Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62015CJ0360

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-30 ta’ Jannar 2018.
College van Burgemeester en Wethouders van de gemeente Amersfoort u Visser Vastgoed Beleggingen BV vs Raad van de gemeente Appingedam.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden u Raad van State.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Servizzi fis-suq intern – Direttiva 2006/123/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 2(2)(ċ) – Esklużjoni tas-servizzi u tan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Punt 1 tal-Artikolu 4 – Kunċett ta’ ‘servizz’ – Kummerċ bl-imnut tal-prodotti – Kapitolu III – Libertà ta’ stabbiliment tal-fornituri – Applikabbiltà f’sitwazzjonijiet purament interni – Artikolu 15 – Rekwiżiti li għandhom jiġu evalwati – Limitu territorjali – Pjan urban li jipprojbixxi l-attività ta’ kummerċ bl-imnut ta’ prodotti mhux goffi f’żoni ġeografiċi li jinsabu ’l barra miċ-ċentru tal-belt – Protezzjoni tal-ambjent urban – Awtorizzazzjoni ta’ netwerks u ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/20/KE – Piżijiet pekunjarji marbuta mad-drittijiet għall-installazzjoni ta’ faċilitajiet intiżi għal netwerk pubbliku ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.
Kawżi magħquda C-360/15 u C-31/16.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2018:44

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

30 ta’ Jannar 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Servizzi fis-suq intern – Direttiva 2006/123/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 2(2)(ċ) – Esklużjoni tas-servizzi u tan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Punt 1 tal-Artikolu 4 – Kunċett ta’ ‘servizz’ – Kummerċ bl-imnut tal-prodotti – Kapitolu III – Libertà ta’ stabbiliment tal-fornituri – Applikabbiltà f’sitwazzjonijiet purament interni – Artikolu 15 – Rekwiżiti li għandhom jiġu evalwati – Limitu territorjali – Pjan urban li jipprojbixxi l-attività ta’ kummerċ bl-imnut ta’ prodotti mhux goffi f’żoni ġeografiċi li jinsabu ’l barra miċ-ċentru tal-belt – Protezzjoni tal-ambjent urban – Awtorizzazzjoni ta’ netwerks u ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/20/KE – Piżijiet pekunjarji marbuta mad-drittijiet għall-installazzjoni ta’ faċilitajiet intiżi għal netwerk pubbliku ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi”

Fil-Kawżi magħquda C‑360/15 u C‑31/16,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il‑Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) (C‑360/15) u mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi) (C‑31/16), permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑5 ta’ Ġunju 2015 u tat‑13 ta’ Jannar 2016, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ Lulju 2015 u fit‑18 ta’ Jannar 2016 rispettivament, fil-proċeduri

College van Burgemeester en Wethouders van de gemeente Amersfoort

vs

X BV (C‑360/15),

u

Visser Vastgoed Beleggingen BV

vs

Raad van de gemeente Appingedam (C‑31/16),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, T. von Danwitz, J. L. da Cruz Vilaça (Relatur), C. G. Fernlund u C. Vajda, Presidenti ta’ Awla, A. Arabadjiev, C. Toader, M. Safjan, D. Šváby, M. Berger, A. Prechal, E. Jarašiūnas u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑14 ta’ Frar 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-College van Burgemeester en Wethouders van de gemeente Amersfoort, minn J. de Groot u P. Fruytier, advocaten,

għal Visser Vastgoed Beleggingen BV, minn I. Haverkate, advocaat,

għal X BV, minn M. Robichon-Lindenkamp, advocaat,

għar-Raad van de gemeente Appingedam, minn H. Wessels, H. Mulder, J. Seerden, R. Louwes u H. Pot, bħala aġenti,

għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn H. S. Gijzen, K. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn T. Müller, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u K. Stranz, bħala aġenti,

għall-Irlanda, minn E. Creedon, M. Browne, G. Hodge u A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn N. Butler, SC, u minn C. Keeling, BL,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn C. Colelli u minn P. Gentili, avvocati dello Stato,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Tserepa-Lacombe, L. Malferrari u F. Wilman, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑18 ta’ Mejju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36), kif ukoll tal-Artikoli 34 sa 36 u 49 sa 55 TFUE.

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ tilwimiet bejn, l-ewwel waħda, il-College van Burgemeester en Wethouders van de gemeente Amersfoort (il-Kulleġġ tas-Sindku u tal-Membri Eletti tal-Komun ta’ Amersfoort, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem il-“Kulleġġ”) u X BV, dwar il-ħlas ta’ tariffi (leges) b’rabta mal-installazzjoni ta’ kejbils ta’ fibra ottika għal netwerk pubbliku ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, it-tieni waħda, Visser Vastgoed Beleggingen BV (iktar ’il quddiem “Visser”) u r-Raad van de gemeente Appingedam (il-Kunsill tal-Komun ta’ Appingedam, il-Pajjiżi l-Baxxi), dwar regoli inklużi f’mapep urbani, skont liema regoli ċerti żoni ġeografiċi li jinsabu ’l barra miċ-ċentru tal-belt huma esklużivament għall-kummerċ bl-imnut ta’ oġġetti goffi.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2002/21/KE

3

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi [netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi] (Direttiva Kwadru) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349), kif emendata bid-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 37) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva Qafas”), intitolat “Il-qasam ta’ applikazzjoni u miri”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas armonizzat għar-regolazzjoni tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika, tan-netwerks tal-komunikazzjoni elettronika, tal-faċilitajiet assoċjati u tas-servizzi asssoċjati, u għal ċerti aspetti tat-tagħmir terminali sabiex ikun iffaċilitat l-aċċess għall-utenti finali b’diżabilità. Tistabbilixxi l-kompiti tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u tistabbilixxi lista ta’ proċeduri biex tiżgura l-applikazzjoni armonizzata tal-qafas regolatorju f’kull parti tal-[Unjoni]”.

4

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Tifsiriet”, jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

g)

‘awtorità nazzjonali regolatorja’ tfisser il-korp jew kopri fdati minn Stat Membru b’xi wieħed mix-xogħlijiet regolatorji assenjati f’din id-Direttiva jew fid-Direttivi Speċifiċi;

[…]”

5

Skont l-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dritt ta’ aċċess”:

“1.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li fejn awtorità kompetenti tqis:

applikazzjoni għad-drittijiet biex jiġu stallati faċilitajiet fuq, ma’ jew taħt proprjetà pubblika jew privata lill-impriża awtorizzata li tipprovdi networks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, jew

applikazzjoni għad-drittijiet biex jiġu stallati faċilitajiet fuq, ma’ jew taħt proprjetà pubblika lill-impriża awtorizzata li tipprovdi networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi ħlief għall-pubbliku

l-awtorità kompetenti:

taġixxi abbażi ta’ proċeduri sempliċi, effiċjenti, trasparenti u disponibbli għall-pubbliku, li jkunu applikati mingħajr diskriminazzjoni u mingħajr dewmien, u fi kwalunkwe każ tieħu d-deċiżjoni tagħha fi żmien sitt xhur mill-applikazzjoni, ħlief f’każijiet ta’ esproprjazzjoni, u

issegwi l-prinċipji ta’ trasparenza u non-diskriminazzjoni fil-kondizzjonijiet li hija tehmeż ma’ dawk id-drittijiet.

[…]

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi fejn awtoritajiet pubbliċi jew lokali jżommu l-proprjetà jew kontroll ta’ impriżi li joperaw networks ta’ komunikazzjoni elettronika pubbliċi u/jew servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, ikun hemm separazzjoni strutturali effettiva tal-funzjoni responsabbli għall-għoti tad-drittijiet imsemmija fil-paragrafu 1 mill-attivitajiet assoċjati mal-proprjetà jew kontroll.”

[…]”

6

L-Artikolu 12 tal-istess direttiva, intitolat “Il-ko-lokazzjoni u l-użu komuni ta’ elementi tan-network u faċilitajiet assoċjati għall-fornituri tan-networks tal-komunikazzjoni elettronika”, jipprovdi fil-paragrafi 1 u 4 tiegħu:

“1.   Meta l-impriża li tipprovdi n-netwerks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jkollha d-dritt skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tistalla l-faċilitajiet fuq, minn fuq jew taħt proprjetà pubblika jew privata, jew tkun tista’ tieħu vantaġġ mill-proċedura għall-esproprjazzjoni jew użu ta’ proprjetà, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom, filwaqt li jqisu bis-sħiħ il-prinċipju tal-proporzjonalità, ikunu jistgħu jimponu l-użu komuni ta’ dawn il-faċilitajiet jew din il-proprjetà, inklużi l-binjiet, id-dħul fil-bini, is-sistema tal-wajers fil-bini, l-arbli, l-antenni, it-torrijiet u kostruzzjonijiet oħra ta’ appoġġ, it-tubi, il-kondjuwits, it-toqob, l-kaxxi tal-ispezzjonar.

[…]

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jistgħu jirrikjedu lill-impriżi li jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa, jekk mitluba mill-awtoritajiet kompetenti, sabiex dawn l-awtoritajiet, flimkien mal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, ikunu jistgħu jistabbilixxu inventorju dettaljat tan-natura, disponibbiltà u lokazzjoni ġeografika tal-faċilitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 u jagħmluh disponibbli lil partijiet interessati.”

Id-Direttiva 2002/20/KE

7

Il-premessa 1 tad-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 337), kif emendata bid-Direttiva 2009/140 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni”), tistipula:

“Ir-riżultat tal-konsultazzjoni pubblika dwar ir-reviżjoni ta’ l‑1999 tal-qafas regolatorju għall-komunikazzjonijiet elettroniċi, kif rifless fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat‑26 ta’ April 2000, u s-sejbiet rapportati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoniiet tagħha fuq il-ħames u s-sitt rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-pakkett regolatorju tat-telekomunikazzjonijiet, ikkonferma l-ħtieġa ta’ regolament aktar armonizzat u anqas oneruż dwar aċċess għas-suq għan-networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi mal-[Unjoni] kollha.”

8

L-Artikolu 1 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, intitolat “Mira u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi:

“1.   L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li jiġi mplimentat suq intern fin-networks u servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi permezz ta’ l-armonizzazzjoni u s-simplifikazzjoni tar-regoli u l-kondizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni sabiex jiġi faċilitat il-forniment tagħhom mal-[Unjoni] kollha.

2.   Din id-Direttiva għandha tapplika għall-awtorizzazzjonijiet għall-forniment ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.”

9

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Tifsiriet”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, t-tifsiriet stipulati f’Artikolu 2 tad-Direttiva [Qafas] għandhom japplikaw.”

10

L-Artikolu 4 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, intitolat “Lista minima tad-drittijiet li joħorġu mill-awtorizzazzjoni ġenerali” jistipula fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Impriżi awtorizzati bis-saħħa ta’ Artikolu 3, għandu jkollhom id-dritt:

(a)

li jfornu networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi;

(b)

ikollhom l-applikazzjoni tagħhom għad-drittijiet meħtieġa biex jinstallaw faċilitajiet kunsidrata skond Artikolu 11 tad-Direttiva [Qafas].”

