Kawża C-104/09

Pedro Manuel Roca Álvarez

vs

Sesa Start España ETT SA

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa

mit-Tribunal Superior de Justicia de Galicia)

“Politika soċjali — Trattament ugwali tal-ħaddiema rġiel u tal-ħaddiema nisa — Direttiva 76/207/KEE — Artikoli 2 u 5 — Dritt għal leave ta’ ommijiet impjegati — Possibbiltà ta’ użu mill-omm impjegata jew mill-missier impjegat — Omm mhux impjegata — Esklużjoni tad-dritt għal leave għall-missier impjegat”

Sommarju tas-sentenza

Politika soċjali — Ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa — Aċċess għall-impjiegi u kundizzjonijiet tax-xogħol — Trattament ugwali

(Direttiva tal-Kunsill 76/207, Artikoli 2(1), (3) u (4), u (5)

L-Artikolu 2(1), (3) u (4), u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 76/207, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kundizzjonijiet tax-xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens illi jipprekludu miżura nazzjonali li tistipula illi l-ħaddiema nisa, ommijiet ta’ tarbija u li għandhom l-istatus ta’ impjegat, jistgħu jibbenefikaw minn leave, skont diversi modalitajiet, matul l-ewwel disa’ xhur wara t-twelid ta’ din it-tarbija, filwaqt li ħaddiema rġiel, missirijiet ta’ tarbija u li għandhom l-istess status, ma jistgħux jibbenefikaw mill-istess leave ħlief meta l-omm ta’ din it-tarbija jkollha wkoll l-istatus ta’ impjegat.

Fil-fatt, peress illi l-leave jista’ jittieħed kemm mill-missier impjegat kif ukoll mill-omm impjegata, li jfisser illi n-nutrizzjoni u l-kura tat-tarbija jistgħu jingħataw kemm mill-missier kif ukoll mill omm, tali leave jidher li jingħata lill-ħaddiema fil-kwalità tagħhom ta’ ġenituri tat-tarbija. Għaldaqstant ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li jiżgura l-protezzjoni tal-kundizzjoni bijoloġika tal-mara wara t‑tqala tagħha jew il-protezzjoni tar-relazzjonijiet speċjali bejn l-omm u t-tarbija tagħha. Barra minn hekk, il-fatt li l-benefiċċju tal-leave inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa miċħud lill-missirijiet li għandhom l-istatus ta’ impjegat, minħabba l-fatt biss illi omm it-tarbija ma hijiex impjegata wkoll, jista’ jkollu bħala effett illi mara li taħdem għal rasha, ikollha tillimita l-attività professjonali tagħha u terfa’ waħidha l-piż li jirriżulta mit-twelid tat-tarbija tagħha, mingħajr ma tkun tista’ tirċievi għajnuna minn missier it-tarbija. Konsegwentement, tali miżura ma tistax tiġi kkunsidrata bħala miżura li għandha l-effett li telimina jew li tnaqqas l-inugwaljanzi fattwali li jistgħu jeżistu għan-nisa, fir-realtà tal-ħajja soċjali, skont l-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 76/207, u lanqas bħala miżura intiża sabiex twassal għal ugwaljanza sostanzjali u mhux formali billi tnaqqas l‑inugwaljanzi fattwali li jistgħu jeżistu fil-ħajja soċjali u, b’hekk, tipprevjeni jew tikkumpensa, skont l-Artikolu 157(4) TFUE, għal żvantaġġi fil-karriera professjonali tal-persuni kkonċernati.

(ara l-punti 31, 37, 38, 39 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

30 ta’ Settembru 2010 (*)

“Politika soċjali – Trattament ugwali tal-ħaddiema rġiel u tal-ħaddiema nisa – Direttiva 76/207/KEE – Artikoli 2 u 5 – Dritt għal leave ta’ ommijiet impjegati – Possibbiltà ta’ użu mill-omm impjegata jew mill‑missier impjegat – Omm mhux impjegata – Esklużjoni tad-dritt għal leave għall-missier impjegat”

Fil-Kawża C‑104/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Galicia (Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Frar 2009, li waslet fil‑Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Marzu 2009, fil-proċedura

Pedro Manuel Roca Álvarez

vs

Sesa Start España ETT SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President ta’ Awla, P. Lindh (Relatur), A. Rosas, U. Lõhmus u A. Ó Caoimh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Spanjol, minn B. Plaza Cruz, bħala aġent,

–        għall-Irlanda, minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn N. Hyland, BL,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. van Beek u S. Pardo Quintillán, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tas-6 ta’ Mejju 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 2(1), (3) u (4), u tal-Artikolu 5 tad-Direttiva tal‑Kunsill 76/207/KEE, tad-9 ta’ Frar 1976, dwar l-implimentazzjoni tal‑prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kundizzjonijiet tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 197).

