Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62019CJ0160
Judgment of the Court (Second Chamber) of 10 December 2020.#Comune di Milano v European Commission.#Appeal – State aid – Air transport sector – Ground handling services at Milan-Linate and Milan-Malpensa airports (Italy) – Injections of capital by the company managing those airports into its wholly owned subsidiary providing those services – Public ownership of the managing company – Decision declaring those State aid measures unlawful and incompatible with the internal market – Article 107(1) TFEU – Concepts of ‘State resources’, ‘measure imputable to the State’ and ‘economic advantage’ – Private operator principle – Private investor test – Burden of proof – Complex economic assessments – Intensity of judicial review – Distortion of evidence.#Case C-160/19 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-10 ta’ Diċembru 2020.
Comune di Milano vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Għajnuna mill-Istat – Settur tat-trasport bl-ajru – Servizzi ta’ ground handling fl-ajruporti ta’ Milano‑Linate (l‑Italja) u ta’ Milano‑Malpensa (l‑Italja) – Injezzjonijiet ta’ kapital imwettqa mill-amministratur ta’ dawn l-ajruporti fis-sussidjarja tiegħu miżmuma 100 % li tipprovdi dawn is-servizzi – Azzjonisti pubbliċi tal-amministratur – Deċiżjoni li tiddikjara dawn il-miżuri bħala għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli mas-suq intern – Artikolu 107(1) TFUE – Kunċetti ta’ ‘riżorsi tal-Istat’, ta’ ‘miżura imputabbli lill-Istat’ u ta’ ‘vantaġġ ekonomiku’ – Prinċipju ta’ operatur privat – Kriterju ta’ investitur privat – Oneru tal-prova – Evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi – Intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju – Żnaturament ta’ provi.
Kawża C-160/19 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-10 ta’ Diċembru 2020.
Comune di Milano vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Għajnuna mill-Istat – Settur tat-trasport bl-ajru – Servizzi ta’ ground handling fl-ajruporti ta’ Milano‑Linate (l‑Italja) u ta’ Milano‑Malpensa (l‑Italja) – Injezzjonijiet ta’ kapital imwettqa mill-amministratur ta’ dawn l-ajruporti fis-sussidjarja tiegħu miżmuma 100 % li tipprovdi dawn is-servizzi – Azzjonisti pubbliċi tal-amministratur – Deċiżjoni li tiddikjara dawn il-miżuri bħala għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli mas-suq intern – Artikolu 107(1) TFUE – Kunċetti ta’ ‘riżorsi tal-Istat’, ta’ ‘miżura imputabbli lill-Istat’ u ta’ ‘vantaġġ ekonomiku’ – Prinċipju ta’ operatur privat – Kriterju ta’ investitur privat – Oneru tal-prova – Evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi – Intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju – Żnaturament ta’ provi.
Kawża C-160/19 P.
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2020:1012
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
10 ta’ Diċembru 2020 ( *1 )
“Appell – Għajnuna mill-Istat – Settur tat-trasport bl-ajru – Servizzi ta’ ground handling fl-ajruporti ta’ Milano‑Linate (l‑Italja) u ta’ Milano‑Malpensa (l‑Italja) – Injezzjonijiet ta’ kapital imwettqa mill-amministratur ta’ dawn l-ajruporti fis-sussidjarja tiegħu miżmuma 100 % li tipprovdi dawn is-servizzi – Azzjonisti pubbliċi tal-amministratur – Deċiżjoni li tiddikjara dawn il-miżuri bħala għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli mas-suq intern – Artikolu 107(1) TFUE – Kunċetti ta’ ‘riżorsi tal-Istat’, ta’ ‘miżura imputabbli lill-Istat’ u ta’ ‘vantaġġ ekonomiku’ – Prinċipju ta’ operatur privat – Kriterju ta’ investitur privat – Oneru tal-prova – Evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi – Intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju – Żnaturament ta’ provi”
Fil-Kawża C‑160/19 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit‑22 ta’ Frar 2019,
Comune di Milano (l-Italja), irrappreżentat minn A. Mandarano, E. Barbagiovanni, S. Grassani u L. Picciano, avvocati,
rikorrent,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Recchia, G. Conte u D. Grespan, bħala aġenti,
konvenuta fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tat‑Tieni Awla, M. Ilešič, A. Kumin u T. von Danwitz, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑4 ta’ Ġunju 2020,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tas‑16 ta’ Lulju 2020,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tal-appell tiegħu, il-Comune di Milano (il-belt ta’ Milano, l-Italja) jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Comune di Milano vs Il‑Kummissjoni (T‑167/13, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata, EU:T:2018:940), li permezz tagħha hija ċaħdet ir-rikors tiegħu intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1225 tad-19 ta’ Diċembru 2012 rigward l-injezzjonijiet ta’ kapital minn SEA SpA f’SEA Handling SpA (SA.21420 (C 14/10) (ex NN 25/10) (ex CP 175/06)) (ĠU 2015, L 201, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kontenzjuża”). |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
2 |
SEA SpA hija l-kumpannija li tmexxi l-ajruporti ta’ Milano-Linate (l-Italja) u ta’ Milano-Malpensa (l-Italja). Bejn is-snin 2002 u 2010 (iktar ’il quddiem il-“perijodu inkwistjoni”), il-kapital tagħha kien miżmum kważi esklużivament minn awtoritajiet pubbliċi, jiġifieri 84.56 % mill-belt ta’ Milano, 14.56 % mill-Provincia di Milano (il-Provinċja ta’ Milano, l-Italja), u 0.88 % kien miżmum minn azzjonisti pubbliċi u privati oħra. F’Diċembru 2011, F2i – Fondi Italiani per le infrastrutture SGR SpA akkwistat, f’isem żewġ fondi mmexxija minnha, 44.31 % mill-kapital ta’ SEA, li minnu parti mill-kapital miżmum mill-belt ta’ Milano (29.75 %) u l-kapital kollu miżmum mill-Provinċja ta’ Milano (14.56 %). |
|
3 |
Sal‑1 ta’ Ġunju 2002, SEA kienet tipprovdi hija stess is-servizzi ta’ ground handling fl-ajruporti ta’ Milano-Linate u ta’ Milano-Malpensa. Wara d-dħul fis-seħħ tad-decreto legislativo n. 18 – Attuazione della direttiva 96/67/CE relativa al libero accesso al mercato dei servizi di assistenza a terra negli aeroporti della Comunità (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 18, dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 96/67/KE dwar l-aċċess għas-suq tal-groundhandling fl-ajruporti tal-Komunità), tat-13 ta’ Jannar 1999 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 28, tal-4 ta’ Frar 1999), SEA, b’mod konformi mal-obbligu previst fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE tal‑15 ta’ Ottubru 1996 dwar l-aċċess għas-suq tal-groundhandling fl-ajruporti tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 2, p. 496) wettqet is-separazzjoni tal-kontijiet u legali bejn l-attivitajiet tagħha marbuta mal-provvista ta’ servizzi ta’ ground handling u l-attivitajiet l-oħra tagħha. Għal dan il-għan, hija ħolqot kumpannija ġdida, ikkontrollata kompletament minnha u msejħa SEA Handling SpA, li ġiet inkarigata tipprovdi servizzi ta’ ground handling fl-ajruporti ta’ Milano-Linate u ta’ Milano-Malpensa mill‑1 ta’ Ġunju 2002. |
|
4 |
Fis‑26 ta’ Marzu 2002, l-amministrazzjoni tal-belt ta’ Milano, is-SEA u organizzazzjonijiet sindakali kkonkludew ftehim (iktar ’il quddiem il-“ftehim sindakali tas‑26 ta’ Marzu 2002”) li jistipula dan li ġej: “L-amministrazzjoni tal-belt ta’ Milano […] tikkonferma […]
Fl-aħħar nett, l-amministrazzjoni muniċipali u l-organizzazzjonijiet sindakali jiżguraw l-osservanza ta’ dan il-ftehim billi perjodikament jevalwaw il-fażijiet ta’ implimentazzjoni tiegħu fil-kuntest ta’ laqgħat previsti għal dan il-għan.” |
|
5 |
Dawn l-impenji ġew ikkonfermati permezz ta’ ftehimiet konklużi bejn SEA u s-sindakati, b’mod partikolari fl‑4 ta’ April 2002 u fid-19 ta’ Ġunju 2003, li l-kontenut tagħhom kien jirriproduċi speċifikament dak tal-ftehim tas‑26 ta’ Marzu 2002. |
|
6 |
Matul il-perijodu inkwistjoni, SEA Handling irċeviet minn SEA sussidji fil-forma ta’ kontribuzzjonijiet ta’ kapital għal ammont totali ta’ EUR 359644 miljun (iktar ’il quddiem il-“miżuri inkwistjoni”). Dawn is-sussidji kienu intiżi sabiex ikopru t-telf mill-operat ta’ SEA Handling, peress li dan kien jammonta, għal dan l-istess perijodu, għal ammont totali ta’ EUR 339.784 miljun, jiġifieri madwar EUR 43.639 miljun (sena 2002), EUR 49.489 miljun (sena 2003), EUR 47.962 miljun (sena 2004), EUR 42.430 miljun (sena 2005), EUR 44.150 miljun (sena 2006), EUR 59.724 miljun (sena 2007), EUR 52.387 miljun (sena 2008), EUR 29.7 miljun (sena 2009) u EUR 13.4 miljun (sena 2010). |
|
7 |
Għalhekk, skont il-miżuri inkwistjoni, SEA Handling kisbet suċċessivament minn SEA EUR 39.965 miljun (sena 2002), EUR 49.132 miljun (sena 2003), EUR 55.236 miljun (sena 2004), EUR 40.229 miljun (sena 2005), EUR 60.439 miljun (sena 2006), EUR 41.559 miljun (sena 2007), EUR 25.271 miljun (sena 2008) u EUR 47.810 miljun (sena 2009). |
|
8 |
Permezz ta’ ittra tat‑13 ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni Ewropea rċeviet ilment dwar l-allegati miżuri ta’ għajnuna mill-Istat li kienu ngħataw lil Sea Handling. |
|
9 |
Permezz ta’ ittra tat‑23 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni nnotifikat lill-awtoritajiet Taljani bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE. |
|
10 |
Fid‑19 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni kontenzjuża. Fil-punt 191 ta’ din id-deċiżjoni, hija qieset li r-riżorsi użati sabiex ikopru t-telf ta’ SEA Handling kellhom oriġini pubblika peress li kienu ġejjin minn SEA, fejn 99.12 % tal-kapital tagħha kien miżmum, matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, mill-belt ta’ Milano u mill-Provinċja ta’ Milano. |
