EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62015CJ0524

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-20 ta’ Marzu 2018.
Proċeduri kriminali kontra Luca Menci.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunale di Bergamo.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Nuqqas ta’ ħlas tal-VAT dovuta – Sanzjonijiet – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi sanzjoni amministrattiva u sanzjoni kriminali għall-istess fatti – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 50 – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Natura kriminali tas-sanzjoni amministrattiva – Eżistenza tal-istess ksur – Artikolu 52(1) – Limitazzjonijiet għall-prinċipju ta’ ne bis in idem – Kundizzjonijiet.
Kawża C-524/15.

Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2018:197

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

20 ta’ Marzu 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Nuqqas ta’ ħlas tal-VAT dovuta – Sanzjonijiet – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi sanzjoni amministrattiva u sanzjoni kriminali għall-istess fatti – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 50 – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Natura kriminali tas-sanzjoni amministrattiva – Eżistenza tal-istess ksur – Artikolu 52(1) – Limitazzjonijiet għall-prinċipju ta’ ne bis in idem – Kundizzjonijiet”

Fil-Kawża C‑524/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale di Bergamo (il-Qorti Distrettwali ta’ Bergamo, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Settembru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑1 ta’ Ottubru 2015, fil-proċeduri kriminali kontra

Luca Menci,

fil-preżenza ta’:

Procura della Repubblica,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, T. von Danwitz (Relatur), A. Rosas u E. Levits, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev, S. Rodin, F. Biltgen, K. Jürimäe, C. Lycourgos u E. Regan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: V. Giacobblo-Peyronnel, sussegwentement R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑8 ta’ Settembru 2016,

wara li rat id-digriet tal-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali tal‑25 ta’ Jannar 2017 u wara s-seduta tat‑30 ta’ Mejju 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal L. Menci, minn G. Broglio, V. Meanti kif ukoll I. Dioli, avvocati,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Galluzzo, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u D. Klebs, bħala aġenti,

għall-Irlanda, inizjalment minn E. Creedon, sussegwentement minn M. Browne, G. Hodge u A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn M. Gray, barrister,

għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas, G. de Bergues, F.-X. Bréchot, S. Ghiandoni u E. de Moustier, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Krämer, M. Owsiany-Hornung u F. Tomat, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑12 ta’ Settembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), moqri fid-dawl tal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mnehdija kontra Luca Menci dwar ksur fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT).

Il-kuntest ġuridiku

Il-KEDB

3

L-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-KEDB, intitolat “Id-dritt li persuna ma tiġix ipproċessata jew ikkastigata darbtejn”, jipprovdi:

“1.   Ħadd ma jista’ jkun ipproċessat jew jerġa’ jiġi kkastigat għal darb’oħra fi proċedimenti kriminali taħt il-ġurisdizzjoni tal-istess Stat għal xi reat li dwaru jkun diġà ġie finalment liberat jew misjub ħati skont il-liġi u l-proċedura penali ta’ dak l-Istat.

2.   Id-disposizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti ma għandhomx iżommu milli l-każ jerġa’ jinfetaħ skont il-liġi u l-proċedura penali tal-Istat inkwistjoni, jekk ikun hemm provi ta’ xi fatti ġodda jew li jkunu għadhom kif ġew żvelati, jew inkella jekk ikun ħemm xi vizzju fondamentali fil-proċedimenti ta’ qabel, li jista’ jkollhom effett fuq kif jiżvolġi l-każ.

3.   Ebda deroga minn dan l-artikolu ma għandha ssir taħt l-artikolu 15 tal-Konvenzjoni.”

Id-dritt tal-Unjoni

4

L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1) jiddetermina t-tranżazzjonijiet suġġetti għall-VAT.

5

Skont l-Artikolu 273 ta’ din id-direttiva:

“L-Istati Membri jistgħu jimponu obbligi oħrajn li jidhrulhom meħtieġa biex jiżguraw il-ġbir korrett ta’ VAT u biex ma ssirx frodi, soġġett għall-ħtieġa ta’ trattament indaqs bejn transazzjonijiet domestiċi u transazzjonijiet li jsiru bejn Stati Membri minn persuni taxxabbli u sakemm dawn l-obbligi, fin-negozju bejn Stati Membri, ma jagħtux lok għal formalitajiet konnessi mal-qsim ta’ fruntieri.”

Id-dritt Taljan

6

L-Artikolu 13(1) tad-decreto legislativo n. 471 – Riforma delle sanzioni tributarie non penali in materia di imposte dirette, di imposta sul valore aggiunto e di riscossione dei tributi, a norma dell’articolo 3, comma 133, lettera q), della legge 23 dicembre 1996, n. 662 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 471, li jirriforma s-sanzjonijiet fiskali mhux kriminali fil-qasam tat-taxxi diretti, tat-taxxa fuq il-valur miżjud u tal-ġbir tat-taxxi, konformement mal-punt q tal-Artikolu 3(133) tal-Liġi Nru 662 tat‑23 ta’ Diċembru 1996), tat‑18 ta’ Diċembru 1997 (Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 5, tat‑8 ta’ Jannar 1998), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 471/97”), kien ifformulat kif ġej:

“Min jevadi, totalment jew parzjalment, fil-limiti ta’ żmien regolamentarji, il-pagamenti bħala akkont, perijodiċi, ta’ ammonti pendenti jew bilanċ tat-taxxa li jirriżultaw mid-dikjarazzjoni, wara t-tnaqqis, f’dan il-każ, tal-ammonti tal-pagamenti perijodiċi jew akkont, anki jekk ma jkunux saru, għandu jkun suġġett għal sanzjoni amministrattiva ta’ ammont ekwivalenti għal 30 % ta’ kull ammont mhux imħallas, anki f’każ li, wara l-korrezzjoni tal-iżbalji materjali jew ta’ kalkolu misjuba matul il-verifika tad-dikjarazzjoni annwali, jirriżulta li l-ammont dovut huwa ogħla jew li t-tnaqqis applikabbli huwa iktar baxx. […]”

7

L-Artikolu 10a(1) tad-decreto legislativo n. 74 – Nuova disciplina dei reati in materia di imposte sui redditi e sul valore aggiunto, a norma dell’articolo 9 della legge 25 giugno 1999, n. 205 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 74 li jipprovdi dispożizzjonijiet ġodda fil-qasam ta’ ksur relatat mat-taxxa fuq id-dħul u mal-VAT, skont l-Artikolu 9 tal-Liġi tal‑25 ta’ Ġunju 1999, Nru 205) tal‑10 ta’ Marzu 2000 (GURI Nru 76, tal‑31 ta’ Marzu 2000, p. 4), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 74/2000”), kien jipprovdi:

“Il-persuna taxxabbli li sal-limitu ta’ żmien ipprovdut għas-sottomissjoni tad-dikjarazzjoni annwali bħala aġent tal-kontribwent ma tipprovdix it-taxxa f’ras il-għajn li hija dovuta abbażi ta’ din l-istess dikjarazzjoni jew li tirriżulta miċ-ċertifikat maħruġ lill-aġenti, għal ammont ikbar minn EUR 50000 għal kull perijodu tat-taxxa, għandha tiġi ssanzjonata b’sentenza ta’ priġunerija minn sitt xhur sa sentejn.”

8

L-Artikolu 10b(1) ta’ dan id-Digriet Leġiżlattiv, intitolat “Evażjoni tal-ħlas tal-VAT”, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, kien jistipula:

“Id-dispożizzjoni tal-Artikolu 10a għandha tapplika fil-limiti previsti wkoll għal dawk li ma jħallsux it-taxxa fuq il-valur miżjud, li tirriżulta fid-dikjarazzjoni annwali, fil-limitu ta’ żmien regolatorju għall-ħlas bħala akkont li jikkorrispondi għall-perijodu taxxabbli suċċessiv.”

9

L-Artikolu 20 tal-imsemmi Digriet Leġiżlattiv, intitolat “Relazzjonijiet bejn proċeduri kriminali u proċeduri fiskali”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-proċedura amministrattiva ta’ verifika tat-taxxi sabiex jiġi stabbilit l-ammont li għandu jinġabar u l-proċedura quddiem il-qorti fiskali ma jistgħux jiġu sospiżi waqt li jkunu għaddejjin il-proċeduri kriminali li jkollhom bħala suġġett l-istess fatti jew fatti li l-konstatazzjoni tagħhom hija essenzjali sabiex tiġi ffinalizzata l-proċedura.”

10

L-Artikolu 21 tal-istess Digriet Leġiżlattiv, intitolat “Sanzjonijiet amministrattivi għall-ksur meqjus li jaqa’ taħt id-dritt kriminali”, jistipula, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Fi kwalunkwe każ l-amministrazzjoni kompetenti għandha timponi s-sanzjonijiet amministrattivi relatati mal-ksur fiskali suġġett tan-notifika tar-reat.

2.   Dawn is-sanzjonijiet jistgħu jiġu infurzati biss fil-konfront tal-persuni msemmija fl-Artikolu 19(2), sakemm il-proċeduri kriminali ma jkunux konklużi permezz ta’ arkivjar jew sentenza irrevokabbli ta’ liberazzjoni jew assoluzzjoni li teskludi r-rilevanza kriminali tal-azzjoni. F’dan il-każ tal-aħħar, it-terminu għall-ġbir għandu jibda jiddekorri mid-data tal-komunikazzjoni lill-amministrazzjoni kompetenti tad-deċiżjoni ta’ arkivjar, ta’ liberazzjoni jew ta’ assoluzzjoni; il-komunikazzjoni għandha ssir permezz tar-reġistratur tal-qorti li ħarġithom.”

Il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11

L. Menci kien is-suġġett ta’ proċedura amministrattiva li matulha ġie kkritikat li naqas, fil-kwalità tiegħu ta’ proprjetarju tal-impriża individwali li ġġib l-istess isem, li jħallas fit-termini mogħtija mil-liġi l-VAT li tirriżulta mid-dikjarazzjoni annwali għas-sena fiskali 2011, li titla’ għall-ammont totali ta’ EUR 282495.76.

