EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62018CJ0161

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-8 ta’ Mejju 2019.
Violeta Villar Láiz vs Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS) u Tesorería General de la Seguridad Social (TGSS).
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Castilla y León.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ugwaljanza fit-trattament bejn irġiel u nisa fil-qasam tas-sigurtà soċjali – Direttiva 79/7/KEE – Artikolu 4 – Projbizzjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess – Diskriminazzjoni indiretta – Xogħol part-time – Kalkolu tal-pensjoni tal-irtirar.
Kawża C-161/18.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2019:382

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

8 ta’ Mejju 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ugwaljanza fit-trattament bejn irġiel u nisa fil-qasam tas-sigurtà soċjali – Direttiva 79/7/KEE – Artikolu 4 – Projbizzjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess – Diskriminazzjoni indiretta – Xogħol part-time – Kalkolu tal-pensjoni tal-irtirar”

Fil-Kawża C‑161/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Castilla y León (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Castilla y León, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Jannar 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Frar 2018, fil-proċedura

Violeta Villar Láiz

vs

Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS),

Tesorería General de la Seguridad Social (TGSS),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal (Relatur), President tal-Awla, F. Biltgen, J. Malenovský, C. G. Fernlund u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Jannar 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Villar Láiz, minn R. M. Gil López, abogada

għall-Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS) u t-Tesorería General de la Seguridad Social (TGSS), minn A. Alvarez Moreno u G. Guadaño Segovia, letradas,

għall-Gvern Spanjol, minn L. Aguilera Ruiz u V. Ester Casas, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Pardo Quintillán u C. Valero, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u tal-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 79/7 tad-19 ta’ Diċembru 1978 dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 5, Vol. 1, p. 215).

2

Din it-talba saret fil-kuntest ta’ kawża bejn Violeta Villar Láiz u l-Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS) (l-Istitut Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali, Spanja) (iktar ’il quddiem l-“INSS”) u t-Tesorería General de la Seguridad Social (TGSS) (it-Teżor Ġenerali tas-Sigurtà Soċjali, Spanja) dwar il-kalkolu tal-pensjoni tal-irtirar tagħha.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 79/7

3

L-Artkolu 1 tad-Direttiva 79/7 jipprovdi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa l-implimentazzjoni progressiva, fil-qasam tas-sigurtà soċjali u l-elementi l-oħra ta’ protezzjoni soċjali provduti fl-Artikolu 3, tal-prinċcipju tat-trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali, minn issa ’il qudiem imsejjaħ ‘il-prinċipju tat-trattament ugwali’.”

4

Skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva:

“Din id-direttiva għandha tapplika għal:

a)

l-iskemi statutorji li jipprovdu protezzjoni kontra r-riskji li ġejjin:

[…]

anzjanità,

[…]”

5

L-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Għall-iskopijiet tad-disposizzjonijiet li ġejjin, il-prinċipju ta’ trattament ugwali għandu jfisser li m’għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni tkun xi tkun fuq bażi ta’ sess sew direttament kif ukoll indirettament b’riferenza b’mod partikolari għall-istatus konjugali jew tal-familja.

l-iskop ta’ l-iskemi u l-kondizzjonijiet ta’ aċċess għalihom;

l-obbligu li wieħed jikkontribwixxi u l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet,

il-kalkolu tal-benefiċċji inklużi ż-żjidiet rigward konjugi u dipendenti u l-kondizzjonijiet li jirregolaw it-tul u ż-żamma tal-benefiċċji.”

Id-Direttiva 2006/54/KE

6

Il-premessa 30 tad- Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU 2006, L 204, p. 23) hija fformulata kif ġej:

“L-adozzjoni ta’ regoli fuq id-dmir tal-prova jilgħab irwol sinifikanti sabiex jassigura li l-prinċipju ta’ trattament ugwali jista’ jkun effettivament infurzat. Bħalma ddeċidiet il-Qorti tal-Gustizzja iddeċidiet, għalhekk għandhom jittieħdu dispozizzjonijiet li jiżguraw li d-dmir tal-prova jmur fuq il-konvenut fejn ikun hemm każ prima facie ta’diskriminazzjoni, barra meta jkun hemm proċeduri fejn huwa għall-qorti jew organi nazzjonali oħra kompetenti sabiex jinvestigaw il-fatti. Huwa għalhekk neċessarju li tiċċara li l-apprezzament tal-fatti minn fejn jista jkun maħsub li kien hemm diskriminazzjoini diretta jew indiretta tibqa materja għall-organu nazzjonali relevanti bi qbil mal-prattika u l-liġi nazzjonali. Il-quddiem huwa għall-Istati Membri li jintroduċu, skond proċeduri xierqa, regoli ta’ evidenza li huma aktar favorevoli għall-atturi.”

