EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62015CJ0411

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tat-12 ta’ Jannar 2017.
Timab Industries u Cie financière et de participations Roullier (CFPR) vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Akkordji – Suq Ewropew tal-fosfati għall-għalf tal-annimali – Attribuzzjoni ta’ kwoti ta’ bejgħ, il-koordinazzjoni tal-prezzijiet u tal-kundizzjonijiet ta’ bejgħ u l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva – Irtirar tar-rikorrenti mill-proċedura ta’ riżolviment tat-tilwim – Ġurisdizzjoni sħiħa – Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tal-ugwaljanza fit-trattament – Tul ta’ żmien raġonevoli tal-proċedura.
Kawża C-411/15 P.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2017:11

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

12 ta’ Jannar 2017 ( *1 )

“Appell — Akkordji — Suq Ewropew tal-fosfati għall-għalf tal-annimali — Attribuzzjoni ta’ kwoti ta’ bejgħ, il-koordinazzjoni tal-prezzijiet u tal-kundizzjonijiet ta’ bejgħ u l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva — Irtirar tar-rikorrenti mill-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim — Ġurisdizzjoni sħiħa — Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ trattament ugwali — Tul raġonevoli tal-proċedura”

Fil-Kawża C-411/15 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fis-27 ta’ Lulju 2015,

Timab Industries, stabbilita f’Dinard (Franza), irrappreżentata minn N. Lenoir, avukat prattikanti f’Pariġi,

Cie financière et de participations Roullier (CFPR), stabbilita f’Saint-Malo (Franza), irrappreżentata minn N. Lenoir, avukat prattikanti f’Pariġi,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Giolito u B. Mongin, bħala aġenti, assistiti minn N. Coutrelis, avukat prattikanti f’Pariġi, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn M. Berger (Relatur), President tal-Awla, E. Levits u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Lulju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħhom, l-appellanti, Timab Industries (iktar ’il quddiem “Timab”) u Cie financière et de participations Roullier (CFPR) jitolbu, prinċipalment, l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tal-20 ta’ Mejju 2015, Timab Industries u CFPR vs Il-Kummissjoni (T-456/10, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2015:296), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħhom intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 5001 finali, tal-20 ta’ Lulju 2010, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 [TFUE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38866 – Fosfati għall-għalf tal-annimali) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”, kif ukoll ir-rinviju tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għall-finijiet tat-tnaqqis xieraq tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom. Sussidjarjament, huma jitolbu li jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt għal smigħ xieraq tagħhom minħabba d-dewmien irraġonevoli tal-proċedura ġudizzjarja.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament (KE) Nru 1/2003

2

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), jipprovdi fl-Artikolu 7(1) tiegħu:

“Fejn il-Kummissjoni, taggixxi fuq ilment jew fuq l-inizjattiva proprja tagħha, issib li hemm ksur ta’ l-Artikolu [101] jew ta’ l-Artikolu [102 TFUE] tat-Trattat, tista’ b’deċiżjoni tirrikjedi l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża konċernata li itemm dan il-ksur. Għal dan il-għan, tista’ timponi fuqhom kwalunkwe rimedju komportamentali jew strutturali li huma proporzjonali għall-ksur kommess u neċessarju biex iġib fit-temm dan il-ksur. […]”

3

Skont l-Artikolu 23(2) u (3) ta’ dan ir-regolament:

“2.   Il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi multi fuq l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża meta, jew b’intenżjoni jew b’negligenza:

a)

jiksru l-Artikolu [101] jew l-Artikolu [102 TFUE] […]

[…]

Għal kull impriża u assoċjazzjoni ta’ l-impriża li qed jipparteċipaw fil-ksur, il-multi mhux ser jaqbżu l-10 % tat-total ta’ valur tal-bejgħ fis-sena kmmerċjali preċedenti.

[…]

3.   Fit-twaħħil ta’ l-ammont li jrid jiġi mmultat, rigward irrid jingħata lejn il-gravità u it-tul tal-ksur.”

Ir-Regolament (KE) Nru 773/2004

4

Matul l-2008, ġiet stabbilita il-proċedura ta’ riżolviment tat-tilwim bl-adozzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 622/2008, tat-30 ta’ Ġunju 2008, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 773/2004 fir-rigward ta’ kif jitmexxew il-proċeduri għar-riżolviment f’każi ta’ kartelli (ĠU 2008, L 171, p. 3). Il-metodi ta’ implementazzjoni ta’ dan ir-regolament ġew ippreċiżati bl-Avviż tal-Kummissjoni, tat-2 ta’ Lulju 2008, dwar il-mod ta’ proċedimenti ta’ riżolviment ta’ tilwim bil-għan li jiġu adottati Deċiżjonijiet skont l-Artikolu 7 u l-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-każijiet tal-kartelli (ĠU 2008, C 167, p. 1, iktar ’il quddiem “l-Avviż dwar il-proċeduri ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim”).

5

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004, tas-7 ta’ April 2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikoli [101] sa [102 TFUE] (ĠU 2004, L 123, p. 18), kif emendat bir-Regolament Nru 622/2008 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 773/2004”), jipprovdi fl-Artikolu 10a tiegħu, intitolat “Proċeduri għar-riżolviment f’każi ta’ kartelli”:

“1.   Wara li jibdew il-proċedimenti skond l-Artikolu 11(6) tar-Regolament (KE) […] Nru 1/2003, il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi skadenza li fiha l-partijiet jistgħu jindikaw li huma lesti li jidħlu għal diskussjonijiet għar-riżolviment bil-ħsieb li possibilment ikunu introdotti s-sottomissjonijiet għar-riżolviment. Il-Kummissjoni m’għandhiex tkun obbligata tikkunsidra t-tweġibiet riċevuti wara l-iskadenza ta’ dak il-limitu ta’ żmien.

[…]

2.   Il-partijiet li jkunu qed jieħdu sehem fid-diskussjonijiet għar-riżolviment jistgħu jiġu infurmati mill-Kummissjoni b’:

a)

l-oġġezzjonijiet li tkun qed tipprevedi li tressaq kontrihom;

b)

il-provi użati biex ikunu determinati l-oġġezzjonijiet previsti;

c)

verżjonijiet mhux kunfidenzjali ta’ kwalunkwe dokument speċifiku aċċessibbli elenkat fil-fajl tal-każ f’dak il-mument partikolari, safejn talba tal-parti tkun iġġustifikata bl-iskop li tgħin lill-parti taċċerta l-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-perjodu ta’ żmien jew ta’ kwalunkwe aspett ieħor dwar il-kartell; kif ukoll

d)

il-firxa tal-multi potenzjali.

[…]

Jekk isir progress fid-diskussjonijiet għar-riżolviment, il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi limitu ta’ żmien li fih il-partijiet jistgħu jkunu kommessi jsegwu l-proċedura għar-riżolviment billi jressqu sottomissjonijiet għar-riżolviment li jirriflettu r-riżultati tad-diskussjonijiet dwar ir-riżolviment u jirrikonoxxu l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur ta’ l-Artikolu [101 TFUE] kif ukoll ir-responsabbiltà tagħhom. Qabel ma l-Kummissjoni tistabbilixxi l-limitu taż-żmien biex il-partijiet ikkonċernati jressqu s-sottomissjonijiet, dawn fi żmien xieraq għandhom ikunu intitolati li tingħatalhom l-informazzjoni mitluba minnhom kif speċifikat fl-Artikolu 10a(2), l-ewwel subparagrafu. Il-Kummissjoni m’għandhiex tkun obbligata tikkunsidra sottomissjonijiet miktuba riċevuti wara l-iskadenza ta’ dak il-limitu ta’ żmien.

3.   Meta d-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet innotifikata lill-partijiet tkun tirrifletti l-kontenut tas-sottomissjonijiet għar-riżolviment, it-tweġiba bil-miktub għad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzzjonijiet mill-partijiet ikkonċernati fil-limitu taż-żmien stabbilit mill-Kummissjoni, għandha tikkonferma li d-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet indirizzata lilhom tkun tirrifletti l-kontenut tas-sottomissjonijiet tagħhom għar-riżolviment. Il-Kummissjoni tista’ imbagħad tipproċedi biex tadotta deċiżjoni skond l-Artikolu 7 u l-Artikolu 23 tar-Regolament […] Nru 1/2003 wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Prattiċi Ristrettivi u l-Pożizzjonijiet Dominanti skond l-Artikolu 14 tar-Regolament […] Nru 1/2003.

4.   Il-Kummissjoni fi kwalunkwe ħin tista’ tiddeċiedi li twaqqaf għal kollox il-proċedura dwar d-diskussjonijiet għar-riżolviment għall-każ speċifiku jew fir-rigward ta’ parti jew partijiet speċifiċi involuti, jekk din tikkunsidra li aktarx li ma jinkisbux l-effiċjenzi proċedurali.”

Il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni

6

Skont il-punt 1 tal-Avviż dwar il-proċeduri ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim:

“Din in-Notifika tistabbilixxi qafas sabiex tiġi ppremjata l-kooperazzjoni fil-mod kif isiru l-proċedimenti li jkunu nbdew in vista ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [101 TFUE] fil-każi ta’ kartelli. […] Il-kooperazzjoni koperta b’din in-Notifika hi differenti mill-produzzjoni volontarja ta’ xhieda biex tixpruna jew tmexxi ’l quddiem l-investigazzjoni tal-Kummissjoni, li hi koperta min-Notifika tal-Kummissjoni dwar l-Immunità mill-multi u t-tnaqqis fil-multi fil-każi ta’ kartelli […] Sakemm il-kooperazzjoni offruta minn impriża tikkwalifika taħt iż-żewġ Notifiki tal-Kummissjoni, din tista’ tkun ippremjata kif xieraq b’mod kumulattiv”

7

Il-Parti 2.1 tal-avviż imsemmi, intitolata “Ftuħ ta’ proċedimenti u passi esploratorji fir-rigward ta’ riżolviment”, tipprovdi, fil-punt 11 tagħha:

“Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li jkun xieraq li tesplora l-interess tal-partijiet fil-parteċipazzjoni f’diskussjonijiet dwar ir-riżolviment, hi tiffissa skadenza li ma tkunx anqas minn ġimagħtejn skond l-Artikoli 10a(1) u 17(3) tar-Regolament […] Nru 773/2004 li fl-ambitu tiegħu il-partijiet għall-istess proċedimenti għandhom jiddikjaraw bil-miktub jekk ikunx bi ħsiebhom jipparteċipaw f’diskussjonijiet dwar riżolviment bil-għan li possibbilment jagħmlu sottomissjonijiet għal riżolviment aktar ’il quddiem. Din id-dikjarazzjoni miktuba ma timplikax ammissjoni mill-partijiet li pparteċipaw fi ksur jew li kienu responsabbli għalih.”

8

Il-punti 15 sa 17 u 19 tal-Avviż dwar il-proċeduri ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim, li jidħlu taħt il-Parti 2.2 ta’ dan l-avviż, intitolat “Bidu tal-proċediment ta’ riżolviment: diskussjonijiet dwar riżolviment”, jipprovdu:

“15.

Il-Kummissjoni żżomm id-dritt li tiddetermina ma’ kull impriża l-adegwatezza u r-ritmu tad-diskussjonijiet bilaterali dwar ir-riżolviment. F’konformità ma’ l-Artikolu 10a(2) tar-Regolament […] Nru 773/2004, dan jinkludi li, fid-dawl tal-progress li jkun sar b’mod ġenerali fil-proċediment tar-riżolviment, il-Kummissjoni tiddetermina l-ordni u s-sekwenza tad-diskussjonijiet bilaterali dwar ir-riżolviment kif ukoll il-waqt meta tiżvela l‑informazzjoni, inkluża x-xhieda fil-fajl tal-Kummissjoni wżata biex jiġu stabbiliti l-oġġezzjonijiet previsti u l-multa eventwali. L-informazzjoni tiġi żvelata b’mod f’waqtu meta jkun sar progress fid-diskussjonijiet dwar ir-riżolviment.

16.

Żvelar bikri bħal dan fil-kuntest ta’ diskussjonijiet dwar ir-riżolviment skond l-Artikolu 10a(2) […] tar-Regolament […] Nru 773/2004 jippermetti li l-partijiet ikunu infurmati bl-elementi essenzjali li jkunu ġew ikkunsidrati sa dak il-mument, bħal mhuma l-fatti allegati, il-klassifikazzjoni ta’ dawn il-fatti, il-gravita’ ta’ l-allegat kartell u t-tul ta’ żmien li jkun ilu jeżisti, l-attribuzzjoni tar-responsabbiltajiet, l-istima tal-firxa tal-multi li x’aktarx jingħataw kif ukoll ix-xhieda miġjuba biex jiġu stabbiliti l-oġġezzjonijiet eventwali. B’hekk il-partijiet ikunu jistgħu jwasslu l-fehmiet tagħhom b’mod effettiv dwar l-oġġezzjonijiet li potenzjalment jinġiebu kontrihom u jkunu jistgħu wkoll jagħmlu deċiżjoni infurmata dwar jekk jirriżolvux jew le. […]

17

Meta l-progress li jkun sar matul id-diskussjonijiet dwar ir-riżolviment iwassal għal qbil komuni dwar l-ambitu ta’ l-oġġezzjonijiet eventwali u l-istima tal-firxa tal-multi li x’aktarx tkun ser twaħħal il-Kummissjoni, u l-Kummissjoni tieħu konsiderazzjoni preliminari li fid-dawl tal-progress li sar, din il-proċedura tkun iktar effikaċi, il-Kummissjoni tista’ tiffissa skadenza finali ta’ mill-inqas 15-il ġurnata ta’ xogħol għal impriża biex tippreżenta sottomissjoni ta’ riżolviment finali […]

[…]

19

Jekk il-partijiet ikkonċernati jonqsu milli jippreżentaw sottomissjoni tar-riżolviment, il-proċediment li jwassal għad-deċiżjoni finali fil-każ tagħhom jimxi skond id-dispożizzjonijiet ġenerali […] minflok dawk li jirregolaw il-proċediment tar-riżolviment.”