2        Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta’ kawża bejn R Álvarez u l‑kumpannija li timpjegah, Sesa Start España ETT SA, dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li tagħtih leave imsejjaħ “għat-treddigħ”.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3        L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 76/207 jipprovdi dan li ġej:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li jdaħħal fis-seħħ fl-Istati Membri l‑prinċipju tat-trattament ugwali ghall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l‑aċċess għall-impjieg, inkluża l-promozzjoni, u taħriġ professjonali u għal dak li għandu x’jaqsam ma’ kondizzjonijiet tax‑xogħol u, skond il-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2, sigurtà soċjali. Minn issa ’l quddiem dan il-prinċipju jissejjaħ ‘il‑prinċipju tat-trattament ugwali’.”

4        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi:

“1.      Għall-iskopijiet tad-dispożizzjonijiet li ġejjin, il-prinċipju tat‑trattament ugwali jfisser li m’għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni minħabba sess kemm direttament kif ukoll indirettament, speċjalment billi ssir referenza għall-istat maritali jew tal‑familja.

[…]

3.      Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal xi disposizzjonijiet rigward il-ħarsien tan-nisa, speċjalment dwar it-tqala u l-maternità.

4.      Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal xi miżuri li jmexxu ’l quddiem l-opportunitajiet indaqs għall-irġiel u n-nisa, speċjalment billi jneħħu xi inugwaljanzi li jeżistu li jaffettwaw l‑opportunitajiet tan-nisa fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 1(1).”

5        Skont l-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva:

“1.      L-applikazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali għal dak li għandu x’jaqsam mal-kondizzjonijiet tax-xogħol, inklużi l‑kondizzjonijiet li jirregolaw is‑sensji, tfisser li l-irġiel u n-nisa għandhom ikunu garantiti l-istess kondizzjonijiet mingħajr diskriminazzjoni minħabba s-sess.

2.      Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha biex jiżguraw li:

a)      il-liġijiet kollha, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jmorru kontra l-prinċipju tat-trattament ugwali jitneħħew;

b)      id-dispożizzjonijiet kollha li jmorru kontra l-prinċipju tat-trattament ugwali li huma inklużi fi ftehim kollettiv, kuntratti individwali ta' xogħol, regoli interni ta' impriżi jew regoli li jirregolaw ix-xogħol indipendenti u l‑professjonijiet huma, jew jistgħu jiġu ddikjarati, nulli u bla effet jew jistgħu jiġu emendati;

ċ)      dawk il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jmorru kontra l-prinċipju tat-trattament ugwali meta it-tħassib għall-protezzjoni li oriġinarjament nebbħithom m’għadx għandha bażi soda huma riveduti; u li fejn hemm dispożizzjonijiet bħalhom imdaħħla fi ftehim kollettiv il‑ħaddiema u d-direzzjoni għandhom jintalbu jagħmlu r-reviżjoni mixtieqa.”

6        Id-Direttiva 76/207 ġiet emendata bid-Direttiva 2002/73/KE tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Settembru 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 255) u mħassra bid‑Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid) (ĠU L 204, p. 23).

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

7        Skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, l-Istatut tal-Ħaddiema (Estatuto de los trabajadores), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mid-Digriet Irjali 1/1995, tal-24 ta’ Marzu 1995 (BOE nru 75, tad-29 ta’ Marzu 1995, p. 9654, iktar ’il quddiem l‑“Istatut tal-Ħaddiema”), dan japplika għal ħaddiema li volontarjament jipprovdu s-servizzi tagħhom bi ħlas lil terzi fi ħdan organizzazzjoni u taħt id-direzzjoni ta’ persuna oħra fiżika jew ġuridika, imsejħa “min iħaddem”.

