Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62017CJ0649

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-10 ta’ Lulju 2019.
    Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände - Verbraucherzentrale Bundesverband e.V. vs Amazon EU Sàrl.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesgerichtshof.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 2011/83/UE – Artikolu 6(1)(c) – Obbligi ta’ informazzjoni dwar il-kuntratti mill-bogħod u l-kuntratti konklużi lil hinn mill-post tan-negozju – Obbligu tal-kummerċjant li jipprovdi n-numru tat-telefon u n-numru tal-faks ‘fejn ikun disponibbli’ – Portata.
    Kawża C-649/17.

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2019:576

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    10 ta’ Lulju 2019 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 2011/83/UE – Artikolu 6(1)(c) – Obbligi ta’ informazzjoni dwar il-kuntratti mill-bogħod u l-kuntratti konklużi lil hinn mill-post tan-negozju – Obbligu tal-kummerċjant li jipprovdi n-numru tat-telefon u n-numru tal-faks ‘fejn ikun disponibbli’ – Portata”

    Fil-Kawża C‑649/17,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Ottubru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ Novembru 2017, fil-proċedura

    Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände – Verbraucherzentrale Bundesverband eV

    vs

    Amazon EU Sàrl,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn J.–C. Bonichot, President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tal-Ewwel Awla, C. Toader, L. Bay Larsen u M. Safjan (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

    Reġistratur: R. Șereș, Amministratriċi,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑22 ta’ Novembru 2018,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände – Verbraucherzentrale Bundesverband eV, minn J. Kummer u P. Wassermann, Rechtsanwälte,

    għal Amazon EU Sàrl, minn C. Rohnke, Rechtsanwalt,

    għall-Gvern Ġermaniż, inizjalment minn T. Henze u M. Hellmann, sussegwentement minn M. Hellmann u U. Bartl, bħala aġenti,

    għall-Gvern Franċiż, minn J. Traband u A.–L. Desjonquères, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Hödlmayr, N. Ruiz García u C. Valero, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑28 ta’ Frar 2019,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpetazzjoni tal-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 304, p. 64).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände – Verbraucherzentrale Bundesverband eV (il-Federazzjoni Ġermaniża tal-Assoċjazzjonijiet tal-Konsumaturi, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem il-“Federazzjoni Ġermaniża”) u Amazon EU Sàrl fir-rigward ta’ inġunzjoni mfittxija mill-Federazzjoni Ġermaniża fir-rigward tal-prattiki ta’ Amazon EU dwar il-wiri ta’ informazzjoni li tippermetti lill-konsumatur li jikkuntattja lil din il-kumpannija.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Il-premessi 4, 5, 7, 12, 21 u 34 tad-Direttiva 2011/83 jistabbilixxu:

    “(4)

    […] L-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tal-kuntratti tal-konsumatur mill-bogħod u lil hinn mill-post tan-negozju hija meħtieġa għall-promozzjoni ta’ suq intern realment tal-konsumatur li jsib l-aħjar bilanċ bejn livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u l-kompetittività tal-impriżi […]

    (5)

    […] [A]rmonizzazzjoni sħiħa tal-informazzjoni tal-konsumatur u d-dritt ta’ reċess f’kuntratt mill-bogħod u dawk li jseħħu lil hinn mill-post tan-negozju se jikkontribwixxu għal livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u għat-tħaddim aħjar tas-suq intern tan-negozju dirett lejn il-konsumatur.

    […]

    (7)

    L-armonizzazzjoni sħiħa ta’ wħud mill-aspetti regolatorji ewlenin għandha żżid konsiderevolment iċ-ċertezza legali kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-kummerċjanti. Kemm il-konsumaturi kif ukoll il-kummerċjanti għandhom ikunu jistgħu jorbtu fuq qafas regolatorju uniku bbażat fuq kunċetti legali definiti b’mod ċar li jirregolaw ċerti aspetti ta’ kuntratti fl-Unjoni tan-negozju dirett lejn il-konsumatur. L-effett ta’ tali armoniżżazzjoni għandu jkun li jinqerdu l-ostakli mnissla mill-frammentazzjoni tar-regoli u biex jitlesta s-suq intern f’dan il-qasam. Dawk l-ostakli jistgħu jinqerdu biss billi jitwaqqfu regoli uniformi fil-livell tal-Unjoni. Barra dan il-konsumaturi għandhom igawdu minn livell komuni għoli ta’ protezzjoni madwar l-Unjoni kollha.

    […]

    (12)

    Ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni previsti f’din id-Direttiva għandhom jikkompletaw ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servixxi fis-suq intern [(ĠU 2006, L 376, p. 36),] u d-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399)]. L-Istati Membri għandhom iżommu l-possibilita’ li jimponu rekwiżiti ta’ informazzjoni oħrajn applikabbli għall-fornituri ta’ servizzi stabbiliti fit-territorju tagħhom.

    […]

    (21)

    […] F’kuntest lil hinn mill-post tan-negozju, il-konsumatur jista’ jkunu taħt pressjoni psikoloġika potenzjali jew jista’ jiġi konfrontat b’ element ta’ sorpriża, indipendentement minn jekk talbux jew le ż-żjara tal-kummerċjant huma. […]

    […]

    (34)

    Il-kummerċjant għandu jagħti lill-konsumatur informazzjoni ċara u komprensibbli qabel ma l-konsumatur jintrabat b’kuntratt mill-bogħod jew kuntratt lil hinn mill-post tan-negozju, kuntratt li ma jkunx kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju, jew kwalunkwe offerta korrispondenti. Bil-forniment ta’ din l-informazzjoni, il-kummerċjant għandu jikkunsidra l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ konsumaturi li huma partikolarment vulnerabbli minħabba l-infermità mentali, fiżika jew psikoloġika, età jew inġenwità tagħhom b’tali mod li l-kummerċjant jista’ raġonevolment jipprevedi. Madankollu, il-kunsiderazzjoni ta’ dawn il-ħtiġijiet speċifiċi ma għandhiex twassal għal livelli differenti ta’ ħarsien tal-konsumaturi.”