9

Il-Parti 2.3 tal-Avviż dwar il-proċeduri ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim, intitolata “Sottomissjonijiet għal riżolviment”, tipprovdi, fil-punt 20 tagħha, li l-partijiet li jagħżlu li jsir proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim għandhom jagħmlu talba formali għar-riżolviment fil-forma ta’ sottomissjoni għal riżolviment. F’din it-talba għandu jkun hemm, b’mod partikolari, rikonoxximent f’termini ċari u mingħajr ekwivoċi tar-responsabbiltà tal-partijiet għall-ksur kif ukoll il-konferma tal-partijiet li huma ma jipprevedux li ser jitolbu aċċess għall-fajl jew jitolbu smigħ ieħor f’seduta verbali, sakemm il-Kummissjoni ma tirriflettix is-sottomissjonijiet tagħhom għar-riżolviment fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni.

10

Skont il-punt 21 tal-Avviż dwar il-proċeduri ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim, li wkoll jinsab taħt l-imsemmija Parti 2.3:

“Ir-rikonoxximenti u l-konfermi pprovduti mill-partijiet rigward riżolviment jikkostitwixxu espressjoni ta’ l-impenn tagħhom biex jikkooperaw fil-maniġġar bil-għaġġla tal-każ skond il-proċediment ta’ riżolviment. Madankollu, dawn ir-rikonoxximenti u l-konfermi huma suġġetti għall-aċċettazzjoni mill-Kummissjoni tat-talba tagħhom għal riżolviment, inkluż l-ogħla ammont previst tal-multa.”

11

Il-Parti 2.4 ta’ dan l-Avviż, intitolata “Dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet u tweġiba”, tipprovdi, fil-punti 23, 24 u 26 tagħha:

“23.

Skond l-Artikolu 10(1) tar-Regolament […] Nru 773/2004, in-notifika ta’ dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet bil-miktub lil kull waħda mill-partijiet li kontrihom ikunu tqajmu l-oġġezzjonijiet, hija fażi preparatorja obbligatorja qabel l-adozzjoni ta’ kwalunkwe deċiżjoni finali. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha toħroġ dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet anke f’każ ta’ proċediment ta’ riżolviment.

24.

Biex ikun żgurat li l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-partijiet għad-difiża jkun effettiv, il-Kummissjoni tisma’ l-fehmiet tagħhom dwar l-oġġezzjonijiet kontrihom u x-xhieda ta’ sostenn qabel ma tadotta deċiżjoni finali u tagħtihom kunsiderazzjoni billi temenda l-analiżi preliminari tagħha kif ikun jixraq (13). Il-Kummissjoni trid tkun tista’ mhux biss taċċetta jew tiċħad l-argumenti rilevanti tal-partijiet miġjuba minnhom matul il-proċediment amministrattiv, imma wkoll tagħmel l-analiżi proprja tagħha tal-kwistjonijiet li jkunu tressqu bil-għan li jew jikkonvinċuha twaqqa’ dawn l-oġġezzjonijiet minħabba provi ta’ nuqqas ta’ bażi għalihom jew li jiġu ssupplimentati u riveduti l-argumenti tagħhom, kemm fil-fatt kif ukoll bi dritt, b’sostenn ta’ l-oġġezzjonijiet imħaddna mill-Kummissjoni.

[…]

26.

Jekk id-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet tirrifletti s-sottomissjonijiet tal-partijiet għal riżolviment, il-partijiet ikkonċernati jkunu, sa skadenza […] ffissata mill-Kummissjoni […] weġbuha billi sempliċement jikkonfermaw (f’termini mingħajr ekwivoċi) li d-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet tikkorrispondi mal-kontenut tas-sottomissjonijiet tagħhom dwar ir-riżolviment u li għalhekk huma jibqgħu marbuta li jsegwu l-proċediment tar-riżolviment. […]”

12

Il-Parti 2.5 tal-Avviż dwar il-proċeduri ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim, intitolata “Deċiżjoni tal-Kummissjoni u għoti ta’ kumpens għal riżolviment”, tipprovdi, fil-punti 28, 30, 32 u 33 tagħha:

“28.

Ladarba l-partijiet ikunu wieġbu għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet u jikkonfermaw l-impenn tagħhom biex jirriżolvu, ir-Regolament (KE) […] Nru 773/2004 jippermetti lill-Kummissjoni tipproċedi, mingħajr ebda pass proċedurali ieħor, bl-adozzjoni tad-deċiżjoni finali sussegwenti skond l-Artikoli 7 u/jew 23 tar-Regolament (KE) […] Nru 1/2003 […]. B’mod partikolari, dan ifisser li l-ebda seduta verbali jew aċċess għall-fajl ma jistgħu jintalbu minn dawk il-partijiet ladarba s-sottomissjonijiet tagħhom għal riżolviment ikunu riflessi mid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet […]

[…]

30.

L-ammont finali tal-multa f’każ speċifiku jiġi stabbilit fid-deċiżjoni li fiha tikkonstata l-ksur skond l-Artikolu 7 u timponi multa skond l-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) […] Nru 1/2003.

[…]

32.

Jekk tiddeċiedi li tikkumpensa lil parti partikolari bħala riżolviment fil-qafas ta’ din in-Notifika, il-Kummissjoni tnaqqas b’10 % l-ammont tal-multa li kellha tkun imposta wara li jkun applikat il-limitu ta’ 10 % stabbilit fil-Linji Gwida għall-metodu ta’ kif jiġu ffissati l-multi imposti skond l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 […]

33.

F’każi li fihom sar riżolviment ma’ impriżi li jkunu talbu għall-benefiċċji ta’ trattament favorevoli, it-tnaqqis fil-multa li jkun ingħatalhom għar-riżolviment ikun miżjud mal-kumpens mogħti bħala benefiċċju tat-trattament favorevoli.”

Il-Linji gwida tal-2006

13

Il-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-2006”) jistabbilixxu l-metodu li l-Kummissjoni għandha tuża għall-iffissar tal-multa li għandha tiġi imposta fuq l-impriżi u fuq l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi meta, fuq inizjattiva tagħhom stess jew b’negliġenza, dawn iwettqu ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli [101] jew [102] TFUE.

14

Konformement mal-punti 10 u 11 tal-Linji gwida tal-2006:

“10.

Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni għandha tiddetermina ammont bażiku għal kull impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi […]

11.

Fit-tieni lok, hija tista’ taġġusta dan l-ammont bażiku, ’il fuq jew l-isfel […]”

15

Il-punt 27 tal-Linji gwida għall-2006, li jinsab taħt il-Parti 2 tagħhom, intitolata “Aġġustament tal-ammont bażiku”, jipprovdi:

“Fid-determinazzjoni tal-multa, il-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi li jwasslu għal żieda jew għal tnaqqis fl-ammont bażiku […] Dan għandu jsir abbażi ta’ evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti.”

16

Il-punt 29 tal-Linji gwida tal-2006, li jagħti bidu għall-Parti B ta’ dawn il-Linji gwida, intitolata “Ċirkustanzi attenwanti”, jipprovdi:

“L-ammont bażiku tal-multa jista’ jonqos meta l-Kummissjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti bħal:

[…]

meta l-impriża kkonċernata tikkoopera effettivament mal-Kummissjoni, barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Avviż dwar l-immunità u lil hinn mill-obbligi ġuridiċi tagħha li tikkoopera;

[…]”

Il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni

17

Skont il-punti 20 sa 23 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-Immunità minn multi u t-tnaqqis tal-ammont ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar l-immunità”), li jinsabu fil-Parti B ta’ dan l-avviż, intitolata “Tnaqqis f’multa”:

“20.

Impriżi li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet taħt is-sezzjoni A hawn fuq jistgħu jkunu eliġibbli biex jibbenefikaw minn tnaqqis ta’ kull multa li kieku kienet tkun imposta.

21.

Biex tikkwalifika, impriża għandha tipprovdi l-Kummissjoni bi provi tal-ksur tal-liġi ssospettat li jirrapreżentaw valur miżjud b’rispett għall-evidenza li diġa’ tinstab fil-pussess tal-Kummissjoni u għanda twaqqaf l-involviment tagħha fil-ksur tal-liġi ssuspettat mhux aktar tard miż-żmien li fih tressaq il-provi.

22.

Il-kunċett ta’ “valur miżjud” jirreferi għall-punt sa fejn il-provi pprovduti jinforzaw, bin-natura tagħhom u/jew bil-livell ta’ detall, l-abilità tal-Kummissjoni li tipprova l-fatti msemmija. F’din l-istima, il-Kummissjoni ġeneralment tikkunsidra l-provi bil-miktub li joriġinaw mill-perjodu ta’ żmien li miegħu jirrelataw il-fatti biex ikollhom valur ikbar mill-provi stabbiliti wara. Bl-istess mod, provi li huma direttament rilevanti għall-fatti msemmija ġeneralment jiġu kkunsidrati li għandhom valur akbar minn dawk b’rilevanza indiretta biss.

23.

Il-Kummissjoni ser tiddetermina f’kull deċiżjoni finali adottata

fl-

aħħar tal-proċedura amministrattiva: a) jekk il-provi pprovduti minn impriża rrapreżentaw valur miżjud sinnifikattiv b’rispett għall-provi fil-pussess tal-Kummissjoni fl-istess żmien.

b)

il-livell ta’ tnaqqis li l-impriża tibbenefika minnu, b’mod relattiv għall-multa li kieku kienet tiġi imposta, kif ġej. Għal:

l-ewwel impriża li tissodisfa l-punt 21: tnaqqis ta 30-50 %,

it-tieni impriża li tissodisfa il-punt 21: tnaqqis ta’ 20-30 %,

impriżi oħra li jissodisfaw il-punt 21: tnaqqis sa 20 %

Biex jiġi ddeterminat il-livell ta’ tnaqqis f’kull waħda minn dawn il-faxex, il-Kummissjoni ser tieħu kont taż-żmien li fih ġew mressqin il-provi li jissodisfaw il-punt 21 u l-punt sa fejn jirrappreżentaw valur miżjud. Tista’ wkoll tieħu kont tal-miżura u tal-kontinwità ta’ kull kooperazzjoni ipprovduta mill-impriża wara d-data tas-sottomissjoni tagħħa.

Barra dan, jekk impriża tipprovdi provi rrelatati ma’ fatti li qabel ma kienux magħrufa lill-Kummissjoni li għandhom rilevanza diretta fuq il-gravità u t-tul tal-kartell issuspettat, il-Kummissjoni mhijiex ser tieħu kont ta’ dawn l-elementi meta tordna li tiġi imposta multa fuq l-impriża li tipprovdi dawn il-provi.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

18

Il-fatti li wasslu għall-kawża u għad-deċiżjoni kkontestata, kif jirriżultaw mill-punti 1 sa 28 tas-sentenza appellata, jistgħu jiġu esposti fil-qosor kif ġej.

19

Timab, sussidjarja tal-grupp Roullier li CFPR hija l-kumpannija ta’ portafoll tagħha, tipproduċi u tikkummerċjalizza prodotti kimiċi, jiġifieri fosfati għall-għalf tal-annimali (iktar ’il quddiem il-“FGħA”).

20

Il-grupp Kemira kien l-ewwel li informa lill-Kummissjoni b’akkordju sigriet fil-FGħA, permezz ta’ talba għall-immunità mill-multi abbażi tal-Avviż dwar l-immunità, fit-28 ta’ Novembru 2003. Din it-talba kienet tirrigwarda l-perijodu inkluż bejn l-1989 u l-2003.

21

L-informazzjoni pprovduta mill-grupp Kemira ppermettiet lill-Kummissjoni li twettaq, fl-10 u fil-11 ta’ Frar 2004, fi Franza u fil-Belġju, spezzjonijiet fil-binjiet ta’ numru ta’ impriżi attivi fis-settur tal-FGħA, b’mod partikolari f’dawk ta’ Timab.

22

Sussegwentement, tliet impriżi oħra ppreżentaw talbiet intiżi biex jibbenefikaw minn immunità mill-multi abbażi tal-Avviż dwar l-immunità.

23

B’hekk, fit-18 ta’ Frar 2004, Tessenderlo Chemie NV ippreżentat tali talba li tkopri, din id-darba, il-perijodu kollu tal-ksur, jiġifieri l-perijodu mill-1969 sal-2004.

24

Fis-27 ta’ Marzu 2007, Quimitécnica.com-Comércia e Indústria Química SA u l-kumpannija parent tagħha José de Mello SGPS SA ppreżentaw, min-naħa tagħhom, talba abbażi tal-Avviż dwar l-immunità.

25

Fl-14 ta’ Ottubru 2008, ir-rikorrenti ressqu wkoll talba intiża sabiex jibbenefikaw mill-Avviż dwar l-immunità, ikkompletata fit-28 ta’ Ottubru 2009.

26

Permezz ta’ ittri tad-19 ta’ Frar 2009, il-Kummissjoni informat lill-partijiet fl-akkordju, fosthom Timab, dwar il-ftuħ ta’ proċeduri bil-għan tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni għall-applikazzjoni tal-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1/2003 u ffissat terminu ta’ ġimgħatejn sabiex tippermettilhom jinformawha, bil-miktub, jekk kinux lesti jieħdu sehem f’diskussjonijiet bil-għan li jaslu għal riżolviment fis-sens tal-Artikolu 10a tar-Regolament Nru 773/2004.

