SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

14 ta’ Settembru 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Standards għall-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32/UE – Artikolu 9 – Dritt li wieħed jibqa’ fi Stat Membru sakemm tiġi eżaminata l-applikazzjoni – Direttiva 2013/33/UE – Punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) – Tqegħid f’detenzjoni – Verifika tal-identità jew tan-nazzjonalità – Determinazzjoni tal-elementi li hija bbażata fuqhom l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Validità – Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 6 u 52 – Limitazzjoni – Proporzjonalità”

Fil-Kawża C-18/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-rechtbank Den Haag zittingsplaats Haarlem (qorti ta’ Den Haag, sedenti f’Haarlem, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Jannar 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Jannar 2016, fil-proċedura

K.

vs

Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz (Relatur), President tal-Awla, E. Juhász, C. Vajda, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u M. Noort, bħala aġenti,

għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u C. Pochet, bħala aġenti,

għall-Gvern Estonjan, minn K. Kraavi-Käerdi, bħala aġent,

għall-Irlanda, minn E. Creedon u L. Williams kif ukoll minn A. Joyce, bħala aġenti,

għall-Parlament Ewropew, minn T. Lukácsi u R. van de Westelaken, bħala aġenti,

għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn M. Chavrier F. Naert u K. Pleśniak, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande kif ukoll minn H. Krämer u G. Wils, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-4 ta’ Mejju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tal-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 96).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn K. u l-iStaatssecretaris van Veiligheid en Justitie (segretarju tal-Istat għas-sigurtà u għall-ġustizzja, il-Pajjiżi l-Baxxi) dwar it-tqegħid f’detenzjoni tiegħu.

Il-kuntest ġuridiku

Il-KEDB

3

Taħt it-titolu “Id-dritt għal-libertà u għas-sigurtà”, l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu li:

“Kull persuna għandha d-dritt għal-libertà u għas-sigurtà. Ħadd ma għandu jiġi pprivat mil-libertà tiegħu ħlief fil-każijiet li ġejjin u skont il-proċedura preskritta bil-liġi:

[…]

f)

l-arrest jew id-detenzjoni skont il-liġi ta’ persuna biex jiġi evitat li tidħol mingħajr awtorità fil-pajjiż jew ta’ persuna li kontra tagħha tkun qed issir kawża għad-deportazzjoni jew għall-estradizzjoni.”

Id-dritt tal-Unjoni

Il-Karta

4

L-Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), intitolat “Id-dritt għal-libertà u għas-sigurtà”, jipprovdi:

“Kull persuna għandha d-dritt għal-libertà u għas-sigurtà.”

5

Skont l-Artikolu 52 tal-Karta, intitolat “L-ambitu u l-interpretazzjoni ta’ drittijiet u ta’ prinċipji”:

“1.   Kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

[…]

3.   Safejn din il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-[KEDB], it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni msemmija. Din id-dispożizzjoni ma żżommx lil-liġi ta’ l-Unjoni milli jipprevedi protezzjoni aktar estensiva.

[…]

7.   L-ispjegazzjonijiet imfassla bħala gwida għall-interpretazzjoni ta’ din il-Karta għandhom jingħataw il-kunsiderazzjoni dovuta mill-qrati ta’ l-Unjoni u ta’ l-Istati Membri.”

Id-Direttiva 2011/95/KE

6

Taħt it-titolu “Eżami ta’ fatti u ċirkostanzi”, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9) huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-Istati Membri jistgħu jqisuh bħala d-dmir tal-applikant li jissottometti kemm jista’ jkun malajr l-elementi kollha meħtieġa biex tiġi sostanzjata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. F’kooperazzjoni mal-applikant huwa d-dmir tal-Istat Membru li jeżamina l-elementi rilevanti tal-applikazzjoni.

2.   L-elementi riferiti fil-paragrafu 1 jikkonsistu mid-dikjarazzjonijiet ta’ l-applikant u d-dokumentazzjoni kollha għad-dispożizzjoni ta’ l-applikanti rigward l-eta ta’ l-applikant, l-ambjent minfejn ikun ġej, inkluż dak ta’ qraba rilevanti, identita, nazzjonalita(jiet), pajjiż(i) u post(ijiet) ta’ residenza ta’ qabel, applikazzjonijiet ta’ asil ta’ qabel, rotti ta’ vjaġġar, dokumenti ta’ identita u ta’ vjaġġar u r-raġunijiet għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

[…]”

Id-Direttiva 2013/32/UE

7

Taħt it-titolu “Definizzjonijiet”, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60), jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

c)

‘applikant’ tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li għamel applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li fir-rigward tagħha deċizjoni finali tkun għadha ma tteħditx;

[…]

p)

‘tibqa’ fl-Istat Membru’ tfisser li tibqa’ fit-territorju, inklużi l-fruntiera jew iż-żoni ta’ tranżitu tal-Istat Membru li fih tkun saret l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali jew li fih tkun saret jew qiegħda tiġi eżaminata tali applikazzjoni;

[…]”

8

L-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Id-dritt li wieħed jibqa’ fl-Istat Membru matul l-eżami tal-applikazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1:

“L-applikanti għandhom jitħallew jibqgħu fl-Istat Membru, għall-fini tal-proċedura biss, sa meta l-awtorità determinanti tkun ħadet deċiżjoni fl-ewwel istanza skont il-proċeduri stabbiliti fil-Kapitolu III. Dak id-dritt li jitħallew jibqgħu fl-Istat Membru m’għandux jikkostitwixxi intitolament għall-permess ta’ residenza.”

