EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62016CJ0243

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-14 ta’ Diċembru 2017.
Antonio Miravitlles Ciurana et vs Contimark SA u Jordi Socias Gispert.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Juzgado de lo Social de Barcelona.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Dritt tal-kumpanniji – Direttiva 2009/101/KE – Artikoli 2 u 6 sa 8 – Direttiva 2012/30/UE – Artikoli 19 u 36 – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 20, 21 u 51 – Irkupru ta’ djun li jirriżultaw minn kuntratt ta’ xogħol – Dritt li teżerċita, quddiem l-istess qorti, azzjoni kontra l-kumpannija u l-amministratur tagħha, fil-kwalità tiegħu ta’ persuna responsabbli u kodebitur in solidum tad-djun tal-kumpannija.
Kawża C-243/16.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2017:969

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

14 ta’ Diċembru 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Dritt tal-kumpanniji – Direttiva 2009/101/KE – Artikoli 2 u 6 sa 8 – Direttiva 2012/30/UE – Artikoli 19 u 36 – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 20, 21 u 51 – Irkupru ta’ djun li jirriżultaw minn kuntratt ta’ xogħol – Dritt li teżerċita, quddiem l-istess qorti, azzjoni kontra l-kumpannija u l-amministratur tagħha, fil-kwalità tiegħu ta’ persuna responsabbli u kodebitur in solidum tad-djun tal-kumpannija”

Fil-Kawża C‑243/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de lo Social n. 30 de Barcelona (il-Qorti tax-Xogħol Nru 30 ta’ Barcelona, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ April 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ April 2016, fil-proċedura

Antonio Miravitlles Ciurana,

Alberto Marina Lorente,

Jorge Benito García,

Juan Gregorio Benito García

vs

Contimark SA,

Jordi Socías Gispert,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz (Relatur), President tal-Awla, C. Vajda, E. Juhász, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ April 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal A. Marina Lorente, minn J. García Vicente, abogado,

għall-Gvern Spanjol, minn A. Gavela Llopis, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Rius u H. Støvlbæk, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Lulju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2 u 6 sa 8 tad-Direttiva 2009/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpaniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 48 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti (ĠU 2009 L 258, p. 11), tal-Artikoli 19 u 36 tad-Direttiva 2012/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta’ kumpaniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 54 [TFUE], dwar il-formazzjoni ta’ kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbiltà limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti (ĠU 2012 L 315, p. 74), kif ukoll tal-Artikoli 20, 21 u 51 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Antonio Miravitlles Ciurana, Alberto Marina Lorente, Jorge Benito García u Juan Gregorio Benito García minn naħa, u Contimark SA u l-amministratur tagħha, Jordi Socías Gispert, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-irkupru ta’ arretrati ta’ salarji u ta’ allowances oħra li din il-kumpannija ġiet ikkundannata tħallashom.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2009/101

3

Id-Direttiva 2009/101 tħassret bid-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji (ĠU 2017 L 69, p. 46). Fid-data tal-fatti relatati mal-kawża prinċipali, id-Direttiva 2009/101 kienet applikabbli.

4

Il-premessi 1 u 2 tad-Direttiva 2009/101 kienu jiddikjaraw:

“(1)

L-ewwel Direttiva 68/151/KEE tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 1968 dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpaniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti f’kull parti tal-Komunità (ĠU 1968, L 65, p. 8) ġiet emendata kemm-il darba b’mod sostanzjali […] Fl-interess taċ-ċarezza u razzjonalità, l-imsemmija Direttiva għandha tiġi kodifikata.

(2)

Il-koordinazzjoni ta’ disposizzjonijiet nazzjonali dwar l-iżvelar, il-validità ta’ obbligazzjonijiet li jkunu daħlu għalihom il-kumpaniji limitati b’ishma jew li diversament ikollhom responsabbiltà limitata u n-nullità tagħhom hija ta’ importanza speċjali, partikolarment għall-iskop ta’ protezzjoni tal-interessi ta’ terzi.”

