EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62012CJ0404

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-13 ta’ Jannar 2015.
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u Il-Kummissjoni Ewropea vs Stichting Natuur en Milieu u Pesticide Action Network Europe.
Appell — Regolament (KE) Nru 149/2008 — Regolament li jiffissa l-livelli massimi applikabbli għar-residwi ta’ pestiċidi — Talba għal eżami mill-ġdid intern ta’ dan ir-regolament, imressqa skont ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara t-talbiet inammissibbli — Miżura ta’ portata individwali — Konvenzjoni ta’ Aarhus — Validità tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 fid-dawl ta’ din il-konvenzjoni.
Kawżi magħquda C-404/12 P u C-405/12 P.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2015:5

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

13 ta’ Jannar 2015 ( *1 )

“Appell — Regolament (KE) Nru 149/2008 — Regolament li jiffissa l-livelli massimi applikabbli għar-residwi ta’ pestiċidi — Talba għal eżami mill-ġdid intern ta’ dan ir-regolament, imressqa skont ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara t-talbiet inammissibbli — Miżura ta’ portata individwali — Konvenzjoni ta’ Aarhus — Validità tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 fid-dawl ta’ din il-konvenzjoni”

Fil-Kawżi magħquda C‑404/12 P u C‑405/12 P,

li għandhom bħala suġġett appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati fl-24 u fis-27 ta’ Awwissu 2012, rispettivament,

Il‑Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Moore u K. Michoel, bħala aġenti,

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J.‑P. Kepenne, P. Oliver u S. Boelaert, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

appellanti,

sostnuti minn:

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. D. Hadroušek, bħala aġent,

intervenjenti fl-appell,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Stichting Natuur en Milieu, stabbilita f’Utrecht (il-Pajjiżi l-Baxxi),

Pesticide Action Network Europe, stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit),

irrappreżentati minn A. van den Biesen, avukat,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi President, A. Tizzano, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, A. Ó Caoimh u J.‑C. Bonichot (Relatur), Presidenti ta’ Awla, E. Levits, C. Toader, M. Berger, A. Prechal, E. Jarašiūnas u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Diċembru 2013,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Mejju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appelli tagħhom, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Stichting Natuur en Milieu u Pesticide Action Network Europe vs Il‑Kummissjoni (T‑338/08, EU:T:2012:300, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali annullat żewġ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, tal-1 ta’ Lulju 2008 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet kontenzjużi”), li jiċħdu bħala inammissibbli t-talbiet imressqa minn Stichting Natuur en Milieu u Pesticide Action Network Europe u intiżi sabiex il-Kummissjoni teżamina mill-ġdid ir-Regolament tagħha (KE) Nru 149/2008, tad-29 ta’ Jannar 2008, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi l-Annessi II, III u IV li jistipulaw il-livelli massimi ta’ residwi għall-prodotti koperti mill-Anness I tiegħu (ĠU L 58, p. 1).

Il-kuntest ġuridiku

Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus

2

Il-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, iffirmata f’Aarhus fil-25 ta’ Ġunju 1998 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE, tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU L 124, p. 4, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”), tipprovdi fl-Artikolu 1 tagħha, intitolat “Għan” [traduzzjoni mhux uffiċjali]:

“Sabiex tikkontribwixxi għall-protezzjoni tad-dritt ta’ kull persuna ta’ ġenerazzjonijiet preżenti u futuri li tgħix f’ambjent xieraq sabiex jiżgura s-saħħa u l-benesseri tagħha, kull Parti għandha tiggarantixxi d-drittijiet ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar l-ambjent, ta’ parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u ta’ aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

3

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tal-imsemmija konvenzjoni jipprovdi:

“Din id-definizzjoni [tat-termini ‘awtorità pubblika’] ma tinkludix korpi jew istituzzjonijiet li jaġixxu fl-eżerċizzju ta’ setgħat ġudizzjarji jew leġiżlattivi.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4

L-Artikolu 9 tal-istess konvenzjoni jipprovdi:

“1.   Kull Parti għandha tiżgura, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha, li kull persuna li tqis li t-talba għal informazzjoni mressqa minnha skont l-Artikolu 4 ġiet injorata, ġiet miċħuda abbużivament, kollha kemm hi jew parzjalment, jew ma tteħditx inkunsiderazzjoni b’mod adegwat jew ma ġietx ittrattata skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu, ikollha l-possibbiltà li tressaq proċedura ta’ stħarriġ quddiem qorti jew korp ieħor indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi.

