Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62017CJ0193

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-22 ta’ Jannar 2019.
Cresco Investigation GmbH vs Markus Achatzi.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Oberster Gerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 21 – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78/KE – Artikolu 2(2)(a) – Diskriminazzjoni diretta minħabba r-reliġjon – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lil ċerti ħaddiema jum wieħed ta’ leave fil-Ġimgħa l-Kbira – Ġustifikazzjoni – Artikolu 2(5) – Artikolu 7(1) – Obbligi tal-persuni li jimpjegaw privati u tal-qrati nazzjonali li jirriżultaw minn inkompatibbiltà tad-dritt nazzjonali mad-Direttiva 2000/78.
Kawża C-193/17.

Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2019:43

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

22 ta’ Jannar 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 21 – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78/KE – Artikolu 2(2)(a) – Diskriminazzjoni diretta minħabba r-reliġjon – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lil ċerti ħaddiema jum wieħed ta’ leave fil-Ġimgħa l-Kbira – Ġustifikazzjoni – Artikolu 2(5) – Artikolu 7(1) – Obbligi tal-persuni li jimpjegaw privati u tal-qrati nazzjonali li jirriżultaw minn inkompatibbiltà tad-dritt nazzjonali mad-Direttiva 2000/78”

Fil-Kawża C‑193/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Marzu 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ April 2017, fil-proċedura

Cresco Investigation GmbH

vs

Markus Achatzi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, A. Prechal, C. Toader u C. Lycourgos (Relatur), Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, M. Ilešič, M. Safjan, D. Šváby, C. Vajda u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: R. Șereș, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑10 ta’ April 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Cresco Investigation GmbH, minn M. Zehetbauer, Rechtsanwältin,

għal M. Achatzi, minn A. Obereder, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Awstrijak, minn G. Hesse, bħala aġent,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili u F. De Luca, avvocati dello Stato,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna kif ukoll minn M. Szwarc u A. Siwek, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.‑R. Killmann u D. Martin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑25 ta’ Lulju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll tal-Artikolu 1, tal-Artikolu 2(2)(a), tal-Artikolu 2(5) u tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Cresco Investigation GmbH (iktar ’il quddiem “Cresco”) u Markus Achatzi dwar id-dritt ta’ dan tal-aħħar li jibbenefika minn kumpens komplementari għar-remunerazzjoni li jirċievi għas-servizzi pprovduti waqt Ġimgħa l-Kbira speċifika.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessa 24 tad-Direttiva 2000/78 tistabbilixxi:

“L-Unjoni Ewropea fid-Dikjarazzjoni Nru 11 tagħha dwar l-istatus tal-knejjes u l-organizzazzjonijiet mhux konfessjonali, annessa ma’ l-Att Finali tat-Trattat ta’ Amsterdam, irrikonoxxiet espliċitament li tirrispetta u ma tippreġudikax l-istat taħt il-liġi nazzjonali tal-knejjes u assoċjazzjonijiet jew komunitajiet reliġjużi fl-Istati Membri u li ugwalment tirrispetta l-istat ta’ l-organizzazzjonijiet filosofiċi u dawk mhux konfessjonali. B’dan l-iskop, l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jistabilixxu dispożizzjonijiet speċifiċi dwar rekwiżiti tax-xogħol essenzjali, leġittimi u ġustifikati, li jistgħu jkunu meħtieġa biex tiġi eżerċitata attività professjonali.”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.”

5

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jiddisponi:

“1.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

(a)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1.

[…]

5.   Din id-Direttiva m’għandhiex tippreġudika dawk il-miżuri stabbiliti bil-liġi nazzjonali li, f’soċjetà demokratika, huma neċessarji għas-sigurtà pubblika, għall-ordni pubbliku u għall-prevenzjoni ta’ offiżi kriminali, għall-protezzjoni tas-saħħa u għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.”

6

L-Artikolu 7 tal-istess direttiva, intitolat “Azzjoni pożittiva u miżuri speċifiċi” jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Bi skop li tiġi żgurata l-ugwaljanza kompleta fil-prattika, il-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament m’għandux iżomm lil Stat Membru milli jikkonserva jew jadotta miżuri speċifiċi biex jipprevjeni jew jikkompensa għal żvantaggi marbuta ma’ xi waħda mill-bażijiet imsemmija fl-Artikolu 1.”

7

L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2000/78 jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li:

(a)

kwalunkwe liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi kuntrarji għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament huma aboliti;

(b)

kwalunkwe dispożizzjoni kuntrarja għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li hija inkluża fil-kuntratti ta’ ftehim kollettiv, ir-regoli interni ta’ impriżi jew regoli li jirregolaw ix-xogħlijiet indipendenti u l-professjonijiet u organizzazzjonijiet ta’ ħaddiema u ta’ dawk li jħaddmu huma, jew jistgħu jiġu, ddikjarati nulli u bla effett jew jiġu emendati.”

Id-dritt Awstrijak

8

L-Artikolu 1(1) tal-Arbeitsruhegesetz (il-Liġi dwar il-Mistrieħ u l-Btajjel Pubbliċi, BGBl. 144/1983), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“ARG”), jiddisponi:

“Din il-liġi federali tapplika għall-ħaddiema kollha, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet kuntrarji ta’ din l-istess liġi”.

9

L-Artikolu 7 ta’ din il-liġi jipprevedi:

“(1)   Fil-btajjel pubbliċi, il-ħaddiem għandu dritt għal perijodu ta’ mistrieħ mhux interrott ta’ mill-inqas 24 siegħa, li jibda mhux iktar kmieni minn 00.00 u mhux iktar tard mis-06.00 fil-jum tal-btala pubblika.

(2)   Fis-sens ta’ din il-liġi federali, il-btajjel pubbliċi huma:

l‑1 ta’ Jannar (l-Ewwel tas-Sena), is‑6 ta’ Jannar (l-Epifanija), it-Tnejn ta’ wara l-Għid, l‑1 ta’ Mejju (festa tal-Istat), l-Axxensjoni, it-Tnejn ta’ wara l-Għid il-Ħamsin, il-Korpus Kristi, il‑15 ta’ Awwissu (l-Assunzjoni), is‑26 ta’ Ottubru (festa nazzjonali), l‑1 ta’ Novembru (il-Qaddisin Kollha), it‑8 ta’ Diċembru (l-Immakulata Kunċizzjoni), il‑25 ta’ Diċembru (il-Milied) u s‑26 ta’ Diċembru (San Stiefnu).

(3)   Għall-membri tal-Knejjes Evanġelistiċi tat-Twemmin Awgustan u Elevetiku, tal-Knisja Kattolika Qadima u tal-Knisja Evanġelista Metodista, il-Ġimgħa l-Kbira wkoll hija btala pubblika.

