EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62017CJ0384

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-4 ta’ Ottubru 2018.
Dooel Uvoz-Izvoz Skopje Link Logistic N&N vs Budapest Rendőrfőkapitánya.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Szombathelyi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Trasport bit-triq – Dispożizzjonijiet fiskali – Direttiva 1999/62/KE – Ħlas li jrid isir minn vetturi tqal tal-merkanzija għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi – Pedaġġ – Obbligu tal-Istati Membri li jistabbilixxu sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi – Multa b’rata fissa – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Applikabbiltà diretta tad-Direttiva.
Kawża C-384/17.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2018:810

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

4 ta’ Ottubru 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Trasport bit-triq – Dispożizzjonijiet fiskali – Direttiva 1999/62/KE – Ħlas li jrid isir minn vetturi tqal tal-merkanzija għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi – Pedaġġ – Obbligu tal-Istati Membri li jistabbilixxu sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi – Multa b’rata fissa – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Applikabbiltà diretta tad-Direttiva”

Fil-Kawża C‑384/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Szombathelyi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali ta’ Szombathely, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Ġunju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Ġunju 2017, fil-proċedura

Dooel Uvoz-Izvoz Skopje Link Logistic N&N

vs

Budapest Rendőrfőkapitánya,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, E. Levits, A. Borg Barthet, M. Berger (Relatur) u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Ungeriż, minn G. Koós u Z. Fehér, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Havas u J. Hottiaux, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Ġunju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9a tad-Direttiva 1999/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 4, p. 372), kif emendata bid-Direttiva 2011/76/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Settembru 2011 (ĠU 2011, L 269, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 1999/62”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Dooel Uvoz-Izvoz Skopje Link Logistic N&N (iktar ’il quddiem “Link Logistic N&N”) u l-Budapest Rendőrfőkapitánya (il-Kummissarju Prinċipali tal-Pulizija ta’ Budapest, l-Ungerija) dwar l-impożizzjoni ta’ multa fuq Link Logistic N&N minħabba li użat parti mill-awtostrada mingħajr ma ħallset it-tariffa dovuta.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 1, 12 u 15 tad-Direttiva 1999/62 huma fformulati kif ġej:

“(1)

L-eliminazzjoni ta’ distorsjoni fil-kompetizzjoni bejn intrapriżi tat-trasport fl-Istati Membri teħtieġ kemm l-armonizzazzjoni ta’ sistemi ta’ taxxi kif ukoll l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi ġusti għall-impożizzjoni ta’ ħlas għall-ispejjeż ta’ infrastruttura fuq dawk li jġorru l-merkanzija bl-art;

[…]

(12)

Id-distorsjoni eżistenti fil-kompetizzjoni ma tistax tiġi eliminata biss permezz ta’ l-armonizzazzjoni ta’ taxxi jew dazji fuq il-karburanti; madanakollu, sakemm jidħlu fis-seħħ forom ta’ taxxi li huma iktar addattati fuq livell tekniku u ekonomiku, dan it-tgħawwiġ jista’ jiġi mitigat bil-possibbiltà li jinżammu jew jiddaħħlu ħlasijiet għall-użu u/jew ħlasijiet fuq l-utenti ta’ awtostradi; barra minn hekk l-Istati Membri għandhom jitħallew jimponu ħlasijiet fuq l-użu ta’ pontijiet, mini u passaġġi fil-muntanji;

[…]

(15)

Ir-rati ta’ ħlasijiet fuq l-utenti għandhom ikunu bbażati fuq it-tul tal-ħin ta’ l-użu li jsir mill-infrastruttura inkwistjoni u għandhom ikunu differenzjati skond l-ispejjeż ikkawżati mill-vetturi tat-toroq”.

4

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Din id-Direttiva tapplika għal taxxi fuq vetturi, ħlasijiet għall-użu ta’ toroq [pedaġġi] u ħlasijiet fuq l-utenti imposti fuq vetturi kif definiti fl-Artikolu 2.”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

(b)

‘ħlas għall-użu tat-triq’ [‘pedaġġ’] tfisser ammont speċifiku pagabbli għal vettura bbażat fuq id-distanza ta’ vjaġġ fuq infrastruttura partikolari u fuq it-tip ta’ vettura, li jinkludi tariffa għall-infrastruttura u/jew tariffa għall-ispejjeż esterni;

[…]”

6

Skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 1999/62:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 9 (1a), l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu ħlasijiet għall-użu tat-triq [pedaġġi] u/jew ħlasijiet fuq l-utent fuq in-netwerk trans-Ewropew tat-toroq jew fuq ċerti partijiet ta’ dak in-netwerk, u fuq kwalunkwe parti oħra addizzjonali tan-netwerk tal-awtostradi tagħhom li mhux parti min-netwerk trans-Ewropew tat-toroq taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2, 3, 4 u 5 ta’ dan l-Artikolu u fl-Artikoli 7a sa 7k. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri, f’konformità mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li japplikaw ħlasijiet għall-użu tat-triq u/jew ħlasijiet fuq l-utent fuq toroq oħra, dment li l-impożizzjoni ta’ ħlasijiet għall-użu tat-triq u/jew ħlasijiet fuq l-utent fuq toroq oħra bħal dawn ma jiddiskriminax kontra t-traffiku internazzjonali u ma jirriżultax f’distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn l-operaturi.”

7

L-Artikolu 9a ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kontrolli xierqa u jiddeterminaw is-sistema ta’ penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati taħt din id-Direttiva. Huma għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali stabbiliti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.”

