EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62016CJ0419

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-20 ta’ Diċembru 2017.
Sabine Simma Federspiel vs Provincia autonoma di Bolzano u Equitalia Nord SpA.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunale di Bolzano.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà ta’ stabbiliment u moviment liberu tal-ħaddiema – Artikoli 45 u 49 TFUE – Rikonoxximent reċiproku tad-diplomi, taċ-ċertifikati u tal-kwalifiki l-oħra fil-mediċina – Direttivi 75/363/KEE u 93/16/KEE – Remunerazzjoni tat-tobba speċjalisti mħarrġa.
Kawża C-419/16.

Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2017:997

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

20 ta’ Diċembru 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà ta’ stabbiliment u moviment liberu tal-ħaddiema – Artikoli 45 u 49 TFUE – Rikonoxximent reċiproku tad-diplomi, taċ-ċertifikati u tal-kwalifiki l-oħra fil-mediċina – Direttivi 75/363/KEE u 93/16/KEE – Remunerazzjoni tat-tobba speċjalisti mħarrġa”

Fil-Kawża C-419/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale di Bolzano (il-Qorti ta’ Bolzano, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Lulju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Lulju 2016, fil-proċedura

Sabine Simma Federspiel

vs

Provincia autonoma di Bolzano,

Equitalia Nord SpA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, J. Malenovský, M. Safjan (Relatur), D. Šváby u M. Vilaras, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Ġunju 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Simma Federspiel, minn F. Dagostin u S. Fassa, avvocati,

għall-Provincia autonoma di Bolzano, minn J. A. Walther von Herbstenburg, Rechtsanwalt,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Støvlbæk, M. Kellerbauer u L. Malferrari, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Settembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1)(c) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/363/KEE, tas-16 ta’ Ġunju 1975, dwar il-koordinazzjoni ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi dwar attivitajiet tat-tobba (ĠU 1975, L 167, p. 14), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill, tas-26 ta’ Jannar 1982 (ĠU 1982, L 43, p. 21) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 75/363”), kif ukoll tal-Artikolu 45 TFUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Sabine Simma Federspiel u l-Provincia autonoma di Bolzano (il-Provinċja Awtonoma ta’ Bolzano, l-Italja), flimkien ma’ Equitalia Nord SpA fir-rigward ta’ atti li permezz tagħhom din il-provinċja ordnat lil S. Simma Federspiel tħallas lura lilha parti mill-ammont tal-borża ta’ studju għal speċjalizzazzjoni, flimkien mal-interessi, irċevuta għat-taħriġ full‑time ta’ tabib speċjalista fin-newroloġija u fil-psikjatrika mogħti fi Stat Membru ieħor barra r-Repubblika Taljana.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 75/363

3

L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 75/363 kien jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-taħriġ li jwassal għal diploma, ċertifikat jew provi oħra ta’ kwalifiki formali fil-mediċina speċjalizzata jkun jissodisfa mill-inqas ir-rekwiżiti li ġejjin:

a)

għandu jinkludi t-tmiem b’suċċess ta’ sitt snin studju fil-qafas tal-kors ta’ taħriġ imsemmi fl-Artikolu 1;

b)

għandu jinkludi istruzzjoni teoretika u prattika;

c)

għandu jkun kors full-time bis-superviżjoni tal-awtoritajiet jew tal-korpi kompetenti, skont il-punt 1 tal-Anness ta’ din id-Direttiva;

d)

għandu jsir f’ċentru universitarju, fi sptar ta’ tagħlim jew, skont il-każ, fi stabbiliment tas-saħħa approvat għal dan l-għan mill-awtoritajiet jew mill-korpi kompetenti;

e)

għandu jinvolvi l-parteċipazzjoni personali tat-tabib apprendist biex isir speċjalista fl-attività u fir-responsabbiltajiet tal-istabbilimenti kkonċernati.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4

L-Anness ta’ din id-direttiva, intitolat “Karatteristiċi tat-taħriġ full‑time u tat-taħriġ part‑time ta’ speċjalisti”, kien jipprovdi, fil-punt 1 tiegħu, intitolat “Taħriġ full‑time ta’ speċjalisti”:

“Taħriġ bħal dan għandu jsir f’postijiet speċifiċi rrikonoxxuti mill-awtorità kompetenti.

Huwa għandu jinvolvi l-parteċipazzjoni fl-attivitajiet mediċi kollha tad-dipartiment fejn isir it-taħriġ, inklużi d-dmirijiet ‘on-call’, biex l-ispeċjalista apprendist jiddedika għal dan it-taħriġ prattiku u teoretiku l-attività professjonali kollha tiegħu tul il-ġimgħa standard ta’ xogħol u tul is-sena kollha skont id-dispożizzjonijiet miftiehma mal-awtoritajiet kompetenti. Għalhekk dan it-taħriġ għandu, għalhekk, jingħatalu remunerazzjoni xierqa.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-Direttiva 93/16

5

Id-Direttiva 75/363 tħassret, fil-15 ta’ April 1993, bid-Direttiva tal-Kunsill 93/16/KEE, tal-5 ta’ April 1993, biex tiffaċilità l-moviment liberu tat-tobba u r-rikonoxximent tad-diplomi, ċertifikati u prova oħra ta’ kwalifiki formali tagħhom (ĠU 1993, L 165, p. 1). Din tal-aħħar tħassret bid-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali (ĠU 2005, L 255, p. 22), b’effett mill-20 ta’ Ottubru 2007.

