Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62015CJ0696
Judgment of the Court (Fourth Chamber) of 26 July 2017.#Czech Republic v European Commission.#Appeal — Transport — Directive 2010/40/EU — Deployment of Intelligent Transport Systems in the field of road transport — Article 7 — Delegation of power to the European Commission — Limits — Delegated Regulation (EU) No 885/2013 — Provision of information services for safe and secure parking places for trucks and commercial vehicles — Delegated Regulation (EU) No 886/2013 — Data and procedures for the provision of road safety-related minimum universal traffic information free of charge to users — Article 290 TFEU — Explicit definition of the objectives, content, scope and duration of the delegation of power — Essential element of the matter in question — Establishment of a supervisory body.#Case C-696/15 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tas-26 ta’ Lulju 2017.
Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Trasport – Direttiva 2010/40/UE – Varar ta’ sistemi ta’ trasport intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq – Artikolu 7 – Delega ta’ setgħa lill-Kummissjoni Ewropea – Limiti – Regolament ta’ Delega (UE) Nru 885/2013 – Tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar il-postijiet ta’ parkeġġ bla perikolu u sikuri għat-trakkijiet u l-vetturi kummerċjali – Regolament ta’ Delega (UE) Nru 886/2013 – Data u proċeduri għall-forniment ta’ informazzjoni minima universali dwar it-traffiku relatata mas-sikurezza fit-toroq mingħajr ħlas għall-utenti – Artikolu 290 TFUE – Delimitazzjoni espliċita tal-objettivi, tal-kontenut, tal-kamp ta’ applikazzjoni u tat-tul tad-delega ta’ setgħa – Element essenzjali tal-qasam ikkonċernat – Ħolqien ta’ korp ta’ kontroll.
Kawża C-696/15 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tas-26 ta’ Lulju 2017.
Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Trasport – Direttiva 2010/40/UE – Varar ta’ sistemi ta’ trasport intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq – Artikolu 7 – Delega ta’ setgħa lill-Kummissjoni Ewropea – Limiti – Regolament ta’ Delega (UE) Nru 885/2013 – Tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar il-postijiet ta’ parkeġġ bla perikolu u sikuri għat-trakkijiet u l-vetturi kummerċjali – Regolament ta’ Delega (UE) Nru 886/2013 – Data u proċeduri għall-forniment ta’ informazzjoni minima universali dwar it-traffiku relatata mas-sikurezza fit-toroq mingħajr ħlas għall-utenti – Artikolu 290 TFUE – Delimitazzjoni espliċita tal-objettivi, tal-kontenut, tal-kamp ta’ applikazzjoni u tat-tul tad-delega ta’ setgħa – Element essenzjali tal-qasam ikkonċernat – Ħolqien ta’ korp ta’ kontroll.
Kawża C-696/15 P.
Rapporti tal-qorti - ġenerali
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2017:595
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
26 ta’ Lulju 2017 ( *1 )
“Appell – Trasport – Direttiva 2010/40/UE – Varar ta’ sistemi ta’ trasport intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq – Artikolu 7 – Delega ta’ setgħa lill-Kummissjoni Ewropea – Limiti – Regolament ta’ Delega (UE) Nru 885/2013 – Tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar il-postijiet ta’ parkeġġ bla perikolu u sikuri għat-trakkijiet u l-vetturi kummerċjali – Regolament ta’ Delega (UE) Nru 886/2013 – Data u proċeduri għall-forniment ta’ informazzjoni minima universali dwar it-traffiku relatata mas-sikurezza fit-toroq mingħajr ħlas għall-utenti – Artikolu 290 TFUE – Delimitazzjoni espliċita tal-objettivi, tal-kontenut, tal-kamp ta’ applikazzjoni u tat-tul tad-delega ta’ setgħa – Element essenzjali tal-qasam ikkonċernat – Ħolqien ta’ korp ta’ kontroll”
Fil-Kawża C‑696/15 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-23 ta’ Diċembru 2015
Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, J. Vláčil, T. Müller u J. Pavliš, bħala aġenti,
rikorrenti,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Buchet u P. J. O. Van Nuffel kif ukoll minn J. Hottiaux u Z. Malůšková, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu
konvenuta fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn T. von Danwitz (Relatur), President tal-Awla, E. Juhász, C. Vajda, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,
Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Ottubru 2016,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Diċembru 2016,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tal-appell tagħha, ir-Repubblika Ċeka titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tat-8 ta’ Ottubru 2015, Ir-Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni (T‑659/13 u T‑660/13, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2015:771), li permezz tagħha hija ċaħdet iż-żewġ rikorsi tagħha li għandhom bħala suġġett, fil-Kawża T‑659/13, primarjament, talba għall-annullament tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 885/2013, tal-15 ta’ Mejju 2013, li jissuplimenta d-Direttiva ITS 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni għal postijiet tal-parkeġġ sikuri u siguri għat-trakkijiet u l-vetturi kummerċjali (ĠU 2013, L 247, p. 1), u, sussidjarjament, talba għall-annullament tal-Artikolu 3(1), tal-Artikolu 8 u tal-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament ta’ Delega Nru 885/2013, kif ukoll, fil-Kawża T‑660/13, primarjament, talba għall-annulament tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 886/2013, tal-15 ta’ Mejju 2013, li jissupplimenta d-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-dejta u l-proċeduri għall-forniment, fejn possibbli, ta’ informazzjoni minima universali dwar it-traffiku stradali marbuta mas-sikurezza b’xejn lill-utenti (ĠU 2013, L 247, p. 6), u, sussidjarjament, talba għall-annullament tal-Artikolu 5(1), tal-Artikolu 9 u tal-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament ta’ Delega Nru 886/2013. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-Direttiva 2010/40/UE
2 |