Id-dritt Ungeriż

Il-Liġi dwar iċ-Ċirkulazzjoni fit-Triq

8

L-Artikolu 20(1) tal-közúti közlekedésről szóló 1988. évi I. törvény (il-Liġi Nru I tal 1988 dwar iċ-Ċirkulazzjoni fit-Triq, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar iċ-Ċirkulazzjoni fit-Triq”) jipprovdi li:

“Tista’ tiġi imposta multa fir-rigward ta’ kull persuna li tikser id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi, ta’ atti leġiżlattivi speċifiċi u ta’ atti tad-dritt Komunitarju, dwar

[…]

(m)

il-pedaġġ, proporzjonali għad-distanza koperta, għall-użu ta’ sezzjoni tat-triq b’pedaġġ.

[…]”

9

L-Artikolu 21 tal-Liġi dwar iċ-Ċirkulazzjoni fit-Triq jipprevedi:

“1.   L-operatur tal-vettura jew, fil-każ imsemmi fl-Artikolu 21/A(2), il-persuna li lilha tkun ġiet fdata l-vettura għall-finijiet tal-użu tagħha għandu jkun responsabbli għall-osservanza, meta jopera jew juża l-vettura, tar-regoli, kif stabbiliti mid-dispożizzjonijiet speċjali dwar

[…]

(h)

il-pedaġġ, proporzjonali għad-distanza koperta, għall-użu ta’ sezzjoni tat-triq b’pedaġġ.

[…]

2.   Fil-każ ta’ ksur ta’ xi waħda mir-regoli stabbiliti fil-paragrafu 1, l-operatur jew, fil-każ imsemmi fl-Artikolu 21/A(2), il-persuna li lilha tkun ġiet fdata l-vettura għall-finijiet tal-użu tagħha tista’ tkun suġġetta għal multa amministrattiva ta’ 10000 sa 300000 forint [Ungeriż (HUF) (madwar EUR 32 sa EUR 974)]. Il-Gvern għandu jistabbilixxi b’digriet l-ammont tal-multi li jistgħu jiġu imposti fil-każ ta’ ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Meta l-istess aġir jikkostitwixxi ksur ta’ diversi regoli u huwa eżaminat fil-kuntest tal-istess proċedura, dan huwa ssanzjonat b’multa li l-ammont tagħha jikkorrispondi għat-total tal-ammonti tal-multi previsti għal kull waħda minn dawn l-istanzi ta’ ksur.

[…]

5.   Il-Gvern għandu jiddetermina permezz ta’ digriet, billi jieħu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, l-istanzi ta’ ksur li fir-rigward tagħhom tista’ tiġi imposta multa amministrattiva […] fuq l-operatur tal-vettura kkonċernata.”

Il-Liġi dwar il-Pedaġġi tat-Toroq

10

L-Artikolu 3(1) u (6) tal-az autópályák, autóutak és főutak használatáért fizetendő, megtett úttal arányos díjról szóló 2013. évi LXVII. törvény (il-Liġi Nru LXVII tal 2013 dwar it-Tariffa, Proporzjonali għad-Distanza Koperta, għall-Użu tal-Awtostradi, tat-Toroq Espress u tat-Toroq Nazzjonali (il-“Liġi dwar il-Pedaġġi tat-Toroq”), jipprovdi:

“1.   L-użu ta’ sezzjoni tat-triq b’pedaġġ minn vettura suġġetta għal pedaġġ huwa suġġett għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni ta’ użu tat-triq stabbilita minn din il-liġi.

[…]

6.   L-operatur tal-vettura […] għandu jkun responsabbli għall-osservanza, f’dak li jirrigwarda l-vettura li jkun qed jopera, tar-regola li tissemma fil-paragrafu 1.”

11

L-Artikolu 14 tal-Liġi dwar il-Pedaġġi tat-Toroq jipprevedi:

“Bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 9, għandu jikkostitwixxi użu mhux awtorizzat ta’ triq mill-persuna responsabbli għall-ħlas tal-pedaġġ

(a)

l-użu ta’ sezzjoni tat-triq b’pedaġġ mingħajr ma tkun xtrat biljett għall-użu tat-triq għal din is-sezzjoni qabel ma tibda tużaha, filwaqt li ma tkunx marbuta b’kuntratt validu – li jirregola s-sottomissjoni ta’ dikjarazzjonijiet previsti minn din il-liġi mal-kollettur tal-pedaġġi u l-ħlas ta’ pedaġġi – li jkun ġie konkluż mal-amministratur tas-sistema ta’ pedaġġi;

(b)

l-użu ta’ sezzjoni tat-triq b’pedaġġ abbażi ta’ dikjarazzjoni li tindika kategorija tariffarja jew ambjentali inqas minn dik li taħtha taqa’ l-vettura kkonċernata; jew

(c)

l-użu ta’ sezzjoni tat-triq b’pedaġġ mingħajr ma tkun xtrat biljett għall-użu tat-triq għal din is-sezzjoni qabel ma tibda tużaha, filwaqt li tkun marbuta, fid-dawl tal-użu mill-vettura kkonċernata tal-imsemmija sezzjoni, b’kuntratt validu – li jirregola s-sottomissjoni ta’ dikjarazzjonijiet previsti minn din il-liġi mal-kollettur tal-pedaġġi u l-ħlas ta’ pedaġġi – li jkun ġie konkluż mal-amministratur tas-sistema ta’ pedaġġi, iżda l-ebda waħda mill-kundizzjonijiet li għalihom huwa suġġett il-funzjonament tal-apparat installat fil-vettura, kif deċiżi minn digriet skont din il-liġi, ma hija ssodisfatta matul l-użu tas-sezzjoni tat-triq b’pedaġġ ikkonċernata.”

