tqis li ma huwiex probabbli li l-Istat Membru ser josserva din il-projbizzjoni.

29

Fid-dawl tal-kontradizzjoni msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tipproċedi bis-sostituzzjoni tal-motivi li jinsabu fil-punti 135 sa 137 tas-sentenza appellata, b’tali mod li tirrendihom konformi ma’ dawk żviluppati fil-punti 70, 71, 130 u 134 ta’ din is-sentenza.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

30

L-Artikolu 108(3) TFUE jobbliga lill-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’kull proġett li jkun intiż sabiex tingħata jew tiġi mmodifikata għajnuna mill-Istat. L-Artikolu 109 TFUE jawtorizza lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea sabiex jistabbilixxi, fost l-oħrajn il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108(3) TFUE. Fuq din il-bażi, il-Kunsill adotta r-Regolament Nru 659/1999.

31

Meta l-Istat Membru kkonċernat jonqos milli jissospendi l-implimentazzjoni tal-miżura inkwistjoni sabiex jikkonforma ruħu mal-obbligu ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-għajnuna ġdida jew tal-modifiki fl-għajnuna eżistenti qabel l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni jew, jekk ikun il-każ, tal-Kunsill, kif jirriżulta mill-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE u mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 659/1999, il-Kummissjoni għandha s-setgħa, skont l-Artikolu 11(1), ta’ dan tal-aħħar, wara li tkun tat lill-Istat Membru l-possibbiltà li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, li tadotta deċiżjoni li tordnalu li jissospendi din l-implimentazzjoni sad-deċiżjoni finali dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna (sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2001, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑400/99, EU:C:2001:528, punt 46).

32

Ir-Regolament Nru 659/1999 jipprevedi, fl-Artikolu 4(4) tiegħu, li jekk il-Kummissjoni tikkonstata, wara eżami preliminari, li l-miżura nnotifikata tqajjem dubji rigward il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, hija għandha tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Meta l-Kummissjoni tkun taf b’miżura mhux innotifikata, li hija tqis li tista’ tikkostitwixxi għajnuna ġdida jew modifika ta’ għajnuna eżistenti, hija tista’ wkoll, abbażi tal-Artikolu 10(2) ta’ dan ir-regolament, titlob lill-Istat Membru kkonċernat jipprovdilha tagħrif u, jekk ikun il-każ, tiddeċiedi, b’applikazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 13(1) ta’ dan, li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

33

F’kull każ, il-bidu tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward ta’ miżura li l-Kummissjoni tippreżumi li hija għajnuna ġdida jobbliga lill-Istat Membru kkonċernat jissospendi l-implimentazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Ġunju 1992, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑312/90, EU:C:1992:282, punt 17; tad-9 ta’ Ottubru 2001, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑400/99, EU:C:2001:528, punt 59; tal-10 ta’ Mejju 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑400/99, EU:C:2005:275, punt 39, kid ukoll tad-9 ta’ Ġunju 2011, Diputación Foral de Vizcaya et vs Il-Kummissjoni, C‑465/09 P sa C‑470/09 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:372, punt 92).

34

Madankollu, il-bidu tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward ta’ miżura mhux innotifikata ma għandux l-istess konsegwenzi għall-Istat Membru kkonċernat bħall-adozzjoni ta’ ordni ta’ sospensjoni skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 659/1999. Huwa minnu li dan huwa marbut, fiż-żewġ każijiet, li jissospendi l-implimentazzjoni tal-miżura inkwistjoni. Madankollu, huwa biss in-nuqqas ta’ osservanza ta’ ordni ta’ sospensjoni li tippermetti lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 659/99, li tadixxi direttament lill-Qorti tal-Ġustizzja b’rikors għall-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2001, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑400/99, EU:C:2001:528, punt 60).

35

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ordni ta’ sospensjoni tista’ tinħareġ jew fl-istess waqt bħad-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali jew sussegwentement (is-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2001, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑400/99, EU:C:2001:528, punt 47). Deċiżjoni ta’ ordni ta’ sospensjoni tista’, b’mod partikolari, tiġi adottata wara l-bidu tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, meta l-Istat Membru kkonċernat ikun naqas milli jissospendi l-implimentazzjoni tal-miżura eżaminata sa mill-bidu ta’ din il-proċedura.