6

It-Titolu III tad-Direttiva 93/16, intitolat “Koordinament ta’ dispożizzjonijiet stabbiliti b’liġi, b’regolamenti jew b’azzjonijiet amministrattivi fir-rigward ta’ attivitajiet ta’ tobba”, kien jinkludi l-Artikolu 24 tiegħu, li kien jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jassiguraw li t-taħriġ li jwassal għal diploma, ċertifikat jew evidenza oħra ta’ kwalifiki formali fil-mediċina speċjaliżżata, jkun jaqbel mill-anqas mal-kondizzjonijiet li ġejjin:

a)

għandu jinvolvi t-twettiq b’suċċess ta’ sitt snin studju fl-istruttura tal-kors ta’ taħriġ li hemm referenza għalih fl-Artikolu 23 […];

b)

għandu jinvolvi istruzzjoni teoretika u prattika;

c)

għandu jkun kors full-time issorveljat mill-awtoritajiet jew korpi kompetenti skond il-punt 1 ta’ l-Anness I;

d)

għandu jsir f’ċentru universitarju, fi sptar ta’ tagħlim jew, fejn xieraq, fi stabbiliment tas-saħħa approvat għal dan l-iskop mill-awtoritajiet jew korpi kompetenti;

e)

għandu jinvolvi l-parteċipazzjoni personali tat-tabib li qed jitħarreġ biex isir speċjalista fix-xogħol u fir-responsabbiltajiet ta’ l-istabbilimenti konċernati.”

7

L-Anness I tad-Direttiva 93/16, intitolat “Karatteristiċi tat-taħriġ full-time u part-time ta’ speċjalisti kif imsemmi [fil-punt c tal-Artikolu 24(1)] u 25”, kien jipprovdi, fil-punt 1 tiegħu, intitolat “Taħriġ full‑time ta’ speċjalisti”:

“Taħriġ bħal dan għandu jsir f’postijiet speċifiċi rrikonoxxuti mill-awtorità kompetenti.

Għandu jinvolvi l-parteċipazzjoni f’kull attività medika tad-dipartiment fejn isir it-taħriġ, inklużi on-call duties, biex l-ispeċjalista mħarreġ jiddedika l-attività professjonali kollha tiegħu għal dan it-taħriġ prattiku u teoritiku tul iż-żmien tal-ġimgħa standard ta’ xogħol u tul is-sena skond il-provvedimenti miftehma mill-awtoritajiet kompetenti. Għalhekk dawn il-postijiet għandhom ikunu suġġetti għal remunerazzjoni xierqa.

[…]”

Id-dritt Taljan

8

L-Artikolu 1 tal-legge provinciale n.1 – Formazione di medici specialisti (il-Liġi Provinċjali Nru 1 dwar it-taħriġ ta’ speċjalisti), tat-3 ta’ Jannar 1986 (BU Nru 2, tal-14 ta’ Jannar 1986, iktar ’il quddiem il-“Liġi Provinċjali Nru 1/86”), applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, kien jipprovdi:

“1.   Minħabba li huwa impossibbli li jinkisbu kwalifiki ta’ speċjalista mediku fil-Provinċja [awtonoma] ta’ Bolzano, il-ministru Provinċjali kompetenti jkun awtorizzat […] jiffirma ftehimiet adatti biex jinħolqu postijiet addizzjonali għat-taħriġ ta’ speċjalisti mediċi ma’ universitajiet Taljani u mal-awtoritajiet pubbliċi kompetenti Awstrijaċi, skont il-liġijiet ta’ dak l-Istat fil-qasam inkwistjoni, bla ħsara għall-konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali u Provinċjali.

2.   Il-ftehim iffirmat mal-awtoritajiet pubbliċi Awstrijaċi skont il-paragrafu preċedenti jista’ jipprospetta li l-Provinċja [awtonoma ta’ Bolzano] tħallas lil dawk l-awtoritajiet ammont li ma jkunx jeċċedi dak massimu tal-borża ta’ studju kif stabbilit fl-Artikolu 3 […] jekk huma jipprovdu għall-ħlas ta’ remunerazzjoni korrispondenti lill-ispeċjalista apprendist.”

9

Skont l-Artikolu 7 tal-Liġi Provinċjali Nru 1/86:

“1.   Il-benefiċjarji [tobba] […] jintrabtu li jipprattikaw fis-servizz tas-saħħa pubblika tal-Provinċja [awtonoma] ta’ Bolzano għal perijodu li għandu jiġi stabbilit b’mod leġiżlattiv mill-Gvern Provinċjali. Dak il-perijodu ma għandux ikun inqas minn 5 snin u għandu jintemm wara perijodu ta’ żmien li għandu jiġi stabbilit fl-istess regolament.

2.   F’każ ta’ nuqqas li l-impenn imsemmi fil-paragrafu ta’ qabel dan ma jiġix osservat totalment jew parzjalment, għandha titħallas lura parti tal-borża ta’ studju ta’ speċjalizzazzjoni jew tal-kontribuzzjoni finanzjarja, flimkien ma’ interessi legali. Il-parti li għandha titħallas lura għandha tiġi stabbilita b’deċiżjoni tal-Gvern Provinċjali permezz ta’ att leġiżlattiv u ma għandhiex teċċedi 70 % tal-borża ta’ studju jew tal-kontribuzzjoni.”

