EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62015CJ0379

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-28 ta’ Lulju 2016.
Association France Nature Environnement vs Premier ministre u Ministre de l’Écologie, du Développement durable et de lʼÉnergie.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d'État.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2001/42/KE – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti u programmi fuq l-ambjent – Att nazzjonali inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni – Konsegwenzi ġuridiċi – Setgħa tal-qorti nazzjonali li żżomm provviżorjament ċerti effetti tal-imsemmi att – It-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE – Obbligu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
Kawża C-379/15.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2016:603

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

28 ta’ Lulju 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2001/42/KE — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti u programmi fuq l-ambjent — Att nazzjonali inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni — Konsegwenzi ġuridiċi — Setgħa tal-qorti nazzjonali li żżomm provviżorjament ċerti effetti tal-imsemmi att — It-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE — Obbligu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja”

Fil-Kawża C‑379/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Ġunju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Lulju 2015, fil-proċedura

Association France Nature Environnement

vs

Premier ministre,

Ministre de l’Écologie, du Développement durable et de l'Énergie,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President tal-Awla, A. Arabadjiev, J.-C. Bonichot, C. G. Fernlund u E. Regan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ Frar 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Association France Nature Environnement, minn E. Wormser, bħala aġent, assistit minn M. Le Berre, avukat,

għall-Gvern Franċiż, minn S. Ghiandoni kif ukoll minn F.-X. Bréchot, D. Colas, u G. de Bergues, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn O. Beynet u C. Hermes, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑28 ta’ April 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 267 TFUE.

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn l-Association France Nature Environnement u l-Premier ministre (prim ministru) kif ukoll il-Ministre de l’Écologie, du Développement durable et de l'Énergie (ministru tal-ekoloġija, tal-iżvilupp sostenibbli u tal-enerġija) dwar talba għal annullament, minħabba eċċess ta’ poter, tad-Digriet Nru 2012-616, tat-2 ta’ Mejju 2012, dwar l-evalwazzjoni ta’ ċerti pjanijiet u programmi li għandhom effett fuq l-ambjent (JORF tal-4 ta’ Mejju 2012, p. 7884).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑27 ta’ Ġunju 2001, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 157), jipprovdi kif ġej:

“L-għan ta’ din id-Direttiva hu li jsiru dispożizzjonijiet għal livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u biex issir kontribuzzjoni għall-integrazzjoni tal-konsiderazzjonijiet ambjentali fil-preparazzjoni u l-adozzjoni ta’ pjanijiet u programmi bil-għan li jkun jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli, billi jkun assigurat li, skont din id-Direttiva, issir stima ambjentali ta’ ċerti pjanijiet u programmi li x’aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent.”

4

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

a)

‘pjanijiet u programmi’ tfisser pjanijiet u programmi, inklużi dawk ko-finanzjati mill-[Unjoni] Ewropea, kif ukoll xi modifiki li jsirulhom:

li huma suġġetti għall-preparazzjoni u/jew adozzjoni minn xi awtorita nazzjonali, reġjonali jew livell lokali jew li jkunu preparati minn xi awtorita għall-adozzjoni, permezz ta’ proċedura leġislattiva mill-Parlament jew il-Gvern, u

li huma meħtieġa permezz ta’ disposizzjonijiet leġislattivi, regolatorji jew amministrattivi;

b)

‘stima ambjentali’ tfisser il-preparazzjoni ta’ xi rapport ambjentali, l-għemil ta’ konsultazzjonijiet, it-teħid tal-kont tar-rapport ambjentali u r-riżultati tal-konsultazzjonijiet fit-teħid tad-deċiżjonijiet u d-disposizzjoni ta’ l-informazzjoni dwar id-deċiżjoni [...];

[...]”

5

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.   L-istima ambjentali, [...] għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi msemmija fil-paragrafi 2 sa 4 li x’aktarx ikollhom effetti ambjentali sinifikanti.

2.   Bla ħsara għall-paragrafu 3, stima ambjentali għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi kollha:

[...]

3.   Pjanijiet u programmi msemmija fil-paragrafu 2 li jistabbilixxu l-użu ta’ żoni żgħar fil-livell lokali u modifiki żgħar għall-pjanijiet u l-programmi msemmija fil-paragrafu 2 jkunu jeħtieġu stima ambjentali biss meta l-Istati Membri jistabbilixxu li dawn x’aktarx ikollhom effetti ambjentali sinifikanti.

4.   L-Istati Membri għandhom jistabilixxu jekk il-pjanijiet u l-programmi, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 2, li jissettjaw il-qafas għall-kunsens futur ta’ l-iżvilupp tal-proġetti, hux ser ikollhom effetti ambjentali sinifikanti.

5.   L-Istati Membri għandhom jistabilixxu jekk il-pjanijiet jew il-programmi msemmija fil-paragrafi 3 u 4 hux ser ikollhom effetti ambjentali sinifikanti jew billi kull każ jiġi eżaminat jew billi jkunu speċifikati t-tipi ta’ pjanijiet u programmi jew billi jkunu kombinati iż-żewġ metodi. Għal dan il-għan l-Istati Membri għandhom fil-każijiet kollha jikkunsidraw il-kriterji rilevanti stabbiliti fl-Anness II, sabiex ikun assigurat li l-pjanijiet u l-programmi li x’aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent ikunu koperti b’din id-Direttiva.