27

Wara numru ta’ laqgħat bilaterali bejn il-Kummissjoni u l-impriżi kkonċernati, b’mod partikolari Timab, li matulhom ġew prodotti s-sustanza tal-ilmenti kif ukoll il-provi li jsostnuhom, il-Kummissjoni ffissat il-firxa tal-multi li jistgħu jingħataw. Din l-istima, jiġifieri firxa ta’ multi minn EUR 41 miljun sa EUR 44 miljun għall-parteċipazzjoni ta’ Timab fi ksur uniku u kontinwu mill-31 ta’ Diċembru 1978 sal-10 ta’ Frar 2004, ġiet ikkomunikata lil din tal-aħħar, fis-16 ta’ Settembru 2009.

28

Sussegwentement, il-Kummissjoni tat terminu lill-kumpanniji kkonċernati, fosthom lil Timab, sabiex dawn jippreżentaw proposti formali ta’ riżolviment, konformement mal-Artikolu 10a(2) tar-Regolament Nru 772/2004. Il-partijiet kollha fl-akkordju ppreżentaw proposti ta’ riżolviment fit-terminu li kien ġie assenjat lilhom, bl-eċċezzjoni tar-rikorrenti, li ddeċidew li jirtiraw mill-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim.

29

Fit-23 ta’ Novembru 2009, il-Kummissjoni adottat sitt dikjarazzjonijiet tal-oġġezzjonijiet indirizzati lir-rikorrenti, minn naħa, u għal kull waħda mill-partijiet fl-akkordju li kienet aċċettat il-proposta ta’ riżolviment, min-naħa l-oħra.

30

Wara li kellhom aċċess għall-fajl u rrispondew għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, fit-2 ta’ Frar 2010, ir-rikorrenti pparteċipaw fi smigħ, li nżamm fl-24 ta’ Frar 2010.

31

Fl-20 ta’ Lulju 2010, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, li fiha din kienet tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu tal-Artikoli 101 TFUE u 53 tal-Ftehim ŻEE fis-settur tal-FGħA. Skont il-Kummissjoni, dan il-ksur uniku u kontinwu seħħ mis-16 ta’ Settembru 1993 sal-10 ta’ Frar 2004 u kien jikkonsisti fi tqassim ta’ parti kbira mis-suq Ewropew tal-FGħA, bl-għoti ta’ kwoti ta’ bejgħ u ta’ klijenti lill-membri tal-akkordju, u f’koordinazzjoni tal-prezzijiet kif ukoll, meta dan kien ikun neċessarju, tal-kundizzjonijiet ta’ bejgħ.

32

Essenzjalment, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-ftehim oriġinali, li sar bil-miktub matul l-1969 bejn il-ħames produtturi prinċipali tal-FGħA, f’dak iż-żmien, kien intiż li jsolvi sitwazzjoni ta’ kapaċità eċċessiva fis-suq Ewropew. Il-ftehimiet li kienu jikkostitwixxu akkordju ngħataw l-isem ta’ “CEPA” (Centre d’étude des phosphates alimentaires) [Ċentru ta’ studju tal-fosfati alimentari]. Sabiex jiġi ggarantit il-funzjonament u l-permanenza tal-akkordju, dan il-ftehim ta lok għal ftehim speċifiku supplimentari u ftehimiet reġjonali sussidjarji oħrajn. Il-parteċipazzjoni tal-produtturi Franċiżi fiċ-CEPA ġiet ikkonfermata mill-1970. Wara riorganizzazzjoni, mill-parteċipanti fl-akkordju, fi tliet ftehimiet sussidjarji, il-parteċipanti msemmija ppjanaw, fil-bidu tas-snin 90, ritorn lejn struttura unika, is-“Super CEPA”, li kienet tinkludi, minn naħa, il-Ħames Stati tal-Ewropa Ċentrali, jiġifieri l-Belġju, il-Ġermanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija, kif ukoll l-Isvizzera, u, min-naħa l-oħra, id-Danimarka, l-Irlanda, l-Ungerija, il-Polonja, il-Finlandja, l-Isvezja, ir-Renju Unit kif ukoll in-Norveġja. Id-diskussjonijiet inżammu fuq żewġ livelli: il-“laqgħat ċentrali” jew il-laqgħat “fuq livell Ewropew”, li matulhom inqatgħu deċiżjonijiet ta’ politika ġenerali, u l-“laqgħat tal-esperti”, li matulhom saru diskussjonijiet iktar fil-fond fuq livell nazzjonali jew reġjonali mill-partijiet fl-akkordju attivi f’pajjiż jew dan f’reġjun speċifiku.

33

B’mod iktar partikolari, fir-rigward tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li Timab ġiet integrata fil-qafas reġjonali “Super CEPA”, minbarra l-parteċipazzjoni tagħha fil-parti Franċiża tal-akkordju, fil-mument meta din bdiet tesporta kwantitajiet kbar ta’ FGħA barra minn Franza. Kien f’Settembru 1993 li Timab bdiet tipparteċipa fil-ftehimiet ta’ din is-“Super CEPA”. Barra minn hekk, parallelament mal-laqgħat tas-Super CEPA, hija pparteċipat fil-laqgħat li kienu jikkonċernaw lil Franza u f’dawk li jikkonċernaw lil Spanja.

34

B’hekk, wara li fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata kkonstatat il-ksur imwettaq mir-rikorrenti tal-Artikoli 101 TFUE u 53 tal-Ftehim ŻEE fis-settur tal-FGħA, il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni, imponiet in solidum fuq Timab u fuq CFPR multa ta’ EUR 59850000. Għall-finijiet tal-kalkolu ta’ din il-multa, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-Linji gwida tal-2006.

35

Fl-20 ta’ Lulju 2010, il-Kummissjoni adottat ukoll id-Deċiżjoni C (2010) 5004 finali, fir-rigward tal-istess każ, li d-destinatarji tagħha kienu l-partijiet li aċċettaw li jipparteċipaw fil-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim u li ppreżentaw proposta ta’ riżolviment.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

36

B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Ottubru 2010, Timab u CFPR ippreżentaw talba intiża għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u, sussidjarjament, għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Kummissjoni ddikjarat li dawn kienu ħadu sehem fil-prattiki marbuta mal-kundizzjonijiet ta’ bejgħ u f’sistema ta’ kumpensazzjoni. F’kull każ, ir-rikorrenti talbu r-riforma tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata u tnaqqis sostanzjali fl-ammont tal-multa li kienet ġiet imposta fuqhom.

37

Ir-rikorrenti qajmu diversi motivi insostenn tat-talbiet tagħhom intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, li jistgħu jinqasmu fi tliet gruppi. L-ewwel grupp ta’ dawn il-motivi kien jirrigwarda l-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim. Ir-rikorrenti jikkritikaw, essenzjalment, lill-Kummissjoni talli applikat kontra impriża li rtirat ruħha mill-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim multa ogħla mill-massimu tal-firxa deċiża waqt id-diskussjonijiet bil-għan tar-riżolviment tat-tilwim.

38

It-tieni grupp tal-motivi msemmija kien jirrigwarda ċerti prattiki li kienu jikkostitwixxu elementi tal-kartell inkwistjoni, jiġifieri l-mekkaniżmu ta’ kumpens u l-kundizzjonijiet tal-bejgħ. Fil-kuntest ta’ dan it-tieni grupp ta’ motivi, ir-rikorrenti qiesu, essenzjalment li l-Kummissjoni kienet b’mod żbaljat attribwixxiet il-prattiki allegati lill-impriżi kollha mingħajr ma għamlet distinzjoni bejn il-perijodi tal-ksur differenti u l-aġir differenti. B’hekk, il-Kummissjoni ċaħdet lir-rikorrenti mid-dritt li jinvokaw utilment l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-ilmenti mhux fondati ta’ parteċipazzjoni f’uħud minn dawn il-prattiki, jiġifieri l-mekkaniżmu ta’ kumpensazzjoni u l-iffissar bi ftehim tal-kundizzjonijiet ta’ bejgħ.

39

It-tielet grupp ta’ motivi kien jikkonċerna diversi aspetti tal-kalkolu tal-ammont tal-multa. Fil-kuntest ta’ dan it-tielet grupp ta’ motivi, ir-rikorrenti jikkritikaw, essenzjalment, numru ta’ aspetti mill-ammont tal-multa jew ir-regoli applikati għaliha, billi jallegaw ksur tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003, żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-gravità tal-prattiki kkritikati, żball manifest ta’ evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti, limitazzjoni sproporzjonata tat-tnaqqis minħabba l-klemenza u żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas. Barra minn hekk, ir-rikorrenti kienu sostnew li l-Kummissjoni kienet kisret il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ individwalità tal-pieni u ta’ proporzjonalità.

40

Insostenn tat-talbiet tagħhom intiżi, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa, ir-rikorrenti invokaw prinċipalment żewġ argumenti. Permezz tal-ewwel minn dawn l-argumenti, dawn kienu talbu, essenzjalment, tnaqqis fir-“rata ta’ gravità”. Permezz tat-tieni, huma kienu talbu li jingħata, minbarra tnaqqis għall-kooperazzjoni tagħhom abbażi tal-Avviż dwar l-immunità, tnaqqis tal-multa addizzjonali minħabba l-kooperazzjoni tagħhom barra mill-kuntest ta’ dan l-avviż, fid-dawl tal-assenza ta’ kontestazzjoni tal-fatti mis-16 ta’ Settembru 1993.

41

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu.

It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

42

Timab u CFPR jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla s-sentenza appellata;

tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tnaqqas b’mod xieraq l-ammont tal-multa;

b’mod inċidentali, tikkonstata li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt għal smigħ xieraq minħabba t-tul irraġonevoli tal-proċedura ġudizzjarja, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

43

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tiċħad l-appell, u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura

44

Wara li ġew ippreżentati l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, l-appellanti talbu, permezz ta’ ittra li waslet għand il-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ Settembru 2016, li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

45

Insostenn ta’ din it-talba, l-appellanti essenzjalment jinvokaw li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex biżżejjed informazzjoni, fl-ewwel lok, dwar iċ-ċirkustanzi li fihom dawn irtiraw ruħhom mill-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim u b’hekk l-artikolazzjoni bejn din il-proċedura u l-proċedura amministrattiva ordinarja u, fit-tieni lok, dwar il-portata ta’ ċerti aggravji tal-appell. F’dan il-kuntest, l-appellanti jqisu, b’mod partikolari, li, diversament minn dak li kkonstata l-Avukat Ġenerali fil-punti 51 u 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, huma ma ġew b’ebda mod ispirati minn xi intenzjoni li jiddevjaw favur tagħhom il-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim u li, kuntrarjament għal dak li sostna l-Avukat Ġenerali fil-konklużjonijiet imsemmija, l-aggravji tal-appell jintegraw kemm żnaturament tal-fatti u tal-provi.

46

Barra minn hekk, dawn iqisu li xi argumenti legali dwar il-kalkolu tal-multa u, b’mod partikolari, il-kwistjoni relatata mat-tnaqqis minħabba l-kooperazzjoni ma ġewx diskussi.

47

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx diskuss bejn il-partijiet jew il-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (sentenza tad-9 ta’ Lulju 2015, InnoLux vs Il-Kummissjoni, C-231/14 P, EU:C:2015:451, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, tqis li hija għandha biżżejjed elementi sabiex tiddeċiedi u li din il-kawża ma teħtieġx li tiġi deċiża abbażi ta’ argumenti li ma ġewx diskussi bejn il-partijiet.

49

Konsegwentement, it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura għandha tiġi miċħuda.

Fuq l-appell

Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tar-regoli dwar l-oneru tal-prova u fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

L-argumenti tal-partijiet

50

Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali kisret ir-regoli relatati mal-oneru tal-prova u kisret id-drittijiet tad-difiża, billi kkunsidrat, fil-punti 114 u 117 tas-sentenza appellata, li kien l-obbligu tagħhom li jipprovaw, matul il-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim, in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju qabel l-1993.

51

Meta osservat, fil-punt 114 tas-sentenza appellata, li “l-Kummissjoni leġittimament setgħet ħasbet li r-rikorrenti kienu involuti fil-ksur uniku u kontinwu sa mill-1978”, meta dan il-kunċett huwa kwalifika legali li l-appellanti ma kellhomx jistabbilixxu, u lanqas jikkontestaw, fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim, il-Qorti Ġenerali ma vverifikatx l-istandard tal-prova meħtieġa.

52

F’dan ir-rigward, huma jikkonstataw li l-istandard ta’ prova li jinsab fuq il-Kummissjoni ma jistax ikun differenti skont jekk il-kuntest ikunx dak tal-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim jew tal-proċedura ordinarja. Issa, sa fejn tivvalida r-raġunament tal-Kummissjoni bbażat fuq standard ta’ prova inferjuri għal dak li huwa meħtieġ, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata.

53

Skont il-Kummissjoni, dan l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud, prinċipalment, bħala ineffettiv jew, sussidjarjament, bħala inammissibbli u, f’kull każ, bħala infondat.

54

Qabel kollox, dan l-aggravju huwa ineffettiv, peress li d-deċiżjoni kkontestata, li l-legalità tagħha ġiet ikkonfermata mill-Qorti Ġenerali, ittieħdet fil-kuntest tal-proċedura ordinarja, wara l-irtirar ta’ Timab mill-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim. Issa, dan l-ewwel aggravju jikkonċerna perijodu mill-1978 sal-1993, li ma ġiex ikkunsidrat kontra Timab. B’hekk, anki kieku dan l-aggravju kien fondat, ma għandu ebda impatt fuq ir-riżultat tat-tilwima, li tikkonċerna l-multa imposta fuq Timab mill-Kummissjoni fl-aħħar ta’ proċedura amministrattiva ordinarja għall-perijodu mill-1993 sal-2004.

