Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62014CJ0448
Judgment of the Court (Fifth Chamber) of 9 November 2016.#Davitas GmbH v Stadt Aschaffenburg.#Request for a preliminary ruling from the Bayerischer Verwaltungsgerichtshof.#Reference for a preliminary ruling — Novel foods and novel food ingredients — Regulation (EC) No 258/97 — Article 1(2)(c) — Concept of foods and food ingredients with a new primary molecular structure.#Case C-448/14.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-9 ta’ Novembru 2016.
Davitas GmbH vs Stadt Aschaffenburg.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ikel ġdid u ingredjenti tal-ikel ġodda – Regolament (KE) Nru 258/97 – Artikolu 1(2)(ċ) – Kunċett ta’ ‘ikel u ta’ ingredjenti tal-ikel bi struttura primarja molekulari ġdida’.
Kawża C-448/14.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-9 ta’ Novembru 2016.
Davitas GmbH vs Stadt Aschaffenburg.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ikel ġdid u ingredjenti tal-ikel ġodda – Regolament (KE) Nru 258/97 – Artikolu 1(2)(ċ) – Kunċett ta’ ‘ikel u ta’ ingredjenti tal-ikel bi struttura primarja molekulari ġdida’.
Kawża C-448/14.
Rapporti tal-qorti - ġenerali
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2016:839
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
9 ta’ Novembru 2016 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ikel ġdid u ingredjenti tal-ikel ġodda — Regolament (KE) Nru 258/97 — Artikolu 1(2)(ċ) — Kunċett ta’ ‘ikel u ta’ ingredjenti tal-ikel bi struttura primarja molekulari ġdida’”
Fil-Kawża C‑448/14,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva superjuri tal-Land ta’ Bayern, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Settembru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Settembru 2014, fil-proċedura
Davitas GmbH
vs
Stadt Aschaffenburg,
fil-preżenza ta’:
Landesanwaltschaft Bayern,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, A. Tizzano (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, A. Borg Barthet, E. Levits u F. Biltgen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Ottubru 2015,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal Davitas GmbH, minn C. Sachs, Rechtsanwältin, |
— |
għall-iStadt Aschaffenburg, minn A. Schellenberg, Rechtsanwältin, |
— |
għal-Landesanwaltschaft Bayern, minn R. Käβ, bħala aġent, |
— |
għall-Gvern Elleniku, minn I. Chalkias, O. Tsirkinidou u A. Vasilopoulou, bħala aġenti, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Grünheid u K. A. Herbout-Borczak, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Jannar 2016,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2)(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Jannar 1997, dwar l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti ġodda tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 18, p. 244, rettifika fil-ĠU L 68, 7.3.2012, p. 42), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 596/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Ġunju 2009 (ĠU 2009 L 188, p. 14) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 258/97”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Davitas GmbH u l-iStadt Aschaffenburg (belt ta’ Aschaffenburg, il-Ġermanja), dwar deċiżjoni ta’ din tal-aħħar li tipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott tal-ikel imsejjaħ “De Tox Forte” (iktar ’il quddiem il-“prodott De Tox Forte”). |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Skont il-premessi 1 u 2 tar-Regolament Nru 258/97:
|
4 |
L-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej: “1. Dan ir-Regolament jirrigwarda t-tqegħid fis-suq [fl-Unjoni] ta’ ikel ġdid jew l-ingredjenti ġodda tal-ikel. 2. Dan ir-Regolament għandu japplika għat-tqegħid fis-suq [fl-Unjoni] ta’ ikel jew ingredjenti ta’ l-ikel li s’issa ma ġewx użati għall-konsum mill-bniedem fi grad sinifikanti ġewwa [l-Unjoni] u li jaqgħu taħt il-kategoriji li ġejjin:
[…]” |
Id-dritt Ġermaniż
5 |
L-Artikolu 39(2) tal-Lebensmittel-, Bedarfsgegenstände- und Futtermittelgesetzbuch (kodiċi dwar il-prodotti tal-ikel, il-prodotti għall-konsum ta’ kuljum u l-għalf), fil-verżjoni tiegħu ppubblikata fit-3 ta’ Ġunju 2013 (BGBl. 2013 I, p. 1426), kif emendat bil-Liġi tas-7 ta’ Awwissu 2013 (BGBl. 2013 I, p. 3154), jipprovdi: “L-awtoritajiet kompetenti għandhom jadottaw id-dispożizzjonijiet u l-miżuri neċessarji sabiex jikkonstataw jew jeliminaw is-suspetti serji ta’ ksur, sabiex jirrimedjaw il-ksur ikkonstatat jew sabiex jevitaw ksur fil-futur kif ukoll dawk neċessarji għall-finijiet ta’ protezzjoni kontra l-perikoli għas-saħħa jew ir-riskji ta’ qerq. B’mod partikolari, huma jistgħu […]
|
6 |
Skont l-Artikolu 3(1) tal-Verordnung zur Durchführung gemeinschaftsrechtlicher Vorschriften über neuartige Lebensmittel und Lebensmittelzutaten (regolament li jimplementa dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar l-ikel ġdid u dwar l-ingredjenti ġodda tal-ikel), fil-verżjoni tiegħu ppubblikata fl-14 ta’ Frar 2000 (BGBl.2000 I, p. 123), kif emendat bil-komunikazzjoni tas-27 ta’ Mejju 2008 (BGBl.2008 I, p. 919): “Bla ħsara għall-paragrafu 2, il-persuna responsabbli għat-tqegħid fis-suq ma tistax tqiegħed fis-suq ikel u ingredjenti tal-ikel fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 258/97 fl-assenza ta’ awtorizzazzjoni maħruġa konformement mal-proċeduri previsti fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 258/97.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
7 |
B’effett mill-1 ta’ Awwissu 2012, Davitas ikkummerċjalizzat fil-Ġermanja l-prodott De Tox Forte, prodott tal-ikel li l-uniku ingredjent tiegħu huwa l-klinoptilolit, sustanza minerali ta’ oriġini vulkanika. |
8 |
F’Jannar 2013, il-belt ta’ Aschaffenburg talbet lill-Bayerisches Landesamt für Gesundheit und Lebensmittelsicherheit (dipartiment tal-Land ta’ Bayern responsabbli għas-saħħa u għas-sigurtà tal-ikel, il-Ġermanja) sabiex janalizza kampjun ta’ dan il-prodott. |
9 |
Fir-rapport ta’ perizja tiegħu tal-1 ta’ Marzu 2013, dan id-dipartiment ikkonstata li l-klinoptilolit kellu jitqies li huwa “ingredjent tal-ikel ġdid”, fis-sens tar-Regolament Nru 258/97 peress li ma kienet ġiet prodotta l-ebda prova ta’ konsum fi grad sinjifikattiv ta’ dan l-ingredjent fl-Unjoni qabel il-15 ta’ Mejju 1997. |
10 |
Fuq il-bażi ta’ dan ir-rapport ta’ perizja, il-belt ta’ Aschaffenburg, permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Ġunju 2013, ikklassifikat il-prodott De Tox Forte bħala “ikel ġdid”, fis-sens tal-imsemmi regolament, sa fejn dan il-prodott kien ikkostitwit biss minn klinoptilolit. Għalhekk, l-imsemmija belt ipprojbixxiet lil Davitas milli tikkummerċjalizzah sakemm tikseb awtorizzazzjoni għal tqegħid fis-suq konformement mad-dispożizzjonijiet tal-istess regolament. |
11 |
Davitas ippreżentat rikors għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni quddiem il-Bayerisches Verwaltungsgericht Würzburg (qorti amministrattiva tal-Land ta’ Bayern ta’ Würzburg, il-Ġermanja). Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, Davitas ma kkontestatx il-fatt li l-konsum mill-bniedem tal-klinoptilolit ma kienx fi “grad sinifikanti” fl-Unjoni qabel il-15 ta’ Mejju 1997. Madankollu, hija sostniet li, fi kwalunkwe każ, dan l-ingredjent ma setax jiġi kklassifikat bħala “ġdid” peress li ma kienx jissodisfa t-tieni kundizzjoni prevista fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 258/97 sa fejn ma kien jaqa’ taħt l-ebda waħda mill-kategoriji ddefiniti f’dan il-paragrafu 2, fil-punti (ċ) sa (f). |
12 |