6.   Fl-eżami li jsir f’kull każ u meta jkunu speċifikati t-tipi ta’ pjanijiet u programmi skont il-paragrafu 5, l-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 6(3) għandhom ikunu kkonsultati.

7.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-konklużjonijiet tagħhom bis-saħħa tal-paragrafu 5, inklużi r-raġunijiet biex ma tintalabx stima [...], jiġu magħmula għad-disposizzjoni tal-pubbliku.

[...]”

6

L-Artikolu 4 tal-istess direttiva jipprovdi:

“1.   L-istima ambjentali msemmija fl-Artikolu 3 għandha ssir matul il-preparazzjoni ta’ xi pjan jew programm u qabel l-adozzjoni jew is-sottomissjoni għall-proċedura leġislattiva.

2.   Il-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva għandhom jew ikunu integrati fil-proċeduri eżistenti fl-Istati Membri għall-adozzjoni ta’ pjanijiet u programmi jew inkorporati fil-proċeduri stabbiliti biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva.

3.   Meta l-pjanijiet u l-programmi jifformaw parti minn xi ġerarkija, l-Istati Membri għandhom, bil-għan li jevitaw duplikazzjoni ta’ l-istima, jikkunsidraw il-fatt li l-istima ser issir, skond din id-Direttiva, fil-livelli differenti tal-ġerarkija. [...]”

7

Skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/42:

“1.   L-abbozz tal-pjan jew il-programm u r-rapport dwar l-ambjent ippreparati skont l-Artikolu 5 għandhom ikunu mqiegħda għad-disposizzjoni tal-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu u tal-pubbliku.

2.   L-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 3 u l-pubbliku imsemmi fil-paragrafu 4 għandhom jingħataw opportunità bikrija u effettiva f’limitu ta’ żmien li jkun xieraq sabiex jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar l-abbozz tal-pjan jew il-programm jew is-sottomissjoni tiegħu għall-proċedura leġislattiva.

3.   L-Istati Membri għandhom jinnominaw lill-awtoritajiet li għandhom ikunu kkonsultati li, permezz tar-responsabbiltajiet ambjentali speċifiċi tagħhom, x’aktarx ikunu milquta mill-effetti ambjentali ta’ l-implimentazzjoni tal-pjanijiet jew il-programmi.

4.   L-Istati Membri għandhom jidentifikaw il-pubbliku għall-finijiet tal-paragrafu 2, inkluż il-pubbliku milqut jew li x’aktarx ikun milqut minn, jew li jkollu nteress fit-teħid tad-deċiżjonijiet suġġett għal din id-Direttiva, inklużi l-organizzazzjonijiet rilevanti mhux governattivi, bħalma huma dawk li jippromwovu il-protezzjoni ta’ l-ambjent u organizzazzjonijiet oħra interessati.

5.   L-aranġamenti ddettaljati għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni ma’ l-awtoritajiet u mal-pubbliku għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri.”

8

L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2001/42 huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva qabel il-21 ta’ Lulju 2004.

[...]

3.   L-obbligazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1) għandha tgħodd għall-pjanijiet u programmi li dwarhom l-ewwel att preparatorju formali jkun sussegwenti għad-data msemmija fil-paragrafu 1. Il-pjanijiet u l-programmi li dwarhom l-att preparatorju formali jkun qabel dik id-data u li jkunu adottati jew sottomessi għall-proċedura leġislattiva aktar minn 24 xahar wara dan, għandhom isiru suġġetti għall-obbligazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1) kemm-il darba l-Istati Membri ma jiddeċidux abbażi ta’ kull każ li dan ma jkunx possibbli u jinfurmaw lill-pubbliku bid-deċiżjoni tagħhom.

[...]”

Id-dritt Franċiż

9

Id-Direttiva 2001/42 ġiet trasposta fid-dritt Franċiż minn ċertu numru ta’ strumenti legali, jiġifieri d-Digriet Nru 2004-489, tat-3 ta’ Ġunju 2004, li jittrasponi d-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ġunju 2001, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (JORF tal-5 ta’ Ġunju 2004, p. 9979), żewġ digrieti, tas-27 ta’ Mejju 2005, wieħed li jemenda l-kodiċi tal-ambjent (Digriet Nru 2005-613), l-ieħor li jemenda l-kodiċi tal-ippjanar urban (Digriet Nru 2005-608), kif ukoll il-Liġi Nru 2010-788, tat-12 ta’ Lulju 2010, dwar l-impenn nazzjonali għall-ambjent (JORF tat-13 ta’ Lulju 2010, p. 12905). L-Artikoli L. 122-4 sa L. 122-11 tal-kodiċi tal-ambjent ġew emendati bl-Artikoli 232 u 233 ta’ din l-aħħar liġi.

10

L-Artikolu 122-4 tal-kodiċi tal-ambjent, kif emendat bil-Liġi Nru 2010-788, jipprovdi:

“I. ‐

Il-pjanijiet, l-iskemi, il-programmi u dokumenti oħra ta’ ppjanar li jistgħu jkollhom effetti fuq l-ambjent u li, mingħajr ma jawtorizzaw huma stess it-twettiq ta’ xogħlijiet jew jeżiġu proġetti ta’ żvilupp, huma applikabbli għat-twettiq ta’ tali xogħlijiet jew proġetti, huma suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali fid-dawl tal-kriterji msemmija fl-Anness II tad-Direttiva [2001/42]:

1.