|
11 |
Fil-punti 192 sa 217 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri inkwistjoni kienu imputabbli lill-Istat Taljan, abbażi ta’ sensiela ta’ ħames indizji li jinkludu, l-ewwel nett, il-ftehimiet sindakali msemmija fil-punti 4 u 5 ta’ din is-sentenza kif ukoll dokumenti oħra, it-tieni nett, id-dipendenza partikolari tad-diretturi ta’ SEA fuq il-belt ta’ Milano, it-tielet nett, l-eżistenza ta’ ittri ta’ riżenja mingħajr isem maħruġa mill-amministraturi ta’ SEA lill-belt ta’ Milano, ir-raba’ nett, l-importanza tal-operazzjonijiet tal-ajruporti ta’ Milano-Malpensa u ta’ Milano-Linate fil-politika tal-belt ta’ Milano, u, il-ħames nett, in-natura ta’ miżuri eċċezzjonali taż-żidiet fil-kapital li kellhom jiġu vvalidati mil-laqgħa ġenerali ta’ SEA. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ddeduċiet minn dawn l-indizji l-eżistenza ta’ strateġija unika u ta’ involviment kontinwu tal-awtoritajiet pubbliċi Taljani, peress li tali ċirkustanza għandha bħala effett, fil-fehma tagħha, li teżentaha milli tanalizza individwalment kull wieħed mill-interventi. |
|
12 |
Fil-punti 219 sa 315 tal-istess deċiżjoni, il-Kummissjoni vverifikat il-kriterju ta’ investitur privat fid-dawl tal-elementi pprovduti mill-awtoritajiet Taljani, minn SEA u minn SEA Handling, dwar 1) strateġija multiannwali ta’ kopertura tat-telf, 2) il-kontribuzzjonijiet ta’ kapital li saru matul is-sena 2002, 3) il-kuntest tal-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar dawn il-kontribuzzjonijiet, 4) l-alternattivi għall-kopertura tat-telf, 5) l-għażla tal-mudell kummerċjali tal-grupp SEA li jipprovdi huwa stess is-servizzi offruti minn SEA Handling, 6) ir-ristrutturazzjoni ta’ SEA Handling u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu f’dan ir-rigward minn SEA, 7) ir-riżultati ekonomiċi suċċessivi ta’ SEA Handling, u 8) il-paragun ta’ dawn ir-riżultati ma’ dawk ta’ operaturi oħra. Fit-tmiem dan l-eżami, il-Kummissjoni kkonkludiet li dan il-kriterju ma kien ġie ssodisfatt fir-rigward ta’ ebda waħda mill-miżuri inkwistjoni. |
|
13 |
Fid-dispożittiv tad-Deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kkunsidrat, b’mod partikolari, li ż-żidiet fil-kapital imwettqa minn SEA favur SEA Handling għal kull waħda mis-snin finanzjarji tal-perijodu inkwistjoni kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE (Artikolu 1) u li din l-għajnuna mill-Istat, mogħtija bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE kienet inkompatibbli mas-suq intern (Artikolu 2). Konsegwentement, hija ordnat lir-Repubblika Taljana li tiġi rrimborsata din l-għajnuna mill-benefiċjarju (Artikolu 3(1)). |
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
|
14 |
B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑18 ta’ Marzu 2013, il-belt ta’ Milano ppreżentat rikors intiż, prinċipalment, għall-annullament tad-Deċiżjoni kontenzjuża u, sussidjarjament, għall-annullament tal-Artikoli 3 sa 5 tagħha. |
|
15 |
Insostenn tar-rikors, il-belt ta’ Milano qajmet erba’ motivi, fejn l-ewwel u t-tieni motiv kienu bbażati fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE sa fejn il-Kummissjoni, minn naħa, ikkonstatat b’mod żbaljat l-eżistenza ta’ trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat u li l-miżuri inkwistjoni kienu imputabbli lill-Istat Taljan kif ukoll, min-naħa l-oħra, injorat il-kriterju ta’ investitur privat. |
|
16 |
Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors u kkundannat lill-belt ta’ Milano għall-ispejjeż. |
It-talbiet tal-partijiet
|
17 |
Il-belt ta’ Milano titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla kemm is-sentenza appellata kif ukoll id-Deċiżjoni kontenzjuża u li tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż. |
|
18 |
Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiċħad l-appell u li tikkundanna lill-belt ta’ Milano għall-ispejjeż. |
Fuq l-appell
|
19 |
Insostenn tal-appell tagħha, il-belt ta’ Milano tippreżenta erba’ aggravji, fejn l-ewwel u r-raba’ aggravju huma bbażati fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn il-Qorti Ġenerali, minn naħa, ikkonstatat b’mod żbaljat l-eżistenza ta’ trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat u kkonkludiet dwar l-imputabbiltà lill-belt ta’ Milano tal-miżuri inkwistjoni kif ukoll, min-naħa l-oħra, injorat il-kriterju ta’ investitur privat. Permezz tat-tieni u tat-tielet aggravju, ukoll dwar l-imputabbiltà tal-miżuri inkwistjoni lill-belt ta’ Milano, din issostni li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat il-prinċipji tal-oneru tal-prova u żnaturat fatti u provi. |
Fuq l-ewwel aggravju, dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat
Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju, dwar il-kunċett ta’ riżorsi tal-Istat
– L-argumenti tal-partijiet
|
20 |
Il-belt ta’ Milano ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta bbażat ruħha, fil-punti 65 u 66 tas-sentenza appellata, fuq il-maġġoranza ta’ ishma tagħha fis-SEA u fuq il-preżunzjoni ta’ influwenza dominanti, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/111/KE tas‑16 ta’ Novembru 2006 dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi kif ukoll dwar it-trasparenza finanzjarja fi ħdan ċerti impriżi (ĠU 2008, L 348M, p. 906, rettifika fil-ĠU 2009, L 84M, p. 555) mingħajr ma vverifikat jekk il-Kummissjoni kinitx ipprovat ir-realtà ta’ din l-influwenza, jiġifieri l-ġestjoni favur tagħha tar-riżorsi ta’ SEA. |
|
21 |
Issa, qabelxejn, il-fatt li l-membri tal-bord tad-diretturi u tal-bord ta’ sorveljanza ta’ SEA ġew maħtura mill-azzjonist maġġoritarju bl-ebda mod ma jipprova, fir-rigward tar-regoli tad-dritt tal-kumpanniji Taljani applikabbli, li l-mezzi finanzjarji ta’ SEA kienu jinsabu kontinwament taħt il-kontroll tal-awtoritajiet pubbliċi. |
|
22 |
Sussegwentement, id-Direttiva 2006/111 kienet ġiet adottata fuq il-bażi legali tal-Artikolu 106 TFUE u mhux tal-Artikolu 107 TFUE, b’tali mod li l-loġika ta’ din id-direttiva ma hijiex rilevanti għall-evalwazzjoni tal-kunċetti li jinsabu f’din l-aħħar dispożizzjoni. |
|
23 |
Fl-aħħar nett, skont il-ġurisprudenza, il-kundizzjoni ta’ kontroll pubbliku kostanti tar-riżorsi ma tiġix issodisfatta ħlief jekk ir-riżorsi kkonċernati jkunu kontinwament għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi, abbażi ta’ elementi konkreti, liema ħaġa hija nieqsa f’dan il-każ. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza tagħha tat‑13 ta’ Settembru 2017, ENEA (C‑329/15, EU:C:2017:671), li s-sempliċi fatt li l-Istat iżomm il-maġġoranza tal-kapital ta’ impriżi ma jippermettix li minn dan tiġi dedotta l-eżistenza ta’ influwenza dominanti li tippermetti li jiġi dirett l-użu tar-riżorsi ta’ dawn l-impriżi. Barra minn hekk, għandha tiġi prodotta l-prova tal-eżistenza ta’ istruzzjonijiet tal-Istat marbuta mal-ġestjoni tar-riżorsi użati għall-għoti tal-għajnuna. |
|
24 |
Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet ultra petita meta, fis-sentenza appellata, għamlet analiżi tal-eżistenza ta’ trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, minkejja li, fl-ewwel istanza, il-belt ta’ Milano ma kienet ressqet ebda argument li jikkontesta l-klassifikazzjoni tar-riżorsi ta’ SEA bħala riżorsi tal-Istat, hekk kif jirriżulta mill-punti 55 sa 58 u 64 tas-sentenza appellata. Għaldaqstant, il-belt ta’ Milano ma tistax tiġi awtorizzata tikkontesta, fil-kuntest ta’ dan l-appell, l-analiżi mill-Qorti Ġenerali ta’ motiv li ma kienx tqajjem fl-ewwel istanza. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti dwar il-mertu tal-belt ta’ Milano. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
25 |
F’dak li jikkonċerna l-ammissibbiltà tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, huwa minnu, kif tirrileva l-Kummissjoni, li l-Qorti Ġenerali eżaminat in-natura statali tar-riżorsi ta’ SEA ttrasferiti lil SEA Handling mingħajr ma l-belt ta’ Milano qajmet quddiemha argument speċifiku f’dan ir-rigward, ħaġa li l-Qorti Ġenerali barra minn hekk enfasizzat fil-punt 64 tas-sentenza appellata. |
|
26 |
Madankollu, hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 25 tal-konklużjonijiet tagħha, mir-rikors tal-ewwel istanza jirriżulta mingħajr ambigwità li l-belt ta’ Milano kkontestat, permezz tal-argumenti mressqa taħt l-ewwel motiv tagħha, kemm l-imputabbiltà tal-miżuri inkwistjoni kif ukoll in-natura statali tar-riżorsi użati. Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali, permezz tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 65 u 66 tas-sentenza appellata, ma ddeċidietx ultra petita, b’tali mod li l-argument tal-Kummissjoni dwar l-inammissibbiltà tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud. |
|
27 |
Fir-rigward tal-mertu ta’ din il-parti, għandu jitfakkar l-ewwel nett li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-klassifikazzjoni ta’ miżura bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, tirrikjedi li l-kundizzjonijiet segwenti kollha jiġu ssodisfatti. L-ewwel nett, għandu jkun intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, dan l-intervent għandu jkun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet nett, għandu jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu. Ir-raba’ nett, għandu jwassal għal distorsjoni jew għal theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Arriva Italia etC‑385/18, EU:C:2019:1121, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
28 |
