Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62016CJ0427

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-23 ta’ Novembru 2017.
"CHEZ Elektro Bulgaria" AD vs Yordan Kotsev u "FrontEx International" EAD vs u Emil Yanakiev.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sofiyski rayonen sad.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Libertà li jiġu provduti servizzi – Iffissar minn organizzazzjoni professjonali ta’ avukati tal-ammonti minimi ta’ onorarji – Projbizzjoni għal qorti li tordna r-rimbors ta’ ammont ta’ onorarji inqas minn dawn l-ammonti minimi – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkunsidra t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) bħala parti mill-prezz ta’ servizz ipprovdut fl-eżerċizzju ta’ professjoni liberali.
Kawżi magħquda C-427/16 u C-428/16.

Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2017:890

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

23 ta’ Novembru 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Iffissar minn organizzazzjoni professjonali ta’ avukati tal-ammonti minimi ta’ onorarji – Projbizzjoni għal qorti li tordna r-rimbors ta’ ammont ta’ onorarji inqas minn dawn l-ammonti minimi – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkunsidra t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) bħala parti mill-prezz ta’ servizz ipprovdut fl-eżerċizzju ta’ professjoni liberali”

Fil-Kawżi magħquda C‑427/16 u C‑428/16,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sofiyski rayonen sad (qorti distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjonijiet tas-26 ta’ April 2016, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ Awwissu 2016, fil-proċeduri

“CHEZ Elektro Bulgaria” AD

vs

Yordan Kotsev (C‑427/16),

u

“FrontEx International” EAD

vs

Emil Yanakiev (C‑428/16),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, C. G. Fernlund, J.‑C. Bonichot, S. Rodin (Relatur) u E. Regan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-1 ta’ Ġunju 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal “CHEZ Elektro Bulgaria” AD, minn K. Kral u K. Stoyanova, bħala aġenti,

għal “FrontEx International” EAD, minn A. Grilihes, bħala aġent,

għall-Gvern Ċiprijott, minn D. Kalli, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Malferrari, I. Zaloguin u P. Mihaylova, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 56(1) u tal-Artikolu 101(1) TFUE, kif ukoll tad-Direttiva tal-Kunsill 77/249/KEE, tat-22 ta’ Marzu 1977, biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju effettiv tal-libertà biex jiġu pprovduti servizzi minn avukati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6 Vol. 1, p. 52), u tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn “CHEZ Elektro Bulgaria” AD u Yordan Kotsev (C‑427/16) u “FrontEx International” EAD u Emil Yanakiev (C‑428/16), dwar talbiet ta’ ordnijiet għal ħlas li jirrigwardaw, b’mod partikolari, ir-rimbors tal-onorarji ta’ avukat u r-remunerazzjoni ta’ konsulent legali.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 78 tad-Direttiva 2006/112 jipprevedi:

“L-ammont taxxabbli għandu jinkludi l-fatturi li ġejjin:

(a)

taxxi, dazji, imposti u piżijiet, minbarra [it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT)] innifisha;

[…]”

4

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 77/249:

“Din id-Direttiva għandha tapplika, fil-limiti u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fiha, għall-attivitajiet ta’ l-avukati mwettqa permezz tal-provvediment tas-servizzi.”

Id-dritt Bulgaru

5

L-Artikolu 78 tal-Grazhdanski protsesualen kodeks (kodiċi ta’ proċedura ċivili, iktar ’il quddiem il-“GPK”) jiddisponi:

“1.   It-tariffi mħallsa mir-rikorrent, l-ispejjeż u l-onorarji ta’ avukat, jekk ikun ġie mqabbad wieħed, għandhom jiġu sostnuti mill-konvenut proporzjonatament sa fejn tkun intlaqgħet it-talba.

[…]

5.   Jekk l-onorarji tal-avukat imħallsa mill-parti jkunu eċċessivi fid-dawl tal-kumplessità legali u fattwali reali tal-kawża, il-qorti tista’, fuq talba tal-parti l-oħra, tordna r-rimbors ta’ ammont inqas bħala spejjeż għal dak li jirrigwarda din il-parti tal-ispejjeż, sakemm dan l-ammont ma jaqax taħt il-livell minimu stabbilit skont l-Artikolu 36 [taż-Zakon za advokaturata (liġi dwar l-avukatura)].

[…]

8.   Il-persuni ġuridiċi u n-negozjanti indipendenti jibbenefikaw ukoll minn rimbors tar-remunerazzjoni tal-avukat, ordnat mill-qorti, jekk ikunu ġew difiżi minn konsulent legali.”

