Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62014CJ0151

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tal-10 ta’ Settembru 2015.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Latvja.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 49 TFUE – Libertà ta’ stabbiliment – Nutara – Kundizzjonijiet ta’ nazzjonalità – Artikolu 51 TFUE – Parteċipazzjoni fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.
Kawża C-151/14.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2015:577

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

10 ta’ Settembru 2015 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Artikolu 49 TFUE — Libertà ta’ stabbiliment — Nutara — Kundizzjonijiet ta’ nazzjonalità — Artikolu 51 TFUE — Parteċipazzjoni fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika”

Fil-Kawża C‑151/14,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu abbażi tal-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fil-31 ta’ Marzu 2014,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn I. Rubene u H. Støvlbæk, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika tal-Latvja, irrappreżentata minn D. Pelše kif ukoll minn I. Kalniņš u K. Freimanis, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn:

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

L-Ungerija, irrappreżentata minn M. Tátrai u M. Fehér, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, A. Arabadjiev (Relatur) u J. L. da Cruz Vilaça, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi imponiet kundizzjoni ta’ nazzjonalità għall-aċċess għall-professjoni ta’ nutar, ir-Repubblika tal-Latvja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 49 TFUE u 51 TFUE.

Il-kuntest ġuridiku

L-organizzazzjoni ġenerali tal-professjoni nutarili fil-Latvja

2

L-organizzazzjoni tal-professjoni nutarili hija rregolata mil-liġi dwar il-professjoni nutarili (Notariāta likums), tad-9 ta’ Lulju 1993 (Latvijas Vēstnesis, 1993, Nru 48, iktar ’il quddiem il-“liġi nutarili”).

3

L-Artikolu 1(2) ta’ din il-liġi jispeċifika li din tirregola l-attività professjonali u intraprendenti tan-nutara, li jeżerċitaw, skont it-termini tal-Artikolu 238 ta’ din l-istess liġi, professjoni liberali.

4

Skont l-Artikolu 3 tal-imsemmija liġi, in-nutara huma kkunsidrati bħala uffiċjali pubbliċi. Skont l-Artikolu 5 ta’ din tal-aħħar, in-nutara huma suġġetti esklużivament għal-liġi u għandhom jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom b’indipendenza sħiħa.

5

Skont l-Artikolu 8(1) tal-liġi nutarili, in-nutar jiġi maħtur, ittrasferit jew imneħħi mill-ministru tal-ġustizzja.

6

Fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-funzjonijiet ta’ nutar, l-Artikolu 9(1) tal-imsemmija liġi jipprovdi li “jistgħu jeżerċitaw il-professjoni nutarili, il-persuni li huma ċittadini tar-Repubblika tal-Latvja”.

7

Skont l-Artikolu 38(1) tal-liġi nutarili, in-nutar għandu jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu fl-ambitu tad-distrett ġudizzjarju tal-istabbiliment tiegħu. Skont l-Artikolu 39(1) ta’ din il-liġi, in-nutar jista’ jipprovdi l-assistenza tiegħu lil persuni li jitolbuha anki meta l-post ta’ residenza tagħhom jew il-proprjetà tagħhom, li jkun hemm riferiment għalihom fl-att nutarili, jkunu jinsabu lil hinn minn dak id-distrett.

8

Skont l-Artikolu 39(2) tal-imsemmija liġi, in-nutar ma jistax jirrifjuta li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu, ħlief fil-każijiet previsti mil-liġi. Madankollu, in-nutar huwa obbligat, skont l-Artikolu 40 ta’ din l-istess liġi, li jirrifjuta s-serivizzi tiegħu meta l-kollaborazzjoni tkun rikjesta sabiex isiru attivitajiet li manifestament għandhom għan illegali jew immorali.

L-attivitajiet nutarili fil-Latvja

9

Fir-rigward tad-diversi attivitajiet eżerċitati min-nutar fl-ordinament ġuridiku Latvjan, id-dmir prinċipali tiegħu jikkonsisti fl-istabbiliment ta’ atti awtentiċi.

10

L-Artikolu 82(1) tal-liġi nutarili jipprevedi li, “meta jiċċertifika manifestazzjoni ta’ volontà, in-nutar għandu jistabbilixxi att awtentiku” u l-Artikolu 87(1) ta’ din il-liġi jispeċifika, b’mod partikolari, li n-nutar huwa obbligat li jikkonstata l-volontà tal-partijiet fl-att u t-termini tal-ftehim u li jinforma lil dawn tal-aħħar dwar il-konsegwenzi legali possibbli ta’ dan il-ftehim.

