Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62014CC0157

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Jääskinen, ippreżentati fid-9 ta’ Lulju 2015.
    Société Neptune Distribution vs Ministre de l'Économie et des Finances.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d'État.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KE) Nru 1924/2006 – Direttiva 2009/54/KE – Artikoli 11(1) u 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Protezzjoni tal-konsumatur – Indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa – Ilmijiet minerali naturali – Kontenut ta’ sodju jew ta’ melħ – Kalkolu – Klorur tas-sodju (melħ tal-mejda) jew kwantità totali ta’ sodju – Libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni – Libertà ta’ intrapriża.
    Kawża C-157/14.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2015:460

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    JÄÄSKINEN

    ippreżentati fid-9 ta’ Lulju 2015 ( 1 )

    Kawża C‑157/14

    Neptune Distribution

    vs

    Ministre de l’Économie et des Finances

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (Franza)]

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari għall-interpretazzjoni u għall-evalwazzjoni tal-validità — Protezzjoni tal-konsumatur — Regolament (KE) Nru 1924/2006 — Indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa dwar il-prodotti tal-ikel — Ilmijiet minerali naturali — Bażi ta’ kalkolu tal-‘valur ekwivalenti għall-melħ’ tas-sodju preżenti fi prodotti tal-ikel — Teħid inkunsiderazzjoni tal-kontenut ta’ klorur tas-sodju (melħ tal-mejda) biss jew tal-kwantità totali ta’ sodju — Direttivi 2000/13/KE u 2009/54/KE — Ittikkettjar tal-prodotti tal-ikel u reklamar tagħhom — Tqegħid fis-suq ta’ ilmijiet minerali naturali — Projbizzjoni ta’ indikazzjoni ta’ kontenut baxx ta’ melħ — Artikolu 6 TUE — Artikoli 11 u 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni — Libertà ta’ intrapriża”

    I – Introduzzjoni

    1.

    Din il-kawża toriġina minn rikors kontenzjuż ippreżentat fi Franza mill-kumpannija Neptune Distribution għall-finijiet ta’ annullament, minn naħa, tad-deċiżjoni amministrattiva li intimatha tħassar diversi indikazzjonijiet tal-ittikkettjar u r-reklamar tal-ilmijiet minerali naturali li hija tikkummerċjalizza – indikazzjonijiet li jagħtu x’jifhem lill-konsumaturi li dawn l-ilmijiet għandhom kontenut baxx ta’ melħ jew ta’ sodju – kif ukoll, min-naħa l-oħra, tad-Deċiżjoni Ministerjali li ċaħdet ir-rikors ġerarkiku li l-imsemmija kumpannija ppreżentat kontra l-ewwel deċiżjoni. Wara li ġie ppreżentat appell quddiemu fil-kuntest ta’ din it-tilwima, il-Conseil d’État (Franza) ressaq talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja bbażata fuq żewġ bażijiet differenti.

    2.

    Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju titlob interpretazzjoni tal-anness tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel ( 2 ), li tikkostitwixxi domanda mingħajr preċedent ( 3 ).

    3.

    L-imsemmi anness fih, b’mod partikolari, dispożizzjonijiet li jipprevedu li l-indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni li skonthom prodott tal-ikel huwa “baxx fis-sodju/melħ” jew “baxx ħafna fis-sodju/melħ” ikunu awtorizzati biss jekk il-prodott ma jkunx fih iktar minn kwantità stabbilita ta’ sodju jew “il-valur ekwivalenti għall-melħ” tal-imsemmija kwantità. Il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mitluba tiddeċiedi jekk dan il-kunċett tal-aħħar għandux jinftiehem bħala li jimplika li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, għall-kalkolu tal-imsemmi ekwivalenti, biss il-kontenut ta’ klorur tas-sodju, normalment imsejjaħ melħ tal-mejda jew inkella l-kontenut totali ta’ sodju ( 4 ) li huwa preżenti fi prodott tal-ikel, mingħajr ma ssir distinzjoni, fil-każ tal-aħħar, skont il-forma li fiha jinsab dan l-element minerali.

    4.