[…]”

10

Skont l-Artikolu 9 ta’ din l-istess liġi:

“(1)   Btala pubblika mhux maħduma […] ma twassalx sabiex il-ħaddiem jitlef id-dritt għar-remunerazzjoni tiegħu.

(2)   Il-ħaddiem huwa intitolat għar-remunerazzjoni li kien jitħallas fl-assenza tal-fatt li huwa jum mhux maħdum għar-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 1.

[…]

(5)   Il-ħaddiem li jaħdem matul il-perijodu ta’ mistrieħ relatat mal-btajjel pubbliċi, minbarra r-remunerazzjoni taħt il-paragrafu 1, għandu dritt għar-remunerazzjoni li tikkorrispondi għax-xogħol imwettaq, sakemm ma kienx miftiehem irkupru tas-sigħat fis-sens tal-Artikolu 7(6).”

11

Id-Direttiva 2000/78 ġiet trasposta fid-dritt Awstrjak b’mod partikolari permezz tal-Gleichbehandlungsgesetz (il-Liġi dwar l-Ugwaljanza fit-Trattament, BGBl. I, 66/2004). Din tistabbilixxi prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fil-kuntest tar-relazzjoni ta’ xogħol, b’mod partikolari minħabba r-reliġjon jew twemmin, fir-rigward tal-iffissar tar-remunerazzjoni kif ukoll tal-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

Skont l-Artikolu 7(3) tal-ARG, il-Ġimgħa l-Kbira hija btala pubblika mħallsa, b’perijodu ta’ mistrieħ ta’ 24 siegħa, għall-membri tal-Knejjes Evanġelistiċi tat-Twemmin Awgustan u Elevetiku, tal-Knisja Kattolika Qadima u tal-Knisja Evanġelista Metodista (iktar ’il quddiem il-“knejjes imsemmija fl-ARG”). Fil-każ li membru ta’ waħda minn dawn il-knejjes madankollu jaħdem matul dan il-jum, huwa għandu jkollu dritt għal remunerazzjoni supplimentari għal din il-btala pubblika (iktar ’il quddiem il-“kumpens għal btala pubblika”).

13

M. Achatzi huwa ħaddiem impjegat ma’ Cresco, aġenzija tal-investigazzjoni privata, u ma huwa membru ta’ ebda knisja msemmija fl-ARG. Huwa jqis li b’mod diskriminatorju ġie mċaħħad mill-kumpens għal btala pubblika għax-xogħol li wettaq fit‑3 ta’ April 2015, fil-Ġimgħa l-Kbira, u jitlob, f’dan ir-rigward, il-ħlas, mill-persuna li timpjegah, ta’ EUR 109.09, flimkien mal-interessi.

14

Il-qorti tal-appell varjat is-sentenza tal-ewwel istanza li kienet ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn M. Achatzi.

15

Adita b’appell ippreżentat minn Cresco kontra din id-deċiżjoni mogħtija fl-appell, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija) irrilevat, l-ewwel nett, li, mit-tlettax-il jum ta’ btajjel pubbliċi elenkati fl-Artikolu 7(2) tal-ARG, bl-eċċezzjoni tal‑1 ta’ Mejju u tas‑26 ta’ Ottubru, li ma għandhom l-ebda aspett reliġjuż, dawn huma kollha relatati mal-Kristjaneżimu, u tnejn minnhom kienu marbuta esklużivament biss mal-Kattoliċiżmu. Dawn il-btajjel pubbliċi kollha huma, barra minn hekk, mhux maħduma u huma mħallsa għall-ħaddiema kollha, indipendentement mill-appartenenza reliġjuża tagħhom.

16

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza, sussegwentement, li l-arranġament speċjali previst fl-Artikolu 7(3) tal-ARG huwa intiż sabiex jippermetti lil membri ta’ waħda mill-knejjes imsemmija minn din id-dispożizzjoni jipprattikaw ir-reliġjon tagħhom f’jum ta’ ċelebrazzjoni partikolarment importanti għalihom.

17

Skont il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 7(3) tal-ARG jissuġġetta l-għoti ta’ btala pubblika supplimentari għar-reliġjon tal-ħaddiema, bil-konsegwenza li l-persuni li ma jappartjenux għall-knejjes imsemmija mill-ARG jibbenefikaw minn btala pubblika mħallsa inqas mill-membri ta’ waħda minn dawn il-knejjes, fatt li jikkostitwixxi, bħala prinċipju, trattament inqas favorevoli minħabba r-reliġjon.

18

Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar jekk is-sitwazzjoni ta’ dawn iż-żewġ kategoriji ta’ ħaddiema hijiex komparabbli.

19

F’dan ir-rigward, hija tirrileva li l-Artikolu 7(3) tal-ARG għandu bħala għan li jippermetti lill-ħaddiema li huma membri ta’ waħda mill-knejjes imsemmija mill-ARG jipprattikaw ir-reliġjon tagħhom fil-Ġimgħa l-Kbira, mingħajr il-bżonn li dawn jiftiehmu mal-persuna li timpjegahom sabiex jieħdu jum leave. Issa, il-ħaddiema li huma membri tal-Knisja Kattolika Rumana, li l-maġġoranza tal-popolazzjoni Awstrijaka tagħmel parti minnha, jibbenefikaw minn din il-possibbiltà, sa fejn il-btajjel pubbliċi li huma msemmija fl-Artikolu 7(2) tal-ARG u li jirrigwardaw ir-reliġjon tagħhom ma humiex maħduma għall-ħaddiema kollha.

20

Madankollu, u minkejja li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma jallegax li l-ħtiġijiet reliġjużi tiegħu ma ttieħdux inkunsiderazzjoni fil-Ġimgħa l-Kbira, din il-qorti tqis li huwa xieraq li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali mad-Direttiva 2000/78, jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ħtiġijiet reliġjużi ta’ xi ħaddiema ma humiex ikkunsidrati minn din il-leġiżlazzjoni. Ċertament, xi ftehimiet kollettivi jinkludu dispożizzjonijiet simili għall-Artikolu 7 tal-ARG, b’mod partikolari fir-rigward tal-jum ta’ Yom Kippour għar-reliġjon Lhudija jew dak tal-festa tar-Riforma għall-knejjes Protestanti, iżda, fin-nuqqas ta’ dan, il-ħaddiema huma fil-biċċa l-kbira suġġetti għar-rieda tajba tal-persuna li timpjegahom.