11

Fir-rigward tal-eżekuzzjoni tal-atti nutarili, l-Artikolu 107(4) tal-imsemmija liġi jindika li kreditur jista’ jippreżenta quddiem in-nutar att awtentikat bil-ħsieb ta’ eżekuzzjoni bil-forza ta’ obbligu f’terminu ta’ sena li jibda jiddekorri mill-jum li fih l-obbligu jsir eżiġibbli. Jekk id-debitur ikun tal-opinjoni li t-talba tal-kreditur ma hijiex fondata, huwa jista’, skont l-Artikolu 170 ta’ din l-istess liġi, jippreżenta rikors skont id-dispożizzjonijiet previsti mill-Artikolu 406 tal-kodiċi tal-proċedura ċivili (Latvijas Vēstnesis, 1998, Nru 236/330).

12

Skont l-Artikoli 108 sa 139 tal-imsemmija liġi, in-nutar għandu jawtentika, b’mod partikolari, il-firem, il-kopji u t-traduzzjonijiet, u jiddikjara r-realtà ta’ ċerti fatti, bħaċ-ċirkustanza li l-persuna hija ħajja.

13

In-nutar għandu jeżerċita, skont l-Artikoli 140 sa 145 tal-liġi nutarili, attivitajiet ta’ konservazzjoni tal-fondi, ta’ valuri mobbli u ta’ dokumenti.

14

Fil-qasam tas-suċċessjonijiet, l-Artikolu 264 ta’ din il-liġi jipprevedi li n-nutar għandu jistabbilixxi att nutarili meta l-konjugu superstitu u l-werrieta li jkunu aċċettaw il-wirt jaslu għal ftehim. L-Artikolu 315 tal-imsemmija liġi tispeċifika li kull diżgwid fil-qasam tas-suċċessjoni għandu jiġi riżolt mill-qorti b’mod konformi mal-proċeduri applikabbli.

15

L-Artikolu 320 tal-liġi nutarili jindika li n-nutar jista’ jaqsam il-patrimonju bil-kundizzjoni ma jkunx hemm diżgwid bejn il-werrieta f’dan ir-rigward. Kull diżgwid għandu, b’mod konformi mal-Artikolu 250(1) tal-kodiċi tal-proċedura ċivili, jiġi ppreżentat quddiem il-qorti li tista’, skont l-Artikolu 250(3) ta’ dan il-kodiċi taħtar lin-nutar sabiex jissorvelja l-iżvolġiment tal-qsim tal-patrimonju. F’dak il-każ, l-Artikolu 250(3) tal-imsemmi kodiċi jipprevedi li n-nutar, waqt li jifformula l-abbozz tal-qsim, għandu jadotta miżuri li jippermettu l-konċiljazzjoni tal-partijiet ikkonċernati u jista’ jiffaċilita l-konklużjoni ta’ ftehim bejniethom. L-Artikolu 250(5) ta’ dan l-istess kodiċi jispeċifika li n-nutar għandu jippreżenta quddiem il-qorti l-inventarju, il-valutazzjoni u l-abbozz tal-qsim tal-patrimonju.

16

Fir-rigward tal-kompetenza tan-nutar fil-qasam tad-divorzju, l-Artikoli 325 u 327 tal-liġi nutarili jipprevedu li n-nutar jista’ jxolji żwieġ f’każ ta’ talba konġunta min-naħa tal-konjugi, jekk ma jkollhomx tfal u ma jkunx proprjetarji ta’ beni immobbli komuni bejniethom. Fil-każijiet kuntrarji, in-nutar jista’ jiddikjara dan ix-xoljiment jekk preliminarjament, il-partijiet ikkonċernati jkunu kkonkludew kuntratt li jirregola l-kura u l-kustodja tat-tfal, il-modalitajiet tad-dritt ta’ aċċess għalihom u l-mezzi neċessarji għall-manteniment tagħhom jew il-qsim tal-proprjetà.

17

L-Artikolu 338 ta’ din il-liġi jispeċifika li n-nutar għandu jittrażmetti l-informazzjoni marbuta mad-divorzju transkonfinali lill-ministeru tal-affarijiet barranin.

