Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62014CJ0239

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tas-17 ta’ Diċembru 2015.
Abdoulaye Amadou Tall vs Centre public d’action sociale de Huy.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal du travail de Liège.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Direttiva 2005/85/KE – Standards minimi għall-proċeduri għall-għoti u għall-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat fl-Istati Membri – Artikolu 39 – Dritt għal rimedju effettiv – Applikazzjonijiet multipli għall-ażil – Effett mhux sospensiv tar-rimedju eżerċitat kontra deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti li ma tkomplix bl-eżami ta’ applikazzjoni sussegwenti għall-ażil – Protezzjoni soċjali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 19(2) – Artikolu 47.
Kawża C-239/14.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2015:824

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

17 ta’ Diċembru 2015 ( * )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Direttiva 2005/85/KE — Standards minimi għall-proċeduri għall-għoti u għall-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat fl-Istati Membri — Artikolu 39 — Dritt għal rimedju effettiv — Applikazzjonijiet multipli għall-ażil — Effett mhux sospensiv tar-rimedju eżerċitat kontra deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti li ma tkomplix bl-eżami ta’ applikazzjoni sussegwenti għall-ażil — Protezzjoni soċjali — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikolu 19(2) — Artikolu 47”

Fil-Kawża C‑239/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal du travail de Liège (tribunal industrijali ta’ Liège, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Mejju 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Mejju 2014, fil-proċedura

Abdoulaye Amadou Tall

vs

Centre public d’action sociale de Huy,

fil-preżenza ta’:

Agence fédérale pour l’accueil des demandeurs d’asile (Fedasil),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen (Relatur), President tat-Tielet Awla, li qed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, J. Malenovský, M. Safjan, A. Prechal u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Mejju 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal A. A. Tall, minn D. Andrien, avukat,

għas-Centre public d’action sociale de Huy, minn S. Pierre u A. Fischer, avukati,

għall-Agence fédérale pour l’accueil des demandeurs d’asile (Fedasil), minn A. Detheux, avukat,

għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs, C. Pochet u S. Vanrie, bħala aġenti,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Fehér u G. Koós, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑3 ta’ Settembru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 39 tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE, tal-1 ta’ Diċembru 2005, dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat (ĠU L 175 M, 29.6.2006, p. 168), kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn A. A. Tall u s-Centre public d’action sociale de Huy (iktar ’il quddiem is-“CPAS”), dwar id-deċiżjoni ta’ rtirar tal-għajnuna soċjali li dan l-organu ħa fil-konfront tiegħu.

Il-kuntest ġuridiku

Il-KEDB

3

L-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), intitolat “Il-projbizzjoni tat-tortura”, jipprovdi:

“Ħadd ma għandu jkun assoġġettat għal tortura jew għal trattament jew piena inumana jew degradanti.”

4

L-Artikolu 13 tal-KEDB, intitolat “Id-dritt għal rimedju effettiv”, huwa fformulat kif ġej:

“Kull min ikollu miksura d-drittijiet u l-libertajiet tiegħu kontemplati f’din il-Konvenzjoni għandu jkollu rimedju effettiv quddiem awtorità nazzjonali għalkemm dak il-ksur ikun sar minn persuni li jkunu qed jaġixxu f’kariga uffiċjali.”

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2005/85

5

Il-premessa 8 tad-Direttiva 2005/85 hija fformulata kif ġej:

“Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-[Karta].”

6

Il-premessa 15 ta’ din id-direttiva hija fformulata kif ġej:

7

Skont il-premessa 27 tal-imsemmija direttiva:

8

L-Artikolu 7 ta’ din l-istess direttiva, intitolat “Id-dritt ta’ l-applikant li jibqa’ fl-Istat Membru matul iż-żmien li fih tiġi eżaminata l-applikazzjoni”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-applikanti għandhom jitħallew jibqgħu fl-Istat Membru, għall-fini tal-proċedura biss, sa meta l-awtorità determinanti tkun ħadet id-deċiżjoni skond il-proċeduri fl-istadju ta’ prim’istanza stabbiliti fil-Kapitolu III. Dan id-dritt ta’ l-applikant li jibqa’ fl-Istat Membru ma jikkostitwixxix jedd għal permess ta’ residenza.

