EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0049

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-22 ta’ Ġunju 2017.
Unibet International Ltd. vs Nemzeti Adó- és Vámhivatal Központi Hivatala.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà li jiġu provduti servizzi – Restrizzjonijiet – Kundizzjonijiet għall-għoti ta’ liċenzja għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard online – Impossibbiltà prattika tal-kisba ta’ tali awtorizzazzjoni għall-operaturi privati stabbiliti fi Stati Membri oħra.
Kawża C-49/16.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:491

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

22 ta’ Ġunju 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Libertà li jiġu provduti servizzi — Restrizzjonijiet — Kundizzjonijiet għall-għoti ta’ liċenzja għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard online — Impossibbiltà prattika tal-kisba ta’ tali awtorizzazzjoni għall-operaturi privati stabbiliti fi Stati Membri oħra”

Fil-Kawża C-49/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (qorti amministrattiva u industrijali ta’ Budapest, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Jannar 2016, fil-proċedura

Unibet International Ltd.

vs

Nemzeti Adó- és Vámhivatal Központi Hivatala,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, E. Regan, J.-C. Bonichot, C. G. Fernlund u S. Rodin (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Diċembru 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Unibet International Ltd., minn A. Jádi-Németh u A. Kovács, ügyvédek,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u G. Koós, kif ukoll minn E. E. Sebestyén, bħala aġenti

għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck u M. Jacobs, bħala aġenti, assistiti minn P. Vlaemminck, R. Verbeke u J. Van den Bon, advocaten,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u M. Figueiredo kif ukoll minn A. Silva Coelho, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Tserepa-Lacombe u L. Havas, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta’ April 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE.

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn Unibet International Ltd. (iktar ’il quddiem “Unibet”), kumpannija Maltija, u n-Nemzeti Adó- és Vámhivatal Központi Hivatala (Uffiċċju ċentrali tal-amministrazzjoni nazzjonali tat-taxxi u tad-dwana, l-Ungerija, iktar ’il quddiem l-“awtorità fiskali Ungeriża”), fir-rigward ta’ deċiżjonijiet adottati minn din l-awtorità li jordnaw l-għeluq temporanju tal-aċċess għas-siti Internet ta’ Unibet, aċċessibbli taħt id-domain names hu.unibet.com u hul.unibet.com.

Il‑kuntest ġuridiku

Il-liġi Ungeriża

Il-liġi fis-seħħ fil-25 ta’ Ġunju 2014

– Il-liġi dwar l-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard

3

L-Artikolu 1 tas-szerencsejáték szervezéséről szóló 1991. évi XXXIV. törvény (Liġi Nru XXXIV tal-1991 dwar l-organizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard), kif kienet fis-seħħ fil-25 ta’ Ġunju 2014 (iktar ’il quddiem il-“liġi dwar l-organizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard”), kien jipprovdi, fil-paragrafi 3 sa 5 tiegħu:

“(3)   Huma attività intiża għall-organizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(i) tal-koncesszióról szóló 1991. évi XVI. törvény (liġi Nru XVI tal-1991 dwar il-konċessjonijiet, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-konċessjonijiet”)

[…]

e)

l-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard online,

[…]

(4)   Kull attività ta’ organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard li tippermetti parteċipazzjoni mit-territorju tal-Ungerija permezz ta’ sistema u ta’ tekniki ta’ komunikazzjoni tista’ tiġi eżerċitata biss konformement mad-dispożizzjonijiet tal-liġi preżenti.

(5)   Il-pubblikazzjoni tal-offerti ta’ parteċipazzjoni fil-logħob tal-ażżard permezz ta’ sistemi u [ta’] tekniki ta’ komunikazzjoni teħtieġ l-awtorizzazzjoni tal-awtoritajiet fiskali nazzjonali. L-istituzzjonijiet finanzjarji u l-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni ma jistgħux jikkontribwixxu għall-pubblikazzjoni jew għar-riċeviment ta’ offerti relattivi għall-parteċipazzjoni f’logħob tal-ażżard li għalih ma tkunx ingħatat awtorizzazzjoni, u lanqas jipprovdu sostenn f’dan is-sens.”

4

L-Artikolu 2(2a) u (3) ta’ din il-liġi jipprovdi:

“(2a)   Il-provvista ta’ servizzi ta’ logħob tal-ażżard online teħtieġ l-awtorizzazzjoni tal-amministrazzjoni fiskali nazzjonali. Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi jestendi għas-servizzi ta’ logħob tal-ażżard online fil-każ li

a)

il-logħob tal-ażżard online ikun organizzat fit-territorju Ungeriż, jew

b)

l-utent tas-servizz jipparteċipa fil-logħob tal-ażżard online fit-territorju Ungeriż, jew

c)

is-servizz ikun dirett lejn utenti li jkunu jinsabu fit-territorju Ungeriż, b’mod partikolari meta s-servizz imsemmi jkun aċċessibbli bil-lingwa Ungeriża jew meta jsir reklamar tiegħu fit-territorju Ungeriż.

(3)   L-amministrazzjoni fiskali nazzjonali għandha toħroġ awtorizzazzjoni lill-persuna li tissodisfa l-kundizzjonijiet personali, materjali u ekonomiċi neċessarji għal tmexxija ċerta u professjonali tal-logħob tal-ażżard.”

5

Skont l-Artikolu 3 tal-imsemmija liġi:

“(1)   Attività ta’ organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard mhux liberalizzat

a)

tista’ tiġi pprovduta minn korp ekonomiku miżmum 100 % mill-Istat Ungeriż, maħluq biex tiġi eżerċitata b’mod regolari attività ta’ organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard (iktar ’il quddiem l-’operatur statali tal-logħob tal-ażżard’), kif ukoll minn kumpannija kummerċjali li għandha bħala l-uniku azzjonist tagħha lill-operatur statali tal-logħob tal-ażżard, kif ukoll korp ekonomiku li fih l-Istat għandu sehem maġġoritarju;

b)

permezz ta’ kuntratt ta’ konċessjoni, l-Istat jista’, temporanjament, jittrasferixxi lil persuna oħra d-dritt li jeżerċita din l-attività.

