Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62014CJ0258

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-13 ta’ Ġunju 2017.
Eugenia Florescu et vs Casa Judeţeană de Pensii Sibiu et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Curtea de Apel Alba Iulia.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 143 TFUE — Diffikultajiet dwar il-bilanċ tal-pagamenti ta’ Stat Membru — Għajnuna finanzjarja mill-Unjoni Ewropea — Memorandum ta’ Ftehim konkluż bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istat Membru benefiċjarju — Politika soċjali — Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-kumulu bejn pensjoni tal-irtirar pubblika u dħul mis-salarju li jirriżulta mit-twettiq ta’ attivitajiet ma’ istituzzjoni pubblika — Differenza fit-trattament bejn il-persuni li t-tul tal-ħatra tagħhom huwa previst mill-kostituzzjoni u l-imħallfin professjonali.
Kawża C-258/14.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2017:448

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

13 ta’ Ġunju 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 143 TFUE — Diffikultajiet dwar il-bilanċ tal-pagamenti ta’ Stat Membru — Għajnuna finanzjarja mill-Unjoni Ewropea — Memorandum ta’ Ftehim konkluż bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istat Membru benefiċjarju — Politika soċjali — Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-kumulu bejn pensjoni tal-irtirar pubblika u dħul mis-salarju li jirriżulta mit-twettiq ta’ attivitajiet ma’ istituzzjoni pubblika — Differenza fit-trattament bejn il-persuni li t-tul tal-ħatra tagħhom huwa previst mill-kostituzzjoni u l-imħallfin professjonali”

Fil-Kawża C‑258/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Alba Iulia (qorti tal-appell ta’ Alba Iulia, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ April 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Mejju 2014, fil-proċedura

Eugenia Florescu,

Ioan Poiană,

Cosmina Diaconu, fil-kwalità ta’ eredi ta’ Mircea Bădilă,

Anca Vidrighin, fil-kwalità ta’ eredi ta’ M. Bădilă,

Eugenia Elena Bădilă, fil-kwalità ta’ eredi ta’ M. Bădilă,

vs

Casa Judeţeană de Pensii Sibiu,

Casa Națională de Pensii și alte Drepturi de Asigurări Sociale,

Ministerul Muncii, Familiei și Protecției Sociale,

Statul român,

Ministerul Finanțelor Publice,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, J. L. da Cruz Vilaça, E. Juhász, M. Berger, A. Prechal u E. Regan, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, A. Borg Barthet (Relatur), M. Safjan, D. Šváby u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Ottubru 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal E. Florescu u I. Poiană kif ukoll għal C. Diaconu, A. Vidrighin u E. E. Bădilă, fil-kwalità ta’ eredi ta’ M. Bădilă, minn D. Târşia, avukat,

għall-Casa Judeţeană de Pensii Sibiu, minn D. Aldea u I. Stan, bħala aġenti,

għall-Gvern Rumen, minn R. H. Radu kif ukoll minn A. Wellman u M. Bejenar, bħala aġenti,

għall-Gvern Elleniku, minn K. Georgiadis u S. Papaioannou, bħala aġenti,

għall-Gvern Ungeriż, minn Z. Fehér, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J.-P. Keppenne, H. Krämer u I. Rogalski kif ukoll minn L. Nicolae, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Diċembru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 6 TUE, 110 u 267 TFUE, tal-Artikoli 17, 20, 21 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal-Memorandum ta’ Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Rumanija, konkluż f’Bukarest u fi Brussell fit-23 ta’ Ġunju 2009 (iktar ’il quddiem il-“Memorandum ta’ Ftehim”), tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, tal-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza, kif ukoll tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Eugenia Florescu u Ioan Poiană kif ukoll Cosmina Diaconu, Anca Vidrighin u Eugenia Elena Bădilă, fil-kwalità ta’ eredi ta’ Mircea Bădilă u, min-naħa l-oħra, il-Casa Judeţeană de Pensii Sibiu (fond dipartimentali tal-pensjonijiet tal-irtirar ta’ Sibiu, ir-Rumanija), il-Casa Naţională de Pensii şi alte Drepturi de Asigurări Sociale (fond nazzjonali tal-pensjonijiet tal-irtirar u tad-drittijiet l-oħra tas-sigurtà soċjali, ir-Rumanija), il-Ministerul Muncii, Familiei și Protecției Sociale (il-ministeru tax-xogħol, tal-familja u tal-protezzjoni soċjali, ir-Rumanija), is-Statul român (l-Istat Rumen) u l-Ministerul Finanţelor Publice (il-ministeru tal-finanzi pubbliċi, ir-Rumanija) dwar drittijiet għall-pensjoni tal-irtirar.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament (KE) Nru 332/2002

3

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002, tat-18 ta’ Frar 2002, li jistabbilixxi faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta’ pagament tal-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 3, p. 81), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 431/2009, tat-18 ta’ Mejju 2009 (ĠU 2009, L 128, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 332/2002”), jistabbilixxi l-modalitajiet applikabbli għall-faċilità ta’ assistenza reċiproka previst fl-Artikolu 143 TFUE.

4

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“1.   Għandha tiġi stabbilita faċilita’ għal assistenza finanzjarja għal żmien medju li tippermetti li jingħata self lil wieħed jew aktar mill-Istati Membri li jkunu qed jesperjenzaw, jew ikunu qed jiġu mhedda serjament minn, diffikultajiet fil-bilanċ ta’ pagamenti kurrenti tagħhom jew fiċ-ċaqliq tal-kapitali tagħhom. Dawk l-Istati Membri biss li ma adottawx il-euro jistgħu jgawdu minn din il-faċilita tal-Komunità.

L-ammont pendenti ta’ self li jrid jingħata lill-Istati Membri taħt din il-faċilità għandu jkun limitat għal EUR 50 biljun bħala kapital.

2.   Għal dan il-għan, skond deċiżjoni adottata mill-Kunsill taħt l-Artikolu 3 u wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata li tikkuntratta self minn fuq is-swieq u istituzzjonijiet finanzjarji f’isem il-Komunità Ewropea.”

5

Skont l-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament:

“1.   Il-faċilità ta’ assistenza finanzjarja għal żmien medju tista’ tiġi implimentata mill-Kunsill fuq l-inizjattiva ta’:

(a)

l-Kummissjoni, waqt li tagixxi skond l-Artikolu 119 tat-Trattat bi ftehim ma’ l-Istat Membru li jkun qed jitlob iffinanzjar mill-Komunità;

(b)

Stat Membru li jkun qed jesperjenza, jew ikun qed jiġi mhedded serjament minn, diffikultajiet fir-rigward tal-bilanċ tal-pagamenti kurrenti jew ċaqliq fil-kapitali tiegħu.

