Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62018CJ0049
Judgment of the Court (Second Chamber) of 7 February 2019.#Carlos Escribano Vindel v Ministerio de Justicia.#Request for a preliminary ruling from the Tribunal Superior de Justicia de Cataluña.#Reference for a preliminary ruling — Budgetary austerity measures — Reduction of remuneration in the national civil service — Method — Differential impact — Social policy — Equal treatment in employment and occupation — Directive 2000/78/EC — Article 2(1) and (2)(b) — Charter of Fundamental Rights of the European Union — Article 21 — Judicial independence — Second subparagraph of Article 19(1) TEU.#Case C-49/18.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-7 ta’ Frar 2019.
Carlos Escribano Vindel vs Ministerio de Justicia.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Miżuri ta’ awsterità baġitarja – Tnaqqis tar-remunerazzjonijiet fis-servizz pubbliku nazzjonali – Modalitajiet – Impatt iddifferenzjat – Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78/KE – Artikolu 2(1) u (2)(b) – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 21 – Indipendenza tal-imħallfin – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.
Kawża C-49/18.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-7 ta’ Frar 2019.
Carlos Escribano Vindel vs Ministerio de Justicia.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Miżuri ta’ awsterità baġitarja – Tnaqqis tar-remunerazzjonijiet fis-servizz pubbliku nazzjonali – Modalitajiet – Impatt iddifferenzjat – Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78/KE – Artikolu 2(1) u (2)(b) – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 21 – Indipendenza tal-imħallfin – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.
Kawża C-49/18.
Rapporti tal-qorti - ġenerali
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2019:106
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
7 ta’ Frar 2019 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Miżuri ta’ awsterità baġitarja – Tnaqqis tar-remunerazzjonijiet fis-servizz pubbliku nazzjonali – Modalitajiet – Impatt iddifferenzjat – Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78/KE – Artikolu 2(1) u (2)(b) – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 21 – Indipendenza tal-imħallfin – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE”
Fil-Kawża C‑49/18,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Catalunya (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Cataluña, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Diċembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Jannar 2018, fil-proċedura
Carlos Escribano Vindel
vs
Ministerio de Justicia
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President tal-Awla, E. Levits, M. Berger, C. Vajda u P. G. Xuereb, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal C. Escribano Vindel, minnu stess, |
– |
għall-Gvern Spanjol, minn J. García-Valdecasas Dorrego u A. Gavela Llopis, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Flynn, H. Krämer u J. Baquero Cruz, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, tal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll tal-Artikolu 2(1) u (2)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, C. Escribano Vindel u, min-naħa l-oħra, il-Ministerio de Justicia (il-Ministeru għall-Ġustizzja, Spanja) dwar it-tnaqqis fl-ammont tar-remunerazzjoni tiegħu fil-kuntest tal-linji gwida ta’ politika baġitarja tal-Istat Spanjol. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78: “L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.” |
4 |
L-Artikolu 2(1) u (2)(b) ta’ din id-direttiva jipprevedi: “1. Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1. 2. Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1: […]
[…]” |
5 |
L-Artikolu 6(1)(b) tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej: “Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji. Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi: […]
|
Id-dritt Spanjol
6 |
L-Artikolu 299 tal-Ley Orgánica 6/1985 del Poder Judicial (il-Liġi Organika 6/1985 dwar is-setgħa ġudizzjarja), tal-1 ta’ Lulju 1985 (BOE Nru 157, tat-2 ta’ Lulju 1985, p. 20632), jipprevedi li l-korp tal-maġistrati ġudizzjarja jinkludi tliet gradi, jiġifieri l-gradi ta’ maġistrat tal-ewwel grad (magistrado) tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), ta’ maġistrat tal-ewwel grad (magistrado) u ta’ maġistrat tat-tieni grad (juez). |
7 |
L-Artikolu 32.Uno (II)(1) tal-Ley 26/2009 de Presupuestos Generales del Estado para el año 2010 (il-Liġi 26/2009 dwar il-Finanzi Pubbliċi għas-sena 2010), tat-23 ta’ Diċembru 2009 (BOE Nru 309, tat-23 ta’ Diċembru 2009, p. 108804, iktar ’il quddiem l-“LPGE 2010”), jipprevedi li, mill-1 ta’ Ġunju 2010, ir-remunerazzjonijiet bażiċi tad-diversi kategoriji li jikkomponu l-maġistratura ġudizzjarja ser jitnaqqsu b’9.73 % meta mqabbla mar-remunerazzjonijiet previsti sa dak iż-żmien. |
8 |
