Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62019CJ0002

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-26 ta’ Marzu 2020.
    Proċedura kriminali kontra A. P.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-Riigikohus.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Deċiżjoni Qafas 2008/947/ĠAI – Rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet ta’ probation – Kamp ta’ applikazzjoni – Sentenza li timponi piena ta’ priġunerija sospiża – Miżura ta’ probation – Obbligu li wieħed ma jwettaqx reat kriminali ġdid – Obbligu ta’ oriġini legali.
    Kawża C-2/19.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2020:237

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    26 ta’ Marzu 2020 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Deċiżjoni Qafas 2008/947/ĠAI – Rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet ta’ probation – Kamp ta’ applikazzjoni – Sentenza li timponi piena ta’ priġunerija sospiża – Miżura ta’ probation – Obbligu li wieħed ma jwettaqx reat kriminali ġdid – Obbligu ta’ oriġini legali”

    Fil-Kawża C‑2/19,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Riigikohus (il-Qorti Suprema, l-Estonja), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Diċembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Jannar 2019, fil-proċedura kriminali kontra

    A. P.

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, M. Safjan, L. Bay Larsen (Relatur), C. Toader u E. Jääskinen, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Bobek,

    Reġistratur: C. Strömholm, amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Novembru 2019,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal A. P., minn M. Lentsius u G. Sile, vandeadvokaadid,

    għall-Gvern Estonjan,, minn N. Grünberg, bħala aġent,

    għall-Gvern Latvjan, minn V. Soņeca, L. Juškeviča u I. Kucina, bħala aġenti,

    għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér, M. M. Tátrai u V. Kiss, bħala aġenti,

    għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u J. Sawicka, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Grünheid u K. Toomus, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tas-6 ta’ Frar 2020,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/947/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u deċiżjonijiet li jinvolvu probation bil-ħsieb ta’ sorveljanza ta’ miżuri ta’ probation u ta’ sanzjonijiet alternattivi (ĠU 2008, L 337, p. 102).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura dwar ir-rikonoxximent, fl-Estonja, ta’ sentenza tar-Rīgas pilsētas Latgales priekšpilsētas tiesa (il-Qorti tal-Belt ta’ Riga, Distrett Suburban ta’ Latgale, il-Latvja) li permezz tagħha A. P. ġie kkundannat għal piena ta’ priġunerija ta’ tliet snin li l-eżekuzzjoni tagħha hija sospiża.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Il-premessi 8 u 24 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/947 huma redatti kif ġej:

    “(8)

    L-għan tar-rikonoxximent reċiproku u s-sorveljanza ta’ sentenzi sospiżi, sentenzi kondizzjonali, sanzjonijiet alternattivi u deċiżjonijiet dwar rilaxx kondizzjonali hu li jitjiebu l-prospetti biex persuna kkundannata tiġi re-integrata fis-soċjetà, billi din tingħata l-possibbilta’ tippreserva r-rabtiet familjari, lingwistiċi, kulturali u oħrajn, iżda wkoll biex jitjieb il-monitoraġġ tal-konformità mal-miżuri ta’ probation u s-sanzjonijiet alternattivi, bil-ħsieb li tiġi pprevenuta r-reċidività, u b’hekk ikun qed jittieħed kont debitu tal-protezzjoni tal-vittmi u l-pubbliku ġenerali.

    […]

    (24)

    Peress li l-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, jiġifieri l-faċilitazzjoni tar-re-abilitazzjoni ta’ persuni sentenzjati, it-titjib tal-protezzjoni tal-vittmi u tal-pubbliku ġenerali, il-faċilitazzjoni ta’ miżuri ta’ probation u sanzjonijiet alternattivi xierqa fil-każ ta’ persuni ħatjin li ma jgħixux fl-Istat fejn instabu ħatja, ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri nfushom fid-dawl tan-natura transkonfinali tas-sitwazzjonijiet involuti u għaldaqstant jistgħu, minħabba l-iskala ta’ l-azzjoni, jintlaħqu aħjar fil-livell ta’ l-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetà […]”

    4

    L-Artikolu 1(1) u (2) ta’ din id-deċiżjoni qafas jipprovdi:

    “1.   Din id-Deċiżjoni Qafas għandha l-għan li tiffaċilita r-re-abilitazzjoni soċjali ta’ persuni sentenzjati, li ttejjeb il-protezzjoni tal-vittmi u tal-pubbliku ġenerali, u li tiffaċilita l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ probation u sanzjonijiet alternattivi xierqa fil-każ ta’ ħatjin li ma jgħixux fl-Istat fejn tinstab il-ħtija. Bil-ħsieb li jinkisbu dawn l-għanijiet, din id-Deċiżjoni Qafas tistabbilixxi regoli li konformement magħhom Stat Membru, minbarra l-Istat Membru li fih il-persuna kkonċernata tkun ġiet issentenzjata, jirrikonoxxi sentenzi u, fejn applikabbli, deċiżjonijiet ta’ probation u jissorvelja miżuri ta’ probation imposti abbażi ta’ sentenza, jew sanzjonijiet alternattivi li jinsabu f’tali sentenza, u jieħu d-deċiżjonijiet l-oħrajn kollha relatati ma’ dik is-sentenza, sakemm ma jkunx pprovdut mod ieħor f’din id-Deċiżjoni Qafas.