9

L-Artikolu 13 tal-istess direttiva, intitolat “Obbligi tal-applikanti”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali għandhom jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti bl-għan li jistabbilixxu l-identità tagħhom u elementi oħra li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2011/95/UE. L-Istati Membri jistgħu jimponu lill-applikant obbligi oħra biex jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti sa fejn tali obbligi huma meħtieġa għall-ipproċessar tal-applikazzjoni.”

Id-Direttiva 2013/33

10

Id-Direttiva 2013/33 tipprovdi, fil-premessi 2, 12, 15, 17, 20 u 35 tagħha:

“(2)

Politika komuni dwar l-asil, inkluża Sistema Komuni Ewropea tal-Asil, hija parti kostitwenti tal-għan tal-Unjoni Ewropea biex tistabbilixxi progressivament żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja miftuħa għal dawk li, imġiegħla minn ċirkostanzi, ifittxu b’mod leġittimu protezzjoni fl-Unjoni. Tali politika għandha tkun regolata mill-prinċipju tas-solidarjetà u l-qsim ġust tar-responsabbiltà, inklużi l-implikazzjonijiet finanzjarji tagħha, bejn l-Istati Membri.

[…]

(12)

L-armonizzazzjoni tal-kondizzjonijiet għall-akkoljenza tal-applikanti għandha tgħin biex tillimita ċ-ċaqliq sekondarju ta’ applikanti influwenzati mill-varjetà ta’ kondizzjonijiet għall-akkoljenza tagħhom.

[…]

(15)

Id-detenzjoni tal-applikanti għandha tkun applikata skont il-prinċipju sottostanti li persuna m’għandiex tinżamm f’detenzjoni għall-unika raġuni li huwa jew hija qed tfittex protezzjoni internazzjonali, b’mod partikolari skont l-obbligi legali internazzjonali tal-Istati Membri, u skont l-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni [dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 [Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 3545 (1954)], kif issupplimentata bil-Protokoll ta’ New York tal-31 ta’ Jannar 1967]. L-applikanti jistgħu jiġu detenuti biss taħt ċirkostanzi eċċezzjonali definiti b’mod ċar stipulati fid-Direttiva u soġġetti għall-prinċipju ta’ neċessità u proporzjonalità fir-rigward kemm tal-manjiera kif ukoll tal-iskop ta’ tali detenzjoni. Meta applikant jinżamm detenut huwa jew hija għandhom ikollhom aċċess effettiv għall-garanziji proċedurali neċessarji bħar-rimedju ġudizzjarju quddiem awtorità ġudizzjarja nazzjonali.

[…]

(17)

Ir-raġunijiet għad-detenzjoni stabbiliti f’din id-Direttiva huma mingħajr preġudizzju għar- raġunijiet l-oħra ta’ detenzjoni, inklużi r-raġunijiet ta’ detenzjoni fil-qafas tal-proċedimenti kriminali, li jkunu applikabbli taħt il-liġi nazzjonali, mhux relatati mal-applikazzjoni għal protezzjoni nazzjonali ta’ ċittadin ta’ pajjiż terzi jew persuna apolida.

[…]

(20)

Sabiex tiġi żgurata aħjar l-integrità fiżika u psikoloġika tal-applikanti, id-detenzjoni għandha tkun miżura tal-aħħar rikors u għandha tiġi applikata biss wara li jkunu ġew eżaminati kif adatt il-miżuri alternattivi kollha mhux ta’ kustodja għad-detenzjoni. Kwalunkwe miżura alternattiva għad-detenzjoni għandha tirrispetta d-drittijiet fundamentali tal-bniedem tal-applikanti.

[…]

(35)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-[Karta] B’mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tiżgura rispett sħiħ għad-dinjità tal-bniedem u li tippromwovi l-applikazzjoni tal-Artikoli 1 4, 6, 7, 18, 21, 24 u 47 tal-[Karta] u trid tiġi implimentata b’dan il-mod.”

11

Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2013/33, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

b)

‘applikant’ tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li għamlet applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li fir-rigward tagħha tkun għadha ma tteħditx deċizjoni finali;

[…]

h)

‘detenzjoni’ tfisser restrizzjoni ta’ applikant minn Stat Membru f’post partikulari, fejn l-applikant ikun imċaħħad mil-libertà ta’ moviment tiegħu jew tagħha;

[…]”

12

L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Detenzjoni”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri m’għandhomx iżommu persuna f’detenzjoni għall-unika raġuni li huwa jew hija applikant(a) skont id-Direttiva [2013/32].

2.   Meta jkun meħtieġ u fuq il-bażi ta’ valutazzjoni individwali ta’ kull każ, l-Istati Membri jistgħu jżommu applikant f’detenzjoni, sakemm miżuri inqas dixxiplinari oħra ma jistgħux ikunu applikati b’mod effettiv.

