Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62017CJ0375

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tad-19 ta’ Diċembru 2018.
    Stanley International Betting Ltd u Stanleybet Malta Ltd vs Ministero dell'Economia e delle Finanze u Agenzia delle Dogane e dei Monopoli.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Consiglio di Stato.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikoli 49 u 56 TFUE – Libertà ta’ stabbiliment u libertà li jiġu pprovduti servizzi – Logħob tal-ażżard – Konċessjoni għall-ġestjoni tas-servizz tal-logħob tal-Lotto awtomatizzat u logħob numeriku ieħor bi kwota fissa skont il-mudell ta’ konċessjonarju wieħed – Restrizzjoni – Raġunijiet imperattitivi ta’ interess ġenerali – Proporzjonalità.
    Kawża C-375/17.

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2018:1026

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    19 ta’ Diċembru 2018 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikoli 49 u 56 TFUE – Libertà ta’ stabbiliment u libertà li jiġu pprovduti servizzi – Logħob tal-ażżard – Konċessjoni għall-ġestjoni tas-servizz tal-logħob tal-Lotto awtomatizzat u logħob numeriku ieħor bi kwota fissa skont il-mudell ta’ konċessjonarju wieħed – Restrizzjoni – Raġunijiet imperattitivi ta’ interess ġenerali – Proporzjonalità”

    Fil-Kawża C‑375/17,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Mejju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ Ġunju 2017, fil-proċedura

    Stanley International Betting Ltd,

    Stanleybet Malta Ltd.

    vs

    Ministero dell’Economia e delle Finanze,

    Agenzia delle Dogane e dei Monopoli,

    fil-preżenza ta’:

    Lottomatica SpA,

    Lottoitalia Srl,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn A. Prechal, President tat-Tielet Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, C. Toader (Relatur), u A. Rosas, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

    Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑6 ta’ Ġunju 2018,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Stanley International Betting Ltd, minn R. Jacchia, F. Ferraro, A. Terranova u D. Agnello, avvocati,

    għal Stanleybet Malta Ltd., minn D. Agnello u M. Mura, avvocati,

    għal Lottoitalia Srl, minn F. Satta, R. Mastroianni, S. Fidanzia, A. Gigliola, R. Baratta u A. Romano, avvocati,

    għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino u P. G. Marrone, avvocati dello Stato,

    għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u L. Van den Broeck, bħala aġenti, assistiti minn P. Vlaemminck, R. Verbeke u B. Van Vooren,, advocaten,

    għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, M. Figueiredo, A. Silva Coelho u P. de Sousa Inês, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Tserepa-Lacombe, G. Gattinara u P. Ondrůšek, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑27 ta’ Settembru 2018,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49 u 56 TFUE, tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, trasparenza u proporzjonalità, kif ukoll tad-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU 2014, L 94, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2015, L 114, p. 24 u fil-ĠU 2018, L 82, p. 17).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, Stanley International Betting Ltd, kumpannija rreġistrata fir-Renju Unit, u Stanleybet Malta Ltd., sussidjarja tagħha bbażata f’Malta (iktar ’il quddiem, flimkien, “Stanley”) u l-Ministero dell’Economia e delle Finanze (il-Ministeru għall-Ekonomija u għall-Finanzi, l-Italja) u l-Agenzia delle Dogane e dei Monopoli (l-Aġenzija Doganali u tal-Monopolji, l-Italja) (iktar ’il quddiem l-“ADM”), dwar il-legalità tal-proċedura ta’ kuntratt pubbliku organizzat għall-finijiet tal-attribuzzjoni, fl-Italja, tal-konċessjoni għall-ġestjoni tas-servizz tal-logħob tal-Lotto awtomatizzat u ta’ logħob diġitali ieħor bi kwota fissa (iktar ’il quddiem il-“Lotto”).

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Il-premessa 1 tad-Direttiva 2014/23 tiddisponi:

    “In-nuqqas ta’ regoli ċari fil-livell tal-Unjoni li jirregolaw l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni jagħti lok għal inċertezza legali u għal ostakoli għall-forniment ħieles ta’ servizzi u joħloq distorsjonijiet fil-funzjonament tas-suq intern. […] Qafas legali adegwat, ibbilanċjat u flessibbli għall-għoti tal-konċessjonijiet jiżgura aċċess effettiv u mhux diskriminatorju għas-suq għall-operaturi ekonomiċi kollha tal-Unjoni u ċertezza legali, u jiffavorixxi l-investimenti pubbliċi f’infrastrutturi u servizzi strateġiċi liċ-ċittadin. Tali qafas legali jkun jippermetti wkoll li jkun hemm ċertezza legali akbar għall-operaturi ekonomiċi u jista’ jkun ta’ bażi u mezz għal ftuħ akbar tas-swieq internazzjonali tal-akkwist pubbliku u għat-tisħiħ tal-kummerċ dinji. […]”

    4

    L-Artikolu 51 ta’ din id-direttiva, intitolat “Traspożizzjoni”, jipprevedi fl-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu:

    “L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva mhux aktar tard mit-30 ta’ April 2017.”

    5

    Skont l-Artikolu 54 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dħul fis-seħħ”:

    “Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għall-għoti ta’ konċessjonijiet offruti jew mogħtija qabel is-17 ta’ April 2014.”

    Id-dritt Taljan

    Il-Liġi Nru 528/1982 tat‑2 ta’ Awwissu 1982 li Tirregola l-Logħob tal-Lotto u l-Persunal li Jaħdem fil-Lotto

    6

    Skont l-Artikolu 1 tal-legge n. 528 – Ordinamento del gioco del lotto e misure per il personale del lotto (il-Liġi Nru 528 li Tirregola l-Logħob tal-Lotto u l-Persunal li Jaħdem fil-Lotto), tat‑2 ta’ Awwissu 1982 (GURI Nru 222, tat‑13 ta’ Awwissu 1982), l-eżerċizzju tal-Lotto huwa rriżervat għall-Istat, peress li s-servizz tal-Lotto huwa ġestit mill-ADM.

    Il-Liġi Nru 190/2014

    7

    L-Artikolu 1(653) tal-legge n. 190 – Disposizioni per la formazione del bilancio annuale e pluriennale dello Stato (legge di stabilità 2015) (il-Liġi Nru 190 li Tistabbilixxi d-Dispożizzjonijiet għall-Formazzjoni tal-Baġit Annwali u Multiannwali tal-Istat (Liġi ta’ Stabbiltà 2015)), tat‑23 ta’ Diċembru 2014 (Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 300, tad‑29 ta’ Diċembru 2014, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 190/2014”), jipprevedi:

    “Fid-dawl tal-iskadenza tal-konċessjoni eżistenti, sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-interess pubbliku f’attivitajiet ta’ ġbir ta’ [imħatri ta’] logħob, il-ġestjoni tas-servizz tal-logħob tal-“Lotto” awtomatizzat u ta’ logħob numeriku bi kwota fissa, għall-ġbir tiegħu, jew permezz tal-interdjazzjoni tan-netwerk tal-konċessjonarji […] jew mill-bogħod, għandha tingħata b’konċessjoni, wara sejħa għal offerti organizzata mill-[ADM], b’osservanza tal-prinċipji u tar-regoli Ewropej u nazzjonali, lil impriża kkwalifikata u b’esperjenza fil-ġestjoni jew il-ġbir ta’ [mħatri ta’] logħob, li s-sede tagħha tinsab f’wieħed mill-Istati taż-Żona Ekonomika Ewropea, u li tissodisfa l-kriterji ta’ affidabbiltà rikjesti f’termini ta’ moralità, ta’ teknika u fil-livell ekonomiku, magħżula permezz ta’ proċedura tal-għażla miftuħa, kompetittiva u mhux diskriminatorja. Il-proċedura tipprevedi l-kundizzjonijiet essenzjali li ġejjin:

    a)

    tul tal-konċessjoni ta’ disa’ snin, li ma jiġġeddidx.

