Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62016CJ0472
Judgment of the Court (Fifth Chamber) of 7 August 2018.#Jorge Luís Colino Sigüenza v Ayuntamiento de Valladolid and Others.#Request for a preliminary ruling from the Tribunal Superior de Justicia de Castilla y León.#Reference for a preliminary ruling — Directive 2001/23/EC — Scope — Article 1(1) — Transfers of undertakings — Safeguarding of employees’ rights –Service contract for the management of a municipal School of Music — Cessation of the activity of the first contractor before the end of the current school year and designation of a new contractor at the beginning of the following school year — Article 4(1) — Prohibition of dismissal by reason of transfer — Exception — Dismissal for economic, technical or organisational reasons entailing changes in the workforce — Charter of Fundamental Rights of the European Union — Article 47).#Case C-472/16.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-7 ta’ Awwissu 2018.
Jorge Luís Colino Sigüenza vs Ayuntamiento de Valladolid et.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Castilla y León.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2001/23/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 1(1) – Trasferimenti ta’ impriżi – Salvagwardja tad-drittijiet tal-ħaddiema – Kuntratt għal servizzi li jirrigwardaw il-ġestjoni ta’ akkademja tal-mużika komunali – Waqfien tal-attività tal-ewwel offerent rebbieħ qabel it-tmiem tas-sena skolastika kurrenti u għażla ta’ offerent rebbieħ ġdid fil-bidu tas-sena skolastika segwenti – Artikolu 4(1) – Projbizzjoni ta’ tkeċċijiet minħabba trasferiment – Eċċezzjoni – Tkeċċijiet li jseħħu għal raġunijiet ekonomiċi, tekniċi jew ta’ organizzazzjoni li jinvolvu bidliet fil-persunal – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47.
Kawża C-472/16.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-7 ta’ Awwissu 2018.
Jorge Luís Colino Sigüenza vs Ayuntamiento de Valladolid et.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Castilla y León.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2001/23/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 1(1) – Trasferimenti ta’ impriżi – Salvagwardja tad-drittijiet tal-ħaddiema – Kuntratt għal servizzi li jirrigwardaw il-ġestjoni ta’ akkademja tal-mużika komunali – Waqfien tal-attività tal-ewwel offerent rebbieħ qabel it-tmiem tas-sena skolastika kurrenti u għażla ta’ offerent rebbieħ ġdid fil-bidu tas-sena skolastika segwenti – Artikolu 4(1) – Projbizzjoni ta’ tkeċċijiet minħabba trasferiment – Eċċezzjoni – Tkeċċijiet li jseħħu għal raġunijiet ekonomiċi, tekniċi jew ta’ organizzazzjoni li jinvolvu bidliet fil-persunal – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47.
Kawża C-472/16.
Rapporti tal-qorti - ġenerali
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2018:646
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
7 ta’ Awwissu 2018 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2001/23/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 1(1) – Trasferimenti ta’ impriżi – Salvagwardja tad-drittijiet tal-ħaddiema – Kuntratt għal servizzi li jirrigwardaw il-ġestjoni ta’ akkademja tal-mużika komunali – Waqfien tal-attività tal-ewwel offerent rebbieħ qabel it-tmiem tas-sena skolastika kurrenti u għażla ta’ offerent rebbieħ ġdid fil-bidu tas-sena skolastika segwenti – Artikolu 4(1) – Projbizzjoni ta’ tkeċċijiet minħabba trasferiment – Eċċezzjoni – Tkeċċijiet li jseħħu għal raġunijiet ekonomiċi, tekniċi jew ta’ organizzazzjoni li jinvolvu bidliet fil-persunal – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47”
Fil-kawża C‑472/16,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Castilla y León (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Castilla y León, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Mejju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Awwissu 2016, fil-proċedura
Jorge Luís Colino Sigüenza
vs
Ayuntamiento de Valladolid,
In-Pulso Musical SC,
Miguel del Real Llorente, Administrador Concursal de Músicos y Escuela SL,
Músicos y Escuela SL,
Fondo de Garantía Salarial (Fogasa),
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, E. Levits, A. Borg Barthet (Relatur), M. Berger u F. Biltgen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Tanchev,
Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑27 ta’ Settembru 2017,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal J. L.Colino Sigüenza, minn J. M. Blanco Martín, abogado, |
– |
għal In-Pulso Musical SC, minn J. Lozano Blanco, abogado, |
– |
għall-Gvern Spanjol, minn A. Gavela Llopis, bħala aġent, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Rius u M. Kellerbauer, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑6 ta’ Diċembru 2017,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) u tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat‑12 ta’ Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet ta’ l-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 98), kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Jorge Luís Colino Sigüenza u, min-naħa l-oħra, l-Ayuntamiento de Valladolid (l-Amministrazzjoni Komunali ta’ Valladolid, Spanja), In-pulso Musical SC, Miguel del Real Llorente, Administrador Concursal de Músicos y Escuela SL (fil-kwalità tiegħu ta’ prattikant fl-insolvenza ta’ Músicos y Escuela), Músicos y Escuela u l-Fondo de Garantía Salarial (Fogasa) (il-Fond ta’ Garanzija Salarjali (Fogasa), Spanja) dwar il-legalità tat-tkeċċija ta’ J. L. Colino Sigüenza fil-kuntest ta’ proċedura ta’ tkeċċija kollettiva. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Id-Direttiva 2001/23 tikkostitwixxi l-kodifikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 77/187/KE tal‑14 ta’ Frar 1977 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU 1977, L 61, p. 26), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 98/50/KE tad‑29 ta’ Ġunju 1998 (ĠU 1998, L 201, p. 88). |
