Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62018CJ0407

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tas-26 ta’ Ġunju 2019.
    Aleš Kuhar u Jožef Kuhar vs Addiko Bank d.d.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Višje sodišče v Mariboru.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata ta’ kreditu ipotekarju – Att notarili direttament infurzabbli – Stħarriġ ġudizzjarju tal-klawżoli inġusti – Sospensjoni tal-eżekuzzjoni forzata – Nuqqas ta’ kompetenza tal-qorti adita bit-talba għal eżekuzzjoni forzata – Protezzjoni tal-konsumatur – Prinċipju ta’ effettività – Interpretazzjoni konformi.
    Kawża C-407/18.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2019:537

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

    26 ta’ Ġunju 2019 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata ta’ kreditu ipotekarju – Att notarili direttament infurzabbli – Stħarriġ ġudizzjarju tal-klawżoli inġusti – Sospensjoni tal-eżekuzzjoni forzata – Nuqqas ta’ kompetenza tal-qorti adita bit-talba għal eżekuzzjoni forzata – Protezzjoni tal-konsumatur – Prinċipju ta’ effettività – Interpretazzjoni konformi”

    Fil-Kawża C‑407/18,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Višje sodišče v Mariboru (il-Qorti tal-Appell ta’ Maribor, is-Slovenja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Ġunju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ Ġunju 2018, fil-proċedura

    Aleš Kuhar,

    Jožef Kuhar

    vs

    Addiko Bank d.d.,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

    komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, C. G. Fernlund u L. S. Rossi (Relatriċi), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Gvern Sloven, minn B. Jovin Hrastnik, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Kocjan u N. Ruiz García, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Aleš u Jožef Kuhar (iktar ’il quddiem “A. u J. Kuhar”) u Addiko Bank d.d., bank Sloven, dwar l-eżekuzzjoni forzata ta’ kreditu skont kuntratt ta’ kreditu ipotekarju konkluż fil-forma ta’ att notarili direttament infurzabbli.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    L-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/13 jipprevedi:

    “1.   Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.

    2.   Klawżola għandha dejjem tiġi kkunsidrata li ma tkunx ġiet innegozjat individwalment meta din tkun ġiet abbozzata minn qabel u l-konsumatur b’hekk ma jkunx seta’ jinfluwenza s-sustanza tal-klawżola, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ kuntratt standard imfassal minn qabel.

    […]”

    4

    L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jistipula:

    “1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu.

    2.   L-istima tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad-definizzjoni tal-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt u lanqas mas-suffiċjenza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra, safejn dawn il-klawżoli jkunu f’lingwaġġ sempliċi u ċar.”

    5

    L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva huwa redatt kif ġej:

    “Fil-każ ta’ kuntratti fejn ċerti klawżoli jew il-klawżoli kollha offruti lill-konsumatur ikunu bil-miktub, dawn il-klawżoli għandhom ikunu abbozzati b’lingwaġġ sempliċi u ċar. Fejn ikun hemm dubju dwar it-tifsir ta’ klawżola, għandha tirbaħ l-interpretazzjoni l-aktar favorevoli għall-konsumatur. […]”

    6

    L-Artikolu 6(1) tal-istess direttiva jipprovdi:

    “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

    7

    Skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13:

    “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

    Id-dritt Sloven

    Il-Liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumatur

    8

    L-Artikolu 23 taż-Zakon o varstvu potrošnikov (il-Liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, Uradni list RS, no 98/04) jipprevedi:

    “Impriża ma tistax tipprevedi klawżoli inġusti fil-konfront tal-konsumatur.

    Il-klawżoli kuntrattwali msemmija fil-paragrafu preċedenti huma nulli.”

    9

    L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 ta’ din il-liġi jistipula:

    “Klawżoli kuntrattwali jitqiesu bħala inġusti jekk dawn joħolqu, bi ħsara għall-konsumatur, żbilanċ sinjifikanti bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet, jekk dawn jagħmlu l-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ detriment indebitu għall-konsumatur, jew jekk dawn jagħmlu l-eżekuzzjoni tal-kuntratt differenti b’mod ċar minn dak li l-konsumatur seta’ leġittimament jistenna, jew anki jekk dawn jiksru l-prinċipju ta’ bona fide u ta’ lealtà.”

    Il-Liġi dwar l-eżekuzzjoni u l-miżuri kawtelatorji

    10

    L-Artikolu 9 taż-Zakon o izvršbi in zavarovanju (il-Liġi dwar l-eżekuzzjoni u l-miżuri kawtelatorji, Uradni list RS, no 3/07) jistipula:

    “Deċiżjoni tal-ewwel istanza tista’ tiġi appellata sakemm il-liġi ma tipprovdix mod ieħor.

    Rikors ta’ debitur kontra digriet ta’ eżekuzzjoni li jilqa’ talba għal eżekuzzjoni huwa lment.

    […]

    Deċiżjoni dwar l-ilment tista’ tiġi appellata.

    […]”

    11

    L-Artikolu 15 ta’ din il-liġi jipprevedi:

    “Sakemm ma jkunx hemm dispożizzjoni kuntrarja f’din il-liġi jew f’liġi oħra, id-dispożizzjonijiet taż-Zakon o pravdnem postopku [(il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, Uradni list RS, no 73/07)] għandhom japplikaw b’analoġija għall-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata u għall-miżuri kawtelatorji.”

    12

    L-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 17 tal-imsemmija liġi jiddisponi:

    “Il-qorti għandha tordna l-eżekuzzjoni abbażi ta’ titolu eżekuttiv.