3.   Applikant jista’ jinżamm f’detenzjoni biss:

a)

sabiex tiġi determinata, aċċertata jew ivverifikata l-identità jew in-nazzjonalità tiegħu jew tagħha;

b)

sabiex jiġu determinati dawk l-elementi li fuqhom hija bbażata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u li ma jkunux ottenibbli fin-nuqqas ta’ detenzjoni b’mod partikolari fejn ikun hemm riskju li l-applikant jaħrab;

[…]

e)

meta l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali jew l-ordni pubblika jeħtieġu hekk;

[…]

Ir-raġunijiet għad-detenzjoni għandhom jiġu stipulati fil-liġi nazzjonali.”

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-regoli rigward l-alternattivi għad-detenzjoni, bħal rappurtaġġ regolari lill-awtoritajiet, id-depożitu ta’ garanzija finanzjarja, jew l-obbligu li joqgħod f’żona ġeografika indikata, huma stipulati fil-liġi nazzjonali.”

13

Skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/33, intitolat “Garanziji għal applikanti detenuti”:

“1.   Applikant għandu jiġi detenut biss għal żmien qasir kemm jista’ jkun u għandu jinżamm detenut biss sakemm ikunu applikabbli r-raġunijiet stipulati fl-Artikolu 8(3).

Il-proċeduri amministrattivi relevanti għar-raġunijiet għad-detenzjoni stipulati fl-Artikolu 8(3) għandhom jiġi eżegwiti bid-diliġenza dovuta. Dewmien fl-ipproċessar tal-proċeduri amministrattivi li ma jistgħux ikunu attribwiti lill-applikant m’għandux jiġġustifika l-kontinwazzjoni tad-detenzjoni.

2.   Id-detenzjoni tal-applikanti għandha tiġi ordnata bil-miktub minn awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi. L-ordni tad-detenzjoni għandha tiddikjara r-raġunijiet fil-fatt u bi dritt li fuqhom hija bbażata.

3.   Fejn id-detenzjoni tiġi ordnata minn awtoritajiet amministrattivi, l-Istati Membri għandhom jipprevedu rieżami ġudizzjarju [stħarriġ ġudizzjarju] minnufih tal-legalità tad-detenzjoni li jiġi mwettaq ex officio u/jew fuq talba tal-applikant. Meta jitwettaq ex officio tali rieżami għandu jiġi deċiż mill-aktar fis possibbli mill-bidu tad-detenzjoni. Meta jitwettaq fuq talba tal-applikant, huwa għandu jiġi deċiż mill-aktar fis possibbli wara t-tnehdija tal-proċedimenti rilevanti. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu fil-liġi nazzjonali l-perjodu li fih għandhom jitwettqu r-rieżami ex officio u/jew ir-rieżami fuq talba tal-applikant.

Meta, b’riżultat tar-rieżami ġudizzjarju, id-detenzjoni tinstab li kienet illegali, l-applikant ikkonċernat għandu jinħeles minnufih.

4.   L-applikanti detenuti għandhom jiġu infurmati minnufih bil-miktub, f’lingwa li jifhmu jew li huma raġonevolment mistennija li jifhmu, dwar ir-raġunijiet għad-detenzjoni u l-proċeduri stabbiliti fil-liġi nazzjonali għall-kontestazzjoni tal-ordni tad-detenzjoni, kif ukoll dwar il-possibbiltà li jitolbu assistenza u rappreżentanza legali mingħajr ħlas[.]

5.   Id-detenzjoni għandha tiġi riveduta minn awtorità ġudizzjarja f’intervalli raġonevoli ta’ żmien, ex officio u/jew fuq talba tal-applikant ikkonċernat, b’mod partikolari kull meta din tkun għal perjodu estiż, iqumu ċirkostanzi relevanti jew issir disponibbli informazzjoni ġdida li jista’ jkollhom effett fuq il-legalità tad-detenzjoni.

[…]”

Id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi

14

L-Artikolu 8 tal-Vreemdelingenwet 2000 (liġi tal-2000 dwar il-barranin, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-barranin”) jipprovdi kif ġej:

“Barrani għandu d-dritt jirrisjedi legalment fil-Pajjiżi l-Baxxi biss:

[…]

f)

sakemm tingħata d-deċiżjoni dwar applikazzjoni għall-ħruġ ta’ permess ta’ residenza [temporanja għall-ażil], meta, konformement ma’ din il-liġi jew ma’ dispożizzjoni adottata bis-saħħa tagħha jew ma’ deċiżjoni ġudizzjarja, il-barrani ma għandux jitwassal sal-fruntiera, sakemm tkun ingħatat deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tiegħu.

h)

sakemm tingħata d-deċiżjoni dwar ilment jew appell meta, konformement ma’ din il-liġi jew ma’ dispożizzjoni adottata bis-saħħa tagħha jew ma’ deċiżjoni ġudizzjarja, il-barrani ma għandux jitkeċċa sakemm tkun ingħatat deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tiegħu.