8        L-Artikolu 1(3) tal-Istatut tal-Ħaddiema jippreċiża illi kwalunkwe attività mwettqa f’kundizzjonijiet differenti minn dawk stabbiliti fl‑Artikolu 1(1), ma taqax fl-ambitu ta’ dan l-istatut.

9        L-Artikolu 37(4) ta’ dan l-istatut jipprovdi l-għoti ta’ leave imsejjaħ “għat-treddigħ”. Fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fil-mument tal-kawża prinċipali, din id‑dispożizzjoni kienet tipprovdi dan li ġej:

“Għat-treddigħ ta’ tarbija ta’ inqas minn disa’ xhur, il-ħaddiema nisa għandhom dritt għal siegħa ta’ assenza mix-xogħol, li tista’ tinqasam f’żewġ partijiet. Il-mara tista’ volontarjament tiddeċiedi li tissostitwixxi dan id-dritt bi tnaqqis ta’ nofs siegħa mis-sigħat tax-xogħol tagħha ta’ kuljum għall-istess għan. Dan il-leave jista’ jintuża bl-istess mod mill‑missier jew mill-omm, sakemm it-tnejn jaħdmu.”

10      Din id-dispożizzjoni ġiet emendata bil-Liġi organika 3/2007 għall‑ugwaljanza effettiva bejn in-nisa u l-irġiel (ley orgánica de Igualdad efectiva de mujeres y hombres), tat-22 ta’ Marzu 2007 (BOE nru 71, tat-23 ta’ Marzu 2007, p. 12611), jiġifieri wara l-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Din id-dispożizzjoni issa taqra kif ġej:

“Għat-treddigħ ta’ tarbija ta’ inqas minn disa’ xhur, il-ħaddiema nisa għandhom dritt għal siegħa ta’ assenza mix-xogħol, li tista’ tinqasam f’żewġ partijiet. It-tul tal-leave jiżdied proporzjonalment fil-każ ta’ iktar minn twelid wieħed.

Il-mara tista’ volontarjament tiddeċiedi li tissostitwixxi dan id-dritt bi tnaqqis ta’ nofs siegħa mis-sigħat tax-xogħol tagħha ta’ kuljum għall‑istess għan, jew li takkumula dan id-dritt fi ġranet sħaħ ta’ leave, fit-termini previsti mill-ftehim kollettiv tax-xogħol jew mill‑ftehim konkluż ma’ min iħaddem, b’osservanza, jekk ikun il-każ, tad‑dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim kollettiv.

Dan il-leave jista’ jintuża bl-istess mod mill‑missier jew mill-omm, sakemm it‑tnejn jaħdmu.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11      R. Álvarez ilu impjegat mal-kumpannija Sesa Start España ETT SA minn Lulju 2004. Fis-7 ta’ Marzu 2005, huwa talab lil min iħaddmu sabiex jingħata l‑leave stipulat fl-Artikolu 37(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema għall-perijodu mill-4 ta’ Jannar 2005 sal-4 ta’ Ottubru 2005. Dan il‑leave ġie miċħud minħabba li omm it‑tarbija ta’ R. Álvarez ma kinitx impjegata iżda kienet taħdem għal rasha. L‑istatus ta’ impjegata attribwit lill-omm kien indispensabbli sabiex l-imsemmi leave ikun jista’ jintuża.

12      R. Álvarez ikkontesta d-deċiżjoni ta’ min iħaddmu quddiem il-Juzgado de lo Social de A Coruña. Din il-qorti ddeċidiet illi peress illi l-leave ikkontestat kien irriżervat għall-“ħaddiema nisa”, dan kien jingħata esklużivament lill-ommijiet. Barra minn hekk, dan id-dritt kienu jibbenefikaw minnu dawk l-ommijiet li kienu impjegati, liema kundizzjoni ma kinitx sodisfatta minn omm it-tarbija ta’ R. Álvarez. Konsegwentement, it-talba tiegħu ġiet miċħuda.