6

Skont l-Artikolu 36(1) u (2) tal-liġi dwar l-avukatura:

“1.   L-avukat jew l-avukat ta’ Stat Membru tal-Unjoni huwa intitolat għal remunerazzjoni għax-xogħol tiegħu.

2.   L-ammont tar-remunerazzjoni huwa ddeterminat minn ftehim konkluż bejn l-avukat jew l-avukat ta’ Stat Membru tal-Unjoni u l-klijent. Dan l-ammont għandu jkun ġust u ġġustifikat u ma jistax ikun inqas mill-ammont previst mir-regolament adottat mill-Vissh advokatski savet [(kunsill suprem tal-avukatura, il-Bulgarija)] għat-tip ta’ servizz ikkonċernat.”

7

L-Artikolu 118(3) ta’ din il-liġi jipprevedi:

“Jistgħu jiġu eletti bħala membri tal-kunsill suprem tal-avukatura, dawk il-membri tal-avukatura li jkollhom tal-inqas ħmistax-il sena esperjenza professjonali bħala avukat.”

8

L-Artikolu 121(1) tal-imsemmija liġi jiddisponi:

“Il-kunsill suprem tal-avukatura jadotta r-regolamenti previsti mil-liġi u mill-kodiċi ta’ etika tal-avukati.”

9

Skont l-Artikolu 132 tal-istess liġi:

“Jikkostitwixxi ksur dixxiplinari, in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw minn din il-liġi u mill-kodiċi ta’ etika tal-avukati, mir-regolamenti u mid-deċiżjonijiet tal-kunsill suprem tal-avukatura u mid-deċiżjonijiet tal-kunsilli tal-avukatura u tal-laqgħat ġenerali, kif ukoll:

[…]

5)

in-negozjar ta’ remunerazzjoni minn klijenti li hija inqas minn dik prevista mir-regolament adottat mill-kunsill suprem tal-avukatura għat-tip ta servizz ikkonċernat, minbarra fil-każ fejn tali possibbiltà hija prevista minn din il-liġi u mir-regolament.”

10

L-Artikolu 1 tan-Naredba no 1 za minimalnite razmeri na advokatskite vaznagrazhdenia (Regolament Nru 1 dwar l-onorarji minimi tal-avukati, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1” jipprevedi:

“L-ammont tar-remunerazzjoni għal assistenza legali pprovduta minn avukat huwa miftiehem b’mod liberu abbażi ta’ ftehim bil-miktub mal-klijent, iżda dan ma jistax ikun inqas mill-ammont minimu stabbilit minn dan ir-regolament għat-tip ta’ assistenza kkonċernata.”

11

Mill-Artikolu 7(5) tar-Regolament Nru 1, moqri flimkien mal-punt 1(2) ta’ dan ir-regolament, jirriżulta li fir-rigward ta’ kawżi bħal dawk fil-kawża prinċipali, dan l-ammont minimu tal-onorarji jammonta għal 300 leva Bulgari (BGN) (madwar EUR 154).

12

L-Artikolu 2a tad-dispożizzjonijiet addizzjonali tal-imsemmi regolament jgħid:

“L-ammont ta’ onorarji tal-avukati li ma humiex irreġistrati għall-finijiet [taż-Zakon za danak varhu dobavenata stoynost (liġi dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud)] ma jinkludix it-taxxa fuq il-valur miżjud, filwaqt li, fir-rigward tal-avukati li huma rreġistrati, it-taxxa fuq il-valur miżjud dovuta hija kkalkolata fuq l-onorarji ffissati skont dan ir-regolament u titqies li hija parti integrali mill-onorarji tal-avukat dovuti mill-klijent.”

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

Kawża C -427/16

13

CHEZ Elektro Bulgaria ressqet quddiem il-qorti tar-rinviju rikors għal ordni għal ħlas, u talbet li Y. Kotsev jiġi kkundannat iħallasha, b’mod partikolari, is-somma ta’ BGN 60 bħala onorarji tal-avukat.

14

Peress li din l-aħħar somma hija inqas mill-ammont minimu previst mir-Regolament Nru 1, il-qorti tar-rinviju tfakkar li n-negozjar ta’ remunerazzjoni inqas minn dik prevista mill-imsemmi regolament jikkostitwixxi ksur dixxiplinari skont il-liġi tal-avukatura. Għalkemm huwa minnu li, fil-każ fejn l-onorarji tal-avukat ikunu eċċessivi fid-dawl tal-kumplessità legali u fattwali reali tal-kawża, il-qrati bulgari jistgħu jordnaw ir-rimbors ta’ ammont inqas bħala spejjeż f’dak li jirrigwarda din il-parti tal-ispejjeż, dan l-ammont ma jistax ikun inqas mill-ammont minimu.

