EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62014CJ0378

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-22 ta’ Ottubru 2015.
Bundesagentur für Arbeit - Familienkasse Sachsen vs Tomislaw Trapkowski.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 67 – Regolament (KE) Nru 987/2009 – Artikolu 60(1) – Għoti ta’ benefiċċji tal-familja fil-każ ta’ divorzju – Kunċett ta’ ‘persuna kkonċernata’ – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi l-għoti ta’ allowances tal-familja lill-ġenitur li jilqa’ l-wild f’daru – Residenza ta’ dan il-ġenitur fi Stat Membru ieħor – Astensjoni ta’ dan il-ġenitur li jitlob l-għoti ta’ allowances tal-familja – Dritt eventwali tal-ġenitur l-ieħor li jitlob l-għoti ta’ dawn l-allowances tal-familja.
Kawża C-378/14.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2015:720

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

22 ta’ Ottubru 2015 ( * )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Sigurtà soċjali — Regolament (KE) Nru 883/2004 — Artikolu 67 — Regolament (KE) Nru 987/2009 — Artikolu 60(1) — Għoti ta’ benefiċċji tal-familja fil-każ ta’ divorzju — Kunċett ta’ ‘persuna kkonċernata’ — Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi l-għoti ta’ allowances tal-familja lill-ġenitur li jilqa’ l-wild f’daru — Residenza ta’ dan il-ġenitur fi Stat Membru ieħor — Astensjoni ta’ dan il-ġenitur li jitlob l-għoti ta’ allowances tal-familja — Dritt eventwali tal-ġenitur l-ieħor li jitlob l-għoti ta’ dawn l-allowances tal-familja”

Fil-Kawża C‑378/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (qorti federali tal-finanzi, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Mejju 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Awwissu 2014, fil-proċedura

Bundesagentur für Arbeit – Familienkasse Sachsen

vs

Tomislaw Trapkowski,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, F. Biltgen, A. Borg Barthet, M. Berger u S. Rodin (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Ġunju 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal T. Trapkowski, minn C. Rebber, avukat,

għall-Gvern Olandiż, minn B. Koopman u M. Bulterman, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn V. Kaye, bħala aġent, assistita minn J. Holmes, barrister,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Grünheid u D. Martin, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni u tat-tielet sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU L 284, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Bundesagentur für Arbeit – Familienkasse Sachsen (aġenzija federali tax-xogħol – fond tal-allowances tal-familja ta’ Sachsen, iktar ’il quddiem il-“BfA”) u T. Trapkowski dwar ir-rifjut ta’ din tal-ewwel li tħallas lil T. Trapkowski allowances tal-familja fir-rigward tal-wild tiegħu li jirrisjedi mal-omm fil-Polonja.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004

3

L-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 465/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2012 (ĠU L 149, p. 4, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 883/2004”), jipprevedi li:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

[...]

i)

‘membru tal-familja’ tfisser

1)

i)

kwalunkwe persuna definita jew rikonoxxuta bħala membru tal-familja jew indikata bħala membru tad-dar mil-leġislazzjoni li taħtha jingħataw il-benefiċċji;

[...]”

4

L-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi li:

“Dan ir-Regolament għandhu japplika għal ċittadini ta’ Stat Membru, persuni mingħajr Stat u refuġjati li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru li huma jew li kienu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru jew ta’ aktar minn Stat Membru wieħed, kif ukoll għall-membri tal-familji tagħhom u għas-superstiti tagħhom.”

5

L-Artikolu 11(1), (2) u (3) tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej:

“1.   Il-persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss. Din il-leġislazzjoni għandha tkun determinata skond dan it-Titolu.

2.   Għall-għanijiet ta’ dan it-Titolu, persuni li qegħdin jirċievu benefiċċji fi flus minħabba jew bħala konsegwenza ta’ l-attività tagħhom bħala persuni impjegati jew bħala persuni impjegati għal rashom, għandhom jitqiesu bħallikieku qegħdin iwettqu din l-attività. Dan ma japplikax għal pensjonijiet marbuta ma’ l-invalidità, pensjonijiet ta’ l-età, pensjonijiet tas-superstiti jew għal pensjonijiet marbutin ma inċidenti fuq il-post tax-xogħol jew ma’ mard marbut max-xogħol jew għal benefiċċji fi flus marbutin ma’ mard li jkopru trattament għal perjodu mhux determinat.