2.   L-Istati Membri jistgħu jagħmlu eċċezzjoni biss fejn, skond l-Artikoli 32 u 34, ma tkunx sejra tiġi eżaminata aktar xi applikazzjoni sussegwenti jew fejn dawn iċedu jew jestradixxu, skond il-każ, persuna lejn Stat Membru ieħor konformament ma’ obbligi taħt il-Mandat ta’ Arrest Ewropew [...] jew diversament, jew lejn pajjiż terz, jew lejn qrati jew tribunali kriminali internazzjonali.”

9

L-Artikolu 24 tad-Direttiva 2005/85, intitolat “Proċeduri speċifiċi”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għall-proċeduri speċifiċi li ġejjin, li jidderogaw mill-prinċipji u l-garanziji bażiċi tal-Kapitolu II:

(a)

eżami preliminari bl-iskop tal-proċessar ta’ każijiet li jkunu kunsidrati li jaqgħu fil-qafas stabbilit fit-Taqsima IV;

[...]”

10

L-Artikolu 32 ta’ din id-direttiva, intitolat “Applikazzjoni sussegwenti”, jipprovdi dan li ġej:

“[...]

2.   Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu japplikaw proċedura speċifika msemmija fil-paragrafu 3, fejn persuna tagħmel applikazzjoni sussegwenti għall-ażil:

[...]

(b)

wara li ġiet meħuda deċiżjoni dwar l-applikazzjoni preċedenti. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu wkoll li japplikaw din il-proċedura biss wara li tkun ġiet meħuda deċiżjoni finali.

3.   Applikazzjoni sussegwenti għall-ażil għandha tkun suġġetta l-ewwel għal eżami preliminari dwar jekk, wara li l-applikazzjoni preċedenti tkun ġiet irtirata jew wara li tkun intlaħqet id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 2(b) ta’ dan l-Artikolu dwar din l-applikazzjoni, tfaċċawx jew ġewx preżentati mill-applikant elementi jew konklużjonijiet ġodda relatati ma’ l-eżami jekk huwa jikkwalifikax jew le bħala rifuġjat taħt id-Direttiva [tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96)].

4.   Jekk, wara l-eżami preliminari msemmi fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, jitfaċċaw jew jiġu preżentati mill-applikant elementi jew konklużjonijiet ġodda li jżidu sostanzjalment il-probabbiltà li l-applikant jikkwalifika bħala rifuġjat taħt id-Direttiva 2004/83/KE, l-applikazzjoni għandha tiġi eżaminata ulterjorment skond il-Kapitolu II.

5.   L-Istati Membri jistgħu, konformement mal-liġi nazzjonali, jeżaminaw ulterjorament applikazzjoni sussegwenti fejn ikun hemm raġunijiet oħra li jindikaw li għandha tiġi istitwita mill-ġdid xi proċedura.

6.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jeżaminaw ulterjorament l-applikazzjoni biss jekk l-applikant konċernat kien, mingħajr ħtija tiegħu, inkapaċi li jiddikjara s-sitwazzjonijiet previsti fil-paragrafi 3, 4 u 5 ta’ dan l-Artikolu fil-proċedura preċedenti, partikolarment billi jeżerċita d-dritt tiegħu għal rimedju effettiv skond l-Artikolu 39.

[...]”

11

L-Artikolu 34 tad-Direttiva 2005/85, intitolat “Regoli proċedurali”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu regoli fil-liġi nazzjonali dwar l-eżami preliminari skond l-Artikolu 32. [...]

[...]

Il-kondizzjonijiet ma għandhomx, fir-rigward ta’ l-applikanti għall-ażil, jagħmlu impossibbli l-aċċess għal proċedura ġdida u ma għandhomx jirriżultaw fit-tneħħija effettiva jew f’limitazzjoni serja ta’ dan l-aċċess.”

12

L-Artikolu 39 ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-dritt għal rimedju effettiv”, jispeċifika:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti għall-ażil ikollhom id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal, kontra dawn li ġejjin:

[...]

(ċ)

deċiżjoni li ma jitkompliex l-eżami ta’ l-applikazzjoni sussegwenti skond l-Artikoli 32 u 34;

[...]

2.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu termini ta’ żmien u regoli meħtieġa oħra għall-applikant sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu għal rimedju effettiv skond il-paragrafu 1.

