EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62014CJ0336

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-4 ta’ Frar 2016.
Proċeduri kriminali kontra Sebat Ince.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa mill-Amtsgericht Sonthofen.
Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Artikolu 56 TFUE – Logħob tal-ażżard – Monopolju pubbliku fil-qasam tal-imħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi – Awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel – Esklużjoni tal-operaturi privati – Ġbir ta’ mħatri f’isem operatur stabbilit fi Stat Membru ieħor – Sanzjonijiet kriminali – Dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni – Żgumbrament – Tranżizzjoni lejn sistema li tipprevedi l-għoti ta’ numru limitat ta’ konċessjonijiet lil xi operaturi privati – Prinċipji ta’ trasparenza u ta’ imparzjalità – Direttiva 98/34/KE – Artikolu 8 – Regolamenti tekniċi – Regoli dwar is-servizzi – Obbligu ta’ notifika.
Kawża C-336/14.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2016:72

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

4 ta’ Frar 2016 ( *1 )

“Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Artikolu 56 TFUE — Logħob tal-ażżard — Monopolju pubbliku fil-qasam tal-imħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi — Awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel — Esklużjoni tal-operaturi privati — Ġbir ta’ mħatri f’isem operatur stabbilit fi Stat Membru ieħor — Sanzjonijiet kriminali — Dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni — Żgumbrament — Tranżizzjoni lejn sistema li tipprevedi l-għoti ta’ numru limitat ta’ konċessjonijiet lil xi operaturi privati — Prinċipji ta’ trasparenza u ta’ imparzjalità — Direttiva 98/34/KE — Artikolu 8 — Regolamenti tekniċi — Regoli dwar is-servizzi — Obbligu ta’ notifika”

Fil-Kawża C-336/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Amtsgericht Sonthofen (qorti lokali ta’ Sonthofen, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Mejju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Lulju 2014, fil-proċedura kriminali kontra

Sebat Ince,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, A. Borg Barthet, E. Levits, M. Berger u S. Rodin (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Ġunju 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Sebat Ince, minn M. Arendts, R. Karpenstein u R. Reichert, avukati,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

għall-Gvern Belġjan, minn P. Vlaemminck, B. Van Vooren, u R. Verbeke, avukati, u minn M. Jacobs, L. Van den Broeck u J. Van Holm, bħala aġenti,

għall-Gvern Elleniku, minn E.-M. Mamouna u M. Tassopoulou, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun u H. Tserepa-Lacombe, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-22 ta’ Ottubru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE u tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337), kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Lulju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 8, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 98/34”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ żewġ proċeduri kriminali magħquda mibdija kontra S. Ince, li hija akkużata li, mingħajr awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtorità kompetenti, wettqet l-intermedjazzjoni ta’ mħatri sportivi fit-territorju tal-Land tal-Bavarja.

Qafas ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 5 sa 7 tad-Direttiva 98/34 huma redatti kif ġej:

“(5)

Billi huwa essenzjali għall-Kummissjoni li jkollha l-informazzjoni meħtieġa għad-dispożizzjoni tagħha qabel tadotta d-dispożizzjonijiet tekniċi; billi, b’konsegwenza ta’ dan, l-Istati Membri li huma meħtieġa li jiffaċilitaw il-kisba tax-xogħol tagħha skond l-Artikolu 5 tat-Trattat għandhom jinnotifikawha bil-proġetti tagħhom fil-qasam tar-regolamenti tekniċi;

(6)

Billi l-Istati Membri kollha għandhom wkoll ikunu mgħarrfa bir-regolamenti tekniċi kkontemplati minn xi wieħed mill-Istati Membri;

(7)

Billi l-għan tas-suq intern huwa li joħloq ambjent li jwassal għall-kompetittività ta’ l-intrapriżi; billi żieda fil-proviżjoni ta’ informazzjoni hija mod wieħed li jgħin lill-intrapriżi jiksbu iktar mill-vantaġġi inerenti f’dan is-suq; billi huwa għalhekk meħtieġ li l-operaturi ekonomiċi jiġu megħjuna biex jagħtu l-istima tagħhom dwar l-impatt tar-regolamenti tekniċi nazzjonali proposti mill-Istati Membri l-oħra, billi tkun provduta l-pubblikazzjoni regolari tat-titoli ta’ l-abbozzi nnotifikati u permezz tad-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-kunfidenzjalità ta’ dawn l-abbozzi”.

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw it-[tifsiriet] li ġejjin:

1.

‘prodott’, kull prodott fabbrikat b’mod industrijali u kull prodott agrikolu, inklużi prodotti mill-ħut [prodotti tas-sajd];

2.

‘servizz’;, kull servizz tas-Soċjetà ta’ l-Informatika, jiġifieri kull servizz normalment ipprovdut għal rimunerazzjoni, mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ riċevitur ta’ servizzi.

[...]

3.

‘speċifikazzjoni teknika’, speċifikazzjoni li tinsab f’dokument li jistabbilixxi l-karatteristiċi meħtieġa ta’ prodott bħalma huma l-livelli ta’ kwalità, ir-riżultat tal-ħidma, is-sigurtà jew id-dimensjonijiet, inklużi l-ħtiġiet li japplikaw għall-prodott rigward l-isem li bih il-prodott jinbiegħ, it-terminoloġija, is-simboli, l-eżaminazzjoni u l-metodi ta’ l-eżaminazzjoni, l-imballaġġ, l-immarkar jew l-ittikkettjar u l-proċeduri ta’ stima tal-konformità.

[...]

4.

‘ħtiġiet oħra’, ħtieġa, għajr speċifikazzjoni teknika, imposta fuq prodott bil-għan li tipproteġi, b’mod partikolari, il-konsumatur jew l-ambjent, u li taffettwa ċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu wara li jkun inħareġ fis-suq, bħalma huma l-kondizzjonijiet dwar l-użu, ir-riċiklaġġ, l-użu mill-ġdid jew ir-rimi, fejn dawn il-kondizzjonijiet jistgħu jinfluwenzaw b’mod sinifikanti l-kompożizzjoni jew in-natura tal-prodott jew il-bejgħ tiegħu fis-suq;

5.

‘regola dwar is-servizzi’, ħtieġa ta’ natura ġenerali li għandha x’taqsam mal-bidu u l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ servizzi fit-tifsira tal-punt 2, b’mod partikolari id-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-fornitur tas-servizz, is-servizzi u r-riċevitur tas-servizzi, għajr kull regola li mhijiex speċifikament immirata lejn is-servizzi definiti f’dak il-punt.

[...]

11.

‘regolament tekniku’, speċifikazzjonijiet tekniċi u ħtiġiet oħra jew regoli dwar servizzi, inklużi d-dispożizzjonijiet amministrattivi rilevanti, li l-osservanza tagħhom hija obbligatorja, de jure jew de facto, fil-każ tat-tqegħid fis-suq, il-forniment ta’ servizz, l-istabbiliment ta’ operatur tas-servizz jew l-użu fi Stat Membru jew f’parti l-kbira minnu, kif ukoll il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri, għajr dawk ipprovduti fl-Artikolu 10, li jipprojbixxu l-fabbrikazzjoni, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ prodott, jew li jipprojbixxu l-forniment jew l-użu ta’ servizz, jew l-istabbiliment ta’ fornitur tas-servizz.

[...]”

5

L-Artikolu 8(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Soġġetti għall-Artikolu 10, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw fil-pront lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ regolament tekniku, għajr fejn dan sempliċiment jittrasponi t-test ta’ standard internazzjonali jew Ewropew, f’liema każ l-informazzjoni li jkollha x’taqsam ma’ l-istandard relevanti tkun biżżejjed; għandhom ukoll iħallu lill-Kummissjoni tagħmel dikjarazzjoni dwar ir-raġunijiet li jagħmlu meħtieġa l-leġislazzjoni ta’ dan ir-regolament tekniku, fejn dawn ma jkunux diġà ġew magħmula ċari fl-abbozz.

Fejn ikun xieraq, u għajr jekk ma jkunux diġà bagħtuh b’komunika minn qabel, l-Istati Membri għandhom simultanjament jikkomunikaw it-test tad-dispożizzjonijiet bażiċi leġislattivi jew regolatorji interessati prinċipalment u direttament, jekk it-tagħrif ta’ dan it-test ikun meħtieġ biex jistma l-implikazzjonijiet ta’ l-abozz ta’ regolament tekniku.

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw l-abbozz mill-ġdid skond il-kondizzjonijiet ta’ hawn fuq jekk jagħmlu tibdil lill-abbozz li jkollu l-effett li jibdel b’mod sinifikanti l-iskop tiegħu, iqassru l-iskeda imfassla oriġinarjament għall-implimentazzjoni, iżidu l-ispeċifikazzjonijiet jew il-ħtiġiet jew jagħmlu lil dawn ta’ l-aħħar iktar stretti.

[...]”

Id-dritt Ġermaniż

Il-liġi federali

6

L-Artikolu 284 tal-Kodiċi Kriminali (Strafgesetzbuch) jistabbilixxi:

“(1)   Kull min, mingħajr awtorizzazzjoni amministrattiva, b’mod pubbliku jorganizza jew jopera logħba tal-ażżard jew jagħmel tagħmir disponibbli għaliha għandu jeħel il-piena ta’ priġunerija ta’ mhux iktar minn sentejn jew multa.

[...]

(3)   Kull min fis-sitwazzjoni tal-paragrafu (1) jaġixxi:

1.

fuq bażi kummerċjali; jew

2.

bħala membru ta’ grupp li l-għan tiegħu jkun li jibqgħu jiġu kommessi reati bħal dawn

għandu jeħel il-piena ta’ priġunerija ta’ minn tliet xhur sa ħames snin.

[...]”

It-Trattat dwar il-logħob tal-ażżard

7

Permezz tat-Trattat tal-Istat dwar il-Lotteriji fil-Ġermanja (Staatsvertrag zum Lotteriewesen in Deutschland, iktar ’il quddiem it-“trattat dwar il-lotteriji”), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2004, il-Länder ħolqu qafas uniformi għall-organizzazzjoni, it-tmexxija u t-tqegħid, bi skop kummerċjali, ta’ logħob tal-ażżard, minbarra l-każinos.

8

F’sentenza tat-28 ta’ Marzu 2006, il-Bundesverfassungsgericht (qorti kostituzzjonali federali) iddeċidiet, dwar il-leġiżlazzjoni li tiżgura t-traspożizzjoni tat-trattat dwar il-lotteriji fil-Land tal-Bavarja, li l-monopolju pubbliku fil-qasam tal-imħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi eżistenti f’dan il-Land kienet tikser l-Artikolu 12(1) tal-liġi bażika (Grundgesetz), li tiggarantixxi l-libertà professjonali. L-imsemmija qorti qieset b’mod partikolari li, peress li dan eskluda l-attività ta’ organizzazzjoni ta’ mħatri privati mingħajr madankollu ma kien akkumpanjat minn qafas regolamentari li huwa adattat sabiex jiżgura strutturalment u sostanzjalment, kemm fid-dritt u kif ukoll fil-fatt, li l-għanijiet ta’ tnaqqis tal-passjoni għal-logħob u ta’ ġlieda kontra l-vizzju tal-logħob ikunu effettivament imħaddna, l-imsemmi monopolju ħoloq preġudizzju sproporzjonat għal-libertà professjonali sa issa ggarantita.