    Madankollu, il-kwistjoni li tqum b’mod preliminari f’dan ir-rigward hija dik li jiġi ddeterminat jekk l-imsemmija dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1924/2006 jistgħux tassew jiġu applikati meta l-“prodotti tal-ikel” ikkonċernati jkunu, bħal fit-tilwima fil-kawża prinċipali, ilmijiet minerali naturali. Jidhirli li dan ma għandux ikun il-każ fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn l-indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni, dment li teżisti leġiżlazzjoni speċifika tad-dritt tal-Unjoni li tapplika bi prijorità għall-kummerċ ta’ dawn l-ilmijiet.

    5.

    Fit-tieni lok, il-Conseil d’État jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-validità tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Marzu 2000, fuq l-approsimazzjoni ta’ liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti tal-ikel ( 5 ), u tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva 2009/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Ġunju 2009, dwar l-isfruttament u t-tqegħid fis-suq ta’ ilmijiet minerali naturali ( 6 ), kif ukoll tal-Anness III tagħha, moqrija fid-dawl tal-anness tar-Regolament Nru 1924/2006 imsemmi iktar ’il fuq. Nippreċiża mill-ewwel li għandi dubju serji fir-rigward tan-natura xierqa tad-domanda fformulata b’dan il-mod.

    6.

    Din il-problema tressqet mill-qorti tar-rinviju peress li Neptune Distribution tallega li, billi pprojbixxewha tenfasizza karatteristika tal-kompożizzjoni tal-prodotti tagħha li madankollu hija preċiża, l-imsemmija dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju tal-Unjoni jinjoraw kemm il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni kif ukoll il-libertà ta’ intrapriża li huma ggarantiti mill-Artikoli 11(1) u 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“Karta”) moqrija b’mod konġunt mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE, kif ukoll mill-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Madankollu, din l-invokazzjoni tal-imsemmija libertajiet fundamentali, f’qasam tekniku u speċifiku bħal dak irregolat mid-dispożizzjonijiet previsti, jidhirli li hija infondata.

    II – Il-kuntest ġuridiku

    7.

    Għandu jiġi indikat b’mod preliminari li r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 ( 7 ) li, b’mod partikolari, jemenda r-Regolament Nru 1924/2006 u jħassar id-Direttiva 2000/13 ilu applikabbli, ħlief għal dispożizzjonijiet li jgħidu mod ieħor, mit-13 ta’ Diċembru 2014 iżda ma huwiex maħsub biex jirregola t-tilwima fil-kawża prinċipali, ratione temporis, f’konformità mal-Artikoli 54 u 55 tiegħu.

    A – Ir-Regolament Nru 1924/2006

    8.

    L-Artikolu 1(1) u (5) tar-Regolament Nru 1924/2006, bit-titolu “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jistabbilixxi, minn naħa, li dan l-istrument “jarmonizza d-disposizzjonijiet stipulati b’liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa sabiex ikun żgurat il-funzjonament effettiv tas-suq intern filwaqt li jkun provdut livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur” u, min-naħa l-oħra, li dan “għandu japplika bla ħsara [għal ċerti] disposizzjonijiet Komunitarji” fosthom dawk tad-Direttiva 80/777 li ġiet ssostitwita mid-Direttiva 2009/54 ( 8 ).

    9.

    L-Artikolu 2(2), punti 4 u 5, ta’ dan ir-regolament jindika d-definizzjonijiet li ġejjin:

    “4)

    ‘indikazzjoni dwar in-nutrizzjoni’ tfisser kull indikazzjoni li tiddikjara, tissuġġerixxi jew timplika li xi ikel għandu propjetajiet ta’ nutriment partikolari ta’ benefiċċju minħabba:

    [...]

    b)

    [b’mod partikolari] in-nutrijenti jew sustanzi oħra li:

    i)

    jikkontjeni,

    ii)

    jikkontjeni fi proporzjonijiet imnaqqsa jew miżjuda, jew

    iii)

    ma jikkontjenix;

    5)

    ‘indikazzjoni dwar is-saħħa’ tfisser kull indikazzjoni li tiddikjara, tissuġġerixxi jew timplika li teżisti relazzjoni bejn kategorija ta’ ikel, xi ikel jew wieħed mill-kostitwenti tiegħu u s-saħħa”.

    10.

    L-Artikolu 8(1) tal-imsemmi regolament jistabbilixxi li “[i]ndikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni għandhom ikunu permessi biss jekk huma elenkati fl-Anness u jekk huma f’konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament”.

    11.