Fil-każijiet fejn Parti tipprovdi għal tali stħarriġ quddiem qorti, hija għandha tiżgura li l-persuna kkonċernata jkollha aċċess ukoll għal proċedura mħaffa stabbilita bil-liġi li tkun bla ħlas jew li ma tiswiex ħafna, bil-għan li t-talba tiġi eżaminata mill-ġdid minn awtorità pubblika jew li tiġi eżaminata minn korp indipendenti jew imparzjali li ma huwiex qorti.

Id-deċiżjonijiet finali meħuda skont il-paragrafu 1 għandhom jorbtu lill-awtorità pubblika li jkollha l-informazzjoni. Ir-raġunijiet li jiġġustifikawhom għandhom jingħataw bil-miktub, għall-inqas meta l-aċċess għall-informazzjoni jiġi rrifjutat taħt dan il-paragrafu.

2.   Kull Parti għandha tiżgura li, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha, il-membri tal-pubbliku kkonċernat

a)

li jkollhom interess ġuridiku suffiċjenti;

jew, alternattivament,

b)

li jsostnu ksur ta’ dritt, meta l-liġi proċedurali amministrattiva ta’ Parti tistabbilixxi tali rekwiżit,

ikunu jistgħu jressqu proċedura ta’ stħarriġ quddiem qorti u/jew korp indipendenti u imparzjali ieħor stabbilit bil-liġi sabiex jikkontestaw il-legalità sostantiva u proċedurali ta’ kull deċiżjoni, att jew ommissjoni suġġetta għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 u, jekk id-dritt intern hekk jipprovdi u mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3 iktar ’il quddiem, għad-dispożizzjonijiet rilevanti l-oħra ta’ din il-konvenzjoni.

Dak li jikkostitwixxi interess suffiċjenti u ksur ta’ dritt għandu jiġi stabbilit skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt intern u konformement mal-għan li l-pubbliku kkonċernat jingħata aċċess wiesa’ għall-ġustizzja fil-kuntest ta’ din il-konvenzjoni. Għal dan il-għan, l-interess ta’ kull organizzazzjoni mhux governattiva li tissodisfa r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 2(5) għandu jitqies li huwa suffiċjenti fis-sens tal-punt (a) iktar ’il fuq. L-imsemmija organizzazzjonijiet għandhom ukoll jitqiesu li għandhom drittijiet li jistgħu jkunu suġġett ta’ ksur fis-sens tal-punt (b) iktar ’il fuq.

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu 2 ma għandhomx jeskludu l-possibbiltà ta’ proċedura ta’ stħarriġ preliminari quddiem awtorità amministrattiva u ma għandhomx jaffettwaw ir-rekwiżit li jiġu eżawriti r-rimedji amministrattivi qabel ma tinbeda proċedura ta’ stħarriġ ġudizzjarju, meta tali rekwiżit ikun previst fid-dritt intern.

3.   Barra minn hekk, u bla ħsara għall-proċeduri ta’ stħarriġ imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 iktar ’il fuq, kull Parti għandha tiżgura li l-membri tal-pubbliku li jissodisfaw il-kriterji previsti mid-dritt intern tagħha, jekk ikun hemm, ikunu jistgħu jibdew proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji sabiex jikkontestaw l-atti jew l-ommissjonijiet ta’ individwi jew ta’ awtoritajiet pubbliċi li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tal-ambjent.

4.   Barra minn hekk, u bla ħsara għall-paragrafu 1, il-proċeduri msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 iktar ’il fuq għandhom jipprovdu rimedji xierqa u effettivi, inklużi inġunzjonijiet fejn ikun xieraq, u għandhom ikunu ġusti, ekwi u mingħajr dewmien u ma għandhomx jinvolvu spiża projbittiva. Id-deċiżjonijiet meħuda skont dan l-artikolu għandhom jingħataw jew għandhom jiġu rreġistrati bil-miktub. Id-deċiżjonijiet tal-qrati, u kull fejn possibbli ta’ korpi oħrajn, għandhom ikunu aċċessibbli għall-pubbliku.

5.   Sabiex id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu jkunu iktar effettivi, kull Parti għandha tiżgura li l-pubbliku jkun informat bil-possibbiltà mogħtija lilu li jibda proċeduri ta’ stħarriġ amministrattiv jew ġudizzjarju, u għandha tikkunsidra l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi xierqa ta’ assistenza bil-ħsieb li jiġu eliminati jew imnaqqsa l-ostakoli finanzjarji jew ostakoli oħra li jfixklu l-aċċess għall-ġustizzja.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006

5

Ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Settembru 2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, p. 13), jiddikjara fil-premessa 18 tiegħu:

“L-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jipprovdi għal aċċess għal proċeduri ġudizzjarji jew proċeduri oħra ta’ reviżjoni [stħarriġ] għall-kontestazzjoni ta’ atti u ommissjonijiet minn persuni fiżiċi u minn awtoritajiet pubbliċi li jiksru disposizzjonijiet tal-liġi relattivi għall-ambjent. Id-disposizzjonijiet dwar l-aċċess għall-ġustizzja għandhom ikunu konsistenti mat-Trattat [KE]. Huwa xieraq f’dan il-kuntest li dan ir-Regolament jindirizza biss atti u ommissjonijiet minn awtoritajiet pubbliċi.”