Għaldaqstant, sabiex vantaġġi jkunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, dawn għandhom, b’mod konformi mal-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, minn naħa, jingħataw direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat u, min-naħa l-oħra, ikunu imputabbli lill-Istat (sentenza tat-18 ta’ Mejju 2017, Fondul Proprietatea, C‑150/16, EU:C:2017:388, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
29 |
Fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-kundizzjoni marbuta mal-fatt li l-vantaġġ jingħata direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat, minn ġurisprudenza ferm stabbilita jirriżulta li l-kunċett ta’ “għajnuna” huwa iktar ġenerali minn dak ta’ “sussidju” peress li ma jinkludix biss prestazzjonijiet pożittivi, bħalma huma s-sussidji stess, iżda wkoll interventi li, taħt forom differenti, jagħmlu inqas onerużi l-piżijiet li normalment jaffettwaw il-baġit ta’ impriża u li, minħabba f’hekk, mingħajr ma jkunu sussidji fis-sens strett tal-kelma, ikollhom l-istess natura u għandhom effetti identiċi (sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2017, Fondul Proprietatea, C‑150/16, EU:C:2017:388, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
30 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 107(1) TFUE jinkludi l-mezzi pekunjarji kollha li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu effettivament jużaw sabiex isostnu impriżi, mingħajr ma huwa rilevanti jekk dawn il-mezzi jappartjenux jew le b’mod permanenti lill-patrimonju tal-Istat. B’konsegwenza, anki jekk is-somom li jikkorrispondu għall-miżura inkwistjoni ma jkunux jinsabu b’mod permanenti fil-pussess tat-Teżor pubbliku, il-fatt li dawn jibqgħu b’mod kostanti taħt kontroll pubbliku, u għalhekk għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, huwa biżżejjed sabiex jiġu kklassifikati bħala riżorsi tal-Istat (sentenza tat-18 ta’ Mejju 2017, Fondul Proprietatea, C‑150/16, EU:C:2017:388, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
31 |
F’dak li jikkonċerna b’mod speċifiku l-impriżi pubbliċi, bħalma hija SEA, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-Istat jinsab f’pożizzjoni, permezz tal-eżerċizzju tal-influwenza dominanti tiegħu fuq tali impriżi, li jiggwida l-użu tar-riżorsi tagħhom sabiex jiġu ffinanzjati, jekk ikun il-każ, vantaġġi speċifiċi favur impriżi oħra (sentenza tat-18 ta’ Mejju 2017, Fondul Proprietatea, C‑150/16, EU:C:2017:388, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
32 |
F’dan ir-rigward, impriża miżmuma kważi 100 % minn awtoritajiet pubbliċi u li l-membri tal-bord tad-diretturi tagħha huma barra minn hekk maħtura minn dawn l-awtoritajiet għandha titqies bħala impriża pubblika taħt il-kontroll tal-Istat, peress li l-imsemmija awtoritajiet pubbliċi jistgħu fil-fatt jeżerċitaw direttament jew indirettament influwenza dominanti fuq tali impriża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑482/99, EU:C:2002:294, punti 33 u 34). |
|
33 |
Bl-istess mod, l-għoti ta’ garanziji minn impriża għalkollox miżmuma minn komun jimplika l-impenn ta’ riżorsi tal-Istat, peress li dawn il-garanziji jinkludu riskju ekonomiku suffiċjentement konkret li jista’ jwassal għal piżijiet għal din l-impriża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2014, Commerz Nederland, C‑242/13, EU:C:2014:2224, punt 30). |
|
34 |
Barra minn hekk, meta l-Istat ikun perfettament fil-pożizzjoni, billi jeżerċita l-influwenza dominanti tiegħu fuq dawn l-impriżi, li jidderieġi l-użu tar-riżorsi tagħhom sabiex, meta jkun il-każ, jiġu ffinanzjati vantaġġi speċifiċi favur impriżi oħra, il-fatt li r-riżorsi kkonċernati jkunu ġestiti minn entitajiet distinti tal-awtorità pubblika jew li huma ta’ oriġini privata huwa mingħajr effett (sentenza tad-9 ta’ Novembru 2017, Il‑Kummissjoni vs TV2/Danmark, C‑656/15 P, EU:C:2017:836, punti 47 u 48). |
|
35 |
F’dan il-każ, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, fil-punti 65 u 66 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali setgħet tiddeduċi, mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi, mill-fatt li l-ishma ta’ SEA kienu kważi kompletament u direttament miżmuma minn awtoritajiet pubbliċi, fosthom il-belt ta’ Milano, u li din tal-aħħar kienet ħatret il-membri tal-bord tad-diretturi u tal-bord ta’ sorveljanza ta’ SEA, kemm direttament, kemm permezz tal-maġġoranza tagħha fil-laqgħa ġenerali ta’ din il-kumpannija, li l-mezzi finanzjarji mogħtija minn din tal-aħħar lil SEA kellhom jiġu kklassifikati bħala riżorsi tal-Istat. |
|
36 |
Kuntrarjament għal dak li tallega l-belt ta’ Milano, din il-konstatazzjoni la hija invalidata bir-riferiment, li jinsab fil-punt 65 tas-sentenza appellata, għall-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2006/111 u lanqas mit-tagħlim li jirriżulta mis-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2017, ENEA (C‑329/15, EU:C:2017:671). |
|
37 |
Fil-fatt, minn naħa, minkejja li r-riferiment għad-Direttiva 2006/111 ma huwiex rilevanti f’dan il-każ, l-elementi msemmija fil-punt 35 ta’ din is-sentenza huma suffiċjenti sabiex isostnu l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-involviment tar-riżorsi tal-Istat. |
|
38 |
Min-naħa l-oħra, hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 33 u 34 tal-konklużjonijiet tagħha, mill-punti 27 u 31 sa 35 tas-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2017, ENEA (C‑329/15, EU:C:2017:671), jirriżulta li ċ-ċirkustanzi li taw lok għal dik is-sentenza huma differenti minn dawk prevalenti f’din il-proċedura. Fil-fatt, fl-imsemmija sentenza, kien hemm inkwistjoni obbligu ta’ xiri ta’ elettriku ekoloġiku li kien japplika mingħajr distinzjoni, skont intervent leġiżlattiv tal-Istat Membru kkonċernat, kemm għall-fornituri tal-elettriku li l-kapital tagħhom kien fil-parti l-kbira miżmum mill-Istat kif ukoll għal dawk li l-kapital tagħhom kien fil-parti l-kbira miżmum minn operaturi privati. Għalhekk, il-vantaġġ eventwalment mogħti permezz ta’ dan l-intervent tal-Istat Membru kkonċernat fil-kwalità tiegħu ta’ leġiżlatur ma rriżultax minn setgħat ta’ kontroll li l-Istat seta’ jeżerċita fil-kwalità tiegħu bħala azzjonist maġġoritarju fi ħdan impriżi pubbliċi kkonċernati u, għaldaqstant, ma setax jiġi kklassifikat, fiċ-ċirkustanzi invokati fil-punti 32 sa 35 ta’ din is-sentenza, bħala li ġie ffinanzjat permezz ta’ riżorsi tal-Istat. |
|
39 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata. |
Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju, dwar l-imputabbiltà tal-miżuri inkwistjoni
– L-argumenti tal-partijiet
|
40 |
Il-belt ta’ Milano ssostni li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-Artikolu 107(1) TFUE meta qieset, fil-punt 80 tas-sentenza appellata, li l-prova tal-involviment tal-belt ta’ Milano fl-għoti tal-miżuri inkwistjoni ma teħtieġx l-istabbiliment ta’ prova pożittiva, iżda biss l-improbabbiltà ta’ assenza ta’ involviment. |
|
41 |
F’dan ir-rigward, il-belt ta’ Milano tesponi li, sabiex tiġi evitata inklużjoni żejda fil-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet mal-kriterju ta’ imputabbiltà ta’ rabtiet organiċi dak, iktar strett, ta’ involviment attiv tal-Istat fl-adozzjoni tal-miżuri kkonċernati, peress li dan l-involviment għandu jkun identifikabbli u għandu jkollu rabta konkreta ta’ kawżalità suffiċjentement qawwija ma’ kull waħda mill-miżuri meħuda. Għalhekk, huwa neċessarju li jintwera li l-miżuri kollha ttieħdu fuq l-inizjattiva tal-Istat, jew li dan intervjena fl-istadju tal-bidu tagħha, li huwa effettivament eżerċita s-setgħa ta’ kontroll tiegħu u li eżerċita influwenza determinanti fuq kull waħda mid-deċiżjonijiet meħuda. |
|
42 |
Issa, tali prova kienet nieqsa f’dan il-każ, peress li l-Qorti Ġenerali rrikorriet għall-kriterju tal-improbabbiltà ta’ assenza ta’ involviment, b’tali mod li wettqet żball manifest fit-tfassil tal-livell ta’ prova fil-qasam ta’ imputabbiltà. |
|
43 |
Il-Kummissjoni tirrileva qabelxejn li l-belt ta’ Milano tikkritika biss il-punt 80 tas-sentenza appellata, li sempliċement jirrepeti l-prinċipji tal-ġurisprudenza dwar il-kunċett ta’ imputabbiltà esposti fil-punt 75 ta’ dik is-sentenza, b’tali mod li din il-parti hija parzjalment inammissibbli jew ineffettiva. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali ma bbażatx ruħha fuq kunċett żbaljat ta’ imputabbiltà u lanqas ma rrikorriet għal preżunzjonijiet negattivi jew applikat livell ta’ prova żbaljat. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
44 |
Qabelxejn, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq inammissibbiltà tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, peress li l-belt ta’ Milano kkontestat mingħajr ekwivoku l-prinċipji legali li fuqhom il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha sabiex timputa lill-belt ta’ Milano l-aġir ta’ SEA. F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti, bħala tali, li jsir magħruf jekk il-Qorti Ġenerali invokatx dawn l-istess prinċipji f’diversi partijiet tas-sentenza appellata. |
|
45 |
Fir-rigward tal-mertu, tfakkar, fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, li, sabiex vantaġġi jkunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, dawn għandhom, b’mod konformi mal-ewwel mill-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni, minn naħa, jingħataw direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat u, min-naħa l-oħra, ikunu imputabbli lill-Istat. |
|
46 |