15

Il-qorti tar-rinviju tindika li l-Kawża C‑427/16 hija differenti minn dik li tat lok għas-sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et (C‑94/04 u C‑202/04, EU:C:2006:758), kif ukoll tad-19 ta Frar 2002, Arduino (C‑35/99, EU:C:2002:97). Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni Bulgara tawtorizza lill-kunsill suprem tal-avukatura, li l-membri tiegħu huma kollha avukati eletti mill-kollegi tagħhom, jiffissa l-onorarji minimi fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kontroll tal-awtoritajiet pubbliċi.

16

Il-qorti tar-rinviju tispeċifika f’dan ir-rigward li l-kunsill suprem tal-avukatura jaġixxi bħala assoċjazzjoni ta’ impriżi.

17

Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju żżid li, skont l-Artikolu 2a tad-dispożizzjonijiet addizzjonali tar-Regolament Nru 1, l-ammont ta’ onorarji tal-avukati li ma humiex irreġistrati għall-finijiet tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud ma jinkludix il-VAT. Fir-rigward tal-avukati rreġistrati, il-VAT dovuta hija kkalkolata fuq l-onorarji u titqies bħala parti integrali tal-onorarji dovuti mill-klijent, li jiżdiedu għalhekk bir-rata tal-VAT ta’ 20 %. Il-konsegwenza ta’ din l-inklużjoni tal-VAT hija li l-onorarji għandhom jerġgħu jkunu suġġetti għal din ir-rata ta’ taxxa, peress li l-valur taxxabbli hija emendata. Il-qorti tar-rinviju tqis li l-Artikolu 2a tad-dispożizzjonijiet addizzjonali tar-Regolament Nru 1 tħawwad il-kunċetti ta’ “prezz” tas-servizz u ta’ “taxxa” fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2006/112. Fl-opinjoni tagħha, dawn iż-żewġ kunċetti ma għandhom la l-istess bażi u lanqas l-istess destinatarju.

Kawża C‑428/16

18

Permezz ta’ rikors għal ordni għal ħlas, FrontEx International talbet lill-qorti tar-rinviju sabiex E. Yanakiev jiġi kkundannat iħallasha, b’mod partikolari, BGN 200 bħala remunerazzjoni ta’ konsulent legali impjegat.

19

Is-somma mitluba hija inqas mill-ammont minimu ta’ BGN 300, prevista mir-Regolament Nru 1.

20

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-persuni li jimpjegaw konsulenti legali jeżerċitaw attività li tikkompeti mal-attività ta’ avukat. Għaldaqstant, tqum il-kwistjoni tal-konformità tad-dispożizzjoni tal-GPK li tiggarantixxi lill-konsulenti legali d-dritt għal remunerazzjoni ta’ avukat mad-Direttiva 77/249 kif ukoll mal-Artikolu 101(1) TFUE.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sofiyski rayonen sad (qorti distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, li huma identiċi fiż-żewġ kawżi:

“1.

L-Artikolu 101(1) TFUE (projbizzjoni fuq il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni) huwa inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 36(2) [tal-liġi dwar l-avukatura], li jistabbilixxu li assoċjazzjoni ta’ impriżi ta’ professjonijiet liberali (kunsill suprem tal-avukatura) għandha s-setgħa diskrezzjonali li tiffissa minn qabel il-prezzijiet minimi previsti għas-servizzi pprovduti minn dawn l-impriżi (onorarji tal-avukati) fuq il-bażi tad-delega mogħtija lilha mill-Istat?

2.

Fil-każ li t-tweġiba għall-ewwel domanda tkun fl-affermativ: [l-Artikolu] 78(5) in fine tal-[GPK] (sa fejn din id-dispożizzjoni ma tippermettix it-tnaqqis tal-onorarji tal-avukat li jkun inqas minn ammont minimu speċifiku) imorru kontra l-Artikolu 101(1) TFUE?

3.

Fil-każ li t-tweġiba għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv: [l-Artikolu] 132(5) [tal-liġi dwar l-avukatura] [dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 136(1) tal-istess liġi] imorru kontra l-Artikolu 101(1) TFUE?

4.

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 36(2) [tal-liġi dwar l-avukatura] imorru kontra l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 TFUE (projbizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi)?

5.

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 78(8) tal-[GPK] imorru kontra l-Artikolu 101(1) TFUE?

6.

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 78(8) tal-[GPK] imorru kontra d-Direttiva [77/249] (fir-rigward tad-dritt ta’ dawn l-impriżi li jitolbu għall-onorarji tal-avukat għal rappreżentazzjoni mill-konsulenti legali tagħhom)?

7.