21

Il-qorti tar-rinviju tirrileva, barra minn hekk, li d-differenza fit-trattament inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ biss tiġi indirizzata mid-dritt tal-Unjoni, f’tilwima bejn individwi bħal dik fil-kawża prinċipali, jekk dan id-dritt kien direttament applikabbli. Hija tenfasizza fil-fatt li d-Direttiva 2000/78 ġiet trasposta permezz tal-Liġi dwar l-Ugwaljanza fit-Trattament, li ma tibbenefika minn l-ebda supremazija fuq l-ARG, u li l-kliem ċar tal-Artikolu 7(3) tal-ARG jipprekludi interpretazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni li testendi l-arranġament fir-rigward tal-Ġimgħa l-Kbira għall-ħaddiema li ma humiex membri tal-knejjes imsemmija fl-ARG.

22

Il-qorti tar-rinviju tirrileva wkoll li, skont l-Artikolu 2(5) tagħha, id-Direttiva 2000/78 għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-miżuri previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li, f’soċjetà demokratika, huma neċessarji b’mod partikolari għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor u tenfasizza li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-libertà ta’ reliġjon u l-libertà ta’ twemmin huma fost il-pedamenti ta’ soċjetà demokratika.

23

L-imsemmija qorti tistaqsi għaldaqstant jekk l-arranġament previst fl-Artikolu 7(3) tal-ARG għandhux jitqies bħala li jikkostitwixxi miżura neċessarja għall-protezzjoni tal-libertà ta’ reliġjon u ta’ twemmin tal-ħaddiema li huma membri ta’ waħda mill-knejjes imsemmija fl-ARG.

24

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk id-differenza fit-trattament inkwistjoni tistax tiġi ġġustifikata fuq il-bażi tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2000/78, sa fejn din tikkostitwixxi miżura pożittiva u speċifika maħsuba sabiex telimina żvantaġġi eżistenti.

25

Ċertament, l-imsemmija qorti tenfasizza li ma jeżistux, bħala prinċipju, fis-suq tax-xogħol Awstrijak, żvantaġġi strutturali għall-ħaddiema li huma membri ta’ waħda mill-knejjes imsemmija fl-ARG. Madankollu, l-obbligu fil-konfront ta’ dawn tal-aħħar li jaħdmu f’wieħed mill-jiem fost l-iktar importanti tar-reliġjon tagħhom, meta dan ma huwiex il-każ, pereżempju, għall-membri tal-Knisja Kattolika Rumana, li l-ikbar ċelebrazzjonijiet tagħhom huma jiem mhux maħduma għall-ħaddiema kollha, jista’ jkun ikkunsidrat bħala li jikkostitwixxi tali żvantaġġ, li l-Artikolu 7(3) tal-ARG għandu l-għan li jikkumpensa.

26

Fl-aħħar nett, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-arranġament legali fir-rigward tal-Ġimgħa l-Kbira previst fl-Artikolu 7(3) tal-ARG jikser id-Direttiva 2000/78, tqum il-kwistjoni jekk dan il-ksur għandux jiġi kkumpensat bl-obbligu għall-persuna li timpjega, kumpannija rregolata mid-dritt privat, li tagħti din il-btala pubblika lill-impjegati kollha tagħha, minkejja li l-leġiżlatur Awstrijak kellu l-intenzjoni li jieħu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti ġġustifikati minħabba raġunijiet reliġjużi ta’ grupp ta’ ħaddiema ferm limitat biss sabiex jitħarsu l-interessi tal-persuni li jimpjegaw li opponew għal estensjoni eċċessiva tal-arranġament ġenerali tal-btajjel pubbliċi.

27

Barra minn hekk, jekk kellu jiġi kkonstatat li l-arranġament legali fir-rigward tal-Ġimgħa l-Kbira ma jikkostitwixxix azzjoni pożittiva jew miżura speċifika, fis-sens tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2000/78, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk din il-konstatazzjoni għandhiex twassal għall-inapplikabbiltà totali tal-Artikolu 7(3) tal-ARG, b’tali mod li l-ebda ħaddiem ma jkun jista’ jibbenefika, fil-Ġimgħa l-Kbira, minn btala pubblika jew mill-kumpens għal btala pubblika.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 21 tal-Karta […] flimkien mal-Artikolu 1 u 2(2)(a) tad-Direttiva [2000/78], għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ tilwima bejn ħaddiem u persuna li timpjega fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol irregolata mid-dritt privat, huwa jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-Ġimgħa l-Kbira hija wkoll btala pubblika b’perijodu ta’ mistrieħ mingħajr interruzzjoni ta’ mill-inqas 24 siegħa biss għall-membri tal-knejjes Evanġelisti tat-twemmin Awgustan u Elevetiku, tal-Knisja Kattolika Qadima u tal-Knisja Evanġelista Metodista u li abbażi tagħha l-ħaddiem [li jappartjeni għal waħda minn dawn il-knejjes] li jaħdem minkejja l-perijodu ta’ mistrieħ marbut mal-btala pubblika għandu dritt, minbarra għar-remunerazzjoni ta’ xogħol mhux imwettaq minħabba l-btala pubblika, ukoll għar-remunerazzjoni li tikkorrispondi max-xogħol imwettaq, filwaqt li ħaddiema l-oħra, li ma jagħmlux parti minn dawn il-knejjes, ma għandhomx tali dritt?

2)

Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 21 tal-Karta […] flimkien mal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva [2000/78], għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-direttiva ma tippreġudikax il-leġiżlazzjoni nazzjonali esposta fl-ewwel domanda, li tagħti drittijiet biss lil grupp relattivament limitat – meta mqabbel mal-popolazzjoni kollha u mal-appartenenza tal-maġġoranza għall-Knisja Kattolika Rumana – ta’ membri ta’ knejjes (oħra), għaliex hija miżura li, f’soċjetà demokratika, hija meħtieġa għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tal-oħrajn, b’mod partikolari l-libertà li tiġi pprattikata reliġjon?

3)

Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 21 tal-Karta […] flimkien mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva [2000/78], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-leġiżlazzjoni nazzjonali esposta fl-ewwel domanda tikkostitwixxi miżura pożittiva u speċifika favur il-membri tal-knejjes imsemmija fl-ewwel domanda sabiex tiggarantilhom ugwaljanza sħiħa fil-ħajja professjonali, tipprevjeni jew tikkumpensa l-iżvantaġġi marbuta mar-reliġjon lil dawn il-membri, jekk din il-leġiżlazzjoni tagħtihom l-istess dritt li jipprattikaw ir-reliġjon tagħhom matul il-ħin tax-xogħol fi btala pubblika importanti għal din ir-reliġjon bħad-dritt li għandhom il-maġġoranza tal-ħaddiema bis-saħħa ta’ dispożizzjoni nazzjonali oħra, minħabba li l-ġranet ta’ festa tar-reliġjon li hija osservata mill-maġġoranza tal-ħaddiema huma b’mod ġenerali ġranet liberi?