11

Skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, intitolat “Ħlasijiet amministrattivi”:

“1.   Kull ħlas amministrattiv impost fuq impriżi li jfornu servizz jew network taħt l-awtorizzazzjoni ġenerali jew li lilhom ikun ingħata dritt ta’ użu, għandu:

(a)

fit-total, ikopri biss l-ispejjeż amministrattivi magħmula fl-amministrazzjoni, kontroll u infurzar ta’ l-iskema ta’ l-awtorizzazzjoni ġenerali u tad-drittijiet ta’ użu u l-obbligi speċifiċi kif imsemmija f’Artikolu 6(2), li jistgħu jinkludu spejjeż għall-kooperazzjoni internazzjonali, armonizzazzjoni u standardizzazzjoni, analiżi tas-suq, solveljanza tal-konformità u kontrolli oħra tas-suq, kif ukoll ħidma regolatorja li tinvolvi l-preparazzjoni u l-infurzar ta’ leġislazzjoni sekondarja u deċiżjonijiet amministrattivi, bħal deċiżjonijiet dwar l-aċċess u l-interkonnessjoni; u

(b)

jiġi mpost fuq impriżi ndividwali b’mod oġġettiv, trasparenti u proporzjonat li jimminimizza spejjeż amministrattivi addizzjonali u l-ħlasijiet li jġibu magħhom.

2.   Fejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jimponu ħlasijiet amministrattivi, għandhom jippublikaw rapport ta’ kull sena ta’ l-ispejjeż amministrattivi tagħhom u tas-somma totali ta’ ħlasijiet miġbura. Fid-dawl tad-differenza bejn is-somma totali tal-ħlasijiet u l-ispejjeż amministrattivi, għandhom isiru l-aġġustamenti xierqa.”

12

Konformement mal-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, intitolat “Tariffi għad-drittijiet ta’ użu u drittijiet għall-installazzjoni ta’ faċilitajiet”:

“L-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-awtorità relevanti li timponi tariffi għad-drittijiet ta’ użu għall-frekwenzi tar-radju jew numri jew drittijiet li jiġu stallati faċilitajiet fi, minfuq jew taħt proprjetà pubblika jew privata li jirriflettu l-ħtieġa li jiġi żgurat l-aqwa użu ta’ dawn ir-riżorsi. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk it-tariffi għandhom ikunu oġġettivament ġustifikati, trasparenti, mhux diskriminatorji u proporzjonati b’relazzjoni ma’ l-iskop maħsub tagħhom u għandhom jieħdu kont tal-miri f’Artikolu 8 tad-Direttiva [Qafas].”

Id-Direttiva 2006/123

13

Il-premessi 2, 5, 7, 9, 19, 20, 33, 40 u 76 tad-Direttiva 2006/123 jistipulaw:

“(2)

Suq kompettiv fis-servizzi huwa essenzjali sabiex jitmexxa ’l quddiem tkabbir ekonomiku u jinħolqu impjiegi fl-Unjoni Ewropea. […] Suq liberu li jġiegħel lill-Istati Membri biex jeliminaw ir-restrizzjonijiet dwar il-forniment tas-servizzi minn pajjiż għal ieħor filwaqt li fl-istess ħin iżid it-trasparenza u l-informazzjoni għall-konsumaturi jagħti lill-konsumaturi għażla akbar u servizzi aħjar bi prezzijiet aktar baxxi.

[…]

(5)

Huwa għalhekk meħtieġ li jitneħħew l-ostakoli għal-libertà ta’ stabbiliment għal fornituri fl-Istati Membri u ostakoli għall-moviment liberu tas-servizzi bejn l-Istati Membri u biex ir-riċevituri u l-fornituri jkollhom garanzija taċ-ċertezza legali meħtieġa għall-eżerċizzju fil-prattika ta’ dawk iż-żewġ libertajiet fundamentali tat-Trattat. Peress li l-ostakoli fis-suq intern għas-servizzi jaffettwaw lill-operaturi li jixtiequ jistabbilixxu ruħhom fi Stati Membri oħrajn kif ukoll dawk li jipprovdu servizz fi Stat Membru ieħor mingħajr ma huma stabbiliti hemm, huwa meħtieġ li l-fornituri jitħallew jiżviluppaw l-attivitajiet tas-servizzi tagħhom fi ħdan is-suq intern jew billi jistabbilixxu ruħhom fi Stat Membru jew billi jagħmlu użu mill-moviment liberu tas-servizzi. Fornituri għandhom ikunu kapaċi jagħżlu bejn dawk iż-żewġ libertajiet, skond l-istrateġija tagħhom ta’ tkabbir f’kull Stat Membru.

[…]

(7)

Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas ġenerali legali li jkun ta’ vantaġġ għal varjetà wiesgħa ta’ servizzi filwaqt li jieħu f’kunsiderazzjoni l-karatteristiċi distintivi ta’ kull tip ta’ attività jew professjoni u s-sistema tagħha ta’ regolamentazzjoni. Dak il-qafas huwa bbażat fuq approċċ dinamiku u selettiv li jikkonsisti, bħala kwistjoni ta’ prijorità, fit-tneħħija ta’ ostakoli li jistgħu jiġu żarmati malajr u, għall-oħrajn, it-tnedija ta’ proċess ta’ evalwazzjoni, konsultazzjoni u armonizzazzjoni komplimentarja ta’ kwistjonijiet speċifiċi, li jagħmlu possibbli l-immodernizzar progressiv u koordinat ta’ sistemi regolatorji nazzjonali għal attivitajiet ta’ servizz li hu vitali għall-akkwist ta’ suq intern ġenwin għal servizzi sa l‑2010. Għandu jsir provvediment għal taħlita ta’ miżuri bilanċjata li tinvolvi armonizzazzjoni immirata, kooperazzjoni amministrattiva, id-disposizzjoni dwar il-liberta’ ta’ forniment ta’ servizzi u inkoraġġiment ta’ l-iżvilupp ta’ kodiċi ta’ kondotta dwar ċerti kwistjonijiet. Dik il-koordinazzjoni ta’ sistemi nazzjonali leġislattivi għandha tiżgura livell għoli ta’ integrazzjoni legali Komunitarja u livell għoli ta’ ħarsien ta’ l-għanijiet ġenerali ta’ interess, speċjalment il-ħarsien tal-konsumaturi, li huwa vitali sabiex tiġi stabbilita fiduċja bejn l-Istati Membri […]

[…]

(9)

Din id-Direttiva tapplika biss għal ħtiġijiet li jaffettwaw l-aċċess għal, jew l-eżerċizzju ta’, attività ta’ servizz. Għalhekk, ma japplikax għal ħtiġijiet, bħal regoli tat-traffiku fit-triq, regoli dwar l-iżvilupp jew l-użu ta’ l-art, ippjanar urban jew rurali, standards tal-bini kif ukoll penali amministrattivi imposti għal nuqqas ta’ konformità ma’ tali regoli li ma jirregolawx b’mod speċifiku jew ma jaffettwawx b’mod speċifiku l-attività ta’ servizz iżda għandhom ikunu rispettati minn fornituri waqt it-twettiq ta’ l-attività ekonomika tagħhom bl-istess mod bħal minn individwi li jaġixxu fil-kapaċità privata tagħhom.

[…]

(19)

Fid-dawl ta’ l-adozzjoni fl‑2002 ta’ pakkett ta’ strumenti leġislattivi marbutin ma’ networks u servizzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni, kif ukoll ma’ riżorsi assoċjati u servizzi, li stabbiliet qafas regolatorju li jiffaċilita l-aċċess għal dawk l-attivitajiet fi ħdan is-suq intern, partikolarment permezz ta’ l-eliminazzjoni ta’ bosta skemi individwali ta’ awtorizzazzjoni, huwa meħtieġ li jiġu esklużi kwistjonijiet trattati b’dawk l-istrumenti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

(20)

L-esklużjonijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva dwar kwistjonijiet ta’ servizzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni kif koperti bid-[Direttiva Qafas u bid-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni għandhom] japplikaw mhux biss għall-kwistjonijiet li ġew speċifikament trattati f’dawn id-Direttivi iżda wkoll għal kwistjonijiet li għalihom id-Direttivi espliċitament iħallu lill-Istati Membri l-possibilità li jadottaw ċerti miżuri fuq livell nazzjonali.

[…]

(33)

Is-servizzi koperti b’din id-Direttiva jkopri varjetà wiesgħa ta’ attivitajiet li dejjem jinbidlu, inklużi […] servizzi pprovduti kemm lil negozji kif ukoll lil konsumaturi, bħal […] kummerċ ta’ tqassim […]

[…]

(40)

Il-kunċett ta’ ‘raġunijiet aktar importanti li għandhom x’jaqsmu ma’ l-interess pubbliku’ li għalihom qiegħda ssir referenza f’ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva […] jkopri ta’ l-anqas dawn ir-raġunijiet li ġejjin: […] il-protezzjoni ta’ l-ambjent u ta’ l-ambjent urban, inkluż l-ippjanar urban u rurali […]

[…]

(76)

Din id-Direttiva ma tikkonċernax l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli [34 sa 36 TFUE] relatata mal-moviment liberu tal-merkanzija. Ir-restrizzjonijiet ipprojbiti skond id-dispożizzjoni dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi jkopru r-rekwiżiti applikabbli għal aċċess għal attivitajiet ta’ servizzi jew għall-eżerċizzju tagħhom u mhux applikabbli għal merkanzija.”

14

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2006/123, intitolat “Suġġett”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali li jħaffu l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment għall-fornituri tas-servizzi u l-moviment liberu tas-servizzi, filwaqt li tinżamm kwalità għolja tas-servizzi.”

15

Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kamp ta’ Applikazzjoni”:

“1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għal servizzi pprovduti mill-fornituri stabbiliti fi Stat Membru.

2.   Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal dawn l-attivitajiet:

[…]

(ċ)

servizzi ta’ komunikazzjoni u networks elettroniċi, u faċilitajiet u servizzi assoċjati, rigward il-kwistjonijiet koperti mid-Direttivi [Qafas u ta’ Awtorizzazzjoni];

[…]

(j)

servizzi soċjali li għandhom x’jaqsmu ma’ djar b’għan soċjali, kura tat-tfal u appoġġ ta’ familji u persuni bżonnjużi b’mod permanenti jew temporanju li huma pprovduti mill-Istat, minn fornituri li għandhom mandat mill-Istat jew minn karitajiet rikonoxxuti bħala tali mill-Istat;

[…]

3.   Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għall-qasam tat-tassazzjoni.”

16

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2006/123, intitolat “Relazzjoni ma’ dispożizzjonijiet oħra tal-liġi [tal-Unjoni]”, jistipula fil-paragrafu 3 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva skond ir-regoli tat-Trattat [FUE] dwar id-dritt ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tas-servizzi.”