7

L-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

b)

diskriminazzjoni indiretta: fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika li mad-dehra jkunu newtrali jkunu jpoġġu lil persuni ta’ sess partikolari fi żvantaġġ partikolari meta mqabbla ma’ persuni tas-sess l-ieħor, ħlief jekk dik id-dispożizzjoni, kriterju jew prattika tkun oġġettivament ġustifikata b’għan leġittimu, u l-mezzi biex jintlaħaq dak l-għan huma xierqa u meħtieġa;

[…]”

Id-dritt Spanjol

8

L-Artikolu 209(1) tal-Ley General de la Seguridad Social (il-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali), fil-verżjoni kkonsolidata approvata bir-Real Decreto Legislativo 8/2015 (id-Digriet Leġiżlattiv 8/2015), tat‑30 ta’ Ottubru 2015 (BOE Nru 261, tal-31 ta’ Ottubru 2015, p. 103291, u rettifika BOE Nru 36, tal-11 ta’ Frar 2016, p. 10898) (iktar ’il quddiem il-“LGSS”), jipprovdi:

“L-ammont bażiku tal-pensjoni tal-irtirar tikkorrispondi għall-kwozjent li jirriżulta mid-diviżjoni bi 350 tal-bażijiet ta’ kontribuzzjoni tal-persuna kkonċernata matul it-300 xahar immedjatament qabel ix-xahar preċedenti għal meta seħħ il-fatt li jagħti lok għad-dritt […].”

9

It-tmien dispożizzjoni tranżitorja tal-LGSS tipprovdi:

“[…] Mill-1 ta’ Jannar 2016, l-ammont bażiku tal-pensjoni tal-irtirar hija r-riżultat tad-diviżjoni b’266 tal-bażijiet ta’ kontribuzzjoni matul il-228 xahar immedjatament qabel ix-xahar preċedenti għal meta seħħ il-fatt li jagħti lok għad-dritt […].”

10

Skont l-Artikolu 210(1) tal-LGSS:

“L-ammont tal-pensjoni tal-irtirar huwa ddeterminat bl-applikazzjoni għall-ammont bażiku, ikkalkolat skont id-dispożizzjonijiet tal-artikolu preċedenti, tal-perċentwali segwenti:

a)

50 % għall-ewwel ħmistax-il sena ta’ kontribuzzjoni;

b)

mis-16-il sena, kull xahar supplementari ta’ kontribuzzjoni jagħti lok għall-applikazzjoni ta’ perċentwali li jitla’, bejn l-ewwel u l-248 xahar, għal 0.19 % u, għal xahar wara l-248 wieħed, għal 0.18 %, mingħajr ma l-perċentwali applikabbli għall-ammont bażiku ma jaqbeż il-100 % […]

[…]”.

11

Għas-sena 2016, skont id-disa’ dispożizzjoni tranżitorja tal-LGSS, mis-sittax–il sena, kull xahar supplementari ta’ kontribuzzjoni jagħti lok għall-applikazzjoni ta’ perċentwali ta’ 0.21 % bejn l-ewwel u l-163 xahar, u wara ta’ 0.19 % għal kull wieħed mit-83 xahar segwenti, sal-massimu ta’ 100 %.

12

L-Artikoli 245 sa 248 tal-LGSS jistabbilixxu r-regoli applikabbli għall-ħaddiema part-time għall-finijiet tal-għoti tal-benefiċċji ekonomiċi tas-sistema tas-sigurtà soċjali.

13

L-Artikolu 245 LGSS, intitolat “Protezzjoni soċjali”, jipprovdi:

“1.   Il-protezzjoni soċjali li tirriżulta mill-kuntratti ta’ xogħol part-time hija rregolata mill-prinċipju tal-assimilazzjoni tal-ħaddiem part-time għall-ħaddiem full-time […]

2.   Ir-regoli stabbiliti f’din it-taqsima japplikaw għall-ħaddiema taħt kuntratt part-time, kuntratt ta’ sostituzzjoni part-time u kuntratt imsejjaħ “fijo-discontinuo”, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 12 u 16 tar-riformulazzjoni tal-Ley del Estatuto de los Trabajadores (il-Liġi li Tistabbilixxi l-Istatut tal-Ħaddiema), li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskema ġenerali, inkluż il-ħaddiema part-time jew taħt kuntratt “fijo-discontinuo” taħt l-iskema speċjali tal-ħaddiema tad-dar”.

14

Skont l-Artikolu 246 LGSS, intitulat “Kontribuzzjoni”:

“1.   Il-bażi tal-kontribuzzjoni għas-sigurtà soċjali u tal-ammonti miġbura marbuta magħhom hija dejjem ta’ kull xahar u hija kkostitwita mir-remunerazzjonijiet effettivament rċevuti skont is-sigħat maħduma, kemm ordinarji kif ukoll dawk supplementari.