B’mod partikolari, fir-rigward tal-kategorija prevista fil-punt (ċ) tal-imsemmi Artikolu 1(2), Davitas sostniet li l-klinoptilolit ma kellhiex “struttura primarja molekulari ġdida”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, peress li dan l-ingredjent kien jinsab, b’mod naturali, qabel il-15 ta’ Mejju 1997, bl-istess struttura molekulari bħal dik użata għall-preparazzjoni tal-prodott De Tox Forte. |
13 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ April 2014, il-Bayerisches Verwaltungsgericht Würzburg (qorti amministrattiva tal-Land ta’ Bayern ta’ Würzburg) ċaħdet ir-rikors ta’ Davitas għar-raġuni li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 1(2)(ċ) tar-Regolament Nru 258/97, kien irrilevanti li l-klinoptilolit kienet tinsab b’mod naturali qabel il-15 ta’ Mejju 1997, bi struttura molekulari simili għal dik użata għall-preparazzjoni tal-prodott De Tox Forte, peress li kien stabbilit il-fatt li dan l-ingredjent ma kienx, fil-perijodu rilevanti, ikkonsmat bħala ikel. |
14 |
Davitas appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva superjuri tal-Land ta’ Bayern, il-Ġermanja), li għandha dubji dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2)(ċ) tal-imsemmi regolament. |
15 |
Huwa f’dan il-kuntest li l-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva superjuri tal-Land ta’ Bayern) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq id-domandi preliminari
16 |
Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 1(2)(ċ) tar-Regolament Nru 258/97 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-espressjoni “struttura primarja molekulari ġdida” tirreferix għall-ikel jew għall-ingredjenti tal-ikel li ma kinux is-suġġett ta’ konsum mill-bniedem fit-territorju tal-Unjoni qabel il-15 ta’ Mejju 1997, jew jekk tirreferix għal dawk li l-istruttura molekulari tagħhom ma kinitx teżisti, bħala tali, b’mod naturali qabel dik id-data. |
17 |
Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar, b’mod preliminari, li l-imsemmi regolament jikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ ikel ġdid u ta’ ingredjenti tal-ikel ġodda (sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2005, HLH Warenvertrieb u Orthica, C‑211/03, C‑299/03 u C‑316/03 sa C‑318/03, EU:C:2005:370, punt 81). |
18 |
L-Artikolu 1(2) tal-istess regolament huwa intiż li jistabbilixxi l-limiti tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari billi jiddefinixxi xi jfissru ikel ġdid u ingredjenti tal-ikel ġodda (sentenzi tad-9 ta’ Ġunju 2005, HLH Warenvertrieb u Orthica, C‑211/03, C‑299/03 u C‑316/03 sa C‑318/03, EU:C:2005:370, punt 82, kif ukoll tal-15 ta’ Jannar 2009, M-K Europa, C‑383/07, EU:C:2009:8, punt 15). |
19 |
Mill-formulazzjoni stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li, sabiex jiġu kklassifikati bħala “ġodda” fis-sens tar-Regolament Nru 258/97, l-ikel u l-ingredjenti tal-ikel għandhom jissodisfaw żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. |
20 |
Minn naħa, huwa meħtieġ li l-konsum mill-bniedem ta’ dawn is-sustanzi ma kienx “fi grad sinifikanti” fl-Unjoni qabel il-15 ta’ Mejju 1997, id-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2005, HLH Warenvertrieb u Orthica, C‑211/03, C‑299/03 u C‑316/03 sa C‑318/03, EU:C:2005:370, punti 82 u 87). |
21 |
Min-naħa l-oħra, huwa indispensabbli li l-imsemmija sustanzi jaqgħu wkoll f’waħda mill-kategoriji deskritti espliċitament fl-Artikolu 1(2)(ċ) sa (f) tal-istess regolament. |
22 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-kategorija ddefinita fl-Artikolu 1(2)(ċ), li huwa s-suġġett tad-domandi magħmula, tinkludi b’mod partikolari l-ikel u l-ingredjenti tal-ikel “bi struttura primarja molekulari ġdida” |
23 |
