Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62017CJ0003

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-28 ta’ Frar 2018.
    Sporting Odds Limited vs Nemzeti Adó- és Vámhivatal Központi Irányítása.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà li jiġu provduti servizzi – Artikolu 56 TFUE – Artikolu 4(3) TUE – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Restrizzjonijiet – Logħob tal-ażżard – Leġiżlazzjoni nazzjonali – Sfruttament ta’ ċertu logħob tal-ażżard mill-Istat – Esklużività – Sistema ta’ konċessjoni għal forom oħra ta’ logħob – Rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni – Sanzjoni amministrattiva.
    Kawża C-3/17.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2018:130

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

    28 ta’ Frar 2018 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà li jiġu provduti servizzi – Artikolu 56 TFUE – Artikolu 4(3) TUE – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Restrizzjonijiet – Logħob tal-ażżard – Leġiżlazzjoni nazzjonali – Sfruttament ta’ ċertu logħob tal-ażżard mill-Istat – Esklużività – Sistema ta’ konċessjoni għal forom oħra ta’ logħob – Rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni – Sanzjoni amministrattiva”

    Fil-Kawża C‑3/17,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u tax-Xogħol ta’ Budapest, L-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Ottubru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Jannar 2017, fil-proċedura

    Sporting Odds Ltd

    vs

    Nemzeti Adó- és Vámhivatal Központi Irányítása,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

    komposta minn C. G. Fernlund, President tal-Awla, J.-C. Bonichot u S. Rodin (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Sporting Odds Ltd, minn A. Nemescsói u Gy. V. Radics, ügyvédek,

    għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u G. Koós, bħala aġenti,

    għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck u M. Jacobs, bħala aġenti, assistiti minn P. Vlaemminck, R. Verbeke u J. Auwerx, avocats,

    għall-Gvern Estonjan, minn N. Grünberg, bħala aġent,

    għall-Gvern Malti, minn A. Buhagiar, bħala aġent,

    għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, M. Figueiredo, A. Silva Coelho u P. de Sousa Inês, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Tserepa-Lacombe u L. Havas, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(3) TUE, tal-Artikolu 56 TFUE, kif ukoll tal-Artikoli 41, 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”.

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Sporting Odds Ltd u n-Nemzeti Adó- és Vámhivatal Központi Irányítása (id-Direttorat Ċentrali tal-Amministrazzjoni Nazzjonali tat-Taxxa u tad-Dwana, l-Ungerija) (iktar ’il quddiem l-“amministrazzjoni tat-taxxa”) fir-rigward ta’ deċiżjoni li permezz tagħha din tal-aħħar imponiet fuq Sporting Odds multa ta’ 3500000 Fjorini Ungeriżi (HUF) (madwar EUR 11306) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”) talli kienet organizzat logħob tal-ażżard onlajn mingħajr ma kellha la l-konċessjoni u lanqas l-awtorizzazzjoni meħtieġa għal dan il-għan.

    Il-kuntest ġuridiku

    Il-liġi dwar il-logħob tal-ażżard

    3

    l-Artikolu 2(2) tas-szerencsejáték szervezéséről szóló 1991. évi XXXIV. törvény, (il-Liġi Nru XXXIV tal-1991 dwar l-organizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard), kif kienet fis-seħħ fiż-żmien ta’ meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-logħob tal-ażżard”), hija fformulata kif ġej:

    “L-eżerċizzju ta’ attività ta’ organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard jeħtieġ – bla ħsara għal xi eċċezzjoni prevista f’din il-liġi – l-awtorizzazzjoni tal-awtoritajiet tat-taxxi nazzjonali. […]”

    4

    l-Artikolu 3(1),(1(a)), (1(b)) u (3) ta’ din il-liġi jipprevedi kif ġej:

    “(1)   Bl-eċċezzjoni tal-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard mill-bogħod u tal-organizzazzjoni ta’ logħob tal-każino onlajn, attività ta’ organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard mhux liberalizzat

    a)

    tista’ tiġi pprovduta minn korp ekonomiku miżmum 100 % mill-Istat Ungeriż, maħluq biex tiġi eżerċitata b’mod regolari attività ta’ organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard (iktar ’il quddiem l-“operatur statali tal-logħob tal-ażżard’), kif ukoll minn kumpannija kummerċjali li għandha bħala l-uniku azzjonist tagħha lill-operatur statali tal-logħob tal-ażżard, kif ukoll korp ekonomiku li fih l-Istat għandu sehem maġġoritarju;

    b)

    permezz ta’ kuntratt ta’ konċessjoni, l-Istat jista’, temporanjament, jittrasferixxi lil persuna oħra d-dritt li jeżerċita din l-attività.

    (1a)   L-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard mill-bogħod jista’ jiġi pprovdut

    a)

    biss mill-kumpannija Szerencsejáték Zrt., miżmuma 100 % mill-Istat Ungeriż, ħlief għal dak li jirrigwarda l-imħatri tat-tiġrijiet taż-żwiemel,

    b)

    fil-każ ta’ mħatri tat-tiġrijiet taż-żwiemel, biss mill-kumpannija Magyar Lóversenyfogadást-szervező Kft., miżmuma 100% mill-Istat Ungeriż.

    (1b)   Id-dritt għall-organizzazzjoni tal-logħob tal-każino onlajn huwa esklużivament irriżervat għall-persuni proprjetarji ta’ konċessjoni dwar l-operat ta’ każino li jinsab fit-territorju tal-Ungerija, li jistgħu jorganizzaw logħob tal-każino onlajn permezz tal-kumpannija konċessjonarja maħluqa għall-finijiet tal-organizzazzjoni tal-logħob tal-każino.

    […]

    (3)   Huwa biss l-operatur statali tal-logħob tal-ażżard li għandu d-dritt li jorganizza l-lotteriji bix-xorti u l-imħatri – bl-eċċezzjoni tal-imħatri tat-tiġrijiet taż-żwiemel, tal-logħob tal-ażżard mill-bogħod u tal-imħatri li jifformaw parti mill-attività tal-bookmakers.”

    5

    l-Artikolu 4(1) u (6) tal-imsemmija liġi jistipula:

    “(1)   Għall-finijiet tal-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ konċessjoni, il-ministru għandu jagħmel sejħa pubblika għal kompetizzjoni, konformement mal-Artikolu 5(1) tal-[koncesszióról szóló 1991. évi XVI. törvény (il-Liġi Nru XVI tal-1991 dwar il-konċessjonijiet)]. Il-ħruġ ta’ sejħa għall-kompetizzjoni għall-għoti ta’ konċessjoni jeħtieġ – ħlief jekk din tkun sejħa għall-kompetizzjoni nazzjonali – l-approvazzjoni tal-korp rappreżentattiv tal-kollettività territorjali ta’ fejn ikun stabbilit (f’Budapest, l-Assemblea tal-kollettività metropolitana). Meta dritt ta’ konċessjoni jingħata permezz ta’ sejħa għall-kompetizzjoni nazzjonali, l-awtorità Statali tat-taxxa toħroġ l-awtorizzazzjoni għall-postijiet fejn ikun stabbilit li jinsabu fil-kollettivitajiet territorjali li l-korpi rappreżentattivi tagħhom – f’Budapest, l-Assemblea tal-kollettività metropolitana – jkunu taw l-awtorizzazzjoni tagħhom għall-eżerċizzju ta’ tali attività fit-territorju tagħhom.

    […]

    (6)   Abbażi tal-Artikolu 10/C(2) tal-[Liġi Nru XVI tal-1991] dwar il-konċessjonijiet, il-ministru jista’ wkoll jikkonkludi kuntratt ta’ konċessjoni mingħajr ma jagħmel sejħa pubblika għal kompetizzjoni, billi jikkonkludi tali kuntratt ma’ operatur tal-logħob tal-ażżard affidabbli fis-sens ta’ din il-liġi.”