3.   Bla ħsara għall-Artikolu 12 sa 16:

a)

persuna li twettaq attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha fi Stat Membru għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat Membru;

[...]”

6

L-Artikolu 67 tal-imsemmi regolament jaqra kif ġej:

“Persuna għandha tkun intitolata għal benefiċċji marbutin mal-familja skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti, inklużi l-membri tal-familja tagħha li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor, bħallikieku dawn kellhom ir-residenza tagħhom fl-Istat Membru kompetenti. Madanakollu, pensjonant għandu jkun intitolat għal benefiċċji marbutin mal-familja skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti għall-pensjoni tiegħu.”

7

L-Artikolu 68(1) ta’ dan l-istess regolament, intitolat “Regoli dwar preċedenza fil-każ ta’ overlapping [kumulu]”, jistabbilixxi r-“regoli dwar preċedenza” meta, għall-istess perijodu u għall-istess membri tal-familja, jingħataw benefiċċji taħt il-leġiżlazzjoni ta’ iktar minn Stat Membru wieħed.

Ir-Regolament Nru 987/2009

8

Skont l-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 987/2009:

“L-applikazzjoni għall-benefiċċji marbutin mal-familja għandha tiġi indirizzata lill-istituzzjoni kompetenti. Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikoli 67 u 68 tar-Regolament bażiku, għandha titqies is-sitwazzjoni tal-familja kollha jekk il-persuni kollha involuti kienu suġġetti għal-leġislazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat u residenti hemmhekk, b’mod partikolari rigward id-dritt ta’ persuna li jintalbu benefiċċji bħal dawn. Fejn persuna hi intitolata li titlob il-benefiċċji ma teżerċitax id-dritt tagħha, applikazzjoni għall-benefiċċji marbutin mal-familja ppreżentata mill-ġenitur l-ieħor, persuna ttrattata bħala ġenitur, jew persuna jew istituzzjoni li tkun qed taġixxi bħala t-tutur tat-tifel/tifla jew tat-tfal għandha titqies mill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li l-leġislazzjoni tiegħu hi applikabbli.”

Id-dritt Ġermaniż

9

L-Artikolu 64(1) u (2) tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul (Einkommensteuergesetz, iktar ’il quddiem l-“EstG”) jipprovdi li:

“1)   Għal kull wild, għandhom jingħataw allowances tal-familja lil persuna waħda biss li tkun intitolata għalihom.

2)   Fil-każ li jkun hemm diversi persuni li jkunu intitolati għaliha, l-allowance tal-familja għandu jingħata lil dik il-persuna li tkun laqgħet il-wild f’darha. Jekk wild jintlaqa’ fid-dar komuni tal-ġenituri, ta’ ġenitur u tal-kunjuġi tiegħu, ta’ ġenituri kuraturi jew tan-nanniet, huma għandhom jiddeċiedu bejniethom minn għandu jirċievi l-allowance. [...]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10

T. Trapkowski, li jirrisjedi fil-Ġermanja, iddivorzja mill-konjuġi tiegħu, li tgħix il-Polonja flimkien mal-wild komuni tagħhom, li twieled f’April 2000.

11

Minn Jannar 2011 sa Ottubru 2012, T. Trapkowski rċieva għal ċertu perijodu ta’ żmien allowances tal-qgħad. Madankollu, minn Novembru 2011 sa Jannar 2012, kif ukoll mill-1 sat-22 ta’ Frar 2012, huwa okkupa impjieg b’salarju fil-Ġermanja, li warajh huwa ġie mħallas benefiċċji taħt id-dritt Ġermaniż tas-sigurtà soċjali.