12

L-Artikolu 15 ta’ din il-liġi jipprovdi:

“1.   L-ammont tal-multa għandu jiġi stabbilit b’mod li jinkoraġġixxi lill-persuni responsabbli għall-ħlas li jħallsu l-pedaġġ mitlub.

2.   Id-dħul mill-multi mogħtija għandu jiġi allokat lill-baġit ċentrali bħala dħul baġitarju taħt l-intestatura msemmija fl-Artikolu 14(4)(d) [tal-az államháztartásról szóló 2011. évi CXCV. törvény (il-Liġi Nru CXCV tal-2011, dwar il-Finanzi Pubbliċi)]. Il-ħlas tal-multa għandu jitwettaq f’forint [Ungeriżi], permezz ta’ trasferiment fuq il-kont bankarju ddefinit permezz ta’ att adottat skont din il-liġi.”

13

L-Artikolu 16 tal-imsemmija liġi jipprevedi:

“L-użu mhux awtorizzat ta’ triq fis-sens ta’ din il-liġi jikkostitwixxi ksur li l-konstatazzjoni tiegħu tista’ tagħti lok għall-impożizzjoni ta’ multa skont il-Liġi dwar iċ-Ċirkulazzjoni fit-Triq.”

14

L-Artikolu 29/A(1), (4), (6) u (7) tal-Liġi dwar il-Pedaġġi tat-Toroq, li ġie introdott f’din il-liġi permezz tal-Liġi Nru LIV tal-2014 u li daħal fis-seħħ fid-9 ta’ Novembru 2014, jipprovdi:

“1.   Fil-każijiet previsti fil-paragrafi 2 sa 4, l-applikanti li jkunu ppreżentaw quddiem l-organu responsabbli sabiex jiġbor il-pedaġġi (iktar ’il quddiem il-“kollettur tal-pedaġġi”) applikazzjoni konformi mal-paragrafi 6 u 7 (iktar ’il quddiem l-“applikazzjoni”) għandhom ikunu eżentati, fil-kundizzjonijiet previsti minn din il-liġi, mill-ħlas tal-multa imposta minħabba użu mhux awtorizzat ta’ triq, fis-sens tal-Artikolu 14(a) ta’ din il-liġi, bejn l-1 ta’ Lulju 2013 u l-31 ta’ Marzu 2014.

[…]

4.   Fuq il-bażi ta’ applikazzjoni motivata konformement mal-paragrafu 7, applikant għandu jiġi eżentat mill-ħlas tal-multa imposta minħabba ksur tal-Artikolu 14(1) meta l-multa kienet imposta – matul il-perijodu ta’ validità ta’ biljett għall-użu tat-triq, u mhux iktar minn darba waħda kull direzzjoni f’punt ta’ kontroll partikolari – fuq sezzjoni tat-triq b’pedaġġ, jew fuq triq li twassal għal din is-sezzjoni, li, fin-netwerk, hija funzjonalment parallela għat-triq li fir-rigward tagħha l-vettura kkonċernata kellha, fl-istess mument, awtorizzazzjoni għall-użu, li ma ntużatx matul il-perijodu ta’ validità tagħha.

[…]

6.   Minbarra dak li huwa previst fil-paragrafi 2 sa 4, l-eżenzjoni mill-multa hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-applikant, qabel ippreżenta l-applikazzjoni, kien ħallas lill-kollettur tal-pedaġġi l-ispejjeż amministrattivi ta’ HUF 12000 [madwar EUR 39] għal kull multa, inkluża t-taxxa fuq il-valur miżjud, u jippreżenta prova ta’ dan il-ħlas fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni […]

7.   L-applikazzjoni tista’ tiġi ppreżentata f’terminu ta’ 60 jum wara d-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru LIV tal-2014, li temenda [l-Liġi dwar il-Pedaġġi tat-Toroq]. Fuq il-bażi tal-applikazzjoni ppreżentata – sakemm il-kontenut tagħha jkun konformi mar-rekwiżiti ta’ din il-liġi u ma jkunx f’kontradizzjoni mal-kontenut tad-database tal-kollettur tal-pedaġġi –, dan tal-aħħar għandu joħroġ ċertifikat li jistabbilixxi li l-applikant jista’, jekk ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafi 2 sa 4, jiġi eżentat mill-ħlas tal-multa. Ebda ċertifikat ma għandu jinħareġ fil-każ ta’ diverġenza bejn il-kontenut tal-applikazzjoni u dak tad-database tal-kollettur tal-pedaġġi. Il-kollettur tal-pedaġġi għandu joħroġ iċ-ċertifikat f’terminu ta’ 120 jum minn meta jirċievi l-applikazzjoni […]”

Id-Digriet tal-Gvern Nru 410/2007

15

L-Artikolu 1(1) tal-a közigazgatási bírsággal sújtandó közlekedési szabályszegések köréről, az e tevékenységekre vonatkozó rendelkezések megsértése esetén kiszabható bírságok összegéről, felhasználásának rendjéről és az ellenőrzésben történő közreműködés feltételeiről szóló 410/2007. (XII. 29.) Korm. rendelet (id-Digriet tal-Gvern Nru 410 dwar il-Ksur tar-Regoli tat-Traffiku Suġġett għal Multi Amministrattivi, l-Ammonti tal-Multi Dovuti fil-Każ ta’ Ksur tar-Regoli tat-Traffiku, is-Sistema ta’ Impożizzjoni tal-Multi u l-Kundizzjonijiet għall-Parteċipazzjoni fil-Kontrolli tat-Traffiku), tad-29 ta’ Diċembru 2007 (iktar ’il quddiem id-“Digriet tal-Gvern Nru 410/2007”), jipprovdi:

“Abbażi tal-Artikolu 21(1) tal-[Liġi dwar iċ-Ċirkulazzjoni fit-Triq], l-operatur tal-vettura kkonċernata […] għandu jeħel, fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 2 sa 8/A, multa amministrattiva li l-ammont tagħha huwa deċiż minn din id-digriet.”