5

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva kien jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw żvelar obbligatorju minn kumpaniji msemmija fl-Artikolu 1 tal-inqas tad-dokumenti u d-dettalji li ġejjin:

a)

id-dokument ta’ kostituzzjoni, u l-istatuti jekk huma jinsabu f’dokument separat;

b)

kull emenda għad-dokumenti msemmija f’punt (a), inkluża kull estensjoni ta’ kemm ilha l-kumpanija;

(c)

wara kull emenda tad-dokument ta’ kostituzzjoni jew tal-istatuti, it-test komplet tad-dokument jew statuti kif emendati sal-lum;

d)

il-ħatra, it-tmiem ta’ kariga u d-dettalji tal-persuni li sew bħala korp kostitwit skont liġi u sew bħala membri ta’ kull korp bħal dak:

(i)

huma awtorizzati li jirrappreżentaw il-kumpanija fit-trattattivi ma’ terzi u fi proċedimenti legali; għandu jidher mill-iżvelar sew jekk il-persuni awtorizzati biex jirrappreżentaw il-kumpanija jistgħux jagħmlu hekk waħedhom jew jekk għandhomx jaġixxu konġuntement;

(ii)

jieħdu parti fl-amministrazzjoni, sorveljanza jew kontroll tal-kumpanija.

(e)

għall-inqas darba fis-sena, l-ammont tal-kapital sottoskritt, fejn d-dokument ta’ kostituzzjoni jew l-istatuti jsemmu kapital awtorizzat, kemm-il darba kull żieda fil-kapital sottoskritt teħtieġ emenda tal-istatuti;

(f)

id-dokumenti tal-accounting għal kull sena finanzjarja, li huma meħtieġa li jkunu ppubblikati skont [Ir-Raba’ Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE, tal-25 ta’ Lulju 1978, ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar il-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpanniji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 21), tas-Seba’ Direttiva tal-Kunsill 83/349/KEE, tat-13 ta’ Ġunju 1983, ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar il-kontijiet konsolidati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 58), tad-Direttiva tal-Kunsill 86/635/KEE, tat-8 ta’ Diċembru 1986, dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta’ banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 06, Vol. 1, p. 157) u tad-Direttiva 91/674/KEE tal-Kunsill, tad-19 ta’ Diċembru 1991, dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta’ intrapriżi ta’ l-assigurazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 279)];

(g)

kull trasferiment tas-sede tal-kumpanijia;

(h)

l-istralċ tal-kumpanija;

(i)

kull dikjarazzjoni ta’ nullità tal-kumpanija mill-qrati;

(j)

il-ħatra ta’ stralċjarji, dettalji dwarhom, u s-setgħat rispettivi tagħhom, kemm-il darba dawn is-setgħat huma espressament u esklussivament meħuda minn liġi jew mill-istatuti tal-kumpanija;

(k)

t-terminazzjoni ta’ l-istralċ u, fi Stati Membri meta tħassir mir-reġistru jinvolvi konsegwenzi legali, il-fatt ta’ kull tħassir bħal dak.”

6

Skont l-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva:

“Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi liema persuni għandhom iwettqu l-formalitajiet tal-iżvelar”.

7

L-Artikolu 7 tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu għal penali xierqa tal-anqas fil-każ ta’:

a)

nuqqas ta’ żvelar ta’ dokumenti tal-accounting kif meħtieġ fl-Artikolu 2(f);

b)

ommissjoni minn dokumenti kummerċjali jew minn kull sit elettroniku ta’ kumpannija tal-partikolaritajiet previsti fl-Artikolu 5.”

8

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/101 kien jipprevedi:

“Jekk, qabel kumpanija li qed tiġi ffurmata akkwistat personalità legali, twettqet azzjoni f’isimha u l-kumpanija ma tassumix l-obbligi li joħorġu minn dik l-azzjoni, il-persuni li aġixxew għandhom, mingħajr limitu, ikunu responsabbli għalihom flimkien u separatament, kemm-il darba mhux miftiehem xort’oħra.”