17

L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1)

‘servizz’ tfisser attività ekonomika mhux imħallsa, normalment magħmula għal remunerazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu [57 TFUE];

2)

‘fornitur’ tfisser kwalunkwe persuna naturali li hija ċittadin ta’ Stat Membru, jew kwalunkwe persuna ġuridika kif imsemmija fl-Artikolu [54 TFUE] u stabbilita fi Stat Membru, li toffri jew li tipprovdi servizz;

[…]

5)

‘stabbiliment’ tfisser is-segwitu effettiv ta’ attività ekonomika, kif imsemmi fl-Artikolu [49 TFUE], mill-fornitur għal perjodu indefinit u permezz ta’ infrastruttura stabbli li minnu n-negozju ta’ provvista ta‘ servizzi qiegħed tassew iseħħ;

6)

‘skema ta’ awtorizzazzjoni’ tfisser kull proċedura li fiha kull fornitur jew riċevitur hu tabilħaqq meħtieġ jieħu passi sabiex jikseb deċiżjoni formali minn awtorità kompetenti, jew deċiżjoni impliċita, rigward l-aċċess għal attività ta’ servizz jew għall-eżerċizzju tagħha;

7)

‘rekwiżit’ tfisser kwalunkwe obbligu, projbizzjoni, kondizzjoni jew limitu stipulat fil-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri jew bħala riżultat tal-każistika, il-prattika amministrattiva, ir-regoli ta’ korpi professjonali, jew ir-regoli kollettivi ta’ assoċjazzjonijiet professjonali jew organizzazzjonijiet professjonali oħrajn, adottati fl-eżerċizzju ta’ l-awtonomija legali tagħhom; regoli stabbiliti fil-ftehim kollettivi negozjati mill-imsieħba soċjali ma għandhomx jidhru bħala rekwiżiti fit-tifsira ta’ din id-Direttiva;

8)

‘ir-raġunijiet aktar importanti fir-rigward ta’ l-interess pubbliku’ tfisser ir-raġunijiet rikonoxxuti bħala tali fil-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, inklużi dawn ir-raġunijiet li ġejjin: […] il-protezzjoni ta’ l-ambjent u ta’ l-ambjent urban […];

[…]”

18

Il-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123, intitolat “Libertà għall-Istabbiliment ta’ Fornituri” jinkludi l-Artikoli 9 sa 15 ta’ din id-direttiva.

19

L-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Skemi ta’ awtorizzazzjoni”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri m’għandhomx jissoġġettaw l-aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha għal skema ta’ awtorizzazzjoni ħlief jekk il-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti:

(a)

l-iskema ta’ awtorizzazzjoni ma tiddiskriminax kontra l-fornitur ikkonċernat;

(b)

il-ħtieġa għal skema ta’ awtorizzazzjoni hi ġġustifikata minn raġuni aktar importanti li għandha x’taqsam ma’ l-interess pubbliku;

(ċ)

l-objettiv segwit ma jistax jinkiseb b’mezzi inqas ristrettivi, b’mod partikolari peress li spezzjoni a posteriori isseħħ tard wisq biex tkun ġenwinament effettiv.”

20

L-Artikolu 10 tal-istess direttiva, intitolat “Kondizzjonijiet biex tingħata l-awtorizzazzjoni”, jistipula fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Skemi ta’ awtorizzazzjoni għandhom ikunu bbażati fuq kriterji li jżommu lill-awtoritajiet kompetenti milli jeżerċitaw is-setgħa tagħhom ta’ evalwazzjoni b’mod arbitrarju.”

21

L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2006/123, intitolat “Proċeduri ta’ awtorizzazzjoni”, jipprovdi fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Il-proċeduri u l-formalitajiet ta’ awtorizzazzjoni m’għandhomx ikunu dissważivi u m’għandhomx jikkomplikaw mingħajr bżonn jew idewwmu il-provvista tas-servizz. Huma għandhom ikunu aċċessibbli faċilment u kwalunkwe spiża li l-applikanti jeħlu mill-applikazzjoni tagħhom għandha tkun raġonevoli u proporzjonata għan-nefqa tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni konċernati u m’għandhiex taqbeż n-nefqa tal-proċeduri.”

22

Konformement mal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/123, intitolat “Ħtiġijiet ipprojbiti”:

“L-Istati Membri m’għandhomx jissuġġettaw l-aċċess għal, jew l-eżerċizzju ta’, attività ta’ servizz fit-territorju tagħhom għal konformità ma’ xi waħda minn dawn li ġejjin:

[…]

5)

l-applikazzjoni każ b’każ ta’ test ekonomiku li jagħmel l-għoti ta’ awtorizzazzjoni soġġetta għal prova ta’ eżistenza ta’ ħtieġa ekonomika jew talba fis-suq, evalwazzjoni ta’ l-effetti ekonomiċi potenzjali jew attwali ta’ l-attività jew evalwazzjoni ta’ l-adegwatezza ta’ l-attività għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-objettivi ta’ l-ippjanar ekonomiku stabbiliti mill-awtorità kompetenti; din il-projbizzjoni ma għandhiex tikkonċerna rekwiżiti ta’ ippjanar li ma jsegwux għanijiet ekonomiċi iżda jservu raġunijiet aktar importanti li għandhom x’jaqsmu ma’ l-interess pubbliku”.

23

Skont l-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva, intitolat “Rekwiżiti li għandhom jiġu evalwati”:

“1.   L-Istati Membri għandhom jeżaminaw jekk, taħt is-sistema legali tagħhom, kwalunkwe mir-rekwiżiti elenkati fil-paragafu 2 huma imposti u għandhom jiżguraw li tali rekwiżiti huma kompatibbli mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3. L-Istati Membri għandhom jaddattaw il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tagħhom sabiex jagħmluhom kompatibbli ma’ dawk il-kondizzjonijiet.

2.   L-Istati Membri għandhom jeżaminaw jekk is-sistema legali tagħhom tagħmilx l-aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha soġġetta għal konformità ma’ kwalunkwe minn dawn ir-rekwiżiti mhux-diskriminatorji:

(a)

restrizzjonijiet kwantitattivi jew territorjali, b’mod partikolari f’forma ta’ limiti ffissati skond il-popolazzjoni, jew ta’ distanza ġeografika minima bejn il-fornituri;

[…]

3.   L-Istati Membri għandhom jivverifikaw li r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 2 jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

non-diskriminazzjoni: ir-rekwiżiti m’għandhomx ikunu diskriminatorji la direttament lanqas indirettament skond in-nazzjonalità jew, fir-rigward ta’ kumpanniji, skond il-post ta’ l-uffiċċju rreġistrat;

(b)

bżonn: ir-rekwiżiti għandhom ikunu ġġustifikati b’raġuni aktar importanti li għandha x’taqsam ma’ l-interess pubbliku;

(ċ)

proporzjonalità: ir-rekwiżiti għandhom ikunu adatti biex jiżguraw li jintlaħaq l-objettiv mixtieq; m’għandhomx imorru lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dak l-objettiv; u ma għandux ikun possibbli li dawk ir-rekwiżiti jiġu sostitwiti minn miżuri oħrajn, anqas restrittivi li jwasslu għall-istess riżultat.

[…]”

24

Il-Kapitolu IV tad-Direttiva 2006/123, intitolat “Moviment Liberu ta’ Servizzi”, jinkludi l-Artikoli 16 sa 21 tagħha.

25

L-Artikolu 16 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Libertà tal-provvista ta’ servizzi”, jipprevedi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-dritt tal-fornituri li jfornu servizzi fi Stat Membru ieħor għajr dak fejn huma stabbiliti.”

26

L-Artikolu 18 tal-istess direttiva, intitolat “Derogi każ b’każ”, jistipula fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Bħala deroga mill-Artikolu 16, u f’ċirkustanzi eċċezzjonali biss, Stat Membru jista’, fir-rispett ta’ fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, jieħu miżuri fir-rigward is-sigurtà tas-servizzi.”

Id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi

Kawża C‑360/15

27

L-Artikolu 5.2(1) tat-Telecommunicatiewet (il-Liġi dwar it-Telekomunikazzjonijiet) tad‑19 ta’ Ottubru 1998 (Stb. 1998, no 610), jipprevedi li “[id-]detenturi ta’ titolu jew il-maniġers tal-art pubblika huma obbligati li jippermettu l-installazzjoni ta’ kejbils fl-art kif ukoll fuq l-art għan-netwerks pubbliċi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, kif ukoll il-manutenzjoni u t-tneħħija tagħhom”.

28

L-Artikolu 5.4 ta’ din il-liġi jipprovdi:

“1.   Il-fornitur ta’ netwerk pubbliku tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li għandu ħsieb iwettaq xogħol f’art pubblika jew fuqha inkonnessjoni mal-installazzjoni, manutenzjoni jew tneħħija ta’ kejbils għandu jwettaq dan ix-xogħol biss jekk:

a.

huwa nnotifika, bil-miktub, lill-kunsill muniċipali tal-muniċipalità f’liema territorju jkun ser jitwettaq ix-xogħol, bl-intenzjoni tiegħu li jagħmel dan, u

b.

huwa kiseb il-kunsens tal-kunsill muniċipali rigward il-post, il-ħin, u l-manjiera tat-twettiq tax-xogħol ikkonċernat.

2.   Għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, sigurtà, il-prevenzjoni jew limitazzjoni ta’ inkonvenjent, l-aċċessibbiltà ta’ art jew bini, u ppjanar taħt l-art, il-kunsill muniċipali jista’ jimponi kundizzjonijiet għad-deċiżjoni ta’ kunsens.

3.   Dawk il-kundizzjonijiet jistgħu jirrigwardaw biss is-segwenti:

a.

il-post tax-xogħol;

b.

il-ħin tax-xogħol, bl-intendiment li ż-żmien permissibbli għall-bidu tax-xogħol jista’, sakemm ma hemmx raġunijiet iktar importanti fl-interess pubbliku kif hemm referenza fil-paragrafu 2, ikun sa 12-il xahar wara d-data tal-ħruġ tad-deċiżjoni ta’ kunsens;

c.

il-manjiera tat-twettiq tax-xogħol;

d.

il-promozzjoni ta’ użu komuni ta’ faċilitajiet;

e.

il-koordinazzjoni tax-xogħol propost mal-maniġers ta’ operazzjonijiet oħra fuq l-art.”

29

Skont l-Artikolu 229(1)(b) tal-Gemeentewet (il-Liġi dwar il-komuni), jistgħu jinġabru xi tariffi għas-servizzi pprovduti mill-amministrazzjoni komunali jew f’isimha.

30

Skont l-Artikolu 1 tal-Verordening leges 2010 (ir-Regolament tal‑2010 dwar it-tariffi), adottat mill-Komun ta’ Amersfoort, “[i]t-‘tariffi’ jkopru t-tariffi imposti għas-servizzi pprovduti mill-amministrazzjoni komunali jew permezz tagħha, bħal dawk imsemmija minn dan ir-regolament u t-tariffa li tagħmel parti minnu.”

31

L-Artikolu 19.1 ta’ dan ir-regolament jipprevedi t-tariffa użata għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal kunsens imsemmija fl-Artikolu 5.4 tal-Liġi dwar it-Telekomunikazzjonijiet.

