Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62018CO0756

    Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tal-24 ta’ Ottubru 2019.
    LC u MD vs easyJet Airline Co. Ltd.
    Talba għal deċiżjoni preliminary, imressqa mit-Tribunal d'instance d'Aulnay-sous-Bois.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Artikolu 99 – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Dewmien twil ta’ titjira – Dritt tal-passiġġieri għal kumpens – Prova tal-preżenza tal-passiġġier għar-reġistrazzjoni – Riżervazzjoni kkonfermata mit-trasportatur tal-ajru.
    Kawża C-756/18.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2019:902

     DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

    24 ta’ Ottubru 2019 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Artikolu 99 – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Dewmien twil ta’ titjira – Dritt tal-passiġġieri għal kumpens – Prova tal-preżenza tal-passiġġier għar-reġistrazzjoni – Riżervazzjoni kkonfermata mit-trasportatur tal-ajru”

    Fil-Kawża C‑756/18,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-tribunal d’instance d’Aulnay-sous-Bois (il-Qorti Distrettwali ta’ Aulnay-sous-Bois, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Novembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑3 ta’ Diċembru 2018, fil-proċedura

    LC,

    MD

    vs

    easyJet Airline Co. Ltd,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

    komposta minn L. S. Rossi, President tal-Awla, J. Malenovský (Relatur) u F. Biltgen, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal MD u LC, minn J. Pitcher, avukat,

    għall-Gvern Franċiż, minn A.‑L. Desjonquères u I. Cohen, bħala aġenti,

    għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, P. Barros da Costa, L. Medeiros u C. Farto, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Hottiaux u N. Yerrell, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Digriet

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn LC u MD u easyJet Airline Co. Ltd (iktar ’il quddiem “easyJet”) dwar kumpens mitlub minħabba dewmien twil ta’ titjira.

    Il-kuntest ġuridiku

    3

    Skont il-premessa 1 tar-Regolament Nru 261/2004:

    “Azzjoni mil-Komunitá fil-qasam ta’ transport permezz ta’ l-ajru għandha jkollha l-iskop, fost affarijiet oħrajn, li tassigura livell ogħli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri. ’Il fuq minn dan, konsiderazzjoni sħiħa għandha tiġi meħuda tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur b’mod ġenerali.”

    4

    L-Artikolu 2(a) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

    “Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

    […]

    g)

    ‘reżervazzjoni’ tfisser il-fatt li l-passiġġier għandu biljett, jew prova oħra, li tindika li r-reżervazzjoni ġiet aċċettata u rreġistrata, mil-trasportatur ta’ l-ajru jew mill-operatur tat-tour”.

    5

    L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament jipprevedi:

    “1.   Dan ir-regolament għandu japplika għal:

    a)

    għal passiġġieri li jitilqu minn ajruport li jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru għal liema japplika t-Trattat;

    b)

    għal passiġġieri li jitilqu minn ajruport li jinstab f’pajjiż terz għal ajruport li jinstab fit-territorju ta’ Stat Mebru għal liema japplika t-Trattat, kemm-il darba rċievu vantaġġi jew kumpens u ġew mogħtija assistenza f’dak il-pajjiż terz, jekk il-trasportatur ta’ l-ajru li qed jopera tat-titjira in kwistjoni hu trasportatur Komunitarju.

    2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika fuq il-kondizzjoni li l-passiġġieri:

    a)

    għandhom reżervazzjoni kkonfermata fuq it-titjira in kwistjoni u. ħlife fil-każ ta’ kanċellazzjoni msejħa fl-Artikolu 5, jippreżentaw lilhom infushom għal check-in,

    kif stabbilit u fil-ħin indikat minn qabel u bil-miktub (inkluż permezz ta’ mezzi elettroniċi) mil-trasportatur ta’ l-ajru, l-operatur tat-tourjew l-aġent tal-vjaġġ awtorizzat,

    jew, jekk l-ebda ħin hu indikat,

    mhux aktar tard minn 45-il minuta qabel il-ħin tat-tluq ippubblikat; jew

    b)

    ġew ittrasferiti minn trasportatur ta’ l-ajru jew operatur tat-tour mit-titjira għal liema kellhom reżervazzjoni għal titjira oħra, irrespettivament mir-raġuni.

    […]”

    6

    L-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004 jipprevedi:

    “Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal:

    a)

    EUR 250 għat-titjiriet kollha ta’ 1500 kilometru jew inqas;

    b)

    EUR 400 għat-titjiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1,500 kilometru, u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1500 u 3500 kilomentru:

    ċ)

    EUR 600 għat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b).