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2a [tar-Regolament Nru 1], imorru kontra d-Direttiva [2006/112] li tippermetti li l-[VAT] tiġi kkunsidrata bħala parti mill-prezz tas-servizzi pprovduti fl-eżerċizzju ta’ prestazzjoni professjonali (fir-rigward tal-inklużjoni tal-[VAT] bħala parti mill-onorarji tal-avukat li huma dovuti)?”

22

Permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Settembru 2016, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ordna li l-Kawżi C‑427/16 u C‑428/16 jiġu magħquda għall-finijiet tal-proċeduri bil-miktub u orali u kif ukoll tas-sentenza.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

23

Il-Kummissjoni Ewropea tqajjem il-kwistjoni tal-ammissibilità tal-ewwel sas-sitt domandi preliminari.

24

Il-Kummissjoni tosserva li l-qorti ma għandhiex kompetenza tadotta ordni għal ħlas fir-rigward ta’ ammont ogħla minn dak effettivament imħallas. Barra minn hekk, hija ssostni li l-fatt li n-negozjar ta’ remunerazzjoni inqas mill-ammont minimu previst mir-Regolament Nru 1 jikkostitwixxi ksur dixxiplinari ma jirrappreżentax, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, bażi valida sabiex tintalab interpretazzjoni permezz ta’ domanda preliminari.

25

F’dan ir-rigward, għandha titwettaq distinzjoni bejn, minn naħa, l-ammissibilità tal-ewwel sat-tielet, tal-ħames u tas-sitt domandi preliminari u, min-naħa l-oħra, l-ammissibilità tar-raba’ domanda preliminari.

26

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ewwel sat-tielet, tal-ħames u tas-sitt domandi preliminari, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq il-kawża u li trid tieħu r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed, li għandha tevalwa, fir-rigward taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Persidera, C‑112/16, EU:C:2017:597, point 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Minn dan isegwi li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija għandha r-responsabbiltà li tiddefinixxi, u li ma huwiex kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddefinixxi l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq domanda mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Persidera, C‑112/16, EU:C:2017:597, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

F’dan il-każ, mid-domandi preliminari jirriżulta li l-onorarji tal-avukat u r-remunerazzjoni tal-konsulent legali huma parti mill-ispejjeż tal-kawżi li l-qorti tar-rinviju għandha tiddeċiedi dwarhom.

29

Għaldaqstant, ma jidhirx manifestament li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandhiex x’taqsam mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawżi prinċipali u li l-problema hija ta’ natura ipotetika.

30

Barra minn hekk, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali, peress li tali interpretazzjoni taqa’ fil-fatt taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati nazzjonali (sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2017, Online Games et, C‑685/15, EU:C:2017:452, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

31

Għalhekk, il-kwistjoni dwar jekk il-qorti tar-rinviju tistax tadotta ordni għal ħlas fir-rigward ta’ ammont ta’ remunerazzjoni ogħla minn dak effettivament imħallas hija kwistjoni ta’ dritt nazzjonali li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex kompetenti sabiex tiddeċiedi dwarha u li l-evalwazzjoni tagħha għandha ssir biss mill-qorti nazzjonali li quddiemha tressqu l-kawżi prinċipali.

32

Konsegwentment, l-ewwel sat-tielet, il-ħames u s-sitt domandi preliminari huma ammissibbli.

33

Fit-tieni lok, fir-rigward tar-raba’ domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 56(1) TFUE jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tippermettix lill-avukat u lil klijent tiegħu milli jilħqu ftehim dwar remunerazzjoni ta’ ammont inqas mill-ammont minimu stabbilit minn regolament adottat minn organizzazzjoni professjonali ta’ avukati, bħall-kunsill suprem tal-avukatura.

34

F’dan ir-rigward, sa fejn id-domanda magħmula tikkonċerna l-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, għandu jiġi rrilevat li dawn ma japplikawx għal sitwazzjoni fejn l-elementi kollha tagħha huma ristretti għal ġewwa Stat Membru wieħed (sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2016, Eurosaneamientos et, C‑532/15 u C‑538/15, EU:C:2016:932, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

35

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-elementi konkreti li jippermettu li tiġi stabbilita rabta bejn l-artikoli tat-Trattat FUE fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u s-suġġett jew iċ-ċirkustanzi ta’ tilwima, li l-elementi kollha tagħha huma ristretti għal ġewwa Stat Membru, għandhom jirriżultaw mid-deċiżjoni tar-rinviju (sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2016, Eurosaneamientos et, C‑532/15 u C‑538/15, EU:C:2016:932, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

