Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62017CJ0729
Judgment of the Court (Fourth Chamber) of 26 June 2019.#European Commission v Hellenic Republic.#Failure of a Member State to fulfil obligations — Article 258 TFEU — Article 49 TFEU — Directive 2006/123/EC — Article 15(2) and (3) — Directive 2005/36/EC — Articles 13, 14, 50 and Annex VII — Freedom of establishment — Recognition of professional qualifications — National rules on mediator training providers.#Case C-729/17.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tas-26 ta’ Ġunju 2019.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ellenika.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 258 TFUE – Artikolu 49 TFUE – Direttiva 2006/123/KE – Artikolu 15(2) u (3) – Direttiva 2005/36/KE – Artikoli 13, 14, 50 u l-Anness VII – Libertà ta’ stabbiliment – Rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali – Regoli nazzjonali dwar il-fornituri ta’ taħriġ tal-medjaturi.
Kawża C-729/17.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tas-26 ta’ Ġunju 2019.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ellenika.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 258 TFUE – Artikolu 49 TFUE – Direttiva 2006/123/KE – Artikolu 15(2) u (3) – Direttiva 2005/36/KE – Artikoli 13, 14, 50 u l-Anness VII – Libertà ta’ stabbiliment – Rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali – Regoli nazzjonali dwar il-fornituri ta’ taħriġ tal-medjaturi.
Kawża C-729/17.
Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2019:534
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
26 ta’ Ġunju 2019 ( *1 )
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 258 TFUE – Artikolu 49 TFUE – Direttiva 2006/123/KE – Artikolu 15(2) u (3) – Direttiva 2005/36/KE – Artikoli 13, 14, 50 u l-Anness VII – Libertà ta’ stabbiliment – Rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali – Regoli nazzjonali dwar il-fornituri ta’ taħriġ tal-medjaturi”
Fil-Kawża C‑729/17,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fit‑22 ta’ Diċembru 2017,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn H. Tserepa‑Lacombe u H. Støvlbæk, bħala aġenti,
rikorrenti,
vs
Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn M. Tassopoulou, D. Tsagkaraki u C. Machairas, bħala aġenti,
konvenuta,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, K. Jürimäe, D. Šváby, S. Rodin (Relatur) u N. Piçarra, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,
Reġistratur: R. Schiano, amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Diċembru 2018,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-28 ta’ Frar 2019,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Bir-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi llimitat il-forma legali tal-organi ta’ taħriġ ta’ medjaturi għal kumpanniji mingħajr skop ta’ qligħ, li għandhom ikunu kkostitwiti minn tal-inqas assoċjazzjoni ta’ avukati u minn tal-inqas kamra professjonali fil-Greċja, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 49 TFUE u l-Artikolu 15(2)(b), (ċ) u (3) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36). Barra minn hekk, din l-istituzzjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ssuġġettat il-proċedura ta’ rikonoxximent ta’ kwalifiki akkademiċi għal rekwiżiti addizzjonali dwar il-kontenut ta’ ċertifikati u għal miżuri kumpensatorji mingħajr evalwazzjoni minn qabel tad-differenzi sostanzjali u billi żammet fis-seħħ dispożizzjonijiet diskriminatorji li jobbligaw lill-applikanti għal akkreditazzjoni ta’ medjatur li jkollhom ċertifikati ta’ akkreditazzjoni miksuba barra mill-pajjiż jew li nħarġu minn organu ta’ taħriġ irrikonoxxut barra mill-pajjiż fi tmiem kors ta’ taħriġ mogħti fil-Greċja juru li għandhom esperjenza ta’ mill-inqas tliet parteċipazzjonijiet fi proċedura ta’ medjazzjoni, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 49 TFUE u taħt l-Artikoli 13, 14, 50(1) u l-Anness VII tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali (ĠU 2005, L 255, p. 22), kif emendata bid-Direttiva 2013/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2013 (ĠU 2013, L 354, p. 132) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2005/36”). |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2006/123
|
2 |
Il-premessa 6 tad-Direttiva 2006/123 hija fformulata kif ġej: “[L-ostakoli għal-libertà tal-istabbiliment u l-moviment liberu tas-servizzi fejn l-Istati Membri] ma jistgħux jitneħħew biss billi jserrħu fuq l-applikazzjoni diretta ta’ l-Artikoli [49] u [56] tat-Trattat, peress, li minn naħa, jekk jiġu indirizzati fuq bażi individwali permezz ta’ proċeduri ta’ ksur kontra l-Istati Membri kkonċernati, speċjalment wara t-tkabbir, ikunu tassew kumplikat għall-istituzzjonijiet nazzjonali u Komunitarji, u min-naħa l-oħra, it-tneħħija ta’ bosta ostakoli titlob koordinazzjoni minn qabel ta’ l-iskemi legali nazzjonali, inkluż l-ħolqien ta’ kooperazzjoni amministrattiva. Kif il-Parlament Ewropew u l-Kunsill stess irrikonoxxew, strument Komunitarju leġiżlattiv jagħmilha possibbli li jintlaħaq suq ġenwin intern għas-servizzi.” |
|
3 |
Il-premessa 73 ta’ din id-direttiva tipprovdi: “Ir-rekwiżiti li jridu jiġu eżaminati jinkludu r-regoli nazzjonali li, fuq bażijiet barra minn dawk relatati mal-kwalifiki personali, jirriżervaw aċċess għal ċerti attivitajiet lill-fornituri partikolari. Dawn ir-rekwiżiti jinkludu wkoll obbligi fuq fornitur li jieħu forma legali speċifika, b’mod partikolari biex ikun persuna legali, kumpannija b’sid individwali, organizzazzjoni li ma tagħmilx profitt jew kumpannija li s-sidien tagħha huma biss persuni naturali, u rekwiżiti li jirrelataw ma’ ishma ta’ kumpannija, b’mod partikolari obbligi li jżommu ammont minimu ta’ kapital għal ċerti attivitajiet ta’ servizzi jew biex ikollhom kwalifikazzjoni speċifika sabiex iżżommu il-kapital f’ishma fiha jew biex jamministraw ċerti kumpanniji. L-evalwazzjoni tal-kompatibilità ta’ tariffi fissi minimi u/jew massimi mal-libertà ta’ l-istabbiliment tikkonċerna biss it-tariffi imposti minn awtoritajiet kompetenti speċifikament għall-provvista ta’ ċerti servizzi u mhux, per eżempju, regoli ġenerali dwar determinazzjoni ta’ prezz bħal għall-kiri ta’ djar.” |
|
4 |
L-Artikolu 15(1) sa (3) tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jeżaminaw jekk, taħt is-sistema legali tagħhom, kwalunkwe mir-rekwiżiti elenkati fil-paragafu 2 huma imposti u għandhom jiżguraw li tali rekwiżiti huma kompatibbli mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3. L-Istati Membru għandhom jaddattaw il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tagħhom sabiex jagħmluhom kompatibbli ma’ dawk il-kondizzjonijiet. 2. L-Istati Membri għandhom jeżaminaw jekk is-sistema legali tagħhom tagħmilx l-aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha soġġetta għal konformità ma’ kwalunkwe minn dawn ir-rekwiżiti mhux-diskriminatorji: […]
[…] 3. L-Istati Membri għandhom jivverifikaw li r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 2 jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:
|
Id-Direttiva 2005/36
|
5 |
Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2005/36 tistabbilixxi r-regoli li jipprovdu li Stat Membru li jissuġġetta l-aċċess għal professjoni rregolata jew l-eżerċizzju tagħha, fit-territorju tiegħu, għall-pussess ta’ kwalifiki professjonali partikolari, imsejjaħ “l-Istat Membru ospitanti”, għandu jirrikonoxxi, għall-finijiet tal-aċċess għal din il-professjoni u l-prattika tagħha, il-kwalifiki professjonali miksuba fi Stat Membru ieħor jew iktar u li jippermettu lill-persuna li jkollha dawn il-kwalifiki tipprattika l-istess professjoni. |
|
6 |
Mill-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva jirriżulta li din għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ Stat Membru, inklużi dawk li jappartjenu għall-professjonijiet liberali, li jixtiequ jeżerċitaw professjoni rregolata fi Stat Membru li huwa differenti minn dak li fih huma kisbu l-kwalifiki professjonali, fuq bażi ta’ xogħol għal rashom jew bħala impjegati. |