12

Din il-proċedura tat lok għal deċiżjoni tal-Amministrazione Finanziaria (l-Amministrazzjoni Fiskali, l-Italja) li permezz tagħha din l-amministrazzjoni ordnat lil L. Menci jħallas l-ammont ta’ VAT dovut u barra minn hekk imponietlu, abbażi tal-Artikolu 13(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 471/97, sanzjoni amministrattiva li tammonta għal EUR 84748.74, li tirrappreżenta 30 % tad-dejn fiskali. Din id-deċiżjoni saret definittiva. Peress li t-talba għal ħlas bin-nifs magħmula minn L. Menci ġiet aċċettata, dan tal-aħħar ipproċeda għall-ħlas tal-ewwel pagamenti.

13

Wara li din il-proċedura amministrattiva ngħalqet b’mod definittiv, infetħu proċeduri kriminali għall-istess fatti kontra L. Menci quddiem it-Tribunale di Bergamo (il-Qorti Distrettwali ta’ Bergamo, l-Italja) bis-saħħa ta’ taħrika diretta quddiem il-Procura della Repubblica (il-Prosekutur tar-Repubblika, l-Italja), għar-raġuni li l-imsemmiija ommissjoni ta’ ħlas tal-VAT kienet tikkostitwixxi l-ksur previst u infurzat bl-Artikolu 10a(1) u l-Artikolu 10b(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 74/2000.

14

Il-qorti tar-rinviju tispeċifika li, skont id-dispożizzjonijiet tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 74/2000, il-proċeduri kriminali u l-proċedura amministrattiva huma mmexxija b’mod indipendenti u jaqgħu taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-awtoritajiet amministrattivi rispettivament. Ebda waħda minn dawn iż-żewġ proċeduri ma tista’ tiġi sospiża sakemm tingħalaq il-proċedura l-oħra.

15

Din il-qorti żżid li l-Artikolu 21(2) tal-imsemmi Digriet Leġiżlattiv, li jipprovdi li s-sanzjonijiet amministrattivi dwar il-ksur fiskali imposti mill-awtorità amministrattiva ma humiex eżekuttivi sakemm il-proċeduri kriminali jingħalqu definittivament b’arkivjar, sentenza ta’ liberazzjoni jew assoluzzjoni, li teskludi r-rilevanza kriminali tal-azzjoni, ma jipprekludix li persuna, bħal L. Menci, tkun is-suġġett ta’ proċeduri kriminali wara li tkun ġiet imposta fuqu sanzjoni amministrattiva.

16

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale di Bergamo (il-Qorti Distrettwali ta’ Bergamo) iddeċiediet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 50 tal-[Karta], interpretat fid-dawl tal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-[KEDB] u tal-ġurisprudenza relatata tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, tipprekludi l-possibbiltà ta’ proċeduri kriminali rigward fatt (in-nuqqas ta’ ħlas tal-VAT) li għalih il-persuna suġġetta għal proċeduri kriminali diġà ġiet imposta fuqha sanzjoni amministrattiva definittiva?”

Fuq id-domanda preliminari

17

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 50 tal-Karta, moqri fid-dawl tal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-KEDB, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha jistgħu jinbdew proċeduri kriminali kontra persuna għal ommissjoni ta’ ħlas tal-VAT dovuta fit-termini legali, minkejja li din il-persuna diġà ġiet imposta fuqha sanzjoni amministrattiva definittiva għall-istess fatti.

18

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-qasam tal-VAT, jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikoli 2 u 273 tad-Direttiva 2006/112, moqrija flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jadottaw il-liġijiet u l-miżuri amministrattivi neċessarji sabiex jiġi żgurat il-ġbir tal-VAT kollha dovuta fit-territorji rispettivi tagħhom u sabiex tiġi miġġielda l-frodi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19

Barra minn hekk, l-Artikolu 325 TFUE jobbliga lill-Istati Membri jiġġieldu kontra l-attivitajiet illegali li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea permezz ta’ miżuri dissważivi u effettivi u, b’mod partikolari, jobbligahom jieħdu l-istess miżuri sabiex jiġġieldu l-frodi li jippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni bħalma jieħdu sabiex jiġġieldu l-frodi li jippreġudika l-interessi finanzjarji tagħhom stess. Issa, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jinkludu, b’mod partikolari, id-dħul mill-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B., C‑42/17, EU:C:2017:936, punti 3031 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

20

Sabiex jiġi żgurat li l-imsemmi dħul jinġabar kollu u sabiex għalhekk tiġi żgurata l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom libertà fl-għażla tas-sanzjonijiet applikabbli, li jistgħu jieħdu l-forma ta’ sanzjonijiet amministrattivi, ta’ sanzjonijiet kriminali jew taħlita tat-tnejn. Sanzjonijiet kriminali jistgħu madankollu jkunu indispensabbli sabiex jiġu miġġielda b’mod effettiv u dissważiv ċerti każijiet ta’ frodi gravi tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B., C‑42/17, EU:C:2017:936, punti 3334).

21

Peress li huma intiżi sabiex jiġi żgurat il-ġbir eżatt tal-VAT u sabiex tiġi miġġielda l-frodi, sanzjonijiet amministrattivi imposti mill-awtoritajiet fiskali nazzjonali u proċeduri kriminali miftuħa għal ksur fil-qasam tal-VAT, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxu implementazzjoni tal-Artikoli 2 u 273 tad-Direttiva 2006/112 kif ukoll tal-Artikolu 325 TFUE u, għalhekk, tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 27, kif ukoll tal‑5 ta’ April 2017, Orsi u Baldetti, C‑217/15 u C‑350/15, EU:C:2017:264, punt 16). Għaldaqstant, dawn għandhom jirrispettaw id-dritt fundamentali ggarantit mill-Artikolu 50 tal-Karta.