    2.   Din id-Deċiżjoni Qafas għandha tapplika biss għal:

    (a)

    ir-rikonoxximent ta’ sentenzi u, fejn applikabbli, deċiżjonijiet ta’ probation;

    (b)

    it-trasferiment tar-responsabbiltà għas-sorveljanza tal-miżuri ta’ probation u sanzjonijiet alternattivi;

    (ċ)

    id-deċiżjonijiet l-oħrajn kollha relatati ma’ dawk taħt a) u b),

    kif deskritt fi u previst f’din id-Deċiżjoni Qafas.”

    5

    Il-punti 1 sa 4 u l-punt 7 tal-Artikolu 2 huma redatti kif ġej:

    “Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru:

    (1)

    ‘sentenza’ għandha tfisser deċiżjoni finali jew ordni tal-qorti ta’ l-Istat emittenti, li tistabbilixxi li persuna fiżika wettqet reat kriminali u li timponi:

    (a)

    piena ta’ kustodja jew miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà, jekk ikun ingħata rilaxx kondizzjonali abbażi ta’ dik is-sentenza jew permezz ta’ deċiżjoni ta’ probation sussegwenti,

    (b)

    sentenza sospiża,

    (ċ)

    sentenza kondizzjonali,

    (d)

    sanzjoni alternattiva;

    (2)

    ‘sentenza sospiża’ għandha tfisser sentenza ta’ kustodja jew miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà, li l-eżekuzzjoni tagħha hija sospiża kondizzjonalment, fl-intier tagħha jew parzjalment, meta s-sentenza tingħata permezz ta’ l-impożizzjoni ta’ miżura ta’ probation waħda jew aktar. Tali miżuri ta’ probation jistgħu jingħataw fis-sentenza nnifisha jew f’deċiżjoni ta’ probation separata meħuda minn awtorità kompetenti;

    (3)

    ‘sentenza kondizzjonali’ għandha tfisser sentenza li fiha l-impożizzjoni ta’ sentenza tkun ġiet differita kondizzjonalment bl-impożizzjoni ta’ miżura ta’ probation waħda jew aktar jew li fiha miżura ta’ probation waħda jew aktar jiġu imposti flok sentenza ta’ kustodja jew miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà. Tali miżuri ta’ probation jistgħu jingħataw fis-sentenza nnifisha jew f’deċiżjoni ta’ probation separata meħuda minn awtorità kompetenti;

    (4)

    ‘sanzjoni alternattiva’ għandha tfisser sanzjoni, barra minn sentenza ta’ kustodja, miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà jew piena finanzjarja, li timponi obbligu jew istruzzjoni;

    […]

    (7)

    ‘miżuri ta’ probation’ għandha tfisser l-obbligi u l-istruzzjonijiet imposti minn awtorità kompetenti fuq persuna fiżika, skond il-liġi nazzjonali ta’ l-Istat emittenti, in konnessjoni ma’ sentenza sospiża, sentenza kondizzjonali jew rilaxx kondizzjonali;”

    6

    L-Artikolu 4 tal-istess deċiżjoni qafas jipprovdi:

    “1.   Din id-Deċiżjoni Qafas għandha tapplika għall-miżuri ta’ probation jew is-sanzjonijiet alternattivi li ġejjin:

    (a)

    obbligu li l-persuna sentenzjata tinforma lil awtorità speċifika dwar kwalunkwe bidla ta’ residenza jew post tax-xogħol;

    (b)

    obbligu li ma tidħolx f’ċerti lokalitajiet, postijiet jew żoni definiti fl-Istat emittenti jew ta’ esekuzzjoni;

    […]

    (d)

    istruzzjonijiet marbuta ma’ imgiba, residenza, edukazzjoni u taħriġ, attivitajiet ta’ divertiment, jew li jkun fihom limitazzjonijiet dwar jew modalitajiet ta’ twettiq ta’ attività professjonali;

    […]

    (f)

    obbligu li tevita kuntatt ma’ persuni speċifiċi;

    (g)

    obbligu li tevita kuntatt ma’ oġġetti speċifiċi, li jkunu ntużaw jew li x’aktarx jintużaw mill-persuna sentenzjata bil-ħsieb li twettaq reat kriminali;

    […]

    2.   Kull Stat Membru għandu jinnotifika lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, meta jkun qed jimplimentaw din id-Deċiżjoni Qafas, liema miżuri ta’ probation u sanzjonijiet alternattivi, barra minn dawk imsemmija fil-paragrafu 1, huwa lest jissorvelja. Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jagħmel l-informazzjoni li tkun ġiet irċevuta disponibbli għall-Istati Membri kollha u għall-Kummissjoni.”