2.   Il-bażi tal-kontribuzzjoni hekk iddeterminata ma tistax tkun inferjuri għall-ammonti stabbiliti mil-liġi.

3.   Is-sigħat supplementari jagħtu lok għal kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali skont l-istess bażijiet u rati bħas-sigħat ordinarji.”

15

L-Artikolu 247 LGSS, dwar il-kalkolu tal-perijodi ta’ kontribuzzjoni, jipprovdi:

“Għall-finijiet tal-ġustifikazzjoni tal-perijodi ta’ kontribuzzjoni neċessarji għall-għoti ta’ dritt għall-benefiċċji tal-irtirar, ta’ inkapaċità permanenti, ta’ mewt u ta’ sopravivenza, u ta’ inkapaċità temporanja, ta’ maternità u ta’ paternità, għandhom japplikaw ir-regoli segwenti:

a)

il-perijodi differenti li matulhom il-ħaddiem kien affiljat abbażi ta’ kuntratt part-time huma mittieħda inkunsiderazzjoni, ikun xi jkun it-tul tax-xogħol imwettaq għal kull wieħed minnhom.

Għal dan il-għan, il-koeffiċjent ta’ tnaqqis relatat max-xogħol part-time, li huwa ddeterminat mill-perċentwali tal-ħin ta’ xogħol part-time mwettaq meta mqabbel mal-ħin ta’ xogħol imwettaq minn ħaddiem full‑time, japplika fuq il-perijodu ta’ affiljazzjoni effettwat taħt kuntratt part‑time, fejn ir-riżultat huwa n-numru ta’ ġranet li huma kkunsidrati li għalihom saret effettivament kontribuzzjoni għal kull perijodu.

Skont il-każ, għandu jiżdied man-numru ta’ ġranet li jirriżultaw minn dan il-kalkolu l-ġranet ta’ kontribuzzjoni full-time, fejn ir-riżultat huwa t-total tal-ġranet ta’ kontribuzzjoni li jaqgħu taħt il-kalkolu għall-aċċess għall-benefiċċji.

b)

Ladarba jiġi ddeterminat in-numru ta’ ġranet ta’ kontribuzzjoni attestati, għandu jiġi kkalkolat il-koeffiċjent ta’ tnaqqis globali relatat max-xogħol part-time, li jikkorrispondi għall-perċentwali li jirrappreżenta n-numru ta’ ġranet maħduma u kontabilizzati bħala li saret kontribuzzjoni għalihom, skont id-dispożizzjonijiet tal-punt a) preċedenti, fuq it-total ta’ ġranet ta’ affiljazzjoni matul il-ħajja professjonali kollha tal-ħaddiem. […]

c)

il-perijodu minimu ta’ kontribuzzjoni meħtieġ mill-ħaddiema part-time għal kull waħda mill-benefiċċji ekonomiċi li għalihom tali perijodu huwa ffissat jinkiseb wara applikazzjoni ġenerali għall-perijodu kkonċernat tal-koeffiċjent ta’ tnaqqis globali marbut max-xogħol part-time msemmi fil-punt b).

Fl-ipoteżi fejn, għall-finijiet tal-aċċess għall-benefiċċju ekonomiku korrispondenti, huwa meħtieġ li parti jew it-totalità tal-perijodu minimu ta’ kontribuzzjoni mitluba tkun inkluża fit-terminu ddeterminat, il-koeffiċjent ta’ tnaqqis globali relatat max-xogħol part-time huwa applikat sabiex jiġi ffissat il-perijodu ta’ kontribuzzjoni eżiġibbli. L-ispazju temporali li fih għandu jiġi inkluż il-perijodu eżiġibbli huwa, fi kwalunkwe każ, dak stabbilit b’mod ġenerali għall-benefiċċju inkwistjoni.”

16

L-Artikolu 248 tal-LGSS, ititolat “Ammont tal-benefiċċji ekonomiċi”, jistabbilixxi:

“1.   Id-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-benefiċċji ekonomiċi hija rregolata mir-regoli segwenti:

a)

L-ammont bażiku tal-benefiċċji ta’ rtirar u tal-inkapaċità permanenti hija kkalkolata skont ir-regola ġenerali.

[…]

2.   Sabiex jiġu kkalkolati l-pensjonijiet ta’ rtirar u ta’ inkapaċità permanenti li jirriżultaw minn mard komuni, il-perijodi mhux suġġetti għall-obbligu ta’ kontribuzzjoni għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-bażi minima ta’ kontribuzzjoni applikabbli f’kull mument, għan-numru ta’ sigħat previsti fil-kuntratt ta’ xogħol.

3.   Sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-pensjonijiet ta’ rtirar u ta’ inkapaċità permanenti li jirriżultaw minn mard mhux professjonali, in-numru ta’ ġranet ta’ kontribuzzjoni kkalkolat skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 247(2)(a) huwa miżjud bl-[…] applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ 1.5 mingħajr ma n-numru ta’ ġranet hekk miksub ma jista’ jkun superjuri għall-perijodu ta’ okkupazzjoni part-time.