36

Fiż-żewġ kawżi li taw lok għas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kienet adita mill-Ungerija b’rikorsi diretti kontra ordnijiet ta’ sospensjoni adottati fl-istess waqt u permezz tal-istess deċiżjoni tal-bidu tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali kontra ż-żewġ miżuri fiskali kkritikati.

37

Permezz tal-ewwel motiv tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, l-Ungerija sostniet b’mod partikolari li l-adozzjoni ta’ ordni ta’ sospensjoni kienet teżiġi, minbarra li jiġu ssodisfatti ż-żewġ kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 659/1999, jiġifieri l-klassifikazzjoni provviżorja mill-Kummissjoni tal-miżura nazzjonali inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat illegali u l-konsultazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat rigward l-ordni prevista, li din l-ordni tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Issa, fid-dawl tal-effett ta’ sospensjoni tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali mibdija fl-istess waqt, l-ordni ta’ sospensjoni kienet tkun ġustifikata, skont dan l-Istat Membru, biss jekk il-Kummissjoni setgħet raġonevolment taħseb li huwa ma kienx ser josserva dawn l-obbligi, iżda ma hemmx xejn li jippermetti din l-affermazzjoni.

38

Permezz tar-raba’ parti tal-ewwel aggravju, l-Ungerija ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta rrispondiet fis-sentenza appellata għall-argument imfakkar fil-punt preċedenti. B’mod ripetut, fil-punti 70, 71, 95 u 134 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat li l-adozzjoni ta’ ordni ta’ sospensjoni kienet suġġetta għall-uniċi żewġ kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 659/1999, billi naqset milli tinkludi l-obbligu tal-Kummissjoni li tivverifika li l-ordni ta’ sospensjoni hija proporzjonata.

39

B’mod preliminari, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 659/1999, “[i]l-Kummissjoni tista’ wara li tagħti lill-Istat Membru kkonċernat l-opportunità li tissottometti l-kummenti tagħha, tadotta deċiżjoni li teħtieġ lill-Istat Membru li jissospendi kull għajnuna llegali, sakemm il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni dwar il-kompatibilità ta’ l-għajnuna mas-suq [intern] (minn hawn ‘l quddiem imsejjħa ‘inġunzjoni ta’ suspensjoni’)”.

40

Mill-kliem innifsu ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-Kummissjoni għandha s-setgħa u mhux l-obbligu li tadotta deċiżjoni dwar ordni ta’ sospensjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2001, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑400/99, EU:C:2001:528, punt 46). Għaldaqstant, peress li ma hijiex f’sitwazzjoni ta’ kompetenza marbuta, hija għandha setgħa diskrezzjonali sabiex tiddeċiedi dwar l-adozzjoni ta’ tali miżura. Madankollu, peress li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali, hija għandha teżerċita din is-setgħa filwaqt li tosserva l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni, C‑501/11 P, EU:C:2013:522, punt 59).

41

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi segwiti permezz tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, bl-intendiment ċar li, meta jkun hemm il-possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel dik li hija l-inqas restrittiva, u li l-iżvantaġġi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet segwiti (sentenzi tas-17 ta’ Mejju 1984, Denkavit Nederland, 15/83, EU:C:1984:183, punt 25, u tat-30 ta’ April 2019, L-Italja vs Il-Kunsill (Kwota ta’ qabdiet ta’ pixxispad tal-Mediterran), C‑611/17, EU:C:2019:332, punt 55). Dan il-prinċipju jitfakkar fl-Artikolu 5(4) TUE, kif ukoll fl-Artikolu 1 tal-Protokoll (Nru 2) dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjeta’ u l-proporzjonalità’, anness mat-Trattat UE u mat-Trattat FUE.

42

Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li ordni ta’ sospensjoni adottata skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 659/1999 għandha tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità, jiġifieri ma għandhiex tmur lil hinn mil-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan segwit permezz ta’ din id-dispożizzjoni. Kif tfakkar fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, is-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni li tindirizza lill-Istati Membri tali ordnijiet għandha bħala għan li tiġi żgurata l-osservanza tal-projbizzjoni li jiġu implimentati proġetti ta’ għajnuna sad-deċiżjoni finali dwar il-kompatibbiltà ta’ dawn tal-aħħar. Hija kkompletata permezz tas-setgħa li għandha l-Kummissjoni li tadixxi direttament lill-Qorti tal-Ġustizzja, f’perijodu mqassar ta’ żmien, sabiex hija tikkonstata n-nuqqas li jikkonsisti fl-implimentazzjoni minn Stat Membru ta’ miżura ssuspettata li tikkostitwixxi għajnuna illegali.