|
7 |
L-Artikolu 3(1)(a) sa (ċ) u (e) tad-Direttiva 2005/36 jipprovdi: “1. Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[…]
L-istruttura u l-livell tat-taħriġ professjonali, il-prattika bi prova jew professjonali għandhom jiġu stabbiliti permezz ta’ liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istat Membru konċernat jew evalwat jew approvat mill-awtorità maħtura għal dan l-iskop; […]” |
|
8 |
L-Artikolu 13(1) u (2) ta’ din id-direttiva jipprovdi: “1. Jekk l-aċċess għal professjoni regolata jew it-twettiq tagħha fi Stat Membru ospitanti jkunu kontinġenti fuq il-pussess ta’ kwalifiki professjonali speċifiċi, l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru għandha tippermetti lill-applikanti jkollhom aċċess għal dik il-professjoni u jwettquha, bl-istess kondizzjonijiet li japplikaw għaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru, jekk għandhom attestazzjoni ta’ livell ta’ kompetenza jew prova ta’ kwalifiki formali msemmija fl-Artikolu 11, meħtieġa minn Stat Membru ieħor sabiex jiksbu aċċess għal dik il-professjoni jew għat-twettiq tagħha fit-territorju tiegħu. L-attestazzjonijiet ta’ livell ta’ kompetenza jew il-provi ta’ kwalifiki formali għandhom jinħarġu minn awtorità kompetenti fi Stat Membru, magħżula skont il-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ dak l-Istat Membru. 2. L-aċċess għal u l-eżerċitar tal-professjoni kif deskritt fil-paragrafu 1 għandhom jiġu awtorizzati wkoll għal applikanti li eżerċitaw il-professjoni inkwistjoni fuq bażi full-time għal sena jew għal perjodu globali ekwivalenti fuq bażi part-time matul l-għaxar snin preċedenti fi Stat Membru ieħor li ma jirregolax dik il-professjoni, u li jippossjedu attestazzjoni waħda jew aktar ta’ kompetenza jew prova ta’ kwalifiki formali maħruġa minn Stat Membru ieħor li ma jirregolax dik il-professjoni. L-attestazzjonijiet ta’ livell ta’ kompetenza u l-prova ta’ kwalifiki formali għandhom jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:
Is-sena ta’ esperjenza professjonali msemmija fl-ewwel subparagrafu ma tistax, madankollu, tkun meħtieġa jekk il-prova ta’ kwalifiki formali li jippossjedi l-applikant tiċċertifika edukazzjoni u taħriġ regolati. […]” |
|
9 |
L-Artikolu 14(1), (4) u (5) tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “1. L-Artikolu 13 ma għandux jipprekludi l-Istat Membru ospitanti milli jitlob lill-applikant sabiex jagħmel perjodu ta’ adattament sa tliet snin jew sabiex jagħmel test ta’ kapaċità jekk:
[…] 4. Għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 5, ‘suġġetti sostanzjalment differenti’ tfisser suġġetti li fir-rigward tagħhom l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi miksuba huma essenzjali għall-eżerċitar tal-professjoni u li fir-rigward tagħhom it-taħriġ irċivut mill-immigrant juri differenzi sinifikanti f’termini ta’ kontenut mit-taħriġ meħtieġ mill-Istat Membru ospitanti. 5. Il-paragrafu 1 għandu jiġi applikat fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. B’mod partikolari, jekk l-Istat Membru ospitanti jkun beħsiebu jitlob lill-applikant sabiex jagħmel perjodu ta’ adattament jew jagħmel test ta’ kapaċità, l-ewwel irid jaċċerta ruħu jekk l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi miksuba mill-applikant matul l-esperjenza professjonali tiegħu jew waqt it-tagħlim tul il-ħajja, u vvalidati formalment għal dak il-għan minn korp rilevanti, fi kwalunkwe Stat Membru jew f’pajjiż terz humiex tat-tip li jkopru bis-sħiħ jew f’parti minnhom, dawk is-suġġetti sostanzjalment differenti definit fil-paragrafu 4. […]” |
|
10 |
L-Artikolu 50(1) tad-Direttiva 2005/36 jipprovdi: “1. Fejn l-awtoritajiet ta’ l-Istat Membru ospitanti jiddeċiedu dwar applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ eżerċizzju tal-professjoni regolata in kwistjoni bis-saħħa ta’ dan it-Titolu, dawk l-awtoritajiet jistgħu jitolbu d-dokumenti u ċ-ċertifikati elenkati fl-Anness VII. […]” |
|
11 |
L-Artikolu 56(3) ta’ din id-direttiva jipprovdi li kull Stat Membru għandu, mhux iktar tard mill-20 ta’ Ottubru 2007, jagħżel l-awtoritajiet u l-organi kompetenti sabiex jagħtu jew jirċievu provi ta’ kwalifiki u dokumenti jew informazzjoni oħra, u dawk li huma kompetenti sabiex jirċievu applikazzjonijiet u jieħdu d-deċiżjonijiet imsemmija f’din id-direttiva u jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni b’dan immedjatament. |
|
12 |
Il-punt 1(a) sa (ċ) tal-Anness VII ta’ din id-direttiva jipprovdi: “1. Dokumenti
|
Id-Direttiva 2008/52
|
13 |
Il-premessa 16 tad-Direttiva 2008/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar ċerti aspetti ta’ medjazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 2008, L 136, p. 3) hija fformulata kif ġej: “Sabiex tkun żgurata l-fiduċja reċiproka meħtieġa fir-rigward tal-kunfidenzjalità, l-effett fuq il-perijodi ta’ limitazzjoni u ta’ preskrizzjoni, u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ kull ftehim li jirriżulta minn medjazzjoni, l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu, bi kwalunkwe mezz li huma jikkunsidraw xieraq, it-taħriġ ta’ medjaturi u l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmi effikaċi għall-kontroll tal-kwalità rigward il-forniment ta’ servizzi ta’ medjazzjoni.” |
|
14 |
L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi: “L-objettiv ta’ din id-Direttiva huwa li tiffaċilita l-aċċess għar-riżoluzzjoni alternattiva ta’ disputi u li tippromwovi r-riżoluzzjoni amikevoli ta’ disputi billi tinkoraġġixxi l-użu ta’ medjazzjoni u billi tiżgura relazzjoni bilanċjata bejn il-medjazzjoni u l-proċedimenti ġudizzjarji. […]” |
|
15 |
L-Artikolu 3(1)(b) tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
|
|
16 |
L-Artikolu 4(1) u (2) tal-istess direttiva jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu, bi kwalunkwe mezz li huma jikkunsidraw adegwat, l-iżvilupp ta’, u l-adeżjoni ma’, kodiċijiet ta’ kondotta volontarji minn medjaturi u organizzazzjonijiet li jipprovdu servizzi ta’ medjazzjoni, kif ukoll mekkaniżmi effettivi oħra għall-kontroll tal-kwalità li jikkonċernaw il-forniment ta’ servizzi ta’ medjazzjoni. 2. L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu t-taħriġ inizjali u ulterjuri ta’ medjaturi sabiex jiżguraw li l-medjazzjoni tiġi kondotta b’mod effikaċi, imparzjali u kompetenti fir-rigward tal-partijiet.” |
Id-dritt Grieg
Il-Liġi 3898/2010
|
17 |
L-Artikolu 5(1) u (2) tal-Liġi 3898/2010 (FEK A’ 211/16.2.2010) li ttraspona d-Direttiva 2008/52 huwa fformulat kif ġej: “1. L-organi ta’ taħriġ tal-medjaturi jistgħu jkunu kumpanniji ċivili mingħajr skop ta’ qligħ ikkostitwiti b’mod konġunt minn tal-inqas assoċjazzjoni ta’ avukati u minn tal-inqas waħda mill-kmamar professjonali tal-pajjiż u li joperaw fuq il-bażi ta’ awtorizzazzjoni maħruġa mis-servizz imsemmi fl-Artikolu 7. 2. Digriet Presidenzjali, ippubblikat fuq proposta tal-Ministru tal-Ġustizzja, tat-Trasparenza u tad-Drittijiet tal-Bniedem, tal-Ministru għall-Ekonomija, il-Kompetizzjoni u l-Flotta Merkantili u tal-Ministru tal-Edukazzjoni, tat-Tagħlim ta’ Tul il-Ħajja u tal-Affarijiet Reliġjużi, għandu jistabbilixxi b’mod iktar preċiż il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-awtorizzazzjoni u l-operat tal-organi ta’ taħriġ ta’ medjaturi, il-kontenut tal-programmi tal-edukazzjoni bażika, tal-programmi ta’ taħriġ u ta’ taħriġ kontinwu, it-tul ta’ żmien tagħhom, il-post fejn jingħataw il-korsijiet, il-kwalifiki tal-għalliema, in-numru ta’ parteċipanti u s-sanzjonijiet imposti fuq l-organi ta’ taħriġ ta’ medjaturi f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-obbligi tagħhom. Dawn is-sanzjonijiet għandhom ikunu multa jew revoka provviżorja jew definittiva tal-awtorizzazzjoni tagħhom li jiffunzjonaw. Il-kriterji tal-għażla u l-kalkolu tas-sanzjonijiet għandhom jiġu stabbiliti mid-Digriet Presidenzjali hawn fuq imsemmi. […]” |