16

L-Artikolu 8/A tad-Digriet tal-Gvern Nru 410/2007 jistabbilixxi li:

“1.   F’dak li jirrigwarda l-Artikolu 21(1)(h) tal-[Liġi dwar iċ-Ċirkulazzjoni fit-Toroq], l-operatur tal-vettura kkonċernata għandu jħallas, għal kull ksur imsemmi fl-Anness 9, multa li l-ammont tagħha huwa stabbilit skont il-kategorija tal-vettura.

2.   Il-multa imposta fuq l-operatur tal-vettura kkonċernata skont il-paragrafu 1 ma tistax terġa’ tiġi imposta mill-ġdid fil-każ ta’ użu mhux awtorizzat tat-triq bl-istess vettura sakemm ma jkunux għaddew tmien sigħat mill-ewwel konstatazzjoni tal-użu mhux awtorizzat tat-triq permezz ta’ din il-vettura.

[…]”

17

Skont l-Anness 9 ta’ dan id-digriet:

“A

B

 

 

 

B1

B2

B3

1. Ksur previst fil-Liġi dwar il-Pedaġġi tat-Toroq

Ammont tal-multa skont il-kategorija tal-vettura

 

J2

J3

J4

2. L-Artikolu 14(a) tal-Liġi dwar il-Pedaġġi tat-Toroq

140 000

150 000

165 000

3. L-Artikolu 14(b) tal-Liġi dwar il-Pedaġġi tat-Toroq

80 000

90 000

110 000

4. L-Artikolu 14(c) tal-Liġi dwar il-Pedaġġi tat-Toroq

140 000

150 000

165 000”

Id-Digriet tal-Gvern Nru 209/2013

18

L-Artikolu 24(3) tal-az ED törvény végrehajtásáról szóló 209/2013 (VI. 18.) Korm. rendelet (id-Digriet tal-Gvern Nru 209, dwar l-Eżekuzzjoni tal-Liġi dwar il-Pedaġġi tat-Toroq), tat-18 ta’ Ġunju 2013 (iktar ’il quddiem id-“Digriet tal-Gvern Nru 209/2013”), jipprovdi:

“Il-biljett għall-użu tat-triq jikkostitwixxi awtorizzazzjoni għall-użu mingħajr waqfien ta’ triq partikolari minn vettura li l-parametri tagħha jkunu ġew indikati max-xiri tal-biljett. Il-biljett għall-użu tat-triq ma jistax jiġi ttrasferit, u la l-itinerarju u lanqas il-parametri tal-vettura indikati fuqu, kif iddikjarat max-xiri tiegħu, ma jistgħu jiġu emendati. Il-biljett għall-użu tat-triq għandu jintuża għal vjaġġ li jibda f’data ddeterminata bil-quddiem u huwa validu:

(a)

mill-mument tax-xiri sat-tmiem tal-jum ta’ wara, jekk il-perijodu ta’ validità jibda fid-data tax-xiri,

(b)

mill-bidu tal-jum ċivili indikat sat-tmiem tal-jum ta’ wara, jekk ix-xiri jitwettaq f’perijodu ta’ bejgħ bil-quddiem ta’ mhux iktar minn 30 jum.”

19

L-Artikolu 26(1)(a) ta’ dan id-digriet jipprovdi:

“Qabel tibda tuża sezzjoni tat-triq b’pedaġġ, il-persuna responsabbli għall-ħlas tal-pedaġġ għandha tiżgura li jkollha, mal-operatur tas-sistema tal-pedaġġi, relazzjoni legali li tippermettilha tuża effettivament is-sistema [ta’ pedaġġ elettronika] ġestita mill-kollettur tal-pedaġġi, u li twettaq permezz ta’ din is-sistema x-xiri ta’ biljett għall-użu tat-triq li jkun konformi mal-itinerarju reali.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20

Fid-29 ta’ Ottubru 2015, fis-19.34, vettura tqila tal-merkanzija li taqa’ fil-kategorija J4, fis-sens tad-Digriet tal-Gvern Nru 410/2007, operata minn Link Logistik N&N, impriża rreġistrata f’Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, kienet qiegħda tiċċirkula fl-Ungerija, fuq sezzjoni tat-triq b’pedaġġ, mingħajr ma kellha titolu ta’ pedaġġ validu u mingħajr ma kienet ħallset it-tariffa proporzjonali għad-distanza koperta fuq din is-sezzjoni.

21

Dakinhar stess, fis-19.52, is-sewwieq ta’ din il-vettura tqila tal-merkanzija, wara li ħallas, fuq inizjattiva tiegħu stess, it-tariffa fl-ammont ta’ HUF 19573 (madwar EUR 63) dovuta fir-rigward tas-sezzjoni kollha tat-triq b’pedaġġ li kellu l-intenzjoni juża, kompla bi triqtu fuq l-imsemmija sezzjoni.