Id-Direttiva 2012/30

9

Id-Direttiva 2012/30 tħassret ukoll bid-Direttiva 2017/1132. Fid-data tal-fatti relatati mal-kawża prinċipali, id-Direttiva 2012/30 kienet applikabbli.

10

Il-premessa 3 tad-Direttiva 2012/30 kienet tiddikjara:

“Sabiex tiġi assigurata protezzjoni minima ekwivalenti kemm għal azzjonisti u kemm għal kredituri ta’ kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata, l-koordinazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jirreferu għall-formazzjoni tagħhom u għaż-żamma, żieda jew tnaqqis tal-kapital tagħhom hija partikolarment importanti.”

11

L-Artikolu 19 ta’ din id-direttiva kien jipprovdi:

“1.   Fi-każ ta’ telf serju tal-kapital sottoskrtitt, laqgħa ġenerali ta’ l-azzjonisti għandha tissejjaħ fil-perjodu speċifikat mil-liġijiet ta’ l-Istati Membri, biex jiġi kunsidrat jekk il-kumpannija għandhiex tiġi stralċjata jew għandhomx jittieħdu xi miżuri oħra.

2.   L-ammont ta’ telf meqjus serju fis-sens ta’ paragrafu 1 ma jistax jiġi stabbilit mil-liġijiet ta’ Stati Membri f’ċifra ogħla minn nofs il-kapital sottoskritt.”

12

Skont l-Artikolu 36 tal-imsemmija direttiva:

“1.   Fil-każ ta’ tnaqqis fil-kapital sottoskritt, għall-inqas il-kredituri li t-talbiet tagħhom kienu saru qabel il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni biex issir tnaqqis għandhom mill-inqas ikollhom id-dritt li jakkwistaw garanzija għat-talbiet li ma jkunux dovuti sad-data tal-pubblikazzjoni. L-Istati Membri jistgħu ma jwarbux tali dritt sakemm il-kreditur ikollu salwagwardji adegwati, jew sakemm tali salvagwardji ma jkunux neċessarji meta jitqiesu l-assi tal-kumpannija.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kondizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt imsemmi taħt l-ewwel subparagrafu. Fi kwalunkwe każ, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-kredituri huma awtorizzati li japplikaw lill-awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja kompetenti għal salvagwardji adegwati sabiex huma jistgħu juru b’mod kredibli li minħabba t-tnaqqis fil-kapital sottoskritt is-sodisfazzjon tat-talbiet tagħhom huwa pperikolat u li l-kumpannija ma tagħhomx salvagwardji adegwati.

2.   Il-liġijiet ta’ l-Istati Membri għandhom jistipulaw ukoll għall-anqas li t-tnaqqis għandu jkun null, jew li ma jista’ jsir ebda ħlas għall-benefiċċju ta’ l-azzjonisti, sakemm il-kredituri jkunu kisbu sodisfazzjon jew xi qorti ddeċidiet li l-applikazzjoni tagħhom ma għandhiex tiġi milqugħha.

3.   Dan l-Artikolu għandu japplika meta t-tnaqqis fil-kapital sottoskritt iseħħ bir-rinunzja totali jew parzjali tal-ħlas tal-bilanċ tal-kontribuzzjonijiet ta’ l-azzjonisti.”

Id-dritt Spanjol

13

L-Artikolu 236 tal-Ley de Sociedades de Capital (Liġi dwar il-Kumpanniji b’Kapital Azzjonarju), approvat permezz tar-Real Decreto Legislativo 1/2010 (Digriet Leġiżlattiv Irjali Nru 1/2010), tat-2 ta’ Lulju 2010 (iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-kumpanniji” intitolat “Każijiet ta’ responsabbiltà u estensjoni suġġettiva ta’ responsabbiltà”, jipprovdi:

“1.   L-amministraturi huma responsabbli fir-rigward tal-kumpannija, tas-soċji u tal-kredituri tal-kumpannija għad-danni li huma jikkawżaw bl-azzjonijiet jew bin-nuqqasijiet tagħhom li jmorru kontra l-liġi jew l-istatuti, jew li jirriżultaw mill-ksur tal-obbligi inerenti għall-funzjoni tagħhom. […]

2.   L-adozzjoni, l-awtorizzazzjoni jew ir-ratifika tal-att jew tal-ftehim dannuż mil-laqgħa ġenerali bl-ebda mod ma teżenta lill-amministraturi mir-responsabbiltà tagħhom.

