EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62017CJ0151

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-22 ta’ Novembru 2018.
Swedish Match AB vs Secretary of State for Health.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen's Bench Division (Administrative Court).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Manufattura, preżentazzjoni u bejgħ tal-prodotti tat-tabakk – Direttiva 2014/40/UE – Artikolu 1(c) u Artikolu 17 – Projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-prodotti tat-tabakk għall-użu orali – Validità.
Kawża C-151/17.

Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2018:938

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

22 ta’ Novembru 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Manufattura, preżentazzjoni u bejgħ tal-prodotti tat-tabakk – Direttiva 2014/40/UE – Artikolu 1(c) u Artikolu 17 – Projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-prodotti tat-tabakk għall-użu orali – Validità”

Fil-Kawża C-151/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Queen’s Bench (Awla Amministrattiva), ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Marzu 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Marzu 2017, fil-proċedura

Swedish Match AB

vs

Secretary of State for Health,

fil-preżenza ta’:

New Nicotine Alliance,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, Viċi President, li qed jaġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, J.-C. Bonichot, E. Regan, C. G. Fernlund u S. Rodin (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Jannar 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Swedish Match AB, minn P. Tridimas, barrister, kif ukoll minn M. Johansson, advokat,

għan-New Nicotine Alliance, minn P. Diamond, barrister,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Brandon, bħala aġent, assistit minn I. Rogers, QC,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér, G. Koós u minn M. M. Tátrai, bħala aġenti,

għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġent,

għall-Gvern Norveġiż, minn M. Reinertsen Norum, bħala aġent, assistita minn K. Moen, advocate,

għall-Parlament Ewropew, minn A. Tamás u I. McDowell, bħala aġenti,

għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn M. Simm, E. Karlsson u minn A. Norberg, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Flynn u J. Tomkin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑12 ta’ April 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tal-Artikolu 1(c) u tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE (ĠU 2014, L 127, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Swedish Match AB u s-Secretary of State for Health (is-Segretarju tal-Istat għas-Saħħa, ir-Renju Unit) fir-rigward tal-legalità tal-projbizzjoni tal-manifattura u tal-provvista tat-tabakk għall-użu orali fir-Renju Unit.

Il-kuntest ġuridiku

3

Il-premessa 32 tad-Direttiva 2014/40 tistipula:

“Id-Direttiva tal-Kunsill 89/622/KEE[, tat-13 ta’ Novembru 1989 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward it-tikkettar tal-prodotti tat-tabakk u l-projbizzjoni tat-tpoġġija fis-suq ta’ ċerti prodotti tat-tabakk għall-użu orali (ĠU L 359, 8.12.1989, p. 1)] pprojbixxiet il-bejgħ fl-Istati Membri ta’ ċerti tipi ta’ tabakk għall-użu orali. Id-Direttiva 2001/37/KE [tal-Parlament Ewropej u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri li jirrelataw mal-manifattura, preżentazzjoni u l-bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 147)] affermat mill-ġdid dik il-projbizzjoni. L-Artikolu 151 tal-[Att dwar il-kundizzjonijiet tal-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju tal-Isvezja u dwar l-adattament tat-Trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea (ĠU 1994, C 241, p. 21, u ĠU 1995, L 1, p. 1),] jagħti lill-Isvezja deroga mill-projbizzjoni. Il-projbizzjoni tal-bejgħ ta’ tabakk għall-użu orali għandha tinżamm sabiex tipprevjeni l-introduzzjoni fl-Unjoni (minbarra l-Isvezja) ta’ prodott li jikkawża dipendenza u li għandu effetti negattivi fuq is-saħħa. Għal prodotti oħra tat-tabakk li ma jdaħħnux u li mhumiex prodotti għas-suq tal-massa, id-dispożizzjonijiet stretti dwar it-tikkettar u ċerti dispożizzjonijiet relatati mal-ingredjenti tagħhom huma meqjusa suffiċjenti għall-kontroll tal-espansjoni tagħhom fis-suq lil hinn mill-użu tradizzjonali tagħhom.”

4

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2014/40 jipprovdi:

“L-objettiv ta’ din id-Direttiva hu li tapprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward:

[…]

c)

il-projbizzjoni fuq it-tqegħid fis-suq tat-tabakk għall-użu orali;

[…]”.

5

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

5)

‘prodott tat-tabakk li ma jdaħħanx’ tfisser prodott tat-tabakk li ma jinvolvix il-proċess ta’ kombustjoni, inkluż it-tabakk tal-magħda, it-tabakk tal-imnieħer u t-tabakk għall-użu orali;

[…]

8)

‘tabakk għall-użu orali’ tfisser il-prodotti tat-tabakk kollha għall-użu orali, ħlief dawk maħsuba għall-inalazzjoni jew għall-magħda, magħmula kompletament jew parzjalment minn tabakk, fi trab jew f’forma ta’ partikuli jew fi kwalunkwe taħlita ta’ dawk il-forom, partikolarment dawk ippreżentati f’porzjonijiet fi qratas jew qratas porużi;

9)

‘prodotti tat-tabakk għat-tipjip’ tfisser prodott tat-tabakk għajr prodott tat-tabakk li ma jdaħħanx;

[…]

14)

‘prodott tat-tabakk ġdid’ tfisser prodott tat-tabakk li:

a)

ma jaqa’ taħt l-ebda waħda mill-kategoriji li ġejjin: sigaretti, tabakk tal-brim, tabakk tal-pipa, tabakk tal-pipa tal-ilma, sigarri, sigarri żgħar, tabakk tal-magħda, tabakk tal-imnieħer jew tabakk għall-użu orali; u

b)

jitqiegħed fis-suq wara d-19 ta’ Mejju 2014;

[…]”

6

L-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Tabakk għall-użu orali”, jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq tat-tabakk għall-użu orali, mingħajr ħsara għall-Artikolu 151 tal-Att tal-Adeżjoni tal-Awstrija, il-Finlandja u l-Isvezja.”

7

L-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2014/40, intitolat “Notifika dwar prodotti tat-tabakk ġodda”, huwa fformulat kif ġej:

“1. L-Istati Membri għandhom jesiġu li l-manifatturi u l-importaturi tal-prodotti tat-tabakk ġodda jippreżentaw notifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri bi kwalunkwe tali [prodott ġdid] li beħsiebhom iqiegħdu fis-s[uq] nazzjonali [kkonċernat].[…].”