Il-proċedura prekontenzjuża

18

Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Ottubru 2006, il-Kummissjoni intimat lir-Repubblika tal-Latvja sabiex tippreżenta quddiemha, f’terminu ta’ xahrejn, l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-konformità mal-Artikoli 49 TFUE u 51 TFUE tal-kundizzjoni tan-nazzjonalità rikjesta għall-aċċess għall-professjoni nutarili fil-Latvja.

19

Ir-Repubblika tal-Latvja wieġbet għal din l-ittra ta’ intimazzjoni permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Diċembru 2006, li fiha hija esponiet ir-raġunijiet li abbażi tagħhom, fl-opinjoni tagħha, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51 TFUE huwa applikabbli għan-nutara.

20

Peress li ma kinitx sodisfatta bl-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Latvja, il-Kummissjoni b’ittra tas-17 ta’ Ottubru 2007, bagħtitilha opinjoni motivata, li r-Repubblika tal-Latvja wieġbet għaliha permezz tal-ittra tat-3 ta’ Jannar 2008.

21

Fl-24 ta’ Mejju 2011, fis-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑47/08, EU:C:2011:334); Il-Kummissjoni vs Franza (C-50/08, EU:C:2011:335); Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C-51/08, EU:C:2011:336); Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-53/08, EU:C:2011:338); Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-54/08, EU:C:2011:339); u Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-61/08, EU:C:2011:340), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kundizzjoni tan-nazzjonalità rikjesta rispettivament, fil-Belġju, fi Franza, fil-Lussemburgu, fl-Awstrija, fil-Ġermanja u fil-Greċja, għall-aċċess għall-professjoni nutarili, tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità ipprojbita mill-Artikolu 43 KE (li sar l-Artikolu 49 TFUE). Ir-Repubblika tal-Latvja kienet intervenjenti, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, insostenn ta’ dawn l-Istati Membri.

22

Il-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Novembru 2011, ġibdet l-attenzjoni tar-Repubblika tal-Latvja dwar is-sentenzi msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.

23

Ir-Repubblika tal-Latvja wieġbet għal din l-ittra permezz tal-posta tal-5 ta’ Jannar 2012.

24

Fit-22 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata addizzjonali lir-Repubblika tal-Latvja, li fiha ġew ittrattati biss il-kwistjonijiet li ma kinux ġew indirizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tas-sentenzi msemmija fil-punt 21 ta’ din is-sentenza.

25

B’ittra tal-21 ta’ Jannar 2013, ir-Repubblika tal-Latvja wieġbet għal din l-opinjoni billi esponiet ir-raġunijiet li abbażi tagħhom hija tikkunsidra li l-pożizzjoni difiża mill-Kummissjoni ma kinitx fondata.

26

Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

Fuq ir-rikors

L-argumenti tal-partijiet

27

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-attivitajiet eżerċitati min-nutar fl-ordinament ġuridiku Latvjan ma humiex marbuta mal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51 TFUE kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

28

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-attività ta’ awtentikazzjoni tal-atti u tal-ftehimiet, il-Kummissjoni ssostni, minn naħa, li l-intervent tan-nutar jippreżumi l-eżistenza preliminari ta’ kunsens bejn il-partijiet u, min-naħa l-oħra, li n-nutar ma jistax ibiddel unilateralment att mingħajr ma jkun kiseb minn qabel il-kunsens tal-partijiet ikkonċernati. F’dan ir-rigward, hija tagħmel riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li din l-attività ta’ awtentikazzjoni ma tistax tiġi assimilata ma’ parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

29

Barra minn hekk, l-awtentikazzjoni tal-firem taċ-ċittadini fil-kuntest tal-proċedura tal-preżentazzjoni ta’ inizjattivi leġiżlattivi miċ-ċittadini għandha tkun suġġetta għall-istess evalwazzjoni.

30

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kompiti tan-nutar fil-qasam tal-konservazzjoni tal-fondi, tal-valuri mobbli u ta’ dokumenti, il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li dawn lanqas ma huma marbuta mal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51 TFUE.