Il-perċentwal li għandu japplika fuq l-ammont bażiku kkunsidrat huwa ddeterminat skont l-iskala ġenerali li jirreferi għaliha l-Artikolu 210(1) taħt ir-riżerva tal-eċċezzjoni segwenti:

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li V. Villar Láiz talbet lill-INSS il-ħlas ta’ pensjoni ta’ rtirar.

18

L-INSS taha pensjoni ta’ rtirar sa mill-1 ta’ Ottubru 2016, li l-valur tagħha ġie kkalkolat billi ġie mmultiplikat l-ammont bażiku bil-koeffiċjent ta’ tnaqqis ta’ 53 %, fejn dan il-koeffiċjent jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li V. Villar Láiz kienet ħadment part-time matul parti sostanzjali tal-ħajja professjonali tagħha.

19

Il-qorti tar-rinviju tispjega li l-imsemmi ammont bażiku jirriżulta mill-medja tal-bażi ta’ kontribuzzjoni, ikkalkolati skont is-salarji effettivament irċevuti għas-sigħat maħduma u li taw lok għal kontribuzzjoni f’serje ta’ snin qabel l-irtirar.

20

V. Villar Láiz talbet li, għall-kalkolu tal-ammont tal-pensjoni ta’ rtirar tagħha, jiġi applikat koeffiċjent ta’ 80.04 %, sabiex il-perijodi ta’ xogħol part-time tagħha jittieħdu inkunsiderazzjoni bl-istess mod daqs li kieku kienu perijodi full-time.

21

Peress li din it-talba ġiet miċħuda, V. Villar Láiz ippreżentat rikors quddiem il-Juzgado de lo Social Nru 4 de Valladolid (il-Qorti Industrijali ta’ Valladolid, Spanja). Hija sostniet li d-differenza fit-trattament stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali kienet tagħti lok għal diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess, peress li l-parti l-kbira tal-ħaddiema part-time kienu nisa.

22

Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2017, il-Juzgado de lo Social Nru 4 de Valladolid (il-Qorti Industrijali Nru 4 ta’ Valladolid) ċaħdet ir-rikors, minħabba li t-trattament differenti rriżervat għall-ħaddiema part-time fil-kalkolu tal-pensjoni ta’ rtirar ma kienx jikkostitwixxi diskriminazzjoni, peress li l-formula applikata tfittex li tadatta l-kalkolu għall-kontribuzzjonijiet imħallsa, skont il-prinċipju ta’ prorata temporis.

23

V Villar Láiz appellat din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

24

L-imsemmija qorti tispjega li l-iskema ta’ kalkolu tal-pensjoni ta’ rtirar ġiet stabbilita wara li ngħatat is-sentenza Nru 61/2013 tat-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali, Spanja) tal-14 ta’ Marzu 2013. F’din is-sentenza, it-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali), fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Novembru 2012, Elbal Moreno (C-385/11, EU:C:2012:746), iddikkjarat inkonstituzzjonali l-iskema preċedenti, li, għall-aċċess għall-pensjoni ta’ rtirar, kienet tieħu inkunsiderazzjoni perijodi ta’ xogħol part-time proporzjonalment għall-ħin ta’ xogħol full-time, billi jiġi applikat madankollu koeffiċjent multiplikatur ta’ 1.5. Abbażi ta’ din l-iskema, jekk iż-żmien maħdum hekk ikkalkolat ma kienx jaqbeż il-15‑il sena, il-ħaddiem ma kellux aċċess għal pensjoni ta’ rtirar. Abbażi tar-riforma li saret, il-leġiżlatur immodifika l-iskema ta’ aċċess għall-pensjoni ta’ rtirar, filwaqt li introduċa, għall-kalkolu tal-ammont tal-pensjoni, koeffiċjent ta’ tnaqqis għall-ħaddiema li jkunu ħadmu part-time.

25

Bħala regola ġenerali, l-ammont tal-pensjoni jikkorrispondi għall-ammont bażiku, ibbażat fuq il-medja tal-bażi ta’ kontribuzzjoni tas-snin ta’ qabel l-irtirar, immultiplikat b’perċentwali ddeterminat skont in-numru ta’ snin ta’ kontribuzzjoni.

26

F’dak li jikkonċerna b’mod iktar partikolari l-ħaddiema part-time, il-metodi tal-kalkolu ta’ dan il-perċentwali huma stabbiliti fl-Artikolu 247 tal-LGSS. Mill-imsemmi artikolu jirriżulta li l-perijodi ta’ xogħol part-time huma meħuda inkunsiderazzjoni mhux b’mod komplet, iżda bi proporzjon tan-natura parzjali tagħhom, b’applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ tnaqqis li jikkorrispondi għall-perċentwali li jirrappreżenta ż-żmien ta’ xogħol part-time tal-ħaddiem meta mqabbel ma’ dak ta’ ħaddiem paragunabbli impjegat full-time.