4 |
L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23 jipprevedi li:
|
5 |
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li: “Id-drittijiet u l-obbliġi ta’ min jagħmel it-trasferiment ikkawżati minn kuntratt ta’ mpjieg jew minn relazzjoni ta’ mpjieg eżistenti fid-data tat-trasferiment għandhom, minħabba dan it-trasferiment, jiġu trasferiti lil min lilu jsir it-trasferiment.” |
6 |
Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/23: “It-trasferiment ta’ l-impriża, n-negozju jew xi parti mill-impriza jew negozju m’għandux fih innifsu jikkostitwixixi bażi għal tkeċċija minn min jagħmel it-trasferiment jew minn min lilu jsir it-trasferiment. Din id-dispożizzjoni m’għandhiex tkun ta’ xkiel għal tkeċċijiet li jistgħu iseħħu għal raġunijiet ekonomiċi, tekniċi jew ta’ l-organizzazzjoni li jinvolvu bidliet fin-nies li jkunu jaħdmu [fil-persunal].” |
Id-dritt Spanjol
7 |
Ir-regoli applikabbli għall-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ entitajiet ekonomiċi huma ddefiniti permezz tar-Real Decreto Legislativo 1/1995 por el que se aprueba el texto refundido de la Ley del Estatuto de los Trabajadores (id-Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/1995 li Japprova t-Test Rivedut tal-Liġi dwar l-Istatut tal-Ħaddiema), tal‑24 ta’ Marzu 1995 (BOE Nru 75, tad‑29 ta’ Marzu 1995, p. 9654), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mil-Liġi 12/2001, tad‑9 ta’ Lulju 2001 (BOE Nru 164, tal‑10 ta’ Lulju 2001, p. 24890) (iktar ’il quddiem l-“Istatut tal-Ħaddiema”). |
8 |
L-Artikolu 44(1) u (2) tal-Istatut tal-Ħaddiema jistabbilixxi li: “1. It-trasferiment ta’ impriża, ta’ ċentru ta’ impjieg jew ta’ entità ta’ produzzjoni awtonoma ta’ din l-impriża ma għandux itemm, fih innifsu, ir-relazzjoni ta’ impjieg; il-persuna li timpjega l-ġdida għandha tiġi ssurrogata fid-drittijiet u fl-obbligi tal-persuna li timpjega preċedenti fir-rigward tal-kuntratt ta’ xogħol u tas-sigurtà soċjali, inkluż l-impenji marbuta mal-pensjonijiet, skont il-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni speċifika applikabbli, u, b’mod ġenerali, l-obbligi kollha fil-qasam tal-protezzjoni soċjali komplementari li jkun assuma ċ-ċedent. 2. Għall-finijiet ta’ dan l-artikolu, għandu jitqies li huwa trasferiment ta’ impriża t-trasferiment ta’ entità ekonomika li żżomm l-identità tagħha, jiġifieri għaqda organizzata ta’ riżorsi, bl-objettiv li twettaq attività ekonomika, kemm jekk l-attività hija ċentrali jew anċillari.” |
9 |
L-Artikolu 51 ta’ dan l-Istatut, intitolat “Tkeċċija kollettiva” jipprevedi li: “Għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi, ‘tkeċċija kollettiva’ għandha tfisser it-terminazzjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol minħabba raġunijiet ekonomiċi, tekniċi, ta’ organizzazzjoni jew ta’ produzzjoni meta, matul perijodu ta’ 90 ġurnata, din it-terminazzjoni tkun taffettwa tal-inqas:
Ir-raġunijiet għandhom jitqiesu li huma ekonomiċi meta l-prestazzjoni finanzjarja tal-impriża tkun turi sitwazzjoni ekonomika negattiva, f’każijiet li jkunu kkaratterizzati mill-eżistenza ta’ telf attwali jew previst jew mit-tnaqqis persistenti tal-livell ta’ dħul ordinarju jew tal-bejgħ. Fi kwalunkwe każ, it-tnaqqis għandu jitqies li jkun persistenti jekk, għal tliet trimestri konsekuttivi, il-livell tad-dħul ordinarju jew tal-bejgħ f’kull trimestru jkun iktar baxx minn dak irreġistrat matul l-istess trimestru tas-sena preċedenti. […] Għandha titqies ukoll bħala tkeċċija kollettiva t-terminazzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol tal-persunal kollu tal-impriża, bil-kundizzjoni li n-numru ta’ ħaddiema affettwati jkun iktar minn ħamsa, meta din tirriżulta mill-waqfien sħiħ tal-attività tal-impriża, għall-istess raġunijiet indikati iktar ’il fuq. […] 2. It-tkeċċija kollettiva għandha tiġi ppreċeduta minn perijodu ta’ konsultazzjonijiet tar-rappreżentanti legali tal-ħaddiema għal tul massimu ta’ 30 ġurnata tal-kalendarju jew ta’ 15‑il ġurnata għall-impriżi b’inqas minn 50 ħaddiem. […] L-awtorità ta’ ħarsien tal-impjieg għandha tiżgura l-effikaċja tal-perijodu ta’ konsultazzjoni. Jekk ikun il-każ, hija tista’ tindirizza lill-partijiet twissijiet u rakkomandazzjonijiet li fl-ebda każ ma jistgħu jinterrompu jew jissospendu l-proċedura. Barra minn hekk, bla ħsara għall-paragrafu preċedenti, matul il-perijodu ta’ konsultazzjonijiet, l-awtorità ta’ ħarsien tal-impjieg tista’, fuq talba konġunta tal-partijiet, tieħu l-miżuri ta’ medjazzjoni xierqa sabiex jinstabu soluzzjonijiet għall-problemi kkawżati mit-tkeċċija kollettiva. Għall-istess finijiet, hija tista’ wkoll tagħti l-assistenza tagħha fuq it-talba ta’ waħda mill-partijiet jew fuq l-inizjattiva tagħha stess. Meta jiskadi l-perijodu ta’ konsultazzjonijiet, il-persuna li timpjega għandha tikkomunika l-eżitu lill-awtorità ta’ ħarsien tal-impjieg. Jekk ikun intlaħaq ftehim, hija għandha tibgħatilha kopja kompleta. Fil-każ kuntrarju, hija għandha tibgħat lir-rappreżentanti tal-ħaddiema u lill-awtorità ta’ ħarsien tal-impjieg id-deċiżjoni finali tat-tkeċċija kollettiva li tkun adottat, flimkien mal-kundizzjonijiet ta’ din it-tkeċċija. […] 4. Ladarba d-deċiżjoni tiġi kkomunikata lir-rappreżentanti tal-ħaddiema, il-persuna li timpjega tista’ tinnotifika t-tkeċċijiet lil kull wieħed mill-ħaddiema kkonċernati taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 53(1) ta’ din il-liġi. Fi kwalunkwe każ, għandhom ikunu għaddew mill-inqas tletin jum bejn id-data li fiha l-ftuħ tal-perijodu ta’ konsultazzjoni jiġi kkomunikat lill-awtorità ta’ ħarsien tal-impjieg u dik li fiha t-tkeċċija ssir effettiva. […] 6. Id-deċiżjoni tal-persuna li timpjega tista’ tiġi suġġetta għar-rimedji previsti għal din it-tkeċċija. Il-preżentata ta’ rikors mir-rappreżentanti tal-ħaddiema għandha tissospendi t-trattament ta’ azzjonijiet individwali sakemm tingħata deċiżjoni fuq dan ir-rikors.” |