22

Barra minn hekk, minkejja li, bħalma jikkonferma l-Artikolu 6(3) TUE, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti mill-KEDB jiffurmaw parti mid-dritt tal-Unjoni bħala prinċipji ġenerali u minkejja li l-Artikolu 52(3) tal-Karta jipprovdi li d-drittijiet inklużi f’din tal-aħħar, li jikkorrispondu għad-drittijiet iggarantiti mill-KEDB, għandhom jingħataw l-istess sens u l-istess portata mogħtija lilhom mill-imsemmija konvenzjoni, din tal-aħħar ma tikkostitwixxix, sa fejn l-Unjoni ma adixxietx għaliha, strument ġuridiku formalment integrat fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 44, kif ukoll tal‑15 ta’ Frar 2016, N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

Skont l-ispjegazzjonijiet relatati mal-Artikolu 52 tal-Karta, il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu huwa intiż sabiex jiżgura l-koerenza meħtieġa bejn il-Karta u l-KEDB, “mingħajr ma dan jaffetwa b’mod negattiv l-awtonomija tad-dritt ta’ l-Unjoni u dik tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea” (sentenzi tal‑15 ta’ Frar 2016, N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 47, u tal‑14 ta’ Settembru 2017, K., C‑18/16, EU:C:2017:680, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

24

Għaldaqstant, l-eżami tad-domanda magħmula għandu jitwettaq fid-dawl tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 50 tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ April 2017, Orsi u Baldetti, C‑217/15 u C‑350/15, EU:C:2017:264, punt 15 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

25

L-Artikolu 50 tal-Karta jipprovdi li “[l]-ebda persuna ma tista’ terġa’ tkun ipproċessata jew ikkundannata għal reat li għalih tkun diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata fl-Unjoni b’sentenza li daħlet in ġudikat skond il-liġi.” Għaldaqstant, il-prinċipju tan-ne bis in idem jipprekludi kumulu kemm ta’ proċeduri kif ukoll ta’ sanzjonijiet ta’ natura kriminali fis-sens ta’ dan l-artikolu għall-istess fatti u kontra l-istess persuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 34).

Fuq in-natura kriminali tal-proċeduri u tas-sanzjonijiet

26

F’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tan-natura kriminali ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hemm lok jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tliet kriterji huma rilevanti. L-ewwel kriterju huwa dak dwar il-klassifikazzjoni legali tal-ksur fid-dritt nazzjonali, it-tieni wieħed huwa dak dwar in-natura stess tal-ksur u t-tielet wieħed huwa dwar il-grad ta’ severità tas-sanzjoni li l-persuna kkonċernata tista’ ġġarrab (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Bonda, C‑489/10, EU:C:2012:319, punt 37, u tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 35).

27

Filwaqt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl ta’ dawn il-kriterji, jekk il-proċeduri u s-sanzjonijiet kriminali u amministrattivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhomx natura kriminali fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Karta, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tiddeċiedi dwar rinviju għal deċiżjoni preliminari, tista’ madankollu tagħti indikazzjonijiet intiżi sabiex jiggwidaw lil din il-qorti fl-interpretazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2014, Mahdi, C‑146/14 PPU, EU:C:2014:1320, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

F’dan il-każ, għandu qabelxejn jiġi speċifikat li l-klassifikazzjoni kriminali, fid-dawl tal-kriterji mfakkra fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, tal-proċeduri kriminali inkwistjoni fil-kawża prinċipali u tas-sanzjonijiet li dawn jistgħu jwasslu għalihom, ma hijiex ikkontestata. Il-kwistjoni tqum, min-naħa l-oħra, dwar jekk il-proċedura amministrattiva li L. Menci kien suġġett għaliha u s-sanzjoni amministrattiva definittiva imposta fuqu wara din il-proċedura humiex ta’ natura penali, fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Karta, jew le.

29

F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-ewwel kriterju mfakkar fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, mill-proċess fid-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dritt nazzjonali jikklassifika l-proċedura li wasslet sabiex tiġi imposta din is-sanzjoni tal-aħħar bħala proċedura amministrattiva.

30

Madankollu, l-applikazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta ma hijiex limitata biss għall-azzjonijiet u s-sanzjonijiet li huma kklassifikati bħala “kriminali” mid-dritt nazzjonali iżda testendi – indipendentement minn tali klassifikazzjoni fid-dritt intern – għal proċeduri u għal sanzjonijiet li għandhom jitqiesu li għandhom natura kriminali abbażi taż-żewġ kriterji l-oħrajn imsemmija fl-imsemmi punt 26.