8

L-Artikolu 24(3) ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Stat Membru jista’ wkoll jipprojbixxi ċerti kategoriji ta’ prodotti tat-tabakk jew relatati miegħu, abbażi tas-sitwazzjoni speċifika f’dak l-Istat Membru u dment li d-dispożizzjonijiet huma ġustifikati mill-bżonn li tiġi protetta s-saħħa pubblika b’kont meħud tal-livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem miksub b’din id-Direttiva. Dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawn għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni flimkien mar-raġunijiet tal-introduzzjoni tagħhom. Il-Kummissjoni għandha, fi żmien sitt xhur mid-data li tirċievi n-notifika prevista f’dan il-paragrafu, tapprova jew tirrifjuta d-dispożizzjonijiet nazzjonali wara li tkun ivverifikat, filwaqt li ħadet inkonsiderazzjoni l-livell għoli tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem miksuba permezz ta’ din id-Direttiva, jekk humiex ġustifikati, meħtieġa u proporzjonati jew le għall-għan tagħhom u jekk humiex mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni mill-Kummissjoni matul il-perijodu ta’ sitt xhur, id-dispożizzjonijiet nazzjonali għandhom ikunu meqjusa bħala approvati.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9

Swedish Match hija kumpannija b’responsabbiltà limitata stabbilita fl-Isvezja li tikkummerċjalizza prinċipalment prodotti tat-tabakk li ma jdaħħnux, u b’mod partikolari dawk tat-tip “snus”.

10

Fit-30 ta’ Ġunju 2016, Swedish Match ippreżentat rikors quddiem il-qrati tar-Renju Unit sabiex tikkontesta l-legalità tal-Artikolu 17 tat-Tobacco and Related Products Regulations 2016 (id-Digriet tal-2016 dwar it-tabakk u l-prodotti relatati), li ttraspona fil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit l-Artikolu 1(c) u l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2014/40, u li jipprevedi li “[e]bda persuna ma tista’ timmanifattura jew tiddistribwixxi tabakk għall-użu orali”.

11

Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, Swedish Match tikkontesta l-validità, fid-dawl tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, tal-Artikolu 1(c) u tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2014/40, minħabba d-differenza fit-trattament li dawn jistabbilixxu bejn, minn naħa, il-prodotti tat-tabakk għall-użu orali, li t-tqegħid fis-suq tagħhom huwa pprojbit, u, min-naħa l-oħra, il-prodotti l-oħra tat-tabakk li ma jdaħħnux, il-prodotti tat-tabakk ġodda, is-sigaretti u l-prodotti l-oħra tat-tabakk tat-tipjip, kif ukoll is-sigaretti elettroniċi, li l-konsum tagħhom ma huwiex ipprojbit. Barra minn hekk, il-projbizzjoni tal-prodotti tat-tabakk għall-użu orali ma tistax tiġi ġġustifikata minn raġunijiet ta’ saħħa pubblika peress li d-data xjentifika attwali, li ma kinitx disponibbli fid-data tal-adozzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 92/41/KEE tal-15 ta’ Mejju 1992 li temenda d-Direttiva 89/622 (ĠU 1992, L 158, p. 30), turi li dawn il-prodotti jinstabu taħt l-iskala ta’ riskju f’dak li jirrigwarda l-effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa meta mqabbla ma’ prodotti oħra tat-tabakk li ma jdaħħnux. Barra minn hekk, l-ebda data ma tikkonferma l-idea li l-konsum tal-prodotti tat-tabakk għall-użu orali huwa “pont” li jwassal għat-tipjip tat-tabakk. Il-projbizzjoni lanqas ma tista’ tiġi ġġustifikata min-novità tas-snus, peress li l-prodotti tat-tabakk ġodda ma humiex ipprojbiti mid-Direttiva 2014/40, fis-sens tal-Artikolu 2(14) tagħha, minkejja l-assenza ta’ data xjentifika f’dan ir-rigward u minkejja l-eżistenza, f’dawn il-prodotti, ta’ effetti li jistgħu jkunu ta’ ħsara għas-saħħa. Id-diskriminazzjoni li minnha jbatu l-prodotti tat-tabakk għall-użu orali lanqas ma tista’ tiġi ġġustifikata mill-fatt li dawn huma intiżi għall-pubbliku inġenerali, sa fejn anki l-prodotti l-oħra koperti mill-imsemmija direttiva, b’mod partikolari l-prodotti l-oħra tat-tabakk li ma jdaħħnux, is-sigaretti elettroniċi u l-prodotti tat-tabakk ġodda, huma intiżi għall-pubbliku inġenerali.

12

Barra minn dan, Swedish Match issostni li l-projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-prodotti tat-tabakk għall-użu orali tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li la mill-premessi tad-Direttiva 2014/40, la mill-Valutazzjoni tal-Impatt tad-19 ta’ Diċembru 2012, stabbilita mill-Kummissjoni u akkumpanjata minn Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati (SWD(2012) 452 finali, p. 49 et seq.) (iktar ’il quddiem il-“valutazzjoni tal-impatt”), u lanqas minn xi dokument ieħor ma jirriżulta għaliex tali projbizzjoni hija neċessarja u xierqa fid dawl ta’ xi għan leġittimu. Għal din ir-raġuni, il-prinċipju ta’ prekawzjoni ma jistax jiġi invokat għaliex l-imsemmija projbizzjoni ma hijiex koerenti mal-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-prodotti l-oħra tat-tabakk, li t-tossiċità tagħhom hija, madankollu, skont id-data xjentifika attwali, ogħla.

13

Wara dan, il-projbizzjoni totali tal-prodotti tat-tabakk għall-użu orali, sa fejn din ma tiħux inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rispettivi ta’ kull Stat Membru, ma hijiex konformi mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà. Dan l-approċċ ma huwiex neċessarju, u dan huwa enfasizzat mill-fatt li d-Direttiva 2014/40 innifisha tagħti lill-Istati Membri ċerta diskrezzjoni fl-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni tagħhom dwar il-prodotti l-oħra tat-tabakk.

14

Barra minn hekk, la d-Direttiva 2014/40 u lanqas il-kuntest tagħha ma jispeċifikaw b’mod espliċitu r-raġunijiet li għalihom il-prodotti tat-tabakk għall-użu orali huma s-suġġett ta’ diskriminazzjoni meta mqabbla mal-prodotti l-oħra tat-tabakk li ma jdaħħnux, mas-sigaretti elettroniċi, mal-prodotti tat-tabakk ġodda u mas-sigaretti. Għalhekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma ssodisfax l-obbligu ta’ motivazzjoni, previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE.