Mill-Artikolu 1(1) u (2) tad-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Lulju 2010, dwar il-qafas għall-varar ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħrajn ta’ trasport (ĠU 2010, L 207, p. 1), jirriżulta li din tistabbilixxi qafas ta’ appoġġ għall-varar u l-użu kkoordinati u koerenti tas-“Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti (sistemi STI)” fl-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari bejn il-fruntieri bejn l-Istati Membri, tistipula l-kondizzjonijiet ġenerali meħtieġa għal dak il-għan u tipprevedi l-iżvilupp ta’ speċifikazzjonijiet għal azzjonijiet fl-oqsma ta’ prijorità msemmija fl-Artikolu 2, kif ukoll l-iżvilupp, fejn ikun il-każ, tal-istandards meħtieġa. |
3 |
L-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva jippreċiża l-oqsma ta’ prijorità għall-iżvilupp u għall-użu ta’ speċifikazzjonijiet u ta’ standards. |
4 |
L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Azzjonijiet ta’ prijorità”, jipprevedi: “Dawn li ġejjin għandhom ikunu azzjonijiet ta’ prijorità għall-oqsma ta’ prijorità imsemmijin fl-Artikolu 2 għall-iżvilupp u l-użu ta’ speċifikazzjonijiet u standards, kif stabbilit fl-Anness I: […]
[…]
[…]” |
5 |
L-Artikolu 4(1) tal-istess direttiva jiddefinixxi s-STI bħala s-sistemi li fihom ikunu applikati teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni fis-settur tat-trasport bit-triq, inklużi l-infrastruttura, il-vetturi u l-utenti, u fil-ġestjoni tat-traffiku u l-ġestjoni tal-mobbiltà, kif ukoll għal interkonnessjonijiet ma’ modi oħra tat-trasport. |
6 |
L-Artikolu 4(17) tad-Direttiva 2010/40 jiddefinixxi “speċifikazzjoni” bħala “miżura li torbot li tistipula dispożizzjonijiet li fihom rekwiżiti, proċeduri jew kwalunkwe regola oħra rilevanti”. |
7 |
L-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva bit-titolu “Varar tas-sistemi STI” jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-ispeċifikazzjonijiet adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 6 jiġu applikati fir-rigward tal-applikazzjonijiet u s-servizzi tas-sistemi STI, meta dawn ikunu varati, f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Anness II. Dan huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ kull Stat Membru li jiddeċiedi dwar il-varar min-naħa tiegħu ta’ dawn l-applikazzjonijiet u s-servizzi fit-territorju tiegħu. Dan id-dritt huwa mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe att leġislattiv adottat taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(2).” |
8 |
L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Speċifikazzjonijiet”, jipprovdi: “1. Il-Kummissjoni għandha l-ewwel tadotta l-ispeċifikazzjonijiet meħtieġa biex tiżgura l-kompatibbiltà, l-interoperabbiltà u l-kontinwità għall-varar u l-użu operattiv tas-sistemi STI għall-azzjonijiet ta’ prijorità. […] 4. Fejn ikun rilevanti, u skont il-qasam kopert mill-ispeċifikazzjoni, l-ispeċifikazzjoni għandha tinkludi wieħed jew aktar mit-tipi ta’ dispożizzjonijiet li ġejjin:
5. Mingħajr preġudizzju għall-proċeduri skont id-Direttiva 98/34/KE l-ispeċifikazzjonijiet għandhom, fejn ikun il-każ, jistipulaw il-kondizzjonijiet li bihom l-Istati Membri jistgħu, wara li jinnotifikaw lill-Kummissjoni, jistabbilixxu regoli addizzjonali għall-forniment ta’ servizzi tas-sistemi STI fit-territorju kollu tagħhom jew f’parti minnu, sakemm dawk ir-regoli ma jostakolawx l-interoperabbiltà. 6. L-ispeċifikazzjonijiet għandhom, fejn ikun il-każ, ikunu bbażati fuq kwalunkwe standard imsemmi fl-Artikolu 8. L-ispeċifikazzjonijiet għandhom, fejn ikun il-każ, jipprevedu valutazzjoni tal-konformità skont id-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE. L-ispeċifikazzjonijiet għandhom jikkonformaw mal-prinċipji stabbiliti fl-Anness II. […]” |
9 |
L-Artikolu 7(1) u (2) tal-istess direttiva, bit-titolu “Atti delegati”, huwa fformulat kif ġej: “1. Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE fir-rigward ta’ speċifikazzjonijiet. Fl-adozzjoni ta’ dawn l-atti delegati l-Kummissjoni għandha taġixxi f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din id-Direttiva, b’mod partikolari l- mal-Artikolu 6 u mal-Anness II. 2. Għandu jiġi adottat att delegat separat għal kull azzjoni ta’ prijorità.” |
Ir-Regolament ta’ Delega Nru 885/2013
10 |
Skont l-Artikolu 1 tiegħu, ir-Regolament ta’ Delega Nru 885/2013 “jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet neċessarji sabiex jiżgura l-kompattibbiltà, l-interoperabbiltà u l-kontinwità għall-varar u l-użu operattiv tas-servizzi tal-informazzjoni għal postijiet tal-parkeġġ sikuri u siguri għat-trakkijiet u l-vetturi kummerċjali f’livell tal-Unjoni” skont id-Direttiva 2010/40 u “japplika għall-forniment ta’ servizzi tal-informazzjoni li jinsabu fuq in-netwerk stradali transEwropew”. |
11 |
L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, li jirrigwarda r-rekwiżiti għall-forniment ta’ servizzi tal-informazzjoni, jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jinnominaw żoni fejn it-traffiku u l-kundizzjonijiet tas-sigurtà jirrikjedu l-varar ta’ servizzi tal-informazzjoni dwar postijiet tal-parkeġġ sikuri u siguri. Għandhom jiddefinixxu wkoll iż-żoni ta’ prijorità fejn l-informazzjoni dinamika se tiġi pprovduta. 2. Il-forniment tas-servizzi tal-informazzjoni għandu jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 4 sa 7”. |
12 |
L-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jinnominaw korp nazzjonali li huwa kompetenti biex jivvaluta jekk ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 4 sa 7 humiex sodisfatti mill-fornituri tas-servizz, l-oepraturi tal-parkeġġ u l-operaturi stradali. Dan il-korp għandu jkun imparzjali u indipendenti minn dawn tal-aħħar. Żewġ Stati Membri jew iktar jistgħu jinnominaw korp reġjonali komuni li huwa kompetenti biex jivvaluta l-konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti fit-territorji tagħhom. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw il-korp norminat lill-Kummissjoni. 2. Il-fornituri tas-servizz kollha għandhom jissottomettu dikjarazzjoni lill-korpi nominati dwar il-konformità tagħhom mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 4 sa 7. Id-dikjarazzjoni għandu jkun fiha l-elementi li ġejjin:
3. Il-korpi nominati għandhom iwettqu spezzjonijiet aleatorji tal-korrettezza tad-dikjarazzjonijiet ta’ għadd ta’ fornituri tas-servizz u operaturi tal-parkeġġ pubbliċi u privati, u jitolbu dimostrazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 4 sa 7. Il-kwalità tas-servizz tista’ tiġi vvalutata wkoll bl-użu ta’ kummenti ġġenerati mill-utenti. Kull sena, il-korpi nominati għandhom jirrapportaw lill-awtorijitajiet nazzjonali rilevanti dwar id-dikjarazzjonijiet sottomessi, kif ukoll dwar ir-riżultati tal-ispezzjonijiet aleatorji tagħhom”. |