Fil-każ li jiġi deċiż li hemm diskriminazzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva [2000/78]:

4)

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 21 tal-Karta […] flimkien mal-Artikolu 1, mal-Artikolu 2(2)(a) kif ukoll mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva [2000/78], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-persuna privata li timpjega għandha, sakemm il-leġiżlatur ma jkunx għadu stabbilixxa sitwazzjoni legali nondiskriminatorja, tagħti lill-ħaddiema kollha, id-drittijiet marbuta mal-Ġimgħa l-Kbira li ġew esposti fl-ewwel domanda, irrispettivament mill-appartenenza reliġjuża tagħhom, jew il-leġiżlazzjoni nazzjonali msemmija għandha tibqa’ kompletament mhux applikata, b’tali mod li d-drittijiet marbuta mal-Ġimgħa l-Kbira li ġew esposti fl-ewwel domanda ma għandhom jingħataw lill-ebda ħaddiem?”

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

29

Il-Gvern Pollakk jikkunsidra li, skont l-Artikolu 17(1) TFUE, l-għoti minn Stat Membru ta’ btala pubblika maħsuba sabiex tippermetti ċ-ċelebrazzjoni ta’ festa reliġjuża ma jaqax taħt id-dritt tal-Unjoni, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari indirizzati lilha mill-qorti tar-rinviju.

30

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 17(1) TFUE jipprevedi li l-Unjoni tirrispetta u ma tippreġudikax l-istatus li jgawdu minnu, taħt id-dritt nazzjonali, il-knejjes u l-assoċjazzjonijiet jew il-komunitajiet reliġjużi fl-Istati Membri.

31

Din id-dispożizzjoni madankollu ma għandiex bħala konsegwenza li differenza fit-trattament li tinsab f’leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-għoti lil ċerti ħaddiema ta’ btala pubblika maħsuba sabiex tippermetti ċ-ċelebrazzjoni ta’ festa reliġjuża tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 u li l-konformità ta’ tali differenza fit-trattament ma’ din id-direttiva ma tkunx suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv.

32

Fil-fatt, minn naħa, il-formulazzjoni tal-Artikolu 17 TFUE tikkorrispondi, essenzjalment, għal dik tad-Dikjarazzjoni Nru 11 dwar l-istatus tal-knejjes u tal-organizzazzjonijiet mhux konfessjonali, annessa mal-Att Finali tat-Trattat ta’ Amsterdam. Issa, il-fatt li din tal-aħħar hija ċċitata espliċitament fil-premessa 24 tad-Direttiva 2000/78 juri li l-leġiżlatur tal-Unjoni neċessarjament ħa inkunsiderazzjoni l-imsemmija dikjarazzjoni matul l-adozzjoni ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 57, u tal‑11 ta’ Settembru 2018, IR, C‑68/17, EU:C:2018:696, punt 48).

33

Min-naħa l-oħra, ċertament, l-Artikolu 17 TFUE jesprimi n-newtralità tal-Unjoni fir-rigward tal-organizzazzjoni mill-Istati Membri tar-relazzjonijiet tagħhom mal-knejjes u mal-assoċjazzjonijiet jew mal-komunitajiet reliġjużi (sentenzi tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 58, u tal‑11 ta’ Settembru 2018, IR, C‑68/17, EU:C:2018:696, punt 48). Madankollu, id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma humiex intiżi sabiex jorganizzaw ir-relazzjonijiet bejn Stat Membru u l-knejjes, iżda biss sabiex jagħtu lill-ħaddiema, membri ta’ ċerti knejjes, btala pubblika supplimentari li tikkoinċidi ma’ festa reliġjuża importanti għal dawn il-knejjes.

34

L-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni mqajma mill-Gvern Pollakk għandha għalhekk tiġi miċħuda.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel tliet domandi

35

Permezz tal-ewwel tliet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1 u l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2000/78 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha, minn naħa, il-Ġimgħa l-Kbira hija biss btala pubblika għall-ħaddiema li huma membri ta’ ċerti knejjes Kristjani u, min-naħa l-oħra, dawn il-ħaddiema biss għandhom id-dritt, jekk huma jkollhom jaħdmu matul din il-btala pubblika, għal kumpens għal btala pubblika, tikkostitwixxix diskriminazzjoni diretta minħabba r-reliġjon. Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, hija tistaqsi wkoll jekk il-miżuri previsti minn din il-leġiżlazzjoni nazzjonali jistgħux jiġu kkunsidrati bħala miżuri neċessarji għall-ħarsien tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor, fis-sens tal-Artikolu 2(5) ta’ din id-direttiva, jew bħala miżuri speċifiċi intiżi sabiex jikkumpensaw għal żvantaġġi marbuta mar-reliġjon, fis-sens tal-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva.

36

Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78, din id-direttiva għandha l-għan li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, f’dak li jirrigwarda l-impjieg u x-xogħol, bl-iskop li timplimenta fl-Istati Membri l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

37

Skont l-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, “il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament” għandu jfisser l-assenza ta’ kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta, ibbażata fuq waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva. L-Artikolu 2(2)(a) ta’ din id-direttiva jippreċiża li, għall-bżonnijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(1) tagħha, għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli minn persuna oħra f’sitwazzjoni komparabbli, fuq il-bażi ta’ waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tal-istess direttiva, li fosthom hemm ir-reliġjon.

38

F’dan il-kuntest, huwa importanti, l-ewwel nett, li jiġi ddeterminat jekk tirriżultax mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema fuq il-bażi tar-reliġjon tagħhom.

39

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Artikolu 7(3) tal-ARG jirrikonoxxi biss lill-ħaddiema li huma membri ta’ waħda mill-knejjes imsemmija mill-ARG id-dritt għal btala pubblika fil-Ġimgħa l-Kbira. Minn dan isegwi li l-kumpens għal btala pubblika li, skont l-Artikolu 9(5) tal-ARG, jista’ jinvoka l-ħaddiem li jeżerċita l-attività professjonali tiegħu matul btala pubblika, hija biss dovuta lill-ħaddiema li jeżerċitaw l-attività professjonali tagħhom fil-Ġimgħa l-Kbira jekk dawn huma membri ta’ waħda minn dawn il-knejjes.

40

Għalhekk, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistabbilixxi differenza fit-trattament li hija bbażata direttament fuq ir-reliġjon tal-ħaddiema. Fil-fatt, il-kriterju ta’ distinzjoni li tagħmel użu minnu din il-leġiżlazzjoni jirriżulta direttament mill-appartenenza tal-ħaddiema għal reliġjon speċifika.