15

Il-projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-prodotti tat-tabakk għall-użu orali tikkostitwixxi wkoll restrizzjoni mhux iġġustifikata għall-moviment liberu tal-merkanzija, għaliex din ma hijiex konformi mal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità kif ukoll mal-obbligu ta’ motivazzjoni.

16

Barra minn hekk, minbarra l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja għad ma kellhiex l-okkażjoni li tiddeċiedi dwar il-validità tal-Artikolu 1(c) u tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2014/40, Swedish Match issostni li s-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2004, Swedish Match (C‑210/03, EU:C:2004:802), ma hijiex applikabbli għall-kawża prinċipali, peress li d-data xjentifika reċenti dwar l-allegati effetti ta’ ħsara tal-prodotti tat-tabakk għall-użu orali tikkontradixxi dak li ntqal f’dik is-sentenza, peress li hemm differenzi sinjifikattivi bejn is-sistemi stabbiliti mid-Direttiva 2014/40 meta mqabbla ma’ dawk stabbiliti mid-Direttiva 2001/37 u, fl-aħħar nett, peress li s-suq tal-prodotti tat-tabakk kien is-suġġett ta’ tibdil kunsiderevoli minn żmien l-imsemmija sentenza.

17

Fir-risposta, is-Segretarju tal-Istat għas-Saħħa jqis li hemm lok li ssir talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-validità tal-Artikolu 1(c) u tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2014/40, filwaqt li jispjega, b’mod partikolari, li hija biss il-Qorti tal-Ġustizzja li tista’ tinvalida direttiva jew parti minnha.

18

In-New Nicotine Alliance, assoċjazzjoni rreġistrata li l-għan tagħha huwa l-promozzjoni tas-saħħa pubblika billi jitnaqqsu l-ħsarat ikkawżati mit-tabakk (iktar ’il quddiem in-“NNA”), li ġiet awtorizzata tintervjeni fil-kawża prinċipali, issostni quddiem il-qorti tar-rinviju li l-projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-prodotti tat-tabakk għall-użu orali tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità bi ksur tal-Artikoli 1, 7 u 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Fil-fatt, tali projbizzjoni ma hijiex xierqa sabiex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika, peress li din iċċaħħad lill-konsumaturi li jixtiequ jevitaw li jikkunsmaw sigaretti u prodotti oħra tat-tabakk tat-tipjip mill-possibbiltà li jduru lejn prodott inqas tossiku, kif juru f’dan ir-rigward is-suċċess tas-sigaretti elettroniċi u d-data xjentifika fuq l-effetti ta’ ħsara tat-tabakk fl-Isvezja. Issa, is-snus jifforma parti, flimkien ma’ prodotti oħra li jnaqqsu l-effetti ta’ ħsara tat-tabakk, diġà disponibbli fir-Renju Unit, minn strateġija koerenti ta’ tnaqqis ta’ dawn l-effetti ta’ ħsara.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Queen’s Bench (Awla Amministrattiva), ir-Renju Unit) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikoli 1(c) u 17 tad-Direttiva [2014/40] huma invalidi minħabba:

I.

ksur tal-prinċipju ġenerali tal-UE ta’ nondiskriminazzjoni;

II.

ksur tal-prinċipju ġenerali tal-UE ta’ proporzjonalità;

III.

ksur tal-Artikolu 5(3) TUE u l-prinċipju tal-UE ta’ sussidjarjetà;

IV.

ksur tal-Artikolu 296(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”);

V.

ksur tal-Artikoli 34 u 35 TFUE; u

VI.

ksur tal-Artikoli 1, 7 u 35 tal-[Karta]?”

Fuq id-domanda preliminari

20

Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-validità tal-Artikolu 1(c) u tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2014/40 fid-dawl tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ proporzjonalità u ta’ sussidjarjetà, tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, tal-Artikoli 34 u 35 TFUE kif ukoll tal-Artikoli 1, 7 u 35 tal-Karta.

Fuq il-validità tal-Artikolu 1(c) u tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2014/40 fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

21

Il-qorti tar-rinviju tqajjem il-kwistjoni ta’ jekk id-Direttiva 2014/40 tiksirx il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament sa fejn hija tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq tal-prodotti tat-tabakk għall-użu orali filwaqt li tawtorizza l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti oħra tat-tabakk li ma jdaħħnux, tas-sigaretti, tas-sigaretti elettroniċi u tal-prodotti tat-tabakk ġodda.

22

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod sakemm dan ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tas-7 ta’ Marzu 2017, RPO, C-390/15, EU:C:2017:174, punt 41).

23

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kwistjoni tal-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minħabba l-projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-prodotti tat-tabakk għall-użu orali, prevista fid-Direttiva 2001/37, diġà kienet is-suġġett tas-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 2004, Swedish Match (C-210/03, EU:C:2004:802), u tal-14 ta’ Diċembru 2004, Arnold André (C-434/02, EU:C:2004:800).

24

Fl-imsemmija sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-sitwazzjoni speċifika li fiha jinstabu l-prodotti tat-tabakk għall-użu orali msemmija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/37 tawtorizza li dawn jingħataw trattament differenti mingħajr ma jkun jista’ jiġi invokat b’mod utli ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Fil-fatt, hija qieset li dawn il-prodotti, għalkemm ma humiex fundamentalment differenti, la fil-kompożizzjoni tagħhom u lanqas fl-użu li għandu jsir minnhom, mill-prodotti tat-tabakk li għandhom jiġu mimgħuda, dawn xorta waħda jinsabu f’sitwazzjoni differenti minn dik ta’ dawn l-aħħar prodotti minħabba l-fatt li l-prodotti tat-tabakk għall-użu orali li huma s-suġġett tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 8a tad-Direttiva 89/622 u kkonfermata fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/37 kienu ġodda fis-suq tal-Istati Membri kkonċernati minn din il-miżura (sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 2004, Swedish Match, C-210/03, EU:C:2004:802, punt 71, u tal-14 ta’ Diċembru 2004, Arnold André, C-434/02, EU:C:2004:800, punt 69).

25

Issa, wara l-għoti tal-imsemmija sentenzi, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma adotta ebda miżura li tawtorizza t-tqegħid fis-suq tal-Istati Membri, imsemmija fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2014/40, tal-prodotti tat-tabakk għall-użu orali.

26

Għalhekk, fil-każ fejn dawn il-prodotti jiġu introdotti f’dan is-suq, dawn jibqgħu ġodda meta mqabbla ma’ prodotti oħra tat-tabakk li ma jdaħħnux u mal-prodotti tat-tabakk tat-tipjip, inklużi s-sigaretti, u għalhekk ikunu ta’ natura attraenti għaż-żgħażagħ.