3.   L-Istati Membri għandhom, fejn ikun il-każ, jistabbilixxu regoli konformement ma’ l-obbligi internazzjonali tagħhom relatati ma’ dawn li ġejjin:

a)

il-kwistjoni jekk ir-rimedju skond il-paragrafu 1 għandux ikollu l-effett li l-applikanti jkunu permessi jibqgħu fl-Istat Membru konċernat sa l-eżitu tiegħu;

b)

il-possibbiltà ta’ rimedju legali jew ta’ miżuri protettivi fejn ir-rimedju skond il-paragrafu 1 ma jkollux l-effett li l-applikanti jkunu permessi jibqgħu fl-Istat Membru konċernat sa l-eżitu tiegħu. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu wkoll għal rimedju ex officio [...]

[...]”

Id-Direttiva 2008/115/KE

13

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, p. 98), intitolat “Deċiżjoni ta’ ritorn”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment fit-territorju tagħhom, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 sa 5.”

14

L-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   Iċ-ċittadin konċernat ta’ pajjiż terz għandu jingħata dritt għal rimedju effettiv li jappella kontra jew li jitlob reviżjoni tad-deċiżjonijiet relatati mar-ritorn, kif imsemmi fl-Artikolu 12(1) quddiem awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva kompetenti jew korp kompetenti magħmul minn membri imparzjali u li jgawdu minn salvagwardji ta’ indipendenza.

2.   L-awtorità jew il-korp imsemmijin fil-paragrafu 1 hawn fuq għandhom ikollhom is-setgħa li jirrivedu deċiżjonijiet relatati mar-ritorn, kif imsemmi fl-Artikolu 12(1), inkluża l-possibbiltà li jiġi sospiż temporanjament l-infurzar tagħhom, dment li ma tkunx diġà applikabbli sospensjoni temporanja taħt il-leġislazzjoni nazzjonali.

[...]”

Id-dritt Belġjan

15

L-Artikolu 4 tal-Liġi tat-12 ta’ Jannar 2007 dwar l-akkoljenza tal-applikanti għall-ażil u ta’ ċerti kategoriji oħra ta’ barranin (loi du 12 janvier 2007 sur l’accueil des demandeurs d’asile et de certaines autres catégories d’étrangers, Moniteur belge tas-7 ta’ Mejju 2007, p. 24027), fil-verżjoni applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, jipprovdi:

“L-Aġenzija tista’ tiddeċiedi li l-applikant għall-ażil li jippreżenta t-tieni applikazzjoni għall-ażil ma jistax jinvoka l-Artikolu 6(1) ta’ din il-Liġi matul l-eżaminazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu, sakemm il-fajl ma jkunx ġie ttrasferit mill-Uffiċċju tal-Barranin lill-Kummissarjat ġenerali tar-refuġjati u tal-persuni mingħajr Stat [(Commissariat général aux réfugiés et aux apatrides)] [...] u jkun hemm deċiżjoni mmotivata individwalment [...]”

16

L-Artikolu 6(2) tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“Bla ħsara għall-Artikoli 4, 4/1 u 35/2 ta’ din il-Liġi, għandha tingħata għajnuna materjali lil applikant għall-ażil minn meta l-applikazzjoni tiegħu tiġi ppreżentata u jkollha effett matul il-proċedura.

Fil-każ li fi tmiem il-proċedura tal-ażil tittieħed deċiżjoni negattiva, l-għajnuna materjali għandha tintemm mal-iskadenza tat-terminu li fih għandha tiġi eżegwita l-ordni għat-tluq mit-territorju nazzjonali nnotifikata lill-applikant għall-ażil. [...]

[...]”

17

L-Artikolu 57(2) tal-Liġi Bażika tat-8 ta’ Lulju 1976 dwar iċ-ċentri pubbliċi ta’ assistenza soċjali (loi du 8 juillet 1976 organique des centres publics d’action sociale), fil-verżjoni applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, jipprovdi:

“[...]

Persuna barranija li tkun iddikjarat li hija refuġjat u li tkun applikat sabiex tiġi rrikonoxxuta bħala tali tkun tinsab illegalment fir-Renju meta l-applikazzjoni tagħha għall-ażil tkun ġiet miċħuda u meta ordni ta’ tluq mit-territorju tkun ġiet innotifikata lill-persuna barranija kkonċernata.