10

Id-decreto del presidente della Giunta provinciale n 6/1988 (id-Digriet tal-President tal-Gvern Provinċjali), tad-29 ta’ Marzu 1988, kien jipprevedi:

“1.

Il-benefiċjarji [tobba] tal-boroż ta’ studju ta’ speċjalizzazzjoni jew tal-kontribuzzjonijiet [imsemmija mil-Liġi Provinċjali Nru 1/86] jintrabtu li jipprattikaw għal 5 snin fis-servizz tas-saħħa pubblika tal-Provinċja [awtonoma] ta’ Bolzano, fuq bażi kuntrattwali, skont il-każ, fi żmien 10 snin mid-data li fiha wieħed ikun ikkwalifika għall-ispeċjalizzazzjoni jew minn meta wieħed ikun ikkonkluda l-perijodu ta’ taħriġ.

2.

Il-ħlasijiet għal boroż ta’ studju u għal kontribuzzjonijiet ikunu b’kundizzjoni li l-persuna kkonċernata tipproduċi dikjarazzjoni espress […], li tkun tafferma l-impenn li hija tkun konformi mal-kundizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1.

3.

Il-benefiċjarji jkun jeħtiġilhom:

a)

iħallsu lura sa 70 % tal-ammont totali tal-borża ta’ studju jew tal-kontribuzzjoni f’każ li jonqsu għalkollox milli josservaw l-impenn imsemmi fil-paragrafu 1;

b)

iħallsu lura sa 14 % tal-ammont totali tal-borża ta’ studju jew tal-kontribuzzjoni għal kull sena jew parti ta’ iktar minn sitt xhur f’sena li fiha l-benefiċjarju jkun naqas milli jipprattika, sa massimu ta’ ħames snin, fil-każ ta’ nuqqas parzjali li josserva l-impenn.

[…]

5.

Nuqqas ta’ osservanza tal-impenn imsemmi fil-paragrafu 1 jitqies li ma jkunx seħħ jekk il-persuna kkonċernata tagħti prova li hija kienet applikat għal pożizzjoni fis-servizz tas-saħħa pubblika tal-Provinċja [awtonoma] ta’ Bolzano u, wara li kienet ħadet sehem fl-eżamijiet kompetittivi korrispondenti, kienet instabet li kienet adatta jew kienet tqiegħdet fil-listi ta’ klassifikazzjoni għal kuntratti iżda li ma kinitx issejħet biex tibda taħdem fis-servizz.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

S. Simma Federspiel hija ċittadina Taljana li segwiet, mis-sena 1992 sas-sena 2000, taħriġ full‑time bħala tabiba speċjalista fin-newroloġija u fil-psikjatrija pprovdut mill-klinika universitarja ta’ Innsbruck (l-Awstrija), u li rċeviet, matul dan il-perijodu, borża ta’ studju mogħtija mill-Provinċja awtonoma ta’ Bolzano fuq il-bażi tal-Artikolu 1 tal-Liġi Provinċjali Nru 1/86. Sal-31 ta’ Lulju 2000, hija kienet tirrisjedi f’Bolzano. Minn din id-data ’l quddiem, hija tirrisjedi fi Bregenz (l-Awstrija), fejn teżerċita l-professjoni ta’ tabiba.

12

L-għoti ta’ din il-borża ta’ studju kien suġġetta għall-impenn ta’ S. Simma Federspiel li tipprattika fi ħdan is-servizz pubbliku tas-saħħa tal-Provinċja awtonoma ta’ Bolzano għal ħames snin matul perijodu ta’ għaxar snin, mid-data tal-kisba tal-ispeċjalizzazzjoni tagħha, jew sabiex tirrimborsaha, fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza totali ta’ dan l-impenn, sa 70 % mill-ammont tal-imsemmija borża u, fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza parzjali tal-imsemmi impenn, sa 14 % tal-ammont tagħha mogħtija għal kull sena jew frazzjoni minn sena li teċċedi sitt xhur ta’ servizz mhux mogħti. S. Simma Federspiel iffirmat dikjarazzjoni espressa f’dan is-sens fil-21 ta’ Diċembru 1992.

13

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Provinċja awtonoma ta’ Bolzano ħallset lill-klinika universitarja ta’ Innsbruck il-borża ta’ studju kkonċernata konformement ma’ ftehim iffirmat mal-Land tat-Tyrol (l-Awstrija). Din il-klinika universitarja sussegwentement kienet tittrasferixxi l-ħlasijiet favur S. Simma Federspiel. Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li ma jidhirx li din tal-aħħar irċeviet emolumenti oħra għall-attività eżerċitata fil-kuntest tal-ispeċjalizzazzjoni tagħha.

14

Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Frar 2013, il-Provinċja awtonoma ta’ Bolzano stiednet lil S. Simma Federspiel tipprovdilha jew dikjarazzjoni relatata mal-prattika li hija wettqet mas-servizz pubbliku tas-saħħa ta’ din il-provinċja, jew il-prova li hija kienet ressqet talba għal impjieg ma’ dan is-servizz pubbliku u li hija kienet ipparteċipat b’suċċess għall-kompetizzjonijiet xierqa jew kienet ġiet inkluża fil-listi ta’ riżerva mingħajr madankollu ma’ ntalbet sussegwentement teżerċita l-imsemmija attività.