9

It-Trattat tal-Istat dwar il-Logħob tal-Ażżard (Staatsvertrag zum Glücksspielwesen, iktar ’il quddiem it-“trattat dwar il-logħob tal-ażżard”), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2008, stabbilixxa qafas uniformi ġdid għall-organizzazzjoni, it-tmexxija u l-intermedjazzjoni tal-logħob tal-ażżard intiż li jissodisfa r-rekwiżiti mitluba mill-Bundesverfassungsgericht (qorti kostituzzjonali federali) fl-imsemmija sentenza tat-28 ta’ Marzu 2006. It-trattat dwar il-logħob tal-ażżard kien ġie nnotifikat lill-Kummissjoni fl-istat ta’ abbozz skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34.

10

Skont l-Artikolu 1 tat-trattat dwar il-logħob tal-ażżard, l-għanijiet tiegħu kienu dawn li ġejjin:

“1.

tkun ipprevenuta d-dipendenza fuq il-logħob tal-ażżard u fuq l-imħatri, u jinħolqu l-kundizzjonijiet sabiex ikun hemm ġlieda effettiva kontra d-dipendenza,

2.

tkun limitata l-offerta tal-logħob tal-ażżard u l-istint tal-logħob tal-popolazzjoni jkun dirett b’mod organizzat u kkontrollat, b’mod partikolari sabiex ma jitħalliex li n-nies jersqu lejn logħob tal-ażżard mhux awtorizzat,

3.

tkun iggarantita l-protezzjoni tal-minuri u tal-lagħaba,

4.

ikunu żgurati l-iżvolġiment tajjeb tal-logħob tal-ażżard, il-protezzjoni tal-lagħaba mill-manuvri frawdolenti u tkun ipprevenuta l-kriminalità marbuta ma’ u li tirriżulta mil-logħob tal-ażżard.”

11

L-Artikolu 4 ta’ dan it-trattat kien jipprovdi:

“(1)   L-organizzazzjoni jew l-intermedjazzjoni tal-logħob tal-ażżard pubbliku tista’ ssir biss bl-awtorizzazzjoni tal-awtorità kompetenti tal-Land ikkonċernat. Kull organizzazzjoni u kull intermedjazzjoni ta’ tali logħob huma pprojbiti mingħajr din l-awtorizzazzjoni (logħob tal-ażżard illegali).

(2)   Din l-awtorizzazzjoni għandha tiġi miċħuda jekk l-organizzazzjoni jew l-intermedjazzjoni tal-logħob tal-ażżard tkun kuntrarja għall-għanijiet tal-Artikolu 1. L-awtorizzazzjoni ma għandhiex tingħata għall-intermedjazzjoni ta’ logħob tal-ażżard illegali skont dan it-trattat tal-Istat. Ma jeżisti ebda dritt kweżit mal-ksib ta’ awtorizzazzjoni.

[...]

(4)   L-organizzazzjoni u l-intermedjazzjoni ta’ logħob tal-ażżard pubbliku fuq l-internet huma pprojbiti.”

12

Skont l-Artikolu 5(3) tal-imsemmi trattat:

“Ir-reklamar għal-logħob tal-ażżard pubbliku huwa pprojbit fuq it-televiżjoni […], fuq l-internet u permezz ta’ apparat ta’ telekomunikazzjonijiet.”

13

L-Artikolu 10 ta’ dan l-istess trattat kien ifformulat kif ġej:

“(1)   Biex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 1, il-Länder huma obbligati statutorjament jiżguraw li jkun ipprovdut logħob tal-ażżard b’mod suffiċjenti. Dawn huma assistiti minn kumitat tekniku kompost minn esperti speċjalizzati fil-ġlieda kontra d-dipendenza fuq il-logħob tal-ażżard.

(2)   Skont il-liġi, il-Länder jistgħu jagħmlu dak ix-xogħol jew huma stess jew permezz tal-intermedjazzjoni ta’ persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku jew ta’ kumpanniji rregolati mid-dritt privat fejn persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku jkollhom sehem azzjonarju ta’ kontroll dirett jew indirett determinanti.

[...]

(5)   Persuni barra dawk imsemmija fil-paragrafu (2) għandhom ikunu awtorizzati jorganizzaw lotteriji u logħob biss skont id-dispożizzjonijiet tat-tielet taqsima.”

14

L-Artikolu 21(2) tat-trattat dwar il-logħob tal-ażżard kien jipprojbixxi, b’mod partikolari, li l-organizzazzjoni u l-intermedjazzjoni ta’ mħatri sportivi jew ir-reklamar għal tali mħatri jkunu assoċjati mat-trażmissjoni mill-ġdid ta’ avvenimenti sportivi minn servizzi ta’ xandir u tal-medja televiżivi.

15

L-Artikolu 25(6) ta’ dan it-trattat kien jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom il-Länder kienu awtorizzati, b’deroga mill-Artikolu 4(4) tal-imsemmi trattat, jippermettu l-organizzazzjoni u l-intermedjazzjoni ta’ lotteriji fuq l-internet.

16

L-Artikolu 28(1) ta’ dan l-istess trattat kien jipprevedi l-possibbiltà għal-Länder li jagħmlu proroga ta’ dan tal-aħħar mal-iskadenza tiegħu fil-31 ta’ Diċembru 2011. Il-Länder ma għamlux użu minn din l-għażla. Madankollu, kull wieħed minnhom, minbarra l-Land ta’ Schleswig-Holstein, adotta dispożizzjonijiet li jipprevedu li, mal-iskadenza tat-trattat dwar il-logħob tal-ażżard, ir-regoli tiegħu kienu se jibqgħu applikabbli bħala leġiżlazzjoni tal-Land sad-dħul fis-seħħ ta’ trattat ġdid bejn il-Länder. Fil-Bavarja, id-dispożizzjoni għal dan l-għan kienet tidher fl-Artikolu 10(2) tal-Liġi tal-Bavarja ta’ Implementazzjoni tat-Trattat dwar il-Logħob tal-Ażżard (Bayerisches Gesetz zur Ausführung des Staatsvertrages zum Glücksspielwesen in Deutschland), tal-20 ta’ Diċembru 2007 (GVBl S. 922, BayRS 2187-3-I, iktar ’il quddiem il-“liġi ta’ implementazzjoni tat-trattat dwar il-logħob tal-ażżard”). La din il-liġi u lanqas id-dispożizzjonijiet korrispondenti adottati mil-Länder l-oħra ma ġew innotifikati lill-Kummissjoni fl-istat ta’ abbozz skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34.

It-Trattat ta’ Emenda dwar il-Logħob tal-Ażżard

17

It-Trattat ta’ Emenda dwar il-Logħob tal-Ażżard (Glücksspieländerungsstaatsvertrag, iktar ’il quddiem it-“trattat ta’ emenda”), konkluż bejn il-Länder, daħal fis-seħħ fil-Bavarja fl-1 ta’ Lulju 2012.

18

L-Artikoli 1 u 4 tat-trattat ta’ emenda huma, essenzjalment, identiċi għall-Artikoli 1 u 4 tat-trattat dwar il-logħob tal-ażżard.

19

L-Artikolu 10 tat-trattat ta’ emenda jipprovdi:

“(1)   Biex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 1, il-Länder huma obbligati statutorjament jiżguraw li jkun ipprovdut logħob tal-ażżard b’mod suffiċjenti. Dawn huma assistiti minn kumitat tekniku. Dan huwa kompost minn persuni li, fir-rigward tal-għanijiet intiżi mill-Artikolu 1, għandhom esperjenza xjentifika jew prattika partikolari.

(2)   Skont il-liġi, il-Länder jistgħu jagħmlu dak ix-xogħol jew huma stess jew permezz tal-intermedjazzjoni ta’ korp pubbliku amministrat b’mod konġunt mil-Länder kollha li huma parti għat-trattat [ta’ emenda], jew inkella permezz tal-intermedjazzjoni ta’ persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku jew ta’ kumpanniji rregolati mid-dritt privat fejn persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku jkollhom sehem azzjonarju ta’ kontroll dirett jew indirett determinanti.

[...]

(6)   Persuni barra dawk imsemmija fil-paragrafi (2) u (3) għandhom ikunu awtorizzati jorganizzaw lotteriji u logħob biss skont id-dispożizzjonijiet tat-tielet taqsima.”

20

Skont l-Artikolu 10a tat-trattat ta’ emenda, intitolat “Klawżola sperimentali għall-imħatri sportivi”:

“(1)   Sabiex jasal bl-aħjar mod sabiex iwettaq l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 1, b’mod partikolari fil-kuntest tal-ġlieda kontra s-suq illegali kkonstatat matul l-evalwazzjoni, l-Artikolu 10(6) ma għandux japplika għall-organizzazzjoni ta’ mħatri sportivi għal perijodu ta’ seba’ snin mid-dħul fis-seħħ tal-ewwel trattat ta’ emenda dwar il-logħob tal-ażżard.

(2)   Matul dak il-perijodu l-imħatri sportivi jistgħu jiġu organizzati biss b’konċessjoni (Artikoli 4a sa 4e).

(3)   In-numru massimu ta’ konċessjonijiet huwa stabbilit għal 20.

(4)   Il-konċessjoni tagħti lil dawk li jingħataw il-konċessjoni, skont id-dispożizzjonijiet bażiċi u d-dispożizzjonijiet anċillari stabbiliti skont l-Artikolu 4c(2), id-dritt li jorganizzaw u li jwettqu l-intermedjazzjoni tal-imħatri sportivi fuq l-internet, b’deroga mill-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 4(4). L-Artikolu 4(5) u (6) huwa applikabbli b’analoġija. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-konċessjoni huwa limitat għat-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u għal dak tal-Istati Membri li jaċċettaw il-validità tal-awtorizzazzjoni Ġermaniża għat-territorju nazzjonali tagħhom.

(5)   Il-Länder għandhom jillimitaw in-numru ta’ korpi ta’ intermedjazzjoni ta’ mħatri sabiex l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 1 jintlaħqu. L-intermedjazzjoni ta’ mħatri sportivi f’dawn il-korpi teħtieġ l-awtorizzazzjoni msemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(1). It-tieni sentenza tal-Artikolu 29(2) hija applikabbli b’analoġija.”

21

L-Artikolu 29 tat-trattat ta’ emenda jippermetti lill-operaturi pubbliċi li jkollhom awtorizzazzjoni għall-organizzazzjoni ta’ mħatri sportivi, kif ukoll lill-intermedjarji tagħhom, ikomplu joffru tali mħatri għal sena sa mill-ħruġ tal-ewwel konċessjoni, mingħajr ma huma stess ikollhom konċessjoni.