    7

    L-Artikolu 6(1) u (2) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/947 jistabbilixxi:

    “1.   Meta, fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 5(1) jew (2), l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti tibgħat sentenza u, fejn applikabbli, deċiżjoni ta’ probation lil Stat Membru ieħor, għandha tiżgura li din tkun akkumpanjata b’ċertifikat, li l-forma standard tiegħu tinsab fl-Anness I.

    2.   Is-sentenza u, fejn applikabbli, id-deċiżjoni ta’ probation, flimkien maċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 1, għandhom jintbagħtu mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti direttament lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni permezz ta’ kwalunkwe mezz li jħalli rekord bil-miktub taħt kondizzjonijiet li jippermettu lill-Istat ta’ esekuzzjoni jistabbilixxi l-awtentiċità tagħhom. L-oriġinal tas-sentenza u, fejn applikabbli, d-deċiżjoni ta’ probation, jew kopji ċċertifikati tagħhom, kif ukoll l-oriġinal taċ-ċertifikat, għandhom jintbagħtu lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni jekk din hekk titlob. Il-komunikazzjonijiet uffiċjali kollha għandhom isiru wkoll direttament bejn l-awtoritajiet kompetenti msemmijin.”

    8

    L-Artikolu 8(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas huwa redatt kif ġej:

    “L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni tista’ tipposponi d-deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent tas-sentenza u, fejn applikabbli, id-deċiżjoni ta’ probation fis-sitwazzjoni fejn iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 6(1) huwa inkomplet jew manifestament ma jikkorrispondix mas-sentenza jew, fejn applikabbli, id-deċiżjoni ta’ probation, sa tali skadenza raġonevoli stabbilita biex iċ-ċertifikat ikun kompletat jew ikkoreġut.”

    9

    L-Artikolu 11(1)(a) u (3) tal-imsemmija deċiżjoni qafas jipprovdi:

    “1.   L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni tista’ tiċħad li tirrikonoxxi s-sentenza jew, fejn applikabbli, id-deċiżjoni ta’ probation u tassumi r-responsabbiltà għas-sorveljanza ta’ miżuri ta’ probation jew sanzjonijiet alternattivi jekk:

    (a)

    iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 6 ma jkunx komplet jew ma jkunx jaqbel manifestament mas-sentenza jew mad-deċiżjoni ta’ probation u ma jkunx ikkompletat jew ikkorreġut f’terminu raġonevoli stabbilit mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni;

    […]

    3.   Fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 (a), (b), (c), (h), (i), (j) u (k) qabel ma tiddeċiedi li ma tirrikonoxxix is-sentenza jew, fejn applikabbli, id-deċiżjoni ta’ probation u tassumi responsabbiltà għas-sorveljanza ta’ miżuri ta’ probation u sanzjonijiet alternattivi, l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni għandha tikkomunika, b’mezzi xierqa, ma’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti u, kif meħtieġ, titlobha tissupplixxi l-informazzjoni addizzjonali kollha meħtieġa mingħajr dewmien.”

    10

    L-Artikolu 14(1) tal-istess deċiżjoni qafas jipprevedi:

    “L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni għandu jkollha l-ġurisdizzjoni li tieħu d-deċiżjonijiet sussegwenti kollha relatati ma’ sentenza sospiża, rilaxx kondizzjonali, sentenza kondizzjonali u sanzjoni alternattiva, b’mod partikolari f’każ ta’ non-konformità ma’ miżura ta’ probation jew sanzjoni alternattiva jew jekk il-persuna sentenzjata twettaq reat kriminali ġdid.

    Tali deċiżjonijiet sussegwenti jinkludu notevolment:

    (a)

    il-modifika ta’ l-obbligi jew l-istruzzjonijiet li jinsabu fil-miżura ta’ probation jew is-sanzjoni alternattiva, jew il-modifika tat-tul ta’ żmien tal-perijodu ta’ probation;

    (b)

    ir-revoka tas-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni tas-sentenza jew ir-revoka tad-deċiżjoni dwar rilaxx kondizzjonali; u

    (ċ)

    l-impożizzjoni ta’ sentenza ta’ kustodja jew miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà f’każ ta’ sanzjoni alternattiva jew sentenza kondizzjonali.”