Il-pjanijiet, l-iskemi, il-programmi u dokumenti oħra ta’ ppjanar adottati mill-Istat, mill-awtoritajiet lokali jew mill-gruppi tagħhom u mill-istabbilimenti pubbliċi dipendenti fuqhom, li jikkonċernaw l-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd, l-enerġija jew l-industrija, it-trasport, il-ġestjoni tal-iskart jew il-ġestjoni tal-ilma, it-telekomunikazzjonijiet, it-turiżmu jew l-ippjanar tal-art li għandhom bħala għan li jiddefinixxu l-qafas għall-implementazzjoni ta’ xogħlijiet u ta’ proġetti ta’ ppjanar li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-istudju tal-impatt skont l-Artikolu L. 122-1;

2

Il-pjanijiet, l-iskemi, il-programmi u dokumenti oħra ta’ ppjanar adottati mill-Istat, mill-awtoritajiet lokali jew mill-gruppi tagħhom u mill-istabbilimenti pubbliċi dipendenti fuqhom, għajr dawk imsemmija fil-punt 1 ta’ dan l-artikolu, li għandhom bħala għan li jiddefinixxu l-qafas għall-implementazzjoni ta’ xogħlijiet u ta’ proġetti ta’ ppjanar jekk jista’ jkollhom effetti sinjifikanti fuq l-ambjent;

3

Il-pjanijiet, l-iskemi, il-programmi u dokumenti oħra ta’ ppjanar, li fir-rigward tagħhom, fid-dawl tal-effetti li jista’ jkollhom fuq is-siti, hija meħtieġa evalwazzjoni tal-effetti skont l-Artikolu L. 414-4.

II. ‐

L-evalwazzjoni ambjentali ta’ pjanijiet, skemi, programmi u dokumenti oħra ta’ ppjanar imsemmija fl-Artikoli L. 121-10 tal-kodiċi tal-ippjanar urban u fl-Artikoli L. 4424-9 u L. 4433-7 tal-kodiċi ġenerali tal-awtoritajiet lokali hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli L. 121-10 sa L. 121-15 tal-kodiċi tal-ippjanar urban.

III. ‐

L-abbozzi ta’ pjanijiet, skemi, programmi u dokumenti oħra ta’ ppjanar li jiddeterminaw l-użu ta’ artijiet ta’ superfiċje żgħira ma humiex suġġetti għall-evalwazzjoni prevista f’din is-sezzjoni jekk l-applikazzjoni tagħhom ma jistax ikollha effett sinjifikanti fuq l-ambjent b’kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, għas-sensittività tal-mezz, għall-għan tal-pjan jew għall-kontenut tal-proġett.

IV. ‐

Digriet tal-Conseil d’État (kunsill tal-istat) għandu jistabbilixxi l-pjanijiet, l-iskemi, il-programmi u d-dokumenti msemmija fis-sezzjonijiet I u III li huma suġġett għal evalwazzjoni ambjentali wara eżami każ b’każ imwettaq mill-awtorità amministrattiva tal-Istat kompetenti fil-qasam tal-ambjent.

V. ‐

Il-pjanijiet u d-dokumenti stabbiliti biss għall-finijiet tad-difiża nazzjonali jew tal-protezzjoni ċivili ma humiex suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali.”

11

Skont l-Artikolu L. 122-5 tal-kodiċi tal-ambjent, kif emendat bil-Liġi Nru 2010-788:

“Bl-eċċezzjoni ta’ dawk li huma biss minuri, l-emendi li jsiru lil pjanijiet u dokumenti li huma suġġetti għad-dispożizzjonijiet tas-sezzjoni I tal-Artikolu L. 122-4 jagħtu lok jew għal evalwazzjoni ġdida ambjentali jew għal aġġornament tal-evalwazzjoni li twettqet meta kienu qegħdin jitfasslu.

L-aspett minuri tal-emendi huwa evalwat b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kriterji msemmija fl-Anness II tad-Direttiva [2001/42]. Digriet tal-Conseil d’État għandu jiddetermina l-każijiet li fihom l-emendi jistgħu jiġu suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali wara eżami każ b’każ imwettaq mill-awtorità amministrattiva tal-Istat kompetenti fil-qasam tal-ambjent.”

12

L-Artikolu L. 122-7 tal-kodiċi tal-ambjent, kif emendat bil-Liġi Nru 2010-788, jipprovdi:

“L-entità pubblika responsabbli mit-tfassil ta’ pjan jew ta’ dokument għandha tittrażmetti għal opinjoni, lil awtorità amministrattiva tal-Istat kompetenti fil-qasam tal-ambjent, l-abbozz tal-pjan jew tad-dokument imfassal skont l-Artikolu L. 122-4, flimkien ma’ rapport ambjentali.

Fin-nuqqas ta’ opinjoni f’perijodu ta’ tliet xhur, l-opinjoni titqies li hija favorevoli.

L-awtorità tal-Istat kompetenti fil-qasam tal-ambjent hija kkonsultata, fejn neċessarju, dwar il-livell ta’ preċiżjoni tal-informazzjoni li għandha tkun inkluża fir-rapport ambjentali.”

13

L-Artikolu L. 122-11 tal-kodiċi tal-ambjent jipprovdi:

“Il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ din is-sezzjoni għal kull kategorija ta’ pjanijiet jew ta’ dokumenti huma speċifikati, fejn neċessarju, permezz ta’ digriet tal-Conseil d’État.”