27

Barra minn hekk, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 73 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-valutazzjoni tal-impatt, li ma ġietx ikkontestata fuq dan il-punt, jirriżulta li l-prodotti tat-tabakk li ma jdaħħnux minbarra dawk għall-użu orali jirrapreżentaw biss swieq niċċa li l-potenzjal ta’ espansjoni tagħhom huwa limitat minħabba, b’mod partikolari, il-metodu ta’ manifattura tagħhom li huwa għali u parzjalment artiġjanali. Min-naħa l-oħra, il-prodotti tat-tabakk għall-użu orali għandhom potenzjal kbir ta’ espansjoni, fatt li huwa barra minn hekk ikkonfermat mill-manifatturi ta’ dawn il-prodotti.

28

Għaldaqstant, tali ċirkustanzi partikolari jawtorizzaw trattament differenti tal-prodotti tat-tabakk għall-użu orali meta mqabbla kemm mal-prodotti l-oħra tat-tabakk li ma jdaħħnux kif ukoll mas-sigaretti, mingħajr ma jkun jista’ jiġi invokat b’mod utli ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

29

F’dak li jirrigwarda l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minħabba trattament inqas favorevoli tal-prodotti tat-tabakk għall-użu orali meta mqabbla mas-sigaretti elettroniċi, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li dawn tal-aħħar għandhom karatteristiċi oġġettivi differenti minn dawk tal-prodotti tat-tabakk b’mod ġenerali u, għaldaqstant, ma jinsabux fl-istess sitwazzjoni bħall-prodotti tat-tabakk (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Pillbox 38, C‑477/14, EU:C:2016:324, punti 36 u 42).

30

Minn dan isegwi li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jistax jiġi miksur minħabba l-fatt li l-kategorija partikolari komposta mill-prodotti tat-tabakk għall-użu orali hija s-suġġett ta’ trattament differenti meta mqabbla ma’ din il-kategorija l-oħra komposta mis-sigaretti elettroniċi.

31

Fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minħabba trattament inqas favorevoli tal-prodotti tat-tabakk għall-użu orali meta mqabbla mal-prodotti tat-tabakk ġodda, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 2(14) tad-Direttiva 2014/40 jiddefinixxi l-“prodott tat-tabakk ġdid” bħala prodott tat-tabakk li, mqiegħed fis-suq wara d-19 ta’ Mejju 2014, ma jaqa taħt l-ebda waħda mill-kategorijji li ġejjin, jiġifieri, sigaretti, tabakk tal-brim, tabakk tal-pipa, tabakk tal-pipa tal-ilma, sigarri, sigarri żgħar, tabakk tal-magħda, tabakk tal-imnieħer jew tabakk għall-użu orali.

32

Għalhekk, u hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 75 tal-konklużjonijiet tiegħu, meqjusa d-data tat-tqegħid fis-suq tagħhom, l-effetti tal-prodotti tat-tabakk ġodda fuq is-saħħa pubblika ma setgħux, per definizzjoni, jiġu osservati jew studjati fil-mument tal-adozzjoni tad-Direttiva 2014/40, filwaqt li l-effetti tal-prodotti tat-tabakk għall-użu orali kienu, f’dik id-data, suffiċjentement identifikati u sostnuti xjentifikament. Għalkemm huwa minnu li l-leġiżlatur tal-Unjoni waqqa’ l-prodotti msemmija l-ewwel taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, dan kien bil-għan li dawn ikunu s-suġġett ta’ studji fir-rigward tal-effetti tagħhom fuq is-saħħa u fuq id-drawwiet ta’ konsum, konformement mal-Artikolu 19 tal-imsemmija direttiva.

33

Għalhekk, peress li kienu s-suġġett ta’ diversi studji xjentifiki, il-prodotti tat-tabakk għall-użu orali ma setgħux, meta ġiet adottata d-Direttiva 2014/40, jitqiesu li huma ġodda bl-istess mod bħall-prodotti tat-tabakk ġodda msemmija fl-Artikolu 2(14) ta’ din id-direttiva.

34

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 1(c) u l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2014/40 ma jiksrux il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

Fuq il-validità tal-Artikolu 1(c) u tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2014/40 fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

35

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom ikunu adatti sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni kkonċernata u ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dawn l-għanijiet jintlaħqu (sentenza tas-7 ta’ Frar 2018, American Express, C-304/16, EU:C:2018:66, punt 85).

36

F’dak li jirrigwarda l-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lilu, għandu jingħata diskrezzjoni wiesgħa f’qasam, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn l-azzjoni tiegħu timplika għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali u fejn huwa jkollu jwettaq evalwazzjonijiet u valutazzjonijiet kumplessi. Għalhekk, din ma hijiex kwistjoni dwar jekk miżura adottata f’tali qasam kinitx l-unika jew l-aħjar waħda possibbli, peress li hija biss in-natura manifestament inadegwata tagħha meta mqabbla mal-għan li l-istituzzjonijiet kompetenti jixtiequ jilħqu li tista’ taffettwa l-legalità ta’ din il-miżura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Pillbox 38, C-477/14, EU:C:2016:324, punt 49).

37

Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-punti ta’ fatt ta’ natura xjentifika u teknika kumplessa ħafna li huma neċessarji sabiex tiġi evalwata n-natura proporzjonali tal-projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-prodotti tat-tabakk għall-użu orali għandu jitfakkar li l-qorti tal-Unjoni ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-leġiżlatur abilitat mit-Trattat FUE li jagħmel dan bl-evalwazzjoni tagħha. Is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-leġiżlatur tal-Unjoni, li timplika stħarriġ ġudizzjarju limitat tal-eżerċizzju tiegħu, ma tapplikax esklużivament għan-natura u għall-portata tad-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati, iżda wkoll, f’ċerta miżura, għall-konstatazzjoni tad-data bażika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2018, Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-5/16, EU:C:2018:483, punti 150151).