43

Fid-dawl ta’ dan l-għan, l-adozzjoni ta’ ordni ta’ sospensjoni hija ġġustifikata meta, wara l-bidu tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, l-Istat Membru kkonċernat ikun naqas milli jissospendi l-implimentazzjoni tal-miżura eżaminata, kif ġie indikat fil-punt 35 ta’ din is-sentenza. Madankollu, jista’ jkun ukoll xieraq li tiġi adottata ordni ta’ sospensjoni fl-istess waqt bħad-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, fil-każ fejn elementi suffiċjenti jippermettu lill-Kummissjoni tippreżumi li l-Istat Membru kkonċernat ma għandux l-intenzjoni li jissospendi l-implimentazzjoni tal-miżura eżaminata, kif jitlob minnu l-bidu tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, u li tantiċipa li l-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha, għaldaqstant, tiġi adita b’rikors għal konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

44

B’risposta għall-ewwel motiv tar-rikors promotur, imfakkar fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet il-kundizzjonijiet għal-legalità ta’ordni ta’ sospensjoni, fil-punti 70 u 71 tas-sentenza appellata, bil-kliem li ġej:

“70. Il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta’ tali ordni, stabbiliti fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 659/1999, huma limitati għal kundizzjoni sostantiva, jiġifieri l-klassifikazzjoni mill-Kummissjoni, f’dan l-istadju tal-proċedura, tal-miżura nazzjonali kkonċernata bħala għajnuna mill-Istat illegali, u kundizzjoni proċedurali, jiġifieri l-fatt li tagħti lill-Istat Membru kkonċernat l-opportunità li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu.

71. Ebda kundizzjoni oħra ma għandha tiġi ssodisfatta, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta ordni skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 659/1999 u għandu jiġi enfasizzat li din is-sitwazzjoni hija r-riżultat tal-volontà u mhux, kif issostni l-Ungerija, ommissjoni min-naħa tal-leġiżlatur. Fil-fatt, il-formulazzjoni tal-imsemmi artikolu, li tirrifletti l-istat tad-dritt li jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita ċċitata fil-punt 30 iktar ’il fuq, ma ġiex emendat bl-emendi introdotti għar-Regolament Nru 659/1999 u ġie rriprodott kif inhu fir-Regolament Nru 2015/1589 il-ġdid.”

45

Huwa minnu li dawn il-punti, meħuda waħedhom, jistgħu jinqraw fis-sens li jeżiġu mingħand il-Kummissjoni, meta hija tadotta ordni ta’ sospensjoni, biss li hija tosserva l-uniċi kundizzjonijiet previsti b’mod espliċitu fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 659/1999 u teħles, għalhekk, lill-Kummissjoni mill-obbligu li tevalwa n-neċessità ta’ din l-ordni ta’ sospensjoni.

46

Madankollu, huma għandhom jitqiegħdu fil-kuntest tar-raġunament sħiħ tal-Qorti Ġenerali. Issa, fil-punt 86 tas-sentenza appellata, hija fakkret li “l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni ma huwiex limitat biss għal kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 659/1999 u jista’ jestendi, b’mod partikolari, għall-konformità tal-ordni ta’ sospensjoni mat-[TFUE] u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt”. Barra minn hekk, fil-punti 94 et seq. ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk il-Kummissjoni kinitx osservat il-prinċipju ta’ proporzjonalità meta adottat l-ordnijiet ta’ sospensjoni kontenzjużi. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali analizzat, fil-punti 98 u 99 tas-sentenza appellata, jekk dawn l-ordnijiet kinux xierqa u neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi segwiti permezz tal-Artikoli 107 u 108 TFUE, inkluża l-proporzjonalità tal-iżvantaġġi kkawżati permezz ta’ dawn meta mqabbla mal-għanijiet segwiti permezz ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Fl-aħħar nett, fil-punt 102 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li, meta adottat l-ordnijiet kontenzjużi, il-Kummissjoni ma kinitx kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

47

Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ma kisritx l-obbligu impost fuq l-istituzzjonijiet li josservaw, fl-atti kollha tagħhom, il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Għaldaqstant, ir-raba’ parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda.

