EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62015CJ0284

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tas-7 ta’ April 2016.
Office national de l'emploi (ONEm) vs M. u M. vs Office national de l’emploi (ONEm) u Caisse auxiliaire de paiement des allocations de chômage (CAPAC).
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour du travail de Bruxelles.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikoli 45 TFUE u 48 TFUE – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 15(2) – Regolament (KEE) Nru 1408/71 ‑ Artikolu 67(3) – Sigurtà soċjali – Allowance tal-qgħad intiża sabiex tissupplimenta d-dħul minn impjieg part-time – Għoti ta’ dan il-benefiċċju – Twettiq ta’ perijodi ta’ impjieg – Aggregazzjoni tal-perijodi ta’ assigurazzjoni jew ta’ impjieg – Teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ assigurazzjoni jew ta’ impjieg imwettqa taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor.
Kawża C-284/15.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2016:220

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

7 ta’ April 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikoli 45 TFUE u 48 TFUE — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikolu 15(2) — Regolament (KEE) Nru 1408/71 — Artikolu 67(3) — Sigurtà soċjali — Allowance tal-qgħad intiża sabiex tissupplimenta d-dħul minn impjieg part-time — Għoti ta’ dan il-benefiċċju — Twettiq ta’ perijodi ta’ impjieg — Aggregazzjoni tal-perijodi ta’ assigurazzjoni jew ta’ impjieg — Teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ assigurazzjoni jew ta’ impjieg imwettqa taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor”

Fil-Kawża C‑284/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour du travail de Bruxelles (qorti industrijali, il-Belġju) permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Mejju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Ġunju 2015, fil-proċedura

Office national de l’emploi (ONEm),

vs

M.

u

M.

vs

Office national de l’emploi (ONEm),

Caisse auxiliaire de paiement des allocations de chômage (CAPAC),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, S. Rodin (Relatur) u E. Regan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u L. Van den Broeck, bħala aġenti,

għall-Gvern Daniż, minn C. Thorning u S. Wolff, bħala aġenti,

għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn O. Segnana u A. Norberg, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin, bħala aġent,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 67(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fil-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 592/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008 (ĠU L 177, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”), kif ukoll il-validità ta’ din id-dispożizzjoni fid-dawl tal-Artikoli 45 TFUE, 48 TFUE u 15(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropew (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ żewġ kawżi magħquda quddiem il-qorti tar-rinviju bejn l-Office national de l’emploi (ONEm) (iktar ’il quddiem “ONEm”) u M. u bejn dan tal-aħħar, minn naħa, u l-ONEm u l-Caisse auxiliaire de paiement des allocations de chômage (CAPAC), min-naħa l-oħra, dwar il-ħlas tal-allowance tal-qgħad u tal-allowance ta’ garanzija ta’ dħul.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Ugwaljanza ta’ trattament”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Suġġetti għad-dispożizzjonijiet speċjali ta’ dan ir-Regolament, persuni li għalih japplika dan ir-Regolament jkunu suġġetti għall-istess obbligazzjonijiet u jgawdu l-istess benefiċċji taħt il-leġislazzjoni ta’ kwalunkwe Stat Membru bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat.”

4

L-Artikolu 67 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Aggregazzjoni ta’ perjodi ta’ assigurazzjoni jew ta’ impjieg” huwa redatt kif ġej:

“1.   L-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru li l-leġislazzjoni tiegħu tagħmel l-akkwist, ir-retenzjoni jew l-irkupru tad-dritt tal-benefiċċji suġġett għall-kompliment ta’ perjodi ta’ assigurazzjoni tieħu inkonsiderazzjoni, sa fejn meħtieġ, il-perjodi ta’ assigurazzjoni jew ta’ l-impjieg imwettqa bħala persuna impjegata taħt il-leġislazzjoni ta’ kwalunkwe Stat Membru ieħor, bħallikieku kienu perjodi ta’ assigurazzjoni mwettqa taħt il-leġislazzjoni li hija tamministra, basta, madanakollu, li l-perjodi ta’ l-impjieg jkunu ġew magħduda bħala perjodi ta’ assigurazzjoni li kieku ġew imwettqa taħt dik il-leġislazzjoni.