    b)

    għażla bbażata fuq il-kriterju tal-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament u, għall-komponent “prezz”, il-valur bażiku tal-kuntratt, għall-offerti għola, ta’ EUR 700 miljun;

    ċ)

    il-ħlas tal-prezz kif stabbilit fl-offerta tal-offerent ikklassifikat fl-ewwel pożizzjoni ta’ EUR 350 miljun, fil-mument tal-għoti tal-kuntratt, fl-2015, wara ta’ EUR 250 miljun fl-2016, fil-mument tat-teħid ta’ responsabbiltà tas-servizz tal-logħob mill-offerent magħżul, u tal-bilanċ fl-2017, qabel it‑30 ta’ April ta’ dik is-sena;

    d)

    dritt għall-konċessjonarju magħżul li juża n-netwerk tat-telekomunikazzjonijiet għal provvisti, diretti jew indiretti, ta’ servizzi għajr il-ġbir [tal-imħatri] tal-logħob tal-“Lotto” u ta’ logħob numeriku ieħor bi kwota fissa, sakemm l-[ADM] tqis dan kompatibbli mal-ġbir fis-sens proprju tal-kelma;

    e)

    remunerazzjoni tas-servizz għall-konċessjonarju ekwivalenti għal 6 fil-mija tas-somma miġbura;

    f)

    obbligu ta’ aġġornament teknoloġiku tas-sistema tan-netwerk u terminals tal-logħob skont standards ta’ kwalità li jiżguraw l-ogħla grad ta’ sigurtà u ta’ affidabbiltà konformement mal-pjan ta’ investiment li jagħmel parti integrali mill-offerta teknika;

    g)

    obbligu għall-konċessjonarju li jħallas lill-Istat fuq bażi annwali l-ammonti li eventwalment ma ġewx investiti skont il-pjan imsemmi fil-punt f);

    h)

    obbligu għal kull kompetitur li jwettaq, waqt il-parteċipazzjoni tiegħu fil-proċedura ta’ għażla, ħlas favur l-[ADM] ta’ ammont ekwivalenti għar-remunerazzjonijiet msemmija fil-paragrafu 654, bi dritt ta’ ħlas lura biss għall-offerenti mhux magħżula tal-konċessjoni.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    8

    Mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jiriżulta li, fl-Italja, il-Lotto huwa organizzat mill-Istat skont sistema doppja ta’ konċessjonijiet, l-ewwel dwar il-ġbir tal-imħatri, mogħtija lil numru ta’ punti ta’ ġbir fuq il-bażi tal-mudell ta’ diversi konessjonarji, it-tieni dwar is-servizzi ta’ għażla u l-ġestjoni awtomatizzata tan-nertwerk ta’ ġbir, li kienet preċedentement ingħatat b’għotja diretta lil Lottomatica SpA.

    9

    Qrib tmiem din l-aħħar għotja, jiġifieri fit‑8 ta’ Ġunju 2016, ADM ingħatat l-inkarigu li torganizza s-sejħa għall-offerti għal konċessjoni ġdida, li l-kundizzjonijiet ġenerali ewlenin tagħha kienu previsti fl-Artikolu 1(653) tal-Liġi Nru 190/2014.

    10

    Avviż għal sejħa għal offerti ġie ppubblikat, għal dak il-għan, f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fis‑17 ta’ Diċembru 2015, u fil-Gazzetta ufficiale della Repubblica italiana, fil‑21 ta’ Diċembru 2015. L-avviż stabbilixxa t-terminu għas-sottomissjoni tal-offerti għas‑16 ta’ Marzu 2016 u indikat, abbażi tal-ammont tal-konċessjoni, somma li tikkorrispondi għall-ġbir irreġistrat matul l-2014, jiġifieri EUR 6600000000.

    11

    Minbarra l-kundizzjonijiet sostantivi stabbiliti permezz tas-sejħa għal offerti, l-ispeċifikazzjonijiet tal-offerta kienu jipprevedu fil-punt 5.3 tiegħu, bħala kundizzjoni ta’ kapaċità ekonomika u finanzjarja li għandha tiġi ssodisfatta mill-offerenti, li fil-perjodu mill- 2012 sal-2014 jew f’dak mill-2013 sal-2015, jinkiseb dħul mill-bejgħ totali ta’ mill-inqas EUR 100 miljun għall-attivitajiet ta’ ġestjoni jew ta’ ġbir ta’ mħatri.

    12

    Fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ kapaċità teknika, il-punt 5.4(a) tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kien jirrikjedi, “[il-]ksib ta’ total ta’ bejgħ f’kull waħda mill-aħħar tliet snin finanzjarji magħluqa fil-perijodu ta’ tliet snin ta’ bejn l-2012 u l-2014, jew fil-perijodu ta’ tliet snin ta’ bejn l-2013 u l-2015, ekwivalenti għal minn tal-inqas EUR 350 miljun marbut ma’ [ġabra ta’ mħatri ta’] logħob ta’ dan it-tip li jintlagħab permezz ta’ terminals tal-logħob”, u ppreċiża li “[f]’ċirkustanzi li fihom l-offerent kien attiv fis-settur għal inqas minn tliet snin iżda għal mill-inqas 18-il xahar, il-valur tal-bejgħ għandu għandu jkun marbut b’mod proporzjonali mal-perijodu ta’ bejgħ reali”.

    13

    Skont il-punt 11 tal-imsemmija speċifikazzjonijiet tal-kuntratt, kien l-offerent għall-għoti tal-kuntratt li kellu jippreżenta pjan ta’ investiment, proġett organizzattiv kif ukoll proġett ta’ żvilupp.

    14

    L-offerta ekonomika kienet tikkonsisti, skont il-punt 12.4 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, “fl-offerta ogħla mill-ammont minimu li huwa l-valur tal-kuntratt stabbilit bħala EUR 700 miljun”, filwaqt li huwa speċifikat li l-offerti għola kellhom jiġu ppreżentati b’ammont minimu ta’ EUR 3 miljun. Il-punt 15.3. tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kien jipprevedi li l-kuntratt għandu jingħata abbażi tal-kriterju tal-offerta l-iktar ekonomikament vantaġġjuża.

    15

    Il-mudell ta’ kuntratt ta’ konċessjoni għall-ġestjoni ta’ servizz tal-Lotto (iktar ’il quddiem il-“mudell ta’ kuntratt”) indika, fl-Artikolu 22(1) tiegħu, li, “fi tmiem it-tul tal-konċessjoni, il-konċessjonarju għandu jirrestitwixxi lill-[ADM], mingħajr l-ebda piż fuq din tal-aħħar u fuq talba tiegħu, l-assi kollha tanġibbli u intanġibbli li jifformaw in-netwerk tal-punti ta’ ġbir fiżiċi, kif ukoll il-proprjetà tas-sistema awtomatizzata kollha, inkluż id-disponibbiltà ta’ bini, tagħmir. fosthom terminals mal-punti ta’ ġbir, stallazzjonijiet, strutturi, programmi, arkivji u kwalunkwe element ieħor meħtieġ għall-funzjonament, għall-ġestjoni u għalll-funzjonalità sħiħa tas-sistema stess kif jirriżulta mill-aħħar inventarju approvat mill-ADM”.