10 |
It-tkeċċija kollettiva hija rregolata mill-Artikolu 124 tal-Ley 36/2011 reguladora de la jurisdicción social (il-Liġi 36/2011 dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Soċjali u Industrijali), tal‑10 ta’ Ottubru 2011 (BOE Nru 245, tal‑11 ta’ Ottubru 2011, p. 106584). Fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ mill‑15 ta’ Lulju 2012, dan l-artikolu, intitolat “Tkeċċijiet kollettivi għal raġunijiet ekonomiċi, ta’ organizzazzjoni, tekniċi, ta’ produzzjoni jew ta’ forza maġġuri”, jipprevedi li: “1. Id-deċiżjoni tal-persuna li timpjega tista’ tiġi kkontestata mir-rappreżentanti tal-ħaddiema permezz tal-proċedura prevista fil-paragrafi li ġejjin. Meta azzjoni titressaq mir-rappreżentanti sindakali, dawn għandhom ikunu ħadu suffiċjentement sehem fil-proċedura ta’ tkeċċija kollettiva. 2. L-azzjoni tista’ tiġi bbażata fuq il-motivi li ġejjin:
It-talbiet dwar in-nuqqas ta’ applikazzjoni tar-regoli ta’ prijorità għaż-żamma tal-impjieg previsti fil-leġiżlazzjoni, il-ftehimiet kollettivi jew il-ftehim adottat matul il-perijodu ta’ konsultazzjonijiet fl-ebda każ ma jistgħu jkunu suġġetti għal din il-proċedura. Dawn it-talbiet għandhom jitressqu fil-kuntest tal-proċedura individwali msemmija fil-paragrafu 11 ta’ dan l-artikolu. […] 6. L-azzjoni għandha titressaq f’terminu ta’ dekadenza ta’ 20 jum mid-data tal-ftehim konkluż matul il-perijodu ta’ konsultazzjonijiet jew min-notifika lir-rappreżentanti tal-ħaddiema tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija kollettiva adottata mill-persuna li timpjega. […] 9. Ladarba l-azzjoni tkun ġiet iddikjarata ammissibbli, ir-Reġistru għandu jinnotifika lill-persuna li timpjega u jitlobha tippreżenta, fi żmien 5 ijiem u preferibbilment elettronikament, id-dokumenti u l-minuti tal-perijodu ta’ konsultazzjonijiet kif ukoll il-komunikazzjoni tal-eżitu ta’ dan il-perijodu lill-awtorità ta’ ħarsien tal-impjieg. F’din l-istess ordni, ir-Reġistru għandu jagħti lill-persuna li timpjega terminu ta’ 5 ijiem sabiex tgħarraf lill-ħaddiema kkonċernati mit-tkeċċija kollettiva bl-eżistenza tal-azzjoni mressqa mir-rappreżentanti tal-ħaddiema, bil-għan li jikkomunikaw lill-qorti f’terminu ta’ 15‑il jum indirizz għall-finijiet tan-notifika tas-sentenza. […] 11. Is-sentenza għandha tingħata fi żmien 5 ijiem wara s-seduta u tista’ tiġi appellata. Id-deċiżjoni ta’ tkeċċija għandha tiġi ddikjarata valida meta, skont l-Artikolu 51(2) jew (7) tal-Istatut tal-Ħaddiema, il-persuna li timpjega turi l-eżistenza tal-bażi legali invokata. Is-sentenza għandha tikkonstata l-invalidità tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija meta l-persuna li timpjega ma turix l-eżistenza tal-bażi legali indikata fl-ittra ta’ tkeċċija. […] 12. Ladarba ssir definittiva, is-sentenza għandha tiġi nnotifikata lill-partijiet u lill-ħaddiema kkonċernati mit-tkeċċija kollettiva li jkunu kkomunikaw lill-qorti indirizz għan-notifiki, għall-finijiet previsti fil-paragrafu 13(b) ta’ dan l-artikolu. Is-sentenza definittiva għandha tiġi nnotifikata għall-informazzjoni lill-awtorità ta’ ħarsien tal-impjieg, lill-fond tal-qgħad kif ukoll lill-amministrazzjoni tas-sigurtà soċjali meta dawn ma kinux partijiet fil-proċedura. 13. Meta l-proċedura jkollha bħala suġġett kontestazzjoni individwali tax-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol quddiem il-Juzgado de lo Social [(il-Qorti Industrijali, Spanja)], għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 120 sa 123 ta’ din il-liġi, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċjali li ġejjin:
Ix-xoljiment tal-kuntratt deċiż mill-persuna li timpjega mingħajr ma jiġu osservati l-prijoritajiet għaż-żamma tal-pożizzjoni li jistgħu jirriżultaw minn liġijiet, minn ftehimiet kollettivi jew minn ftehim konkluż matul il-perijodu ta’ konsultazzjoni għandu jitqies ukoll bħala null. Din in-nullità ma testendix għal xoljimenti ta’ kuntratti li jkunu seħħew fil-mument ta’ din it-tkeċċija kollettiva skont il-prijoritajiet għaż-żamma tal-pożizzjoni.” |
11 |
L-Artikolu 160(5) ta’ din il-liġi jipprevedi li: “Is-sentenza definittiva għandha l-awtorità ta’ res judicata fir-rigward tal-proċeduri individwali li jkollhom suġġett identiku jew li jippreżentaw rabta ta’ konnessjoni diretta ma’ din is-sentenza, li jkunu pendenti jew li jistgħu jitressqu quddiem il-qrati soċjali kif ukoll quddiem il-qrati għall-kwistjonijiet amministrattivi, liema proċeduri għandhom għalhekk jiġu sospiżi matul it-trattament tal-azzjoni kollettiva. Is-sospensjoni għandha tiġi ordnata anki jekk tkun diġà ngħatat deċiżjoni fl-ewwel istanza u jekk ikun hemm appell jew appell ta’ kassazzjoni pendenti. Is-sentenza definittiva mogħtija fil-kuntest tar-rikors kollettiv għandha torbot lill-qorti adita, inkluż meta s-sentenza definittiva ma tkunx ġiet invokata bħala deċiżjoni fis-sens kuntrarju fil-kuntest tal-appell ippreżentat quddiem it-Tribunal Supremo [(il-Qorti Suprema, Spanja)] għall-finijiet ta’ unifikazzjoni tal-ġurisprudenza.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
12 |
J. L. Colino Sigüenza ġie impjegat bħala għalliem tal-mużika fi ħdan l-Akkademja tal-Mużika Komunali ta’ Valladolid (Spanja) mill‑11 ta’ Novembru 1996. Oriġinarjament, din l-akkademja kienet immexxija direttament mill-Amministrazzjoni Komunali ta’ Valladolid, li magħha J. L. Colino Sigüenza kien inizjalment impjegat. |
13 |