Fuq l-ewwel parti tat-tielet aggravju

– L-argumenti tal-partijiet

48

Permezz tat-tielet aggravju, il-Gvern Ungeriż jikkritika lill-Qorti Ġenerali bi żball fil-liġi meta evalwat ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni tal-ordnijiet ta’ sospensjoni.

49

Permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, il-Gvern Ungeriż isostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti meta qieset li l-ordni ta’ sospensjoni kienet motivata suffiċjentement.

50

Il-Qorti Ġenerali indikat korrettament fil-punt 135 tas-sentenza appellata li, meta l-ordni ta’ sospensjoni tiddaħħal fid-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-motivazzjoni tal-ordni għandha tagħmilha possibbli li jinftiehem għalfejn l-Istat Membru kkonċernat ma huwiex ser josserva l-obbligu li jissospendi l-implimentazzjoni tal-miżuri eżaminati. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset li l-indikazzjonijiet ipprovduti permezz tad-deċiżjonijiet kontenzjużi kienu jagħmluha possibbli li jinftiehem li, fil-fehma tal-Kummissjoni, l-Ungerija kellha l-intenzjoni li ma tissospendix il-miżuri inkwistjoni matul il-proċedura ta’ investigazzjoni.

51

L-ewwel nett, ir-riferiment f’dawn id-deċiżjonijiet għall-fatt li l-klassifikazzjoni provviżorja bħala għajnuna mill-Istat kienet ikkontestata mill-awtoritajiet Ungeriżi allegatament ġie interpretat b’mod żbaljat mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 136 tas-sentenza appellata, bħala indizju ta’ tali intenzjoni. Kieku dan kien il-każ, Stat Membru ma jkunx jista’ jikkontesta l-analiżi tal-Kummissjoni mingħajr ma jiġi ssuspettat li jixtieq jimplimenta l-miżuri nazzjonali minkejja l-bidu ta’ proċedura ta’ eżami fir-rigward tagħhom.

52

It-tieni nett, bil-kontra ta’ dak li qieset il-Qorti Ġenerali, ir-riferiment fid-deċiżjonijiet kontenzjużi għall-fatt li l-awtoritajiet nazzjonali ma kinux irreaġixxew għall-istedina tal-Kummissjoni li tippreżenta osservazzjonijiet dwar l-eventwali adozzjoni ta’ ordnijiet ta’ sospensjoni lanqas ma jista’ jitqies bħala element ta’ motivazzjoni. Din tkun interpretazzjoni abbużiva ta’ silenzju li l-Kummissjoni nnifisha, barra minn hekk, ma interpretatx f’dan is-sens.

53

It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat, fil-punt 137 tas-sentenza appellata, l-attitudni tal-awtoritajiet Ungeriżi fi proċedura oħra ta’ investigazzjoni bħala element ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, meta din l-attitudni ma kinitx imsemmija f’dawn id-deċiżjonijiet u meta xejn ma kien jindika li hija kienet ittieħdet inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni. Il-Qorti Ġenerali ħadet żball meta qieset li dan l-element kien jagħmel parti mill-motivazzjoni.

54

Ir-raba’ nett, id-deċiżjonijiet kontenzjużi jawtorizzaw jerġa’ inqas l-interpretazzjoni li l-Qorti Ġenerali tat fir-rigward tagħhom peress li huma bl-ebda mod ma kienu jsemmu riskju ta’ implimentazzjoni tal-miżuri eżaminati mill-awtoritajiet nazzjonali matul il-proċedura ta’ investigazzjoni.

55

Il-ħames nett, l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali tal-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi hija, barra minn hekk, kontradetta mill-Kummissjoni nnifisha, li sostniet b’mod konsistenti, tul il-proċedura kollha u b’mod partikolari waqt is-seduta, li hija kienet marbuta li tosserva biss il-kundizzjonijiet sostantivi u l-kundizzjonijiet proċedurali msemmija fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 659/1999.