    16

    L-Artikolu 30 ta’ dan il-mudell ta’ kuntratt, li jidefinixxi l-kawżi ta’ revoka u ta’ dekadenza tal-konċessjoni, kien jistipula, fil-paragrafu 2 tiegħu:

    “L-ADM, għall-finijiet tal-protezzjoni tal-interessi tat-Teżor Pubbliku u tal-konsumaturi tippronunzja d-dekadenza tal-konċessjoni […] ukoll fil-każijiet fejn:

    […]

    (h)

    […] f’kull tip ta’ reat li fir-rigward tiegħu hemm stipulata akkuża quddiem qorti u li, minħabba n-natura tiegħu, il-gravità, il-metodu ta’ twettiq u l-konnessjoni tiegħu mal-attività li għaliha l-konċessjoni ngħatat, l-[ADM] tikkunsidra li tipprekludi lill-konċesjonarju milli jkollu l-affidabbiltà, il-professjonaliżmu u l-kwalità morali meħtieġa[…];

    […]

    k)

    il-konċessjonarju jikser ir-regoli dwar il-prevenzjoni tal-logħob irregolari, illegali u bil-moħbi u, b’mod partikolari, fejn il-konċessjonarju stess, jew kumpannija kkontrollata minnu jew marbuta miegħu, tkun fejn tkun stabbilita, tikkummerċjalizza fit-territorju Taljan logħob ieħor komparabbli għal Lotto kompjuterizzat u logħob numeriku ieħor bi kwota fissa, mingħajr ma jkollu l-liċenzja meħtieġa, jew paragunabbli għal logħob ieħor ipprojbit taħt il-liġi Taljana;

    […]”

    17

    Permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Mejju 2016, il -konċessjoni ngħatat lil Lottoitalia Srl, peress li din tal-aħħar ipparteċipat fil-proċedura ta’ selezzjoni fil-kuntest ta’ grupp temporanju ta’ impriżi magħmul minn Lottomatica u tliet kumpanniji oħrajn.

    18

    Stanley topera fl-Italja fis-settur tal-imħatri bi kwota fissa, permezz ta’ operaturi msejħa “ċentri ta’ trażmissjoni ta’ data” (iktar ’il quddiem iċ-ĊTD”), li jipprovdu servizzi ta’ mħatri sportivi.

    19

    Peress li kkunsidrat li hija ġiet prekluża milli tipparteċipa fis-sejħa għal offerti għall-konċessjoni tal-ġestjoni tas-servizz tal-Lotto, Stanley ippreżentat quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lazio, l-Italja), rikors għal annullament tal-atti ta’ proċedura ta’ selezzjoni, fejn ikkontestat il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-Artikolu 1(653) tal-Liġi Nru 190/2014 kif ukoll ċerti kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni fis-sejħa għal offerti previsti fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u fil-mudell ta’ kuntratt.

    20

    B’sentenza tal‑21 ta’ April 2016, it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lazio) ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn Stanley.

    21

    Skont din il-qorti, il-Lotto huwa sostanzjalment differenti minn logħob ieħor, għaliex dan huwa l-unika logħba fejn l-Istat isostni r-riskju ekonomiku u li huwa kkaratterizzat mid-distinzjoni bejn il-fażi ta’ ġbir tal-imħatri u dik tal-ġestjoni tal-logħba. Dawn id-differenzi jiġġustifikaw l-għażla tal-mudell ta’ konċessjoni wieħed għall-ġestjoni tas-servizz tal-Lotto, mudell li jiżgura tnaqqis fl-ispejjeż marbuta mal-koordinazzjoni tal-attivitajiet ta’ diversi konċessjonarji u li jiffavorixxi kompetizzjoni limitata fis-suq u, għaldaqstant, ġestjoni responsabbli tal-logħob.

    22

    L-imsemmija qorti qieset li l-kriterji ta’ parteċipazzjoni fis-sejħa għal offerti kienu adattati u proporzjonati mas-suġġett tal-kuntratt, sa fejn l-istatistika kienet turi li l-ġbir tal-imħatri numeriċi bi kwota fissa matul l-aħħar ħames snin finanzjarji kien ta’ iktar minn EUR 6 biljun fis-sena, u dan jiġġenera dħul mill-bejgħ għall-konċessjonarju ta’ madwar EUR 400 miljun. Barra minn hekk, din il-qorti ppreċiżat li mill-inqas 15-il operatur tas-settur kienu jissodisfaw l-imsemmija kriterji.

    23

    Stanley ippreżentat rikors għal riforma ta’ din is-sentenza quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja).

    24

    Insostenn ta’ dan ir-rikors, Stanley tikkontesta l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-applikazzjoni għal-Lotto, bil-kontras ta’ logħob, kompetizzjonijiet ta’ tbassir u mħatri oħra, tal-mudell ta’ konċessjonarju wieħed. Hija ssostni li l-kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni għas-sejħa għal offerti, b’mod partikolari l-valur bażiku tal-kuntratt, u l-każijiet li jistgħu jwasslu għad-dekadenza tal-konċessjoni kienu eċċessivi u kienu jikkostitwixxu mezz li jiddiswadiha milli tipparteċipa. Hija tallega li t-trasferiment mingħajr ħlas tan-netwerk, fi tmiem il-konċessjoni, lill-ADM imur kontra l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2016, Laezza (C‑375/14, EU:C:2016:60).

    25

    Peress li kkunsidrat li t-tilwilma fil-kawża prinċipali tqajjem kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li għaliha l-ġurisprudenza ma tagħtix, sa issa, risposta, il-qorti tar-rinviju tqis li huwa neċessarju li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward.

    26

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “(1)

    Id-dritt tal-Unjoni – u, b’mod partikolari, id-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi kif ukoll il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ trasparenza, ta’ libertà ta’ kompetizzjoni, ta’ proporzjonalità u ta’ koerenza – għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni bħal dik stabbilita fl-Artikolu 1(653) tal-Liġi [Nru 190/2014] u fl-atti ta’ implementazzjoni rilevanti, li tipprevedi mudell ta’ konċessjonarju monoproviding esklussiv fir-rigward tas-servizz tal-logħob tal-‘Lotto’, iżda mhux għal logħob ieħor, għal logħob ta’ tbassir u għal imħatri?

    (2)

    Id-dritt tal-Unjoni – u, b’mod partikolari, id-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi u d-[Direttiva 2014/23], kif ukoll il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ trasparenza, ta’ libertà ta’ kompetizzjoni, ta’ proporzjonalità u ta’ koerenza – għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi sejħa għal offerti li tipprevedi valur bażiku tal-kuntratt ħafna għola u mhux iġġustifikat fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ kapaċità ekonomika-finanzjarja u tekniċi-organizzattivi, bħal dawk previsti mill-punti 5.3, 5.4, 11, 12.4 u 15.3 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt tas-sejħa għal offerti għall-għoti tal-konċessjoni tal-logħob tal-‘Lotto’?