[…]”

6

L-Artikolu 4 tal-liġi dwar l-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard kien tipprovdi, fil-paragrafi 1 u 6 tiegħu:

“(1)   Għall-finijiet tal-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ konċessjoni, il-ministru għandu jagħmel sejħa pubblika għall-kompetizzjoni, konformement mal-Artikolu 5(1) tal-liġi dwar il-konċessjonijiet.

[…]

(6)   Abbażi tal-Artikolu 10/C(2) tal-liġi dwar il-konċessjonijiet, il-ministru jista’ wkoll jikkonkludi kuntratt ta’ konċessjoni mingħajr ma jagħmel sejħa pubblika għal kompetizzjoni, billi jikkonkludi tali kuntratt ma’ operatur tal-logħob tal-ażżard affidabbli fis-sens ta’ din il-liġi.”

7

L-Artikolu 5(1) ta’ din il-liġi kien jipprovdi:

“F’każ ta’ sejħa pubblika għal kompetizzjoni skont l-Artikolu 5(1) tal-liġi dwar il-konċessjonijiet, il-ministru jista’ jikkonkludi l-kuntratt ta’ konċessjoni mal-persuna li rebħet il-kompetizzjoni.”

8

L-Artikolu 29/D tal-imsemmija liġi kien ifformulat kif ġej:

“Fil-każ imsemmi fl-Artikolu 3(1)(a), il-kumpannija kummerċjali li għandha bħala l-uniku azzjonist tagħha lill-operatur statali tal-logħob tal-ażżard jew il-korp ekonomiku li fih l-Istat għandu sehem maġġoritarju, jew, fil-każ imsemmi fl-Artikolu 3(1)(b), il-kumpannija konċessjonarja, għandu jkollhom kapital ta’ minimu ta’ 200 miljun forint Ungeriż [(HUF) (madwar EUR 620000)].”

9

Skont l-Artikolu 36(1) tal-liġi dwar l-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard:

“L-awtorità fiskali nazzjonali għandha teżerċita kontroll amministrattiv fuq l-organizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard. F’dan il-kuntest, din għandha tikkontrolla b’mod kontinwu jekk l-attività tissodisfax ir-regoli ta’ liġi, l-awtorizzazzjonijiet u l-proġett tal-logħob.”

10

L-Artikolu 36/G(1) u (2) ta’ din il-liġi kien jipprovdi:

“(1)   L-awtorità fiskali nazzjonali għandha tordna l-għeluq temporanju tal-aċċess għal data magħmula pubblika permezz ta’ netwerk ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (iktar ’il quddiem, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan is-sottotitolu, id-“data elettronika”), meta l-fatt li din id-data ssir pubblika jew aċċessibbli jkun jirriżulta mill-implementazzjoni ta’ attività pprojbita ta’ organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard.

(2)   L-għeluq temporanju ta’ aċċess jikkonsisti fit-twaqqif temporanju tal-aċċess għad-data elettronika. L-awtorità fiskali nazzjonali għandha tordna l-għeluq temporanju tal-aċċess għad-data elettronika għal tul ta’ 90 jum.

[…]”

11

L-Artikolu 37(30) tal-liġi msemmija kien jipprovdi:

“Operatur tal-logħob tal-ażżard affidabbli: operatur tal-logħob tal-ażżard li huwa korp trasparenti fis-sens tal-Artikolu 3(1)(1) tan-nemzeti vagyonról szóló 2011. évi CXCVI. törvény (liġi Nru CXCVI tal-2011 dwar il-beni nazzjonali) u

a)

li ssodisfa l-obbligi kollha ta’ dikjarazzjoni u ta’ ħlas relattivi għal oneri fiskali jew parafiskali li jeċċedu HUF 500000 [(madwar EUR 1550)], irreġistrati mill-amministrazzjoni fiskali nazzjonali, u li qatt ma ssodisfat tali obbligu b’dewmien ta’ iktar minn 90 jum,

b)

li ebda mill-kontijiet bankarji tiegħu ma kien milqut minn mandat ta’ rkupru f’ammont li jeċċedi l-HUF 500000 [(madwar EUR 1550)] min-naħa tal-amministrazzjoni fiskali, u li, matul l-attività tiegħu, ma kellux proċedura eżekutorja li teċċedi l-HUF 500000 [(madwar EUR 1550)] imressqa kontrih,

c)

matul l-attività tiegħu, u f’dan il-kuntest, ma wettaqx ksur li għalih setgħet tiġi imposta fuqu multa f’ammont superjuri għal HUF 5 miljun [(madwar EUR 15500)],

d)

matul mill-inqas għaxar snin eżerċita attività intiża għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard fl-Ungerija,

e)

osserva b’mod sħiħ ir-regoli relattivi għall-istabbiliment tal-identità tal-lagħba kif ukoll għat-trattament tad-data relatata magħhom, kemm il-darba dan l-obbligu kien impost fuqu.”

– Il-liġi dwar il-konċessjonijiet

12

L-Artikolu 4(1) tal-liġi dwar il-konċessjonijiet kien jipprovdi li:

“L-Istat jew il-kollettivitajiet lokali għandhom neċessarjament joħorġu sejħa għal kompetizzjoni għall-finijiet tal-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ konċessjoni, ħlief fil-każ ta’ estensjoni ta’ kuntratt b’applikazzjoni tal-Artikolu 12(3) tal-Liġi Nru CXCVI tal-2011 dwar il-beni nazzjonali, jew ta’ konklużjoni ta’ kuntratt abbażi tal-Artikolu 10/C ta’ din il-liġi. Is-sejħa għal kompetizzjoni għandha tkun pubblika, ħlief jekk l-interessi tad-difiża jew tas-sigurtà nazzjonali jeżiġu li din għandha tinħareġ f’ċirku ristrett.