13      R. Álvarez appella minn din id-deċiżjoni quddiem it-Tribunal Superior de Justicia de Galicia.

14      Din il-qorti ddeċidiet illi l-liġi nazzjonali ġiet interpretata b’mod korrett. Madankollu, hija tikkonstata illi l-leave stipulat minn din il-liġi ġie mifrud mill-fatt bijoloġiku tat-treddigħ naturali, b’tali mod illi jista’ jiġi kkunsidrat bħala sempliċi ħin għall-kura tat-tarbija. Hija tirrileva wkoll illi jeżisti mekkaniżmu ieħor ta’ protezzjoni tal-impjegata f’każ ta’ “riskju matul it-treddigħ naturali”. Hija tosserva wkoll illi, illum, il‑leġiżlazzjoni inkwistjoni taċċetta l-użu jew it‑tgawdija ta’ dan il-leave kemm mill-missier kif ukoll mill-omm, iżda biss sakemm “it-tnejn jaħdmu” u li għalhekk huwa biss jekk l-omm hija impjegata, u konsegwentement tgawdi mid-dritt tal-leave għat-treddigħ, illi l-missier jista’ jibbenefika mil-leave minflok l-omm.

15      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dan id-dritt tal-leave għandux jingħata kemm lill-irġiel kif ukoll lin-nisa u jekk il-fatt li jiġi rriżervat biss għan‑nisa impjegati u għall-missijirijiet ta’ uliedhom huwiex diskriminatorju, kuntrarju għall-prinċipju ta’ trattament ugwali u għad‑Direttiva 76/207.

16      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra illi l-leave stipulat fl‑Artikolu 37(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema jista’ jiġi kkunsidrat iktar bħala “leave parentali” skont id-Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE, tat-3 ta’ Ġunju 1996, dwar il‑ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri konkluż mill‑UKIIE, ĊEIP u KETU (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 285).

17      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Superior de Justicia de Galicia ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Liġi nazzjonali (f’dan il-każ l-Artikolu 37(4) tal-Istatut tal Ħaddiema) li tagħti d‑dritt għal leave bi ħlas għat-treddigħ esklużivament lil ommijiet li huma impjegati, li jikkonsisti fit-tnaqqis mill-ħin tax-xogħol għal nofs siegħa jew li ma jaħdmux għal siegħa li tista’ tinqasam f’żewġ partijiet, li huwa ta’ natura volontarja u mħallas minn min iħaddem, u dan sakemm il-wild jilħaq l-età ta’ disa’ xhur, u li ma tagħtix, min-naħa l-oħra, dan id-dritt lill-missirijiet li huma impjegati, tikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali li jipprekludi kull diskriminazzjoni bbażata fuq is‑sess, irrikonoxxut bl-Artikolu 13 KE, bid-Direttiva 76/207 […] u bid‑Direttiva 2002/73 […]?”

 Fuq id-domanda preliminari

 Fuq id-Direttiva 76/207

18      Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id‑Direttiva 76/207 għandhiex tiġi interpretata fis-sens illi tipprekludi miżura nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tipprovdi illi l-ħaddiema nisa, ommijiet ta’ tarbija u li għandhom l-istatus ta’ impjegati, jistgħu jibbenefikaw minn leave, skont diversi modalitajiet, matul l-ewwel disa’ xhur wara t-twelid ta’ din it-tarbija, filwaqt illi l‑ħaddiema rġiel, missirijiet ta’ tarbija u li għandhom l-istess status, ma jistgħux jibbenefikaw mill-istess leave ħlief jekk l‑omm ta’ din it-tarbija għandha wkoll l-istatus ta’ impjegata.

19      Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 76/207, din hija intiża sabiex timplementa, fl-Istati Membri, il-prinċipju ta’ trattament ugwali tal‑irġiel u tan‑nisa f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet tax-xogħol.

20      Dan il-prinċipju huwa mfisser fl-Artikoli 2 u 5 ta’ din id-direttiva. L‑imsemmi Artikolu 2(1) jistipula illi l-prinċipju ta’ trattament ugwali jfisser in‑nuqqas ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess kemm direttament, kif ukoll indirettament b’riferiment, b’mod partikolari, għall-istat taż-żwieg jew familjari. L‑Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva jistipula illi l-applikazzjoni ta’ dan il‑prinċipju, f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tax-xogħol, timplika illi għandhom jiġu żgurati l-istess kundizzjonijiet għall-irġiel u għan-nisa, mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess.