31

Fir-rigward tat-tieni kriterju, dwar in-natura nfisha tal-ksur, dan jimplika li għandu jiġi vverifikat jekk is-sanzjoni inkwistjoni għandhiex, b’mod partikolari, għan repressiv (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Bonda, C‑489/10, EU:C:2012:319, punt 39). Minn dan isegwi li sanzjoni li għandha għan repressiv hija ta’ natura kriminali fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Karta, u li l-fatt biss li hija għandha wkoll għan preventiv ma huwiex ta’ natura li jneħħilha l-klassifikazzjoni tagħha ta’ sanzjoni kriminali. Fil-fatt, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 113 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa fin-natura nfisha tas-sanzjonijiet kriminali li dawn ikunu intiżi kemm għar-repressjoni kif ukoll għall-prevenzjoni ta’ aġir illegali. Min-naħa l-oħra, miżura li sempliċement tirrepara d-dannu kkawżat mill-ksur ikkonċernat ma għandhiex natura kriminali.

32

F’dan il-każ, l-Artikolu 13(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 471/97 jipprevedi, fil-każ ta’ ommissjoni ta’ ħlas tal-VAT dovuta, sanzjoni amministrattiva li tiżdied mal-ammonti tal-VAT li għandhom jitħallsu mill-persuna taxxabbli. Minkejja li din is-sanzjoni, bħalma jargumenta l-Gvern Taljan fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, titnaqqas meta t-taxxa effettivament titħallas f’ċertu terminu li jibda jiddekorri min-nuqqas ta’ ħlas, xorta jibqa’ l-fatt li l-ħlas tardiv tal-VAT dovuta huwa punit bl-imsemmija sanzjoni. Għaldaqstant jidher, fatt li barra minn hekk jikkorrispondi mal-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju, li din l-istess sanzjoni għandha għan repressiv, li hija l-karatteristika ta’ sanzjoni ta’ natura kriminali fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Karta.

33

F’dak li jirrigwarda t-tielet kriterju, għandu jiġi rrilevat li s-sanzjoni amministrattiva inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha, konformement mal-Artikolu 13(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 471/97, il-forma ta’ multa ta’ 30 % tal-VAT dovuta li tiżdied mal-ħlas ta’ din it-taxxa, u għandha, mingħajr ma hija kkontestata bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali, grad għoli ta’ severità li jista’ jsostni l-analiżi li din is-sanzjoni hija ta’ natura kriminali fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Karta, fatt li hija madankollu l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

Fuq l-eżistenza tal-istess ksur

34

Mill-kliem stess tal-Artikolu 50 tal-Karta jirriżulta li dan jipprojbixxi l-ipproċessar jew l-ikkundannar tal-istess persuna iktar minn darba għall-istess ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ April 2017, Orsi u Baldetti, C‑217/15 u C‑350/15, EU:C:2017:264, punt 18). Bħalma tindika l-qorti tar-rinviju fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, id-diversi proċeduri u sanzjonijiet ta’ natura kriminali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirrigwardaw l-istess persuna, jiġifieri L. Menci.

35

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kriterju rilevanti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza tal-istess ksur huwa dak tal-identiċità tal-fatti materjali, mifhuma bħala l-eżistenza ta’ ġabra ta’ ċirkustanzi konkreti inseparabbilment marbuta bejniethom li wasslu sabiex il-persuna kkonċernata tinħeles jew tiġi kkundannata b’mod definittiv (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2007, Kraaijenbrink, C‑367/05, EU:C:2007:444, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑16 ta’ Novembru 2010, Mantello, C‑261/09, EU:C:2010:683, punti 3940). Għaldaqstant, l-Artikolu 50 tal-Karta jipprekludi li jiġu imposti, għal fatti identiċi, diversi sanzjonijiet ta’ natura kriminali wara proċeduri differenti mnehdija għal dan l-għan.

36

Barra minn hekk, il-klassifikazzjoni ġuridika, fid-dritt nazzjonali, tal-fatti u l-interess ġuridiku protett ma humiex rilevanti għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-eżistenza tal-istess ksur, sa fejn il-portata tal-protezzjoni mogħtija fl-Artikolu 50 tal-Karta ma tistax tvarja minn Stat Membru għall-ieħor.

37

F’dan il-każ, mill-indikazzjonijiet ipprovduti fid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li L. Menci ġiet imposta fuqu, b’mod definittiv, sanzjoni amministrattiva ta’ natura kriminali talli naqas milli jħallas, fit-termini stabbiliti mil-liġi, il-VAT li tirriżulta mid-dikjarazzjoni annwali għas-sena fiskali 2011 u li l-proċeduri kriminali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jkopru din l-istess ommissjoni.

38

Minkejja li, bħalma jargumenta l-Gvern Taljan fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, l-impożizzjoni ta’ sanzjoni kriminali wara proċeduri kriminali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, teħtieġ, b’differenza għall-imsemmija sanzjoni amministrattiva ta’ natura kriminali, element suġġettiv, għandu madankollu jiġi rrilevat li ċ-ċirkustanza li l-impożizzjoni tal-imsemmija sanzjoni kriminali tiddependi minn element kostituttiv addizzjonali meta mqabbla mas-sanzjoni amministrattiva ta’ natura kriminali ma hijiex, fiha nfisha, ta’ natura li timmina l-identiċità tal-fatti materjali kkonċernati. Bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, is-sanzjoni amministrattiva ta’ natura kriminali u l-proċeduri kriminali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għaldaqstant donnhom għandhom bħala suġġett l-istess ksur.