[…]”

13

L-Artikolu 5(1) ta’ din il-liġi kien jipprovdi:

“Il-ministru kompetenti fil-qasam ta’ attività kkonċernat jista’ joħroġ is-sejħa għal kompetizzjoni, jgħaqqad lill-kompetituri u jikkonkludi l-kuntratt ta’ konċessjoni, bi ftehim mal-ministru inkarigat mill-kura tal-beni nazzjonali.

[…]”

14

Skont l-Artikolu 10/C(1) sa (6) tal-liġi msemmija:

“(1)   Kuntratt ta’ konċessjoni jista’ jiġi konkluż ukoll ma’ operatur tal-logħob tal-ażżard affidabbli, fis-sens tal-liġi settorjali, konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.

(2)   Il-ministru kompetenti fil-qasam ikkonċernat jista’ jirrinunzja li joħroġ sejħa pubblika għal kompetizzjoni għall-finijiet tal-attribuzzjoni ta’ konċessjoni meta jkun ukoll possibbli li l-kuntratt ta’ konċessjoni jiġi konkluż ma’ operatur tal-logħob tal-ażżard affidabbli.

(3)   Offerta għandha tiġi ppreżentata minn operatur tal-logħob tal-ażżard affidabbli għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ attività intiża għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard. L-awtur tal-offerta jispeċifika fiha s-sit ta’ impjantazzjoni tal-unitajiet – iddefiniti fil-liġi dwar l-organizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard – u jintrabat li jħallas għal kull unità, abbażi tal-konċessjoni, miżata annwali li b’mod minimu għad-doppju tal-miżata abbażi tal-konċessjonijiet previsti fil-liġi tal-finanzi tal-Istat rispettivament applikabbli.

(4)   Il-ministru kompetenti fil-qasam ikkonċernat għandu jiddeċiedi dwar l-aċċettazzjoni tal-offerta fi żmien tletin jum wara li jirċievi l-offerta bil-miktub tal-operatur tal-logħob tal-ażżard affidabbli. F’każ li tiġi aċċettata l-offerta, dan għandu jikkonkludi kuntratt ta’ konċessjoni mal-awtur tal-offerta msemmija fi żmien tletin jum.

(5)   Abbażi ta’ kuntratt ta’ konċessjoni konkluż konformement ma’ dan l-artikolu, il-konċessjonarju jista’ jopera massimu ta’ ħames unitajiet.

(6)   Għall-bqija, id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi u tal-liġi dwar l-organizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard japplikaw għall-kuntratt ta’ konċessjoni u għall-konċessjonarju.

[…]”

15

L-Artikolu 11(1) tal-liġi dwar il-konċessjonijiet kien jipprovdi:

“Meta l-kuntratt ta’ konċessjoni ma jkunx konkluż b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10/C, il-persuna jew il-korp li jaġixxi f’isem l-Istat jew tal-kollettività lokali jista’ jikkonkludi kuntratt biss mal-offerent li jirbaħ il-kompetizzjoni. Il-kompetizzjoni tintrebaħ mill-persuna li tkun offriet lill-Istat jew lill-kollettività lokali l-offerta l-iktar vantaġġjuża globalment li tikkorrispondi mas-sejħa għal kompetizzjoni.

[…]”

16

L-Artikolu 21(1) tal-imsemmija deċiżjoni kien ifformulat kif ġej:

“Meta regola tal-liġi speċjali tissuġġetta għal awtorizzazzjoni amministrattiva l-eżerċizzju ta’ attività li għaliha konċessjoni hija obbligatorja, il-kumpannija konċessjonarja tista’ biss teżerċita l-attività tagħha jekk ikollha tali awtorizzazzjoni f’isimha.

[…]”

Il-liġi fis-seħħ fid-29 ta’ Awwissu 2014

– Il-liġi dwar l-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard emendata

17

L-Artikolu 3 tal-liġi dwar l-organizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard, kif kienet fis-seħħ fid-29 ta’ Awwissu 2014 (iktar ’il quddiem il-“liġi dwar l-organizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard emendata”), kien jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Huwa biss l-operatur statali tal-logħob tal-ażżard li għandu d-dritt li jorganizza l-lotteriji bix-xorti u l-imħatri – bl-eċċezzjoni tal-imħatri tat-tiġrijiet taż-żwiemel, tal-logħob tal-ażżard online u tal-imħatri li jifformaw parti mill-attività tal-bookmakers.”

18

L-Artikolu 29/D(1) u (2) tal-liġi dwar l-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard emendata kien jipprovdi:

“(1)   Fil-każ imsemmi fl-Artikolu 3(1)(a), il-kumpannija kummerċjali li għandha bħala l-uniku azzjonist tagħha lill-operatur statali tal-logħob tal-ażżard jew il-korp ekonomiku li fih l-Istat għandu sehem maġġoritarju, jew, fil-każ imsemmi fl-Artikolu 3(1)(b), il-kumpannija konċessjonarja jew l-operatur tal-logħob tal-ażżard affidabbli għandu jkollhom kapital li jikkorrispondi għal minimu ta’ HUF 50 miljun (madwar EUR 155000)].