|
18 |
L-Artikolu 6(1) u (3) tal-imsemmija liġi jipprovdi: “1. ‘Kummissjoni ta’ Akkreditazzjoni tal-Medjaturi’ hija kkostitwita taħt is-superviżjoni tal-Ministeru tal-Ġustizzja, tat-Trasparenza u tad-Drittijiet tal-Bniedem. Taħt il-kompetenza tal-kummissjoni tal-akkreditazzjoni tal-kandidati medjaturi jaqgħu l-istħarriġ tal-konformità mal-obbligi tal-organi ta’ taħriġ tal-medjaturi u l-istħarriġ tal-konformità, mill-medjaturi akkreditati, mal-kodiċi ta’ etika. Il-kummissjoni għandha wkoll tagħmel rapport lill-Ministru tal-Ġustizzja, tat-Trasparenza u tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward tal-impożizzjoni tas-sanzjonijiet previsti fl-Artikoli 5 u 7. Il-kummissjoni hija komposta mill-president tagħha u erba’ (4) membri, kif ukoll mill-istess numru ta’ membri supplenti. It-tul tal-mandat tagħhom huwa ta’ tliet snin. […] 3. L-akkreditazzjoni tal-kandidati medjaturi hija suġġetta għal eżamijiet quddiem bord, li fih jipparteċipaw żewġ membri tal-kummissjoni msemmija fil-paragrafu 1, maħtura mill-president tagħha, u maġistrat li huwa maħtur skont id-dispożizzjoni tal-Artikolu 41(2) tal-Liġi 1756/1988 u li jippresiedi l-imsemmi bord. Il-bord jivverifika jekk il-kandidat għandux l-għarfien, il-ħiliet u t-taħriġ suffiċjenti mogħti mill-organi ta’ taħriġ imsemmija fl-Artikolu 5 sabiex jipprovdi servizzi ta’ medjazzjoni; id-deċiżjoni tiegħu għandha tkun miktuba u debitament motivata. Għas-segretarjat tal-kummissjoni msemmija fil-paragrafu 1 u tal-bord tal-eżami, l-assemblea plenarja tal-assoċjazzjonijiet tal-avukati għandha tagħmel disponibbli l-persunal previst fir-regolament imsemmi fil-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu. Permezz ta’ deċiżjoni konġunta, il-Ministru tal-Finanzi u l-Ministru tal-Ġustizzja, tat-Trasparenza u tad-Drittijiet tal-Bniedem jistabbilixxu:
[…]” |
|
19 |
L-Artikolu 7(2) tal-istess liġi jipprovdi: “B’ordni, il-Ministru tal-Ġustizzja, tat-Trasparenza u tad-Drittijiet tal-Bniedem:
|
|
20 |
L-Artikolu 14 tal-Liġi 3898/2010 ġie emendat permezz tal-att leġiżlattiv tal-4 ta’ Diċembru 2012 dwar is-soluzzjoni ta’ kwistjonijiet urġenti li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Ministeru tal-Finanzi, tal-Ministeru tal-Iżvilupp, tal-Kompetizzjoni, tal-Infrastruttura, tat-Trasport u tan-Netwerks, tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u tar-Reliġjon, tal-Ministeru tal-Kultura u tal-Isport, tal-Ministeru tal-Ambjent, tal-Enerġija u tat-Tibdil fil-Klima, tal-Ministeru tax-Xogħol, tas-Sigurtà Soċjali u tal-Għajnuna Soċjali, tal-Ministeru tal-Ġustizzja, tat-Trasparenza u tad-Drittijiet tal-Bniedem, tal-Ministeru tar-Riforma Amministrattiva u tal-Governanza Elettronika, u dispożizzjonijiet oħra (FEK A’ 237/5.12.2012), li żied il-paragrafu 2, li skontu “huwa permissibbli li jiġi rrikonoxxut ċertifikat ta’ akkreditazzjoni ta’ medjatur maħruġ minn organu ta’ taħriġ barra mill-pajjiż fi tmiem kors ta’ taħriġ mogħti fil-Greċja, sakemm dan iċ-ċertifikat ikun inkiseb mhux iktar tard mid-data tal-awtorizzazzjoni u tal-bidu tal-funzjonament ta’ organu jew ta’ organi ta’ taħriġ imsemmija fl-Artikolu 5 tal-Liġi Nru 3898/2010 u, fi kwalunkwe każ, mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2012”. |
Il-Liġi 4512/2018
|
21 |
L-Artikolu 205 tal-Liġi 4512/2018 tas-17 ta’ Jannar 2018 dwar ir-Regoli ta’ Applikazzjoni tar-Riformi Strutturali tal-Programm ta’ Adattament Ekonomiku u Dispożizzjonijiet Oħra (FEK A’ 5/17.1.2018), huwa fformulat kif ġej: “B’effett mid-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, kull dispożizzjoni kuntrarja li tirregola b’mod ieħor kwalunkwe kwistjoni relatata mal-medjazzjoni hija mħassra. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1 tal-Liġi 3898/2010 jibqgħu fis-seħħ.” |
Id-Digriet Presidenzjali 123/2011
|
22 |
L-Artikolu 1(1) tad-Digriet Presidenzjali 123/2011 li jiddefinixxi l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni u għall-funzjonament tal-organi ta’ taħriġ ta’ medjaturi f’materji ċivili u kummerċjali (FEK A’ 255/9.12.2011) jipprovdi: “Organu ta’ taħriġ ta’ medjaturi, iktar ’il quddiem imsejjaħ “organu”, jista’ jkun kumpannija ċivili mingħajr skop ta’ qligħ ikkostitwita b’mod konġunt minn tal-inqas assoċjazzjoni ta’ avukati u minn tal-inqas waħda mill-kmamar professjonali tal-pajjiż u li tiffunzjona fuq il-bażi ta’ awtorizzazzjoni maħruġa mis-servizz tal-professjoni ta’ avukat u tal-uffiċjali tal-qorti li jaqgħu taħt id-Direttorat Ġenerali tal-Amministrazzjoni Ġudizzjarja tal-Ministeru tal-Ġustizzja, tat-Trasparenza u tad-Drittijiet tal-Bniedem (l-Artikolu 5(1) tal-Liġi 3898/2010).” |
L-Ordni Ministerjali 109088 emendata
|
23 |
L-Artikolu 1(1), (2) u (5) tal-Kapitolu A tal-Ordni Ministerjali 109088 tat-12 ta’ Diċembru 2011 kif emendata mill-Ordni 107309 tal-20 ta’ Diċembru 2012 (iktar ’il quddiem l-“Ordni Ministerjali 109088 emendata”), jipprovdi: “A. Aħna niddefinixxu l-proċedura ta’ rikonoxximent tal-provi ta’ akkreditazzjoni tal-medjaturi maħruġa minn organu ta’ taħriġ barra mill-pajjiż kif ġej: Iċ-ċertifikati ta’ medjatur akkreditat maħruġa minn organu ta’ taħriġ barra mill-pajjiż għandhom jiġu rrikonoxxuti bħala ekwivalenti mill-Kummissjoni ta’ Akkreditazzjoni tal-Medjaturi skont il-proċedura li ġejja: 1. Il-partijiet ikkonċernati għandhom iressqu applikazzjoni għar-rikonoxximent taċ-ċertifikat ta’ medjatur akkreditat. […] 2. Il-formola tal-applikazzjoni għandha tkun akkumpanjata mid-dokumenti ta’ prova li ġejjin: […]
[…] 5. Il-Kummissjoni ta’ Akkreditazzjoni tal-Medjaturi taċċetta l-ekwivalenza taċ-ċertifikat ta’ akkreditazzjoni, sakemm dan iċ-ċertifikat joriġina minn organu rrikonoxxut barra mill-pajjiż u sakemm il-persuna kkonċernata tkun tista’ turi esperjenza ta’ mill-inqas tliet parteċipazzjonijiet fi proċeduri ta’ medjazzjoni bħala medjatur, assistent ta’ medjatur jew konsulent ta’ waħda mill-partijiet. Il-kummissjoni tista’, fid-diskrezzjoni tagħha, titlob lill-persuna kkonċernata tgħaddi minn eżami addizzjonali, b’mod partikolari meta t-taħriġ tagħha jkun twettaq fil-Ġreċja minn organu ta’ oriġini barranija. Fir-rigward tar-rikonoxximent tal-ekwivalenza ta’ ċertifikat ta’ akkreditazzjoni miksub barra mill-pajjiż jew maħruġ minn organu ta’ taħriġ irrikonoxxut barra mill-pajjiż fi tmiem kors ta’ taħriġ mogħti fil-Greċja, il-Kummissjoni ta’ Akkreditazzjoni tal-Medjaturi tista’ taċċetta l-ekwivalenza taċ-ċertifikat ta’ akkreditazzjoni, anki jekk il-persuna kkonċernata ma tipprovax esperjenza ta’ mill-inqas tliet parteċipazzjonijiet fi proċeduri ta’ medjazzjoni bħala medjatur, assistent ta’ medjatur jew konsulent ta’ waħda mill-partijiet, sakemm l-elementi kollha fil-fajl tal-persuna kkonċernata juru b’mod ċar it-taħriġ kontinwu tagħha u l-prattika sistematika tagħha tal-medjazzjoni u sakemm dan iċ-ċertifikat inkiseb mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2012.” |
Il-proċedura prekontenzjuża
|
24 |
Wara lment irċevut mis-servizzi tagħha, il-Kummissjoni, wara li kellha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-Liġi 3898/2010 u tal-Ordni Ministerjali 109088 emendata bid-Direttivi 2006/123 u 2005/36, talbet, fil-11 ta’ Lulju 2013, informazzjoni mingħand ir-Repubblika Ellenika dwar it-taħriġ tal-medjaturi fil-Greċja. |
|
25 |
Ir-Repubblika Ellenika wieġbet għal din it-talba permezz tal-ittra tagħha tas-16 ta’ Settembru 2013. |
|
26 |
Fil-11 ta’ Lulju 2014, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Ellenika u stednitha tressaq l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-inkompatibbiltà possibbli tal-imsemmija liġi u ordni mal-Artikolu 15(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2006/123, kif ukoll mal-Artikoli 13 u 14 tad-Direttiva 2005/36. Ir-Repubblika Ellenika wieġbet għall-imsemmija ittra fit-12 ta’ Settembru 2014. |
|
27 |