2.   L-Istat Membru li jitlob għajnuna finanzjarja għal żmien medju għandu jiddiskuti l-istima tal-bżonnijiet finanzjarji tiegħu mal-Kummissjoni u jissottometti abbozz ta’ programm ta’ aġġustament lill-Kummissjoni u lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju. Il-Kunsill, wara li jeżamina s-sitwazzjoni fl-Istat Membru konċernat u l-programm ta’ aġġustament ippreżentat bħala sostenn tal-applikazzjoni tiegħu, għandu jiddeċiedi, bħala regola, waqt l-istess laqgħa:

(a)

jekk jagħtix is-self jew faċilita’ xierqa ta’ ffinanzjar, l-ammont u t-tul medju tagħhom;

(b)

il-kondizzjonijiet ta’ politika ekonomika marbutin mal-għajnuna finanzjarja għal żmien medju bil-ħsieb li terġa’ tiġi stabbilita jew li tkun żgurata sitwazzjoni sostenibbli fil-bilanċ tal-pagamenti;

(c)

il-metodi tekniċi kif jinħarġu l-flus tas-self jew tal-faċilità ta’ ffinanzjar, li r-rilaxx jew il-ġbid tagħhom, bħala regola, għandhom isiru permezz ta’ pagamenti suċċessivi, filwaqt li r-rilaxx ta’ kull pagament ikun suġġett għal verifika tar-riżultati miksuba fit-twettiq tal-programm abbażi tal-objettivi ffissati.”

6

L-Artikolu 3a tar-Regolament Nru 332/2002 jistabbilixxi:

“Il-Kummissjoni u l-Istati Membru kkonċernat għandhom jikkonkludu Memorandum ta’ Ftehim li jistipula dettaljatament il-kondizzjonijiet stabbiliti mill-Kunsill taħt l-Artikolu 3. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-Memorandum ta’ Ftehim lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.”

Id-Deċiżjonijiet 2009/458/KE u 2009/459/KE

7

Bis-saħħa tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/458/KE, tas-6 ta’ Mejju 2009, li tagħti għajnuna reċiproka lir-Rumanija, (ĠU 2009, L 150, p. 6), l-Unjoni tagħti assistenza reċiproka lir-Rumanija taħt l-Artikolu 143 TFUE. Barra minn hekk, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/459/KE, tas-6 ta’ Mejju 2009, li tagħti għajnuna finanzjarja tal-Komunità lir-Rumanija fuq medda medja ta’ żmien (ĠU 2009, L 150, p. 8), l-Unjoni Ewropea tqiegħed għad-dispożizzjoni tar-Rumanija self fuq medda medja ta’ żmien li jammonta għal EUR 5 biljun.

8

Skont l-Artikolu 2(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2009/459:

“1.   L-għajnuna għandha titmexxa mill-Kummissjoni b’mod konsistenti mal-impenji tar-Rumanija u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill, b’mod partikolari r-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma kif ukoll il-programm ta’ konverġenza.

2.   Il-Kummissjoni għandha taqbel mal-awtoritajiet tar-Rumanija, wara li tikkonsulta l-KEF [Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju], dwar il-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ politika ekonomika marbutin mal-għajnuna finanzjarja, kif stipulat fl-Artikolu 3(5). Dawk il-kundizzjonijiet għandhom jiġu stipulati f’Memorandum ta’ Ftehim konsistenti mal-impenji u r-rakkomandazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1. […]”.

9

Skont l-Artikolu 3(5) tad-Deċiżjoni 2009/459:

“Ir-rilaxx ta’ kull ħlas sussegwenti għandu jsir fuq il-bażi ta’ implimentazzjoni sodisfaċenti tal-programm ekonomiku l-ġdid tal-Gvern tar-Rumanija inkluż fil-Programm ta’ Konverġenza tar-Rumanija, fil-Programm Nazzjonali ta’ Riforma u, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ politika ekonomika stabbiliti fil-Memorandum ta’ Ftehim. Dawn għandhom jinkludu, inter alia,

(a)

l-adozzjoni ta’ programm fiskali ppjanat sewwa fuq medda medja ta’ żmien imfassal biex inaqqas, sal-2011, l-iżbilanċ ġenerali tal-gvern għal mhux aktar mil-livell ta’ referenza tat-Trattat ta’ 3 % tal-[prodott gross domestiku (PGD)];

(b)

l-adozzjoni u t-twettiq ta’ baġit emendat għall-2009 (sat-tieni kwart tal-2009), li jimmira lejn żbilanċ ġenerali tal-gvern ta’ mhux aktar minn 5,1 % tal-PGD fit-termini tal-ESA 95;

(c)

it-tnaqqis fin-nefqa fuq il-pagi fis-settur pubbliku f’termini nominali meta mqabbla mar-riżultat tal-2008 billi jitneħħew iż-żidiet fil-pagi tas-settur pubbliku (li jammontaw għal 5 % f’termini nominali) ippjanati għall-2009 (jew tnaqqis ulterjuri ekwivalenti fl-impjiegi) u billi jitnaqqsu l-impjiegi fis-settur pubbliku, inkluż billi jiġi sostitwit wieħed biss minn kull seba’ impjegati li jitilqu;

(d)

restrizzjonijiet addizzjonali fl-infiq fuq oġġetti u servizzi u f’sussidji għall-impriżi pubbliċi;

(e)

it-titjib tal-immaniġġjar baġitarju bl-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ qafas fiskali vinkolanti fuq medda medja ta’ żmien, u billi jiġu stabbiliti limiti fuq reviżjonijiet tal-baġit matul is-sena, inklużi r-regoli fiskali u jinħoloq kunsill fiskali li jipprovdi skrutinju indipendenti u espert;

(f)

ir-riforma tas-sistema ta’ kumpens tas-settur pubbliku, inkluż billi jingħaqdu u jiġu simplifikati l-iskali tal-pagi u tiġi rriformata s-sistema tal-bonusijiet;

(g)

ir-riforma ta’ parametri ewlenin tas-sistema tal-pensjonijiet permezz ta’ tqarrib lejn l-indiċjar tal-pensjonijiet fuq il-prezzijiet tal-konsumatur, minflok il-pagi, filwaqt li l-età tal-irtirar tkun aġġustata b’mod gradwali lil hinn mill-ftehim ippjanat, speċjalment għan-nisa, u l-parteċipazzjoni progressiva għall-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni ta’ gruppi ta’ impjegati pubbliċi li bħalissa jinsabu esklużi minn dawn il-kontribuzzjonijiet;

[…]”

Il-Memorandum ta’ Ftehim

10

Skont il-punt 5 tal-Memorandum ta’ Ftehim, il-ħlas ta’ kull parti tal-għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Unjoni lir-Rumanija għandu jsir bil-kundizzjoni ta’ implementazzjoni sodisfaċenti tal-programm ekonomiku tal-Gvern Rumen. Il-punt 5(a) tal-Memorandum ta’ Ftehim jipprevedi, fost il-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta din l-għajnuna, “tnaqqis tal-ispiża salarjali tas-settur pubbliku” [traduzzjoni mhux uffiċjali], filwaqt li fir-raba’ subparagrafu tal-punt 5(b) hemm indikat li “sabiex in-natura sostenibbli tal-finanzi pubbliċi tittejjeb fit-tul, il-parametri prinċipali tas-sistema tal-pensjonijiet għandhom jiġu rriformati” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