    Dawn li ġejjin huma titoli eżekuttivi:

    1.

    deċiżjoni ġudizzjarja eżekuttiva u soluzzjoni bil-qorti eżekuttiva;

    2.

    att notarili eżekuttiv;

    […]”

    13

    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 55 tal-istess liġi:

    “Jista’ jiġi ppreżentat ilment kontra digriet ta’ eżekuzzjoni forzata għar-raġunijiet li jwaqqfu l-eżekuzzjoni, jiġifieri:

    […]

    2)

    jekk it-titolu li abbażi tiegħu ngħatat l-eżekuzzjoni forzata ma huwiex titolu eżekuttiv jew att awtentiku;

    […]”

    14

    L-Artikolu 71 tal-Liġi dwar l-eżekuzzjoni u l-miżuri kawtelatorji huwa fformulat kif ġej:

    “Il-qorti tista’ tissospendi totalment jew parzjalment l-eżekuzzjoni forzata fuq talba tad-debitur meta dan tal-aħħar jargumenta b’mod kredibbli li eżekuzzjoni immedjata ser tikkawżalu dannu irreparabbli jew diffiċilment reparabbli u ikbar minn dak li jista’ jsofri l-kreditur jekk l-eżekuzzjoni hija posposta, fil-każijiet li ġejjin:

    […]

    5)

    preżentata ta’ rikors għall-annullament tat-tranżazzjoni konkluża fl-att notarili direttament infurzabbli li abbażi tiegħu ngħatat l-eżekuzzjoni forzata;

    […]

    Bla ħsara għall-paragrafu preċedenti, il-qorti tista’, fuq it-talba tad-debitur, tissospendi l-eżekuzzjoni forzata f’każijiet oħrajn ukoll, għal raġunijiet leġittimi partikolari, iżda sa massimu ta’ tliet xhur u darba biss.

    Fuq proposta tal-kreditur, il-qorti għandha tissuġġetta s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni għall-għoti ta’ garanzija mid-debitur, sakemm dan ma’ jippreġudikax il-manteniment tiegħu jew tal-familja tiegħu. Jekk id-debitur ma jagħtix il-garanzija fit-terminu stabbilit mill-qorti, li ma jistax jeċċedi l‑15-il ġurnata, it-talba għal sospensjoni titqies li ġiet irtirata.”

    Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili

    15

    Il-punt (1) tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jiddisponi:

    “Qorti ma għandhiex tirrikonoxxi dispożizzjoni tal-partijiet:

    1.

    kuntrarja għall-ordni pubbliku.”

    Il-Liġi dwar in-nutara

    16

    L-Artikolu 4 taż-Zakon o notariatu (il-Liġi dwar in-nutara, Uradni list RS, no 2/07) jistipula:

    “Att notarili li jipprevedi l-obbligazione di dare, di fare, di non dare jew di tollerare xi ħaġa, li jista’ jkun is-suġġett ta’ ftehim bonarju, jikkostitwixxi titolu eżekuttiv jekk id-debitur jaċċetta espressament in-natura direttament infurzabbli tiegħu f’dan l-istess att notarili, jew f’att notarili separat u jekk il-kreditu huwa dovut.”

    17

    L-Artikolu 42 ta’ din il-liġi jiddisponi:

    “Qabel jitfassal att notarili, in-nutar għandu jiddeskrivi lill-partijiet, b’mod li jinftiehem, il-kontenut, il-konsegwenzi ġuridiċi tal-att ġuridiku jew tal-espressjoni tar-rieda previsti, huwa għandu jiġbed l-attenzjoni tal-partijiet fuq ir-riskji magħrufa u normali marbuta ma’ tali att ġuridiku jew ma’ tali espressjoni tar-rieda. In-nutar għandu wkoll jiġbed l-attenzjoni tal-partijiet dwar ċirkustanzi potenzjali oħrajn dwar l-att ġuridiku previst, jekk huwa jkun jafhom […]. Huwa għandu wkoll jiskoraġġixxi lill-partijiet milli jużaw espressjonijiet mhux ċari, li ma jinftiehmux jew ambigwi u espressament jiġbed l-attenzjoni tagħhom fuq il-konsegwenzi ġuridiċi potenzjali tal-użu ta’ tali espressjonijiet. Jekk il-partijiet iżommu dawn l-espressjonijiet, huwa għandu jdaħħalhom fl-att notarili, iżda billi jsemmi wkoll it-twissija li tikkonċernahom mogħtija lill-partijiet.”

    Il-Liġi dwar l-għajnuna legali

    18

    Ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 8 taż-Zakon o brezplačni pravni pomoči (il-Liġi dwar l-għajnuna legali) jiddisponi:

    “L-għajnuna legali b’xejn bis-saħħa ta’ din il-liġi ma għandhiex tingħata:

    […]

    lil debitur suġġett għal proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata mibdija abbażi ta’ titolu eżekuttiv fis-sens tal-Liġi dwar l-eżekuzzjoni u l-miżuri kawtelatorji, sakemm huwa ma jargumentax b’mod kredibbli li jeżistu raġunijiet għal ilment kontra l-eżekuzzjoni li jwaqqfu tali eżekuzzjoni skont dispożizzjonijiet tal-liġi dwar l-eżekuzzjoni u l-miżuri kawtelatorji.”

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    19

    Addiko Bank u A. u J. Kuhar ikkonkludew kuntratt ta’ kreditu ipotekarju, fil-forma ta’ att notarili direttament infurzabbli, intiż għall-iffinanzjar tax-xiri ta’ residenza (iktar ’il quddiem l-“att notarili inkwistjoni”). Il-kreditu kien imfassal fi franki Żvizzeri (CHF), iżda A. u J. Kuhar kellhom iħallsu l-pagamenti ta’ kull xahar ta’ rimbors f’ewro, bir-rata ta’ riferenza tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) fil-ġurnata tal-ħlas. Ir-rata ta’ interess kienet marbuta mar-rata LIBOR CHF għal sitt xhur.