22

Madankollu, il-Vas Megye Rendőrfőkapitánya (il-Kummissarju Prinċipali tal-Pulizija tal-Provinċja ta’ Vas, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Jannar 2016, impona fuq Link Logistik N&N multa amministrattiva fl-ammont ta’ HUF 165000 (madwar EUR 532), b’applikazzjoni tal-Artikoli 21 sa 21/B tal-Liġi dwar iċ-Ċirkulazzjoni fit-Triq, kif ukoll tal-Artikolu 1(1) u tal-Artikolu 8/A tad-Digriet tal-Gvern Nru 410/2007, għar-raġuni li, bi ksur tal-Artikolu 14(a) tal-Liġi dwar il-Pedaġġi tat-Toroq, il-vettura kkonċernata kienet iċċirkulat mingħajr ma kienet tħallset minn qabel it-tariffa dovuta.

23

Il-Kummissarju Prinċipali tal-Pulizija ta’ Budapest ikkonferma din id-deċiżjoni għar-raġuni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, fir-rigward tal-ammont tal-multa, ma tħalli ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-awtorità amministrattiva. Din tal-aħħar ma hijiex awtorizzata tqis kunsiderazzjonijiet ta’ ekwità u tista’ tibbaża ruħha biss fuq l-elementi previsti mil-liġi, li la jinkludu ċ-ċirkustanzi invokati minn Link Logistik N&N, bħalma huma x-xiri a posteriori, fi żmien qasir, ta’ biljett għall-użu tat-triq fir-rigward tas-sezzjoni kollha tat-triq b’pedaġġ, u li lanqas ma jinkludu ċ-ċirkustanzi li setgħu pprekludew ix-xiri ta’ biljett għall-użu tat-triq qabel intużat din is-sezzjoni tat-triq b’pedaġġ.

24

Link Logistik N&N ippreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tal-Kummissarju Prinċipali tal-Pulizija ta’ Budapest quddiem il-qorti tar-rinviju, is-Szombathelyi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali ta’ Szombathely, l-Ungerija), fejn sostniet, b’mod partikolari, li l-leġiżlazzjoni Ungeriża ma hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni. Hija tqis li, sa fejn kellha tħallas multa li l-ammont tagħha huwa għoli daqs dak impost fuq il-persuni jew l-impriżi li ma xtraw ebda biljett għall-użu tat-triq, dan l-ammont huwa eċċessiv.

25

Il-qorti tar-rinviju tfakkar li, fil-kawżi li taw lok għas-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2017, Euro-Team u Spirál-Gép (C‑497/15 u C‑498/15, EU:C:2017:229), b’fatti analogi għal dawk tat-tilwima fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità previst fl-Artikolu 9a tad-Direttiva 1999/62 u kkonstatat li l-ammont tal-multi impost mil-leġiżlazzjoni Ungeriża ma kienx jissodisfa dan ir-rekwiżit.

26

Il-qorti tar-rinviju, li hija mitluba taqta’ t-tilwima fil-kawża prinċipali, għandha dubju, l-ewwel nett, dwar jekk din id-dispożizzjoni hijiex direttament applikabbli.

27

It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju tqis li tali rekwiżit ma huwiex mingħajr limiti. Għalkemm is-supremazija tad-dritt tal-Unjoni u r-rekwiżit ta’ lealtà li għandhom josservaw l-Istati Membri jistgħu jimplikaw li d-dritt nazzjonali jitħalla mhux applikat meta jkun kuntrarju għal dispożizzjoni ta’ direttiva li ma tkunx direttament applikabbli, ma huwiex meħtieġ, u xi drabi jista’ jkun impossibbli, li d-dritt nazzjonali jiġi kkompletat sostantivament permezz ta’ interpretazzjoni ġuridika.

28

Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali konformi ma’ direttiva ma tistax tieħu l-forma ta’ attività leġiżlattiva moħbija li tirfes fuq il-kompetenza tal-leġiżlatur nazzjonali u li b’hekk tmur lil hinn mill-kompetenza tal-korpi responsabbli għall-applikazzjoni tad-dritt.

29

Skont il-qorti tar-rinviju, f’dan il-każ ma huwiex possibbli – mingħajr l-intervent tal-leġiżlatur nazzjonali – li jiġi kkompletat, fil-kuntest ta’ interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali konformi mad-Direttiva 1999/62, l-Artikolu 21(2) tal-Liġi dwar iċ-Ċirkulazzjoni fit-Triq billi jiġi introdott fih rekwiżit ta’ proporzjonalità, sa fejn, minn naħa, din id-dispożizzjoni tirreferi, fir-rigward tal-iffissar tal-ammont stess tal-multi, għal digriet u, min-naħa l-oħra, il-leġiżlazzjoni Ungeriża li għandha tiġi applikata u interpretata ma tinkludix dan ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità.

30

Il-qorti tar-rinviju tindika li l-kwistjoni dwar jekk, mingħajr l-introduzzjoni mil-leġiżlatur nazzjonali ta’ rekwiżit ta’ proporzjonalità fid-dritt nazzjonali, dan tal-aħħar jistax jiġi interpretat b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni hija kwistjoni li ma hemmx qbil dwarha min-naħa tal-ispeċjalisti u li tagħti lok għal opinjonijiet diverġenti.

31

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Szombathelyi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali ta’ Szombathely) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità previst fl-Artikolu 9a tad-[Direttiva 1999/62] u interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fis-sentenza [tat-22 ta’ Marzu 2017, Euro-Team u Spirál-Gép (C‑497/15 u C‑498/15, EU:C:2017:229)], hija dispożizzjoni applikabbli direttament ta’ din id-direttiva?