11

Il-punt 5(d) ta’ dan il-Memorandum ta’ Ftehim, intitolat “Ir-riforma strutturali”, jinkludi rakkomandazzjonijiet dwar miżuri intiżi sabiex itejbu l-effiċjenza u l-effikaċja tal-amministrazzjoni pubblika, sabiex itejbu l-kwalità tal-amministrazzjoni pubblika f’diversi oqsma, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-istrutturi deċiżjonali, it-tqassim tar-responsabbiltajiet bejn l-istituzzjonijiet, l-organizzazzjoni interna tal-ministeri prinċipali, il-kamp ta’ applikazzjoni u r-responsabbilizzazzjoni marbuta mal-implementazzjoni, u mal-adegwatezza tal-livelli tal-persunal u tal-ġestjoni tar-riżorsi umani.

Id-Direttiva 2000/78

12

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78, din għandha l-għan li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam mal-impjieg u x-xogħol, bl-iskop li timplementa fl-Istati Membri l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

13

L-Artikolu 2(1) u (2) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1:

(a)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

(b)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, partikolari fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

(i)

meta dik id-disposizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika ikunu oġġettivament ġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati u neċessarji, […]

[…]”

Id-dritt Rumen

14

L-Artikolu 83 tal-Legea no 303/2004 privindstatutul judecătorilor şi al procurorilor (Liġi Nru 303/2004 fuq l-istatut tal-imħallfin u tal-prosekuturi), tat-28 ta’ Ġunju 2004 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 826, tat-13 ta’ Settembru 2005), kien jippermetti l-kumulu tal-funzjoni ġudizzjarja biss mal-funzjoni ta’ għalliem fil-kuntest tal-edukazzjoni għolja. Barra minn hekk, din il-liġi kienet tipprovdi li l-imħallfin u l-prosekuturi li jkunu waqfu mix-xogħol minħabba li jirtiraw setgħu jakkumulaw il-pensjoni tal-irtirar tagħhom mad-dħul minn attività professjonali, ikun xi jkun il-livell tal-imsemmi dħul.

15

Fil-5 ta’ Novembru 2009 ġiet adottata l-Legea no 329/2009 privind reorganizarea unor autorităţi şi instituţii publice, raţionalizarea cheltuielilor publice, susţinerea mediului de afaceri şi respectarea acordurilor-cadru cu Comisia Europeană şi Fondul Monetar Internaţional (Liġi Nru 329/2009 dwar ir-riorganizzazzjoni ta’ ċerti awtoritajiet u istituzzjonijiet pubbliċi, razzjonalizzazzjoni tal-ispejjeż pubbliċi, appoġġ għan-negozji u osservanza tal-ftehimiet qafas konklużi mal-Kummissjoni Ewropea u l-Fond Monetarju Internazzjonali, Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 761, tad-9 ta’ Novembru 2009).

16

L-Artikolu 2 ta’ din il-liġi jipprovdi li l-miżuri stabbiliti minnha, li huma ta’ natura eċċezzjonali, għandhom l-għan li jitnaqqsu l-effetti tal-kriżi ekonomika u li jitwettqu l-obbligi li jirriżultaw mill-Memorandum ta’ Ftehim u mill-ftehim ta’ konferma konkluż bejn ir-Rumanija u l-Kummissjoni kif ukoll il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI).

17

B’mod partikolari, l-imsemmija liġi imponiet tnaqqis fis-salarji, miżura li kienet ġiet applikata fil-kuntest tat-tagħlim universitarju. Bis-saħħa tal-Artikolu 3 ta’ din l-istess liġi, il-miżuri adottati skont il-Memorandum ta’ Ftehim huma intiżi sabiex jegħlbu l-kriżi finanzjarja. Huma jikkonsistu fit-tnaqqis tal-ispejjeż tal-persunal fil-livell tal-amministrazzjoni pubblika, permezz tat-tnaqqis tas-salarji, kif ukoll permezz tar-riorganizzazzjoni jew tat-tneħħija ta’ awtoritajiet jew ta’ istituzzjonijiet pubbliċi, wara l-konsolidazzjoni tagħhom permezz ta’ akkwist, għaqda, diviżjoni jew tnaqqis fil-persunal.

18

L-Artikoli 17 sa 26 tal-Liġi Nru 329/2009 jipprojbixxu l-kumulu tal-pensjoni netta mad-dħul minn attivitajiet imwettqa ma’ istituzzjonijiet pubbliċi jekk il-livell tagħha jeċċedi l-livell tas-salarju gross medju nazzjonali, li serva ta’ bażi għall-istabbiliment tal-baġit tas-sigurtà soċjali tal-Istat.

19

L-Artikolu 18 tal-imsemmija liġi jipprovdi li l-pensjonanti, imsemmija fl-Artikolu 17 tagħha, huma obbligati li jesprimu bil-miktub l-għażla tagħhom bejn is-sospensjoni tal-ħlas tal-pensjoni matul it-twettiq tal-attività tagħhom u t-terminazzjoni tar-relazzjoni tax-xogħol, tar-relazzjoni ta’ servizz jew tal-effetti tal-att ta’ ħatra jekk il-livell tal-pensjoni netta li titħallas lilhom tkun ogħla mis-salarju gross medju nazzjonali. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 20 tal-Liġi Nru 329/2009 jipprovdi li n-nuqqas tat-twettiq ta’ dan l-obbligu ta’ espressjoni tal-għażla fit-terminu previst jikkostitwixxi kawża ġusta ta’ terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol stabbilita taħt il-kuntratt individwali ta’ xogħol jew tal-att ta’ ħatra, u tar-relazzjoni ta’ servizz.

20

Skont l-Artikolu 21(2) tal-Legea no 554/2004 contenciosului administrativ (Liġi Nru 554/2004 fuq it-tilwim amministrattiv), tat-2 ta’ Diċembru 2004 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 1154, tas-7 ta’ Diċembru 2004), jikkostitwixxi motiv għal reviżjoni, b’żieda ma’ dak ipprovdut mill-kodiċi ta’ proċedura ċivili, l-għoti ta’ sentenzi li jkunu saru finali u irrevokabbli, bi ksur tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni.

It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

21

E. Florescu, I. Poiană u M. Bădilă kienu jeżerċitaw il-professjoni ta’ mħallef. Wara d-dħul tagħhom fil-ġudikatura huma kkonkludew, individwalment, kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat għal pożizzjonijiet ta’ lecturers, allokati permezz ta’ kompetizzjoni, mal-fakulta tal-liġi ta’ Sibiu. Għalhekk, b’mod parallel mal-attività tagħhom ta’ mħallef huma wettqu attività ta’ lecturer universitarju.