36

Konsegwentement, fil-kuntest ta’ sitwazzjoni fejn l-elementi kollha tagħha huma ristretti għal ġewwa Stat Membru wieħed biss, huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tindika lill-Qorti tal-Ġustizzja, konformement mar-rekwiżit tal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif, minkejja n-natura purament interna tagħha, it-tilwima pendenti quddiemha għandha element ta’ konnessjoni mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-libertajiet fundamentali li jrendi l-interpretazzjoni preliminari mitluba neċessarja għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima (sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2016, Eurosaneamientos et, C‑532/15 u C‑538/15, EU:C:2016:932, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

37

F’dan il-każ, mid-domandi preliminari ma jirriżultax li fihom elementi ta’ konnessjoni mal-kawżi prinċipali, kif ukoll mal-partijiet għal dawn il-kawżi jew mal-attivitajiet tagħhom, li ma humiex ristretti ġewwa l-Bulgarija. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ma tindikax kif l-imsemmija kawżi għandhom, minkejja n-natura purament interna tagħhom, element ta’ konnessjoni mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-libertajiet fundamentali li jrendi l-interpretazzjoni preliminari mitluba neċessarja għas-soluzzjoni ta’ dawn l-istess tilwimiet.

38

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li t-talbiet għal deċiżjoni preliminari ma jipprovdux elementi konkreti li jippermettu li jiġi stabbilit li l-Artikolu 56 TFUE jista’ japplika għaċ-ċirkustanzi tal-kawżi prinċipali.

39

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li r-raba’ domanda hija inammissibbli.

Fuq l-ewwel sat-tielet domandi

40

Permezz tal-ewwel sat-tielet domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 101(1) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, minn naħa, ma tippermettix lill-avukat u lil klijent tiegħu milli jilħqu ftehim dwar remunerazzjoni ta’ ammont inqas mill-ammont minimu ffissat minn regolament adottat minn organizzazzjoni professjonali ta’ avukati, bħall-kunsill suprem tal-avukatura, taħt piena għal dan l-avukat ta’ proċeduri dixxiplinari, u, min-naħa l-oħra, ma tawtorizzax lill-qorti sabiex tordna r-rimbors ta’ ammont ta’ onorarji inqas minn dan l-ammont minimu.

41

Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 101 TFUE jikkonċerna biss l-aġir tal-impriżi u ma jirrigwardax miżuri leġiżlattivi jew regolamentari li joħorġu mill-Istati Membri, xorta waħda jibqa’ l-fatt li dan l-artikolu, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, li jistabbilixxi obbligu ta’ kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, jimponi fuq dawn tal-aħħar li ma jadottawx jew ma jżommux fis-seħħ miżuri, anki ta’ natura leġiżlattiva jew regolamentari, li jistgħu jeliminaw l-effett utli tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi (sentenza tal-21 ta’ Settembru 2016, Etablissements Fr. Colruyt, C‑221/15, EU:C:2016:704, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

Ikun hemm ksur tal-Artikolu 101 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, meta Stat Membru jew jimponi jew jiffavorixxi l-konklużjoni ta’ akkordji li jmorru kontra l-Artikolu 101 TFUE jew isaħħaħ l-effetti ta’ tali akkordji, jew ineħħi mil-leġiżlazzjoni tiegħu n-natura pubblika tagħha billi jiddelega lil operaturi privati r-responsabbiltà li jieħdu deċiżjonijiet għal intervent ta’ interess ekonomiku (sentenza tal-21 ta’ Settembru 2016, Etablissements Fr. Colruyt, C‑221/15, EU:C:2016:704, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

Dan ma huwiex il-każ f’sitwazzjoni fejn it-tariffi huma stabbiliti fl-osservanza tal-kriterji ta’ interess pubbliku ddefiniti mil-liġi u li l-awtoritajiet pubbliċi ma jiddelegawx il-prerogattivi tagħhom tal-approvazzjoni jew tal-fissazzjoni tat-tariffi lil operaturi ekonomiċi privati, anki jekk ir-rappreżentanti tal-operaturi ekonomiċi ma humiex f’minoranza fi ħdan kumitat li jipproponi dawn it-tariffi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, API et, C‑184/13 sa C‑187/13, C‑194/13, C‑195/13 u C‑208/13, EU:C:2014:2147, punt 31).

44

Fir-rigward, fl-ewwel lok, il-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali timponix jew tiffavorixxix il-konklużjoni ta’ akkordju bejn operaturi ekonomiċi privati, għandu jiġi rrilevat li l-kunsill suprem tal-avukatura huwa kompost biss minn avukati eletti mill-kollegi tagħhom.