38

Minbarra dan, il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ prekawzjoni li jipprovdi li, meta jkun għad hemm inċertezzi dwar l-eżistenza jew il-portata ta’ riskji għas-saħħa tal-bniedem, jistgħu jittieħdu miżuri ta’ protezzjoni mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu pprovati kompletament ir-realtà u l-gravità ta’ dawn ir-riskji. Meta jirriżulta impossibbli li jiġu ddeterminati b’ċertezza l-eżistenza jew il-portata tar-riskju allegat, minħabba n-natura mhux konklużiva tar-riżultati tal-istudji mwettqa, iżda l-probabbiltà ta’ ħsara reali għas-saħħa pubblika tippersisti fil-każ li r-riskju jimmaterjalizza ruħu, il-prinċipju ta’ prekawzjoni jiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi (sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, Pesce et, C-78/16 u C-79/16, EU:C:2016:428, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tiġi eżaminata l-validità tal-Artikolu 1(c) u tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2014/40 fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

40

F’dan il-każ għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2014/40 għandha għan doppju li jikkonsisti fl-iffaċilitar tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-prodotti tat-tabakk u ta’ prodotti relatati, billi tieħu bħala bażi livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, partikolarment għaż-żgħażagħ (sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-358/14, EU:C:2016:323, punt 80).

41

F’dak li jirrigwarda l-għan li jikkonsisti f’li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ, mill-valutazzjoni tal-impatt (paġni 62 et seq.) jirriżulta li l-Kummissjoni qieset id-diversi għażliet politiċi fir-rigward tad-diversi prodotti tat-tabakk, dawk għall-użu orali inklużi. Hija b’mod partikolari eżaminat il-possibbiltà li titneħħa l-projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-prodotti tat-tabakk għall-użu orali fid-dawl tal-istudji xjentifiki l-ġodda fir-rigward tal-livell ta’ ħsara ta’ dawn il-prodotti għas-saħħa u tad-data dwar id-drawwiet ta’ konsum tal-prodotti tat-tabakk fil-pajjiżi li jawtorizzaw il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tat-tabakk għall-użu orali.

42

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni osservat, l-ewwel nett, li, għalkemm skont xi studji xjentifiki, il-prodotti tat-tabakk li ma jdaħħnux huma inqas perikolużi għas-saħħa minn dawk li jdaħħnu, xorta jibqa l-fatt li l-prodotti tat-tabakk li ma jdaħħnux kollha fihom karċeroġeni, li ma huwiex stabbilit xjentifikament li d-dożaġġ ta’ dawn il-karċeroġeni fil-prodotti tat-tabakk għall-użu orali huwa ta’ natura li jnaqqas ir-riskju ta’ kanċer, li dawn iżidu r-riskju ta’ infart mijokardjali mortali u li, skont ċerti indikazzjonijiet, l-użu tagħhom huwa assoċjat ma’ kumplikazzjonijiet matul it-tqala.

43

Wara dan, il-Kummissjoni osservat li l-istudji li jissuġġerixxu li l-isnus jista’ jiffaċilità l-waqfien tad-dipendenza fuq it-tabakk huma, fil-parti l-kbira tagħhom, imsejjsa fuq data li ġejja mill-osservazzjoni empirika u, għalhekk, ma jistgħux jitqiesu li huma konklużivi.

44

Barra minn hekk, il-Kummissjoni enfasizzat ukoll li l-effett tad-deċiżjoni ta’ tneħħija tal-projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-prodotti tat-tabakk għall-użu orali fuq il-politiki ta’ kontroll tal-konsum tal-prodotti tat-tabakk tkun ta’ natura li tħajjar lill-persuni li sa dakinhar ma kinux jikkunsmaw prodotti tat-tabakk, b’mod partikolari ż-żgħażagħ, li jsiru konsumaturi tagħhom u li, għaldaqstant, tali deċiżjoni tkun tinvolvi ċerti riskji fil-qasam tas-saħħa pubblika.

45

Konsegwentement, wara li ħadet inkunsiderazzjoni t-totalità tal-istudji xjentifiki ċċitati fil-valutazzjoni tal-impatt, il-Kummissjoni qieset li l-prinċipju ta’ prekawzjoni kien jiġġustifika ż-żamma tal-projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-prodotti tat-tabakk għall-użu orali.

46

Biex jikkontestaw il-validità tal-Artikolu 1(c) u tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2014/40 fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, Swedish Match u n-NNA jagħmlu riferiment, hekk kif jirriżluta mid-deċiżjoni tar-rinviju, għal studji xjentifiki reċenti li, fl-opinjoni tagħhom, jenfasizzaw il-fatt li l-prodotti tat-tabakk għall-użu orali, b’mod partikolari dawk tat-tip “snus”, għandhom effett ta’ ħsara dgħajjef meta mqabbla mal-prodotti l-oħra tat-tabakk, li dawn joħolqu inqas dipendenza mill-imsemmija prodotti l-oħra u li dawn jagħmluha iktar faċli li persuna twaqqaf id-dipendenza tagħha fuq it-tabakk. B’mod partikolari, Swedish Match u n-NNA jenfasizzaw, billi jibbażaw ruħhom fuq osservazzjonijiet imwettqa fl-Isvezja u fin-Norveġja, li hemm it-tendenza li l-konsum tas-snus jieħu post dak tal-prodotti tat-tabakk tat-tipjip, u mhux li jiżdied miegħu, u li dan il-konsum ma għandux effett ta’ pont lejn dawn l-aħħar prodotti.

47

F’dan il-kuntest, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur tal-Unjoni seta’, abbażi ta’ studji xjentifiki u konformement mas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li huwa għandu f’dan ir-rigward u mal-prinċipju ta’ prekawzjoni, jiddeċiedi, fl-osservanza tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 36 u 38 ta’ din is-sentenza, li ma kienx hemm ċertezza dwar l-effikaċja tal-prodotti tat-tabakk għall-użu orali inkwantu għajnuna għat-twaqqif mill-użu tat-tabakk fil-każ ta’ tneħħija tal-projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ dawn il-prodotti, u tal-eżistenza ta’ riskji għas-saħħa pubblika, bħalma huwa r-riskju ta’ effett ta’ pont, minħabba, b’mod partikolari, l-attrattività tal-imsemmija prodotti għaż-żgħażagħ.

48

Fil-fatt, f’dak li jirrigwarda l-kapaċità tal-miżura ta’ projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-prodotti tat-tabakk għall-użu orali li tilħaq l-għan li jikkonsisti f’li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, għandu jitfakkar li din il-kapaċità ma tistax tiġi evalwata biss fid-dawl ta’ kategorija waħda ta’ konsumaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et, C‑547/14, EU:C:2016:325, punt 176).