It-tieni paragrafu tal-Artikolu 32.Uno (II)(4) tal-LPGE 2010 huwa fformulat kif ġej: “Ir-remunerazzjonijiet addizzjonali tal-membri tal-maġistratura ġudizzjarja u tal-prosekuzzjoni ser jitnaqqsu matul is-sena, meta mqabbla mar-remunerazzjonijiet fis-seħħ sal-31 ta’ Mejju 2010, b’6 % fil-każ tal-maġistrati ġudizzjarji tal-ewwel grad u tal-prosekuturi tal-ewwel grad, u b’5 % fil-każ tal-maġistrati ġudizzjarji tat-tieni grad u tal-prosekuturi tat-tieni grad.” |
9 |
L-Artikolu 1 tar-Real Decreto-Ley 8/2010 (id-Digriet Leġiżlattiv Irjali 8/2010), tal-20 ta’ Mejju 2010 (BOE Nru 126, tal-24 ta’ Mejju 2010, p. 45070), emenda l-Artikolu 32 tal-LPGE 2010 fir-rigward tar-remunerazzjonijiet tal-maġistrati għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Mejju 2010. |
10 |
L-Artikolu 31.Uno tal-Ley 39/2010 de Presupuestos Generales del Estado para el año 2011 (il-Liġi 39/2010 dwar il-Finanzi Pubbliċi għas-sena 2011), tat-22 ta’ Diċembru 2010 (BOE Nru 311, tat-23 ta’ Diċembru 2010, p. 105744) (iktar ’il quddiem il-“LPGE 2011”), jipprevedi, minn naħa, li l-ammonti tar-remunerazzjonijiet tad-diversi kategoriji li jikkomponu l-maġistratura ġudizzjarja għandhom ikunu identiċi għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 32.Uno (II)(1) tal-LPGE 2010, kif emendat bid-Digriet Leġiżlattiv Irjali 8/2010, tal-20 ta’ Mejju 2010, u, min-naħa l-oħra, li r-remunerazzjonijiet addizzjonali ma jkunux suġġetti għal ebda żieda meta mqabbla mar-remunerazzjonijiet fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 2010. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
11 |
C. Escribano Vindel, maġistrat tal-ewwel grad li jippresjedi waħdu fil-Juzgado de lo Social n 26 de Barcelona (il-Qorti Industrjali Nru 26 ta’ Barcelona, Spanja), ippreżenta rikors quddiem it-Tribunal Superior de Justicia de Catalunya (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Cataluña, Spanja) sabiex jikkontesta l-iskedi ta’ remunerazzjoni tiegħu għas-sena 2011, billi jsostni, minn naħa, li huma kienu jikkostitwixxu atti amministrattivi adottati abbażi tal-Artikolu 31.Uno tal-LPGE 2011 u, min-naħa l-oħra, li huma kienu jinvolvu “tnaqqis sostanzjali meta mqabbla mal-perijodi korrispondenti tas-sena preċedenti” li jmur kontra l-Kostituzzjoni Spanjola. |
12 |
Permezz ta’ digriet tat-30 ta’ Marzu 2015, il-qorti tar-rinviju ppreżentat quddiem it-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali, Spanja) domanda dwar il-konformità tal-Artikolu 31.Uno tal-LPGE 2011 mal-Kostituzzjoni Spanjola, li fiha hija rrilevat li minn rapport tal-Ministeru għall-Ġustizzja kien jirriżulta li t-tnaqqis fis-salarju huwa ta’ 7.16 %, għall-maġistrati ġudizzjarji tat-tieni grad, li jaqgħu fil-grupp ta’ remunerazzjoni 5, li r-remunerazzjoni tagħhom hija l-inqas għolja, li huwa ta’ 6.64 % għall-maġistrati ġudizzjarji tal-ewwel grad li jippresjedu waħedhom li jaqgħu fil-grupp ta’ remunerazzjoni 4, f’liema grupp jaqa’ barra minn hekk C. Escribano Vindel, u li huwa ta’ 5.90 % għall-maġistrati ġudizzjarji tal-ewwel grad li jaqgħu fil-grupp ta’ remunerazzjoni 1, li r-remunerazzjoni tagħhom hija l-iktar waħda għolja. |
13 |
B’digriet tal-15 ta’ Diċembru 2015, is-seduta plenarja tat-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali) iddikjarat din id-domanda inammissibbli u ddeċidiet li d-dispożizzjoni inkwistjoni ma tiksirx, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ ugwaljanza stabbilit fl-Artikolu 14 tal-Kostituzzjoni Spanjola. Fil-fatt, din il-Qorti kkunsidrat li l-membri tal-korpijiet ġudizzjarji Spanjoli kkonċernati ma humiex f’sitwazzjoni oġġettivament paragunabbli, peress li dawn jinqasmu f’kategoriji distinti u jokkupaw pożizzjonijiet differenti. |
14 |
Permezz ta’ digriet tal-24 ta’ Frar 2016, il-qorti tar-rinviju stiednet lill-partijiet sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-kwistjoni dwar jekk il-miżuri ta’ tnaqqis tar-remunerazzjoni adottati kinux diskriminatorji fir-rigward tal-Karta. Bħala tweġiba, C. Escribano Vindel sostna li l-imsemmija miżuri kienu jinvolvu diskriminazzjoni indiretta minħabba l-età jew l-anzjanità, peress li t-tnaqqis tar-remunerazzjoni huwa iktar sinjifikattiv għall-maġistrati ġudizzjarji tat-tieni grad, li jaqgħu fil-grupp ta’ remunerazzjoni 5, li hija l-kategorija ta’ dħul fil-maġistratura ġudizzjarja u li tiġbor il-maġistrati ta’ età iżgħar u bl-inqas anzjanità. Għaldaqstant, dispożizzjoni apparentement newtrali tista’ toħloq effett proporzjonalment iktar negattiv skont l-età jew l-anzjanità. |
15 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, li tikkontribwixxi għall-għan ta’ tnaqqis tad-defiċit pubbliku impost mill-Unjoni Ewropea, tikkostitwixxix diskriminazzjoni minħabba l-età, li hija pprojbita mill-Karta u mid-Direttiva 2000/78. Hija tirrileva, f’dan ir-rigward, li r-rata ta’ tnaqqis tar-remunerazzjoni applikata minn din il-leġiżlazzjoni hija iktar għolja għall-maġistrati ġudizzjarji tat-tieni grad, li jaqgħu fil-grupp ta’ remunerazzjoni 5, u għall-maġistrati ġudizzjarji tal-ewwel grad li jippresjedu waħedhom, li jaqgħu fil-grupp ta’ remunerazzjoni 4, milli għall-kategoriji l-oħra ta’ maġistrati. Fil-fehma tagħha, il-maġistrati ta’ età iżgħar u bl-inqas anzjanità jikkontribwixxu għalhekk ħafna iktar għat-tnaqqis tad-defiċits pubbliċi, mingħajr ma dan l-obbligu speċifiku impost fuqhom huwa ġġustifikat minn raġuni oġġettiva rilevanti. |