Mis-sena 1997, l-Amministrazzjoni Komunali ta’ Valladolid waqfet tmexxi direttament l-imsemmija akkademja u ħarġet sejħiet għal offerti pubbliċi suċċessivi għall-għoti ta’ dan is-servizz. L-offerent rebbieħ fi tmiem dawn il-proċeduri suċċessivi kien, mingħajr interruzzjoni minn dak iż-żmien sal‑31 ta’ Awwissu 2013, Músicos y Escuela, li kompliet l-attività tal-akkademja billi tieħu ħsieb il-ġestjoni tal-bini, tal-għamara u tal-istrumenti utli għall-provvista ta’ dan is-servizz. Músicos y Escuela impjegat ukoll mill-ġdid uħud mill-ħaddiema li kienu ġew irreklutati mill-imsemmija amministrazzjoni komunali, fosthom J. L. Colino Sigüenza. Din l-attività kompliet tiġi pperċepita bħala servizz offrut liċ-ċittadini mill-Amministrazzjoni Komunali ta’ Valladolid, bħala akkademja tal-mużika komunali. |
14 |
Minħabba t-tnaqqis fin-numru ta’ studenti tal-Akkademja tal-Mużika Komunali ta’ Valladolid matul is-sena skolastika 2012–2013, l-ammonti mħallsa mill-istudenti għal dan is-servizz ma baqgħux jaqblu mal-ammont tal-korrispettiv imħallas mill-Amministrazzjoni Komunali ta’ Valladolid skont il-kuntratt konkluż ma’ Músicos y Escuela, liema fatt wassal sabiex din tal-aħħar titlob lill-imsemmija amministrazzjoni somma ta’ EUR 58 403.73 għall-ewwel trimestru ta’ din is-sena skolastika u ta’ EUR 48 592.74 għat-tieni trimestru tagħha. |
15 |
Peress li l-Amministrazzjoni Komunali ta’ Valladolid irrifjutat li tħallas dawn is-somom, Músicos y Escuela talbet, fid‑19 ta’ Frar 2013, ix-xoljiment tal-kuntratt ta’ aġġudikazzjoni tas-servizz minħabba nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mill-imsemmija amministrazzjoni u talbet kumpens korrispondenti. B’risposta, din l-amministrazzjoni komunali xoljiet, f’Awwissu 2013, il-kuntratt bi ħtija ta’ Músicos y Escuela talli waqfet l-attivitajiet tagħha qabel id-data miftiehma. Il-kawża tressqet quddiem is-Sala de lo Contencioso-Administrativo du Tribunal Superior de Justicia de Castilla y León (l-Awla għall-Kwistjonijiet Amministrattivi tal-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Castilla y León, Spanja) li, permezz ta’ diversi sentenzi definittivi mogħtija matul l‑2014 u l‑2015, iddeċidiet, minn naħa, li l-Amministrazzjoni Komunali ta’ Valladolid kienet kisret il-kuntratt konkluż ma’ Músicos y Escuela, sa fejn dan kien jipprovdi garanzija ta’ dħul irrispettivament min-numru ta’ studenti rreġistrati u li, billi ma osservatx tali garanzija, l-imsemmija amministrazzjoni komunali kienet ipprekludiet hija stess it-tkomplija tal-attivitajiet ta’ Músicos y Escuela, liema fatt kien jiġġustifika għalhekk ix-xoljiment ta’ dan il-kuntratt bi ħtija ta’ din l-amministrazzjoni komunali. Min-naħa l-oħra, peress li Músicos y Escuela ma kinitx osservat l-obbligi tagħha billi kienet iddeċidiet unilateralment li twaqqaf l-attivitajiet tagħha mill‑31 ta’ Marzu 2013, id-danni u l-interessi li hija talbet ġew irrifjutati. |
16 |
Sadanittant, fl‑4 ta’ Marzu 2013, Músicos y Escuela kienet fetħet il-perijodu ta’ negozjati u ta’ konsultazzjonijiet neċessarju sabiex titwettaq it-tkeċċija kollettiva tal-persunal kollu tagħha minħabba s-sitwazzjoni ekonomika li kienet irriżultat mill-kunflitt mal-Amministrazzjoni Komunali ta’ Valladolid. Fis‑27 ta’ Marzu 2013, fl-assenza ta’ ftehim mar-rappreżentanti tal-impjegati, Músicos y Escuela ħadet id-deċiżjoni li tkeċċi kollettivament il-persunal kollu. |
17 |
Fil‑31 ta’ Marzu 2013, jiġifieri ftit xhur qabel it-tmiem tas-sena skolastika kurrenti, Músicos y Escuela waqqfet l-attività tagħha u, fl‑1 ta’ April, tat lura lill-Amministrazzjoni Komunali ta’ Valladolid il-bini, l-istrumenti u r-riżorsi intiżi għall-funzjonament tal-Akkademja tal-Mużika Komunali ta’ Valladolid li l-ġestjoni tagħha kienet ġiet fdata lilha. Fl‑4 ta’ April 2013, Músicos y Escuela tat ittra ta’ tkeċċija lill-membri tal-persunal kollha tagħha, fosthom J. L. Colino Sigüenza, b’effett mit‑8 ta’ April 2013. Din il-kumpanija ġiet iddikjarata falluta fit‑30 ta’ Lulju 2013. |
18 |
Billi r-rappreżentanti tal-ħaddiema ta’ Músicos y Escuela biss setgħu, skont il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Soċjali u Industrijali, iressqu azzjoni fil-kuntest ta’ tkeċċija kollettiva, dawn ippreżentaw rikors kontra d-deċiżjoni ta’ tkeċċija kollettiva quddiem is-Sala de lo Social de Valladolid du Tribunal Superior de Justicia de Castilla y León (l-Awla għall-Kwistjonijiet Amministrattivi tal-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Castilla y León, Spanja) li, permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Ġunju 2013, ċaħdet dan ir-rikors. |
19 |
Ir-rappreżentanti tal-ħaddiema appellaw minn din id-deċiżjoni quddiem it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), li, permezz ta’ sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2014, ċaħdet ukoll ir-rikors tagħhom. Din is-sentenza saret definittiva. |
20 |
Sadanittant, f’Awwissu 2013, l-Amministrazzjoni Komunali ta’ Valladolid tat il-ġestjoni tal-Akkademja tal-Mużika Komunali ta’ Valladolid lil In-pulso Musical u tatha, kif kienet għamlet ma’ Músicos y Escuela, l-użu tal-bini, tal-istrumenti u r-riżorsi neċessarji għal dan l-għan. In-pulso Musical bdiet l-attivitajiet tagħha f’Settembru 2013, għas-sena skolastika 2013‑2014. Wara proċedura ġdida ta’ sejħa għal offerti, l-Amministrazzjoni Komunali ta’ Valladolid għażlet, għal darb’ oħra, In-pulso Musical fil-kwalità ta’ offerent rebbieħ għal dan il-kuntratt għas-snin skolastiċi 2014‑2015 u 2015‑2016. Din il-kumpannija ma rreklutat l-ebda wieħed mill-impjegati li kienu jaħdmu qabel fi ħdan l-imsemmija akkademja tal-mużika komunali u li kienu tkeċċew kollettivament minn Músicos y Escuela. |
21 |
J. L. Colino Sigüenza ressaq, individwalment, kawża quddiem il-Juzgado de lo Social no 4 de Valladolid (il-Qorti Industrijali Nru 4 ta’ Valladolid, Spanja) kontra Músicos y Escuela, l-Amministrazzjoni Komunali ta’ Valladolid u In-pulso Musical sabiex jikkontesta t-tkeċċija tiegħu. |