Kawża C‑31/16

32

Konformement mal-Artikolu 3.1(1) tal-Wet ruimtelijke ordening (il-Liġi dwar l-Ippjanar Territorjali), tal‑20 ta’ Ottubru 2006, (Stb. 2006, no 566), il-Kunsill Komunali għandu jistabbilixxi, għat-territorju kollu tal-Komun, mappa urbana waħda jew diversi li jiddelinjaw it-territorji koperti mill-mappa u jistabbilixxu regoli fid-dawl ta’ dan fl-interess tal-amministrazzjoni tajba tat-territorju.

33

Skont l-Artikolu 18(18.1) tal-pjan urban stabbilit mill-Kunsill Komunali ta’ Appingedam b’deċiżjoni tad‑19 ta’ Ġunju 2013, it-territorju ddelinjat għall-“kummerċ bl-imnut ‑ 2” huwa intiż għall-kummerċ bl-imnut ta’ oġġetti goffi biss.

34

Skont il-punt 2 tal-Artikolu 1(1.128) ta’ dan il-pjan urban, “kummerċ bl-imnut ta’ oġġetti goffi” ifisser “il-kummerċ li, fid-dawl tan-natura goffa tal-oġġetti mibjugħa, ma jistax jiġi integrat b’mod faċli fiċ-ċentri kummerċjali eżistenti, u b’mod partikolari […] il-kummerċ bl-imnut ta’ vetturi, ta’ dgħajjes, ta’ karavannijiet u ta’ tined, ta’ kċejjen, ta’ kmamar tal-banju, ta’ għamara, ta’ materjal tal-bini, ta’ magni agrikoli, ta’ oġġetti għall-ġnien, ta’ apparat ekwestri u ta’ materjali tal-awtomobiliżmu.”

35

L-Artikolu 18(18.1) tal-imsemmi pjan urban ma jipprevedix possibbiltà għal deroga mir-regoli stabbiliti minnu. Madankollu, skont l-Artikolu 2.12(1) tal-Wet algemene bepalingen omgevingsrecht (il-Liġi li Tistabbilixxi Dispożizzjonijiet Ġenerali dwar il-Liġi Ambjentali), tas‑6 ta’ Novembru 2008 (Stb. 2008, no 496), kwalunkwe persuna kkonċernata tista’ tapplika għal “permess ambjentali” li jidderoga mill-pjan urban.

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

Kawża C‑360/15

36

Bħalma jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, bis-saħħa ta’ kuntratt konkluż fix-xahar ta’ Diċembru 2009 mal-Komun ta’ Amersfoort, X ġiet inkarigata bil-kostruzzjoni ta’ netwerk tal-fibra ottika f’dan il-komun.

37

Għal dan l-għan, X ippreżentat applikazzjoni lill-Kulleġġ, għal kull parti min-netwerk, għal kunsens dwar il-post, il-waqt u l-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tax-xogħlijiet ta’ tħaffir għall-installazzjoni ta’ kejbils tal-fibra ottika, konformement mal-Artikolu 5.4(1)(b) tal-Liġi dwar it-Telekomunikazzjonijiet.

38

Għall-ipproċessar ta’ dawn l-applikazzjonijiet għal kunsens, il-Komun ta’ Amersfoort, skont ir-Regolament tal‑2010 dwar it-tariffi, talab lil X tħallas it-tariffi fl-ammont totali ta’ EUR 149949.

39

X ippreżentat rikors quddiem ir-Rechtbank te Utrecht (il-Qorti Distrettwali ta’ Utrecht, il-Pajjiżi l-Baxxi) sabiex tikkontesta l-ammont ta’ dawn it-tariffi.

40

Wara ċ-ċaħda ta’ dan ir-rikors, X appellat quddiem il-Gerechtshof Arnhem-Leeuwarden (il-Qorti tal-Appell ta’ Arnhem-Leeuwarden, il-Pajjiżi l-Baxxi). Permezz ta’ sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2013, dik il-qorti qabelxejn qieset li t-tilwima kienet taqa’ taħt l-Artikolu 12 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, peress li, minn naħa, it-tariffi mitluba mingħand X kienu relatati ma’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u li, min-naħa l-oħra, il-Komun ta’ Amersfoort kien awtorità regolatorja nazzjonali (iktar ’il quddiem “ARN”), fis-sens tad-Direttivi Qafas u ta’ Awtorizzazzjoni. Hija sussegwentement waslet għall-konklużjoni li l-ammont ta’ dawn it-tariffi kien jaqbeż il-limitu massimu previst fl-Artikolu 12 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, b’mod li t-talba għall-ħlas tat-tariffi indirizzata lil X kienet illegali.

41

Il-Kulleġġ appella fil-kassazzjoni minn din is-sentenza quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi). Min-naħa tagħha, X ippreżentat appell inċidentali.

42

Fil-kuntest tal-appell prinċipali, il-Gerechtshof Arnhem-Leeuwarden (il-Qorti tal-Appell ta’ Arnhem-Leeuwarden) ġiet ikkritikata li qieset li t-tilwima kienet taqa’ taħt l-Artikolu 12 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, filwaqt li l-Komun ta’ Amersfoort qatt ma kien ġie deskritt bħala ARN fis-sens tad-Direttivi Qafas u ta’ Awtorizzazzjoni.

43

Il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li dan l-ilment huwa fondat, peress li, fil-Pajjiżi l-Baxxi, huma biss il-leġiżlatur nazzjonali, il-Kroon (il-Kuruna, il-Pajjiżi l-Baxxi), il-Minister van Economische Zaken (il-Ministru għall-Affarijiet Ekonomiċi, il-Pajjizi l-Baxxi) u l-Onafhankelijke Post en Telecommunicatie Autoriteit (l-Awtorità Indipendenti tal-Posta u tat-Telekomunikazzjonijiet, il-Pajjiżi l-Baxxi), li saret, fl‑1 ta’ April 2013, l-Autoriteit Consument en Markt (l-Awtorità tal-Konsumaturi u tas-Swieq, il-Pajjiżi l-Baxxi), li jistgħu jiġu kklassifikati bħala ARN. Dik il-qorti tqis, konsegwentement, li l-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2006/123 ma jistax jiġi invokat b’relazzjoni mal-Artikolu 12 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni.

44

Barra minn hekk, fil-kuntest tal-appell inċidentali, il-Gerechtshof Arnhem-Leeuwarden (il-Qorti tal-Appell ta’ Arnhem-Leeuwarden) hija kkritikata li ma ħaditx inkunsiderazzjoni tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2006/123.

45

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju għandha madankollu xi dubji dwar il-kwistjoni jekk il-ġbir tat-tariffi inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqax fil-fatt fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123 peress li, l-ewwel nett, l-Artikolu 2(3) ta’ din id-direttiva jippreċiża li din ma tapplikax għall-qasam tat-tassazzjoni, it-tieni nett, is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija sitwazzjoni purament interna għar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi li ma għandha ebda element barrani u, it-tielet nett, l-awtorizzazzjoni għax-xogħlijiet ta’ tħaffir donnha taqa’ taħt il-leġiżlazzjoni dwar l-ippjanar taż-żoni urbani u rurali, jiġifieri taħt tip ta’ leġiżlazzjoni li r-rekwiżiti tagħha joħorġu ’l barra, skont il-premessa 9 ta’ din l-istess direttiva, mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

46

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2006/123 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tapplika għall-ġbir ta’ [tariffi msejħa] “leges” minn korp ta’ Stat Membru għall-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni li tikkonċerna il-waqt, il-post u l-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ tħaffir marbuta mal-installazzjoni ta’ kejbils għal netwerk pubbliku ta’ komunikazzjoni elettronika?

2)

Il-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika wkoll f’sitwazzjonijiet purament interni?

3)

Id-Direttiva 2006/123 […] għandha tiġi interpretata, fid-dawl tal-premessa 9 tagħha, fis-sens li ma tapplikax għal regoli tad-dritt nazzjonali li jeżigu li l-intenzjoni li jsiru xogħlijiet ta’ tħaffir marbuta mal-installazzjoni, mal-manutenzjoni jew mat-tneħħija ta’ kejbils għal netwerk pubbliku ta’ komunikazzjoni elettronika għandha titħabbar lis-sindku u lill-membri tal-kunsill u li abbażi tagħhom, is-sindku u [il-]membri tal-kunsill għandhom kompetenza mhux sabiex jipprojbixxu x-xogħlijiet imħabbra iżda sabiex jimponu kundizzjonijet għal dak li jikkonċerna l-post, il-waqt u l-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tax-xogħlijiet, kif ukoll għal dak li jikkonċerna l-promozzjoni tal-użu kondiviż tat-tagħmir u l-koordinazzjoni dwar ix-xogħlijiet mal-koordinaturi ta’ xogħlijiet oħra preżenti fl-art?

4)

L-Artikolu [4(6)], tad-Direttiva 2006/123 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tapplika għal deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni dwar il-post, il-waqt u l-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ tħaffir marbuta mal-installazzjoni ta’ kejbils għal netwerk pubbliku ta’ komunikazzjoni elettronika minkejja li l-korp ikkonċernat tal-Istat Membru ma huwiex kompetenti sabiex jipprojbixxi t-twettiq stess ta’ dawn ix-xogħlijiet?

(5)

(A)

Jekk, fid-dawl tar-risposti għad-domandi preċedenti, l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2006/123[…] japplika f’dan il-każ, din id-dispożizzjoni għandha effett dirett?

(B)

Jekk id-domanda 5(A) għandha tingħata risposta pożittiva, l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2006/123[…] jimplika li t-taxxi li għandhom ikunu dovuti [mill-applikanti] jistgħu jiġu kkalkolati abbażi tal-ispejjeż stmati tal-proċeduri ta’ applikazzjoni kollha jew tal-applikazzjonijiet kollha bħal dik inkwistjoni hawnhekk jew tal-applikazzjonijiet meħuda individwalment?

(C)

Jekk id-domanda 5(A) għandha tingħata risposta pożittiva, skont liema kriterji l-ispejjeż indiretti u spejjeż fissi għandhom, fid-dawl tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2006/123 […] jiġu imposti fuq l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni konkreti?”

Kawża C‑31/16

47

Bħalma jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, fit-territorju tal-Komun ta’ Appingedam, ’il barra miż-żona kummerċjali storika taċ-ċentru tal-belt, teżisti żona kummerċjali li tinkludi ħwienet ta’ oġġetti goffi, imsejħa Woonplein. Din iż-żona kummerċjali tilqa’, b’mod partikolari, ħwienet tal-għamara, ta’ kċejjen, ta’ dekorazzjoni, ta’ do-it-yourself, ta’ materjal tal-bini, ta’ oġġetti għall-ġnien, ta’ roti, ta’ apparat ekwestri, ta’ vetturi u ta’ aċċessorji għall-vetturi.

48

Skont l-Artikolu 18 tal-pjan urban tal-Komun ta’ Appingedam, il-Woonplein kien intenzjonat esklużivament għall-kummerċ bl-imnut ta’ oġġetti goffi.