    (3)

    Id-dritt tal-Unjoni – u, b’mod partikolari, id-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi u d-[Direttiva 2014/23], kif ukoll il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ trasparenza, ta’ libertà ta’ kompetizzjoni, ta’ proporzjonalità u ta’ koerenza – għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni li tipprevedi l-impożizzjoni ta’ għażla de facto bejn il-fatt li wieħed jingħata konċessjoni ġdida u t-tkomplija tal-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti l-varji servizzi ta’ imħatri fuq bażi transkonfinali, għażla bħal dik li tirriżulta mill-Artikolu 30 tal-mudell ta’ kuntratt, b’mod li d-deċiżjoni ta’ parteċipazzjoni fis-sejħa għal offerti għall-għoti tal-konċessjoni l-ġdida tkun tinvolvi r-rinunzja għall-attività transkonfinali, minkejja li l-legalità ta’ din l-aħħar attività ġiet diversi drabi rrikonoxxuta mill-Qorti tal-Ġustizzja?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ammissibbiltà

    27

    Lottoitalia kif ukoll il-gvern Taljan iqisu li t-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi ddikjarata inammissibbli sa fejn id-deċiżjoni tar-rinviju sempliċement tirriproduċi l-kwistjonijiet proposti minn Stanley, mingħajr ma tissostanzja r-raġunijiet li wasslu lill-qorti nazzjonali sabiex tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas ma tistabbilixxi l-ħtieġa tagħhom.

    28

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi dwar talba mressqa minn qorti nazzjonali biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2016, Politanò, C‑225/15, EU:C:2016:645, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    29

    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li l-ħtieġa li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li dik il-qorti tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula minnha jew li, minn tal-inqas, tispjega s-sitwazzjonijiet fattwali li fuqhom ikunu bbażati dawn id-domandi. Id-deċiżjoni tar-rinviju għandha barra minn hekk tindika r-raġunijiet preċiżi li wasslu lill-qorti nazzjonali sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u sabiex tqis neċessarju li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2015, Stanley International Betting u Stanleybet Malta, C‑463/13, EU:C:2015:25, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    30

    F’dan il-każ, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiddefinixxi b’mod suffiċjenti l-kuntest ġuridiku u fattwali tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju dwar ir-rilevanza tad-domandi magħmula sabiex tingħata deċiżjoni dwar l-imsemmija tilwima jippermettu li tiġi evalwata l-portata ta’ dawn id-domandi u tipprovdi risposta utli għalihom, kif jikkonfermaw ukoll l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati mill-Gvern Belġjan u dak Portugiż.

    31

    Barra minn hekk, kif imfakkar fil-punt 3 tar-Rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea lill-qrati nazzjonali, dwar l-introduzzjoni ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari (ĠU 2018, C 257, p. 1), il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi, b’mod preliminari, dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt tal-Unjoni hija eżerċitata fuq l-inizjattiva esklużiva tal-qrati nazzjonali, kemm jekk il-partijiet fit-tilwima fil-kawża prinċipali kienu jew le esprimew ix-xewqa li tiġi adita l-Qorti tal-Ġustizzja. Sa fejn hija msejħa sabiex tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li tintervjeni, fil-fatt hija l-qorti nazzjonali adita b’tilwima, u hija biss, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża, kemm il-ħtieġa għal deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja.

    32

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibli.

    Fuq il-mertu

    33

    Permezz tat-tliet domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar il-kompatibbiltà mal-Artikoli 49 u 56 TFUE u tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ trasparenza u ta’ proporzjonalità, kif ukoll id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/23, tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali u ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-atti adottati għall-applikazzjoni tagħha.

    Fuq l-applikabbiltà ratione temporis tad-Direttiva 2014/23

    34

    Qabel kollox, għandu jiġi osservat li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, stabbilita fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi u applikabbli b’analoġija fil-qasam tal-konċessjonijiet ta’ servizzi, id-direttiva applikabbli hija, fil-prinċipju, dik li tkun fis-seħħ fil-mument li fih l-awtorità kontraenti tagħżel it-tip ta’ proċedura li għandha ssegwi u tiddeċiedi b’mod definittiv il-kwistjoni ta’ jekk hemmx obbligu jew le li ssir sejħa għal offerti qabel l-għoti ta’ kuntratt pubbliku. Min-naħa l-oħra, huma inapplikabbli d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li t-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha skada wara dan il-mument (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ April 2016, Partner Apelski Dariusz, C‑324/14, EU:C:2016:214, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    35

    F’dan il-każ, is-sejħa għal offerti inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiei ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fis‑17 ta’ Diċembru 2015, jiġifieri qabel l-iskadenza, fit‑18 ta’ April 2016, tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/23, mingħajr ma jidher barra minn hekk, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tagħha, li tali traspożizzjoni kienet diġà saret fid-dritt nazzjonali fil-mument tal-imsemmija pubblikazzjoni.

    36

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, din id-direttiva ma hijiex applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali.

    Fuq l-ewwel domanda

    37

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 49 u 56 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi, għall-konċessjoni tal-ġestjoni tas-servizz tal-Lotto, mudell ta’ konċessjonarju wieħed, bil-kontra ta’ logħob, kompetizzjonijiet ta’ tbassir u mħatri oħra, li għalihom japplika mudell ta’ diversi konċessjonarji.

    38

    Hekk kif ġie ripetutament iddikjarat mill-Qorti tal-Ġustizzja, leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika għall-ksib ta’ konċessjoni u tipprevedi diversi każijiet ta’ dekadenza tal-konċessjoni tikkostitwixxi ostakolu għal-libertajiet iggarantiti mill-Artikoli 49 u 56 TFUE (sentenzi tas‑16 ta’ Frar 2012, Costa u Cifone, C‑72/10 u C‑77/10, EU:C:2012:80, punt 70 kif ukoll tat‑22 ta’ Jannar 2015, Stanley International Betting u Stanleybet Malta, C‑463/13, EU:C:2015:25, punt 46).

    39

    Dan huwa l-każ li ntuża mudell ta’ konċessjonarju wieħed jew ta’ diversi konċessjonarji. Konsegwentement, kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tagħha, id-deċiżjonijiet li l-attività inkwistjoni tiġi suġġetta għall-kisba ta’ konċessjoni u li tiġi segwita proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku skont il-mudell ta’ konċessjonarju wieħed għandhom ikunu s-suġġett ta’ eżami fid-dawl tal-imsemmija artikoli.