[…]”

14

Skont l-Artikolu 237 ta’ din il-liġi, intitolat “Solidarjetà”:

“Il-membri kollha tal-korp ta’ amministrazzjoni li jressqu jew jadottaw l-att dannuż huma responsabbli in solidum, sakemm ma jurux li ma kinux jafu bl-eżistenza billi ma intervjenewx la fl-adozzjoni u lanqas fl-eżekuzzjoni tiegħu, jew jekk kienu jafu, huma aġixxew kif kien jaqbel li jsir biex jipprevjenu d-dannu jew jekk tal-inqas huma kkontestawh espressament.”

15

L-Artikolu 238(1) tal-imsemmija liġi, intitolat “Azzjoni għal responsabbiltà in solidum” huwa redatt kif ġej:

“Il-kumpannija tista’ tippreżenta l-azzjoni għal responsabbiltà kontra l-amministraturi bil-kunsens minn qabel tal-laqgħa ġenerali, li jista’ jkun suġġett għal vot fuq talba ta’ kull soċju. […]”

16

L-Artikolu 241 ta’ din l-istess liġi, intitolat “Azzjoni għal responsabbiltà individwali”, jipprevedi:

“L-azzjonarji u terzi li l-interessi tagħhom huma direttament milquta bl-atti tal-amministraturi għandhom id-dritt li jeżerċitaw l-azzjonijiet għall-kumpens tagħhom rispettivi.”

17

L-Artikolu 362 tal-liġi dwar il-kumpanniji, intitolat “Stralċ minħabba konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ kawża legali jew statutorja”, jipprovdi:

“Il-kumpanniji ta’ kapital azzjonarju jkunu stralċjati meta l-eżistenza ta’ kawża legali jew statutorja ta’ stralċ tkun debitament ikkonstatata mil-laqgħa ġenerali jew b’sentenza ġudizzjarja.”

18

Skont l-Artikolu 363(1) ta’ din il-liġi, intitolat “Kawżi ta’ stralċ”:

“Il-kumpannija ta’ kapital azzjonarju tiġi stralċjata:

(a)

Bit-terminazzjoni tal-attivitajiet li jikkostitwixxu l-għan tal-kumpannija. It-terminazzjoni tal-attivitajiet hija preżunta wara perijodu ta’ inattività ta’ iktar minn sena.

[…]

(e)

Meta jkun hemm telf li jnaqqas il-patrimonju nett għal ammont inqas min-nofs tal-kapital azzjonarju, sakemm dan ma jkunx żdied jew tnaqqas b’mod suffiċjenti u sakemm ma jkunx hemm lok li jintalab il-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza.

[…]”

19

L-Artikolu 365(1) tal-imsemmija liġi intitolat “Obbligu ta’ konvokazzjoni” jipprovdi:

“L-amministraturi għandhom isejħu l-laqgħa ġenerali fi żmien xahrejn għall-votazzjoni tal-istralċ, jew jekk il-kumpannija tkun insolventi, sabiex tiftaħ proċedura ta’ insolvenza.

[…]”

20

L-Artikolu 367(1) tal-istess liġi, intitolat “Responsabbiltà in solidum tal-amministraturi” jistabbilixxi:

“L-amministraturi huma responsabbli in solidum tal-obbligi li tagħmel il-kumpannija wara li sseħħ kawża legali ta’ stralċ jekk jonqsu milli jsejħu l-laqgħa ġenerali fit-terminu ta’ xahrejn sabiex din tivvota, jekk ikun hemm lok, dwar l-istralċ jew jekk ma jitolbux l-istralċ ġudizzjarju jew jekk ikun il-każ, il-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza f’terminu ta’ xahrejn, li jibda fid-data prevista għal-laqgħa ġenerali meta din ma tiltaqax jew fid-data ta’ din il-laqgħa ġenerali meta din tivvota kontra l-istralċ.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

21

Contimark hija kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata li għandha bħala amministratur uniku lil J. Socías Gispert. Hija sofriet telf matul is-snin 2012 u 2013 u temmet l-attivitajiet tagħha fit-tieni semestru tal-2013.