6

L-Artikolu 1(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ l-obbligi li jirriżultaw taħt il-[Konvenzjoni ta’ Aarhus], billi jiġu stabbiliti regoli sabiex jiġu applikati d-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni għall-istituzzjonijiet u korpi tal-Komunità, partikolarment billi:

[…]

(d)

jingħata aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali fil-livell Komunitarju taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti b’dan ir-Regolament.”

7

L-Artikolu 2(1)(g) tal-istess regolament jiddefinixxi l-kunċett ta’ “att amministrattiv” fit-termini segwenti:

“kwalunkwe miżura ta’ ambitu individwali taħt il-liġi ambjentali, meħuda minn xi istituzzjoni jew korp tal-Komunità, u li għandha effetti esterni u li jorbtu legalment.”

8

L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1367/2006, intitolat “Talba għal reviżjoni interna [eżami mill-ġdid intern] ta’ l-atti amministrattivi”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Kwalunkwe organizzazzjoni mhux governattiva li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 11 għandha d-dritt li tagħmel talba għal reviżjoni interna [eżami mill-ġdid intern] lill-istituzzjoni jew korp tal-Komunità li adottaw att amministrattiv taħt xi liġi ambjentali jew, f’każ ta’ allegazzjoni ta’ ommissjoni amministrattiva, li kellhom jadottaw tali att.”

Id-Direttiva 2003/4/KE

9

Fl-Artikolu 2(2)(a) tagħha, id-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2003, dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Diretiva tal-Kunill 90/313/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 375), tiddefinixxi l-kunċett ta’ “[a]wtorità pubblika” bħala, b’mod partikolari, “l-amministrazzjoni governattiva jew amministrazzjoni oħra pubblika, inklużi l-korpi pubbliċi konsultattivi fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali”, filwaqt li tispeċifika li “[l-]Istati Membri jistgħu jipprovdu illi din id-definizzjoni ma għandhiex tinkludi korpi jew istituzzjonijiet meta jaġixxu f’kapaċità ġudizzjali jew leġislattiva. […]”.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

10

Permezz ta’ ittri tas-7 u tal-10 ta’ April 2008, Stichting Natuur en Milieu, fondazzjoni rregolata mid-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi stabbilita f’Utrecht (il-Pajjiżi l-Baxxi), li għandha bħala għan il-ħarsien tal-ambjent u Pesticide Action Network Europe, fondazzjoni rregolata mid-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit), li tiġġieled kontra l-użu tal-pestiċidi kimiċi, talbu lill-Kummissjoni twettaq eżami mill-ġdid intern tar-Regolament Nru 149/2008, abbażi tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006.

11

Permezz tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, il-Kummissjoni ċaħdet dawn it-talbiet bħala inammissibbli għar-raġuni li r-Regolament Nru 149/2008 ma huwiex miżura ta’ portata individwali u li, għaldaqstant, ma jistax jitqies li huwa “att amministrattiv” fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Nru 1367/2006, li jista’ jkun suġġett ta’ proċedura ta’ eżami mill-ġdid intern previst fl-Artikolu 10 ta’ dan tal-aħħar.

Ir-rikorsi quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

12

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Awwissu 2008, l-imsemmija fondazzjonijiet talbu l-annullament tad-deċiżjonijiet kontenzjużi. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura tal-ewwel istanza, ir-Repubblika tal-Polonja u l-Kunsill intervjenew insostenn tal-Kummissjoni.

13

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors għal annullament.

14

Wara li ċaħdet bħala inammissibbli t-tieni talba tar-rikorrenti intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tordna lill-Kummissjoni tiddeċiedi fuq il-mertu tal-imsemmija talbiet għal eżami mill-ġdid intern, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-eċċezzjoni, imqajma mill-Kummissjoni, ta’ inammissibbiltà tas-sottomissjonijiet komplementari għar-rikors promotur ippreżentati mir-rikorrenti.