Ħlief għall-għajnuna medika ta’ emerġenza, l-għajnuna soċjali mogħtija lil persuna barranija li effettivament kienet tibbenefika minnha meta tkun innotifikata b’ordni ta’ tluq mit-territorju għandha tintemm fil-jum li fih il-persuna barranija effettivament titlaq mit-territorju u, mhux iktar tard, mill-jum li fih jiskadi t-terminu stabbilit fl-ordni għat-tluq mit-territorju.

[...]”

18

Skont l-Artikolu 39/1, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 39/2(1), l-Artikolu 39/76, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 39/82(4) u l-Artikolu 57/6/2 tal-Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 dwar id-dħul fit-territorju, ir-residenza, l-istabbiliment u t-tkeċċija tal-barranin (loi du 15 décembre 1980 sur l’accès au territoire, le séjour, l’établissement et l’éloignement des étrangers, Moniteur belge tal-31 ta’ Diċembru 1980, p. 14584, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980”), fil-verżjoni fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, kontra r-rifjut li tittieħed inkunsiderazzjoni applikazzjoni sussegwenti għall-ażil jistgħu jiġu ppreżentati biss rikors għal annullament u rikors għal sospensjoni ta’ urġenza estrema.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

19

A. A. Tall, ċittadin Senegaliż, ippreżenta applikazzjoni inizjali għall-ażil fil-Belġju, li ċ-ċaħda tagħha ġiet ikkonfermata permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill tal-kawżi dwar persuni barranin (Conseil du contentieux des étrangers) fit-12 ta’ Novembru 2013.

20

Huwa ppreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Kunsill tal-Istat (Conseil d’État) li, permezz ta’ sentenza tal-10 ta’ Jannar 2014, iddikjara dan ir-rikors inammissibbli.

21

Fis-16 ta’ Jannar 2014, A. A. Tall ippreżenta applikazzjoni oħra għall-ażil fejn invoka elementi li ppreżenta bħala elementi ġodda.

22

Permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Jannar 2014, il-Kummissarjat ġenerali tar-refuġjati u tal-persuni mingħajr Stat (Commissariat général aux réfugiés et aux apatrides) irrifjuta li jieħu inkunsiderazzjoni din it-tieni applikazzjoni għall-ażil.

23

Permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Jannar 2014, is-CPAS irtira, b’effett mill-10 ta’ Jannar 2014, l-għajnuna soċjali li kien jibbenefika minnha A. A. Tall, għar-raġuni li, minħabba t-tieni applikazzjoni għall-ażil ippreżentata minn dan tal-aħħar, dan l-organu “ma [kienx baqa’] kompetenti fil-qasam tal-għajnuna soċjali ekwivalenti għad-dħul ta’ integrazzjoni ħlief fir-rigward tal-għajnuna medika”.

24

Fl-10 ta’ Frar 2014, A. A. Tall saritlu n-notifika ta’ ordni ta’ tluq mit-territorju.

25

Fid-19 ta’ Frar 2014, huwa ppreżenta rikors quddiem il-Kunsill tal-kawżi dwar persuni barranin (Conseil du contentieux des étrangers) kontra d-deċiżjoni ta’ rifjut li tittieħed inkunsiderazzjoni t-tieni applikazzjoni għall-ażil tiegħu.

26

Fl-istess ħin, fis-27 ta’ Frar 2014, A. A. Tall ippreżenta, quddiem il-qorti tar-rinviju, rikors kontra d-deċiżjoni tas-CPAS li permezz tagħha ġiet irtirata l-għajnuna soċjali.

27

Il-qorti tar-rinviju ddikjarat ammissibbli u fondat dan ir-rikors sa fejn kien jikkonċerna l-perijodu bejn l-10 ta’ Jannar 2014 u s-17 ta’ Frar 2014, għar-raġuni li, skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti, id-deċiżjoni tal-irtirar tal-għajnuna soċjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma setgħetx tidħol fis-seħħ qabel id-data tal-iskadenza tat-terminu għal tluq volontarju previst fl-ordni ta’ tluq mit-territorju, jiġifieri t-18 ta’ Frar 2014.