41

It-tieni nett, għandu jiġi eżaminat jekk tali differenza fit-trattament tikkonċernax kategoriji ta’ ħaddiema li jinsabu f’sitwazzjonijiet komparabbli.

42

F’dan ir-rigward, ir-rekwiżit relatat man-natura komparabbli tas-sitwazzjonijiet sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzawh u b’mod partikolari fid-dawl tal-għan u tal-iskop tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2015, CHEZ Razpredelenie Bulgaria, C‑83/14, EU:C:2015:480, punt 89, u tas‑26 ta’ Ġunju 2018, MB (Bidla fil-ġeneru u pensjoni tal-irtirar), C‑451/16, EU:C:2018:492, punt 42).

43

Għandu wkoll jiġi ppreċiżat li, minn naħa, ma huwiex meħtieġ li s-sitwazzjonijiet ikunu identiċi, iżda biss li jkunu komparabbli u li, min-naħa l-oħra, l-eżami ta’ din in-natura komparabbli ma għandhux isir b’mod globali u astratt, iżda b’mod speċifiku u konkret fir-rigward tal-benefiċċju kkonċernat (sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2017, Abercrombie & Fitch Italia, C‑143/16, EU:C:2017:566, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

F’dan il-każ, l-Artikolu 7(3) tal-ARG jagħti, fil-Ġimgħa l-Kbira, perijodu ta’ mistrieħ kontinwu ta’ 24 siegħa lil dawk il-ħaddiema biss li huma membri ta’ waħda mill-knejjes imsemmija fl-ARG. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi differenza fit-trattament fir-rigward tal-għoti ta’ btala pubblika bejn dawn il-ħaddiema u l-ħaddiema l-oħra kollha.

45

F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-perijodu ta’ mistrieħ ta’ 24 siegħa mogħti fil-Ġimgħa l-Kbira lill-ħaddiema li huma membri ta’ waħda mill-knejjes imsemmija fl-ARG huwa ġġustifikat, mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, mill-importanza li dan il-jum għandu għal dawn il-komunitajiet reliġjużi.

46

Madankollu, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-għoti ta’ btala pubblika fil-Ġimgħa l-Kbira lil ħaddiem membru ta’ waħda mill-knejjes imsemmija fl-ARG ma huwiex suġġett għall-kundizzjoni li l-ħaddiem iwettaq obbligu reliġjuż speċifiku matul din il-ġurnata, iżda huwa biss suġġett għall-appartenenza formali ta’ dan il-ħaddiem għal waħda minn dawn il-knejjes. Għaldaqstant dan il-ħaddiem jibqa’ liberu li jagħmel użu mill-perijodu relatat ma’ dik il-btala pubblika kif jixtieq huwa, pereżempju għal finijiet ta’ mistrieħ jew ta’ rikreazzjoni.

47

Is-sitwazzjoni ta’ dan il-ħaddiem ma hijiex differenti minn, f’dan ir-rigward, dik ta’ ħaddiema oħra li jkunu jixtiequ jagħmlu użu minn perijodu ta’ mistrieħ jew ta’ rikreazzjoni waqt Ġimgħa l-Kbira speċifika mingħajr ma jkunu jistgħu madankollu jibbenefikaw minn btala pubblika korrispondenti.

48

Barra minn hekk, jirriżulta mill-qari flimkien tal-Artikolu 7(3) u tal-Artikolu 9(5) tal-ARG, li huma biss il-ħaddiema li huma membri ta’ waħda mill-knejjes imsemmija fl-ARG li jistgħu jibbenefikaw mill-kumpens għal btala pubblika jekk jaħdmu fil-Ġimgħa l-Kbira.

49

Fid-dawl tan-natura finanzjarja tal-benefiċċju kkonċernat minn tali trattament differenti, kif ukoll tar-rabta indissoċjabbli li tgħaqqad dan il-benefiċċju mal-għoti ta’ btala pubblika fil-Ġimgħa l-Kbira, għandu wkoll jiġi kkunsidrat li, għal dak li jirrigwarda l-għoti ta’ tali benefiċċju finanzjarju, is-sitwazzjoni tal-ħaddiema li huma membri ta’ waħda mill-knejjes imsemmija mill-ARG hija komparabbli għal dik tal-ħaddiema l-oħra, irrispettivament jekk huma jkollhomx reliġjon.

50

Fil-fatt, kif jirriżulta mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-għoti ta’ dan il-kumpens lill-ħaddiem membru ta’ waħda minn dawn il-knejjes, li huwa mitlub jaħdem fil-Ġimgħa l-Kbira, jiddependi biss fuq l-appartenenza formali ta’ dan il-ħaddiem għal waħda minn dawn il-knejjes. L-imsemmi ħaddiem għalhekk għandu dritt għal dan il-kumpens minkejja li huwa ħadem fil-Ġimgħa l-Kbira mingħajr ma ħass l-obbligu jew il-bżonn li jiċċelebra din il-festa reliġjuża. Għaldaqstant is-sitwazzjoni tiegħu ma hijiex differenti minn dik tal-ħaddiema l-oħra li ħadmu fil-Ġimgħa l-Kbira mingħajr ma jibbenefikaw minn tali kumpens.

51

Minn dan isegwi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha l-effett li tittratta b’mod differenti, fuq il-bażi tar-reliġjon, sitwazzjonijiet komparabbli. Hija b’hekk tistabbilixxi diskriminazzjoni diretta minħabba r-reliġjon, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78.

52

Fit-tieni lok, għandu jiġi ddeterminat jekk tali diskriminazzjoni diretta tistax tiġi ġġustifikata fuq il-bażi tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78 jew tal-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva.

53

Minn naħa, skont l-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78, din ma għandhiex tippreġudika il-miżuri previsti mil-liġi nazzjonali li, f’soċjetà demokratika, huma neċessarji għas-sigurtà pubblika, għall-ordni pubbliku u għall-prevenzjoni ta’ reati kriminali, għall-protezzjoni tas-saħħa u għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor.

54

Meta adotta din id-dispożizzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni, fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol, jippreveni u joffri medjazzjoni għal kunflitt bejn, minn naħa, il-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament u, min-naħa l-oħra, in-neċessità li jiżgura l-ordni, is-sigurtà u s-saħħa pubblika, il-prevenzjoni ta’ reati kif ukoll il-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tal-individwi, li huma indispensabbli għall-funzjonament ta’ soċjetà demokratika. Dan il-leġiżlatur iddeċieda li, f’ċerti każijiet elenkati fl-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78, il-prinċipji stabbiliti minn din tal-aħħar ma japplikawx għal miżuri li jinkludu differenzi fit-trattament ibbażati fuq waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn il-miżuri jkunu neċessarji għat-twettiq tal-għanijiet hawn fuq imsemmija (sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2011, Prigge et, C‑447/09, EU:C:2011:573, punt 55).