12

Fix-xahar ta’ Awwissu 2012, T. Trapkowski talab lill-BfA sabiex jibbenefika minn allowances tal-familja għall-perijodu minn Jannar 2011 sa’ Ottubru 2012 fir-rigward tat-tifel tiegħu. Matul il-perijodu kkonċernat, omm il-wild, li kienet teżerċita attività professjonali fil-Polonja, la ma rċeviet u lanqas ma talbet il-benefiċċju tal-allowances tal-familja, kemm taħt il-leġiżlazzjoni Ġermaniża kif ukoll taħt il-leġiżlazzjoni Pollakka.

13

Permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Settembru 2012, il-BfA ċaħdet it-talba ta’ T. Trapkowski għar-raġuni li kienet primarjament omm il-wild li kellha d-dritt għall-allowances tal-familja skont id-dritt Ġermaniż. L-ilment li tressaq kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud ukoll.

14

Min-naħa l-oħra, il-Finanzgericht Düsseldorf (qorti tal-finanzi ta’ Düsseldorf) laqgħet ir-rikors ippreżentat minn T. Trapkowski kontra d-deċiżjoni tat-3 ta’ Settembru 2012 tal-BfA u kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment. Din il-qorti qieset fil-fatt li huwa kellu dritt għall-allowances tal-familja skont id-dritt Ġermaniż, billi dan tal-aħħar għandu japplika għas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata skont l-Artikolu 11(1) u (3)(a) tar-Regolament Nru 883/2004.

15

Barra minn hekk, dejjem skont il-Finanzgericht Düsseldorf (qorti tal-finanzi ta’ Düsseldorf), bis-saħħa tal-fictio juris previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 987/2009, il-familja ta’ T. Trapkowski kellha titqies bħallikieku din kienet tirrisjedi fil-Ġermanja. Għalhekk, fil-kawża prinċipali, ma hemmx kunflitt ta’ drittijiet fis-sens tal-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 883/2004, peress li omm il-wild ma setgħetx titlob il-benefiċċji tal-familja fil-Polonja.

16

Il-Finanzgericht Düsseldorf (qorti tal-finanzi ta’ Düsseldorf) ikkonkludiet li l-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 987/2009 kien intiż biss sabiex jipprekludi li persuna li titlaq minn Stat Membru sabiex tmur fi Stat Membru ieħor ma titlifx id-drittijiet tagħha, u mhux sabiex jillimita jew ineħħi d-drittijiet ta’ persuna li tirrisjedi fit-territorju nazzjonali.

17

Il-BfA ppreżentat appell għal “Reviżjoni” mid-deċiżjoni mogħtija mill-Finanzgericht Düsseldorf (qorti tal-finanzi ta’ Düsseldorf), li fih sostniet li l-persuni li għalihom japplika r-Regolament Nru 883/2004 huma suġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss. Skont il-leġiżlazzjoni Ġermaniża, il-benefiċċji tal-familja huma dovuti lill-persuna li tilqa’ l-wild f’darha.

18

Skont il-BfA, il-qari tal-Artikolu 67(1) tar-Regolament Nru 883/2004 flimkien mal-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 987/2009, kif ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jippermettu li jiġi konkluż li, fil-kawża prinċipali, il-benefiċjarju primarju tad-dritt għall-benefiċċji tal-familja kienet, skont il-leġiżlazzjoni Ġermaniża, omm il-wild u mhux T. Trapkowski.

19

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li d-dritt Ġermaniż jipprevedi li l-allowances tal-familja għandhom jitħallsu lil benefiċjarju identifikabbli. Skont dan id-dritt, dawn l-allowances jingħataw lill-ġenitur li jilqa’ l-wild f’daru, għaliex l-esperjenza ġenerali turi li l-persuna li jkollha l-kustodja tal-wild tbati l-ogħla spejjeż ta’ manteniment. F’dan ir-rigward, hija tistaqsi jekk l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-kawża prinċipali tistax twassal għat-tneħħija tad-dritt għall-allowances tal-familja ta’ T. Trapkowski.