2)

Jekk ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità stabbilit [f’din id-dispożizzjoni] u interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza [tat-22 ta’ Marzu 2017, Euro-Team u Spirál-Gép (C‑497/15 u C‑498/15, EU:C:2017:229)], ma jikkostitwixxix dispożizzjoni applikabbli direttament ta’ din id-direttiva:

L-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali skont id-dritt tal-Unjoni tippermetti u tagħmilha neċessarja għall-qorti u għall-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru kompetenti li tikkompleta[, fin-nuqqas ta’ intervent leġiżlattiv fuq livell nazzjonali,] l-leġiżlazzjoni Ungeriża f’din il-kawża inkwistjoni billi jiġu miżjuda l-kriterji materjali stabbiliti fis-sentenza [tat-22 ta’ Marzu 2017, Euro-Team u Spirál-Gép (C‑497/15 u C‑498/15, EU:C:2017:229)]?”

Fuq id-domandi preliminari

32

Permezz tad-domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità tas-sanzjonijiet adottati mill-Istati Membri fir-rigward ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati b’applikazzjoni tad-Direttiva 1999/62, previst fl-Artikolu 9a ta’ din id-direttiva, huwiex dispożizzjoni direttament applikabbli u, fil-każ ta’ risposta negattiva, jekk il-qrati u l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istat Membru kkonċernat jistgħux jew għandhomx, bil-għan li d-dritt nazzjonali jiġi interpretat konformement mad-dritt tal-Unjoni, jikkompletaw, mingħajr intervent mil-leġiżlatur nazzjonali, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni biż-żieda ta’ kriterji materjali ddefiniti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Fuq l-ammissibbiltà

33

Il-Gvern Ungeriż jikkontesta l-ammissibbiltà tad-domandi magħmula billi jsostni, fir-rigward tal-ewwel domanda, li, peress li l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiġi applikata faċilment għall-kawża prinċipali, risposta għal din id-domanda ma hijiex meħtieġa sabiex tinqata’ t-tilwima fil-kawża prinċipali u, fir-rigward tat-tieni domanda, li mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li din qiegħda tistenna lill-Qorti tal-Ġustizzja tindikalha kif, fil-kawża prinċipali, id-dritt nazzjonali għandu jiġi interpretat b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni, interpretazzjoni din li taqa’ fil-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qorti nazzjonali.

34

Fir-rigward tal-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa esklużivament il-kompitu tal-qorti nazzjonali, li tkun adita bit-tilwima u li jkollha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha u kemm ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, sa fejn id-domandi magħmula jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Wirtschaftsakademie Schleswig-Holstein, C‑210/16, EU:C:2018:388, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Minn dan isegwi li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma għandha l-ebda konnessjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2018, Zheng, C‑190/17, EU:C:2018:357, punt 21).

36

Issa, dan ma huwiex il-każ hawnhekk. Fil-fatt, l-ewwel nett, id-deċiżjoni tar-rinviju tesponi l-kuntest fattwali u legali b’mod suffiċjenti sabiex tkun tista’ tiġi ddeterminata l-portata tad-domandi magħmula. It-tieni nett, it-talba għal deċiżjoni preliminari tindika b’mod ċar ir-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9a tad-Direttiva 1999/62, b’mod partikolari tar-rekwiżit ta’ proporzjonalità stabbilit f’dan l-artikolu, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-22 ta’ Marzu 2017, Euro-Team u Spirál-Gép (C‑497/15 u C‑498/15, EU:C:2017:229). Fl-aħħar nett, l-interpretazzjoni mitluba għandha konnessjoni mar-realtà u mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari ma humiex ipotetiċi sa fejn ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha impatt dirett fuq il-multa li ser tkun tista’ jew li mhux ser tkun tista’ tiġi imposta fuq ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

37

Fir-rigward tat-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, huwa minnu li skont ġurisprudenza stabbilita ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali sa fejn tali interpretazzjoni fil-fatt taqa’ fil-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati nazzjonali (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Grupo Norte Facility, C‑574/16, EU:C:2018:390, punt 32).

38

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li d-domandi, kif ifformulati mill-qorti tar-rinviju, ma jikkonċernawx l-interpretazzjoni tad-dritt Ungeriż iżda tad-dritt tal-Unjoni, u b’mod iktar partikolari tar-rekwiżit ta’ proporzjonalità kif previst fl-Artikolu 9a tad-Direttiva 1999/62, kif ukoll tal-konsegwenzi li joħorġu mis-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2017, Euro-Team u Spirál-Gép (C‑497/15 u C‑498/15, EU:C:2017:229), li taqa’ fil-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

39

Fid-dawl tal-kunsdierazzjonijiet preċedenti, id-domandi magħmula għandhom jitqiesu li huma ammissibbli.

Fuq il-mertu

Osservazzjonijiet preliminari

40

Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li fuqhom huma mibnija t-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u li għandhom jiġu osservati minn leġiżlazzjoni nazzjonali li tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew li timplimenta dan tal-aħħar (ara, b’mod partikolari, id-digriet tat-12 ta’ Ġunju 2014, Pańczyk, C‑28/14, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2003, punt 26). Il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeħtieġ li l-Istati Membri jadottaw miżuri adegwati sabiex jintlaħqu l-għanijiet segwiti u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dawn jintlaħqu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Dan il-prinċipju, li huwa ggarantit ukoll mill-Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), li jipprevedi li l-intensità tal-pieni ma għandhiex tkun sproporzjonata meta mqabbla mal-ksur, jorbot lill-Istati Membri meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, konformement mal-Artikolu 51(1) tal-Karta.

42

B’hekk, is-severità ta’ sanzjoni għandha tikkorrispondi għall-gravità tal-ksur ikkonċernat, rekwiżit dan li joħroġ kemm mill-Artikolu 52(1) tal-Karta u kemm mill-prinċipju ta’ proporzjonalità tal-pieni stabbilit fl-Artikolu 49(3) tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Marzu 2018, Garlsson Real Estate et, C‑537/16, EU:C:2018:193, punt 56).