22

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma eks impjegati ta’ Contimark, li din il-kumpannija ġiet ikkundannata tħallashom, permezz ta’ sentenzi tal-Juzgado de lo Social de Barcelona (il-Qorti tax-Xogħol ta’ Barcelona, Spanja), arretrati tas-salarji u ta’ allowances wara t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tagħhom f’dan il-kuntest. Minħabba l-insolvenza ta’ Contimark u tal-ammont massimu stabbilit bħala garanzija ta’ salarji, huma ma setgħux jirkupraw il-krediti tagħhom kollha.

23

Fil-kuntest tal-proċedura sussegwenti ineżekuzzjoni ta’ dawn is-sentenzi, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu, quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Juzgado de lo Social n. 30 de Barcelona (il-Qorti tax-Xogħol Nru 30 ta’ Barcelona), b’mod inċidentali, azzjoni ta’ responsabbiltà kontra J. Socías Gispert, fil-kwalità tiegħu ta’ amministratur ta’ Contimark, sabiex jiġi ddikjarat responsabbli minn ksur tal-liġi dwar il-kumpanniji u kodebitur in solidum, ma’ din il-kumpannija, ta’ somom li baqgħu dovuti lilhom. Huma jinvokaw ir-responsabbiltà ta’ J. Socías Gispert talli naqas milli jsejjaħ il-laqgħa ġenerali ta’ Contimark sabiex din tivvota dwar l-istralċ tagħha jew jitlob il-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza, peress li din il-kumpannija kienet sofriet telf serju matul is-snin 2012 u 2013.

24

Il-qorti tar-rinviju tesponi li, skont il-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), hija ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tar-responsabbiltà tal-amministraturi tal-kumpanniji ta’ responsabbiltà limitata. Skont din il-ġurisprudenza, il-persuni intitolati għal krediti salarjali ma jistgħux jadixxu lill-Juzgado de lo Social (il-Qorti tax-Xogħol) b’azzjoni intiża, fl-istess ħin, li ssostni l-krediti tagħhom kontra kumpannija kummerċjali li kienet timpjegahom u li tiddikjara lil amministratur ta’ din tal-aħħar kodebitur in solidum ta’ dawn il-krediti. Kuntrarjament għall-kredituri l-oħra ta’ din il-kumpannija, dawn għandhom, fl-ewwel lok, jadixxu lill-Juzgado de lo Social (il-Qorti tax-Xogħol) sabiex il-kreditu tagħhom jiġi rrikonoxxut, imbagħad, fit-tieni lok, lill-qorti ċivili jew kummerċjali kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni ta’ azzjoni għal responsabbiltà in solidum kontra l-amministratur tal-imsemmija kumpannija.

25

Il-qorti tar-rinviju żżid li l-liġi dwar il-kumpanniji tipprevedi r-responsabbiltà tal-amministraturi fil-każ ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2009/101 u 2012/30. B’mod iktar partikolari, l-Artikolu 367 ta’ din il-liġi, dwar ir-responsabbiltà in solidum tal-amministraturi, hija intiża biex tittrasponi fid-dritt intern l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2012/30. Għalhekk, din il-qorti tqis li l-imsemmija responsabbiltà taqa’ taħt dawn id-direttivi u tikkunsidra li l-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tista’ tmur kontra l-imsemmija direttivi, moqrija fid-dawl tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni stabbiliti fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta, billi timponi fuq kredituri li l-kreditu tagħhom jirriżulta minn kuntratt ta’ xogħol, fir-rigward tad-dritt li jeżerċitaw tali azzjoni għal responsabbiltà, li jadixxu qorti differenti minn dik kompetenti li tieħu konjizzjoni tal-kreditu tagħhom.