    4

    Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2011/83, intitolat “Suġġett”:

    “L-għan ta’ din id-Direttiva huwa, permezz tal-ksib ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, li tikkontribwixxi għat-tħaddim tajjeb tas-suq intern billi tagħmel approssimazzjoni ta’ ċerti aspetti tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar kuntratti konklużi bejn konsumaturi u kummerċjanti.”

    5

    L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jiddisponi:

    “Għall-għan ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    […]

    7)

    ‘kuntratt mill-bogħod’ tfisser kwalunkwe kuntratt konkluż bejn il-kummerċjant u il-konsumatur fil-qafas ta’ skema ta’ bejgħ mill-bogħod organizzat jew skema ta’ forniment ta’ servizzi, mingħajr il-preżenza simultanja u fiżika tal-kummerċjant u l-konsumatur, bl-użu esklużiv ta’ mezz wieħed jew iktar tal-komunikazzjoni mill-bogħod, sal-konklużjoni tal-kuntratt, inkluża l-konklużjoni tal-kuntratt stess;

    8)

    ‘kuntratt lil hinn mill-post tan-negozju’ tfisser kwalunkwe kuntratt bejn il-kummerċjant u il-konsumatur:

    a)

    konkluż fil-preżenza simultanja u fiżika tal-kummerċjant u l-konsumatur, f’post li mhuwiex dak tan-negozju tal-kummerċjant;

    b)

    li saret offerta għalih mill-konsumatur f’ċirkostanzi simili kif imsemmi fil-punt (a);

    c)

    konkluż fil-post tan-negozju tal-kummerċjant iżda permezz ta’ kwalunkwe mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod immedjatament wara li l-konsumatur ġie avviċinat personalment u individwalment f’post differenti minn dak tan-negozju tal-kummerċjant, fil-preżenza fiżika tal-kummerċjant u l-konsumatur simultanjament; jew

    d)

    konkluż waqt vjaġġ promozzjonali organizzat mill-kummerċjant bil-għan u bl-effett li jippromwovi u jbigħ il-oġġetti jew is-servizzi lill-konsumatur;

    […]”

    6

    L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Livell ta’ armonizzjoni”, jipprevedi:

    “L-Istati Membri m’ għandhomx jippreservaw jew jintroduċu, fil-liġi nazzjonali tagħhom, dispożizzjonijiet diverġenti minn dawk stipulati f’din id-Direttiva, inklużi dispożizzjonijiet iktar jew inqas strinġenti biex jiżguraw livell differenti ta’ protezzjoni tal-konsumatur, sakemm din id-Direttiva ma tipprovdix mod ieħor.”

    7

    Il-Kapitolu II tad-Direttiva 2011/83, intitolat “Informazzjoni għall-konsumatur dwar il-kuntratti li mhumiex kuntratti mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju”, jinkludi l-Artikolu 5 tiegħu.

    8

    Skont dan l-Artikolu 5, intitolat “Rekwiżiti ta’ informazzjoni dwar il-kuntratti li mhumiex kuntratti mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju”:

    “1.   Qabel ma l-konsumatur jintrabat b’kuntratt li mhuwiex kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju, jew bi kwalunkwe offerta korrispondenti, il-kummerċjant għandu jagħti lill-konsumatur l-informazzjoni li ġejja b’mod ċar u komprensibbli, jekk dik l-imformazzjoni mhijiex diġà evidenti mill-kuntest:

    […]

    b)

    l-identità tal-kummerċjant, bħall-isem kummerċjali tiegħu, l-indirizz ġeografiku li fih huwa stabbilit u n-numru tat-telefon;

    […]

    4.   L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu rekwiżiti addizzjonali ta’ informazzjoni pre-kuntrattwali għal-kuntratti li japplika għalihom dan l-Artikolu.”

    9

    Il-Kapitolu III tad-Direttiva 2011/83, intitolat “Iinformazzjoni tal-konsumatur u dritt ta’ reċess għal kuntratti mill-bogħod u lil hinn mill-post tan-negozju”, jinkludi l-Artikoli 6 sa 16 tiegħu.

    10

    L-Artikolu 6 tal-istess direttiva, intitolat “Rekwiżiti ta’ informazzjoni għal kuntratti mill-bogħod u lil hinn mill-post tan-negozju”, jiddisponi:

    “1.   Qabel ma l-konsumatur jintrabat b’ kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju, jew bi kwanlunkwe offerta korrispondenti, il-kummerċjant għandu jipprovdi lill-konsumatur l-informazzjoni li ġejja b’mod ċar u komprensibbli:

    […]

    c)

    l-indirizz ġeografiku fejn il-kummerċjant huwa stabbilit u n-numru tat-telefon, tal-fax u l-indirizz tal-posta elettronika tiegħu, fejn ikun disponibbli, biex il-konsumatur ikun jista’ jagħmel kuntatt malajr mal-kummerċjant u jikkomunika b’mod effikaċi miegħu u, jekk applikabbli, l-indirizz ġeografiku u l-identità tal-kummerċjant li f’ismu jkun qed jaġixxi;

    […]

    4.   L-informazzjoni msemmija fil-punti (h), (i) u (j) tal-paragrafu 1 tista’ tkun ipprovduta permezz tal-formola tal-istruzzjonijiet dwar ir-reċess stabbilita fl-Anness I(A). Il-kummerċjant ikun issodisfa r-rekwiżiti ta’ informazzjoni fil-punti (h), (i) u (j) tal-paragrafu 1 jekk ikun ippreżenta dawn l-istruzzjonijiet lill-konsumatur mimlija kif suppost.