22

L-Artikoli 4a sa 4e tat-trattat ta’ emenda jfasslu s-sistema ta’ konċessjonijiet. B’mod partikolari, l-Artikolu 4a(4) ta’ dan it-trattat jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li għalihom huwa suġġett l-għoti ta’ konċessjoni huwa suġġett u jeħtieġ b’mod partikolari li tiġi stabbilita l-oriġini leċita tal-mezzi neċessarji għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard. L-Artikolu 4b tal-imsemmi trattat jipprevedi l-modalitajiet tal-proċedura ta’ għoti tal-konċessjonijiet. Dan l-artikolu jelenka, b’mod partikolari fil-paragrafu (5) tiegħu, il-kriterji li jippermettu li wieħed jiddeċiedi bejn diversi kandidati idonei għall-ksib ta’ konċessjoni.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

23

Il-qorti tar-rinviju hija mitluba tiddeċiedi dwar l-ilmenti mressqa mill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Kempten (Staatsanwaltschaft Kempten, Land tal-Bavarja) fil-kuntest ta’ żewġ proċeduri kriminali magħquda kontra S. Ince, ċittadina Torka ddomiċiljata fil-Ġermanja, skont l-Artikolu 284 tal-kodiċi kriminali.

24

L-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Kempten jakkuża lil S. Ince li eżerċitat attivitajiet ta’ intermedjazzjoni ta’ mħatri sportivi, mingħajr ma kellha awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtorità kompetenti tal-Land ikkonċernat, permezz ta’ magna tal-imħatri installata f’bar sportiv li jinsab fil-Bavarja. S. Ince allegatament ġabret tali mħatri f’isem kumpannija li għandha s-sede tagħha fl-Awstrija, u li hija detentriċi ta’ liċenzja f’dan l-Istat Membru li tawtorizzaha torganizza mħatri sportivi. Madankollu, l-imsemmija kumpannija ma kinitx detentriċi ta’ liċenzja sabiex torganizza tali mħatri fil-Ġermanja.

25

L-akkużi kontra S. Ince jikkonċernaw, fir-rigward tal-ewwel proċedura kriminali, il-perijodu mill-11 sat-12 ta’ Jannar 2012, u, f’dak li jikkonċerna t-tieni proċedura kriminali, il-perijodu mit-13 ta’ April sas-7 ta’ Novembru 2012. Dawn il-proċeduri jiddistingwu ruħhom minn xulxin, essenzjalment, biss fir-rigward tal-kuntest ġuridiku Ġermaniż fis-seħħ fiż-żmien li fih seħħew il-fatti li dwarhom tressqet l-akkuża.

26

Il-fatti li wasslu għall-ewwel akkużi, kif ukoll għat-tieni akkużi għall-perijodu ta’ mit-13 ta’ April sat-30 ta’ Ġunju 2012, kienu jaqgħu taħt il-liġi ta’ implementazzjoni tat-trattat dwar il-logħob tal-ażżard, liema liġi kienet tipprevedi li, wara l-iskadenza tat-trattat dwar il-logħob tal-ażżard, ir-regoli tiegħu għandhom jibqgħu japplikaw fil-Bavarja bħala liġi tal-Land. Dan it-trattat kien jistitwixxi monopolju pubbliku dwar l-organizzazzjoni u l-intermedjazzjoni ta’ mħatri sportivi, minn naħa, billi, fl-Artikolu 4(1) tiegħu, kien jipprojbixxi l-organizzazzjoni u l-intermedjazzjoni ta’ mħatri sportivi mingħajr awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtorità kompetenti tal-Land tal-Bavarja u, min-naħa l-oħra, billi, fl-Artikolu 10(5) tiegħu, kien jeskludi l-ħruġ ta’ tali awtorizzazzjonijiet lil operaturi privati.

27

Permezz tas-sentenzi Stoß et (C-316/07, C-358/07 sa C-360/07, C-409/07 u C‑410/07, EU:C:2010:504) kif ukoll Carmen Media Group (C-46/08, EU:C:2010:505), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-qrati Ġermaniżi setgħu b’mod leġittimu jaslu sabiex jikkunsidraw li l-monopolju pubbliku li jirriżulta mit-trattat dwar il-lotteriji u mit-trattat dwar il-logħob tal-ażżard ma kienx xieraq sabiex jiġi ggarantit it-twettiq tal-għanijiet ta’ interess ġenerali invokati mil-leġiżlatur Ġermaniż b’mod koerenti u sistematiku, u dan minħabba, b’mod partikolari, li d-d-detenturi ta’ dan il-monopolju pubbliku kienu jwettqu kampanji pubbliċitarji intensivi u l-awtoritajiet kompetenti kienu jwettqu politiki intiżi li jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni f’ċertu logħob tal-ażżard li ma jaqax taħt l-imsemmi monopolju u li jwasslu għal riskju ta’ dipendenza partikolarment għoli.

28

Skont il-qorti tar-rinviju, il-qrati Ġermaniżi kollha msejħa jiddeċiedu, wara l-imsemmija sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk il-monopolju pubbliku fuq l-imħatri sportivi kienx konformi mad-dritt tal-Unjoni kkonkludew li dan ma kienx il-każ. Madankollu, dawn il-qrati ma jaqblux f’dak li jirrigwarda l-konsegwenzi li wieħed għandu jislet mill-illegalità tal-imsemmi monopolju.

29

Minn naħa, ċerti qrati Ġermaniżi, fosthom qrati amministrattivi superjuri, l-istess bħal ċerti awtoritajiet amministrattivi, iqisu li huwa biss l-Artikolu 10(5) tat-trattat dwar il-logħob tal-ażżard, li jipprevedi l-esklużjoni tal-operaturi privati, li huwa inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, u l-obbligu ta’ awtorizzazzjoni stabbilit fl-Artikolu 4(1) ta’ dan it-trattat huwa fil-prinċipju konformi ma’ dan id-dritt. Konsegwentement, dawn il-qrati warrbu l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni li tipprevedi l-esklużjoni tal-operaturi privati skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant huma qiesu li għal tali operaturi kellhom jiġu applikati l-kundizzjonijiet materjali previsti mit-trattat dwar il-logħob tal-ażżard u l-liġijiet ta’ implementazzjoni tal-Länder dwar l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet lill-operaturi pubbliċi. Għalhekk, skont l-imsemmija qrati, l-eżami ta’ jekk operatur privat jistax jikseb, skont proċedura ta’ awtorizzazzjoni fittizja, awtorizzazzjoni fil-kundizzjonijiet previsti għad-detenturi tal-monopolju pubbliku l-intermedjarji tagħhom (iktar ’il quddiem il-“proċedura ta’ awtorizzazzjoni fittizja”), għandu jsir każ b’każ.

30

Il-Bundesverwaltungsgericht (qorti amministrattiva federali) ivvalidat u sussegwentement ikkompletat il-ġurisprudenza b’riżultat tas-sentenzi Stoß et (C‑316/07, C-358/07 sa C‑360/07, C-409/07 u C-410/07, EU:C:2010:504) kif ukoll Carmen Media Group (C-46/08, EU:C:2010:505), minn diversi sentenzi mogħtija fis-16 ta’ Mejju 2013, billi ppermettiet il-projbizzjoni preventiva tal-organizzazzjoni u tal-intermedjazzjoni ta’ mħatri sportivi minn operatur privat mingħajr awtorizzazzjoni Ġermaniża sal-kjarifika, mill-awtoritajiet kompetenti, tal-idoneità ta’ dan l-operatur li jibbenefika minn tali awtorizzazzjoni, sakemm ma jkunx manifest li l-kundizzjonijiet materjali ta’ għoti ta’ awtorizzazzjoni previsti għall-operaturi pubbliċi, minbarra l-eċċezzjonijiet potenzjalment illegali relatati mas-sistema ta’ monopolju, huma ssodisfatti.

31

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li ebda operatur privat ma kiseb awtorizzazzjoni għall-organizzazzjoni jew għall-intermedjazzjoni ta’ mħatri sportivi fit-territorju Ġermaniż fi tmiem il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni fittizja.

32

Min-naħa l-oħra, qrati Ġermaniżi oħra jqisu li, peress li ksur tad-dritt tal-Unjoni jirriżulta mill-effett konġunt tal-obbligu ta’ awtorizzazzjoni u tal-esklużjoni tal-operaturi privati previsti mit-trattat dwar il-logħob tal-ażżard u l-liġijiet ta’ implementazzjoni tal-Länder, il-fatt li l-applikazzjoni tal-imsemmija esklużjoni titwarrab u tiġi ssostitwita bil-proċedura fittizja ma huwiex biżżejjed sabiex isir tajjeb għall-illegalità kkonstatata. Insostenn ta’ tali approċċ, il-qorti tar-rinviju tqis li l-proċedura u l-kriterji ta’ awtorizzazzjoni previsti mit-trattat dwar il-logħob tal-ażżard u l-liġijiet ta’ implementazzjoni tiegħu ġew maħsuba esklużivament għall-operaturi pubbliċi li jorganizzaw imħatri sportivi u għall-intermedjarji tagħhom.

33

Il-fatti li wasslu għat-tieni sett ta’ akkużi għall-perijodu mill-1 ta’ Lulju sas-7 ta’ Novembru 2012 kienu rregolati mit-trattat ta’ emenda. Il-klawżola ta’ sperimentazzjoni għall-imħatri sportivi, stabbilita fl-Artikolu 10 ta’ dan it-trattat, neħħiet, sat-30 ta’ Ġunju 2019, il-projbizzjoni li tinħareġ, lil operaturi privati, awtorizzazzjoni għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard, skont l-Artikolu 10(6) tal-imsemmi trattat, f’dak li jikkonċerna l-imħatri sportivi. L-operaturi privati għaldaqstant jistgħu, fit-teorija, jiksbu tali awtorizzazzjoni permezz tal-ħruġ minn qabel ta’ konċessjoni għall-organizzazzjoni ta’ mħatri sportivi.

34

Skont din il-leġiżlazzjoni ġdida, huwa l-organizzatur ta’ mħatri sportivi li għandu jikseb tali konċessjoni. Ladarba l-konċessjoni tingħata lil dan l-organizzatur, l-intermedjarji tiegħu jkunu jistgħu jiksbu awtorizzazzjoni sabiex jiġbru l-imħatri f’isem dan tal-aħħar. L-imsemmi Artikolu 10a jipprevedi l-għoti ta’ numru massimu ta’ 20 konċessjoni lil operaturi pubbliċi u/jew privati, fi tmiem proċedura organizzata b’mod ċentralizzat għat-territorju Ġermaniż kollu. Madankollu, skont l-Artikolu 29 tat-trattat ta’ emenda, l-obbligu li wieħed ikun detentur ta’ konċessjoni huwa biss intiż li japplika għall-organizzaturi pubbliċi li diġà kienu qegħdin joperaw u għall-intermedjarji sa minn sena qabel l-għoti tal-ewwel konċessjoni.