2.   L-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru li l-leġislazzjoni tiegħu twettaq akkwist, retenzjoni jew irkupru tad-dritt tal-benefiċċji suġġett għat-twettiq ta’ perjodi ta’ impjieg tieħu inkonsiderazzjoni, sa fejn meħtieġ, perjodi ta’ assigurazzjoni jew ta’ impjieg imwettqa bħala persuna impjegata taħt il-leġislazzjoni ta’ kwalunkwe Stat Membru ieħor, bħallikieku dawn kienu perjodi ta’ l-impjieg imwettqa taħt il-leġislazzjoni li hija tamministra.

3.   Għajr għall-każijiet li għalihom hemm riferenza fl-Artikolu 71(1)(a)(ii) u (b)(ii), l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 u 2 tkun suġġetta għall-kondizzjoni li l-persuna kkonċernata tkun wettqet l-aħħar:

fil-każ tal-paragrafu 1, perjodi ta’ assigurazzjoni,

fil-każ tal-paragrafu 2, perijodi ta’ impjieg,

skond id-dispożizzjonijiet tal-leġislazzjoni taħt liema l-benefiċċji ġew mitluba.

4.   fejn it-tul tal-perjodu li matulu l-benefiċċji jistgħu jingħataw jiddependi fuq it-tul ta’ perjodi ta’ assigurazzjoni jew ta’ impjieg, id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 u 2 japplikaw, kif suppost.”

Id-dritt Belġjan

5

L-Artikolu 29(2) tad-digriet irjali tal-25 ta’ Novembru 1991 dwar il-leġiżlazzjoni fuq il-qgħad (Arrêté royal du 25 novembre 1991 portant réglementation du chômage, Moniteur belge tal-31 ta’ Diċembru 1991, p. 29888), fil-verżjoni tiegħu applikabbli fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“digriet irjali tal-25 ta’ Novembru 1991”), huwa redatt kif ġej:

“Ħaddiem li daħal f’arranġament ta’ xogħol li ma jikkorrispondix għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 28(1) jew (3) u fejn it-tul tax-xogħol ta’ kull ġimgħa huwa konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11a(4) et seq tal-liġi tat-3 ta’ Lulju 1978 dwar il-kuntratti tax-xogħol għandu jitqies mill-bidu tax-xogħol part-time tiegħu li huwa ħaddiem part-time biż-żamma tad-drittijiet, jekk:

a)

ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet kollha għall-ammissibbiltà u għall-għoti biex jibbenefika mill-allowances bħala ħaddiem full-time fil-mument meta jidħol fl-arranġament ta’ xogħol part-time [...]

[...]”

6

Id-dritt Belġjan jissuġġetta l-għoti tal-allowances tal-qgħad bħala ħaddiem full-time għal ċerti kundizzjonijiet, fosthom, fl-Artikolu 30 tad-digriet irjali tal-25 ta’ Novembru 1991, it-twettiq ta’ ċertu numru ta’ ġranet ta’ xogħol matul perijodu ta’ referenza preċedenti għat-talba għall-allowances.

7

L-Artikolu 37(2) tad-digriet irjali tal-25 ta’ Novembru 1991 jipprovdi:

“Ix-xogħol imwettaq barra mill-pajjiż jittieħed inkunsiderazzjoni jekk ikun sar fil-kuntest ta’ impjieg li jagħti lok, fil-Belġju, għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, inklużi dawk għas-settur tal-qgħad.

L-ewwel subparagrafu japplika biss madankollu jekk il-ħaddiem, wara x-xogħol li wettaq barra mill-pajjiż, ikun wettaq perijodi ta’ xogħol bħala persuna impjegata skont il-leġiżlazzjoni Belġjana.”