    6

    l-Artikolu 5(1) tal-liġi dwar il-logħob tal-ażżard huwa fformulat kif ġej:

    “F’każ ta’ sejħa pubblika għal kompetizzjoni skont l-Artikolu 5(1) tal-[Liġi Nru XVI tal-1991] dwar il-konċessjonijiet, il-ministru jista’ jikkonkludi l-kuntratt ta’ konċessjoni mal-persuna li rebħet il-kompetizzjoni.”

    7

    l-Artikolu 37(30) tal-liġi dwar il-logħob tal-ażżard jistipula:

    “Operatur ta’ logħob tal-ażżard affidabbli: operatur tal-logħob tal-ażżard li huwa korp trasparenti fis-sens tal-Artikolu 3(1)(1) tan-nemzeti vagyonról szóló 2011. évi CXCVI. törvény (il-Liġi Nru CXCVI tal-2011 dwar il-beni nazzjonali) u

    a)

    li ssodisfa l-obbligi kollha ta’ dikjarazzjoni u ta’ ħlas relattivi għal oneri fiskali jew parafiskali li jeċċedu HUF 500000, irreġistrati mill-amministrazzjoni tat-taxxa nazzjonali, u li qatt ma ssodisfa tali obbligu b’dewmien ta’ iktar minn 90 jum,

    b)

    li ebda mill-kontijiet bankarji tiegħu ma kien milqut minn mandat ta’ rkupru f’ammont li jeċċedi l-HUF 500000 min-naħa tal-amministrazzjoni tat-taxxa, u li, matul l-attività tiegħu, ma kellux proċedura eżekutorja li teċċedi l-HUF 500000 imressqa kontrih,

    c)

    matul l-attività tiegħu, u f’dan il-kuntest, ma wettaqx ksur li għalih setgħet tiġi imposta fuqu multa f’ammont superjuri għal HUF 5 miljun, […]

    d)

    matul mill-inqas għaxar snin eżerċita attività intiża għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard fl-Ungerija,

    e)

    osserva b’mod sħiħ ir-regoli dwar l-istabbiliment tal-identità tal-lagħba kif ukoll għat-trattament tad-data relatata magħhom, kemm il-darba dan l-obbligu kien impost fuqu.”

    Il-Liġi Nru XVI tal-1991 dwar il-konċessjonijiet

    8

    L-Artikolu 10/C(1) u (2) tal-koncesszióról szóló 1991. évi XVI. törvény (il-Liġi Nru XVI tal-1991 dwar il-konċessjonijiet), kif kienet fis-seħħ fiż-żmien ta’ meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-konċessjonijiet”), huwa fformulat kif ġej:

    “(1)   Kuntratt ta’ konċessjoni jista’ jiġi konkluż ukoll ma’ operatur tal-logħob tal-ażżard affidabbli, fis-sens tal-liġi settorjali, konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu.

    (2)   Il-ministru kompetenti fil-qasam ikkonċernat jista’ jirrinunzja li joħroġ sejħa pubblika għal kompetizzjoni għall-finijiet tal-għoti ta’ konċessjoni meta jkun ukoll possibbli li l-kuntratt ta’ konċessjoni jiġi konkluż ma’ operatur ta’ logħob tal-ażżard affidabbli.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    9

    Sporting Odds hija kumpannija Brittannika li għandha awtorizzazzjoni għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard onlajn fir-Renju Unit. Din il-kumpannija toffri s-servizzi ta’ każino onlajn fl-Ungerija mingħajr, madankollu, ma għandha konċessjoni jew awtorizzazzjoni għall-organizzazzjoni ta’ tali logħob f’dan l-Istat Membru.

    10

    Wara kontroll tas-sit internet “hu.sportingbeteuro.com”, imwettaq bejn is-6 u t-12 ta’ Jannar 2016, l-amministrazzjoni tat-taxxa stabbiliet li Sporting Odds kienet organizzat imħatri sportivi mingħajr ma kellha, għal dan il-għan, la l-konċessjoni u lanqas l-awtorizzazzjoni meħtieġa mil-leġiżlazzjoni Unġeriża. Filwaqt li qieset li, abbażi tad-dritt nazzjonali, ma kienx hemm għalfejn Sporting Odds tiġi informata, minn qabel, la dwar il-kontroll u lanqas dwar il-proċedura, l-amministrazzjoni tat-taxxa ddeċidiet li kien hemm ksur esklużivament abbażi tal-konstatazzjonijiet imwettqa fil-kuntest tal-kontroll tas-sit internet ta’ Sporting Odds. Konsegwentement, permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, l-amministrazzjoni tat-taxxa imponiet fuq Sporting Odds multa ta’ HUF 3500000.

    11

    Peress li kienet tal-opinjoni li l-leġiżlazzjoni Unġeriża dwar is-settur tal-logħob tal-ażżard kienet tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, Sporting Odds iddeċidiet li tippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni kontenzjuża quddiem il-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u tax-Xogħol ta’ Budapest, l-Ungerija).

    12

    Il-qorti tar-rinviju għandha dubji, minn naħa, dwar jekk il-proċedura ta’ għoti tal-konċessjonijiet għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard kinitx organizzata b’tali mod li tippermetti li Sporting Odds tressaq applikazzjoni f’dan is-sens u, min-naħa l-oħra, dwar jekk kienx iggarantit stħarriġ ġudizzjarju effettiv tal-proċedura ta’ għoti ta’ tali konċessjonijiet. F’dan ir-rigward, hija tikkonstata li ebda sejħa għall-kompetizzjoni ma kienet organizzata mill-Ministru tal-Ekonomija u li Sporting Odds ma kinitx f’pożizzjoni li tressaq offerta spontanja sabiex tikseb il-konċessjoni għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard, irriżervata għall-operaturi ta’ logħob tal-ażżard meqjusa “affidabbli”, minħabba l-fatt li din l-aħħar kategorija kienet tinkludi biss l-operaturi li kienu eżerċitaw għal għaxar snin servizz ta’ organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard fl-Ungerija.

    13

    Barra minn hekk, l-imsemmija qorti tenfasizza li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tindikax jekk il-Ministru għall-Ekonomija huwiex obbligat li jaċċetta offerta spontanja u tikkonstata li d-deċiżjoni ta’ dan il-ministru ma tistax tiġi mistħarrġa mill-qrati nazzjonali, peress li din ma tikkostitwixxix att amministrattiv li jaqa’ taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

    14

    Barra minn dan, il-qorti tar-rinviju teżamina l-punti ta’ paragun li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami tal-koerenza u tas-sistematiżmu tar-restrizzjonijiet previsti fl-Artikolu 56 TFUE, kemm f’dak li jirrigwarda s-sistema ta’ monopolju statali għal ċerti tipi ta’ logħob tal-ażżard, kif ukoll f’dak li jirrigwarda s-sistema tal-konċessjonijiet. F’dan ir-rigward, hija tosserva li, fir-rigward tal-logħob tal-każino u tal-logħob tal-każino onlajn, kien hemm, għad-dannu tal-għanijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u tas-saħħa pubblika previsti mil-leġiżlazzjoni rilevanti, inkoraġġiment tal-konsumaturi sabiex iduru lejn dan it-tip ta’ logħob tal-ażżard.

    15

    Barra minn hekk, skont l-imsemmija qorti, mir-reġistru ta’ Szerencsejáték Zrt. (il-kumpannija responsabbli għall-organizzazzjoni tal-logħob tal-azzard, li hija kkontrollata 100% mill-Istat Ungeriż) u mir-reġistri ddedikati għall-kumpanniji jirriżulta li huma biss il-kumpanniji li huma rreġistrati u li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fl-Ungerija li huma proprjetarji ta’ konċessjoni għal każino. F’dan ir-rigward, hija tistaqsi jekk regola li tgħid li huma biss il-kumpanniji li għandhom konċessjoni għal każino li jinsab fit-territorju tal-Ungerija jistgħu jorganizzaw logħob tal-ażżard onlajn tikkostitwixxix ostakolu mhux iġġustifikat.