Ir-Regolament ta’ Delega Nru 886/2013
13 |
Skont l-Artikolu 1 tiegħu, ir-Regolament ta’ Delega Nru 886/2013 “jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet meħtieġa sabiex jiżguraw il-kompatibbiltà, l-interoperabbiltà u l-kontiwità għall-varar u l-użu operattiv tad-dejta u l-proċeduri għall-forniment, fejn possibbli, tal-informazzjoni minima universali dwar it-traffiku stradali marbuta mas-sikurezza b’xejn lill-utenti fil-livell tal-Unjoni” skont id-Direttiva 2010/40 u “japplika għall-forniment tas-servizzi tal-informazzjoni minima universali dwar it-traffiku stradali marbuta mas-sikurezza dwar in-netwerk transEwropew tat-toroq”. |
14 |
L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, dwar il-provvista tas-servizz tal-informazzjoni, jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jinnominaw taqsimiet tan-netwerk transEwropew tat-toroq fejn il-kundizzjonijiet tat-traffiku u tas-sikurezza jirrikjedu l-varar ta’ servizz tal-informazzjoni minima universali dwar it-traffiku stradali marbuta mas-sikurezza. Għandhom jikkomunikaw dawn it-taqsimiet tat-toroq lill-Kummissjoni. 2. Il-forniment tas-servizz ta’ informazzjoni għandu jissodisfa r-rekwiżiti stipultati fl-Artikolu 6 sa 8”. |
15 |
L-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej: “1. L-Istati Membri għandhom jinnominaw korp nazzjonali kompetenti li huwa imparzjali u indipendenti biex jivvaluta jekk ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 3 sa 8 humiex sodisfatti mill-operatui stradali u l-fornituri tas-servizz pubbliċi u privati u x-xandara ddedikati għall-informazzjoni dwar it-traffiku. Żewġ Stati Membri jew iktar jistgħu jinnominaw korp kompetenti komuni biex jivvaluta l-konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti fit-territorji tagħhom. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw il-korpi nazzjonali lill-Kummissjoni. 2. L-operaturi stradali pubbliċi u privati, il-fornituri tas-servizz u x-xandara ddedikati għall-informazzjoni dwar it-traffiku għandhom jipprovdu lill-korpi nazzjonali nominati, id-dettalji tal-identifikazzjoni tagħhom u deskrizzjoni tas-servizz tal-informazzjoni li huma jipprovdu, u jissottomettu dikjarazzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 3 sa 8. Id-dikjarazzjoni għandu jkun fiha l-elementi li ġejjin, fejn applikabbli:
L-operaturi stradali pubbliċi jew privati, il-fornituri tas-servizz u x-xandara ddedikati għall-informazzjoni dwar it-traffiku għandhom jaġġornaw immedjatament id-dikjarazzjonijiet tagħhom tal-konformità wara kwalunkwe bidla fil-forniment tas-servizz tagħhom. 3. Il-korpi nazzjonali nominati għandhom iwettqu spezzjonijiet aleatorji dwar il-korrettezza tad-dikjarazzjonijiet ta’ għadd ta’ operaturi stradali pubbliċi u privati, fornituri tas-servizz u xandara ddedikati għall-informazzjoni dwar it-traffiku, u għandhom jitolbu prova tal-konformità mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 3 sa 8. Kull sena, il-korpi nazzjonali nominati għandhom jirrapportaw lill-awtoritajiet nazzjonali dwar id-dikjarazzjonijiet sottomessi u dwar ir-riżultati tal-ispezzjonijiet aleatorji tagħhom.” |
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
16 |
Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Diċembru 2013, ir-Repubblika Ċeka ppreżentat żewġ rikorsi intiżi għall-annullament tar-Regolamenti ta’ Delega Nri 885/2013 u 886/2013 (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti kontenzjużi”). |
17 |
Insostenn ta’ dawn ir-rikorsi, ir-Repubblika Ċeka ressqet tliet motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2010/40, moqri flimkien mal-Artikolu 5(1) u mal-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, sa fejn il-Kummissjoni, billi adottat ir-Regolamenti kontenzjużi, kienet qabżet il-limiti tal-awtorità prevista minn din id-dispożizzjoni, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 290 TFUE, sa fejn il-Kummissjoni, billi adottat ir-Regolamenti kontenzjużi, kienet qabżet il-limiti tal-kompetenza tagħha sabiex tadotta atti ddelegati mhux leġiżlattivi prevista f’dan l-artikolu, u, it-tielet wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 13(2) TUE, sa fejn il-Kummissjoni, billi adottat ir-Regolamenti kontenzjużi, kienet qabżet il-limiti tas-setgħat li jagħtuha t-Trattati. |
18 |
Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet kull wieħed minn dawn il-motivi, u għaldaqstant, iż-żewġ rikorsi kollha kemm huma. |
It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
19 |
Ir-Repubblika Ċeka primarjament titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:
|
20 |
Sussidjarjament, ir-Repubblika Ċeka titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:
|
21 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
Fuq l-appell
Fuq l-ewwel aggravju
L-argumenti tal-partijiet
22 |
Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, ir-Repubblika Ċeka tilmenta li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali, meta ddeċidiet, fil-punti 38 sa 44 tas-sentenza appellata, li r-Regolamenti kontenzjużi ma jistabbilixxux obbligu fuq l-Istati Membri sabiex ivaraw l-applikazzjonijiet u s-servizzi STI fit-territorju tagħhom. Dawn ir-regolamenti fil-fatt jinkludu dispożizzjonijiet standard dwar in-natura obbligatorja tal-elementi kollha tagħhom u dwar l-applikabbiltà diretta tagħhom fl-Istati Membri kollha. Barra minn hekk, l-espożizzjonijiet tal-motivi ta’ dawn ir-regolamenti jindikaw espressament li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni timponi l-varar obbligatorju tas-STI fl-Istati Membri kollha. Peress li qieset li r-Regolamenti kontenzjużi kellhom jinqraw fid-dawl tad-Direttiva 2010/40, il-Qorti Ġenerali interpretat dawn ir-regolamenti contra legem. Tali approċċ iqiegħed lill-Istati Membri f’pożizzjoni ġuridika inċerta li hija inaċċettabbli mil-lat tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. |
23 |
Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
24 |
Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, ir-Repubblika Ċeka essenzjalment tilmenta li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-Regolamenti kontenzjużi ma jistabbilixxux obbligu fuq l-Istati Membri sabiex ivaraw l-applikazzjonijiet u s-servizzi STI fit-territorju tagħhom. |