15

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll bħala infondat l-ewwel motiv imqajjem mir-rikorrenti fl-ewwel istanza, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi billi kklassifikat ir-Regolament Nru 149/2008 bħala att ta’ portata ġenerali li ma setax jitqies li huwa att amministrattiv fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Nru 1367/2006 u, għaldaqstant, ma setax ikun is-suġġett ta’ talba għal eżami mill-ġdid intern skont l-Artikolu 10(1) tal-istess regolament. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali laqgħet it-tieni motiv imqajjem insostenn tar-rikors ippreżentat quddiemha, li ġie invokat sussidjarjament u li kien ibbażat fuq l-illegalità ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar minħabba l-inkompatibbiltà tagħha mal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

16

Wara li fakkret, fil-punti 51 u 52 tas-sentenza appellata, li, bħal kull ftehim internazzjonali ieħor li fih l-Unjoni hija parti, il-Konvenzjoni ta’ Aarhus tgawdi mis-supremazija fuq l-atti sekondarji tal-Unjoni, il-Qorti Ġenerali speċifikat, fil-punt 53 tal-istess sentenza, li l-Qorti tal-Unjoni ma tistax tistħarreġ il-validità ta’ dispożizzjoni ta’ regolament fid-dawl ta’ ftehim internazzjonali ħlief meta n-natura u l-istruttura ta’ dan tal-aħħar ma jipprekludux dan u ħlief, barra minn hekk, meta d-dispożizzjonijiet tiegħu jidhru, f’dak li jirrigwarda l-kontenut tagħhom, inkundizzjonati u preċiżi biżżejjed.

17

Madankollu, fil-punt 54 tas-sentenza appellata, hija fakkret li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija kellha twettaq l-istħarriġ tagħha tal-legalità ta’ att tal-Unjoni fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ ftehim internazzjonali li ma humiex ta’ natura li joħolqu d-dritt għall-individwi li jibbażaw ruħhom fuqhom fi proċeduri ġudizzjarji meta l-Unjoni kellha l-intenzjoni timplementa obbligu partikolari assunt fil-kuntest ta’ dan il-ftehim jew fil-każ fejn l-att sekondarju jirreferi b’mod espliċitu għal dispożizzjonijiet preċiżi ta’ dan tal-aħħar (sentenzi Fediol vs Il‑Kummissjoni, 70/87, EU:C:1989:254, punti 19 sa 22, u Nakajima vs Il‑Kunsill, C‑69/89, EU:C:1991:186, punt 31). Minn dan hija kkonkludiet, fl-istess punt 54, li l-qorti tal-Unjoni għandha twettaq l-istħarriġ tal-legalità ta’ regolament fid-dawl ta’ ftehim meta dan ir-regolament ikun intiż sabiex jimplementa obbligu impost minn dan il-ftehim fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

18

Fil-punti 57 u 58 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li dawn il-kundizzjonijiet kienu ssodisfatti f’dan il-każ billi, minn naħa, ir-rikorrenti, li ma kinux qed jinvokaw l-effett dirett tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim, kienu qed jikkontestaw b’mod inċidentali, skont l-Artikolu 241 KE, il-validità ta’ dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1367/2006 fid-dawl tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u, min-naħa l-oħra, dan ir-regolament kien ġie adottat sabiex jiġu ssodisfatti l-obbligi internazzjonali tal-Unjoni, previsti fl-Artikolu 9(3) ta’ din il-konvenzjoni, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) u mill-premessa 18 ta’ dan ir-regolament.

19

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tal-Kummissjoni li l-Konvenzjoni ta’ Aarhus ma hijiex applikabbli billi, meta adottat ir-Regolament Nru 149/2008, hija aġixxiet “fl-eżerċizzju ta’ setgħat leġiżlattivi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) ta’ din il-Konvenzjoni. Fil-fatt, fil-punt 65 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet aġixxiet fl-eżerċizzju ta’ setgħat ta’ implementazzjoni tagħha.

20

Fil-punt 83 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, sa fejn jipprevedi proċedura ta’ eżami mill-ġdid intern biss għal “att amministrattiv”, li huwa ddefinit fl-Artikolu 2(1)(g) tal-istess regolament bħala “kwalunkwe miżura ta’ ambitu individwali”, ma huwiex kompatibbli mal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

21

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjonijiet kontenzjużi.

It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

22

Permezz tal-appelli tagħhom, il-Kunsill u l-Kummissjoni jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tiċħad ir-rikors tar-rikorrenti fl-ewwel istanza fl-intier tiegħu u tikkundanna lil dawn tal-aħħar in solidum u konġuntament għall-ispejjeż.

23

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Novembru 2012, il-Kawżi C‑404/12 P u C‑405/12 P ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza.