    16

    Il-qorti tar-rinviju għandha dubji, ukoll, dwar liema regoli għandhom jintużaw bħala bażi għall-eżami tal-koerenza u tas-sistematiżmu tal-miżuri li jirrestrinġu l-libertà li jiġu pprovduti servizzi. F’dan ir-rigward, hija tistaqsi jekk, fil-kuntest tal-eżami tal-proporzjonalità, hija għandhiex ex officio tfittex provi jew jekk hija għandhiex tipproċedi għal tqassim tal-oneru tal-prova bejn il-partijiet fil-proċedura, jekk mhux saħansitra persuni oħrajn.

    17

    Barra minn hekk, hija tistaqsi jekk regola nazzjonali li tgħid li parti ma hijiex f’pożizzjoni li tqajjem il-kwistjoni ta’ kompatibbiltà tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni sal-fażi tal-proċedura ġudizzjarja tiksirx id-dritt għal amministrazzjoni tajba ggarantit mill-Karta, jiġifieri d-dritt għal smiegħ u l-obbligu ta’ motivazzjoni.

    18

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u tax-Xogħol ta’ Budapest, l-Ungerija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    L-Artikolu 56 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem “TFUE”), il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni, kif ukoll ir-rekwiżit li jirrikjedi li r-restrizzjonijiet Statali għall-attivitajiet ta’ logħob tal-ażżard għandhom jillimitaw dawn l-attivitajiet b’mod koerenti u sistematiku, għan legali li l-Istat Membru jiġġustifika fundamentalment bil-ġlieda kontra l-vizzju għal-logħob u bil-protezzjoni tal-konsumaturi, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-monopolju nazzjonali tal-Istat fir-rigward tal-imħatri sportivi u tal-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel onlajn u offlajn, peress li, barra minn hekk, wara r-riorganizzazzjoni tas-suq deċiża mill-Istat, fornituri ta’ servizzi rregolati bid-dritt privat jistgħu jorganizzaw, f’dan l-istess Stat Membru u f’każinojiet li jinsabu fit-territorju tal-Ungerija, fil-kuntest ta’ skema ta’ konċessjoni, logħob tal-ażżard ieħor onlajn u offlajn li jinvolvi riskju għoli ta’ vizzju (logħob tal-każino, logħob tal-karti, slot machines, logħob tal-każino onlajn, logħob tal-karti onlajn)?

    2)

    L-Artikolu 56 TFUE, il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni kif ukoll ir-rekwiżit li jirrikjedi li r-restrizzjonijiet Statali għall-attivitajiet ta’ logħob tal-ażżard għandhom jillimitaw dawn l-attivitajiet b’mod koerenti u sistematiku, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dan l-artikolu jinkiser u dan ir-rekwiżit ma jkunx issodisfatt jekk jista’ jiġi kkonstatat li r-riorganizzazzjoni tas-suq iġġustifikata bil-ġlieda kontra l-vizzju għal-logħob u bl-għan legali ta’ protezzjoni tal-konsumaturi jkollha bħala konsegwenza u tissarraf konkretament f’żieda kostanti tan-numru ta’ każinojiet, tat-taxxa annwali fuq il-logħob miġbura mingħand il-każinojiet, tal-estimi baġitarju ta’ dħul tal-Istat li joriġina mill-miżata fuq il-konċessjonijiet ta’ każinojiet, ta’ ċippijiet mixtrija mil-lagħba u tas-sommom ta’ flus użati biex wieħed jikseb id-dritt li jilgħab fuq slot machine wara r-riorganizzazzjoni tas-suq deċiża mill-Istat?

    3)

    L-Artikolu 56 TFUE, il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni kif ukoll ir-rekwiżit li jirrikjedi li r-restrizzjonijiet Statali għall-attivitajiet ta’ logħob tal-ażżard għandhom jillimitaw dawn l-attivitajiet b’mod koerenti u sistematiku, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dan l-artikolu jinkiser u dan ir-rekwiżit ma jkunx issodisfatt jekk jista’ jiġi kkonstatat li l-introduzzjoni tal-monopolju nazzjonali tal-Istat u l-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard awtorizzat minn fornituri privati ta’ servizzi, li huma fundamentalment immotivati bil-ġlieda kontra l-vizzju għal-logħob u bl-għan legali ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, ikollhom ukoll għan ta’ politika ekonomika, jiġifieri ż-żieda tad-dħul nett li joriġina mill-attivitajiet ta’ logħob u l-ilħuq ta’ livell ta’ profitti partikolarment għoli fis-suq tal-każinojiet fl-iqsar żmien possibbli, għall-finijiet tal-finanzjament ta’ spejjeż baġitarji tal-Istat u servizzi pubbliċi oħra?

    4)

    L-Artikolu 56 TFUE, il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni kif ukoll ir-rekwiżit li jirrikjedi li r-restrizzjonijiet Statali għall-attivitajiet ta’ logħob tal-ażżard għandhom jillimitaw dawn l-attivitajiet b’mod koerenti u sistematiku, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dan l-artikolu jinkiser u dan ir-rekwiżit ma jkunx issodisfatt, jew li hemm diskriminazzjoni mhux iġġustifikata bejn il-fornituri ta’ servizzi jekk jista’ jiġi stabbilit li l-Istat Membru jkun qed ikompli jirriżerva għall-monopolju nazzjonali tal-Istat ċerti servizzi ta’ logħob tal-ażżard onlajn billi jinvoka l-istess raġunijiet ta’ natura pubblika bħal dawk li għalihom, fl-istess ħin, ikun agħmel aċċessibli servizzi oħra ta’ logħob tal-ażżard onlajn billi jagħti numru dejjem ikbar ta’ konċessjonijiet?

    5)

    L-Artikolu 56 TFUE u l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-fatt li l-possibbiltà ta’ ksib ta’ awtorizzazzjoni għal-logħob tal-każino onlajn tkun esklużivament irriżervata għall-fornituri ta’ servizzi li jkollhom każino fiżiku (konċessjoni) fit-territorju tal-Ungerija u li l-fornituri ta’ servizzi li ma għandhomx każino fiżiku fit-territorju tal-Ungerija – inklużi l-fornituri ta’ servizzi li għandhom każino fiżiku fi Stat Membru ieħor – jiġu konsegwentement esklużi minn din il-possibbiltà?

    6)

    L-Artikolu 56 TFUE u l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu sitwazzjoni fejn Stat Membru, jew billi jippubblika eventwali sejħa għal offerti għall-għoti ta’ konċessjoni ta’ każino fiżiku, jew billi jippermetti li operatur ta’ logħob tal-ażżard affidabbli jippreżenta spontanjament offerta għall-ksib ta’ konċessjoni ta’ każino fiżiku, fit-teorija jiggarantixxi lil kull fornitur ta’ servizzi – inkluż fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor – li jkun jissodisfa r-rekwiżiti legali, il-possibbiltà li jikseb dritt ta’ konċessjoni biex jopera każino fiżiku u sussegwentement, ladarba jkollu dan id-dritt, awtorizzazzjoni biex jopera każino onlajn, iżda fejn l-Istat Membru kkonċernat ma joħroġx sejħa għal offerti pubblika u trasparenti għall-finijiet tal-għoti tal-konċessjoni, fejn il-fornitur ta’ servizzi fil-prattika lanqas ma jkun jista’ jeżerċità l-possibbiltà li jippreżenta offerta spontanja, u fejn l-awtorità nazzjonali madankollu tikkonstata ksur fil-konfront ta’ fornitur ta’ servizzi li eżerċita l-attività tiegħu mingħajr ma kien detentur ta’ awtorizzazzjoni u timponi fuqu sanzjoni meqjusa li hija sanzjoni amministrattiva?