55

Min-naħa l-oħra, peress li l-imsemmi Artikolu 2(5) jistabbilixxi deroga mill-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni, dan għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv. Il-kliem użat f’din id-dispożizzjoni wkoll iwassal għal tali approċċ (sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2011, Prigge et, C‑447/09, EU:C:2011:573, punt 56 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

56

F’dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat, l-ewwel nett, li l-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri r-rikonoxximent tal-Ġimgħa l-Kbira bħala btala pubblika għall-ħaddiema li huma membri ta’ waħda mill-knejjes imsemmija fl-ARG kif ukoll l-għoti lil dawn il-ħaddiema tal-kumpens għal btala pubblika fil-każ fejn dawn ikunu obbligati jaħdmu matul il-perijodu ta’ mistrieħ relatat ma’ din il-btala pubblika, huma previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78.

57

It-tieni nett, kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, l-għoti ta’ btala pubblika fil-Ġimgħa l-Kbira lill-ħaddiema li huma membri ta’ waħda mill-knejjes imsemmija fl-ARG għandu l-għan li tiiteħed inkunsiderazzjoni l-importanza partikolari taċ-ċelebrazzjonijiet reliġjużi assoċjati ma’ tali ġurnata għall-membri ta’ dawn il-knejjes.

58

Issa, huwa stabbilit li l-libertà tar-reliġjon hija parti mid-drittijiet u mil-libertajiet fundamentali rrikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni, fejn il-kunċett ta’ “reliġjon” għandu jinftiehem f’dan il-kuntest bħala li jkopri kemm il-forum internum, jiġifieri li wieħed ikollu twemmin, kif ukoll il-forum externum, jiġifieri l-manifestazzjoni fil-pubbliku tal-fidi reliġjuża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Marzu 2017, G4S Secure Solutions, C‑157/15, EU:C:2017:203, punt 28, kif ukoll tal‑14 ta’ Marzu 2017, Bougnaoui u ADDH, C‑188/15, EU:C:2017:204, punt 30). Minn dan isegwi li, l-għan imfittex mil-leġiżlatur Awstrijak huwa inkluż sew fost dawk li huma elenkati fl-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78.

59

Għad irid jiġi ddeterminat, it-tielet nett, jekk dawn il-miżuri humiex neċessarji għall-protezzjoni tal-libertà tar-reliġjon tal-ħaddiema inkwistjoni.

60

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif ikkonferma l-Gvern Awstrijak waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-possibbiltà għall-ħaddiema li ma jappartjenux għall-knejjes imsemmija fl-ARG, li jiċċelebraw festa reliġjuża li ma tikkoinċidix ma waħda mill-btajjel pubbliċi elenkati fl-Artikolu 7(2) tal-ARG hija riflessa fil-liġi Awstrijaka, mhux permezz tal-għoti ta’ btala pubblika supplimentari, iżda prinċipalment permezz ta’ dmir ta’ premura min-naħa tal-persuna li timpjega fir-rigward tal-impjegati tagħha, li jippermetti lil dawn tal-aħħar jiksbu, jekk ikun il-każ, id-dritt li jkunu assenti mix-xogħol tagħhom għall-perijodu neċessarju sabiex iwettqu ċerti riti reliġjużi.

61

Minn dan jirriżulta li miżuri nazzjonali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala neċessarji għall-protezzjoni tal-libertà tar-reliġjon, fis-sens tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78.

62

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi vverifikat jekk dispożizzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħux jiġu ġġustifikati abbażi tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2000/78.

63

Minn din l-aħħar dispożizzjoni jirriżulta li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jipprekludix lil Stat Membru milli jżomm jew jadotta, sabiex tiġi żgurata ugwaljanza sħiħa fil-ħajja professjonali, miżuri speċifiċi intiżi sabiex jipprevjenu jew jikkumpensaw l-iżvantaġġi marbuta ma’ xi waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva.

64

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2000/78 għandu l-għan preċiż u limitat li jawtorizza miżuri li, minkejja li jidhru diskriminatorji, huma effettivament intiżi sabiex jeliminaw jew inaqqsu l-inugwaljanzi fattwali li jistgħu jeżistu fil-ħajja soċjali (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2010, Roca Álvarez, C‑104/09, EU:C:2010:561, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65

Barra minn hekk, fid-determinazzjoni tal-portata ta’ kull deroga għal dritt individwali, bħalma hija l-ugwaljanza fit-trattament, għandu jiġi osservat il-prinċipju ta’ proporzjonalità li jeżiġi li d-derogi ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u li jiġu rrikonċiljati, sa fejn ikun possibbli, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u r-rekwiżiti tal-għan hekk imfittex (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2002, Lommers, C‑476/99, EU:C:2002:183, punt 39).

66

F’dan il-każ, u mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi ddeterminat jekk il-fatt li l-Ġimgħa l-Kbira, li tidher bħala waħda mill-jiem l-iktar importanti tar-reliġjon li jappartjenu għaliha l-ħaddiema membri ta’ waħda mill-knejjes imsemmija fl-ARG, ma tikkorrispondix għal waħda mill-btajjel pubbliċi elenkati fl-Artikolu 7(2) ta’ din il-liġi, jikkostitwixxi żvantaġġ fl-eżerċizzju tal-ħajja professjonali tagħhom fis-sens tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2000/78, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax titqies li tinkludi miżuri speċifiċi intiżi sabiex jikkumpensaw tali “żvantaġġ” b’osservanza għall-prinċipju ta’ proporzjonalità u, sa fejn ikun possibbli, għall-prinċipju ta’ ugwaljanza.

67

Fil-fatt, kif ġie rrilevat fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jagħtu perijodu ta’ mistrieħ ta’ 24 siegħa, fil-Ġimgħa l-Kbira, lill-ħaddiema li huma membri ta’ waħda mill-knejjes imsemmija fl-ARG, filwaqt li l-ħaddiema li jappartjenu għal reliġjonijiet oħra, li l-festi importanti tagħhom ma jikkoinċidux mal-btajjel pubbliċi previsti fl-Artikolu 7(2) tal-ARG, bħala prinċipju jistgħu biss ikunu assenti mix-xogħol tagħhom sabiex iwettqu r-riti reliġjużi relatati ma’ dawn il-festi bis-saħħa ta’ awtorizzazzjoni mogħtija mill-persuna li timpjegahom fil-kuntest tad-dmir ta’ premura.

68

Minn dan isegwi li l-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jikkumpensaw għal tali allegat żvantaġġ u li dawn jistabbilixxu differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema, li huma suġġetti għal obbligi reliġjużi komparabbli, li ma tiżgurax, sa fejn huwa possibbli, l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza.