24

Fit-28 ta’ Frar 2013, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza ppreżentaw risposta għall-appell li fiha jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-Kummissjoni u lill-Kunsill għall-ispejjeż sostnuti minnhom kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell.

25

Ir-rikorrenti fl-ewwel istanza ppreżentaw ukoll appell inċidentali li permezz tiegħu huma jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata u d-deċiżjonijiet kontenzjużi u tikkundanna lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti minnhom kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fil-proċedura ta’ appell.

26

Il-Kunsill u l-Kummissjoni ppreżentaw risposta għall-appell inċidentali fid-29 u fis-17 ta’ Mejju 2013, rispettivament.

Fuq l-appelli

Fuq l-appell inċidentali

L-argumenti tal-partijiet

27

Stichting Natuur en Milieu u Pesticide Action Network Europe jsostnu li l-Qorti Ġenerali vvizzjat is-sentenza appellata bi żball ta’ liġi billi naqset milli tirrikonoxxi li l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus għandu effett dirett, tal-inqas, sa fejn jipprovdi li l-“atti” li jiksru d-dritt nazzjonali tal-ambjent għandhom ikunu jistgħu jiġu mistħarrġa u, konsegwentement, billi rrifjutat li tevalwa l-legalità tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni tal-imsemmija konvenzjoni.

28

Il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu li l-appell inċidentali għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli minħabba n-natura “kundizzjonali” tiegħu. Barra minn hekk, huwa ma josservax ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 178 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

29

Sussidjarjament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu li, fi kwalunkwe każ, dan l-appell inċidentali huwa infondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

30

Għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikoli 169(1) u 178(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan ta’ kull appell, irrispettivament minn jekk ikunx prinċipali jew inċidentali, jista’ jkun biss l-annullament, totali jew parzjali, tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali.

31

F’dan il-każ, Stichting Natuur en Milieu u Pesticide Action Network Europe kisbu, quddiem il-Qorti Ġenerali, l-annullament tad-deċiżjonijiet kontenzjużi skont it-talbiet tar-rikors tagħhom. Għaldaqstant, l-appell inċidentali tagħhom, li, fir-realtà, huwa intiż biss sabiex tinkiseb sostituzzjoni ta’ motivi f’dak li jirrigwarda l-analiżi tal-invokabbiltà tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, ma jistax jintlaqa’ (ara b’analoġija, f’dak li jirrigwarda appell prinċipali, is-sentenza Al‑Aqsa vs Il‑Kunsill u Il‑Pajjiżi l-Baxxi vs Al‑Aqsa, C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711, punti 43 sa 45).

32

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-appell inċidentali għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

Fuq l-appelli prinċipali

33

Il-Kunsill u l-Kummissjoni jinvokaw l-ewwel aggravju abbażi tal-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet li l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jista’ jiġi invokat għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-konformità tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 ma’ din id-dispożizzjoni.

34

Il-Kunsill jinvoka t-tieni aggravju, ibbażat fuq l-allegazzjoni li, fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus billi kkunsidrat li r-Regolament Nru 1367/2006 ma huwiex kompatibbli ma’ dan l-artikolu.

35

Il-Kummissjoni tinvoka wkoll it-tieni aggravju, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi qieset li l-adozzjoni tar-Regolament Nru 149/2008 ma taqax taħt l-eżerċizzju ta’ setgħat leġiżlattivi fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

Fuq l-ewwel aggravju tal-appelli

L-argumenti tal-partijiet

36

Il-Kunsill isostni li ż-żewġ każijiet li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat il-possibbiltà li individwu jibbaża ruħu fuq id-dispożizzjonijiet ta’ ftehim internazzjonali li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ inkundizzjonalità u ta’ preċiżjoni meħtieġa sabiex jista’ jiġi invokat għall-finijiet tal-evalwazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ att tal-Unjoni huma eċċezzjonali u, fi kwalunkwe każ, ma jikkorrispondux għal dawk ta’ din il-kawża.

37

B’mod partikolari, minn naħa, is-soluzzjoni adottata fis-sentenza Fediol vs Il‑Kummissjoni (EU:C:1989:254) hija ġġustifikata miċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dik il-kawża, li fil-kuntest tagħha r-regolament inkwistjoni kien jagħti lill-operaturi kkonċernati d-dritt li jibbażaw ruħhom fuq ir-regoli tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (iktar ’il quddiem il-“GATT”). Barra minn hekk, din is-soluzzjoni ma hijiex intiża li tiġi applikata barra mill-kamp speċifiku ta’ dan il-ftehim.