25 |
F’dan ir-rigward, għandu mill-bidu nett jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Ċeka, dawn ir-regolamenti ma jinkludu ebda dispożizzjoni li tipprevedi obbligu espress fir-rigward tal-Istati Membri sabiex ivaraw l-applikazzjonijiet u s-servizzi STI fit-territorju tagħhom. |
26 |
B’mod partikolari, tali obbligu espress ma jirriżultax mid-dispożizzjonijiet standard, li jinsabu fit-tmiem ta’ kull wieħed mir-Regolamenti kontenzjużi, li abbażi tagħhom dawn huma obbligatorji fl-elementi kollha tagħhom u huma direttament applikabbli f’kull Stat Membru. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet standard, li jikkorrispondu għall-formulazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 288(2) TFUE, jillimitaw ruħhom jiddikjaraw obbligatorju fl-Istati Membri kollha l-kontenut tar-Regolamenti kontenzjużi, hekk kif jirriżulta mid-dispożizzjonijiet l-oħra tagħhom, mingħajr madankollu ma jirregolaw l-kwistjoni dwar jekk dan il-kontenut jinkludix obbligazzjoni ta’ varar tal-applikazzjonijiet u tas-servizzi STI. |
27 |
Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dawn ir-regolamenti, ir-Repubblika Ċeka ma ssostnix li dawn jipprevedu obbligu espress fir-rigward tal-Istati Membri sabiex ivaraw l-applikazzjonijiet u s-servizzi STI fit-territorju tagħhom u, f’kull każ, dan ma huwiex il-każ. B’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament ta’ Delega Nru 885/2013, kif ukoll tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 886/2013 ma jipprevedu ebda obbligu espress f’dan is-sens. |
28 |
Fl-assenza ta’ obbligu espress, li jirriżulta mill-kliem stess tar-Regolamenti kontenzjużi, li abbażi tiegħu l-Istati Membri kollha huma obbligati jvaraw l-applikazzjonijiet u s-servizzi STI fit-territorju tagħhom, l-argument tar-Repubblika Ċeka li jikkonsisti f’li ssostni li l-interpretazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti fid-dawl tad-Direttiva 2010/40 imwettqa mill-Qorti Ġenerali hija contra legem ma jistax jiġi milqugħ. |
29 |
Għall-kuntrarju, għandu jiġi kkonstatat, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punti 27 u 28 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, kull wieħed minn dawn ir-regolamenti jipprevedi, fl-Artikolu 1 tiegħu, li huwa jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet neċessarji “skont id-Direttiva 2010/40”. Issa, l-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva jobbliga lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex l-ispeċifikazzjonijiet adottati mill-Kummissjoni japplikaw għall-applikazzjonijiet u għas-servizzi STI “meta dawn ikunu varati”, filwaqt li jippreċiża li dan l-obbligu “huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ kull Stat Membru li jiddeċiedi dwar il-varar min-naħa tiegħu ta’ dawn l-applikazzjonijiet u s-servizzi fit-territorju tiegħu”. |
30 |
Għaldaqstant, mir-riferiment għad-Direttiva 2010/40 li jinsab fl-Artikolu 1 ta’ kull wieħed mir-Regolamenti kontenzjużi jirriżulta mingħajr ebda dubju li dawn tal-aħħar ma jobbligawx lill-Istati Membri jvaraw l-applikazzjonijiet u s-servizzi STI fit-territorju tagħhom, iżda biss jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex l-ispeċifikazzjonijiet li jinsabu f’dawn ir-regolamenti japplikaw għall-applikazzjonijiet u għas-servizzi STI meta dawn ikunu varati. |
31 |
L-argument imressaq mir-Repubblika Ċeka, li l-espożizzjonijiet tal-motivi rispettivi tar-Regolamenti kontenzjużi jindikaw espressament l-intenzjoni tal-Kummissjoni li timponi obbligu fir-rigward tal-Istati Membri kollha sabiex ivaraw l-applikazzjonijiet u s-servizzi STI, lanqas ma jista’ jiġi aċċettat. |
32 |
Fil-fatt, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 31 u 32 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali intenzjoni ma tirriżultax minn dawn l-espożizzjonijiet tal-motivi. Għalkemm dawn jistabbilixxu preferenza tal-Kummissjoni għal xenarju li jikkonsisti fil-varar obbligatorju tal-applikazzjonijiet u tas-servizzi STI fl-Istati Membri kollha, dawn ma jippermettux li jiġi kkonstatat li r-Regolamenti kontenzjużi kellhom bħala għan li jimplementaw tali xenarju. |
33 |
Fir-rigward tal-argument tar-Repubblika Ċeka li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi sa fejn, fil-punt 40 tas-sentenza appellata, hija interpretat ir-Regolamenti kontenzjużi fid-dawl tad-Direttiva 2010/40, għandu jiġi osservat li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-atti dderivati tad-dritt tal-Unjoni għandhom, sa fejn ikun possibbli, jiġu interpretati f’konformità mal-att bażiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Pie Optiek, C‑376/11, EU:C:2012:502, punt 34, u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, hekk kif jirriżulta mill-punti 27 sa 29 ta’ din is-sentenza, l-interpretazzjoni tar-Regolamenti kontenzjużi magħmula mill-Qorti Ġenerali hija kompatabbli kemm mal-kliem tagħhom kif ukoll mad-Direttiva 2010/40. |
34 |
Għaldaqstant, huwa b’mod korrett li l-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 42 u 43 tas-sentenza appellata li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament ta’ Delega Nru 885/2013, u l-Artikolu 5(1) tar-Regolament ta’ Delega Nru 886/2013, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-obbligi previsti f’dawn l-artikoli li jiġu indikati ż-żoni jew it-taqsimiet tan-netwerk tat-toroq għall-varar tal-applikazzjonijiet u tas-servizzi STI japplikaw biss meta Stat Membru jkun iddeċieda fir-rigward ta’ dan il-varar. |
35 |
Għaldaqstant, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
Fuq it-tieni aggravju
L-argumenti tal-partijiet
36 |
Permezz tat-tieni aggravju tagħha, ir-Repubblika Ċeka tilmenta li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 290 TFUE, billi ddeċidiet, b’mod partikolari fil-punti 58 sa 63 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma qabżitx id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2010/40 billi obbligat lill-Istati Membri joħolqu l-korp ta’ kontroll previst, rispettivament, fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament ta’ Delega Nru 885/2013 u fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament ta’ Delega Nru 886/2013, peress li dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu li l-Istati Membri għandhom jinnominaw korp nazzjonali kompetenti sabiex jevalwa l-osservanza, mill-operaturi differenti kkonċernati, tar-rekwiżiti stabbiliti f’dawn ir-regolamenti (iktar ’il quddiem il-“korp ta’ kontroll”). |