Fir-rigward iktar partikolarment tal-kundizzjoni dwar l-imputabbiltà lill-Istat ta’ miżura li tagħti vantaġġi, meħuda minn impriża pubblika, għandu jitfakkar li l-imputabbiltà ma tistax tiġi dedotta mill-fatt biss li l-vantaġġi ngħataw minn impriża pubblika kkontrollata mill-Istat. Fil-fatt, anki jekk l-Istat ikun f’pożizzjoni li jikkontrolla impriża pubblika u li jeżerċita influwenza determinanti fuq l-operazzjonijiet tagħha, l-eżerċizzju effettiv ta’ dan il-kontroll f’każ konkret ma jistax jiġi awtomatikament preżunt. Għadu neċessarju li jiġi eżaminat jekk l-awtoritajiet pubbliċi għandhomx jitqiesu bħala li kienu involuti, b’mod jew ieħor, fl-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2014, Commerz Nederland, C‑242/13, EU:C:2014:2224, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
47 |
F’dan ir-rigward, ma jistax ikun meħtieġ li jintwera, fuq il-bażi ta’ istruzzjoni preċiża, li l-awtoritajiet pubbliċi ħeġġew b’mod konkret lill-impriża pubblika sabiex tieħu l-miżuri ta’ għajnuna kkonċernati. Fil-fatt, l-imputabbiltà lill-Istat ta’ miżura ta’ għajnuna meħuda minn impriża pubblika tista’ tiġi dedotta minn ġabra ta’ indizji li jirriżultaw minn ċirkustanzi tal-każ u mill-kuntest li fih ittieħdet din il-miżura (sentenzi tas‑17 ta’ Settembru 2014, Commerz Nederland, C‑242/13, EU:C:2014:2224, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-18 ta’ Mejju 2017, Fondul Proprietatea, C‑150/16, EU:C:2017:388, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
48 |
B’mod partikolari, huwa rilevanti kull indizju li jindika, fil-każ konkret, jew involviment mill-awtoritajiet pubbliċi jew l-improbabbiltà ta’ assenza ta’ involviment fl-adozzjoni ta’ miżura, fir-rigward ukoll tal-portata tagħha, tal-kontenut tagħha jew tal-kundizzjonijiet li din tinvolvi, jew, min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ involviment tal-imsemmija awtoritajiet fl-adozzjoni tal-imsemmija miżura (sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2014, Commerz Nederland, C‑242/13, EU:C:2014:2224, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
49 |
Madankollu, il-fatt biss li impriża pubblika tkun ġiet ikkostitwita fil-forma ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju rregolata mid-dritt ordinarju ma jistax, fir-rigward tal-awtonomija li din il-forma ġuridika tista’ tagħtiha, jiġi kkunsidrat bħala suffiċjenti sabiex jiġi eskluż li miżura ta’ għajnuna meħuda minn din il-kumpannija tkun imputabbli lill-Istat. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ kontroll u l-possibbiltajiet reali ta’ eżerċizzju ta’ influwenza dominanti li tali sitwazzjoni timplika fil-prattika jipprekludu li tiġi eskluża a priori kwalunkwe imputabbiltà lill-Istat ta’ miżura meħuda minn tali kumpannija u, b’konsegwenza, ir-riskju ta’ evażjoni tar-regoli tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat, minkejja r-rilevanza bħala tali tal-forma ġuridika tal-impriża pubblika bħala indizju, fost oħrajn, li jippermetti li jiġi stabbilit f’każ konkret l-involviment jew le tal-Istat (sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2017, Fondul Proprietatea, C‑150/16, EU:C:2017:388, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
50 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali, meta vverifikat, fil-punti 80 sa 88 tas-sentenza appellata, jekk l-indizji invokati mill-Kummissjoni fil-premessi 195 sa 200 tad-Deċiżjoni kontenzjuża kinux jippermettu li jiġi preżunt li l-belt ta’ Milano kienet ġiet involuta fl-adozzjoni tal-miżuri inkwistjoni, applikat il-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha mfakkra fil-punti 46 sa 49 ta’ din is-sentenza. |
|
51 |
Fil-fatt, minn naħa, minn dawn il-prinċipji jirriżulta b’mod partikolari li, kuntrarjament għal dak li tallega l-belt ta’ Milano, la l-Kummissjoni ma għandha tipprova u lanqas il-Qorti Ġenerali ma għandha tiżgura ruħha li l-awtoritajiet pubbliċi kienu inċitaw konkretament lill-impriża pubblika li tieħu l-miżuri inkwistjoni. |
|
52 |
Min-naħa l-oħra, ma huwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar il-punt jekk, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni setgħetx tibbaża ruħha esklużivament fuq indizji li jindikaw, fil-każ konkret, l-improbabbiltà ta’ assenza ta’ involviment tal-awtoritajiet pubbliċi. Hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 38 sa 44 tal-konklużjonijiet tagħha, l-argumenti tal-belt ta’ Milano huma bbażati fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata li skont dan il-qari l-Qorti Ġenerali aċċettat li l-Kummissjoni setgħet tibbaża l-konstatazzjoni tal-imputabbiltà tal-miżuri inkwistjoni esklużivament fuq l-improbabbiltà ta’ assenza ta’ involviment tal-belt ta’ Milano fl-adozzjoni tagħhom. |
|
53 |
Fil-fatt, qabel kollox, fil-punti 80 sa 83 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, l-ewwel nett, li t-termini tal-ftehim sindakali tas‑26 ta’ Marzu 2002 kienu joħolqu obbligu ċar u preċiż għal SEA li tikkumpensa, tal-inqas għal perijodu ta’ ħames snin, it-telf ta’ SEA Handling. It-tieni nett, hija qieset li, permezz tal-iffirmar ta’ dan il-ftehim, il-belt ta’ Milano kienet tat formalment l-approvazzjoni tagħha, inkluż fil-kwalità tagħha ta’ azzjonista maġġoritarja ta’ SEA, mhux biss f’dak li jikkonċerna l-istabbiliment ta’ dan l-obbligu, iżda wkoll fir-rigward tal-osservanza tiegħu u tal-implimentazzjoni sussegwenti tiegħu minn SEA. It-tielet nett, minn dan iddeduċiet li l-parteċipazzjoni attiva tal-belt ta’ Milano għan-negozjati u għall-konklużjoni tal-imsemmi ftehim kienet tikkostitwixxi prova ċentrali tal-involviment tal-awtoritajiet Taljani fl-għoti tal-miżuri inkwistjoni. |
|
54 |
Sussegwentement, fil-punti 84 sa 87 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali attribwixxiet, fl-evalwazzjoni tal-fatti tagħha, valur probatorju pożittiv għall-minuti tal-laqgħat tal-bord tad-diretturi ta’ SEA Handling, għall-fatt li s-sindku ta’ Milano kien talab u kiseb ir-riżenja tal-president tal-bord tad-diretturi ta’ SEA matul is-sena 2006, u għall-eżistenza ta’ ittri ta’ riżenja mingħajr isem li l-membri tal-bord tad-diretturi kienu bagħtu lil dan is-sindku. |
|
55 |
Fl-aħħar nett, fil-punt 88 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonfermat in-natura ta’ “deċiżjonijiet importanti” tal-miżuri inkwistjoni kkunsidrati mill-Kummissjoni fil-punt 210 tad-Deċiżjoni kkontestata, ċirkustanza li fiha din tal-aħħar b’mod partikolari ddeduċiet, fl-istess punt, l-improbabbiltà ta’ assenza ta’ involviment tal-belt ta’ Milano fl-adozzjoni tagħhom. |
|
56 |
Għaldaqstant, mill-punti 80 sa 88 tas-sentenza appellata jirriżulta b’mod ċar li l-Qorti Ġenerali kkonstatat l-eżistenza ta’ indizji pożittivi li juru, fil-każ konkret, involviment tal-belt ta’ Milano fl-adozzjoni tal-imsemmija miżuri u li huwa abbażi ta’ dawn l-indizji pożittivi li hija ammettiet li l-Kummissjoni setgħet ukoll tibbaża ruħha fuq l-improbabbiltà ta’ assenza ta’ involviment tal-belt ta’ Milano fl-adozzjoni, tal-inqas, ta’ wħud mill-miżuri inkwistjoni matul il-perijodu li seħħ wara l-konklużjoni tal-ftehim sindakali tas‑26 ta’ Marzu 2002. |
|
57 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni parti u, għaldaqstant, l-ewwel aggravju kollu kemm hu, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati. |
Fuq it-tieni aggravju, dwar il-prinċipji tal-oneru tal-prova
Fuq l-ewwel parti tat-tieni aggravju, dwar oneru tal-prova allegatament mhux ugwali
– L-argumenti tal-partijiet
|
58 |
Il-belt ta’ Milano ssostni li l-Qorti Ġenerali naqset milli twettaq eżami bir-reqqa tal-provi prodotti mill-belt ta’ Milano, meta, fil-punti 89 sa 94 tas-sentenza appellata, hija u tillimita ruħha, fil-qosor, li tirriproduċi kelma b’kelma l-kunsiderazzjonijiet tad-Deċiżjoni kontenzjuża, ċaħdet il-provi prodotti bħala insuffiċjenti sabiex tiġi kkonfutata l-improbabbiltà ta’ assenza ta’ involviment tal-belt ta’ Milano fil-miżuri inkwistjoni. |
|
59 |
Issa, meta aġixxiet b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali ppermettiet lill-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-prova negattiva tal-improbabbiltà ta’ assenza ta’ involviment, filwaqt li imponiet fuq il-belt ta’ Milano provi pożittivi u ċerti ta’ assenza ta’ involviment, li kellu bħala effett li tiġi suġġetta għal probatio diabolica. |
|
60 |
Dan huwa kkonfermat b’mod partikolari mill-punt 82 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tal-belt ta’ Milano li din kienet intervjeniet fil-konklużjoni tal-ftehim sindakali tas‑26 ta’ Marzu 2002 biss bħala medjatur politiku, filwaqt li din iċ-ċirkustanza kienet ġiet stabbilita permezz ta’ dikjarazzjonijiet taħt ġurament ad hoc tar-rappreżentanti sindakali. Fil-fatt, minbarra li ma tat ebda valur lil dawn id-dikjarazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali kienet iddeċidiet li l-fatt li l-firma magħmula fuq dan il-ftehim kienet dik tal-assistent tas-sindku responsabbli mill-persunal u mix-xogħol, u mhux dik tal-assistent tas-sindku responsabbli mill-baġit, huwa irrilevanti. |
|
61 |
Il-Kummissjoni tqis li, billi l-argumenti tal-belt ta’ Milano huma inammissibbli, hija tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq evalwazzjoni ġdida tal-fatti. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali ma għamlitx impossibbli l-prova tal-assenza ta’ imputabbiltà u lanqas ma applikat oneru mhux ugwali tal-prova, iżda kienet evalwat b’diliġenza kemm l-indizji ta’ imputabbiltà kif ukoll l-indizji ta’ nuqqas ta’ imputabbiltà. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
62 |