27

Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 248(3) tal-LGSS, in-numru ta’ ġranet li saret kontribuzzjoni għalihom huwa ddeterminat abbażi ta’ dan il-kalkolu biż-żieda tal-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ 1.5, mingħajr ma n-numru ta’ ġranet li jirriżulta ma jista’ jaqbeż dawk li realment ta lok għal kontribuzzjoni.

28

Skont l-istess qorti, minn dan jirriżulta li, f’każ ta’ perijodi ta’ xogħol part-time, id-dritt Spanjol għandu, ħafna drabi, effetti sfavorevoli għall-ħaddiema part-time meta mqabbla mall-ħaddiema full-time, u huwa biss f’ċerti każijiet, li huma f’minoranza, li l-effetti huma newtrali, meta l-koeffiċjent ta’ tnaqqis marbut max-xogħol part-time huwa superjuri jew ugwali għal żewġ terzi tax-xogħol full-time.

29

Minn dan isegwi li l-iskema ta’ kalkolu tal-pensjoni hija doppjament dannuża fil-każ ta’ xogħol part-time. Fil-fatt, minbarra li s-salarju ta’ ħaddiem part-time u, konsegwentement, l-ammont bażiku applikabbli huma inferjuri għal dawk ta’ ħaddiem full-time, din l-iskema tnaqqas, fi proporzjon tan-natura parzjali tal-ħin ta’ xogħol, il-perijodu ta’ kontribuzzjoni meħud inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit il-perċentwali applikabbli għall-ammont bażiku.

30

Issa, il-qorti tar-rinviju tispjega li n-natura dannuża tal-iskema nazzjonali ta’ kalkolu tal-pensjoni ta’ rtirar fil-każ ta’ xogħol part-time tikkonċerna fil-parti l-kbira lin-nisa, peress li, skont l-Instituto Nacional de Estadística (l-Istitut Nazzjonali tal-Istatistika, Spanja), fl-ewwel trimestru tal-2017, 75 % mill-ħaddiema part-time kienu nisa.

31

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jwasslu għal diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess, kuntrarja għall-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7 u għall-Artikolu 21 tal-Karta. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni ma jidhirx li jirrispondu għal għan leġittimu ta’ politika soċjali jew, tal-inqas, ma humiex proporzjonali għal tali għan.

32

Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li huwa impossibbli li l-LGSS tiġi interpretata b’mod konformi mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7. F’dan ir-rigward, hija tippreċiża, barra minn hekk, li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax, abbażi tal-ġurisprudenza tat-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali), ma tiġix applikata minn qorti Spanjola, sakemm din ma tkunx għamlet rinviju preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, domanda preliminari ta’ kostituzzjonalità lit-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali).

33

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Superior de Justicia de Castilla y León (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Castilla y León) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Skont il-liġi Spanjola, il-pensjoni tal-irtirar għandha tiġi kkalkolata billi, fuq l-ammont bażiku kkalkolat fuq is-salarji tal-aħħar snin, tiġi applikata perċentwali li tiddependi min-numru ta’ snin ta’ kontribuzzjonijiet matul il-ħajja kollha tax-xogħol. Għandu jitqies li dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik prevista fl-Artikolu 247(a) u fl-Artikolu 248(3) [LGSS], li tnaqqas in-numru ta’ snin li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-applikazzjoni tal-perċentwali fil-każ ta’ perijodi ta’ xogħol part-time, hija kuntrarja għall-Artikolu 4(1) tad-[Direttiva 79/7]? L-Artikolu 4(1) tad-[Direttiva 79/7] jirrikjedi li n-numru ta’ snin ta’ kontribuzzjoni meħuda inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ffissata l-perċentwali applikabbli għall-kalkolu tal-pensjoni tal-irtirar għandu jkun iddeterminat bl-istess mod għall-ħaddiema full-time u part-time?

2)

Dispożizzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija wkoll kuntrarju għall-Artikolu 21 tal-[Karta], b’tali mod li l-qorti nazzjonali hija marbuta li tiżgura l-effett sħiħ tal-Karta u li ma tapplikax id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi tad-dritt nazzjonali inkwistjoni, mingħajr ma titlob jew tistenna t-tneħħija tagħhom mil-leġiżlatur jew permezz ta’ kwalunkwe proċedura oħra kostituzzjonali?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

34

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, skont liema l-ammont tal-pensjoni ta’ rtirar ta’ tip kontributtiv ta’ ħaddiem part-time hija kkalkolata billi jiġi mmultiplikat ammont bażiku, stabbilit minn remunerazzjonijiet effettivament miġbura u kontribuzzjonijiet effettivament imħallsa, b’perċentwali li tirrifletti t-tul tal-perijodu ta’ kontribuzzjoni, fejn dan il-perijodu huwa assenjat minn koeffiċjent ta’ tnaqqis ugwali mar-rapport bejn iż-żmien ta’ xogħol part-time effettivament imwettaq u ż-żmien ta’ xogħol imwettaq minn ħaddiem part-time paragunabbli biż-żieda tal-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ 1.5.