45

It-tariffa stabbilita minn tali organizzazzjoni professjonali tista’, madankollu, ikollha natura pubblika, b’mod partikolari meta l-membri ta’ din l-organizzazzjoni jkunu esperti indipendenti mill-operaturi ekonomiċi kkonċernati u li jkunu obbligati bil-liġi, li jiffissaw it-tariffi billi jieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss l-interessi tal-impriżi jew tal-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi tas-settur li jkunu nnominawhom, imma wkoll l-interess ġenerali u l-interessi tal-impriżi ta’ setturi oħrajn jew tal-utenti tas-servizzi inkwistjoni (sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, API et, C‑184/13 sa C‑187/13, C‑194/13, C‑195/13 u C‑208/13, EU:C:2014:2147, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

46

Sabiex jiġi ggarantit li l-membri ta’ organizzazzjoni professjonali joperaw effettivament fl-osservanza tal-interess ġenerali, il-kriterji ta’ dan l-interess għandhom jiġu ddefiniti mil-liġi b’mod suffiċjentement preċiż u l-kontroll effettiv u s-setgħa deċiżjonali finali tal-Istat huma meħtieġa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, API et, C‑184/13 sa C‑187/13, C‑194/13, C‑195/13 u C‑208/13, EU:C:2014:2147, punt 41).

47

F’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma fiha l-ebda kriterju preċiż li jista’ jiggarantixxi li l-ammonti minimi tar-remunerazzjoni tal-avukat, kif stabbiliti mill-kunsill suprem tal-avukatura, ikunu ġusti u ġġustifikati fl-osservanza tal-interess ġenerali. B’mod partikolari, din il-leġiżlazzjoni ma tipprevedi l-ebda kundizzjoni li tikkorrispondi għall-eżiġenzi fformulati mill-Varhoven administrativen sad (qorti amministrattiva suprema, il-Bulgarija) fis-sentenza tagħha tas-27 ta’ Lulju 2016, relatati, speċifikament, mal-aċċess taċ-ċittadini u tal-persuni ġuridiċi għal għajnuna legali kkwalifikata kif ukoll man-neċessità li jiġi previst kull riskju tad-deterjorazzjoni tal-kwalità tas-servizzi pprovduti.

48

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kwistjoni dwar jekk l-awtoritajiet pubbliċi Bulgari ddelegawx il-kompetenzi tagħhom, fil-qasam ta’ ffissar tal-ammonti minimi tar-remunerazzjoni tal-avukati, lil operaturi privati, mill-atti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-uniku stħarriġ eżerċitat minn awtorità pubblika fuq ir-regolamenti tal-kunsill suprem tal-avukatura li jiffissa dawn l-ammonti minimi huwa dak tal-Varhoven administrativen sad (qorti amministrattiva suprema), li huwa limitat għad-determinazzjoni dwar jekk dawn ir-regolamenti jikkonformawx mal-kostituzzjoni u mal-liġi Bulgara.

49

Konsegwentement, fid-dawl tan-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet li jistgħu jiżguraw li l-kunsill suprem tal-avukatura jaġixxi b’mod li jiżmembra l-awtorità leġiżlattiva fl-azzjoni tagħha fl-interess ġenerali taħt l-stħarriġ effettiv u tas-setgħa deċiżjonali fl-aħħar istanza min-naħa tal-Istat, organizzazzjoni professjonali bħalma huwa l-kunsill suprem tal-avukatura għandu jitqies li huwa assoċjazzjoni ta’ impriżi fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE meta hija tadotta r-regolamenti li jistabbilixxu l-ammonti minimi tar-remunerazzjoni tal-avukat.

50

Barra minn hekk, sabiex ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni japplikaw għal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali din għandha tkun tista’ tirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-suq intern (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, API et, C‑184/13 sa C‑187/13, C‑194/13, C‑195/13 u C‑208/13, EU:C:2014:2147, punt 42).

51

Għandu jiġi kkonstatat, f’dan ir-rigward, li l-iffissar ta’ ammonti minimi tar-remunerazzjoni tal-avukat, magħmula obbligatorji minn leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, u li jipprekludu lill-oħrajn li jipprovdu servizzi legali milli jistabbilixxu ammonti ta’ remunerazzjoni inqas minn dawn l-ammonti minimi, huwa ugwali għall-iffissar orizzontali ta’ tariffi minimi imposti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, API et, C‑184/13 sa C‑187/13, C‑194/13, C‑195/13 u C‑208/13, EU:C:2014:2147, punt 43).

52

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, minn naħa, ma tippermettix lill-avukat u lil klijent tiegħu milli jilħqu ftehim dwar remunerazzjoni ta’ ammont inqas mill-ammont minimu ffissat minn regolament adottat minn organizzazzjoni professjonali ta’ avukati, bħall-kunsill suprem tal-avukatura, taħt piena għal dan l-avukat ta’ proċeduri dixxiplinari, u, min-naħa l-oħra, ma tawtorizzax lill-qorti sabiex tordna r-rimbors ta’ ammont ta’ onorarji inqas minn dan l-ammont minimu, tista’ tirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-suq intern fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE.