55

Sussegwentement, il-Kummissjoni kkonstatat li l-Qorti Ġenerali f’ebda mument ma kkunsidrat li l-appellanti kellhom jipprovaw in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju bejn l-1978 u l-1993 u li, f’kull każ, il-konstatazzjonijiet ifformulati minn din il-Qorti fil-punti 114 u 117 tas-sentenza appellata jikkostitwixxu evalwazzjoni sovrana tal-fatti, li ma jistgħux jiġu mistħarrġa mill-Qorti tal-Ġustizzja.

56

Finalment, il-Kummissjoni tirrileva li ma huwiex ikkontestat li l-oneru tal-prova jinsab fuqha kemm fil-proċeduri ordinarji kif ukoll fil-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim. Skont il-Kummissjoni, peress li l-appellanti ma jesprimu ebda kritika kontra evalwazzjoni inizjali magħmula mill-Kummissjoni fid-dawl tal-provi li kellha għad-dispożizzjoni tagħha, din l-istituzzjoni hija fondata li tikkonkludi li l-evalwazzjoni tagħha għandha tiġi aċċettata, a fortiori meta dawn il-provi jirriżultaw mid-dikjarazzjonijiet tal-impriżi stess fit-talba għall-klemenza tagħhom u fir-risposti tagħhom għat-talbiet għal informazzjoni. Huwa b’applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji ta’ bażi li l-Qorti Ġenerali kkinsidrat li l-Kummissjoni setgħet leġittimament taħseb li Timab kienet ipparteċipat fil-ksur uniku u kontinwu sa mill-1978.

57

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni żżid li l-Qorti Ġenerali fakkret ukoll li, wara l-argumenti żviluppati mill-appellanti fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet, hija kienet għamlet evalwazzjoni ġdida tal-provi li jinsabu għandha u kienet waslet għall-konklużjoni li dawn il-provi ma kinux jippermettu li tiġi pprovata l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju qabel l-1993. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonstatat li l-Kummissjoni kienet osservat ir-regoli applikabbli fil-qasam tal-istandard tal-prova billi ħadet inkunsiderazzjoni, f’kull stadju tal-proċedura, il-provi kollha li kellha għad-dispożizzjoni tagħha.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

58

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-ksur allegat tar-regoli applikabbli fil-qasam ta’ prova jikkostitwixxi kwistjoni ta’ dritt ammissibbli fl-appell (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C-413/06 P, EU:C:2008:392, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-30 ta’ Mejju 2013, Quinn Barlo et vs Il-Kummissjoni, C-70/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:351, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59

B’hekk, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika jekk, fl-evalwazzjoni li għamlet il-Qorti Ġenerali tal-provi li ġew ippreżentati lilha, din tal-aħħar wettqitx żball ta’ liġi billi kisret il-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħall-preżunzjoni tal-innoċenza, u r-regoli applikabbli fil-qasam tal-prova, bħal dawk relattivi għall-oneru tal-prova (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il-Kummissjoni,C-199/92 P, EU:C:1999:358, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-30 ta’ Mejju 2013, Quinn Barlo et vs Il-Kummissjoni, C-70/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:351, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60

Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, dan l-aggravju huwa ammissibbli.

61

Fil-mertu, għandu jitfakkar, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 48 tas-sentenza appellata, li, fir-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti invokaw żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti min-naħa tal-Kummissjoni sa fejn din inizjalment qieset li dawn kienu pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu sa mill-1978. Skont l-appellanti, fid-dawl tad-dokumenti għad-dispożizzjoni tagħha, il-Kummissjoni kellha tasal għall-konklużjoni li ma kienx hemm parteċipazzjoni min-naħa tagħhom fl-akkordju globali qabel l-1993. Dan l-iżball ta’ kwalifika jirriżulta minn analiżi insuffiċjenti tal-fajl u b’hekk jixhed ksur, min-naħa tal-Kummissjoni, tal-obbligu tagħha li teżamina l-każijiet imressqa quddiemha b’kura u b’imparzjalità.

62

B’risposta għal dan l-ilment, il-Qorti Ġenerali analizzat, fil-punti 108 sa 118 tas-sentenza appellata, il-kwistjoni jekk il-Kummissjoni kinitx inizjalment eżaminat biżżejjed il-fajl tal-appellanti fir-rigward tal-ksur ilmentat jew jekk kinitx interpretat ħażin l-informazzjoni kkomunikata minnhom.

63

F’dan ir-rigward, wara li eżaminat, fil-punti 109 sa 112 tas-sentenza appellata, it-talba tal-appellanti intiża biex jibbenefikaw mill-Avviż dwar l-immunità u r-risposti tagħhom għat-talbiet għal informazzjoni, u wara kkonstatat, fil-punt 113 tas-sentenza appellata, li huwa stabbilit li, fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, l-appellanti kienu indikaw li Timab ma kinitx ipparteċipat fi ksur uniku u kontinwu bejn l-1978 u l-1993, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 114 tas-sentenza appellata, li, fid-dawl tad-dokumenti għad-dispożizzjoni tagħha, il-“Kummissjoni leġittimament setgħet ħasbet li r-rikorrenti kienu involuti fil-ksur uniku u kontinwu sa mill-1978”.

64

Anki jekk kienet fondata li tqis li, billi taqbel ma’ sempliċi ħsieb tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali poġġiet fuq l-appellanti l-oneru, li ma kienx jinsab fuqhom, li jipprovaw li huma ma kinux ingħaqdu mal-kartell qabel l-1993, dan l-ewwel aggravju ma jistax jippermetti li jitwassal għall-annullament tas-sentenza appellata, jew tad-deċiżjoni kkontestata.

65

Fil-fatt, hekk kif jitfakkar, b’mod partikolari, fil-punt 1 tas-sentenza appellata, l-appellanti ġew issanzjonati talli pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu bejn l-1993 u l-2004. Issa, l-ilment invokat mill-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali, kif imfakkar fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, kien intiż biex jintwera li l-Kummissjoni kellha, fid-dawl tal-provi li kellha għad-dispożizzjoni tagħha, tikkonkludi li dawn ma pparteċipawx fl-akkordju qabel l-1993. B’hekk, l-ilment imsemmi ma setax, f’kull każ, ikollu xi impatt fuq il-kwistjoni fil-kawża prinċipali peress li din tirrigwarda perijodu li għalih l-appellanti ma ġewx issanzjonati. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kellha tiċħad dan l-ilment bħala ineffettiv.

66

Isegwi li d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punt 118 tas-sentenza appellata u li tiċħad l-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni eżaminat ħażin il-fajl tidher fondata, skont il-punt 65 ta’ din is-sentenza, għal motivi oħra tal-liġi. Għaldaqstant, hemm lok li dawn l-aggravji jiġu ssostitwiti.

67

Konsegwentement, l-ewwel aggravju ma jistax jintlaqa’.

Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq ksur tad-dritt li persuna ma tinkriminax lilha nnifisha u tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll fuq ksur tas-setgħa ta ’ ġurisdizzjoni sħiħa rrikonoxxuta lill-Qorti Ġenerali

L-argumenti tal-partijiet

68

It-tieni aggravju, indirizzat kontra l-punti 94 u 190 tas-sentenza appellata, jikkonsisti fi tliet partijiet.

69

Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, l-appellanti jqisu li l-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet tad-difiża tagħhom sa fejn injorat id-dritt tagħhom li ma jinkriminawx lilhom infushom.

70

Insostenn ta’ din l-ewwel parti, l-appellanti jirrilevaw, qabel kollox, li l-informazzjoni kkomunikata, kemm fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim kif ukoll f’dak tat-talba għall-klemenza, ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala “ammissjonijiet”. Sussegwentement, dawn jikkonstataw li minn talba għal klemenza ma jistax jiġi dedott rikonoxximent ta’ parteċipazzjoni fi ksur b’mod mekkaniku peress li l-awtur tiegħu jista’ dejjem jikkontesta l-fatti u l-kwalifika tagħhom mill-Kummissjoni. Finalment, skont l-appellanti, ir-rikonoxximent tar-responsabbiltà fi ksur fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim isseħħ biss permezz ta’ proposta formali ta’ riżolviment tat-tilwim, liema ħaġa dawn ma ridux jagħmlu. B’hekk, il-Qorti Ġenerali, meta qablet b’mod awtomatiku ma’ “ammissjonijiet” id-dikjarazzjonijiet ifformulati fit-talba għal klemenza tagħhom u fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim, kisret id-drittijiet tad-difiża tagħhom sa fejn injorat id-dritt tagħhom li ma jinkriminawx lilhom infushom.

71

Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali injorat is-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha billi ma kkontrollatx l-oneru tal-prova tal-Kummissjoni f’dak li jikkonċerna l-kwalifika bħala “ammissjoni”, meta tali kwalifika ma tirriżulta minn imkien mill-provi li din l-istituzzjoni kellha quddiema. Issa, din il-kwalifika kellha impatt kunsiderevoli fuq id-determinazzjoni tat-tul tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur u, konsegwentement, fuq l-applikazzjoni tal-ammont tal-multa u tat-tnaqqis korrispondenti.

72

F’dan ir-rigward, l-appellanti jallegaw, minn naħa, li analiżi tal-provi ppreżentati minnhom lill-Kummissjoni kif ukoll tal-provi ppreżentati fil-fajl minn impriżi oħrajn ippermettiet li jiġi ddeterminat li l-parteċipazzjoni tagħhom f’laqgħat kienet biss sporadika u li, min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ dawn l-allegati “ammissjonijiet” kienet kontradetta minn numru kbir ħafna ta’ dokumenti fil-fajl.

73

Permezz tat-tielet parti tat-tieni aggravju, l-appellanti jinvokaw ksur tad-drittijiet tad-difiża mill-Qorti Ġenerali.

74

Fil-kuntest ta’ din it-tielet parti, l-appellanti jikkonstataw li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq noti interni tal-minuti ta’ tliet laqgħat bilaterali li seħħew matul l-2009 bejnhom u l-Kummissjoni. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq it-tieni nota interna skont liema dawn għamlu “ammissjonijiet” dwar il-parteċipazzjoni allegata tagħhom fil-ksur matul il-perijodu mill-1978 sal-1992. Waħda minn dawn in-noti interni ġiet ippreżentata biss wara l-għeluq tal-proċedura bil-miktub u bi ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju. Issa, hija ġurisprudenza stabbilita li n-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ dokument matul il-proċedura amministrattiva jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża meta l-Kummissjoni tkun ibbażat ruħha fuq dan id-dokument biex tibbaża l-ilment tagħha dwar l-eżistenza ta’ ksur u meta dan l-ilment ikun jista’ jiġi pprovat biss b’riferenza għad-dokument imsemmi, liema ħaġa hija l-każ hawnhekk. Skont l-appellanti, anki kieku l-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha fuq dawn in-noti interni, il-Qorti Ġenerali, sa fejn ma vverifikatx l-osservanza tal-livell tal-provi, b’hekk kisret id-drittijiet tad-difiża.

75

Fir-replika tagħhom, l-appellanti jżidu li s-sentenza appellata għandha titħassar peress li l-Qorti Ġenerali, bi ksur tas-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, issodisfat ruħha bil-“ħsieb leġittimu” li seta’ jkollha l-Kummissjoni dwar il-ħtija ta’ Timab minkejja li din il-ħtija kienet ibbażata fuq “ammissjonijiet” allegatament mhux ikkontestati.

76

Il-Kummissjoni, preliminarjament u abbażi tal-argumenti diġà invokati fil-kuntest tal-ewwel aggravju, kif imsemmija fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, tqis li t-tieni aggravju huwa ineffettiv. F’dan ir-rigward, hija tenfasizza li l-appellanti jitilqu mill-premessa li tgħid li l-“ammissjonijiet” ikkontestati “kellhom influwenza determinanti fuq l-ammont tal-multa”. Issa, din il-konstatazzjoni hija żbaljata peress li dawn l-ammissjonijiet jirrigwardaw perijodu preċedenti għal dak li ġie ssanzjonat.

77

Sussidjarjament, il-Kummissjoni tikkonstata li t-tliet partijiet tat-tieni aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondati.

78

Fir-rigward tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, il-Kummissjoni ssostni li t-talbiet għal klemenza jikkonċernaw, mid-definizzjoni tagħhom stess, lill-impriżi li pparteċipaw f’akkordju u li jirrikonoxxu dan. Għalhekk, u sakemm l-impriża ma tibdilx il-pożizzjoni tagħha, possibbiltà li tibqa’ teżisti f’kull mument, il-Kummissjoni tkun fondata li tqis li talba għal klemenza timplika, min-naħa tal-impriża kkonċernata, ir-rikonoxximent tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur irrapportat, kemm jekk dan ir-rikonoxximent ikun ikkwalifikat bħala “ammissjonijiet” jew b’terminu ieħor. Tali konstatazzjoni ma tikkostitwixxix ksur tad-dritt li persuna ma tinkriminax lilha nnifisha, peress li d-dikjarazzjonijiet awto-inkriminanti huma, f’dan il-każ, volontarji.

79

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tqis li l-argument tar-rikorrenti, invokat fil-kuntest ta’ din l-ewwel parti, jirriżulta minn konfużjoni bejn il-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim u l-proċedura relattiva għal talba għal klemenza. Fil-fatt, il-provi li bbażat ruħha fuqhom biex tikkunsidra li Timab kienet ipparteċipat fil-ksur qabel l-1993 ma kellhomx bħala bażi allegat rikonoxximent abbażi tal-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim, iżda kienu ġejjin minn dikjarazzjonijiet magħmula fil-kuntest tat-talba għal klemenza. B’hekk, huwa abbażi ta’ dan li, fin-nuqqas ta’ kontradizzjoni, il-Kummissjoni mexxiet id-diskussjonijiet għall-finijiet ta’ riżolviment tat-tilwim. Għaldaqstant, kien mingħajr ma kisret id-drittijiet tad-difiża li l-Kummissjoni, matul il-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim, u wara l-Qorti Ġenerali, fil-punt 94 tas-sentenza appellata, setgħu jikkwalifikaw bħala “ammissjonijiet” id-dikjarazzjonijiet ta’ Timab għall-perijodu inkluż bejn l-1978 u l-1993, sa fejn dawn id-dikjarazzjonijiet ma kinux is-suġġett ta’ kjarifiki ulterjuri.

