Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62016CJ0163

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-12 ta’ Ġunju 2018.
    Christian Louboutin u Christian Louboutin Sas vs van Haren Schoenen BV.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-Rechtbank Den Haag.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trade marks – Raġunijiet assoluti għal rifjut ta’ reġistrazzjoni jew għal invalidità – Sinjal ikkostitwit esklużivament mill-forma tal-prodott – Kunċett ta’ ‘forma’ – Kulur – Pożizzjoni fuq parti tal-prodott – Direttiva 2008/95/KE – Artikolu 2 – Artikolu 3(1)(e)(iii).
    Kawża C-163/16.

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2018:423

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

    12 ta’ Ġunju 2018 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trade marks – Raġunijiet assoluti għal rifjut jew invalidità – Sinjal ikkostitwit esklużivament mill-forma tal-prodott – Kunċett ta’ ‘forma’ – Kulur – Pożizzjoni fuq parti tal-prodott – Direttiva 2008/95/KE – Artikolu 2 – Artikolu 3(1)(e)(iii)”

    Fil-Kawża C‑163/16,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Marzu 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ Marzu 2016, fil-proċedura

    Christian Louboutin,

    Christian Louboutin SAS

    vs

    Van Haren Schoenen BV,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, J. L. da Cruz Vilaça, C. G. Fernlund u C. Vajda, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász (Relatur), J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, C. Toader, S. Rodin, F. Biltgen, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

    Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑6 ta’ April 2017,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal C. Louboutin, minn T. van Innis, avocat,

    għal Christian Louboutin SAS, minn J. Hofhuis, advocaat,

    għal Van Haren Schoenen BV, minn W. J. G. Maas, M. R. Rijks, E. T. Bergsma u M. van Gerwen, advocaten,

    għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, M. Hellmann u J. Techert, bħala aġenti,

    għall-Gvern Franċiż, minn D. Segoin, bħala aġent,

    għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u G. Koós kif ukoll minn E. E. Sebestyén, bħala aġenti,

    għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, M. Figueiredo u T. Rendas, bħala aġenti,

    għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski, bħala aġent,

    għall-Gvern tar-Renju Unit, minn N. Saunders, Z. Lavery u D. Robertson, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Samnadda, T. Scharf u F. Wilman, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑22 ta’ Ġunju 2017,

    wara li rat id-digriet għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura tat‑12 ta’ Ottubru 2017 u wara s-seduta tal‑14 ta’ Novembru 2017,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet supplimentari tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑6 ta’ Frar 2018,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1)(e)(iii) tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2008, L 299, p. 25).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ azzjoni ta’ kontrafazzjoni bejn, minn naħa, Christian Louboutin u Christian Louboutin SAS (iktar ’il quddiem, flimkien, “Christian Louboutin”) u, min-naħa l-oħra, van Haren Schoenen BV (iktar ’il quddiem “Van Haren”) dwar il-kummerċjalizzazzjoni, minn din tal-aħħar, ta’ żraben li jiksru t-trade mark li tagħha C. Louboutin huwa l-proprjetarju.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/95, intitolat “Sinjali li minnhom trade mark tista’ tikkonsisti”, jipprevedi li:

    Trade mark tista’ tikkonsisti minn kwalunkwe sinjal kapaċi li jiġi rappreżentat grafikament, b’mod partikolari permezz ta’ kliem, inklużi ismijiet personali, disinji, ittri, numri, l-għamla ta’ merkanzija jew l-imballaġġ tagħhom, sakemm dawn is-sinjali ikunu jistgħu jiddistingwu l-merkanzija jew is-servizzi ta’ impriża waħda minn dawk ta’ impriżi oħra.”

    4

    L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Raġunijiet għal rifjut jew nullità”, jistabbilixxi li:

    “1.   Is-segwenti m’għandhomx jiġu reġistrati jew, jekk jiġu reġistrati, għandhom ikunu suxxettibbli għal dikjarazzjoni ta’ nullità:

    [...]

    (e)

    sinjali li jikkonsistu esklussivament minn:

    (i)

    l-għamla li tirriżulta min-natura tal-merkanzija stess,

    (ii)

    l-għamla tal-merkanzija li tkun meħtieġa sabiex jiġi ottenut riżultat tekniku,

    (iii)

    l-għamla li tagħti valur sostanzjali lill-merkanzija;

    [...]”

    Il-Konvenzjoni Benelux dwar il-Proprjetà Intellettwali (Trade Marks u Disinni)

    5

    Il-Konvenzjoni Benelux dwar il-Proprjetà Intellettwali (Trade Marks u Disinni), tal‑25 ta’ Frar 2005, iffirmata f’Den Haag mir-Renju tal-Belġju, mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu u mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, tipprevedi, fl-Artikolu 2.1 tagħha, intitolat “Sinjali li jistgħu jikkostitwixxu trade mark tal-Benelux”, li:

    “1.   Għandhom jitqiesu li huma trade marks individwali ismijiet, disinni, timbri, siġilli, ittri, numri, forom ta’ prodotti jew ta’ ppakkjar u kull sinjal ieħor li jista’ jikkostitwixxi rappreżentazzjoni grafika li sservi sabiex tiddistingwi l-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża.