8

Skont l-Artikolu 131(a)(1) tad-digriet irjali tal-25 ta’ Novembru 1991, il-ħaddiem part-time biż-żamma tad-drittijiet, matul il-perijodu tax-xogħol part-time tiegħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, jista’ jibbenefika minn allowance speċifika msejħa “allowance ta’ garanzija ta’ dħul”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9

M., mużiċist ta’ nazzjonalità Ċeka, kien impjegat sas-27 ta’ April 2008, fir-Repubblika Ċeka, abbażi ta’ kuntratt ta’ xogħol full-time. Wara li ttrasferixxa ruħu fil-Belġju, huwa rreġistra ruħu bħala persuna li qed tfittex xogħol f’dan l-Istat Membru tal-aħħar fl-10 ta’ Mejju 2008.

10

Fis-27 ta’ Mejju 2008, M. applika għall-allowances tal-qgħad mit-13 ta’ Mejju 2008, iżda l-ebda azzjoni ma ttieħdet fuq din l-applikazzjoni.

11

Fid-9 ta’ Settembru 2008, wara li ġie rreklutat abbażi ta’ kuntratt ta’ xogħol part-time, għal 2.5 sigħat fil-ġimgħa, bħala għalliem tal-vjolin u tal-kitarra, M. applika għall-allowance ta’ garanzija ta’ dħul, għas-sigħat ta’ inattività tiegħu, mit-8 ta’ Settembru 2008.

12

L-għada tat-tmiem tal-kuntratt part-time tiegħu, jiġifieri fl-24 ta’ Ġunju 2009, M. ressaq, fl-assenza ta’ kull attività professjonali, applikazzjoni għall-allowances tal-qgħad għall-perijodu minn dik id-data ’il quddiem. Sussegwentement, wara li għal darba oħra ġie rreklutat part-time, huwa ressaq, fit-22 ta’ Ottubru 2009, it-tieni talba għall-allowances ta’ garanzija ta’ dħul għall-perijodu li beda fis-7 ta’ Settembru 2009.

13

L’ONEm iddeċidiet dwar id-diversi applikazzjonijiet ta’ M. kif ġej:

l-applikazzjoni għall-allowances ta’ garanzija ta’ dħul għall-perijodu li beda fit-8 ta’ Settembru 2008 ġiet miċħuda darbtejn, fit-3 u fit-22 ta’ Lulju 2009, għar-raġuni li, peress illi ma ġiex segwit minn xogħol imwettaq fil-Belġju, ix-xogħol imwettaq fir-Repubblika Ċeka ma setax jittieħed inkunsiderazzjoni;

l-applikazzjoni għall-allowances tal-qgħad għall-perijodu li beda fl-24 ta’ Ġunju 2009 ġiet miċħuda fis-26 ta’ Awwissu 2009, għar-raġuni li l-għoti tal-allowances tal-qgħad lil ħaddiem part-time li waqaf minn kull attività kien jeħtieġ li n-numru ta’ sigħat fil-ġimgħa maħduma fl-impjiegi okkupati preċedentement kellu jkun ta’ 12 il-siegħa jew iktar;

l-applikazzjoni għal allowances ta’ garanzija ta’ dħul għall-perijodu li beda fis-7 ta’ Settembru 2009 ġiet miċħuda.

14

M. ikkontesta d-deċiżjonijiet kollha tal-ONEm quddiem it-Tribunal du travail de Bruxelles (tribunal industrijali ta’ Brussell). Dan tal-aħħar, permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Settembru 2012, iddikjara r-rikors ta’ M. parzjalment fondat.

15

L-ONEm u M. appellaw minn din id-deċiżjoni fis-16 u fit-18 ta’ Ottubru 2012 quddiem il-Cour du travail de Bruxelles (qorti industrijali ta’ Brussell).

16

Permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Diċembru 2014, dik il-qorti kkonfermat li M. kien intitolat għall-allowances tal-qgħad, fl-assenza ta’ kull attività, għall-perijodu bejn l-24 ta’ Ġunju u s-6 ta’ Settembru 2009, u sussegwentement għall-allowance ta’ garanzija ta’ dħul mis-7 ta’ Settembru 2009 ’il quddiem. Rigward il-kumplament, fir-rigward tal-għoti tal-allowances tal-qgħad mit-8 ta’ Settembru 2008, l-imsemmija qorti ordnat il-ftuħ mill-ġdid tad-dibattitu bil-għan li tippermetti lill-partijiet fil-kawża prinċipali jissottomettulha l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 67(3) tar-Regolament Nru 1408/71. Saret seduta għal dan il-għan fid-29 ta’ April 2015.