21      Għandu jiġi rrilevat illi l-miżura inkwistjoni fil-kawża tistipula illi l‑leave imsejjaħ “għat-treddigħ” jieħu l-forma konkreta ta’ awtorizzazzjoni ta’ nuqqas matul il‑ġurnata tax-xogħol jew ta’ tnaqqis tat-tul tal-ġurnata tax-xogħol. Din il-miżura għandha l-effett li tibdel il‑ħinijiet tax-xogħol. Hija għalhekk taffettwa l‑“kondizzjonijiet tax‑xogħol” skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 76/207 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2003, Kutz-Bauer, C-187/00, Ġabra p. I‑2741, punti 44 u 45).

22      Barra minn hekk, din il-miżura tirriżerva, bħala regola, id-dritt għal‑leave inkwistjoni fil-kawża prinċipali għall-ommijiet ta’ trabi, peress illi l-missier ta’ tarbija ma jistax jibbenefika minn dan il-leave ħlief jekk iż‑żewġ ġenituri jkollhom l-istatus ta’ impjegati.

23      Minn dan isegwi illi l-ommijiet li għandhom l-istatus ta’ impjegat jistgħu dejjem jibbenefikaw mil-leave imsejjaħ “għat-treddigħ” filwaqt li l-missirijiet li għandhom l-istatus ta’ impjegat ma jistgħux jibbenefikaw minnu ħlief jekk l-omm tat-tarbija tagħhom għandha wkoll dan l-istess status. Għaldaqstant, il-kwalità ta’ ġenitur ma hijiex biżżejjed sabiex tippermetti lill-irġiel li għandhom l-istatus ta’ impjegat jibbenefikaw mil-leave filwaqt li din hija biżżejjed għan-nisa li għandhom l-istess status.

24      Is-sitwazzjonijiet ta’ ħaddiem raġel jew ta’ ħaddiema mara, li huma rispettivament, missier u omm ta’ tfal ta’ età żgħira, huma komparabbli fir-rigward tal-ħtieġa li jistgħu jsibu ruħhom fiha li jnaqqsu l-ħin tax‑xogħol ta’ kuljum tagħhom sabiex jieħdu ħsieb dawn it-tfal (ara, b’analoġija, inkwantu s‑sitwazzjoni ta’ ħaddiema rġiel u nisa li jassumu l-edukazzjoni ta’ uliedhom, is‑sentenza tad-29 ta’ Novembru 2001, Griesmar, C-366/99, Ġabra p. I-9383, punt 56, u, inkwantu s‑sitwazzjoni ta’ dawn il-ħaddiema għall-aċċess għal servizzi ta’ kura tat-tfal, is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2002, Lommers, C‑476/99, Ġabra p. I-2891, punt 30).

25      Għaldaqstant għandu jiġi rrilevat illi l-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistabbilixxi trattament differenti bbażat fuq is-sess skont l‑Artikolu 2(1) tad-Direttiva 76/207, bejn l-ommijiet li għandhom l‑istatus ta’ impjegat u l-missirijiet li għandhom l-istess status.

26      Fir-rigward tal-ġustifikazzjoni ta’ tali trattament differenti, l‑Artikolu 2(3) u (4) tad-Direttiva 76/207 jispeċifika illi din ma tipprekludix dispożizzjonijiet dwar il‑protezzjoni tal-mara, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda t-tqala u l-maternità, u lanqas miżuri intiżi sabiex jippromwovu opportunitajiet indaqs għal irġiel u nisa, b’mod partikolari billi jirrimedjaw l-inugwaljanzi li jaffettwaw l‑opportunitajiet tan-nisa inkwantu l-kundizzjonijiet tax-xogħol.