35

L-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jipprojbixxi kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, kemm direttament, kif ukoll indirettament, f’dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, il-kalkolu tal-benefiċċji fil-qasam ta’ sigurtà soċjali.

36

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, qabelxejn, li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tinvolvix direttament diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, peress li hija tapplika mingħajr distinzjoni għall-ħaddiema rġiel u għall-ħaddiema nisa.

37

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk tali leġiżlazzjoni toħloqx diskriminazzjoni indiretta, għandu jitfakkar li dan il-kunċett għandu, fil-kuntest tad-Direttiva 79/7, jinftiehem bl-istess mod bħal fil-kuntest tad-Direttiva 2006/54 (ara, f’dan is-sens, sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2018, MB (Bdil ta’ sess u pensjoni ta’ rtirar), C-451/16, EU:C:2018:492, punt 34). Issa, mill-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2006/54 jirriżulta li diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess għandha tinkludi kull dispożizzjoni, kriterju jew prattika li mad-dehra jkunu newtrali jkunu jpoġġu lil persuni ta’ sess partikolari fi żvantaġġ partikolari meta mqabbla ma’ persuni tas-sess l-ieħor, ħlief jekk din id-dispożizzjoni, kriterju jew prattika tkun oġġettivament iġġustifikata b’għan leġittimu, u l-mezzi biex jintlaħaq dak l-għan huma xierqa u meħtieġa.

38

L-eżistenza ta’ tali żvantaġġ partikolari tista’ tiġi stabbilita, b’mod partikolari, jekk jiġi pprovat li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali taffettwa b’mod negattiv proporzjon sinjifikattivament iktar important ta’ persuni ta’ sess meta mqabbla mal-persuni tas-sess l-ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ April 2015, Cachaldora Fernández, C-527/13, EU:C:2015:215, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). Huwa għall-qorti nazzjonali li tiddetermina jekk dan huwiex il-każ fil-kawża prinċipali.

39

Fl-ipoteżi fejn, bħal f’dan il-każ, il-qorti nazzjonali jkollha data statistika, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-aħjar metodu ta’ tqabbil huwa li jitqabblu, minn naħa, il-proporzjonijiet rispettivi ta’ ħaddiema li huma u li ma humiex affettwati mir-regola inkwistjoni fost il-ħaddiema rġiel u, min-naħa l-oħra, l-istess proporzjonijiet fost il-ħaddiema nisa. Ma huwiex biżżejjed li jiġi kkunsidrat in-numru ta’ persuni affettwati peress li dan in-numru jiddependi mill-ħaddiema attivi fl-Istat Membru kollu kif ukoll it-tqassim tal-ħaddiema rġiel u tal-ħaddiema nisa fl-imsemmi Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Frar 1999, Seymour-Smith u Perez, C-167/97, EU:C:1999:60, punt 59).

40

F’dan ir-rigward, hija il-qorti nazzjonali li għandha tevalwa sa fejn id-data statistika prodotta quddiemha, li tikkaratterizza s-sitwazzjoni tax-xogħol, hija valabbli u jekk din tistax tittieħed inkunsiderazzjoni, jiġifieri jekk, b’mod partikolari, hijiex l-espressjoni ta’ fenomeni purament fortuwiti jew temporanji u jekk, b’mod ġenerali, tidhirx sinjifikattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Frar 1999, Seymour-Smith u Perez, C‑167/97, EU:C:1999:60, punt 62 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom ħafna drabi effetti sfavorevoli għall-ħaddiema part-time meta mqabbla mal-ħaddiema full-time. Huwa biss f’numru żgħir ta’ każijiet li dawn id-dispożizzjonijiet ma għandhomx tali effetti, grazzi għan-natura attenwanti tal-miżura li tikkonsisti, għall-ħaddiema part-time, fiż-żieda tan-numru ta’ ġranet ta’ kontribuzzjoni kkalkolat għall-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ 1.5.

42

Barra minn hekk, id-data statistika msemmija mill-qorti tar-rinviju fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha tindika li, fl-ewwel trimestru 2017, Spanja kellha 15906700 impjegat, fosthom 8332000 irġiel u 7574600 nisa. Fuq dan l-istess perijodu, in-numru ta’ impjegati part-time kien jammonta għal 2460200 (15.47 % tal-impjegati), li fosthom 613700 irġiel (7.37 % tal-ħaddiema impjegati) u 1846500 nisa (24,38 % tal-ħaddiema impjegati). Minn din id-data jirriżulta li, matul l-imsemmi perijodu, madwar 75 % tal-ħaddiema part-time kienu nisa.