35

Fit-8 ta’ Awwissu 2012, l-awtorità li tagħti l-konċessjonijiet ippubblikat avviż ta’ kuntratt fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li jagħmel sejħa għal offerti għal 20 konċessjoni għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ organizzazzjoni ta’ mħatri sportivi.

36

Fl-ewwel lok, ġiet organizzata fażi ta’ preselezzjoni organizzata sabiex telimina l-kandidati li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet minimi ta’ ksib ta’ konċessjoni. Din ġiet segwita, fit-tieni lok, minn fażi ta’ negozjati li matulha l-kandidati magħżula fi tmiem l-ewwel fażi ġew mistiedna jippreżentaw l-abbozzi tagħhom lill-awtorità li tagħti l-konċessjonijiet. Fi tmiem din it-tieni fażi, twettqet selezzjoni kumparattiva abbażi ta’ sensiela ta’ kriterji.

37

Ċerti operaturi privati wrew dubji dwar in-natura trasparenti u imparzjali ta’ din il-proċedura.

38

Il-qorti tar-rinviju rrilevat li, fid-data tal-preżentata tat-talba għal deċiżjoni preliminari, ebda konċessjoni ma kienet għadha ngħatat skont l-Artikolu 10a tat-trattat ta’ emenda. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-gvern Ġermaniż sostna li, minkejja li fi tmiem il-proċedura ta’ selezzjoni kienu ntgħażlu 20 kandidat, l-għoti tal-konċessjonijiet ġie sospiż permezz ta’ digrieti mogħtija fil-kuntest ta’ azzjonijiet għal miżuri provviżorji mressqa minn ċerti kandidati esklużi. Matul is-seduta tal-10 ta’ Ġunju 2015, dan il-gvern ippreċiża li, sa dik id-data, il-konċessjonijiet kienu għadhom ma ngħatawx, minħabba fatti oħra li seħħew fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji nazzjonali.

39

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-elementi oġġettivi tal-ksur li bih hija akkużata S. Ince skont l-Artikolu 284 tal-kodiċi kriminali huma ssodisfatti peress li hija eżerċitat attivitajiet ta’ intermedjazzjoni ta’ mħatri sportivi mingħajr ma kellha awtorizzazzjoni għal dan l-għan. Madankollu, din il-qorti għandha dubji dwar in-natura punibbli ta’ dawn l-attivitajiet fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni.

40

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Amtsgericht Sonthofen (qorti lokali ta’ Sonthofen) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“I. Fuq l-ewwel akkuża (Jannar 2012) u fuq it-tieni akkuża (sal-aħħar ta’ Ġunju 2012):

1)

a)

L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet responsabbli għall-infurzar tal-liġi huma pprojbiti milli jissanzjonaw lill-organizzaturi ta’ mħatri li jkollhom liċenzja fi Stat Membru tal-Unjoni u li jwettqu bħala intermedjaturi attivitajiet ta’ teħid ta’ mħatri sportivi mingħajr awtorizzazzjoni Ġermaniża meta għat-twettiq ta’ tali attivitajiet ikun meħtieġ ukoll li l-organizzatur ikollu awtoritazzazzjoni Ġermaniża iżda l-awtoritajiet nazzjonali, minħabba sitwazzjoni legali kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni (“monopolju fuq l-imħatri sportivi”), ma jkunux jistgħu jagħtu tali awtorizzazzjoni lil organizzatur privat ta’ mħatri?

b)

Ir-risposta għad-domanda 1(a) tkun differenti jekk, f’wieħed mill-15-il Land Ġermaniżi li stabbilixxew u li joperaw flimkien monopolju Statali fuq l-imħatri sportivi, l-awtoritajiet pubbliċi jsostnu, fil-kuntest ta’ proċeduri għal projbizzjoni jew fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, li l-projbizzjoni legali fir-rigward tal-għoti ta’ awtorizzazzjoni lil prestatarji privati ma tapplikax f’dan il-Land fil-każ li titressaq talba għal awtorizzazzjoni sabiex jiġu organizzati mħatri jew sabiex titwettaq l-attività ta’ intermedjaturi għat-teħid ta’ mħatri?

c)

Il-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, kif ukoll is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Stanleybet International et (C-186/11 [u] C-209/11, EU:C:2013:33), għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu projbizzjoni dewwiema, deskritta bħala “preventiva”, tat-twettiq fuq bażi transkonfinali tal-attività ta’ intermedjaturi għat-teħid ta’ mħatri sportivi u fis-sens li jipprekludu li din l-attività tiġi ssanzjonata, meta din il-projbizzjoni u din is-sanzjoni jkunu bbażati fuq il-fatt li, fid-data tad-deċiżjoni tagħhom, għall-awtoritajiet li jordnaw il-projbizzjoni ma kienx “manifest, jiġifieri ma kienx determinabbli mingħajr eżami addizzjonali”, li l-attività ta’ intermedjaturi għat-teħid ta’ mħatri kienet tissodisfa – jekk wieħed jinjora l-monopolju miżmum mill-Istat – il-kundizzjonijiet materjali kollha għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni?

2)

Id-Direttiva 98/34 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi l-impożizzjoni ta’ sanzjoni fuq it-twettiq tal-attività ta’ intermedjaturi għat-teħid ta’ mħatri sportivi permezz ta’ magna awtomatika li tipproponi l-imħatri, imwettqa mingħajr awtorizzazzjoni Ġermaniża, fuq organizzatur tal-imħatri li jkollu liċenzja fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni, meta l-interventi mill-Istat ikunu bbażati fuq liġi ta’ Land speċifiku li ma tkunx ġiet innotifikata lill-Kummissjoni Ewropea u li l-kontenut tagħha jikkorrispondi għat-[trattat dwar il-logħob tal-ażżard], li ma għadux fis-seħħ?

II. Fuq it-tieni akkuża (b’effett minn Lulju 2012)

3)

L-Artikolu 56 TFUE, il-prinċipju ta’ trasparenza, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-projbizzjoni ta’ trattament favorevoli prevista fid-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretat[i] fis-sens li jipprekludu l-impożizzjoni ta’ sanzjoni fuq it-twettiq tal-attività ta’ intermedjaturi għat-teħid ta’ mħatri sportivi mingħajr awtorizzazzjoni Ġermaniża fuq organizzatur tal-imħatri li jkollu liċenzja fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni f’każ partikolari li, bis-saħħa tat-[trattat ta’ emenda] li jintroduċi bidla fir-rigward tal-logħob tal-ażżard [...] applikabbli għal disa’ snin, jaqa’ taħt “klawżola esperimentali fir-rigward tal-imħatri sportivi” li tipprevedi, għal perijodu ta’ seba’ snin, il-possibbiltà teoretika li numru massimu ta’ għoxrin konċessjoni jingħataw anki lill-organizzaturi privati ta’ mħatri, b’effett ta’ legalizzazzjoni fil-Länder Ġermaniżi kollha, bħala kundizzjoni neċessarja ta’ awtorizzazzjoni għat-twettiq tal-attività ta’ intermedjaturi, meta

a)

il-proċedura għall-għoti ta’ konċessjoni u t-tilwim ta’ natura legali li jirriżulta f’dan il-kuntest ikunu ġestiti flimkien mill-awtorità li tagħti l-konċessjonijiet u l-uffiċċju ta’ avukati li kienet il-konsulent normali tal-parti l-kbira tal-Länder Federali u tal-impriżi tagħhom li jorganizzaw l-imħatri fil-kuntest tal-monopolju fuq l-imħatri sportivi li huwa kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni, li rrappreżentathom quddiem il-qrati nazzjonali fi proċeduri kontra organizzaturi privati ta’ mħatri u li kienet inkarigata tirrappreżenta l-awtoritajiet tal-Istat fil-proċeduri għal deċiżjoni preliminari li wasslu għas-sentenzi Markus Stoß et (C‑316/07, C-358/07 [sa] C-360/07, C-409/07 u C-410/07, EU:C:2010:504), Carmen Media Group (C-46/08, EU:C:2010:505) u Winner Wetten (C-409/06, EU:C:2010:503),

b)

mis-sejħa għal offerti għall-għoti ta’ konċessjonijiet ippubblikata f’Il‑Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-8 ta’ Awwissu 2012 ma jirriżultaw ebda dettalji dwar il-kundizzjonijiet minimi meħtieġa fir-rigward tal-proposti li kellhom jiġu ppreżentati, dwar il-kontenut ta’ dikjarazzjonijiet u provi oħra meħtieġa u lanqas dwar l-għażla ta’ mhux iktar minn għoxrin konċessjonarju, dettalji li barra minn hekk ġew ikkomunikati biss wara l-iskadenza tat-terminu sabiex tiġi ppreżentata applikazzjoni permezz ta’ hekk imsejjaħ “memorandum ta’ informazzjoni” u permezz ta’ diversi dokumenti oħra u biss lill-kandidati li kienu ntgħażlu għat-“tieni stadju” tal-proċedura għall-għoti ta’ konċessjoni,

c)

għall-kuntrarju ta’ dak previst fis-sejħa għal offerti, tmien xhur wara l-ftuħ tal-proċedura, l-awtorità li tagħti l-konċessjonijiet stiednet biss lil erbatax-il applikant għal konċessjoni sabiex jippreżentaw individwalment il-proposti tagħhom minn aspett soċjali u ta’ sigurtà, minħabba li dawn l-applikanti kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet [minimi] kollha meħtieġa għall-għoti ta’ konċessjoni iżda mbagħad, ħmistax-il xahar wara l-ftuħ tal-proċedura, iddikjarat li ebda applikant ma kien ipprova “b’mod li seta’ jiġi vverifikat” li kien jissodisfa l-kundizzjonijiet minimi,

d)

l-applikant għal konċessjoni kkontrollat mill-Istat u kkostitwit minn impriżi pubbliċi tal-lotteriji [...], kien jinsab fost l-erbatax-il kandidat mistiedna sabiex jippreżentaw il-proposta tagħhom lill-awtorità li tagħti l-konċessjonijiet minkejja li, minħabba r-rabtiet organizzazzjonali tiegħu mal-organizzaturi ta’ avvenimenti sportivi, ma jidhirx li għandu l-kapaċità li jingħata konċessjoni sa fejn il-leġiżlazzjoni [...] teżiġi separazzjoni stretta bejn, minn naħa, l-attivitajiet sportivi u l-assoċjazzjonijiet li jorganizzawhom u, min-naħa l-oħra, l-organizzazzjoni ta’ mħatri sportivi u l-attivitajiet ta’ intermedjaturi għat-teħid ta’ tali mħatri,

e)

għall-għoti tal-konċessjoni hija meħtieġa, fost oħrajn, il-preżentazzjoni “tal-oriġini legali tar-riżorsi neċessarji għall-organizzazzjoni tal-offerta tal-imħatri sportivi li jkunu qegħdin jiġu proposti”, u

f)

l-awtorità li tagħti l-konċessjonijiet u l-Glücksspielkollegium (kulleġġ tal-logħob tal-ażżard), li huwa kompost minn rappreżentanti tal-Länder Federali u li jiddeċiedi dwar l-għoti tal-konċessjonijiet, ma jużawx il-possibbiltà li jagħtu konċessjonijiet lil organizzaturi privati ta’ mħatri filwaqt li impriżi pubbliċi ta’ lotteriji jistgħu, għal perijodu ta’ sena wara l-eventwali għoti ta’ tali konċessjonijiet, jorganizzaw imħatri sportivi, lotteriji u logħob tal-ażżard ieħor mingħajr ma jkollhom konċessjoni u jistgħu wkoll joperawhom u jippromwovuhom permezz tan-network estiż tagħhom ta’ postijiet kummerċjali għall-ġbir ta’ mħatri?”