    11

    L-Artikolu 20(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/947 jipprovdi:

    “Jekk ikunu qed jittieħdu pro’eduri kriminali ġodda kontra l-persuna kkonċernata fl-Istat emittenti, l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti tista’ titlob lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni biex tittrasferixxi l-ġurisdizzjoni fir-rigward tas-sorveljanza tal-miżuri ta’ probation jew s-sanzjonijiet alternattivi u fir-rigward tad-deċiżjonijiet ulterjuri kollha relatati mas-sentenza lura lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti. Fit-tali każ, l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni tista’ titrasferixxi lura l-ġurisdizzjoni lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti.”

    Id-dritt Estonjan

    12

    L-Artikolu 73(1) tal-Karistusseadustik (il-Kodiċi Kriminali) huwa redatt kif ġej:

    “Jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tar-reat u tal-personalità tal-awtur, il-qorti tqis li ma jkunx utli li l-ħati jiskonta l-piena ta’ priġunerija mogħtija għal żmien determinat jew li jħallas il-multa, hija tista’ tiddeċiedi li l-eżekuzzjoni tal-piena tkun, kompletament jew parzjalment, sospiża taħt kundizzjoni. Is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-piena taħt kundizzjoni tista’ tirrigwarda l-piena kollha, bla ħsara għal dispożizzjonijiet kuntrarji fil-parti speċjali ta’ dan il-kodiċi. Fil-każ ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-piena taħt kundizzjoni, il-piena kollha mogħtija jew parti minnha ma tiġix eżegwita jekk il-persuna kkundannata ma twettaqx reat intenzjonali ġdid matul it-terminu ta’ sospensjoni stabbilit mill-qorti […]”

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    13

    Permezz ta’ sentenza tal-24 ta’ Jannar 2017, ir-Rīgas pilsētas Latgales priekšpilsētas tiesa (il-Qorti tal-Belt ta’ Riga, Distrett Suburban ta’ Latgale) ikkundannat lil A. P. għal piena ta’ priġunerija ta’ tliet snin, li l-eżekuzzjoni tagħha hija sospiża.

    14

    Fit-22 ta’ Mejju 2017, il-Justiitsministeerium (il-Ministeru għall-Ġustizzja, l-Estonja) bagħat lill-Harju Maakohus (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Harju, l-Estonja) talba għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza fl-Estonja, li toriġina mill-awtoritajiet kompetenti Latvjani.

    15

    Permezz ta’ digriet tas-16 ta’ Frar 2018, il-Harju Maakohus (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Harju) laqgħet din it-talba.

    16

    Wara appell ippreżentat minn A. P., it-Tallinna Ringkonnakohus (il-Qorti tal-Appell ta’ Tallinn, l-Estonja) ikkonfermat dan id-digriet, permezz ta’ digriet tat-21 ta’ Marzu 2018.

    17

    A. P. appella minn dan l-aħħar digriet quddiem il-qorti tar-rinviju.

    18

    Din il-qorti tqis, fid-dawl tas-sentenza tal-24 ta’ Jannar 2017 tar-Rīgas pilsētas Latgales priekšpilsētas tiesa (il-Qorti tal-Belt ta’ Riga, Distrett Suburban ta’ Latgale), li s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-piena li għaliha A. P. ġie kkundannat hija suġġetta biss għall-obbligu, li jirriżulta mill-Artikolu 73(1) tal-Kodiċi Kriminali Estonjan, li dan ma jwettaqx reat intenzjonali ġdid.

    19

    Il-qorti tar-rinviju tqis, barra minn hekk, li tali obbligu ma jikkorrispondi għal ebda waħda mill-miżuri ta’ probation jew ta’ sanzjonijiet alternattivi msemmija fl-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/947.

    20

    Peress li d-dritt Estonjan jawtorizza r-rikonoxximent ta’ sentenza skont din id-deċiżjoni qafas biss sa fejn din timponi tal-inqas waħda minn dawn il-miżuri ta’ probation jew waħda minn dawn is-sanzjonijiet alternattivi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-imsemmija deċiżjoni qafas għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprevedi r-rikonoxximent ta’ sentenza bħal dik mogħtija fl-24 ta’ Jannar 2017 mir-Rīgas pilsētas Latgales priekšpilsētas tiesa (il-Qorti tal-Belt ta’ Riga, Distrett Suburban ta’ Latgale).

    21

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Riigikohus (il-Qorti Suprema, l-Estonja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “Ir-rikonoxximent u s-superviżjoni tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ Stat Membru jkunu kompatibbli mad-Deċiżjoni Qagas [2008/947] anki meta l-persuna kkundannata tkun ingħatat libertà kkundizzjonata minn dik is-sentenza mingħajr impożizzjoni ta’ ebda obbligi addizzjonali, b’mod li l-uniku obbligu tal-persuna huwa li tevita li twettaq reat intenzjonali ġdid matul il-perjodu tal-probation (fejn din hija sentenza sospiża fis-sens tal-Artikolu 73 tal-Kodiċi Kriminali Estonjan)?”