20

L-imsemmija qorti tosserva li l-fatt li l-ex konjuġi tal-konvenut ma tibbenefikax minn dritt għall-benefiċċji tal-familja Pollakki ma huwiex rilevanti sabiex jiġi deċiż jekk ir-Regolament Nru 883/2004 japplikax għall-kawża prinċipali. Barra minn hekk, din l-istess qorti tosserva li, skont id-dritt Ġermaniż, iċ-ċirkustanza li l-ġenituri tal-wild huma ddivorzjati ma twaqqafhomx milli jiġu kklassifikati bħala membri tal-familja li lilhom jistgħu jitħallsu l-benefiċċji tal-familja.

21

Billi l-fictio juris previst fl-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 987/2009 huwa applikabbli, il-qorti tar-rinviju tqis li interpretazzjoni li tgħid li omm il-wild jista’ jkollha dritt għall-benefiċċji tal-familja, peress li hija għandha titqies, skont dan il-fictio juris, li tirrisjedi fil-Ġermanja u peress li l-wild jgħix f’darha, ma tistax tiġi eskluża mill-bidu nett, b’mod partikolari fid-dawl tal-Artikolu 68a tar-Regolament Nru 883/2004.

22

Issa, jekk tali interpretazzjoni tiġi aċċettata, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk it-tielet sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 987/2009 tipprekludix l-applikazzjoni fil-kawża prinċipali tal-Artikolu 64(2) tal-EstG, li jipprevedi li biss il-ġenitur li jkun laqa’ l-wild f’daru jista’ jitlob il-benefiċċji tal-familja, jew jekk inkella għandhiex issir distinzjoni bejn id-dritt li titressaq talba għal allowances tal-familja – dritt li jista’ jingħata lil T. Trapkowski – u d-dritt li persuna effettivament tirċievi tali allowances – dritt li huwa rriżervat esklużivament għall-ex konjuġi tal-persuna kkonċernata, peress li l-wild jirrisjedi magħha.

23

Fl-aħħar nett, jekk it-tielet sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 987/209 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt għall-benefiċċji tal-familja huwa ttrasferit lill-ġenitur li jirrisjedi fit-territorju nazzjonali meta l-ewwel benefiċjarju tal-benefiċċji, li jirrisjedi fi Stat Membru ieħor, ma jkunx ressaq talba, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wara liema perijodu ta’ żmien dan l-ewwel benefiċjarju għandu jitqies li ma jkunx ressaq talba.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzhof (qorti federali tal-finanzi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Fil-każ fejn persuna li tgħix fi Stat Membru (fit-territorju nazzjonali) jkollha dritt għal allowances tal-familja fir-rigward ta’ ulied li jgħixu fi Stat Membru ieħor (barra mill-pajjiż) fejn ikun joqgħod il-konjuġi l-ieħor li minnu tkun separata, għandha tiġi applikata t-tieni sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 987/2009, b’tali mod li l-finzjoni skont liema, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikoli 67 u 68 tar-Regolament Nru 883/2004, is-sitwazzjoni tal-familja kollha hija meħuda inkunsiderazzjoni daqs li kieku l-persuni kkonċernati kollha kienu suġġetti – b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna d-dritt li jintalbu dawn il-benefiċċji – għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat u kienu jgħixu hemm, għandha l-effett li jkunu esklużivament il-ġenituri li jgħixu fl-Istat Membru l-ieħor (barra mill-pajjiż) li jkunu intitolati għal allowances tal-familja, peress li d-dritt nazzjonali tal-ewwel Stat Membru jipprevedi li f’każ ta’ numru ta’ aventi kawża; il-ġenitur li jilqa’ l-wild f’daru jkollu d-dritt għall-benefiċċji?

2)

F’każ li tingħata risposta affermativa għall-ewwel domanda:

Fis-sitwazzjoni hawn fuq esposta fl-ewwel domanda, għandha t-tielet sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru°987/2009 tiġi interpretata fis-sens li l-ġenitur li jirresjedi fi Stat Membru (fit-territorju nazzjonali) għandu dritt għall-allowances tal-familja skont id-dritt nazzjonali peress li l-ġenitur l-ieħor, li jirresjedi fi Stat Membru ieħor (barra mill-pajjiż), ma ressaqx talba għall-allowances tal-familja?