27      F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-protezzjoni tat-tqala u tal‑maternità, il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet illi, peress li jippermetti lill-Istati Membri d‑dritt li jżommu jew li jdaħħlu dispożizzjonijiet sabiex jiżguraw din il‑protezzjoni, l-Artikolu 2(3) tad‑Direttiva 76/207, jirrikonoxxi l-leġittimità, fir‑rigward tal-prinċipju ta’ trattament ugwali tas-sessi, minn naħa, tal-protezzjoni tal‑kundizzjoni bijoloġika tal‑mara waqt it-tqala u wara u, min-naħa l‑oħra, il‑protezzjoni tar‑rapporti partikolari bejn il-mara u t-tarbija tagħha fil-perijodu wara l‑ħlas (ara s-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 1984, Hofmann, 184/83, Ġabra p. 3047, punt 25; tal-14 ta’ Lulju 1994, Webb, C‑32/93, Ġabra p. I-3567, punt 20; tat-30 ta’ Ġunju 1998, Brown, C‑394/96, Ġabra p. I-4185, punt 17, u tal-1 ta’ Frar 2005, Il‑Kummissjoni vs l‑Awstrija, C-203/03, Ġabra p.  I-935, punt 43).

28      Skont il-qorti tar-rinviju, il-leave stipulat fl-Artikolu 37(4) tal-Istatut tal‑Ħaddiema oriġinarjament, fl-1900, kien ġie stabbilit sabiex jiffaċilita t-treddigħ naturali mill-omm. Bl-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni, dan il‑leave ma baqax marbut ma’ dan il-għan billi ma baqax jissemma t-treddigħ naturali. Barra minn hekk, il‑ġurisprudenza għal numru ta’ snin aċċettat illi l-benefiċċju ta’ dan il-leave għandu anki jingħata fil-każ ta’ treddigħ artifiċjali. Din il-qorti tirrileva illi dan il‑leave ġie mifrud mill-fatt bijoloġiku tat-treddigħ u għalhekk illum huwa kkunsidrat sempliċement bħala perijodu ta’ kura tat-tarbija u bħala miżura ta’ konċiljazzjoni bejn il-ħajja familjari u dik professjonali wara l-leave tal-maternità.

29      Il-fatt li l-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-interpretazzjoni ġudizzjarja tagħha ftit ftit firdu l-għoti tal-leave imsejjaħ “għat‑treddigħ” mill-fatt bijoloġiku tat-treddigħ naturali ma jippermettix konstatazzjoni illi din il-miżura tiżgura l‑protezzjoni tal-kundizzjoni bijoloġika tal-mara wara t-tqala tagħha, skont il‑ġurisprudenza ċċitata fil-punt 27 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar‑rinviju, il-leave inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ jittieħed kemm mill-omm kif ukoll mill-missier, bil-kundizzjoni biss illi dan tal-aħħar ikun ukoll impjegat.

30      Din is-sitwazzjoni hija differenti minn dik li tat lok għas-sentenza Hofmann, iċċitata iktar ’il fuq, li fiha l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni kienet tistipula l‑għoti ta’ leave ta’ maternità addizzjonali, wara li jispiċċa l-perijodu ta’ protezzjoni, u tirriżerva dan il-leave lill‑omm, bl-esklużjoni ta’ kull persuna oħra (ara s-sentenza Hofmann, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26).

31      Il-fatt illi l-leave inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ jittieħed kemm mill-missier impjegat kif ukoll mill-omm impjegata jfisser illi n‑nutrizzjoni u l-kura tat-tarbija jistgħu jingħataw kemm mill-missier kif ukoll mill‑omm. Dan il-leave għalhekk jidher li jingħata lill‑ħaddiema fil-kwalità tagħhom ta’ ġenituri tat-tarbija. Għaldaqstant ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li jiżgura l-protezzjoni tal-kundizzjoni bijoloġika tal-mara wara t-tqala tagħha jew il-protezzjoni tar‑relazzjonijiet speċjali bejn l-omm u t-tarbija tagħha.

32      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-promozzjoni ta’ opportunitajiet indaqs bejn l-irġiel u n-nisa u t-tnaqqis tal-inugwaljanzi fattwali illi jaffettwaw l‑opportunitajiet tan-nisa fil-qasam tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, il‑Gvern Spanjol sostna, fl-osservazzjonijiet tiegħu, li l-għan imfittex bl‑għoti tal-benefiċċju tal-leave inkwistjoni fil-kawża prinċipali lill‑ommijiet huwa li jiġu kkumpensati l‑iżvantaġġi effettivi li n-nisa jsofru, meta mqabbla mal-irġiel, f’dak li jirrigwarda ż-żamma tax‑xogħol tagħhom wara t-twelid ta’ tarbija. Skont dan il-gvern, huwa iktar diffiċli għall-ommijiet ta’ trabi ta’ età żgħira li jintegraw ruħhom fid-dinja tax‑xogħol jew li jibqgħu fih.