26

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de lo Social no 30 de Barcelona (il-Qorti tax-Xogħol Nru 30 ta’ Barcelona) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Id-Direttivi 2009/101 u 2012/30 u inter alia, l-Artikoli 236, 237, 238, 241 u 367 tal-Ley de Sociedades de Capital (Liġi dwar il-Kumpanniji b’Kapital Azzjonarju), li jiżguraw it-traspożizzjoni ta’ dawn id-direttivi fid-dritt Spanjol, jagħtu lil kreditur ta’ kumpannija kummerċjali, li jitlob quddiem il-qrati Spanjoli kompetenti, jiġifieri l-qrati tal-kumpanniji, il-ħlas tal-kreditu tiegħu li jirriżulta minn kuntratt ta’ xogħol, id-dritt li jeżerċita b’mod simultanju u kumulattiv quddiem l-istess qorti, l-azzjoni diretta kontra l-impriża bil-ħsieb li jiġi rrikonoxxut id-dejn li jirriżulta minn kuntratt ta’ xogħol u l-azzjoni kontra l-persuna fiżika, jiġifieri l-amministratur tal-kumpannija, fil-kwalità tiegħu ta’ kodebitur in solidum tad-djun tal-kumpannija minħabba nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi ta’ natura kummerċjali previsti f’dawn id-direttivi u trasposti fil-Ley de Sociedades de Capital (Liġi dwar il-Kumpanniji b’Kapital Azzjonarju) Spanjola?

2)

L-Artikoli 2, 6, 7 u 8 tad-Direttiva 2009/101 u l-Artikoli 19 u 36 tad-Direttiva 2012/30 huma kompatibbli mal-ġurisprudenza żviluppata mit-taqsima tal-kawżi marbuta mal-kumpanniji tat-Tribunal Supremo (Qorti Suprema, Spanja) […], li tistabbilixxi li, fil-qasam tal-krediti li jirriżultaw minn kuntratt ta’ xogħol, il-qrati Spanjoli tal-kumpanniji ma jistgħux japplikaw direttament il-garanziji stabbiliti favur kredituri ta’ kumpanniji kummerċjali mid-Direttivi 2009/101 u 2012/30 u inter alia, mill-Artikoli 236, 237, 238, 241 u 367 tal-Ley de Sociedades de Capital, li jiżguraw it-traspożizzjoni ta’ dawn id-direttivi fid-dritt Spanjol, f’każijiet fejn l-ogħla persuni responsabbli għal dawn il-kumpanniji, li huma persuni fiżiċi, jiksru r-rekwiżiti formali tal-pubblikazzjoni tal-atti essenzjali tal-kumpannija previsti fid-Direttivi 2009/101 u 2012/30 u trasposti fil-Ley de Sociedades de Capital (Liġi dwar il-Kumpanniji b’Kapital Azzjonarju) Spanjola?

3)

L-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, moqrija flimkien mal-Artikolu 51 tagħha, huma kompatibbli mal-ġurisprudenza żviluppata mit-taqsima tal-kawżi marbuta mal-kumpanniji tat-Tribunal Supremo (Qorti Suprema, Spanja) […], li tobbliga lid-detentur ta’ kreditu, li jirriżulta minn kuntratt ta’ xogħol, li jkun ħaddiem impjegat, li jibda żewġ proċeduri ġudizzjarji, fl-ewwel lok quddiem il-qorti tal-kumpanniji kontra l-impriża sabiex jikseb ir-rikonoxximent tal-kreditu tiegħu li jirriżulta minn kuntratt ta’ xogħol, u sussegwentement quddiem il-qrati ċivili jew kummerċjali bil-għan li tiġi kkonstatata r-responsabbiltà in solidum tal-amministratur tal-kumpannija jew ta’ persuni fiżiċi oħra, u dan meta la d-Direttiva 2009/101, la d-Direttiva 2012/30, u lanqas id-dispożizzjonijiet interni li jittrasponu dawn id-direttivi, ma jipprevedu l-istess rekwiżit għal xi tip ieħor ta’ kreditur, indipendentement min-natura tal-kreditu tiegħu?”