14

Għall-applikazzjoni tal-Artikoli 232 u 233 tal-Liġi Nru 2010-788 u għall-finijiet tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2001/42, il-prim ministru adotta, b’mod partikolari, id-Digriet Nru 2012-616. Dan jistabbilixxi l-lista ta’ pjanijiet, skemi, programmi u dokumenti ta’ ppjanar li għandhom ikunu suġġett għal evalwazzjoni ambjentali sistematikament jew wara li jsir eżami każ b’każ mill-awtorità amministrattiva maħtura għal dan il-għan. Dan id-digriet jiddefinixxi wkoll l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ambjent li għandha tiġi kkonsultata fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni ambjentali. Barra minn hekk, l-imsemmi digriet jiddefinixxi fid-dettall f’tabella, il-pjanijiet, l-iskemi, il-programmi u dokumenti oħra ta’ ppjanar li għandhom ikunu suġġett għal evalwazzjoni ambjentali.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15

Fit-13 ta’ Ġunju 2012, l-Association France Nature Environnement ippreżentat rikors għall-annullament tad-Digriet Nru 2012-616, billi invokat, fost l-oħrajn, ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/42, b’mod partikolari, il-fatt li diversi awtoritajiet ambjentali ma għandhomx l-awtonomija amministrattiva meħtieġa minn din id-direttiva.

16

Permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Ġunju 2015, il-qorti tar-rinviju laqgħet it-talba għall-annullament tad-Digriet Nru 2012-616 fir-rigward tal-Artikoli 1 u 7 tiegħu.

17

Il-qorti tar-rinviju ddeċidiet, l-ewwel nett, li l-Artikolu 1 ta’ dan id-digriet kien jikser ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2001/42. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tagħti lill-istess awtorità, minn naħa, il-kompetenza li tfassal u tapprova ċertu numru ta’ pjanijiet u ta’ programmi u, min-naħa l-oħra, il-kompetenza konsultattiva ambjentali għal dawn tal-aħħar, mingħajr ma tipprovdi dispożizzjonijiet li jistgħu jiggarantixxu li tiġi eżerċitata t-tieni kompetenza, fi ħdan din l-awtorità, minn entità li għandha awtonomija effettiva.

18

Il-qorti tar-rinviju qieset, it-tieni nett, li l-Artikolu 7 tal-imsemmi digriet jikser ir-rekwiżiti relatati mal-konformità tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni, peress li jeskludi, mingħajr ġustifikazzjoni bbażata fuq raġunijiet imperattivi ta’ ċertezza legali jew ta’ ordni pubbliku, l-applikazzjoni ta’ miżuri regolamentari ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2001/42 dwar in-normi ta’ parks naturali reġjonali li t-tfassil jew ir-reviżjoni tagħhom kienet preskritta qabel l-1 ta’ Jannar 2013, minkejja li t-terminu għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva kien skada.

19

Wara li kkonstatat l-illegalità tal-Artikoli 1 u 7 tad-Digriet Nru 2012-616, il-qorti tar-rinviju qajmet il-kwistjoni tal-konsegwenzi ta’ tali konstatazzjoni.

20

F’dan ir-rigward, din il-qorti qieset li r-retroattività tal-annullament parzjali ta’ dan id-digriet kellha r-riskju li tiġi kompromessa l-legalità mhux biss tal-pjanijiet u tal-programmi adottati abbażi tiegħu, iżda wkoll il-legalità ta’ kull att meħud abbażi ta’ dawn tal-aħħar, b’kunsiderazzjoni għall-possibbiltà taħt id-dritt amministrattiv Franċiż ta’ invokazzjoni, minħajr kundizzjoni ta’ preskrizzjoni, tal-illegalità ta’ tali atti regolamentari. Tali sitwazzjoni tippreġudika kemm l-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali kif ukoll it-twettiq tal-għanijiet tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-ambjent. Barra minn hekk, lakuna ġuridika tidher li tkun tostakola l-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 2001/42, b’mod li l-qorti nazzjonali tkun tista’ taġġusta l-effetti ratione temporis tal-annullament tal-imsemmi digriet.

21

Għaldaqstant, il-qorti tar-rinvju rrilevat li, fir-rigward tal-kundizzjonijiet li fihom il-qorti amministrattiva Franċiża tista’ tagħmel użu mill-poter tagħha ta’ aġġustament tal-effetti ta’ deċiżjoni ta’ annullament, tali kunsiderazzjonijiet jistgħu jwasslu sabiex jinżammu l-effetti tal-Artikoli 1 u 7 tad-Digriet Nru 2012-616 matul il-perijodu li huwa strettament neċessarju sabiex ikun possibbli li jiġu adottati r-regoli li jorganizzaw sistema adatta ta’ awtoritajiet amministrattivi inkarigati mill-evalwazzjoni ambjentali konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/42. Konsegwentement, din il-qorti tistaqsi jekk huwiex konċepibbli li jiġi previst li l-annullament parzjali tal-imsemmi digriet ma jkollux effett qabel l-1 ta’ Jannar 2016 u li, b’riżerva għall-azzjonijiet kontenzjużi mibdija fid-data tad-deċiżjoni tar-rinviju kontra l-atti adottati fuq il-bażi tagħha, l-effetti tad-dispożizzjonijiet tad-digriet ikkontestat qabel l-annullament tiegħu jistgħu jitqiesu bħala definittivi.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Qorti nazzjonali, li teżerċita l-ġurisdizzjoni ġenerali tagħha taħt id-dritt tal-Unjoni, għandha tressaq, fi kwalunkwe każ, talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex din tevalwa jekk hemmx lok li d-dispożizzjonijiet meqjusa li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni jinżammu fis-seħħ provviżorjament?