33      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta illi l-Artikolu 2(4) tad‑Direttiva 76/207 għandu l-għan preċiż u limitat li jawtorizza miżuri li, minkejja li jidhru li huma diskriminatorji, huma effettivament intiżi sabiex jeliminaw jew inaqqsu l‑inugwaljanzi fattwali li jistgħu jeżistu fir‑realtà tal-ħajja soċjali. Din id‑dispożizzjoni tawtorizza miżuri nazzjonali fil-qasam tal-aċċess għax-xogħol, inkluż il-promozzjoni, li, billi jiffavorixxu b’mod speċjali lin-nisa, għandhom l‑għan li jtejbu l‑kapaċità tagħhom li jikkompetu fis-suq tax-xogħol u li jkollhom karriera taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-irġiel (ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Ottubru 1995, Kalanke, C-450/93, Ġabra p. I-3051, punti 18 u 19, tal‑11 ta’ Novembru 1997, Marschall, C-409/95, Ġabra p. I-6363, punti 26 u 27; tat-28 ta’ Marzu 2000, Badeck et, C-158/97, Ġabra p. I‑1875, punt 19, u Lommers, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).

34      L-għan tal-imsemmi Artikolu 2(4) huwa li jwassal għal ugwaljanza sostanzjali u mhux formali billi jnaqqas l-inugwaljanzi fattwali li jistgħu jeżistu fil-ħajja soċjali u, b’hekk, sabiex, skont l-Artikolu 157(4) TFUE, jipprevjeni jew jikkumpensa għal żvantaġġi fil-karriera professjonali tal-persuni kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi, Kalanke, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19; tas-6 ta’ Lulju 2000, Abrahamsson u Anderson, C‑407/98, Ġabra p. I-5539, punt 48, u tat-30 ta’ Settembru 2004, Briheche, C-319/03, Ġabra p. I-8807, punt 25).

35      Kif ġie spjegat fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, il-leave inkwistjoni fil‑kawża prinċipali jieħu l-forma ta’ awtorizzazzjoni ta’ nuqqas matul il-ġurnata tax-xogħol jew ta’ tnaqqis mill-ġurnata tax-xogħol. Huwa ċert illi tali miżura jista’ jkollha bħala effett li tiffavorixxi lin-nisa peress illi tippermetti lill-ommijiet li għandhom status ta’ impjegat li jżommu x‑xogħol tagħhom filwaqt li jiddedikaw ħin għat-tarbija tagħhom. Dan l-effett huwa msaħħaħ bil-fatt illi, jekk missier it-tarbija għandu wkoll l‑istatus ta’ impjegat, huwa għandu l-possibbiltà li jibbenefika mil-leave minflok l-omm, li min-naħa tagħha ma ssofrix konsegwenzi dannużi fix-xogħol tagħha minħabba l-kura u l-attenzjoni mogħtija lit-tarbija tagħha.

36      Madankollu, il-fatt li, kif sostna l-Gvern Spanjol, hija biss l-omm li għandha status ta’ impjegat li hija intitolata għad-dritt li tibbenefika mil‑leave inkwistjoni f’din il‑kawża filwaqt li l-missier li għandu l‑istess status jista’ biss igawdi dan id-dritt mingħajr ma jkun id‑detentur tiegħu, pjuttost jistabbilixxi distribuzzjoni tradizzjonali tar‑rwoli tal‑irġiel u tan-nisa, filwaqt li jżomm lill-irġiel fi rwol sussidjarju meta mqabbel ma’ dak tan-nisa, f’dak li jirrigwarda l‑eżerċizzju tad-doveri bħala ġenituri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lommers, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41).