(2)   Il-kumpannija konċessjonarja msemmija fil-paragrafu 1 tista’ wkoll – fid-dawl tal-Artikolu 20(1) ta[l-liġi dwar il-konċessjonijiet, kif kienet fis-seħħ fid-29 ta’ Awwissu 2014 (iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-konċessjonijiet emendata”)] – teżerċita l-attività tagħha bħala kumpannija kummerċjali stabbilita f’pajjiż barrani.

[…]”

19

L-Artikolu 37(31) ta’ din il-liġi kien jipprovdi:

“Operatur tal-logħob tal-ażżard affidabbli, fil-każ tal-organizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard online li huwa korp trasparenti fis-sens tal-Artikolu 3(1)(1) tal-liġi Nru CXCVI tal-2011 dwar il-beni nazzjonali) u

a)

li ssodisfa l-obbligi tiegħu kollha ta’ dikjarazzjoni u ta’ ħlas relattivi għal oneri fiskali jew parafiskali li jeċċedu l-HUF 500000 [(madwar EUR 1550)], irreġistrati mill-amministrazzjoni fiskali nazzjonali jew mill-awtoritajiet fiskali tal-Istat fejn huwa stabbilit l-operatur tal-logħob tal-ażżard, jew tal-Istat tal-ħruġ tal-awtorizzazzjoni biex tiġi eżerċitata attività ta’ organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard, u li qatt ma ssodisfa tali obbligu b’dewmien ta’ iktar minn 90 jum,

b)

li ebda mill-kontijiet bankarji tiegħu ma ġie milqut minn mandat ta’ rkupru f’ammont li jeċċedi HUF 500000 [(madwar EUR 1550)] min-naħa tal-awtoritajiet fiskali tal-Istat ta’ ħruġ tal-awtorizzazzjoni għall-eżerċitar ta’ attività ta’ organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard, u li, matul l-attività tiegħu, ma kellux proċedura eżekutorja li teċċedi HUF 500000 [(madwar EUR 1550)] imressqa kontrih fl-Istat ta’ ħruġ tal-awtorizzazzjoni biex tiġi eżerċitata attività ta’ organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard,

c)

matul l-attività tiegħu, u f’dan il-kuntest, ma wettaqx ksur fl-Istat ta’ ħruġ tal-awtorizzazzjoni biex tiġi eżerċitata attività ta’ organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard, li għalih setgħet tiġi imposta fuqu multa f’ammont li jikkorrispondi għal HUF 5 miljun [(madwar EUR 15500)],

d)

matul mill-inqas tliet snin eżerċita attività intiża għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard fl-Istat ta’ ħruġ tal-awtorizzazzjoni biex tiġi eżerċitata attività ta’ organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard,

e)

osserva b’mod sħiħ ir-regoli relattivi għall-istabbiliment tal-identità tal-lagħba kif ukoll għat-trattament tad-data relatata magħhom fl-Istat tal-ħruġ tal-awtorizzazzjoni biex tiġi eżerċitata attività ta’ organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard, kemm il-darba tali obbligu kien impost fuqu.

Jekk l-operatur ta’ logħob tal-ażżard kellu jew għandu awtorizzazzjoni biex tiġi eżerċitata attività ta’ organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard f’diversi Stati, dan għandu jipprova li l-kundizzjonijiet previsti fid-dispożizzjonijiet (a) sa (e) huma sodisfatti għal wieħed minn dawn l-Istati.”

– Il-liġi dwar il-konċessjonijiet emendata

20

L-Artikolu 10/C(3a) tal-liġi dwar il-konċessjonijiet emendata kien jipprovdi:

“Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3 iktar ’il fuq japplikaw għall-preżentazzjoni ta’ offerta li għandha bħala skop l-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard online, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet segwenti:

a)

huwa biss operatur affidabbli, fis-sens tal-Artikolu 37(31) tal-[liġi dwar l-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard emendata], li jista’ jippreżenta offerta,

b)

l-offerta għandha tindika, għal kull tip ta’ logħob, dħul annwali abbażi tal-konċessjoni, f’ammont li jikkorrispondi mill-inqas għad-dħul ta’ referenza għal kull tip ta’ logħob previst mil-liġi tal-finanzi tal-Istat, u

c)

l-offerenti mhux stabbiliti fl-Ungerija jew mhux jew li ma għandhomx awtorizzazzjoni ungeriża biex jeżerċitaw attività ta’ organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard għandhom jinkludu mal-offerta tagħhom dokument, ipprovdut mill-awtoritajiet tal-Istat fejn huma stabbiliti, jew mill-Istat li jkun ħarġilhom l-awtorizzazzjoni biex tiġi eżerċitata attività ta’ organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard, li jiċċertifika li dawn jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 37(31) tal-[liġi dwar l-organizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard emendata], flimkien ma’ traduzzjoni ċċertifikata konformi bil-lingwa Ungeriża.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

21

Unibet hija kumpannija stabbilita f’Malta, li l-attività tagħha tikkonsisti b’mod partikolari fl-organizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard online. Għal dan il-għan, hija proprjetarja ta’ awtorizzazzjonijiet maħruġa mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ diversi Stati Membri. Wara kontrolli mwettqa matul is-sajf tal-2014, fir-rigward tal-kontenut tas-siti Internet bil-lingwa Ungeriża operati minn Unibet aċċessibbli taħt id-domain names hu.unibet.com u hul.unibet.com, l-awtorità fiskali Ungeriża kkonstatat li dawn is-siti kienu jippermettu l-aċċess għal kontenut li kien jikkostitwixxi logħob tal-ażżard fis-sens tal-leġiżlazzjoni Ungeriża dwar l-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard, filwaqt li Unibet ma kellhiex l-awtorizzazzjoni meħtieġa fl-Ungerija.