15

Bi tweġiba għal din l-ittra, S. Simma Federspiel informat lill-Provinċja awtonoma ta’ Bolzano li hija ma kinitx eżerċitat attività f’din il-provinċja minn meta kisbet l-ispeċjalizzazzjoni tagħha.

16

F’dawn iċ-ċirkustanzi, permezz ta’ digriet tal-5 ta’ Awwissu 2013, din il-Provinċja ordnatha tirrimborsa 70 % mill-ammont tal-borża ta’ studju li kienet irċeviet, jiġifieri s-somma ta’ 68515.24 Euro (EUR), flimkien mal-interessi li jammontaw għal EUR 51418.63, jiġifieri total ta’ EUR 119933.87.

17

S. Simma Federspiel marret quddiem it-Tribunale di Bolzano (il-Qorti ta’ Bolzano, l-Italja) sabiex tikseb l-annullament tal-atti li permezz tagħhom il-Provinċja awtonoma ta’ Bolzano ordnatha tirrimborsa l-imsemmija somma. Insostenn tar-rikors tagħha, hija teċċepixxi l-illegalità tal-Liġi Provinċjali Nru 1/86 li fuq il-bażi tagħha ġew adottati dawn l-atti.

18

F’dan ir-rigward, din il-qorti tikkonstata li l-obbligu previst mil-leġiżlazzjoni provinċjali ta’ ħlas lura ta’ 70 % mill-ammont tal-borża ta’ studju rċevuta minbarra l-interessi legali jġiegħel, fil-prattika, lit-tobba kkonċernati jħallsu lura somma kunsiderevolment ogħla minn dik li tkun ingħatat lilhom taħt din il-borża ta’ studju.

19

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju għandha dubji fir-rigward tal-konformità tas-sistema prevista minn din il-leġiżlazzjoni mad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari mal-Artikolu 45 TFUE, sa fejn l-imsemmija leġiżlazzjoni għandha l-effett li tiddiswadi lill-ispeċjalisti milli jħallu l-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom sabiex jistabbilixxu lilhom infushom u jeżerċitaw attività professjonali fi Stat Membru ieħor.

20

Billi qies li s-soluzzjoni għall-kawża pendenti quddiemu tiddependi fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, it-Tribunale di Bolzano (il-Qorti ta’ Bolzano) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu li jagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 2(1)(c) [tad-Direttiva 75/363], kif emendata [b’din id-direttiva], u l-anness iċċitat magħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li regola tad-dritt intern, bħal dik applikabbli fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-għoti tar-remunerazzjoni intiża għat-tobba li jkunu qed jispeċjalizzaw għall-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ impenn tat-tabib benefiċjarju li jwettaq tal-inqas ħames snin servizz fis-servizz sanitarju pubbliku tal-Provinċja awtonoma ta’ Bolzano mhux iktar tard minn għaxar snin li għandhom jiddekorru mid-data ta’ kisba tal-ispeċjalizzazzjoni, u li, f’każ ta’ inosservanza totali ta’ dan l-obbligu, tippermetti espressament lill-Provinċja awtonoma ta’ Bolzano, organu li jiffinanzja r-remunerazzjoni, li tikseb il-ħlas lura ta’ ammont sa 70 % tal-allowance mogħtija, minbarra l-interessi legali kkalkolati mill-mument li fih l-amministrazzjoni tkun ħallset il-kontribuzzjonijiet individwali?

2)

Fil-każ li tingħata risposta negattiva għall-ewwel domanda, il-prinċipju ta’ moviment liberu tal-ħaddiema skont l-Artikolu 45 TFUE jipprekludi regola tad-dritt intern, bħal dik applikabbli fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-għoti tar-remunerazzjoni intiża għat-tobba li jkunu qed jispeċjalizzaw għall-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ impenn tat-tabib benefiċjarju li jwettaq tal-inqas ħames snin servizz fis-servizz sanitarju pubbliku tal-Provinċja awtonoma ta’ Bolzano mhux iktar tard minn għaxar snin li għandhom jiddekorru mid-data ta’ kisba tal-ispeċjalizzazzjoni, u li, f’każ ta’ inosservanza totali ta’ dan l-obbligu, tippermetti espressament lill-Provinċja awtonoma ta’ Bolzano, organu li jiffinanzja r-remunerazzjoni, li tikseb il-ħlas lura ta’ ammont sa 70 % tal-allowance mogħtija, minbarra l-interessi legali kkalkolati mill-mument li fih l-amministrazzjoni tkun ħallset il-kontribuzzjonijiet individwali?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

21

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq, essenzjalment, issir taf jekk l-Artikolu 2(1)(c) tad-Direttiva 75/363 u l-anness ta’ din id-direttiva għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li skontha l-għoti tal-borża ta’ studju nazzjonali intiża li tiffinanzja taħriġ, mogħtija fi Stat Membru, li twassal għall-kisba ta’ titolu ta’ tabib speċjalista, huwa suġġett għall-kundizzjoni li t-tabib benefiċjarju jeżerċita l-attività professjonali tiegħu f’dan l-ewwel Stat Membru għal ħames snin matul perijodu ta’ għaxar snin mid-data tal-kisba tal-ispeċjalizzazzjoni jew, fin-nuqqas ta’ dan, li dan iħallas lura sa 70 % mill-ammont tal-borża ta’ studju rċevuta, flimkien mal-interessi.