31

Fit-tielet lok, il-kompiti tan-nutar fil-qasam tas-suċċessjonijiet huma, bħall-kwistjonijiet li huwa jamministra fil-qasam tad-divorzju, mhux kontenzjużi, peress li l-Artikolu 315 tal-liġi nutarili jipprevedi li kull vertenza f’dan il-qasam għandha tiġi deċiża fil-kuntest ta’ azzjoni ġudizzjarja.

32

Skont il-Kummissjoni, dawn l-attivitajiet huma ta’ natura preparatorja għall-eżerċizzju tal-awtorità pubblika sa fejn dawn iwasslu għall-istabbiliment ta’ inventarju tal-patrimonju, ta’ valutazzjoni ta’ dan tal-aħħar u ta’ abbozz ta’ qsim tas-suċċessjoni li n-nutar għandu sussegwentement jittrażmetti lill-qorti. Għaldaqstant ma jistax jitqies li n-nutar għandu, f’dan ir-rigward, setgħa deċiżjonali vinkolanti.

33

Fir-rigward, fir-raba’ lok, tal-attivitajiet tan-nutar fil-qasam tad-divorzju, il-Kummissjoni tenfasizza li l-liġi nutarili sempliċement tawtorizza lin-nutara li jiddikjaraw divorzji b’kunsens reċiproku. Hija biss il-qorti li hija kompetenti f’każ ta’ kunflitt bejn il-konjugi. Fir-rigward tad-divorzji transkonfinali, in-nutar iwettaq biss konstatazzjoni purament formali li wieħed mill-konjugi jinsab effettivament iddomiċiljat fit-territorju Latvjan.

34

Barra minn hekk, in-natura speċifika tal-istatus ta’ nutar fid-dritt Latvjan, il-ġurament ta’ fedeltà li dan tal-aħħar għandu jieħu fir-rigward tal-Istat Latvjan, l-aċċess li huwa għandu għal informazzjoni taħt ir-responsabbiltà tal-Istat u l-użu ta’ simboli statali ma humiex direttament rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura tal-attivitajiet eżerċitati min-nutara.

35

B’mod partikolari, il-Kummissjoni tfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward tal-istatus speċifiku tan-nutara, huwa b’riferiment għan-natura tal-attivitajiet inkwistjoni, ikkunsidrati waħidhom, u mhux b’riferiment għal dan l-istatus bħala tali, li jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk dawn l-attivitajiet jaqgħux taħt id-deroga prevista mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51 TFUE.

36

Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll li l-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li għalkemm huwa veru li parti mit-tariffi tan-nutara huma stabbiliti mil-liġi, xorta jibqa’ l-fatt li l-kwalità tas-servizzi pprovduti tista’ tvarja minn nutar għal ieħor skont il-kapaċitajiet professjonali ta’ dawn tal-aħħar. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li, fil-limiti tal-kompetenzi territorjali rispettivi tagħhom, in-nutara jeżerċitaw il-professjoni tagħhom f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni, fatt li ma jikkaratterizzax l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

37

Ir-Repubblika tal-Latvja, sostnuta mir-Repubblika Ċeka u mill-Ungerija, isostnu, fl-ewwel lok, li l-professjoni ta’ nutar ma tistax titqies li hija attività ta’ impriża fis-sens tal-Artikolu 49 TFUE, u dan kif ikkonfermat mill-Artikolu 239 tal-liġi nutarili li jindika li l-attività professjonali tan-nutara tikkonsisti f’xogħol intellettwali li ma għandux għan lukrattiv.

38

Barra minn hekk, in-nutara ma jeżerċitawx il-professjoni tagħhom f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni libera, peress li huma la jagħżlu s-servizzi li jipprovdu, la l-post tal-għoti tas-servizzi li huma jipprovdu u lanqas ir-remunerazzjoni li sservi bħala korrispettiv għal dawn is-servizzi li huma jipprovdu.

39

Fi kwalunkwe każ, in-nutara jeżerċitaw fil-Latvja attivitajiet li jaqgħu taħt il-parteċipazzjoni fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51 TFUE, anki jekk dan ma huwiex il-każ fir-rigward tan-nutara prattikanti fl-Istati Membri li ġew suġġetti, permezz tas-sentenzi msemmija fil-punt 21 tas-sentenza odjerna, għal konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu.

40

Fil-fatt, minn naħa, in-nutar għandu setgħa ta’ evalwazzjoni sa fejn huwa jista’ legalment jirrifjuta li jistabbilixxi atti nutarili marbuta ma’ attivitajiet illegali.