22

Konsegwentement għal dan il-ksur, l-awtorità fiskali Ungeriża adottat żewġ deċiżjonijiet li bihom din, inizjalment, ordnat l-għeluq temporanju tal-aċċess mill-Ungerija għas-siti Internet ta’ Unibet u, sussegwentement, imponiet multa fuq Unibet.

23

B’hekk, Unibet ippreżentat rikors quddiem il-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (qorti amministrattiva u tax-xogħol ta’ Budapest, l-Ungerija) intiż għall-annullament tad-deċiżjonijiet imsemmija, minħabba li l-leġiżlazzjoni Ungeriża li abbażi tagħha ġew adottati dawn id-deċiżjonijiet tmur kontra l-Artikolu 56 TFUE. Din tqis li fid-dawl tal-kundizzjonijiet iffissati minn din il-leġiżlazzjoni, din hija fil-prattika mċaħħda mill-possibbiltà li tikseb il-kwalità ta’ konċessjonarju, filwaqt li tali kwalità tikkostitwixxi l-kundizzjoni preliminari għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard online. Skont Unibet, din tpoġġiet f’impossibbiltà li tikkonkludi l-kuntratt ta’ konċessjoni kemm taħt waħda jew l-oħra mill-proċeduri stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

24

Unibet tosserva, minn naħa, li l-ministru tal-Ekonomija ma ħariġx sejħa pubblika għal kompetizzjoni bil-għan li jiġi konkluż kuntratt ta’ konċessjoni, liema ħaġa b’hekk iċċaħħadha minn din l-ewwel proċedura. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-tieni proċedura li għandha tippermettilha li tippreżenta offerta lill-ministru bil-għan li jiġi konkluż kuntratt ta’ konċessjoni, irriżervata għall-operaturi “affidabbli” fis-sens tal-leġiżlazzjoni Ungeriża, din issostni li hija ma kinitx awtorizzata tippreżenta offerta fid-data tal-ewwel deċiżjoni peress li din ma kinitx tissodisfa l-kriterji legali li jippermettulha li tiġi kkwalifikata bħala operatur ta’ logħob tal-ażżard “affidabbli”, fis-sens tal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Barra minn hekk, waqt l-adozzjoni tat-tieni deċiżjoni, minħabba d-data tad-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni li temenda d-definizzjoni tal-operatur ta’ logħob tal-ażżard “affidabbli”, din ma kellhiex biżżejjed żmien biex telabora offerta ddettaljata.

25

Skont l-awtorità fiskali Ungeriża, il-leġiżlazzjoni Ungeriża ma tmurx kontra l-Artikolu 56 TFUE. In-nuqqas ta’ sejħa pubblika għal kompetizzjoni għall-għoti tal-kuntratti ta’ konċessjonijiet ma jfissirx li l-leġiżlazzjoni Ungeriża tikser il-liġi tal-Unjoni, peress li, kieku nħarġet tali sejħa pubblika għal kompetizzjoni, Unibet kienet tkun tista’ tippreżenta offerta. Barra minn hekk, fid-data tal-adozzjoni tat-tieni deċiżjoni, kien mixtieq li Unibet tipprova li din kienet operatur ta’ logħob tal-ażżard “affidabbli”, fis-sens tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, liema ħaġa kienet tippermettilha tippreżenta offerta lill-ministru bil-għan li jiġi konkluż kuntratt ta’ konċessjoni. Din l-awtorità ppreċiżat li kien ser jiġi adottat digriet ministerjali sabiex jiġu kkompletati d-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar l-organizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard f’dak li jikkonċerna l-logħob online.

26

L-awtorità fiskali Ungeriża indikat ukoll li, peress li d-digriet li kellu jiġi adottat jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/34/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337), in-notifika tiegħu lill-Kummissjoni Ewropea kienet kundizzjoni preliminari indispensabbli għad-dħul fis-seħħ tiegħu. Skont din l-awtorità, anki fil-każ li l-leġiżlazzjoni Ungeriża hija inkompatibbli mal-liġi tal-Unjoni, ma jistax jiġi sostnut li logħob tal-ażżard online jista’ jiġi organizzat fit-territorju Ungeriż mingħajr ebda awtorizzazzjoni jew restrizzjoni.

27

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relattiva għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE fil-qasam tal-logħob tal-ażżard, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal-leġiżlazzjoni Ungeriża, li ma ħolqotx sitwazzjoni ta’ monopolju fis-suq tal-logħob tal-ażżard u li ma tiżgurax lill-awturi f’dan is-suq il-possibbiltà teoretika li jidħlu fis-suq Ungeriż tal-logħob tal-ażżard online, iżda li l-implementazzjoni effettiva tagħha fil-prattika tkompli ċċaħħad lill-awturi fis-suq mill-possibbiltà li joffru s-servizzi tagħhom, tistax tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-artikolu msemmi.

28

Skont din il-qorti, l-operaturi ta’ logħob tal-ażżard kellhom, fiż-żmien meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, żewġ possibbiltajiet biex jikkonkludu kuntratt ta’ konċessjoni għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard online. Din tirrileva li l-ewwel possibbiltà, jiġifieri l-ħruġ ta’ sejħa pubblika għal kompetizzjoni mill-ministru tal-Ekonomija, ma ntużatx minn din tal-aħħar matul il-perijodu inkwistjoni kollu. Fir-rigward tat-tieni possibbiltà, jiġifieri l-preżentazzjoni ta’ offerta intiża għall-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ konċessjoni, din il-qorti tippreċiża li kien biss operatur li seta’ jiġi kkwalifikat bħala “operatur ta’ logħob tal-ażżard affidabbli”, fis-sens tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fil-25 ta’ Ġunju 2014, li kien awtorizzat jippreżenta tali offerta. Issa, b’applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni, fid-data tal-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni ta’ għeluq tas-siti Internet ta’ Unibet, l-operaturi li ma setgħux jiġġustifikaw għaxar snin ta’ provvista ta’ servizzi fl-Ungerija ma kinux jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ “operatur ta’ logħob tal-ażżard affidabbli”. Għalhekk, skont il-qorti msemmija, Unibet kienet eskluża mill-kuntratt tal-logħob tal-ażżard online. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li, minħabba t-tul qasir tat-terminu li għadda bejn il-15 ta’ Lulju 2014, data li fiha d-definizzjoni ta’ “operatur affidabbli” ġiet emendata mil-liġi fis-sens li Unibet tista’ eventwalment tifforma parti mill-kunċett imsemmi, u d-29 ta’ Awwissu 2014, data tal-adozzjoni tat-tieni deċiżjoni ta’ għeluq tas-siti Internet ta’ Unibet, din tal-aħħar ġiet prekluża milli tippreżenta offerta mfassla b’mod dettaljat.