53

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali li trendi vinkolanti deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi li għandha bħala għan jew bħala effett li tirrestrinġi l-kompetizzjoni jew li tirrestrinġi l-libertà ta’ azzjoni tal-partijiet jew ta’ waħda minnhom ma taqax neċessarjament fl-ambitu tal-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 101(1) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE (sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, API et, C‑184/13 sa C‑187/13, C‑194/13, C‑195/13 u C‑208/13, EU:C:2014:2147, punt 46).

54

Fil-fatt, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għal dan il-każ, għandu qabel kollox jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest globali li fih ġiet adottata jew toħloq l-effetti tagħha deċiżjoni tal-assoċjazzjoni ta’ impriżi inkwistjoni u b’mod iktar partikolari tal-għanijiet tagħha. Sussegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk l-effetti li jirrestrinġu l-kompetizzjoni li jirriżultaw minnha humiex inerenti għat-tfittxija tal-imsemmija għanijiet (sentenzi tad-19 ta’ Frar 2002, Wouters et, C‑309/99, EU:C:2002:98, punt 97; tat-18 ta’ Lulju 2013, Consiglio Nazionale dei Geologi, C‑136/12, EU:C:2013:489, punt 53, kif ukoll tal-4 ta’ Settembru 2014, API et, C‑184/13 sa C‑187/13, C‑194/13, C‑195/13 u C‑208/13, EU:C:2014:2147, punt 47).

55

F’dan il-kuntest, għandu jiġi vverifikat jekk ir-restrizzjonijiet imposti b’dan il-mod mir-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali humiex limitati għal dak li huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni ta’ għanijiet leġittimi (sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2006, Meca-Medina u Majcen vs Il‑Kummissjoni, C‑519/04 P, EU:C:2006:492, punt 47; tat-18 ta’ Lulju 2013, Consiglio Nazionale dei Geologi, C‑136/12, EU:C:2013:489, punt 54, kif ukoll tal-4 ta’ Settembru 2014, API et, C‑184/13 sa C‑187/13, C‑194/13, C‑195/13 u C‑208/13, EU:C:2014:2147, punt 48).

56

Madankollu, fid-dawl tal-atti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, din ma tistax tevalwa jekk leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tippermettix lill-avukat u lil klijent tiegħu milli jilħqu ftehim dwar remunerazzjoni ta’ ammont inqas mill-ammont minimu ffissat permezz ta’ regolament adottat minn organizzazzjoni professjonali ta’ avukati, bħall-kunsill suprem tal-avukatura, tistax titqies li hija neċessarja għall-implementazzjoni ta’ għan leġittimu.

57

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest globali li fih ġiet adottata jew toħloq l-effetti tagħha deċiżjoni adottata mill-kunsill suprem tal-avukatura, jekk, fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha quddiemha, ir-regoli li jimponu r-restrizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħux jitqiesu li huma neċessarji għall-implementazzjoni ta’ dan l-għan.

58

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel sat-tielet domandi għandha tkun li l-Artikolu 101(1) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, minn naħa, ma tippermettix lill-avukat u lil klijent tiegħu milli jilħqu ftehim dwar remunerazzjoni ta’ ammont inqas mill-ammont minimu ffissat minn regolament adottat minn organizzazzjoni professjonali ta’ avukati, bħall-kunsill suprem tal-avukatura, taħt piena għal dan l-avukat ta’ proċeduri dixxiplinari, u, min-naħa l-oħra, ma tawtorizzax lill-qorti sabiex tordna r-rimbors ta’ ammont ta’ onorarji inqas minn dan l-ammont minimu, tista’ tirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-suq intern fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk tali leġiżlazzjoni, fid-dawl tal-metodi konkreti ta’ applikazzjoni tagħha, tissodisfax verament għanijiet leġittimi u jekk ir-restrizzjonijiet imposti b’dan il-mod humiex limitati għal dak li huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni ta’ dawn l-għanijiet leġittimi.

Fuq il-ħames u s-sitt domandi

59

Permezz tal-ħames u tas-sitt domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 101(1) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE u mad-Direttiva 77/249, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha persuni ġuridiċi u n-negozjanti indipendenti jibbenefikaw minn rimbors tar-remunerazzjoni tal-avukat, ordnat mill-qorti nazzjonali, jekk ikunu ġew difiżi minn konsultent legali.