    20

    Peress li A. u J. Kuhar baqgħu inadempjenti fil-ħlas, Addika Bank ippreżenta, abbażi tal-att notarili inkwistjoni, talba quddiem l-Okrajno sodišče v Gornji Radgoni (il-Qorti Distrettwali ta’ Gornja Radgona, is-Slovenja) intiża li tiġi ordnata l-eżekuzzjoni forzata ta’ dan l-att.

    21

    Din il-qorti laqgħet it-talba għal eżekuzzjoni forzata għal ammont totali ta’ EUR 128 765.66.

    22

    Fl-ilment tagħhom ippreżentat quddiem l-imsemmija qorti kontra d-digriet li permezz tiegħu ngħatat l-eżekuzzjoni forzata, A. u J. Kuhar, mingħajr ma kienu assistiti minn avukat, argumentaw li Addiko Bank ma kienx debitament ġibed l-attenzjoni tagħhom fuq ir-riskju tal-kambju, fatt li wassalhom jikkonkludu kuntratt li ċerti klawżoli minnu kellhom natura inġusta u skont liema huma kellhom issa jirrimborsaw ammont sinjifikament ogħla minn dak tal-kreditu miksub.

    23

    L-Okrajno sodišče v Gornji Radgoni (il-Qorti Distrettwali ta’ Gornja Radgona) ċaħdet dan l-ilment għar-raġuni b’mod partikolari, essenzjalment, li kien l-obbligu ta’ A. u J. Kuhar li jissodisfaw l-obbligu li kien jirriżulta mill-att notarili inkwistjoni u li ftit li xejn kien rilevanti jekk Addiko Bank kienx debitament ġibed l-attenzjoni tagħhom jew le fuq ir-riskju tal-kambju.

    24

    A. u J. Kuhar, dejjem mingħajr ma kienu assistiti minn avukat, għaldaqstant adixxew lill-qorti tar-rinviju, il-Višje sodišče v Mariboru (il-Qorti tal-Appell ta’ Maribor, is-Slovenja) b’rikors intiż għall-annullament ta’ digriet li permezz tiegħu ngħatat l-eżekuzzjoni forzata.

    25

    Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju diġà ddeċidiet, b’mod interlokutorju, li l-klawżola, li tinsab fl-att notarili inkwistjoni, li tistipula li l-kreditu huwa ddenominat f’muniti barranin iżda li r-rimbors tiegħu għandu jsir f’EUR, għandu natura inġusta, sa fejn din ma tipprevedi ebda limitazzjoni adegwata għar-riskju tal-kambju. Minkejja li din tirrigwarda s-suġġett prinċipali tal-kuntratt, din il-klawżola la kienet ċara u lanqas li tinftiehem għal A. u J. Kuhar. B’mod iktar ġenerali, il-qorti tar-rinviju tqis li, minkejja li l-assenza ta’ limitazzjoni tar-riskju tal-kambju tista’ taffettwa kemm il-konsumatur kif ukoll il-bank, jeżisti madankollu żbilanċ sinjifikanti bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet għall-kuntratt, jekk biss minħabba l-mezzi sinjifikament ikbar li għandu bank sabiex jikkontrolla tali riskju, bħala stabbiliment finanzjarju ta’ daqs kunsiderevoli, li jista’ jibbaża ruħu għal dan l-għan fuq għarfien speċjalizzat, data sinjifikanti u esperjenza fil-qasam. Barra minn hekk, din il-qorti hija tal-fehma li, meta jissottoskrivi kreditu intiż għall-iffinanzjar ta’ residenza, konsumatur raġjonevoli ma jesponix lilu nnifsu għal riskju tal-kambju llimitat, li jista’ jkollu konsegwenzi ekonomiċi ħżiena u durabbli għalih. Għall-kuntrarju, li kieku huwa seta’ jinnegozja fuq livell ta’ ugwaljanza mal-bank u li kieku huwa kien debitament informat b’dan tal-aħħar, tali konsumatur kien jorbot lilu nnifsu biss jekk il-kuntratt ta’ kreditu kien jinkludi limitazzjoni raġjonevoli ta’ tali riskju.

    26

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk huwiex il-kompitu tal-qorti li ssirilha talba intiża li tiġi ordnata l-eżekuzzjoni forzata ta’ kuntratt ta’ kreditu ipotekarju, meta hija tikkonstata li dan tal-aħħar jinkludi klawżola inġusta, li tipprojbixxi, jekk ikun il-każ ex officio, l-implimentazzjoni ta’ tali klawżola sa minn dan l-istadju proċedurali, jew jekk tali deċiżjoni taqax taħt l-evalwazzjoni tal-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu, potenzjalment adita mill-konsumatur fil-kuntest ta’ proċedura separata.

    27

    F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva qabel xejn li, konformement mal-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni, kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regoli proċedurali nazzjonali dwar l-awtorità ta’ res judicata ta’ deċiżjoni ġudizzjarja ma jistgħux jagħmluha eċċessivament diffiċli għall-qorti adita b’talba għal eżekuzzjoni li tirrifjuta li tapplika klawżoli inġusti. Issa, fid-dritt Sloven, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata ppreżentata abbażi ta’ att notarili direttament infurzabbli, il-qorti kompetenti jkollha quddiemha dispożizzjonijiet proċedurali ta’ din in-natura. B’mod partikolari, inkwistjoni jkun hemm dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ legalità formali u l-kundizzjonijiet legali ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni forzata, kif previsti mil-liġi dwar l-eżekuzzjoni u l-miżuri kawtelatorji.