56

Il-Kummissjoni tqis li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi li fihom ġew adottati l-ordnijiet ta’ sospensjoni, il-Qorti Ġenerali kellha raġun tikkonstata li l-awtoritajiet Ungeriżi kienu f’pożizzjoni li jifhmu għalfejn il-Kummissjoni kienet iddeċidithom.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

57

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni meħtieġa fl-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtur tal-att, b’mod li jippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u li jippermetti lill-qorti kompetenti twettaq l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment minn dan l-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, peress li l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tiegħu, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenza tal-10 ta’ Marzu 2016, HeidelbergCement vs Il-Kummissjoni, C‑247/14 P, EU:C:2016:149, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

Kif ġie espost fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, l-adozzjoni ta’ ordni ta’ sospensjoni tikkostitwixxi biss setgħa għall-Kummissjoni, anki jekk iż-żewġ kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 659/1999 ikunu ssodisfatti. Għaldaqstant għandu jkun hemm raġunijiet partikolari li jwasslu lill-istituzzjoni sabiex tadotta tali deċiżjoni. Issa, kif tfakkar fil-punt preċedenti, skont l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-atti tal-istituzzjonijiet, il-motivi ta’ kull deċiżjoni għandhom jinġabu għall-attenzjoni tad-destinatarju tagħha sabiex huwa jkun jista’ jevalwa l-fondatezza tagħha u jeżerċita, jekk ikun il-każ, id-dritt tiegħu għal rikors b’mod informat. Il-komunikazzjoni tal-motivi hija mitluba wkoll sabiex il-qorti tal-Unjoni tkun tista’ tistħarreġ, kif hija tagħmel fir-rigward ta’ kwalunkwe att, il-legalità tal-ordni ta’ sospensjoni fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tivverifika li l-Kummissjoni ma għamlitx użu mhux iġġustifikat mis-setgħa mogħtija lilha taħt l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 659/1999.

59

Fis-sitwazzjoni, li hija dik f’dan il-każ, fejn l-ordni ta’ sospensjoni tiġi adottata fl-istess waqt bħad-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-motivi li jwasslu lill-Kummissjoni sabiex toħroġha huma marbuta neċessarjament mal-previżjoni li l-Istat Membru kkonċernat ma huwiex ser jissospendi l-implimentazzjoni tal-miżura inkwistjoni minkejja l-bidu tal-proċedura ta’ investigazzjoni. Fil-fatt, kif ġie indikat fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, l-uniku effett addizzjonali tal-ordni ta’ sospensjoni meta mqabbel ma’ dawk tal-bidu tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali huwa li hija tippermetti lill-Kummissjoni, jekk l-Istat Membru kkonċernat ma jikkonformax mal-obbligu tiegħu li jissospendi l-implimentazzjoni tal-miżura eżaminata, tadixxi direttament lill-Qorti tal-Ġustizzja b’rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 659/1999. Għaldaqstant, kieku l-Kummissjoni ma kinitx marbuta, fis-sitwazzjoni fejn l-ordni ta’ sospensjoni tiġi adottata fl-istess waqt bħad-deċiżjoni tal-bidu tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li tindika r-raġunijiet għalfejn hija tqis li l-Istat Membru ma huwiex ser josserva l-obbligu ta’ sospensjoni u tikkunsidra, konsegwentement, diġà li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja, hija tiġi eżentata milli timmotiva din l-ordni ta’ sospensjoni, bi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

60

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali fakkret ġustament, fil-punt 135 tas-sentenza appellata, li, “f’sitwazzjoni bħal dik f’din il-kawża, fejn l-ordni ta’ sospensjoni għandha tiddaħħal f’deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, fid-dawl tal-marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 659/1999 kif ukoll l-effett legali speċifiku li tipproduċi deċiżjoni ta’ ordni ta’ sospensjoni skont l-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament, hemm lok li jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni dwar l-adozzjoni ta’ tali ordni għandha tippermetti li jinftiehem għalfejn, skont il-Kummissjoni, l-Istat Membru kkonċernat ma kienx [ser j]osserva l-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 108(3) TFUE u li jissospendi l-implimentazzjoni tal-miżuri eżaminati wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali”.

61

Permezz tat-tielet motiv tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, l-Ungerija sostniet li l-ordnijiet ta’ sospensjoni kontenzjużi ma kinux motivati suffiċjentement, peress li l-Kummissjoni ma kinitx esponiet il-motivi li jiġġustifikaw l-adozzjoni tagħhom.

62

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan il-motiv billi bbażat ruħha fuq tliet elementi.