    40

    Għall-finijiet ta’ dan l-eżami, għandu jitfakkar li, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni fil-qasam tal-logħob tal-ażżard, l-Istati Membri jibqgħu liberi li jiffissaw l-għanijiet tal-politika tagħhom f’dan il-qasam, filwaqt li jgawdu minn setgħa diskrezzjonnali wiesgħa fir-rigward tal-għażla tal-livell ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u tal-ordni soċjali li jikkunsidraw l-iktar xieraq tal-logħob tal-ażżard, ir-restrizzjonijiet li huma jimponu għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-ġustifikazzjoni tagħhom għal raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali u l-proporzjonalità tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2016, Politanò, C‑225/15, EU:C:2016:645, punti 39 u 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    41

    Konsegwentement, għandu jiġi evalwat jekk tali restrizzjoni tistax tiġi aċċettata bis-saħħa tal-miżuri derogatorji, għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika u ta’ saħħa pubblika, li huma previsti espliċitament fl-Artikoli 51 TFUE u 52 TFUE u li huma applikabbli wkoll fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi bis-saħħa tal-Artikolu 62 TFUE, jew jekk tistax tiġi ġġustifikata, inkonformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali (sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2015, Stanley International Betting u Stanleybet Malta, C‑463/13, EU:C:2015:25, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    42

    F’dan il-każ, fir-rigward tal-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Gvern Taljan isostni li l-għażla tal-mudell ta’ konċessjonarju wieħed kienet tindirizza b’mod partikolari n-neċessità li l-logħob jiġi dirett f’ċirkwit ikkontrollat kif ukoll il-loġika ta’ ġestjoni responsabbli, billi tirrestrinġi l-kompetizzjoni fi ħdan dan is-suq partikolari. Huwa jżid li raġunijiet ta’ natura teknika għamlu meħtieġa wkoll tali għażla, peress li l-mudell alternattiv, jiġifieri l-mudell ta’ diversi konċessjonarji, kien jippreżumi livell doppju ta’ stħarriġ permezz ta’ entità li għandha tikkoordina u tikkonsolida l-attivitajiet ta’ konċessjonarji differenti, u li din l-istruttura kienet twassal għal żieda fl-ispejjeż.

    43

    F’dan ir-rigward, kif il-Qorti tal-Ġustizzja preċedentement fakkret fil-ġurisprudenza tagħha dwar il-logħob tal-ażżard, il-protezzjoni tal-konsumaturi u l-prevenzjoni tal-frodi u tal-inkoraġġiment taċ-ċittadini għal infiq eċċessiv marbut mal-logħob jistgħu jkunu kklasifikati raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jiġġustifikaw restrizzjonijiet għal-libertaijiet fundamentali li jirriżultaw mill-Artikoli 49 u 56 TFUE (ara, pereżempju, is-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2015, Stanley International Betting u Stanleybet Malta, C‑463/13, EU:C:2015:25, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    44

    Għall-kuntrarju, kif jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-iżvantaġġi amministrattivi kif ukoll il-motivi ekonomiċi ma jikkostitwixxux motiv li jista’ jiġġustifika ostakolu għal libertà fundamentali ggarantita mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2011, Zeturf, C‑212/08, EU:C:2011:437, punti 48 u 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    45

    Madankollu, l-identifikazzjoni tal-għanijiet li jridu jintlaħqu b’mod effettiv mil-leġiżlazzjoni nazzjonali taqa’, fil-kuntest ta’ kawża mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE, fil-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju (sentenza tat‑30 ta’ April 2014, Pfleger et, C‑390/12, EU:C:2014:281, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    46

    Barra minn hekk, hija wkoll il-qorti tar-rinviju, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-indikazzjonijiet kollha pprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja, li għandha tivverifika jekk ir-restrizzjonijiet imposti mill-Istat Membru kkonċernat jissodisfawx il-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna l-proporzjonalità tagħhom (sentenza tat‑30 ta’ April 2014, Pfleger et, C‑390/12, EU:C:2014:281, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    47

    F’dan il-każ, għalkemm wieħed mill-għanijiet tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkonsisti effettivament, kif iddikjara l-Gvern Taljan, f’li titnaqqas il-kompetizzjoni fis-suq speċifiku tal-ġestjoni tas-servizz tal-Lotto, il-mudell ta’ konċessjonarju wieħed jidher għaldaqstant xieraq sabiex jintlaħaq dan il-għan.

    48

    Fil-fatt, mill-ġuirisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, bil-kontra tal-istabbiliment ta’ kompetizzjoni libera u mhux distorta fi ħdan is-suq tradizzjonali, l-applikazzjoni ta’ tali kompetizzjoni fis-suq speċifiku ħafna tal-logħob tal-ażżard, jiġifieri bejn diversi operaturi li jistgħu jiġu awtorizzati jipprovdu l-istess logħob tal-ażżard, tista’ twassal għall-effett negattiv, li jiġi mill-fatt li dawn l-operaturi jkollhom jikkompetu fuq livell kreattiv sabiex irendu l-offerta tagħhom iktar attraenti minn dik tal-kompetituri tagħhom u, b’hekk, iżidu l-infiq tal-konsumaturi marbut mal-logħob u r-riskji ta’ vizzju tal-logħob ta’ dawn tal-aħħar (sentenza tat‑30 ta’ April 2014, Pfleger et, C‑390/12, EU:C:2014:281, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    49

    Barra minn hekk, peress li l-għażla tal-modalitajiet ta’ organizzazzjoni u ta’ kontroll tal-attivitajiet ta’ operat u ta’ prattika tal-logħob tal-ażżard hija f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom, il-fatt li Stat Membru jkun għażel għall-konċessjoni tal-ġestjoni tas-servizz tal-Lotto sistema ta’ konċessjonarju wieħed, bil-kontra ta’ dak li jipprevali, f’dan l-istess Stat Membru, fir-rigward tal-organizzazzjoni tas-suq ta’ logħob ieħor tal-ażżard, ma jistax, minnu nnifsu, ikollu impatt fuq l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, billi din għandha tiġi evalwata biss fid-dawl tal-objettivi li hija ssegwi.

    50

    Fil-fatt, tali diverġenza ta’ sistemi ġuridiċi ma hijiex, fiha nnifisha, tali li taffettwa l-adegwatezza ta’ tali sistema ta’ konċessjoni waħda sabiex jintlaħaq l-għan ta’ prevenzjoni tal-inkoraġġiment taċ-ċittadini għal infiq eċċessiv relatat mal-logħob u mal-ġlieda kontra l-vizzju tal-logħob, li għalih din ġie stabbilita (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2018, Sporting Odds, C‑3/17, EU:C:2018:130, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    51

    Madankollu, sistema doppja ta’ organizzazzjoni tas-suq tal-logħob tal-ażżard tista’ tinsab li tmur kontra l-Artikolu 56 TFUE jekk jiġi kkonstatat li l-awtoritajiet kompetenti jħaddnu politika li hija intiża sabiex tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni f’logħob tal-ażżard li ma jkunx dak kopert mis-sistema ta’ konċessjoni waħda iktar milli sabiex jitnaqqsu l-okkażjonijiet ta’ logħob u sabiex jiġu llimitati l-attivitajiet f’dan il-qasam b’mod koerenti u sistematiku b’tali mod li l-għan ta’ prevenzjoni mill-inkoraġġiment għal infiq eċċessiv relatat mal-logħob u tal-ġlieda kontra l-vizzju tal-logħob li kien fl-għeruq tal-istabbiliment tas-sistema ta’ konċessjoni waħda, ma jistax iktar jintlaħaq b’mod effettiv permezz ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2018, Sporting Odds, C‑3/17, EU:C:2018:130, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    52

    Tali sistema doppja, min-naħa l-oħra, hija kompatibbli mal-Artikolu 56 TFUE, peress li l-qorti tar-rinviju tistabbilixxi li l-leġiżlazzjoni tirrestrinġu l-libertà li jiġu pprovduti servizzi ssegwi effettivament, b’mod koerenti u sistematiku, l-għanijiet invokati mill-Istat Membru kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2018, Sporting Odds, C‑3/17, EU:C:2018:130, punt 33).