29

B’hekk, il-qorti msemmija tixtieq tkun taf jekk, fid-dawl tal-Artikolu 56 TFUE, in-nuqqas ta’ regoli dettaljati relattivi għall-kundizzjonijiet tekniċi meħtieġa għall-finijiet tal-attribuzzjoni tal-awtorizzazzjonijiet għall-organizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard online jistax jiġġustifika l-esklużjoni fil-prattika ta’ operatur ta’ logħob tal-ażżard mill-proċedura ta’ għoti, minkejja li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi li l-għoti tal-awtorizzazzjonijiet huwa teoretikament possibbli. Barra minn hekk, din tistaqsi jekk tali nuqqas ta’ regoli ddettaljati tekniċi jistax madankollu jiġġustifika s-sanzjonijiet amministrattivi imposti mill-awtoritajiet kompetenti lill-operaturi ta’ logħob tal-ażżard li ma setgħux, fil-prattika, jiksbu l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard online.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (qorti amministrattiva u tax-xogħol ta’ Budapest) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 56 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem it-“TFUE”) għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi miżura nazzjonali skont liema l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li fil-kuntest tal-ftuħ, eventwalment, ta’ sejħa għal offerti għall-attribuzzjoni ta’ konċessjoni jew fil-kuntest tal-aċċettazzjoni ta’ offerta ppreżentata għall-ksib ta’ din il-konċessjoni, tiżgura fit-teorija l-possibbiltà li kwalunkwe fornitur ta’ servizzi li jissodisfa r-rekwiżiti legali – inkluż fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor – jikseb il-konċessjoni sabiex jipprovdi servizzi ta’ logħob tal-ażżard online mhux liberalizzati, permezz ta’ sejħa għal offerti pubblika jew permezz ta’ preżentazzjoni ta’ offerta, meta fir-realtà l-Istat Membru ikkonċernat ma jiftaħ l-ebda sejħa għal offerti għall-għotja ta’ konċessjoni u l-fornitur ta’ servizzi, fil-prattika, ma għandux il-possibbiltà li jippreżenta offerta, u madankollu, l-awtoritajiet tal-Istat Membru jiddikjaraw li l-fornitur ta’ servizzi, peress li pprovda dan is-servizz mingħajr ma kellu l-liċenzja bbażata fuq il-konċessjoni, kiser il-liġi u jimponulu s-sanzjoni amministrattiva prevista fid-dispożizzjoni legali (għeluq temporanju tal-aċċess u impożizzjoni ta’ multa jekk huwa reċidiv)?

2)

L-Artikolu 56 TFUE jipprekludi lil Stat Membru milli jintroduċi regoli, ta’ livell superjuri fid-dawl tad-dritt nazzjonali tiegħu, li fit-teorija tagħti lill-fornituri ta’ servizzi ta’ logħob tal-ażżard online l-possibbiltà li jeżerċitaw l-attività tagħhom fuq livell transkonfinali, iżda li, minħabba fl-assenza tar-regoli ta’ implementazzjoni ta’ livell inferjuri, l-imsemmija fornituri ta’ servizzi huma fir-realtà mċaħħda mill-possibbiltà li jiksbu mill-awtorità l-liċenzji neċessarji għall-eżerċizzju ta’ din l-attività?

3)

Fil-każ li l-qorti li quddiemha tressqet il-kawża prinċipali tikkonstata, fid-dawl tar-risposti li jingħataw għad-domandi preċedenti, li l-miżura tal-Istat Membru tmur kontra l-Artikolu 56 TFUE, din il-qorti taġixxi b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni jekk tqis li l-ksur ikkonstatat fid-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tal-Istat Membru minħabba fil-provvista ta’ servizzi mwettqa mingħajr liċenzja u s-sanzjoni amministrattivi applikata konsegwentement (għeluq temporanju tal-aċċess u multa) imorru kontra l-Artikolu 56 TFUE?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

31

Bl-ewwel u t-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 56 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi sistema ta’ konċessjonijiet u ta’ awtorizzazzjonijiet għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard online li abbażi tagħha l-operaturi jistgħu jikkonkludu kuntratt ta’ konċessjoni u, abbażi ta’ din tal-aħħar, jiksbu l-awtorizzazzjoni għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard online, jew billi jipparteċipaw f’sejħa għal kompetizzjoni intiża għall-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ konċessjoni organizzat mill-ministru tal-Ekonomija, jew billi jippreżentaw offerta lill-ministru intiża għall-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ konċessjoni, fejn din l-aħħar possibbiltà hija miftuħa għall-operaturi ta’ logħob tal-ażżard “affidabbli”, fis-sens tal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

32

Għandu jitfakkar li l-Artikoli 56 TFUE jeżiġi t-tneħħija ta’ kull restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, anki jekk din ir-restrizzjoni tapplika mingħajr distinzjoni bejn il-fornituri nazzjonali ta’ servizzi u dawk ta’ Stati Membri oħra, meta din ir-restrizzjoni tkun ta’ natura li tipprojbixxi, tfixkel jew tagħmel inqas attraenti l-attivitajiet tal-fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor fejn jipprovdi legalment servizzi simili (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, C-42/07, EU:C:2009:519, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard fl-assenza ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tal-awtoritajiet amministrattivi tikkostitwixxi restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantita mill-Artikolu 56 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Pfleger et, C-390/12, EU:C:2014:281, punt 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

34

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi sistema ta’ konċessjonijiet u ta’ awtorizzazzjonijiet għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard, tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE.