43

Mill-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17) jirriżulta li, konformement mal-Artikolu 52(3) tal-Karta, sa fejn id-dritt iggarantit fl-Artikolu 49 tagħha jikkorrispondi wkoll għal dritt iggarantit mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), is-sens u l-portata tiegħu huma l-istess bħal dawk previsti mill-KEDB. Għaldaqstant, ir-rekwiżiti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-proporzjonalità tas-sanzjonijiet japplikaw għal każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bis-saħħa tal-Artikolu 17(1), tal-Artikolu 51(1) u tal-Artikolu 52(1) u (3) tal-Karta, ikkunsidrati flimkien.

44

Għandu jiġi osservat ukoll li, sabiex tivverifika l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt għall-proprjetà, kif irrikonoxxut fl-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 1 għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmat f’Pariġi fl-20 ta’ Marzu 1952, li jipprevedi li kull persuna fiżika jew ġuridika għandha d-dritt għar-rispett tal-proprjetà tagħha, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża, jekk is-sanzjonijiet ta’ natura pekunjarja, kemm kriminali u kemm amministrattivi, jimplikawx oneru fuq jew privazzjoni tal-proprjetà eċċessivi għall-persuna milquta mis-sanzjonijiet ta’ natura li jagħmlu dawn is-sanzjonijiet sproporzjonati (ara, b’mod partikolari, il-Qorti EDB, 18 ta’ Ġunju 2013, S.C. Complex Herta Import Export S.R.L. Lipova vs Ir-Rumanija, CE:ECHR:2013:0618JUD001711804, punt 38,u l-Qorti EDB, 4 ta’ Marzu 2014, Grande Stevens et vs L-Italja, CE:ECHR:2014:0304JUD001864010, punt 199).

45

Minn dan isegwi li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jirrikjedi, minn naħa, li s-sanzjoni imposta tikkorrispondi għall-gravità tal-ksur u, min-naħa l-oħra, li, meta tiġi ddeterminata s-sanzjoni kif ukoll meta jiġi ffissat l-ammont tal-multa, jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi individwali tal-każ ineżami.

46

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tingħata risposta għaż-żewġ domandi magħmula.

Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

47

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każijiet kollha li d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru li huma, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi, l-individwi jistgħu jinvokawhom kontra Stat Membru quddiem il-qrati tiegħu f’sitwazzjoni fejn dan l-Istat ikun naqas milli jittrasponi din id-direttiva fid-dritt nazzjonali fit-termini previsti jew f’sitwazzjoni fejn ikun ittrasponiha b’mod inkorrett (sentenza tal-15 ta’ Frar 2017, British Film Institute, C‑592/15, EU:C:2017:117, punt 13).

48

F’dan ir-rigward, għandhom jiġu eżaminati n-natura, l-istruttura u t-termini tad-dispożizzjoni inkwistjoni (sentenza tal-4 ta’ Diċembru 1974, van Duyn, 41/74, EU:C:1974:133, punt 12). Dan ikun b’mod partikolari l-każ meta d-dispożizzjoni tad-direttiva inkwistjoni tistabbilixxi obbligu li ma jkun marbut ma’ ebda riżerva jew kundizzjoni, li, min-natura tiegħu stess, ma jkun jeħtieġ l-intervent ta’ ebda att, min-naħa tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew min-naħa tal-Istati Membri, u li ma jħalli ebda possibbiltà ta’ evalwazzjoni lil dawn tal-aħħar fir-rigward tal-eżekuzzjoni tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-4 ta’ Diċembru 1974, van Duyn, 41/74, EU:C:1974:133, punti 613, kif ukoll tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 79).

49

Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat, f’dan il-każ, jekk ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità, previst fl-Artikolu 9a tad-Direttiva 1999/62, jidhirx li huwa, mill-perspettiva tal-kontenut tiegħu, inkundizzjonat u suffiċjentement preċiż sabiex jiġi invokat minn individwu kontra Stat Membru quddiem l-awtoritajiet nazzjonali ta’ dan l-Istat.

50

Konformement ma’ din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw is-sistema ta’ sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati b’applikazzjoni ta’ din id-direttiva, liema sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

51

Għaldaqstant, sabiex jiġi implimentat il-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-kuntest tad-Direttiva 1999/62, l-Istati Membri huma meħtieġa jadottaw l-atti legali neċessarji skont id-dritt nazzjonali tagħhom, u għalhekk l-Artikolu 9a ta’ din id-direttiva jistabbilixxi obbligu li, min-natura tiegħu stess, jeħtieġ l-intervent ta’ att min-naħa ta’ dawn l-Istati Membri, li għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fit-traspożizzjoni ta’ dan l-obbligu.

52

Għandu jiġi osservat, f’dan il-kuntest, li din id-direttiva ma tinkludix regoli iktar speċifiċi fir-rigward tal-istabbiliment tal-imsemmija sanzjonijiet nazzjonali u, b’mod partikolari, ma tistabbilixxi ebda kriterju espliċitu għall-evalwazzjoni tan-natura proporzjonata ta’ tali sanzjonijiet (sentenza tat-22 ta’ Marzu 2017, Euro-Team u Spirál-Gép, C‑497/15 u C‑498/15, EU:C:2017:229, punt 38).