3)

Jekk, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda, fis-sitwazzjoni esposta fl-ewwel domanda, hi li l-assenza ta’ talba min-naħa tal-ġenitur residenti f’pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea twassal għat-trasferiment tad-dritt għall-allowances tal-familja lill-ġenitur residenti fit-territorju nazzjonali:

Wara liema perijodu ta’ żmien għandu jiġi kkunsidrat li dak il-ġenitur li jirresjedi f’pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea ma ‘jeżerċitax’, skont it-tielet sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 987/2009, id-dritt għall-allowances tal-familja, ikun intitolat għalih il-ġenitur li jirresjedi fit-territorju nazzjonali?”

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

25

Sabiex tingħata risposta għad-domandi preliminari, għandu jiġi kkonstatat, qabelxejn, li persuna, bħal T. Trapkowski, impjegata perijodikament fi Stat Membru, f’dan il-każ ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, u li barra minn hekk għandha r-residenza tagħha f’dan l-Istat, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004, bis-saħħa tal-Artikoli 2(1) u 11(3)(a) tiegħu.

26

Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat li l-benefiċċju inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandu bħala għan li jtaffi l-ispejjeż li jirriżultaw mit-trobbija tal-ulied, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “benefiċċju tal-familja” fis-sens tar-Regolament Nru 883/2004 (ara s-sentenzi Offermanns, C‑85/99, EU:C:2001:166, punt 41, u Lachheb, C‑177/12, EU:C:2013:689, punt 35).

27

Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ “membru tal-familja”, mill-Artikolu 1(i)(1)(i) tar-Regolament Nru 883/2004 jirriżulta li dan ikopri “kwalunkwe persuna definita jew rikonoxxuta bħala membru tal-familja jew indikata bħala membru tad-dar mil-leġislazzjoni li taħtha jingħataw il-benefiċċji”.

28

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża tippreċiża l-persuni li għandhom id-dritt għall-allowances tal-familja mingħajr ma tiddefinixxi espressament il-kunċett ta’ “membru tal-familja”.

29

Madankollu, hekk kif tosserva l-qorti tar-rinviju, id-dritt għall-benefiċċji tal-familja fir-rigward ta’ wild jingħata, skont id-dritt Ġermaniż, lill-ġenituri fl-ewwel grad ta’ dan il-wild, kemm jekk ikunu miżżewġa u kemm jekk le.

30

Fuq din il-bażi, l-imsemmija qorti tqis li l-wild inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll omm il-wild għandhom jitqiesu bħala membri tal-familja ta’ T. Trapkowski fis-sens tad-dritt Ġermaniż għal dak li jirrigwarda d-dritt għall-benefiċċji tal-familja.

31

Issa, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tikkontesta tali konstatazzjoni, ibbażata fuq id-dritt nazzjonali kif interpretata mill-qorti nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Slanina, C‑363/08, EU:C:2009:732, punt 27).

32

Għal dak li jirrigwarda l-applikabbiltà tar-regoli dwar preċedenza previsti fl-Artikolu 68(1) tar-Regolament Nru 883/2004 fil-każ ta’ sitwazzjoni ta’ kumulu, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex ikun jista’ jitqies li teżisti tali sitwazzjoni ta’ kumulu f’każ partikolari, ma huwiex biżżejjed li benefiċċji jkunu dovuti fl-Istat Membru ta’ residenza tal-wild ikkonċernat u jkunu, fl-istess ħin, jistgħu jitħallsu biss fi Stat Membru ieħor, fejn jaħdem wieħed mill-ġenituri ta’ dan il-wild (sentenza Schwemmer, C‑16/09, EU:C:2010:605, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Konsegwentement, peress li omm il-wild inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma setgħetx titlob il-benefiċċji tal-familja fil-Polonja, dawn ir-regoli dwar preċedenza ma japplikawx għall-kawża prinċipali.

Fuq l-ewwel domanda

34

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 987/2009 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-fictio juris previst f’din id-dispożizzjoni jista’ jwassal għall-għoti tad-dritt għall-benefiċċji tal-familja lil persuna li ma tirrisjedix fit-territorju tal-Istat Membru kompetenti għall-ħlas ta’ dawn il-benefiċċji.