    2.   Madankollu, ma jistgħux jitqiesu bħala trade marks is-sinjali kkostitwiti esklużivament mill-forma li hija imposta min-natura stess tal-prodott, li tagħti valur sostanzjali lill-prodott jew li hija meħtieġa sabiex jinkiseb riżultat tekniku.

    [...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    6

    Christian Louboutin joħloq u jipproduċi żraben.

    7

    Fit‑28 ta’ Diċembru 2009, C. Louboutin ippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Benelux lill-Uffiċċju tal-Benelux għall-Proprjetà Intellettwali, li ġiet irreġistrata fis‑6 ta’ Jannar 2010, bin-numru 0874489, għal prodotti li jaqgħu fil-klassi 25 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Żraben (bl-eċċezzjoni ta’ żraben ortopediċi)” (iktar ’il quddiem it-“trade mark kontenzjuża”).

    8

    Din it-trade mark hija rrappreżentata kif ġej:

    Image

    9

    Fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, it-trade mark kontenzjuża hija deskritta kif ġej: “It-trade mark tikkonsisti fil-kulur aħmar (Pantone 18‑1663TP) applikat fuq il-pett ta’ żarbun kif muri (il-kontorn taż-żarbun ma huwiex parti mit-trade mark iżda għandu l-għan li jenfasizza l-pożizzjoni tat-trade mark)”.

    10

    Fl‑10 ta’ April 2013, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark kontenzjuża kienet is-suġġett ta’ adattament, li jikkonsisti f’li jiġi limitat il-qasam tal-protezzjoni ta’ din it-trade mark għal “Żraben bi tkaken għoljin (bl-eċċezzjoni ta’ żraben ortopediċi)”.

    11

    Van Haren, li twettaq fil-Pajjiżi l-Baxxi kummerċ bl-imnut ta’ żraben, biegħet, matul is-sena 2012, żraben bi tkaken għoljin li l-pett tagħhom kien ta’ kulur aħmar.

    12

    Fis‑27 ta’ Mejju 2013, Christian Louboutin ressaq quddiem ir-rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi) azzjoni ta’ kontrafazzjoni tat-trade mark kontenzjuża kontra Van Haren. Fis‑17 ta’ Lulju 2013, din il-qorti tat sentenza fil-kontumaċja, li permezz tagħha laqgħet parzjalment it-talbiet ta’ Christian Louboutin.

    13

    Van Haren appellat minn din is-sentenza quddiem il-qorti ta’ rinviju, ir-rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag), billi sostniet, fuq il-bażi tal-Artikolu 2.1(2) tal-Konvenzjoni Benelux, li t-trade mark ikkontestata kienet invalida. Skont Van Haren, din it-trade mark hija trade mark figurattiva bidimensjonali, jiġifieri superfiċji ta’ kulur aħmar.

    14

    Ir-rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag) tqis, l-ewwel nett, li, fid-dawl tar-rappreżentazzjoni grafika u tad-deskrizzjoni tat-trade mark kontenzjuża, il-kulur aħmar huwa marbut b’mod indissoċjabbli mal-pett ta’ żarbun, b’tali mod li din it-trade mark ma tistax tiġi kklassifikata bħala sempliċi trade mark figurattiva bidimensjonali. Skont il-qorti tar-rinviju, din l-evalwazzjoni ma hijiex invalidata miċ-ċirkustanza li d-deskrizzjoni tal-imsemmija trade mark tippreċiża li “il-kontorn taż-żarbun ma huwiex parti mit-trade mark”. Din il-kjarifika tikkonferma, għall-kuntrarju, din l-evalwazzjoni, peress li, skont l-imsemmija deskrizzjoni, il-kontorn taż-żarbun, li jidher fir-rappreżentazzjoni grafika tat-trade mark kontenzjuża, għandu l-għan li jenfasizza l-pożizzjoni ta’ din it-trade mark u mhux li tiġi ridotta għal trade mark bidimensjonali.

    15

    Il-qorti tar-rinviju tikkonstata, sussegwentement, li, fil-ħarifa tal-2012, “parti kunsiderevoli tal-konsumaturi ta’ żraben għan-nisa bi tkaken għoljin, fil-Benelux, setgħet tidentifika ż-żraben ta’ [Christian Louboutin] bħala li joriġinaw minnu u għalhekk setgħet tiddistingwihom miż-żraben għan-nisa bi tkaken għoljin [li joriġinaw] minn impriżi oħra”, b’tali mod li, f’din id-data, għal dawn il-prodotti, it-trade mark kontenzjuża kienet ipperċepita bħala trade mark.

    16

    Il-qorti tar-rinviju tqis, barra minn hekk, li l-pett aħmar jagħti valur sostanzjali liż-żraben mibjugħa minn Christian Louboutin sa fejn dan il-kulur jagħmel parti mid-dehra ta’ dawn iż-żraben, li għandu rwol importanti fid-deċiżjoni dwar jekk għandhomx jinxtraw. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li Christian Louboutin beda juża l-kulur aħmar għall-pettijiet għal raġunijiet estetiċi, qabel ma beda jużah bħala identifikazzjoni ta’ oriġini u bħala trade mark.