2)

F’każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din l-ewwel domanda, id-deċiżjoni li tista’ tittieħed mill-Conseil d’État li jżomm fis-seħħ sal-1 ta’ Jannar 2016 l-effetti tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1 tad-Digriet tat-2 ta’ Mejju 2012 dwar l-evalwazzjoni ta’ ċerti pjanijiet u dokumenti li għandhom impatt fuq l-ambjent li huwa jqis li huma illegali tkun iġġustifikata, b’mod partikolari, permezz ta’ kunsiderazzjoni imperattiva marbuta mal-protezzjoni tal-ambjent?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq it-tieni domanda

23

Permezz tat-tieni domanda, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tfittex essenzjalment li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom qorti nazzjonali li tkun tressqet kawża quddiemha tista’ tillimita ċerti effetti ratione temporis ta’ dikjarazzjoni ta’ illegalità ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li ġiet adottata bi ksur tal-obbligi previsti mid-Direttiva 2001/42, b’mod partikolari dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 6(3) tagħha.

24

Għandu jiġi rrilevat li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija sottomessa f’kuntest ta’ proċedura ta’ stħarriġ ta’ legalità relatata mal-kompatibbiltà ta’ ċertu numru ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali mad-Direttiva 2001/42. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-qorti tar-rinviju kkonstatat, b’mod partikolari, li r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva nkisru b’dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar it-traspożizzjoni tal-imsemmi artikolu tad-direttiva.

25

Il-qorti tar-rinviju, billi tirreferi għas-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2011, Seaport (NI) et (C‑474/10, EU:C:2011:681), tosserva b’mod partikolari li d-dispożizzjonijiet tad-Digriet Nru 2012-616 huma illegali peress li ma jippermettux li tiġi żgurata l-indipendenza funzjonali tal-awtorità ambjentali, inkwantu dawn tal-aħħar ma jiggarantixxux li l-kompetenza konsultattiva fil-qasam tal-ambjent tiġi eżerċitata, fi ħdan din l-awtorità, minn entità li għandha awtonomija effettiva.

26

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/42 jiċċaħdu minn effett utli jekk, fil-każ fejn l-awtorità maħtura skont l-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva tkun ukoll obbligata tfassal jew tadotta hija stess pjan jew programm, ma jkun hemm ebda korp ieħor, fl-istruttura amministrattiva tal-Istat Membru inkwistjoni, awtorizzat jeżerċita din il-funzjoni ta’ konsultazzjoni.

27

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-Artikoli 1 u 7 tad-Digriet Nru 2012-616 ma jissodisfawx dan ir-rekwiżit ta’ awtonomija, b’mod li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu annullati. Madankollu, hija tistaqsi dwar il-konsegwenzi ġuridiċi li jirriżultaw minn tali annullament.

28

B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tesprimi t-tħassib li dan l-annullament għandu r-riskju li tiġi kompromessa l-legalità ta’ numru kbir ta’ pjanijiet u ta’ programmi kif ukoll ta’ atti adottati fuq il-bażi ta’ dawn tal-aħħar, sitwazzjoni li tista’ tagħti lok għal lakuna ġuridika, għad-detriment tal-protezzjoni tal-ambjent. Fil-fatt, minħabba l-effett retroattiv tal-annullament ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, il-konsultazzjonijiet imwettqa fuq il-bażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jitqiesu li twettqu b’mod illegali.

29

Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju tirreferi għas-sentenza tat-28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C‑41/11, EU:C:2012:103).

30

Fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fin-nuqqas, fid-Direttiva 2001/42, ta’ dispożizzjonijiet dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn ksur tad-dispożizzjonijiet proċedurali li hija tistabbilixxi, huma l-Istati Membri li, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa, ġenerali jew partikolari, sabiex il-pjanijiet jew programmi kollha li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, fis-sens ta’ din id-direttiva, jiġu suġġetti, qabel l-adozzjoni tagħhom, għal evalwazzjoni ambjentali, skont il-modalitajiet proċedurali u l-kriterji previsti mill-imsemmija direttiva.

31

Fil-punt 43 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri għandhom jannullaw il-konsegwenzi illegali ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni u li dan l-obbligu huwa impost, fil-kuntest tal-kompetenzi tiegħu, fuq kull korp tal-Istat Membru kkonċernat.

32

Barra minn hekk, mill-punti 44 sa 46 tal-istess sentenza jirriżulta li l-obbligu intiż li jirrimedja n-nuqqas ta’ evalwazzjoni ambjentali meħtieġa mid-Direttiva 2001/42, inkluż il-possibbiltà ta’ sospensjoni jew ta’ annullament tal-att ivvizzjat b’dan id-difett, huwa impost ukoll fuq qrati nazzjonali li quddiemhom jitressaq rikors kontra att ta’ dritt nazzjonali adottat bi ksur ta’ din id-direttiva. Konsegwentement, l-imsemmija qrati għandhom, fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali tagħhom, jieħdu l-miżuri intiżi għas-sospensjoni jew għall-annullament ta’ pjan jew ta’ programm adottat bi ksur tal-obbligu li ssir evalwazzjoni ambjentali meħtieġa mill-imsemmija direttiva.