60

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-imsemmija leġiżlazzjoni ma tista’ tiġi kkunsidrata li hija la timponi jew tiffavorixxi l-konklużjoni ta’ akkordji kuntrarji għall-Artikolu 101 TFUE jew lanqas li hija ssaħħaħ l-effetti ta’ tali akkordji.

61

Għaldaqstant, l-Artikolu 101(1) TFUE ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha persuni ġuridiċi u n-negozjanti indipendenti jibbenefikaw minn rimbors tar-remunerazzjoni tal-avukat, ordnat mill-qorti nazzjonali, jekk ikunu ġew difiżi minn konsultent legali.

62

Barra minn hekk, peress li d-Direttiva 77/249 ma tinkludi l-ebda dispożizzjoni li tirregola r-rimbors, ordnat minn qorti, tar-remunerazzjoni tal-fornituri ta’ servizzi legali, għandu jiġi kkunsidrat li lanqas l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali ma taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 77/249.

63

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ħames u għas-sitt domandi għandha tkun li l-Artikolu 101(1) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE u mad-Direttiva 77/249, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha persuni ġuridiċi u n-negozjanti indipendenti jibbenefikaw minn rimbors tar-remunerazzjoni tal-avukat, ordnat mill-qorti nazzjonali, jekk ikunu ġew difiżi minn konsulent legali.

Fuq is-seba’ domanda

64

Permezz tas-seba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-Direttiva 2006/112 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha l-VAT tiġi kkunsidrata bħala parti mill-onorarji tal-avukat li huma rreġistrati, bl-effett ta’ ntaxxar doppju tal-VAT fuq dawn l-onorarji.

65

Skont il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 78 tad-Direttiva 2006/112, l-ammont taxxabbli għandu jinkludi, b’mod partikolari, taxxi, dazji, imposti u piżijiet, minbarra l-VAT innifisha.

66

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali, inerenti għas-sistema komuni tal-VAT, jipprekludi li t-tassazzjoni tal-attivitajiet professjonali ta’ persuna taxxabbli toħloq taxxa doppja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ April 2009, Puffer, C‑460/07, EU:C:2009:254, punt 46, u tat-22 ta’ Marzu 2012, Klub, C‑153/11, EU:C:2012:163, punt 42).

67

F’dan il-każ, peress li l-qorti tar-rinviju kkonstatat fit-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑427/16 li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha bħala effett intaxxar doppju tal-VAT fuq l-onorarji tal-avukat, leġiżlazzjoni bħal din ma tikkonforma la mal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 78 tad-Direttiva 2006/112 u lanqas mal-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti għas-sistema komuni tal-VAT.

68

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għas-seba’ domanda għandha tkun li punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 78 tad-Direttiva dwar il-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha l-VAT tiġi kkunsidrata bħala parti mill-onorarji tal-avukati li huma rreġistrati, jekk din għandha bħala effett intaxxar doppju tal-VAT fuq dawn l-onorarji.

Fuq l-ispejjeż

69

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 101(1) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, minn naħa, ma tippermettix lill-avukat u lil klijent tiegħu milli jilħqu ftehim dwar remunerazzjoni ta’ ammont inqas mill-ammont minimu ffissat minn regolament adottat minn organizzazzjoni professjonali ta’ avukati, bħall-Vissh advokatski savet (kunsill suprem tal-avukatura, il-Bulgarija), taħt piena għal dan l-avukat ta’ proċeduri dixxiplinari, u, min-naħa l-oħra, ma tawtorizzax lill-qorti sabiex tordna r-rimbors ta’ ammont ta’ onorarji inqas minn dan l-ammont minimu, tista’ tirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-suq intern fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk tali leġiżlazzjoni, fid-dawl tal-metodi konkreti ta’ applikazzjoni tagħha, tissodisfax verament għanijiet leġittimi u jekk ir-restrizzjonijiet imposti b’dan il-mod humiex limitati għal dak li huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni ta’ dawn l-għanijiet leġittimi.

 

2)

L-Artikolu 101(1) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE u mad-Direttiva tal-Kunsill 77/249/KEE, tat-22 ta’ Marzu 1977, biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju effettiv tal-libertà biex jiġu pprovduti servizzi minn avukati, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha persuni ġuridiċi u n-negozjanti indipendenti jibbenefikaw minn rimbors tar-remunerazzjoni tal-avukat, ordnat mill-qorti nazzjonali, jekk ikunu ġew difiżi minn konsultent legali.

 

3)

Il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 78 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha t-taxxa fuq il-valur miżjud tiġi kkunsidrata bħala parti mill-onorarji tal-avukati li huma rreġistrati, jekk din għandha bħala effett intaxxar doppju tat-taxxa fuq il-valur miżjud fuq dawn l-onorarji.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.

Fuq