16 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fit-tieni lok, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, peress li tistabbilixxi tnaqqis tar-remunerazzjonijiet abbażi ta’ kriterji mingħajr teħid inkunsiderazzjoni la tal-funzjonijiet eżerċitati u lanqas tal-anzjanità u tipprevedi tnaqqis fit-trattament proporzjonalment iktar sinjifikattiv għall-maġistrati l-inqas imħallsa, tiksirx il-prinċipju ġenerali ta’ indipendenza ġudizzjarja. |
17 |
Hija tagħmel riferiment, f’dan ir-rigward, qabelxejn, għall-Artikolu 6 tal-Karta Ewropea dwar l-Istatut tal-Imħallfin, adottata mit-8 sal-10 ta’ Lulju 1998 mill-Kunsill tal-Ewropa, sussegwentement, għar-rakkomandazzjoni CM/Rec(2010)12 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa lill-Istati Membri dwar l-imħallfin: indipendenza, effiċjenza u responsabbiltajiet, adottata fis-17 ta’ Novembru 2010 u, fl-aħħar nett, għall-punti 74 sa 79 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawża Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:395). |
18 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Superior de Justicia de Catalunya (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Cataluña, Spanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari
19 |
Il-Gvern Spanjol iqis li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli, peress li l-informazzjoni neċessarja sabiex tiddeċiedi fuq id-domandi magħmula ma ġietx ipprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, din it-talba ma tesponix b’mod suffiċjenti la l-fatti fil-kawża prinċipali, la l-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti u lanqas id-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba. |
20 |
B’mod partikolari, hija nieqsa l-indikazzjoni tal-età, tal-anzjanità u tas-sistema ta’ remunerazzjoni ta’ C. Escribano Vindel. Barra minn hekk, ir-rapport tal-Ministeru għall-Ġustizzja ma jkoprix il-grupp ta’ remunerazzjoni 1, li fih jaqa’ C. Escribano Vindel, iżda l-gruppi ta’ remunerazzjoni 4 u 5. |
21 |
Fir-rigward tal-indikazzjoni tal-kuntest leġiżlattiv nazzjonali, ir-referenzi biss għall-Artikolu 31.Uno tal-LPGE 2011 u għall-Artikolu 301 tal-Liġi Organika 6/1985 dwar is-setgħa ġudizzjarja huma insuffiċjenti sabiex jinftiehmu s-sistema ta’ remunerazzjoni tal-membri tal-ġudikatura Spanjola u l-mod kif it-tnaqqis fis-salarju tal-impjegati kollha tas-settur pubbliku ġie applikat għall-imsemmija membri. |
22 |
Il-Kummissjoni Ewropea, mingħajr ma tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, tirrileva li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludi ebda informazzjoni dwar l-impatt ekonomiku reali tat-tnaqqis fir-remunerazzjoni għal C. Escribano Vindel jew għall-maġistrati ġudizzjarji l-oħra tal-ewwel grad jew tat-tieni grad u tillimita ruħha li ssemmi perċentwali, mingħajr ma tispeċifika l-ammonti li għalihom dawn japplikaw. |
23 |
Barra minn hekk, l-ebda informazzjoni ma hija pprovduta dwar l-effett tat-tnaqqis fir-remunerazzjoni għall-maġistrati ġudizzjarji tal-ewwel grad tal-Audiencia Provincial (il-Qorti Provinċjali, Spanja) jew tal-Audiencia Nacional (il-Qorti Ċentrali, Spanja), u għall-imħallfin tal-ewwel grad tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema). Minbarra dan, ir-rapport tal-Ministeru għall-Ġustizzja jqabbel biss is-sitwazzjoni ta’ tliet tipi ta’ pożizzjonijiet magħżula “bħala eżempju”, sabiex “jintwera” il-mod kif il-perċentwal globali ta’ tnaqqis ivarja skont il-piż iktar jew inqas sinjifikattiv tar-remunerazzjoni addizzjonali fir-remunerazzjoni totali. |
24 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
25 |
Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, C-74/16, EU:C:2017:496, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
26 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li n-neċessità li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li din tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula minnha jew li, minn tal-inqas, tispjega ċ-ċirkustanzi fattwali li fuqhom ikunu bbażati dawn id-domandi (ara s-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2017, il-Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, C-74/16, EU:C:2017:496, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
27 |
F’dan il-każ, qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju identifikat b’mod ċar, kuntrarjament għal dak li jallega l-Gvern Spanjol, il-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni li fuqhom huma bbażati d-domandi preliminari. |
28 |
Sussegwentement, il-Gvern Spanjol ġustament jirrileva li l-indikazzjoni tal-kuntest legali nazzjonali fid-deċiżjoni tar-rinviju hija rudimentali. Madankollu, fid-dawl b’mod partikolari tal-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati minn dan il-gvern u mill-Kummissjoni, li jikkorroboraw u jispeċifikaw dan il-kuntest legali, l-elementi kollha għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja juru li d-deċiżjoni tar-rinviju fiha madankollu l-elementi essenzjali tal-kuntest leġiżlattiv li fih jaqgħu d-domandi li tagħmel il-qorti tar-rinviju. |