22 |
Permezz ta’ sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2015, din il-qorti ċaħdet ir-rikors ta’ J. L. Colino Sigüenza għar-raġuni li l-awtorità ta’ res judicata tas-sentenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tas‑17 ta’ Novembru 2014, li ċaħdet ir-rikors ippreżentat mir-rappreżentanti tal-ħaddiema kontra t-tkeċċija kollettiva, torbotha għal dak li jirrigwarda r-rikors individwali ppreżentat mill-persuna kkonċernata kontra t-tkeċċija tagħha, minkejja li din tal-aħħar ma kinitx parti, b’mod individwali, fil-proċedura li wasslet għal dik is-sentenza. Barra minn hekk, il-Juzgado de lo Social no 4 de Valladolid (il-Qorti Industrijali Nru 4 ta’ Valladolid) qieset li In-pulso Musical ma kinitx is-suċċessur ta’ Músicos y Escuela bħala l-persuna li timpjega lil J. L. Colino Sigüenza, sa fejn kienu għaddew kważi ħames xhur bejn it-tkeċċija tiegħu u l-qbid mill-ġdid tal-ġestjoni tal-Akkademja tal-Mużika Komunali ta’ Valladolid minn In-pulso Musical. |
23 |
J. L. Colino Sigüenza appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, it-Tribunal Superior de Justicia de Castilla y León (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Castilla y León, Spanja). |
24 |
Insostenn tar-rikors tiegħu, huwa jsostni, essenzjalment, li l-awtorità ta’ res judicata tas-sentenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tas‑17 ta’ Novembru 2014, li ċaħdet ir-rikors ippreżentat kontra t-tkeċċija kollettiva, ma tistax taffettwah b’mod individwali sa fejn huwa ma kienx parti f’dik il-proċedura, b’mod li tali estensjoni tal-awtorità ta’ res judicata tikser id-dritt tiegħu għal rimedju effettiv, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta. Min-naħa l-oħra, huwa jsostni li kien hemm, f’dan il-każ, trasferiment ta’ impriża għall-benefiċċju ta’ In-pulso Musical, b’tali mod li din l-operazzjoni ma tistax tiġġustifika x-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu. |
25 |
Għaldaqstant, din il-qorti tistaqsi, essenzjalment, minn naħa, jekk l-interruzzjoni temporanja, minn Músicos y Escuela, fil-provvista tas-servizzi tagħha bejn l‑1 ta’ April 2013 u l-bidu ta’ Settembru 2013, f’liema data l-ġestjoni tal-Akkademja tal-Mużika Komunali ta’ Valladolid inbdiet mill-ġdid minn In-pulso Musical, tipprekludix li jiġi stabbilit li din hija kwistjoni ta’ “trasferiment” ta’ impriża jew ta’ negozju fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2001/23 u, min-naħa l-oħra, jekk, f’sitwazzjoni bħal dik li għandha quddiemha, l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-awtorità ta’ res judicata għandhiex l-effett li tikser id-dritt għal rimedju effettiv ta’ J. L. Colino Sigüenza. |
26 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Superior de Justicia de Castilla y León (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Castilla y León) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
27 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23 għandux jiġi interpretat fis-sens li tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn l-offerent rebbieħ ta’ kuntratt ta’ servizzi li jirrigwardaw il-ġestjoni ta’ akkademja tal-mużika komunali, li għalih l-amministrazzjoni muniċipali kienet ipprovdiet ir-riżorsi materjali kollha neċessarji għall-eżerċizzju ta’ din l-attività, itemm tali attivitajiet xahrejn qabel it-tmiem tas-sena skolastika kurrenti, billi jkeċċi l-persunal u jagħti lura dawn ir-riżorsi materjali lill-amministrazzjoni komunali, li min-naħa tagħha twettaq proċedura ta’ aġġudikazzjoni ġdida biss għas-sena skolastika segwenti u tagħti lill-offerent rebbieħ il-ġdid l-istess riżorsi materjali. |
28 |
Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/23 ikopri l-possibbiltajiet kollha ta’ tibdil, fil-kuntest ta’ relazzjonijiet kuntrattwali, tal-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli għall-operazzjoni tal-impriża u li, minħabba dan il-fatt, tassumi l-obbligi tal-persuna li timpjegaha fir-rigward tal-impjegati tal-impriża, irrispettivament minn jekk il-proprjetà tal-assi korporali ġietx ittrasferita (sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2015, Aira Pascual u Algeposa Terminales Ferroviarios, C‑509/14, EU:C:2015:781, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
29 |
Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-Direttiva 2001/23 hija intiża sabiex tiżgura l-kontinwità tar-relazzjonijiet ta’ xogħol eżistenti fil-kuntest ta’ entità ekonomika, indipendentement minn bdil tal-proprjetarju. Il-kriterju deċiżiv, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ trasferiment, fis-sens ta’ din id-direttiva, huwa għalhekk il-fatt li l-entità inkwistjoni żżomm l-identità tagħha, li jirriżulta partikolarment mit-tkomplija effettiva tal-operazzjoni jew mill-qbid mill-ġdid tagħha (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2015, Ferreira da Silva e Brito et, C‑160/14, EU:C:2015:565, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
30 |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk din il-kundizzjoni hijiex issodisfatta, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi ta’ fatt kollha li jikkaratterizzaw l-operazzjoni kkonċernata, li fosthom hemm b’mod partikolari t-tip ta’ impriża jew ta’ negozju involut, it-trasferiment jew le ta’ assi korporali, bħall-bini u l-beni mobbli, il-valuri tal-assi inkorporali fil-mument tat-trasferiment, il-fatt jekk il-maġġoranza tal-persunal tiġix impjegata mill-ġdid jew le mit-tmexxija l-ġdida tal-impriża, it-trasferiment jew le tal-klijentela, kif ukoll il-grad ta’ xebh bejn l-attivitajiet eżerċitati qabel u wara t-trasferiment, u t-tul tas-sospensjoni eventwali ta’ dawn l-attivitajiet. Madankollu, dawn iċ-ċirkustanzi kollha huma sempliċement aspetti parzjali tal-evalwazzjoni globali li għandha ssir u għalhekk ma jistgħux jiġu kkunsidrati b’mod iżolat (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2015, Ferreira da Silva e Brito et, C‑160/14, EU:C:2015:565, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