    53

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, hemm lok li tingħata risposta għall-ewwel domanda li l-Artikoli 49 u 56 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi, għall-konċessjoni tal-ġestjoni tas-servizz tal-Lotto, mudell ta’ konċessjonarju wieħed bil-kontra ta’ logħob, kompetizzjonijiet ta’ tbassir u mħatri oħra, li għalihom japplika mudell ta’ diversi konċessjonarji, sakemm il-qorti nazzjonali tistabbilixxi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ssegwi effettivament b’mod koerenti u sistematiku, l-għanijiet leġittimi invokati mill-Istat Membru kkonċernat.

    Fuq it-tieni domanda

    54

    Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 49 u 56 TFUE kif ukoll il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ trasparenza u ta’ proporzjonalità, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali u l-atti adottati għall-applikazzjoni tagħha, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jipprevedu, għall-konċessjoni tal-ġestjoni tas-servizz tal-Lotto, valur bażiku tal-kuntratt għola mqabbel mar-rekwiżiti l-oħra ta’ kapaċità ekonomika u finanzjarja kif ukoll ta’ kapaċità teknika-organizzattiva.

    55

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li kemm ir-rekwiżit ta’ kuntratt ta’ konċessjoni kif ukoll il-kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni previsti fis-sejħa għal offerti inkwistjoni, fosthom il-valur bażiku tal-kuntratt, huma tali li jrendu inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertajiet iggarantiti mill-Artikoli 49 u 56 TFUE, u għandhom, għaldaqstant, ikunu ġġustifikati u jissodisfaw ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    56

    Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li, meta tingħata konċessjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-awtorità kontraenti hija marbuta b’obbligu ta’ trasparenza li jinkludi inter alia li jiġi żgurat, għal kull offerenti potenzjali, livell ta’ pubbliċità adegwat li jippermetti li tinbeda kompetizzjoni għall-ksib tal-liċenzja għal servizzi u kif ukoll kontroll tal-imparzjalità tal-proċeduri għall-għoti tal-liċenzja (sentenza tas‑16 ta’ Frar 2012, Costa u Cifone, C‑72/10 u C‑77/10, EU:C:2012:80, punt 72 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    57

    Il-prinċipju ta’ trasparenza, li huwa korollarju tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, għandu essenzjalment, f’dan il-kuntest, l-għan li jiżgura li kull operatur ikkonċernat ikun jista’ jiddeċiedi li jagħmel offerta wara sejħiet għal offerti fuq il-bażi tal-informazzjoni rilevanti kollha u li jiggarantixxi l-assenza ta’ riskju ta’ favoritiżmu u ta’ arbitrarjetà min-naħa tal-awtorità kontraenti. Huwa jimplika li l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet kollha tal-proċedura tal-għoti jkunu fformulati b’mod ċar, preċiż u univoku, b’mod, minn naħa, li jippermetti lill-offerenti kollha raġonevolment informati u b’diliġenza ordinarja jifhmu l-portata eżatta tagħhom u li jinterpretawhom bl-istess mod u, min-naħa l-oħra, b’mod li jiċċirkoskrivi s-setgħa diskrezzjonali tal-awtorità kontraenti u li jqegħidha f’pożizzjoni li tivverifika b’mod effettiv jekk l-offerti tal-offerenti jikkorrispondux għall-kriterji li jirregolaw il-proċedura inkwistjoni (sentenza tas‑16 ta’ Frar 2012, Costa u Cifone, C‑72/10 u C‑77/10, EU:C:2012:80, punt 73 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    58

    Il-valur tal-kuntratt jikkostitwixxi element essenzjali ta’ informazzjoni li, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ trasparenza, għandu jinsab, għall-inqas bħala stima, fis-sejħa għal offerti. Kif irrilevat essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tagħha, il-valur stmat tal-kuntratt għandu, barra minn hekk, ikun ibbażat fuq kriterji oġġettivi.

    59

    F’dan il-każ, għalkemm huwa minnu, kif tosserva Stanley, li l-valur bażiku tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien, konformement mal-Artikolu 1(653)(b) tal-Liġi Nru 190/2014, EUR 700 miljun, jiġifieri madwar id-doppju tal-kundizzjoni ta’ kapaċità ekonomika u finanzjarja prevista fil-punt 5.3 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, għandu jiġi osservat li din l-aħħar kundizzjoni, li kienet tirreferi biss għall-ġbir li l-operatur ekonomiku kien wettaq fil-passat, ma hijiex tali li jkollha effett fuq in-natura oġġettiva tal-valur stmat tal-kuntratt.

    60

    Kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 61 u 62 tal-konklużjonijiet tagħha, dan il-valur għandu wkoll jiġi evalwat anki fir-rigward tal-ammont għoli ħafna tal-konċessjoni, jiġifieri EUR 6600 miljun fis-sena, u tar-remunerazzjoni annwali tas-servizz għall-konċessjonarju ekwivalenti għal 6 % tal-ammont miġbur, jiġifieri madwar EUR 400 miljun, kif ukoll fir-rigward tal-possibbiltà li kellhom il-kandidati potenzjali li jipparteċipaw fil-proċedura bħala grupp ta’ impriżi. Barra minn hekk, fuq dan l-aħħar punt, mis-sentenza tal‑21 ta’ April 2016 tat-Tribunale ammnistrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lazio) jirriżulta li mill-inqas 15-il operatur tas-settur issodisfaw dan il-kriterju sabiex jipparteċipaw fis-sejħa għal offerti.

    61

    Barra minn hekk, kien previst fl-Artikolu 1(653)(c) tal-Liġi Nru 190/2014 ħlas bin-nifs tal-ammont tal-prezz indikat fl-offerta tal-offerent ikklassifikat fl-ewwel pożizzjoni fi tliet pagamenti matul l-2015 sal-2017.

    62

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jidher għaldaqstant li l-valur bażiku tal-kuntratt f’dan il-każ ġiet ifformulat b’mod ċar, preċiż u univoku u li jidher li huwa oġġettivament iġġustifikat.

    63

    Madankollu, għandu jingħad ukoll li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, l-eżami finali tal-proporzjonalità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu jsir mill-qorti nazzjonali. L-istess jgħodd f’dak li jirrigwarda l-konformità ta’ din l-istess leġiżlazzjoni mal-prinċipju ta’ trasparenza.

    64

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandha tingħata risposta għat-tieni domanda li l-Artikoli 49 u 56 TFUE, kif ukoll il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ trasparenza u ta’ proporzjonalità, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali u l-atti li ġew adottati għall-applikazzjoni tagħha, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jipprevedu, għall-konċessjoni tal-ġestjoni tas-servizz tal-Lotto, valur bażiku tal-kuntratt għoli, bil-kundizzjoni li dan il-valur huwa fformulat b’mod ċar, preċiż u univoku u li huwa oġġettivament iġġustifikat, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

    Fuq it-tielet domanda

    65

    It-tielet domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tidher li hija bbażata fuq il-premessa li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet fil-ġurisprudenza tagħha l-legalità tal-ġestjoni tal-attivitajiet tal-logħob tal-ażżard f’sistema ta’ libertà li jiġu pprovduti permezz ta’ ĊTD.

    66

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat fis-settur tal-logħob tal-ażżard l-użu tas-sistema ta’ konċessjonijiet, peress li qieset li din tista’ tikkostitwixxi mekkaniżmu effikaċi sabiex jippermetti li jiġu kkontrollati l-operaturi attivi f’dan is-settur bl-iskop li jiġi pprevenut l-isfruttament ta’ dawn l-attivitajiet għal finijiet kriminali jew frawdolenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2013, Biasci et, C‑660/11 u C‑8/12, EU:C:2013:550, punt 24 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitatata).