29 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-deskrizzjoni tal-kuntest fattwali, il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni ġustament jirrilevaw in-natura lakunarja tal-informazzjoni pprovduta. Madankollu, id-deċiżjoni tar-rinviju tinkludi informazzjoni suffiċjenti sabiex jinftiehmu kemm id-domandi preliminari kif ukoll il-portata tagħhom. |
30 |
Għaldaqstant għandu jitqies li d-deċiżjoni tar-rinviju tinkludi l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi risposta utli lill-qorti tar-rinviju. |
31 |
Minn dan isegwi li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli. |
Fuq il-mertu
Osservazzjonijiet preliminari
32 |
Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita permezz tal-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. F’dan id-dawl, jekk ikun il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha. Il-fatt li qorti nazzjonali fformulat, formalment, domanda preliminari billi rreferiet għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lil din il-qorti l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li biha tinsab adita, indipendentement minn jekk għamlitx riferiment għalihom jew le meta għamlet id-domandi tagħha. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet, mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (ara s-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
33 |
F’dan il-każ, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-elementi kollha pprovduti mill-qorti tar-rinviju kif ukoll l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Gvern Spanjol u mill-Kummissjoni, sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata tali elementi utli ta’ interpretazzjoni, għandhom jiġu fformulati mill-ġdid id-domandi magħmula. |
34 |
Fil-fatt, fl-ewwel lok, sa fejn l-ewwel domanda hija intiża għal interpretazzjoni tal-“prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni”, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tistaqsi b’mod partikolari fuq il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 21 tal-Karta kif ukoll l-Artikolu 2(1) u 2(b) tad-Direttiva 2000/78 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
35 |
Fit-tieni lok, sa fejn din l-istess domanda tirrigwarda speċifikament it-tnaqqis fis-salarji tal-“membri tal-maġistratura ġudizzjarja li r-remunerazzjoni tagħhom kienet l-iktar baxx”, mill-imsemmija deċiżjoni jirriżulta, minn naħa, li dan il-grupp huwa kkostitwit mill-maġistrati ġudizzjarji tat-tieni grad, li jaqgħu fil-grupp ta’ remunerazzjoni 5, u, min-naħa l-oħra, li C. Escribano Vindel ma jagħmilx parti mill-imsemmi grupp. Fil-fatt, filwaqt li l-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni jqisu li l-punti ta’ fatt pprovduti mill-qorti tar-rinviju jistabbilixxu li dan tal-aħħar jagħmel parti mill-grupp ta’ remunerazzjoni 1, il-qorti tar-rinviju tidher li tikkunsidra li huwa jagħmel parti mill-grupp ta’ remunerazzjoni 4. |
36 |
Fit-tielet lok, għalkemm it-tieni domanda tirrigwarda, skont il-kliem tagħha, interpretazzjoni tal-“prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ preservazzjoni tal-indipendenza ġudizzjarja permezz ta’ remunerazzjoni ġusta, stabbli u konformi mal-funzjonijiet eżerċitati mill-membri tal-ġudikatura”, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandux jiġi interpretat fis-sens li l-prinċipju tal-indipendenza tal-imħallfin jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
37 |
Fir-raba’ lok, peress li C. Escribano Vindel qed jaġixxi biss f’ismu stess, sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni biss is-sitwazzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 28). |
Fuq l-ewwel domanda, dwar diskriminazzjoni minħabba l-età jew l-anzjanità
38 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 21 tal-Karta kif ukoll l-Artikolu 2(1) u 2(b) tad-Direttiva 2000/78 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li stabbilixxiet, fil-kuntest ta’ miżuri ġenerali ta’ tnaqqis fis-salarji marbuta ma’ restrizzjonijiet li jeliminaw defiċit baġitarju eċċessiv, perċentwali ta’ tnaqqis fis-salarji differenti għar-remunerazzjonijiet bażiċi u addizzjonali tal-membri tal-maġistratura ġudizzjarja, fatt li, skont il-qorti tar-rinviju, jinvolvi tnaqqis fis-salarji iktar sinjifikattiv bħala perċentwali għal dawk li jagħmlu parti minn żewġ gruppi ta’ remunerazzjoni tal-kategoriji inferjuri ta’ din il-maġistratura ġudizzjarja milli għal dawk li jagħmlu parti minn grupp ta’ remunerazzjoni ta’ kategorija superjuri tal-imsemmija maġistratura, filwaqt li tal-ewwel jirċievu remunerazzjoni iktar baxxa, huma ġeneralment iżgħar u ġeneralment għandhom inqas anzjanità mit-tieni. |