49

Visser, proprjetarja ta’ superfiċji kummerċjali fil-Woonplein, tixtieq tikri wieħed minnhom lil Bristol BV, li għandha katina ta’ ħwienet taż-żraben u ta’ ħwejjeġ bi prezzijiet baxxi.

50

Visser ippreżentat quddiem ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi) rikors kontra d-deċiżjoni tal-Kunsill Komunali ta’ Appingedam li tistabbilixxi l-mappa urbana, sa fejn dan ma jawtorizzax il-ftuħ, f’Woodplein, ta’ ħwienet ta’ bejgħ bl-imnut ta’ żraben u ta’ ħwejjeġ. Insostenn tar-rikors tagħha, hija tinvoka b’mod partikolari l-ksur, minn din il-mappa, tal-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva 2006/123.

51

Il-Kunsill Komunali ta’ Appingedam iwieġeb li kunsiderazzjonijiet ta’ ppjanar tat-territorju jiġġustifikaw li ħanut ta’ bejgħ bl-imnut ta’ żraben u ta’ ħwejjeġ ikun jista’ jinfetaħ biss fiċ-ċentru tal-belt. Huwa jippreċiża li din ir-regola hija ntiża li żżomm il-vijabbiltà taċ-ċentru tal-belt, li tiggarantixxi l-funzjonament tajjeb taċ-ċentru kummerċjali li jinsab hemmhekk u li kemm jista’ jkun jiġi evitat li bini fiċ-ċentru tal-belt jibqa’ mhux okkupat.

52

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-kunċett ta’ ‘servizz’ li jinsab fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva [2006/123], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kummerċ bl-ingrossa [bl-imnut] li jikkonsisti fil-bejgħ ta’ merkanzija lil konsumaturi, bħaż-żraben u l-ħwejjeġ, jikkostitwixxi servizz, suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva skont l-Artikolu 2(1) tagħha?

2)

Sabiex tinżamm il-vijabbiltà taċ-ċentru tal-belt u sabiex jiġi evitat il-bini mhux okkupat f’żona urbana, ir-regola inkwistjoni hija intiża sabiex tipprekludi ċerti forom ta’ kummerċ bl-ingrossa [bl-imnut], bħall-bejgħ ta’ żraben u ta’ ħwejjeġ, barra miċ-ċentru tal-belt. Fid-dawl tal-premessa 9 tad-Direttiva [2006/123], leġiżlazzjoni li tinkludi tali regola tevita milli taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, minħabba li tali regoli għandhom jiġu kkunsidrati bħala ‘regoli dwar […] ippjanar urban jew rurali […] li ma jirregolawx b’mod speċifiku jew ma jaffettwawx b’mod speċifiku l-attività ta’ servizz iżda għandhom ikunu rispettati minn fornituri waqt it-twettiq ta’ l-attività ekonomika tagħhom bl-istess mod bħal minn individwi li jaġixxu fil-kapaċità privata tagħhom’?

3)

Sabiex jiġi kkunsidrat li sitwazzjoni għandha natura transkonfinali, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li b’ebda mod ma jista’ jiġi eskluż li impriża ta’ bejgħ bl-ingrossa li tinsab fi Stat Membru ieħor tista’ tistabbilixxi ruħha fuq il-post jew li klijenti tal-impriża ta’ bejgħ bl-ingrossa jistgħu jiġu minn Stat Membru ieħor, jew hemm bżonn li jeżistu indikazzjonijiet konkreti f’dan is-sens?

4)

Il‑Kapitolu III (libertà ta’ stabbiliment) tad-Direttiva [2006/123] japplika għal sitwazzjonijiet purament interni jew, sabiex jiġi evalwat jekk dan il-kapitolu japplikax, għandha tiġi applikata l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment u dwar il-moviment liberu tas-servizzi f’sitwazzjonijiet purament interni?

5)

(a)

Regola li tinsab fi pjan urban, bħar-regola inkwistjoni, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ ‘rekwiżit’ imsemmi fl-Artikolu 4(7) u fl-Artikolu [14(5)] tad-Direttiva [2006/123] u mhux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ ‘skema ta’ awtorizzazzjoni’ fis-sens tal-Artikoli 4(6), 9 u 10 tad-Direttiva [2006/123]?

(b)

L-Artikolu [14(5)] tad-Direttiva [2006/123] – fl-ipoteżi fejn regola bħar-regola inkwistjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ ‘rekwiżit’ – jew l-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva [2006/123] – fl-ipoteżi fejn regola bħar-regola inkwistjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ ‘skema ta’ awtorizzazzjoni’ – jipprekludu li kunsill muniċipali jistabbilixxi leġiżlazzjoni bħar-regola inkwistjoni?

6)

Regola bħar-regola inkwistjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 34 sa 36 TFUE inklużi jew tal-Artikoli 49 sa 55 TFUE inklużi u, fl-affermattiv, l-eċċezzjonijiet irrikonoxxuti mill-Qorti tal-Ġustizzja huma għalhekk applikabbli, sa fejn il-kundizzjonijiet tagħhom ikunu ssodisfatti?”

53

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑23 ta’ Frar 2016, il-Kawżi C‑360/15 u C‑31/16 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

Fuq id-domandi preliminari

Kawża C‑360/15

Fuq l-ewwel u t-tielet domanda

54

L-ewwel u t-tielet domanda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, jirrigwardaw, essenzjalment, il-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tal-Artikolu 2(3) u tal-premessa 9 tad-Direttiva 2006/123, din hijiex applikabbli għall-kawża prinċipali.

55

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li l-qorti tar-rinviju llimitat id-domandi tagħha għall-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jwaqqafx lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni kollha li jistgħu jkunu utli għall-għoti tad-deċiżjoni fil-kawża li għandha quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2017, Lounes, C‑165/16, EU:C:2017:862, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja, mitluba sabiex tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħtiha indikazzjonijiet ibbażati fuq il-proċess tal-kawża prinċipali kif ukoll fuq osservazzjonijiet bil-miktub u orali li tressqu quddiemha (sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2015, Trijber u Harmsen, C‑340/14 u C‑341/14, EU:C:2015:641, punt 55 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

57

F’dan il-każ, mill-indikazzjonijiet inklużi fit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li d-dubji tal-qorti tar-rinviju li l-ewwel u t-tielet domanda tagħha huma bbażati fuqhom jirrigwardaw il-portata tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123.

58

F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/123, din tapplika għas-servizzi pprovduti mill-fornituri li għandhom l-istabbiliment tagħhom fi Stat Membru. L-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva jeskludi madankollu serje ta’ attivitajiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. L-Artikolu 2(3) tal-imsemmija direttiva jippreċiża sussegwentement li din ma tapplikax fil-qasam tat-tassazzjoni.

59

Għandu għaldaqstant jiġi vverifikat qabelxejn jekk il-kawża prinċipali taqax taħt waħda mill-esklużjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2006/123.

60

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2006/123 jipprevedi li din la tapplika għas-servizzi u għan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u lanqas għar-riżorsi u servizzi assoċjati f’dak li jirrigwarda l-kwistjonijiet irregolati, b’mod partikolari, mid-Direttivi Qafas u ta’ Awtorizzazzjoni.

61

Barra minn hekk, mill-premessa 19 tad-Direttiva 2006/123 jirriżulta li, “[f]id-dawl ta’ l-adozzjoni fl‑2002 ta’ pakkett ta’ strumenti leġislattivi marbutin ma’ networks u servizzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni, kif ukoll ma’ riżorsi assoċjati u servizzi, li stabbiliet qafas regolatorju li jiffaċilita l-aċċess għal dawk l-attivitajiet fi ħdan is-suq intern”, il-leġiżlatur tal-Unjoni ħaseb li “[jeskludi] kwistjonijiet trattati b’dawk l-istrumenti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva”.

62

Il-premessa 20 tal-imsemmija direttiva tippreċiża, min-naħa tagħha, li l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ta’ kwistjonijiet ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi kif koperti b’mod partikolari bid-Direttivi Qafas u ta’ Awtorizzazzjoni għandha tapplika mhux biss għall-kwistjonijiet li ġew speċifikament ittrattati f’dawn id-direttivi, iżda wkoll għall-kwistjonijiet li għalihom id-direttivi espliċitament iħallu lill-Istati Membri l-possibbiltà li jadottaw ċerti miżuri fuq il-livell nazzjonali.

63

F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li X tinstalla netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fis-sens tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni. Il-qorti tar-rinviju madankollu tibbaża ruħha fuq il-premessa li l-kawża prinċipali ma taqax taħt kwistjoni rregolata minn din id-direttiva, b’mod iktar partikolari mill-Artikolu 12 tagħha, u għalhekk l-esklużjoni msemmija fl-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2006/123 ma hijiex, skont dik il-qorti, applikabbli. Hija tqis, fil-fatt, li l-ħlasijiet amministrattivi msemmija fl-Artikolu 12 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni huma dawk li huma imposti minn ARN. Issa, il-Komun ta’ Amersfoort ma għandux din il-kwalità.

64

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ħlasijiet amministrattivi li l-Istati Membri jistgħu jimponu, skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, fuq l-impriżi li jipprovdu netwerks jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi taħt l-awtorizzazzjoni ġenerali jew li lilhom ikun ingħata dritt ta’ użu, għall-finanzjament tal-attivitajiet tal-ARN, għandhom ikunu esklużivament intiżi biex ikopru l-ispejjeż amministrattivi globali relatati mal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 12(1)(a) ta’ din id-direttiva (sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni, C‑240/15, EU:C:2016:608, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65

Issa, mill-proċess fid-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li t-tariffi mitluba mingħand X mill-Komun ta’ Amersfoort fil-kawża prinċipali huma intiżi li jkopru l-ispejjeż amministrattivi globali relatati ma’ attività waħda jew diversi mill-imsemmija attivitajiet.

66

Hemm lok madankollu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 12 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni ma jikkostitwixxix l-unika dispożizzjoni ta’ din id-direttiva dwar piżijiet pekunjarji li l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq l-impriżi li jipprovdu netwerks jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fil-qafas tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Proximus, C‑454/13, EU:C:2015:819, punti 19 sa 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67

Fil-fatt, skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, l-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-awtorità kompetenti li timponi tariffa għad-drittijiet ta’ użu għall-frekwenzi tar-radju jew numri jew drittijiet li jiġu installati faċilitajiet minn fuq jew taħt proprjetà pubblika jew privata li jirriflettu l-ħtieġa li jiġi żgurat l-aqwa użu ta’ dawn ir-riżorsi.

68

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni jirriżulta li l-kliem “faċilitajiet” u “[in]stallati” użati f’dak l-artikolu jirreferu, rispettivament, għall-infrastrutturi fiżiċi li jippermettu l-provvista ta’ netwerks u ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u l-installazzjoni fiżika tagħhom fuq il-proprjetà pubblika jew privata kkonċernata (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Base Company, C‑346/13, EU:C:2015:649, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69

F’dan il-każ, mill-proċess fid-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, skont l-Artikolu 5.2(1) tal-Liġi dwar it-Telekomunikazzjonijiet, id-detenturi ta’ titolu jew il-maniġers tal-art pubblika huma obbligati li jippermettu l-installazzjoni ta’ kejbils fl-art kif ukoll fuq l-art għan-netwerks pubbliċi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, kif ukoll il-manutenzjoni u t-tneħħija tagħhom.