    5.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tifforma parti integrali tal-kuntratti mill-bogħod jew dawk lil hinn mill-post tan-negozju u ma għandhiex tkun modifikata għajr jekk mhux bil-ftehim espliċitu tal-partijiet kuntrattwali.

    […]

    8.   Ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni stabbiliti f’din id-Direttiva jiżdiedu mar-rekwiżiti ta’ informazzjoni li jinsabu fid-Direttiva [2006/123] u d-Direttiva [2000/31] u ma jimpedixxux lill-Istati Membri milli jimponu rekwiżiti ta’ informazzjoni supplementari skont dawk id-Direttivi.

    Bla ħsara għall-ewwel subparagrafu, f’każ ta’ kunflitt bejn dispożizzjoni tad-Direttiva [2006/123] u tad-Direttiva [2000/31] dwar il-kontenut u l-modalitajiet li bihom l-informazzjoni għandha tkun ipprovduta u dispożizzjoni ta’ din id-Direttiva, għandha tirbaħ din id-Direttiva.

    […]”

    11

    L-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83, intitolat “Komunikazzjoni bit-telefon”, jipprevedi, fl-ewwel paragrafu tiegħu:

    “L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu li, fejn il-kummerċjant juża linja telefonika għall-iskop li jikkuntattja lill-konsumatur bit-telefon dwar il-kuntratt konkluż, il-konsumatur mhuwiex marbut iħallas aktar mit-tariffa bażika, meta jikkuntattja lill-kummerċjant.”

    12

    L-Anness I ta’ din id-direttiva, intitolat “Informazzjoni dwar l-eżerċizzju tad-dritt ta’ reċess”, jinkludi punt A, intitolat “Mudell ta’ istruzzjonijiet dwar ir-reċess”, u punt B, intitolat “Formola standard ta’ reċess”.

    13

    Il-punt A ta’ dan l-anness jinkludi b’mod partikolari l-istruzzjonijiet li l-kummerċjant għandu jsegwi sabiex jikkomunika lill-konsumatur l-informazzjoni standardizzata dwar id-dritt tiegħu ta’ rtirar u, b’mod iktar partikolari, l-istruzzjoni li ġejja:

    “Daħħal l-isem, l-indirizz ġeografiku u, jekk disponibbli, in-numru tat-telefon u tal-fax u l-indirizzi tal-posta elettronika.”

    14

    Il-punt B tal-imsemmi anness fih taqsima fformulata kif ġej:

    “Lil [Daħħal l-isem, l-indirizz ġeografiku u, jekk disponibbli, in-numru tat-telefon u tal-fax u l-indirizzi tal-posta elettronika tal-kummerċjant]”.

    Id-dritt Ġermaniż

    15

    L-Artikolu 312d(1) tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili), intitolat “Obbligi ta’ informazzjoni”, jipprevedi:

    “Fil-każ ta’ kuntratti konklużi lil hinn mill-post tan-negozju u ta’ kuntratti mill-bogħod, il-kummerċjant għandu l-obbligu li jinforma lill-konsumatur f’konformità mal-Artikolu 246a tal-Einführungsgesetz zum Bürgerlichen Gesetzbuch [(il-Liġi Introduttiva għall-Kodiċi Ċivili, iktar ’il quddiem l-‘EGBGB’)]. L-indikazzjonijiet ipprovduti mill-kummerċjant fl-eżekuzzjoni ta’ dan l-obbligu jagħmlu parti integrali mill-kuntratt għajr jekk il-partijiet tal-kuntratt ma jkunux stabbilixxew mod ieħor.”

    16

    L-Artikolu 246a tal-EGBGB, intitolat “Obbligi ta’ informazzjoni dwar il-kuntratti konklużi lil hinn mill-post tan-negozju u l-kuntratti mill-bogħod, b’eċċezzjoni tal-kuntratti marbuta mas-servizzi finanzjarji”, jistabbilixxi, fil-punt 2 tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu:

    “Il-kummerċjant għandu, skont l-Artikolu 312d(1) tal-[Kodiċi Ċivili], ipoġġi għad-dispożizzjoni tal-konsumatur l-informazzjoni li ġejja:

    […]

    2.

    l-identità tiegħu, pereżempju d-denominazzjoni soċjali tiegħu, kif ukoll l-indirizz tal-post fejn huwa stabbilit, in-numru tat-telefon tiegħu u, jekk meħtieġ, in-numru tal-faks tiegħu u l-indirizz tal-posta elettronika tiegħu, kif ukoll, fejn meħtieġ, l-indirizz u l-identità tal-kummerċjant li f’ismu qiegħed jaġixxi.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    17

    Amazon EU topera, inter alia, is-sit internet www.amazon.de, li toffri l-bejgħ online ta’ diversi prodotti.