22

Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, fil-kawża prinċipali, it-taħriġ għal tabiba speċjalista fin-newropsikjatrija mogħti mill-klinika universitarja ta’ Innsbruck lil S. Simma Federspiel beda matul is-sena 1992 u ntemm matul is-sena 2000. Għalhekk, il-kawża prinċipali hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 75/363 sal-15 ta’ April 1993, data li fih daħal fis-seħħ it-tħassir tagħha permezz tad-Direttiva 93/16, u mid-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar minn din id-data.

23

Fir-rigward tad-Direttiva 75/363, din kienet tipprevedi, fl-Artikolu 2(1)(c) tagħha, li t-taħriġ li jwassal għall-kisba ta’ diploma, ċertifikat jew kwalifika oħra fl-ispeċjalizzazzjoni medika kellha ssir full‑time u taħt il-kontroll tal-awtoritajiet jew tal-organi kompetenti, konformement mal-punt 1 tal-Anness ta’ din id-direttiva. Skont l-imsemmi punt, l-imsemmi taħriġ kellu jsir fuq il-postijiet tax-xogħol li kienu jipprovdu remunerazzjoni xierqa.

24

L-Artikolu 24(1)(c) tad-Direttiva 93/16 kif ukoll il-punt 1 tal-Anness I tagħha huma redatti b’termini paragunabbli għal dawk esposti fil-punt preċedenti.

25

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi osservat li l-imsemmija dispożizzjonijiet jipprevedu l-obbligu li jiġu rremunerati l-perijodi ta’ taħriġ relatati mal-ispeċjalizzazzjoni medika sabiex jiġi evitat li l-livell ta’ taħriġ tal-ispeċjalisti ma jiġix kompromess, b’mod partikolari, bl-eżerċizzju parallel, b’mod privat, ta’ attività professjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Frar 1999, Carbonari et, C‑131/97, EU:C:1999:98, punt 40).

26

Ċertament, dan l-obbligu huwa, bħala tali, inkundizzjonat kif ukoll suffiċjentement preċiż (sentenza tal-25 ta’ Frar 1999, Carbonari et, C‑131/97, EU:C:1999:98, punt 44) u huwa għal kollox marbut mal-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ taħriġ tal-ispeċjalisti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Frar 1999, Carbonari et, C‑131/97, EU:C:1999:98, punt 41).

27

Issa, għalkemm huwa minnu li t-tobba li qegħdin jispeċjalizzaw igawdu minn dritt għal remunerazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Frar 1999, Carbonari et, C‑131/97, EU:C:1999:98, punt 42), ma jidhirx li l-kundizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taffettwa l-obbligu korrispondenti li jiġu rremunerati, li, wara kollox, ma huwiex, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, inkundizzjonat fir-rigward tal-ammont tiegħu (sentenza tal-25 ta’ Frar 1999, Carbonari et, C‑131/97, EU:C:1999:98, punt 47), u lanqas ma taffettwa, għaldaqstant, l-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ taħriġ tal-ispeċjalisti.

28

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li matul il-perijodu ta’ speċjalizzazzjoni tagħha S. Simma Federspiel ibbenefikat minn remunerazzjoni fejn, barra minn hekk, il-partijiet kollha li ssottomettew osservazzjonijiet fil-kuntest ta’ din il-kawża, inkluż S. Simma Federspiel, jaqblu li jirrikonoxxu n-natura suffiċjenti ta’ din ir-remunerazzjoni għall-finijiet tal-kisba tat-taħriġ minn din tal-aħħar.

29

B’hekk, il-kundizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirriżulta biss fi tmiem il-perijodu ta’ speċjalizzazzjoni tat-tobba speċjalisti, mingħajr ma tippreġudika l-kundizzjonijiet ta’ taħriġ tagħhom, u ma għandhiex x’taqsam mar-relazzjoni bejn dawn tal-aħħar u l-Istat Membru li jipprovdi t-taħriġ.

30

Għalhekk, f’tali kuntest, l-Artikolu 2(1)(c) tad-Direttiva 75/363 u l-Artikolu 24(1)(c) tad-Direttiva 93/16 ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li jostakolaw kundizzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

31

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-Artikolu 2(1)(c) tad-Direttiva 75/363 kif ukoll l-Artikolu 24(1)(c) tad-Direttiva 93/16 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li skontha l-għoti ta’ borża ta’ studju nazzjonali għall-finanzjament ta’ taħriġ, mogħti fi Stat Membru ieħor, li jwassal għall-kisba ta’ titolu ta’ tabib speċjalista huwa suġġett għall-kundizzjoni li t-tabib li jibbenefika minnha jeżerċita l-attività professjonali tiegħu f’dan l-ewwel Stat Membru għal ħames snin matul perijodu ta’ għaxar snin mid-data tal-kisba tal-ispeċjalizzazzjoni jew, fin-nuqqas ta’ dan, li jħallas lura sa 70 % mill-ammont tal-borża ta’ studju rċevuta, flimkien mal-interessi.

Fuq it-tieni domanda

32

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 45 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li skontha l-għoti ta’ borża ta’ studju nazzjonali intiża li tiffinanzja taħriġ, mogħti fi Stat Membru ieħor, li jwassal għall-kisba tat-titolu ta’ tabib speċjalista hijiex suġġetta għall-kundizzjoni li t-tabib li jibbenefika mill-borża ta’ studju jeżerċitax l-attività professjonali tiegħu f’dan l-ewwel Stat Membru għal ħames snin matul perijodu ta’ għaxar snin mid-data tal-kisba tal-ispeċjalizzazzjoni jew, fin-nuqqas ta’ dan, li jħallas lura sa 70 % mill-ammont tal-borża ta’ studju rċevuta, flimkien mal-interess.