Fid-29 ta’ Mejju 2015, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali, li permezz tagħha hija tenniet il-pożizzjoni tagħha u ddikjarat ukoll li kienet imħassba fir-rigward tal-inkompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Griega mal-Artikolu 50(1) u l-Anness VII tad-Direttiva 2005/36, sa fejn ir-rikonoxximent tal-kwalifiki tal-medjaturi li jinkisbu fi Stati Membri oħra tal-Unjoni huwa suġġett għal kundizzjonijiet li jmorru lil hinn minn dak permess minn din id-direttiva. Il-Kummissjoni qieset ukoll li l-leġiżlazzjoni Griega kienet qiegħda tikser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, kif ipprovdut fl-Artikoli 45 u 49 TFUE. |
|
28 |
Ir-Repubblika Ellenika wieġbet għall-imsemmija ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali fit-23 ta’ Novembru 2015. |
|
29 |
Peress li ma kinitx konvinta mit-tweġibiet tar-Repubblika Ellenika, il-Kummissjoni ħarġet, fil-25 ta’ Frar 2016, opinjoni motivata, innotifikata fis-26 ta’ Frar lil dan l-Istat Membru li permezz tagħha hija sostniet, minn naħa, li billi llimitat il-forma tal-organi ta’ taħriġ ta’ medjaturi għal kumpanniji mingħajr skop ta’ qligħ, li għandhom ikunu kkostitwiti minn tal-inqas assoċjazzjoni ta’ avukati u minn tal-inqas kamra professjonali fil-Greċja, din tal-aħħar naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 49 TFUE u l-Artikolu 15(2)(b), (ċ) u (3) tad-Direttiva 2006/123. |
|
30 |
Min-naħa l-oħra, skont l-opinjoni motivata, billi ssuġġettat il-proċedura ta’ rikonoxximent tal-kwalifiki akkademiċi għal rekwiżiti addizzjonali dwar il-kontenut taċ-ċertifikati u għal miżuri kumpensatorji mingħajr evalwazzjoni minn qabel tad-differenzi sostanzjali u billi żammet fis-seħħ dispożizzjonijiet diskriminatorji li jobbligaw lill-applikanti juru esperjenza ta’ mill-inqas tliet parteċipazzjonijiet fi proċedura ta’ medjazzjoni, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 45 u 49 TFUE, l-Artikoli 13, 14 u 50(1) tad-Direttiva 2005/36 u l-Anness VII tagħha. |
|
31 |
Bit-tweġiba tagħha tal-10 ta’ Mejju 2016, ir-Repubblika Ellenika kkontestat l-allegat nuqqas billi sostniet li, minn naħa, l-attività ta’ medjazzjoni hija koperta mill-eċċezzjoni prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51 TFUE peress li din hija attività li tipparteċipa fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. Fi kwalunkwe każ, l-interess ġenerali relatat mal-amministrazzjoni tal-ġustizzja jista’ jkun aċċettat bħala ġustifikazzjoni għal restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, dan l-Istat Membru sostna li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni ma jċaħħdux lill-medjatur li kiseb il-kwalifiki professjonali korrispondenti fi Stat Membru ieħor mid-dritt li jeżerċita din il-professjoni. Barra minn hekk, jirriżulta mid-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni li kien possibbli li l-kompetenza ta’ medjatur tiġi stabbilita mill-provi fil-fajl dwar it-taħriġ kontinwu tiegħu minflok il-kriterju tal-esperjenza li jirrikjedi tliet parteċipazzjonijiet fi proċedura ta’ medjazzjoni. |
|
32 |
Billi ma qablitx mal-opinjoni tar-Repubblika Ellenika, il-Kummissjoni ressqet dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. |
Fuq ir-rikors
Fuq il-portata tar-rikors
– L-argumenti tal-partijiet
|
33 |
Fl-ambitu tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni għamlet żewġ ilmenti. Minn naħa, hija sostniet li l-Artikolu 5(1) tal-Liġi 3898/2010 u l-Artikolu 1(1) tad-Digriet Presidenzjali 123/2011 introduċew restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment kif iddefinita fl-Artikolu 49 TFUE u kisru l-Artikolu 15(2)(b), (ċ) u (3) tad-Direttiva 2006/123/KE. Min-naħa l-oħra, hija sostniet li l-Ordni Ministerjali 109088 emendata kisret l-Artikoli 13, 14 u 50 tad-Direttiva 2005/36 u l-Anness VII tagħha. |
|
34 |
Fid-difiża tagħha, mingħajr ma kkontestat l-ilmenti tal-Kummissjoni fir-rigward tal-Liġi 3898/2010 u l-Ordni Ministerjali 109088 emendata, ir-Repubblika Ellenika ddikjarat li l-Liġi 3898/2010 u d-Digriet Presidenzjali 123/2011 kienu tħassru b’effett mill-pubblikazzjoni, fil-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Ellenika, fis-17 ta’ Jannar 2018, tal-Liġi 4512/2018. Minn dan isegwi, skont ir-Repubblika Ellenika, li l-ilmenti mressqa mill-Kummissjoni fir-rikors tagħha ma jagħmlux iktar sens. |
|
35 |
Fil-petitum tan-nota tagħha u fis-seduta, il-Kummissjoni sostniet li dan ir-rikors ikopri wkoll is-sitwazzjoni li tirriżulta minn dawn l-emendi leġiżlattivi introdotti bil-Liġi 4512/2018, sa fejn, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sistema stabbilita mil-leġiżlazzjoni kkontestata matul il-proċedura prekontenzjuża nżammet, fl-intier tagħha, bil-miżuri l-ġodda adottati mill-Istat Membru wara l-opinjoni motivata. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
36 |
Sabiex tiġi ddeterminata l-portata ta’ dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, għandu jiġi rrilevat li l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont kif tkun is-sitwazzjoni tal-Istat Membru meta jiskadi t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni t-tibdil li jsir wara (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ April 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑202/16, mhux ippubblikata, EU:C:2017:318, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
37 |
Fil-każ ta’ emenda sussegwenti għal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fi proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni ma għandhiex temenda s-suġġett tar-rikors tagħha billi timputa l-ilmenti tagħha fformulati kontra l-leġiżlazzjoni preċedenti lil dik li tirriżulta mill-emenda adottata, ladarba ż-żewġ verżjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali għandhom kontenut identiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2013, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑197/12, mhux ippubblikata, EU:C:2013:202, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
38 |
Min-naħa l-oħra, is-suġġett tat-tilwima ma jistax jiġi estiż għal obbligi li jirriżultaw minn dispożizzjonijiet ġodda li ma jikkorrispondux għal dispożizzjonijiet ekwivalenti fil-verżjoni inizjali tal-att inkwistjoni, mingħajr ma jkun hemm ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali li jirregolaw il-proċedura li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ April 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija, C‑488/15, EU:C:2017:267, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
39 |
Sa fejn, kif għadu kif ġie indikat, il-Kummissjoni imputat, fir-replika tagħha, l-ewwel ilment imressaq fir-rikors tagħha fil-konfront tal-Liġi 4512/2018 ukoll, hemm lok li jiġi ddeterminat jekk din l-imputazzjoni timplikax bidla fis-suġġett tar-rikors. |
|
40 |
F’dan il-każ, ma jirriżultax mill-qari tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Liġi 4512/2018 jew mill-argumentazzjoni tal-Kummissjoni marbuta magħhom li d-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi tal-aħħar għandhom kontenut identiku għal dak tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ qabel. |
|
41 |
Għaldaqstant, sa fejn l-ewwel ilment tal-Kummissjoni jirrigwarda wkoll id-dispożizzjonijiet tal-Liġi 4512/2018, dan jemenda s-suġġett tat-tilwima b’tali mod li għandhom jiġu eżaminati l-ilmenti kif imqajma fir-rikors tal-Kummissjoni, mingħajr ma titqies l-estensjoni tal-ewwel ilment li saret fir-replika. |
|
42 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilmenti relatati mal-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 49 TFUE, tal-Artikolu 15(2)(b), (ċ) u (3) tad-Direttiva 2006/123, tal-Artikoli 13, 14, 50(1) u tal-Anness VII tad-Direttiva 2005/36 għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli sa fejn dawn l-ilmenti jikkonċernaw il-Liġi 4512/2018. |
Fuq il-mertu
Fuq l-ilment relatat mal-ksur tal-Artikolu 49 TFUE u tal-Artikolu 15(2)(b), (ċ) u (3) tad-Direttiva 2006/123