    Fid-determinazzjoni tad-distanza, il-bażi għandha tkun l-aħħar destinazzjoni ġo liema l-fatt li l-persuna ma tħallietx titla’ jew il-kanċellazzjoni ser iddewwem il-wasla tal-passiġġier wara l-ħin skedat.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    7

    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kellhom riżervazzjoni elettronika għal titjira bir-ritorn ipprovduta minn easyJet u li tinkludi t-titjira ġejja minn Pariġi (Franza) u sejra lejn Venezia (l-Italja) fit‑8 ta’ Frar 2014, u t-titjira ta’ ritorn fl‑10 ta’ Frar 2014.

    8

    Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, din it-titjira tar-ritorn kellha, wara li waslet f’Pariġi, dewmien ta’ 3 sigħat u 7 minuti.

    9

    Peress li ma ġewx ikkumpensati għal dan id-dewmien, dawn tal-aħħar ippreżentaw quddiem il-qorti tar-rinviju rikors intiż sabiex easyJet tiġi kkundannata tħallas lil kull wieħed minnhom EUR 250 abbażi tal-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004.

    10

    EasyJet, li ma tikkontestax l-imsemmi dewmien, tiċħad it-talba għal kumpens minħabba l-assenza ta’ produzzjoni ta’ karti ta’ imbarkazzjoni, mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, bħala prova tal-preżenza tagħhom għar-reġistrazzjoni.

    11

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jikkunsidraw li hemm lok li tiġi kkjarifikata l-problema tal-prova tal-preżenza għall-imbarkazzjoni, billi jsostnu, b’mod partikolari, li l-pussess ta’ karta ta’ imbarkazzjoni ma jippreġudikax preżentazzjoni effettiva għar-reġistrazzjoni u lanqas imbarkazzjoni tal-passiġġier abbord l-inġenju tal-ajru, li l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 261/2004 ma jiddefinixxix il-kunċett ta’ “reġistrazzjoni”, u li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-iżvilupp diġitali fil-qasam ta’ reġistrazzjoni tal-passiġġieri, ikkaratterizzat mix-xiri ta’ biljetti mingħar karti, il-modi ta’ reġistrazzjoni online u l-mezzi elettroniċi tal-biljetti.

    12

    Min-naħa l-oħra, skont easyJet, l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 261/2004 ma tqajjem ebda dubju, peress li l-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza) ippreċiżat li għandhom ikunu l-passiġġieri li jipprovdu l-karta ta’ imbarkazzjoni sabiex jipproduċu l-prova tal-preżenza tagħhom fir-reġistrazzjoni.

    13

    Fil-fatt, id-deċiżjoni tar-rinviju ssemmi l-ġurisprudenza tal-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) li kkonfermat sentenzi tal-qorti tar-rinviju li permezz tagħhom din tal-aħħar ċaħdet talbiet għal kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa skont ir-Regolament Nru 261/2004, għal dewmien twil ta’ titjira, imressqa minn passiġġieri li ma kinux ipproduċew, minkejja l-preżentazzjoni ta’ dokumenti ta’ sostenn ta’ riżervazzjoni elettronika u ta’ ċerti ċertifikati, il-karti tal-imbarkazzjoni rilevanti.

    14

    Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-kuntest ta’ volum kbir ta’ tilwim li bih il-qorti tar-rinviju hija adita, il-parti l-kbira tat-trasportaturi tal-ajru effettivi jallegaw l-assenza ta’ preżentazzjoni tal-karta ta’ imbarkazzjoni sabiex jirrifjutaw il-ħlas tal-kumpens previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 f’każ ta’ dewmien twil ta’ titjira, billi jibbażaw ruħhom fuq l-imsemmija ġurisprudenza tal-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni).

    15

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tribunal d’instance d’Aulnay-sous-Bois (il-Qorti Distrettwali ta’ Aulnay-sous-Bois, Franza) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    L-Artikolu 3(2)(a) [tar-Regolament Nru 261/2004] għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġu invokati d-dispożizzjonijiet tar-regolament, il-passiġġieri għandhom jipprovaw il-preżenza tagħhom fil-mument tar-reġistrazzjoni?

    2)

    Fil-każ ta’ risposta pożittiva, l-Artikolu 3(2)(a) tar-[Regolament Nru 261/2004] jipprekludi sistema ta’ preżunzjoni sempliċi li tgħid li l-kundizzjoni tal-preżenza tal-passiġġier fil-mument tar-reġistrazzjoni titqies li tkun ġiet stabbilita, għar-raġuni li dan tal-aħħar ikollu reżervazzjoni aċċettata u rreġistrata mit-trasportatur tal-ajru effettiv, fis-sens tal-Artikolu 2(g)?”