35

Madankollu, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk din ir-restrizzjoni tistax tkun iġġustifikata.

36

Fir-rigward il-ġustifikazzjonijiet li jistgħu jiġu aċċettati fil-preżenza ta’ miżuri interni li jirrestrinġu l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, il-Qorti tal-Ġustizzja kemm-il darba rrilevat li l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali adottati fil-qasam tal-logħob u tal-imħatri huma marbuta, meqjusa fl-intier tagħhom, fil-parti l-kbira, mal-protezzjoni tad-destinatarji tas-servizzi kkonċernati, u b’mod iktar ġenerali l-konsumaturi, kif ukoll il-protezzjoni tal-ordni soċjali. Hija enfasizzat ukoll li tali għanijiet jinsabu fost ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw ksur għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

37

Barra minn hekk, huwa stabbilit li kull Stat Membru għandu jevalwa jekk, fil-kuntest tal-għanijiet leġittimi li huwa għandu, huwiex neċessarju li jipprojbixxi totalment jew parzjalment attivitajiet li jirrigwardaw l-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard, jew biss li jirrestrinġihom u li jipprevedi għal dan il-għan modalitajiet ta’ kontroll ftit jew wisq stretti, filwaqt li n-neċessità u l-proporzjonalità tal-miżuri adottati għandhom jiġu evalwati biss fid-dawl tal-għanijiet imfittxija u tal-livell ta’ protezzjoni li beħsiebhom jiżguraw l-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2010, Carmen Media Group, C-46/08, EU:C:2010:505, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

F’dan il-każ, mill-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Ungerija tinvoka, b’mod ġenerali, l-għanijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u r-riskji għall-ordni pubbliku u għas-saħħa pubblika biex tiġġustifika l-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

39

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dawn l-għanijiet jistgħu jkunu ta’ natura li jiġġustifikaw restrizzjonijiet għal-libertajiet fundamentali fis-settur tal-logħob tal-ażżard. Fil-fatt, il-ġurisprudenza aċċettat ċertu numru ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, bħalma huma l-għanijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, ta’ prevenzjoni tal-frodi u tal-inkoraġġiment taċ-ċittadini għal infiq eċċessiv fir-rigward tal-logħob kif ukoll tal-prevenzjoni ta’ problemi ta’ ordni soċjali b’mod ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2007, Placanica et, C-338/04, C-359/04 u C-360/04, EU:C:2007:133, punt 46).

40

Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li r-restrizzjonijiet imposti mill-Istati Membri għandhom jissodisfaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità u li leġiżlazzjoni nazzjonali tkun biss xierqa biex tiżgura l-għan invokat jekk il-mezzi implementati jkunu koerenti u sistematiċi (sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2007, Placanica et, C-338/04, C-359/04 u C-360/04, EU:C:2007:133, punti 4853, kif ukoll tas-16 ta’ Frar 2012, Costa u Cifone, C-72/10 u C-77/10, EU:C:2012:80, punt 63).

41

Barra minn hekk, sabiex tali leġiżlazzjoni tkun iġġustifikata, minkejja li tkun timponi deroga fuq libertà fundamentali, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li sistema ta’ konċessjonijiet u ta’ awtorizzazzjonijiet għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, nondiskriminatorji u magħrufa minn qabel, b’mod li jiġi limitat l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali sabiex din ma tintużax arbitrarjament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Frar 2016, Ince, C-336/14, EU:C:2016:72, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

Barra minn hekk, l-awtoritajiet pubbliċi li jagħtu l-konċessjonijiet huma marbuta li josservaw l-obbligu ta’ trasparenza. B’hekk, mingħajr ma jimplika neċessarjament obbligu li tinżamm sejħa għal offerti, dan l‑obbligu ta’ trasparenza, li japplika meta l‑konċessjoni ta’ servizzi kkonċernata tkun ta’ natura li tista’ tinteressa impriża stabbilita fi Stat Membru differenti minn dak li fih tingħata din il‑konċessjoni, jeżiġi li l‑awtorità li tagħti l‑konċessjoni tiggarantixxi, favur kull offerent potenzjali, livell ta’ pubbliċità adegwat li jippermetti li l‑konċessjoni ta’ servizzi tkun miftuħa għall‑kompetizzjoni kif ukoll il‑kontroll tal‑imparzjalità tal‑proċeduri tal‑għoti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2010, Engelmann, C-64/08, EU:C:2010:506, punti 4950).

43

Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li għandu bħala korollarju tiegħu l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, jeżiġi, b’mod partikolari, li d-dispożizzjonijiet legali jkunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effetti tagħhom, b’mod partikolari meta dawn jista’ jkollhom konsegwenzi żvantaġġużi għall-individwi u għall-impriżi (sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Berlington Hungary et, C-98/14, EU:C:2015:386, punt 77 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

44

Fir-rigward, fl-ewwel lok, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik fis-seħħ fil-25 ta’ Ġunju 2014, għandu jiġi kkonstatat li dispożizzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tgħid li l-operaturi ta’ logħob tal-ażżard affidabbli għandhom ikunu eżerċitaw, matul perijodu ta’ mill-inqas għaxar snin, attività ta’ organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, toħloq differenza fit-trattament sa fejn din tpoġġi fi żvantaġġ lill-operaturi ta’ logħob tal-ażżard stabbiliti fi Stati Membri oħra meta mqabbla mal-operaturi nazzjonali kkonċernati li jistgħu jissodisfaw il-kundizzjoni msemmija iktar faċilment.