    18

    Meta kien qiegħed jagħmel ordni fuq dan is-sit internet, konsumatur kellu l-possibbiltà, fix-xahar ta’ Awwissu 2014, qabel ma spiċċa l-ordni tiegħu, li jikklikkja fuq link elettroniku mmarkat “Ikkuntattjana”. B’hekk, il-konsumatur kien jintlaqa’ fuq paġna internet fejn, taħt l-intestatura “Ikkuntattjana”, kien hemm “Kif tixtieq tikkuntattjana?” b’għażla bejn tliet alternattivi, jiġifieri li jibgħat messaġġ elettroniku, idaħħal numru tat-telefon jew jibda konverżazzjoni online permezz ta’ chat fuq l-internet. Għall-kuntrarju, l-ebda numru tal-faks ma kien disponibbli fuq din il-paġna. Jekk il-konsumatur għażel l-alternattiv ta’ kuntatt bit-telefon, paġna internet oħra kienet tinfetaħ, li fuqha kellu l-possibbiltà li jagħti n-numru tat-telefon tiegħu u jirċievi telefonata lura. Barra minn hekk, fuq l-istess paġna kien hemm in-nota “Jekk tippreferi, tista’ wkoll iċċempel in-numru ta’ għajnuna ġenerali tagħna”. Il-link “Numru ta’ għajnuna ġenerali” fetaħ tieqa bin-numri tat-telefon ta’ Amazon EU u kienet tinkludi t-test li ġej:

    “Numru ta’ għajnuna ġenerali

    Jekk jogħġbok kun af li iktar nirrakkomandawlek l-użu tal-funzjoni ‘Ċempel issa’ sabiex tirċievi assistenza ta’ malajr. Aħna nkunu nistgħu ngħinuk immedjatament abbażi tal-informazzjoni li inti tkun diġà bgħattilna.

    Jekk tippreferi ċċempel in-numru ta’ għajnuna ġenerali, nixtiequ niġbdulek l-attenzjoni għall-fatt li se jkollok twieġeb sensiela ta’ mistoqsijiet sabiex tivverifika l-identità tiegħek.

    Jekk tixtieq tikkuntattjana bil-mod tradizzjonali, tista’ ssibna wkoll fuq in-numri li ġejjin: […]”

    19

    Taħt “Impressum”, li tidher fuq is-sit internet www.amazon.de, il-konsumatur seta’ jsib ukoll, billi jikklikkja fuq l-ikona “Ikkuntattjana”, il-paġna li tinkludi l-għażla li jirċievi telefonata lura.

    20

    Il-Federazzjoni Ġermaniża qieset li Amazon EU ma kinitx qed tikkonforma mal-obbligu legali tagħha li tipprovdi lill-konsumatur b’mezzi effiċjenti sabiex jagħmel kuntatt magħha, peress li ma infurmatx lill-konsumaturi b’mod suffiċjenti fid-dritt in-numri tat-telefon u tal-faks tagħha. Barra minn hekk, il-Federazzjoni Ġermaniża qieset li Amazon EU ma indikatx in-numru tat-telefon b’mod ċar u komprensibbli u li s-servizz ta’ telefonata lura ma ssodisfax ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni, peress li l-konsumatur kellu jagħmel dan permezz ta’ ħafna passi sabiex jagħmel kuntatt ma’ interlokutur ta’ din il-kumpannija.

    21

    Il-Federazzjoni Ġermaniża fittxet inġunzjoni quddiem il-Landgericht Köln (il-Qorti Reġjonali ta’ Köln, il-Ġermanja) fir-rigward tal-prattiki ta’ Amazon EU fir-rigward tal-wiri ta’ informazzjoni fuq is-sit internet tagħha.

    22

    Peress li din il-qorti ċaħdet din l-inġunzjoni permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Ottubru 2015, il-Federazzjoni Ġermaniża ppreżentat appell kontra din id-deċiżjoni quddiem l-Oberlandesgericht Köln (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Köln, il-Ġermanja).

    23

    Permezz ta’ sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2016, l-Oberlandesgericht Köln (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Köln) ċaħdet l-appel tal-Federazzjoni Ġermaniża. Meta għamlet hekk, il-qorti qieset li Amazon EU ssodisfat ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni prekuntrattwali billi pprovdiet lill-konsumaturi b’biżżejjed possibbiltajiet ta’ komunikazzjoni, permezz tas-sistema tagħha ta’ telefonata lura u tal-fakultà li tikkuntattjaha biċ-chat jew bil-posta elettronika.

    24

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Federazzjoni Ġermaniża ppreżentat rikors għal reviżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja).

    25

    Il-qorti tar-rinviju tqis li, sabiex tinstab soluzzjoni għat-tilwima quddiemha, huwa partikolarment importanti li tiġi ppreċiżata l-portata tal-espressjoni “lorsqu’ils sont disponibles”, “gegebenenfalls” jew “where available”, li tinsab fl-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva 2011/83, rispettivament fil-verżjonijiet Franċiżi, Ġermaniżi u Ingliżi ta’ din id-dispożizzjoni.

    26

    F’dan ir-rigward, minn dokument ta’ gwida tal-Kummissjoni Ewropea, ippubblikat fix-xahar ta’ Ġunju 2014, dwar id-Direttiva 2011/83, jirriżulta li l-imsemmija espressjoni tapplika għat-tliet mezzi ta’ komunikazzjoni mill-bogħod imsemmija fl-Artikolu 6(1)(c) ta’ din id-direttiva, jiġifieri t-telefon, il-faks u l-posta elettronika.

    27

    Għalhekk, skont il-qorti tar-rinviju, l-informazzjoni li għandha tingħata mill-kummerċjant għandha tinkludi biss il-mezzi ta’ komunikazzjoni diġà disponibbli fi ħdan l-impriża tiegħu. Għall-kuntrarju, meta dan jiddeċiedi li jikkonkludi wkoll kuntratti mill-bogħod, huwa ma huwiex obbligat li jistabbilixxi konnessjoni ġdida tat-telefon jew tal-faks, jew li jistabbilixxi indirizz tal-posta elettronika ġdid.

    28

    F’dan il-kuntest, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-kummerċjant li, filwaqt li jkollu mezzi ta’ komunikazzjoni bħal numru tat-telefon, faks u indirizz tal-posta elettronika, jużahom biss sabiex jikkomunika ma’ kummerċjanti jew ma’ awtoritajiet pubbliċi huwiex obbligat, konformement mal-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva 2011/83, li jipprovdi informazzjoni dwar dawn il-mezzi ta’ komunikazzjoni fil-kuntest ta’ kuntratti mill-bogħod konklużi ma’ konsumaturi.