33

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 168(7) TFUE, kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt tal-Unjoni ma jippreġudikax il-kompetenza tal-Istati Membri biex jadottaw dispożizzjonijiet maħsuba biex jiġu organizzati s-servizzi tas-saħħa. Madankollu, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom josservaw id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE li jinkludu l-projbizzjoni għall-Istati Membri milli jintroduċu jew iżommu fis-seħħ restrizzjonijiet mhux iġġustifikati fuq l-eżerċizzju ta’ dawn il-libertajiet fis-settur tal-kura tas-saħħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2017, Malta Dental Technologists Association u Reynaud, C‑125/16, EU:C:2017:707, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

F’dan ir-rigward, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tagħmilx distinzjoni skont jekk l-attività eżerċitata mit-tabib li jibbenefika mill-borża ta’ studju kkonċernata fi Stat Membru minbarra r-Repubblika Taljana għandhiex tikkwalifika bħala attività bħala persuna impjegata jew le. Barra minn hekk, la d-deċiżjoni ta’ rinviju u lanqas il-fajl għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermettu li jiġi ddeterminat jekk S. Simma Federspiel teżerċitax il-professjoni ta’ tabiba fl-Awstrija bħala impjegata jew fil-kuntest ta’ professjoni ta’ persuna li taħdem għal rasha u, għalhekk, jekk is-sitwazzjoni kkunsidrata mill-kawża prinċipali taqax taħt il-moviment liberu tal-ħaddiema, iddikjarat fl-Artikolu 45 TFUE, jew taħt il-libertà ta’ stabbiliment, prevista fl-Artikolu 49 TFUE. Konsegwentement, leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi eżaminata kemm fir-rigward tal-Artikolu 45 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 49 TFUE.

35

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-persuni huma intiżi sabiex jiffaċilitaw, għaċ-ċittadini tal-Unjoni, l-eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali ta’ kull tip fit-territorju tal-Unjoni u jipprekludu l-miżuri li jistgħu jisfavorixxu dawn iċ-ċittadini meta jkunu jixtiequ jeżerċitaw attività fit-territorju ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom. F’dan il-kuntest, iċ-ċittadini tal-Istati Membri għandhom, b’mod partikolari, id-dritt, li huma jiksbu direttament mit-Trattat, li jitilqu mill-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom sabiex imorru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u jirrisjedu fih, bil-għan li jeżerċitaw attività hemmhekk. Konsegwentement, l-Artikolu 45 TFUE jipprekludi kull miżura nazzjonali li tista’ tfixkel jew tagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju, miċ-ċittadini tal-Unjoni, tal-libertà fundamentali ggarantita minn dan l-artikolu (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2017, Erzberger, C‑566/15, EU:C:2017:562, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-istess jgħodd fir-rigward tar-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment prevista fl-Artikolu 49 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 2013, Venturini et, C‑159/12 sa C‑161/12, EU:C:2013:791, punt 30, kif ukoll tal‑5 ta’ April 2017, Borta, C‑298/15, EU:C:2017:266, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Jeħtieġ li jiġi kkonstatat li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-għoti ta’ borża ta’ studju intiża li tiffinanzja taħriġ ta’ tabib speċjalista mogħti fi Stat Membru ieħor għall-kundizzjoni li t-tabib li jibbenefika minn din il-borża jeżerċita l-attività professjonali tiegħu f’dan l-ewwel Stat matul ċertu perijodu minn meta jikseb l-ispeċjalizzazzjoni tiegħu tista’ tiddiswadi lil dan it-tabib milli jeżerċita d-dritt tiegħu għall-moviment liberu jew għal-libertà ta’ stabbiliment, previst fl-Artikoli 45 u 49 TFUE. Fil-fatt, l-imsemmi tabib jiġi dissważ milli jitlaq mill-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu sabiex imur jaħdem jew jistabbilixxu lilu nnifsu fi Stat Membru ieħor, jekk dan iwasslu sabiex ikollu jħallas lura sa 70 % mill-ammont tal-borża ta’ studju rċevuta, flimkien mal-interessi (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, Radziejewski, C‑461/11, EU:C:2012:704, punt 31).

37

Konsegwentement, tali leġiżlazzjoni tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-ħaddiema u għal-libertà ta’ stabbiliment ipprojbita, bħala prinċipju, mill-Artikoli 45 u 49 TFUE.

38

Skont ġurisprudenza stabbilita ferm, miżuri nazzjonali li jistgħu jfixklu jew jagħmlu inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat jistgħu jiġu ammessi bil-kundizzjoni li jkollhom għan ta’ interess ġenerali, li jkunu adegwati sabiex jiggarantixxu li jintlaħaq l-għan tagħhom, u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex l-għan jintlaħaq (sentenza tat-13 ta’ Lulju 2016, Pöpperl, C‑187/15, EU:C:2016:550, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tapplika mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità.