[…]”

15

Skont l-Artikolu 28 tal-liġi dwar il-barranin:

Il-Ministru tagħna huwa kompetenti:

Sabiex jilqa’ t-talba għall-ħruġ ta’ permess ta’ residenza temporanja;

[…]”

16

L-Artikolu 59b tal-liġi dwar il-barranin jipprovdi:

“1.   Barrani li jkun f’residenza legali skont l-Artikolu 8(f) […], sa fejn is-sitwazzjoni tirrigwarda applikazzjoni għall-ħruġ ta’ permess ta’ residenza [temporanja għall-ażil], jista’ jinżamm f’detenzjoni mill-ministru jekk:

a)

id-detenzjoni tkun neċessarja sabiex tiġi stabbilita l-identità jew in-nazzjonalità tal-barrani;

b)

id-detenzjoni tkun neċessarja sabiex tinġabar id-data neċessarja għall-evalwazzjoni ta’ applikazzjoni għal permess ta’ residenza temporanja prevista fl-Artikolu 28, b’mod partikolari jekk ikun hemm riskju ta’ tneħħija ta’ dokumenti;

[…]

2.   Id-detenzjoni skont il-paragrafu 1(a), (b) jew (c) ma għandhiex tkun ta’ iktar minn erba’ ġimgħat, sakemm ma jiġix applikat l-Artikolu 39 tal-liġi dwar il-barranin. F’dan il-każ, id-detenzjoni ma għandhiex tkun ta’ iktar minn sitt ġimgħat.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

17

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, ċittadin ta’ pajjiż terz, wasal fl-ajruport ta’ Amsterdam Schiphol (il-Pajjiżi l-Baxxi), fit-30 ta’ Novembru 2015, permezz ta’ titjira minn Vjenna (l-Awstrija). Huwa kellu l-intenzjoni li jkompli fl-istess ġurnata t-traġitt tiegħu lejn Edinburgh (ir-Renju Unit).

18

Waqt il-kontroll tad-dokumenti mwettaq qabel l-imbarkament għat-titjira lejn Edinburgh, huwa ġie ssuspettat li kien qiegħed juża passaport falz u, għaldaqstant, tqiegħed f’arrest preventiv.

19

Fil-15 ta’ Diċembru 2015, il-qorti kriminali ddikkjarat inammissibbli l-prosekuzzjoni kriminali tal-uffiċċju tal-prosekutur kontra r-rikorrent fil-kawża prinċipali. Permezz ta’ ordni ta’ “rilaxx immedjat”, tas-16 ta’ Diċembru 2015, ġie ordnat ir-rilaxx tiegħu.

20

Fis-17 ta’ Diċembru 2015, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali għamel applikazzjoni għall-ażil. Permezz ta’ deċiżjoni tal-istess ġurnata, huwa tqiegħed f’detenzjoni, skont l-Artikolu 59b(1)(a) u (b) tal-liġi dwar il-barranin, li hija t-traspożizzjoni tal-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33. Din id-deċiżjoni kienet immotivata mill-bżonn li jsir rikors għal tali miżura sabiex tiġi stabbilita l-identità jew in-nazzjonalità ta’ dan ir-rikorrent, kif ukoll sabiex jiġu ddeterminati l-elementi neċessarji għall-evalwazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu, fil-preżenza ta’ riskju li jaħrab.

21

Fis-17 ta’ Diċembru 2015, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta appell kontra d-deċiżjoni li jinżamm f’detenzjoni u talab l-għoti ta’ kumpens.

22

Fil-mument tas-seduta quddiem il-qorti tar-rinviju, fit-28 ta’ Diċembru 2015, K. kien instema’ darba dwar l-applikazzjoni għal ażil tiegħu mingħajr ma kienet għadha ttieħdet deċiżjoni dwarha. Għalhekk, fid-data tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-ebda deċiżjoni ta’ ritorn ma kienet għadha ttieħdet fil-konfront tiegħu.

23

Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, K. isostni li l-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33 huma kuntrarji għall-Artikolu 5 tal-KEDB u, għaldaqstant, għall-Artikolu 6 tal-Karta.

24

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza x-xebh bejn il-kawża prinċipali u l-kawża li wasslet għas-sentenza tal-15 ta’ Frar 2016, N. (C-601/15 PPU, EU:C:2016:84) li kienet dwar il-validità tal-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tal-imsemmija direttiva.

25

Filwaqt li għamlet tagħha, mutatis mutandis, il-kunsiderazzjonijiet imqajma mir-Raad van State (kunsill tal-istat, il-Pajjiżi l-Baxxi), fil-kawża li wasslet għall-imsemmija sentenza, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fil-kawża prinċipali, dwar il-validità tal-punti (a) u (b) tal-istess direttiva, fid-dawl tal-Artikolu 6 tal-Karta.

26

Bħar-Raad van State (kunsill tal-istat), ir-rechtbank Den Haag zittingsplaats Haarlem (qorti ta’ Den Haag, sedenti f’Haarlem, il-Pajjiżi l-Baxxi) tesponi, minn naħa, li skont l-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17), id-drittijiet previsti fl-Artikolu 6 jikkorrispondu għal dawk li huma ggarantiti mill-Artikolu 5 tal-KEDB u għandhom, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, l-istess sens u portata. Minn dan jirriżulta li l-limitazzjonijiet li jistgħu leġittimament isirulhom ma jistgħux jeċċedu l-limiti permessi mill-kliem tal-imsemmi Artikolu 5 tal-KEDB.