22

Matul is-sena 2009, wara iktar minn 30 sena ta’ servizz, E. Florescu, I. Poiană u M. Bădilă eżerċitaw id-dritt tagħhom għall-irtirar mill-kariga ta’ mħallef. Matul dan l-irtirar huma setgħu, konformement mal-Liġi Nru 303/2004, jakkumulaw il-pensjoni tal-irtirar tagħhom mad-dħul magħmul mill-attività tagħhom ta’ tagħlim universitarju.

23

Wara l-adozzjoni tal-Liġi Nru 329/2009, li minn dakinhar ’il quddiem ipprojbiet tali kumulu, E. Florescu I. Poiană u M. Bădilă għażlu s-sospensjoni tal-ħlas tal-pensjoni tagħhom mill-1 ta’ Jannar 2010. Bħala konsegwenza ta’ dan, fit-28 ta’ Diċembru 2009, il-fond dipartimentali tal-pensjonijiet tal-irtirar ta’ Sibiu ddeċieda li jissospendi l-ħlas ta’ dawn il-pensjonijiet.

24

Mis-sentenza tal-4 ta’ Novembru 2009 tal-Curtea Constituțională (qorti kostituzzjonali, ir-Rumanija), li permezz tagħha l-Liġi Nru 329/2009 ġiet iddikjarata konformi mal-kostituzzjoni sa fejn l-Artikoli 17 sa 26 ta’ din il-liġi ma jirrigwardawx il-persuni li t-tul tal-ħatra tagħhom huwa stabbilit espliċitament mill-kostituzzjoni, jirriżulta li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni ta’ akkumulazzjoni tal-pensjoni tal-irtirar ma’ salarju ta’ oriġini pubblika, b’mod partikolari, persuni li għandhom mandat leġiżlattiv jew eżekuttiv u l-membri tal-Curtea de Conturi (qorti tal-awdituri, ir-Rumanija), tal-Curtea Constituțională (qorti kostituzzjonali, ir-Rumanija), tal-Consiliul Superior al Magistraturii (kunsill għoli tal-ġudikatura, ir-Rumanija) u tal-Înalta Curte de Casație și Justiție (qorti għolja ta’ kassazzjoni u ta’ ġustizzja, ir-Rumanija).

25

Fl-1 ta’ Marzu 2010, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw, quddiem it-Tribunalul Sibiu (qorti għolja ta’ Sibiu, ir-Rumanija), rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjonijiet ta’ sospensjoni tal-pensjonijiet adottati fil-konfront tagħhom b’applikazzjoni tal-Liġi Nru 329/2009, u sabiex il-konvenuti fil-kawża prinċipali jiġu kkundannati jħallsuhom il-pensjoni tal-irtirar fix-xahar tagħhom b’effett mix-xahar ta’ Jannar 2010. Insostenn tar-rikors tagħhom huma sostnew li l-Artikoli 17 sa 26 tal-Liġi Nru 329/2009, li jirrigwardaw is-sistema ta’ kumulu tal-pensjonijiet tal-irtirar mad-dħul mix-xogħol, imorru kontra d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari kontra d-dispożizzjonijiet tat-Trattat UE u tal-Karta, minkejja l-fatt li din il-liġi ġiet adottata biex ikun hemm konformità mal-Memorandum ta’ Ftehim.

26

Ir-rikors ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Mejju 2012. L-appell minn din id-deċiżjoni quddiem il-Curtea de Apel Alba Iulia Secţia pentru conflicte de muncăşi asigurări sociale (qorti tal-appell ta’ Alba Iulia, ir-Rumanija, sezzjoni tat-tilwim industrijali u tas-sigurtà soċjali, ir-Rumanija) ġie miċħud b’sentenza tad-9 ta’ Novembru 2012.

27

E. Florescu, I. Poiană u M. Bădilă konsegwentement ippreżentaw rikors għal reviżjoni kontra din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, fejn talbu li din is-sentenza titħassar kompletament u li tittieħed deċiżjoni ġdida dwar ir-rikors tagħhom. Wara l-mewt ta’ M. Bădilă, l-eredi tiegħu, jiġifieri C. Diaconu, A. Vidrighin u E.E. Bădilă, intervjenew fil-proċedura fil-kawża prinċipali. Insostenn ta’ dan ir-rikors għal reviżjoni, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali stiednu lill-qorti tar-rinviju tagħmel serje ta’ domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel Alba Iulia (qorti tal-appell ta’ Alba Iulia) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

[Il-Memorandum ta’ Ftehim] jista’ jitqies li huwa att, deċiżjoni, komunikazzjoni, etc., li għandu saħħa legali, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tat-3 ta’ Frar 1976, Manghera et, 59/75, [EU:C:1976:14]; u tal-20 ta’ Marzu 1997, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑57/95, [EU:C:1997:164]), u jista’ jkun suġġett għall-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja?

2)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva, il-Memorandum [ta’ Ftehim], għandu jiġi interpretat fis-sens li, bil-għan li jitnaqqsu l-effetti tal-kriżi ekonomika permezz tat-tnaqqis tal-ispejjeż tal-persunal, il-Kummissjoni Ewropea tista’ validament timponi l-adozzjoni ta’ liġi nazzjonali li ċċaħħad lil persuna mid-dritt tagħha li tirċievi l-pensjoni kontributorja għal iktar minn 30 sena ta’ kontribuzzjonijiet, stabbilita skont il-liġi u rċevuta qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija liġi, għar-raġuni li din il-persuna tirċievi salarju għal attività mwettqa abbażi ta’ kuntratt ta’ xogħol, differenti minn dik li fir-rigward tagħha hija tirċievi l-pensjoni?

3)

Il-Memorandum [ta’ Ftehim] għandu jiġi interpretat fis-sens li, bil-għan li [jitnaqqsu l-effetti tal-]kriżi ekonomika, il-Kummissjoni Ewropea tista’ validament timponi l-adozzjoni ta’ liġi nazzjonali li ċċaħħad lil persuna, b’mod komplet u għal żmien indefinit, mid-dritt tagħha li tirċievi l-pensjoni kontributorja għal iktar minn 30 sena ta’ kontribuzzjonijiet, stabbilita skont il-liġi u rċevuta qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija liġi, għar-raġuni li din il-persuna tirċievi salarju għal attività mwettqa abbażi ta’ kuntratt ta’ xogħol, differenti minn dik li fir-rigward tagħha hija tirċievi l-pensjoni?