    29

    Jekk dan ikun il-każ, il-kummerċjant li jibda attività ġdida li tikkonsisti fil-konklużjoni ta’ kuntratti mill-bogħod mal-konsumaturi jkollu jbiddel l-organizzazzjoni tal-impriża tiegħu u jimpjega impjegati ġodda, li hija ħaġa li tista’ tippreġudika l-libertà ta’ intrapriża tiegħu, stabbilita fl-Artikolu 16 u fl-Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

    30

    Barra minn hekk, tali interpretazzjoni tmur kontra l-għan tad-Direttiva 2011/83, stabbilit fil-premessa 4 tiegħu, jiġifieri li jinstab bilanċ ġust bejn livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u l-kompetittività tal-impriżi.

    31

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    L-Istati Membri jistgħu jipprevedu dispożizzjoni li – bħad-dispożizzjoni li tinsab fit-tieni punt tal-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 246a(1) tal-EGBGB (Liġi introduttorja tal-Kodiċi Ċivili) – tobbliga lill-kummerċjant jipprovdi lill-konsumatur in-numru tat-telefon tiegħu (mhux biss meta jkun hemm bżonn, iżda f’kull każ), fil-kuntest tal-konklużjoni ta’ kuntratti mill-bogħod qabel ma jiġi aċċettat il-kuntratt?

    2)

    L-espressjoni ‘gegebenenfalls’ (‘fejn xieraq’ [‘fejn ikun disponibbli’]) użata (fil-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża) fl-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva 2011/83/UE, tfisser li kummerċjant għandu jipprovdi biss informazzjoni dwar il-mezzi ta’ komunikazzjoni diġà effettivament disponibbli fl-impriża tiegħu, fis-sens li dan ma huwiex meħtieġ li jistabbilixxi konnessjoni ġdida bit-telefon jew bil-fax jew fil-forma ta’ indirizz tal-posta elettronika, meta jiddeċiedi li jibda joffri kuntratti mill-bogħod fl-impriża tiegħu?

    3)

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda:

    L-espressjoni ‘gegebenenfalls’ (‘fejn xieraq’ [‘fejn ikun disponibbli’]) użata (fil-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża) fl-Artikolu 6(1)(c) [ta’ din id-]direttiva […], tfisser li huma disponibbli biss dawk il-mezzi ta’ komunikazzjoni li jkunu diġà disponibbli f’impriża li jkunu effettivament jintużaw ukoll mill-kummerċjant sabiex jikkuntattja lil konsumaturi meta jidħol f’kuntratti mill-bogħod, jew huma disponibbli wkoll dawk il-mezzi ta’ komunikazzjoni fl-impriża li sa dak iż-żmien il-kummerċjant kien juża biss għal skopijiet oħra, bħall-komunikazzjoni ma’ kummerċjanti oħra jew mal-awtoritajiet?

    4)

    Il-lista tal-mezzi ta’ komunikazzjoni speċifikata fl-Artikolu 6(1)(c) [tal-imsemmija] direttiva […], jiġifieri n-numru tat-telefon, tal-fax jew l-indirizz tal-posta elettronika, hija eżawrjenti, jew il-kummerċjant jista’ wkoll juża mezzi ta’ komunikazzjoni oħra li ma humiex imsemmija hemm, bħal chat fuq l-internet jew sistema ta’ telefonata lura, kemm-il darba dawn ikunu jiżguraw kuntatt malajr u komunikazzjoni effiċjenti?

    5)

    L-applikazzjoni tar-rekwiżit ta’ trasparenza tal-Artikolu 6(1) [tal-istess] direttiva […], li jgħid li l-kummerċjant għandu jipprovdi lill-konsumatur l-informazzjoni dwar il-mezzi ta’ komunikazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva 2011/83/UE b’mod ċar u komprensibbli, teħtieġ li l-informazzjoni tingħata malajr u b’mod effiċjenti?”

    Fuq id-domandi preliminari

    32

    Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva 2011/83 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tobbliga lill-kummerċjant, qabel il-konklużjoni ma’ konsumatur ta’ kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju, kif imsemmi fl-Artikolu 2(7) u (8) ta’ din id-direttiva, li jipprovdi, fi kwalunkwe każ, in-numru tat-telefon tiegħu u, jekk din l-istess dispożizzjoni tobbligax lill-kummerċjant li jistabbilixxi linja tat-telefon, jew tal-faks, jew li jistabbilixxi indirizz tal-posta elettronika ġdid sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jikkuntattjawh. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf ukoll jekk dan il-kummerċjant jistax, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, juża mezzi ta’ komunikazzjoni li ma humiex imsemmija minn din l-ewwel dispożizzjoni, bħal chat fuq l-internet jew sistema ta’ telefonata lura.

    33

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva 2011/83, qabel ma l-konsumatur ikun marbut b’kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju jew b’offerta tal-istess tip, il-kummerċjant għandu jipprovdih, b’mod ċar u komprensibbli, bl-informazzjoni li tikkonċerna l-indirizz ġeografiku fejn il-kummerċjant huwa stabbilit kif ukoll in-numru tat-telefon tal-kummerċjant, in-numru tal-faks tiegħu u l-indirizz tal-posta elettronika tiegħu, fejn ikunu disponibbli, sabiex il-konsumatur ikun jista’ jikkuntattjah malajr u jikkomunika miegħu b’mod effiċjenti u, jekk ikun il-każ, l-indirizz ġeografiku u l-identità tal-kummerċjant li f’ismu jkun qiegħed jaġixxi.