27

Il-qorti tar-rinviju tinvoka, min-naħa l-oħra, il-paragrafu 29 tas-sentenza tal-QEDB tat-22 ta’ Settembru 2015, Nabil et vs L-Ungerija (CE:ECHR:2015:0922JUD006211612), skont liema ċaħda tal-libertà bbażata fuq it-tieni parti tas-sentenza tal-Artikolu 5(1)(f) tal-KEDB hija ġġustifikata biss sakemm tkun għaddejja proċedura ta’ tkeċċija jew ta’ estradizzjoni. Jekk din ma titmexxiex bid-diliġenza meħtieġa, id-detenzjoni ma tibqax iġġustifikata fid-dawl tal-Artikolu 5(1)(f) tal-KEDB. Issa, fil-kawża prinċipali, l-ebda proċedura ta’ tkeċċija jew ta’ estradizzjoni ma hija għaddejja attwalment.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi ir-rechtbank Den Haag zittingsplaats Haarlem (qorti tal-ewwel istanza ta’ Den Haag sedenti f’Haarlem iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 8(3)(a) u (b) tad-Direttiva [2013/33] huwa validu fid-dawl tal-Artikolu 6 tal-Karta:

1)

f’sitwazzjoni fejn ċittadin ta’ pajjiż terz jiġi detenut skont l-Artikolu 8(3)(a) u (b) [ta’ din id-direttiva] u, skont l-Artikolu 9 tad-[Direttiva 2013/32], ikollu d-dritt li jibqa’ fi Stat Membru sakemm tittieħed deċiżjoni fl-ewwel istanza dwar l-applikazzjoni tiegħu għal ażil, u

2)

fid-dawl tal-Ispjegazzjoni li l-limitazzjonijiet li jistgħu jiġu imposti b’mod leġittimu fuq id-drittijiet fl-Artikolu 6 tal-Karta ma jistgħux jeċċedu dawk permessi mill-KEDB fil-formulazzjoni tal-Artikolu 5(1)(f), u l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tad-dispożizzjoni msemmija l-aħħar, inter alia, fis-sentenza tat-22 ta’ Settembru 2015, Nabil et vs L-Ungerija, CE:ECHR:2015:0922JUD006211612, li d-detenzjoni ta’ applikant għall-ażil tmur kontra l-Artikolu 5(1)(f) imsemmi hawn fuq jekk tali detenzjoni ma kinitx imposta bl-għan ta’ deportazzjoni?”

29

Fl-1 ta’ Frar 2016, il-qorti tar-rinviju informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li, permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Jannar 2016, iddikjarat fondat l-appell ippreżentat mir-rikorrent fil-kawża prinċipali kontra l-miżura ta’ detenzjoni li kienet fis-seħħ dak iż-żmien u ordnat it-tneħħija ta’ din il-miżura minn din l-aħħar data.

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

30

Fuq talba tal-qorti tar-rinviju, l-awla magħżula eżaminat in-neċessità li din il-kawża tiġi suġġetta għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fl-1 ta’ Frar 2016, din l-awla ddeċidiet, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li ma tilqax din it-talba.

Fuq id-domanda preliminari

31

Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-validità tal-punt (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33 fid-dawl tal-Artikolu 6 tal-Karta.

32

Preliminarjament, għandu jitfakkar li għalkemm, kif jikkonferma l-Artikolu 6(3) TUE, id-drittijiet fundamentali rikonoxxuti mill-KEDB jiffurmaw parti mid-dritt tal-Unjoni bħala prinċipji ġenerali u għalkemm l-Artikolu 52(3) tal-Karta jipprovdi li d-drittijiet inklużi f’din tal-aħħar, li jikkorrispondu għad-drittijiet żgurati mill-KEDB, għandhom l-istess sens u l-istess portata mogħtija lilhom mill-istess konvenzjoni, din tal-aħħar ma tikkostitwixxix, sa fejn l-Unjoni ma adixxietx għaliha, strument formalment integrat fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (sentenzi tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson,C-617/10, EU:C:2013:105, punt 44, kif ukoll tal-5 ta’ April 2017, Orsi u Baldetti, C-217/15 u C-350/15, EU:C:2017:264, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, l-eżami tal-validità tal-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33 għandu jitwettaq unikament fid-dawl tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Frar 2016, N., C-601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-28 ta’ Lulju 2016, Conseil des ministres,C-543/14, EU:C:2016:605, punt 23).

33

Għandu jiġi kkonstatat, f’dan ir-rigward, li l-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tal-istess direttiva jippermettu d-detenzjoni ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali sabiex tiġi stabbilita jew ivverifikata l-identità jew in-nazzjonalità tiegħu, jew sabiex jiġu ddeterminati l-elementi li hija bbażata fuqhom l-applikazzjoni li ma jistgħux jinkisbu mingħajr detenzjoni, b’mod partikolari meta hemm ir-riskju li jaħrab. Billi tawtorizza tali miżura, din id-dispożizzjoni tipprevedi limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Karta.