28

Fir-rigward tal-għajnuna soċjali li għaliha A. A. Tall sostna li kellu jibqa’ jkun intitolat mit-18 ta’ Frar 2014, il-qorti tar-rinviju qieset li huwa ma kellux, taħt id-dritt nazzjonali, il-possibbiltà li jippreżenta rikors ta’ ġurisdizzjoni sħiħa u b’effett sospensiv kontra d-deċiżjoni li tirrifjuta li tittieħed inkunsiderazzjoni t-tieni applikazzjoni għall-ażil tiegħu. Fil-fatt, skont il-qorti tar-rinviju, l-uniċi rimedji previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ kontra deċiżjoni ta’ rifjut li tittieħed inkunsiderazzjoni applikazzjoni sussegwenti għall-ażil huma r-rikors għal annullament u r-rikors għal sospensjoni “ta’ urġenza estrema”, li, peress li ma humiex sospensivi, iċaħħdu lill-persuna kkonċernata mid-dritt għal residenza u mid-dritt għal għajnuna soċjali.

29

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal du travail de Liège (tribunal industrijali ta’ Liège) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

Fuq id-domanda preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

30

Is-CPAS, il-Fedasil, il-Gvern Belġjan kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea jsostnu li d-domanda preliminari hija inammissibbli. Fil-fatt, huma jsostnu li d-dħul fis-seħħ, fil-31 ta’ Mejju 2014, jiġifieri wara li din it-talba għal deċiżjoni preliminari waslet għand il-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Liġi tal-10 ta’ April 2014 dwar dispożizzjonijiet varji li jikkonċernaw il-proċedura quddiem il-Kunsill tal-kawżi dwar persuni barranin u quddiem il-Kunsill tal-Istat (loi du 10 avril 2014 portant dispositions diverses concernant la procédure devant le conseil du contentieux des étrangers et devant le Conseil d’État, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-10 ta’ April 2014”), li emendat il-Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980, għandha l-effett, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tranżitorji stabbiliti fl-Artikolu 26 tagħha, li tagħti effett sospensiv lir-rikors ippreżentat minn A. A. Tall kontra d-deċiżjoni ta’ rifjut li tittieħed inkunsiderazzjoni t-tieni applikazzjoni għall-ażil tiegħu, kif ukoll li tirrikonoxxilu d-dritt għal għajnuna materjali matul il-perijodu ta’ eżami ta’ dan ir-rikors.

31

Il-Qorti tal-Ġustizzja talbet lill-qorti tar-rinviju sabiex tinformaha dwar il-konsegwenzi tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi tal-10 ta’ April 2014 kemm fuq it-tilwima fil-kawża prinċipali u kemm fuq ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, u sabiex tispeċifika jekk din it-tilwima kinitx għadha pendenti quddiemha u, fl-affermattiv, jekk kinitx meħtieġa risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tingħata deċiżjoni dwar l-imsemmija tilwima.

32

Fir-risposta tagħha li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Jannar 2015, il-qorti tar-rinviju indikat li din it-tilwima, sa fejn tikkonċerna l-perijodu bejn it-18 ta’ Frar 2014 u l-31 ta’ Mejju 2014, kienet għadha pendenti quddiemha.

33

Barra minn hekk, fit-28 ta’ Mejju 2015 il-Fedasil ikkomunikat lill-Qorti tal-Ġustizzja kopja tas-sentenza Nru 56/2015, tas-7 ta’ Mejju 2015, tal-Cour constitutionnelle (qorti kostituzzjonali, il-Belġju). Din tal-aħħar, li quddiemha l-qorti tar-rinviju kienet ressqet ukoll domanda preliminari dwar il-konformità tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-Kostituzzjoni Belġjana, moqrija flimkien mal-KEDB, iddeċidiet li, fid-dawl tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi tal-10 ta’ April 2014 u tad-dispożizzjonijiet tranżitorji stabbiliti fl-Artikolu 26 tagħha, din il-liġi tapplika għall-proċedura mressqa minn A. A. Tall quddiem il-Kunsill tal-kawżi dwar persuni barranin (conseil du contentieux des étrangers) u ddeċidiet li tibgħat lura l-kawża quddiem din il-qorti tar-rinviju sabiex tkun tista’ teżaminaha mill-ġdid u sabiex tevalwa jekk domanda preliminari quddiem il-Cour constitutionnelle (qorti kostituzzjonali) kinitx għadha neċessarja.