35

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar qabelxejn li l-fictio juris previst fl-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004 għandu bħala effett li persuna tista’ titlob il-benefiċċji tal-familja għall-membri tal-familja tagħha li jirrisjedu fi Stat Membru differenti minn dak kompetenti għall-ħlas ta’ dawn il-benefiċċji, bħallikieku dawn jirrisjedu f’dan l-aħħar Stat Membru.

36

It-tieni nett, it-tieni sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 987/2009 tipprevedi li, għall-finijiet tal-applikazzjoni, b’mod partikolari, tar-Regolament Nru 883/2004, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tal-familja kollha jekk il-persuni kollha kkonċernati kienu suġġetti għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat u kienu residenti hemmhekk, b’mod partikolari fir-rigward tad-dritt ta’ persuna li titlob benefiċċji tal-familja.

37

It-tielet nett, mit-tielet sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 987/2009 jirriżulta li, fil-każ fejn persuna li tkun intitolata titlob il-benefiċċji tal-familja ma teżerċitax id-dritt tagħha, il-“ġenitur l-ieħor” huwa wieħed mill-persuni u istituzzjonijiet li huma awtorizzati jressqu talba għall-għoti ta’ dawn il-benefiċċji.

38

Mill-qari tal-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004 flimkien mal-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 987/2009 jirriżulta, minn naħa, li persuna tista’ titlob il-benefiċċji tal-familja għall-membri tal-familja tagħha li jirrisjedu fi Stat Membru differenti minn dak kompetenti għall-ħlas ta’ dawn il-benefiċċji u, min-naħa l-oħra, li l-possibbiltà li titressaq talba għal benefiċċji tal-familja tingħata mhux biss lill-persuni li jirrisjedu fit-territorju tal-Istat Membru li huwa obbligat iħallas il-benefiċċji tal-familja, iżda wkoll lill-“persuni kollha involuti” li jistgħu jitolbu dawn il-benefiċċji, inklużi l-ġenituri tal-wild li fir-rigward tiegħu jkunu qed jintalbu l-benefiċċji.

39

Konsegwentement, peress li l-ġenituri tal-wild li fir-rigward tiegħu jkunu qed jintalbu l-benefiċċji jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “persuni [...] involuti” fis-sens tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 987/2009, li huma awtorizzati jitolbu l-għoti ta’ dawn il-benefiċċji, ma jistax jiġi eskluż li ġenitur li jirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru differenti minn dak li huwa obbligat iħallas dawn il-benefiċċji tkun il-persuna li jkollha d-dritt, fil-każ li l-kundizzjonijiet l-oħra kollha stabbiliti mid-dritt nazzjonali huma ssodisfatti wkoll, tirċievi l-imsemmija benefiċċji.

40

Issa, hija l-awtorità nazzjonali kompetenti li għandha tiddetermina liema huma l-persuni li, skont id-dritt nazzjonali, għandhom dritt għall-benefiċċji tal-familja.

41

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li t-tieni sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 987/2009 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-fictio juris previst f’din id-dispożizzjoni jista’ jwassal għall-għoti tad-dritt għall-benefiċċji tal-familja lil persuna li ma tirrisjedix fit-territorju tal-Istat Membru kompetenti għall-ħlas ta’ dawn il-benefiċċji, meta l-kundizzjonijiet l-oħra kollha għall-għoti tal-imsemmija benefiċċji, previsti mid-dritt nazzjonali, huma ssodisfatti, liema fatt għandu jiġi ddeterminat mill-qorti tar-rinviju.

Fuq it-tieni domanda

42

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tielet sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru°987/2009 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-ġenitur tal-wild li fir-rigward tiegħu jingħataw il-benefiċċji, li jirresjedi fl-Istat Membru li huwa obbligat iħallas dawn il-benefiċċji, għandu jingħata d-dritt għal dawn il-benefiċċji għar-raġuni li l-ġenitur l-ieħor, li jirrisjedi fi Stat Membru ieħor, ma jkunx ressaq talba għal benefiċċji tal-familja.