    7)

    L-Artikolu 56 TFUE, il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni u r-rekwiżit ta’ sistema ta’ awtorizzazzjoni trasparenti, oġġettiva u pubblika għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu sitwazzjoni fejn Stat Membru jistabbilixxi sistema ta’ sejħiet għal offerti għall-għoti ta’ konċessjonijiet f’dak li jirrigwarda ċerti servizzi ta’ logħob tal-ażżard, iżda fejn il-korp li jiddeċiedi dwar l-għoti tal-konċessjonijiet jista’, minflok ma jippubblika sejħa għal offerti, jikkonkludi kuntratt ta’ konċessjoni ma ċerti persuni kklassifikati bħala operaturi ta’ logħob tal-ażżard affidabbli, minflok ma jippermetti li l-fornituri ta’ servizzi kollha jipparteċipaw fis-sejħa għal offerti taħt kundizzjonijiet identiċi billi jippubblika sejħa għal offerti waħda għall-għoti ta’ konċessjonijiet?

    8)

    Jekk ir-risposta għas-seba’ domanda tkun waħda negattiva, u jekk Stat Membru jkun jista’ jistabbilixxi diversi tipi ta’ proċeduri li jippermettu l-ksib tal-istess konċessjoni, dan l-Istat Membru għandu, abbażi tal-Artikolu 56 TFUE, jiggarantixxi l-ekwivalenza tagħhom biex jiżgura l-effettività tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni relatati ma din il-libertà fundamentali, fid-dawl tar-rekwiżit ta’ sistema ta’ awtorizzazzjoni trasparenti, oġġettiva u pubblika, kif ukoll tal-ugwaljanza fit-trattament?

    9)

    Il-fatt li la f’każ u lanqas f’ieħor ma tiġi ggarantita l-possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju jew ta’ rimedju effettiv ieħor kontra d-deċiżjoni tal-għoti tal-konċessjoni, jaffettwa r-risposta li għandha tingħata għad-domandi 6 sa 8?

    10)

    L-Artikolu 56 TFUE, il-prinċipju ta’ lealtà previst fl-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem “TUE”) kif ukoll il-prinċipju ta’ awtonomija istituzzjonali u proċedurali, ikkunsidrati flimkien mal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u r-rekwiżit tad-dritt għal-rimedju ġudizzjarju effettiv u tad-drittijiet tad-difiża li jirriżultaw minnu, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qorti nazzjonali adita fil-kawża prinċipali tista’, fil-kuntest tal-eżami tar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fil-kuntest tal-eżami tan-natura neċessarja u proporzjonali tar-restrizzjoni imposta mill-Istat Membru, tordna u tmexxi ex officio eżami u proċedura ta’ perizja, inkluż fil-każ fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-qasam ta’ proċedura kontenzjuża ma tawtorizzahiex tagħmel dan?

    11)

    L-Artikolu 56 TFUE, moqri flimkien mal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta u mar-rekwiżit tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv tad-drittijiet tad-difiża li jirriżultaw minnu, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti nazzjonali adita fil-kawża prinċipali ma tistax, fil-kuntest tal-eżami tar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fil-kuntest tal-eżami tan-natura neċessarja u proporzjonali tar-restrizzjoni imposta mill-Istat Membru, tqiegħed l-oneru tal-prova fuq il-fornitur ta’ servizzi kkonċernat mir-restrizzjoni, iżda li huwa l-Istat Membru u, b’mod konkret, l-awtorità ta’ dan l-Istat Membru li tkun ħadet id-deċiżjoni kkontestata fil-kawża prinċipali, li għandu jiġġustifika u jipprova l-konformità mad-dritt tal-Unjoni u n-natura neċessarja u proporzjonata tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, u li l-assenza ta’ tali turija, fiha nnifisha, għandha bħala konsegwenza li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tmur kontra d-dritt tal-Unjoni?

    12)

    L-Artikolu 56 TFUE, fid-dawl ta’ dritt għal amministrazzjoni tajba previst fl-Artikolu 41(1) tal-Karta, tad-dritt għal smigħ previst fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, u tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta, kif ukoll f’dak tal-klawżola ta’ lealtà prevista fl-Artikolu 4(3) TUE, b’mod parallel, madankollu, għall-prinċipju ta’ awtonomija istituzzjonali u proċedurali fl-Istati Membri, għandu jiġi interpretat fis-sens li dawn ir-rekwiżiti ma jkunux issodisfatti meta l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru, konformement ma’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, ma tinformax lil fornitur li jipproponi servizz ta’ logħob tal-ażżard dwar il-ftuħ ta’ proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva, ma tipprovax, fi stadju sussegwenti tal-proċedura amministrattiva, tikseb l-opinjoni tiegħu dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni, u timponi, fil-kuntest ta’ proċedura b’istanza waħda, sanzjoni meqjusa li hija ta’ natura amministrattiva mingħajr ma tispjega fid-dettall, fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni, din il-kompatibbiltà u l-provi li jsostnuha?

    13)

    Fid-dawl tal-Artikolu 56 TFUE, tal-Artikolu 41(1) u (2)(a) [u (ċ)], kif ukoll tal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, u tar-rekwiżit tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv u tad-drittijiet tad-difiża li jirriżultaw minnu, ir-rekwiżiti li jinsabu f’dawn id-dispożizzjonijiet jiġu ssodisfatti jekk il-possibbiltà li l-fornitur ta’ servizzi ta’ logħob tal-ażżard jikkontesta l-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni tista’ tkun tiġi eżerċitata esklużivament, u għall-ewwel darba, quddiem il-qorti nazzjonali?

    14)

    L-Artikolu 56 TFUE, kif ukoll l-obbligu tal-Istat Membru li jiġġustifika jew jimmotiva restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, jistgħu jiġu interpretati fis-sens li l-Istat Membru ma jkunx issodisfa dan l-obbligu jekk ma tkun teżisti, kemm jekk fid-data ta’ meta ġiet deċiża r-restrizzjoni, kif ukoll fid-data ta’ meta din tkun ġiet eżaminata, ebda analiżi rilevanti tal-effetti ta’ din ir-restrizzjoni li tikkonferma li din għandha għanijiet ta’ ordni pubbliku?

    15)

    Fid-dawl tal-limiti legali stabbiliti għall-ammont tal-multa amministrattiva li tista’ tiġi imposta, tan-natura tal-attività affettwata minn din is-sanzjoni u, b’mod partikolari, tal-fatt li din tkun attività sensittiva fir-rigward tal-ordni pubblika u tas-sigurtà pubblika, kif ukoll fid-dawl tal-iskop repressiv tal-multa, jista’ jitqies, abbażi tal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, li l-multa amministrattiva kontenzjuża hija “ta’ natura kriminali”, u din iċ-ċirkustanza għandha effett fuq ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi 11 sa 14?

    16)

    L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li fil-każ fejn, abbażi tar-risposti li għandhom jingħataw għad-domandi magħmula iktar ’il fuq, il-qorti adita fil-kawża prinċipali tikkonstata li l-leġiżlazzjoni u l-applikazzjoni tagħha jkunu illegali, hija għandha tiddeċiedi li anki s-sanzjoni, ibbażata fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali li ma hijiex konformi mal-Artikolu 56 TFUE, tmur kontra d-dritt tal-Unjoni?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel sar-raba’ domandi

    19

    Permezz tal-ewwel sar-raba’ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 56 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi sistema doppja ta’ organizzazzjoni tas-suq tal-logħob tal-ażżard li fil-kuntest tagħha ċerti tipi ta’ logħob tal-ażżard jaqgħu taħt is-sistema ta’ monopolju statali, filwaqt li oħrajn jaqgħu taħt is-sistema tal-konċessjonijiet u tal-awtorizzazzjonijiet għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard.