4)

[Il-Memorandum ta’ Ftehim] fit-totalità tiegħu, u b’mod iktar partikolari l-punt 5(d) tiegħu, dwar ir-riorganizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika u t-tisħiħ tal-effiċjenza tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li, bil-għan li [jitnaqqsu l-effetti tal-]kriżi ekonomika, il-Kummissjoni Ewropea imponiet validament l-adozzjoni ta’ liġi nazzjonali li tistabbilixxi l-projbizzjoni tal-kumulu tal-pensjoni [tal-irtirar] mas-salarju għall-uffiċjali rtirati tal-istituzzjonijiet pubbliċi?

5)

L-Artikoli 17, 20, 21 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 6 TUE, l-Artikolu 110 TFUE, il-prinċipju ta’ ċertezza legali li jirriżulta mid-dritt Komunitarju u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jistgħu jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni bħall-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004, li tipprovdi, fil-każ ta’ ksur tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, għall-possibbiltà ta’ reviżjoni tad-deċiżjonijiet tal-qrati nazzjoni mogħtija biss fil-qasam tal-kontenzjuż amministrattiv u li ma tippermettix il-possibbiltà ta’ reviżjoni tad-deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali mogħtija f’oqsma oħra (ċivili, kriminali, kummerċjali, etc.), fil-każ ta’ ksur tal-istess prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni permezz [tad‑]deċiżjonijiet [imsemmija l-aħħar]?

6)

[L-Artikolu 6 TUE] jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-ħlas tal-pensjoni tal-imħallfin professjonali, stabbilita abbażi tal-kontribuzzjonijiet ta’ dawn tal-aħħar [imħallsa] matul iktar minn 30 sena ta’ servizz ġudizzjarju, għat-tmiem tal-kuntratt ta’ xogħol tagħhom fil-qasam tat-tagħlim tal-liġi fuq livell universitarju?

7)

[L-Artikolu 6 TUE], l-Artikolu 17(1) tal-Karta […] u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprekludu leġiżlazzjoni li tesproprija [lill-imħallfin mid-dritt għall-proprjetà tagħhom fuq il-pensjoni], minkejja li din tal-aħħar ġiet stabbilita abbażi ta’ iktar minn 30 sena ta’ kontribuzzjonijiet, u minkejja li l-imħallfin ikkontribwew u jikkontribwixxu, b’mod separat, għall-fond tal-pensjonijiet, abbażi tal-attività universitarja tagħhom?

8)

[L-Artikolu 6 TUE] u l-Artikolu 2(2)(b) tad-[Direttiva 2000/78] u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jipprekludu deċiżjoni mogħtija mill-Qorti Kostituzzjonali ta’ Stat Membru li, fl-istħarriġ tal-kostituzzjonalità ta’ liġi, tiddeċiedi li d-dritt għall-kumulu tal-pensjoni mas-salarju jappartjeni biss lill-persuni maħtura b’mandat, u b’hekk iċċaħħad minn dan id-dritt lill-imħallfin professjonali li huma pprojbiti milli jirċievu l-pensjoni stabbilita abbażi tal-kontribuzzjonijiet personali tagħhom imħallsa matul iktar minn 30 sena, għar-raġuni li żammew il-kariga tagħhom ta’ lecturer fil-kuntest tat-tagħlim tal-liġi fuq livell universitarju?

9)

[L-Artikolu 6 TUE] u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprekludu leġiżlazzjoni li tissuġġetta, għal żmien indefinit, il-ħlas tal-pensjoni tal-imħallfin stabbilita abbażi tal-kontribuzzjonijiet tagħhom imħallsa matul iktar minn 30 sena għat-tmiem tal-attività universitarja tagħhom?

10)

[L-Artikolu 6 TUE] u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprekludu leġiżlazzjoni li xxejjen il-bilanċ ġust li għandu jinżamm bejn il-protezzjoni tal-proprjetà individwali u r-rekwiżit tal-interess ġenerali, billi tobbliga biss lil ċerta kategorija ta’ persuni tbati t-telf tal-pensjoni ta’ mħallef għar-raġuni li l-imsemmija persuni jwettqu attività universitarja?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

29

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-Memorandum ta’ Ftehim li tiegħu qiegħda tintalab l-interpretazzjoni għandux jitqies li huwa att adottat minn istituzzjoni tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, li jista’ jiġi suġġett għall-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

30

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 267 TFUE jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-ġurisdizzjoni li tiddeċiedi, preliminarjament, fuq il-validità u l-interpretazzjoni tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, mingħajr ebda eċċezzjoni (sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 1989, Grimaldi, C‑322/88, EU:C:1989:646, punt 8, u tal-11 ta’ Mejju 2006, Friesland Coberco Dairy Foods, C‑11/05, EU:C:2006:312, punt 36).

31

F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li l-Memorandum ta’ Ftehim ġie konkluż bejn il-Komunità Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni, u r-Rumanija. Il-bażi legali ta’ dan il-memorandum hija l-Artikolu 143 TFUE, li jagħti lill-Unjoni l-kompetenza biex tagħti assistenza reċiproka lil Stat Membru li l-munita tiegħu ma hijiex l-euro u li jkollu diffikultajiet jew ikun mhedded b’mod serju b’diffikultajiet dwar il-bilanċ tal-pagamenti tiegħu. Abbażi ta’ dan l-artikolu, il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-Kunsill, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-għoti ta’ tali assistenza reċiproka u l-metodi xierqa f’dan ir-rigward. Huwa l-Kunsill li għandu jagħti tali assistenza reċiproka u li għandu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet ta’ din l-assistenza permezz tal-adozzjoni ta’ direttivi jew ta’ deċiżjonijiet.

32

Ir-Regolament Nru 332/2002 jistabbilixxi l-modalitajiet applikabbli għall-faċilità ta’ assistenza reċiproka prevista fl-imsemmi Artikolu 143 TFUE. L-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament jindika li, skont deċiżjoni adottata mill-Kunsill taħt l-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament u wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata li tikkuntratta self minn fuq is-swieq u istituzzjonijiet finanzjarji f’isem l-Unjoni.

33

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 3a tar-Regolament Nru 332/2002 tipprevedi li l-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat għandhom jikkonkludu Memorandum ta’ Ftehim li jistipula dettaljatament il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Kunsill taħt l-Artikolu 3 tal-istess regolament. Il-Memorandum ta’ Ftehim konkluż bejn l-Unjoni u r-Rumanija, li tiegħu qiegħda tintalab l-interpretazzjoni mill-qorti tar-rinviju f’dan il-każ, ġie adottat skont din il-proċedura, sa fejn il-Kunsill adotta suċċessivament żewġ deċiżjonijiet, jiġifieri d-Deċiżjoni 2009/458 li tagħti assistenza reċiproka lir-Rumanija abbażi tal-Artikolu 143 TFUE u d-Deċiżjoni 2009/459, li tqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ dan l-Istat Membru self fuq medda medja ta’ żmien li jammonta għal EUR 5 biljun, u li l-Artikolu 2(2) tagħha jipprevedi li l-kundizzjonijiet fil-qasam ta’ politika ekonomika li għalihom tkun suġġetta l-għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Unjoni għandhom ikunu stabbiliti f’Memorandum ta’ Ftehim.