38

Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda s-sentenza Nakajima vs Il-Kunsill (EU:C:1991:186), il-Kunsill jidhirlu li din tikkonċerna biss il-każ fejn l-Unjoni kellha l-intenzjoni timplementa obbligu partikolari assunt fil-kuntest tal-GATT, li lanqas ma huwa l-każ f’din il-kawża.

39

Il-Kummissjoni tinvoka essenzjalment argumenti simili.

40

F’dak li jirrigwarda s-sentenza Fediol vs Il-Kummissjoni (EU:C:1989:254), hija żżid li din tirrigwarda biss il-każ fejn att tal-Unjoni għamel riferiment espliċitu għal dispożizzjonijiet partikolari tal-GATT.

41

F’dak li jirrigwarda s-sentenza Nakajima vs Il-Kunsill (EU:C:1991:186), hija jidhrilha li din ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tippermetti li jiġi mistħarreġ kull att tad-dritt tal-Unjoni fid-dawl tal-ftehim internazzjonali implementat, jekk ikun il-każ, minn dan l-att. Sabiex tali stħarriġ ikun jista’ jitwettaq, l-att tad-dritt tal-Unjoni għandu jikkostitwixxi implementazzjoni diretta u eżawrjenti tal-ftehim internazzjonali u għandu jkun relatat ma’ obbligu suffiċjentement ċar u preċiż ta’ dan tal-aħħar, li ma huwiex il-każ f’din il-kawża.

42

Stichting Natuur en Milieu u Pesticide Action Network Europe jsostnu li s-sentenza Lesoochranárske zoskupenie (C‑240/09, EU:C:2011:125) ma tagħtix indikazzjonijiet dwar il-kwistjoni tal-effett dirett tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus f’dak li jirrigwarda l-atti li jistgħu jiġu mistħarrġa u li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li din il-konvenzjoni tfittex li tagħti drittijiet lill-individwi.

43

Huma jidhrilhom li n-natura u l-għan tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ma jimpedixxux l-istħarriġ tal-validità mitlub mill-assoċjazzjonijiet ambjentali u li l-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza Fediol vs Il‑Kummissjoni (EU:C:1989:254) huma ssodisfatti f’dan il-każ billi r-Regolament Nru 1367/2006 jinkludi diversi riferimenti għal din il-konvenzjoni u, b’mod partikolari, għall-Artikolu 9(3) tagħha. Huma jqisu li l-Qorti tal-Ġustizzja ma llimitatx il-portata ta’ dik is-sentenza għall-materji li jaqgħu taħt il-GATT u d-WTO.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

44

Skont l-Artikolu 300(7) KE (li sar l-Artikolu 216(2) TFUE), il-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni jorbtu lill-istituzzjonijiet ta’ din tal-aħħar u, konsegwentement, jipprevalu fuq l-atti adottati minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Intertanko et, C‑308/06, EU:C:2008:312, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Madankollu, l-effetti, fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, tad-dispożizzjonijiet ta’ ftehim konkluż minn din tal-aħħar ma’ Stati terzi ma jistgħux jiġu ddeterminati billi tiġi injorata l-oriġini internazzjonali ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Konformement mal-prinċipji tad-dritt internazzjonali, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li huma kompetenti sabiex jinnegozjaw u jikkonkludu tali ftehim huma liberi li jiftiehmu mal-Istati terzi kkonċernati dwar l-effetti li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim għandu jkollhom fl-ordinament intern tal-partijiet kontraenti. Fin-nuqqas li din il-kwistjoni tkun ġiet irregolata espressament f’dan il-ftehim, huma l-qrati li jkollhom ġurisdizzjoni, u b’mod partikolari l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha skont it-Trattat FUE, li għandhom jiddeċiedu dwarha bl-istess mod bħalma jiddeċiedu dwar kull kwistjoni oħra ta’ interpretazzjoni relatata mal-applikazzjoni tal-ftehim inkwistjoni fl-Unjoni, billi jibbażaw ruħhom, b’mod partikolari, fuq l-ispirtu, l-istruttura jew it-termini ta’ dan il-ftehim (ara s-sentenza FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑120/06 P u C‑121/06 P, EU:C:2008:476, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dispożizzjonijiet ta’ ftehim internazzjonali li fih l-Unjoni hija parti jistgħu biss jiġu invokati insostenn ta’ rikors għall-annullament ta’ att sekondarju tal-Unjoni jew ta’ eċċezzjoni bbażata fuq l-illegalità ta’ tali att bil-kundizzjoni, minn naħa, li dan ma jkunx prekluż min-natura u mill-istruttura ta’ dan il-ftehim u, min-naħa l-oħra, li dawn id-dispożizzjonijiet ikunu jidhru, mill-aspett tal-kontenut tagħhom, li huma inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi (ara s-sentenzi Intertanko et, EU:C:2008:312, punt 45; FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, EU:C:2008:476, punti 110 u 120; u Air Transport Association of America et, C‑366/10, EU:C:2011:864, punt 54).