80

Il-Kummissjoni żżid li, minn meta Timab bidlet il-pożizzjoni tagħha, hija ħadet inkunsiderazzjoni l-provi ġodda li ġew ippreżentati, b’tali mod li l-“ammissjonijiet” irċevuti abbażi tat-talba għal klemenza ma kellhomx valur intanġibbli. B’hekk, id-drittijiet tad-difiża dejjem ġew osservati u ma jista’ jinstab ebda ksur tad-dritt li persuna ma tinkriminax lilha nnifisha.

81

F’dak li jikkonċerna t-tieni parti tat-tieni aggravju, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li l-kunsiderazzjonijiet espressi mill-appellanti biex isostnu l-affermazzjoni li tgħid li din kellha tikkonkludi li Timab ma kinitx ipparteċipat fl-akkordju b’mod kontinwu sa mill-1978, jikkostitwixxu provi ta’ fatt u b’hekk ma jidħlux taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali stħarrġet perfettament il-kwalifika bħala “ammissjonijiet” u ġibdet il-konsegwenzi kollha minnha.

82

Fir-rigward tat-tielet parti tat-tieni aggravju, il-Kummissjoni tikkonstata li l-argument invokat mill-appellanti dwar in-noti interni tagħha, li servew bħala bażi għall-kwalifika bħala “ammissjonijiet”, huwa irrilevanti. Fil-fatt, fl-ewwel lok, dawn id-dokumenti allegatament “mhux ikkomunikati” ma servewx bħala bażi għad-deċiżjoni peress li din tal-aħħar ma tiħux inkunsiderazzjoni preċiżament il-perijodu li kien is-suġġett tal-“ammissjonijiet” inkwistjoni. Fit-tieni lok, l-“ammissjonijiet” imsemmija ma jirriżultawx proprjament mit-taħdidiet tal-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim, iżda mid-dikjarazzjonijiet magħmula insostenn tat-talba għal klemenza, proċedura li neċessarjament timplika rikonoxximent ta’ parteċipazzjoni fil-ksur għall-fatti inkwistjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

83

Fir-rigward tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, għandu jitfakkar li, kif tagħmel il-Qorti Ġenerali fil-punt 120 tas-sentenza appellata, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni għandha d-dritt li tobbliga lil impriża li tipprovdilha l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar il-fatti li tista’ tkun taf dwarhom, iżda ma tistax iġġiegħel lil din l-impriża li tagħti tweġibiet li jistgħu jwasslu sabiex tammetti l-eżistenza tal-ksur, li għandu jiġi pprovat mill-Kummissjoni (ara s-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2005, ThyssenKrupp vs Il-Kummissjoni, C-65/02 P u C-73/02 P, EU:C:2005:454, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84

Madankollu, kif tfakkar ukoll il-Qorti Ġenerali fl-imsemmi punt 120 tas-sentenza appellata, għalkemm il-Kummissjoni ma tistax iġġiegħel impriża tammetti l-parteċipazzjoni tagħha fi ksur, hija ma hijiex, b’dan, prekluża milli tieħu inkunsiderazzjoni, meta tiffissa l-ammont tal-multa, l-għajnuna li din l-impriża, minn jeddha, tkun tatha sabiex tistabbilixxi l-eżistenza tal-ksur (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2005, ThyssenKrupp vs Il-Kummissjoni, C-65/02 P u C-73/02 P, EU:C:2005:454, punt 50).

85

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni wkoll li tippreċiża li l-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, sabiex tistabbilixxi l-ammont ta’ multa, l-għajnuna li ngħatat lilha mill-impriża kkonċernata sabiex tikkonstata l-eżistenza tal-ksur b’inqas diffikultà u, b’mod partikolari, tal-fatt li impriża rrikonoxxiet il-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur (ara s-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2005, ThyssenKrupp vs Il-Kummissjoni, C-65/02 P u C-73/02 P, EU:C:2005:454, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

86

Minn dan jirriżulta li, biex ikun hemm ksur tad-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu, huwa neċessarju li l-impriża kkonċernata tkun effettivament imġiegħla tipprovdi informazzjoni jew provi li jistgħu jipprovaw il-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, EU:C:2002:582, punt 275).

87

F’dan il-każ, mill-punti 94 u 190 tas-sentenza appellata jirriżulta li d-dikjarazzjonijiet magħmula mill-appellanti, fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim, skont l-Avviż dwar l-immunità, għandhom karattru purament volontarju min-naħa tagħhom. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 120 tas-sentenza appellata, li ma jirriżulta mkien mill-fajl ippreżentat quddiema li l-Kummissjoni pprovat tinfluwenza l-għażla tar-rikorrenti.

88

B’hekk, il-Qorti Ġenerali ma kisritx id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti. Konsegwentement, l-ewwel parti tat‑tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

89

Fir-rigward tat-tieni parti tat-tieni motiv, biżżejjed jitfakkar li, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE u mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appell huwa limitat għall-kwistjonijiet ta’ dritt. Għaldaqstant, hija biss il-Qorti Ġenerali li għandha l-kompetenza tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll il-provi ppreżentati quddiemha. B’hekk, l-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u ta’ dawn il-provi, bla ħsara għall-każijiet tal-iżnaturament tagħhom, ma tikkostitwixxix kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (ara, b’mod partikolari, id-digriet tal-11 ta’ Ġunju 2015, Faci vs Il-Kummissjoni, C-291/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2015:398, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il-Kummissjoni, C-603/13 P, EU:C:2016:38, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). Tali żnaturament għandu jirriżulta b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (ara, b’mod partikolari, id-digriet tal-11 ta’ Ġunju 2015, Faci vs Il‑Kummissjoni, C-291/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2015:398, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

90

F’dan il-każ, bl-iskuża ta’ allegat ksur tas-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa rrikonoxxuta lill-Qorti Ġenerali, l-appell huwa fir-realtà intiż biex il-Qorti tal-Ġustizzja twettaq eżami ġdid tal-atti tal-proċess, ikkomunikati lill-Kummissjoni mill-appellanti u mill-membri l-oħra tal-akkordju matul il-proċedura amministrattiva, mingħajr ma tinvoka ebda żnaturament ta’ dawn il-provi. Għaldaqstant, din it-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

91

Fir-rigward tat-tielet parti tat-tieni aggravju, l-appellanti jsostnu, essenzjalment, li, meta tat, fil-punt 94 tas-sentenza appellata, valur ta’ prova deċiżiva lin-noti interni tal-laqgħat bilaterali miżmuma fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim, b’mod partikolari, lit-tieni waħda minn dawn in-noti, li tgħid li l-appellanti għamlu ammissjonijiet dwar il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur għall-perijodu mill-1978 sal-1992, u billi kkonstatat, fil-punt 114 tal-imsemmija sentenza appellata, li l-Kummissjoni “leġittimament setgħet ħasbet li r-rikorrenti kienu involuti fil-ksur uniku u kontinwu sa mill-1978”, mingħajr ma vverifikat il-livell tal-prova, il-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet tad-difiża tagħhom u kisret is-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha.

92

B’hekk, permezz ta’ din it-tielet parti tat-tieni aggravju, l-appellanti jinvokaw, l-istess bħalma għamlu fil-kuntest tal-ewwel aggravju, ksur tar-regoli fil-qasam tal-oneru tal-prova u ksur tad-drittijiet tad-difiża.

93

Issa, anki kieku kienet fondata li tqis li, billi tagħti valur deċiżiv lin-noti interni tal-minuti tat-tliet laqgħat bilaterali li seħħew fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim u billi tapprova sempliċi ħsieb tal-Kummissjoni relattiv għall-parteċipazzjoni tal-appellanti fil-ksur sa mill-1978, il-Qorti Ġenerali ma vverifikatx il-livell tal-prova meħtieġ u b’hekk kisret id-drittijiet tad-difiża, din it-tielet parti tat-tieni aggravju ma tistax tirnexxi.

94

Fil-fatt, hekk kif tfakkar fil-punt 65 ta’ din is-sentenza, l-appellanti ġew issanzjonati talli pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu bejn l-1993 u l-2004. Issa, l-ilment invokat minnhom quddiem il-Qorti Ġenerali, kif imfakkar fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, kien intiż biex jintwera li l-Kummissjoni kellha, fid-dawl tal-provi li kellha għad-dispożizzjoni tagħha, tikkonkludi li dawn ma pparteċipawx fl-akkordju qabel l-1993. B’hekk, l-ilment imsemmi ma setax, f’kull każ, jirnexxi, peress li dan jirrigwarda perijodu li għalih l-appellanti ma ġewx issanzjonati. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kellha tiċħad dan l-ilment bħala ineffettiv.

95

Hekk kif inhu stabbilit fil-punt 66 ta’ din is-sentenza, isegwi li d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, li tinsab fil-punt 118 tas-sentenza appellata, li jiġi miċħud l-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni eżaminat ħażin il-fajl, tidher fondata għal motivi oħra ta’ liġi. Għaldaqstant, hemm lok li dawn l-aggravji jiġu ssostitwiti.

96

Konsegwentement, it-tielet parti tat‑tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

Fuq it-tielet aggravju kif ukoll fuq it-tieni parti tal-ewwel u tat-tieni fergħat tar-raba ’ aggravju, ibbażati fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali kisret is-setgħa ta ’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha u vvizzjat is-sentenza tagħha b’kontradizzjoni fil-motivi

Fuq il-ksur tas-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa rrikonoxxuta lill-Qorti Ġenerali

– L-argumenti tal-partijiet

97

Permezz tat-tielet aggravju kif ukoll tat-tieni parti tal-ewwel u t-tieni fergħat tar-raba’ aggravju, li jirrigwardaw prinċipalment il-punti 78 kif ukoll 90 sa 96 tas-sentenza appellata u li għandhom jiġu eżaminati flimkien, l-appellanti jsostnu, essenzjalment, li, meta kkonfermat id-deċiżjoni kkontestata u meta b’hekk ma wettqitx verifika suffiċjenti tal-elementi kollha tal-multa li ġiet imposta fuqhom bid-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali kisret il-firxa tas-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha u vvizzjat, f’dan il-kuntest, is-sentenza tagħha b’kontradizzjoni fil-motivi.

98

Fil-kuntest tat-tielet aggravju, l-appellanti jsostnu, iktar preċiżament, li l-Qorti Ġenerali ma eżerċitatx tajjeb is-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha sa fejn din qieset li allegati “provi ġodda” li ppermettew lill-Kummissjoni li timponi multa kunsiderevolment ogħla għal ksur ta’ tul sinjifikattivament imnaqqas kienu jikkonsistu mill-irtirar tal-allegati “ammissjonijiet” tagħhom wara li dawn irtiraw mill-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim, mingħajr ma vverifikat il-materjalità ta’ dawn il-“provi ġodda”. Skont l-appellanti, ebda element ta’ fatt ġdid ma ġie ppreżentat fil-proċess wara l-imsemmi rtirar. L-uniku element ġdid, dejjem jekk jeżisti wieħed, kien ikkostitwit minn eżami iktar fid-dettall tas-sitwazzjoni mill-Kummissjoni, li kien iwassalha biex tirrikonoxxi li r-rikorrenti ma kinux ipparteċipaw fil-ksur inkwistjoni mill-1978, mentri hija kellha tasal għal dik il-konstatazzjoni mill-fażi tar-riżolviment.

99

Il-Kummissjoni ssostni, prinċipalment, li dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv, għaliex huwa bbażat fuq paragun mingħajr rilevanza bejn is-sitwazzjoni li kienet teżisti waqt il-proċedimenti ta’ riżolviment ta’ tilwim u dik li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li, kif spjegat b’mod korrett il-Qorti Ġenerali, ladarba l-proċedimenti ta’ riżolviment ta’ tilwim ġew abbandunati, id-deċiżjoni meħuda fil-bidu tal-proċedura ordinarja għandha tiġi evalwata biss fir-rigward tal-merti proprji tagħha. Din iżżid li l-appellanti jgħawġu d-dikjarazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar is-sentenza appellata. Fil-fatt, skont din l-istituzzjoni, il-prova l-ġdida msemmija mill-Qorti Ġenerali fil-punt 90 tas-sentenza appellata, ma hijiex l-analiżi ġdida tas-sitwazzjoni li għamlet din l-istituzzjoni fuq inizjattiva tagħha stess, iżda l-kjarifika differenti magħmula minn Timab, għall-ewwel darba b’risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li ġustament għandha bħala għan li tagħti l-possibbiltà lill-impriżi li jesponu l-fehma tagħhom sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-kontradittorju fil-kuntest tal-proċedura ordinarja.

100

Sussidjarjament, il-Kummissjoni tinvoka l-ammissibbiltà tal-aggravju inkwistjoni minħabba li l-Qorti Ġenerali stħarrġet il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata billi vverifikat il-provi kollha li ttieħdu inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-multa, liema ħaġa tirrileva mill-kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha u minn evalwazzjoni tal-fatti li ma tistax tkun is-suġġett ta’ appell.

101

Fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel fergħa tar-raba’ aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret ukoll is-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha meta astjeniet milli tinvalida żbalji, kontradizzjonijiet jew inkoerenzi li allegatament ħarġu fil-kunsiderazzjoni tal-ksur li għamlet il-Kummissjoni. Huma jilmentaw li b’hekk il-Qorti Ġenerali vvalidat, inġustament, it-tneħħija kważi integrali tat-tnaqqis tal-multa mogħtija skont il-programm ta’ klemenza jew ta’ dak li seta’ jingħata abbażi tal-punt 29 tal-Linji gwida tal-2006.