34

Għalhekk, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Memorandum ta’ Ftehim jikkostitwixxi konkretizzazzjoni ta’ impenn bejn l-Unjoni u Stat Membru fuq programm ekonomiku, innegozjat minn dawn il-partijiet, li permezz tiegħu dan l-Istat Membru jintrabat li jirrispetta għanijiet ekonomiċi ddefiniti minn qabel sabiex ikun jista’ jibbenefika, suġġett għall-osservanza ta’ dan l-impenn, mill-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni.

35

Peress li huwa att li l-bażi ġuridika tiegħu tinsab fid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija fil-punti 31 sa 33 ta’ din is-sentenza u li ġie konkluż, b’mod partikolari, mill-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, il-Memorandum ta’ Ftehim jikkostitwixxi att adottat minn istituzzjoni tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 267(b) TFUE.

36

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-Memorandum ta’ Ftehim għandu jitqies li huwa att adottat minn istituzzjoni tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, li jista’ jiġi suġġett għall-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Fuq it-tieni sar-raba’ domandi

37

Permezz tat-tieni sar-raba’ domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-Memorandum ta’ Ftehim għandux jiġi interpretat fis-sens li jimponi l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-projbizzjoni li l-pensjoni tal-irtirar netta tiġi akkumulata mad-dħul minn attivitajiet imwettqa ma’ istituzzjonijiet pubbliċi jekk il-livell tagħha jeċċedi l-livell tas-salarju gross medju nazzjonali li serva ta’ bażi għall-istabbiliment tal-baġit tas-sigurtà soċjali tal-Istat.

38

F’dan ir-rigward, hekk kif ġie enfasizzat fil-kuntest tar-risposta għall-ewwel domanda, il-Memorandum ta’ Ftehim jikkostitwixxi konkretizzazzjoni ta’ impenn bejn l-Unjoni u Stat Membru fuq programm ekonomiku li tippermetti li dan tal-aħħar jibbenefika minn faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta’ pagament tal-Istati Membri, prevista fl-Artikolu 143 TFUE u speċifikata permezz tar-Regolament Nru 332/2002. Dan jinvolvi numru ta’ rekwiżiti fil-qasam tal-politika ekonomika li ġew deċiżi bi qbil bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Rumeni, konformement mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2009/459, u li għall-osservanza tagħhom huwa suġġett l-għoti tal-għajnuna finanzjarja.

39

L-ewwel paragrafu tal-punt 5 ta’ dan il-memorandum jindika, f’dan ir-rigward, li l-ħlas ta’ kull parti jsir bil-kundizzjoni tal-implementazzjoni sodisfaċenti tal-programm ekonomiku tal-Gvern Rumen. Għall kull parti, ġew stabbiliti kriterji speċifiċi ta’ politika ekonomika, ta’ natura baġitarja jew kwalitattiva, li huma indikati fid-dettall fl-Anness I tal-imsemmi memorandum, u li għandhom jiġu osservati mir-Rumanija fil-kuntest tal-għanijiet ta’ dan il-programm, jiġifieri l-konsolidazzjoni baġitarja, il-governanza baġitarja, il-politika monetarja u r-regolamentazzjoni tas-settur finanzjarju kif ukoll, fl-aħħar nett, ir-riforma strutturali. Fil-limiti tal-kriterji msemmija iktar ’il fuq, huma l-awtoritajiet Rumeni li għandhom jimplementaw is-soluzzjonijiet ekonomiċi konkreti li għandhom jippermettulhom jilħqu dawn l-għanijiet u li jirrispettaw l-iskeda stabbilita mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

40

Iktar minn hekk, fir-raba’ subparagrafu tal-punt 5(b) tal-Memorandum ta’ Ftehim, hemm indikat li s-sistema tal-pensjonijiet għandha tiġi rriformata, b’mod partikolari permezz ta’ miżuri bħaż-żieda fl-età tal-irtirar jew l-indiċjar tal-ammont ta’ dawn il-pensjonijiet tas-settur pubbliku mal-prezzijiet għall-konsum.

41

Dan espost, il-Memorandum ta’ Ftehim, għalkemm huwa vinkolanti, ma jinkludi l-ebda dispożizzjoni speċifika li timponi l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

42

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, hemm lok li r-risposta għat-tieni sar-raba’ domandi tkun li l-Memorandum ta’ Ftehim għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jimponix l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-projbizzjoni li l-pensjoni tal-irtirar netta fis-settur pubbliku tiġi akkumulata mad-dħul minn attivitajiet imwettqa ma’ istituzzjonijiet pubbliċi jekk il-livell tagħha jeċċedi l-livell tas-salarju gross medju nazzjonali li serva ta’ bażi għall-istabbiliment tal-baġit tas-sigurtà soċjali tal-Istat.

Fuq is-sitt, is-seba’, id-disa’ u l-għaxar domandi

43

Permezz tas-sitt, tas-seba’, tad-disa’ u tal-għaxar domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6 TUE u l-Artikolu 17 tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-projbizzjoni li l-pensjoni tal-irtirar netta fis-settur pubbliku tiġi akkumulata mad-dħul minn attivitajiet imwettqa ma’ istituzzjonijiet pubbliċi jekk il-livell tagħha jeċċedi ċertu livell.

44

Għandu jitfakkar li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta, fir-rigward tal-azzjoni tal-Istati Membri, huwa ddefinit fl-Artikolu 51(1) ta’ din tal-aħħar, li jistabbilixxi li d-dispożizzjonijiet tal-Karta japplikaw għall-Istati Membri biss meta dawn ikunu qegħdin jimplementaw id-dritt tal-Unjoni (sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 17).

45

F’dan il-każ, hekk kif esponiet il-qorti tar-rinviju, il-Liġi Nru 329/2009, li tirrigwarda “ir-riorganizzazzjoni ta’ ċerti awtoritajiet u istituzzjonijiet pubbliċi, razzjonalizzazzjoni tal-ispejjeż pubbliċi, appoġġ għan-negozji u osservanza tal-ftehimiet qafas konklużi mal-[Kummissjoni] u l-[FMI]”, ġiet adottata sabiex ir-Rumanija tkun tista’ tikkonforma ruħha mal-impenji adottati fil-konfront tal-Unjoni u previsti fil-Memorandum ta’ Ftehim. Skont l-Artikolu 2 ta’ din il-liġi, l-għan tal-miżuri stabbiliti minnha huwa b’mod partikolari “li jitwettqu l-obbligi li jirriżultaw mill-Memorandum ta’ Qbil bejn il-Komunità Ewropea u r-Rumanija”.