53

B’hekk, peress li jeħtieġ l-intervent tal-Istati Membri u jagħtihom marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevoli, l-Artikolu 9a tad-Direttiva 1999/62 ma jistax jitqies, mill-perspettiva tal-kontenut tiegħu, li huwa inkundizzjonat u suffiċjentement preċiż, u dan jeskludi l-effett dirett tiegħu.

54

Interpretazzjoni kuntrarja twassal, fil-prattika, għal eliminazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija esklużivament lil-leġiżlaturi nazzjonali, li huwa l-kompitu tagħhom li jistabbilixxu sistema ta’ sanzjonijiet adegwata, fil-qafas iddefinit mill-Artikolu 9a tad-Direttiva 1999/62.

55

Minn dan isegwi li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità tas-sanzjonijiet previst fl-Artikolu 9a tad-Direttiva 1999/62 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-qorti nazzjonali tieħu post il-leġiżlatur nazzjonali.

56

Għaldaqstant, l-Artikolu 9a tad-Direttiva 1999/62 ma għandux effett dirett u ma jagħtix lill-individwi, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-dritt li jinvokawh quddiem l-awtoritajiet nazzjonali.

57

Madankollu, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu tal-Istati Membri, li jirriżulta minn direttiva, li jilħqu r-riżultat previst minnha kif ukoll id-dmir tagħhom, skont l-Artikolu 4(3) TUE u skont l-Artikolu 288 TFUE, li jieħdu l-miżuri kollha ta’ natura ġenerali jew partikolari li jkunu adegwati sabiex jiżguraw l-eżekuzzjoni ta’ dan l-obbligu japplikaw għall-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri, inklużi, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, l-awtoritajiet ġudizzjarji (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Settembru 2016, Martínez Andrés u Castrejana López, C‑184/15 u C‑197/15, EU:C:2016:680, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal-24 ta’ Jannar 2018, Pantuso et, C‑616/16 u C‑617/16, EU:C:2018:32, punt 42).

58

Sabiex jiġi eżegwit dan l-obbligu, il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi jeħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali jagħmlu dak kollu li jaqa’ fil-kompetenzi tagħhom, filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt nazzjonali kollu u filwaqt li japplikaw metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minn dan id-dritt, sabiex jiggarantixxu l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni u sabiex jaslu għal soluzzjoni konformi mal-għan segwit minn dan id-dritt (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 2016, Pöpperl, C‑187/15, EU:C:2016:550, punt 43, kif ukoll tat-28 ta’ Ġunju 2018, Crespo Rey, C‑2/17, EU:C:2018:511, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59

Madankollu, dan il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali għandu ċerti limiti. B’hekk, l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tirreferi għall-kontenut tad-dritt tal-Unjoni meta tinterpreta u tapplika r-regoli rilevanti tad-dritt nazzjonali huwa limitat mill-prinċipji ġenerali tad-dritt u ma jistax iservi ta’ bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2016, Pöpperl, C‑187/15, EU:C:2016:550, punt 44).

60

Issa, bla ħsara għall-verifiki li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali b’mod konformi mal-Artikolu 9a tad-Direttiva 1999/62 tista’ tagħti lok għal interpretazzjoni contra legem sa fejn il-qorti tar-rinviju jkollha tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali meta l-leġiżlazzjoni Ungeriża dwar il-ksur tar-regolementi tat-triq tindika b’mod speċifiku l-ammont tal-multi mingħajr ma tipprevedi l-possibbiltà li dawn tal-aħħar jitnaqqsu u mingħajr ma teżiġi li dawn il-multi jkunu konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

61

Madankollu, minn ġurisprudenza daqstant ieħor stabbilita jirriżulta li, jekk tali interpretazzjoni konformi ma tkunx possibbli, il-qorti nazzjonali hija obbligata tapplika b’mod sħiħ id-dritt tal-Unjoni u tipproteġi d-drittijiet li dan jagħti lill-individwi, u dan billi, jekk ikun meħtieġ, tastjeni milli tapplika kwalunkwe dispożizzjoni sa fejn l-applikazzjoni tagħha, fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, twassal għal riżultat kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni (sentenza tat-13 ta’ Lulju 2016, Pöpperl, C‑187/15, EU:C:2016:550, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija, minn naħa, li r-rekwiżit ta’ proporzjonalità, previst fl-Artikolu 9a tad-Direttiva 1999/62, ma jistax jitqies li għandu effett dirett u, min-naħa l-oħra, li l-qorti nazzjonali għandha, bis-saħħa tal-obbligu tagħha li tieħu l-miżuri kollha ta’ natura ġenerali jew partikolari li jkunu adegwati sabiex tiżgura l-eżekuzzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, tinterpreta d-dritt nazzjonali b’mod konformi ma’ din tal-aħħar, jew, jekk tali interpretazzjoni konformi ma tkunx possibbli, għandha tastjeni milli tapplika kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali sa fejn l-applikazzjoni tagħha, fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, twassal għal riżultat kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni.

Fuq l-ispejjeż

63

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità, previst fl-Artikolu 9a tad-Direttiva 1999/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi, kif emendata bid-Direttiva 2011/76/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Settembru 2011, ma jistax jitqies li għandu effett dirett. Il-qorti nazzjonali għandha, bis-saħħa tal-obbligu tagħha li tieħu l-miżuri kollha ta’ natura ġenerali jew partikolari li jkunu adegwati sabiex tiżgura l-eżekuzzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, tinterpreta d-dritt nazzjonali b’mod konformi ma’ din tal-aħħar, jew, jekk tali interpretazzjoni konformi ma tkunx possibbli, għandha tastjeni milli tapplika kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali sa fejn l-applikazzjoni tagħha, fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, twassal għal riżultat kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.

Fuq