Fuq id-domandi preliminari

27

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment, jekk id-Direttiva 2009/101, u b’mod partikolari l-Artikoli 2 u 6 sa 8 tagħha, kif ukoll id-Direttiva 2012/30, u b’mod partikolari l-Artikoli 19 u 36 tagħha, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jikkonferixxu fuq l-impjegati, kredituri ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata abbażi tal-ksur tal-kuntratt ta’ xogħol tagħhom, id-dritt li jeżerċitaw, quddiem l-istess qorti tax-xogħol bħal dik li għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-azzjoni tagħhom intiża sabiex jiġi rrikonoxxut il-kreditu salarjali tagħhom, azzjoni ta’ responsabbiltà kontra l-amministratur ta’ din il-kumpannija, peress li naqas milli jsejjaħ laqgħa ġenerali ta’ din minkejja t-telf serju li din sofriet, sabiex dan l-amministratur jiġi ddikjarat kodebitur in solidum tal-imsemmi kreditu salarjali.

28

Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju tinsab adita b’azzjoni għal responsabbiltà kontra l-amministratur ta’ Contimark, għaliex naqas milli jwettaq l-obbligu li jsejjaħ laqgħa ġenerali minkejja t-telf serju li sofriet, abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar il-kumpanniji, fejn l-Artikolu 367 ta’ din, li jippermetti lill-kredituri, skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju, li jinvokaw din ir-responsabbiltà.

29

F’dan ir-rigward, mill-premessi 1 u 2 tad-Direttiva 2009/101 jirriżulta li din tal-aħħar għandha t-tendenza li tikkoordina d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar ir-reklamar, il-validità tal-impenji tal-kumpanniji permezz ta’ azzjonijiet u tal-kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata u n-nullità ta’ dawn. Fir-rigward tad-Direttiva 2012/30, skont il-premessa 3 tagħha, din hija intiża sabiex tiżgura protezzjoni minima ekwivalenti kemm għall-azzjonisti kif ukoll għall-kredituri ta’ kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata. Għal dan il-għan, din id-direttiva tarmonizza d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-kostituzzjoni, kif ukoll dwar iż-żamma, iż-żieda u t-tnaqqis tal-kapital tal-imsemmija kumpanniji (ara, dwar id-Direttiva 2012/30, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 86).

30

Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ dawn id-direttivi li tagħmel riferiment għalihom il-qorti tar-rinviju, l-Artikoli 2, 6 u 7 tad-Direttiva 2009/101 jipprevedu l-obbligi tal-Istati Membri fir-rigward tal-formalitajiet tar-reklamar dwar il-kumpanniji u l-Artikolu 8 tagħha jirrigwarda l-atti mwettqa f’isem kumpannija li qed tiġi ffurmata. Barra minn hekk, dawn id-dispożizzjonijiet, bħad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din id-direttiva, ma jipprevedu la obbligu li tissejjaħ laqgħa ġenerali ta’ kumpannija kummerċjali fil-każ ta’ telf serju subit minn din, la dritt tal-kredituri li jimponu r-responsabbiltà tal-amministratur f’każ bħal dan, u lanqas ta’ dispożizzjonijiet proċedurali f’dan ir-rigward. Għalhekk, manifestament ma għandhom l-ebda rabta mal-fatti relatati mal-kawża prinċipali. Dan huwa l-istess għall-Artikolu 36 tad-Direttiva 2012/30 li jirregola biss id-dritt tal-kredituri li jiksbu garanzija fil-każ tat-tnaqqis tal-kapital sottoskritt.