33

Fir-rigward tat-tħassib li tesprimi l-qorti tar-rinviju dwar il-possibbiltà ta’ konsegwenzi negattivi, fuq livell ambjentali, ta’ annullament tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali meqjusa li huma inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, mill-punti 66 u 67 tas-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2010, Winner Wetten (C‑409/06, EU:C:2010:503) jirriżulta li hija biss il-Qorti tal-Ġustizzja li tista’, eċċezzjonalment u għal kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ċertezza legali, tagħti sospensjoni provviżorja tal-effett ta’ esklużjoni li għandha dispożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tmur kontriha. Fil-fatt, li kieku l-qrati nazzjonali kellhom is-setgħa li jagħtu supremazija lil dispożizzjonijiet nazzjonali fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, anki fuq bażi provviżorja, l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni tiġi ppreġudikata.

34

Minkejja dan u fir-rigward tal-qasam ineżami, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 58 tas-sentenza tagħha tat-28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C‑41/11, EU:C:2012:103), li qorti nazzjonali tista’ eċċezzjonalment, fid-dawl tal-fatt li teżisti kunsiderazzjoni imperattiva marbuta mal-protezzjoni tal-ambjent u sa fejn ikunu osservati ċertu numru ta’ kundizzjonijiet iddefiniti minn din is-sentenza, tiġi awtorizzata tagħmel użu mid-dispożizzjoni nazzjonali tagħha li tagħtiha s-setgħa li żżomm ċerti effetti ta’ att nazzjonali annullat. Għaldaqstant, mill-imsemmija sentenza jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-intenzjoni tirrikonoxxi, fuq bażi ta’ każ b’każ u eċċezzjonalment, lil qorti nazzjonali s-setgħa li taġġusta l-effetti tal-annullament ta’ dispożizzjoni nazzjonali kkonstatata inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

35

Fil-fatt u kif jirriżulta mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 TUE u mill-Artikolu 191(1) u (2) TFUE, l-Unjoni hija marbuta tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni u ta’ titjib ta’ protezzjoni tal-ambjent.

36

Minn din il-perspettiva, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tat-28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C‑41/11, EU:C:2012:103), ippruvat tirrikonċilja, minn naħa, il-prinċipji ta’ legalità kif ukoll ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, il-bżonn tal-protezzjoni tal-ambjent li jirriżulta minn dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju tal-Unjoni.

37

Għaldaqstant, kif jirriżulta mill-punt 34 tas-sentenza preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, issuġġettat is-setgħa li jinżammu, eċċezzjonalment, ċerti effetti ta’ att nazzjonali inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni għall-osservanza ta’ ċertu numru ta’ kundizzjonijiet.

38

Dawn il-kundizzjonijiet ġew stabbiliti fid-dispożittiv tas-sentenza tat-28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C‑41/11, EU:C:2012:103). L-ewwel nett, l-att nazzjonali għandu jikkostitwixxi miżura ta’ traspożizzjoni korretta tad-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE, tat-12 ta’ Diċembru 1991, dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 68). It-tieni nett, l-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ ta’ att nazzjonali ġdid ma għandhomx jippermettu li jiġu evitati l-effetti dannużi fuq l-ambjent li jirriżultaw mill-annullament tal-att ikkontestat. It-tielet nett, l-annullament tal-imsemmi att għandu jkollu bħala konsegwenza li joħloq lakuna ġuridika fir-rigward tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 91/676 li tkun ta’ dannu għall-ambjent. Fl-aħħar, u r-raba’ nett, iż-żamma eċċezzjonali tal-effetti ta’ tali att nazzjonali għandha tkopri biss il-perijodu ta’ żmien strettament neċessarju għall-adozzjoni tal-miżuri li jippermettu li tiġi rrimedjata l-irregolarità kkonstatata.

39

Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, fil-punt 59 tas-sentenza tat-28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C-41/11, EU:C:2012:103), b’kunsiderazzjoni għaċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża li tat lok għal din is-sentenza, li l-att inkwistjoni f’din il-kawża kellu jkun att li jittrasponi korrettament id-Direttiva 91/676, għandu jiġi osservat li, fid-dawl tal-eżistenza ta’ kunsiderazzjoni imperattiva marbuta mal-protezzjoni tal-ambjent, din il-kundizzjoni għandha tinftiehem fis-sens li tinkorpora kull miżura li, minkejja li tkun ġiet adottata bi ksur tal-obbligi previsti mid-Direttiva 2001/42, tittrasponi korrettament id-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent.

40

Fi kwalunkwe każ, is-setgħa eċċezzjonali li għalhekk tingħata lill-qorti nazzjonali tista’ tiġi eżerċitata biss fuq bażi ta’ każ b’każ u mhux b’mod astratt jew ġenerali. Fil-fatt, u kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-imsemmija setgħa għandha tiġi eżerċitata b’kunsiderazzjoni għaċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża li tkun tressqet quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C‑41/11, EU:C:2012:103, punt 63).

41

Għaldaqstant, il-qorti nazzjonali tintalab tistabbilixxi li l-kundizzjonijiet kollha, kif jirriżultaw mis-sentenza tat-28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C‑41/11, EU:C:2012:103) ikunu ssodisfatti u tiddetermina jekk l-annullament tal-att tad-dritt nazzjonali inkwistjoni fil-kawża li tkun tressqet quddiemha jagħtix lok għal riperkussjonijiet negattivi għall-ambjent, billi jippreġudika l-għanijiet tad-dritt tal-Unjoni rilevanti.