    28

    Minn naħa, fir-rigward tal-prinċipju ta’ legalità formali, il-qorti tar-rinviju tosserva li, skont l-interpretazzjoni tradizzjonali mogħtija fid-dritt Sloven, il-qorti ma tistax tirrifjuta l-eżekuzzjoni forzata, peress li, skont dan il-prinċipju, l-istħarriġ tagħha huwa limitat għall-verifika li l-att awtentiku li jikkonstata l-kuntratt ta’ kreditu li hija mitluba l-eżekuzzjoni forzata tiegħu ġie mfassal b’osservanza tar-rekwiżiti formali previsti mil-leġiżlazzjoni applikabbli. Il-pożizzjoni tal-qorti adita b’talba għal eżekuzzjoni forzata bbażata fuq att notarili, bħall-att notarili inkwistjoni, hija għaldaqstant, mill-perspettiva tal-ksur tal-prinċipju ta’ effettività, analoga, essenzjalment, għal dik inkwistjoni fil-kawża li tat lok għad-digriet tal‑14 ta’ Novembru 2013, Banco Popular Español u Banco de Valencia (C‑537/12 u C‑116/13, EU:C:2013:759).

    29

    Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tirrileva li d-dritt Sloven ma jipprevedix sospensjoni għall-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata fil-każ ta’ preżentata, mill-konsumatur, ta’ azzjoni għal annullament ibbażata fuq l-eżistenza ta’ klawżola inġusta fil-kuntratt li huwa jkun ikkonkluda ma’ bejjiegħ jew fornitur. Is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni, prevista fl-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 71 tal-Liġi dwar l-eżekuzzjoni u l-miżuri kawtelatorji, hija possibbli b’mod eċċezzjonali biss, fuq talba mmotivata tad-debitur, suġġetta għal kundizzjonijiet stretti ħafna dwar l-eżistenza ta’ dannu irreparabbli jew diffiċilment reparabbli li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-qrati Sloveni, ma tistax tikkonsisti fid-dannu li jirriżulta mill-implimentazzjoni tal-eżekuzzjoni forzata nfisha.

    30

    Il-qorti tar-rinviju tosserva sussegwentement li, bħala regola ġenerali, id-debitur kopert minn proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata ma jistax igawdi minn għajnuna legali b’xejn u lanqas ma jkollu l-mezzi li jirrappreżenta lilu nnifsu, li jwasslu, fil-maġġoranza tal-każijiet, li ma jkunx assistit minn avukat fil-kuntest ta’ tali proċedura. Għaldaqstant jeżisti riskju mhux żgħir li, minħabba nuqqas ta’ għarfien, id-debitur lanqas ma jippreżenta talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni jew li tali talba tant ma tkunx kompleta li ma tkunx tista’ tirnexxi. Il-possibbiltajiet, diġà limitati ħafna, li għandu d-debitur sabiex jipproteġi d-drittijiet tiegħu, huma limitati iktar u iktar minħabba d-dritt tal-kreditur li jeżiġi mid-debitur l-għoti ta’ garanzija. Fil-fatt, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 71 tal-Liġi dwar l-eżekuzzjoni u l-miżuri kawtelatorji jipprevedi li, jekk id-debitur ma jagħtix tali garanzija, it-talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni forzata titqies bħala rtirata.

    31

    Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tqis li, sabiex jikkonformaw mal-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni, huwa possibbli, għall-qrati Sloveni, li jagħtu interpretazzjoni inqas stretta tal-prinċipju ta’ legalità formali msemmi fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, billi jippermetti lill-qorti adita b’talba għal eżekuzzjoni forzata li tipproċedi ex officio għal verifika tan-natura inġusta ta’ klawżola sa minn din il-fażi proċedurali. Fil-fatt, matul din tal-aħħar, il-qorti għandha tagħmel dikjarazzjoni sħiħa tal-fatti legalment determinanti kollha, inklużi dawk li ma humiex kostanti bejn il-partijiet. Barra minn hekk, l-att notarili jitlob verifika sostantiva bħat-titoli eżekuttivi klassiċi mogħtija minn qrati. Barra minn hekk, l-Artikolu 4 tal-Liġi dwar in-nutara tipprevedi li d-debitur għandu jaċċetta espressament in-natura direttament infurzabbli tat-titolu, li jipprekludi li dispożizzjonijiet ta’ ordni pubbliku, bħal dawk fil-qasam ta’ protezzjoni tal-konsumaturi dwar il-klawżoli inġusti, ikunu jistgħu jiġu evitati billi jinkiseb il-kunsens tad-debitur. Abbażi ta’ tali interpretazzjoni, il-qorti adita b’ talba għal eżekuzzjoni forzata tkun, għaldaqstant, f’pożizzjoni li tirrifjuta ex officio l-eżekuzzjoni ta’ att notarili, bħall-att notarili inkwistjoni, li jkun ġie aċċettat mid-debitur bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ ordni pubbliku.

    32

    Għaldaqstant, madankollu, peress li hija l-interpretazzjoni stretta u restrittiva tal-prinċipju ta’ legalità formali li teżisti bħalissa fil-maġġoranza tal-qrati Sloveni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk tali interpretazzjoni hijiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni, applikat għad-Direttiva 93/13.

    33

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Višje sodišče v Mariboru (il-Qorti tal-Appell ta’ Maribor) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li jmiss:

    “Fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni, id-Direttiva [93/13] għandha tiġi interpretata fis-sens li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata, l-imħallef tal-eżekuzzjoni għandu jirrifjuta ex officio l-eżekuzzjoni minħabba klawżola inġusta f’att notarili direttament eżekuttiv (titolu eżekuttiv) f’każ fejn, bħal f’dan il-każ, is-sistema proċedurali ta’ Stat Membru ma toffrix lill-imħallef il-possibbiltà effettiva li jissospendi jew li jiddifferixxi l-eżekuzzjoni forzata (fuq talba tad-debitur jew ex officio) sakemm tingħata deċiżjoni finali dwar in-natura inġusta tal-klawżola fil-kuntest ta’ proċedura kontenzjuża mressqa mid-debitur bħala konsumatur?”

    Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

    34

    Il-Gvern Sloven għandu xi dubji, preliminarjament, dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Dan il-gvern jirrileva li l-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li huwa l-kompitu tagħha li topponi ex officio l-implimentazzjoni ta’ klawżoli illiċiti inklużi f’att notarili, bħall-att notarili inkwistjoni, peress li d-dritt proċedurali Sloven ma jippermettix sospensjoni provviżorja tal-eżekuzzjoni forzata. Issa, sad-data tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, A. u J. Kuhar infishom ma kinux issodisfaw il-kundizzjonijiet proċedurali sabiex jiksbu tali miżuri ta’ sospensjoni konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali, peress li ma ppreżentawx rikors fuq il-mertu, għall-konstatazzjoni tan-nullità ta’ klawżoli kuntrattwali, raġuni li għaliha lanqas biss qamet il-kwistjoni tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni.

    35

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 267 TFUE jagħti lill-qrati nazzjonali diskrezzjoni mill-iktar wiesgħa sabiex jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk huma jqisu li kawża pendenti quddiemhom tqajjem kwistjonijiet, b’mod partikolari, ta’ interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni neċessarji għar-riżoluzzjoni tat-tilwima mressqa quddiemhom u huma liberi li jeżerċitaw din id-diskrezzjoni f’kull stadju tal-proċedura li huma jqisu xieraq (ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 2010, Elchinov, C‑173/09, EU:C:2010:581, punt 26, kif ukoll tal‑14 ta’ Novembru 2018, Memoria u Dall’Antonia, C‑342/17, EU:C:2018:906, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    36

    Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret diversi drabi li d-domandi magħmula mill-qrati nazzjonali dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar tali domandi biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    37

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li ma huwiex il-kompitu tagħha, fil-kuntest tal-kooperazzjoni stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, li tivverifika jekk id-deċiżjoni tar-rinviju tteħditx konformement mar-regoli nazzjonali dwar l-organizzazzjoni u l-proċedura ġudizzjarji (ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    38

    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-argument imqajjem mill-Gvern Sloven sabiex tiġi stabbilita n-natura ipotetika tat-talba għal deċiżjoni preliminari, indirizzata mill-qorti tar-rinviju, adita bl-eżekuzzjoni forzata ta’ kreditu ipotekarju, huwa bbażat fuq kunsiderazzjonijiet marbuta mal-osservanza tar-regoli proċedurali ta’ dritt nazzjonali, b’mod iktar partikolari fuq iċ-ċirkustanza li d-debituri fil-kawża prinċipali ma ppreżentawx, skont id-dritt Sloven u sad-data tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, rikors fil-mertu intiż għall-konstatazzjoni tan-nullità tal-klawżoli kuntrattwali inklużi fl-att notarili inkwistjoni u li huma jqisu inġusti.

    39

    Issa, bħalma jirriżulta mill-punti 35 u 37 ta’ din is-sentenza, talba għal deċiżjoni preliminari ma tistax tiġi ddikjarata inammissibbli għar-raġuni li din ġiet adottata bi ksur tar-regoli nazzjonali ta’ organizzazzjoni u ta’ proċedura ġuddizzjarji jew li din saret, skont il-każ, fi stadju kmieni wisq tal-proċedura nazzjonali.

    40

    Minn dan isegwi li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

    Fuq id-domanda preliminari

    41

    Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 93/13 għandhiex tiġi interpretata, fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, skont liema l-qorti nazzjonali adita b’talba għal eżekuzzjoni forzata ta’ kuntratt ta’ kreditu ipotekarju, konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur fil-forma ta’ att notarili direttament infurzabbli, ma għandhiex, jew fuq talba tal-konsumatur, jew ex officio, il-possibbiltà li teżamina jekk il-klawżoli inklużi f’tali att għandhomx natura inġusta, fis-sens ta’ din id-direttiva, u, fuq din il-bażi, li tissospendi l-eżekuzzjoni forzata mitluba.

    42

    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju ma tistaqsix lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3 sa 5 tad-Direttiva 93/13, li jippermettulha teżamina n-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt ta’ kreditu li huma s-suġġett tal-att notarili inkwistjoni u li hija mitluba l-eżekuzzjoni forzata tiegħu. Fil-fatt, bħalma jirriżulta mill-punt 25 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju diġà tat deċiżjoni, b’mod interlokutorju, fuq in-natura inġusta tal-klawżoli tal-imsemmi kuntratt, fatt li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tpoġġi f’diskussjoni fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE.

    43

    Wara li saret din il-premessa, għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur.

    44

    Hemm lok jitfakkar ukoll li, fid-dawl tan-natura u tal-importanza tal-interess pubbliku li sserraħ fuqhom il-protezzjoni tal-konsumaturi, li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fil-konfront ta’ bejjiegħ jew ta’ fornitur, id-Direttiva 93/13 timponi fuq l-Istati Membri, bħalma jirriżulta mill-Artikolu 7(1) tagħha, moqri flimkien mal-premessa 24 tagħha, l-obbligu li jipprovdu mezzi adegwati u effettivi sabiex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Profi Credit Polska, C‑176/17, EU:C:2018:711, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    45

    Minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddefinixxiet, f’diversi okkażjonijiet u billi ħadet inkunsiderazzjoni tar-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, il-mod kif il-qorti nazzjonali għandha tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet li l-konsumaturi jisiltu minn din id-direttiva, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, bħala prinċipju, id-dritt tal-Unjoni ma jarmonizzax il-proċeduri applikabbli għall-eżami tan-natura allegatament inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, u li dawn il-proċeduri jaqgħu, għalhekk, taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri (sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Profi Credit Polska, C‑176/17, EU:C:2018:711, punt 57).