31 |
B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-importanza rispettiva li għandha tingħata lid-diversi kriterji neċessarjament tvarja skont l-attività eżerċitata, jiġifieri l-metodi ta’ produzzjoni jew ta’ operazzjoni użati fl-impriża, fin-negozju jew f’parti min-negozju kkonċernat (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2015, Ferreira da Silva e Brito et, C‑160/14, EU:C:2015:565, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
32 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’dan ir-rigward, li, f’settur fejn l-attività tistrieħ essenzjalment fuq il-forza tax-xogħol, l-identità ta’ entità ekonomika ma tistax tinżamm jekk il-maġġoranza tal-impjegati ta’ din l-entità ma tiġix impjegata mill-ġdid mill-preżunt ċessjonarju (sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2015, Aira Pascual u Algeposa Terminales Ferroviarios, C‑509/14, EU:C:2015:781, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
33 |
Min-naħa l-oħra, f’settur fejn l-attività tistrieħ essenzjalment fuq it-tagħmir, il-fatt li l-imprenditur il-ġdid ma jimpjegax il-persunal li l-predeċessur tiegħu kien jimpjega għall-eżekuzzjoni tal-istess attività, ma huwiex biżżejjed sabiex jeskludi l-eżistenza ta’ trasferiment ta’ entità li żżomm l-identità tagħha, fis-sens tad-Direttiva 2001/23 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2015, Aira Pascual u Algeposa Terminales Ferroviarios, C‑509/14, EU:C:2015:781, punt 41). |
34 |
Huwa b’mod partikolari fid-dawl ta’ dawn il-punti ġurisprudenzjali li d-domanda magħmula għandha tiġi evalwata, u dan filwaqt li jitqiesu l-punti ta’ fatt imsemmija mill-qorti nazzjonali fid-deċiżjoni tar-rinviju. |
35 |
Għandu jiġi enfasizzat, qabelxejn, li f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-riżorsi materjali, bħall-istrumenti mużikali, il-faċilitajiet u l-bini jidhru li huma elementi indispensabbli għall-eżerċizzju tal-attività ekonomika inkwistjoni, fejn din tal-aħħar hija relatata mal-ġestjoni ta’ akkademja tal-mużika. Issa, f’dan il-każ, huwa paċifiku li l-Amministrazzjoni Komunali de Valladolid qegħdet għad-dispożizzjoni tal-offerent rebbieħ il-ġdid ir-riżorsi materjali kollha li hija kienet tat lill-offerent rebbieħ preċedenti. |
36 |
Barra minn hekk, peress li l-attività ekonomika inkwistjoni fil-kawża prinċipali tidher li ma tistax titqies li hija attività bbażata essenzjalment fuq il-forza tax-xogħol, sa fejn hija teħtieġ tagħmir importanti, is-sempliċi fatt li In-pulso Musical ma impjegatx mill-ġdid il-ħaddiema ta’ Músicos y Escuela ma jippermettix li tiġi eskluża l-eżistenza ta’ trasferiment ta’ impriża, fis-sens tad-Direttiva 2001/23. |
37 |
Sussegwentement, għal dak li jirrigwarda l-fatt li l-assi korporali indispensabbli għall-eżerċizzju tal-attività inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu dejjem jappartjenu lill-Amministrazzjoni Komunali ta’ Valladolid, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 28 ta’ din is-sentenza, il-kwistjoni dwar jekk il-proprjetà tal-assi korporali hijiex ittrasferita ma huwiex rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/23. |
38 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’mod partikolari, li l-fatt li l-assi korporali meħuda mill-imprenditur il-ġdid ma kinux jappartjenu lill-predeċessur tiegħu, iżda kienu sempliċement tqiegħdu għad-dispożizzjoni mill-klijent ma jistax iwassal għall-esklużjoni tal-eżistenza ta’ trasferiment ta’ impriża, fis-sens tal-imsemmija direttiva (sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2015, Aira Pascual u Algeposa Terminales Ferroviarios, C‑509/14, EU:C:2015:781, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
39 |
Minn dan isegwi li interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2001/23 li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva sitwazzjoni li fiha l-assi korporali indispensabbli għall-iżvolġiment tal-attività inkwistjoni dejjem baqgħu jappartjenu liċ-ċedent (l-Amministrazzjoni Komunali ta’ Valladolid) ikollha l-effett li ċċaħħad l-imsemmija direttiva minn parti mill-effett utli tagħha (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2015, Aira Pascual u Algeposa Terminales Ferroviarios, C‑509/14, EU:C:2015:781, punt 40). |
40 |
Fl-aħħar nett, elementi oħra ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jikkorroboraw, fid-dawl tal-kriterji mfakkra fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, l-eżistenza, fil-kawża prinċipali, ta’ “trasferiment ta’ impriża”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23. Dan japplika ukoll għat-teħid tal-istudenti ta’ Músicos y Escuela minn In-pulso Musical u għall-qbid mill-ġdid minn din tal-aħħar, minn Settembru 2013, tas-servizzi pprovduti minn Músicos y Escuela sal‑1 ta’ April 2013. |
41 |
Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li s-sospensjoni temporanja, għal ftit xhur biss, tal-attivitajiet tal-impriża ma hijiex ta’ natura li teskludi li l-entità ekonomika inkwistjoni fil-kawża prinċipali tkun żammet l-identità tagħha u għalhekk li teskludi l-eżistenza ta’ trasferiment ta’ impriża, fis-sens tal-istess direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2015, Ferreira da Silva e Brito et, C‑160/14, EU:C:2015:565, punt 31). |