39 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li l-projbizzjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata, b’mod partikolari, fuq l-età hija inkluża fl-Artikolu 21 tal-Karta li, mill-1 ta’ Diċembru 2009, għandha l-istess valur legali bħat-Trattati u, min-naħa l-oħra, li din il-projbizzjoni ġiet ikkonkretizzata mid-Direttiva 2000/78 fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Hennigs u Mai, C‑297/10 u C-298/10, EU:C:2011:560, punt 47). |
40 |
Fit-tieni lok, hija ġurisprudenza stabbilita li l-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni tal-uffiċjali, inklużi tal-maġistrati, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Ġunju 2014, Specht et, C‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005, punt 37, kif ukoll tad-9 ta’ Settembru 2015, Unland, C‑20/13, EU:C:2015:561, punt 29). |
41 |
Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 1 u l-Artikolu 2(1) u (2)(b) tad-Direttiva 2000/78, huma pprojbiti d-diskriminazzjonijiet indiretti bbażati fuq “reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol”. |
42 |
Fir-raba’ lok, f’dak li jirrigwarda l-każ ta’ diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq l-età, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78, hemm diskriminazzjoni indiretta meta dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentament newtrali tista’ twassal għal żvantaġġ partikolari fir-rigward ta’ persuni ta’ età partikolari meta mqabbla ma’ persuni oħra sakemm din id-dispożizzjoni, dan il-kriterju jew din il-prattika ma tkunx oġġettivament iġġustifikata b’għan leġittimu u sakemm il-mezzi għat-twettiq ta’ dan l-għan ma jkunux xierqa u neċessarji (sentenza tal-14 ta’ Marzu 2018, Stollwitzer, C‑482/16, EU:C:2018:180, punt 22). |
43 |
Għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk impjegat bħalma huwa C. Escribano Vindel huwiex ittrattat b’mod inqas favorevoli minn impjegat ieħor li jkun jinsab f’sitwazzjoni paragunabbli minħabba l-età tiegħu jew jekk id-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax twassal għal żvantaġġ partikolari fir-rigward tal-kategorija ta’ età li huwa jagħmel parti minnha, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) ta’ din id-direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-28 ta’ Frar 2018, John, C‑46/17, EU:C:2018:131, punt 22). |
44 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li l-qorti tar-rinviju ma speċifikatx l-età ta’ C. Escribano Vindel u ma identifikatx persuna oħra li tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik ta’ C. Escribano Vindel, iżda sempliċement irrilevat l-impatt inqas favorevoli tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali fuq il-membri tal-maġistratura ġudizzjarja li jaqgħu fil-gruppi ta’ remunerazzjoni 4 u 5 meta mqabbla ma’ dawk li jaqgħu fil-grupp ta’ remunerazzjoni 1. |
45 |
Sussegwentement, minn dan jirriżulta li, jekk C. Escribano Vindel jaqa’, kif jikkunsidraw il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni, fil-grupp ta’ remunerazzjoni 1, ma jistax jitqies li huwa vittma ta’ diskriminazzjoni minħabba l-età, peress li huwa jinsab fost il-maġistrati li huma, skont il-qorti tar-rinviju, ivvantaġġati bil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali meta mqabbla ma’ oħrajn. |
46 |
Fl-aħħar nett, jekk C. Escribano Vindel jaqa’, kif jidher li tikkunsidra l-qorti tar-rinviju, fil-grupp ta’ remunerazzjoni 4, għandu jiġi ddeterminat jekk dan il-grupp ta’ remunerazzjoni jinkludix maġistrati ta’ kategorija ta’ età ddeterminat li hija distinta minn tali kategorija li tinkludi l-maġistrati li jagħmlu parti mill-grupp ta’ remunerazzjoni 1. |
47 |
Issa, f’dan ir-rigward, minn naħa, il-qorti tar-rinviju ma identifikat l-ebda kategorija ta’ età partikolari li hija żvantaġġata, iżda sempliċement irrilevat, essenzjalment, li, fuq medja, il-maġistrati li jaqgħu fil-grupp ta’ remunerazzjoni 5 huma iżgħar mill-maġistrati li jaqgħu fil-gruppi ta’ remunerazzjoni 4 u 1. B’mod partikolari, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li l-qorti tar-rinviju identifikat differenza ta’ età partikolari bejn il-grupp ta’ remunerazzjoni 4 u l-grupp ta’ remunerazzjoni 1. |
48 |
Min-naħa l-oħra, il-Gvern Spanjol isostni li l-imsemmija gruppi ta’ remunerazzjoni ma jinkludux maġistrati ta’ kategorija ta’ età partikolari, peress li l-uniku limitu ta’ età għal dħul fil-maġistratura ġudizzjarja huwa dak li qabel id-dħul fis-servizz ma tkunx intlaħqet l-età tal-irtirar tal-imsemmija maġistratura u li l-membri tal-maġistratura ġudizzjarja ma jkunu obbligati bl-ebda mod li jokkupaw pożizzjonijiet, kategoriji jew gruppi superjuri, iżda jistgħu jibqgħu allokati għall-kategorija tal-imħallef tat-tieni grad irrispettivament mill-età tagħhom. |
49 |
Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li għandha għarfien dirett tat-tilwima li tressqet quddiemha, li għandha twettaq il-verifiki neċessarji sabiex jiġi ddeterminat jekk l-imsemmija gruppi jinkludux maġistrati ta’ kategorija ta’ età partikolari. |
50 |