34

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tkun tressqet it-tilwima u li jkollha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għad tkun trid tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha u kemm ir-rilevanza tad-domandi li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, sakemm id-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta tieħu deċiżjoni dwarhom. Il-preżunzjoni tar-rilevanza marbuta mad-domandi preliminari magħmula mill-qrati nazzjonali tista’ titwarrab biss b’mod eċċezzjonali, meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza FOA, C‑354/13, EU:C:2014:2463, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Barra minn hekk, għandu jitfakkar ukoll li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li, fil-kuntest tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali u li tiddeċiedi jekk l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju hijiex korretta. Fil-fatt, huma biss il-qrati nazzjonali li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar l-interpretazzjoni tad-dritt intern (sentenza Samba Diouf, C‑69/10, EU:C:2011:524, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Minn dan isegwi li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar il-kwistjoni ta’ jekk id-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-liġi l-ġdida għandhomx jiġu interpretati fis-sens li din il-liġi tapplika b’mod retroattiv għas-sitwazzjoni ta’ A. A. Tall, b’mod partikolari għall-perijodu kontenzjuż li għalih tirreferi l-qorti tar-rinviju fit-tweġiba tagħha tad-19 ta’ Jannar 2015 għat-talba għal informazzjoni li kienet bagħtitilha l-Qorti tal-Ġustizzja.

37

Għaldaqstant, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju ma hijiex neċessarja għal din tal-aħħar sabiex tiddeċiedi t-tilwima fil-kawża prinċipali.

38

Għaldaqstant, id-domanda preliminari ineżami hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

39

Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tagħtix effett sospensiv lil rimedju eżerċitat kontra deċiżjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li ma jitkompliex l-eżami ta’ applikazzjoni sussegwenti għall-ażil.

40

Għandu jiġu speċifikat, qabel kollox, li t-tieni applikazzjoni għall-ażil ippreżentata minn A. A. Tall għandha fil-fatt titqies li hija “applikazzjoni sussegwenti” fis-sens tal-Artikolu 32 tad-Direttiva 2005/85, u li r-rifjut tal-Kummissarjat ġenerali tar-refuġjati u tal-persuni mingħajr Stat li jieħu inkunsiderazzjoni din l-applikazzjoni jikkorrispondi għal “deċiżjoni li ma jitkompliex l-eżami ta’ l-applikazzjoni sussegwenti”, fis-sens tal-Artikolu 39(1)(ċ) ta’ din id-direttiva.

41

Fl-Artikolu 39 tagħha, l-imsemmija direttiva tistabbilixxi l-karatteristiċi li għandu jkollhom ir-rimedji eżerċitati, b’mod partikolari, kontra deċiżjoni li ma jitkompliex l-eżami ta’ applikazzjoni sussegwenti għall-ażil, u, fl-Artikolu 24 tagħha, intitolat “Proċeduri speċifiċi”, tipprevedi l-possibbiltà għall-Istati Membri li jistabbilixxu proċeduri speċifiċi li jidderogaw mill-prinċipji bażiċi u mill-garanziji fundamentali previsti fil-Kapitolu II ta’ din l-istess direttiva.

42

Għandu jiġi ddeterminat jekk l-imsemmija artikoli għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tagħtix effett sospensiv lir-rimedju eżerċitat kontra deċiżjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma jitkompliex l-eżami ta’ applikazzjoni sussegwenti għall-ażil u li ċċaħħad lill-persuna li tkun ippreżentat tali applikazzjoni wara ċ-ċaħda ta’ applikazzjoni preċedenti għall-ażil mid-dritt b’mod partikolari għal għajnuna finanzjarja sakemm tittieħed deċiżjoni dwar ir-rimedju eżerċitat kontra tali deċiżjoni.

43

Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li l-proċeduri stabbiliti permezz tad-Direttiva 2005/85 jikkostitwixxu standards minimi u li l-Istati Membri għandhom, minn diversi aspetti, marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-implementazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tad-dritt nazzjonali (sentenza Samba Diouf, C‑69/10, EU:C:2011:524, punt 29).