34

Issa skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti minnha għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-kontenut essenzjali tagħhom. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet u ta’ dawn il-libertajiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jiġu ssodisfatti l-għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

35

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà li jirriżulta mill-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33 hija prevista minn att leġiżlattiv tal-Unjoni u li ma jaffettwax il-kontenut essenzjali tad-dritt għal-libertà stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Karta. Fil-fatt, il-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) ma jqegħdux inkwistjoni l-garanzija ta’ dan id-dritt u, kif jirriżulta mill-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni u tal-premessa 15 ta’ din id-direttiva, jagħtu lill-Istati Membri s-setgħa li jżommu lil applikant f’detenzjoni biss minħabba l-aġir individwali tiegħu u fiċ-ċirkustanzi eċċezzjonali previsti fl-istess dispożizzjoni, liema ċirkustanzi, barra minn hekk, huma llimitati mill-kundizzjonijiet kollha li jinsabu fl-Artikoli 8 u 9 tal-imsemmija direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Frar 2016, N., C-601/15 PPU, EU:C:2016:84, punti 51 u 52).

36

Kif irrelevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 56 u 58 tal-konklużjonijiet tagħha, mill-Artikolu 78 TFUE jirriżulta li l-funzjonament tajjeb tas-sistema Ewropea komuni ta’ ażil, ibbażata fuq l-applikazzjoni ta’ kriterji komuni għall-Istati Membri, tikkostitwixxi għan ta’ interess ġenerali rikonoxxut mill-Unjoni Ewropea. Din is-sistema tipparteċipa, barra minn hekk, skont il-premessa 2 tad-Direttiva 2013/33, għat-twettiq tal-għan tal-Unjoni Ewropea għall-ħolqien progressivament ta’ spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja miftuħ għal dawk li, minħabba ċ-ċirkustanzi, jfittxu leġittimament protezzjoni ġewwa l-Unjoni. Issa, miżura bbażata fuq ir-raġunijiet stabbiliti fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) ta’ din id-direttiva tirrispondi għall-għan li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-sistema Ewropea komuni ta’ ażil, peress li tippermetti li jiġu identifikati l-persuni li jitolbu protezzjoni internazzjonali u jekk dawn jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex jitolbu tali protezzjoni, sabiex jiġi evitat, f’każ ta’ risposta negattiva, li jidħlu u jirrisjedu b’mod illegali fuq it-territorju tal-Unjoni.

37

F’dak li jirrigwarda l-proporzjonalità tal-indħil ikkonstatat, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tfittex li tilħaq, filwaqt li l-inkonvenjenzi kkawżati minn din tal-aħħar ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet previsti (sentenzi tal-15 ta’ Frar 2016, N., C-601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad-9 ta’ Ġunju 2016, Pesce et, C-78/16 u C-79/16, EU:C:2016:428, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-proporzjonalità ta’ dan l-indħil, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, skont l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2013/32, l-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali għandhom l-obbligu li jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti, b’mod partikolari sabiex jiġu stabbiliti l-identità u n-nazzjonalità tagħhom kif ukoll ir-raġunijiet li jiġġustifikaw it-talba tagħhom, li jimplika li jiġu pprovduti, sa fejn ikun possibbli, il-provi mitluba u, jekk ikun il-każ, l-ispjegazzjonijiet u l-informazzjoni mitluba.

39

F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-detenzjoni ta’ applikant sabiex tiġi stabbilita l-identità jew in-nazzjonalità tiegħu, jew sabiex jiġu ddeterminati l-elementi fuq liema hija bbażata l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li ma jistgħux jinkisbu mingħajr din id-detenzjoni, b’mod partikolari meta jkun hemm riskju li dan jaħrab, tippermetti li l-applikant jinżamm għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali, sabiex, b’mod partikolari, jisimgħuh u, sussegwentement, tikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ possibbli ċaqlieq sekondarju tal-applikanti msemmi fil-premessa 12 tad-Direttiva 2013/33 u mfittxija mir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013 L 180, p. 31) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Mirza, C-695/15 PPU, EU:C:2016:188, punt 52). Minn dan isegwi li din il-miżura hija, min-natura tagħha stess, adatta sabiex tiżgura l-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ ażil Ewropew komuni u b’hekk tista’ tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għan intiż mill-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) ta’ din id-direttiva, kif identifikat fil-punt 36 ta’ din is-sentenza.

40

F’dak li jirrigwarda n-natura neċessarja tas-setgħa, mogħtija lill-Istati Membri minn din id-dispożizzjoni, li applikant jinżamm f’detenzjoni, għandu jiġi enfasizzat li, fid-dawl tal-importanza tad-dritt għal-libertà rrikonoxxut fl-Artikolu 6 tal-Karta u tal-gravità tal-indħil f’dan id-dritt li tikkostitwixxi tali miżura ta’ detenzjoni, il-limitazzjonijiet tal-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għandhom japplikaw fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju (sentenza tal-15 ta’ Frar 2016, N., C-601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

F’dan ir-rigward, kemm mill-formulazzjoni kif ukoll mill-kuntest u mill-oriġini tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2013/33 jirriżulta li din is-setgħa hija suġġetta għall-osservanza ta’ diversi kundizzjonijiet li għandhom l-għan li jistabbilixxu b’mod strett il-parametri tar-rikors għal din il-miżura.