102

Il-Kummissjoni tqis li l-ilmenti invokati mill-appellanti għandhom jiġu miċħuda, minħabba li l-Qorti Ġenerali eżerċitat stħarriġ fil-fond tal-kalkolu tal-multa magħmul mill-Kummissjoni u, b’mod partikolari, tat-tnaqqis mogħti abbażi tal-kooperazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, l-allegati kontradizzjonijiet jew inkoerenzi, imqajma f’dan il-kuntest, huma infondati.

103

Insostenn tat-tieni parti tat-tieni fergħa tar-raba’ aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Kummissjoni kellha tindika, sa mill-fażi tal-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim, dak li hija kkwalifikat bħala “provi ġodda”, jiġifieri l-impossibbiltà li tistabbilixxi ksur uniku u kontinwu sa mill-1978. B’hekk, il-Qorti Ġenerali kisret is-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha meta naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-iżbalji li twettqu mill-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tagħha tal-ksur fl-istadju tal-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim biex b’hekk ivvalidat, konsegwentement, it-tneħħija kważi sħiħa tat-tnaqqis tal-multa.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

104

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, f’dak li jikkonċerna l-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Kummissjoni tiddeċiedi li timponi multa jew pagamenti ta’ penalità għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, minbarra l-istħarriġ tal-legalità previst fl-Artikolu 263 TFUE, il-qorti tal-Unjoni għandha ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija lilha mill-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, skont l-Artikolu 261 TFUE, u li tawtorizzaha tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha minflok dik tal-Kummissjoni u, konsegwentement, tħassar, tnaqqas, jew iżżid il-multa jew il-pagamenti ta’ penalità impost (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, Repsol Lubricantes y Especialidades et vs Il-Kummissjoni, C-617/13 P, EU:C:2016:416, punt 84 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

105

Għandu jitfakkar ukoll li meta hija tagħti deċiżjoni dwar kwistjonijiet ta’ liġi fil-kuntest ta’ appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax, għal raġunijiet ta’ ekwità, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali b’tagħha, billi tiddeċiedi, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, dwar l-ammont tal-multi imposti fuq impriżi minħabba l-ksur, minnhom, tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, Repsol Lubricantes y Especialidades et vs Il-Kummissjoni, C-617/13 P, EU:C:2016:416, punt 81 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

106

Huwa biss sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-livell tas-sanzjoni mhux biss ma huwiex xieraq, iżda wkoll eċċessiv, tant li huwa sproporzjonat, li jkun hemm lok li jiġi kkonstatat żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali, minħabba n-natura mhux xierqa tal-ammont ta’ multa (sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, Repsol Lubricantes y Especialidades et vs Il-Kummissjoni, C‑617/13 P, EU:C:2016:416, punt 82 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

107

Fil-każ ineżami, hekk kif fakkar l-Avukat Ġenerali fil-punt 23 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-domanda magħmula lill-Qorti Ġenerali ma kinitx tant dwar jekk kienx iġġustifikat li tiġi imposta multa iktar għolja għal ksur ta’ tul ta’ żmien iqsar, kif essenzjalment jissollevaw l-appellanti, iżda pjuttost dwar jekk il-Kummissjoni kinitx immotivat korrettament il-kalkolu tal-multa imposta mid-deċiżjoni kkontestata u, għal dan l-iskop, kinitx ħadet inkunsiderazzjoni sew l-elementi kollha li kienu fil-pussess tagħha fil-mument li ħadet dik id-deċiżjoni.

108

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-Qorti Ġenerali, fil-punti 75 sa 107 tas-sentenza appellata, ċertament ħadet ħsieb li tirrispondi l-argumenti kollha li bihom l-appellanti kienu lmentaw li l-Kummissjoni applikat għal impriża li kienet irtirat mill-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim multa ogħla mill-massimu tal-firxa stabbilita matul id-diskussjonijiet għall-finijiet tal-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim, u dan għal tul tal-ksur kunsiderevolment imnaqqas, tali analiżi tifforma parti mill-osservanza tal-prinċipji tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u tat-trasparenza. Għaldaqstant, ma jistax jiġi lmentat li l-Qorti Ġenerali wettqet eżami daqstant eżawrjenti fil-kuntest ta’ tilwima li, għall-ewwel darba, wassalha biex tiddeċiedi dwar sitwazzjoni li fiha impriża, wara li impenjat ruħha fi proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim, kienet irtirat minnhom.

109

Fid-dawl ta’ dan, f’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali eżerċitat għalkollox il-kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha meta għamlet stħarriġ fil-fond kemm tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll tan-natura xierqa tal-ammont tal-multa imposta minnha.

110

Hekk kif ikkonstata l-Avukat Ġenerali fil-punt 24 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti Ġenerali stħarrġet debitament il-fondatezza tal-analiżi magħmula mill-Kummissjoni fir-rigward taċ-ċirkustanzi kollha li kienu preżenti fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u, partikolarment, fil-punti 90 sa 107 tas-sentenza appellata, fid-dawl tal-portata tal-kooperazzjoni tal-appellanti wara li rtiraw mill-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim, u b’hekk matul il-proċedura ordinarja.

111

Il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll, fil-punti 142 sa 220 tas-sentenza appellata, verifika sistematika tal-elementi li l-Kummissjoni qieset biex tikkalkola l-ammont ta’ multa imposta fid-deċiżjoni kkontestata. B’mod partikolari, din għamlet stħarriġ fil-fond tal-mod li bih il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-fatturi li ppermettewlha tagħti jew le tnaqqis f’din il-multa, abbażi tal-Avviż dwar l-immunità, fil-punti 170 sa 195 ta’ din is-sentenza, jew, abbażi tal-kooperazzjoni, b’applikazzjoni tal-punt 29 tal-Linji gwida tal-2006, fil-punti 95, 188 u 189 tas-sentenza msemmija.

112

Barra minn hekk, hekk kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 26 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti ma wrewx b’liema mod l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom huwa eċċessiv, tant li huwa sproporzjonat, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 105 u 106 ta’ din is-sentenza.

113

Mill-elementi kollha msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma kisritx il-portata tas-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha. Għaldaqstant, it-tielet aggravju u t-tieni parti tal-ewwel u tat-tieni fergħa tar-raba’ aggravju, sa fejn jikkonċernaw il-ksur tas-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa rrikonoxxuta lill-Qorti Ġenerali, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

Fuq il-kontradizzjonijiet tal-aggravji invokati mir-rikorrenti

– L-argumenti tal-partijiet

114

Fil-kuntest kemm tat-tielet aggravju kif ukoll tat-tieni parti tal-ewwel fergħa tar-raba’ aggravju, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali vvizzjat is-sentenza tagħha b’kontradizzjonijiet varji fil-motivi, li jippreġudikaw id-drittijiet fundamentali tagħhom, jiġifieri dak li jkunu jistgħu jiddiskutu liberament mal-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim u li joħorġu b’mod daqstant ieħor liberu minn dawn il-proċedimenti, kif ukoll dak li jiddefendu ruħhom fil-kuntest ta’ proċedura ordinarja mingħajr ma jkunu marbuta minn “pożizzjoni” allegatament adottata qabel.

115

Fl-ewwel lok, l-appellanti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-irtirar tagħhom mill-proċediment ta’ riżolviment tat-tilwim kien iwassal għal sitwazzjoni ta’ “tabula rasa” billi jinqatgħu mill-passat u, fl-istess ħin, iddeċidiet li huma kienu “biddlu l-pożizzjoni tagħhom” fil-kuntest tar-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet mogħtija waqt il-proċedura ordinarja. B’hekk, il-Qorti Ġenerali ma kellhiex taċċetta l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li “prova ġdida” dehret fl-istadju ta’ dik ir-risposta u kienet tiġġustifika li l-ammont tal-multa jiġi rrivedut.

116

Fit-tieni lok, l-appellanti jsostnu li s-sentenza appellata hija vvizzjata b’kontradizzjoni fil-motivi sa fejn il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 96 tas-sentenza appellata, minn naħa, li l-Kummissjoni ma kinitx marbuta bil-firxa tal-multi kkomunikata waqt id-diskussjonijiet li saru fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim, li b’hekk saru irrilevanti wara l-irtirar tagħhom mill-proċedimenti msemmija, filwaqt li, min-naħa l-oħra, din semmiet, fil-punt 91 tas-sentenza appellata, sempliċi “aġġustament mill-ġdid tal-metodu ta’ kalkolu tal-multa” li jibda minn din l-istess firxa.

117

Finalment, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx, minn naħa, tikkonferma li bis-saħħa tal-komunikazzjoni dwar ir-riżolviment, il-Kummissjoni ma tinnegozjax il-kwistjoni tal-eżistenza tal-ksur u, min-naħa l-oħra, tagħti lid-diskussjonijiet informali l-valur ta’ negozjati kkaratterizzati minn allegat qbil tal-appellanti dwar il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur ta’ qabel l-1993.

118

Skont il-Kummissjoni, il-kontradizzjonijiet fil-motivi jirriżultaw, b’mod partikolari, minn bidla fl-affermazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali jew inkella f’qari żbaljat tad-dokumenti ppreżentati matul il-proċedura quddiem din tal-aħħar u konsegwentement ma jistgħux jintlaqgħu.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

119

F’dak li jikkonċerna ż-żewġ kontradizzjonijiet fil-motivi allegati, li jirrigwardaw, essenzjalment, l-artikolazzjoni bejn il-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim u l-proċedura ordinarja fis-sitwazzjoni partikolari tal-każ ineżami, li fiha l-appellanti ddeċidew li jinterrompu d-diskussjonijiet fid-dawl tal-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim, għandu jiġi kkonstatat li kien ġustament li l-Qorti Ġenerali ddisassoċjat, fil-punti 90 sa 96 kif ukoll fil-punti 104 u 105 tas-sentenza appellata, l-iżvolġiment ta’ dawn il-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim, li, f’dan il-każ ma ġewx konklużi, u dak tal-proċedura ordinarja, li wassal għad-deċiżjoni kkontestata.

120

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-punt 19 tal-avviż dwar ir-riżolviment, jekk il-partijiet ikkonċernati jonqsu milli jippreżentaw sottomissjoni tar-riżolviment, il-proċediment li jwassal għad-deċiżjoni finali fil-każ tagħhom jimxi skont id-dispożizzjonijiet ġenerali, partikolarment fl-Artikoli 10(2), 12(1) u 15(1) tar-Regolament Nru 773/2004, minflok dawk li jirregolaw il-proċediment tar-riżolviment tat-tilwim.

121

Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 25 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa preċiżament minħabba dan il-bdil tas-sitwazzjoni proċedurali li l-appellanti seta’ jkollhom aċċess sħiħ għall-fajl, jirċievu dikjarazzjoni sħiħa tal-oġġezzjonijiet, iwiġbuha u jibbenefikaw minn seduta, fażi ta’ tweġiba li matulha huma għall-ewwel darba kkontestaw formalment il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur allegat għall-perijodu qabel l-1993. Għalhekk l-appellanti bl-ebda mod ma ġew leżi legalment minħabba dan l-approċċ li kien jikkonsisti f’li jittieħdu inkunsiderazzjoni provi, imsejħa “ġodda”, li kienu jeżistu dakinhar.

122

Fir-rigward, iktar preċiżament, tat-tieni kontradizzjoni allegata tal-motivi invokati mill-appellanti, li tgħid li l-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni ma kinitx marbuta mill-firxa tal-multi kkomunikata waqt id-diskussjonijiet li seħħew fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim filwaqt li din semmiet ukoll sempliċi “aġġustament mill-ġdid tal-metodu ta’ kalkolu tal-multa” abbażi ta’ din l-istess firxa, l-appellanti jagħtu preżentazzjoni differenti tad-dikjarazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, billi jiżolaw, b’mod żbaljat, mill-kuntest tagħha l-espressjoni “aġġustament mill-ġdid tal-metodu ta’ kalkolu tal-multa”, li jinsab fil-punt 91 tas-sentenza appellata.

123

Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tiegħu, qari komprensiv tal-punt 91 tas-sentenza appellata u tal-punti assoċjati miegħu f’dik is-sentenza juri li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, wara li ħadet inkunsiderazzjoni l-bdil ta’ pożizzjoni tal-appellanti dwar it-tul tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur, il-Kummissjoni għamlet “eżami mill-ġdid” tal-ammont tal-multa ffissat fuq il-bażi tar-regoli li hemm fl-Avviż dwar il-klemenza u fil-Linji gwida tal-2006, filwaqt li segwiet l-istess metodoloġija bħal dik użata għall-firxa ta’ multi indikata lill-imsemmija appellanti.

124

Fid-dawl tal-elementi msemmija, l-ewwel żewġ argumenti relattivi għal kontradizzjonijiet fil-motivi għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

125

Fir-rigward tat-tielet allegata kontradizzjoni fil-motivi invokata mill-appellanti, li tgħid li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx, minn naħa, tikkonferma li, abbażi tal-Avviż dwar il-proċeduri ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim, il-Kummissjoni ma tistax tinnegozja l-kwistjoni tal-eżistenza ta’ ksur u, min-naħa l-oħra, tagħti lid-diskussjonijiet informali l-valur ta’ negozjati kkaratterizzati mill-allegat qbil fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur qabel l-1993, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-motivi u l-argumenti ta’ liġi invokati għandhom jidentifikaw bi preċiżjoni l-punti tal-motivi tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li huma kkontestati.