41

Min-naħa l-oħra, l-atti stabbiliti min-nutara fit-twettiq tal-kompiti tagħhom jiġi stabbiliti f’isem l-Istat.

42

Ir-Repubblika tal-Latvja ssostni, fit-tieni lok, li d-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali (ĠU L 255, p. 22), kif emendata bid-Direttiva 2013/55/UE (ĠU L 354, p. 132, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2005/36”), ma tapplikax għan-nutara, fatt li jirriżulta fl-esklużjoni tagħhom mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u tal-libertà ta’ stabbiliment.

43

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-attivitajiet eżerċitati min-nutara, il-Repubblika tal-Latvja tenfasizza li l-istabbiliment ta’ atti awtentiċi jikkostitwixxi manifestazzjoni tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, peress li l-awtentikazzjoni ta’ dokument tirrendih eżiġibbli fil-konfront ta’ terzi.

44

L-atti awtentiċi stabbiliti min-nutar b’hekk igawdu minn forza probatorja perfetta kif ukoll mill-forza eżekutorja, u l-fatt li att nutarili jista’ jkun is-suġġett ta’ azzjoni ġudizzjarja ma jimplikax li dan jikkostitwixxi biss att anċillari jew preparatorju.

45

Fir-rigward tal-kompetenzi tan-nutar fil-qasam tas-suċċessjonijiet, dan tal-aħħar jeżeriċta l-kompiti tiegħu b’mod indipendenti u huwa obbligat li jistabbilixxi atti marbuta mal-konferma tad-drittijiet tal-werrieta.

46

Fir-rigward tal-attivitajiet eżerċitati min-nutar fil-qasam tad-divorzju, ir-Repubblika tal-Latvja ssostni li ma jimpurtax wisq li dawn l-attivitajiet huma limitati għad-divorzji permezz ta’ kunsens reċiproku, sa fejn id-deċiżjoni li n-nutar jasal li jieħu f’dan il-qasam hija deċiżjoni definittiva li tinċidi kemm fuq il-partijiet kif ukoll fuq terzi. In-nutar ma huwa suġġett għal ebda sorveljanza ġudizzjarja fi-twettiq ta’ dawn il-funzjonijiet partikolari, u dan anki meta d-divorzji jkunu ta’ natura transkonfinali.

47

Barra minn hekk, iċ-ċirkustanza li d-divorzji huma rreġistrati fir-reġistru ċivili tal-Istat tikkonferma li l-kompitu tan-nutar f’dan il-qasam huwa marbut mal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika (sentenza Colegio de Oficiales de la Marina Mercante Española, C-405/01, EU:C:2003:515, punt 42).

Evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

48

Qabel xejn, hemm lok li jiġi rrilevat li fis-sentenzi msemmija fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-libertà ta’ stabbiliment, kif sanċita fl-Artikolu 49 TFUE hija applikabbli għall-professjoni nutarili.

49

L-argument tar-Repubblika tal-Latvja, kif imqassar fil-punti 37 u 38 ta’ din is-sentenza, li l-professjoni ta’ nutar ma tistax titqies li hija attività ta’ impriża, ma huwiex ta’ natura li jikkontesta tali evalwazzjoni.

50

Fil-fatt, minn naħa, skont l-Artikolu 238 tal-liġi nutarili, in-nutara jeżerċitaw professjoni liberali. L-ewwel nett, huwa paċifiku li, barra mill-każijiet fejn il-ħatra ta’ nutar hija prevista mil-liġi, kull parti għandha l-għażla libera ta’ nutar. Min-naħa l-oħra, huwa stabbilit li, salv għall-każijiet meta n-nutar huwa maħtur mil-liġi, kull parti tista’ tagħżel liberament in-nutar. Minkejja li huwa veru li t-tariffi tan-nutara huma ffissati mil-liġi, xorta jibqa’ l-fatt li l-kwalità tas-servizzi pprovduti tista’ tvarja minn nutar għal ieħor skont, b’mod partikolari, il-kapaċitajiet professjonali tal-persuni kkonċernati.

51

Isegwi li, fil-limiti tal-kompetenzi territorjali rispettivi tagħhom, in-nutara jeżerċitaw il-professjoni tagħhom f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni.