42

Fil-fatt, l-ewwel nett, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33 jelenka b’mod eżawrjenti d-diversi raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw detenzjoni u li kull waħda minn dawn ir-raġunijiet tissodisfa bżonn speċifiku u għandha natura awtonoma (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Frar 2016, N., C-601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 59). F’dan ir-rigward, mill-formulazzjoni tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li applikant jista’ jiġi suġġett għal tali miżura biss jekk ma jkunx ikkomunika l-identità jew in-nazzjonalità tiegħu jew id-dokumenti ta’ identità li jippermettu li tkun ġustifikata, minkejja l-obbligu ta’ kooperazzjoni tiegħu. Bl-istess mod, mill-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 8(3) jirriżulta li applikant jista’ jinżamm f’detenzjoni biss meta ċerti elementi li tkun ibbażata fuqhom il-protezzjoni internazzjonali “ma jkunux ottenibbli fin-nuqqas ta’ detenzjoni b’mod partikolari fejn ikun hemm riskju li l-applikant jaħrab”.

43

Barra minn hekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33 jistabbilixxi li r-raġunijiet għad-detenzjoni għandhom jiġu ddefiniti mid-dritt nazzjonali. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jħallu lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddefinixxu miżuri ta’ traspożizzjoni li jkunu adegwati għad-diversi sitwazzjonijiet possibbli, huma għandhom, fl-implementazzjoni ta’ dawn il-miżuri, mhux biss jinterpretaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod konformi mad-direttiva inkwistjoni, iżda għandhom jiżguraw ukoll li ma jistriħux fuq interpretazzjoni tagħha li tidħol f’kunflitt mad-drittijiet fundamentali jew mal-prinċipji ġenerali l-oħra tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal-15 ta’ Frar 2016, N., C-601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja, diġà ddeċidiet li l-paragrafi l-oħra tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2013/33 jipprovdu limitazzjonijiet sostanzjali tas-setgħa mogħtija lill-Istati Membri li jżommu f’detenzjoni. Fil-fatt, mill-Artikolu 8(1) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li l-Istati Membri ma jistgħux iżommu persuna f’detenzjoni għall-unika raġuni li hija tkun ippreżentat applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali. Barra minn hekk, l-Artikolu 8(2) tal-istess direttiva jeżiġi li detenzjoni tista’ tiġi ordnata biss meta jkun meħtieġ u fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni individwali ta’ kull każ, jekk miżuri oħra ta’ inqas koerzjoni ma jistgħux jiġu applikati b’mod effettiv. L-Artikolu 8(4) tal-istess direttiva jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dritt nazzjonali tagħhom jistabbilixxi r-regoli dwar l-alternattivi għad-detenzjoni, bħal rappurtaġġ regolari lill-awtoritajiet, id-depożitu ta’ garanzija finanzjarja jew l-obbligu li wieħed joqgħod f’żona ġeografika indikata (ara s-sentenza tal-15 ta’ Frar 2016, N., C-601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 61).

45

Bl-istess mod, l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2013/33 jistabbilixxi li applikant għandu jinżamm detenut biss għal żmien qasir kemm jista’ jkun u sakemm ikunu applikabbli r-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(3) ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 9(2) sa (5) tal-imsemmija direttiva, id-deċiżjoni ta’ detenzjoni hija suġġetta għall-osservanza ta’ garanziji proċedurali u ġuridiċi. B’hekk, skont l-Artikolu 9(2) u (4) tal-istess direttiva, din id-deċiżjoni għandha tiddikjara bil-miktub ir-raġunijiet ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom hija tkun ibbażata, u numru ta’ elementi ta’ informazzjoni għandhom jiġu kkomunikati lill-applikant b’lingwa li jifhem jew li huwa raġonevolment mistenni li jifhem. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 9(3) u (5) tad-Direttiva 2013/33, jispeċifika l-modalitajiet tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tad-detenzjoni li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu (ara s-sentenza tal-15 ta’ Frar 2016, N., C-601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 62).

46

It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali kkonstatat ukoll li r-raġunijiet ta’ detenzjoni previsti fil-punti (a) sa (c) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33 huma bbażati fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-miżuri ta’ detenzjoni tal-applikanti għall-ażil, tas-16 ta’ April 2003, kif ukoll fuq il-linji gwida tal-Kummissjoni Għolja tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (HCR) dwar il-kriterji u l-istandards applikabbli relatati mad-detenzjoni tal-applikanti għall-ażil, tas-26 ta’ Frar 1999, minn fejn jirriżulta, fil-verżjoni tagħhom adottata matul is-sena 2012, minn naħa, li d-detenzjoni tikkostitwixxi miżura eċċezzjonali u li, min-naħa l-oħra, id-detenzjoni għandha tintuża biss bħala miżura aħħarija, meta jiġi stabbilit li tkun neċessarja, raġonevoli u proporzjonata għal għan leġittimu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Frar 2016, N., C-601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 63).

47

Il-limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt mogħti mill-Artikolu 6 tal-Karta magħmula mill-punt (a) sa (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) ta’ din id-direttiva lanqas ma huma żmiżurati meta mqabbla mal-għanijiet intiżi. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-imsemmi punt (a) bħall-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) jibbilanċja l-interess ġenerali intiż, jiġifieri l-funzjonament tajjeb tas-sistema komuni Ewropea għall-ażil, li tippermetti li tingħata protezzjoni internazzjonali lill-applikanti li għandhom verament bżonnha u li jiġu miċħuda l-applikazzjonijiet ta’ dawk li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet, minn naħa, u l-indħil fid-dritt għal-libertà kkawżat minn miżura ta’ detenzjoni, min-naħa l-oħra.