Sa fejn il-belt ta’ Milano tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli bbażat il-konstatazzjoni tal-imputabbiltà tal-miżuri inkwistjoni esklużivament fuq l-improbabbiltà ta’ assenza ta’ involviment min-naħa tagħha fl-adozzjoni tagħhom, diġà ġie rrilevat, fil-punti 52 u 56 ta’ din is-sentenza, li dan l-argument jirriżulta minn qari żbaljat tas-sentenza appellata, peress li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 80 sa 88 tas-sentenza appellata, l-eżistenza ta’ indizji pożittivi li jindikaw b’mod konkret involviment tal-belt ta’ Milano fl-adozzjoni tal-miżuri inkwistjoni. |
|
63 |
Barra minn hekk, hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tagħha, il-Qorti Ġenerali eżaminat bl-istess mod, fir-rigward tal-prinċipji żviluppati fil-ġurisprudenza, l-indizji invokati mill-belt ta’ Milano u intiżi, skont din tal-aħħar, li jistabbilixxu l-assenza tal-involviment tagħha fl-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri. |
|
64 |
Għalhekk, għal kull wieħed mill-indizji mressqa mill-Kummissjoni jew mill-belt ta’ Milano, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-provi favur u kontra l-valur probatorju tagħhom kif ukoll dawk relatati mal-importanza li għandha tingħatalhom. Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali eżaminat b’mod ekwu l-argumenti u l-provi mressqa mill-partijiet u waslet għall-konklużjoni tagħha wara analiżi ddettaljata tal-elementi mressqa kollha. |
|
65 |
Konsegwentement, hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tagħha, iċ-ċaħda mill-Qorti Ġenerali tal-argument tal-belt ta’ Milano hija dovuta, kuntrarjament għal dak li tallega, la għall-impożizzjoni mill-Qorti Ġenerali ta’ obbligu li jiġu prodotti provi pożittivi u ċerti ta’ assenza tal-involviment tagħha fl-adozzjoni tal-miżuri inkwistjoni u lanqas għall-applikazzjoni minnha ta’ oneru tal-prova mhux ugwali, iżda għall-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-valur probatorju ta’ kull wieħed mill-indizji mressqa. |
|
66 |
Fl-aħħar nett, sa fejn il-belt ta’ Milano tipprova tikkontesta, permezz tal-argumenti miġbura fil-qosor fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, din l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, din għandha titqies, hekk kif issostni ġustament il-Kummissjoni, bħala li tfittex li tikseb evalwazzjoni ġdida tal-fatti, fatt li jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Novembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Franza u Orange, C‑486/15 P, EU:C:2016:912, punt 97). |
|
67 |
Minn dan isegwi li l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondata. |
Fuq it-tieni parti tat-tieni aggravju, dwar is-suġġett tal-prova li għandha tiġi prodotta
– L-argumenti tal-partijiet
|
68 |
Il-belt ta’ Milano hija tal-opinjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punti 73 u 83 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet korretta meta kkunsidrat li l-parteċipazzjoni attiva tagħha li seħħet fil-konklużjoni tal-ftehim sindakali tas‑26 ta’ Marzu 2002 kienet suffiċjenti, bħala tali, sabiex tiġġustifika li titqies bħala li kienet involuta fl-għoti tal-miżuri inkwistjoni, li għandhom jitqiesu bħala intervent uniku. |
|
69 |
Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni kienet obbligata turi l-imputabbiltà ta’ kull waħda mill-miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni li seħħew fil-perijodu inkwistjoni, sa fejn dawn il-miżuri differenti kienu totalment distinti minn xulxin. Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet li diversi interventi konsekuttivi tal-Istat jistgħu jitqiesu bħala intervent wieħed, dan ikun bil-kundizzjoni li dawn jippreżentaw, fir-rigward tal-kronoloġija tagħhom, tal-iskop tagħhom u tas-sitwazzjoni tal-impriża, rabtiet tant stretti bejniethom li jkun impossibbli li dawn jiġu sseparati. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat estendiet għall-imputabbiltà ta’ miżura din il-ġurisprudenza relatata mal-kriterji tar-riżorsi tal-Istat u tal-operatur privat. |
|
70 |
F’dan ir-rigward, il-belt ta’ Milano, l-ewwel nett, indikat lill-Qorti Ġenerali li l-allegati indizji ta’ imputabbiltà kienu ftit, ta’ kwalità insodisfaċenti u mingħajr rabta diretta mal-miżuri inkwistjoni. Sussegwentement, ikun żbaljat li jiġi affermat li l-awtoritajiet Taljani u SEA kienu ammettew l-eżistenza ta’ strateġija multiannwali ta’ kopertura tat-telf ta’ SEA Handling matul il-perijodu neċessarju għar-ristrutturazzjoni tagħha, peress li l-affermazzjonijiet inkwistjoni jirreferu biss għal strateġija ta’ riorganizzazzjoni ta’ SEA Handling. Fl-aħħar nett, ir-rikapitalizzazzjonijiet dejjem seħħew f’kuntesti li ma għandhom ebda natura koerenti. |
|
71 |
Il-Kummissjoni tirribatti li dan imur kontra t-termini u l-loġika tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex diversi interventi konsekuttivi tal-Istat ikunu jistgħu jitqiesu bħala intervent wieħed, li jiġi limitat unikament għall-kriterji tar-riżorsi tal-Istat u tal-operatur privat. Mill-bqija, il-belt ta’ Milano tillimita ruħha li titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja evalwazzjoni ġdida tal-fatti, ħaġa li hija inammissibbli fl-istadju tal-appell. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
72 |
Skont ġurisprudenza stabbilita sew, filwaqt li l-interventi tal-Istat jieħdu forom differenti u għandhom jiġu analizzati abbażi tal-effetti tagħhom, ma jistax jiġi eskluż li bosta interventi konsekuttivi tal-Istat ikollhom, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, jitqiesu bħala intervent wieħed. Dan jista’ b’mod partikolari jkun il-każ meta interventi konsekuttivi jkollhom, fir-rigward b’mod partikolari tal-kronoloġija tagħhom, tal-iskop tagħhom u tas-sitwazzjoni tal-impriża fil-mument ta’ dawn l-interventi, rabtiet tant stretti bejniethom li jkun impossibbli li dawn jiġu sseparati (sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2015, Il‑Kummissjoni vs MOL, C‑15/14 P, EU:C:2015:362, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-26 ta’ Marzu 2020, Larko vs Il‑Kummissjoni, C‑244/18 P, EU:C:2020:238, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
73 |
Issa, sa fejn din il-ġurisprudenza hija intiża, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, għall-interventi statali bħala tali u timplika li dawn għandhom jiġu analizzati b’mod oġġettiv skont l-effetti tagħhom, hija ma tistax tiġi applikata esklużivament għal uħud mill-kriterji stabbiliti f’din id-dispożizzjoni. Għalhekk, hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tagħha, l-imsemmija ġurisprudenza tista’ tapplika wkoll għall-kriterju tal-imputabbiltà lill-Istat ta’ tali interventi. |
|
74 |
Isegwi li, kuntrarjament għal dak li tallega l-belt ta’ Milano, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta rreferiet, fil-punt 71 tas-sentenza appellata, għal din l-istess ġurisprudenza u sussegwentement applikat din il-ġurisprudenza fil-kuntest tal-analiżi tagħha tal-imputabbiltà lill-belt ta’ Milano tal-miżuri inkwistjoni. |
|
75 |
Mill-bqija, hekk kif issostni ġustament il-Kummissjoni, il-belt ta’ Milano sempliċement titlob, permezz tal-argumenti miġbura fil-qosor fil-punt 70 ta’ din is-sentenza, evalwazzjoni ġdida tal-fatti meta mqabbla ma’ dik imwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-punti 72 sa 73 tas-sentenza appellata, li, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 66 ta’ din is-sentenza, ma huwiex ammissibbli fl-istadju tal-appell. |
|
76 |
B’konsegwenza, it-tieni parti tat-tieni aggravju u, għaldaqstant, dan l-aggravju kollu kemm hu għandhom jiġu miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondati. |
Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq żnaturament tal-provi
L-argumenti tal-partijiet
|
77 |
Il-belt ta’ Milano tallega li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-ftehim sindakali tas‑26 ta’ Marzu 2002 meta kkunsidrat, fil-punt 77 tas-sentenza appellata, li dan il-ftehim kien jipprevedi obbligu ċar u preċiż impost fuq SEA li żżomm, għal perijodu ta’ mill-inqas ħames snin, il-bilanċ bejn l-ispejjeż/dħul u l-qafas ekonomiku ġenerali ta’ SEA Handling u minn dan iddeduċiet li, skont dan l-obbligu, SEA kienet obbligata tikkumpensa telf eventwali ta’ SEA Handling li jista’ jaffettwa l-kontinwità tal-attività ekonomika tagħha. |
|
78 |
Il-belt ta’ Milano tispjega f’dan ir-rigward li dan il-ftehim ma impona fuq SEA ebda obbligu ta’ rikapitalizzazzjoni ta’ SEA Handling, peress li la jsemmi telf, la rikapitalizzazzjonijiet u lanqas impenji ta’ SEA f’każ li jseħħu tali avvenimenti. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali wettqet, fid-dawl tar-rikapitalizzazzjonijiet ulterjuri, qari retroattiv u għalhekk naqset milli tpoġġi lilha nnifisha fil-kuntest tal-konklużjoni tal-imsemmi ftehim. Issa, skont it-termini ta’ dan tal-aħħar, SEA Handling kienet inħolqot bil-għan li tippermetti l-eżerċizzju ta’ kompetizzjoni fl-ajruporti Taljani l-oħra u għalhekk fil-perspettiva ta’ xenarju pożittiv ta’ tkabbir. |
|
79 |
Il-belt ta’ Milano tippreċiża li, għalkemm hija “kkonfermat”, fi klawżola tal-ftehim sindakali tas‑26 ta’ Marzu 2002, il-fatt li “l-bilanċ bejn l-ispejjeż/dħul u l-qafas ekonomiku ġenerali” ta’ SEA Handling ser jinżammu, tali klawżola tidher bejn dik dwar it-tnaqqis tal-impjegati u dik dwar l-espansjoni tal-attivitajiet ta’ SEA Handling lejn swieq oħra, peress li dawn il-miżuri għandhom jippermettu li jiġu evitati rikapitalizzazzjonijiet. Barra minn hekk, l-imsemmi ftehim jirreferi għad-dħul possibbli ta’ azzjonisti fil-kapital ta’ SEA Handling, b’mod li jissaħħu l-prospetti pożittivi tagħha. Fl-aħħar nett, kien ġie affermat fih li l-kapaċitajiet ta’ ġestjoni ta’ SEA Handling kienu ser jinżammu sabiex jittejbu iktar il-possibbiltajiet tagħha li tikkompeti b’mod effettiv fis-swieq nazzjonali u internazzjonali. |
|
80 |