46

Fost il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Memorandum ta’ Ftehim, li għalihom huwa suġġett l-għoti tal-għajnuna finanzjarja, hemm, fil-punt 5(a) tiegħu, it-tnaqqis tal-ispiża salarjali tas-settur pubbliku, u fir-raba’ subparagrafu tal-punt 5(b), bil-għan li n-natura sostenibbli tal-finanzi pubbliċi tittejjeb fit-tul, ir-riforma tal-paramentri prinċipali tas-sistema tal-pensjonijiet.

47

Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-miżura ta’ projbizzjoni ta’ kumulu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li simultanjament tfittex li tilħaq iż-żewġ għanijiet imsemmija fil-punt preċedenti, hija intiża għall-implementazzjoni tal-impenji li għalihom daħlet ir-Rumanija fil-Memorandum ta’ Ftehim, li jifforma parti mid-dritt tal-Unjoni.

48

Huwa minnu li l-Memorandum ta’ Ftehim jħalli ċertu marġni ta’ manuvra lir-Rumanija sabiex tiddeċiedi liema huma l-miżuri li l-aħjar jistgħu jwasslu għall-osservanza tal-imsemmija impenji. Madankollu, minn naħa, meta Stat Membru jadotta miżuri fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilu minn att tad-dritt tal-Unjoni, huwa għandu jitqies li qiegħed jimplementa dan id-dritt, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et, C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punti 65 sa 68). Min-naħa l-oħra, l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(5) tad-Deċiżjoni 2009/459, u dawk stabbiliti fil-Memorandum ta’ Ftehim, huma suffiċjentement iddettaljati u preċiżi sabiex ikun jista’ jitqies li l-projbizzjoni ta’ kumulu li tirriżulta mil-Liġi Nru 329/2009 hija intiża għall-implementazzjoni tal-memorandum u ta’ din id-deċiżjoni, u, għaldaqstant, tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta. Konsegwentement, din tal-aħħar hija applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

49

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 17 tal-Karta, b’mod partikolari l-paragrafu 1 tiegħu, jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Sabiex tiġi ddeterminata l-portata tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-proprjetà, hemm lok, fid-dawl tal-Artikolu 52(3) tal-Karta, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 1 tal-Protokoll addizzjonali Nru 1 għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, li tistabbilixxi dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 356).

50

F’dan ir-rigward, meta leġiżlazzjoni tipprevedi l-ħlas awtomatiku ta’ benefiċċju soċjali, din tiġġenera interess patrimonjali li jaqa’, għall-persuni li jissodisfaw ir-rekwiżiti tagħha, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1 tal-Protokoll addizzjonali Nru 1 tal-imsemmija konvenzjoni (Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, 7 ta’ Lulju 2011, Stummer vs L-Awstrija, CE:ECHR:2011:0707JUD003745202, § 82). Għalhekk, id-drittijiet li jirriżultaw mill-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet fi skema tas-sigurtà soċjali huma drittijiet patrimonjali għall-finijiet ta’ dan l-artikolu (Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, 12 ta’ Ottubru 2004, Kjartan Ásmundsson vs l-Islanda, CE:ECHR:2004:1012JUD006066900, § 39). Madankollu, id-dritt għall-proprjetà sanċit mill-imsemmi artikolu ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jagħti dritt għal pensjoni ta’ ammont speċifiku (Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, 12 ta’ Ottubru 2004, Kjartan Ásmundsson vs l-Islanda, CE:ECHR:2004:1012JUD006066900, § 39).

51

Fir-rigward tal-Artikolu 17 tal-Karta, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dritt għall-proprjetà sanċit minn dan l-artikolu ma huwiex prerogattiva assoluta u li l-eżerċizzju tiegħu jista’ jkun suġġett għal restrizzjonijiet iġġustifikati minn għanijiet ta’ interess ġenerali li l-Unjoni tfittex li tilħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il‑Kummissjoni u l-BĊE, C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

Fil-kawża prinċipali, għalkemm huwa ċertament minnu li l-miżura nazzjonali inkwistjoni ma tinvolvix privazzjoni pura u sempliċi tad-dritt għal pensjoni tal-persuni li jinsabu fis-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali sa fejn dawn jistgħu jkomplu jirċievu l-pensjoni tal-irtirar tagħhom jekk jirrinunzjaw li, b’mod parallel, ikomplu jwettqu attività professjonali mħallsa ma’ istituzzjoni pubblika. Madankollu, tali miżura tirrestrinġi l-użu u t-tgawdija tad-dritt għal pensjoni tal-persuni kkonċernati, sa fejn din timplika s-sospensjoni tal-ħlas tal-pensjoni tagħhom meta huma għażlu li jkomplu jwettqu tali attività.

53

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minnha għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet u libertajiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

54

Għalhekk għandu jiġi ddeterminat jekk ir-restrizzjoni għad-dritt għall-proprjetà li tirriżulta mill-projbizzjoni, prevista fil-Liġi Nru 329/2009, li l-pensjoni tal-irtirar netta fis-settur pubbliku tiġi akkumulata mad-dħul minn attività mwettqa ma’ istituzzjoni pubblika, tosservax il-kontenut essenzjali tad-dritt għall-proprjetà, jekk din għandhiex għan ta’ interess ġenerali u jekk din hijiex neċessarja għal dan il-għan.

55

F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jiġi osservat li, kif jirriżulta minn kliem l-Artikolu 2 tal-Liġi Nru 329/2009, din hija ta’ natura eċċezzjonali u hija intiża li tkun temporanja. Barra minn hekk, hija ma tqigħedx inkwistjoni l-prinċipju nnifsu tad-dritt għall-pensjoni, imma tillimita l-eżerċizzju tiegħu f’ċirkustanzi definiti u inkwadrati tajjeb, jiġifieri meta l-pensjoni hija kkumulata ma’ attività mwettqa ma’ istituzzjonijiet pubbliċi u meta l-ammont ta’ din il-pensjoni jeċċedi ċertu livell. Għalhekk, il-Liġi Nru 329/2009 tosserva l-kontenut essenzjali tad-dritt għall-proprjetà li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandhom fuq il-pensjonijiet inkwistjoni, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 83 tal-konklużjonijiet tiegħu.

56

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-Liġi Nru 329/2009 hija intiża għar-razzjonalizzazzjoni tal-ispejjeż pubbliċi f’kuntest eċċezzjonali ta’ kriżi globali fil-livelli finanzjarji u ekonomiċi (ara, f’dan is-sens, Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, 20 ta’ Marzu 2012, Ionel Panlife vs Ir-Rumanija, CE:ECHR:2012:0320DEC001390211, § 21). F’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, din fl-istess ħin għandha l-għan tat-tnaqqis tal-ispiża salarjali tas-settur pubbliku kif ukoll dak tar-riforma tas-sistema tal-pensjoni, li ġew stabbiliti bid-Deċiżjoni 2009/459 u mill-Memorandum ta’ Ftehim bil-għan li jitnaqqsu d-diffikultajiet tal-bilanċ tal-pagamenti li wasslu sabiex ir-Rumanija titlob u tikseb għajnuna finanzjarja mingħand l-Unjoni. Tali għanijiet huma għanijiet ta’ interess ġenerali.