63

Fl-ewwel lok, hija osservat, fil-punt 136 tas-sentenza appellata li, mid-deċiżjonijiet kontenzjużi jirriżulta li, b’risposta għall-ittri ta’ informazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Marzu u tat-13 ta’ April 2015, l-awtoritajiet Ungeriżi kienu sostnew li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. Madankollu, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 93 tal-konklużjonijiet tagħha, Stat Membru huwa perfettament intitolat li jiddefendi ruħu billi jsostni li l-miżura kkunsidrata ma tikkostitwixxix għajnuna. Għaldaqstant, minn dan ma jistax jiġi dedott li hemm riskju ikbar li l-Istat Membru ma huwiex ser josserva l-effetti legali tal-Artikolu 108(3) TFUE, b’mod partikolari, meta, bħal f’dan il-każ, il-kwistjoni ta’ dritt ikkonċernata tkun kontroversjali.

64

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali semmiet, fl-istess punt 136 tas-sentenza appellata, il-fatt li fid-deċiżjonijiet kontenzjużi kien jissemma li l-awtoritajiet Ungeriżi ma kinux ikkonformaw mal-istedina tal-Kummissjoni sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet dwar l-ordnijiet ta’ sospensjoni li kienet qed tiġi prevista l-adozzjoni tagħhom. Skont l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, dan l-element ippermetta li jinftiehem, fid-dawl taċ-ċirkustanzi, li kien hemm riskju ta’ implimentazzjoni tal-miżuri nazzjonali inkwistjoni minkejja l-bidu tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

65

Madankollu, filwaqt li l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 659/1999 jipprevedi li, qabel ma tadotta ordni ta’ sospensjoni, il-Kummissjoni għandha tippermetti lill-Istat Membru kkonċernat jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq din il-miżura, min-naħa l-oħra, kif l-Avukat Ġenerali osservat ġustament fil-punt 94 tal-konklużjonijiet tagħha, huwa bl-ebda mod ma jobbliga lil dan l-Istat Membru sabiex jippreżenta osservazzjonijiet. Għaldaqstant, il-fatt li l-Ungerija ma fformulatx kummenti rigward l-eventwali adozzjoni ta’ ordni ta’ sospensjoni ma kienx biżżejjed sabiex jiġġustifika l-biża’ tal-Kummissjoni li dan l-Istat Membru jimplimenta l-miżuri kontenzjużi.

66

Fit-tielet u l-aħħar lok, il-Qorti Ġenerali semmiet, fil-punt 137 tas-sentenza appellata, il-fatt li, xi xhur qabel l-adozzjoni tal-ordnijiet kontenzjużi, minkejja l-bidu mill-Kummissjoni ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali kontra miżuri fiskali Ungeriżi bbażati fuq l-istess skema bħall-miżuri nazzjonali inkwistjoni f’din il-kawża, dawn il-miżuri ma kinux ġew sospiżi mill-awtoritajiet Ungeriżi. Madankollu, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 99 tal-konklużjonijiet tagħha, dan il-fatt ma jagħmilx parti mill-kuntest tal-adozzjoni tal-ordnijiet kontenzjużi, bil-kontra ta’ dak li affermat il-Qorti Ġenerali fil-punt 137 tas-sentenza appellata. Barra minn hekk, jekk dan l-aġir preċedenti tal-Kummissjoni kien jikkostitwixxi indizju deċiżiv għall-Kummissjoni, din tal-aħħar kellha ssemmieh fid-deċiżjonijiet kontenzjużi, li ma huwiex il-każ hawnhekk.

67

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset, fil-punt 138 tas-sentenza appellata, li “l-awtoritajiet Ungeriżi kienu f’pożizzjoni li jifhmu r-raġunijiet għaliex il-Kummissjoni [kienet] ddeċidiet, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, li tirrikorri b’mod effettiv għall-ordnijiet ta’ sospensjoni”. Għaldaqstant, it-tielet aggravju għandu jintlaqa’.