Minn dan isegwi li l-belt ta’ Milano, fil-ftehim sindakali tas‑26 ta’ Marzu 2002, ma ħadet ebda impenn materjali jew legali marbut ma’ rikapitalizzazzjonijiet. |
|
81 |
Il-Kummissjoni tqis li l-belt ta’ Milano tillimita ruħha li tikkontesta, taħt il-pretest ta’ allegat żnaturament, l-evalwazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali tal-indizji ta’ imputabbiltà lill-belt ta’ Milano tal-aġir ta’ SEA, li jagħmel dan l-argument inammissibbli. Fi kwalunkwe każ, dan l-argument huwa infondat. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
82 |
Mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-Qorti Ġenerali biss għandha ġurisdizzjoni, minn naħa, sabiex tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta minn annessi tal-proċess li tressqu quddiemha, u, min-naħa l-oħra, sabiex dawn il-fatt jiġu evalwati (sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Franza u Orange, C‑486/15 P, EU:C:2016:912, punt 97 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
83 |
Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-fatti ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tal-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali, punt ta’ liġi suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Franza u Orange, C‑486/15 P, EU:C:2016:912, punt 98 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
84 |
Meta jallega żnaturament tal-provi mill-Qorti Ġenerali, appellant għandu, skont l-Artikolu 256 TFUE, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jindika b’mod preċiż l-elementi li kienu ġew żnaturati minnha u juri l-iżbalji fl-analiżi li, fl-evalwazzjoni tagħha, wasslu lill-Qorti Ġenerali għal dan l-iżnaturament. Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li żnaturament għandu jirriżulta b’mod manifest mill-annessi tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Franza u Orange, C‑486/15 P, EU:C:2016:912, punt 99 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
85 |
F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 77 tas-sentenza appellata, li SEA assumiet, skont il-ftehim sindakali tas‑26 ta’ Marzu 2002, obbligu ċar u preċiż li żżomm, għal perijodu ta’ mill-inqas ħames snin, “il-bilanċ bejn l-ispejjeż/dħul u l-qafas ekonomiku ġenerali” ta’ Sea Handling, “billi tippriżerva l-kapaċitajiet ta’ ġestjoni tagħha u billi ttejjeb sostanzjalment il-possibbiltajiet tagħha li topera fis-swieq nazzjonali u internazzjonali”. |
|
86 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li t-termini tal-ftehim sindakali tas‑26 ta’ Marzu 2002 jippermettu l-qari adottat mill-Qorti Ġenerali fil-punt 77 tas-sentenza appellata li SEA kienet obbligata, skont dan l-obbligu, li tikkumpensa telf possibbli ta’ SEA Handling li jista’ jaffettwa l-kontinwità tal-attività ekonomika tagħha. Barra minn hekk, dan il-qari huwa kkonfermat, hekk kif il-Qorti Ġenerali kkonstatat fl-istess punt, mill-ftehimiet sindakali sussegwenti msemmija fil-punt 5 ta’ din is-sentenza, b’mod li l-iżnaturament allegat ma jirriżultax, fi kwalunkwe każ, b’mod manifest mill-annessi tal-proċess. |
|
87 |
Mill-bqija, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, hekk kif issostni b’mod korrett il-Kummissjoni u kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 65 sa 68 tal-konklużjonijiet tagħha, li l-belt ta’ Milano sempliċement tikkontesta, taħt il-pretest ta’ allegat żnaturament ta’ dan il-ftehim, l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali ta’ din il-prova meta ssostni li l-Qorti Ġenerali naqset milli tpoġġi lilha nnifisha fil-kuntest tal-konklużjoni tal-imsemmi ftehim. |
|
88 |
Konsegwentement, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat. |
Fuq ir-raba’ aggravju, dwar il-kriterju ta’ investitur privat
L-argumenti tal-partijiet
|
89 |
Il-belt ta’ Milano tinvoka klassifikazzjoni żbaljata tal-fatti mill-Qorti Ġenerali fil-punti 97, 107 u 108 tas-sentenza appellata, li permezz tagħha hija injorat il-kriterju ta’ investitur privat. |
|
90 |
Fil-fatt, l-ewwel nett, hekk kif intwera fil-kuntest tat-tieni aggravju, la l-ftehim sindakali tas‑26 ta’ Marzu 2002 u lanqas ebda dokument ieħor ma jippermettu li jiġi konkluż li kienet teżisti strateġija ta’ kopertura tat-telf ta’ SEA Handling minn SEA. |
|
91 |
It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali ma poġġietx ruħha, sabiex tevalwa l-kriterju ta’ investitur privat, fil-kuntest tas-sitwazzjoni partikolari ta’ SEA dak iż-żmien, sitwazzjoni li kienet differenti minn dik ta’ investitur privat ġeneriku peress li din il-kumpannija tal-aħħar kienet iżżomm konċessjoni esklużiva għall-ġestjoni tal-ajruporti ta’ Milano sas-sena 2041 u kienet għalhekk topera b’riskju żgħir kif ukoll bi prospetti ta’ profittabbiltà tal-investimenti tagħha fit-tul ħafna. |
|
92 |
L-iżball imwettaq mill-Qorti Ġenerali jinsab fl-importanza li tat lill-assenza ta’ studji ekonomiċi kontemporanji li juru eżami bir-reqqa tal-profittabbiltà tar-rikapitalizzazzjonijiet ta’ SEA Handling u taż-żmien ta’ ritorn tagħhom fuq l-investiment, skont analiżi tal-ispejjeż u tal-vantaġġi. Dan jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 114 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni, b’mod żbaljat, ir-rilevanza ta’ studju ekonomiku pprovdut mill-belt ta’ Milano minħabba s-sempliċi fatt li dan kien ġie stabbilit wara l-adozzjoni tal-miżuri inkwistjoni. |
|
93 |
Fil-fatt, il-ġurisprudenza ma teżiġix li l-provi dwar ir-razzjonalità ekonomika ta’ miżura jkunu kontemporanji għall-adozzjoni tagħha, iżda li l-evalwazzjoni ta’ din il-miżura fid-dawl ta’ dan il-kriterju titpoġġa fil-kuntest tal-adozzjoni tagħha, b’tali mod li hija l-perspettiva adottata fl-istudju ekonomiku li għandha tkun ex ante u mhux l-istudju ekonomiku bħala tali. Fil-fatt, ikun assurd li jiġi impost, kif għamlet il-Qorti Ġenerali, fuq impriża privata li tipprovdi, bħala kundizzjoni sine qua non sabiex tkun tista’ tibbenefika mill-kriterju ta’ investitur privat, l-eżistenza ta’ dokument li jikkorrobora l-previżjonijiet tagħha. |
|
94 |
F’dan ir-rigward, il-belt ta’ Milano tfakkar li, matul is-sena 2002, il-prospetti ta’ SEA Handling kienu pożittivi u li sensiela ta’ avvenimenti esoġeni u mhux prevedibbli li seħħew sussegwentement kienu dewmu l-proċess ta’ riorganizzazzjoni tagħha. B’hekk, SEA ma kellhiex bżonn tipproċedi, għal kull rikapitalizzazzjoni, għal evalwazzjonijiet speċifiċi ġodda tal-profittabbiltà tagħhom u lanqas ma kienet marbuta mid-dritt nazzjonali li tiġġustifika bil-miktub, bl-għajnuna ta’ ekonomisti terzi, ir-razzjonalità tal-interventi tagħha. B’mod partikolari, peress li l-problema ta’ SEA Handling kienet marbuta, essenzjalment, mal-ispejjeż tal-ħaddiema, ma kienet teżisti ebda raġuni sabiex jiġu ordnati studji ekonomiċi. |
|
95 |
It-tielet nett, skont il-belt ta’ Milano, il-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat li l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi mwettqa mill-Kummissjoni huma suġġetti biss għal stħarriġ limitat tal-qorti tal-Unjoni. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, hija din tal-aħħar li għandha b’mod partikolari twettaq stħarriġ fil-fond u sħiħ fil-fatt u fid-dritt, li jirrigwarda b’mod partikolari l-interpretazzjoni mill-Kummissjoni ta’ data ta’ natura ekonomika. |
|
96 |
Ir-raba’ nett, il-belt ta’ Milano tikkritika lill-Qorti Ġenerali li imponiet fuqha l-oneru tal-prova tal-kriterju ta’ investitur privat, peress li l-Kummissjoni, min-naħa tagħha, ma wriet xejn f’dan ir-rigward. Fil-fatt, u kif ammettiet quddiem il-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar ma wettqet ebda studju tas-suq tas-servizzi ta’ assistenza fl-ajruporti u lanqas ma wettqet studju ekonomiku li jirrigwarda dan il-kriterju jew analiżi tar-riżultati ekonomiċi ta’ operaturi paragunabbli oħra. Bl-istess mod, hija lanqas ma indikat il-miżuri li SEA kellha tieħu skont l-imsemmi kriterju. |
|
97 |
Kuntrarjament għal dak li tistabbilixxi l-ġurisprudenza, fl-assenza ta’ elementi ta’ natura li jistabbilixxu pożittivament l-eżistenza tiegħu, il-Kummissjoni ppreżumiet li SEA Handling ibbenefikat minn vantaġġ billi bbażat ruħha fuq preżunzjoni negattiva, ibbażata fuq l-assenza ta’ informazzjoni li tippermetti li twassal għall-konklużjoni kuntrarja. Għaldaqstant, billi naqset milli tivverifika jekk il-Kummissjoni kinitx ħadet inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha, l-elementi rilevanti kollha, il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi. |
|
98 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti mressqa mill-belt ta’ Milano. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
99 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-argument tal-belt ta’ Milano miġbur fil-qosor fil-punt 90 ta’ din is-sentenza huwa limitat li jirrepeti dak imressaq fil-kuntest tat-tieni aggravju, b’tali mod li, għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punt 75 ta’ din is-sentenza, dan l-argument ma jistax jintlaqa’. |
|
100 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument miġbur fil-qosor fil-punt 95 ta’ din is-sentenza, dwar l-istħarriġ ġudizzjarju li l-Qorti Ġenerali għandha twettaq, hija ġurisprudenza stabbilita li l-eżami li għandu jsir mill-Kummissjoni, fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ operatur privat, jeħtieġ li ssir evalwazzjoni ekonomika kumplessa u li, fil-kuntest tal-istħarriġ li l-qrati tal-Unjoni jeżerċitaw fuq l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi mwettqa mill-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, ma huwiex il-kompitu tal-qorti tal-Unjoni li tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tal-Kummissjoni b’dik tagħha (sentenza tas-26 ta’ Marzu 2020, Larko vs Il‑Kummissjoni, C‑244/18 P, EU:C:2020:238, punt 39). |