126

Issa, din l-aħħar allegata kontradizzjoni fil-motivi, invokata mill-appellanti, għall-ewwel darba fir-replika u inkluża, minn dawn tal-aħħar, mat-tielet aggravju tal-appell, ma tikkonċernax il-punti tal-motivi tas-sentenza appellata. Għaldaqstant, dan l-argument huwa inammissibbli.

127

Minn dak li ntqal jirriżulta li t-tielet aggravju u t-tieni parti tal-ewwel fergħa tar-raba’ aggravju, ibbażati fuq il-fatt li s-sentenza appellata hija vvizzjata minn kontradizzjonijiet fil-motivi, għandhom jiġu miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondati.

Fuq l-ewwel parti tal-ewwel u t-tieni fergħat tar-raba ’ motiv, ibbażata fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipji ta ’ aspettattivi leġittimi u ta ’ ugwaljanza fit-trattament u wettqet żball ta ’ liġi fl-evalwazzjoni tagħha tal-effett tal-irtirar mill-proċedimenti ta ’ riżolviment tat-tilwim

Fuq l-ewwel parti tal-ewwel fergħa tar-raba’ motiv, ibbażata fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ ugwaljanza fit-trattament

– L-argumenti tal-partijiet

128

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-argument ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi, l-appellanti jirrilevaw li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Qorti Ġenerali, huma ma setgħux raġonevolment jantiċipaw il-fatt li, meta għażlu li jirtiraw mill-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim, it-tnaqqis għall-kooperazzjoni li kien ser jingħata għadda minn 52 % fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim, għal 5 % fid-deċiżjoni kkontestata. Skont huma, il-Kummissjoni għamlet “inverżjoni” li kellha bħala effett “paradossali” li żżid l-ammont tal-multa b’mod kunsiderevoli filwaqt li, fl-istess ħin, it-tul tal-ksur kien tnaqqas b’mod sinjifikattiv.

129

Ir-rikorrenti jaffermaw li tali deċiżjoni ma kinitx iġġustifikata għaliex, l-ewwel nett, l-istess standard ta’ prova u l-istess regoli ta’ kalkolu tal-multa kienu japplikaw kemm fil-proċedura ordinarja kif ukoll fil-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim, it-tieni nett, l-ebda element ġdid ma ħareġ mill-fajl wara li rtiraw mill-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim, u, it-tielet nett, l-effetti tal-proċedura tal-klemenza għandhom jibqgħu minkejja dan l-irtirar. B’hekk, f’dawk iċ-ċirkustanzi, huma ma kinux f’pożizzjoni li “jagħmlu deċiżjoni infurmata” dwar jekk jirriżolvux jew le.

130

Il-Kummissjoni ssostni li l-allegazzjonijiet tal-appellanti huma ineffettivi peress li dawn huma bbażati fuq paragun bejn l-indikazzjonijiet li dawn taw waqt il-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim u d-deċiżjoni adottata fl-aħħar tal-proċedura ordinarja. B’hekk, skont din l-istituzzjoni, l-appellanti qegħdin jipprovaw joħolqu konfużjoni bejn l-irtirar tagħhom mill-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim u d-difiża żviluppata minnhom b’risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

131

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li l-fatt li ġġenera l-ammont ġdid tal-multa li ġiet adottat fid-deċiżjoni kkontestata ma jinsabx fid-deċiżjoni tal-appellanti li jirtiraw mill-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim, iżda biss fid‑difiża li dawn żviluppaw matul ir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, difiża li issa kienet tikkonsisti fiċ-ċħid li pparteċipaw fl-akkordju qabel l-1993. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, l-evalwazzjoni mill-ġdid ta’ din il-multa setgħet tiġi antiċipata mill-appellanti, peress li l-ammont impost jirriżulta minn applikazzjoni stretta tar-regoli ta’ kalkolu rilevanti fir-rigward tal-elementi li kienu jeżistu fid-data li fiha ttieħdet id-deċiżjoni msemmija. Jekk il-persuni kkonċernati evalwaw ħażin il-konsegwenzi tat-teħid tal-pożizzjoni tagħhom, huma biss jaħtu għal dak l-iżball, u mhux minħabba xi nuqqas ta’ informazzjoni.

132

L-appellanti jqisu, fit-tieni lok, li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil-fatt, peress li ma setgħux jirtiraw billi jagħmlu deċiżjoni informata mill-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim, u billi ġew ikkonfrontati b’riżultat tal-inqas “paradossali”, huma ġew ittrattati inqas favorevolment mill-partijiet l-oħrajn li, sabiex jantiċipaw l-ammont tal-multa li kienet ser tiġi imposta fuqhom, aċċettaw li jipparteċipaw fi proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim.

133

Il-Kummissjoni tqis li mill-indikazzjonijiet ipprovduti fid-deċiżjoni kkontestata, miġbura fil-qosor fil-punti 17 sa 26 tas-sentenza appellata, jirriżulta li ma saret l-ebda diskriminazzjoni bejn ir-rikorrenti u l-partijiet l-oħra fl-akkordju, peress li l-istess parametri ġew applikati għall-iffissar tal-multi kollha u li l-unika differenza tinsab fit-tnaqqis ta’ 10 % mogħti lill-impriżi li għamlu riżolviment.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

134

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-argument li jgħid li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jidħol fost il-prinċipji fundamentali tal-Unjoni u li l-possibbiltà li dan jiġi invokat hija miftuħa għal kull operatur ekonomiku li istituzzjoni tkun weldet fih tamiet fondati, filwaqt li pprovdietlu assigurazzjonijiet preċiżi (sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2013, Kone et vs Il-Kummissjoni, C-510/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:696, punt 76 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

135

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tippreċiża li l-Kummissjoni ma tista’ tipprovdi l-ebda assigurazzjoni preċiża dwar il-benefiċċju ta’ kwalunkwe tnaqqis jew immunità minn multa fil-fażi tal-proċedura ta’ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali u li b’hekk il-partijiet fl-akkordju ma jistgħux iħaddnu aspettattiva leġittima f’dak ir-rigward (ara s-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2013, Kone et vs Il-Kummissjoni, C-510/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:696, punt 78 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

136

Għandu jitfakkar ukoll, l-ewwel nett, hekk kif jirriżulta mill-punt 73 tas-sentenza appellata, li l-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim huma proċeduri amministrattivi alternattivi għall-proċedura ordinarja, distinti minnha u li għandhom ċerti partikolaritajiet, bħal, b’mod partikolari, l-għoti ta’ firxa ta’ multi probabbli. It-tieni nett, kif tenfasizza l-Qorti Ġenerali fil-punt 104 tas-sentenza appellata, jekk l-impriża ma tippreżentax proposta ta’ riżolviment tat-tilwim, il-proċedura li twassal għad-deċiżjoni finali hija rregolata minn dispożizzjonijiet ġenerali tar-Regolament Nru 773/2004, minflok dawk li jirregolaw il-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim. It-tielet nett, hekk kif tikkonstata l-Qorti Ġenerali fil-punt 96 tas-sentenza appellata, fir-rigward tal-proċedura ordinarja, li fil-kuntest tagħha r-responsabbiltajiet għad għandhom jiġu stabbiliti, il-Kummissjoni hija biss marbuta bid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li ma tiffissax firxa ta’ multi, u għandha l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi ġodda miġjuba għall-għarfien tagħha waqt din l-istess proċedura.

137

F’dan il-każ, hekk kif osservat il-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari fil-punti 90 u 124 tas-sentenza appellata, l-appellanti rtiraw mill-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim u kien biss wara dan l-irtirar li dawn invokaw, fil-kuntest tal-proċedura ordinarja, provi intiżi għat-tnaqqis tat-tul tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur ilmentat kontrihom.

138

Għaldaqstant, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-appellanti ma setgħu jinvokaw ebda aspettattiva leġittima fiż-żamma tal-istimi li l-Kummissjoni kienet bagħtitilhom matul il-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim, taħt il-forma ta’ firxiet ta’ multi probabbli li kienu ġew stabbiliti skont elementi kkunsidrati f’dan l-istadju tal-proċedimenti, jiġifieri għal perijodu ta’ parteċipazzjoni fil-ksur li jmur mill-1978 sal-2004.

139

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, meta l-appellanti kienu rtiraw mill-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim, huma kellhom l-elementi kollha li kienu jippermettulhom li jipprevedu li kontestazzjoni tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju għall-perijodu qabel l-1993 neċessarjament kien ikollha impatt fuq it-tnaqqis li seta’ jingħatalhom kemm fil-kuntest tal-Avviż dwar il-klemenza kif ukoll abbażi tal-punt 29 tal-Linji gwida tal-2006. Tali konklużjoni tirriżulta b’mod ċar mill-punti 90 sa 95 u 122 tas-sentenza appellata. B’hekk, ma jista’ jiġi lmentat ebda ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi kontra l-Qorti Ġenerali.

140

F’dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, l-argument li jgħid li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, mill-Artikolu 256 TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll mill-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza appellata kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba, taħt piena tal-inammissibbiltà tal-appell jew tal-aggravju kkonċernat (ara s-sentenzi tat-30 ta’ Mejju 2013, Quinn Barlo et vs Il-Kummissjoni, C-70/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:351, punti 4751 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal-21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il-Kummissjoni, C-603/13 P, EU:C:2016:38, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

141

Għaldaqstant, ma jissodisfax ir-rekwiżiti u għandu jiġi ddikjarat inammissibbli aggravju li l-argumentazzjoni tiegħu ma hijiex preċiża u sostnuta biżżejjed sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità (sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il-Kummissjoni, C-603/13 P, EU:C:2016:38, punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

142

Issa, l-argument ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament huwa sostnut fuq affermazzjoni ġenerali, mingħajr ma tingħata l-inqas argumentazzjoni legali f’dan ir-rigward. Għalhekk, dan għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

143

Mill-elementi kollha msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-ewwel parti tal-ewwel fergħa tar-raba’ aggravju, ibbażata fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipji tal-aspettattivi leġittimi u tal-ugwaljanza fit-trattament, għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondati.

Fuq l-ewwel parti tat-tieni fergħa tar-raba’ motiv, ibbażata fuq żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-effett tal-irtirar mill-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim

– L-argumenti tal-partijiet

144

Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li huwa fuq il-bażi ta’ żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li huma kienu ġew informati mill-Kummissjoni bl-impatt li kien se jkollu l-ħruġ tagħhom mill-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim, liema ħaġa tikkorrobora l-fatt li huma ma setgħux jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jagħżlu jekk jittranżiġux jew le “billi jagħmlu deċiżjoni informata”, kif wara kollox jeżiġi l-Avviż dwar ir-riżoluzzjoni tat-tilwim. Fil-fatt, skont dawn, il-Qorti Ġenerali esponiet b’mod żbaljat fil-liġi, fil-punt 125 tas-sentenza appellata, il-kontenut tal-iskambji li seħħew waqt is-seduta tal-24 ta’ Frar 2010. B’hekk, waqt din is-seduta, il-Kummissjoni sostniet li hija kienet ser tieħu inkunsiderazzjoni, mhux fil-kuntest tal-“kooperazzjoni” ta’ Timab, kif issemmi s-sentenza appellata fil-punt imsemmi, iżda fil-kuntest tal-“klemenza”, il-fatt li l-appellanti ma kinux ingħaqdu fil-kartell qabel l-1993. Issa, skont dawn, filwaqt li l-kunċett ta’ “kooperazzjoni” jkopri l-perijodi kkonċernati kemm mill-Avviż dwar l-immunità kif ukoll dawk ikkonċernati minn dan l-Avviż, il-kunċett ta’ “klemenza” jikkonċerna, f’dan il-każ, biss it-tnaqqis ta’ 17 % tal-multa imposta. B’hekk, il-Kummissjoni qatt ma semmiet espliċitament, matul il-proċedura ordinarja, tneħħija tat-tnaqqis ta’ 35 % tal-multa abbażi tal-kooperazzjoni lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Avviż dwar l-immunità.

145

Il-Kummissjoni tqis li dan l-argument huwa ineffettiv. Skont din, dan jirriżulta mill-konfużjoni li għandhom l-appellanti bejn l-irtirar tagħhom mill-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim u l-bidla fil-pożizzjoni tagħhom fil-kuntest tar-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fil-fatt, fid-dawl tad-difiża l-ġdida adottata mill-appellanti fir-risposta msemmija, li kienet tinsab f’kontradizzjoni mal-pożizzjonijiet li dawn kienu adottaw fil-kuntest tat-talba għal klemenza tagħhom, il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni tagħhom għall-konsegwenzi possibbli ta’ din id-difiża l-ġdida.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

146

Kif tindika l-Kummissjoni fid-difiża tagħha, l-ilment relattiv għal żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-effett tal-irtirar tar-rikorrenti mill-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim, huwa derivanti minn konfużjoni bejn, minn naħa, l-effetti tal-irtirar mill-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim deċiż mill-appellanti u, min-naħa l-oħra, il-konsegwenzi possibbli tal-bdil ta’ pożizzjoni dwar it-tul tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur li dawn tal-aħħar adottaw fir-risposta tagħhom tat-2 ta’ Frar 2010 għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fil-fatt, fil-punt 125 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, issemmi sempliċement it-twissija li ngħatat lill-appellanti mill-Kummissjoni, matul il-proċedura ordinarja, minħabba l-bidla ta’ pożizzjoni msemmija, u mhux għaliex abbandunaw il-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim, kif dawn jallegaw.

147

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li dan l-ilment, li jistrieħ fuq premessa żbaljata, ma jistax jintlaqa’. Konsegwentement, l-ewwel parti tat-tielet fergħa tar-raba’ aggravju għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali kisret is-setgħa ta ’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha u kisret il-prinċipji ta ’ ugwaljanza fit-trattament u ta ’ individwalizzazzjoni tal-piena.