37      Kif enfasizzat l-Avukat Ġenerali fil-punt 47 tal-konklużjonijiet tagħha, il-fatt li l‑benefiċċju tal-leave inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa miċħud lill-missirijiet li għandhom l-istatus ta’ impjegat, minħabba l‑fatt biss illi omm it-tarbija ma hijiex impjegata wkoll, jista’ jkollu bħala effett illi mara, bħal omm it-tarbija ta’ R. Álvarez, li taħdem għal rasha, ikollha tillimita l-attività professjonali tagħha u terfa’ waħidha l‑piż li jirriżulta mit-twelid tat-tarbija tagħha, mingħajr ma tkun tista’ tirċievi għajnuna minn missier it-tarbija.

38      Konsegwentement, miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi kkunsidrata bħala miżura li għandha l-effett li telimina jew li tnaqqas l‑inugwaljanzi fattwali li jistgħu jeżistu għan-nisa, fir-realtà tal‑ħajja soċjali, skont l-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 76/207, u lanqas bħala miżura intiża sabiex twassal għal ugwaljanza sostanzjali u mhux formali billi tnaqqas l-inugwaljanzi fattwali li jistgħu jeżistu fil-ħajja soċjali u, b’hekk, tipprevjeni jew tikkumpensa, skont l‑Artikolu 157(4) TFUE, għal żvantaġġi fil-karriera professjonali tal‑persuni kkonċernati.

39      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta illi l-Artikolu 2(1), (3) u (4), u l‑Artikolu 5 tad-Direttiva 76/207 għandhom jiġu interpretati fis‑sens illi jipprekludu miżura nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tistipula illi l-ħaddiema nisa, ommijiet ta’ tarbija u li għandhom l-istatus ta’ impjegat, jistgħu jibbenefikaw minn leave, skont diversi modalitajiet, matul l-ewwel disa’ xhur wara t-twelid ta’ din it‑tarbija, filwaqt li ħaddiema rġiel, missirijiet ta’ tarbija u li għandhom l‑istess status, ma jistgħux jibbenefikaw mill-istess leave ħlief meta l‑omm ta’ din it-tarbija jkollha wkoll l-istatus ta’ impjegat.

 Fuq id-Direttivi 2002/73 u 96/34

40      Fir-rigward tad-Direttiva 2002/73, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk din id-direttiva, li emendat lid-Direttiva 76/207, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi l‑miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

41      Id-Direttiva 2002/73, minkejja li daħlet fis-seħħ fil-ġurnata tal‑pubblikazzjoni tagħha, kellha tiġi trasposta mhux iktar tard mill-5 ta’ Ottubru 2005, jiġifieri f’data wara l-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Għaldaqstant ma hijiex applikabbli ratione temporis għal dawn il-fatti. Fi kwalunkwe każ, li kieku d-Direttiva 76/207, kif emendata bid-Direttiva 2002/73, kienet applikabbli ratione temporis, l‑interpretazzjoni mogħtija fil-punt 39 ta’ din is‑sentenza xorta ma tinbidilx.

42      Fir-rigward tad-Direttiva 96/34, għandu jiġi rrilevat illi, fl‑osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tikkunsidra illi l-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija kuntrarja għal din id-direttiva.

43      Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ dettalji fid-deċiżjoni tar-rinviju fir-rigward tal-kontenut tal-liġi nazzjonali dwar il-leave parentali u n-nuqqas ta’ talba espressa f’dan is-sens, ma hemmx lok li tiġi interpretata d‑Direttiva 96/34.

 Fuq l-ispejjeż

44      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 2(1), (3) u (4), u l-Artikolu 5 tad-Direttiva tal‑Kunsill 76/207/KEE, tad-9 ta’ Frar 1976, dwar l‑implimentazzjoni tal‑prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kundizzjonijiet tax-xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens illi jipprekludu miżura nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tistipula illi l‑ħaddiema nisa, ommijiet ta’ tarbija u li għandhom l-istatus ta’ impjegat, jistgħu jibbenefikaw minn leave, skont diversi modalitajiet, matul l-ewwel disa’ xhur wara t-twelid ta’ din it‑tarbija, filwaqt li ħaddiema rġiel, missirijiet ta’ tarbija u li għandhom l-istess status, ma jistgħux jibbenefikaw mill-istess leave ħlief meta l‑omm ta’ din it-tarbija jkollha wkoll l-istatus ta’ impjegat.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.