Fil-ħames lok, fir-rigward tar-rekwiżit relatat man-natura paragunabbli tas-sitwazzjonijiet, għandu jiġi speċifikat li, minn naħa, ma huwiex meħtieġ li s-sitwazzjonijiet ikunu identiċi, iżda biss li jkunu paragunabbli u, min-naħa l-oħra, l-eżami ta’ din in-natura paragunabbli ma għandux isir b’mod globali u astratt, iżda b’mod speċifiku u konkret fir-rigward tal-benefiċċju kkonċernat (sentenza tad-19 ta’ Lulju 2017, Abercrombie & Fitch Italia, C‑143/16, EU:C:2017:566, punt 25). |
51 |
Hija l-qorti tar-rinviju, li għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tevalwa l-fatti, li għandha tiddetermina jekk il-membri tal-maġistratura ġudizzjarja li jaqgħu fil-grupp ta’ remunerazzjoni 4 humiex f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-membri tal-maġistratura ġudizzjarja li jaqgħu fil-grupp ta’ remunerazzjoni 1 (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Grupo Norte Facility, C‑574/16, EU:C:2018:390, punt 49). |
52 |
Madankollu, mill-elementi għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li huwa paċifiku li r-remunerazzjonijiet bażiċi tal-kategoriji differenti li jikkomponu l-maġistratura ġudizzjarja tnaqqsu b’mod uniformi ta’ 9.73 % u li l-allegata differenza fit-trattament inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirriżulta, minn naħa, mit-tnaqqis inqas sinjifikattiv tar-remunerazzjonijiet addizzjonali tal-membri tal-maġistratura ġudizzjarja u, min-naħa l-oħra, mid-differenzi ta’ proporzjon, skont il-gruppi ta’ remunerazzjoni, tar-remunerazzjonijiet bażiċi u tar-remunerazzjonijiet addizzjonali fir-remunerazzjoni totali. |
53 |
F’dan il-kuntest, il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni jispeċifikaw li r-remunerazzjoni addizzjonali tinkludi allowance ta’ anzjanità, kumpens ta’ allokazzjoni, li jieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari ż-żona ta’ allokazzjoni u kundizzjonijiet oġġettivi ta’ rappreżentanza marbuta mal-funzjonijiet eżerċitati, kif ukoll kumpens speċjali, li jagħti kumpens għar-responsabbiltajiet, għat-taħriġ, għall-kumplessità jew għad-diffikultajiet tagħhom. Dan il-gvern u din l-istituzzjoni jikkunsidraw li, peress li r-remunerazzjoni addizzjonali tvarja abbażi ta’ elementi oġġettivi li jiddistingwu kategoriji distinti tal-maġistratura ġudizzjarja, dawn il-kategoriji ma jinsabux f’sitwazzjonijiet paragunabbli. |
54 |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju stess irrilevat li s-seduta plenarja tat-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet, permezz ta’ digriet tal-15 ta’ Diċembru 2015, li l-persuni kkonċernati ma kinux f’sitwazzjoni oġġettivament paragunabbli, peress li l-membri tal-korp ġudizzjarju jitqassmu f’kategoriji distinti u jokkupaw pożizzjonijiet differenti. |
55 |
Għaldaqstant, bla ħsara għall-verifiki li hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq, ma jidhirx li d-differenza fit-trattament inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkonċerna sitwazzjonijiet paragunabbli jew li għandha rabta indiretta mal-età. |
56 |
Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li ċ-ċirkustanzi deskritti mill-qorti tar-rinviju ma jurux li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija diskriminatorja minħabba l-età. |
57 |
Fis-sitt lok, f’dak li jirrigwarda l-ipoteżi ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ anzjanità, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li dan il-kriterju ma huwiex inkluż fost il-kriterji elenkati fil-projbizzjoni prevista mill-Artikolu 2(1) u (2)(b) tad-Direttiva 2000/78. Għall-kuntrarju, l-imsemmi kriterju huwa inkluż fost dawk imsemmija fl-Artikolu 6(1)(b) ta’ din id-direttiva, li jista’ jiġġustifika differenza fit-trattament minħabba l-età. |
58 |
Min-naħa l-oħra, anki jekk jiġi preżunt li l-Artikolu 21 tal-Karta tista’ tiġi applikata, f’dan il-każ, barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju la ma ppreċiżat l-anzjanità ta’ C. Escribano Vindel, la ma identifikat persuna oħra li tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik ta’ C. Escribano Vindel u lanqas ma identifikat kategorija ta’ anzjanità partikolari li hija żvantaġġata. B’mod partikolari, fid-dawl tal-osservazzjonijiet tal-Gvern Spanjol miġbura fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, ma jistax jiġi preżunt li l-kategoriji differenti ta’ remunerazzjoni jirriflettu kategoriji ta’ anzjanità partikolari. |
59 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li ċ-ċirkustanzi deskritti mill-qorti tar-rinviju ma jurux li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinkludi differenza fit-trattament minħabba l-anzjanità li tista’ tikser l-Artikolu 21 tal-Karta jew l-Artikolu 2(1) u (2)(b) tad-Direttiva 2000/78. |