    Fuq id-domandi preliminari

    16

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita permezz tal-Artikolu 267 TFUE, din tal-aħħar għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. Minn din il-perspettiva, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, jekk ikun il-każ, tifformula mill-ġdid id-domandi li jsirulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2015, van der Lans, C‑257/14, EU:C:2015:618, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    17

    Hemm lok li din il-possibbiltà tintuża fil-kuntest ta’ dan ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari.

    18

    Fil-fatt, ċertament, permezz tad-domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi, b’mod ġenerali, dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament Nru 261/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li passiġġier, sabiex ikun jista’ jinvoka d-dispożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar, huwa obbligat li jipprova l-preżenza tiegħu għar-reġistrazzjoni, u, fl-affermattiv, jekk, fid-dawl tal-Artikolu 2(g) ta’ dan ir-regolament, huwiex permess li jiġi preżunt li hemm tali preżenza meta dan il-passiġġier għandu riżervazzjoni aċċettata u rreġistrata mit-trasportatur tal-ajru effettiv.

    19

    Madankollu, id-domandi tal-qorti tar-rinviju jagħmlu parti minn kuntest preċiż, jiġifieri dak ta’ rifjut mit-trasportatur tal-ajru li jagħti, skont ir-Regolament Nru 261/2004, il-kumpens wara dewmien ta’ tliet sigħat jew iktar għal titjira li għaliha l-persuni kkonċernati jkollhom riżervazzjoni kkonfermata. Issa, it-trasportatur bl-ajru, kif jirriżulta mill-punt 10 ta’ dan id-digriet, ma jikkontestax l-eżistenza ta’ tali dewmien, iżda ma jaċċettax it-talba għal kumpens minħabba li dawn tal-aħħar ma pproduċewx il-prova tal-preżenza tagħhom għar-reġistrazzjoni permezz tal-produzzjoni ta’ karta ta’ imbarkazzjoni.

    20

    Il-qorti tar-rinviju tenfasizza wkoll volum kbir ta’ tilwim li bih hija ġiet adita. Fil-fehma tagħha, il-parti l-kbira tat-trasportaturi bl-ajru jirrifjutaw li jagħtu, fil-każ ta’ dewmien twil ta’ titjira, il-kumpens previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 minħabba nuqqas ta’ preżentazzjoni tal-karta ta’ imbarkazzjoni, peress li din il-preżentazzjoni hija rikjesta konformement mal-ġurisprudenza stabbilita minn qorti suprema tal-Istat Membru kkonċernat.

    21

    Billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-imsemmija elementi ta’ kuntest u sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata risposta utli sabiex din tkun tista’ ssolvi t-tilwima li hija adita biha, id-domandi tagħha għandhom jinftiehmu fis-sens li jistaqsu, essenzjalment, jekk ir-Regolament Nru 261/2004, u b’mod partikolari l-Artikolu 3(2)(a) tiegħu, għandux jiġi interpretat fis-sens li passiġġieri ta’ titjira mdewma bi tliet sigħat jew iktar mal-wasla tagħha u li għandhom riżervazzjoni kkonfermata għal din it-titjira jistgħux jiġu rrifjutati l-kumpens abbażi ta’ dan ir-regolament għar-raġuni biss li, meta saret it-talba tagħhom għal kumpens, huma ma pproduċewx il-prova tal-preżenza tagħhom għar-reġistrazzjoni għall-imsemmija titjira, b’mod partikolari permezz tal-karta ta’ imbarkazzjoni.

    22

    Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat meta, b’mod partikolari, ir-risposta għad-domanda magħmula b’mod preliminari ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli.

    23

    Peress li dan huwa l-każ f’din il-kawża, hemm lok li tiġi applikata din id-dispożizzjoni.

    24

    Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament Nru 261/2004 jirriżulta li dan ir-regolament japplika biss jekk, minn naħa, il-passiġġieri jkollhom riżervazzjoni kkonfermata fuq it-titjira kkonċernata, u, min-naħa l-oħra, ikunu preżenti sabiex jiġu rreġistrati fit-termini previsti f’din id-dispożizzjoni.

    25

    Minn dan jirriżulta li ż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni huma kumulattivi, peress li l-preżenza tal-passiġġier fir-reġistrazzjoni ma tistax tiġi preżunta minħabba l-fatt li dan il-passiġġier għandu riżervazzjoni kkonfermata għat-titjira kkonċernata.