49

Peress li, fil-każ ta’ tneħħija tal-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq tal-prodotti tat-tabakk għall-użu orali, ma hemmx ċertezza dwar l-effetti pożittivi għas-saħħa tal-konsumaturi li jixtiequ jużaw dan il-prodott bħala għajnuna biex jieqfu jużaw it-tabakk u peress li, barra minn hekk, jeżistu riskji għas-saħħa tal-konsumaturi l-oħra, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ, li jeżiġu l-adozzjoni, konformament mal-prinċipju ta’ prekawzjoni, ta’ miżuri restrittivi, l-Artikolu 1(c) u l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2014/40 ma jistgħux jitqiesu li huma manifestament mhux xierqa sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika.

50

Bil-kontra ta’ dan, ma jidhirx li miżuri inqas restrittivi, bħal dawk previsti għall-prodotti l-oħra tat-tabakk fid-Direttiva 2014/40, b’mod partikolari t-tisħiħ tat-twissijiet tas-saħħa u l-projbizzjoni tat-tabakk aromatizzat, huma daqstant xierqa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex.

51

Fil-fatt, kemm minħabba l-potenzjal kbir ta’ tkabbir tas-suq tal-prodotti tat-tabakk għall-użu orali, ikkonfermat mill-manifatturi nnifishom ta’ dawn il-prodotti, kif ukoll minħabba l-introduzzjoni ta’ ambjenti mingħajr duħħan, l-imsemmija prodotti jistgħu b’mod partikolari jħajru lill-persuni li sa dakinhar ma kinux jikkunsmaw prodotti tat-tabakk, b’mod partikolari ż-żgħażagħ, li jsiru konsumaturi tagħhom.

52

Barra minn hekk, il-prodotti tat-tabakk għall-użu orali huma partikolarment perikolużi għall-minuri minħabba li huwa diffiċli li l-konsum tagħhom jiġi pperċepit. Fil-fatt, dan il-konsum normalment jikkonsisti fit-tpoġġija tal-prodott bejn il-ħanek u x-xoffa u fit-tħallija tiegħu hemmhekk (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2004, Arnold André, C-434/02, EU:C:2004:800, punt 19).

53

Għalhekk, il-projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-prodotti tat-tabakk għall-użu orali ma tmurx manifestament lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jintlaħaq l-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika.

54

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, sa fejn l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa għandu importanza predominanti meta mqabbel mal-interessi ta’ natura ekonomika (sentenza tad-19 ta’ April 2012, Artegodan vs Il-Kummissjoni, C‑221/10 P, EU:C:2012:216, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata), l-importanza ta’ dan l-għan tista’ tiġġustifika konsegwenzi ekonomiċi negattivi, anki ta’ daqs kunsiderevoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2012, Nelson et, C‑581/10 u C-629/10, EU:C:2012:657, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, f’dan il-każ, anki jekk jitqies li jeżisti potenzjal kbir ta’ tkabbir tas-suq tal-prodotti tat-tabakk għall-użu orali, il-konsegwenzi ekonomiċi li jirriżultaw mill-projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ tali prodotti jibqgħu, f’kull każ, inċerti, peress li, fil-mument tal-adozzjoni tad-Direttiva 2014/40, dawn il-prodotti ma kinux preżenti fis-suq tal-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2014/40.

55

F’dak li jirrigwarda l-għan, li jikkonsisti f’li jiġi ffaċilitat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-prodotti tat-tabakk u tal-prodotti relatati, għandu jiġi osservat li anki l-miżura ta’ projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-prodotti tat-tabakk għall-użu orali prevista f’dawn id-dispożizzjonijiet hija xierqa biex tiffaċilita l-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-prodotti tat-tabakk u tal-prodotti relatati.

56

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat, fil-punt 37 tas-sentenza tagħha tal-14 ta’ Diċembru 2004, Swedish Match (C-210/03, EU:C:2004:802), li kienu jeżistu, meta ġiet adottata d-Direttiva 92/41, differenzi bejn il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri intiżi għall-waqfien tal-espansjoni tal-konsum ta’ prodotti ta’ ħsara għas-saħħa, li kienu ġodda fis-suq tal-Istati Membri u li kienu meqjusa bħala li b’mod partikolari jiġbdu l-attenzjoni taż-żgħażagħ.

57

Bl-istess mod, f’din l-istess sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-kuntest leġiżlattiv ma kienx inbidel fil-kuntest tal-adozzjoni tad-Direttiva 2001/37, li kienet ipprojbixxiet ukoll it-tqegħid fis-suq tal-prodotti tat-tabakk għall-użu orali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2004, Swedish Match, C‑210/03, EU:C:2004:802, punt 40), hawnhekk għandu jiġi osservat li dan il-kuntest kien l-istess anki fil-kuntest tal-adozzjoni tad-Direttiva 2014/40.

58

Fil-fatt, il-prodotti tat-tabakk għall-użu orali għadhom ta’ ħsara għas-saħħa, huma ta’ natura li jikkawżaw dipendenza u huma attraenti għaż-żgħażagħ. Barra minn hekk, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, dawn jirrappreżentaw, fil-każ ta’ tqegħid fis-suq, prodotti ġodda għall-konsumaturi. Issa, tali kuntest dejjem jista’ jwassal sabiex l-Istati Membri jadottaw liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi intiżi sabiex itemmu l-espansjoni tal-konsum ta’ prodotti tat-tabakk għall-użu orali.

59

Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari l-allegazzjoni ta’ Swedish Match li tgħid li l-awtorizzazzjoni mogħtija għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti l-oħra tat-tabakk u tal-prodotti relatati turi n-natura sproporzjonata tal-projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-prodotti tat-tabakk għall-użu orali, għandu jitfakkar li miżura tal-Unjoni tkun adegwata sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan imfittex biss jekk tkun verament intiża li dan l-għan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2017, Fries, C‑190/16, EU:C:2017:513, punt 48).

60

F’dan ir-rigward, mill-punt 34 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Artikolu 1(c) u l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2014/40 ma jiksrux il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minħabba t-trattament differenti mogħti lill-prodotti tat-tabakk għall-użu orali meta mqabbla mat-trattament previst għall-prodotti l-oħra tat-tabakk u għall-prodotti relatati.

61

Għaldaqstant, l-Artikolu 1(c) u l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2014/40 ma jinvolvux inkonvenjenti manifestament sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija.

62

Mill-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq jirriżulta li dawn id-dispożizzjonijiet ma jinvolvux restrizzjonijiet sproporzjonati meta mqabbla mal-għan doppju mfittex mid-Direttiva 2014/40, li jikkonsisti fl-iffaċilitar tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-prodotti tat-tabakk u ta’ prodotti relatati u f’li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.