42 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod partikolari li l-fatt li l-impriża kienet, fil-mument tat-trasferiment, magħluqa temporanjament u ma kellhiex impjegati fis-servizz tagħha jikkostitwixxi ċertament element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk entità ekonomika li għadha teżisti ġietx trasferita. Madankollu, l-għeluq temporanju tal-impriża u l-assenza konsegwenti ta’ persunal fil-mument tat-trasferiment ma humiex fihom infushom ta’ natura li jeskludu l-eżistenza ta’ trasferiment ta’ impriża, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23 (sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 1988, Bork International et, 101/87, EU:C:1988:308, punt 16 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
43 |
Din il-konklużjoni tapplika b’mod partikolari f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn minkejja li l-waqfien tal-attività tal-impriża kien estiż fuq perijodu ta’ ħames xhur, din kienet tinkludi tliet xhur il-vaganzi skolastiċi. |
44 |
Għalhekk, is-sospensjoni temporanja tal-attivitajiet tal-impriża kif ukoll il-fatt li In-pulso Musical ma impjegatx mill-ġdid il-ħaddiema ta’ Músicos y Escuela ma humiex ta’ natura li jeskludu li l-entità ekonomika inkwistjoni fil-kawża prinċipali żammet l-identità tagħha u għalhekk li jeskludu l-eżistenza ta’ trasferiment ta’ impriża, fis-sens tal-istess direttiva. |
45 |
Fl-aħħar mill-aħħar, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi fattwali kollha li jikkaratterizzaw l-operazzjoni inkwistjoni, l-eżistenza jew le ta’ trasferiment ta’ impriża fil-kawża prinċipali. |
46 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23 għandu jiġi interpretat fis-sens li tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn l-offerent rebbieħ ta’ kuntratt ta’ servizzi li jirrigwardaw il-ġestjoni ta’ akkademja tal-mużika komunali, li għalih l-amministrazzjoni muniċipali kienet ipprovdiet ir-riżorsi materjali kollha neċessarji għall-eżerċizzju ta’ din l-attività, itemm tali attivitajiet xahrejn qabel it-tmiem tas-sena skolastika kurrenti, billi jkeċċi l-persunal u jagħti lura dawn ir-riżorsi materjali lill-amministrazzjoni komunali, li min-naħa tagħha twettaq proċedura ta’ aġġudikazzjoni ġdida biss għas-sena skolastika segwenti u tagħti lill-offerent rebbieħ il-ġdid l-istess riżorsi materjali. |
Fuq it-tieni domanda
47 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/23 għandux jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn l-offerent rebbieħ ta’ kuntratt ta’ servizzi li jirrigwardaw il-ġestjoni ta’ akkademja tal-mużika komunali jtemm tali attivitajiet xahrejn qabel it-tmiem tas-sena skolastika kurrenti, billi jkeċċi l-persunal, u fejn l-offerent rebbieħ il-ġdid jaqbad mill-ġdid l-attività fil-bidu tas-sena skolastika segwenti, it-tkeċċija tal-impjegati għandha titqies li seħħet għal “raġunijiet ekonomiċi, tekniċi jew ta’ l-organizzazzjoni li jinvolvu bidliet fin-nies li jkunu jaħdmu” jew inkella li l-kawża ta’ din it-tkeċċija kienet it-“trasferiment ta’ l-impriża, n-negozju jew xi parti mill-impriza jew negozju”. |
48 |
Qabelxejn, għandu jitfakkar li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi, id-Direttiva 2001/23 hija intiża sabiex tiżgura ż-żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema fil-każ ta’ bdil fit-tmexxija tal-impriża sabiex tippermettilhom jibqgħu fis-servizz tal-persuna li timpjega l-ġdida bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk miftiehma maċ-ċedent (sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2008, Juuri, C‑396/07, EU:C:2008:656, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-għan tal-imsemmija direttiva huwa li tiġi żgurata, sa fejn ikun possibbli, il-kontinwazzjoni tal-kuntratti jew tar-relazzjonijiet ta’ xogħol, mingħajr tibdil, maċ-ċessjonarju, sabiex jiġi evitat li l-ħaddiema kkonċernati jitqiegħdu f’pożizzjoni inqas favorevoli minħabba s-sempliċi fatt tat-trasferiment (sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 1987, Ny Mølle Kro, 287/86, EU:C:1987:573, punt 25, u tas‑26 ta’ Mejju 2005, Celtec, C‑478/03, EU:C:2005:321, punt 26). |
49 |
Għalhekk, kif jirriżulta mil-kliem stess tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/23, il-protezzjoni li l-imsemmija direttiva hija intiża li tiżgura tikkonċerna biss il-ħaddiema li għandhom kuntratt ta’ xogħol jew relazzjoni ta’ xogħol li tkun teżisti fid-data tat-trasferiment. |
50 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sakemm ma jkunx previst speċifikament mod ieħor, il-benefiċċju tad-Direttiva 2001/23 jista’ jiġi invokat biss mill-ħaddiema li l-kuntratt jew ir-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom tkun għadha fis-seħħ fid-data tat-trasferiment. L-eżistenza jew le ta’ kuntratt jew ta’ relazzjoni ta’ xogħol f’din id-data għandha tiġi evalwata skont id-dritt nazzjonali, bil-kundizzjoni, madankollu, li jiġu osservati r-regoli imperattivi ta’ din id-direttiva dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema kontra t-tkeċċija minħabba t-trasferiment (sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 1988, Bork International et, 101/87, EU:C:1988:308, punt 17). |
51 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/23, it-trasferiment ta’ impriża, ta’ negozju jew ta’ parti minn impriża jew negozju ma jikkostitwixixi fih innifsu raġuni ta’ tkeċċija għaċ-ċedent jew għaċ-ċessjonarju. |
52 |
Konsegwentement, il-ħaddiema li l-kuntratt jew ir-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom tkun intemmet b’effett minn data preċedenti għal dik tat-trasferiment, bi ksur tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/23, għandhom jitqiesu li jkunu għadhom impjegati tal-impriża fid-data tat-trasferiment bil-konsegwenza, b’mod partikolari, li l-obbligi tal-persuna li timpjega fir-rigward tagħhom jiġu ttrasferiti ipso iure miċ-ċedent liċ-ċessjonarju (sentenza tat‑12 ta’ Marzu 1998, Dethier Équipement, C‑319/94, EU:C:1998:99, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