37 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kienet qieset, b’mod żbaljat, li ma kienx neċessarju li l-att bażiku jiddelimita espressament il-kontenut u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-awtorità tal-Kummissjoni u li kien biżżejjed li din tal-aħħar, li għandha marġni ta’ diskrezzjoni, kienet qieset li l-ħolqien tal-korp ta’ kontroll kien neċessarju sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-att bażiku. Skont ir-Repubblika Ċeka, il-kontenut u l-kamp ta’ applikazzjoni tad-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2010/40 huma delimitati mit-tipi ta’ dispożizzjonijiet espressament elenkati fl-Artikolu 6(4) ta’ din id-direttiva. Dawn it-tipi ta’ dispożizzjonijiet ma jippermettux il-ħolqien tal-korp ta’ kontroll. |
38 |
Il-Kummissjoni twieġeb li l-Artikolu 290 TFUE jagħti lil-leġiżlatur tal-Unjoni latitudni sħiħa sabiex jiddelimita, b’mod ġenerali jew għall-kuntrarju fid-dettall, il-kontenut ta’ delega ta’ setgħa, bl-unika restrizzjoni li din ma tistax tirrigwarda elementi essenzjali tal-att bażiku. |
39 |
Fir-rigward tad-delega ta’ setgħa prevista mid-Direttiva 2010/40, l-Artikolu 7 tagħha jawtorizza lill-Kummissjoni tadotta “speċifikazzjonijiet” skont id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din id-direttiva meħuda fl-intier tagħha u, b’mod partikolari, iżda mhux esklużivament, skont l-Artikolu 6 u l-Anness II tagħha. Għaldaqstant, l-Artikolu 6(4) tagħha jelenka biss b’mod mhux eżawrjenti t-tipi ta’ dispożizzjonijiet li jistgħu jkunu inklużi f’tali speċifikazzjoni. F’kull każ, l-Artikolu 6(4)(c) ta’ din id-direttiva jsemmi espressament id-“dispożizzjonijiet organizzattivi” fost it-tipi ta’ dispożizzjonijiet li jistgħu jkunu inklużi fi speċifikazzjoni, fatt li jiġġustifika, fih innifsu, is-setgħa tal-Kummissjoni li tobbliga lill-Istati Membri joħolqu l-korp ta’ kontroll inkwistjoni. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
40 |
Permezz tat-tieni aggravju tagħha, ir-Repubblika Ċeka essenzjalment issostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 290(1) TFUE, billi interpretat id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2010/40 fis-sens li tawtorizza lill-Kummissjoni timponi fuq l-Istati Membri l-ħolqien tal-korp ta’ kontroll. |
41 |
Hekk kif il-Qorti Ġenerali rrilevat fil-punt 51 tas-sentenza appellata, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2010/40 jawtorizza lill-Kummissjoni tadotta atti delegati skont l-Artikolu 290 TFUE “fir-rigward ta’ speċifikazzjonijiet” u “f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din id-Direttiva, b’mod partikolari l- mal-Artikolu 6 u mal-Anness II”. |
42 |
Il-kunċett ta’ “speċifikazzjoni” huwa ddefinit fl-Artikolu 4(17) ta’ din id-direttiva bħala “miżura li torbot li tistipula dispożizzjonijiet li fihom rekwiżiti, proċeduri jew kwalunkwe regola oħra rilevanti”. |
43 |
Skont l-Artikolu 6(1) tal-istess direttiva, il-Kummissjoni għandha tadotta l-ewwel nett l-ispeċifikazzjonijiet neċessarji sabiex tiżgura l-kompatibbiltà, l-interoperabbiltà u l-kontinwità tal-varar u tal-użu operattiv tas-STI għall-azzjonijiet ta’ prijorità. |
44 |
Fil-punti 58 sa 62 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenrali interpretat id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2010/40 fis-sens li din tawtorizza lill-Kummissjoni tadotta l-ispeċifikazzjonijiet “skont id-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva 2010/40 u mhux biss skont l-Artikolu 6 tagħha”. Wara li rreferiet għall-Artikolu 4(17), għall-Artikolu 5(1) kif ukoll għall-Artikolu 6(4)(c) u (6) ta’ din id-direttiva, il-Qorti Ġenrali kkonstatat, fil-punt 62 ta’ din is-sentenza, li din id-delega ta’ setgħa tawtorizza lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-mekkaniżmi ta’ kontroll “skont id-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva 2010/40 u b’mod partikolari skont l-obbjettivi stabbiliti fl-Artikolu 6(1) u fl-Anness II tagħha”. |
45 |
F’dan ir-rigward, fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li “[kien] biżżejjed li l-Kummissjoni, li għandha marġni ta’ diskrezzjoni, kienet qieset li l-ħolqien ta’ tali korp kien neċessarju sabiex jiġu ggarantiti l-objettivi ta’ kompatibbiltà, ta’ interoperabbiltà u ta’ kontinwità bil-għan tal-varar” tas-STI. |
46 |
Din l-aħħar interpretazzjoni hija vvizzjata bi żball ta’ liġi. |
47 |
Għalkemm, skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2010/40, il-Kummissjoni kellha l-obbligu tadotta l-ispeċifikazzjonijiet b’osservanza, mhux biss tal-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, iżda wkoll tad-dispożizzjonijiet rilevanti l-oħra kollha tagħha, xorta jibqa’ l-fatt li, fid-dawl tal-Artikolu 290 TFUE, is-setgħa ta’ delega msemmija fl-Artikolu 7 ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tawtorizza lill-Kummissjoni taqbeż il-kuntest previst fl-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, li jiddelimita b’mod espliċitu mhux biss, fil-paragrafu (1) tiegħu, l-għan tal-ispeċifikazzjonijiet, iżda wkoll il-kontenut u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom, billi jiddetermina espressament, b’mod partikolari fil-paragrafu (4), il-miżuri li jistgħu jkunu s-suġġett tagħhom. |
48 |
Fil-fatt, skont l-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 290(1) l-atti leġiżlattivi għandhom jiddelimitaw espliċitament mhux biss l-objettivi, iżda wkoll il-kontenut, il-kamp ta’ applikazzjoni u t-tul tad-delega ta’ setgħa. |
49 |