– L-argumenti tal-partijiet
|
43 |
Skont il-Kummissjoni, jirriżulta, minn naħa, mill-Artikolu 5(1) tal-Liġi 3898/2010 u, min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 1(1) tad-Digriet Presidenzjali 123/2011, li l-kumpanniji li jipprovdu servizzi ta’ taħriġ bil-ħsieb li jipprovdu edukazzjoni lil medjaturi, li jkunu jistgħu, fuq dik il-bażi, joqogħdu għall-eżami li jwassal għall-ksib tal-akkreditazzjoni ta’ medjatur fil-Greċja, għandu jkollhom esklużivament il-forma legali ta’ kumpanniji mingħajr skop ta’ qligħ komposti b’mod konġunt minn tal-inqas assoċjazzjoni ta’ avukati u minn kamra professjonali fil-Greċja u għandhom ikunu joperaw fuq il-bażi ta’ awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtorità msemmija fl-Artikolu 7 ta’ din il-liġi. |
|
44 |
Il-Kummissjoni ssostni li r-rekwiżit tal-kompożizzjoni meħtieġa tal-organu ta’ taħriġ kif ukoll ir-rekwiżit tal-forma legali meħtieġa tiegħu, huma ta’ deterrent kemm għall-organi ta’ taħriġ barra mill-pajjiż li jkunu jixtiequ jistabbilixxu ruħhom għall-ewwel darba fil-Greċja kif ukoll għal dawk li jixtiequ jistabbilixxu stabbiliment sekondarju, b’mod li dawn ir-rekwiżiti jirrestrinġu l-libertà tal-istabbiliment prevista fl-Artikolu 49 TFUE u fl-Artikolu 15(2)(b), (ċ) u (3) tad-Direttiva 2006/123. |
|
45 |
Skont il-Kummissjoni, mil-Liġi 3898/2010 jirriżulta li t-taħriġ offrut mill-organi li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti stabbiliti minn din il-liġi ma jistax jagħti aċċess għall-eżami meħtieġ, skont l-Artikolu 6 tal-imsemmija liġi, u, finalment, għall-kisba tal-akkreditazzjoni meħtieġa għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ medjatur fil-Greċja. |
|
46 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li dawn ir-rekwiżiti la huma ġġustifikati minn raġuni impellanti ta’ interess ġenerali u lanqas ma huma adatti sabiex jiggarantixxu li jintlaħaq l-għan imfittex minnhom u jmorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan. Barra minn hekk, dawn jistgħu jiġu applikati b’mod li jista’ jkun diskriminatorju. |
|
47 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li, b’mod kuntrarju għall-argumenti mressqa mir-Repubblika Ellenika fl-ambitu tal-proċedura prekontenzjuża, l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 51 TFUE ma hijiex applikabbli f’dan il-każ. Minn naħa, ma jistax jiġi dedott mid-digriet tas-17 ta’ Frar 2005, Mauri (C‑250/03, EU:C:2005:96), li jirrigwarda l-parteċipazzjoni ta’ avukati fil-bord tal-eżami previst, li r-regola nazzjonali inkwistjoni hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, sa fejn l-Artikolu 5 tal-Liġi 3898/2010 jirrigwarda l-kompożizzjoni u l-forma legali tal-organi ta’ taħriġ tal-medjaturi. Min-naħa l-oħra, l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma jikkonċernax is-servizz tal-medjazzjoni bħala tali, iżda s-servizz tat-taħriġ tal-medjaturi li ma jaqax taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, inkluża l-amministrazzjoni tal-ġustizzja. |
|
48 |
Fir-rigward tar-raġunijiet impellanti ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw ir-restrizzjonijiet inkwistjoni, il-Kummissjoni ssostni, fl-ewwel lok, li l-għan li tiġi ggarantita l-kwalità tal-medjazzjoni jista’ jsib sostenn fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/52. Madankollu, hija tqis li dan l-Artikolu 4 moqri fid-dawl tal-premessa 16 ta’ din id-direttiva jipprevedi, minn naħa, il-kontroll tal-kwalità tal-provvista ta’ servizzi ta’ taħriġ permezz ta’ mekkaniżmi bħall-kodiċijiet ta’ kondotta tajba u, min-naħa l-oħra, li dan l-Artikolu 4 ma jirrigwardax ir-regoli relatati mal-organizzazzjoni tal-organi ta’ taħriġ ta’ medjaturi bħal dawk li jirregolaw il-forma legali meħtieġa u dawk relatati maż-żamma tal-kapital. |
|
49 |
Fit-tieni lok, il-Kummissjoni targumenta li, jekk, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-protezzjoni tad-destinatarji tas-servizzi ta’ medjazzjoni u l-ħtieġa li jiġi żgurat livell għoli ta’ edukazzjoni jistgħu jikkostitwixxu raġunijiet impellanti ta’ interess ġenerali, ir-Repubblika Ellenika tibqa’ tonqos milli turi li r-rekwiżiti relatati mal-forma legali u maż-żamma ta’ kapital ta’ kumpannija jippermettu li jintlaħqu dawn l-għanijiet. |
|
50 |
Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tqis li r-restrizzjonijiet inkwistjoni ma humiex proporzjonati mal-għanijiet imfittxija peress li, minn naħa, jeżistu miżuri inqas restrittivi, bħall-introduzzjoni ta’ programm ta’ studji adattat, id-definizzjoni tal-kriterji għall-għalliema u l-materjal użat u l-istabbiliment ta’ kriterji għall-eżamijiet obbligatorji li jagħtu aċċess għall-professjoni. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tosserva li r-Repubblika Ellenika diġà tapplika miżuri oħrajn inqas restrittivi sabiex tiżgura livell għoli ta’ edukazzjoni, bħar-rekwiżit li t-taħriġ isir minn medjaturi esperjenzati, l-organizzazzjoni tal-eżamijiet quddiem bord tal-Istat, jew ukoll id-definizzjoni mil-liġi tal-kontenut u t-tul tal-programm ta’ taħriġ. |
|
51 |
Ir-Repubblika Ellenika sempliċement tirrimarka li, wara l-adozzjoni tal-Liġi 4512/2018, dan l-ilment ma għadux jagħmel sens. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
52 |
B’mod preliminari, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel ilment ta’ dan ir-rikors huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 49 TFUE u l-ksur tal-Artikolu 15(2)(b), (ċ) u (3) tad-Direttiva 2006/123. |
|
53 |
F’dan ir-rigward, għandu fl-ewwel lok jitfakkar li mill-premessa 6 tad-Direttiva 2006/123 jirriżulta li t-tneħħija tal-ostakoli għal-libertà ta’ stabbiliment ma tistax titwettaq biss bl-applikazzjoni diretta tal-Artikolu 49 TFUE minħabba, b’mod partikolari, il-kumplessità estrema tat-trattament każ b’każ tal-ostakoli għal din il-libertà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Rina Services et, C‑593/13, EU:C:2015:399, punt 38) u li, konsegwentement, għandha tiġi adottata direttiva fil-qasam. |
|
54 |
Minn dan isegwi li, meta restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123, ma jkunx hemm lok li din tiġi eżaminata wkoll fid-dawl tal-Artikolu 49 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Frar 2016, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija, C‑179/14, EU:C:2016:108, punt 118, kif ukoll tat-30 ta’ Jannar 2018, X u Visser, C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2018:44, punt 137). |
|
55 |
Għalhekk, għandu jiġi evalwat jekk l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 15(2)(b), (ċ) u (3) tad-Direttiva 2006/123 huwiex fondat. |
|
56 |
F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2006/123 jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jeżaminaw jekk is-sistema legali tagħhom tipprevedix rekwiżiti bħal dawk imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 15, u għandhom jiżguraw li dawn ikunu kompatibbli mal-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3 tal-imsemmi Artikolu 15. |
|
57 |
Il-kundizzjonijiet kumulattivi elenkati fl-imsemmi Artikolu 15(3) jirrigwardaw, l-ewwel nett, in-natura nondiskriminatorja tar-rekwiżiti kkonċernati, li ma jistgħux ikunu direttament jew indirettament diskriminatorji fuq il-bażi tan-nazzjonalità jew, fir-rigward tal-kumpanniji, fuq il-bażi tal-post tas-sede statutorja tagħhom; it-tieni nett, in-natura neċessarja tagħhom, jiġifieri li għandhom ikunu ġġustifikati minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali; u, it-tielet nett, il-proporzjonalità tagħhom, peress li l-imsemmija rekwiżiti għandhom ikunu adatti sabiex jiżguraw li jintlaħaq l-għan imfittex u ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan u miżuri oħrajn inqas vinkolanti ma għandhomx jippermettu li jintlaħaq l-istess riżultat. |
|
58 |