48

Fil-fatt, għalkemm il-funzjonament tajjeb tas-sistema komuni Ewropea għall-ażil jeżiġi, fil-fatt, li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkollhom informazzjoni affidabbli dwar l-identità jew in-nazzjonalità tal-applikant għall-protezzjoni internazzjonali u l-elementi li tkun ibbażata fuqhom id-domanda, l-imsemmija dispożizzjoni ma tistax tiġġustifika li miżuri ta’ detenzjoni jiġu deċiżi mingħajr ma dawn l-awtoritajiet nazzjonali jkunu vverifikaw minn qabel, każ b’każ, jekk dawn humiex proporzjonati mal-għanijiet intiżi. Tali verifika teħtieġ li jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet kollha msemmija fil-punti 44 sa 46 ta’ din is-sentenza jkunu sodisfatti u, b’mod partikolari, li, f’kull każ inkwistjoni, ir-rikors għad-detenzjoni jsir biss bħala miżura aħħarija. Barra minn hekk, għandu jiġi żgurat li din id-detenzjoni, fl-ebda każ, ma taqbeż l-iqsar tul possibbli.

49

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat li l-leġiżlatur tal-Unjoni, billi adotta l-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33, osserva l-bilanċ ġust bejn, minn naħa, id-dritt għal-libertà tal-applikant u, min-naħa l-oħra, ir-rekwiżiti relatati mal-identifikazzjoni tiegħu jew tan-nazzjonalità tiegħu, jew mad-determinazzjoni tal-elementi li fuqhom hija bbażata t-talba tiegħu, li jeħtieġ il-funzjonament tajjeb tas-sistema komuni Ewropea għall-ażil.

50

Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, sa fejn il-Karta tinkludi drittijiet li jikkorrispondu għad-drittijiet iggarantiti mill-KEDB, l-Artikolu 52(3) tal-Karta huwa maħsub sabiex jiżgura l-koerenza neċessarja bejn id-drittijiet inklużi fil-Karta u d-drittijiet korrispondenti ggarantiti mill-KEDB, u dan mingħajr ma tiġi ppreġudikata l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni u tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, JZ, C-294/16 PPU, EU:C:2016:610, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 5(1) tal-KEDB għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tal-Karta. Issa fl-adozzjoni tal-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma naqasx milli jieħu inkunsiderazzjoni l-livell ta’ protezzjoni li toffri t-tieni frażi tal-Artikolu 5(1)(f) tal-KEDB.

51

F’dan il-każ, għalkemm mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-effett tat-tieni parti tas-sentenza tal-Artikolu 5(1)(f) tal-KEDB fuq l-imsemmija punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3), din id-domanda, madankollu, ma turix elementi li jippermettu li jiġi kkunsidrat li l-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni tal-KEDB u lanqas sa fejn il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal-QEDB tat-22 ta’ Settembru 2015, Nabil et vs L-Ungerija (CE:ECHR:2015:0922JUD006211612) jista’ jħalli influwenza fuq l-evalwazzjoni tal-imsemmija punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) f’din il-kawża. Għall-kuntrarju, l-indikazzjoni li tinsab f’din it-talba, skont liema r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma jkunx ġie suġġett għal deċiżjoni ta’ ritorn, jidher li tindika li proċedura ta’ tkeċċija jew ta’ estradizzjoni kontra tiegħu hija miftuħa kontrih, fis-sens ta’ din it-tieni parti tas-sentenza.

52

F’dak li jikkonċerna l-garanzija stabbilita fil-parti tas-sentenza tal-Artikolu 5(1)(f) tal-KEDB, skont liema ħadd ma jista’ jiġi mċaħħad mil-libertà, sakemm ma jkunx arrest jew detenzjoni legali ta’ persuna sabiex tiġi mċaħħda milli tidħol illegalment f’dan it-territorju, kif interpretata mill-QEDB, għandu jitfakkar li din il-garanzija ma tipprekludix li jittieħdu miżuri neċessarji ta’ detenzjoni kontra ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu ppreżentaw talba ta’ protezzjoni internazzjonali, sakemm tali miżura tkun legali u implementata fil-kundizzjonijiet konformi mal-għan li jikkonsisti fil-protezzjoni tal-individwu kontra l-arbitrarjetà (ara, f’dan is-sens, QEDH, 29 ta’ Jannar 2008, Saadi vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:2008:0129JUD001322903, § 64 sa 74, kif ukoll 26 ta’ Novembru 2015, Mahamed Jama vs Malta, CE:ECHR:2015:1126JUD001029013, § 136 sa 140).

53

Issa kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet iddedikati għall-eżami tal-validità tiegħu fid-dawl tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, il-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33, li l-portata tiegħu hija limitata strettament fid-dawl tal-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni, jissodisfa dawn ir-rekwiżiti.

54

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-risposta għad-domanda għandha tkun li l-eżami tal-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33 ma wera ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità ta’ din id-dispożizzjoni fid-dawl tal-Artikoli 6 u 52(1) u (3) tal-Karta.

Fuq l-ispejjeż

55

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-eżami tal-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali, ma wera ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità ta’ din id-dispożizzjoni fid-dawl tal-Artikoli 6 u 52(1) u (3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.