40

Għandu jiġi enfasizzat li l-kwistjoni dwar liema għanijiet effettivament iridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni nazzjonali taqa’, fil-kuntest ta’ kawża mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE, taħt il-kompetenza tal-qorti tar-rinviju (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2011, Dickinger u Ömer, C‑347/09, EU:C:2011:582, punt 51).

41

Hekk kif osservaw il-Provinċja awtonoma ta’ Bolzano u l-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom u waqt is-seduta f’din il-kawża, il-miżuri previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma intiżi li jiżguraw lill-popolazzjoni ta’ din il-provinċja assistenza medika speċjalizzata ta’ kwalità għolja, ibbilanċjata u aċċessibbli għal kulħadd, filwaqt li jiġi ppreżervat il-bilanċ finanzjarju tas-sigurtà soċjali.

42

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li s-saħħa u l-ħajja tal-persuni jokkupaw l-ewwel post fost l-oġġetti u l-interessi protetti mit-Trattat. Barra minn hekk, mhux biss riskju li jiġi ppreġudikat serjament il-bilanċ finanzjarju tas-sistema ta’ sigurtà soċjali jista’ jikkostitwixxi, fih innifsu, raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika ostakolu għal-libertajiet fundamentali previsti mit-Trattat FUE, iżda, barra minn dan, l-għan li, għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika jinżamm servizz mediku u tal-isptarijiet ibbilanċjat u aċċessibbli għal kulħadd jista’ wkoll jaqa’ taħt waħda mid-derogi għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika, sa fejn tali għan jikkontribwixxi sabiex jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa. Għalhekk, dan japplika għall-miżuri li, minn naħa, jissodisfaw l-għan ta’ interess ġenerali li jiġi ggarantit li fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat ikun hemm aċċessibbiltà suffiċjenti u permanenti għal firxa bbilanċjata ta’ kura medika ta’ kwalità u, min-naħa l-oħra, jikkontribwixxu sabiex tiġi ssodisfatta x-xewqa li jiġi żgurat kontroll tal-ispejjeż u li jiġi evitat, sa fejn huwa possibbli, kull ħela ta’ riżorsi finanzjarji, tekniċi u umani (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, CASTA et, C‑50/14, EU:C:2016:56, punti 60 kif ukoll 61).

43

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha bħala għan li toħloq postijiet supplimentari għat-taħriġ ta’ speċjalisti u b’hekk tippermetti li jiżdied in-numru ta’ speċjalisti fis-suq tax-xogħol. B’hekk, billi din il-leġiżlazzjoni ġġiegħel lit-tobba li bbenefikaw mill-borża ta’ studju inkwistjoni fil-kawża prinċipali jeżerċitaw l-attività professjonali tagħhom fil-Provinċja awtonoma ta’ Bolzano matul ċertu perijodu wara li jkunu wettqu l-ispeċjalizzazzjoni tagħhom, hija tikkontribwixxi sabiex tiġi sodisfatta d-domanda għal speċjalisti f’din il-provinċja.

44

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-miżuri previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jridu jilħqu l-għanijiet leġittimi msemmija fil-punt 42 ta’ din is-sentenza.

45

F’dan ir-rigward, qabel kollox jeħtieġ li jitfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu dwar il-livell li bih huma jkollhom l-intenzjoni li jiżguraw il-protezzjoni tas-saħħa pubblika u dwar il-mod kif għandu jintlaħaq dan il-livell. Peress li dan il-livell jista’ jvarja minn Stat Membru għal ieħor, hemm lok li tiġi rikonoxxuta lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni f’dan il-qasam (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2017, Malta Dental Technologists Association u Reynaud, C‑125/16, EU:C:2017:707, punt 60).

46

Minn naħa, fir-rigward tan-natura xierqa tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat li l-obbligu, skont il-leġiżlazzjoni inkwistjoni, għat-tabib speċjalista li t-taħriġ tiegħu ġie ffinanzjat minn dan l-Istat, li jaħdem fil-Provinċja awtonoma ta’ Bolzano tal-imsemmi Stat matul ċertu perijodu wara li jintemm l-imsemmi taħriġ jikkontribwixxi sabiex tiġi sodisfatta d-domanda għal, speċjalisti f’din il-provinċja. Għalhekk, dan l-obbligu jissodisfa l-għan ta’ interess ġenerali li jikkonsisti f’li tiġi ggarantita aċċessibbiltà suffiċjenti u permanenti għal sensiela bbilanċjata ta’ kura medika ta’ kwalità u hija ta’ natura li tikkontribwixxi għall-ġestjoni tal-ispejjeż marbuta ma’ dan is-servizz u, għalhekk, li tiġi protetta s-saħħa pubblika.

47

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-evalwazzjoni li għandha ssir fuq in-natura neċessarja tal-imsemmija dispożizzjonijiet, il-qorti tar-rinviju jkollha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 87 u 88 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-obbligu, għall-ispeċjalisti li bbenefikaw mill-finanzjament tat-taħriġ tagħhom, li jaħdmu fil-Provinċja awtonoma ta’ Bolzano huwa limitat għal ħames snin u dan, f’terminu ta’ għaxar snin mill-kisba tal-ispeċjalizzazzjoni, u dan jirriżulta, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, biss fil-każ fejn impjieg għal tabib speċjalista jkun disponibbli f’din il-provinċja għat-tabib ikkonċernat u li l-impjieg jiġi offrut lilu fi żmien opportun.