|
101 |
Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma vvizzjatx is-sentenza appellata bi żball ta’ liġi meta llimitat ruħha li tivverifika jekk l-evalwazzjonijiet ekonomiċi tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat kinux ivvizzjati minn żball manifest ta’ evalwazzjoni. |
|
102 |
Kuntrarjament għal dak li tallega l-belt ta’ Milano, ma tista’ tinsilet ebda konklużjoni oħra mill-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi tat‑8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il‑Kummissjoni (C‑272/09 P, EU:C:2011:810), u tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni (C‑386/10 P, EU:C:2011:815). Fil-fatt, hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 80 tal-konklużjonijiet tagħha, din il-ġurisprudenza, li tirrigwarda l-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jikkonstataw ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, u li timponi, jekk ikun il-każ, sanzjonijiet pekunjarji abbażi ta’ dawn, ma hijiex trasponibbli inkwantu tali għall-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat. |
|
103 |
Fit-tielet lok, f’dak li jikkonċerna l-allegat ksur mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 113 sa 117 tas-sentenza appellata, tat-tqassim tal-oneru tal-prova, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE ma jistax ikopri miżura mogħtija favur impriża permezz ta’ riżorsi tal-Istat meta din setgħet tikseb l-istess vantaġġ f’ċirkustanzi li jikkorrispondu mal-kundizzjonijiet normali tas-suq, billi l-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet li fihom tali vantaġġ ikun ingħata titwettaq, fil-prinċipju, bl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ operatur privat (sentenza tas-6 ta’ Marzu 2018, Il‑Kummissjoni vs FIH Holding u FIH Erhvervsbank, C‑579/16 P, EU:C:2018:159, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
104 |
F’dan ir-rigward, meta jkun jidher li l-kriterju ta’ investitur privat jista’ jkun applikabbli, hija l-Kummissjoni li għandha titlob lill-Istat Membru kkonċernat jipprovdilha l-informazzjoni rilevanti kollha li tippermettilha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet ta’ applikabbiltà u ta’ applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju humiex issodisfatti (sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punt 104, kif ukoll tas-6 ta’ Marzu 2018, Il‑Kummissjoni vs FIH Holding u FIH Erhvervsbank, C‑579/16 P, EU:C:2018:159, punt 47). |
|
105 |
Fil-fatt, l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat huwa intiż sabiex jiddetermina jekk il-vantaġġ ekonomiku mogħti, taħt kwalunkwe forma li tkun, permezz ta’ riżorsi tal-Istat lil impriża huwiex, minħabba l-effetti tiegħu, tali li jwassal għal distorsjoni jew għal theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, u sabiex jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punt 89). B’konsegwenza, għandu jiġi vverifikat mhux jekk investitur privat kienx jaġixxi eżattament bl-istess mod bħall-investitur pubbliku, iżda jekk kienx jikkontribwixxi, taħt kundizzjonijiet simili, ammont ugwali għal dak mogħti mill-investitur pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punt 95). |
|
106 |
Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk l-istess miżura kinitx tiġi adottata fil-kundizzjonijiet normali tas-suq minn investitur privat li jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik tal-Istat, huma biss il-benefiċċji u l-obbligi marbuta mas-sitwazzjoni ta’ dan tal-aħħar fil-kwalità ta’ azzjonist, bl-esklużjoni ta’ dawk li huma marbuta mal-kwalità tiegħu ta’ awtorità pubblika, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punt 79). Jekk matul il-proċedura amministrattiva Stat Membru jinvoka l-kriterju ta’ investitur privat, huwa għandu l-obbligu, fil-każ ta’ dubju, li jistabbilixxi mingħajr ambigwità u abbażi ta’ elementi oġġettivi u verifikabbli li l-miżura implimentata tirriżulta mill-kwalità tiegħu ta’ azzjonist (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punt 82). |
|
107 |
Dawn l-elementi għandhom juru b’mod ċar li, qabel jew fl-istess waqt tal-għoti tal-vantaġġ ekonomiku, l-Istat Membru kkonċernat ikun ħa d-deċiżjoni li jwettaq, permezz tal-miżura effettivament implimentata, investiment fl-impriża pubblika kkontrollata. F’dan ir-rigward jistgħu jkunu meħtieġa, b’mod partikolari, elementi li juru li din id-deċiżjoni hija bbażata fuq evalwazzjonijiet ekonomiċi paragunabbli għal dawk li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, investitur privat razzjonali li jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik tal-imsemmi Stat Membru kien jagħmel, qabel ma jwettaq l-imsemmi investiment, sabiex jiddetermina l-profittabbiltà futura ta’ tali investiment (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punti 83 u 84). |
|
108 |
F’dan il-każ, hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 101 tal-konklużjonijiet tagħha, jirriżulta mingħajr ekwivoku mid-Deċiżjoni kontenzjuża u mis-sentenza appellata li l-Kummissjoni applikat il-prinċipju tal-operatur privat f’din id-deċiżjoni u li l-applikabbiltà, f’dan il-każ, tal-kriterju ta’ investitur privat la kien ġie diskuss quddiem il-Kummissjoni u lanqas quddiem il-Qorti Ġenerali, ħaġa li l-Kummissjoni barra minn hekk ikkonfermat waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
109 |
Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat, dan huwa fost l-elementi li l-Kummissjoni hija obbligata tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ għajnuna, u għalhekk ma jikkostitwixxix eċċezzjoni li tapplika biss fuq it-talba ta’ Stat Membru, meta jkun ġie kkonstatat li l-elementi li jikkostitwixxu l-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”, li jinsabu fl-Artikolu 107(1) TFUE, huma ssodisfatti (sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punt 103, u tas-26 ta’ Marzu 2020, Larko vs Il‑Kummissjoni, C‑244/18 P, EU:C:2020:238, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
110 |
Għalhekk, hija l-Kummissjoni li għandha l-oneru li tipprova, billi tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, informazzjoni pprovduta mill-Istat Membru kkonċernat, li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ operatur privat ma humiex issodisfatti, b’mod li l-intervent statali inkwistjoni jinkludi vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Marzu 2020, Larko vs Il‑Kummissjoni, C‑244/18 P, EU:C:2020:238, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
111 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma tistax tippreżumi, fil-kuntest ta’ deċiżjoni ta’ għeluq tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8. Vol. 1, p. 339), li impriża bbenefikat minn vantaġġ li jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat billi tibbaża ruħha sempliċement fuq preżunzjoni negattiva, ibbażata fuq l-assenza ta’ informazzjoni li tippermetti li tintlaħaq il-konklużjoni kuntrarja, fl-assenza ta’ elementi oħra ta’ natura li jistabbilixxu pożittivament l-eżistenza ta’ tali vantaġġ (sentenzi tas-17 ta’ Settembru 2009, Il‑Kummissjoni vs MTU Friedrichshafen, C‑520/07 P, EU:C:2009:557, punt 58, kif ukoll tas-26 ta’ Marzu 2020, Larko vs Il‑Kummissjoni, C‑244/18 P, EU:C:2020:238, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
112 |
Madankollu, skont il-ġurisprudenza, huma biss rilevanti, għall-finijiet ta’ din l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat, il-provi disponibbli u l-iżviluppi prevedibbli fil-mument meta d-deċiżjoni li jitwettaq l-investiment tkun ittieħdet (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punt 105). Barra minn hekk, peress li l-Kummissjoni ma għandhiex għarfien dirett taċ-ċirkustanzi li fihom ittieħdet deċiżjoni ta’ investiment, hija għandha tibbaża ruħha għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju, fil-parti l-kbira, fuq l-elementi oġġettivi u verifikabbli prodotti mill-Istat Membru inkwistjoni sabiex jiġi stabbilit li l-miżura implimentata tirriżulta mill-kwalità tiegħu ta’ azzjonist u, għaldaqstant, li l-imsemmi kriterju huwa applikabbli, b’mod konformi mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 106 u 107. |
|
113 |
Għaldaqstant, peress li hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni li l-investitur privat kien ħa fil-mument meta l-investiment kien sar, l-assenza ta’ evalwazzjoni preliminari, minkejja li minnha nnifisha ma kinitx determinanti, tista’ tikkostitwixxi element rilevanti sabiex jiġu kkontrollati evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi li l-Kummissjoni hija msejħa twettaq fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat. |
|
114 |
Fil-fatt, meta l-kontribuzzjonijiet ta’ kapital ta’ investitur pubbliku ma jkollhom ebda prospettiva ta’ profittabbiltà, anki fuq perijodu twil, dawn ma jistgħux jitqiesu li huma konformi mal-kriterju ta’ investitur privat u għandhom jitqiesu bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Marzu 1991, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑303/88, EU:C:1991:136, punt 22, kif ukoll tas-6 ta’ Marzu 2018, Il‑Kummissjoni vs FIH Holding u FIH Erhvervsbank, C‑579/16 P, EU:C:2018:159, punt 61). |
|
115 |