Fuq it-tielet motiv tat-talba għal intervent tar-Repubblika tal-Polonja

– L-argumenti tal-partijiet

68

Permezz tat-tielet motiv tat-talba tagħha għal intervent, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 264(1) TFUE meta żiedet, sabiex tiċħad l-argumenti tal-Ungerija, l-evalwazzjoni proprja tagħha ma’ dik li tinsab fid-deċiżjonijiet kontenzjużi. Il-Qorti Ġenerali għalhekk qieset, fil-punti 135 u 136 tas-sentenza appellata, sabiex tikkunsidra li l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet li jordnaw is-sospensjoni kienet iġġustifikata, li l-Kummissjoni kienet ħadet inkunsiderazzjoni riskju ta’ implimentazzjoni tal-miżuri nazzjonali inkwistjoni mill-Ungerija minkejja l-bidu tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Din l-evalwazzjoni tirriżulta minn raġunament li huwa tal-Qorti Ġenerali, u li ma għandu l-ebda bażi fil-motivi tad-deċiżjonijiet kontenzjużi. Madankollu, il-Qorti Ġenerali fl-ebda każ ma tista’ tissostwixxi l-motivazzjoni proprja tagħha flok dik tal-awtur tal-att.

69

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li d-deċiżjonijiet kontenzjużi ma jinkludux il-motivi għalfejn hija qieset li l-Ungerija ma kienx beħsiebha tissospendi l-għoti tal-għajnuna inkwistjoni. Madankollu, hija tqis li mmotivat b’mod suffiċjenti dawn id-deċiżjonijiet meta indikat li l-miżuri ta’ għajnuna kienu daħlu fis-seħħ qabel ma ġew innotifikati.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

70

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità msemmi fl-Artikolu 230 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali għandhom il-ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu fuq ir-rikorsi dwar nuqqas ta’ kompetenza, dwar ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, dwar ksur tat-Trattat jew ta’ kull regola ta’ dritt dwar l-applikazzjoni tiegħu, jew dwar abbuż ta’ poter. L-Artikolu 264 TFUE jipprevedi li, jekk ir-rikors ikun fondat, l-att ikkontestat għandu jiġi ddikjarat null. Il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali ma jistgħux għalhekk, fi kwalunkwe każ, jissostitwixxu l-motivazzjoni tal-awtur tal-att ikkontestat b’dik tagħhom (sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C‑246/11 P, EU:C:2013:118, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71

F’dan il-każ, kif tfakkar fil-punti 63 u 64 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li l-ordnijiet ta’ sospensjoni kontenzjużi kienu jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni tal-atti tal-istituzzjonijiet billi bbażat ruħha fuq il-fatt li mid-deċiżjonijiet kontenzjużi kien jirriżulta, minn naħa, li l-awtoritajiet Ungeriżi kienu sostnew li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat u, min-naħa l-oħra, li l-istess awtoritajiet ma kinux ikkonformaw ruħhom mal-istedina tal-Kummissjoni sabiex jippreżentawlha osservazzjonijiet dwar l-ordnijiet ta’ sospensjoni previsti. Il-Qorti Ġenerali qieset li dawn il-motivi kienu jippermettu li jinftiehem li l-Kummissjoni kienet tqis li jeżisti riskju ta’ implimentazzjoni tal-miżuri kontenzjużi. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali qieset li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni, inkwantu element tal-kuntest, anki jekk id-deċiżjonijiet kontenzjużi ma kinux jirreferu għalih, il-fatt li l-awtoritajiet Ungeriżi ma kinux issospendew il-miżuri fiskali kkonċernati minn proċedura ta’ investigazzjoni formali preċedenti, mibdija xi xhur qabel.

72

Indipendentement mill-fatt li dawn l-elementi ma setgħux jikkostitwixxu motivazzjoni suffiċjenti tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, kif ġie kkonstatat preċedentement, għandu jingħad li huma ma jinsabux f’dawn id-deċiżjonijiet, u dan huwa, barra minn hekk, irrikonoxxut mill-Kummissjoni nnifisha. Fil-fatt, fid-difiża tagħha, din tal-aħħar issostni, pjuttost, li hija ma kinitx marbuta li tesponi l-motivi li għalihom hija kienet tqis probabbli li l-Ungerija ma kinitx ser tikkonforma mad-deċiżjonijiet li jordnawlha tissospendi l-implimentazzjoni tal-miżuri inkwistjoni. Hija tqis ukoll li l-motivi li jinsabu fil-punti 135 sa 137 tas-sentenza appellata huma kuntrarji għal dawk żviluppati fil-punti 70, 71, 130 u 134 ta’ din is-sentenza. Il-Kummissjoni rrikonoxxiet ukoll, fl-osservazzjonijiet tagħha rigward in-nota ta’ intervent tar-Repubblika tal-Polonja, li d-deċiżjonijiet kontenzjużi ma kinux jagħtu spjegazzjonijiet konkreti tar-raġunijiet li għalihom hija kienet qieset li l-Ungerija ma kienx beħsiebha tissospendi l-għoti tal-għajnuna inkwistjoni. Dan l-argument huwa, barra minn hekk, konsistenti mal-portata tas-setgħa diskrezzjonali li l-Kummissjoni affermat li għandha, skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 659/1999, sabiex tadotta deċiżjoni li tordna sospensjoni, kif jirriżulta mis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha kemm quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