70

Sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt li jinstallaw kejbils intiżi għal netwerk pubbliku ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li huwa rrikonoxxut lilhom mill-imsemmi Artikolu 5.2(1), il-fornituri ta’ netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jistgħu jintalbu jħallsu xi tariffi lill-awtoritajiet pubbliċi, bħal dawk li l-ħlas tagħhom intalab mingħand X mill-Komun ta’ Amersfoort fil-kawża prinċipali, bis-saħħa tal-Artikolu 229(1)(b) tal-Liġi dwar il-Komuni u tar-Regolament tal‑2010 dwar it-tariffi, b’mod li jinkisbu l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa dwar il-post, il-ħin, u l-manjiera tat-twettiq tax-xogħol, konformement mal-Artikolu 5.4(1)(b) tal-Liġi dwar it-Telekomunikazzjonijiet.

71

F’dan il-kuntest, għandu jitqies li l-obbligu tal-ħlas ta’ tali tariffi huwa marbut mad-dritt tal-impriżi li huma awtorizzati jipprovdu netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li jinstallaw faċilitajiet fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni.

72

Il-fatt li l-Komun ta’ Amersfoort ma jikkostitwixxix ARN, la fis-sens tal-Artikolu 2(g) tad-Direttiva Qafas u lanqas, bis-saħħa tar-riferiment magħmul fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, fis-sens ta’ din id-direttiva tal-aħħar, ma jipprekludix li t-tariffi li ntalab il-ħlas tagħhom mingħand X għandhom jiġu eżaminati fid-dawl tal-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni.

73

F’dan ir-rigward, konformement mal-formulazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, u b’differenza għall-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, il-possibbiltà li d-drittijiet li jiġu implementati faċilitajiet fuq jew taħt proprjetà pubblika jew privata jiġu suġġetti għal tariffa tappartjeni għall-“awtorità relevanti” u mhux għall-ARN.

74

Fir-rigward tal-kuntest regolatorju li jidħol fih l-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, għandu jiġi rrilevat li t-test ta’ din id-dispożizzjoni jikkorrispondi, f’dak li jirrigwarda l-awtorità msemmija, ma’ dak tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva Qafas, li jagħmel riferiment għas-sitwazzjoni fejn l-“awtorità relevanti” teżamina applikazzjoni għall-għoti ta’ drittijiet sabiex ikunu jistgħu jiġu implementati faċilitajiet fuq, ma’ jew taħt proprjetà pubblika jew privata.

75

L-Artikolu 11(2) tad-Direttiva Qafas jipprevedi, min-naħa tiegħu, li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta “awtoritajiet pubbliċi jew lokali” iżommu l-proprjetà jew il-kontroll ta’ impriżi li joperaw netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi pubbliċi u/jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi disponibbli pubblikament, ikun hemm separazzjoni strutturali effettiva “tal-funzjoni responsabbli għall-għoti tad-drittijiet imsemmija [fl-Artikolu 11(1) ta’ din id-direttiva]” mill-attivitajiet assoċjati mal-proprjetà jew mal-kontroll.

76

Barra minn hekk, l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva Qafas jipprovdi li “l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali” għandhom ikunu jistgħu jirrikjedu lill-impriżi li jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa sabiex dawn l-awtoritajiet, “flimkien mal-[ARN]”, ikunu jistgħu jistabbilixxu inventorju ddettaljat tan-natura, tad-disponibbiltà u tal-post ġeografiku tal-faċilitajiet fuq, ma’ jew taħt proprjetà pubblika jew privata.

77

Fir-rigward tal-finalità tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, għandu jiġi rrilevat li, bħalma jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tiegħu, moqri fid-dawl tal-premessa 1 tiegħu, din id-direttiva hija intiża li tnaqqas l-ispiża tal-aċċess għas-suq bl-għan li tiġi ffaċilitata l-provvista ta’ netwerks u ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fl-Unjoni kollha.

78

B’dan il-mod, la mill-formulazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, la mill-kuntest leġiżlattiv li jidħol fih dan l-artikolu, u lanqas mill-finalità ta’ din id-direttiva, ma jirriżulta li l-kliem “awtorità relevanti” għandhom jinftiehmu bħala li jagħmlu riferiment għall-ARN biss, b’mod li l-piżijiet finanzjarji imposti minn awtorità nazzjonali kompetenti, minbarra tali ARN, ma għandhomx jiġu eżaminati fid-dawl ta’ dan l-Artikolu 13.

79

Fi kwalunkwe każ, bħalma jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, l-Istati Membri ma jistgħux jimponu ħlasijiet jew tariffi oħrajn fuq il-provvista ta’ netwerks u ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi minbarra dawk previsti minn din id-direttiva (sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, Belgacom u Mobistar, C‑256/13 u C‑264/13, EU:C:2014:2149, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Huwa għaldaqstant fid-dawl tal-imsemmija direttiva li għandhom jiġu ddeterminati l-piżijiet pekunjarji li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jimponu jew le fuq il-provvista ta’ tali netwerks u servizzi.

80

Minn dan kollu preċedenti jirriżulta li l-impożizzjoni ta’ tariffi li huma marbuta mad-drittijiet tal-impriżi awtorizzati jipprovdu netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li jinstallaw kejbils għal netwerk pubbliku ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, tikkostitwixxi qasam irregolat bid-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2006/123.

81

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex iktar meħtieġ li tingħata deċiżjoni fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(3) u tal-premessa (9) tad-Direttiva 2006/123 f’din il-kawża.

82

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2006/123 għandu jiġi interpretat fis-sens li din ma tapplikax għal tariffi li huma marbuta mad-drittijiet tal-impriżi awtorizzati jipprovdu netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li jinstallaw kejbils għal netwerk pubbliku ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

Fuq it-tieni, ir-raba’ u l-ħames domanda

83

Mir-risposta mogħtija għall-ewwel u għat-tielet domanda jirriżulta li d-Direttiva 2006/123 ma hijiex applikabbli għall-kawża prinċipali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni, għar-raba’ u għall-ħames domanda.

Kawża C‑31/16

Fuq l-ewwel domanda

84

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 1 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/123 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-attività ta’ kummerċ bl-imnut ta’ prodotti bħal żraben u ħwejjeġ tikkostitwixxi “servizz” għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

85

Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li d-dubji tal-qorti tar-rinviju f’dan ir-rigward huma prinċipalment marbuta mal-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fis-sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2005, Burmanjer et (C‑20/03, EU:C:2005:307, punti 33 sa 35), li sistema nazzjonali ta’ bejgħ itineranti li tirrigwarda l-kundizzjonijiet rikjesti għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ ċertu tip ta’ merkanzija kienet suġġetta għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE li jirregolaw il-moviment liberu tal-merkanzija u mhux għal dawk dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

86

Għaldaqstant, bħalma ġie rrilevat fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva 2006/123 tapplika, konformement mal-Artikolu 2(1) tagħha, għas-servizzi pprovduti mill-fornituri li għandhom l-istabbiliment tagħhom fi Stat Membru, bl-esklużjoni tal-attivitajiet u tal-oqsma msemmija fl-Artikolu 2(2) u (3) tagħha.

87

Barra minn hekk, konformement mal-punt 1 tal-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, għall-finijiet ta’ din tal-aħħar, “servizz” tfisser attività ekonomika mhux imħallsa, normalment magħmula għal remunerazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 57 TFUE.

88

F’dan il-każ, ma hemm l-ebda dubju li l-attività ta’ kummerċ bl-imnut inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minn naħa, tikkostitwixxi attività ekonomika ta’ persuna li taħdem għal rasha pprovduta bi ħlas u, min-naħa l-oħra, ma taqax taħt l-esklużjonijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123 imsemmija fl-Artikolu 2(2) u (3) tagħha. Barra minn hekk, l-attivitajiet ta’ natura kummerċjali huma msemmija espressament fl-Artikolu 57 TFUE fil-lista illustrattiva ta’ servizzi li dan l-artikolu jiddefinixxi bħala servizzi.

89

Barra minn hekk, il-premessa 33 tad-Direttiva 2006/123 tenfasizza l-fatt li s-servizzi koperti minnha jirrigwardaw varjetà kbira ta’ attivitajiet li dejjem jinbidlu u tindika espressament li, fost dawn l-attivitajiet, hemm is-servizzi pprovduti kemm lill-impriżi kif ukoll lill-konsumaturi, bħad-distribuzzjoni.

90

Peress li l-kawża prinċipali tirrigwarda l-kummerċ ta’ merkanzija, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-premessa 76 tad-Direttiva 2006/123, filwaqt li tagħmel riferiment għar-rabta bejnha u l-Artikoli 34 sa 36 TFUE dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, hija limitata li tippreċiża li r-restrizzjonijiet li tittratta jkopru r-rekwiżiti applikabbli għall-aċċess għall-attivitajiet ta’ servizzi jew għall-eżerċizzju tagħhom u mhux dawk applikabbli għall-merkanzija bħala tali. Issa, bħalma enfasizzat il-Kummissjoni, ir-regoli tal-pjan urban inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jirrigwardawx il-merkanzija fiha nfisha, iżda l-kundizzjonijiet ta’ lokazzjoni ġeografika ta’ attivitajiet li jirrigwardaw il-bejgħ ta’ ċerta merkanzija u, għaldaqstant, il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għal dawn l-attivitajiet.

91

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok jitqies li l-attività ta’ kummerċ bl-imnut ta’ prodotti bħal żraben u ħwejjeġ taqa’ taħt il-kunċett ta’ “servizz” fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva.

92

Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi mminata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, imsemmija mill-qorti tar-rinviju, li tirrigwarda r-rabta bejn, minn naħa, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u, min-naħa l-oħra, dawk li jirregolaw il-libertajiet fundamentali l-oħrajn iggarantiti mill-imsemmi Trattat, li ma tistax tiġi trasposta għad-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123.

93

Fil-fatt, li wieħed jaċċetta li din id-direttiva ma tapplikax meta ċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni jkunu marbuta mal-libertà ta’ stabbiliment, bħalma jipproponi l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, jista’ jneħħi, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 76 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Kapitolu III tal-imsemmija direttiva, dwar il-libertà ta’ stabbiliment tal-fornituri, mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u, għaldaqstant, din id-direttiva, sa fejn hija intiża li telimina l-ostakoli għall-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment, mill-effett utli tagħha.

94

B’mod iktar ġenerali, il-fatt li l-applikabbiltà tad-Direttiva 2006/123 ma tiddependix minn analiżi minn qabel tal-importanza tal-aspett dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ huwa ta’ natura li jikkontribwixxi għat-twettiq tal-għan ta’ ċertezza legali li din id-direttiva hija intiża li tiżgura, bħalma jirriżulta mill-premessa 5 tagħha.