    34

    Mit-talba għal deċiżjoni preliminari kif ukoll mill-osservazzjonijiet li ġew ippreżentati mill-partijiet fil-kawża prinċipali u mill-partijiet ikkonċernati l-oħra f’din il-kawża jirriżulta b’mod partikolari li jistgħu jiġu previsti żewġ interpretazzjonijiet tal-formulazzjoni tal-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva 2011/83. Minn naħa, din id-dispożizzjoni tista’ tinqara bħala li tobbliga lill-kummerċjant li jinforma lill-konsumatur dwar in-numru tat-telefon tiegħu u n-numru tal-faks tiegħu f’każ li dan il-kummerċjant ikollu dawn in-numri. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija dispożizzjoni timponi tali obbligu fuq il-kummerċjant biss jekk dan tal-aħħar juża t-telefon jew il-faks fil-kuntatti tiegħu mal-konsumaturi.

    35

    Huwa importanti li jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, u, b’mod iktar partikolari, l-espressjoni “fejn ikun disponibbli” fiha, ma tippermettix, waħidha, id-determinazzjoni tal-portata eżatta ta’ din id-dispożizzjoni.

    36

    Din il-kwistjoni ma hijiex riżolta bl-analiżi tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva 2011/83. Fil-fatt, għalkemm il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-verżjonijiet, b’mod partikolari bl-Ingliż (“where available”), bil-Franċiż (“lorsqu’ils sont disponibles”), bit-Taljan (“ove disponibli”), bl-Olandiż (“indien beschikbaar”), bil-Pollakk (“o ile jest dostępny”), u bil-Finlandiż (“jos nämä ovat käytettävissä”), jissuġġerixxu li, bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, l-obbligu tal-kummerċjant li jinforma lill-konsumatur bin-numri tat-telefon u tal-faks tiegħu japplika biss jekk dan il-kummerċjant ikollu tali mezzi ta’ komunikazzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li f’ċerti verżjonijiet oħra tal-imsemmija dispożizzjoni, b’mod partikolari bl-Ispanjol (“cuando proceda”) u bil-Ġermaniż (“gegebenenfalls”), ma huwiex ċar f’liema ċirkustanzi dan l-obbligu ma japplikax.

    37

    Għalhekk, l-istess dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-kuntest tagħha u tal-għanijiet segwiti permezz tal-leġiżlazzjoni li hija tagħmel parti minnha (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑24 ta’ Jannar 2019, Balandin et, C‑477/17, EU:C:2019:60, punt 31, kif ukoll tas‑26 ta’ Frar 2019, Rimšēvičs u BĊE vs Il-Latvja, C‑202/18 u C‑238/18, EU:C:2019:139, punt 45).

    38

    Fir-rigward, minn naħa, tal-kuntest tal-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva 2011/83 u tal-istruttura ġenerali ta’ din id-direttiva, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni tipprevedi obbligu li tingħata informazzjoni prekuntrattwali fir-rigward tal-kuntratti mill-bogħod u tal-kuntratti konklużi lil hinn mill-post tan-negozju, kif imsemmija fl-Artikolu 2(7) u (8) tal-imsemmija direttiva.

    39

    Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-għan tad-Direttiva 2011/83, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, moqri fid-dawl tal-premessi 4, 5 u 7 tagħha, din id-direttiva hija intiża sabiex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi billi tiżgura li dawn jiġu informati u li jkunu sikuri fit-tranżazzjonijiet mal-kummerċjanti. Barra minn hekk, il-protezzjoni tal-konsumaturi fil-politiki tal-Unjoni hija stabbilita fl-Artikolu 169 TFUE kif ukoll fl-Artikolu 38 tal-Karta.

    40

    Id-Direttiva 2011/83 hija intiża sabiex il-konsumaturi jibbenefikaw minn protezzjoni estiża, billi jingħataw ċertu drittijiet fil-qasam, b’mod partikolari, ta’ kuntratti mill-bogħod u ta’ kuntratti konklużi lil hinn mill-post tan-negozju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2019, Walbusch Walter Busch,C‑430/17, EU:C:2019:47, punt 35).

    41

    B’mod partikolari, għandu jiġi kkonstatat li l-possibbiltà, għall-konsumatur, li jikkuntattja lill-kummerċjant malajr u li jikkomunika miegħu b’mod effiċjenti, kif previst fl-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva 2011/83, għandha importanza fundamentali għas-salvagwardja u għall-infurzar effettiv tad-drittijiet tal-konsumatur u, b’mod partikolari, tad-dritt ta’ rtirar li l-modalitajiet u l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tiegħu huma indikati fl-Artikoli 9 sa 16 ta’ din id-direttiva.

    42

    Barra minn hekk, din hija r-raġuni għaliex il-punt A intitolat “Mudell ta’ istruzzjonijiet dwar ir-reċess”, parzjalment irrepetut fil-punt B intitolat “Formola standard ta’ reċess”, li jinsab fl-Anness I tad-Direttiva 2011/83, jipprevedi referenza għall-indirizz ġeografiku tal-kummerċjant u, fejn ikunu disponibbli, in-numru tat-telefon tiegħu, in-numru tal-faks tiegħu, kif ukoll l-indirizz tal-posta elettronika tiegħu.

    43

    Minn din il-perspettiva, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/83 għandu l-għan li jiżgura l-komunikazzjoni lill-konsumatur, qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt, kemm tal-informazzjoni relatata mal-kundizzjonijiet kuntrattwali u l-konsegwenzi tal-imsemmija konklużjoni, li jippermetti lil dan il-konsumatur li jiddeċiedi jekk jixtieqx jintrabat kuntrattwalment ma’ kummerċjant (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2019, Walbusch Walter Busch, C‑430/17, EU:C:2019:47, punt 36), kif ukoll tal-informazzjoni neċessarja għall-eżekuzzjoni tajba ta’ dan il-kuntratt u, fuq kollox, għall-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu, b’mod partikolari d-dritt tiegħu ta’ rtirar mill-kuntratt (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2012, Content Services, C‑49/11, EU:C:2012:419, punt 34).