17

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-uniku punt inkwistjoni pendenti quddiemha huwa l-kwistjoni jekk M. setax ikun eliġibbli għall-allowances tal-qgħad bħala ħaddiem full-time fit-8 ta’ Settembru 2008.

18

F’dan ir-rigward, hija tosserva li l-allowance ta’ garanzija ta’ dħul tingħata biss lill-ħaddiema part-time biż-żamma tad-drittijiet. Sabiex jiġġustifika tali status, ħaddiem bħal M. għandu jkun f’pożizzjoni li juri li, fid-data tal-bidu tal-attività part-time tiegħu, huwa seta’ jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha għall-għoti tal-allowances tal-qgħad bħala ħaddiem full-time.

19

Il-qorti tar-rinviju tqis li jidher, minn naħa, li M. ma kienx jissodisfa dawk il-kundizzjonijiet għaliex ix-xogħol imwettaq fir-Repubblika Ċeka ma setax jittieħed inkunsiderazzjoni u li, min-naħa l-oħra, huwa kien għadu ma wettaqx perijodi ta’ xogħol bħala impjegat skont il-leġiżlazzjoni Belġjana fit-8 ta’ Settembru 2008.

20

Madankollu, dik il-qorti tesprimi dubji dwar il-validità tal-Artikolu 67(3) tar-Regolament Nru 1408/71 għar-raġuni li jista’ jitqies li jipprekludi, mingħajr ġustifikazzjoni, il-moviment liberu taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn li għandhom l-intenzjoni li jwettqu xogħol part-time fil-Belġju.

21

Hija tosserva, f’dan ir-rigward, li l-kawża preżenti tidher li hija differenti mill-kawża li wasslet għas-sentenza van Noorden (C‑272/90, EU:C:1991:219), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 67(3) tal-imsemmi regolament ma kienx jipprekludi li Stat Membru jirrifjuta li jagħti allowances tal-qgħad lil ħaddiem meta dan il-ħaddiem ma jkunx wettaq, fl-aħħar nett, perijodi ta’ assigurazzjoni jew ta’ impjieg f’dan l-Istat Membru, peress li, f’dik il-kawża, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma weriex l-intenzjoni tiegħu li jkollu impjieg part-time.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour du travail de Bruxelles (qorti industrijali ta’ Brussell) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 67(3) tar-Regolament Nru 1408/71, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jirrifjuta t-total tal-perijodi ta’ impjieg neċessarju għall-ammissibbiltà għall-benefiċċju ta’ allowance tal-qgħad intiż sabiex jikkompleta d-dħul ta’ impjieg part-time, meta l-okkupazzjoni f’dan l-impjieg ma kienet ippreċeduta minn ebda perijodu ta’ assigurazzjoni jew ta’ impjieg f’dan l-Istat Membru?

2)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, l-Artikolu 67(3) tar-Regolament Nru 1408/71, huwa kompatibbli, b’mod partikolari:

mal-Artikolu 48 TFUE, sa fejn il-kundizzjoni li dan l-Artikolu 67(3) jissuġġetta t-total tal-perijodi ta’ impjieg għaliha hija tali li tirrestrinġi l-moviment liberu tal-ħaddiema u l-aċċess tagħhom għal ċerti impjiegi part-time,

mal-Artikolu 45 TFUE, li ‘jimplika l-abolizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza bejn il-ħaddiema ta’ l-Istati Membri dwar l-impjieg, il-paga u l-kondizzjonijiet l-oħra tax-xogħol’ u jipprevedi d-dritt għall-ħaddiema ’li jaċċetta offerti ta’ impjieg li jkunu saru’ (inklużi impjiegi part-time) fl-Istati Membri l-oħra, ’li jispostja ruħu liberament għal dan l-għan fit-territorju ta’ l-Istati Membri’ u li jirrisjedi fih ‘sabiex jaħdem f’impjieg skond il-liġijiet, regolamenti u regoli amministrattivi li jirregolaw l-impjieg tal-ħaddiema ta’ dak l-Istat’,

mal-Artikolu 15(2) tal-[Karta] li jippreċiża li ‘[k]ull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu l-libertà li jfittex impjieg, li jaħdem [...] f’kull Stat Membru’?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