    26

    Barra minn hekk, l-imsemmija dispożizzjoni tippreċiża li r-rekwiżit ta’ preżenza fir-reġistrazzjoni ma jestendix għall-passiġġieri f’sitwazzjoni ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira.

    27

    Issa, id-domandi preliminari jirrigwardaw lill-passiġġieri f’sitwazzjoni ta’ dewmien twil ta’ titjira.

    28

    F’dan ir-rigward, sa fejn, bħal fil-kawża prinċipali, trasportatur bl-ajru partikolari jimmarka l-passiġġieri li għandhom riżervazzjoni kkonfermata fuq it-titjira inkwistjoni u jittrasportahom lejn id-destinazzjoni tagħhom, għandu jiġi kkunsidrat li dawn tal-aħħar ikkonformaw ruħhom mar-rekwiżit li jiġu rreġistrati qabel din it-titjira. Għaldaqstant, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jirriżultax li huwa neċessarju li tiġi prodotta l-prova ta’ tali preżenza waqt it-tressiq tat-talba għal kumpens tagħhom.

    29

    Minn dan jirriżulta li passiġġieri, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandhom riżervazzjoni kkonfermata fuq titjira u jkunu wettqu din tal-aħħar, għandhom jitqiesu bħala li ssodisfaw korrettement ir-rekwiżit li jippreżentaw ruħhom għar-reġistrazzjoni.

    30

    B’hekk, ladarba jilħqu d-destinazzjoni tagħhom b’dewmien ta’ tliet sigħat jew iktar, l-imsemmija passiġġieri jibbenefikaw mid-dritt għal kumpens minħabba dan id-dewmien skont ir-Regolament Nru 261/2004, mingħajr ma jkollhom jipprovdu, għal dan il-għan, il-karta tal-imbarkazzjoni jew dokument ieħor li juri l-preżenza tagħhom, fit-termini previsti, għar-reġistrazzjoni tat-titjira mdewma.

    31

    Tali konklużjoni hija barra minn hekk ikkorroborata mill-għan, imsemmi fil-premessa 1 tar-Regolament Nru 261/2004, intiż li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri.

    32

    Fil-fatt, il-passiġġieri li jġarrbu dewmien twil tat-titjira tagħhom għandhom għalhekk il-possibbiltà li jibbenefikaw mid-dritt għal kumpens tagħhom mingħajr ma jkunu suġġetti għar-rekwiżit, mhux adattat għas-sitwazzjoni tagħhom, li jikkonsisti f’li jkollhom, meta jressqu t-talba tagħhom għal kumpens, jipproduċu l-prova li kienu preżenti għar-reġistrazzjoni ta’ titjira mdewma li fiha huma fi kwalunkwe każ ġew ittrasportati.

    33

    Dan ma japplikax biss jekk it-trasportatur tal-ajru jkollu elementi li jistgħu jipproduċu l-prova li, kuntrarjament għal dak li huma jallegaw, dawn il-passiġġieri ma ġewx ittrasportati fuq it-titjira mdewma inkwistjoni, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

    34

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li r-Regolament Nru 261/2004, u b’mod partikolari l-Artikolu 3(2)(a) tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li passiġġieri ta’ titjira mdewma bi tliet sigħat jew iktar mal-wasla tagħha u li għandhom riżervazzjoni kkonfermata għal din it-titjira ma jistgħux jiġu rrifjutati l-kumpens abbażi ta’ dan ir-regolament għar-raġuni biss li, meta saret it-talba tagħhom għal kumpens, huma ma pproduċewx il-prova tal-preżenza tagħhom għar-reġistrazzjoni għall-imsemmija titjira, b’mod partikolari permezz tal-karta tal-imbarkazzjoni, sakemm ma jintweriex li dawn il-passiġġieri ma ġewx ittrasportati fuq it-titjira mdewma inkwistjoni, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

    Fuq l-ispejjeż

    35

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, u b’mod partikolari l-Artikolu 3(2)(a) tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li passiġġieri ta’ titjira mdewma bi tliet sigħat jew iktar mal-wasla tagħha u li għandhom riżervazzjoni kkonfermata għal din it-titjira ma jistgħux jiġu rrifjutati l-kumpens abbażi ta’ dan ir-regolament għar-raġuni biss li, meta saret it-talba tagħhom għal kumpens, huma ma pproduċewx il-prova tal-preżenza tagħhom għar-reġistrazzjoni għall-imsemmija titjira, b’mod partikolari permezz tal-karta tal-imbarkazzjoni, sakemm ma jintweriex li dawn il-passiġġieri ma ġewx ittrasportati fuq it-titjira mdewma inkwistjoni, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Fuq