60 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 21 tal-Karta kif ukoll l-Artikolu 2(1) u 2(b) tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, bla ħsara għall-verifiki li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li stabbilixxiet, fil-kuntest ta’ miżuri ġenerali ta’ tnaqqis fis-salarji marbuta ma’ restrizzjonijiet li jeliminaw defiċit baġitarju eċċessiv, perċentwali ta’ tnaqqis fis-salarji differenti għar-remunerazzjonijiet bażiċi u addizzjonali tal-membri tal-maġistratura ġudizzjarja, fatt li, skont il-qorti tar-rinviju, jinvolvi tnaqqis fis-salarji iktar sinjifikattiv bħala perċentwali għal dawk li jagħmlu parti minn żewġ gruppi ta’ remunerazzjoni tal-kategoriji inferjuri ta’ din il-maġistratura ġudizzjarja milli għal dawk li jagħmlu parti minn grupp ta’ remunerazzjoni ta’ kategorija superjuri tal-imsemmija maġistratura, filwaqt li tal-ewwel jirċievu remunerazzjoni iktar baxxa, huma ġeneralment iżgħar u ġeneralment għandhom inqas anzjanità mit-tieni. |
Fuq it-tieni domanda, dwar l-indipendenza tal-imħallfin
61 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandux jiġi interpretat fis-sens li l-prinċipju tal-indipendenza tal-imħallfin jipprekludi l-applikazzjoni għar-rikorrent fil-kawża prinċipali ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li stabbilixxiet mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tan-natura tal-funzjonijiet eżerċitati, l-anzjanità jew l-importanza tal-kompiti mwettqa, fil-kuntest ta’ miżuri ġenerali ta’ tnaqqis fis-salarji marbuta ma’ restrizzjonijiet li jeliminaw defiċit baġitarju eċċessiv, perċentwali ta’ tnaqqis fis-salarji differenti għar-remunerazzjonijiet bażiċi u addizzjonali tal-membri tal-maġistratura ġudizzjarja, fatt li, skont il-qorti tar-rinviju, jinvolvi tnaqqis fis-salarji iktar sinjifikattiv bħala perċentwali għal dawk li jagħmlu parti minn żewġ gruppi ta’ remunerazzjoni tal-kategoriji inferjuri ta’ din il-maġistratura ġudizzjarja milli għal dawk li jagħmlu parti minn grupp ta’ remunerazzjoni ta’ kategorija superjuri tal-imsemmija maġistratura, filwaqt li tal-ewwel jirċievu remunerazzjoni iktar baxxa mit-tieni. |
62 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-rimedji meħtieġa sabiex jiżguraw lill-partijiet fil-kawża r-rispett tad-dritt tagħhom għal protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jipprevedu sistema ta’ rimedji u ta’ proċeduri li jiżguraw stħarriġ ġudizzjarju effettiv fl-imsemmija l-oqsma (ara s-sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C-64/16, EU:C:2018:117, punt 34). |
63 |
Minn dan isegwi li kull Stat Membru għandu jiżgura li l-istanzi li, bħala “qorti”, fis-sens iddefinit mid-dritt tal-Unjoni, jagħmlu parti mis-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji tiegħu fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 37). |
64 |
Issa, fost l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kwalità ta’ “qorti”, hemm l-oriġini legali tal-korp, jekk huwiex permanenti, jekk il-ġurisdizzjoni tiegħu hijiex ta’ natura obbligatorja, jekk il-proċedura tiegħu hijiex ta’ natura kontradittorja, jekk il-korp japplikax regoli tad-dritt, kif ukoll jekk huwiex indipendenti (sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 38). |
65 |
Il-garanzija ta’ indipendenza, li hija inerenti għall-missjoni ġudizzjarja, hija meħtieġa mhux biss fil-livell tal-Unjoni, għall-imħallfin u l-avukati ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif previst mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19(2) TUE, iżda wkoll fil-livell tal-Istati Membri, għall-qrati nazzjonali (sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 42). |
66 |
Il-kunċett ta’ indipendenza jippreżupponi, b’mod partikolari, li l-istanza kkonċernata teżerċita l-attivitajiet ġudizzjarji tagħha b’awtonomija sħiħa, mingħajr ma tkun suġġetta għal ebda rabta ġerarkika jew ta’ subordinazzjoni fil-konfront ta’ xi ħadd u mingħajr ma tirċievi ordnijiet jew istruzzjonijiet minn kwalunkwe sors li jkun, u b’tali mod tkun protetta minn interventi jew pressjonijiet esterni li jistgħu jippreġudikaw l-indipendenza ta’ ġudizzju tal-membri tagħha u jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom. Issa, bħall-impossibbiltà tat-tneħħija tal-membri tal-istanza kkonċernata, il-perċezzjoni tagħhom ta’ livell ta’ remunerazzjoni adegwata meta mqabbla mal-importanza tal-funzjonijiet li jeżerċitaw tikkostitwixxi garanzija inerenti għall-indipendenza tal-imħallfin (sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punti 44 u 45). |
67 |
F’dan il-każ, qabelxejn, mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li, bħal fil-każ taċ-ċirkustanzi eżistenti fil-kawża li wasslu għas-sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punti 46 sa 49) il-miżuri ta’ tnaqqis fis-salarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġew adottati minħabba r-rekwiżiti marbuta mal-eliminazzjoni tad-defiċit baġitarju eċċessiv fl-Istat Membru kkonċernat u kienu jipprevedu tnaqqis limitat tal-ammont tar-remunerazzjoni, skont perċentwali li tvarja skont il-livell tagħha. Dawn ġew applikati mhux biss għall-membri tal-qrati Spanjoli, iżda, b’mod iktar wiesa’, għal detenturi differenti ta’ karigi pubbliċi u ta’ persuni li jeżerċitaw funzjonijiet fis-settur pubbliku, fosthom rappreżentanti ta’ awtoritajiet leġiżlattivi, eżekuttivi u ġudizzjarji. Huma kienu jidhru, għall-kuntrarju, bħala miżuri ġenerali intiżi sabiex għadd ta’ membri tas-servizz pubbliku nazzjonali jikkontribwixxu fl-isforz ta’ awsterità impost mir-rekwiżiti tat-tnaqqis tad-defiċit eċċessiv tal-baġit tal-Istat Spanjol. |