    Fuq id-domanda preliminari

    Fuq l-ammissibbiltà

    22

    Il-Gvern Latvjan isostni li d-domanda magħmula hija inammissibbli sa fejn id-deċiżjoni tar-rinviju hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dritt Latvjan, li jippermetti li jiġi konkluż li ma hemmx kawża reali pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju.

    23

    F’dan ir-rigward, huwa jsostni, fl-ewwel lok, li l-qorti tar-rinviju tikkunsidra b’mod żbaljat li A. P. huwa obbligat biss li ma jwettaqx reat intenzjonali ġdid matul perijodu ta’ sospensjoni, peress li d-dritt Latvjan jippermetti r-revoka tas-sospensjoni anki f’każ ta’ reat mhux intenzjonali u peress li dan id-dritt jimponi, b’mod awtomatiku, ċerti miżuri ta’ probation fuq il-persuni kkundannati għal piena ta’ priġunerija sospiża.

    24

    Fit-tieni lok, dan il-gvern isostni li l-qrati Estonjani kellhom, skont l-Artikolu 8(2) u l-Artikolu 11(1) (a) u (3) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/947, jistiednu lill-qrati tal-Istat emittenti jibagħtulhom kull informazzjoni neċessarja sabiex jissupplimentaw iċ-ċertifikat li, skont l-Artikolu 6(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas, jakkumpanja s-sentenza trażmessa mill-awtorità kompetenti Latvjana. Li kieku l-qorti tar-rinviju kkonformat ruħha ma’ dan l-obbligu, hija kienet tikkonstata l-assenza ta’ tilwima pendenti fil-kawża prinċipali.

    25

    Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq it-tilwima u li għandha tagħti d-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti l-ġudizzju tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2018, Minister for Justice and Equality u Commissioner of An Garda Síochána, C-378/17, EU:C:2018:979, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    26

    Minn dan isegwi li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda għal deċiżjoni preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2018, Minister for Justice and Equality u Commissioner of An Garda Síochána, C-378/17, EU:C:2018:979, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    27

    Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tat-tqassim tal-kompetenzi bejn il-qrati tal-Unjoni u l-qrati nazzjonali, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv li fih jaqgħu d-domandi preliminari, kif iddefinit mid-deċiżjoni tar-rinviju. Għaldaqstant, irrispettivament mill-kritika min-naħa tal-Gvern Latvjan fir-rigward tal-evalwazzjoni, li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju, tal-effetti tas-sentenza li kkundannat lil A. P. għal piena ta’ priġunerija sospiża, l-eżami ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jsir fuq il-bażi ta’ din l-evalwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2019, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Riunifikazzjoni tal-familja – Oħt refuġjat), C‑519/18, EU:C:2019:1070, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    28

    F’dan il-kuntest, l-argument tal-Gvern Latvjan dwar l-eżistenza ta’ obbligu tal-qrati Estonjani li jiġbru informazzjoni mingħand il-qrati Latvjani ma jistax jirnexxi. Fil-fatt, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk hija għandhiex l-informazzjoni kollha li t-trażmissjoni tagħha hija meħtieġa mid-Deċiżjoni Qafas 2008/947 u, b’mod partikolari, jekk iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 6 ta’ din tal-aħħar għandux jiġi kkompletat. Għaldaqstant, peress li l-qorti tar-rinviju kkunsidrat li hija kellha biżżejjed informazzjoni sabiex tiddetermina, skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali rilevanti, l-effetti tas-sentenza li kkundannat lil A. P. għal piena ta’ priġunerija sospiża, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tikkontesta din l-evalwazzjoni.

    29

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-argumenti ppreżentati mill-Gvern Latvjan ma humiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li d-domanda magħmula manifestament ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali u li dawn l-argumenti għalhekk ma humiex ta’ natura li jikkonfutaw il-preżunzjoni ta’ rilevanza li minnha tibbenefika din id-domanda.

    Fuq il-mertu

    30

    Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/947 għandux jiġi interpretat fis-sens li r-rikonoxximent ta’ sentenza li tkun tat piena ta’ priġunerija, li l-eżekuzzjoni tagħha tkun sospiża bil-kundizzjoni biss li jiġi osservat obbligu legali li ma jitwettaqx reat kriminali ġdid matul il-perijodu ta’ sospensjoni, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni qafas.