F’dan il-każ, l-ilmenti fformulati mill-Kummissjoni huma intiżi li jikkonstataw li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li l-imsemmija istituzzjoni tidentifika fir-rikors tagħha jintroduċu rekwiżiti tat-tip ta’ dawk elenkati fl-Artikolu 15(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2006/123, u li, peress li l-imsemmija rekwiżiti ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu 15, dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali jiksru l-paragrafi 1 sa 3 tal-imsemmi artikolu. |
|
59 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi vverifikat jekk ir-rekwiżiti dedotti mill-Artikolu 5 tal-Liġi 3898/2010 jaqgħux taħt l-Artikolu 15(2)(b) u (ċ) tal-imsemmija direttiva, kif issostni l-Kummissjoni. |
|
60 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 15(2)(b) tad-Direttiva 2006/123 moqri fid-dawl tal-premessa 73 jipprevedi kategorija ta’ rekwiżiti li jirrikjedu li l-fornitur ikun ikkostitwit f’forma legali partikolari, li tinkludi, b’mod partikolari, ir-rekwiżit li dan ikun persuna ġuridika jew entità mingħajr skop ta’ qligħ. |
|
61 |
Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-rekwiżit dwar il-forma legali tal-organu ta’ taħriġ tal-medjaturi meħtieġ fl-Artikolu 5 tal-Liġi 3898/2010, li skontu l-organi ta’ taħriġ tal-medjaturi għandhom ikunu kkostitwiti bħala kumpanniji mingħajr skop ta’ qligħ, jaqa’ espressament taħt l-Artikolu 15(2)(b) tad-Direttiva 2006/123 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Frar 2016, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija, C‑179/14, EU:C:2016:108, punti 61 u 62). |
|
62 |
Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 15(2)(ċ) tad-Direttiva 2006/123 moqri fid-dawl tal-premessa 73 jirreferi għal kategorija oħra ta’ rekwiżiti marbuta maż-żamma tal-kapital ta’ kumpannija. |
|
63 |
Issa, ir-rekwiżit relatat mal-kompożizzjoni tal-organu ta’ taħriġ li skontu l-organi ta’ taħriġ tal-medjaturi għandhom ikunu kkostitwiti b’mod konġunt minn tal-inqas assoċjazzjoni ta’ avukati u minn tal-inqas kamra professjonali fil-Greċja, meħtieġ mill-Artikolu 5 tal-Liġi 3898/2010, jaqa’ taħt l-Artikolu 15(2)(ċ) tad-Direttiva 2006/123. |
|
64 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi vverifikat jekk ir-regoli nazzjonali inkwistjoni jaqgħux taħt l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/123. |
|
65 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, skont l-Artikolu 15(3)(a) tad-Direttiva 2006/123, ir-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu ma humiex inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva sakemm, inter alia, dawn ma jkunux direttament jew indirettament diskriminatorji fuq il-bażi tan-nazzjonalità jew, fir-rigward tal-kumpanniji, fuq il-bażi tal-post tas-sede statutorja tagħhom. |
|
66 |
F’dan il-każ, mill-Artikolu 5 tal-Liġi 3898/2010 jirriżulta li r-rekwiżiti relatati mal-forma legali, maż-żamma ta’ kapital u mal-kompożizzjoni tal-organu ta’ taħriġ tal-medjaturi japplikaw kemm għall-organi ta’ taħriġ stabbiliti fil-Greċja kif ukoll għal dawk stabbiliti fi Stati Membri oħra. Għalhekk, dawn ir-rekwiżiti ma humiex diskriminatorji fis-sens tal-Artikolu 15(3)(a) ta’ din id-direttiva. |
|
67 |
It-tieni nett, fir-rigward tal-ħtieġa għar-regoli nazzjonali inkwistjoni, jekk ir-Repubblika Ellenika ma tipprovdix ġustifikazzjonijiet speċifiċi għall-Artikolu 5 tal-Liġi 3898/2010, jirriżulta mill-argumenti tagħha, espressi waqt is-smigħ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li din il-leġiżlazzjoni hija adatta, skont l-Artikolu 15(3)(b) tad-Direttiva 2006/123, sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ kwalità għas-servizzi ta’ taħriġ tal-medjaturi u sabiex jiġi ffaċilitat l-istabbiliment ta’ organi ta’ taħriġ f’reġjuni periferiċi. |
|
68 |
Issa, minkejja li dawn ir-raġunijiet jistgħu jikkostitwixxu raġunijiet impellanti ta’ interess ġenerali, xorta waħda jibqa’ l-fatt li r-Repubblika Ellenika ma ressqet l-ebda argument li jista’ juri li r-regoli relatati mal-forma legali ta’ kumpannija ta’ taħriġ u maż-żamma tal-kapital tagħha jikkostitwixxu miżuri meħtieġa sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet. |
|
69 |
Ladarba dawn it-tliet kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/123 huma kumulattivi, għandu jiġi kkonstatat li r-regoli nazzjonali inkwistjoni ma josservawx it-tieni waħda minn dawn il-kundizzjonijiet mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġi vverifikat it-tielet rekwiżit imsemmi fil-paragrafu 3 tiegħu. |
|
70 |
Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li, billi llimitat il-forma legali tal-organi ta’ taħriġ ta’ medjaturi għal kumpanniji mingħajr skop ta’ qligħ, li għandhom ikunu kkostitwiti b’mod konġunt minn tal-inqas assoċjazzjoni ta’ avukati u minn tal-inqas kamra professjonali fil-Greċja, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 15(2)(b), (ċ) u (3) tad-Direttiva 2006/123. |
Fuq l-ilment relatat mal-Artikoli 13, 14, 50(1) u l-Anness VII tad-Direttiva 2005/36
– L-argumenti tal-partijiet
|
71 |
Il-Kummissjoni tqis li d-dispożizzjonijiet tal-Liġi 3898/2010 u tal-Ordni Ministerjali 109088 emendata jiksru l-Artikoli 13, 14, 50(1) u l-Anness VII tad-Direttiva 2005/36. Dawn id-dispożizzjonijiet jiksru wkoll il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. |
|
72 |
B’mod preliminari, din l-istituzzjoni ssostni billi tfakkar id-definizzjoni ta’ “professjoni regolata” tal-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2005/36 li din id-direttiva ma teħtieġx ċertifikat ta’ studji speċifiku għall-aċċess għall-professjoni ta’ medjatur u lanqas ma tillimita l-applikazzjoni tagħha għall-“eżerċizzju” ta’ professjoni rregolata. Skont din l-istituzzjoni, jekk, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti sabiex jirregolaw din il-professjoni u jiddefinixxu l-kundizzjonijiet tal-aċċess, xorta waħda jibqa’ l-fatt li d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ma jistgħux jikkostitwixxu ostakolu inġustifikat għall-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattati. |
|
73 |
Peress li l-aċċess għall-professjoni ta’ medjatur huwa suġġett, fil-Greċja, kemm għal taħriġ speċifiku kif ukoll għal akkreditazzjoni, mogħtija lil kandidat li jkun għadda mill-eżami previst, il-Kummissjoni tqis li l-professjoni tal-medjaturi taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/36. |
|
74 |
Hija tqis li n-nuqqas tar-Repubblika Ellenika li taħtar l-awtoritajiet kompetenti u l-organi kompetenti mogħtija s-setgħa joħorġu jew jirċievu l-provi ta’ kwalifiki u dokumenti jew informazzjoni oħra, skont l-Artikolu 56(3) ta’ din id-direttiva, ma jistax jiġi invokat sabiex jiġi ġġustifikat in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dispożizzjonijiet oħra tal-imsemmija direttiva. |
|
75 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kontenut taċ-ċertifikat tal-organu ta’ taħriġ li għandu jiġi pprovdut minn medjatur migrant sabiex jikseb l-akkreditazzjoni sabiex jipprattika din il-professjoni fil-Greċja, il-Kummissjoni tosserva li mill-Ordni Ministerjali 109088 emendata jirriżulta li talba għar-rikonoxximent, fil-Greċja, taċ-ċertifikat ta’ studji ta’ medjatur barrani għandha tkun akkumpanjata, b’mod partikolari, minn ċertifikat mill-organu ta’ taħriġ li jiċċertifika l-metodu ta’ tagħlim, in-numru ta’ parteċipanti, in-numru u l-kwalifiki ta’ min iħarreġ, il-proċedura tal-eżami u l-evalwazzjoni tal-kandidati u l-modalitajiet li jiggarantixxu l-integrità. Tali kundizzjonijiet imorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jiġi evalwat il-livell tal-għarfien u tal-kwalifiki professjonali li d-detentur huwa preżunt li għandu. Konsegwentement, il-kundizzjonijiet hawn fuq imsemmija jmorru kontra l-Artikoli 13, 14, 50(1) u l-Anness VII tad-Direttiva 2005/36. |
|