Issa, minn dawn it-termini jirriżulta li l-kategorija ddefinita permezz tal-imsemmija dispożizzjoni hija distinta mill-kategoriji l-oħra msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 258/97 minħabba li tagħmel riferiment ġeneriku għall-karatteristiċi tal-“istruttura primarja molekulari” ta’ ikel jew ta’ ingredjent tal-ikel, filwaqt li, minn naħa, l-Artikolu 1(2)(d) u (e) jirreferi b’mod iktar speċifiku għas-sustanzi organiċi b’kompożizzjoni partikolari u filwaqt li, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 1(2)(f) ta’ dan ir-regolament jirreferi għas-sustanzi li għalihom ikun ġie applikat proċess ta’ produzzjoni ġdid li jikkawża bidliet sinjifikattivi fil-kompożizzjoni jew fl-istruttura tagħhom. |
24 |
Minn dan jirriżulta li l-kategorija deskritta fl-Artikolu 1(2)(ċ) tal-imsemmi regolament tista’ tinkludi diversi sustanzi, irrispettivament mill-kompożizzjoni tagħhom jew mill-proċess ta’ produzzjoni tagħhom, sakemm ikollhom “struttura primarja molekulari ġdida”. |
25 |
Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dawn it-termini ma humiex iddefiniti mir-Regolament Nru 258/97, li għalhekk ma jinkludix indikazzjonijiet li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk il-kategorija deskritta fl-Artikolu 1(2)(ċ) tal-imsemmi regolament tinkludix l-ikel jew l-ingredjenti tal-ikel li ma kinux is-suġġett ta’ konsum mill-bniedem fl-Unjoni qabel il-15 ta’ Mejju 1997 jew jekk tkoprix biss l-ikel jew l-ingredjenti tal-ikel li l-istruttura primarja molekulari tagħhom inħolqot ex novo jew ġiet emendata fil-konfront ta’ dik diġà eżistenti b’mod naturali qabel din id-data. |
26 |
Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, id-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata tat-termini li fir-rigward tagħhom id-dritt tal-Unjoni ma jipprovdi ebda definizzjoni għandha ssir konformement mas-sens normali tagħhom fil-lingwa kurrenti, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li jagħmlu parti minnha (sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2015, Hotel Sava Rogaška, C‑207/14, EU:C:2015:414, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
27 |
F’dan il-każ, is-sens normali tal-espressjoni “struttura primarja molekulari ġdida” ma jippermettix, waħdu, li tingħata interpretazzjoni inekwivoka ta’ din l-espressjoni. Fil-fatt, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tiegħu, din l-espressjoni, fil-lingwa kurrenti, tista’ tirreferi kemm għal struttura primarja molekulari użata b’mod ġdid fl-ikel għall-konsum mill-bniedem u kemm għal tali struttura maħluqa jew emendata b’mod ġdid mill-bniedem. |
28 |
Għaldaqstant, sabiex tiġi interpretata l-imsemmija espressjoni, għandu jsir riferiment kemm għall-kuntest li fih jintużaw it-termini tal-Artikolu 1(2)(ċ) tar-Regolament Nru 258/98 u kemm, b’mod iktar wiesa’, għall-finalità ta’ dan ir-regolament. |
29 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kuntest tal-imsemmija dispożizzjoni, għandu jiġi kkonstatat li, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 39 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-imsemmi regolament jikkostitwixxi strument ta’ natura ġenerali sa fejn ikopri l-ikel jew l-ingredjenti tal-ikel ġodda kollha, irrispettivament min-natura tagħhom, ħlief għal ċerti oqsma rregolati mil-leġiżlazzjoni settorjali. |
30 |
Issa, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2)(ċ) tar-Regolament Nru 258/97 fis-sens li l-espressjoni “struttura primarja molekulari ġdida” tirreferi għal-ikel jew għall-ingredjenti tal-ikel li ma kinux is-suġġett ta’ konsum mill-bniedem fl-Unjoni qabel tal-15 ta’ Mejju 1997 hija l-unika interpretazzjoni kompatibbli ma’ tali kuntest. Fil-fatt, jekk dawn it-termini jiġu interpretati b’mod differenti, dan iċaħħad lil dan ir-regolament min-natura ġenerali tiegħu sa fejn tali interpretazzjoni twassal sabiex jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu l-ikel jew l-ingredjenti tal-ikel kollha, b’mod partikolari dawk ta’ oriġini minerali, li kienu diġà jinstabu b’mod naturali fl-istruttura primarja molekulari tagħhom qabel il-15 ta’ Mejju 1997, li ma humiex komposti mis-sustanzi organiċi deskritti fl-Artikolu 1(2)(d) u (e) ta’ dan ir-regolament jew li ma humiex suġġetti għal proċess ta’ produzzjoni ġdid, fis-sens tal-Artikolu 1(2)(f) tal-imsemmi regolament. |