Fir-rigward ta’ dan ir-rekwiżit, il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li dan jimplika li għoti ta’ setgħa ddelegata huwa intiż għall-adozzjoni ta’ regoli li jagħmlu parti mill-qafas regolatorju kif iddefinit fl-att leġiżlattiv bażiku (sentenzi tat-18 ta’ Marzu 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑427/12, EU:C:2014:170, punt 38; tas-16 ta’ Lulju 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑KunsillC‑88/14, EU:C:2015:499, punt 29, u tas-17 ta’ Marzu 2016, Il‑Parlament vs Il‑Kummissjoni, C‑286/14, EU:C:2016:183, punt 30). Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja teżiġi, b’mod partikolari, li d-delimitazzjoni tas-setgħa mogħtija tkun suffiċjentement preċiża, fis-sens li din għandha tindika b’mod ċar il-limiti ta’ din is-setgħa u għandha tkun ta’ natura li tissuġġetta l-użu li jsir minnha mill-Kummissjoni għal kontroll fir-rigward tal-kriterji oġġettivi stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Lulju 1988, Central‑Import Münster, 291/86, EU:C:1988:361, punt 13; u tat-12 ta’ Lulju 2005, Alliance for Natural Health et, C‑154/04 u C‑155/04, EU:C:2005:449, punt 90). |
50 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li qabel kollox tiġi miċħuda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 290 TFUE mressqa mill-Kummissjoni li tipprovdi li l-unika restrizzjoni li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu fil-kuntest tal-amministrazzjoni ta’ delega ta’ setgħa tikkonsisti fil-projbizzjoni li jiddelega l-adozzjoni ta’ elementi essenzjali tal-qasam ikkonċernat. |
51 |
Tali interpretazzjoni hija inkompatibbli mal-formulazzjoni u mar-ratio ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, delega ta’ setgħa fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tagħti lill-Kummissjoni s-setgħa teżerċita l-funzjonijiet tal-leġiżlatur tal-Unjoni, inkwantu din tippermettilu jikkompleta jew jemenda elementi mhux essenzjali tal-att leġiżlattiv. F’dan ir-rigward, ir-rekwiżit previst fl-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 290(1) TFUE huwa preċiżament intiż li jiżgura li tali setgħa tirriżulta minn deċiżjoni espliċita tal-leġiżlatur u li l-użu li l-Kummissjoni tagħmel minnha josserva l-kuntest li l-imsemmi leġiżlatur stess stabbilixxa fl-att bażiku. Għal dan il-għan, dan tal-aħħar għandu, skont din id-dispożizzjoni, jindika l-limiti tal-awtorità tal-Kummissjoni msemmija fih, jiġifieri l-objettivi, il-kontenut, il-kamp ta’ applikazzjoni kif ukoll it-tul tagħha. |
52 |
Ċertament, hekk kif issostni l-Kummissjoni, l-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 290(1) TFUE tippermetti lil-leġiżlatur tal-Unjoni jikkonferixxi lill-Kummissjoni marġni ta’ diskrezzjoni sabiex teżerċita s-setgħa ddelegata lilha, li jista’, abbażi tal-karatteristiċi tal-qasam ikkonċernat, ikun iktar jew inqas estiż. Madankollu, delega ta’ setgħa fis-sens tal-Artikolu 290 TFUE – u kull marġni ta’ diskrezzjoni eventwali li din timplika – għandha tkun inkwadrata minn limiti stabbiliti fl-att bażiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Mejju 2017, Dyson vs Il‑Kummissjoni, C‑44/16 P, EU:C:2017:357, punt 53). |
53 |
Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 290 TFUE hija, barra minn hekk, ikkorraborata mill-punt 52 tal-Linji ta’ Gwida tal-Kummissjoni, tal-24 ta’ Ġunju 2011, dwar l-atti ddelegati [SEC(2011) 855], li, għalkemm ma humiex vinkolanti fuq il-Qorti tal-Ġustizzja, jistgħu jikkostitwixxu sors utli ta’ ispirazzjoni (sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Il‑Parlament vs Il‑Kummissjoni, C‑286/14, EU:C:2016:183, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt il-Kummissjoni tindika fih li, “l-leġiżlatur għandu jiddeskrivi b’mod espliċitu u preċiż is-setgħat li huwa jrid jiddelega lill-Kummissjoni”, li “riferimenti vagi […] ma humiex possibbli” u li “ma għandhomx jiġu ddelegati setgħat lill-Kummissjoni permezz ta’ sempliċi redazzjoni ta’ lista mhux eżawrjenti tal-miżuri li jistgħu jiġu adottati”. |
54 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 290(1) TFUE ma tippermettix lill-qorti tal-Unjoni tirrimedja għall-assenza tal-limiti meħtieġa minn din id-dispożizzjoni, li għandhom jiġu stabbiliti mil-leġiżlatur stess u li għalihom huwa suġġett l-użu li l-Kummissjoni tagħmel mid-delega ta’ setgħa. |
55 |
Issa, f’dan il-każ, minflok ma osservat il-kuntest previst mil-leġiżlatur, hekk kif teħtieġ din id-dispożizzjoni, il-Qorti Ġenerali interpretat id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2010/40 biss fir-rigward tal-objettivi tagħha, mingħajr madankollu ma żgurat li l-kontenut u l-kamp ta’ applikazzjoni tas-setgħa ddelegata kienu wkoll delimitati, delimitazzjoni li l-Qorti Ġenerali ħalliet għad-diskrezzjoni tal-Kummissjoni. |
56 |
Madankollu, għandu jitfakkar li, jekk mill-motivi ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali jirriżulta ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda d-dispożittiv tagħha jidher fondat għal motivi oħra tad-dritt, tali ksur ma jkunx ta’ natura li jwassal għall-annullament ta’ din is-sentenza u jkun hemm lok li ssir sostituzzjoni tal-motivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 150, u tal-5 ta’ Marzu 2015, Il‑Kummissjoni et vs Versalis et, C‑93/13 P u C‑123/13–P, EU:C:2015:150, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
57 |
Dan huwa l-każ f’dan il-każ. |
58 |
Hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punti 59 sa 65 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2010/40, moqri flimkien mal-Artikolu 6(4)(c) tagħha, jipprovdi lill-Kummissjoni bażi ġuridika suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit il-korp ta’ kontroll. |
59 |
Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-punt 47 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva jiddelimita espliċitament mhux biss l-għan, iżda wkoll il-kontenut u l-kamp ta applikazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet li jistgħu jiġu adottati mill-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 6(4)(c) ta’ din id-direttiva, speċifikazzjoni tista’ tinkludi “dispożizzjonijiet organizzattivi li jiddeskrivu l-obbligi proċedurali tad-diversi partijiet interessati”. |
60 |
Id-dispożizzjonijiet li jinsabu fir-Regolamenti kontenzjużi dwar il-ħolqien tal-korp ta’ kontroll, jiġifieri l-Artikolu 8 tar-Regolament ta’ Delega Nru 885/2013 u l-Artikolu 9 tar-Regolament ta’ Delega Nru 886/2013, jikkostitwixxu tali dispożizzjonijiet organizzattivi li jiddeskrivu l-obbligi proċeduri tad-diversi partijiet ikkonċernati. |
61 |