39

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippermetti li jinbdew proċeduri kriminali kontra persuna, bħal L. Menci, għal ksur li jikkonsisti fl-ommissjoni li titħallas il-VAT dovuta abbażi tad-dikjarazzjoni relatata ma’ sena taxxabbli, wara l-impożizzjoni fuq din l-istess persuna, għall-istess fatti, ta’ sanzjoni amministrattiva definittiva ta’ natura kriminali fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Karta. Issa, tali kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet jikkostitwixxi limitazzjoni tad-dritt fundamentali ggarantit minn dan l-artikolu.

Fuq il-ġustifikazzjoni tal-limitazzjoni tad-dritt iggarantit mill-Artikolu 50 tal-Karta

40

Għandu jitfakkar li, fis-sentenza tagħha tas‑27 ta’ Mejju 2014, Spasic (C‑129/14 PPU, EU:C:2014:586, punti 5556), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li limitazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem iggarantit mill-Artikolu 50 tal-Karta tista’ tiġi ġġustifikata abbażi tal-Artikolu 52(1) tagħha.

41

Konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, kull limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti minnha għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tosserva l-kontenut essenzjali ta’ dawn id-drittijiet u libertajiet. Skont it-tieni sentenza tal-imsemmi paragrafu, bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet għal dawn id-drittijiet u għal dawn il-libertajiet biss jekk tali limitazzjonijiet ikunu neċessarji u jekk effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

42

F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-possibbiltà ta’ kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet kriminali kif ukoll ta’ proċeduri u sanzjonijiet amministrattivi ta’ natura kriminali hija prevista mil-liġi.

43

Barra minn hekk, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tosserva l-kontenut essenzjali tal-Artikolu 50 tal-Karta, sa fejn, skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fil-proċess fid-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija tippermetti tali kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet biss fuq kundizzjonijiet restrittivi, li jiżguraw għaldaqstant li d-dritt iggarantit f’dan l-Artikolu 50 ma jkunx imminat bħala tali.

44

F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-limitazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem li tirriżulta minn leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissodisfax għan ta’ interess ġenerali, mill-proċess fid-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din il-leġiżlazzjoni hija intiża li tiżgura li l-VAT dovuta tinġabar kollha. Fid-dawl tal-importanza li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tagħti, sabiex jintlaħaq dan l-għan, għall-ġlieda kontra l-ksur fil-qasam tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B., C‑42/17, EU:C:2017:936, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet ta’ natura kriminali jista’ jkun iġġustifikat meta dawn il-proċeduri u dawn is-sanzjonijiet ifittxu, sabiex jintlaħaq tali għan, għanijiet komplementati li jirrigwardaw, skont il-każ, aspetti differenti tal-istess aġir li jikkostitwixxi ksur ikkonċernat, fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

45

F’dan ir-rigward, fil-qasam tal-ksur relatat mal-VAT, jidher leġittimu li Stat Membru jkun irid, minn naħa, jiddisswadi u jikkastiga kull ksur ta’ obbligu, kemm jekk ikun intenzjonali jew le, dwar ir-regoli ta’ dikjarazzjoni u ta’ ġbir tal-VAT u billi jimponi sanzjonijiet amministrattivi stabbiliti, skont il-każ, f’rata fissa u, min-naħa l-oħra, jiddisswadi u jikkastiga ksur ta’ obbligi gravi ta’ dawn ir-regoli, li huma partikolarment ta’ ħsara għas-soċjetà u li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali iktar severi.

46

Fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, dan jeżiġi li l-kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet previst minn leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma għandux jaqbeż il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħqu għanijiet leġittimi mfittxija minn din il-leġiżlazzjoni, u huwa mifhum li, meta jkun hemm għażla bejn numru ta’ miżuri xierqa, għandha tintuża dik li hija l-inqas restrittiva u li l-inkonvenjenti kkawżati minnha ma jkunux sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Frar 2010, Müller Fleisch, C‑562/08, EU:C:2010:93, punt 43; tad‑9 ta’ Marzu 2010, ERG et, C‑379/08 u C‑380/08, EU:C:2010:127, punt 86, kif ukoll tad‑19 ta’ Ottubru 2016, EL-EM-2001, C‑501/14, EU:C:2016:777, punti 3739 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

47

F’dan ir-rigward, hemm lok jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, l-Istati Membri għandhom libertà fl-għażla tas-sanzjonijiet applikabbli sabiex jiġi żgurat li d-dħul iġġenerat mill-VAT jinġabar kollu. Fl-assenza ta’ armonizzazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam, l-Istati Membri għaldaqstant jistgħu jipprevedu kemm sistema li fiha ksur fil-qasam tal-VAT jista’ jkun is-suġġett ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet darba biss, kif ukoll sistema li tawtorizza kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-proporzjonalità ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tistax tiġi ddubitata mill-fatt biss li l-Istat Membru kkonċernat għażel li jipprevedi l-possibbiltà ta’ tali kumulu u dan, taħt piena li dan l-Istat Membru titneħħielu din il-libertà ta’ għażla.

48

Wara li dan ġie ppreċiżat, għandu jiġi rrilevat li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi tali possibbiltà ta’ kumulu hija xierqa li tilħaq l-għan imsemmi fil-punt 44 ta’ din is-sentenza.