F’dan ir-rigward, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tiżgura, hekk kif tfakkar fil-punti 100 u 101 ta’ din is-sentenza, li tali evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi tal-Kummissjoni ma humiex ivvizzjati minn żball manifest ta’ evalwazzjoni, li jimplika li għandha tivverifika mhux biss l-eżattezza materjali tal-provi prodotti, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda tistħarreġ ukoll jekk dawn l-elementi jikkostitwixxux l-informazzjoni rilevanti kollha li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex tali li jsostnu l-konklużjonijiet misluta minnha (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Larko vs Il-Kummissjoni, C‑244/18 P, EU:C:2020:238, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
116 |
F’dan il-każ, hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 103 u 104 tal-konklużjonijiet tagħha, l-evalwazzjoni li tinsab fil-punti 113 sa 117 tas-sentenza appellata, indipendentement mill-għażla tal-kliem użat fiha, ma turix ksur, mill-Qorti Ġenerali, tar-regoli dwar it-tqassim tal-oneru tal-prova f’dak li jirrigwarda l-kriterju ta’ investitur privat. |
|
117 |
Fil-fatt, mill-analiżi li tinsab fil-punti 85 u 86 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonstatat li, fil-kuntest tal-ftehim sindakali tas‑26 ta’ Marzu 2002, SEA impenjat ruħha li tikkumpensa, matul perijodu ta’ mill-inqas ħames snin, telf possibbli ta’ SEA Handling li jista’ jaffettwa l-kontinwità tal-attività ekonomika tagħha. Issa, hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 105 u 106 tal-konklużjonijiet tagħha, investitur privat ma kienx jieħu tali impenn mingħajr ma jkun wettaq minn qabel evalwazzjoni xierqa tal-profittabbiltà u tar-razzjonalità ekonomika tal-impenn tiegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 107 u 114 ta’ din is-sentenza, l-assenza ta’ kwalunkwe evalwazzjoni minn qabel xierqa tal-profittabbiltà jew tar-razzjonalità ekonomika ta’ tali investimenti tista’ tikkostitwixxi element essenzjali intiż sabiex jiġi stabbilit li investitur privat ma kienx jikkontribwixxi, taħt kundizzjonijiet simili, ammont ugwali għal dak miġjub mill-investitur pubbliku. |
|
118 |
Wara li ħadet inkunsiderazzjoni, fil-punt 97 tas-sentenza appellata, l-elementi fattwali li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha fid-Deċiżjoni kontenzjuża sabiex tikkunsidra li l-miżuri inkwistjoni kienu ġew adottati fl-assenza ta’ kwalunkwe evalwazzjoni preliminari xierqa li investitur privat fis-sitwazzjoni ta’ SEA kien jistabbilixxi sabiex jiżgura ruħu mill-profittabbiltà tagħhom jew mir-razzjonalità ekonomika tagħhom, il-Qorti Ġenerali eżaminat, b’mod partikolari fil-punti 113 sa 117 tas-sentenza appellata, jekk dawn l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni kinux ivvizzjati jew le bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni. Fil-punti 120 u 132 tas-sentenza appellata, hija ddeċidiet li dan ma kienx il-każ. |
|
119 |
B’konsegwenza, billi eżaminat, b’mod partikolari fil-punti 113 sa 117 tas-sentenza appellata, jekk il-Kummissjoni setgħetx, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, tikkunsidra li l-provi prodotti matul il-proċedura amministrattiva kienu jew ma kinux ta’ natura li juru li tali evalwazzjoni kienet nieqsa, il-Qorti Ġenerali eżerċitat l-istħarriġ li hija kellha l-obbligu li twettaq. |
|
120 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa mingħajr ma injorat il-fatt li hija l-Kummissjoni li għandha tipprova li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ operatur privat ma humiex issodisfatti, li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, f’dawn l-istess punti 113 sa 117 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta wettqet il-konstatazzjonijiet imfakkra fil-punt 97 tas-sentenza appellata. |
|
121 |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 117 sa 120 ta’ din is-sentenza, il-belt ta’ Milano ma tistax validament tikkritika lill-Qorti Ġenerali li injorat l-oneru tal-prova li jaqa’ fuq il-Kummissjoni billi ma kkundannathiex talli naqset milli twettaq studji tas-suq, talli bbażat ruħha fuq preżunzjonijiet negattivi jew talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha. |
|
122 |
Fir-raba’ lok, sa fejn il-belt ta’ Milano tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni, fil-punt 114 tas-sentenza appellata, studju ekonomiku għas-sempliċi fatt li dan kien ġie stabbilit wara l-miżuri inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat qabelxejn, li dan l-argument jirriżulta minn qari żbaljat ta’ dik is-sentenza. Fil-fatt, mill-kliem stess ta’ dak il-punt 114 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali vverifikat il-kontenut tal-istudju ekonomiku pprovdut mill-belt ta’ Milano u ma ħaditux inkunsiderazzjoni minħabba, l-ewwel nett, in-natura konċiża u kontradittorja tal-affermazzjonijiet li jinsabu fih u, għaldaqstant, minħabba l-insuffiċjenza intrinsika tiegħu għall-ħtiġijiet ta’ analiżi skont il-kriterju ta’ investitur privat. Kien biss fil-kumplament tal-imsemmi punt 114 li hija rrilevat ukoll li dan l-istudju ekonomiku kien ġie stabbilit wara l-miżuri inkwistjoni. |
|
123 |
Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ operatur privat, huma rilevanti biss l-elementi disponibbli u l-iżviluppi prevedibbli fil-mument meta ttieħdet id-deċiżjoni li titwettaq il-miżura inkwistjoni (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Larko vs Il‑Kummissjoni, C‑244/18 P, EU:C:2020:238, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata), b’mod partikolari sabiex jiġu stabbiliti r-raġunijiet li effettivament immotivaw l-għażla tal-entità statali inkwistjoni li twettaq l-investiment kontenzjuż. Madankollu, l-evalwazzjoni ekonomika mwettqa mill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva ssir neċessarjament, fil-każ ta’ għajnuna mogħtija bi ksur tal-obbligu ta’ komunikazzjoni previst fl-Artikolu 108(3) TFUE, wara l-adozzjoni tal-miżuri kkonċernati. |
|
124 |
Għaldaqstant, studji u analiżi ekonomiċi li fuqhom hija bbażata din l-evalwazzjoni ekonomika tal-Kummissjoni, kif ukoll perizji kontradittorji possibbli tal-istess natura invokati mill-Istat Membru kkonċernat jew mill-benefiċjarju tal-għajnuna sabiex iwieġbu għall-evalwazzjonijiet li fuqhom tibbaża ruħha l-Kummissjoni, jistgħu jkunu rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ operatur privat, sa fejn huma bbażati biss fuq l-elementi disponibbli u fuq l-iżviluppi prevedibbli fil-mument li fih ittieħdet id-deċiżjoni li titwettaq il-miżura inkwistjoni. |
|
125 |
F’dan il-każ, peress li l-istudju ekonomiku invokat mill-belt ta’ Milano għall-finijiet tal-evalwazzjoni tagħha kien sar wara l-adozzjoni tal-miżuri inkwistjoni, dan ma huwiex ta’ natura li jikkontesta l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni rigward l-assenza ta’ evalwazzjoni minn qabel xierqa tal-profittabbiltà u tar-razzjonalità ekonomika ta’ dawn il-miżuri, konstatazzjoni li kienet tikkostitwixxi element essenzjali li fuqu bbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi li investitur privat ma kienx jikkontribwixxi, taħt kundizzjonijiet simili, ammonti ugwali għal dawk mogħtija minn SEA lil SEA Handling. |
|
126 |
Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta, minn naħa, ivverifikat jekk l-istudju ekonomiku invokat mill-belt ta’ Milano kienx jinkludi elementi ta’ analiżi ekonomika rilevanti għall-evalwazzjoni ekonomika li l-Kummissjoni kienet obbligata twettaq fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ operatur privat u, min-naħa l-oħra, qieset li t-twettiq ta’ dan l-istudju wara l-perijodi ta’ adozzjoni tal-miżuri inkwistjoni kien jeskludi li l-eżistenza tiegħu tista’ tivvizzja bi żball manifest l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kontenzjuża li skontha dawn il-miżuri kienu ġew adottati fl-assenza ta’ kwalunkwe evalwazzjoni preliminari xierqa li investitur privat fis-sitwazzjoni ta’ SEA kien jistabbilixxi sabiex jiżgura ruħu mill-profittabbiltà jew mir-razzjonalità ekonomika tagħhom. |
|
127 |
Fil-ħames lok, fir-rigward tal-argument tal-belt ta’ Milano li l-Qorti Ġenerali naqset milli tpoġġi lilha nnifisha fis-sitwazzjoni partikolari ta’ SEA fiż-żmien inkwistjoni, sitwazzjoni li kienet ikkaratterizzata minn prospetti ta’ profittabbiltà fit-tul ħafna, jirriżulta, qabelxejn, mill-punt 112 tas-sentenza appellata li l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni dan l-element għall-evalwazzjoni tagħha. |
|
128 |
Sussegwentement, anki kieku l-prospetti ta’ profittabbiltà kellhom jiġu estiżi, kif tallega l-belt ta’ Milano, sas-sena 2041, kien ikun barra minn hekk neċessarju għaliha li tistabbilixxi prospett ta’ ritorn fuq investiment ta’ dawn il-miżuri qabel din id-data. Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-eżami mwettaq mill-Qorti Ġenerali fil-punti 113 sa 131 tas-sentenza appellata kien preċiżament intiż sabiex jiġi vverifikat jekk dan kienx il-każ. |
|
129 |
Fl-aħħar nett, sa fejn il-belt ta’ Milano għandha l-intenzjoni li tikkontesta l-fondatezza tal-eżami hekk imwettaq mill-Qorti Ġenerali, hija għandha titqies bħala li qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja li twettaq evalwazzjoni ġdida tal-fatti, ħaġa li, b’mod konformi mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 66 ta’ din is-sentenza, ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
130 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud. |
|
131 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-appell għandu jiġi miċħud. |
Fuq l-ispejjeż
|
132 |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. |
|
133 |
B’mod konformi mal-Artikolu 138(1) tal-istess Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
|
134 |
Peress li l-belt ta’ Milano tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.