47

F’dak li jirrigwarda l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, dan tal-aħħar ma jinkludi ebda obbligu inkundizzjonat u suffiċjentement preċiż ta’ natura li jirregola direttament is-sitwazzjoni legali tal-individwi, u, għaldaqstant, ma jissodisfax dawn il-kundizzjonijiet. Fil-fatt, peress li huma biss “il-membri tal-pubbliku li jissodisfaw il-kriterji previsti mid-dritt intern [...], jekk ikun hemm,” li għandhom id-drittijiet previsti fl-Artikolu 9(3), din id-dispożizzjoni hija suġġetta, fl-implementazzjoni jew fl-effetti tagħha, għall-adozzjoni ta’ att sussegwenti (ara s-sentenza Lesoochranárske zoskupenie, C‑240/09, EU:C:2011:125, punt 45).

48

Huwa tabilħaqq minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset ukoll li, fil-każ fejn l-Unjoni kellha l-intenzjoni timplementa obbligu partikolari assunt fil-kuntest tal-ftehimiet konklużi fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (iktar ’il quddiem il-“Ftehimiet WTO”) jew meta l-att tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni jirreferi espressament għal dispożizzjonijiet preċiżi ta’ dawn il-ftehimiet, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistħarreġ il-legalità tal-att inkwistjoni u tal-atti adottati għall-applikazzjoni tiegħu fid-dawl tar-regoli ta’ dawn il-ftehimiet (ara s-sentenzi Fediol vs Il‑Kummissjoni, EU:C:1989:254, punt 19 sa 23; Nakajima vs Il-Kunsill, EU:C:1991:186, punti 29 sa 32; Il‑Ġermanja vs Il-Kunsill, C‑280/93, EU:C:1994:267, punt 111; u L-Italja vs Il-Kunsill, C‑352/96, EU:C:1998:531, punt 19).

49

Madankollu, dawn iż-żewġ eċċezzjonijiet kienu ġġustifikati biss mill-elementi partikolari tal-ftehimiet li taw lok għall-applikazzjoni tagħhom.

50

Fil-fatt, fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda s-sentenza Fediol vs Il-Kummissjoni (EU:C:1989:254), għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2641/84, tas-17 ta’ Settembru 1984, dwar it-tisħiħ tal-politika kummerċjali komuni fir-rigward b’mod partikolari tal-protezzjoni kontra prattiċi kummerċjali illeċiti (ĠU L 252, p. 1), li kien inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, kien jirreferi espressament għar-regoli tad-dritt internazzjonali bbażati, essenzjalment, fuq il-GATT, u kien jagħti lill-persuni kkonċernati d-dritt li jibbażaw ruħhom fuq id-dispożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar fil-kuntest ta’ lment imressaq skont l-istess regolament (sentenza Fediol vs Il-Kummissjoni, EU:C:1989:254, punt 19), filwaqt li, f’dan il-każ, l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 ma jagħmilx riferiment dirett għal dispożizzjonijiet preċiżi tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u lanqas ma jagħti drittijiet lill-individwi. Konsegwentement, fl-assenza ta’ tali riferiment espliċitu għal dispożizzjonijiet ta’ ftehim internazzjonali, l-imsemmija sentenza ma tistax titqies rilevanti għal dan il-każ.

51

Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda s-sentenza Nakajima vs Il-Kunsill (EU:C:1991:186), għandu jiġi rrilevat li l-atti tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni f’dik is-sentenza kienu marbuta mas-sistema antidumping li hija dettaljata ħafna fit-tfassil u fl-applikazzjoni tagħha, fis-sens li tipprovdi għal miżuri fil-konfront tal-impriżi akkużati li jużaw prattiki ta’ dumping. Iktar konkretament, ir-regolament bażiku inkwistjoni f’dik il-kawża kien ġie stabbilit konformement mal-obbligi internazzjonali eżistenti tal-Komunità, b’mod partikolari dawk li jirriżultaw mill-Ftehim dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-tariffi u l-kummerċ, approvat, f’isem il-Komunità, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 80/271/KEE, tal-10 ta’ Diċembru 1979, dwar il-konklużjoni ta’ Ftehimiet Multilaterali li jirriżultaw min-negozjati kummerċjali mill-1973 sal-1979 (ĠU 1980, L 71, p. 1) (ara s-sentenza Nakajima vs Il-Kunsill (EU:C:1991:186, punt 30). Issa, f’dan il-każ, ma jistax ikun li l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 qed jimplementa l-obbligi speċifiċi fis-sens tal-imsemmija sentenza, billi, kif jirriżulta mill-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, il-partijiet kontraenti għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fir-rigward tad-definizzjoni tal-modalitajiet ta’ implementazzjoni tal-“proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji”.