44

Għandu jitfakkar li l-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85, li jistabbilixxi l-prinċipju fundamentali tad-dritt għal rimedju effettiv, jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw lill-applikanti għall-ażil dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti kontra l-atti elenkati fil-paragrafu 1 tiegħu.

45

F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 39(1)(ċ) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti għall-ażil ikollhom dritt għal rimedju effettiv kontra “deċiżjoni li ma jitkompliex l-eżami ta’ l-applikazzjoni sussegwenti skond l-Artikoli 32 u 34 [ta’ din l-istess direttiva]”.

46

Barra minn hekk, għandu jitfakkar, kif jirriżulta mill-premessa 15 tad-Direttiva 2005/85, li, meta applikant għall-ażil jippreżenta applikazzjoni sussegwenti għall-ażil, mingħajr ma jippreżenta provi jew argumenti ġodda, ikun sproporzjonat li l-Istati Membri jkunu obbligati jimplementaw proċedura ġdida ta’ eżami komplet, u li l-Istati Membri għandu jkollhom, f’tali każ, il-possibbiltà li jagħżlu fost proċeduri li jipprevedu eċċezzjonijiet għall-garanziji li normalment jibbenefika minnhom l-applikant.

47

B’hekk, kif jipprevedi l-Artikolu 32(2)(b) tad-Direttiva 2005/85, deċiżjoni li ma jitkompliex l-eżami ta’ applikazzjoni sussegwenti tista’ tiġi adottata fil-kuntest ta’ “proċedura speċifika”, wara li tkun twettqet proċedura li tinvolvi, skont l-Artikolu 32(3) tal-imsemmija direttiva, eżami preliminari ta’ din l-applikazzjoni intiż b’mod partikolari sabiex jiġi ddeterminat jekk, wara li ttieħdet deċiżjoni dwar l-applikazzjoni preċedenti tal-applikant ikkonċernat, ħarġux jew ġewx ippreżentati minn dan l-applikant elementi jew informazzjoni ġodda marbuta mal-eżami tal-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex l-applikant ikun intitolat għall-istatus ta’ refuġjat.

48

Fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 32(4) tad-Direttiva 2005/85 jispeċifika li jekk, wara dan l-eżami preliminari, joħorġu jew jiġu ppreżentati mill-applikant elementi jew fatti ġodda li jżidu b’mod sinjifikattiv il-probabbiltà li dan l-applikant jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex ikun intitolat għall-istatus ta’ refuġjat, l-eżami tal-applikazzjoni għandu jitkompla skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II ta’ din id-direttiva, dwar il-prinċipji bażiċi u l-garanziji fundamentali. Għall-kuntrarju, jekk, bħalma huwa l-każ fil-kawża prinċipali, l-eżami tal-applikazzjoni sussegwenti ma jitkompliex wara l-imsemmi eżami preliminari, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu, skont l-Artikolu 7(2) tal-imsemmija direttiva, eċċezzjoni mir-regola stabbilita fl-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva li tipprovdi li l-applikanti għall-ażil għandhom ikunu awtorizzati jibqgħu fl-Istat Membri għall-finijiet biss tal-proċedura.

49

Minn dan isegwi, a fortiori, li l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li rimedju eżerċitat kontra deċiżjoni ta’ rifjut li tittieħed inkunsiderazzjoni l-applikazzjoni sussegwenti għall-ażil, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma għandux effett sospensiv.

50

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, kif jirriżulta mill-premessa 8 tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/85 għandhom jiġu interpretati b’mod li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali u li jiġu osservati l-prinċipji rrikonoxxuti b’mod partikolari fil-Karta.

51

Għaldaqstant, il-karatteristiċi partikolari tar-rimedju previst fl-Artikolu 39 tal-imsemmija direttiva għandhom jiġu ddeterminati konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta li jikkostitwixxi riaffermazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u li jipprovdi li kull persuna li ġġarrab ksur tad-drittijiet jew tal-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni għandu jkollha dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti b’osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-imsemmi artikolu (ara, b’analoġija, is-sentenza Abdida, C‑562/13, EU:C:2014:2453, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

F’dan ir-rigward, mill-ispjegazzjonijiet dwar l-Artikolu 47 tal-Karta jirriżulta li l-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu huwa bbażat fuq l-Artikolu 13 tal-KEDB.