68 |
Sussegwentement, peress li, kif tfakkar fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni biss is-sitwazzjoni ta’ C. Escribano Vindel, l-eżami li għandu jsir f’dan il-każ fir-rigward tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandu sempliċement jivverifika jekk il-persuna interessata tirċevix, b’applikazzjoni tat-tnaqqis fis-salarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali, livell ta’ remunerazzjoni adegwata meta mqabbla mal-importanza tal-funzjonijiet li hija teżerċita. |
69 |
Għalhekk, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, ma jidhirx li huma rilevanti, għall-evalwazzjoni li għandha titwettaq, f’dan il-każ, mill-qorti tar-rinviju, il-metodu tat-tnaqqis fis-salarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, skont il-qorti tar-rinviju, ma kkunsidrax in-natura tal-funzjonijiet eżerċitati, l-anzjanità jew l-importanza tal-kompiti mwettqa, jew il-fatt li, skont din il-qorti, dan il-metodu kien jimplika tnaqqis fis-salarji iktar sinjifikattiv bħala perċentwali għall-membri tal-maġistratura ġudizzjarja li jappartjenu għal żewġ gruppi ta’ remunerazzjoni tal-kategoriji inferjuri ta’ din il-maġistratura kif ukoll għal dawk li jappartjenu għal grupp ta’ remunerazzjoni ta’ kategorija superjuri tal-imsemmija maġistratura. |
70 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk C. Escribano Vindel jirċevix, b’applikazzjoni tat-tnaqqis fis-salarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali, livell ta’ remunerazzjoni adegwata meta mqabbla mal-importanza tal-funzjonijiet li huwa jwettaq, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludi l-ebda informazzjoni preċiża dwar l-ammont tas-salarju ta’ C. Escribano Vindel. Fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li l-livell ta’ remunerazzjoni li jirċievi, skont ir-rapport tal-Ministeru għall-Ġustizzja, b’applikazzjoni ta’ dan it-tnaqqis fis-salarji maġistrat ġudizzjarju li jippresjedi waħdu f’Barcelona, bħalma huwa C. Escribano Vindel, u li jaqa’ fil-grupp ta’ remunerazzjoni 4, huwa suffiċjenti, fid-dawl tal-kuntest soċjoekonomiku ta’ din il-belt u tar-remunerazzjoni medja tal-uffiċjali Spanjoli, li l-imsemmi rapport jirrileva wkoll, sabiex ikun protett minn kull riskju li interventi jew pressjonijiet esterni jistgħu jkunu ta’ detriment għan-newtralità tad-deċiżjonijiet li jrid jieħu. |
71 |
Għandu jingħad ukoll li, anki jekk jiġi preżunt li C. Escribano Vindel jaqa’ fil-grupp ta’ remunerazzjoni 1, kif isostnu l-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni, l-argument tal-Kummissjoni għandu japplika a fortiori peress li, kif tfakkar fil-punt 12 ta’ din is-sentenza, ir-remunerazzjoni tal-membri ta’ dan il-grupp huwa ogħla minn dak tal-grupp ta’ remunerazzjoni 4. |
72 |
Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li għandha għarfien dirett tat-tilwima li tressqet quddiemha, li għandha twettaq il-verifiki neċessarji sabiex jiġi ddeterminat jekk il-livell ta’ remunerazzjoni li jirċievi, b’applikazzjoni tat-tnaqqis fis-salarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali, C. Escribano Vindel huwiex adegwat meta mqabbel mal-importanza tal-funzjonijiet li huwa jwettaq u tiġi żgurata, għaldaqstant, l-indipendenza ta’ ġudizzju tiegħu. |
73 |
Madankollu, il-fatti deskritti mill-qorti tar-rinviju ma jurux li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinkludi ksur tal-prinċipju tal-indipendenza tal-imħallfin kif żgurat mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. |
74 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prinċipju tal-indipendenza tal-imħallfin ma jipprekludix l-applikazzjoni għar-rikorrent fil-kawża prinċipali ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li stabbilixxiet mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tan-natura tal-funzjonijiet eżerċitati, l-anzjanità jew l-importanza tal-kompiti mwettqa, fil-kuntest ta’ miżuri ġenerali ta’ tnaqqis fis-salarji marbuta ma’ restrizzjonijiet li jeliminaw defiċit baġitarju eċċessiv, perċentwali ta’ tnaqqis fis-salarji differenti għar-remunerazzjonijiet bażiċi u addizzjonali tal-membri tal-maġistratura ġudizzjarja, fatt li, skont il-qorti tar-rinviju, jinvolvi tnaqqis fis-salarji iktar sinjifikattiv bħala perċentwali għal dawk li jagħmlu parti minn żewġ gruppi ta’ remunerazzjoni tal-kategoriji inferjuri ta’ din il-maġistratura ġudizzjarja milli għal dawk li jagħmlu parti minn grupp ta’ remunerazzjoni ta’ kategorija superjuri tal-imsemmija maġistratura, filwaqt li tal-ewwel jirċievu remunerazzjoni iktar baxxa mit-tieni, sakemm il-livell ta’ remunerazzjoni li jirċievi, b’applikazzjoni tat-tnaqqis fis-salarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali tkun adegwata meta mqabbla mal-importanza tal-funzjonijiet li huwa jwettaq u tiġi żgurata, għaldaqstant, l-indipendenza ta’ ġudizzju tiegħu, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika. |
Fuq l-ispejjeż
75 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.