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

41

Il-Gvern Belġjan essenzjalment jikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari minħabba li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, liema libertà hija ta’ benefiċċju, meta wieħed jara l-formulazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE, biss għaċ-ċittadini tal-Istat Membri, bl-esklużjoni taċ-ċittadini ta’ Stati terzi bħalma hija S. Ince.

42

F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn S. Ince kienet tiġbor imħatri sportivi f’isem kumpannija stabbilita fl-Awstrija, is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt l-eżerċizzju, minn din is-soċjetà, tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantita bl-Artikolu 56 TFUE.

43

Fil-fatt, meta kumpannija stabbilita fi Stat Membru tkun twettaq attività ta’ ġbir ta’ mħatri permezz tal-intermedjazzjoni ta’ operatur ekonomiku stabbilit fi Stat Membru ieħor, ir-restrizzjonijiet imposti fuq l-attivitajiet ta’ dak l-operatur ikunu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, b’analoġija, is-sentenza Gambelli et, C-243/01, EU:C:2003:597, punt 46).

44

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi d-domandi preliminari.

Fuq l-ewwel domanda

Fuq l-ammissibbiltà

45

Il-Gvern Ġermaniż jeċċepixxi dwar l-inammissibbiltà tad-domanda 1(a), għar-raġuni li allegatament din għandha natura ipotetika, peress li, fid-dawl tal-prattika ta’ ċerti awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji tal-Bavarja, li tikkonsisti fl-applikazzjoni “b’mod fittizju”, għall-operaturi privati, il-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni previsti għall-finijiet tal-għażla tad-detenturi ta’ drittijiet esklużivi tal-monopolju pubbliku meqjus li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni, fil-verità dan il-monopolju allegatament waqaf jeżisti.

46

Dan l-argument għandu jitwarrab sa fejn il-kompatibbiltà ta’ din il-prattika mal-Artikolu 56 TFUE hija preċiżament is-suġġett tat-tieni u tat-tielet partijiet tal-ewwel domanda. Għalhekk, ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel parti ta’ din id-domanda tibqa’ neċessarja għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, b’risposta għat-tieni u t-tielet partijiet tal-imsemmija domanda, li tali prattika ma tippermettix li jiġi żgurat it-tqegħid f’konformità, mal-Artikolu 56 TFUE, ta’ sistema ta’ monopolju pubbliku, bħal dik li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tat-trattat dwar il-logħob tal-ażżard u mil-liġijiet reġjonali ta’ implementazzjoni tiegħu meqjusa li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni skont il-konstatazzjonijiet magħmula mill-qrati nazzjonali.

47

Barra minn hekk, il-Gvern Grieg jikkontesta l-ammissibbiltà tad-domanda 1(b) u (c) għar-raġuni li din hija ta’ natura ipotetika, minħabba l-fatt li l-awtoritajiet Ġermaniżi ma kellhomx l-okkażjoni jeżaminaw l-idoneità ta’ S. Ince li tikseb awtorizzazzjoni għall-organizzazzjoni jew għall-intermedjazzjoni ta’ mħatri sportivi.

48

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li Stat Membru ma jistax japplika sanzjoni kriminali għal formalità amministrattiva mhux issodisfatta meta l-Istat Membru kkonċernat jirrifjuta t-twettiq ta’ din il-formalità jew jirrendi dan impossibbli, bi ksur tad-dritt tal-Unjoni. Peress li d-domanda preliminari 1(b) u (c) hija intiża li tistabbilixxi jekk il-kundizzjonijiet li għalihom l-għoti ta’ liċenzja kien suġġett taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali, kinux kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni, ir-rilevanza ta’ din id-domanda għas-soluzzjoni tat-tilwima quddiem il-qorti tar-rinviju ma tistax tiġi kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Costa u Cifone, C-72/10 u C-77/10, EU:C:2012:80, punt 43).

49

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-ewwel domanda hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

50

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 56 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-awtoritajiet responsabbli għall-infurzar tal-liġi ta’ Stat Membru jissanzjonaw l-intermedjazzjoni mingħajr awtorizzazzjoni ta’ mħatri sportivi minn operatur privat f’isem operatur privat ieħor li ma jkollux awtorizzazzjoni sabiex jorganizza mħatri sportivi f’dan l-Istat Membru, iżda huwa detentur ta’ liċenzja fi Stat Membru ieħor, meta l-obbligu li wieħed ikollu awtorizzazzjoni għall-organizzazzjoni jew għall-intermedjazzjoni ta’ mħatri sportivi jkun jaqa’ fil-kuntest ta’ sistema ta’ monopolju pubbliku li l-qrati nazzjonali qiesu li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-imsemmija qorti tistaqsi jekk l-Artikolu 56 TFUE jipprekludix tali sanzjoni anki meta, fit-teorija, operatur privat jista’ jikseb awtorizzazzjoni għall-organizzazzjoni jew għall-intermedjazzjoni ta’ mħatri sportivi sa fejn l-għarfien tal-proċedura ta’ għoti ta’ tali awtorizzazzjoni ma hijiex żgurata u meta s-sistema ta’ monopolju pubbliku fuq l-imħatri sportivi, li l-qrati nazzjonali qiesu li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, baqgħet fis-seħħ minkejja l-adozzjoni ta’ tali proċedura.

51

Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-konsegwenzi li l-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji ta’ Stat Membru għandhom jisiltu mill-konstatazzjoni ta’ inkompatibbiltà, mad-dritt tal-Unjoni, tad-dispożizzjonijiet ta’ dritt intern li jistabbilixxu monopolju pubbliku fuq l-imħatri sportivi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sakemm riforma leġiżlattiva jew regolamentari tirrimedja tali ksur tad-dritt tal-Unjoni.

52

F’dan ir-rigward għandu qabel kollox jitfakkar li, skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet tat-trattati u l-atti tal-istituzzjonijiet direttament applikabbli għandhom l-effett, fir-relazzjonijiet tagħhom mad-dritt intern tal-Istati Membri, li jirrendu ipso jure inapplikabbli, mill-istess dħul fis-seħħ tagħhom, kull dispożizzjoni li tmur kontra l-leġiżlazzjoni nazzjonali (ara s-sentenzi Simmenthal, 106/77, EU:C:1978:49, punt 17; Factortame et, C-213/89, EU:C:1990:257, punt 18, kif ukoll Winner Wetten, C‑409/06, EU:C:2010:503, punt 53).

53

Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, minħabba fis-supremazija tad-dritt tal-Unjoni direttament applikabbli, leġiżlazzjoni nazzjonali dwar monopolju fuq l-imħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi li, skont il-konstatazzjonijiet imwettqa minn qorti nazzjonali, tinkludi restrizzjonijiet inkompatibbli mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, billi dawn ir-restrizzjonijiet ma jikkontribwixxux sabiex jiġu limitati l-attivitajiet ta’ mħatri b’mod koerenti u sistematiku, ma tistax tkompli tapplika matul perijodu tranżitorju (ara s-sentenzi Winner Wetten, C-409/06, EU:C:2010:503, punt 69, kif ukoll Stanleybet International et, C-186/11 u C‑209/11, EU:C:2013:33, punt 38).

54

Madankollu, ir-rifjut ta’ għoti ta’ perijodu tranżitorju fil-każ ta’ inkompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mal-Artikolu 56 TFUE ma jwassalx neċessarjament għall-obbligu tal-Istat Membru kkonċernat biex jilliberalizza s-suq tal-logħob tal-ażżard fil-każ fejn huwa jqis li tali liberalizzazzjoni ma hijiex kompatibbli mal-livell ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u l-ordni pubbliku li dan l-Istat Membru għandu l-intenzjoni li jiżgura. Fil-fatt, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, għadu possibbli għall-Istati Membri li jagħmlu riforma fil-monopolju eżistenti sabiex jagħmluh kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-trattat FUE, billi jissuġġettawh b’mod partikolari għal kontroll effettiv u strett min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi (ara s-sentenza Stanleybet International et, C-186/11 u C-209/11, EU:C:2013:33, punt 46).

55

Fi kwalunkwe każ, jekk l-Istat Membru kkonċernat kellu jikkunsidra li riforma fil-monopolju eżistenti, sabiex jirrenduh kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-trattat, ma hijiex possibbli u li l-liberalizzazzjoni tas-suq tal-logħob tal-ażżard tissodisfa aħjar il-livell ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u l-ordni pubbliku li dan l-Istat Membru għandu jiżgura, huwa jkun marbut josserva r-regoli fundamentali tat-trattati, b’mod partikolari l-Artikolu 56 TFUE, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza kif ukoll l-obbligu konsegwenti ta’ trasparenza. F’każ bħal dan, l-introduzzjoni, f’dan l-Istat Membru, ta’ sistema ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel għal dak li jirrigwarda l-offerta ta’ ċertu tipi ta’ logħob tal-ażżard għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, nondiskriminatorji u magħrufa minn qabel, b’mod li jiċċirkoskrivi l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali sabiex din ma tkunx tista’ tiġi użata b’mod arbitrarju (ara s-sentenzi Carmen Media Group, C-46/08, EU:C:2010:505, punt 90, kif ukoll Stanleybet International et, C-186/11 u C-209/11, EU:C:2013:33, punt 47).

56

Fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji għandu jiġi vverifikat jekk prattika bħall-proċedura ta’ awtorizzazzjoni fittizja għall-organizzazzjoni u għall-intermedjazzjoni ta’ mħatri sportivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali ssegwix tali kriterji oġġettivi, nondiskriminatorji u magħrufa minn qabel.

57

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, min-natura tagħha stess, tali prattika ma hijiex ikkodifikata. Barra minn hekk, minkejja ċ-ċirkustanza, invokata mill-Gvern Ġermaniż, li l-awtorità kompetenti sabiex toħroġ b’mod ċentralizzat l-awtorizzazzjonijiet għall-organizzazzjoni ta’ mħatri sportivi fil-Land tal-Bavarja irċeviet kważi 70 talba għal awtorizzazzjoni minn operaturi privati, la mid-deċiżjoni tar-rinviju u lanqas mill-osservazzjonijiet ippreżentati mill-persuni kkonċernati ma jirriżulta li din il-prattika kienet is-suġġett ta’ miżuri ta’ reklamar bl-għan li l-operaturi privati li jistgħu jeżerċitaw attivitajiet ta’ organizzazzjoni jew ta’ ġbir ta’ mħatri sportivi jsiru jafu biha. Għaldaqstant, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, ma jistax jitqies li l-għarfien tal-imsemmija prattika minn tali operaturi kienet żgurata.