69

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel tliet domandi hija:

l-Artikolu 1 u l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha, minn naħa, il-Ġimgħa l-Kbira hija biss btala pubblika għall-ħaddiema li huma membri ta’ ċerti knejjes Kristjani u, min-naħa l-oħra, dawn il-ħaddiema biss għandhom id-dritt, jekk huma jkollhom jaħdmu matul din il-btala pubblika, għal kumpens għal btala pubblika, tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta minħabba r-reliġjon, u

il-miżuri previsti minn din il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma jistgħux jiġu kkunsidrati la bħala miżuri neċessarji għall-ħarsien tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor, fis-sens tal-Artikolu 2(5) ta’ din id-direttiva, u lanqas bħala miżuri speċifiċi intiżi sabiex jikkumpensaw għal żvantaġġi marbuta mar-reliġjon, fis-sens tal-Artikolu 7(1) tal-istess direttiva.

Fuq ir-raba’ domanda

70

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li, sakemm l-Istat Membru kkonċernat ma emendax, sabiex terġa’ tiġi stabbilita l-ugwaljanza fit-trattament, il-leġiżlazzjoni tiegħu li tagħti d-dritt għal btala pubblika fil-Ġimgħa l-Kbira biss lill-ħaddiema membri ta’ ċerti knejjes Kristjani, persuna li timpjega privata suġġetta għal din il-leġiżlazzjoni għandha l-obbligu li tagħti wkoll lill-ħaddiema l-oħra tagħha d-dritt għal btala pubblika fil-Ġimgħa l-Kbira u, konsegwentement, li tirrikonoxxi lil dawn tal-aħħar, jekk ikunu obbligati li jaħdmu matul dak il-jum, id-dritt għal kumpens għal btala pubblika.

71

Jirriżulta mir-risposta mogħtija għall-ewwel tliet domandi li d-Direttiva 2000/78 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi differenza fit-trattament minħabba r-reliġjon, bħal dik stabbilita permezz tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

72

Madankollu, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, direttiva ma tistax, minnha nnifisha, toħloq obbligi fil-konfront ta’ individwu u għaldaqstant ma tistax tiġi invokata bħala tali kontrieh. Fil-fatt, il-fatt li tiġi estiża l-invokabbiltà tad-direttivi li ma ġewx trasposti, jew li ġew trasposti b’mod inkorrett, għall-qasam tar-relazzjonijiet bejn l-individwi jwassal sabiex tiġi rrikonoxxuta favur l-Unjoni s-setgħa li tadotta, b’effett immedjat, obbligi fir-rigward tal-individwi filwaqt li hija għandha din il-kompetenza biss f’dawk il-każijiet fejn hija ngħatat is-setgħa li tadotta regolamenti (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth, C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871, punt 76 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

73

Għalhekk, direttiva ma tistax tiġi invokata f’tilwima bejn individwi sabiex tiġi mwarrba l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru kuntrarja għal din id-direttiva (sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Smith, C‑122/17, EU:C:2018:631, punt 44).

74

Madankollu, għandu jitfakkar, fit-tieni lok, li huma l-qrati nazzjonali li għandhom, b’kont meħud tar-regoli kollha tad-dritt nazzjonali u b’applikazzjoni tal-metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu, jiddeċiedu jekk u sa fejn dispożizzjoni nazzjonali tista’ tiġi interpretata b’mod konformi mad-Direttiva 2000/78 mingħajr interpretazzjoni contra legem ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali (sentenzi tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 71, u tal‑11 ta’ Settembru 2018, IR, C‑68/17, EU:C:2018:696, punt 63).

75

Fil-każ li, hekk kif jidher li jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, ikun impossibbli għall-qorti tar-rinviju li twettaq tali interpretazzjoni b’mod konformi, għandu jiġi ppreċiżat, fit-tielet lok, li d-Direttiva 2000/78 ma tistabbilixxix hija stess l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol, li joriġina minn diversi strumenti internazzjonali u mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, iżda għandha biss l-għan li tistabbilixxi, f’dawn l-istess oqsma, qafas ġenerali għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq diversi raġunijiet, fosthom ir-reliġjon jew it-twemmin, hekk kif jirriżulta mit-titolu u mill-Artikolu 1 tagħha (sentenzi tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 75, u tal‑11 ta’ Settembru 2018, IR, C‑68/17, EU:C:2018:696, punt 67).

76

Il-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin hija ta’ natura imperattiva inkwantu prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Stabbilita fl-Artikolu 21(1) tal-Karta, din il-projbizzjoni hija suffiċjenti fiha nnifisha sabiex tikkonferixxi lill-individwi dritt invokabbli bħala tali f’tilwima bejniethom f’qasam kopert mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 76).

77

Fir-rigward tal-effett imperattiv tiegħu, l-Artikolu 21 tal-Karta ma huwiex differenti, bħala prinċipju, mid-dispożizzjonijiet differenti tat-Trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ diversi raġunijiet, anki meta tali diskriminazzjoni tirriżulta minn kuntratti konklużi bejn individwi (sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 77).

78

Għaldaqstant, jekk kellu jirriżulta li d-dispożizzjonijiet nazzjonali ma jistgħux jiġu interpretati b’mod li jkun konformi mad-Direttiva 2000/78, il-qorti tar-rinviju tkun xorta waħda marbuta li tiżgura l-protezzjoni legali li tirriżulta għall-ħaddiema mill-Artikolu 21 tal-Karta u li tiggarantixxi l-effett sħiħ ta’ dan l-artikolu.

79

Fir-raba’ lok, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta diskriminazzjoni, li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, tkun ġiet ikkonstatata u sakemm miżuri li jerġgħu jistabbilixxu l-ugwaljanza fit-trattament ma ġewx adottati, l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jista’ biss jiġi żgurat permezz tal-għoti lill-persuni tal-kategorija żvantaġġata tal-istess vantaġġi bħal dawk li jibbenefikaw minnhom il-persuni tal-kategorija pprivileġġata. Il-persuni żvantaġġati għandhom għalhekk jitqiegħdu fl-istess sitwazzjoni tal-persuni li jibbenefikaw mill-vantaġġ ikkonċernat (sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2017, Milkova, C‑406/15, EU:C:2017:198, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80

F’sitwazzjoni bħal din, il-qorti nazzjonali hija obbligata li ma tapplikax kull dispożizzjoni nazzjonali diskriminatorja, mingħajr ma jkollha għalfejn titlob jew tistenna t-tħassir minn qabel tagħha mil-leġiżlatur, u għandha tapplika għall-membri tal-grupp żvantaġġat l-istess arranġament li minnu jibbenefikaw il-persuni tal-kategorija l-oħra. Il-qorti nazzjonali għandha dan l-obbligu indipendentement mill-eżistenza, fid-dritt intern, ta’ dispożizzjonijiet li jagħtuha l-kompetenza sabiex tagħmel dan (sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2017, Milkova, C‑406/15, EU:C:2017:198, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81

Madankollu, tali soluzzjoni tista’ tapplika biss fil-preżenza ta’ sistema ta’ riferiment valida (sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2017, Milkova, C‑406/15, EU:C:2017:198, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82

Dan huwa l-każ fil-kawża prinċipali, peress li l-arranġament applikabbli għall-membri tal-knejjes imsemmija fl-ARG jibqa’, fin-nuqqas tal-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni, l-unika sistema ta’ riferiment valida.