    20

    L-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-leġiżlazzjoni dwar il-logħob tal-azzard tagħmel parti mill-oqsma li fihom jeżistu diverġenzi kunsiderevoli ta’ natura morali, reliġjuża u kulturali bejn l-Istati Membri. Fl-assenza ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni Ewropea f’dan ir-rigward, huwa kull Stat Membru li għandu jevalwa, f’dawn l-oqsma, skont l-iskala ta’ valuri partikolari għalih, ir-rekwiżiti meħtieġa sabiex jiġu protetti l-interessi inkwistjoni (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, C‑42/07, EU:C:2009:519, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    21

    Barra minn hekk, huwa paċifiku li, fil-kuntest ta’ leġiżlazzjoni kompatibbli mat-Trattat FUE, l-għażla tal-modalitajiet ta’ organizzazzjoni u ta’ kontroll tal-attivitajiet ta’ operat u ta’ prattika tal-logħob tal-ażżard jew tal-flus taqa’ fuq l-awtoritajiet nazzjonali fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2010, Carmen Media Group, C‑46/08, EU:C:2010:505, punt 59).

    22

    Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, fir-rigward ta’ logħob tal-ażżard, għandu, bħala regola, jiġi eżaminat separament għal kull restrizzjoni imposta minn leġiżlazzjoni nazzjonali b’mod partikolari jekk hijiex adattata biex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan jew tal-għanijiet invokati mill-Istat Membru kkonċernat u jekk tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dawn jintlaħqu (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2010, Carmen Media Group, C‑46/08, EU:C:2010:505, punt 60).

    23

    Għalhekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-fatt li diversi tipi ta’ logħob tal-ażżard huma suġġetti, uħud minnhom għall-monopolju pubbliku, oħrajn għal sistema ta’ awtorizzazzjonijiet mogħtija lil operaturi privati, ma jistax, waħdu, iwassal sabiex jirrendihom mingħajr ġustifikazzjoni, meta jitqiesu l-għanijiet leġittimi li huma għandhom, miżuri li, bħall-monopolju pubbliku, jidhruprima facie bħala l-iktar restrittivi u l-iktar effettivi. Fil-fatt, tali diverġenza ta’ sistemi ġuridiċi ma hijiex, fiha nnifisha, ta’ natura li taffettwa l-adegwatezza ta’ tali monopolju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ prevenzjoni mill-inkoraġġiment taċ-ċittadini għal infiq eċċessiv relatat mal-logħob u mal-ġlieda kontra l-vizzju tal-logħob, li għalih dan ġie stabbilit (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2010, Carmen Media Group, C‑46/08, EU:C:2010:505, punt 63).

    24

    Madankollu, sistema doppja ta’ organizzazzjoni tas-suq tal-logħob tal-ażżard tista’ tinsab li tmur kontra l-Artikolu 56 TFUE jekk jiġi kkonstatat li l-awtoritajiet kompetenti jħaddnu politika li hija intiża sabiex tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni f’logħob tal-ażżard li ma jkunx dak kopert mill-monopolju statali iktar milli sabiex jitnaqqsu l-okkażjonijiet ta’ logħob u sabiex jiġi llimitati l-attivitajiet f’dan il-qasam b’mod koerenti u sistematiku b’tali mod li l-għan ta’ prevenzjoni mill-inkoraġġiment għal infiq eċċessiv relatat mal-logħob u tal-ġlieda kontra l-vizzju tal-logħob li kien fl-għeruq tal-istabbiliment tal-imsemmi monopolju, ma jistax iktar jintlaħaq b’mod effettiv permezz ta’ dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2010, Carmen Media Group, C‑46/08, EU:C:2010:505, punt 68).

    25

    F’dan il-każ, il-Gvern Ungeriż jinvoka kemm raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ saħħa pubblika u ta’ sigurtà pubblika kif ukoll raġunijiet imperattivi ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, ta’ prevenzjoni tal-vizzju tal-logħob u ta’ prevenzjoni ta’ frodi sabiex jiġġustifika s-sistema doppja prevista fil-leġiżlazzjoni tal-logħob tal-ażżard.

    26

    Hemm lok li jiġi kkonstatat li tali raġunijiet jistgħu jiġġustifikaw restrizzjonijiet għall-attivitajiet ta’ logħob tal-ażżard kemm f’dak li jirrigwarda s-sistema ta’ monopolju statali fuq ċerti tipi ta’ tali logħob kif ukoll f’dak li jirrigwarda s-sistema ta’ konċessjonijiet u ta’ awtorizzazzjonijiet għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard.

    27

    Sabiex turi l-inkoerenza tas-sistema Ungeriża ta’ organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard, Sporting Odds madankollu ssostni li l-għan prinċipali tal-leġiżlazzjoni nazzjonali jikkonsisti, fil-verità, fiż-żieda tad-dħul baġitarju ġġenerat mit-taxxi miġbura fuq il-każinojiet, permezz taż-żieda tal-previżjonijiet ta’ dħul mill-miżata fuq il-konċessjonijiet tal-każinojiet, kif ukoll miċ-ċippijiet mixtrija mil-lagħba. Hija żżid li l-miżuri ta’ liberalizzazzjoni ta’ ċerti tipi ta’ logħob tal-ażżard iffavorixxew l-espansjoni tal-attivitajiet ta’ logħob tal-każino, b’kuntrast mal-għanijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u ta’ prevenzjoni tal-vizzju tal-logħob.

    28

    F’dan ir-rigward, għalkemm huwa paċifiku li l-għan waħdieni ta’ massimizzazzjoni tad-dħul tat-Teżor Pubbliku ma jistax jippermetti restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, il-fatt li restrizzjoni għall-attivitajiet tal-logħob tal-ażżard tkun ta’ benefiċċju b’mod anċillari għall-baġit tal-Istat Membru kkonċernat ma jipprekludix li din ir-restrizzjoni tkun iġġustifikata sa fejn din qabelxejn issegwi effettivament għanijiet relatati ma’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Berlington Hungary et, C‑98/14, EU:C:2015:386, punti 6061).

    29

    Barra minn dan, fir-rigward tal-politika ta’ liberalizzazzjoni ta’ ċerti tipi ta’ logħob tal-ażżard, li tista’ taqa’ fil-kuntest ta’ politika ta’ espansjoni kkontrollata tal-attivitajiet ta’ logħob tal-ażżard, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali politika tista’ tkun koerenti kemm mal-għan li jikkonsisti fil-prevenzjoni tal-operat tal-attivitajiet tal-logħob tal-ażżard għal finijiet kriminali jew frawdolenti kif ukoll ma’ dak tal-prevenzjoni tal-inkoraġġiment għal spejjeż eċċessivi marbuta mal-logħob u ta’ ġlieda kontra l-vizzju tal-logħob, billi tidderieġi lill-konsumaturi lejn l-offerta tal-operaturi awtorizzati, offerta li fl-istess ħin hija meqjusa protetta minn elementi kriminali u mfassla sabiex il-konsumaturi jiġu protetti kontra spejjeż eċċessivi u l-vizzju tal-logħob (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Berlington Hungary et, C‑98/14, EU:C:2015:386, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    30

    Għalhekk, sabiex jintlaħaq dan l-għan ta’ direzzjoni lejn ambjenti kkontrollati, l-operaturi awtorizzati għandhom jikkostitwixxu alternattiva affidabbli, iżda fl-istess ħin attraenti, għal attività pprojbita, u dan jista’ jimplika b’mod partikolari l-użu ta’ tekniki ġodda ta’ distribuzzjoni (sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Berlington Hungary et, C‑98/14, EU:C:2015:386, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    31