57

Fir-rigward tal-adegwatezza u tan-neċessità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li, fid-dawl tal-kuntest ekonomiku speċifiku, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ meta jadottaw deċiżjonijiet fil-qasam ekonomiku, u li huma jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jiddefinixxu l-miżuri li jistgħu jwasslu biex jintlaħaq l-għan imfittex.

58

Barra minn hekk, il-Liġi Nru 329/2009 ma timponix piż sproporzjonat u eċċessiv fuq il-persuni kkonċernati mill-projbizzjoni li l-pensjoni tal-irtirar tiġi akkumulata mad-dħul minn attività mwettqa ma’ istituzzjoni pubblika peress li, minn naħa, huwa biss meta l-ammont tal-pensjoni tagħhom jeċċedi l-livell tas-salarju gross medju nazzjonali, li serva ta’ bażi għall-istabbiliment tal-baġit tas-sigurtà soċjali tal-Istat, li huma għandhom jagħżlu bejn il-ħlas tal-pensjoni tal-irtirar tagħhom u l-ħlas ta’ dan id-dħul, u li, min-naħa l-oħra, huma jistgħu f’kull ħin jagħżlu li jitterminaw ir-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom u jerġgħu jibdew jirċievu l-pensjoni tal-irtirar tagħhom, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 86 tal-konklużjonijiet tiegħu.

59

Għalhekk, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess ġenerali mfittxija u hija neċessarja sabiex jintlaħaq l-imsemmi għan.

60

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, ir-risposta għas-sitt, għas-seba’, għad-disa’ u għall-għaxar domandi għandha tkun li l-Artikolu 6 TUE u l-Artikolu 17(1) tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-projbizzjoni li l-pensjoni tal-irtirar netta fis-settur pubbliku tiġi akkumulata mad-dħul minn attivitajiet imwettqa ma’ istituzzjonijiet pubbliċi jekk il-livell tagħha jeċċedi ċertu livell.

Fuq it-tmien domanda

61

Permezz tat-tmien domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78 għandux jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tipprekludi interpretazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi li l-projbizzjoni prevista minnha li l-pensjoni tal-irtirar netta tiġi akkumulata mad-dħul minn attivitajiet ma’ istituzzjonijiet pubbliċi jekk il-livell ta’ din il-pensjoni jeċċedi l-livell tas-salarju gross medju nazzjonali li serva ta’ bażi għall-istabbiliment tal-baġit tas-sigurtà soċjali tal-Istat tapplika għall-imħallfin professjonali, iżda mhux għal persuni li nħatru b’mandat previst mill-kostituzzjoni nazzjonali.

62

Għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-possibbiltà li tiddeċiedi dwar kwistjoni simili fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015, SCMD (C‑262/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:336), li kienet tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2) u tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/78 fil-kuntest tal-istess dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 329/2009.

63

Fil-punt 29 ta’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sa fejn, skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament sanċit minn din id-direttiva huwa intiż li jiġġieled kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq xi waħda mir-raġunijiet elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 1 tagħha, l-imsemmija direttiva ma tirrigwardax id-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq il-kategorija professjonali jew fuq il-post tax-xogħol.

64

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju ma ssemmi ebda waħda mir-raġunijiet elenkati fl-imsemmi Artikolu 1 u tillimita ruħha, fid-domandi tagħha, li ssemmi differenza fit-trattament bejn l-imħallfin professjonali u l-persuni li nħatru b’mandat previst mill-kostituzzjoni Rumena.

65

Konsegwentement, sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax taħt il-kuntest ġenerali, stabbilit mill-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2000/78, għall-ġlieda kontra ċerti diskriminazzjonijiet (ara s-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015, SCMD, C‑262/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:336, punt 31).

66

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tmien domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni ma tapplikax għall-interpretazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi li l-projbizzjoni prevista minnha li l-pensjoni tal-irtirar netta tiġi akkumulata mad-dħul minn attivitajiet ma’ istituzzjonijiet pubbliċi jekk il-livell ta’ din il-pensjoni jeċċedi l-livell tas-salarju gross medju nazzjonali li serva ta’ bażi għall-istabbiliment tal-baġit tas-sigurtà soċjali tal-Istat tapplika għall-imħallfin professjonali, iżda mhux għall-persuni li nħatru b’mandat previst mill-kostituzzjoni nazzjonali.

Fuq il-ħames domanda

67

Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li huma biss id-deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu kisbu l-awtorità ta’ res judicata mogħtija f’kontenzjuż amministrattiv li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ reviżjoni fil-każ ta’ ksur tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni.

68

Fid-dawl tar-risposti mogħtija għad-domandi l-oħra, ma hemmx lok li tingħata rispsota għal din id-domanda.

Fuq l-ispejjeż

69

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-Memorandum ta’ Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Rumanija, konkluż f’Bukarest u fi Brussell fit-23 ta’ Ġunju 2009, għandu jitqies li huwa att adottat minn istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, li jista’ jiġi suġġett għall-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea,

 

2)

Il-Memorandum ta’ Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Rumanija, konkluż f’Bukarest u fi Brussell fit-23 ta’ Ġunju 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jimponix l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-projbizzjoni li l-pensjoni tal-irtirar netta fis-settur pubbliku tiġi akkumulata mad-dħul minn attivitajiet imwettqa ma’ istituzzjonijiet pubbliċi jekk il-livell tagħha jeċċedi l-livell tas-salarju gross medju nazzjonali li serva ta’ bażi għall-istabbiliment tal-baġit tas-sigurtà soċjali tal-Istat.

 

3)

L-Artikolu 6 TUE u l-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-projbizzjoni li l-pensjoni tal-irtirar netta fis-settur pubbliku tiġi akkumulata mad-dħul minn attivitajiet imwettqa ma’ istituzzjonijiet pubbliċi jekk il-livell tagħha jeċċedi ċertu livell.

 

4)

L-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni ma tapplikax għall-interpretazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi li l-projbizzjoni prevista minnha li l-pensjoni tal-irtirar netta tiġi akkumulata mad-dħul minn attivitajiet ma’ istituzzjonijiet pubbliċi jekk il-livell ta’ din il-pensjoni jeċċedi l-livell tas-salarju gross medju nazzjonali li serva ta’ bażi għall-istabbiliment tal-baġit tas-sigurtà soċjali tal-Istat tapplika għall-imħallfin professjonali, iżda mhux għall-persuni li nħatru b’mandat previst mill-kostituzzjoni nazzjonali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.

Fuq