53

Għandu jiġi osservat ukoll li l-Artikolu 19(2) tal-Karta jispeċifika, b’mod partikolari, li ħadd ma jista’ jitneħħa lejn Stat fejn hemm riskju serju li jkun suġġett għal trattamenti inumani jew degradanti.

54

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 19(2) tagħha, jirriżulta li meta Stat jiddeċiedi li jibgħat lura persuna barranija lejn pajjiż fejn hemm raġunijiet serji sabiex wieħed jemmen li dan ser ikun espost għal riskju reali ta’ trattamenti kuntrarji għall-Artikolu 3 tal-KEDB, l-effettività tar-rimedju eżerċitat, prevista fl-Artikolu 13 tal-KEDB, teħtieġ li din il-persuna barranija jkollha rimedju sospensiv ipso jure kontra l-eżekuzzjoni tal-miżura li tippermetti r-ritorn tagħha (ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, Gebremedhin vs Franza, § 67, KEDB 2007-II, kif ukoll Hirsi Jamaa et vs L-Italja, § 200, KEDB 2012‑II).

55

Issa, għandu jiġi osservat li, f’dan il-każ, it-tilwima fil-kawża prinċipali tikkonċerna biss il-legalità ta’ deċiżjoni li ma jitkompliex l-eżami ta’ applikazzjoni sussegwenti għall-ażil, fis-sens tal-Artikolu 32 tad-Direttiva 2005/85.

56

L-assenza ta’ effett sospensiv ta’ rimedju eżerċitat kontra tali deċiżjoni hija, bħala prinċipju, konformi mal-Artikoli 19(2) u 47 tal-Karta. Fil-fatt, għalkemm tali deċiżjoni ma tippermettix lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jirċievi protezzjoni internazzjonali, l-eżekuzzjoni tagħha ma tistax, bħala tali, twassal għat-tneħħija tal-imsemmi ċittadin.

57

Għall-kuntrarju, jekk fil-kuntest tal-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil preċedenti jew sussegwenti għal deċiżjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, Stat Membru jadotta, fil-konfront taċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz, deċiżjoni ta’ ritorn fis-sens tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/115, dan iċ-ċittadin għandu jkun jista’ jeżerċita kontra din id-deċiżjoni d-dritt tiegħu għal rimedju effettiv konformement mal-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva.

58

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fi kwalunkwe każ, rimedju għandu neċessarjament ikollu effett sospensiv meta jiġi eżerċitat kontra deċiżjoni ta’ ritorn li l-eżekuzzjoni tagħha tista’ tesponi liċ-ċittadin inkwistjoni ta’ pajjiż terz għal riskju serju li jkun suġġett għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal pieni jew trattamenti oħra inumani jew degradanti, b’tali mod li b’hekk tkun żgurata, fir-rigward ta’ dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, l-osservanza tar-rekwiżiti tal-Artikoli 19(2) u 47 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Abdida, C‑562/13, EU:C:2014:2453, punti 5253).

59

Minn dan isegwi li l-assenza ta’ rimedju sospensiv kontra deċiżjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-eżekuzzjoni tagħha ma tistax tesponi liċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz għal riskju ta’ trattament kuntrarju għall-Artikolu 3 tal-KEDB, ma tikkostitwixxix ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif previst fl-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85, moqri fid-dawl tal-Artikoli 19(2) u 47 tal-Karta.

60

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda preliminari hija li l-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85, moqri fid-dawl tal-Artikoli 19(2) u 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tagħtix effett sospensiv lil rimedju eżerċitat kontra deċiżjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma jitkompliex l-eżami ta’ applikazzjoni sussegwenti għall-ażil.

Fuq l-ispejjeż

61

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 39 tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE, tal-1 ta’ Diċembru 2005, dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat, moqri fid-dawl tal-Artikoli 19(2) u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tagħtix effett sospensiv lil rimedju eżerċitat kontra deċiżjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma jitkompliex l-eżami ta’ applikazzjoni sussegwenti għall-ażil.

 

Firem


( * )   Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Fuq