    31

    L-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/947 jipprovdi li din tapplika biss għar-rikonoxximent ta’ sentenzi u, jekk ikun il-każ, ta’ deċiżjonijiet ta’ probation, għat-trasferiment tas-sorveljanza ta’ miżuri ta’ probation u ta’ sanzjonijiet alternattivi u kif ukoll għal kull deċiżjoni oħra marbuta ma’ dan ir-rikonoxximent jew ma’ din is-sorveljanza.

    32

    Mill-punt 1 tal-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni qafas jirriżulta li l-kelma “sentenza” tindika, għall-finijiet tal-imsemmija deċiżjoni qafas, id-deċiżjoni finali mogħtija minn qorti tal-Istat Membru emittenti li tistabbilixxi li persuna fiżika wettqet reat kriminali u li timponi waħda mill-miżuri elenkati fil-punt 1(a) sa (d) tal-Artikolu 2 tal-istess deċiżjoni qafas.

    33

    Peress li d-domanda magħmula tirrigwarda r-rikonoxximent ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li tat piena ta’ priġunerija li l-eżekuzzjoni tagħha hija sospiża, hemm lok li jiġi ddeterminat jekk tali deċiżjoni ġudizzjarja għandhiex titqies bħala sentenza fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/947 fuq il-bażi tal-punt 1(b) tal-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni qafas, li jsemmi d-deċiżjonijiet ġudizzjarji li jimponu sentenza sospiża.

    34

    Il-kunċett ta’ “sentenza sospiża” huwa ddefinit, fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, bħala piena jew miżura ta’ priġunerija li l-eżekuzzjoni tagħha hija sospiża, kompletament jew parzjalment, fil-mument tal-kundanna, minħabba l-adozzjoni ta’ miżura jew ta’ diversi miżuri ta’ probation.

    35

    Konsegwentement, għandu jiġi ddeterminat jekk l-obbligu li wieħed ma jwettaqx reat kriminali ġdid matul perijodu ta’ sospensjoni ta’ piena jirrappreżentax miżura ta’ probation fis-sens tad-Deċiżjoni Qafas 2008/947.

    36

    F’dan ir-rigward, mill-punt 7 tal-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni qafas jirriżulta li jikkostitwixxu miżuri ta’ probation, għall-finijiet tal-imsemmija deċiżjoni qafas, l-obbligi u l-ordnijiet imposti minn awtorità kompetenti fuq persuna fiżika konformement mad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru emittenti, inkonnessjoni ma’ sentenza sospiża, sentenza kundizzjonali jew liberazzjoni kundizzjonali.

    37

    Peress li din id-dispożizzjoni ma tirriżervax il-klassifikazzjoni ta’ “miżuri ta’ probation”, fis-sens tal-imsemmija deċiżjoni qafas, għal ċerti tipi speċifiċi ta’ obbligi, l-obbligu li wieħed ma jwettaqx reat kriminali ġdid matul perijodu ta’ sospensjoni ta’ piena jista’ għalhekk jitqies li huwa tali miżura ta’ probation meta dan jikkostitwixxi l-kundizzjoni li għaliha hija suġġetta s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija.

    38

    Madankollu, l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/947 jippreċiża li din tapplika għall-miżuri ta’ probation jew għas-sanzjonijiet alternattivi li hija telenka u għalhekk tillimita, bħala prinċipju, il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għal dawn il-miżuri ta’ probation u għal dawn is-sanzjonijiet alternattivi.

    39

    Ċertament, din ir-restrizzjoni tista’ tiġi eskluża f’ċerti sitwazzjonijiet, sa fejn kull Stat Membru għandu, skont l-Artikolu 4(2) tal-istess deċiżjoni qafas, il-fakultà li jinnotifika l-miżuri ta’ probation l-oħra jew is-sanzjonijiet alternattivi l-oħra li huwa lest li jissorvelja.

    40

    Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-Repubblika tal-Estonja ma għamlitx użu minn din il-fakultà u li d-dritt Estonjan jipprevedi biss is-sorveljanza tal-miżuri ta’ probation jew tas-sanzjonijiet alternattivi msemmija fl-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/947.

    41

    F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li l-obbligu li wieħed ma jwettaqx reat kriminali ġdid matul perijodu ta’ sospensjoni ta’ piena ma huwiex imsemmi espliċitament fost il-kategoriji ta’ obbligi u ta’ ordnijiet elenkati f’din id-dispożizzjoni.

    42

    Madankollu, l-Artikolu 4(1)(d) ta’ din id-deċiżjoni qafas jirreferi għall-kategorija iktar wiesgħa ta’ “ordnijiet marbuta ma’ mġiba”.