49

Fir-rigward tan-natura strettament neċessarja tagħha, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha, qabelxejn, tipprevedi regoli ċari u preċiżi li jippermettu lill-parti f’kawża tipprevedi liema atti u ommissjonijiet jistgħu jkunu s-suġġett ta’ tali kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet.

50

F’dan il-każ, bħalma jirriżulta mill-elementi li jinsabu fil-proċess fid-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari l-Artikolu 13(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 471/97, jipprevedi l-kundizzjonijiet li fihom l-ommissjoni li titħallas il-VAT dovuta fit-termini legali tista’ tagħti lok għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni amministrattiva ta’ natura kriminali. Konformement ma’ dan l-Artikolu 13(1) u fil-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10a(1) u fl-Artikolu 10b(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 74/2000, tali ommissjoni tista’ wkoll, jekk tkun tirrigwarda dikjarazzjoni fiskali annwali dwar ammont ta’ VAT ta’ iktar minn EUR 50000, tkun is-suġġett ta’ piena ta’ priġunerija ta’ bejn sitt xhur u sentejn.

51

Jidher għaldaqstant, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprevedi, b’mod ċar u preċiż, f’liema ċirkustanzi l-ommissjoni li titħallas il-VAT tista’ tkun is-suġġett ta’ kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet ta’ natura kriminali.

52

Sussegwentement, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha tiżgura li l-piżijiet li jirriżultaw, għall-persuni kkonċernati, minn tali kumulu jkunu limitati għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imsemmi fil-punt 44 ta’ din is-sentenza.

53

Fir-rigward, minn naħa, ta’ kumulu ta’ proċeduri ta’ natura kriminali li, bħalma jirriżulta mill-elementi li jinsabu fil-proċess, huma mmexxija b’mod indipendenti, ir-rekwiżit imfakkar fil-punt preċedenti jimplika l-eżistenza ta’ regoli li jiżguraw koordinazzjoni intiża li tnaqqas għal dak li huwa strettament neċessarju l-piż addizzjonali li tali kumulu jġib miegħu għall-persuni kkonċernati.

54

F’dan il-każ, minkejja li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippermetti li jinbdew proċeduri kriminali anki wara li tiġi imposta sanzjoni amministrattiva ta’ natura kriminali li tagħlaq b’mod definittiv il-proċedura amministrattiva, mill-elementi li jinsabu fil-proċess u mqassra fil-punt 50 ta’ din is-sentenza jirriżulta li din il-leġiżlazzjoni donnha tillimita l-proċeduri kriminali għall-ksur li għandu ċerta gravità, jiġifieri dak li jirrigwarda ammont ta’ VAT mhux imħallsa ta’ iktar minn EUR 50000, li għalihom il-leġiżlatur nazzjonali ppreveda piena ta’ priġunerija, li s-severità tagħha jidher li tiġġustifika n-neċessità li jinbdew, sabiex tiġi imposta tali piena, proċeduri kriminali indipendenti mill-proċedura amministrattiva ta’ natura kriminali.

55

Min-naħa l-oħra, il-kumulu ta’ sanzjonijiet ta’ natura kriminali għandu jkollu miegħu regoli li jippermettu li jiġi żgurat li s-severità tas-sanzjonijiet imposti kollha tikkorrispondi għall-gravità tal-ksur ikkonċernat, liema rekwiżit jirriżulta mhux biss mill-Artikolu 52(1) tal-Karta, iżda wkoll mill-prinċipju ta’ proporzjonalità ta’ pieni stipulat fl-Artikolu 49(3) tagħha. Dawn ir-regoli għandhom jipprevedu l-obbligu għall-awtoritajiet kompetenti, fil-każ ta’ impożizzjoni tat-tieni sanzjoni, li jiżguraw li s-severità tas-sanzjonijiet imposti kollha ma teċċedix il-gravità tal-ksur ikkonstatat.

56

F’dan il-każ, mill-Artikolu 21 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 74/2000 donnu jirriżulta li dan ma huwiex limitat li jipprevedi s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni forzata tas-sanzjonijiet amministrattivi ta’ natura kriminali matul il-proċeduri kriminali, iżda li dan jipprekludi b’mod definittiv din l-eżekuzzjoni wara l-kundanna kriminali tal-persuna kkonċernata. Barra minn hekk, skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-ħlas volontarju tad-dejn fiskali, sakemm dan jirrigwarda wkoll is-sanzjoni amministrattiva imposta fuq il-persuna kkonċernata, jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti speċjali li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-proċeduri kriminali. Jidher għaldaqstant li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprevedi kundizzjonijiet xierqa sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet kompetenti jillimitaw is-severità tas-sanzjonijiet imposti kollha għal dak li huwa strettament neċessarju meta mqabbel mal-gravità tal-ksur imwettaq.

57

Għaldaqstant jidher, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tippermetti li jiġi żgurat li l-kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet li hija tawtorizza ma jeċċedix dak li huwa strettament neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imsemmi fil-punt 44 ta’ din is-sentenza.