23

Għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-applikant għall-allowance tal-qgħad intiża sabiex tissupplimenta d-dħul minn impjieg part-time, jiġifieri l-allowance ta’ garanzija ta’ dħul prevista mid-dritt Belġjan, għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-allowances tal-qgħad bħala ħaddiem full-time.

24

Min-naħa l-oħra, jirriżulta mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Belġjan li l-allowance ta’ garanzija ta’ dħul ġiet stabbilita sabiex tevita li persuni li huma eliġibbli għall-allowances tal-qgħad bħala ħaddiema full-time jkunu dissważi milli jaċċettaw impjieg part-time minħabba l-fatt li l-ammont ta’ dawn l-allowances huwa ogħla mis-salarju mħallas għal dan l-impjieg.

25

Għalhekk, ġaladarba persuna li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċji tal-qgħad lanqas ma tista’ tibbenefika mill-allowance ta’ garanzija ta’ dħul, għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 67(3) tar-Regolament Nru 1408/71, li huwa applikabbli ratione temporis għall-fatti tal-kawża prinċipali, jipprekludix li, meta l-ebda perijodu ta’ impjieg jew ta’ assigurazzjoni ma jkun twettaq fl-Istat Membru li fih titressaq applikazzjoni għall-allowances tal-qgħad, ma jiġux aggregati l-perijodi ta’ impjieg li t-twettiq tagħhom hija kundizzjoni għall-għoti ta’ dawn il-benefiċċji.

26

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, persuna li qed tfittex impjieg li qatt ma kienet suġġetta għal-leġiżlazzjoni soċjali tal-Istat Membru li fih qed titlob li tibbenefika minn benefiċċji tal-qgħad u għalhekk ma wettqitx, fl-aħħar nett, perijodi ta’ assigurazzjoni jew ta’ impjieg skont id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat Membru, ma tistax tirċievi benefiċċji tal-qgħad taħt l-Artikolu 67 tal-imsemmi regolament (ara s-sentenzi van Noorden, C‑272/90, EU:C:1991:219, punt 10; Martínez Losada et, C‑88/95, C‑102/95 u C‑103/95, EU:C:1997:69, punt 36, kif ukoll id-digriet Verwayen-Boelen, C‑175/00, EU:C:2002:133, punt 26).

27

Barra minn hekk, l-argument tal-Kummissjoni Ewropea li għandu jiġi vverifikat, fil-kuntest tal-kawża preżenti, jekk id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Belġjana dwar l-allowance ta’ garanzija ta’ dħul jistgħux iwasslu għal diskriminazzjoni indiretta, ipprojbita mill-Artikolu 3(1) tal-istess regolament, ma jistax jiġi aċċettat.

28

Fil-fatt, barra minn hekk, għandu jitfakkar li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, fil-kuntest tar-Regolament Nru 1408/71, it-teħid inkunsiderazzjoni minn Stat Membru tal-perijodi ta’ assigurazzjoni jew ta’ impjieg imwettqa mill-persuna kkonċernata skont id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor għall-finijiet tal-għoti ta’ benefiċċju tal-qgħad huwa rregolat biss mill-Artikolu 67 ta’ dan ir-regolament (ara s-sentenza Martínez Losada et, C‑88/95, C‑102/95 u C‑103/95, EU:C:1997:69, punt 27, kif ukoll id-digriet Verwayen-Boelen, C‑175/00, EU:C:2002:133, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, l-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament ma huwiex applikabbli fil-każijiet fejn l-istess regolament jinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi bħall-Artikolu 67 tiegħu, li jirregola d-dritt ta’ persuna qiegħda għall-benefiċċji tal-qgħad (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Adanez-Vega, C‑372/02, EU:C:2004:705, punt 57).