    43

    Peress li din l-aħħar espressjoni ma hijiex iddefinita mill-imsemmija deċiżjoni qafas, hemm lok, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tiġi ddeterminata t-tifsira u l-portata tagħha konformement mas-sens abitwali tagħha fil-lingwaġġ ta’ kuljum, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih tintuża u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li fiha hija użata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2012, Ketelä, C-592/11, EU:C:2012:673, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    44

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li l-obbligu impost fuq persuna kkundannata li ma twettaqx reat kriminali ġdid matul il-perijodu ta’ sospensjoni tal-piena għandu, sa fejn dan jikkostitwixxi istruzzjoni intiża sabiex tiġi ddeterminata l-kondotta ta’ din il-persuna, jitqies li huwa “ordni marbuta ma’ mġiba”, fis-sens abitwali li din l-espressjoni għandha fil-lingwaġġ ta’ kuljum.

    45

    It-tieni nett, il-kuntest li jagħmel parti minnu l-Artikolu 4(1)(d) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/947 jindika wkoll li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li tkopri, b’mod partikolari, tali obbligu.

    46

    Fl-ewwel lok, għalkemm il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-possibbiltà li tiġi applikata din id-deċiżjoni qafas għall-imsemmi obbligu, filwaqt li, fil-fehma tagħha, din ma timplikax l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ sorveljanza attiva mill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, għandu jiġi kkonstatat li diversi miżuri ta’ probation imsemmija fl-Artikolu 4 tal-imsemmija deċiżjoni qafas ma jeħtiġux neċessarjament l-implimentazzjoni ta’ tali miżuri ta’ sorveljanza. Dan huwa b’mod partikolari l-każ tal-obbligi li wieħed ma jidħolx f’ċerti lokalitajiet, f’ċerti postijiet jew f’ċerti żoni ddefiniti, li jevita kull kuntatt ma’ persuni speċifiċi jew ukoll li jevita kull kuntatt ma’ oġġetti speċifiċi, imsemmija fl-Artikolu 4(1)(b), (f) u (g) tal-istess deċiżjoni qafas.

    47

    Fit-tieni lok, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/947 jipprevedi li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni hija kompetenti sabiex tieħu, b’mod partikolari, kull deċiżjoni sussegwenti relatata ma’ piena sospiża, b’mod partikolari meta l-persuna kkundannata twettaq reat kriminali ġdid.

    48

    Kif jirriżulta mill-Artikolu 14(1)(a) u (b) ta’ din id-deċiżjoni qafas, id-deċiżjonijiet adottati f’dan ir-rigward jistgħu jipprevedu l-modifika ta’ miżura ta’ probation, il-modifika tat-tul tal-perijodu ta’ probation jew ir-revoka tas-sospensjoni.

    49

    Minn dan isegwi li wieħed mill-effetti tar-rikonoxximent ta’ sentenza li timponi piena sospiża huwa li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-miżuri relatati mas-sospensjoni inizjalment mogħtija, li jkunu jidhru li huma neċessarji meta l-persuna kkundannata twettaq reat kriminali ġdid.

    50

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-interpretazzjoni tal-lista stabbilita fl-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/947 fis-sens li ma tinkludix l-obbligu li wieħed ma jwettaqx reat kriminali ġdid twassal għal riżultat paradossali.

    51

    Fil-fatt, tali interpretazzjoni timplika li s-setgħa li jiġu adottati miżuri sussegwenti fil-każ li jitwettaq reat kriminali ġdid mill-persuna kkundannata tkun neċessarjament miċħuda lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ residenza meta s-sentenza li timponi piena sospiża torbot iż-żamma ta’ din is-sospensjoni esklużivament mal-osservanza ta’ dan l-obbligu. Issa, l-imsemmija setgħa tiġi rrikonoxxuta lil din l-awtorità jekk din is-sospensjoni tkun suġġetta għal obbligu ieħor imsemmi fl-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/947, mingħajr rabta diretta mal-eventwali twettiq ta’ reat kriminali ġdid. Din is-soluzzjoni tal-aħħar tapplika, b’mod partikolari, jekk dan l-obbligu l-ieħor ikollu portata limitata ħafna, bħall-obbligu li awtorità speċifika tiġi informata b’kull bidla fl-indirizz jew fix-xogħol, previst fl-Artikolu 4(1)(a) ta’ din id-deċiżjoni qafas, jew jekk l-imsemmi obbligu ieħor ma jkollu ebda rabta mal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, bħall-obbligu li wieħed ma jidħolx f’ċerti żoni ddefiniti mill-Istat Membru emittenti, previst fl-Artikolu 4(1) (b) tal-imsemmija deċiżjoni qafas.