73

Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-Qorti Ġenerali żiedet motivi ma’ dawk esposti mill-Kummissjoni u marret, b’dan il-mod, lil hinn mill-poteri tagħha.

74

Għaldaqstant, għandu jintlaqa’ wkoll it-tielet motiv tat-talba għal intervent tar-Repubblika tal-Polonja.

75

Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata.

Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

76

Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din il-qorti tista’, f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, jew tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha, jew tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

77

F’dan il-każ, hemm lok għall-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi definittivament il-kawża, li hija fi stat li tiġi deċiża.

78

Kif ifakkar il-punt 69 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni nnifisha ammettiet li d-deċiżjonijiet kontenzjużi ma kinux jipprovdu spjegazzjonijiet dwar ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni kienet tqis li l-Ungerija ma kinitx ser tissospendi l-miżuri inkwistjoni minkejja l-bidu tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Issa, l-ordnijiet ta’ sospensjoni kellhom jiġu mmotivati f’dan ir-rigward, kif ġie espost fil-punt 58 ta’ din is-sentenza u kif qieset ukoll il-Qorti Ġenerali fil-punt 135 tas-sentenza appellata. Għaldaqstant, l-ordnijiet ta’ sospensjoni kontenzjużi huma vvizzjati b’motivazzjoni insuffiċjenti u jiksru l-Artikolu 296 TFUE. It-tielet motiv tar-rikors fl-ewwel istanza tal-Ungerija għandu, għalhekk, jintlaqa’ wkoll.

79

Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-ordnijiet ta’ sospensjoni adottati permezz tad-deċiżjonijiet kontenzjużi għandhom jiġu annullati, mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra ta’ dan ir-rikors.

Fuq l-ispejjeż

80

Skond l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

81

Skond l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li huwa applikabbli għall-proċedura ta’ appell skond l-Artikolu 184(1) tal-imsemmija Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Ungerija talbet li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li din tal-aħħar tilfet, hemm lok li din l-aħħar imsemmija tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mill-Ungerija, marbuta kemm mal-proċedura fl-ewwel istanza kif ukoll ma’ dik tal-appell.

82

L-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li huwa applikabbli wkoll għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-Regoli, jipprevedi li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

83

Ir-Repubblika tal-Polonja, intervenjenti fl-appell, għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-25 ta’ April 2018, L-Ungerija vs Il-Kummissjoni (T‑554/15 u T‑555/15, EU:T:2018:220), hija annullata.

 

2)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 4805 final tal-15 ta’ Lulju 2015 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA. 41187 (2015/NN) – L-Ungerija – Il-kontribuzzjoni lejn is-saħħa min-negozji tal-industrija tat-tabakk, u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 4808 final tal-15 ta’ Lulju 2015 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA. 40018 (2015/C) (eks 2014/NN) – 2014 Emenda tat-tariffa ta’ spezzjoni tal-katina alimentari tal-Ungerija, huma annullati sa fejn huma jordnaw is-sospensjoni tal-applikazzjoni tar-rata ta’ tassazzjoni progressiva, rispettivament, tal-kontribuzzjoni għas-saħħa u tat-tariffa ta’ spezzjoni tal-katina tal-ikel, kif jirriżultaw mil-Liġi Nru XCIV tal-2014, dwar il-kontribuzzjoni għas-saħħa tal-impriżi tas-settur tat-tabakk, u mill-emenda tal-2014 tal-Liġi Nru XLVI tal-2008, dwar il-katina tal-ikel u l-kontroll uffiċjali relatat magħha.

 

3)

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mill-Ungerija, marbuta kemm mal-proċedura fl-ewwel istanza kif ukoll ma’ dik tal-appell.

 

4)

Ir-Repubblika tal-Polonja għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.

Fuq