    Madankollu, politika ta’ espansjoni kkontrollata tal-attivitajiet ta’ logħob tal-ażżard tista’ titqies li hija koerenti biss jekk, minn naħa, l-attivitajiet kriminali u frawdolenti marbuta mal-logħob u, min-naħa l-oħra, il-vizzju tal-logħob, setgħu, fiż-żmien meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxu problema fl-Ungerija u jekk espansjoni tal-attivitajiet awtorizzati u rregolati kienet ta’ natura li tirrimedja għal tali problema (sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Berlington Hungary et, C‑98/14, EU:C:2015:386, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    32

    Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, fil-kuntest tal-kawża li hija adita biha, jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfatti u, jekk ikun il-każ, jekk il-politika ta’ espansjoni inkwistjoni għandhiex portata li tista’ tirrendiha inkonċiljabbli mal-għanijiet invokati mill-Gvern Ungeriż (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Berlington Hungary et, C‑98/14, EU:C:2015:386, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    33

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel sar-raba’ damandi għandha tkun li l-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix, bħala prinċipju, sistema doppja ta’ organizzazzjoni tas-suq tal-logħob tal-ażżard li fil-kuntest tagħha ċerti tipi ta’ dan il-logħob jaqgħu taħt is-sistema ta’ monopolju statali, filwaqt li oħrajn jaqgħu taħt is-sistema tal-konċessjonijiet u tal-awtorizzazzjonijiet għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard, kemm il-darba l-qorti tar-rinviju tistabbilixxi li l-leġiżlazzjoni li tillimita l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tfittex li tilħaq effettivament, b’mod koerenti u sistematiku, l-għanijiet invokati mill-Istat Membru kkonċernat.

    Fuq il-ħames domanda

    34

    Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 56 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regola nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li abbażi tagħha l-għoti ta’ awtorizzazzjoni għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard onlajn huwa esklużivament irriżervat għall-operaturi ta’ logħob tal-ażżard li joperaw, abbażi ta’ konċessjoni, każino li jinsab fit-territorju nazzjonali.

    35

    Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, hemm lok li jitfakkar li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi timplika l-eliminazzjoni ta’ kull diskriminazzjoni eżerċitata kontra l-fornitur minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu jew minħabba l-fatt li huwa stabbilit fi Stat Membru ieħor minbarra dak fejn għandu jiġi pprovdut is-servizz. Il‑kundizzjoni li impriża għandha toħloq stabbiliment permanenti jew sussidjarja fl-Istat Membru fejn is-servizz huwa pprovdut tmur direttament kontra l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, sa fejn hija tirrendi impossibbli f’dan l-Istat Membru, il-provvista ta’ servizzi mill-impriżi stabbililti fi Stati Membri oħra (sentenza tal-21 ta’ Jannar 2010, Il-Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑546/07, EU:C:2010:25, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    36

    Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 56 TFUE ma jipprekludix il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lil operaturi stabbiliti fi Stati Membri oħra, fejn jipprovdu legalment servizzi analogi, milli jipproponu logħob tal-ażżard bl-internet fit-territorju ta’ Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, C‑42/07, EU:C:2009:519, punt 73), hemm lok li jitfakkar li l-leġiżlazzjoni nazzjonali eżaminata fil-kuntest tal-kawża li tat lok għal dik is-sentenza kienet tistabbilixxi monopolju għal-logħob tal-ażżard bl-għoti ta’ drittijiet esklużivi għall-operat ta’ dan il-logħob lil korp li kien effettivament ikkontrollat mill-Istat.

    37

    Fil-kwistjoni fil-kawża prinċipali, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni tillimita l-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard bl-internet għall-operaturi li joperaw każino li jinsab fit-territorju nazzjonali u li għandu, għall dan il-għan, konċessjoni u awtorizzazzjoni.

    38

    F’dan ir-rigward, ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, sistema ta’ konċessjonijiet u ta’ awtorizzazzjonijiet għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, nondiskriminatorji u magħrufa minn qabel, b’mod li jiġi limitat l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali sabiex din ma tintużax arbitrarjament (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2017, Unibet International, C‑49/16, EU:C:2017:491, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    39

    Għalhekk, restrizzjoni bħal dik ikkonstatata fil-kawża prinċipali hija ta’ natura diskriminatorja. Din tkun kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni biss jekk taqa’ taħt dispożizzjoni derogatorja espressa, bħall‑Artikolu 52 TFUE, jiġifieri l-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika u s-saħħa pubblika (sentenza tad-9 ta’ Settembru 2010, Engelmann, C‑64/08, EU:C:2010:506, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    40

    Il-Gvern Ungeriż jinvoka raġunijiet ta’ ordni pubbliku u ta’ saħħa pubblika, filwaqt li jsostni li l-kontroll statali tal-logħob onlajn huwa limitat u li r-regola nazzjonali tiżgura li l-logħob tal-ażżard onlajn, li jimplika riskji ogħla minn dawk marbuta mal-logħob tal-ażżard tradizzjonali, ikun irriżervat għal operaturi affidabbli li joperaw każino li jinsab fit-territorju nazzjonali u li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u ta’ ordni pubbliku.

    41

    Għalkemm huwa paċifiku li, minħabba n-nuqqas ta’ kuntatt dirett bejn il-konsumatur u l-operatur, il-logħob tal-ażżard aċċessibbli bl-internet jimplika riskji ta’ natura differenti u ta’ portata ikbar meta mqabbla mas-swieq tradizzjonali ta’ tali logħob fir-rigward ta’ eventwali frodi mwettqa mill-operaturi fil-konfront tal-konsumaturi (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, C‑42/07, EU:C:2009:519, punt 70), ir-regola inkwistjoni għandha madankollu tissodisfa l-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna l-proporzjonalità tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2007, Placanica et, C‑338/04, C‑359/04 u C‑360/04, EU:C:2007:133, punt 48).

    42

    B’mod iktar speċifiku, sabiex tkun tista’ tiġi ammessa restrizzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tgħid li operatur ta’ logħob tal-ażżard onlajn għandu jikseb konċessjoni għal każino li jinsab fit-territorju Ungeriż sabiex ikun f’pożizzjoni li joffri l-logħob tal-ażżard onlajn, għandu jiġi stabbilit li din ir-restrizzjoni tikkostitwixxi rekwiżit indispensabbli għall-ilħuq tal-għan imfittex (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 1997, Parodi, C‑222/95, EU:C:1997:345, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    43

    Issa, huwa evidenti li tali restrizzjoni, li tammonta għall fatt li l-aċċess għas-suq tal-logħob tal-ażżard onlajn jiġi rriżervat għall-operaturi tal-każinojiet li jinsabu fit-territorju nazzjonali, tmur lil hinn minn dak li jista’ jitqies li huwa proporzjonali, peress li jeżistu miżuri inqas restrittivi li jippermettu l-ilħuq tal-għanijiet invokati mill-Gvern Ungeriż.

    44

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għall-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regola nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li abbażi tagħha l-għoti ta’ awtorizzazzjoni għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard onlajn huwa esklużivament irriżervat għall-operaturi ta’ logħob tal-ażżard li għandhom konċessjoni għal każino li jinsab fit-territorju nazzjonali, sa fejn din ir-regola ma tikkostitwixxix rekwiżit indispensabbli għall-ilħuq tal-għanijiet imfittxija u sa fejn jeżistu miżuri inqas restrittivi għall-ilħuq ta’ tali għanijiet.