58

Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-awtoritajiet kompetenti tal-Länder ma japplikawx l-imsemmija proċedura ta’ awtorizzazzjoni fittizja b’mod unanimu u uniformi, peress li huma biss uħud minn dawn l-awtoritajiet li jagħmlu użu minnha. Bl-istess mod, hekk kif ġie espost fil-punti [29 sa 32] ta’ din is-sentenza, il-qrati Ġermaniżi huma maqsuma f’dak li jikkonċerna l-legalità ta’ tali proċedura.

59

F’dawn il-kundizzjonijiet, ma jistax jiġi eskluż li ma jkunx possibbli għal xi operaturi privati li jsiru jafu la bil-proċedura li wieħed għandu jsegwi sabiex jitlob awtorizzazzjoni għall-organizzazzjoni u għall-intermedjazzjoni ta’ mħatri sportivi u lanqas il-kundizzjonijiet li fihom awtorizzazzjoni tingħatalhom jew tiġi miċħuda lilhom. Tali nuqqas ta’ determinazzjoni ma jippermettix lill-operaturi kkonċernati jkunu jafu l-portata tad-drittijiet u tal-obbligi tagħhom li jirriżultaw mill-Artikolu 56 TFUE, b’mod li tali sistema għandha tiġi kkunsidrata bħala li tmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali (ara, b’analoġija, is-sentenzi Église de scientologie, C-54/99, EU:C:2000:124, punt 22; Il-Kummissjoni vs Franza, C‑483/99, EU:C:2002:327, punt 50, u Festersen, C-370/05, EU:C:2007:59, punt 43).

60

Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi enfasizzat li, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, ebda awtorizzazzjoni għall-organizzazzjoni jew għall-intermedjazzjoni ta’ mħatri sportivi ma nħarġet lil operatur privat fi tmiem il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni fittizja inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

61

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju osservat li, peress li l-kundizzjonijiet ta’ għoti ta’ awtorizzazzjoni għall-organizzazzjoni ta’ mħatri sportivi applikabbli għall-operaturi pubbliċi skont it-trattat dwar il-logħob tal-ażżard u skont il-liġijiet ta’ implementazzjoni tal-Länder huma intiżi speċifikament li jiġġustifikaw l-esklużjoni tal-operaturi privati, fil-prattika dawn ma jistgħu qatt jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet. Dan ikun iktar u iktar minnu wara s-sentenzi tal-Bundesverwaltungsgericht (qorti amministrattiva federali) tas-16 ta’ Mejju 2013, liema sentenzi jippermettu l-projbizzjoni preventiva tal-organizzazzjoni u tal-intermedjazzjoni ta’ mħatri sportivi minn operaturi privati fl-assenza ta’ idoneità manifesta tagħhom li jiksbu tali awtorizzazzjoni.

62

Minn tali konstatazzjoni jirriżulta li, hekk kif sostnew il-qorti tar-rinviju, S. Ince u l-Kummissjoni, prattika bħall-proċedura ta’ awtorizzazzjoni fittizja inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax titqies bħala li rrimedjat għall-inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni, ikkonstatata mill-qrati nazzjonali, ta’ dispożizzjonijiet ta’ dritt intern li jistabbilixxu sistema ta’ monopolju pubbliku fuq l-organizzazzjoni u l-intermedjazzjoni tal-imħatri sportivi.

63

Fir-rigward tal-konsegwenzi ta’ tali inkompatibbiltà, għandu jitfakkar li Stat Membru ma jistax japplika sanzjoni kriminali għal formalità amministrattiva mhux issodisfatta meta t-twettiq ta’ din il-formalità jkun ġie rrifjutat mill-Istat Membru kkonċernat jew meta l-Istat Membru kkonċernat jirrendi dan impossibbli, bi ksur tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenzi Placanica et, C-338/04, C-359/04 u C‑360/04, EU:C:2007:133, punt 69; Stoß et, C-316/07, C-358/07 sa C-360/07, C‑409/07 u C-410/07, EU:C:2010:504, punt 115, kif ukoll Costa u Cifone, C‑72/10 u C-77/10, EU:C:2012:80, punt 43).

64

Tali projbizzjoni, li tirriżulta mill-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni u mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) UE, tapplika, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, għall-korpi kollha tal-Istat Membru kkonċernat, fosthom l-awtoritajiet responsabbli għall-infurzar tal-liġi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Wells, C-201/02, EU:C:2004:12, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domanda 1(a) sa (c) għandha tkun li l-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-awtoritajiet responsabbli għall-infurzar tal-liġi ta’ Stat Membru jissanzjonaw l-intermedjazzjoni, mingħajr awtorizzazzjoni, ta’ mħatri sportivi minn operatur privat f’isem operatur privat ieħor li ma għandux awtorizzazzjoni sabiex jorganizza mħatri sportivi f’dan l-Istat Membru, iżda huwa detentur ta’ liċenzja fi Stat Membru ieħor, meta l-obbligu li wieħed ikollu awtorizzazzjoni għall-organizzazzjoni jew għall-intermedjazzjoni ta’ mħatri sportivi jkun jaqa’ fil-kuntest ta’ sistema ta’ monopolju pubbliku li l-qrati nazzjonali qiesu li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni. L-Artikolu 56 TFUE jipprekludi tali sanzjoni anki meta, fit-teorija, operatur privat jista’ jikseb awtorizzazzjoni għall-organizzazzjoni jew għall-intermedjazzjoni ta’ mħatri sportivi, sa fejn l-għarfien tal-proċedura ta’ għoti ta’ tali awtorizzazzjoni ma hijiex żgurata u sa fejn is-sistema ta’ monopolju pubbliku fuq l-imħatri sportivi, li l-qrati nazzjonali qiesu li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, baqgħet fis-seħħ minkejja l-adozzjoni ta’ tali proċedura.

Fuq it-tieni domanda

66

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-abbozz ta’ leġiżlazzjoni reġjonali li, fuq l-iskala tar-reġjun ikkonċernat, iżżomm fis-seħħ id-dispożizzjonijiet ta’ leġiżlazzjoni komuni għad-diversi reġjuni ta’ Stat Membru li skadiet, ikunx suġġett għall-obbligu ta’ notifika previst fl-imsemmi Artikolu 8(1), sa fejn dan l-abbozz ikun fih regolamenti tekniċi fis-sens tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, b’tali mod li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ dan l-obbligu jwassal sabiex dawn ir-regolamenti tekniċi ma jkunux jistgħu jiġu infurzati fil-konfront ta’ individwu fil-kuntest ta’ proċedura kriminali, u dan anki meta l-imsemmija leġiżlazzjoni komuni kienet innotifikata preċedentement lill-Kummissjoni fl-istadju ta’ abbozz skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34 u b’mod espress kienet tipprevedi l-possibbiltà ta’ proroga, li minnha madankollu ma sarx użu.

67

Preliminarjament għandu jitfakkar li n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34 jikkostitwixxi difett proċedurali fl-adozzjoni tar-regolamenti tekniċi kkonċernati u jimplika l-inapplikabbiltà ta’ dawn ir-regolamenti tekniċi, b’tali mod li huma ma jkunux jistgħux jiġu invokati fil-konfront tal-individwi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Ivansson et, C-307/13, EU:C:2014:2058, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

68

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, li minkejja li l-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva jeħtieġ li jiġi kkomunikat lill-Kummissjoni l-abbozz ta’ liġi li fih regolamenti tekniċi kollu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-279/94, EU:C:1997:396, punti 4041), l-inapplikabbiltà li tirriżulta min-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu testendi mhux għad-dispożizzjonijiet kollha ta’ tali liġi, iżda biss għar-regolamenti tekniċi li jkunu jinsabu fiha.

69

Konsegwentement, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, fl-ewwel lok għandu jiġi vverifikat jekk id-dispożizzjonijiet tat-trattat dwar il-logħob tal-ażżard allegatament miksura minn S. Ince, li baqgħu applikabbli, wara li dan it-trattat skada, bħala dritt tal-Land tal-Bavarja bis-saħħa tal-liġi ta’ implementazzjoni tat-trattat dwar il-logħob tal-ażżard, jikkostitwixxu “regolamenti tekniċi” fis-sens tal-Artikolu 1(11) tad-Direttiva 98/34.

70

Skont din id-dispożizzjoni, il-kunċett ta’ “regolament tekniku” jkopri erba’ kategoriji ta’ miżuri, jiġifieri, l-ewwel nett, l-“ispeċifikazzjoni teknika” fis-sens tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 98/34, it-tieni nett, il-“ħtiġiet oħra” kif iddefinit fl-Artikolu 1(4) ta’ din id-direttiva, it-tielet nett, ir-“regola dwar is-servizzi”, imsemmija fl-Artikolu 1(5) tal-imsemmija direttiva u, ir-raba’ nett, il-“liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri [...] li jipprojbixxu l-fabbrikazzjoni, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ prodott, jew li jipprojbixxu l-forniment jew l-użu ta’ servizz, jew l-istabbiliment ta’ fornitur tas-servizz”.

71

Qabel kollox jidher li t-trattat dwar il-logħob tal-ażżard ma jinkludi ebda dispożizzjoni li taqa’ fl-ewwel kategorija ta’ regolamenti tekniċi, jiġifieri taħt il-kunċett ta’ “speċifikazzjoni teknika” fis-sens tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 98/34. Fil-fatt, dan il-kunċett jirrigwarda esklużivament il-miżuri nazzjonali li jagħmlu riferiment għall-prodott jew għall-imballaġġ tiegħu bħala tali u għaldaqstant jistabbilixxu waħda mill-karatteristiċi meħtieġa ta’ prodott (ara s-sentenzi Fortuna et, C-213/11, C-214/11 u C-217/11, EU:C:2012:495, punt 28, kif ukoll Ivansson et, C-307/13, EU:C:2014:2058, punt 19). Issa, it-trattat dwar il-logħob tal-ażżard jirregola l-organizzazzjoni u l-intermedjazzjoni ta’ mħatri sportivi mingħajr ma jagħmel riferiment għall-prodotti possibbilment involuti f’tali attivitajiet.

72

Għal din l-istess raġuni, it-trattat dwar il-logħob tal-ażżard lanqas ma jista’ jkollu dispożizzjonijiet li jaqgħu taħt it-tieni kategorija ta’ regolamenti tekniċi, jiġifieri taħt il-kunċett ta’ “ħtiġiet oħra” fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-imsemmija direttiva, peress li dan il-kunċett jirrigwarda ċ-ċiklu tal-ħajja ta’ prodott wara t-tqegħid tiegħu fis-suq.