    46

    Huwa għalhekk li, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni tal-mekkaniżmi nazzjonali ta’ eżekuzzjoni forzata, il-modalitajiet tal-implimentazzjoni tagħhom jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar. Madankollu, dawn il-modalitajiet għandhom jissodisfaw kundizzjoni doppja, li ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li ma jagħmlux impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill-konsumaturi mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (sentenza tat‑18 ta’ Frar 2016, Finanmadrid EFC, C‑49/14, EU:C:2016:98, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    47

    Fir-rigward, minn naħa, tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, li ma huwiex is-suġġett tat-talba għal deċiżjoni preliminari, għandu jiġi rrilevat, bħall-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha ebda element ta’ natura li jqajjem dubju dwar il-konformità ma’ dan il-prinċipju tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    48

    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, hija ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni nazzjonali tagħmilx impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandha tiġi analizzata billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha, quddiem il-varji istanzi nazzjonali. F’din il-perspettiva, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun neċessarju, il-prinċipji li fuqhom hija msejsa s-sistema ġuridika nazzjonali, bħalma huma l-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment korrett tal-proċedura (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑1 ta’ Ottubru 2015, ERSTE Bank Hungary, C‑32/14, EU:C:2015:637, punt 51, kif ukoll tat‑18 ta’ Frar 2016, Finanmadrid EFC, C‑49/14, EU:C:2016:98, punti 4344).

    49

    Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li għandu jiġi vverifikat jekk sistema proċedurali nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, timminax l-effettività tal-protezzjoni offruta lill-konsumaturi bid-Direttiva 93/13.

    50

    F’dan ir-rigward, f’dan il-każ, mid-deskrizzjoni li saret tagħha mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li, fid-dritt Sloven, is-sistema ta’ eżekuzzjoni forzata għandha l-karatteristiċi li ġejjin:

    il-qorti inkarigata bl-eżekuzzjoni forzata ta’ kuntratt ta’ kreditu ipotekarju, konkluż fil-forma ta’ att notarili direttament infurzabbli, ma tistax tirrifjuta l-imsemmija eżekuzzjoni forzata minħabba li, fil-kuntratt inkwistjoni, ikun hemm klawżola inġusta għaliex din il-qorti għandha tikkonforma mingħajr kundizzjonijiet għall-kontenut ta’ titolu eżekuttiv, mingħajr ma tista’ tevalwa l-legalità tal-kontenut tiegħu;

    bħala prinċipju, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni forzata ma hijiex possibbli, anki b’mod provviżorju, ħlief fis-sitwazzjoni li tinbeda proċedura fil-mertu, ippreżentata mid-debitur bħala konsumatur, intiża li tiġi kkonstatata n-nullità ta’ klawżola kuntrattwali inġusta;

    din is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni forzata, sakemm tingħata deċiżjoni finali fil-mertu, hija awtorizzata biss b’mod eċċezzjonali u hija suġġetta għal kundizzjonijiet legali stretti dwar it-turija ta’ dannu irreparabbli jew diffiċilment reparabbli, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 71 tal-Liġi dwar l-eżekuzzjoni u l-miżuri kawtelatorji, li jeskludi d-dannu marbut mal-eżekuzzjoni forzata nfisha, fatt li, fil-prattika, jagħmel din is-sospensjoni kważi impossibbli;

    il-kreditur għandu d-dritt li jeżiġi mid-debitur l-għoti ta’ garanzija fil-każ li dan tal-aħħar jitlob is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni forzata, u

    id-debitur kopert mill-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata ma jistax jikseb għajnuna legali b’xejn, b’tali mod illi huwa għandu jbati huwa stess l-ispejjeż sinjifikanti ta’ rappreżentanza minn avukat.

    51

    Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Sloven ikkontesta l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali, kif mogħtija mill-qorti tar-rinviju. B’mod iktar partikolari, dan il-gvern argumenta li, fid-dawl tal-ġurisprudenza riċenti tal-Ustavno sodišče (il-Qorti Kostituzzjonali, is-Slovenja), kif applikata wkoll minn diversi qrati nazzjonali oħrajn, kemm l-interpretazzjoni tal-kriterju ta’ dannu irreparabbli jew diffiċilment reparabbli, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 71 tal-Liġi dwar l-eżekuzzjoni u l-miżuri kawtelatorji, kif ukoll l-ibbilanċjar tas-sitwazzjoni tad-debitur ta’ dik tal-kreditur, kellhom issa jsiru billi jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll id-dannu li jista’ jirriżulta mill-implimentazzjoni tal-eżekuzzjoni forzata.

    52

    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed jiftakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, il-funzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja u dawk tal-qorti tar-rinviju huma sseparati b’mod ċar. Filwaqt li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali. Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tibbaża ruħha fuq l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali, kif ġiet esposta lilha mill-imsemmija qorti (sentenza tas‑27 ta’ Frar 2019, Associação Peço a Palavra et, C‑563/17, EU:C:2019:144, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    53

    Fir-rigward tas-sistema proċedurali tal-eżekuzzjoni forzata inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-imsemmija sistema enfasizzati mill-qorti tar-rinviju u mqassra fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li tali sistema hija ta’ natura li timmina l-effettività tal-protezzjoni mfittxija mid-Direttiva 93/13.