58

Għandu jiġi rrilevat ukoll li, minkejja li leġiżlazzjoni nazzjonali li tissodisfa r-rekwiżiti stipulati fil-punti 44, 49, 53 u 55 ta’ din is-sentenza tidher, bħala prinċipju, li tista’ tiżgura l-konċiljazzjoni neċessarja bejn l-interessi differenti inkwistjoni, hija għandha wkoll tiġi applikata mill-awtoritajiet u mill-qrati nazzjonali b’mod li l-piż li jirriżulta, fil-każ partikolari u għall-persuna kkonċernata, mill-kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet, ma jkunx eċċessiv meta mqabbel mal-gravità tal-ksur imwettaq.

59

Finalment, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa n-natura proporzjonata tal-applikazzjoni konkreta tal-imsemmija leġiżlazzjoni fil-kuntest tal-proċedura fil-kawża prinċipali, billi tiżen, minn naħa, il-gravità tal-ksur fiskali inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, il-piż li jirriżulta konkretament għall-persuna kkonċernata mill-kumulu tal-proċeduri u tas-sanzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

60

Fl-aħħar nett, sa fejn il-Karta tinkludi drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-KEDB, l-Artikolu 52(3) tal-Karta jipprevedi li t-tifsira u l-portata tagħhom għandhom ikunu l-istess bħal dawk li tagħtihom l-imsemmija konvenzjoni. Għalhekk għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-KEDB għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Frar 2016, N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 77, u tal‑5 ta’ April 2017, Orsi u Baldetti, C‑217/15 u C‑350/15, EU:C:2017:264, punt 24).

61

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet fiskali u kriminali li jinforzaw l-istess ksur tal-liġi fiskali ma jiksirx il-prinċipju tan-ne bis in idem stabbilit fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-KEDB, meta l-proċeduri fiskali u kriminali jkollhom rabta materjali u ratione temporis suffiċjentement mill-qrib (il-Qorti EDB, 15 ta’ Novembru 2016, A u B vs In-Norveġja, CE:ECHR:2016:1115JUD002413011, punt 132).

62

Għaldaqstant, ir-rekwiżiti li l-Artikolu 50 tal-Karta, flimkien mal-Artikolu 52(1) tagħha, jissuġġetta eventwali kumulu ta’ proċeduri u sanzjonijiet kriminali kif ukoll ta’ proċeduri u sanzjonijiet amministrattivi ta’ natura kriminali, bħalma jirriżulta mill-punti 44, 49, 53, 55 u 58 ta’ din is-sentenza, jiżguraw livell ta’ protezzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem li ma jiksirx dak iggarantit fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-KEDB, kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

63

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 50 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha jistgħu jinbdew proċeduri kriminali kontra persuna għal ommissjoni ta’ ħlas tal-VAT dovuta fit-termini legali, minkejja li din il-persuna diġà ġiet imposta fuqha, għall-istess fatti, sanzjoni amministrattiva definittiva ta’ natura kriminali fis-sens ta’ dan l-Artikolu 50, sakemm din il-leġiżlazzjoni

għandha għan ta’ interess ġenerali li huwa ta’ natura li jiġġustifika tali kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet, jiġifieri l-ġlieda kontra l-ksur fil-qasam tal-VAT, liema proċeduri u sanzjonijiet għandu jkollhom għanijiet komplementari,

tinkludi regoli li jiżguraw koordinazzjoni li tillimita għal dak li huwa strettament neċessarju l-piż addizzjonali li jirriżulta, għall-persuni kkonċernati, minn kumulu ta’ proċeduri, u

tipprevedi regoli li jippermettu li jiġi żgurat li s-severità tas-sanzjonijiet imposti kollha tkun limitata għal dak li huwa strettament neċessarju meta mqabbel mal-gravità tal-ksur ikkonċernat.

64

Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiżgura, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża prinċipali, li l-piż li jirriżulta konkretament għall-persuna kkonċernata mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali u mill-kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet li din tawtorizza ma huwiex eċċessiv meta mqabbel mal-gravità tal-ksur imwettaq.

Fuq l-ispejjeż

65

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha jistgħu jinbdew proċeduri kriminali kontra persuna għal ommissjoni ta’ ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud dovuta fit-termini legali, minkejja li din il-persuna diġà ġiet imposta fuqha, għall-istess fatti, sanzjoni amministrattiva definittiva ta’ natura kriminali fis-sens ta’ dan l-Artikolu 50, sakemm din il-leġiżlazzjoni

għandha għan ta’ interess ġenerali li huwa ta’ natura li jiġġustifika tali kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet, jiġifieri l-ġlieda kontra l-ksur fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud, liema proċeduri u sanzjonijiet għandu jkollhom għanijiet komplementari,

tinkludi regoli li jiżguraw koordinazzjoni li tillimita għal dak li huwa strettament neċessarju l-piż addizzjonali li jirriżulta, għall-persuni kkonċernati, minn kumulu ta’ proċeduri, u

tipprevedi regoli li jippermettu li jiġi żgurat li s-severità tas-sanzjonijiet imposti kollha tkun limitata għal dak li huwa strettament neċessarju meta mqabbel mal-gravità tal-ksur ikkonċernat.

 

2)

Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiżgura, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża prinċipali, li l-piż li jirriżulta konkretament għall-persuna kkonċernata mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali u mill-kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet li din tawtorizza ma huwiex eċċessiv meta mqabbel mal-gravità tal-ksur imwettaq.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Fuq