    17

    Din il-qorti tindika fl-aħħar nett li, sa fejn it-trade mark kontenzjuża tikkonsisti f’kulur imqiegħed fuq il-pett ta’ żarbun, li jikkoinċidi għalhekk ma’ element tal-prodott, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 3(1)(e)(iii) tad-Direttiva 2008/95 tapplikax għal din it-trade mark. F’dan ir-rigward, hija tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “forma”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, hijiex limitata biss għall-karatteristiċi tridimensjonali ta’ prodott, bħall-kontorn, id-dimensjonijiet u l-volum tiegħu, jew jekk tali kunċett jirrigwardax karatteristiċi oħra, mhux tridimensjonali, ta’ prodott.

    18

    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, ir-rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “Il-kunċett ta’ ‘għamla’, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(e)(iii) tad-[Direttiva 2008/95] (fil-verżjoni Ġermaniża, fil-verżjoni Ingliża u fil-verżjoni Franċiża tad-Direttiva dwar it-trade marks, rispettivament: Form, shape u forme), huwa limitat għall-karatteristiċi tridimensjonali tal-prodotti, bħall-kontorni, il-kejl u l-volumi tagħhom (espressi tridimensjonalment) jew jinkludi karatteristiċi (mhux tridimensjonali) oħrajn tal-prodotti, bħall-kulur tagħhom?”

    Fuq id-domanda preliminari

    19

    Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1)(e)(iii) tad-Direttiva 2008/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li sinjal li jikkonsisti f’kulur applikat fuq il-pett ta’ żarbun b’takkuna għolja, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa kkostitwit esklużivament minn “forma”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    20

    F’dan ir-rigward, fl-assenza ta’ kwalunkwe definizzjoni, fid-Direttiva 2008/95, tal-kunċett ta’ “forma”, id-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata ta’ din il-kelma għandha tiġi stabbilita, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, skont is-sens abitwali tagħha fil-lingwaġġ kurrenti, filwaqt li jitqies il-kuntest li fih hija tintuża u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2014, Deckmyn u Vrijheidsfonds, C‑201/13, EU:C:2014:2132, punt 19).

    21

    Fil-kuntest tad-dritt tat-trade marks, il-kunċett ta’ “forma” normalment jinftiehem, kif enfasizzat il-Kummissjoni Ewropea, fis-sens li jirreferi għal sensiela ta’ linji jew ta’ kontorni li tiddelimita l-prodott ikkonċernat f’termini ta’ spazju.

    22

    Ma jirriżulta la mid-Direttiva 2008/95, la mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u lanqas mit-tifsira komuni ta’ din il-kelma li kulur fih innifsu, mingħajr delimitazzjoni f’termini ta’ spazju, jista’ jikkostitwixxi forma.

    23

    Madankollu, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-fatt li kulur partikolari jiġi applikat fuq parti speċifika tal-prodott ikkonċernat ifissirx li s-sinjal inkwistjoni huwa kkostitwit minn forma, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(e)(iii) tad-Direttiva 2008/95.

    24

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, għalkemm, ċertament, il-forma tal-prodott jew ta’ parti mill-prodott għandha rwol fid-delimitazzjoni tal-kulur f’termini ta’ spazju, madankollu ma jistax jitqies li sinjal huwa kkostitwit minn din il-forma meta r-reġistrazzjoni tat-trade mark ma tkunx intiża li tipproteġi tali forma, iżda biss l-applikazzjoni ta’ kulur fuq parti speċifika tal-imsemmi prodott.

    25

    Hekk kif osservaw il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Franċiż u l-Gvern tar-Renju Unit, kif ukoll il-Kummissjoni, it-trade mark kontenzjuża ma tirreferix għal forma speċifika ta’ pett ta’ żraben bi tkaken għoljin, peress li d-deskrizzjoni ta’ din it-trade mark tindika espressament li l-kontorn taż-żarbun ma huwiex parti mill-imsemmija trade mark, iżda jservi biss sabiex jenfasizza l-pożizzjoni tal-kulur aħmar imsemmi fir-reġistrazzjoni.

    26

    Fi kwalunkwe każ, sinjal, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jistax jitqies li huwa kkostitwit “esklużivament” mill-forma, meta, bħal f’dan il-każ, l-għan prinċipali ta’ dan is-sinjal huwa kulur speċifikat permezz ta’ kodiċi ta’ identifikazzjoni rrikonoxxut internazzjonalment.

    27

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 3(1)(e)(iii) tad-Direttiva 2008/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li sinjal li jikkonsisti f’kulur applikat fuq il-pett ta’ żarbun b’takkuna għolja, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma huwiex ikkostitwit esklużivament mill-“forma”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    Fuq l-ispejjeż

    28

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 3(1)(e)(iii) tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks, għandu jiġi interpretat fis-sens li sinjal li jikkonsisti f’kulur applikat fuq il-pett ta’ żarbun b’takkuna għolja, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma huwiex ikkostitwit esklużivament mill-“forma”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

    Fuq