    54

    Fil-fatt, diġà ġie stabbilit li protezzjoni effettiva tad-drittijiet mogħtija lill-konsumatur minn din id-direttiva tista’ tiġi ggarantita biss jekk is-sistema nazzjonali tippermetti, fil-kuntest tal-proċedura ta’ ordni għal ħlas jew f’dak tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni tal-ordni għal ħlas, stħarriġ ex officio tan-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli li jinsabu fil-kuntratt kkonċernat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑18 ta’ Frar 2016, Finanmadrid EFC, C‑49/14, EU:C:2016:98, punt 46, kif ukoll tat‑13 ta’ Settembru 2018, Profi Credit Polska, C‑176/17, EU:C:2018:711, punt 44).

    55

    Ċertament, bħalma argumenta l-Gvern Sloven, ma jistax jiġi eskluż, bla ħsara għal verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, li, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-Liġi dwar in-nutara, in-nutara jkunu suġġetti għal obbligi ta’ konsulenza u ta’ informazzjoni lill-konsumatur, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ kreditu ipotekarju, konkluż fil-forma ta’ att awtentiku, ta’ natura li jiġi żgurat stħarriġ preventiv tan-natura inġusta tal-klawżoli ta’ tali kuntratt u, għaldaqstant, li jikkontribwixxu għall-osservanza tar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 6(1) u fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2015, ERSTE Bank Hungary, C‑32/14, EU:C:2015:637, punti 55, 5758).

    56

    Madankollu, anki jekk ikun jeżisti, stħarriġ preventiv ta’ din in-natura ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-protezzjoni ggarantita mid-Direttiva 93/13.

    57

    Fil-fatt, bħalma ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 59 tas-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2015, ERSTE Bank Hungary (C‑32/14, EU:C:2015:637), anki meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi stħarriġ preventi, il-mezzi adegwati u effikaċi intiżi sabiex itemmu l-użu ta’ klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi minn bejjiegħ jew fornitur mal-konsumaturi għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jippermettu li tiġi ggarantita lil dawn tal-aħħar protezzjoni ġudizzjarja effettiva, filwaqt li tiġi offruta lilhom il-possibbiltà li jattakkaw tali kuntratt fil-qrati, inkluż fil-fażi tal-eżekuzzjoni forzata tiegħu, u dan, taħt kundizzjonijiet proċedurali raġonevoli, b’tali mod li l-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom ma jkunx suġġett għal kundizzjonijiet, b’mod partikolari ta’ dewmien jew ta’ spejjeż, li jirrendu eċċessivament diffiċli jew prattikament impossibbli l-eżerċizzju tad-drittijiet iggarantiti mid-Direttiva 93/13.

    58

    B’mod iktar partikolari, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ippreċiżat, fil-punti 60 u 61 tagħha, li, skont id-dritt nazzjonali inkwistjoni f’dik il-kawża, il-konsumatur seta’, minn naħa, jippreżenta rikors intiż li jikkontesta l-validità tal-kuntratt inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, jibda proċedura għall-esklużjoni jew għal-limitazzjoni tal-eżekuzzjoni forzata, li, f’dan il-kuntest, kien jagħti d-dritt lill-konsumatur li jitlob is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni forzata ta’ dan il-kuntratt. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeduċiet mill-elementi tal-proċess li kienu ġew ippreżentati lilha fl-imsemmija kawża li, fil-kuntest tal-imsemmija proċeduri, il-qrati nazzjonali setgħu u kellhom iqajmu ex officio l-każijiet ta’ nullità manifesta, skont il-provi disponibbli. Dawn il-modalitajiet proċedurali tal-azzjonijiet fid-dritt intern kienu jidhru għalhekk, suġġetti għal verifika mill-qorti nazzjonali, li jiggarantixxu protezzjoni ġudizzjarja effettiva lill-konsumatur.

    59

    Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda l-kawża prinċipali, mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dritt Sloven ma joffri lill-konsumatur ebda garanzija paragunabbli għal dawk imsemmija fil-punti 54, 57 u 58 ta’ din is-sentenza.

    60

    Effettivament, minn dan il-proċess jirriżulta, fl-ewwel lok, li d-dritt proċedurali Sloven ma jipprevedix b’mod ċar id-dritt għall-konsumatur li jitlob is-sospensjoni, anki jekk provviżorjament, tal-eżekuzzjoni forzata ta’ kuntratt ta’ kreditu ipotekarju, għar-raġuni li dan tal-aħħar jinkludi klawżola inġusta. Fi kwalunkwe każ, anki jekk wieħed jassumi li l-konsumatur għandu tali possibbiltà, xorta jibqa’ l-fatt li d-dritt nazzjonali jissuġġetta t-talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni forzata għall-issodisfar ta’ kundizzjonijiet proċedurali stretti ħafna kif ukoll għall-għoti ta’ garanzija fuq it-talba tal-kreditur. Tali rekwiżiti jagħmlu, fil-prattika, il-kisba ta’ tali miżura ta’ sospensjoni kważi impossibbli, peress li huwa improbabbli li debitur inadempjenti fil-ħlas ikollu r-riżorsi finanzjarji neċessarji sabiex jagħti l-garanzija rikjesta. Fit-tieni lok, jidher li l-qorti adita mill-kreditur ipotekarju b’talba intiża għall-għoti tal-eżekuzzjoni forzata tal-kreditu tiegħu ma tistax tistħarreġ ex officio n-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli ta’ dan il-kuntratt. Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li jeżisti riskju mhux żgħir li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata, il-konsumaturi kkonċernati jkunu skoraġġuti milli jiżguraw id-difiża tagħhom u li jaffermaw bis-sħiħ id-drittijiet tagħhom, fid-dawl tal-ispejjeż ta’ rappreżentanza li l-proċedura tirrikjedi fir-rigward tal-ammont tad-dejn ikkonċernat u tal-impossibbiltà li tintalab għajnuna legali.