63

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija dispożizzjonijiet ma jiksrux il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Fuq il-validità tal-Artikolu 1(c) u tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2014/40 fid-dawl tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà

64

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Swedish Match tikkuntesta l-validità tal-Artikolu 1(c) u tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2014/40 fid-dawl tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, minħabba l-fatt li l-projbizzjoni ġenerali u assoluta ta’ tqegħid fis-suq tal-prodotti tat-tabakk għall-użu orali ċċaħħad lill-Istati Membri minn kull flessibbiltà fil-leġiżlazzjoni tagħhom u timponi sistema uniformi, mingħajr teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi partikolari rispettivi tal-Istati Membri, bl-eċċezzjoni tar-Renju tal-Isvezja. Barra minn hekk, skont Swedish Match, tali approċċ ma kienx neċessarju, hekk kif huwa enfasizzat mill-possibbiltà li l-Artikolu 24(3) ta’ din id-direttiva jagħti lill kull Stat Membru li jipprojbixxi, għal raġunijiet relatati mas-sitwazzjoni speċifika tiegħu, kategorija jew oħra ta’ prodotti tat-tabakk jew ta’ prodotti relatati.

65

Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ sussidjarjetà huwa stabbilit fl-Artikolu 5(3) TUE, li abbażi tiegħu l-Unjoni għandha taġixxi, f’oqsma li ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklużiva tagħha, biss jekk u sakemm l-għanijiet tal-azzjoni proposta ma jkunux jistgħu jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għaldaqstant jistgħu, minħabba d-daqs jew l-effetti tal-azzjoni proposta, jintlaħqu aħjar fuq livell tal-Unjoni. Il-Protokoll (Nru 2) dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità anness mat-Trattat UE u mat-Trattat FUE jistabbilixxi wkoll, fl-Artikolu 5 tiegħu, ċerti linji gwida sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfatti (sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et, C-547/14, EU:C:2016:325, punt 215).

66

F’dan il-każ, fir-rigward ta’ qasam, bħat-titjib tal-funzjonament tas-suq intern, li ma huwiex fost dawk li fihom l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva, għandu jiġi vverifikat jekk l-għan imfittex mid-Direttiva 2014/40 setax jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni (sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et, C‑547/14, EU:C:2016:325, punt 219).

67

F’dan ir-rigward, hekk kif issemma fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva 2014/40 għandha għan doppju li jikkonsisti fl-iffaċilitar tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-prodotti tat-tabakk u ta’ prodotti relatati, filwaqt li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ (sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et, C-547/14, EU:C:2016:325, punt 220).

68

Issa, anki jekk jitqies li t-tieni parti ta’ dan l-għan jista’ jintlaħaq aħjar fuq il-livell tal-Istati Membri, xorta jibqa’ l-fatt li t-tfittxija ta’ dan l-għan f’tali livell jista’ jikkonsolida, jew saħansitra jikkawża, sitwazzjonijiet li fihom, kif ingħad fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, ċerti Stati Membri jawtorizzaw it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk għall-użu orali, filwaqt li Stati Membri oħra jipprojbixxuhom, biex għalhekk ikun hemm sitwazzjoni kompletament opposta għall-għan prinċipali tad-Direttiva 2014/40, jiġifieri t-titjib tal-funzjonament tas-suq intern tal-prodotti tat-tabakk u tal-prodotti relatati (sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et, C-547/14, EU:C:2016:325, punt 221).

69

Mill-interdipendenza taż-żewġ għanijiet imfittxija mid-direttiva jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ jqis leġittimament li l-azzjoni tiegħu kellha tinkludi wkoll l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ tqegħid fis-suq tal-Unjoni tal-prodotti tat-tabakk għall-użu orali u li, minħabba din l-interdipendenza, dan l-għan doppju seta’ jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni (sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et, C-547/14, EU:C:2016:325, punt 222).

70

Fir-rigward tal-allegazzjoni li l-Artikolu 24(3) tad-Direttiva 2014/40 juri li l-għanijiet ta’ din id-direttiva jistgħu jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, għandu jiġi osservat li din id-dispożizzjoni tagħti lill-kull Stat Membru l-possibbiltà li jipprojbixxi ċerta kategorija ta’ prodotti tat-tabakk jew ta’ prodotti relatati għal raġunijiet relatati mas-sitwazzjoni speċifika tal-imsemmi Stat Membru u bill-kundizzjoni li dawn id-dispożizzjonjiet ikunu ġġustifikati min-neċessità li tiġi protetta s-saħħa pubblika, madankollu l-Kummissjoni għandha l-kompetenza li tapprova jew tiċħad dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali wara li tkun iddeterminat jekk dawn humiex iġġustifikati, neċessarji u proporzjonali fid-dawl tal-għan tagħhom, b’kont meħud tal-livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem żgurat mill-imsemmija direttiva, jew jekk dawn jikkostitwixxux mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija tal-kummerċ bejn l-Istati Membri.

71

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-awturi tat-Trattat riedu jagħtu lil-leġiżlatur tal-Unjoni, skont il-kuntest ġenerali u skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-qasam li għandu jiġi armonizzat, setgħa diskrezzjonali fir-rigward tat-teknika ta’ approssimazzjoni l-iktar xierqa sabiex jintlaħaq ir-riżultat mixtieq, b’mod partikolari f’oqsma li huma kkaratterizzati minn partikolaritajiet tekniċi kumplessi. Il-leġiżlatur tal-Unjoni għalhekk jista’, fl-eżerċizzju ta’ dan il-marġni ta’ diskrezzjoni, jipproċedi biss għal armonizzazzjoni gradwali u jeżiġi biss tneħħija gradwali tal-miżuri unilaterali adottati mill-Istati Membri (sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et, C-547/14, EU:C:2016:325, punt 63).

72

Skont iċ-ċirkustanzi, il-miżuri msemmija fl-Artikolu 114(1) TFUE jistgħu jikkonsistu f’obbligu fuq l-Istati Membri kollha li jawtorizzaw il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott jew tal-prodotti kkonċernati, li jissuġġettaw tali obbligu ta’ awtorizzazzjoni għal ċerti kundizzjonijiet, jew saħansitra li jipprojbixxu, provviżorjament jew definittivament, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott jew ta’ ċerti prodotti (sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et, C-547/14, EU:C:2016:325, punt 64).

73

Issa, billi pprojbixxa t-tqegħid fis-suq tal-prodotti tat-tabakk għall-użu orali, filwaqt li awtorizza l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti l-oħra tat-tabakk, il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu jitqies bħala li wettaq armonizzazzjoni gradwali tal-prodotti tat-tabakk.