43

Il-Gvern Spanjol madankollu jsostni li, fuq it-total tal-fajl ta’ pensjoni tal-irtirar ipproċessati b’riżultat favorevoli mill-INSS matul is-snin 2014-2017, u li fihom perijodi ta’ xogħol u ta’ kontribuzzjoni part-time ttieħdu inkunsiderazzjoni filwaqt li ttieħed inkunsiderazzjoni l-indiċi globali relatat max-xogħol part-time, madwar 60 % fosthom kien jikkonċerna nisa u 40 % rġiel.

44

Issa, huwa importanti li jiġi enfasizzat li, fir-rigward tal-grupp tal-ħaddiema speċifikament affettwati mid-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-proċess li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għal 65 % tal-ħaddiema part-time, jiġifieri dawk li ħadmu, bħala medja, inqas minn żewġ terzi tat-tul normali ta’ ħaddiem full-time, il-koeffiċjent ta’ tnaqqis applikabbli għall-ammont bażiku huwa inferjuri għal dak applikabbli għall-ammont bażiku tal-ħaddiem full-time. Minn dan isegwi li l-ħaddiema f’part-time mnaqqas isostnu żvantaġġ minħabba l-applikazzjoni tal-imsemmi koeffiċjent ta’ tnaqqis.

45

Kif ġie rrilevat fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk din id-data hijiex valida, rappreżentattiva u sinjifikattiva. F’dan ir-rigward, jaqbel, b’mod partikolari, li jitfakkar li l-paragun magħmul fil-punt 39 ta’ din is-sentenza għandu jirrigwarda, f’dan il-każ, il-grupp ta’ ħaddiema part-time mnaqqas bħala grupp ta’ ħaddiema realment affettwati mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

46

Barra minn hekk, kif jirriżulta wkoll mill-premessa 30 tad-Direttiva 2006/54, l-evalwazzjoni tal-fatti li jippermettu li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta għandha ssir mill-qorti nazzjonali, skont id-dritt nazzjonali jew il-prattiki nazzjonali li jistgħu jipprevedu, b’mod partikolari, li d-diskriminazzjoni indiretta tista’ tiġi stabbilita bil-mezzi kollha, u mhux biss abbażi ta’ data statistika ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ April 2012, Meister, C‑415/10, EU:C:2012:217, punt 43).

47

Fil-każ fejn il-qorti tar-rinviju, abbażi tad-data statistika prodotta u, skont il-każ, elementi rilevanti oħra, tasal għall-konklużjoni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tpoġġi fi żvantaġġ partikolarment lin-nisa meta mqabbla mal-irġiel, tali leġiżlazzjoni hija kuntrarja għall-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7, sakemm ma tkunx iġġustifikata minn fatturi oġġettivi u li ma humiex relatati ma’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess.

48

Dan ikun il-każ jekk il-mezzi magħżula jikkorrispondu għal għan leġittimu tal-politika soċjali tal-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni, kemm-il darba jkunu idonei biex jilħqu l-għan fil-mira ta’ din tal-aħħar u jekk ikunu meħtieġa għal dan il-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, Elbal Moreno, C-385/11, EU:C:2012:746, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

F’dan ir-rigward, l-INSS u l-Gvern Spanjol isostnu li tnaqqis proporzjonali tal-pensjoni tal-irtirar fil-każ ta’ xogħol part-time jikkostitwixxi l-espressjoni ta’ għan ġenerali ta’ politika soċjali intiż mil-leġiżlatur nazzjonali, peress li din il-korrezzjoni hija essenzjali fil-kuntest ta’ skema ta’ sigurtà soċjali ta’ tip kontributtiv. Fil-fatt, tali tnaqqis japplika fid-dawl tal-prinċipji ta’ kontribuzzjoni u ta’ ugwaljanza bejn il-ħaddiema part-time u full-time u huwa oġġettivament iġġustifikat mill-fatt li, fil-każ tal-ħaddiem part-time, il-pesnjoni hija l-kontroparti ta’ prestazzjoni ta’ xogħol u ta’ kontribuzzjoni għall-iskema inqas importanti.

50

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li s-sempliċi fatt li ammonti tal-pensjoni tal-irtirar huma aġġustati pro rata temporis, sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul ta’ xogħol imnaqqas tal-ħaddiem part-time meta mqabbel ma’ dak tal-ħaddiem full-time, ma jistax jiġi kkunsidrat li huwa kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-17 ta’ Novembru 2015, Plaza Bravo, C-137/15, EU:C:2015:771, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li miżura li twassal sabiex tnaqqas l-ammont ta’ pensjoni tal-irtirar ta’ ħaddiem b’mod iktar milli proporzjonali għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ attività full-time tiegħu ma tistax tiġi kkunsidrata bħala oġġettivament iġġustifikata mill-fatt li l-pensjoni hija, f’dan il-każ, il-kontroparti ta’ prestazzjoni ta’ xogħol inqas importanti (sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2003, Schönheit u Becker, C-4/02 u C-5/02, EU:C:2003:583, punt 93).