    Fuq is-sitta sat-tmien domandi

    45

    Permezz tas-sitta sat-tmien domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 56 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi sistema ta’ konċessjonijiet u ta’ awtorizzazzjonijiet għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard onlajn li abbażi tagħha l-operaturi jistgħu jikkonkludu kuntratt ta’ konċessjoni għal każino u, abbażi tal-imsemmi kuntratt, jiksbu l-awtorizzazzjoni għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard onlajn, jew billi jipparteċipaw f’sejħa għall-kompetizzjoni għall-finijiet tal-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ konċessjoni organizzata mill-Ministru għall-Ekonomija, jew billi jippreżentaw offerta spontanja lil dan il-Ministru għall-finijiet tal-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ konċessjoni, fejn din l-aħħar possibbiltà hija disponibbli għall-operaturi ta’ logħob tal-ażżard meqjusa “affidabbli”, fis-sens tal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

    46

    Preliminarjament, hemm lok li jitfakkar li, fis-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2017, Unibet International (C‑49/16, EU:C:2017:491), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrispondiet domandi dwar metodi għall-għoti tal-konċessjonijiet u tal-awtorizzazzjonijiet għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard fl-Ungerija. L-unika differenza bejn is-sitt domanda preliminari u d-domandi li għalihom diġà ngħatat risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja hija dwar it-tip ta’ konċessjoni li għandha tinkiseb sabiex operatur ikun jista’ jingħata awtorizzazzjoni għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard onlajn.

    47

    Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-proċeduri ta’ għoti tal-konċessjonijiet, jiġifieri s-sejħa għall-kompetizzjoni għall-finijiet tal-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ konċessjoni organizzata mill-Ministru tal-Ekonomija, u l-possibbiltà li tiġi ppreżentata offerta spontanja lill-dan il-Ministru għall-finijiet tal-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ konċessjoni, irriżervata għall-operaturi ta’ logħob tal-ażżard ikklassifikati bħala “affidabbli”, għadhom l-istess. Barra minn dan, minn din id-deċiżjoni jirriżulta wkoll li għadha ma ġiet organizzata l-ebda sejħa għall-kompetizzjoni li taqa taħt il-kompetenza tal-Ministru għall-Ekonomija u li r-rekwiżit li jgħid li operatur ta’ logħob tal-ażżard ikklassifikat bħala “affidabbli” għandu jkun eżerċità għal perijodu ta’ għaxar snin attività ta’ organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard fl-Ungerija għadu jinsab fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    48

    Għalhekk, mingħajr ma jkun meħtieġ li s-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiġi eżaminata, mill-punt 48 tas-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2017, Unibet International (C‑49/16, EU:C:2017:491), jirriżulta li din is-sistema tmur kontra l-Artikolu 56 TFUE.

    49

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għas-sitta sat-tmien damandi għandha tkun li l-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi sistema ta’ konċessjonijiet u ta’ awtorizzazzjonijiet għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard onlajn, kemm il-darba din tinkludi regoli diskriminatorji fir-rigward tal-operaturi stabbiliti fi Stati Membri oħra jew meta din tipprevedi regoli nondiskriminatorji, iżda li jiġu applikati b’mod mhux trasparenti jew implementati b’mod li jipprekludi jew li jagħmel iktar diffiċli l-kandidatura ta’ ċerti offerenti stabbiliti fi Stati Membri oħra.

    Fuq id-disa’ domanda

    50

    Hemm lok li jiġi kkonstatat li, peress li mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li Sporting Odds la talbet u lanqas ma kisbet konċessjoni, ir-risposta għal din id-domanda, li tirriwarda r-rimedji disponibbli kontra d-deċiżjonijiet relatati mal-għoti tal-konċessjonijiet, hija ipotetika.

    51

    Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li d-disa’ domanda hija inammissibbli.

    Fuq l-għaxar domanda

    52

    Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 56 TFUE u l-Artikolu 4(3) TUE, moqrija flimkien mal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tipprevedix l-eżami ex officio tan-natura proporzjonali tal-miżuri li jillimitaw il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE, u li tqiegħed l-oneru tal-prova fuq il-partijiet fil-proċedura.

    53

    F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li huma l-qrati nazzjonali li għandhom iwettqu evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi li fihom ġiet adottata u implementata leġiżlazzjoni restrittiva abbażi tal-provi prodotti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru, intiżi sabiex juru l-eżistenza ta’ għanijiet li jistgħu jiġġustifikaw ostakolu għal libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat FUE u l-proporzjonalità ta’ dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2017, Online Games et, C‑685/15, EU:C:2017:452, punt 65).

    54

    Filwaqt li dawn il-qrati jistgħu jkunu mitluba, skont ir-regoli proċedurali nazzjonali, li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jinkoraġġixxu l-produzzjoni ta’ tali provi, huma ma jistgħux, min-naħa l-oħra, jintalbu jissostitwixxu ruħhom għall-imsemmija awtoritajiet sabiex jipprovdu l-ġustifikazzjonijiet li dawn l-awtoritajiet għandhom l-obbligu li jipprovdu. Jekk dawn il-ġustifikazzjonijiet ma jiġux prodotti minħabba l-assenza jew il-passività tal-imsemmija awtoritajiet, il-qrati nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jiddeduċu l-konsegwenzi kollha li jirriżultaw minn tali nuqqas (sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2017, Online Games et, C‑685/15, EU:C:2017:452, punt 66).

    55

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix sistema nazzjonali fejn qorti mitluba tiddeċiedi fuq il-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni li tirrestrinġi l-eżerċizzju ta’ libertà fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandha teżamina ex officio l-fatti tal-kawża quddiemha, sakemm tali sistema ma jkollhiex bħala konsegwenza li din il-qorti tkun mitluba tissostitwixxi ruħha għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat, li għandhom jipprovdu l-provi neċessarji sabiex jippermettu li l-imsemmija qorti tistħarreġ jekk din ir-restrizzjoni hijiex iġġustifikata (sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2017, Online Games et, C‑685/15, EU:C:2017:452, punt 67).

    56

    Minn dan isegwi li d-dritt tal-Unjoni ma jeżiġix li l-Istati Membri jipprevedu eżami ex officio tal-miżuri li jirrestrinġu l-libertajiet fundamentali, u, għalhekk, ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tqiegħed l-oneru tal-prova fuq il-partijiet.

    57

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għall-għaxar domanda għandha tkun li l-Artikolu 56 TFUE u l-Artikolu 4(3) TUE, moqrija flimkien mal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tipprevedix l-eżami ex officio tan-natura proporzjonali tal-miżuri li jillimitaw il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE, u li tqiegħed l-oneru tal-prova fuq il-partijiet fil-proċedura.

    Fuq il-ħdax-il domanda

    58

    Permezz tal-ħdax-il domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 56 TFUE, moqri flimkien mal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa Stat Membru, li implementa leġiżlazzjoni restrittiva, li għandu jipprovdi l-provi intiżi li juru l-eżistenza ta’ għanijiet li jistgħu jiġġustifikaw ostakolu għal libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat FUE u l-proporzjonalità ta’ dan l-ostakolu jew jekk huwiex permess li tali obbligu jitqiegħed fuq il-parti l-oħra fil-proċedura.

    59

    Minn naħa, hekk kif jirriżulta mill-punti 52 u 53 ta’ din is-sentenza, huma l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru li implementa tali leġiżlazzjoni li għandhom jipprovdu l-provi intiżi li juru l-eżistenza ta’ għanijiet li jistgħu jiġġustifikaw ostakolu għal libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat FUE u l-proporzjonalità ta’ dan l-ostakolu. Min-naħa l-oħra, jekk dawn il-ġustifikazzjonijiet ma jiġux prodotti minħabba l-assenza jew il-passività tal-imsemmija awtoritajiet, il-qrati nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jisiltu l-konsegwenzi kollha li jirriżultaw minn tali nuqqas.