42

F’dan il-kuntest, il-qorti nazzjonali għandha twettaq evalwazzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-għan u l-kontenut tal-att inkwistjoni f’din il-kawża kif ukoll l-effetti fuq dispożizzjonijiet oħra dwar il-protezzjoni tal-ambjent.

43

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda għandha tkun li qorti nazzjonali tista’, meta jippermettilha d-dritt nazzjonali, eċċezzjonalment u fuq bażi ta’ każ b’każ, tillimita ratione temporis ċerti effetti ta’ dikjarazzjoni ta’ illegalità ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tkun ġiet adottata bi ksur tal-obbligi previsti mid-Direttiva 2001/42, b’mod partikolari dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 6(3) tagħha, bil-kundizzjoni li tali limitazzjoni tkun dovuta għal kunsiderazzjoni imperattiva marbuta mal-protezzjoni tal-ambjent u b’kunsiderazzjoni għaċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża li tkun tressqet quddiemha. Madankollu, din is-setgħa eċċezzjonali tista’ tiġi eżerċitata biss meta l-kundizzjonijiet kollha li jirriżultaw mis-sentenza tat-28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C-41/11, EU:C:2012:103), ikunu ssodisfatti, jiġifieri:

li d-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali kkontestata tkun tikkostitwixxi miżura ta’ traspożizzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent;

li l-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ ta’ dispożizzjoni ġdida tad-dritt nazzjonali ma jkunux jippermettu li jiġu evitati l-effetti dannużi fuq l-ambjent li jirriżultaw mill-annullament tad-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali kkontestata;

li l-annullament ta’ din tal-aħħar ikollu bħala konsegwenza li joħloq lakuna ġuridika fir-rigward tat-traspożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent li tkun ta’ dannu ikbar għall-ambjent, fis-sens li dan l-annullament ikun jipprovdi inqas protezzjoni u għalhekk ikun imur preċiżament kontra l-għan fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, u

li ż-żamma eċċezzjonali tal-effetti tad-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali kkontestata tkun tkopri biss il-perijodu ta’ żmien strettament meħtieġ għall-adozzjoni tal-miżuri li jippermettu li tiġi rrimedjata l-irregolarità kkonstatata.

Fuq l-ewwel domanda

44

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, qabel ma jsir użu mis-setgħa eċċezzjonali li tippermettilha tiddeċiedi li żżomm, bil-kundizzjonijiet li jirriżultaw mis-sentenza tat-28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C-41/11, EU:C:2012:103), ċerti effetti ta’ att nazzjonali inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, qorti nazzjonali hijiex marbuta, f’kull każ, tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

45

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 267 TFUE jagħti lil qrati nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħhom jistgħu jiġu kkontestati skont id-dritt nazzjonali, is-setgħa li jagħmlu talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

46

Hija biss il-qorti nazzjonali li tkun qed tisma’ l-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tad-9 ta’ Settembru 2015, X u van Dijk, C‑72/14 u C‑197/14, EU:C:2015:564, punt 57).

47

Min-naħa l-oħra, jekk qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux jiġu kkontestati b’rikors ġudizzjarju, tikkonstata li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni hija neċessarja sabiex twassal għas-soluzzjoni tal-kawża li tkun tressqet quddiemha, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE jobbligaha tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

48

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 16 tas-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et (283/81, EU:C:1982:335), li l-applikazzjoni korretta tad-dritt Komunitarju tista’ tkun tant evidenti li ma tħalli ebda lok għal dubju raġonevoli dwar kif għandha tkun ir-risposta għad-domanda magħmula. Qabel ma tasal għall-konklużjoni li dan huwa l-każ, il-qorti nazzjonali fl-aħħar istanza għandha tkun konvinta li s-sitwazzjoni tkun daqstant ċara għall-qrati tal-Istati Membri l-oħra u għall-Qorti tal-Ġustizzja. Huwa biss fil-każ li dawn il-kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti li l-qorti nazzjonali tkun tista’ tonqos milli tagħmel din id-domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja u tinkariga ruħha li ssib soluzzjoni għaliha.

49

Barra minn hekk, huwa fuq il-bażi tal-karatteristiċi tad-dritt tal-Unjoni u tad-diffikultajiet partikolari tal-interpretazzjoni tiegħu li l-qorti nazzjonali għandha teżamina l-estent sa fejn hija ma hijiex obbligata tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, kull dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, inkluża l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam ineżami, għandha titqiegħed fil-kuntest tagħha u tiġi interpretata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan id-dritt, tal-għanijiet tiegħu u tal-istat ta’ evoluzzjoni tiegħu fil-mument li fih għandha tiġi applikata d-dispożizzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et, 283/81, EU:C:1982:335, punti 17 u 20).

50

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 21 tas-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et (283/81, EU:C:1982:335), li qorti li d-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux jiġu kkontestati b’rikors ġudizzjarju skont id-dritt nazzjonali, hija marbuta, meta kwistjoni ta’ dritt tal-Unjoni titqajjem quddiemha, li tissodisfa l-obbligu tagħha li tressaq il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, sakemm ma tikkonstatax li l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni hija tant evidenti li ma hemm lok għal ebda dubju raġonevoli u li l-eżistenza ta’ tali eventwalità għandha tiġi evalwata skont il-karatteristiċi speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni, id-diffikultajiet partikolari tal-interpretazzjoni tiegħu u r-riskju ta’ diverġenzi fil-ġurisprudenza fi ħdan l-Unjoni.