    44

    F’dan ir-rigward, filwaqt li huwa minnu li l-possibbiltà, għall-konsumatur, li jikkuntattja lill-kummerċjant malajr u li jikkomunika miegħu b’mod effiċjenti, kif previst fl-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva 2011/83, hija ta’ importanza fundamentali għall-protezzjoni tad-drittijiet tiegħu, kif tfakkar fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, xorta jibqa’ l-fatt li, fl-interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni, irid jiġi żgurat bilanċ tajjeb bejn livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u l-kompetittività tal-impriżi, kif stabbilit fil-premessa 4 ta’ din id-direttiva, filwaqt li tiġi osservata l-libertà ta’ intrapriża tal-imprenditur, kif stabbilit fl-Artikolu 16 tal-Karta (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2019, Walbusch Walter Busch, C‑430/17, EU:C:2019:47, punti 4142).

    45

    Għandu jiġi kkonstatat f’dan il-kuntest li, meta adotta d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/83 u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1)(c) tagħha, il-leġiżlatur tal-Unjoni qies, kif tistabbilixxi l-premessa 34 ta’ din id-direttiva, li meta l-kummerċjant jipprovdi informazzjoni prekuntrattwali, dan għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-ħtiġijiet speċifiċi tal-konsumaturi li jkunu partikolarment vulnerabbli minħabba infermità mentali, fiżika jew psikoloġika, l-età tagħhom jew l-inġenwità tagħhom, b’tali mod li l-kummerċjant jista’ raġonevolment jipprevedi.

    46

    Minn dak li ntqal jirriżulta li, għalkemm l-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva 2011/83 ma jiddeterminax in-natura preċiża tal-mezz ta’ komunikazzjoni li għandu jiġi stabbilit mill-kummerċjant, din id-dispożizzjoni neċessarjament tobbliga lill-kummerċjant li jagħmel disponibbli lil kwalunkwe konsumatur mezz ta’ komunikazzjoni li jippermetti lil dan tal-aħħar li jikkuntattjah malajr u li jikkomunika miegħu b’mod effikaċi.

    47

    Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha li fihom il-konsumatur jikkuntattja lill-kummerċjant permezz ta’ sit internet u b’mod partikolari l-preżentazzjoni u l-funzjonalità ta’ dan is-sit, il-mezzi ta’ komunikazzjoni li tpoġġew għad-dispożizzjoni ta’ dan il-konsumatur minn dan il-kummerċjant jippermettux lill-konsumatur li jikkuntattja lill-kummerċjant malajr u li jikkomunika miegħu b’mod effiċjenti, konformement mal-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva 2011/83.

    48

    Barra minn hekk, obbligu inkundizzjonat li jagħmel disponibbli lill-konsumatur, fi kwalunkwe każ, numru tat-telefon tiegħu, jew saħansitra li jistabbilixxi linja tat-telefon, jew tal-faks, jew li jistabbilixxi indirizz tal-posta elettronika ġdid sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jikkuntattjaw lill-kummerċjant jidher sproporzjonat, b’mod partikolari fil-kuntest ekonomiku tal-operat ta’ ċerti impriżi, b’mod partikolari fil-kuntest ekonomiku tal-operat ta’ ċerti impriżi, b’mod partikolari l-iżgħar impriżi, li jistgħu jfittxu li jnaqqsu l-ispejjeż operattivi tagħhom billi jorganizzaw il-bejgħ jew il-provvista ta’ servizzi mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju.

    49

    Barra minn hekk, l-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva 2011/83, dwar l-obbligi ta’ informazzjoni tal-kummerċjant fil-kuntest tal-konklużjoni ta’ kuntratti minbarra l-kuntratti mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju, jipprevedi, b’mod inekwivokabbli, li l-kummerċjant għandu jipprovdi lill-konsumatur, qabel ma dan ikun marbut b’tali kuntratt jew b’offerta tal-istess tip, “l-informazzjoni li ġejja b’mod ċar u komprensibbli, jekk dik l-imformazzjoni mhijiex diġà evidenti mill-kuntest: […] l-identità tal-kummerċjant, bħall-isem kummerċjali tiegħu, l-indirizz ġeografiku li fih huwa stabbilit u n-numru tat-telefon”. Minn dan jirriżulta li jekk l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li jikkonferixxi fuq l-obbligu li jiġi pprovdut in-numru tat-telefon tiegħu, li kien obbligu impost fuq il-kummerċjant permezz tal-Artikolu 6(1)(c) ta’ din id-direttiva, l-istess portata bħal dik stabbilita, b’mod inekwivoku, fuq l-istess kummerċjant bis-saħħa tal-Artikolu 5(1)(b) tal-imsemmija direttiva, jidher plawżibbli li kieku kien jadotta l-istess kliem.

    50

    Fl-aħħar nett, kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 76 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83, li jobbliga lill-Istati Membri li ma jippermettux lill-kummerċjant li juża linja tat-telefon sabiex jikkuntattja lill-konsumatur li japplika tariffi ogħla minn dawk bażiċi meta l-konsumatur jikkuntattjah dwar kuntratt konkluż, huwa wkoll favur interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva 2011/83 li skontha l-użu, minn kummerċjant, tat-telefon bħala mezz ta’ komunikazzjoni mal-konsumatur fil-kuntratti mill-bogħod lanqas ma huwa impost fil-kuntest ta’ relazzjoni prekuntrattwali.