48

Huma wkoll rilevanti għall-finijiet tal-imsemmija evalwazzjoni tal-bżonnijiet speċifiċi, imfakkra mill-Kummissjoni kif ukoll mill-Avukat Ġenerali fil-punt 91 tal-konklużjonijiet tiegħu, tal-Provinċja awtonoma ta’ Bolzano, jiġifieri l-ħtieġa li tiġi żgurata d-disponibbiltà ta’ kura medika ta’ kwalità fiż-żewġ lingwi uffiċjali ta’ dan ir-reġjun, jiġifieri l-lingwa Ġermaniża u Taljana, u, għalhekk, id-diffikultà ta’ reklutaġġ ta’ numru suffiċjenti ta’ speċjalisti idonei sabiex jeżerċitaw il-professjoni tagħhom fiż-żewġ lingwi.

49

Wara kollox, ebda element mill-fajl ma huwa tali li juri li teżisti miżura alternattiva li tista’ tippermetti lil din il-provinċja tirrekluta numru suffiċjenti ta’ tobba speċjalisti idonei sabiex jeżerċitaw il-professjoni tagħhom f’dawn iż-żewġ lingwi.

50

Fir-rigward taċ-ċirkustanza li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu previst fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, it-tabib ikkonċernat għandu jħallas lura sa 70 % mill-ammont tal-borża ta’ studju rċevuta sabiex jiġi ffinanzjat it-taħriġ li jwassal għall-kisba tat-titolu ta’ speċjalista, hemm lok li jiġi kkonstatat li, hekk kif ikkonstata essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 94 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan l-ammont li għandu jitħallas lura ma jidhirx li huwa sproporzjonat inkwantu ma jeċċedix, minbarra l-interessi legali li huma konsegwenza normali ta’ dewmien fil-ħlas, is-somma rċevuta taħt dan il-finanzjament. Barra minn hekk billi ffirmat id-dikjarazzjoni S. Simma Federspiel kienet esprimiet il-ftehim tagħha mal-obbligu li tħallas lura l-borża ta’ studju mogħtija fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza totali ta’ dan l-impenn.

51

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li r-risposta għat-tieni domanda tkun li l-Artikoli 45 u 49 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li skontha l-għoti ta’ borża ta’ studju nazzjonali intiża sabiex tiffinanzja taħriġ, mogħti fi Stat Membru ieħor, li jwassal għall-kisba ta’ titolu ta’ tabib speċjalista huwa suġġett għall-kundizzjoni li t-tabib benefiċjarju jeżerċita l-attività professjonali tiegħu f’dan l-ewwel Stat Membru għal ħames snin matul perijodu ta’ għaxar snin mid-data tal-kisba tal-ispeċjalizzazzjoni jew, fin-nuqqas ta’ dan, li jħallas lura sa 70 % mill-ammont tal-borża ta’ studju rċevuta, flimkien mal-interessi, sa fejn il-miżuri previsti minn din il-leġiżlazzjoni effettivament ma jikkontribwixxux sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika u ta’ bilanċ finanzjarju tas-sistema ta’ sigurtà soċjali u jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju f’dan ir-rigward, liema fatt għandu jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju.

Fuq l-ispejjeż

52

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 2(1)(c) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/363/KEE, tas-16 ta’ Ġunju 1975, dwar il-koordinazzjoni ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi dwar attivitajiet tat-tobba, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill, tas-26 ta’ Jannar 1982, kif ukoll l-Artikolu 24(1)(c) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/16/KEE, tal-5 ta’ April 1993, biex tiffaċilità l-moviment liberu tat-tobba u r-rikonoxximent tad-diplomi, ċertifikati u prova oħra ta’ kwalifiki formali tagħhom, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li skontha l-għoti ta’ borża ta’ studju nazzjonali għall-finanzjament ta’ taħriġ, mogħti fi Stat Membru ieħor, li jwassal għall-kisba ta’ titolu ta’ tabib speċjalista huwa suġġett għall-kundizzjoni li t-tabib li jibbenefika minnha jeżerċita l-attività professjonali tiegħu f’dan l-ewwel Stat Membru għal ħames snin matul perijodu ta’ għaxar snin mid-data tal-kisba tal-ispeċjalizzazzjoni jew, fin-nuqqas ta’ dan, li jħallas lura sa 70 % mill-ammont tal-borża ta’ studju rċevuta, flimkien mal-interessi.

 

2)

L-Artikoli 45 u 49 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li skontha l-għoti ta’ borża ta’ studju nazzjonali intiża sabiex tiffinanzja taħriġ, mogħti fi Stat Membru ieħor, li jwassal għall-kisba ta’ titolu ta’ tabib speċjalista huwa suġġett għall-kundizzjoni li t-tabib benefiċjarju jeżerċita l-attività professjonali tiegħu f’dan l-ewwel Stat Membru għal ħames snin matul perijodu ta’ għaxar snin mid-data tal-kisba tal-ispeċjalizzazzjoni jew, fin-nuqqas ta’ dan, li jħallas lura sa 70 % mill-ammont tal-borża ta’ studju rċevuta, flimkien mal-interessi, sa fejn il-miżuri previsti minn din il-leġiżlazzjoni effettivament ma jikkontribwixxux sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika u ta’ bilanċ finanzjarju tas-sistema ta’ sigurtà soċjali u jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju f’dan ir-rigward, liema fatt għandu jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Fuq