73

Fl-aħħar nett għandu jiġi vverifikat jekk it-trattat dwar il-logħob tal-ażżard fihx regoli li jaqgħu taħt it-tielet u/jew ir-raba’ kategoriji ta’ “regolamenti tekniċi”, elenkati fl-Artikolu 1(11) tad-Direttiva 98/34, jiġifieri r-“regoli dwar is-servizzi” jew dawk “li jipprojbixxu l-forniment jew l-użu ta’ servizz, jew l-istabbiliment ta’ fornitur tas-servizz”.

74

Skont l-Artikolu 1(5) tal-imsemmija direttiva, tikkostitwixxi “regola dwar is-servizzi” kull rekwiżit ta’ natura ġenerali li jirrigwarda l-aċċess għall-attivitajiet ta’ servizzi msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ din l-istess direttiva, li jindikaw “kull servizz tas-Soċjetà ta’ l-Informatika, jiġifieri kull servizz normalment ipprovdut għal rimunerazzjoni, mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ riċevitur ta’ servizzi”.

75

F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif il-Kummissjoni sostniet waqt is-seduta, uħud mid-dispożizzjonijiet tat-trattat dwar il-logħob tal-ażżard jistgħu jiġu kkwalifikati bħala “regoli dwar is-servizzi”, sa fejn dawn jikkonċernaw “servizz tas-Soċjetà ta’ l-Informatika” fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34. Dawn id-dispożizzjonijiet jinkludu l-projbizzjoni li wieħed joffri logħob tal-ażżard fuq l-internet prevista fl-Artikolu 4(4) tat-trattat dwar il-logħob tal-ażżard, l-eċċezzjonijiet għal din il-projbizzjoni elenkati fl-Artikolu 25(6) ta’ dan it-trattat, il-limitazzjonijiet għall-possibbiltà li wieħed joffri mħatri sportivi permezz ta’ mezzi ta’ telekomunikazzjoni skont l-Artikolu 21(2) tal-imsemmi trattat, kif ukoll il-projbizzjoni li wieħed ixerred reklamar għal-logħob tal-ażżard permezz tal-internet jew permezz ta’ mezzi ta’ telekomunikazzjoni skont l-Artikolu 5(3) ta’ dan l-istess trattat.

76

Fir-rigward, għall-kuntrarju, tad-dispożizzjonijiet tat-trattat dwar il-logħob tal-ażżard li ma humiex dawk dwar “servizz tas-Soċjetà ta’ l-Informatika” fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34, bħad-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-obbligu li tinkiseb awtorizzazzjoni għall-organizzazzjoni jew il-ġbir ta’ mħatri sportivi kif ukoll l-impossibbiltà li tinħareġ tali awtorizzazzjoni lil operaturi privati, huma ma jikkostitwixxux “regolamenti tekniċi” fis-sens tal-Artikolu 1(11) ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, dispożizzjonijiet nazzjonali li kulma jagħmlu huwa li jipprevedu l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment jew għall-provvista ta’ servizzi minn impriżi, bħad-dispożizzjonijiet li jissuġġettaw l-eżerċizzju ta’ attività professjonali għal approvazzjoni minn qabel, ma humiex regolamenti tekniċi fis-sens ta din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lindberg, C‑267/03, EU:C:2005:246, punt 87).

77

Tkun il-qorti tar-rinviju li jkollha tivverifika jekk, fil-kuntest tal-proċeduri kriminali magħquda inkwistjoni fil-kawża prinċipali, S. Ince hijiex akkużata li kisret uħud mid-dispożizzjonijiet elenkati fil-punt [75] ta’ din is-sentenza, liema dispożizzjonijiet għandhom jitqiesu li jistabbilixxu regoli dwar is-servizzi fis-sens tal-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 98/34.

78

Fit-tieni lok għandu jiġi eżaminat jekk il-liġi ta’ implementazzjoni tat-trattat dwar il-logħob tal-ażżard, sa fejn din irrendiet lid-dispożizzjonijiet tat-trattat dwar il-logħob tal-ażżard applikabbli bħala dritt tal-Land tal-Bavarja mal-iskadenza ta’ dan it-trattat, kinitx suġġetta għall-obbligu ta’ notifika lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34 b’tali mod li, fl-ipoteżi fejn S. Ince hija akkużata li kisret wieħed jew diversi regolamenti tekniċi stabbiliti fit-trattat dwar il-logħob tal-ażżard, dawn ma jkunux jistgħu jiġu infurzati kontriha fl-assenza ta’ tali notifika.

79

F’dan ir-rigward, qabel kollox għandu jiġi osservat li, hekk kif enfasizzat il-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet tal-liġi ta’ implementazzjoni tat-trattat dwar il-logħob tal-ażżard ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ obbligu, li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34 jimponi fuq l-Istati Membri, li ssir “jikkomunikaw l-abbozz mill-ġdid” bil-bidliet sinjifikattivi li jkunu saru lil abbozz ta’ regolament tekniku. Fil-fatt, tali obbligu jirrigwarda biss l-ipoteżi, li l-każ ineżami ma jaqax taħtha, fejn emendi sinjifikattivi jsiru, matul il-proċess leġiżlattiv nazzjonali, lil abbozz ta’ regolament tekniku wara n-notifika ta’ dan l-abbozz lill-Kummissjoni.

80

Għall-kuntrarju, għandu jiġi eżaminat jekk, qabel ma ġiet adottata, il-liġi ta’ implementazzjoni tat-trattat dwar il-logħob tal-ażżard kellhiex tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34, oltre u indipendentement min-notifika tat-trattat dwar il-logħob tal-ażżard fl-istat ta’ abbozz.

81

F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li, minkejja li r-regoli li jirregolaw l-organizzazzjoni u l-intermedjazzjoni tal-imħatri sportivi skont il-liġi ta’ implementazzjoni tat-trattat dwar il-logħob tal-ażżard fihom kontenut identiku għal dak tar-regoli tat-trattat dwar il-logħob tal-ażżard li kienu ġew innotifikati preċedentement lill-Kummissjoni, huma jiddistingwu ruħhom minn xulxin f’dak li jikkonċerna l-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis u l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali.

82

Għaldaqstant, it-twettiq tal-għanijiet imfittxa mid-Direttiva 98/34 jeħtieġ li l-abbozz ta’ leġiżlazzjoni bħal-liġi ta’ implementazzjoni tat-trattat dwar il-logħob tal-ażżard jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva. Hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 5 u 6 tagħha, din hija intiża, l-ewwel nett, li tiżgura kontroll preventiv tar-regolamenti tekniċi kkontemplati minn Stat Membru billi tippermetti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra jsiru jafu bihom qabel l-adozzjoni tagħhom. It-tieni nett, kif tindika l-premessa 7 tal-imsemmija direttiva, din tal-aħħar tfittex li tippermetti użu aħjar mill-vantaġġi inerenti għas-suq intern mill-operaturi ekonomiċi billi tiżgura l-pubblikazzjoni regolari tal-leġiżlazzjonijiet tekniċi abbozzati mill-Istati Membri u billi b’hekk tqiegħed lil dawn l-operaturi f’pożizzjoni li juru l-evalwazzjoni tagħhom dwar l-impatt ta’ dawn.

83

F’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, dan it-tieni għan, l-operaturi ekonomiċi ta’ Stat Membru għandhom jiġu informati bl-abbozzi ta’ regolamenti tekniċi adottati minn Stat Membru ieħor kif ukoll bil-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis u bil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ dawn tal-aħħar, sabiex dawn ikunu jistgħu jsiru jafu l-portata tal-obbligi li jistgħu jiġu imposti fuqhom u jantiċipaw l-adozzjoni ta’ dawn it-testi billi, jekk ikun il-każ, jadattaw il-prodotti jew is-servizzi tagħhom fi żmien xieraq.

84

Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-abbozz ta’ leġiżlazzjoni reġjonali li żżomm fis-seħħ, fuq l-iskala tar-reġjun ikkonċernat, id-dispożizzjonijiet ta’ leġiżlazzjoni komuni għad-diversi reġjuni ta’ Stat Membru li skadiet, ikun suġġett għall-obbligu ta’ notifika previst fl-imsemmi Artikolu 8(1) sa fejn dan l-abbozz ikun fih regolamenti tekniċi fis-sens tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, b’tali mod li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ dan l-obbligu jwassal sabiex dawn ir-regolamenti tekniċi ma jkunux jistgħu jiġu infurzati kontra individwu fil-kuntest ta’ proċedura kriminali. Tali obbligu ma huwiex ikkontestat miċ-ċirkustanza li l-imsemmija leġiżlazzjoni komuni kienet preċedentement ġiet innotifikata lill-Kummissjoni fl-istat ta’ abbozz skont l-Artikolu 8(1) tal-imsemmija direttiva, u kienet tipprevedi b’mod espress il-possibbiltà ta’ proroga, li madankollu ma sarx użu minnha.

Fuq it-tielet domanda

85

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 56 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jissanzjona l-intermedjazzjoni mingħajr awtorizzazzjoni ta’ mħatri sportivi fit-territorju tiegħu f’isem operatur ekonomiku detentur ta’ liċenzja għall-organizzazzjoni ta’ mħatri sportivi fi Stat Membru ieħor:

meta l-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni għall-organizzazzjoni ta’ mħatri sportivi jkun suġġett għall-ksib ta’ konċessjoni mill-imsemmi operatur skont proċedura ta’ għoti ta’ konċessjonijiet, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sakemm il-qorti tar-rinviju tikkonstata li din il-proċedura ma tosservax il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza kif ukoll l-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minn dan, u

sa fejn, minkejja d-dħul fis-seħħ ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tippermetti l-għoti ta’ konċessjonijiet lil operaturi privati, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu sistema ta’ monopolju pubbliku fuq l-organizzazzjoni u l-intermedjazzjoni tal-imħatri sportivi, li l-qrati nazzjonali qiesu li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni, baqgħet fis-seħħ.