29

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti li l-Artikolu 67(3) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li Stat Membru jirrifjuta l-aggregazzjoni tal-perijodi ta’ impjieg neċessarja għall-ammissibbiltà għall-benefiċċju ta’ allowance tal-qgħad intiża sabiex tissupplimenta d-dħul minn impjieg part-time, meta l-okkupazzjoni f’dan l-impjieg ma kienet ippreċeduta minn ebda perijodu ta’ assigurazzjoni jew ta’ impjieg f’dan l-Istat Membru.

Fuq it-tieni domanda

30

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 67(3) tar-Regolament Nru 1408/71 huwiex validu fid-dawl tal-Artikoli 45 TFUE u 48 TFUE, kif ukoll tal-Artikolu 15(2) tal-Karta.

31

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 48 TFUE ma jipprojbixxix lil-leġiżlatur tal-Unjoni milli jimponi kundizzjonijiet flimkien mal-faċilitajiet li huwa jagħti sabiex jiġi żgurat il-moviment liberu tal-ħaddiema ggarantit mill-Artikolu 45 TFUE jew milli jistabbilixxi l-limiti tagħhom u, fit-tieni lok, li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea eżerċita b’mod xieraq is-setgħa diskrezzjonali tiegħu meta stabbilixxa kundizzjonijiet, b’mod partikolari fl-Artikolu 67(3) tar-Regolament Nru 1408/71, li għandhom l-għan li jippromwovu t-tfittxija tax-xogħol fl-Istat Membru fejn persuna tkun ħallset kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni tal-qgħad u li jiżguraw li dan l-Istat iġorr il-piż tal-benefiċċji tal-qgħad (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Gray, C‑62/91, EU:C:1992:177, punti 11 u 12).

32

Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li mill-eżami tat-tieni domanda ma rriżulta l-ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tal-Artikolu 67(3) tal-imsemmi regolament fid-dawl tal-Artikoli 45 TFUE u 48 TFUE.

33

Fir-rigward tal-konformità tal-Artikolu 67(3) tal-istess regolament mal-Artikolu 15(2) tal-Karta, għandu jitfakkar li l-Artikolu 52(2) tal-Karta jipprovdi li d-drittijiet rikonoxxuti minn din tal-aħħar li huma s-suġġett ta’ dispożizzjonijiet fit-Trattati għandhom jiġu eżerċitati skont il-kundizzjonijiet u l-limiti ddefiniti minnhom. Dan huwa l-każ tal-Artikolu 15(2) tal-Karta li jinkorpora, b’mod partikolari, kif ikkonfermat mill-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17) relatati ma’ din id-dispożizzjoni, il-moviment liberu tal-ħaddiema ggarantit mill-Artikolu 45 TFUE (ara s-sentenza Gardella, C‑233/12, EU:C:2013:449, punt 39).

34

Minn dan isegwi, peress li l-Artikolu 67(3) tar-Regolament Nru 1408/71 huwa konformi mal-Artikoli 45 TFUE u 48 TFUE, huwa wkoll konformi mal-Artikolu 15(2) tal-Karta.

35

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li mill-eżami tat-tieni domanda magħmula ma rriżulta l-ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tal-Artikolu 67(3) tar-Regolament Nru 1408/71.

Fuq l-ispejjeż

36

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 67(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fil-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 592/2008 tal-Parlament u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li Stat Membru jirrifjuta l-aggregazzjoni tal-perijodi ta’ impjieg neċessarja għall-ammissibbiltà għall-benefiċċju ta’ allowance tal-qgħad intiża sabiex tissupplimenta d-dħul minn impjieg part-time, meta l-okkupazzjoni f’dan l-impjieg ma kienet ippreċeduta minn ebda perijodu ta’ assigurazzjoni jew ta’ impjieg f’dan l-Istat Membru.

 

2)

Mill-eżami tat-tieni domanda magħmula ma rriżulta l-ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tal-Artikolu 67(3) tar-Regolament Nru 1408/71, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament Nru 118/97, kif emendat bir-Regolament Nru 592/2008.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Fuq