52

Jeħtieġ, sussegwentement, li jitfakkar li l-Artikolu 49 TFUE huwa intiż sabiex jiżgura l-benefiċċju ta’ trattament nazzjonali lil kull ċittadin ta’ Stat Membru li jistabbilixxi ruħu fi Stat Membru ieħor biex jeżerċita hemmhekk attività bħala persuna li taħdem għal rasha u sabiex jipprekludi kull diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità li tirriżulta mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali bħala restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Franza, 270/83, EU:C:1986:37, punt 14, u Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑157/09, EU:C:2011:794, punt 53).

53

Issa, f’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni nazzjonali kontenzjuża tirriżerva l-aċċess għall-professjoni ta’ nutar liċ-ċittadini Latvjani, u għalhekk toħloq differenza fit-trattament minħabba n-nazzjonalità li hija pprojbita, bħala prinċipju, mill-Artikolu 49 TFUE.

54

Ir-Repubblika tal-Latvja madankollu ssostni li l-attivitajiet nutarili ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 49 KE peress li huma marbuta mal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51 TFUE.

55

Hemm lok li jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi ċċitati fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, ġie kkunsidrat li l-attivitajiet li huma fdati bihom in-nutara kkonċernati ma jinkludux, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

56

Għandu jiġi vverifikat, fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, jekk l-attivitajiet fdati lin-nutara fl-ordinament ġuridiku Latvjan jinkludux parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

57

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-attività ta’ awtentikazzjoni, ma huwiex ikkontestat li din tal-aħħar hija kkaratterizzata mill-fatt li n-nutar huwa obbligat li jivverifika, b’mod partikolari, li huma ssodisfatti l-kundizzjonijiet kollha rikjesti legalment għall-istabbiliment tal-att.

58

Barra minn hekk, huma suġġetti għal awtentikazzjoni, skont il-leġiżlazzjoni Latvjana, l-atti jew l-ftehimiet li l-partijiet ikunu għażlu liberament li jaċċettaw. Fil-fatt, dawn jiddeċiedu huma stess, fil-limiti mogħtija mil-liġi, dwar il-portata tad-drittijiet u l-obbligi tagħhom u jagħżlu liberament il-klawżoli li huma jridu jissuġġettaw ruħhom għalihom meta dawn jippreżentaw lin-nutar att jew ftehim għal awtentikazzjoni. L-intervent ta’ dan tal-aħħar jippreżupponi, għalhekk, l-eżistenza minn qabel ta’ kunsens jew ta’ qbil tal-volontà bejn il-partijiet.

59

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-attività ta’ awtentikazzjoni b’hekk fdata lin-nutara ma tinkludix, bħala tali, parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51 TFUE (ara, b’analoġija, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-47/08, EU:C:2011:334, punt 92).

60

Ċertament, kif tenfasizza r-Repubblika tal-Latvja, meta huwa għandu jivverifika, qabel ma jwettaq l-awtentikazzjoni ta’ att jew ta’ ftehim, li huma ssodisfatti l-kundizzjonijiet rikjesti legalment għall-istabbiliment ta’ dan l-att jew ta’ dan il-ftehim, in-nutar isegwi għan ta’ interess ġenerali, jiġifieri li tiġi żgurata l-legalità u ċ-ċertezza legali tal-atti konklużi bejn individwi. Madankollu, is-sempliċi tfittxija ta’ dan l-għan ma jistax jiġġustifika li l-prerogattivi neċessarji għal dan l-għan ikunu rriżervati biss għan-nutara li huma ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-47/08, EU:C:2011:334, punti 94 u 95).

61

Huwa wkoll veru li n-nutar għandu jirrifjuta li jawtentika att jew ftehim li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet legalment meħtieġa, u dan indipendentement mill-volontà tal-partijiet. Madankollu, sussegwentement għal tali rifjut, dawn tal-aħħar jibqgħu liberi kemm li jirrimedjaw l-illegalità kkonstatata, kemm li jemendaw il-klawżoli tal-att jew tal-ftehim inkwistjoni, kif ukoll li jirrinunzjaw għal dan l-att jew għal dan il-ftehim (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-47/08, EU:C:2011:334, punt 98).