Fil-fatt, hekk kif il-Qorti Ġenerali indikat fil-punti 57 u 64 tas-sentenza appellata, minn dawn l-artikoli jirriżulta li l-korp ta’ kontroll għandu l-funzjoni jivverifika l-osservanza, mid-differenti operaturi kkonċernati, tal-ispeċifikazzjonijiet previsti mir-Regolamenti kontenzjużi. Għal dan il-għan, dawn l-artikoli jeħtieġu li dan il-korp ta’ kontroll ikun indipendenti u imparzjali. Barra minn hekk, dawn jobbligaw lill-operaturi kkonċernati jippreżentaw lil dan il-korp id-dettalji tal-identifikazzjoni tagħhom, deskrizzjoni tas-servizz ta’ informazzjoni li huma jipprovdu kif ukoll dikjarazzjoni ta’ konformità. Fl-aħħar nett, dawn l-istess artikoli jipprevedu li l-korp ta’ kontroll għandu jivverifika b’mod aleatorju l-eżattezza tad-dikjarazzjonijiet ta’ ċertu numru ta’ operaturi u jirrapporta annwalment lill-awtorità nazzjonali kompetenti dwar id-dikjarazzjonijiet sottomessi u dwar ir-riżultati tal-verifiki aleatorji. |
62 |
Għaldaqstant, minn naħa, l-Artikolu 8 tar-Regolament ta’ Delega Nru 885/2013 u l-Artikolu 9 tar-Regolament ta’ Delega Nru 886/2013 huma ta’ natura “organizzattiva” peress li dawn jipprevedu l-istabbiliment u l-amministrazzjoni ta’ korp ta’ kontroll li għandu bħala funzjoni jivverifika l-osservanza, mid-differenti operaturi kkonċernati, tal-ispeċifikazzjonijiet previsti mir-Regolamenti kontenzjużi, filwaqt li jeħtieġu li dan il-korp ikun indipendenti u imparzjali. |
63 |
Min-naħa l-oħra, dawn id-dispożizzjonijiet “jiddeskrivu l-obbligi proċedurali tad-diversi partijiet interessati”, inkwantu dawn jobbligaw lill-operaturi kkonċernati jippreżentaw lil dan il-korp id-dettalji tal-identifikazzjoni tagħhom, deskrizzjoni tas-servizz ta’ informazzjoni li huma jipprovdu kif ukoll dikjarazzjonijiet ta’ konformità li fuq il-bażi tagħhom dan l-istess korp għandu annwalment jirrapporta lill-awtorità nazzjonali kompetenti. |
64 |
Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(4)(c) tad-Direttiva 2010/40 ma hijiex ikkontestata mill-argument imressaq mir-Repubblika Ċeka li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2010/40 iħalli lill-Istati Membri l-għażla tal-mezzi li għandhom jiġu użati sabiex tiġi ggarantita l-applikazzjoni tal-applikazzjonijiet u tas-servizzi STI. |
65 |
Fil-fatt, dan l-Artikolu 5(1) jillimita ruħu jobbliga lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex l-ispeċifikazzjonijiet adottati mill-Kummissjoni jiġu applikati fir-rigward tal-applikazzjonijiet u tas-servizzi STI, meta dawn ikunu varati. Għaldaqstant dan ma għandu ebda effett fuq il-kontenut ta’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet. |
66 |
Għaldaqstant peress li d-dispożittiv tas-sentenza appellata huwa fondat it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud. |
Fuq it-tielet aggravju
L-argumenti tal-partijiet
67 |
Permezz tal-ewwel parti tat-tielet aggravju tagħha, ir-Repubblika Ċeka ssostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat l-argument tagħha mressaq fl-ewwel istanza li jikkonsisti, fil-punt 39 tas-sentenza appellata, f’li hija kienet qablet mal-Kummissjoni fuq il-fatt li r-Regolamenti kontenzjużi ma humiex applikabbli sakemm Stat Membru ma jkunx iddeċieda li jvara l-applikazzjonijiet u s-servizzi STI fit-territorju tiegħu. |
68 |
Permezz tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, ir-Repubblika Ċeka tilmenta li l-Qorti Ġenerali injorat l-argument tagħha li l-intenzjoni tal-Kummissjoni li timponi obbligu fuq l-Istati Membri kollha sabiex ivaraw l-applikazzjonijiet u s-servizzi STI tirriżulta espressament mill-espożizzjonijiet tal-motivi rispettivi tar-Regolamenti kontenzjużi. |
69 |
Fl-aħħar, it-tielet parti ta’ dan l-aggravju hija bbażata fuq il-fatt li kien b’mod żbaljat li l-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tagħha li l-korp ta’ kontroll jikkostitwixxi element essenzjali tal-qasam ikkonċernat, li ma jistax ikun is-suġġett ta’ delega ta’ setgħa. |
70 |
Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
71 |
Hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 85 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-ewwel parti tat-tielet aggravju hija bbażata fuq qari żbaljat tal-ewwel sentenza tal-punt 39 tas-sentenza appellata. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Ċeka, il-Qorti Ġenerali ma kkonstatatx l-eżistenza ta’ ftehim bejn il-partijiet dwar l-interpretazzjoni tar-Regolamenti kontenzjużi, iżda biss dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2010/40. |
72 |
Fir-rigward tat-tieni parti tat-tielet aggravju, li permezz tagħha r-Repubblika Ċeka essenzjalment issostni li l-Qorti Ġenerali ma weġbitx espliċitament għall-argument tagħha bbażat fuq l-espożizzjonijiet tal-motivi rispettivi tar-Regolamenti kontenzjużi, hemm lok li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenzi, impost fuq il-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 36 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ma jeżiġix li din tagħti espożizzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed ir-raġunamenti kollha esposti mill-partijiet fil-kawża. Il-motivazzjoni tista’ għalhekk tkun impliċita, bil-kundizzjoni li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu r-raġunijiet li għalihom ittieħdu l-miżuri inkwistjoni u lill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (sentenzi tad-29 ta’ Marzu 2011, ArcelorMittal Luxembourg vs Il‑Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et, C‑201/09 P u C‑216/09 P, EU:C:2011:190, punt 78, u tat-8 ta’ Marzu 2016, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, C‑431/14 P, EU:C:2016:145, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
73 |
Issa, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 89 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali fil-punti 35 sa 44 tas-sentenza appellata huwa ċar u ta’ natura li jippermetti kemm lir-Repubblika Ċeka ssir taf ir-raġunijiet li għalihom il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motiv ikkonċernat kif ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha biżżejjed elementi sabiex teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. Minn dan jirriżulta li s-sentenza appellata ma hijiex ivvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni fuq dan il-punt. |
74 |
Permezz tat-tielet parti tat-tielet aggravju, ir-Repubblika Ċeka tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ċaħdet l-argument tagħha li l-korp ta’ kontroll jikkostitwixxi “element essenzjali”, fis-sens tal-Artikolu 290 TFUE, li ma jistax ikun is-suġġett ta’ delega ta’ setgħa. |