95

Tali analiżi għandha barra minn hekk kumplessità partikolari fir-rigward tal-kummerċ bl-imnut ta’ prodotti, peress li dan il-kummerċ bħalissa jinkludi, minbarra l-att ġuridiku ta’ bejgħ, firxa dejjem tikber ta’ attivitajiet jew ta’ servizzi marbuta sew ma’ xulxin li għandhom l-għan li jwasslu lill-konsumatur jikkonkludi dan l-att ma’ tali operatur ekonomiku milli ma’ operatur ekonomiku ieħor, li jagħtuh parir u li jassistuh meta jsir tali att, jew anki li joffru servizzi ta’ wara l-bejgħ, u li jistgħu jvarjaw ħafna skont in-negozjant ikkonċernat.

96

Barra minn hekk, l-eżami flimkien ta’ miżura nazzjonali fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/123 u ta’ dawk tat-Trattat FUE, fis-sitwazzjoni li jirriżulta impossibbli li jiġi ddeterminat jekk l-aspetti dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi jiħdux preċedenza fuq dawk relatati ma’ libertajiet fundamentali oħrajn, iwassal biex jiġi introdott eżami każ b’każ, abbażi tad-dritt primarju, u b’dan il-mod tiġi mminata l-armonizzazzjoni mfittxija stabbilita mill-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Rina Services et, C‑593/13, EU:C:2015:399, punti 3738).

97

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-punt 1 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/123 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-attività ta’ kummerċ bl-imnut ta’ prodotti tikkostitwixxi “servizz” għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

Fuq ir-raba’ domanda

98

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, li għandha tingħata risposta għaliha fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123, dwar il-libertà ta’ stabbiliment tal-fornituri, japplikawx għal sitwazzjoni fejn l-elementi rilevanti kollha huma limitati għal fi ħdan ta’ Stat Membru wieħed biss.

99

F’dan ir-rigward, qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li l-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet ma tistipula ebda kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ element barrani. B’mod partikolari, l-Artikolu 9(1), l-Artikolu 14 u l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2006/123, li jirrigwardaw l-iskemi ta’ awtorizzazzjoni, ir-rekwiżiti pprojbiti u r-rekwiżiti suġġetti għal evalwazzjoni, rispettivament, ma jagħmlu riferiment għall-ebda aspett transkonfinali.

100

Sussegwentement, fir-rigward tal-kuntest li jidħol fih il-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123, l-Artikolu 2(1) ta’ din tal-aħħar jipprovdi, b’mod ġenerali, mingħajr ma jagħmel distinzjoni bejn l-attivitajiet ta’ servizzi li jinkludu element barrani u l-attivitajiet ta’ servizzi mingħajr ebda element ta’ din in-natura, li din id-direttiva tapplika għas-“servizzi pprovduti mill-fornituri stabbiliti fi Stat Membru”.

101

Bl-istess mod, il-punt 2 tal-Artikolu 4 u l-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/123, li jiddefinixxu, rispettivament, il-kunċetti ta’ “fornitur” u ta’ “stabbiliment”, ma jagħmlu riferiment għal ebda element transkonfinali. Filwaqt li huwa minnu li dawn id-dispożizzjonijiet jagħmlu riferiment għall-Artikoli 54 u 49 TFUE, tali riferiment isir biss sabiex jiġi indikat li l-kunċetti ta’ “persuna ġuridika” u ta’ “attività ekonomika”, imsemmija fil-punt 2 tal-Artikolu 4 u fil-punt 5 tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, għandhom jinftiehmu fid-dawl ta’ dawn l-istess Artikoli 54 u 49 TFUE.

102

Min-naħa l-oħra, hemm lok jiġi osservat li, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IV tad-Direttiva 2006/123, dwar il-moviment liberu tas-servizzi, il-leġiżlatur tal-Unjoni ħa ħsieb jippreċiża, diversi drabi, b’mod partikolari fl-Artikolu 16(1) u fl-Artikolu 18(1) tal-imsemmija direttiva, li dawn id-dispożizzjonijiet jirrigwardaw id-dritt tal-fornituri “li jfornu servizzi fi Stat Membru ieħor għajr dak fejn huma stabbiliti” u jsemmu s-sitwazzjoni “ta’ fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor”.

103

Fl-aħħar nett, l-interpretazzjoni li tipprovdi li d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123 ma japplikawx biss għall-fornitur li jixtieq jistabbilixxi ruħu fi Stat Membru ieħor iżda wkoll għal dak li jixtieq jistabbilixxi ruħu fl-Istat Membru tiegħu stess, hija konformi mal-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva.

104

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2006/123, bħalma jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, moqri flimkien mal-premessi 2 u 5 tagħha, tistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali intiżi li jeliminaw ir-restrizzjonijiet għal-libertà tal-istabbiliment tal-fornituri fl-Istati Membri u għall-moviment liberu tas-servizzi bejn dawn tal-aħħar, sabiex tikkontribwixxi għall-istabbiliment ta’ suq intern tas-servizzi liberu u kompetittiv (sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2015, Trijber u Harmsen, C‑340/14 u C‑341/14, EU:C:2015:641, punt 44).

105

Issa, l-istabbiliment sħiħ tas-suq intern tas-servizzi jeħtieġ, qabelxejn, it-tneħħija tal-ostakoli li jiltaqgħu magħhom il-fornituri sabiex jistabbilixxu ruħhom fl-Istati Membri, kemm jekk dan ikun fl-Istat Membru tagħhom stess kif ukoll fi Stat Membru ieħor, u li jistgħu jimminaw il-kapaċità tagħhom li jipprovdu servizzi lil destinatarji fl-Unjoni kollha.

106

Għall-finijiet tal-implementazzjoni ta’ suq intern veru tas-servizzi, l-approċċ meħud mil-leġiżlatur tal-Unjoni fid-Direttiva 2006/123 huwa bbażat, bħalma tistipula l-premessa 7 tagħha, fuq kuntest ġuridiku ġenerali magħmul minn firxa ta’ miżuri differenti intiżi li jiġi żgurat livell għoli ta’ integrazzjoni ġuridika fl-Unjoni, permezz, b’mod partikolari, ta’ armonizzazzjoni li tirrigwarda aspetti preċiżi tal-leġiżlazzjoni tal-attivitajiet ta’ servizzi.

107

Konsegwentement, sabiex ma jiġix imminat l-effett utli tal-kuntest ġuridiku speċifiku li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jistabbilixxi meta adotta d-Direttiva 2006/123, għandu jiġi aċċettat, kuntrarjament għal dak li argumenta l-Gvern Ġermaniż matul is-seduta, li l-portata ta’ din id-direttiva tista’ tiġi estiża, jekk ikun il-każ, lil hinn minn dak li jipprevedu strettament id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE relatati mal-libertà ta’ stabbiliment u mal-moviment liberu tas-servizzi, bla ħsara għall-obbligu għall-Istati Membri, skont l-Artikolu 3(3) tal-imsemmija direttiva, li japplikaw id-dispożizzjonijiet tagħha konformement mar-regoli tal-imsemmi Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Rina Services et, C‑593/13, EU:C:2015:399, punti 3940).

108

Il-konstatazzjoni li d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123 japplikaw ukoll f’sitwazzjonijiet purament interni hija msaħħa wkoll mill-eżami tax-xogħol preparatorju ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, minn dan ix-xogħol preparatorju jirriżulta li l-proposti għal modifiki ppreżentati fid-dibattiti quddiem il-Parlament Ewropew intiżi li l-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva jkun ifformulat mill-ġdid b’mod li jiġi limitat il-kamp ta’ applikazzjoni għas-sitwazzjonijiet b’natura transkonfinali biss, ma ġewx aċċettati.

109

Fir-rigward taċ-ċirkustanza, enfasizzata mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi matul is-seduta, li l-Artikolu 53(1) u l-Artikolu 62 TFUE jikkostitwixxu l-bażi legali tad-Direttiva 2006/123, hemm lok jiġi rrilevat li dawn id-dispożizzjonijiet, b’differenza b’mod partikolari tal-Artikoli 49 u 56 TFUE, li jinsabu fl-istess Kapitoli 2 u 3 tat-Titolu IV tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, ma jsemmu ebda element barrani. Għaldaqstant ma jistax jiġi dedott li l-kompetenza tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jadotta direttivi sabiex jiffaċilita l-aċċess għall-attivitajiet ta’ persuna li taħdem għal rasha u l-eżerċizzju tagħhom, abbażi tal-Artikolu 53(1) u tal-Artikolu 62 TFUE, bħalma huwa l-każ tad-Direttiva 2006/123 għal dawk li huma attivitajiet ta’ servizzi, neċessarjament jimplika l-eżistenza ta’ tali element.

110

Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123, dwar il-libertà ta’ stabbiliment tal-fornituri, għandhom jiġu interpretati fis-sens li japplikaw ukoll għal sitwazzjoni li l-elementi rilevanti kollha tagħha huma limitati fi ħdan Stat Membru wieħed biss.

Fuq it-tielet domanda

111

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għar-raba’ domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

Fuq it-tieni u l-ħames domanda

112

Permezz tat-tieni u tal-ħames domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 9 u 10 kif ukoll il-punt 5 tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/123, moqrija flimkien mal-punti 6 u 7 tal-Artikolu 4 tagħha u fid-dawl tal-premessa 9 tagħha, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li regoli inklużi fi pjan urban ta’ komun jipprojbixxu l-attività ta’ kummerċ bl-imnut ta’ prodotti mhux goffi f’żoni ġeografiċi li jinsabu ’l barra miċ-ċentru tal-belt ta’ dan il-komun.

113

Preliminarjament, hemm lok jiġi ddeterminat jekk leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax taħt il-kunċett ta’ “skema ta’ awtorizzazzjoni” jew dak ta’ “rekwiżit” iddefiniti fil-punt 6 tal-Artikolu 4 u fil-punt 7 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/123, rispettivament.

114

Konformement mal-punt 6 tal-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, “skema ta’ awtorizzazzjoni” għandha tfisser, għall-finijiet ta’ din tal-aħħar, “kull proċedura li fiha kull fornitur jew riċevitur hu tabilħaqq meħtieġ jieħu passi sabiex jikseb deċiżjoni formali minn awtorità kompetenti, jew deċiżjoni impliċita, rigward l-aċċess għal attività ta’ servizz jew għall-eżerċizzju tagħha”.

115

Issa, f’dan il-każ jidher, fid-dawl tal-elementi fid-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-pjan urban inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaqax taħt dan il-kunċett. Fil-fatt, filwaqt li dan il-pjan jagħti lill-fornituri l-possibbiltà li jiżviluppaw ċerti attivitajiet ta’ kummerċ bl-imnut f’żoni ġeografiċi ddeterminati, tali possibbiltà ma tiġix minn att formali miksub wara proċedura li dawn il-fornituri kienu obbligati jimxu magħha għal dan l-għan, iżda mill-approvazzjoni mill-Kunsill Komunali ta’ Appingedam ta’ regoli ta’ applikazzjoni ġenerali li jinsabu fl-imsemmi pjan.