    67

    Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat l-inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ sejħiet għal offerti għall-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni ta’ servizzi marbuta mal-logħob tal-ażżard, hija ma ppronunzjatx ruħha fuq il-legalità tal-ġestjoni tal-attivitajiet marbuta mal-logħob tal-ażżard f’sistema ta’ libertà li jiġu pprovduti permezz tal-intermedjarju ta’ ĊTD bħala tali.

    68

    Fid-dawl ta’ din il-preċiżazzjoni, it-tielet domanda għandha tiġi fformulata mill-ġdid fis-sens li, permezz tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 49 u 56 TFUE kif ukoll il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ trasparenza u ta’ proporzjonalità, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu dispożizzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tinsab f’mudell ta’ ftehim ta’ konċessjoni li jakkumpanja sejħa għal offerti u li jipprevedi d-dekandenza tal-konċessjoni għall-ġestjoni tas-servizz tal-Lotto:

    f’kull tip ta’ reat li fir-rigward tiegħu hemm stipulata akkuża u li, minħabba n-natura tiegħu, il-gravità tiegħu, il-metodu ta’ twettiq tiegħu u l-konnessjoni tiegħu mal-attività li għaliha l-konċessjoni ngħatat, l-awtorità kontraenti tikkunsidra li tipprekludi lill-konċessjonarju milli jkollu l-affidabbiltà, il-professjonaliżmu u l-kwalità morali meħtieġa;

    jew jekk il-konċessjonarju jikser ir-regoli dwar il-prevenzjoni tal-logħob irregolari, illegali u bil-moħbi u, b’mod partikolari, fejn il-konċessjonarju stess, jew kumpannija kkontrollata minnu jew marbuta miegħu, tkun fejn tkun stabbilita, tikkummerċjalizza logħob ieħor komparabbli għal-Lotto, mingħajr ma jkollu l-liċenzja meħtieġa.

    69

    Kif tfakkar fil-punti 38 sa 40 ta’ din is-sentenza, leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika għall-ksib ta’ konċessjoni u li tipprevedi diversi każijiet ta’ dekadenza tal-koċessjoni tikkostitwixxi ostakolu għal-libertajiet iggarantiti mill-Artikoli 49 u 56 TFUE. Il-klawżoli ta’ dekadenza għandhom, għalhekk, sabiex jiġu ddikjarati kompatibbli mal-imsemmija artikoli, ikunu ġġustifikati minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali u jissodisfaw il-kriterju tal-proporzjonalità. Dawn il-klawżoli għandhom, barra minn hekk, josservaw il-prinċipju ta’ trasparenza mfakkar fil-punti 56 u 57 ta’ din is-sentenza.

    70

    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tingħata risposta għat-tielet domanda preliminari.

    71

    Fir-rigward, fl-ewwel lok, il-klawżola ta’ dekadenza tal-kuntratt ta’ konċessjoni minħabba rinviju quddiem qorti, prevista fl-Artikolu 30(2)(h) tal-mudell ta’ konvenzjoni, mill-ġuriprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-qasam partikolari tal-logħob tal-ażżard, l-esklużjoni ta’ operatur ekonomiku minħabba t-twettiq ta’ reat marbut mal-għan tal-attiviita mogħtija f’konċessjoni tista’, fil-prinċipju tiġi kkunsidrata bħala miżura ġġustifikata mill-għan tal-ġlieda kontra l-kriminalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2012, Costa u Cifone, C‑72/10 u C‑77/10, EU:C:2012:80, punt 76 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    72

    Madankollu, peress li d-dekadenza ta’ konċessjoni tikkostitwixxi miżura partikolarment serja għall-konċessjonarju, dan tal-aħħar għandu jkun jista’ jevalwa b’ċertezza r-riskju li tali sanzjoni jimponi fuqu. Għal dan il-għan, huwa neċessarju li ċ-ċirkustanzi li fihom din is-sanzjoni tista’ tiġi applikata jkunu fformulati b’mod ċar, preċiż u univoku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2012, Costa u Cifone, C‑72/10 u C‑77/10, EU:C:2012:80, punti 77 u 78).

    73

    F’dan il-każ, il-klawżola li tinsab fl-Artikolu 30(2)(h) tal-mudell ta’ kuntratt tidher, bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, li tissodisfa dan ir-rekwiżit.

    74

    Għandu jiġi osservat fil-fatt li, minn naħa, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 73 tal-konklużjonijiet tagħha, din il-klawżola tiddeskrivi fil-qosor iżda b’mod ċar il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti qabel mal-ADM tiddeċiedi li tippronunzja d-dekadenza, b’tali mod li offerent raġonevolment informat u normalment diliġenti ma jistax jsibha diffiċli sabiex jifhem il-kamp ta’ applikazzjoni u l-portata tagħha.

    75

    Min-naħa l-oħra, peress li l-kundizzjonijiet ta’ rinviju quddiem qorti huma rregolati fid-dritt Taljan permezz tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, dawn il-kundizzjonijiet għaldaqstant huma aċċessibbli u prevedibbli għall-operaturi kollha.

    76

    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk din il-klawżola tissodisfax ukoll ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ proporzjonalità, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li r-restrizzjonijiet imposti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ma jistgħux imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2003, Gambelli et, C‑243/01, EU:C:2003:597, punt 72). Għaldaqstant, għalkemm l-awtoritajiet kontraenti għandhom, fil-prinċipju, ikunu f’pożizzjoni li jippronunzjaw id-dekadenza ta’ kuntratt ta’ konċessjoni meta l-affidabbiltà tal-konċessjonarju hija kkontestata, b’mod partikolari, minħabba t-twettieq ta’ reat relatat mas-suġġett tal-attività mogħtija b’konċessjoni, din il-fakultà għandha madankollu tkun strettament irregolata sabiex ikun żgurat li hija tkun proporzjonata mal-għan tal-ġlieda kontra l-kriminalità.

    77

    F’dan il-każ, il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-ADM sabiex tippronunzja d-dekadenza tal-kuntratt ta’ konċessjoni abbażi tal-klawżola prevista fl-Artikolu 30(2)(h) tal-mudell ta’ kuntratt huwa suġġett għal kundizzjoni doppja. Fil-fatt, l-ewwel nett, id-dekadenza timplika l-intervent minn qabel ta’ awtorità ġudizzjarja indipendenti tal-awtorità kontraenti li, wara talba mill-prosekutur pubbliku, toħroġ att ta’ akkuża bbażata fuq sensiela ta’ indizji probatorji miġbura fil-kuntest ta’ investigazzjoni kriminali. It-tieni nett, id-dekadenza tippreżumi li r-reat li twettaq ikun relatat mas-suġġett tal-attività mogħtija b’konċessjoni.

    78

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, klawżola bħal dik li tinsab fl-Artikolu 30(2)(h) tal-mudell ta’ kuntratt ma tidhirx li tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, jiġifieri l-ġlieda kontra l-kriminalità, li madankollu għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

    79

    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-punt 81 tas-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2012, Costa u Cifone (C‑72/10 u C‑77/10, EU:C:2012:80), li jgħid li esklużjoni mis-suq għad-dekadenza tal-liċenzja għandha, bħala prinċipju, tiġi kkunsidrata bħala proporzjonali għall-għan tal-ġlieda kontra l-kriminalità biss jekk din hija bbażata fuq sentenza li għandha l-awtorità ta’ res judicata għal reat serju biżżejjed.