53 |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk it-tkeċċija kinitx motivata minħabba s-sempliċi fatt tat-trasferiment, bi ksur tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/23, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi oġġettivi li fihom tkun seħħet it-tkeċċija (sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 1988, Bork International et, 101/87, EU:C:1988:308, punt 18). |
54 |
F’dan ir-rigward, fid-deċiżjoni tar-rinviju ġie indikat li t-tkeċċija ta’ J. L. Colino Sigüenza seħħet f’data ferm preċedenti għal dik tat-trasferiment tal-attività lil In-pulso Musical u li din it-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol kienet motivata mill-impossibbiltà għal Músicos y Escuela li tħallas il-persunal tagħha, liema sitwazzjoni kienet tirriżulta minn ksur, mill-Amministrazzjoni Komunali ta’ Valladolid, tad-dispożizzjonijiet tal-kuntratt li jorbotha ma’ Músicos y Escuela. Għalhekk, dawn iċ-ċirkustanzi jidhru li jimmilitaw favur klassifikazzjoni tat-tkeċċija tal-persunal ta’ Músicos y Escuela għal “raġunijiet ekonomiċi, tekniċi jew ta’ organizzazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/23, sa fejn, madankollu, iċ-ċirkustanzi li wasslu għat-tkeċċija tal-persunal kollu kif ukoll għall-għażla tardiva ta’ fornitur ġdid ta’ servizzi ma jikkostitwixxux miżura deliberata intiża li ċċaħħad lill-impjegati kkonċernati mid-drittijiet mogħtija lilhom mid-Direttiva 2001/23, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. |
55 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/23 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn l-offerent rebbieħ ta’ kuntratt ta’ servizzi li jirrigwardaw il-ġestjoni ta’ akkademja tal-mużika komunali jtemm tali attivitajiet xahrejn qabel it-tmiem tas-sena skolastika kurrenti, billi jkeċċi l-persunal, u fejn l-offerent rebbieħ il-ġdid jaqbad mill-ġdid l-attività fil-bidu tas-sena skolastika segwenti, it-tkeċċija tal-impjegati għandha titqies li seħħet għal “raġunijiet ekonomiċi, tekniċi jew ta’ l-organizzazzjoni li jinvolvu bidliet fin-nies li jkunu jaħdmu”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, bil-kundizzjoni li ċ-ċirkustanzi li wasslu għat-tkeċċija tal-ħaddiema kollha kif ukoll għall-għażla tardiva ta’ fornitur ġdid ta’ servizzi ma jikkostitwixxux miżura deliberata intiża li ċċaħħad lill-ħaddiema kkonċernati mid-drittijiet mogħtija lilhom mid-Direttiva 2001/23, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. |
Fuq it-tielet domanda
56 |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2001/23 kif ukoll id-dritt għal rimedju effettiv, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-awtorità ta’ res judicata, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi lill-qrati nazzjonali milli jiddeċiedu dwar il-kontestazzjoni, ibbażata fuq id-Direttiva 2001/23, tat-tkeċċija individwali ta’ ħaddiem li tkun seħħet fil-kuntest ta’ tkeċċija kollettiva, peress li deċiżjoni ġudizzjarja f’proċedura dwar din it-tkeċċija kollettiva, li fil-kuntest tagħha huma biss ir-rappreżentanti tal-ħaddiema li jistgħu jintervjenu, tkun diġà ngħatat. |
57 |
Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom sabiex jinqatgħu l-kawżi li jkunu tressqu quddiemhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 1992, Meilicke, C‑83/91, EU:C:1992:332, punt 22, kif ukoll tal‑24 ta’ Marzu 2009, Danske Slagterier, C‑445/06, EU:C:2009:178, punt 65). |
58 |
Fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni, hija l-qorti nazzjonali li quddiemha tressqet il-kawża, li hija l-unika li għandha għarfien dirett tal-fatti li wasslu għall-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala regola, obbligata li tagħti deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C‑379/98, EU:C:2001:160, punt 38; tas‑6 ta’ Diċembru 2001, Clean Car Autoservice, C‑472/99, EU:C:2001:663, punt 13, u tal‑5 ta’ Frar 2004, Schneider, C‑380/01, EU:C:2004:73, punt 21). |
59 |
Madankollu, in-neċessità li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali tirrikjedi li din tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv li fih jidħlu d-domandi li hija tagħmel jew li, għall-inqas, tispjega l-ipoteżijiet ta’ fatt li fuqhom ikunu bbażati dawn id-domandi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 1993, Telemarsicabruzzo et, C‑320/90 sa C‑322/90, EU:C:1993:26, punt 6; kif ukoll id-digriet tat‑13 ta’ Lulju 2006, Eurodomus, C‑166/06, mhux ippubblikat, EU:C:2006:485, punt 9). |
60 |
Hemm lok li jiġi rrilevat li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludix biżżejjed informazzjoni dwar il-kuntest ġuridiku nazzjonali rilevanti. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju ma tipprovdi l-ebda informazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata, fis-sens tal-Artikolu 124(13)(b) tal-Liġi 36/2011 dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Soċjali u Industrijali. |
61 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 160(5) ta’ din il-liġi, li għalih jirreferi l-Artikolu 124(13)(b) tagħha, jipprevedi li s-saħħa ta’ res judicata għandha tkun limitata għas-suġġett tal-proċedura. Issa, minn naħa, id-deċiżjoni tar-rinviju ma fiha l-ebda informazzjoni fir-rigward tal-Artikolu 160(5) ta’ din il-liġi u, min-naħa l-oħra, kif osserva l-Gvern Spanjol matul is-seduta, sabiex jiġi eżaminat jekk is-suġġett tal-proċedura huwiex identiku, f’dan il-każ, fid-dawl tan-natura kollettiva kemm tat-tkeċċija kif ukoll tat-trasferiment li tikkonċerna l-persunal kollu, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll id-dispożizzjonijiet l-oħra tad-dritt proċedurali Spanjol. |
62 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-elementi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għat-tielet domanda, din tal-aħħar għandha tiġi ddikjarata inammissibbli. |
Fuq l-ispejjeż
63 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.