31 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-għanijiet segwiti mir-Regolament Nru 258/97, għandu jitfakkar li dan għandu żewġ għanijiet, jiġifieri li mhux biss jiżgura l-funzjonament tas-suq intern tal-ikel ġdid, iżda wkoll li jipproteġi s-saħħa pubblika kontra r-riskji li jista’ jikkawża l-ikel ġdid (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2009, M-K Europa, C‑383/07, EU:C:2009:8, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
32 |
Għal dawn il-finijiet, dan ir-regolament huwa intiż li jistabbilixxi, fi ħdan l-Unjoni, standards komuni fil-qasam tal-ikel ġdid u tal-ingredjenti tal-ikel ġodda li huma riflessi, b’mod partikolari, kif jirriżulta mill-premessa 2 tiegħu, fl-introduzzjoni ta’ evalwazzjoni waħda dwar is-sigurtà tagħhom permezz ta’ proċedura Komunitarja qabel ma jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni (sentenza tal-15 ta’ Jannar 2009, M-K Europa, C‑383/07, EU:C:2009:8, punt 23). |
33 |
Issa, hija biss l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2)(ċ) tal-imsemmi regolament fis-sens li l-espressjoni “struttura primarja molekulari ġdida” tkopri l-ikel jew l-ingredjenti tal-ikel li ma kinux is-suġġett ta’ konsum mill-bniedem fl-Unjoni qabel il-15 ta’ Mejju 1997 li tirriżulta li hija koerenti mas-segwiment ta’ tali għanijiet. Fil-fatt, din l-interpretazzjoni tippermetti li tiġi ggarantita protezzjoni effettiva tas-saħħa pubblika kontra r-riskji potenzjali li jirrappreżentaw l-ikel u l-ingredjenti tal-ikel ġodda, sa fejn l-evalwazzjoni waħda ta’ sigurtà ser tkun meħtieġa kull meta jkun maħsub li fl-ikel għall-konsum mill-bniedem tintuża sustanza li sa dak il-mument tkun għadha ma ġietx ikkonsmata mill-bniedem bħala ikel. |
34 |
Mill-banda l-oħra, jekk il-kunċett ta’ ikel jew ta’ ingredjenti tal-ikel bi “struttura primarja molekulari ġdida” jiġi interpretat fis-sens li jkopri biss is-sustanzi li ma kinux jeżistu b’mod naturali bl-istess struttura primarja molekulari, qabel il-15 ta’ Mejju 1997, kull sustanza li kienet teżisti f’dik id-data, li kienet għadha ma ntużatx fl-ikel għall-konsum mill-bniedem u li ma taqa’ taħt ebda waħda mill-kategoriji speċifiċi deskritti fl-Artikolu 1(2)(d) sa (f) tar-Regolament Nru 258/97, tkun awtomatikament eżentata mill-evalwazzjoni ta’ sigurtà prevista minn dan ir-regolament qabel it-tqegħid tagħha fis-suq tal-Unjoni, mingħajr ma jkun possibbli li tiġi evalwata l-eventwalità ta’ perikolu għas-saħħa. |
35 |
Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, fl-ambitu tal-kawża prinċipali, jekk l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti applikawx korrettament l-Artikolu 1(2)(ċ) tal-imsemmi regolament meta kklassifikaw il-prodott De Tox Forte bħala “ikel ġdid”. |
36 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li l-Artikolu 1(2)(ċ) tar-Regolament Nru 258/97 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-espressjoni “struttura primarja molekulari ġdida” tirreferi għall-ikel jew għall-ingredjenti tal-ikel li ma kinux is-suġġett ta’ konsum mill-bniedem fit-territorju tal-Unjoni qabel il-15 ta’ Mejju 1997. |
Fuq l-ispejjeż
37 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 1(2)(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Jannar 1997, dwar l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti ġodda tal-ikel, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 596/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Ġunju 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-espressjoni “struttura primarja molekulari ġdida” tirreferi għall-ikel jew għall-ingredjenti tal-ikel li ma kinux is-suġġett ta’ konsum mill-bniedem fit-territorju tal-Unjoni Ewropea qabel il-15 ta’ Mejju 1997. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.