83

Għaldaqstant, sakemm miżuri li jerġgħu jistabbilixxu l-ugwaljanza fit-trattament ma ġewx adottati mil-leġiżlatur nazzjonali, huwa d-dmir tal-persuni li jimpjegaw li jiżguraw lill-ħaddiema li ma jappartjenux għal waħda minn dawn il-knejjes trattament identiku għal dak li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jipprovdu għall-ħaddiema li huma membri ta’ waħda minn dawn il-knejjes.

84

Għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti li dawn il-ħaddiema tal-aħħar huma obbligati jinformaw lill-persuna li timpjegahom li huma jappartjenu għal waħda mill-knejjes imsemmija fl-ARG sabiex dan ikun jista’ jantiċipa l-assenza tagħhom fil-Ġimgħa l-Kbira.

85

Għaldaqstant, sakemm ma tkun seħħet l-ebda konformità leġiżlattiva, il-persuna li timpjega għandha tirrikonoxxi, skont l-Artikolu 21 tal-Karta, lill-ħaddiema li ma jappartjenu għall-ebda waħda minn dawn il-knejjes, id-dritt għal btala pubblika fil-Ġimgħa l-Kbira, bil-kundizzjoni li dawn il-ħaddiema jkunu informaw lil persuna li timpjegahom, qabel dan il-jum, bix-xewqa tagħhom li ma jaħdmux matul dak il-jum.

86

Minn dan isegwi wkoll li ħaddiem li ma jappartjeni għal ebda waħda mill-knejjes imsemmija fl-ARG huwa intitolat jikseb il-ħlas, mill-persuna li timpjegah, tal-kumpens previst fl-Artikolu 9(5) tal-ARG, meta din il-persuna li timpjega rrifjutat li tilqa’ t-talba tiegħu sabiex ma jaħdimx matul dak il-jum.

87

Fil-ħames lok, għandu jitfakkar li l-obbligi imposti fuq il-persuni li jimpjegaw, kif imfakkra fil-punti 85 u 86 ta’ din is-sentenza, huma validi biss sakemm miżuri li jerġgħu jistabbilixxu l-ugwaljanza fit-trattament ma jkunux ġew adottati mil-leġiżlatur nazzjonali.

88

Fil-fatt, għalkemm l-Istati Membri, konformement mal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2000/78, għandhom l-obbligu li jneħħu l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi kuntrarji għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, dan l-artikolu madankollu ma jimponilhomx jadottaw miżuri speċifiċi fil-każ ta’ ksur tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni, iżda jħallilhom il-libertà jagħżlu, minn fost is-soluzzjonijiet differenti intiżi sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, dak li huma jqisu bħala l-iktar adatt għal dan il-għan, skont is-sitwazzjonijiet li jistgħu jinqalgħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2018, Stollwitzer, C‑482/16, EU:C:2018:180, punti 2830).

89

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda hija li l-Artikolu 21 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li, sakemm l-Istat Membru kkonċernat ma emendax, sabiex terġa’ tiġi stabbilita l-ugwaljanza fit-trattament, il-leġiżlazzjoni tiegħu li tagħti d-dritt għal btala pubblika fil-Ġimgħa l-Kbira biss lill-ħaddiema membri ta’ ċerti knejjes Kristjani, persuna li timpjega privata suġġetta għal din il-leġiżlazzjoni għandha l-obbligu li tagħti wkoll lill-ħaddiema l-oħra tagħha d-dritt għal btala pubblika fil-Ġimgħa l-Kbira, sakemm dawn tal-aħħar ikunu talbu minn qabel lil din il-persuna li timpjega sabiex ma jaħdmux dakinhar, u, konsegwentement, li tirrikonoxxi lil dawn il-ħaddiema d-dritt għal kumpens għal btala pubblika, meta din il-persuna li timpjega tkun irrifjutat li tilqa’ din it-talba.

Fuq l-ispejjeż

90

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 1 u l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha, minn naħa, il-Ġimgħa l-Kbira hija biss btala pubblika għall-ħaddiema li huma membri ta’ ċerti knejjes Kristjani u, min-naħa l-oħra, dawn il-ħaddiema biss għandhom id-dritt, jekk huma jkollhom jaħdmu matul din il-btala pubblika, għal kumpens komplementari għar-remunerazzjoni li jirċievu għas-servizzi pprovduti matul dan il-jum, tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta minħabba r-reliġjon.

Il-miżuri previsti minn din il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma jistgħux jiġu kkunsidrati la bħala miżuri neċessarji għall-ħarsien tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor, fis-sens tal-Artikolu 2(5) ta’ din id-direttiva, u lanqas bħala miżuri speċifiċi intiżi sabiex jikkumpensaw għal żvantaġġi marbuta mar-reliġjon, fis-sens tal-Artikolu 7(1) tal-istess direttiva.

 

2)

L-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li, sakemm l-Istat Membru kkonċernat ma emendax, sabiex terġa’ tiġi stabbilita l-ugwaljanza fit-trattament, il-leġiżlazzjoni tiegħu li tagħti d-dritt għal btala pubblika fil-Ġimgħa l-Kbira biss lill-ħaddiema membri ta’ ċerti knejjes Kristjani, persuna li timpjega privata suġġetta għal din il-leġiżlazzjoni għandha l-obbligu li tagħti wkoll lill-ħaddiema l-oħra tagħha d-dritt għal btala pubblika fil-Ġimgħa l-Kbira, sakemm dawn tal-aħħar ikunu talbu minn qabel lil din il-persuna li timpjega sabiex ma jaħdmux dakinhar, u, konsegwentement, li tirrikonoxxi lil dawn il-ħaddiema d-dritt għal kumpens komplementari għar-remunerazzjoni li jirċievu għas-servizzi pprovduti matul dan il-jum, meta din il-persuna li timpjega tkun irrifjutat li tilqa’ din it-talba.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Fuq