76 |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li mill-Artikolu 13 tad-Direttiva 2005/36 jirriżulta li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandha tagħti aċċess għall-professjoni rregolata lil applikanti li jkollhom attestazzjoni ta’ kompetenzi jew prova ta’ kwalifiki meħtieġa minn Stat Membru ieħor sabiex ikollhom aċċess għal jew jipprattikaw l-istess professjoni fit-territorju tiegħu. Minkejja li tali ċertifikati għandhom jinħarġu minn awtorità kompetenti fi Stat Membru u jiċċertifikaw ċertu livell ta’ kwalifika professjonali, xorta waħda jibqa’ l-fatt, skont il-Kummissjoni, li d-Direttiva 2005/36 ma tirrikjedix li d-diplomi mogħtija fi Stati Membri oħra jiċċertifikaw edukazzjoni u taħriġ ekwivalenti jew komparabbli għal dawk meħtieġa fl-Istat Membru ospitanti. |
|
77 |
Skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2005/36 jipprovdi li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jistgħu jitolbu lill-applikant jipprovdi informazzjoni dwar it-taħriġ tiegħu biss sa fejn dan ikun meħtieġ sabiex wieħed jifhem l-eżistenza possibbli ta’ differenzi sostanzjali b’paragun mat-taħriġ nazzjonali meħtieġ mil-leġiżlazzjoni tar-Repubblika Ellenika. Issa, skont din l-istituzzjoni, il-kundizzjonijiet meħtieġa mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ma jippermettux li jiġi eżaminat jekk it-taħriġ irċevut mill-persuna kkonċernata jirrigwardax suġġetti li huma sostanzjalment differenti b’paragun ma’ dawk koperti mill-prova ta’ kwalifiki meħtieġa fit-territorju Grieg. |
|
78 |
Barra minn hekk, mill-Artikolu 50(1) tad-Direttiva 2005/36 jirriżulta li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jistgħu, matul il-proċedura ta’ rikonoxximent, jeħtieġu d-dokumenti u ċ-ċertifikati elenkati fl-Anness VII ta’ din id-direttiva, bħal kopji taċ-ċertifikati ta’ ħiliet jew tat-titolu ta’ studji li jagħti aċċess għall-professjoni inkwistjoni. |
|
79 |
Issa, il-Kummissjoni ssostni li mit-tieni subparagrafu tal-punt 1(b) tal-imsemmi Anness VII jirriżulta li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jistgħu jistiednu lill-applikant jipprovdi tali informazzjoni dwar it-taħriġ tiegħu biss sa fejn dan huwa neċessarju sabiex wieħed jifhem l-eżistenza possibbli ta’ differenzi sostanzjali b’paragun mat-taħriġ nazzjonali meħtieġ. Għaldaqstant, skont din l-istituzzjoni, il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni Griega jmorru kontra kemm l-Artikolu 14(1) kif ukoll l-Artikolu 50(1) u l-Anness VII tad-Direttiva 2005/36. |
|
80 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-miżuri kumpensatorji previsti mir-Repubblika Ellenika, il-Kummissjoni tfakkar li l-Artikolu 1(5) tal-Kapitolu A tal-Ordni Ministerjali 109088 emendata jipprovdi li l-Kummissjoni ta’ Akkreditazzjoni tal-Medjaturi tista’, fid-diskrezzjoni tagħha, titlob lill-persuna kkonċernata tagħmel eżami addizzjonali, b’mod partikolari meta t-taħriġ tagħha jkun ġie pprovdut fil-Greċja minn organu ta’ oriġini barranija. |
|
81 |
Minkejja li l-Kummissjoni taċċetta li d-Direttiva 2005/36 ma tirrikjedix li jiġu ddikjarati l-kriterji ta’ tali eżamijiet, hija tosserva, madankollu, li, fl-assenza ta’ regoli nazzjonali li jirregolaw il-proċedura tal-eżami, din tal-aħħar tista’ tkun arbitrarja jew saħansitra diskriminatorja. Għaldaqstant, hija tqis li proċedura ta’ eżami mingħajr evalwazzjoni minn qabel tad-differenzi sostanzjali b’paragun mat-taħriġ nazzjonali meħtieġ tmur kontra r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2005/36. |
|
82 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li waħda mill-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent tal-ekwivalenza tat-titolu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali hija dik tal-prova ta’ esperjenza ta’ mill-inqas tliet parteċipazzjonijiet fi proċeduri ta’ medjazzjoni bħala medjatur, assistent ta’ medjatur jew konsulent ta’ waħda mill-partijiet. Issa, tali kundizzjoni ma hijiex meħtieġa għall-medjaturi mħarrġa fil-Greċja. Skont il-Kummissjoni, din il-kundizzjoni hija diskriminatorja u tmur kontra l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2005/36. |
|
83 |
Fir-rigward tal-prattika tal-amministrazzjoni Griega li ma tapplikax il-kundizzjoni hawn fuq iċċitata jekk il-provi fil-fajl ikkonċernat jippermettu l-prova ta’ taħriġ kontinwu u prattika sistematika tal-medjazzjoni, il-Kummissjoni tosserva li l-inkompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni tista’ tiġi eliminata b’mod definittiv biss permezz ta’ dispożizzjonijiet vinkolanti, li jkollhom l-istess valur legali bħal dawk li għandhom jiġu emendati, b’mod li prattika amministrattiva ma tkunx biżżejjed sabiex titqies li hija implimentazzjoni valida tal-obbligi li joħorġu mit-Trattat FUE. Fi kwalunkwe każ, din l-istituzzjoni ssostni li, skont il-leġiżlazzjoni Griega, il-possibbiltà li l-kriterju tal-esperjenza ma jiġix applikat tikkonċerna biss lil dawk ikkonċernati li jkunu kisbu ċertifikat ta’ akkreditazzjoni ta’ medjatur sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2012. |
|
84 |
Ir-Repubblika Ellenika tenfasizza li l-Ordni Ministerjali 109088 emendata tħassret bid-dħul fis-seħħ tal-Liġi 4512/2018 u tqis, għalhekk, li dan l-ilment ma għadux jagħmel sens. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
85 |
B’mod preliminari, fir-rigward tad-delimitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/36 fid-dawl tad-Direttiva 2008/52, għandu jiġi rrilevat, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, li din id-direttiva tal-aħħar ma tistax taffettwa, f’dan il-każ, l-applikabbiltà tad-Direttiva 2005/36. Fil-fatt, minkejja li d-Direttiva 2008/52 tirrigwarda ċerti aspetti tal-medjazzjoni fil-qasam ċivili u kummerċjali, xorta waħda jibqa’ l-fatt li hija ma twettaqx armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-professjoni ta’ medjatur. |
|
86 |
Ladarba dan ġie ċċarat, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-professjoni ta’ medjatur tikkostitwixxix “professjoni regolata” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2005/36, għandu jitfakkar li “professjoni regolata” hija kkostitwita minn attività professjonali jew grupp ta’ attivitajiet professjonali li l-aċċess għalihom, il-prattika tagħhom jew wieħed mill-modi ta’ prattika tagħhom huwa suġġett direttament jew indirettament, skont dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi, għall-pussess ta’ kwalifiki professjonali speċifiċi (sentenza tal-21 ta’ Settembru 2017, Malta Dental Technologists Association u Reynaud, C‑125/16, EU:C:2017:707, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
87 |
B’dan il-mod, mill-Artikolu 3(1)(b), (ċ) u (e) tad-Direttiva 2005/36 jirriżulta li l-kunċett ta’ “kwalifiki professjonali” speċifiċi, li jinsab fl-Artikolu 3(1)(a) ta’ din id-direttiva, ikopri kull kwalifika li tikkorrispondi għal prova ta’ kwalifiki maħsuba speċifikament sabiex tħejji lill-persuni li jkollhom din il-kwalifika għall-prattika ta’ professjoni partikolari (sentenza tal-21 ta’ Settembru 2017, Malta Dental Technologists Association u Reynaud, C‑125/16, EU:C:2017:707, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
88 |
Għandu jiġi kkonstatat, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-professjoni ta’ medjatur, kif irregolata fil-Greċja, tissodisfa l-kriterji msemmija fil-punti 86 u 87 ta’ din is-sentenza, sa fejn l-aċċess għaliha huwa suġġett għall-kundizzjoni li jiġi segwit kors ta’ taħriġ xieraq bil-għan li tinkiseb kwalifika professjonali u ċertifikat li jippermetti b’mod speċifiku lil din il-professjoni tiġi pprattikata, b’mod partikolari fuq il-bażi tal-Artikolu 6(1) u (3) tal-Liġi 3898/2010. |
|
89 |
Fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/36, għandu jiġi rrilevat li r-rikonoxximent tal-provi ta’ kwalifiki tal-medjaturi huwa rregolat mill-Artikoli 10 sa 14 ta’ din id-direttiva. |
|
90 |
Skont l-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandha tippermetti lill-applikanti jaċċedu għal professjoni rregolata u jeżerċitawha, taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk taċ-ċittadini tagħha, jekk dawn ikollhom attestazzjoni ta’ kompetenzi jew prova ta’ kwalifiki, kif imsemmi fl-Artikolu 11 tal-istess direttiva, maħruġa mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor għal dan l-istess skop. |