43

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar qabelxejn li r-Regolamenti Nri 987/2009 u 883/2004 ma jispeċifikawx il-persuni li għandhom dritt għall-benefiċċji tal-familja, anki jekk jistabbilixxu regoli li jippermettu li jiġu ddeterminati l-persuni li jistgħu jitolbu dawn il-benefiċċji.

44

Fil-fatt, il-persuni li għandhom dritt għall-benefiċċji tal-familja huma, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004, iddeterminati skont id-dritt nazzjonali.

45

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li t-tielet sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 987/2009 tipprevedi li, meta persuna li tkun intitolata titlob il-benefiċċji tal-familja ma teżerċitax id-dritt tagħha, l-istituzzjonijiet kompetenti tal-Istat Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni t-talbiet għall-għoti ta’ tali benefiċċji mressqa mill-persuni jew mill-istituzzjonijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni, inkluż il-“ġenitur l-ieħor”.

46

L-ewwel nett, kemm mill-formulazzjoni kif ukoll mill-istruttura tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 987/2009 jirriżulta li għandha ssir distinzjoni bejn it-tressiq ta’ talba għal benefiċċji tal-familja u d-dritt li persuna tirċievi tali benefiċċji.

47

It-tieni nett, mill-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu jirriżulta wkoll li huwa biżżejjed jekk waħda mill-persuni li jistgħu jitolbu l-benefiċċji tal-familja tressaq talba għall-għoti ta’ tali benefiċċji sabiex l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru tkun obbligata tieħu inkunsiderazzjoni din it-talba.

48

Madankollu, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li tali istituzzjoni, billi tapplika d-dritt nazzjonali, tasal għall-konklużjoni li l-persuna li għandha d-dritt li tirċievi l-benefiċċji tal-familja fir-rigward ta’ wild hija persuna oħra minn dik li ressqet it-talba għall-għoti ta’ dawn il-benefiċċji.

49

Konsegwentement, meta l-kundizzjonijiet kollha għall-għoti ta’ benefiċċji tal-familja fir-rigward ta’ wild huma ssodisfatti u dawn il-benefiċċji effettivament jingħataw, ma huwiex rilevanti liema mill-ġenituri jitqies, skont id-dritt nazzjonali, li hija l-persuna li jkollha d-dritt tirċievi tali benefiċċji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Hoever u Zachow, C‑245/94 u C‑312/94, EU:C:1996:379, punt 37).

50

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li t-tielet sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru°987/2009 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma timplikax li l-ġenitur tal-wild li fir-rigward tiegħu jingħataw il-benefiċċji, li jirresjedi fl-Istat Membru li huwa obbligat iħallas dawn il-benefiċċji, għandu jingħata d-dritt għal dawn il-benefiċċji għar-raġuni li l-ġenitur l-ieħor, li jirrisjedi fi Stat Membru ieħor, ma jkunx ressaq talba għal benefiċċji tal-familja.

51

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

Fuq l-ispejjeż

52

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

It-tieni sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-fictio juris previst f’din id-dispożizzjoni jista’ jwassal għall-għoti tad-dritt għall-benefiċċji tal-familja lil persuna li ma tirrisjedix fit-territorju tal-Istat Membru kompetenti għall-ħlas ta’ dawn il-benefiċċji, meta l-kundizzjonijiet l-oħra kollha għall-għoti tal-imsemmija benefiċċji, previsti mid-dritt nazzjonali, huma ssodisfatti, liema fatt għandu jiġi ddeterminat mill-qorti tar-rinviju.

 

2)

It-tielet sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru°987/2009 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma timplikax li l-ġenitur tal-wild li fir-rigward tiegħu jingħataw il-benefiċċji, li jirresjedi fl-Istat Membru li huwa obbligat iħallas dawn il-benefiċċji, għandu jingħata d-dritt għal dawn il-benefiċċji għar-raġuni li l-ġenitur l-ieħor, li jirrisjedi fi Stat Membru ieħor, ma jkunx ressaq talba għal benefiċċji tal-familja.

 

Firem


( * )   Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Fuq