116

Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi mminata mill-fatt, imqajjem mill-qorti tar-rinviju, li kwalunkwe persuna kkonċernata jaf tkun tista’, minħabba dispożizzjonijiet oħrajn tad-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi li jfittxu għanijiet partikolari, tipparteċipa fil-proċedura amministrattiva dwar l-adozzjoni tal-pjan urban, tiftaħ azzjoni ġudizzjarja kontra dan tal-aħħar, jew anki titlob deroga mill-imsemmi pjan jew reviżjoni tiegħu.

117

Fil-fatt, bħalma tirrileva l-Kummissjoni, tali possibbiltajiet jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ protezzjoni ġuridika fil-konfront ta’ persuni li jistgħu jkunu kkonċernati mill-adozzjoni ta’ pjan urban.

118

Minn dan isegwi li l-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva 2006/123, dwar l-iskemi ta’ awtorizzazzjoni, ma humiex applikabbli għal leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

119

Fir-rigward tal-kunċett ta’ “rekwiżit”, dan għandu jinftiehem, konformement mal-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, bħala li jkopri, b’mod partikolari, “kwalunkwe obbligu, projbizzjoni, kondizzjoni jew limitu stipulat fil-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri”.

120

F’dan il-każ, huwa stabbilit li r-regoli tal-pjan urban inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom l-effett li jipprojbixxu l-attività ta’ kummerċ bl-imnut ta’ prodotti mhux goffi, bħal żraben u ħwejjeġ, f’żona ġeografika li tinsab ’il barra miċ-ċentru tal-belt tal-komun ta’ Appingedam.

121

Il-qorti tar-rinviju tirrileva madankollu li l-premessa 9 tad-Direttiva 2006/123 tippreċiża li din “tapplika biss għal ħtiġijiet li jaffettwaw l-aċċess għal, jew l-eżerċizzju ta’, attività ta’ servizz”, li jeskludi, konsegwentement, “ħtiġijiet, bħal […] regoli dwar l-iżvilupp jew l-użu ta’ l-art, ippjanar urban jew rurali […] kif ukoll penali amministrattivi imposti għal nuqqas ta’ konformità ma’ tali regoli li ma jirregolawx b’mod speċifiku jew ma jaffettwawx b’mod speċifiku l-attività ta’ servizz iżda għandhom ikunu rispettati minn fornituri waqt it-twettiq ta’ l-attività ekonomika tagħhom bl-istess mod bħal minn individwi li jaġixxu fil-kapaċità privata tagħhom”.

122

Għandu jiġi rrilevat li din il-premessa tad-Direttiva 2006/123 tidħol fit-totalità tagħha fil-kuntest ġuridiku stabbilit minn din id-direttiva, li, bħalma jirriżulta mill-punti 104 sa 106 ta’ din is-sentenza, hija intiża li telimina r-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment tal-fornituri fl-Istati Membri u għall-moviment liberu tas-servizzi bejn dawn tal-aħħar, bl-għan li tikkontribwixxi għall-istabbiliment ta’ suq intern veru tas-servizzi.

123

Għaldaqstant id-Direttiva 2006/123 ma hijiex intenzjonata li tapplika għal rekwiżiti li ma jistgħux jitqiesu li jikkostitwixxu tali restrizzjonijiet, peress li dawn ma jirregolawx jew ma jaffettwawx speċifikament l-aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha, iżda għandhom jiġu osservati mill-fornituri fl-eżerċizzju tal-attività ekonomika tagħhom, bl-istess mod bħal persuni li jaġixxu fil-kapaċità personali tagħhom.

124

Dan ingħad, għandu jiġi kkonstatat li r-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali, anki jekk dawn huma intiżi, bħalma jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, li tiġi ppreżervata l-vijabbiltà taċ-ċentru tal-belt tal-Komun ta’ Appingedam u li tiġi evitata l-eżistenza ta’ bini mhux okkupat f’żona urbana fil-kuntest ta’ politika ta’ ppjanar tat-territorju, is-suġġett speċifiku tagħhom huwa li jiġu ddeterminati ż-żoni ġeografiċi fejn jistgħu jiġu stabbiliti ċerti attivitajiet ta’ kummerċ bl-imnut. B’dan il-mod dawn ir-regoli huma indirizzati biss lejn il-persuni li biħsiebhom jiżviluppaw dawn l-attivitajiet f’dawn iż-żoni ġeografiċi, bl-esklużjoni tal-persuni li jaġixxu fil-kapaċità privata tagħhom.

125

Il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2013, Libert et (C‑197/11 u C‑203/11, EU:C:2013:288, punti 103 sa 107), imsemmija fid-deċiżjoni tar-rinviju, ma tipprekludix tali konklużjoni. Fil-fatt, wara li semmiet, fil-punt 104 ta’ din is-sentenza, il-premessa 9 tad-Direttiva 2006/123, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, fil-punti 105 u 106 tal-imsemmija sentenza, li s-servizzi kkonċernati mill-miżura nazzjonali inkwistjoni kienu jaqgħu espressament taħt l-esklużjoni li tkopri, fl-Artikolu 2(2)(j) ta’ din id-direttiva, is-servizzi soċjali relatati mal-akkommodazzjoni soċjali, u għaldaqstant ikkonstatat, fil-punt 107 tal-istess sentenza, li l-imsemmija direttiva ma kinitx applikabbli għal din il-miżura.

126

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-konformità tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali mad-Direttiva 2006/123 għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-Artikoli 14 u 15 tal-imsemmija direttiva, dwar ir-rekwiżiti pprojbiti jew suġġetti għal evalwazzjoni.

127

Fir-rigward tal-punt 5 tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/123, li l-ħames domanda tagħmel riferiment għalih, din id-dispożizzjoni tipprojbixxi lill-Istati Membri milli jissuġġettaw l-aċċess għal attività ta’ servizzi jew l-eżerċizzju tagħha fit-territorju tagħhom għal “l-applikazzjoni każ b’każ ta’ test ekonomiku li jagħmel l-għoti ta’ awtorizzazzjoni soġġetta għal prova ta’ eżistenza ta’ ħtieġa ekonomika jew talba fis-suq, evalwazzjoni ta’ l-effetti ekonomiċi potenzjali jew attwali ta’ l-attività jew evalwazzjoni ta’ l-adegwatezza ta’ l-attività għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-objettivi ta’ l-ippjanar ekonomiku stabbiliti mill-awtorità kompetenti”.

128

Issa, minn ebda element fid-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżulta li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinkludi tali rekwiżit.

129

Madankollu, għandu jitfakkar li l-Istati Membri huma obbligati, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2006/123, li jeżaminaw jekk is-sistema ġuridika tagħhom tipprevedix rekwiżit wieħed jew iktar imsemmija fl-Artikolu 15(2) ta’ din id-direttiva u, fl-affermattiv, li jiżguraw li dawn ikunu kompatibbli mal-kundizzjonijiet ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ bżonn u ta’ proporzjonalità previsti fl-Artikolu 15(3) tal-imsemmija direttiva. Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 15(1) tal-istess direttiva, l-Istati Membri għandhom jadattaw id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi tagħhom sabiex jagħmluhom kompatibbli ma’ dawn il-kundizzjonijiet.

130

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li dan l-Artikolu 15 għandu effett dirett sa fejn, fit-tieni sentenza tal-paragrafu 1 tiegħu, huwa jpoġġi fuq l-Istati Membri obbligu inkundizzjonat u suffiċjentement preċiż li jadattaw id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi tagħhom sabiex jagħmluhom iktar kompatibbli mal-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3 tiegħu.

131

F’dan il-każ, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 143 tal-konklużjonijiet tiegħu, billi tipprojbixxi l-attività ta’ kummerċ bl-imnut ta’ prodotti mhux goffi f’żona ġeografika li tinsab ’il barra miċ-ċentru tal-belt tal-Komun ta’ Appingedam, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinkludi wieħed mir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2006/123, għaliex din tissuġġetta l-aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha għal limitu territorjali, fis-sens tal-Artikolu 15(2)(a) ta’ din id-direttiva.

132

Bħalma jirriżulta mill-punt 129 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva 2006/123 ma tipprekludix li l-aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha jkunu suġġetti għall-osservanza ta’ tali limitu territorjali, sakemm il-kundizzjonijiet ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ bżonn u ta’ proporzjonalità elenkati fl-Artikolu 15(3) tagħha jkunu ssodisfatti.

133

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk dan huwiex il-każ fil-kawża prinċipali.

134

Madankollu, f’dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari l-kundizzjoni ta’ bżonn, kif iddefinita fl-Artikolu 15(3)(b) tad-Direttiva 2006/123, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża li tiġi ppreżervata l-vijabbiltà taċ-ċentru tal-belt tal-Komun ta’ Appingedam u li tiġi evitata l-eżistenza ta’ bini mhux okkupat f’żona urbana fl-interess ta’ ppjanar tajjeb tat-territorju.

135

Issa, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 147 tal-konklużjonijiet tiegħu, konformement mal-punt 8 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/123, moqri fid-dawl tal-premessa 40 tagħha, tali għan ta’ protezzjoni tal-ambjent urban jista’ jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali ta’ natura li jiġġustifika limitu territorjali bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

136

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni u għall-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2006/123 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li regoli inklużi fi pjan urban ta’ komun jipprojbixxu l-attività ta’ kummerċ bl-imnut ta’ prodotti mhux goffi f’żoni ġeografiċi li jinsabu ’l barra miċ-ċentru tal-belt ta’ dan il-komun, sakemm il-kundizzjonijiet kollha elenkati fl-Artikolu 15(3) ta’ din id-direttiva jkunu ssodisfatti, fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

Fuq is-sitt domanda

137

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għad-domandi preċedenti, ma hemmx lok li tingħata risposta għas-sitt domanda, li l-qorti tar-rinviju fformulat b’mod sussidjarju fil-każ li d-Direttiva 2006/123 ma tapplikax għall-kawża prinċipali.

Fuq l-ispejjeż

138

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern, għandu jiġi interpretat fis-sens li din ma tapplikax għal tariffi li huma marbuta mad-drittijiet tal-impriżi li huma awtorizzati jipprovdu netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li jinstallaw kejbils għal netwerk pubbliku ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

 

2)

Il-punt 1 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/123 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-attività ta’ kummerċ bl-imnut ta’ prodotti tikkostitwixxi “servizz” għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

 

3)

Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123, dwar il-libertà ta’ stabbiliment tal-fornituri, għandhom jiġu interpretati fis-sens li japplikaw ukoll għal sitwazzjoni li l-elementi rilevanti kollha tagħha huma limitati fi ħdan Stat Membru wieħed biss.

 

4)

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2006/123 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li regoli inklużi fi pjan urban ta’ komun jipprojbixxu l-attività ta’ kummerċ bl-imnut ta’ prodotti mhux goffi f’żoni ġeografiċi li jinsabu ’l barra miċ-ċentru tal-belt ta’ dan il-komun, sakemm il-kundizzjonijiet kollha elenkati fl-Artikolu 15(3) ta’ din id-direttiva jkunu ssodisfatti, fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Fuq