62

Għalhekk, bl-eċċezzjoni tal-argument marbut mal-eżiġibbiltà tal-att fil-konfront ta’ terzi, li ma jistax madankollu jintlaqa’ validament peress li l-imsemmija eżiġibbiltà hija marbuta biss mal-forza probatorja tal-att, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-Repubblika tal-Latvja ma tinvoka l-ebda element li jippermetti li ssir distinzjoni bejn l-attivitajiet nutarili fi ħdan dak l-Istat Membru minn dawk eżerċitati fl-Istati Membri li kienu suġġetti, bis-sentenzi msemmija fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, għal konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

63

Barra minn hekk, l-awtentikazzjoni min-nutar tal-firem taċ-ċittadini fil-kuntest tal-proċedura tal-preżentazzjoni ta’ inizjattivi leġiżlattivi miċ-ċittadini iktar u iktar ma jistgħux, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 60 u 61 ta’ din is-sentenza, jitqiesu li huma parteċipazzjoni fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

64

Jeħtieġ, fit-tieni lok, li jiġi vverifikat jekk l-attivitajiet l-oħra fdati lin-nutar fl-ordinament ġuridiku Latvjan li għalihom ir-Repubblika tal-Latvja tagħmel riferiment jinkludux parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

65

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-attivitajiet marbuta mal-konservazzjoni tal-fondi, tal-valuri mobbli u tad-dokumenti, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-Repubblika tal-Latvja ma tikkontestax li tali attivitajiet ma humiex marbuta mal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51 TFUE.

66

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kompiti eżerċitati fil-qasam tas-suċċessjonijiet, jeħtieġ li jiġi enfasizzat, minn naħa, li n-nutar jista’ jaqsam il-patrimonju biss fl-assenza ta’ diżgwid bejn il-werrieta u, min-naħa l-oħra, li huwa obbligat, f’każ ta’ diżgwid, skont l-Artikolu 250.3(5) tal-kodiċi tal-proċedura ċivili li jittrażmetti lill-qorti, l-inventarju, il-valutazzjoni tal-patrimonju u l-abbozz tal-qsim tal-patrimonju.

67

Peress li l-kompiti fdati lin-nutara fil-qasam tas-suċċessjoni jiġu eżerċitati, jew fuq bażi kunsenswali, jew bħala kompiti perparatorji taħt is-sorveljanza tal-qorti, dawn ma jistgħux, konsegwentement, jitqiesu li huma parteċipanti, bħala tali, direttament u speċifikament fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

68

Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-attivitajiet eżerċitati fil-qasam tad-divorzju, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, skont l-Artikoli 325 u 327 tal-liġi nutarili, in-nutar huwa kompetenti sabiex ixolji żwieġ fil-każ uniku fejn iż-żewġ konjugi jkunu esprimew il-qbil tagħhom fuq il-prinċipju tad-divorzju u fejn, fejn dawn ikollhom wild komuni jew ikollhom proprjetà flimkien, huma jkunu kkonkludew kuntratt li jikkonċerna l-kura u l-kustodja tal-wild, il-modalitajiet tad-dritt ta’ aċċess għalih u l-mezzi neċessarji għall-manteniment tiegħu jew il-qsim tal-proprjetà.

69

Barra minn hekk, fir-rigward ta’ każijiet oħra ta’ divorzju, mit-termini tal-Artikolu 233 tal-kodiċi tal-proċedura ċivili, li jifforma parti mill-Kapitolu 29, intitolat “Aspetti marbuta mal-annullament u max-xoljiment taż-żwieġ”, jirriżulta li t-trattament tagħhom jaqa’ taħt il-kompetenza tas-setgħa ġudizzjarja.

70

Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li l-kompetenza tan-nutar fil-qasam tad-divorzju, li hija msejsa esklużivament fuq il-volontà tal-partijiet u tħalli inoltrati l-prerogattivi tal-qorti fl-assenza ta’ ftehim ta’ dawn tal-aħħar, ma tinvolvi l-ebda parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