L-argumenti tal-partijiet

148

Permezz tal-ħames motiv, l-appellanti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 137, 140 u 168 tas-sentenza appellata, kisret is-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha u kisret il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ individwalizzazzjoni tal-piena.

149

F’dan ir-rigward, l-appellanti jqisu li, meta ppermettiet li ma jittiħidx inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, in-nuqqas ta’ provi ta’ parteċipazzjoni ta’ Timab fil-prattiki relattivi għall-kundizzjonijiet ta’ bejgħ u għall-mekkaniżmi ta’ kumpens, il-Qorti Ġenerali kisret is-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha. Peress li l-imsemmija Qorti Ġenerali kellha dubji dwar ir-realtà tal-parteċipazzjoni tal-appellanti f’dawn iż-żewġ prattiki għall-perijodu mill-1993 sal-2004, din kellha tieħu dan inkunsiderazzjoni, b’applikazzjoni tal-prinċipju in dubio pro reo. Fin-nuqqas milli tagħmel dan, il-Qorti Ġenerali vvizzjat is-sentenza tagħha bi ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ individwalizzazzjoni tal-piena.

150

Fir-replika tagħhom, l-appellanti jżidu li l-Qorti Ġenerali rrifjutat ukoll milli tieħu inkunsiderazzjoni, bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ individwalizzazzjoni tal-piena, fl-evalwazzjoni tagħha tal-gravità tal-ksur, elementi oħra, bħall-pressjoni fuq il-prezzijiet dovuta għall-kompetizzjoni li tirriżulta minn prodotti simili, in-nuqqas ta’ effett tal-prattiki lmentati kif ukoll it-tul u l-intensità ta’ kull prattika.

151

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kisret dawn l-istess prinċipji billi ma eżerċitatx stħarriġ fil-fond la tar-rata tal-gravità applikata fil-kuntest tal-iffissar tal-ammont bażiku tal-multa u lanqas tar-rifjut tal-Kummissjoni li tikkonċedi ċirkustanzi attenwanti lil Timab. B’hekk, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha li tirriproduċi d-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma wettqet l-evalwazzjoni tagħha stess.

152

Skont il-Kummissjoni, il-ħames aggravju huwa inammissibbli, peress li huwa intiż biex jinkiseb sempliċi rieżami tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali. F’kull każ, dan l-aggravju huwa infondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

153

Għandu jitfakkar, minn naħa, li l-Qorti Ġenerali biss għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti u, bħala prinċipju, sabiex teżamina l-provi li tikkunsidra insostenn ta’ dawn il-fatti. Fil-fatt, ladarba dawn il-provi jkunu nkisbu b’mod regolari, u l-prinċipji ġenerali tad-dritt kif ukoll ir-regoli ta’ proċedura applikabbli fir-rigward tal-oneru u tal-produzzjoni tal-prova jkunu ġew osservati, hija biss il-Qorti Ġenerali li tista’ tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-provi li jkunu tressqu quddiemha. B’hekk, din l-evalwazzjoni, bla ħsara għall-każijiet tal-iżnaturament tagħhom, ma tikkostitwixxix kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ Mejju 2013, Quinn Barlo et vs Il-Kummissjoni, C-70/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:351, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-16 ta’ Ġunju 2016, Evonik Degussa u AlzChem vs Il-Kummissjoni, C-155/14 P, EU:C:2016:446, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, tali żnaturament għandu jirriżulta b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2016, Evonik Degussa u AlzChem vs Il-Kummissjoni, C-155/14 P, EU:C:2016:446, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

154

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi enfasizzat li appell huwa inammissibbli sa fejn ikun limitat għal repetizzjoni jew riproduzzjoni testwali tal-motivi u l-argumenti li jkunu diġà ġew ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali, inklużi dawk ibbażati fuq fatti espressament miċħuda minn dik il-qorti. Fil-fatt, tali appell ikun jikkostitwixxi, fir-realtà, talba intiża biex jinkiseb sempliċi rieżami tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, liema ħaġa ma tinsabx fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Quinn Barlo et vs Il-Kummissjoni, C-70/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:351, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

155

Min-naħa l-oħra, meta appellant jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-punti ta’ dritt li ġew eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jiġu diskussi mill-ġdid matul il-proċedura ta’ appell. Fil-fatt, jekk appellant ma jkunx jista’ jibbaża l-appell tiegħu fuq motivi u argumenti diġà użati quddiem il-Qorti Ġenerali, il-proċedura msemmija tkun imċaħħda minn parti mis-sens tagħha (sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Quinn Barlo et vs Il-Kummissjoni, C-70/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:351, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

156

Fir-rigward tal-ħames aggravju, għalkemm dan huwa kkwalifikat mill-appellanti bħala “aggravju li jirrigwarda kwistjoni ta’ liġi”, jiġifieri l-ksur, mill-Qorti Ġenerali, tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ individwalizzazzjoni tal-piena kif ukoll tas-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, għandu jiġi kkonstatat li dan il-ħames aggravju huwa intiż, finalment, biex ipoġġi indiskussjoni l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali relattiva għal fatti u għal provi li ġew ippreżentati lilha fl-ewwel istanza fil-kuntest tat-tieni u tat-tielet motivi.

157

Fil-fatt, minflok ma jinvokaw żnaturament tal-fatti jew tal-provi, l-appellanti jillimitaw ruħhom biex isostnu li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni, b’mod żbaljat, fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, l-elementi differenti, b’mod partikolari n-nuqqas ta’ provi tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-prattiki relattivi għall-kundizzjonijiet ta’ bejgħ u fil-mekkaniżmi ta’ kumpens. B’hekk, l-appellanti jillimitaw ruħhom biex jirriproduċu argumenti intiżi biex juru li kellha tiġi applikata rata mnaqqsa abbażi tal-gravità tal-ksur, li madankollu diġà ġew ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali u miċħuda minnha. Għalhekk, il-ħames aggravju, sa fejn jikkonċerna ksur mill-Qorti Ġenerali tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ individwalizzazzjoni tal-piena kif ukoll tas-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, huwa inammissibbli.

158

Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-argument invokat mill-appellanti, li jgħid li l-Qorti Ġenerali ma eżerċitatx stħarriġ fil-fond la tar-rata ta’ gravità applikata fil-kuntest tal-iffissar tal-ammont bażiku tal-multa u lanqas tar-rifjut li jiġu ammessi ċirkustanzi attenwanti għall-aġir kompetittiv ta’ Timab, biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali pprovdiet, fil-punti 149 sa 164 tas-sentenza appellata, espożizzjoni dettaljata tal-fatturi li ħadet inkunsiderazzjoni biex tevalwa l-gravità tal-ksur. Bl-istess mod, mill-punti 165 sa 168 tas-sentenza appellata jirriżulta b’mod ċar li l-Qorti Ġenerali għamlet evalwazzjoni kkurata tal-kwistjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jitqies bħala infondat. Is-sempliċi fatt li l-Qorti Ġenerali approvat ukoll, f’dan ir-rigward, fl-eżerċizzju tas-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, diversi elementi tal-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma jistax ipoġġi indiskussjoni lil din il-konklużjoni (ara s-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2013, Eni vs Il-Kummissjoni, C-508/11 P, EU:C:2013:289, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata).

159

Fid-dawl tal-elementi msemmija iktar ’il fuq, il-ħames aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

Fuq it-talbiet inċidentali, ibbażati fuq ksur tad-dritt għal smigħ xieraq minħabba t-tul irraġonevoli tal-proċedura ġudizzjarja

L-argumenti tal-partijiet

160

Permezz tat-talbiet inċidentali tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt għal smigħ xieraq, kif stabbilit mill-Artikolu 47(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), interpretat fid-dawl tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, billi ma adottatx deċiżjoni f’terminu raġjonevoli.

161

F’dan ir-rigward, dawn jikkonstataw li s-sentenza appellata ġiet adottata erba’ snin u tmien xhur u nofs wara l-preżentata tar-rikors promotur, fl-1 ta’ Ottubru 2010, li l-ftuh tal-proċedura orali mill-Qorti Ġenerali seħħ biss fl-14 ta’ Mejju 2014 u li għaddew ħdax-il xahar mill-għeluq ta’ din il-proċedura orali, jiġifieri wara s-seduta tal-11 ta’ Lulju 2014, u d-data tas-sentenza.

162

Issa, skont l-appellanti, il-livell ta’ kumplessità tal-kawża ma kienx jiġġustifika tali tul tal-proċedura, peress li huma kienu l-uniċi partijiet f’din il-kawża u peress li l-aġir tagħhom ma kienx dilatorju.

163

Essenzjalment, il-Kummissjoni tirrileva li, b’applikazzjoni, b’mod partikolari, tas-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2013, Gascogne Sack Deutschland vs Il-Kummissjoni (C-40/12 P, EU:C:2013:768), huwa biss rikors għad-danni kontra l-Unjoni, abbażi tal-Artikolu 268 u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, li jista’ jintuża minn impriża li tpoġġi indiskussjoni t-tul allegatament eċċessiv tal-proċedura.

164

Peress li l-appellanti ma fformulawx tali talba għal kumpens, it-talbiet inċidentali huma, qabel kollox, inammissibbli.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

165

Għandu jitfakkar li ksur, minn qorti tal-Unjoni, tal-obbligu tagħha li jirriżulta mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li tiddeċiedi l-kawżi mressqa quddiemha f’terminu raġonevoli, għandu jiġi ssanzjonat permezz ta’ rikors għad-danni ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, peress li tali rikors jikkostitwixxi rimedju effettiv. Għaldaqstant, talba intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-danni kkawżati min-nuqqas ta’ osservanza, mill-Qorti Ġenerali, ta’ terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni ma tistax titressaq direttament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell, iżda għandha titressaq quddiem il-Qorti Ġenerali nnifisha (sentenzi tat-30 ta’ April 2014, FLSmidth vs Il-Kummissjoni, C-238/12 P, EU:C:2014:284, punt 116 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal-21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il-Kummissjoni, C-603/13 P, EU:C:2016:38, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad-9 ta’ Ġunju 2016, Repsol Lubricantes y Especialidades et vs Il-Kummissjoni, C-617/13 P, EU:C:2016:416, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata).

166

Il-Qorti Ġenerali, li għandha ġurisdizzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 256(1) TFUE, adita b’talba għad-danni, hija obbligata tiddeċiedi dwar tali talba permezz ta’ kulleġġ ġudikanti differenti minn dak li jkun ittratta l-kawża li tkun wasslet għall-proċedura li t-tul tagħha jkun qiegħed jiġi kkritikat (sentenzi tal-21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il-Kummissjoni, C-603/13 P, EU:C:2016:38, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad-9 ta’ Ġunju 2016, Repsol Lubricantes y Especialidades et vs Il-Kummissjoni, C-617/13 P, EU:C:2016:416, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata).

167

Minkejja dan, meta jkun ċar, mingħajr ma jkun neċessarju li l-partijiet jipproduċu provi addizzjonali f’dan ir-rigward, li l-Qorti Ġenerali kisret b’mod suffiċjentement serju l-obbligu tagħha li tiddeċiedi l-kawża f’terminu raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tikkonstata dan il-ksur (sentenzi tal-21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il-Kummissjoni, C-603/13 P, EU:C:2016:38, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad-9 ta’ Ġunju 2016, Repsol Lubricantes y Especialidades et vs Il-Kummissjoni, C-617/13 P, EU:C:2016:416, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fil-kuntest tal-appell, tikkonstata l-ksur tad-dritt għal smigħ xieraq, kif iggarantit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, dovut għat-tul irraġonevoli tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

168

F’dak li jikkonċerna l-kriterji li jippermettu l-evalwazzjoni tal-fatt jekk il-Qorti Ġenerali osservatx il-prinċipju tat-terminu raġonevoli, għandu jitfakkar li l-karattru raġjonevoli tat-terminu għad-deċiżjoni għandu jiġi evalwat skont ċirkustanzi partikolari għal kull każ, bħall-kumplessità tat-tilwima u l-aġir tal-partijiet (sentenza tas-26 ta’ Novembru 2013, Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni, C-58/12 P, EU:C:2013:770, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).

169

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-lista tal-kriterji rilevanti ma hijiex eżawrjenti u li l-evalwazzjoni tan-natura raġonevoli tat-terminu msemmi ma teħtieġx eżami sistematiku taċ-ċirkustanzi tal-kawża fid-dawl ta’ kull wieħed minn dawn il-kriterji meta t-tul tal-proċedura jidher li jkun iġġustifikat fir-rigward ta’ wieħed biss minn dawn il-kriterji. B’hekk, il-kumplessità tal-kawża jew aġir dilatorju tar-rikorrent jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni biex jiġġustifika terminu li huwa prima facie twil wisq (sentenza tas-26 ta’ Novembru 2013, Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni, C-58/12 P, EU:C:2013:770, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

170

F’dan il-każ u fin-nuqqas ta’ provi supplimentari ppreżentati mill-partijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li ma jidhirx li l-Qorti Ġenerali manifestament kisret b’mod suffiċjentement ikkaratterizzat l-obbligu tagħha li tiddeċiedi l-kawża f’terminu raġonevoli.

171

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, it-talbiet inċidentali tal-appell għandhom jiġu miċħuda.

172

Billi ebda wieħed mill-aggravji mressqa mill-appellanti insostenn tal-appell tagħhom ma jista’ jintlaqa’, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

173

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li Timab u CFPR tilfu u l-Kummissjoni talbet li dawn il-kumpanniji jiġu kkundannati għall-ispejjeż, dawn għandhom jiġu kkundannati għall-ispejjeż relatati ma’ dan l-appell.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Timab Industries kif ukoll Cie financière et de participations Roullier (CFPR) huma kkundannati għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Fuq