    61

    Għandu jiżdied li l-fatt li, skont id-dritt proċedurali Sloven, l-istħarriġ tan-natura potenzjalment abbużiva tal-klawżoli inklużi f’kuntratt ta’ kreditu ipotekarju, konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, ma jistax isir mill-qorti adita bit-talba għall-eżekuzzjoni forzata ta’ tali kuntratt, iżda biss, sussegwentement u jekk ikun il-każ, mill-qorti li tiddeċiedi dwar il-mertu adita mill-konsumatur b’azzjoni għad-dikjarazzjoni tan-nullità ta’ tali klawżoli inġusti, huwa manifestament insuffiċjenti sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tal-protezzjoni tal-konsumaturi mixtieqa bid-Direttiva 93/13.

    62

    Fil-fatt, mingħajr il-possibbiltà għall-qorti adita bit-talba għal eżekuzzjoni forzata li tissospendiha għar-raġuni li l-kuntratt ta’ kreditu ipotekarju huwa affettwat minn klawżola inġusta, huwa probabbli li l-eżekuzzjoni tal-ipoteka fuq il-proprjetà immobbli ipotekata ssir qabel l-għoti tad-deċiżjoni tal-qorti li tiddeċiedi dwar il-mertu li tiddikjara, jekk ikun il-każ, in-nullità ta’ din il-klawżola fid-dawl tan-natura inġusta tagħha u, għaldaqstant, tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata. F’dawn il-kundizzjonijiet, minkejja li tali deċiżjoni tista’ tingħata, fil-mertu, favur il-konsumatur ikkonċernat, dan tal-aħħar ser jibbenefika minn dan il-fatt permezz ta’ protezzjoni a posteriori biss, fil-forma ta’ kumpens finanzjarju, b’tali mod illi tali protezzjoni għandha natura inkompleta u insuffiċjenti, iktar u iktar jekk l-eżekuzzjoni tal-ipoteka kienet tirrigwarda r-residenza ta’ dan il-konsumatur u tal-familja tiegħu, li għaldaqstant tintilef b’mod definittiv. Tali protezzjoni a posteriori għaldaqstant la tikkostitwixxi motiv adegwat u lanqas effikaċi sabiex jitwaqqaf l-użu ta’ klawżola inġusta, kuntrarjament għall-għan imfittex mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑14 ta’ Novembru 2013, Banco Popular Español u Banco de Valencia, C‑537/12 u C‑116/13, EU:C:2013:759, punti 5657 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    63

    Għaldaqstant, id-Direttiva 93/13, interpretata fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandha l-karatteristiċi deskritti fil-punt 50 ta’ din is-sentenza.

    64

    Ċertament, f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tindika li l-leġiżlazzjoni Slovena tista’ tiġi interpretata b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni, b’tali mod, b’mod partikolari, li tippermetti lill-qorti adita b’talba għal eżekuzzjoni forzata li tevalwa ex officio n-natura potenzjalment inġusta ta’ klawżola ta’ kuntratt ta’ kreditu ipotekarju, konkluż fil-forma ta’ att notarili, u li tissospendi, fuq din il-bażi, tali eżekuzzjoni forzata.

    65

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi jeżiġi li l-qrati nazzjonali jagħmlu dak kollu li jaqa’ taħt il-kompetenza tagħhom, billi jieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u billi japplikaw metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu, sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-direttiva inkwistjoni u sabiex tinstab soluzzjoni konformi mal-għan imfittex minnha (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften, C‑684/16, EU:C:2018:874, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    66

    Bħalma l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, ir-rekwiżit ta’ tali interpretazzjoni konformi jinkludi, b’mod partikolari, l-obbligu, għall-qrati nazzjonali, li jemendaw, jekk ikun il-każ, ġurisprudenza stabbilita jekk din tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali inkompatibbli mal-għanijiet ta’ direttiva. Għaldaqstant, qorti nazzjonali ma tistax validament tqis li hija tinsab fl-impossibbiltà li tinterpreta dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni, minħabba l-fatt biss li din id-dispożizzjoni, b’mod stabbilit, ġiet interpretata f’sens li ma huwiex kompatibbli ma’ dan id-dritt (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad‑19 ta’ April 2016, DI, C‑441/14, EU:C:2016:278, punti 3334, kif ukoll tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften, C‑684/16, EU:C:2018:874, punt 60).

    67

    Fid-dawl taċ-ċirkustanza msemmija fil-punt 64 ta’ din is-sentenza, huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li teżamina jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax effettivament tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni konformi mad-Direttiva 93/13 u, fl-affermattiv, tislet minn dan il-konsegwenzi fid-dritt.

    68

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li d-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata, fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, skont liema l-qorti nazzjonali adita b’talba għal eżekuzzjoni forzata ta’ kuntratt ta’ kreditu ipotekarju, konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur fil-forma ta’ att notarili direttament infurzabbli, ma għandhiex, jew fuq talba tal-konsumatur, jew ex officio, il-possibbiltà li teżamina jekk il-klawżoli inklużi f’tali att għandhomx natura inġusta, fis-sens ta’ din id-direttiva, u, fuq din il-bażi, li tissospendi l-eżekuzzjoni forzata mitluba.

    Fuq l-ispejjeż

    69

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandha tiġi interpretata, fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, skont liema l-qorti nazzjonali adita b’talba għal eżekuzzjoni forzata ta’ kuntratt ta’ kreditu ipotekarju, konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur fil-forma ta’ att notarili direttament infurzabbli, ma għandhiex, jew fuq talba tal-konsumatur, jew ex officio, il-possibbiltà li teżamina jekk il-klawżoli inklużi f’tali att għandhomx natura inġusta, fis-sens ta’ din id-direttiva, u, fuq din il-bażi, li tissospendi l-eżekuzzjoni forzata mitluba.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: Is-Sloven.

    Fuq