75 |
F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont it-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 290(1) TFUE, l-elementi essenzjali ta’ qasam għandhom ikunu rriżervati għall-att leġiżlattiv u għaldaqstant ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ delega. |
76 |
Din il-projbizzjoni li tiġi permessa delega ta’ setgħa fir-rigward ta’ elementi essenzjali tal-qasam ikkonċernat tikkorrispondi, barra minn hekk, għall-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1970, Köster, Berodt & Co., 25/70, EU:C:1970:115, punt 6, u tal-5 ta’ Settembru 2012, Il-Parlament vs Il‑Kunsill, C‑355/10, EU:C:2012:516, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
77 |
Skont din il-ġurisprudenza, il-kwistjoni dwar liema huma l-elementi ta’ qasam li għandhom jiġu kklassifikati bħala “essenzjali” ma taqax biss taħt l-evalwazzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni, iżda għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju. F’dan ir-rigward huwa neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi u l-partikolaritajiet tal-qasam ikkonċernat (sentenzi tal-5 ta’ Settembru 2012, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑355/10, EU:C:2012:516, punti 67 u 68, u tat-22 ta’ Ġunju 2016, DK Recycling und Roheisen vs Il‑Kummissjoni, C‑540/14 P, EU:C:2016:469, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
78 |
Element ikun ta’ natura essenzjali, fis-sens tat-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 290(1) TFUE b’mod partikolari jekk l-adozzjoni tiegħu tkun teħtieġ għażliet politiċi li jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet stess tal-leġiżlatur tal-Unjoni, inkwantu din timplika ponderazzjoni tal-interessi diverġenti inkwistjoni abbażi ta’ evalwazzjonijiet multipli, jew jekk din tippermetti interferenzi fi drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati ta’ tali importanza li l-intervent tal-leġiżlatur tal-Unjoni jkun neċessarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Settembru 2012, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑355/10, EU:C:2012:516, punti 65, 76 u 77). |
79 |
F’dan il-każ, fil-punt 72 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tar-Repubblika Ċeka li permezz tiegħu hija sostniet li l-ħolqien ta’ korp ta’ kontroll jikkostitwixxi element essenzjali tal-qasam ikkonċernat, li ma jistax ikun is-suġġett ta’ delega ta’ setgħa, filwaqt li qieset li kien biżżejjed li jiġi kkonstatat, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni ma kinitx qabżet l-awtorità mogħtija lilha mid-Direttiva 2010/40. |
80 |
Dan ir-raġunament huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi. |
81 |
Fil-fatt, billi tistipola espliċitament li l-elementi essenzjali ta’ qasam huma rriżervati għall-att leġiżlattiv u għaldaqstant ma jistgħux ikunu s-suġġet ta’ delega, it-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 290(1) TFUE tiddelimita d-diskrezzjonalità li minnha jgwadi l-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest tal-amministrazzjoni ta’ delega ta’ setgħa. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni hija intiża tiżgura li d-deċiżjonijiet li jirrigwardaw tali elementi jkunu rriżervati għal dan il-leġiżlatur. |
82 |
Issa, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx il-kwistjoni dwar jekk il-ħolqien tal-korp ta’ kontroll jikkostitwixxix jew le element essenzjali, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u għaldaqstant ma eskludietx li dan jista’ jkun il-każ. Hija llimitat ruħha tirreferi għall-portata tad-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2010/40. |
83 |
B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali kisret it-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 290(1) TFUE. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li din id-dispożizzjoni teżiġi, il-Qorti Ġenerali ma żguratx ruħha li, f’dan il-każ, l-adozzjoni ta’ regoli dwar elementi essenzjali tal-qasam ikkonċernat baqgħet irriżervata għal-leġiżlatur tal-Unjoni ma kinitx is-suġġett ta’ delega ta’ setgħa. |
84 |
Madankollu, peress li d-dispożittiv tas-sentenza appellata kien ibbażat fuq motiv ieħor ta’ liġi, hemm lok li ssir sostituzzjoni tal-motivi, b’mod konformi mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 56. |
85 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-klassifikazzjoni ta’ element bħala “essenzjali” ma tistax titħalla għad-dispożizzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni, iżda tiddependi fuq kriterji li jirriżultaw minn interpretazzjoni oġġettiva tat-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 290(1) TFUE, li fosthom hemm, b’mod partikolari, dawk imsemmija fil-punt 78 ta’ din is-sentenza. |
86 |
F’dan il-każ, fir-rigward tal-amministrazzjoni tal-korp ta’ kontroll, esposta fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, hemm lok li jitqies li l-ħolqien tiegħu la jimplika għażliet politiċi u lanqas interferenzi fid-drittijiet fundamentali tal-operaturi ta’ importanza li teħtieġ l-intervent tal-leġiżlatur tal-Unjoni. B’mod partikolari, il-kompetenzi ta’ dan il-korp jibqgħu essenzjalment limitati għall-ġbir ta’ informazzjoni u għall-preżentazzjoni ta’ rapporti ta’ evalwazzjoni. Il-konsegwenzi li l-istabbiliment tiegħu jimplika għall-operaturi kkonċernati huma limitati għal obbligu li jippreżentaw lil dan il-korp id-dettalji tal-identifikazzjoni tagħhom, deskrizzjoni tas-servizz ta’ informazzjoni li huma jipprovdu kif ukoll dikjarazzjonijiet ta’ konformità. |
87 |
Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Ċeka, il-ħolqien tal-korp ta’ kontroll ma jikkostitwixxix “element essenzjali” tal-qasam ikkonċernat, fis-sens tat-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 290(1) TFUE. |
88 |
Għaldaqstant, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu bħala infondat. |
89 |
Peress li t-tliet aggravji ġew miċħuda, hemm lok li l-appell jiġi miċħud. |
Fuq l-ispejjeż
90 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-istess Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. |
91 |
Peress li l-Kummissjoni talbet li r-Repubblika Ċeka tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li din tilfet fir-rigward tal-aggravji tagħha, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.