52

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li ma huwiex possibbli li jiġi kkunsidrat li, bl-adozzjoni tal-imsemmi regolament, li jikkonċerna biss lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u, barra minn hekk, jirrigwarda biss wieħed mir-rimedji li għandhom l-individwi sabiex jiżguraw li d-dritt ambjentali tal-Unjoni jiġi rrispettat, dawn l-istituzzjonijiet kellhom l-intenzjoni jimplementaw, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus fir-rigward tal-proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji nazzjonali, li, barra minn hekk, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, jaqgħu essenzjalment taħt id-dritt tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lesoochranárske zoskupenie, EU:C:2011:125, punti 41 u 47).

53

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li, billi ddeċidiet li l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus seta’ jiġi invokat għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-legalità tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, il-Qorti Ġenerali vvizzjat is-sentenza tagħha bi żball ta’ liġi.

54

Għaldaqstant, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-aggravji l-oħra invokati mill-Kunsill u mill-Kummissjoni insostenn tal-appelli tagħhom.

Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

55

Skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali u tista’ għalhekk tiddeċiedi l-kawża hija stess b’mod definittiv, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha.

56

Il-Qorti tal-Ġustizzja jidhrilha li l-kawża hija fi stat li tiġi deċiża u li għandha tiddeċiedi fuq il-mertu tat-talba għall-annullament tad-deċiżjonijiet kontenzjużi.

57

Permezz tal-ewwel motiv tar-rikors tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali, Stichting Natuur en Milieu u Pesticide Action Network Europe sostnew li l-Kummissjoni kienet żbaljat meta kkunsidrat li t-talbiet tagħhom għal eżami mill-ġdid intern tar-Regolament Nru 146/2008 kienu inammissibbli, għar-raġuni li dan ir-regolament kien miżura ta’ portata ġenerali.

58

Dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat għall-istess raġunijiet bħal dawk adottati mill-Qorti Ġenerali.

59

Permezz tat-tieni motiv tar-rikors tagħhom, Stichting Natuur en Milieu u Pesticide Action Network Europe sostnew ukoll li l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 huwa invalidu, sa fejn jillimita l-kunċett ta’ “atti” fis-sens tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus għall-atti amministrattivi individwali biss.

60

Mill-punt 47 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ma għandux iċ-ċarezza u l-preċiżjoni meħtieġa sabiex din id-dispożizzjoni tkun tista’ tiġi invokata b’mod utli quddiem il-qorti tal-Unjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-legalità tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006.

61

Konsegwentement, dan it-tieni motiv tar-rikors għandu wkoll jiġi miċħud bħala infondat.

62

Peress li ebda wieħed miż-żewġ motivi tar-rikors ippreżentat minn Stichting Natuur en Milieu u Pesticide Action Network Europe quddiem il-Qorti Ġenerali ma huwa fondat, dan tal-aħħar għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

63

Skont l-Artikolu 138(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, il-persuna li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Jekk ikun hemm iktar minn parti waħda li titlef il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar kif għandhom jinqasmu l-ispejjeż.

64

Peress li Stichting Natuur en Milieu u Pesticide Action Network Europe tilfu u l-Kunsill u l-Kummissjoni talbu li huma jiġu kkundannati għall-ispejjeż, hemm lok li dawn jiġu kkundannati in solidum għall-ispejjeż sostnuti mill-Kunsill u mill-Kummissjoni kemm fl-ewwel istanza kif ukoll f’dawn l-appelli.

65

Skont l-Artikolu 140(1) tal-imsemmija Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, l-Istati Membri li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Konsegwentement, għandu jiġi deċiż li r-Repubblika Ċeka għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell inċidentali huwa miċħud.

 

2)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Stichting Natuur en Milieu u Pesticide Action Network Europe vs Il-Kummissjoni (T‑338/08, EU:T:2012:300) hija annullata.

 

3)

Ir-rikors għal annullament ippreżentat minn Stichting Natuur en Milieu u Pesticide Action Network Europe quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea huwa miċħud.

 

4)

Stichting Natuur en Milieu u Pesticide Action Network Europe huma kkundannati in solidum għall-ispejjeż sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mill-Kummissjoni Ewropea fl-ewwel istanza u fl-appelli.

 

5)

Ir-Repubblika Ċeka għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Fuq