    60

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, l-Artikolu 56 TFUE, moqri flimkien mal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa Stat Membru li implementa leġiżlazzjoni restrittiva li għandu jipprovdi l-provi intiżi li juru l-eżistenza ta’ għanijiet li jistgħu jiġġustifikaw ostakolu għal libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat FUE u l-proporzjonalità ta’ dan l-ostakolu, fin-nuqqas ta’ dan, il-qorti nazzjonali għandha tkunu tista’ tislet il-konsegwenzi kollha li jirriżultaw minn tali nuqqas.

    Fuq l-erbatax-il domanda

    61

    Permezz tal-erbatax-il domanda tagħha, li jaqbel li tiġi eżaminata wara l-ħdax-il domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 56 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru ma osservax l-obbligu tiegħu li jiġġustifika miżura restrittiva minħabba l-fatt li huwa ma pprovdiex analiżi tal-effetti tal-imsemmija miżura fid-data tal-introduzzjoni tagħha fil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew fid-data ta’ meta l-qorti nazzjonali eżaminat tali miżuri.

    62

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li huwa l-Istat Membru li jkollu l-intenzjoni li jipprevalixxi ruħu minn għan adattat sabiex jilleġittima l-ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li għandu jagħti lill-qorti nazzjonali l-elementi kollha li jistgħu jippermettu li din tal-aħħar tiżgura ruħha li l-miżura msemmija tissodisfa tabilħaqq ir-rekwiżiti derivanti mill-prinċipju ta’ proporzjonalità (sentenza tat-30 ta’ April 2014, Pfleger et, C‑390/12, EU:C:2014:281, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata)

    63

    Madankollu, minn din il-ġurisprudenza ma jistax jiġi dedott li Stat Membru jkun imċaħħad mill-possibbiltà li jistabbilixxi li miżura restrittiva interna tissodisfa tali rekwiżiti, għall-unika raġuni li l-imsemmi Stat Membru ma huwiex f’pożizzjoni li jippreżenta studji li jkunu servew bħala bażi għall-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenza tat-30 ta’ April 2014, Pfleger et, C‑390/12, EU:C:2014:281, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    64

    Fil-fatt, hija l-qorti nazzjonali li għandha twettaq evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi relatati mal-adozzjoni u l-implementazzjoni ta’ leġiżlazzjoni restrittiva (sentenza tat-30 ta’ April 2014, Pfleger et, C‑390/12, EU:C:2014:281, punt 52) u mhux biss li tikkonstata li ma twettaqx studju minn qabel tal-effetti ta’ leġiżlazzjoni.

    65

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għall-erbatax-il domanda għandha tkun li l-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jistax jiġi kkonstatat li Stat Membru ma osservax l-obbligu tiegħu li jiġġustifika miżura restrittiva minħabba l-fatt li huwa ma pprovdiex analiżi tal-effetti tal-imsemmija miżura fid-data tal-introduzzjoni tagħha fil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew fid-data ta’ meta l-qorti nazzjonali eżaminat tali miżuri.

    Fuq is-sittax-il domanda

    66

    Permezz tas-sittax-il domanda tagħha, li jaqbel li tiġi eżaminata qabel it-tnax, it-tlettax u l-ħmistax-il domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 56 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi sanzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, imposta minħabba l-ksur tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi sistema ta’ konċessjonijiet u ta’ awtorizzazzjonijiet għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard, fil-każ fejn jirriżulta li tali leġiżlazzjoni nazzjonali tmur kontra dan l-artikolu.

    67

    F’dan ir-rigward, biżżejjed jitfakkar li, meta sistema restrittiva tkun ġiet stabbilita fil-qasam tal-logħob tal-ażżard, u meta din is-sistema tkun inkompatibbli mal-Artikolu 56 TFUE, il-ksur tal-imsemmija sistema minn operatur ekonomiku ma jistax ikun is-suġġett ta’ sanzjonijiet (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2017, Unibet International,C‑49/16, EU:C:2017:491, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    68

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għas-sittax-il domanda għandha tkun li l-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi sanzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, imposta minħabba l-ksur tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi sistema ta’ konċessjonijiet u ta’ awtorizzazzjonijiet għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard, fil-każ fejn jirriżulta li tali leġiżlazzjoni nazzjonali tmur kontra dan l-artikolu.

    69

    Fid-dawl tar-risposta mogħtija għal din id-domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tnax, għat-tlettax u għall-ħmistax-il domandi.

    Fuq l-ispejjeż

    70

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix, bħala prinċipju, sistema doppja ta’ organizzazzjoni tas-suq tal-logħob tal-ażżard li fil-kuntest tagħha ċerti tipi ta’ dan il-logħob jaqgħu taħt is-sistema ta’ monopolju statali, filwaqt li oħrajn jaqgħu taħt is-sistema tal-konċessjonijiet u tal-awtorizzazzjonijiet għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard, kemm il-darba l-qorti tar-rinviju tistabbilixxi li l-leġiżlazzjoni li tillimita l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tfittex li tilħaq effettivament, b’mod koerenti u sistematiku, l-għanijiet invokati mill-Istat Membru kkonċernat.

     

    2)

    L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regola nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li abbażi tagħha l-għoti ta’ awtorizzazzjoni għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard onlajn huwa esklużivament irriżervat għall-operaturi ta’ logħob tal-ażżard li għandhom konċessjoni għal każino li jinsab fit-territorju nazzjonali, sa fejn din ir-regola ma tikkostitwixxix rekwiżit indispensabbli għall-ilħuq tal-għanijiet imfittxija u sa fejn jeżistu miżuri inqas restrittivi għall-ilħuq ta’ tali għanijiet.

     

    3)

    L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi sistema ta’ konċessjonijiet u ta’ awtorizzazzjonijiet għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard onlajn, kemm il-darba din tinkludi regoli diskriminatorji fir-rigward tal-operaturi stabbiliti fi Stati Membri oħra jew meta din tipprevedi regoli nondiskriminatorji, iżda li jiġu applikati b’mod mhux trasparenti jew implementati b’mod li jipprekludi jew li jagħmel iktar diffiċli l-kandidatura ta’ ċerti offerenti stabbiliti fi Stati Membri oħra.

     

    4)

    L-Artikolu 56 TFUE u l-Artikolu 4(3) TUE, moqrija flimkien mal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tipprevedix l-eżami ex officio tan-natura proporzjonali tal-miżuri li jillimitaw il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE, u li tqiegħed l-oneru tal-prova fuq il-partijiet fil-proċedura.

     

    5)

    L-Artikolu 56 TFUE, moqri flimkien mal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa Stat Membru li implementa leġiżlazzjoni restrittiva li għandu jipprovdi l-provi intiżi li juru l-eżistenza ta’ għanijiet li jistgħu jiġġustifikaw ostakolu għal libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat FUE u l-proporzjonalità ta’ dan l-ostakolu, fin-nuqqas ta’ dan, il-qorti nazzjonali għandha tkunu tista’ tislet il-konsegwenzi kollha li jirriżultaw minn tali nuqqas.

     

    6)

    L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jistax jiġi kkonstatat li Stat Membru ma osservax l-obbligu tiegħu li jiġġustifika miżura restrittiva minħabba l-fatt li huwa ma pprovdiex analiżi tal-effetti tal-imsemmija miżura fid-data tal-introduzzjoni tagħha fil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew fid-data ta’ meta l-qorti nazzjonali eżaminat tali miżuri.

     

    7)

    L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi sanzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, imposta minħabba l-ksur tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi sistema ta’ konċessjonijiet u ta’ awtorizzazzjonijiet għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard, fil-każ fejn jirriżulta li tali leġiżlazzjoni nazzjonali tmur kontra dan l-artikolu.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.

    Fuq