45

Is-sempliċi invokazzjoni ta’ għan ta’ interess ġenerali ma tistax tkun biżżejjed biex tiġġustifika tali differenza fit-trattament. Issa, fin-nuqqas ta’ raġuni għalfejn huwa neċessarju li tkun ġiet eżerċitata attività ta’ organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti pjuttost milli dak ta’ Stat Membru ieħor sabiex jintlaħqu l-għanijiet invokati, u dan għal matul mill-inqas għaxar snin, tali regola għandha titqies bħala diskriminatorja u kuntrarja għall-Artikolu 56 TFUE.

46

Fit-tieni lok, fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik fis-seħħ fid-29 ta’ Awwissu 2014, l-obbligu li tkun ġiet eżerċitata matul tliet snin fi Stat Membru attività ta’ organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard ma joħloqx vantaġġi favur l-operaturi stabbiliti fl-Istat Membru ospitanti u jista’ jiġi ġġustifikat minn għan ta’ interess ġenerali. Huwa madankollu importanti li r-regoli inkwistjoni jiġu applikati b’mod trasparenti fir-rigward tal-offerenti kollha. B’hekk għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ trasparenza, li huwa korollarju tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, għandu essenzjalment l-għan li jiżgura li kull operatur ikkonċernat ikun jista’ jiddeċiedi li jagħmel offerti wara sejħiet għal offerti fuq il-bażi tal-informazzjoni rilevanti kollha u li jiggarantixxi l-assenza ta’ riskju ta’ favoritiżmu u ta’ arbitrarjetà min-naħa tal-awtorità kontraenti. Dan jimplika li l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet kollha tal-proċedura tal-għoti jkunu fformulati b’mod ċar, preċiż u univoku, b’mod, minn naħa, li jippermetti lill-offerenti kollha raġonevolment informati u b’diliġenza ordinarja jifhmu l-portata eżatta tagħhom u li jinterpretawhom bl-istess mod u, min-naħa l-oħra, b’mod li jillimita s-setgħa diskrezzjonali tal-awtorità li tagħti l-konċessjonijiet u li jqegħidha f’pożizzjoni li tivverifika b’mod effettiv jekk l-offerti tal-offerenti jikkorrispondux għall-kriterji li jirregolaw il-proċedura inkwistjoni (sentenza tal-4 ta’ Frar 2016, Ince, C-336/14, EU:C:2016:72, punt 87).

47

Ma tissodisfax dan ir-rekwiżit leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-kundizzjonijiet tagħha għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-ministru tal-Ekonomija ffissati minnha waqt tali proċedura, kif ukoll il-kundizzjonijiet tekniċi tagħha li għandhom jiġu ssodisfatti mill-operaturi ta’ logħob tal-ażżard waqt it-tressiq tal-offerta tagħhom, ma kinux iddefiniti bi preċiżjoni suffiċjenti.

48

Konsegwentement, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi sistema ta’ konċessjonijiet u ta’ awtorizzazzjonijiet għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard online, meta din ikun fiha regoli diskriminatorji fir-rigward tal-operaturi stabbiliti fi Stati Membri oħra jew meta din tipprevedi dispożizzjonijiet nondiskriminatorji, iżda li jiġu applikati b’mod trasparenti jew implementati b’mod li jipprekludi jew li jagħmel iktar diffiċli l-kandidatura ta’ ċerti offerenti stabbiliti fi Stati Membri oħra.

Fuq it‑tielet domanda

49

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 56 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi sanzjonijiet, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, imposti minħabba l-ksur tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi sistema ta’ konċessjonijiet u ta’ awtorizzazzjonijiet għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard, fl-ipoteżi fejn tali leġiżlazzjoni nazzjonali tirriżulta li tkun kuntrarja għal dan l-artikolu.

50

F’dan ir-rigward, biżżejjed jitfakkar li, meta sistema restrittiva tkun ġiet stabbilita fil-qasam tal-logħob tal-ażżard, u meta din is-sistema tkun inkompatibbli mal-Artikolu 56 TFUE, il-ksur ta’ din is-sistema minn operatur ekonomiku ma jistax ikun is-suġġett ta’ sanzjonijiet (sentenza tat-30 ta’ April 2014, Pfleger et, C-390/12, EU:C:2014:281, punt 64 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

51

Ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi sanzjonijiet, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, imposti minħabba l-ksur tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi sistema ta’ konċessjonijiet u ta’ awtorizzazzjonijiet għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard, fl-ipoteżi fejn tali leġiżlazzjoni nazzjonali tirriżulta li tkun kuntrarja għal dan l-artikolu.

Fuq l‑ispejjeż

52

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi sistema ta’ konċessjonijiet u ta’ awtorizzazzjonijiet għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard online, meta din ikun fiha regoli diskriminatorji fir-rigward tal-operaturi stabbiliti fi Stati Membri oħra jew meta din tipprevedi dispożizzjonijiet nondiskriminatorji, iżda li jiġu applikati b’mod trasparenti jew implementati b’mod li jipprekludi jew li jagħmel iktar diffiċli l-kandidatura ta’ ċerti offerenti stabbiliti fi Stati Membri oħra.

 

2)

L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi sanzjonijiet, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, imposti minħabba l-ksur tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi sistema ta’ konċessjonijiet u ta’ awtorizzazzjonijiet għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard, fl-ipoteżi fejn tali leġiżlazzjoni nazzjonali tirriżulta li tkun kuntrarja għal dan l-artikolu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.

Top