|
91 |
Minkejja li l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2005/36 jipprovdi li l-Artikolu 13 tagħha ma jżommx lill-Istat Membru ospitanti milli jimponi “miżuri kumpensatorji”, li jikkonsistu f’perijodu ta’ adattament jew test ta’ kapaċità, fuq il-persuni li jixtiequ jaċċedu għal professjoni rregolata u jipprattikawha, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-paragrafu 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan l-istess Artikolu 14 jillimita din il-possibbiltà għal sitwazzjonijiet elenkati fil-paragrafu 1. |
|
92 |
Mill-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2005/36 jirriżulta, qabelxejn, li l-Istati Membri jistgħu jimponu miżuri kumpensatorji fil-każ fejn it-taħriġ li l-applikant irċieva jkun jirrigwarda suġġetti li huma sostanzjalment differenti minn dawk koperti mill-prova ta’ kwalifiki meħtieġa fl-Istat Membru ospitanti. Sussegwentement, skont il-paragrafu 4 tal-istess artikolu, il-kunċett ta’ “suġġetti sostanzjalment differenti” għandu jiġi interpretat li jfisser suġġetti li fir-rigward tagħhom l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi miksuba huma essenzjali għall-prattika tal-professjoni u li fir-rigward tagħhom it-taħriġ irċevut mill-migrant juri differenzi sinjifikattivi f’termini ta’ kontenut b’paragun mat-taħriġ meħtieġ fl-Istat Membru ospitanti. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 14(5) jissuġġetta l-possibbiltà li jkunu meħtieġa miżuri kumpensatorji għall-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
|
93 |
Barra minn hekk, mill-Artikolu 50(1) tad-Direttiva 2005/36 jirriżulta li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tista’ teżiġi d-dokumenti u ċ-ċertifikati elenkati fl-Anness VII ta’ din id-direttiva. Il-punt 1(b) u (ċ) ta’ dan l-anness jindika li l-produzzjoni taċ-ċertifikati msemmija fih tista’ tintalab skont il-kundizzjonijiet stabbiliti taħt dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar. |
|
94 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet li l-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Griega mad-Direttiva 2005/36 għandha tiġi eżaminata. |
|
95 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-proċedura għar-rikonoxximent tal-kwalifiki akkademiċi, suġġetta għal rekwiżiti addizzjonali relatati mal-kontenut taċ-ċertifikat tal-organu ta’ taħriġ li għandu jiġi pprovdut minn medjatur migrant sabiex jikseb l-akkreditazzjoni għall-prattika ta’ din il-professjoni fil-Greċja, mill-Artikolu 1(2)(c) tal-Kapitolu A tal-Ordni Ministerjali 109088 emendata jirriżulta li l-leġiżlazzjoni Griega teżiġi li ċ-ċertifikat tal-organu ta’ taħriġ, indirizzat lill-Kummissjoni ta’ Akkreditazzjoni Ellenika, jinkludi sensiela ta’ informazzjoni, inkluża informazzjoni dwar il-post tat-taħriġ, il-proċedura tal-eżami, l-evalwazzjoni tal-kandidati u l-modalitajiet sabiex tiġi żgurata l-integrità. |
|
96 |
Issa, għandu jiġi kkonstatat li, minn naħa, il-kundizzjonijiet imsemmija fil-leġiżlazzjoni Griega ma jinsabux fid-Direttiva 2005/36 u, min-naħa l-oħra, għall-kuntrarju tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 14, mill-Artikolu 50(1) u mill-punt 1 tal-Anness VII ta’ din id-direttiva, dawn ma humiex, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, xierqa sabiex jiġi evalwat, b’mod proporzjonat, il-kontenut tat-taħriġ segwit mill-applikanti. |
|
97 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-miżuri kumpensatorji meħtieġa mir-Repubblika Ellenika mingħand l-applikanti għal akkreditazzjoni ta’ medjatur li għandhom kwalifiki miksuba barra mill-pajjiż jew maħruġa minn organu ta’ taħriġ irrikonoxxut barra mill-pajjiż wara taħriġ ipprovdut fil-Greċja, għandu jiġi rrilevat li mill-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2005/36 jirriżulta li l-impożizzjoni ta’ miżuri kumpensatorji tippreżupponi eżami li permezz tiegħu l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandha tiddetermina jekk hemmx differenzi sostanzjali bejn it-taħriġ li l-applikant irċieva u t-taħriġ nazzjonali. |
|
98 |
F’dan il-każ, mill-Artikolu 1(5) tal-Kapitolu A tal-Ordni Ministerjali 109088 emendata jirriżulta li, fil-każ tar-rikonoxximent tal-ekwivalenza ta’ ċertifikat ta’ akkreditazzjoni miksub barra mill-pajjiż jew maħruġ minn organu ta’ taħriġ barrani fi tmiem kors ta’ taħriġ mogħti fil-Greċja, il-Kummissjoni ta’ Akkreditazzjoni tal-Medjaturi tista’ taċċetta din l-ekwivalenza jekk l-applikant jista’ juri li għandu esperjenza ta’ mill-inqas tliet parteċipazzjonijiet fi proċeduri ta’ medjazzjoni bħala medjatur, assistent ta’ medjatur jew konsulent ta’ waħda mill-partijiet. Barra minn hekk, din il-kummissjoni tista’, fid-diskrezzjoni tagħha, timponi fuq l-applikant eżami addizzjonali, b’mod partikolari fil-każ li t-taħriġ ikun sar fil-Greċja. |
|
99 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, li tali kundizzjonijiet ma jikkorrispondux għat-tipi ta’ kriterji previsti fid-Direttiva 2005/36 u li dawn jaqbżu l-marġni ta’ diskrezzjoni li din tal-aħħar tħalli lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri f’dan il-qasam. |
|
100 |
Fil-fatt, sa fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma tipprevedix evalwazzjoni minn qabel sabiex jiġi stabbilit li l-applikant irċieva taħriġ dwar suġġetti li huma sostanzjalment differenti minn dawk koperti mill-prova ta’ kwalifiki meħtieġa fl-Istat Membru ospitanti, meta tali evalwazzjoni minn qabel hija meħtieġa, skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2005/36, sabiex kummissjoni ta’ akkreditazzjoni tkun tista’ teżiġi miżuri kumpensatorji, ma jistax jiġi sostnut li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali hija konformi mad-Direttiva 2005/36. |
|
101 |
Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 1(5) tal-Kapitolu A tal-Ordni Ministerjali 109088 emendata jinjora wkoll l-obbligi previsti fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2005/36 sa fejn il-persuni li japplikaw għal akkreditazzjoni ta’ medjatur wara li jkunu kisbu ċertifikat ta’ akkreditazzjoni minn organu ta’ taħriġ barrani huma meħtieġa li juru li għandhom esperjenza ta’ mill-inqas tliet parteċipazzjonijiet fi proċeduri ta’ medjazzjoni, filwaqt li tali kundizzjoni ta’ akkreditazzjoni ma tapplikax għall-persuni li jkunu kisbu ċertifikat ta’ akkreditazzjoni minn organu ta’ taħriġ nazzjonali. |
|
102 |
Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jistgħux jiġu kkonfutati bl-argument li l-prattika amministrattiva tista’ tħalli tali kundizzjoni mhux applikata, sa fejn huwa stabbilit li anki jekk, fil-prattika, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru ma japplikawx dispożizzjoni nazzjonali kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, iċ-ċertezza legali teżiġi xorta waħda li din id-dispożizzjoni tiġi emendata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑522/04, EU:C:2007:405, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
103 |
Mill-osservazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, billi ssuġġettat il-proċedura ta’ rikonoxximent tal-kwalifiki akkademiċi għal rekwiżiti addizzjonali li jikkonċernaw il-kontenut taċ-ċertifikati meħtieġa u għal miżuri kumpensatorji mingħajr evalwazzjoni minn qabel tal-eżistenza possibbli ta’ differenzi sostanzjali b’paragun mat-taħriġ nazzjonali, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 13, 14, 50(1) u l-Anness VII tad-Direttiva 2005/36. |
|
104 |
Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li:
|
Fuq l-ispejjeż
|
105 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni talbet li r-Repubblika Ellenika tiġi kkundannata għall-ispejjeż u din tal-aħħar tilfet il-kawża, hemm lok li r-Repubblika Ellenika tiġi kkundannata għall-ispejjeż. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.