    80

    Fil-fatt, għalkemm, fil-prinċipju, id-dekadenza għandha ssir b’mod awtomatiku, fejn sentenza li għandha l-awtorità ta’ res judicata ngħatat minħabba t-twettiq ta’ reat b’rabta mal-għan tal-attività mogħtija b’konċessjoni, dan il-fatt ma jeskludix il-possibbiltà li l-awtorità kontraenti jkollha l-possibbiltà li tippronunzja d-dekadenza fl-ssenza ta’ sentenza finali f’kundizzjonijiet strettament irregolati mil-liġi.

    81

    F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-klawżola ta’ dekadenza prevista fl-Artikolu 30(2)(k) tal-mudell ta’ kuntratt, il-projbizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni fit-territorju Taljan ta’ logħob ieħor simili għal-Lotto mingħajr ma jkun inkiseb il-permess meħtieġ għal dan il-għan jew ta’ logħob ieħor ipprojbit mid-dritt Taljan msemmi tikkostitwixxi wkoll miżura ddestinata għall-ġlieda kontra l-logħob illegali, li jikkostitwixxi ċertament għan leġittimu.

    82

    Bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, it-termini ta’ din il-klawżola jidhru li huma redatti bi grad suffiċjenti ta’ ċarezza. Bl-istess mod, tali klawżola tidher xierqa sabiex jintlaħaq l-għan f’dan il-każ segwit mingħajr ma tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dan jintlaħaq.

    83

    Madankollu, għandu jizdied li, fl-eżami tal-proporzjonalita ta’ dawn il-kawżoli, il-qorti tar-rinviju għandha tikkunsidra wkoll l-fatt li d-dekadenza mill-kuntratt ta’ konċessjoni ta’ operatur ekonomiku ma tistax tiġi kkunsidrata proporzjonali meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali la tipprevedi rimedju ġudizzjarju effikaċi u lanqas kumpens għad-danni subiti fejn, sussegwentement, din id-dekadenza tirriżulta li ma hijiex iġġustifikata (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2012, Costa u Cifone, C‑72/10 u C‑77/10, EU:C:2012:80, punt 81).

    84

    B’hekk, sakemm l-operatur li effettivament għamel offerta u li jinsab miċħud mill-kuntratt minħabba l-klawżoli ta’ dekadenza kontenzjużi jew li l-offerent li kien is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ dekadenza fuq il-bażi ta’ dawn l-istess klawżoli jkollu d-dritt għal rimedju effettiv kontra l-fatt li ġie rispettivament miċħud jew dekadut, u li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jiksbu kumpens għad-danni subiti fil-każ fejn, sussegwentement, dawn il-fatti ntwerew li huwa inġustifikati, inkluż minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni, tali klawżoli għandhom jitqiesu bħala li jissodisfaw ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    85

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikoli 49 u 56 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux dispożizzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tinsab f’mudell ta’ kuntratt ta’ konċessjoni li jakkumpanja sejħa għal offerti u li jipprevedi d-dekadenza tal-konċessjoni għall-ġestjoni tas-servizz tal-Lotto:

    f’kull tip ta’ reat li fir-rigward tiegħu hemm stipulata akkuża u li, minħabba n-natura tiegħu, il-gravità tiegħu, il-metodu ta’ twettiq tiegħu u l-konnessjoni tiegħu mal-attività li għaliha l-konċessjoni ngħatat, l-awtorità kontraenti tikkunsidra li tipprekludi lill-konċessjonarju milli jkollu l-affidabbiltà, il-professjonaliżmu u l-kwalità morali meħtieġa;

    jew jekk il-konċessjonarju jikser ir-regoli dwar il-prevenzjoni tal-logħob irregolari, illegali u bil-moħbi u, b’mod partikolari, fejn il-konċessjonarju stess, jew kumpannija kkontrollata minnu jew marbuta miegħu, tkun fejn tkun stabbilita, tikkummerċjalizza logħob ieħor komparabbli għal-Lotto, mingħajr ma jkollu l-liċenzja meħtieġa.

    sakemm dawn il-klawżoli jkunu ġġustifikati, proporzjonati għall-għan segwit u konformi mal-prinċipju ta’ trasparenza, u hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika dan fid-dawl tal-indikazzjonijiet li fiha din is-sentenza.

    Fuq l-ispejjeż

    86

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikoli 49 u 56 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi, għall-konċessjoni tal-ġestjoni tas-servizz tal-Lotto awtomatizzat u logħob numeriku ieħor bi kwota fissa, mudell ta’ konċessjonarju wieħed, bil-kontra ta’ logħob, kompetizzjonijiet ta’ tbassir u mħatri oħra, li għalihom japplika mudell ta’ diversi konċessjonarji, sakemm il-qorti nazzjonali tistabbilixxi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ssegwi effettivament b’mod koerenti u sistematiku, l-għanijiet leġittimi invokati mill-Istat Membru kkonċernat.

     

    2)

    L-Artikoli 49 u 56 TFUE, kif ukoll il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ trasparenza u ta’ proporzjonalità, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali u l-atti li ġew adottati għall-applikazzjoni tagħha, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jipprevedu, għall-konċessjoni tal-ġestjoni tas-servizz tal-Lotto awtomatizzat u logħob numeriku ieħor bi kwota fissa, valur bażiku tal-kuntratt għoli, bil-kundizzjoni li dan il-valur huwa fformulat b’mod ċar, preċiż u univoku u li huwa oġġettivament iġġustifikat, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

     

    3)

    L-Artikoli 49 u 56 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux dispożizzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tinsab f’mudell ta’ kuntratt ta’ konċessjoni li jakkumpanja sejħa għal offerti u li jipprevedi d-dekadenza tal-konċessjoni għall-ġestjoni tas-servizz tal-Lotto awtomatizzat u logħob numeriku ieħor bi kwota fissa:

    f’kull tip ta’ reat li fir-rigward tiegħu hemm stipulata akkuża u li, minħabba n-natura tiegħu, il-gravità tiegħu, il-metodu ta’ twettiq tiegħu u l-konnessjoni tiegħu mal-attività li għaliha l-konċessjoni ngħatat, l-awtorità kontraenti tikkunsidra li tipprekludi lill-konċessjonarju milli jkollu l-affidabbiltà, il-professjonaliżmu u l-kwalità morali meħtieġa;

    jew jekk il-konċessjonarju jikser ir-regoli dwar il-prevenzjoni tal-logħob irregolari, illegali u bil-moħbi u, b’mod partikolari, fejn il-konċessjonarju stess, jew kumpannija kkontrollata minnu jew marbuta miegħu, tkun fejn tkun stabbilita, tikkummerċjalizza logħob ieħor komparabbli għal-Lotto awtomatizzat u logħob numeriku ieħor bi kwota fissa mingħajr ma jkollu l-liċenzja meħtieġa.

    sakemm dawn il-klawżoli jkunu ġġustifikati, proporzjonati għall-għan segwit u konformi mal-prinċipju ta’ trasparenza, u hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika dan fid-dawl tal-indikazzjonijiet li fiha din is-sentenza.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

    Fuq