51

Fir-rigward ta’ kawża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għaldaqstant, minn naħa, fejn il-kwistjoni tal-possibbiltà, għal qorti nazzjonali, li tillimita ratione temporis ċerti effetti ta’ dikjarazzjoni ta’ illegalità ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tkun ġiet adottata bi ksur tal-obbligi previsti mid-Direttiva 2001/42, b’mod partikolari dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 6(3) tagħha, ma tkunx ġiet suġġetta għal deċiżjoni oħra tal-Qorti tal-Ġustizzja wara s-sentenza tat-28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C-41/11, EU:C:2012:103) u, min-naħa l-oħra, fejn tali possibbiltà tkun ta’ natura eċċezzjonali, kif jirriżulta mir-risposta li ngħatat għat-tieni domanda, il-qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux iktar jiġu kkontestati b’rikors ġudizzjarju għandha tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja meta jkollha l-iċken dubju dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni.

52

B’mod partikolari, peress li l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa eċċezzjonali tista’ tippreġudika l-osservanza tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, l-imsemmija qorti nazzjonali ma tistax tinħeles mill-obbligu li tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sakemm ma tkunx konvinta li l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa eċċezzjonali ma jqajjem ebda dubju raġonevoli. Barra minn hekk, l-assenza ta’ tali dubju għandha tintwera fid-dettall.

53

Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li, fl-istat attwali tal-Unjoni, qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux iktar jiġu kkontestati b’rikors ġudizzjarju għandha, fil-prinċipju, tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex din tkun tista’ tevalwa jekk, eċċezzjonalment, dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali meqjusa kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni jistgħux provviżorjament jinżammu, fid-dawl ta’ kunsiderazzjoni imperattiva marbuta mal-protezzjoni tal-ambjent u b’kunsiderazzjoni għaċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża li tkun tressqet quddiem din il-qorti nazzjonali. L-imsemmija qorti nazzjonali ma tkunx obbligata tagħmel dan biss fil-każ li fih tkun konvinta, aspett li għandha turi fid-dettall, li ma hemm ebda dubju raġonevoli fir-rigward tal-interpretazzjoni u tal-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet li jirriżultaw mis-sentenza tat-28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C-41/11, EU:C:2012:103).

Fuq l-ispejjeż

54

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Qorti nazzjonali tista’, meta jippermettilha d-dritt nazzjonali, eċċezzjonalment u fuq bażi ta’ każ b’każ, tillimita ratione temporis ċerti effetti ta’ dikjarazzjoni ta’ illegalità ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tkun ġiet adottata bi ksur tal-obbligi previsti mid-Direttiva 2001/42 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ġunju 2001, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent, b’mod partikolari dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 6(3) tagħha, bil-kundizzjoni li tali limitazzjoni tkun dovuta għal kunsiderazzjoni imperattiva marbuta mal-protezzjoni tal-ambjent u b’kunsiderazzjoni għaċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża li tkun tressqet quddiemha. Madankollu, din is-setgħa eċċezzjonali tista’ tiġi eżerċitata biss meta l-kundizzjonijiet kollha li jirriżultaw mis-sentenza tat-28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C-41/11, EU:C:2012:103), ikunu ssodisfatti, jiġifieri:

li d-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali kkontestata tkun tikkostitwixxi miżura ta’ traspożizzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent;

li l-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ ta’ dispożizzjoni ġdida tad-dritt nazzjonali ma jkunux jippermettu li jiġu evitati l-effetti dannużi fuq l-ambjent li jirriżultaw mill-annullament tad-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali kkontestata;

li l-annullament ta’ din tal-aħħar ikollu bħala konsegwenza li joħloq lakuna ġuridika fir-rigward tat-traspożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent li tkun ta’ dannu ikbar għall-ambjent, fis-sens li dan l-annullament ikun jipprovdi inqas protezzjoni u għalhekk ikun imur preċiżament kontra l-għan fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, u

li ż-żamma eċċezzjonali tal-effetti tad-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali kkontestata tkun tkopri biss il-perijodu ta’ żmien strettament meħtieġ għall-adozzjoni tal-miżuri li jippermettu li tiġi rrimedjata l-irregolarità kkonstatata.

 

2)

Fl-istat attwali tal-Unjoni, qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux iktar jiġu kkontestati b’rikors ġudizzjarju għandha, fil-prinċipju, tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex din tkun tista’ tevalwa jekk, eċċezzjonalment, dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali meqjusa kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni jistgħux provviżorjament jinżammu, fid-dawl ta’ kunsiderazzjoni imperattiva marbuta mal-protezzjoni tal-ambjent u b’kunsiderazzjoni għaċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża li tkun tressqet quddiem din il-qorti nazzjonali. L-imsemmija qorti nazzjonali ma tkunx obbligata tagħmel dan biss meta tkun konvinta, aspett li għandha turi fid-dettall, li ma hemm ebda dubju raġonevoli fir-rigward tal-interpretazzjoni u tal-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet li jirriżultaw mis-sentenza tat-28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C‑41/11, EU:C:2012:103).

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Fuq