    51

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-kliem “fejn ikun disponibbli”, imsemmija fl-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva 2011/83, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jirreferu għall-każijiet fejn il-kummerċjant ikollu numru tat-telefon jew tal-faks u ma jużahomx għal finijiet oħra ħlief sabiex iżomm kuntatt mal-konsumaturi. Fin-nuqqas ta’ dan, din id-dispożizzjoni ma tobbligahx jinforma lill-konsumatur dwar dan in-numru tat-telefon jew saħansitra li jistabbilixxi konnessjoni bit-telefon, jew bil-faks, jew li jistabbilixxi indirizz tal-posta elettronika ġdid sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jikkuntattjawh.

    52

    Barra minn hekk, hemm lok li jitqies li din id-dispożizzjoni ma tipprekludix lill-kummerċjant milli jipprovdi mezzi oħra ta’ komunikazzjoni għajr it-telefon jew il-faks jew il-posta elettronika għall-finijiet li jissodisfa l-kriterji ta’ komunikazzjoni diretta u effiċjenti, bħal, b’mod partikolari, formola ta’ kuntatt elettroniku, li biha l-konsumaturi jistgħu jikkuntattjaw lill-kummerċjant permezz tal-internet u li permezz tagħha jirċievu tweġiba bil-miktub jew jistgħu jirċievu telefonata lura malajr. B’mod iktar partikolari, din ma tipprekludix li kummerċjant li joffri oġġetti jew servizzi online u li jkollu numru tat-telefon disponibbli bi ftit klikks jinkoraġġixxi l-użu mill-konsumatur ta’ mezzi oħra ta’ komunikazzjoni li ma humiex imsemmija f’din id-dispożizzjoni, bħal chat fuq l-internet jew sistema ta’ telefonata lura, sabiex il-konsumatur ikun jista’ jikkuntattjah malajr u jikkomunika miegħu b’mod effiċjenti, sakemm l-informazzjoni li l-kummerċjant ikun obbligat jipprovdi, skont l-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva 2011/83, u, b’mod partikolari, l-imsemmi numru tat-telefon ikunu aċċessibbli b’mod ċar u komprensibbli, li hija ħaġa li l-qorti tar-rinviju għandha tivverifika. F’dan ir-rigward tal-aħħar, il-fatt li n-numru tat-telefon ikun disponibbli biss wara serje ta’ klikks ma jimplikax, bħala tali, li l-mod użat ma huwiex ċar u komprensibbli, peress li din hija sitwazzjoni bħal dik tal-kawża prinċipali, li tikkonċerna kummerċjant li joffri bejgħ online ta’ diversi prodotti, esklużivament permezz ta’ sit internet.

    53

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposti għad-domandi magħmula għandhom ikunu kif ġej:

    l-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva 2011/83 għandu jiġi interpretat fis-sens, minn naħa, li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tobbliga lill-kummerċjant, qabel il-konklużjoni ma’ konsumatur ta’ kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju, kif imsemmi fl-Artikolu 2(7) u (8) ta’ din id-direttiva, li jipprovdi, fi kwalunkwe każ, in-numru tat-telefon tiegħu. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija dispożizzjoni ma timplikax obbligu għall-kummerċjant li jistabbilixxi linja tat-telefon, jew tal-faks, jew li jistabbilixxi indirizz tal-posta elettronika ġdid sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jikkuntattjawh u tobbliga l-komunikazzjoni ta’ dan in-numru jew dak tal-faks jew l-indirizz tal-posta elettronika tiegħu biss fil-każijiet fejn il-kummerċjant diġà jkollu dawn il-mezzi ta’ komunikazzjoni mal-konsumaturi;

    l-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva 2011/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li, għalkemm din id-dispożizzjoni tobbliga lill-kummerċjant li jipprovdi lill-konsumatur mezz ta’ komunikazzjoni li kapaċi jissodisfa l-kriterji ta’ komunikazzjoni diretta u effiċjenti, din ma tipprekludix li l-imsemmi kummerċjant jipprovdi mezzi ta’ komunikazzjoni oħra minbarra dawk elenkati fl-imsemmija dispożizzjoni sabiex dawn il-kriterji jiġu ssodisfatti.

    Fuq l-ispejjeż

    54

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għandu jiġi interpretat fis-sens, minn naħa, li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tobbliga lill-kummerċjant, qabel il-konklużjoni ma’ konsumatur ta’ kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju, kif imsemmi fl-Artikolu 2(7) u (8) ta’ din id-direttiva, li jipprovdi, fi kwalunkwe każ, in-numru tat-telefon tiegħu. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija dispożizzjoni ma timplikax obbligu għall-kummerċjant li jistabbilixxi linja tat-telefon, jew tal-faks, jew li jistabbilixxi indirizz tal-posta elettronika ġdid sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jikkuntattjawh u tobbliga l-komunikazzjoni ta’ dan in-numru jew dak tal-faks jew l-indirizz tal-posta elettronika tiegħu biss fil-każijiet fejn il-kummerċjant diġà jkollu dawn il-mezzi ta’ komunikazzjoni mal-konsumaturi.

     

    L-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva 2011/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li, għalkemm din id-dispożizzjoni tobbliga lill-kummerċjant li jipprovdi lill-konsumatur mezz ta’ komunikazzjoni li kapaċi jissodisfa l-kriterji ta’ komunikazzjoni diretta u effiċjenti, din ma tipprekludix li l-imsemmi kummerċjant jipprovdi mezzi ta’ komunikazzjoni oħra minbarra dawk elenkati fl-imsemmija dispożizzjoni sabiex dawn il-kriterji jiġu ssodisfatti.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il‑Ġermaniż.

    Fuq