74

L-Artikolu 24(3) tad-Direttiva 2014/40 jirrigwarda aspett li ma kienx is-suġġett tal-miżuri ta’ armonizzazzjoni adottati minn din id-direttiva (sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et, C-547/14, EU:C:2016:325, punt 90).

75

Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma tistax, bħala tali, turi li l-għanijiet ta’ din id-direttiva jistgħu jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri.

76

Minn dan isegwi li l-Artikolu 1(c) u l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2014/40 ma jiksrux il-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

Fuq il-validità tal-Artikolu 1(c) u tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2014/40 fid-dawl tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE

77

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Swedish Match issostni li d-Direttiva 2014/40 ma tipprovdi ebda spjegazzjoni speċifika u koerenti tal-projbizzjoni selettiva tal-prodotti tat-tabakk għall-użu orali u tkompli tesponi li tali spjegazzjoni lanqas ma tirriżulta b’mod ċar mill-kuntest ta’ din id-direttiva.

78

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il‑motivazzjoni meħtieġa mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296(2) TFUE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha tindika b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, li tkun l-awtriċi tal-att, b’mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jidentifikaw il-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u b’mod li l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn il-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296(2) TFUE ma għandhiex tiġi evalwata biss fid-dawl tal-formulazzjoni tal-att, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tiegħu u tal-ġabra ta’ regoli legali li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenza tas-17 ta’ Marzu 2011, AJD Tuna, C-221/09, EU:C:2011:153, punt 58).

79

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li l-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tiddependi min-natura tal-att inkwistjoni u li, fir-rigward ta’ atti li jkollhom portata ġenerali, il-motivazzjoni tista’ sempliċement tindika, minn naħa, is-sitwazzjoni globali li wasslet għall-adozzjoni tiegħu u, min-naħa l-oħra, l-għanijiet ġenerali li dan l-att huwa intiż li jilħaq. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, b’mod partikolari, li jkun eċċessiv li tkun meħtieġa motivazzjoni speċifika għad-diversi għażliet tekniċi magħmula jekk l-att ikkontestat jirrifletti l-qofol tal-għan imfittex mill-istituzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2011, AJD Tuna, C-221/09, EU:C:2011:153, punt 59).

80

F’dan il-każ, il-premessa 32 tad-Direttiva 2014/40 u l-valutazzjoni tal-impatt jinkludu l-elementi li juru b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Kummissjoni li wassal għall-projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-prodotti tat-tabakk għall-użu orali.

81

B’mod partikolari, il-premessa 32 tad-Direttiva 2014/40 tesponi li l-projbizzjoni ta’ bejgħ ta’ tabakk għall-użu orali għandha tinżamm sabiex l-introduzzjoni ta’ dan il-prodott li jinvolvi dipendenza u effetti mhux mixtieqa fuq is-saħħa tal-bniedem tiġi ostakolata fl-Unjoni (bl-eċċezzjoni tal-Isvezja), u tirreferi għall-motivazzjoni li tinsab fid-Direttivi 89/622 u 2001/37, li jesponu b’mod ċar, hekk kif diġà ġie kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2004, Swedish Match, C-210/03, EU:C:2004:802, punt 65), ir-raġunijiet li wasslu għal din il-projbizzjoni.

82

F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li dawn l-elementi jippermettu li jsiru magħrufa l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura ta’ projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-prodotti tat-tabakk għall-użu orali u li l-qorti kompetenti twettaq l-istħarriġ tagħha, id-Direttiva 2014/40 tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE.

Fuq il-validità tal-Artikolu 1(c) u tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2014/40 fid-dawl tal-Artikoli 34 u 35 TFUE

83

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Swedish Match tallega li l-Artikolu 1(c) u l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2014/40 jmorru kontra l-Artikoli 34 u 35 TFUE minħabba li dawn jiksru l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità kif ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni.

84

F’dan ir-rigward, għalkemm huwa minnu li l-projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-prodotti tat-tabakk għall-użu orali tikkostitwixxi restrizzjoni, fis-sens tal-Artikoli 34 u 35 TFUE, tali restrizzjoni hija, hekk kif ġie kkonstatat preċedentement, iġġustifikata minn raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika, ma tiksirx il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità u tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni.

85

Għaldaqstant, l-Artikolu 1(c) u l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2014/40 ma humiex invalidi fid-dawl tal-Artikoli 34 u 35 TFUE.

Fuq il-validità tal-Artikolu 1(c) u tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2014/40 fid-dawl tal-Artikoli 1, 7 u 35 tal-Karta

86

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Swedish Match u n-NNA jsostnu li l-Artikolu 1(c) u l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2014/40 jiksru l-Artikoli 1, 7 u 35 tal-Karta peress li l-projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-prodotti tat-tabakk għall-użu orali ċċaħħad lill-individwi li jixtiequ jieqfu jpejjpu mill-użu ta’ prodotti li jkunu ta’ benefiċċju għal saħħithom.

87

F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rrikonoxxuti minnha għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

88

F’dan il-każ, għalkemm, hekk kif isostnu Swedish Match u l-NNA, l-Artikolu 1(c) u l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2014/40 jillimitaw drittijiet fundamentali, tali limitazzjoni hija prevista mil-liġi, tirrispetta l-essenza tal-imsemmija drittijiet u hija konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

89

F’dan ir-rigward, f’dak li jirrigwarda r-rispett tal-essenza tad-drittijiet fundamentali, għandu jiġi kkonstatat li l-miżura ta’ projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-prodotti tat-tabakk għall-użu orali, prevista fl-Artikolu 1(c) u fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2014/40, ma hijiex intiża li tillimita d-dritt għas-saħħa iżda, bil-kontra ta’ dan, li tikkonkretizza dan id-dritt u, għalhekk, li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa għall-konsumaturi kollha, billi ma ċċaħħadx kompletament lill-persuni li jixtiequ jieqfu jikkunsmaw mill-għażla tal-prodotti li jkunu ta’ benefiċċju għalihom għal dan il-għan.

90

Dawn id-dispożizzjonijiet, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, lanqas ma jiksru l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

91

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 1(c) u l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2014/40 ma humiex invalidi fid-dawl tal-Artikoli 1, 7 u 35 tal-Karta.

92

Minn dak kollu li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li mill-eżami tad-domanda magħmula ma ħareġ ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tal-Artikolu 1(c) u tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2014/40.

Fuq l-ispejjeż

93

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Mill-eżami tad-domanda magħmula ma ħareġ ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tal-Artikolu 1(c) u tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Fuq