52

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinkludi żewġ elementi li jistgħu jnaqqsu l-ammont tal-pensjonijiet ta’ rtirar tal-ħaddiema part-time. L-ewwel nett, l-ammont bażiku tal-pensjoni tal-irtirar hija stabbilita skont il-bażi ta’ kontribuzzjoni, magħmula minn remunerazzjonijiet effettivament miġbura skont is-sigħat maħduma. Minn dan jirriżulta li l-imsemmi ammont bażiku huwa, għal ħaddiem part-time, inferjuri għall-ammont bażiku ta’ ħaddiem full-time paragunabbli. It-tieni nett, filwaqt li l-imsemmi ammont bażiku huwa mmultiplikat b’perċentwali li hija funzjoni tan-numru ta’ ġranet ta’ kontribuzzjoni, dan in-numru ta’ ġranet huwa hu stess affettwat minn koeffiċjent ta’ tnaqqis ugwali għar-relazzjoni bejn iż-żmien ta’ xogħol part-time effettivament imwettaq mill-ħaddiem ikkonċernat u l-ħin ta’ xogħol imwettaq minn ħaddiem full-time paragunabbli.

53

Ċertament, dan it-tieni element huwa attenwat mill-fatt li, skont l-Artikolu 248(3) LGSS, in-numru ta’ ġranet ta’ kontribuzzjoni stabbilit wara l-applikazzjoni tal-koeffiċjent ta’ tnaqqis huwa miżjud bl-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ 1.5.

54

Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-ewwel element, jiġifieri l-fatt li l-ammont bażiku huwa, għal ħaddiem part-time, bħala kontroparti ta’ prestazzjoni ta’ xogħol inqas importanti, inferjuri għall-ammont bażiku ta’ ħaddiem full-time paragunabbli, huwa diġà ta’ natura li jippermetti li jintlaħaq l-għan li jikkonsisti, b’mod partikolari, fis-salvagwardja tal-iskema ta’ sigurtà soċjali ta’ tip kontributtiv.

55

Għaldaqstant, l-applikazzjoni, addizzjonali, ta’ koeffiċjent ta’ tnaqqis relatat max-xogħol part-time tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-imsemmi għan u jfisser, għall-grupp ta’ ħaddiema li ħadmu part-time mnaqqas, jiġifieri inqas minn żewġ terzi ta’ xogħol full-time paragunabbli, tnaqqis tal-ammont tal-pensjoni ta’ rtirar superjuri għal dik li tirriżulta kieku kellha tittieħed inkunsiderazzjoni biss il-pro rata temporis taż-żmien ta’ xogħol tagħhom.

56

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, skont liema l-ammont tal-pensjoni ta’ rtirar ta’ tip kontributtiv ta’ ħaddiem part-time huwa kkalkolat billi jiġi mmultiplikat ammont bażiku, stabbilit minn remunerazzjonijiet effettivament miġbura u kontribuzzjonijiet effettivament imħallsa, b’perċentwali li tirrifletti t-tul tal-perijodu ta’ kontribuzzjoni, fejn dan il-perijodu huwa assenjat minn koeffiċjent ta’ tnaqqis ugwali mar-rapport bejn iż-żmien ta’ xogħol part-time effettivament imwettaq u ż-żmien ta’ xogħol imwettaq minn ħaddiem part-time paragunabbli biż-żieda tal-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ 1.5 sa fejn l-imsemmija leġiżlazzjoni tpoġġi fi żvantaġġ b’mod partikolari lill-ħaddiema nisa meta mqabbla mal-ħaddiema rġiel.

Fuq it-tieni domanda

57

Fid-dawl tar-risposta għal-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq l-ispejjeż

58

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 79/7 tad-19 ta’ Diċembru 1978 dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, skont liema l-ammont tal-pensjoni ta’ rtirar ta’ tip kontributtiv ta’ ħaddiem part-time huwa kkalkolat billi jiġi mmultiplikat ammont bażiku, stabbilit minn remunerazzjonijiet effettivament miġbura u kontribuzzjonijiet effettivament imħallsa, b’perċentwali li tirrifletti t-tul tal-perijodu ta’ kontribuzzjoni, fejn dan il-perijodu huwa assenjat minn koeffiċjent ta’ tnaqqis ugwali mar-rapport bejn iż-żmien ta’ xogħol part-time effettivament imwettaq u ż-żmien ta’ xogħol imwettaq minn ħaddiem part-time paragunabbli biż-żieda tal-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ 1.5 sa fejn l-imsemmija leġiżlazzjoni tpoġġi fi żvantaġġ b’mod partikolari lill-ħaddiema nisa meta mqabbla mal-ħaddiema rġiel.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Fuq