86

Għandu jitfakkar li, preliminarjament, l-awtoritajiet pubbliċi li jikkonkludu tali kuntratti ta’ konċessjoni għal servizzi huma obbligati josservaw ir-regoli fundamentali tat-trattat b’mod ġenerali, b’mod partikolari l-Artikolu 56 TFUE, u, speċjalment il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza kif ukoll l-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnhom (ara, f’dan is-sens, Sporting Exchange, C-203/08, EU:C:2010:307, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

87

Dan l-obbligu ta’ trasparenza, li huwa korollarju tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, għandu essenzjalment, f’dan il-kuntest, l-għan li jiżgura li kull operatur ikkonċernat ikun jista’ jiddeċiedi li jagħmel offerti wara sejħiet għal offerti fuq il-bażi tal-informazzjoni rilevanti kollha u li jiggarantixxi l-assenza ta’ riskju ta’ favoritiżmu u ta’ arbitrarjetà min-naħa tal-awtorità kontraenti. Huwa jimplika li l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet kollha tal-proċedura tal-għoti jkunu fformulati b’mod ċar, preċiż u univoku, b’mod, minn naħa, li jippermetti lill-offerenti kollha raġonevolment informati u b’diliġenza ordinarja jifhmu l-portata eżatta tagħhom u li jinterpretawhom bl-istess mod u, min-naħa l-oħra, b’mod li jiċċirkoskrivi s-setgħa diskrezzjonali tal-awtorità li tagħti l-konċessjonijiet u li jqegħidha f’pożizzjoni li tivverifika b’mod effettiv jekk l-offerti tal-offerenti jikkorrispondux għall-kriterji li jirregolaw il-proċedura inkwistjoni (sentenza Costa u Cifone, C‑72/10 u C-77/10, EU:C:2012:80, punt 73 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

88

Fl-aħħar nett, hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika waħda li għandha ġurisdizzjoni sabiex tevalwa l-fatti u sabiex tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali, li għandha teżamina, fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, jekk il-fatturi li hija semmiet, meħuda b’mod iżolat jew permezz tal-effett ikkombinat tagħhom, jistgħux jikkontestaw il-konformità ta’ proċedura ta’ għoti ta’ konċessjonijiet għall-organizzazzjoni ta’ mħatri sportivi, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza kif ukoll l-obbligu ta’ trasparenza riżultanti.

89

Għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, fil-kuntest tad-domanda 3(f) il-qorti tar-rinviju osservat li l-awtorità li tagħti l-konċessjonijiet ma għamlitx użu mill-possibbiltà li tagħti konċessjonijiet lil operaturi privati skont l-Artikolu 10a tat-trattat ta’ emenda. Hekk kif issemma fil-punt 38 tas-sentenza preżenti, mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Ġermaniż jirriżulta li l-għoti ta’ konċessjonijiet lill-kandidati magħżula fi tmiem il-proċedura ta’ selezzjoni ġiet sospiża minn diversi digrieti għal miżuri provviżorji mogħtija minn qrati Ġermaniżi. Għaldaqstant, fiż-żmien li fih seħħew il-fatti li bihom hija akkużata S. Ince, ebda operatur privat ma kien awtorizzat jorganizza jew jiġbor imħatri sportivi fil-Ġermanja, u l-ġurisprudenza tal-Bundesverwaltungsgericht (qorti amministrattiva federali) imsemmija fil-punti 29 u 30 ta’ din is-sentenza kompliet tapplika għall-operaturi privati.

90

Għall-kuntrarju, hekk kif l-Amtsgericht Sonthofen (qorti lokali ta’ Sonthofen) ukoll ikkonstatat fil-kuntest tad-domanda 3(f), l-operaturi pubbliċi detenturi ta’ awtorizzazzjoni għall-organizzazzjoni jew għall-intermedjazzjoni ta’ mħatri sportivi miksuba b’applikazzjoni tat-trattat dwar il-logħob tal-ażżard jew tal-liġijiet ta’ implementazzjoni reġjonali tiegħu setgħu, bis-saħħa tad-dispożizzjoni tranżitorja li tidher fl-Artikolu 29 tat-trattat ta’ emenda, ikomplu jeżerċitaw tali attivitajiet għal sena sa mill-ħruġ tal-ewwel konċessjoni, mingħajr ma jkollhom konċessjoni huma stess.

91

F’dawn il-kundizzjonijiet, din il-qorti tqis li s-sistema ta’ monopolju pubbliku fuq l-organizzazzjoni u l-intermedjazzjoni tal-imħatri sportivi prevista mit-trattat dwar il-logħob tal-ażżard u l-liġijiet ta’ implementazzjoni reġjonali tiegħu, li l-qrati Ġermaniżi qiesu li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, baqgħet fis-seħħ.

92

F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li, hekk kif tfakkar fil-punti 53 sa 55 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza Stanleybet International et (C-186/11 u C-209/11, EU:C:2013:33, punti 3846 kif ukoll 47), li leġiżlazzjoni nazzjonali dwar monopolju pubbliku fuq l-imħatri sportivi li, skont il-konstatazzjonijiet magħmula minn qorti nazzjonali, għandha restrizzjonijiet inkompatibbli mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, ma tistax tkompli tapplika matul perijodu tranżitorju. Ir-rifjut ta’ għoti ta’ perijodu tranżitorju madankollu ma jobbligax lill-Istat Membru kkonċernat li jilliberalizza s-suq tal-logħob tal-ażżard, peress li dan jista’ wkoll jirriforma l-monopolju eżistenti sabiex jirrendih kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni jew jissostitwixxih permezz ta’ sistema ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel ibbażata fuq kriterji oġġettivi, nondiskriminatorji u magħrufa minn qabel.

93

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar il-fuq u mingħajr ma jkun hemm bżonn, barra minn hekk, li jiġi ddeterminat jekk kull wieħed mill-fatturi indikati fil-kuntest tad-domanda 3(a) sa (e), meħuda b’mod iżolat jew skont l-effett ikkombinat tagħhom, jistax jikkontesta l-konformità tal-proċedura ta’ għoti ta’ konċessjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-Artikolu 56 TFUE, hemm lok li wieħed jikkunsidra li riforma leġiżlattiva, bħal dik li tirriżulta mill-introduzzjoni tal-klawżola ta’ sperimentazzjoni għall-imħatri sportivi prevista fl-Artikolu 10a tat-trattat ta’ emenda, ma tistax titqies bħala li rrimedjat għall-inkompatibbiltà, mal-Artikolu 56 TFUE, ta’ sistema ta’ monopolju pubbliku fuq l-organizzazzjoni u l-intermedjazzjoni tal-imħatri sportivi, bħal dik li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tat-trattat dwar il-logħob tal-ażżard u tal-liġijiet ta’ implementazzjoni tiegħu, sa fejn b’teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi deskritti fil-kuntest tad-domanda 3(f) tali sistema fil-prattika baqgħet tapplika minkejja d-dħul fis-seħħ ta’ dik ir-riforma.

94

Madankollu, hekk kif tfakkar fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, Stat Membru ma jistax japplika sanzjoni kriminali għal formalità amministrattiva mhux issodisfatta meta l-Istat Membru kkonċernat jirrifjuta t-twettiq ta’ din il-formalità jew jirrendi dan impossibbli, bi ksur tad-dritt tal-Unjoni.

95

Għaldaqstant hemm lok li r-risposta għat-tielet domanda tkun li l-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jissanzjona l-intermedjazzjoni mingħajr awtorizzazzjoni ta’ mħatri sportivi fit-territorju tiegħu, f’isem operatur li huwa detentur ta’ liċenzja għall-organizzazzjoni ta’ mħatri sportivi fi Stat Membru ieħor:

meta l-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni għall-organizzazzjoni ta’ mħatri sportivi jkun suġġett għall-ksib ta’ konċessjoni mill-imsemmi operatur skont proċedura ta’ għoti ta’ konċessjonijiet, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sakemm il-qorti tar-rinviju tikkonstata li din il-proċedura ma tosservax il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza kif ukoll l-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnhom, u

sa fejn, minkejja d-dħul fis-seħħ ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tippermetti l-għoti ta’ konċessjonijiet lil operaturi privati, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu sistema ta’ monopolju pubbliku fuq l-organizzazzjoni u l-intermedjazzjoni tal-imħatri sportivi, li l-qrati nazzjonali qiesu li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni, baqgħet fis-seħħ.

Fuq l-ispejjeż

96

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-awtoritajiet responsabbli għall-infurzar tal-liġi ta’ Stat Membru jissanzjonaw l-intermedjazzjoni, mingħajr awtorizzazzjoni, ta’ mħatri sportivi minn operatur privat f’isem operatur privat ieħor li ma għandux awtorizzazzjoni sabiex jorganizza mħatri sportivi f’dan l-Istat Membru, iżda huwa detentur ta’ liċenzja fi Stat Membru ieħor, meta l-obbligu li wieħed ikollu awtorizzazzjoni għall-organizzazzjoni jew għall-intermedjazzjoni ta’ mħatri sportivi jkun jaqa’ fil-kuntest ta’ sistema ta’ monopolju pubbliku li l-qrati nazzjonali qiesu li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni. L-Artikolu 56 TFUE jipprekludi tali sanzjoni anki meta, fit-teorija, operatur privat jista’ jikseb awtorizzazzjoni għall-organizzazzjoni jew għall-intermedjazzjoni ta’ mħatri sportivi, sa fejn l-għarfien tal-proċedura ta’ għoti ta’ tali awtorizzazzjoni ma hijiex żgurata u sa fejn is-sistema ta’ monopolju pubbliku fuq l-imħatri sportivi, li l-qrati nazzjonali qiesu li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, baqgħet fis-seħħ minkejja l-adozzjoni ta’ tali proċedura.

 

2)

L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika, kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Lulju 1998, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-abbozz ta’ leġiżlazzjoni reġjonali li żżomm fis-seħħ, fuq l-iskala tar-reġjun ikkonċernat, id-dispożizzjonijiet ta’ leġiżlazzjoni komuni għad-diversi reġjuni ta’ Stat Membru li skadiet, ikun suġġett għall-obbligu ta’ notifika previst fl-imsemmi Artikolu 8(1) sa fejn dan l-abbozz ikun fih regolamenti tekniċi fis-sens tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, b’tali mod li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ dan l-obbligu jwassal sabiex dawn ir-regolamenti tekniċi ma jkunux jistgħu jiġu infurzati kontra individwu fil-kuntest ta’ proċedura kriminali. Tali obbligu ma huwiex ikkontestat miċ-ċirkustanza li l-imsemmija leġiżlazzjoni komuni kienet preċedentement ġiet innotifikata lill-Kummissjoni fl-istat ta’ abbozz skont l-Artikolu 8(1) tal-imsemmija direttiva, u kienet tipprevedi b’mod espress il-possibbiltà ta’ proroga, li madankollu ma sarx użu minnha.

 

3)

L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jissanzjona l-intermedjazzjoni mingħajr awtorizzazzjoni ta’ mħatri sportivi fit-territorju tiegħu, f’isem operatur li huwa detentur ta’ liċenzja għall-organizzazzjoni ta’ mħatri sportivi fi Stat Membru ieħor:

meta l-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni għall-organizzazzjoni ta’ mħatri sportivi jkun suġġett għall-ksib ta’ konċessjoni mill-imsemmi operatur skont proċedura ta’ għoti ta’ konċessjonijiet, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sakemm il-qorti tar-rinviju tikkonstata li din il-proċedura ma tosservax il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza kif ukoll l-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnhom, u

sa fejn, minkejja d-dħul fis-seħħ ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tippermetti l-għoti ta’ konċessjonijiet lil operaturi privati, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu sistema ta’ monopolju pubbliku fuq l-organizzazzjoni u l-intermedjazzjoni tal-imħatri sportivi, li l-qrati nazzjonali qiesu li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni, baqgħet fis-seħħ.

 

Firem


( *1 )   Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Fuq