    52

    It-tielet nett, l-aċċettazzjoni tal-possibbiltà li tiġi rrikonoxxuta, skont id-Deċiżjoni Qafas 2008/947, sentenza li tkun tat piena sospiża meta l-eżekuzzjoni ta’ din il-piena tkun sospiża bil-kundizzjoni biss li ma jsirx reat kriminali ġdid hija ta’ natura li tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għanijiet imfittxija minn din id-deċiżjoni qafas. Fil-fatt, mill-Artikolu 1(1) u mill-premessi 8 u 24 tagħha jirriżulta li l-imsemmija deċiżjoni qafas għandha tliet għanijiet kumplimentari, jiġifieri li tiffaċilita r-riabilitazzjoni soċjali tal-persuni kkundannati, li ttejjeb il-protezzjoni tal-vittmi u tas-soċjetà inġenerali billi tipprevjeni r-reċidiva u kif ukoll li tiffaċilita l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ probation u ta’ sanzjonijiet alternattivi xierqa, meta l-awtur tar-reat ma jkunx jgħix fl-Istat Membru tal-kundanna.

    53

    B’mod partikolari, l-awtoritajiet tal-Istat Membru li fih tirrisjedi l-persuna kkundannata huma, bħala regola ġenerali, iktar adatti sabiex jissorveljaw l-osservanza ta’ dan l-obbligu u sabiex jiddeduċu l-konsegwenzi tal-ksur eventwali tiegħu, peress li, bħala prinċipju, huma jinsabu f’pożizzjoni aħjar sabiex jevalwaw in-natura ta’ dan il-ksur, is-sitwazzjoni tal-awtur tiegħu u kif ukoll il-perspettivi tiegħu ta’ riabilitazzjoni.

    54

    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rabta stabbilita bejn is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-piena u l-obbligu li wieħed ma jwettaqx reat kriminali ġdid hija intiża sabiex tiskoraġġixxi r-reċidiva. Għalhekk, il-fatt li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ residenza titħalla tiddeduċi l-konsegwenzi ta’ ksur eventwali ta’ dan l-obbligu huwa ta’ natura li jikkontribwixxi għat-twettiq tal-għan ta’ protezzjoni tal-vittmi u tas-soċjetà inġenerali.

    55

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-obbligu li wieħed ma jwettaqx reat kriminali ġdid matul perijodu ta’ sospensjoni ta’ piena jista’, bħala prinċipju, jikkostitwixxi miżura ta’ probation, fis-sens tal-Artikolu 2(7) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/947, meta dan ikun kundizzjoni li għaliha tkun suġġetta s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija.

    56

    Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 2(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas jippreċiża li l-miżuri ta’ probation marbuta ma’ piena sospiża jistgħu jiġu inklużi fis-sentenza stess jew meħuda f’deċiżjoni ta’ probation distinta, mogħtija minn awtorità kompetenti.

    57

    Barra minn hekk, mill-punt 7 tal-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni qafas jirriżulta li l-miżuri ta’ probation li għalihom tirreferi huma, minnhom infushom, “imposti minn awtorità kompetenti”.

    58

    Minn dan isegwi li hija l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru emittenti li għandha tiddetermina l-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-piena jew tal-miżura ta’ priġunerija imposta, b’mod li tippermetti lill-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jidentifikaw, abbażi tas-sentenza jew tad-deċiżjoni ta’ probation, il-miżuri ta’ probation imposti fuq il-persuna kkundannata. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, fid-dawl tal-elementi li jinsabu fis-sentenza trażmessa, dan huwiex il-każ fil-kawża prinċipali.

    59

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għad-domanda magħmula għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/947, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1)(d) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rikonoxximent ta’ sentenza li tkun tat piena ta’ priġunerija, li l-eżekuzzjoni tagħha tkun sospiża bil-kundizzjoni biss li jiġi osservat obbligu legali li wieħed ma jwettaqx reat kriminali ġdid matul il-perijodu ta’ sospensjoni, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni qafas, sa fejn dan l-obbligu legali jkun jirriżulta minn din is-sentenza jew minn deċiżjoni ta’ probation mogħtija fuq il-bażi tal-imsemmija sentenza, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

    Fuq l-ispejjeż

    60

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/947/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u deċiżjonijiet li jinvolvu probation bil-ħsieb ta’ sorveljanza ta’ miżuri ta’ probation u ta’ sanzjonijiet alternattivi, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1)(d) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rikonoxximent ta’ sentenza li tkun tat piena ta’ priġunerija, li l-eżekuzzjoni tagħha tkun sospiża bil-kundizzjoni biss li jiġi osservat obbligu legali li wieħed ma jwettaqx reat kriminali ġdid matul il-perijodu ta’ sospensjoni, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni qafas, sa fejn dan l-obbligu legali jkun jirriżulta minn din is-sentenza jew minn deċiżjoni ta’ probation mogħtija fuq il-bażi tal-imsemmija sentenza, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Estonjan.

    Fuq