31

Fir-rigward tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2012/30, kif ukoll tad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din id-direttiva, dan ma jittrattax ir-responsabbiltà tal-amministraturi u ma jimponix rekwiżiti partikolari fir-rigward tal-kompetenza tal-qrati biex jieħdu konjizzjoni tagħhom. Ċertament, dan l-artikolu jipprevedi obbligu li tissejjaħ laqgħa ġenerali tal-kumpannija fil-każ ta’ telf serju tal-kapital sottoskritt. Madankollu, l-imsemmi artikolu jillimita ruħu li jiddikjara dan l-obbligu, mingħajr ma jispeċifika l-kundizzjonijiet l-oħra li joħolquh, bħal, b’mod partikolari, il-korp tal-kumpannija li għandu dan l-obbligu. Fuq kollox, l-imsemmi artikolu ma jipprevedix il-konsegwenzi eventwali ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-imsemmi obbligu.

32

Għalhekk, l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2012/30 ma jeżiġix id-dritt għal kumpens kontra l-amministratur ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata u lanqas regoli dwar il-modalitajiet materjali u proċedurali tal-impenn tar-responsabbiltà ta’ din tal-aħħar, fil-każ ta’ nuqqas ta’ sejħa ta’ laqgħa ġenerali minkejja telf serju tal-kapital sottoskritt.

33

Il-kwistjoni li wieħed ikun jaf jekk, u f’liema kundizzjonijiet materjali kif ukoll proċedurali, il-kredituri ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata jistgħu eventwalment jaġixxu fuq responsabbiltà kontra l-amministratur sabiex jiksbu kumpens għad-dannu tagħhom, meta l-laqgħa ġenerali ma ġietx imsejħa f’każ ta’ telf serju tal-kapital sottoskritt, hija għaldaqstant, irregolata mid-drittijiet nazzjonali.

34

Peress li l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2012/30 ma jimponi l-ebda obbligu speċifiku fuq l-Istati Membri f’dan ir-rigward, is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Julián Hernández et, C‑198/13, EU:C:2014:2055, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li d-Direttiva 2009/101, u b’mod partikolari l-Artikoli 2 u 6 sa 8 tagħha, kif ukoll id-Direttiva 2012/30, u b’mod partikolari l-Artikoli 19 u 36 tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jikkonferixxux fuq l-impjegati, kredituri ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata abbażi tal-ksur tal-kuntratt ta’ xogħol tagħhom, id-dritt li jeżerċitaw, quddiem l-istess qorti tax-xogħol bħal dik li għandha l-kompetenza sabiex tieħu konjizzjoni tal-azzjoni tagħhom intiża sabiex jiġi rrikonoxxut il-kreditu salarjali tagħhom, azzjoni ta’ responsabbiltà kontra l-amministratur ta’ din il-kumpannija, peress li naqas milli jsejjaħ laqgħa ġenerali ta’ din minkejja t-telf serju li din sofriet, sabiex jaraw li dan l-amministratur jiġi ddikjarat kodebitur in solidum tal-imsemmi kreditu salarjali.

Fuq l-ispejjeż

36

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-Direttiva 2009/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpaniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 48 [KE], bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti, u b’mod partikolari l-Artikoli 2 6 u 8 tagħha, kif ukoll id-Direttiva 2012/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpaniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 54 TFUE, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti, fir-rigward ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata kif ukoll iż-żamma ta’ tibdil tal-kapital tagħha u b’mod partikolari l-Artikoli 19 u 36 tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jikkonferixxux fuq l-impjegati, kredituri ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata abbażi tal-ksur tal-kuntratt ta’ xogħol tagħhom, id-dritt li jeżerċitaw, quddiem l-istess qorti tax-xogħol bħal dik li għandha l-kompetenza sabiex tieħu konjizzjoni tal-azzjoni tagħhom intiża sabiex jiġi rrikonoxxut il-kreditu salarjali tagħhom, azzjoni ta’ responsabbiltà kontra l-amministratur ta’ din il-kumpannija, peress li naqas milli jsejjaħ laqgħa ġenerali ta’ din minkejja t-telf serju li din sofriet, sabiex jaraw li dan l-amministratur jiġi ddikjarat kodebitur in solidum tal-imsemmi kreditu salarjali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Fuq