71

Fir-rigward tal-argument mislut mir-Repubblika tal-Latvja mis-sentenza Colegio de Oficiales de la Marina Mercante Española (C-405/01, EU:C:2003:515), fir-rigward tal-fatt li, fil-Latvja, id-divorzju bil-kunsens reċiproku ddikjarat min-nutar jiġi rreġistrat mid-dipartimenti taċ-ċivil, mill-punt 42 ta’ dik is-sentenza jirriżulta li, meta ddeċidiet li l-funzjonijiet fdati lill-kaptani u lil dawk li jkunu t-tieni fil-kmand tal-bastimenti għat-trasport ta’ merkanzija li jtajru l-bandiera Spanjola jikkostitwixxu parteċipazzjoni fl-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ setgħa pubblika, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet qiegħda tirreferi għall-funzjonijiet kollha eżerċitati minnhom, inklużi l-prerogattivi marbuta maż-żamma tas-sigurtà u mal-eżerċizzju tas-setgħat tal-pulizija, li huma akkumpanjati, fejn xieraq, minn setgħat ta’ investigazzjoni, ta’ koerżjoni jew ta’ sanzjoni, u mhux biss l-attributi li għandhom dawk il-kaptani jew dawk li jkunu t-tieni fil-kmand tal-bastimenti fil-qasam tal-istat ċivili.

72

Il-konklużjoni ddikjarata fil-punt 70 ta’ din is-sentenza ma hijiex iktar u iktar ikkontestata mill-kompetenza fdata lin-nutara fil-qasam tad-divorzji transkonfinali, sa fejn, minn naħa, dawn id-divorzji huma bbażati fuq il-volontà komuni tal-konjugi li jxolju ż-żwieġ tagħhom, u min-naħa l-oħra, il-kompitu tan-nutar, f’dan ir-rigward, jikkonsisti fil-verifika dwar jekk humiex issodisfatti l-kundizzjonijiet kollha rikjesti legalment sabiex jiġi ddikjarat tali divorzju. Issa, hekk kif jirriżulta mill-punti 60 u 61 ta’ din is-sentenza, dan il-kompitu ma jistax jitqies li huwa parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

73

Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-istatus speċifiku tan-nutara fl-ordinament ġuridiku Latvjan, huwa suffiċjenti li jitfakkar li huwa b’riferiment għan-natura tal-attivitajiet eżerċitati minn dawn in-nutara, ikkunsidrati waħidhom, u mhux b’riferiment għal dan l-istatus bħala tali, li jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk dawn l-attivitajiet jaqgħux taħt id-deroga prevista mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51 TFUE (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-47/08, EU:C:2011:334, punt 85).

74

Barra minn hekk, huwa stabbilit, kif intqal fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, li n-nutara għandhom jeżerċitaw il-professjoni tagħhom f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni, fatt li ma huwiex karatteristika tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika (ara, b’analoġija, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑47/08, EU:C:2011:334, punt 117).

75

Fl-aħħar, l-argument li tislet ir-Repubblika tal-Latvja mill-fatt li d-Direttiva 2005/36 ma tapplikax għan-nutara ma huwiex konvinċenti. Fil-fatt, il-fatt li l-leġiżlatur għażel li jeskludi l-attivitajiet nutarili mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ att partikolari, f’dan il-każ ta’ din id-direttiva, ma jfissirx madankollu li dawn tal-aħħar jaqgħu neċessarjament taħt id-deroga prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51 TFUE (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-47/08, EU:C:2011:334, punt 119).

76

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-attivitajiet nutarili, hekk kif huma ddefiniti fl-istat attwali tal-ordinament ġuridiku Latvjan, ma humiex parti mill-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51 KE.

77

Konsegwentement għandu jiġi kkonstatat li l-kundizzjoni ta’ nazzjonalità meħtieġa mil-leġiżlazzjoni Latvjana għall-aċċess għall-professjoni nutarili tikkostitwixxi diskriminazzjoni minħabba nazzjonalità pprojbita mill-Artikolu 49 KE.

78

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikors tal-Kummissjoni huwa fondat.

Fuq l-ispejjeż

79

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika tal-Latvja tilfet, hemm lok li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

80

Skont l-Artikolu 140(1) ta’ dawn ir-Regoli, l-Istati Membri li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Ir-Repubblika Ċeka u l-Ungerija u għandhom konsegwentement ibatu l-ispejjeż proprji tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi imponiet kundizzjoni ta’ nazzjonalità għall-aċċess għall-professjoni nutarili, ir-Repubblika tal-Latvja naqset mill-obbligi tagħha skont l-Artikolu 49 TFUE.

 

2)

Ir-Repubblika tal-Latvja hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

3)

Ir-Repubblika Ċeka hija kkundannata għall-ispejjeż tagħha.

 

4)

L-Ungerija hija kkundannata għall-ispejjeż tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.

Fuq