    L-anness tar-Regolament Nru 1924/2006, bit-titolu “Indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u kondizzjonijiet li japplikaw għalihom”, jiddefinixxi l-limiti minimi li taħthom huma awtorizzati l-indikazzjonijiet li ġejjin:

    B – Id-Direttiva 2000/13

    12.

    Skont l-Artikolu 2(1) u (3) tad-Direttiva 2000/13, dwar l-ittikkettjar, il-preżentazzjoni u r-reklamar tal-prodotti tal-ikel:

    “1.   Il-tikkettjar u metodi użati ma jridux:

    a)

    ikunu tali li jqarrqu bix-xerrej għal grad materjali, partikolarment:

    i)

    għall-karatteristiċi tal-prodott ta’ l-ikel u, b’mod partikolari [...] il-kwalitajiet, il-kompożizzjoni [...];

    ii)

    billi tattribwixxi lill-prodott ta’ l-ikel effetti jew kwalitajiet li ma jipposjedix;

    iii)

    billi tissuġerixxi li l-prodott ta’ l-ikel jipposjedi karatteristiċi speċjali meta infatti l-prodotti kollha ta’ l-ikel li huma simili jipposjedu karatteristiċi simili;

    b)

    soġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-Komunità applikabli għall-ilma naturali minnerali u oġġetti ta’ l-ikel għall-użu ta’ nutriment partikolari, jattribwixxi lil kwalunkwe prodott ta’ l-ikel il-kwalità li jipprevjeni, jittratta jew jikkura marda umana, jew jirreferi għal kwalitajiet simili.

    [...]

    3.   Il-projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet riferiti f’paragrafi 1 u 2 japplikaw ukoll għal:

    a)

    il-preżentazzjoni ta’ oġġetti ta’ l-ikel [...]

    b)

    riklamar [ ( 9 )]”.

    C – Id-Direttiva 2009/54

    13.

    Il-premessa 8 tad-Direttiva 2009/54, dwar il-kummerċ ta’ ilmijiet minerali naturali, tistabbilixxi li dawn l-ilmijiet “[f]ir-rigward tal-ittikkettar [...] huma soġġetti għar-regoli ġenerali stabbiliti mid-Direttiva [2000/13]. Għal din ir-raġuni, din id-Direttiva tista’ tiġi limitata għall-provvediment ta’ żidiet u derogi li għandhom isiru għal dawk ir-regoli ġenerali”.

    14.

    L-Artikolu 9(1) u (2) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

    “1.   Għandu jkun ipprojbit, kemm fuq l-imballaġġ jew fuq it-tikketti u fir-reklamar fi kwalunkwe forma, li jintużaw indikazzjonijiet [...] li:

    a)

    [...] fil-każ ta’ ilma minerali naturali, jissuġġerixxu karatteristika li l-ilma m’għandux [...];

    [...]

    2.   L-indikazzjonijiet kollha li jattribwixxu lill-ilma minerali naturali karatteristiċi relatati mal-prevenzjoni, it-trattament jew il-kura ta’ xi marda umana għandhom ikunu pprojbiti.

    Madankollu, l-indikazzjonijiet elenkati fl-Anness III għandhom ikunu awtorizzati jekk dawn jissodisfaw il-kriterji rilevanti stabbiliti f’dak l-Anness jew, fin-nuqqas ta’ dawn, kriterji stabbiliti f’dispożizzjonijiet nazzjonali u sakemm dawn ikunu ġew imfassla fuq il-bażi ta’ analiżi fiżiko-kimika u, fejn neċessarju, eżamijiet farmakoloġiċi, fiżjoloġiċi u kliniċi mwettqa skont il-metodi xjentifiċi rikonoxxuti, skont l-Anness I, Taqsima I, punt 2.

    L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw [...] l-inklużjoni ta’ indikazzjonijiet oħrajn, bil-kondizzjoni li dawn tal-aħħar ma jmorrux kontra l-prinċipji previsti fl-ewwel subparagrafu u huma kompatibbli ma’ dawk previsti fit-tieni subparagrafu.”

    15.

    Fl-Anness III tad-Direttiva 2009/54, bit-titolu “Indikazzjonijiet u kriterji stabbiliti fl-artikolu 9(2)”, l-indikazzjoni “[a]datt għall-dieta baxxa fis-sodju” hija assoċjata mal-kriterju li ġej: “[k]ontenut ta’ sodju inqas minn 20 mg/l”.

    III – It-tilwima fil-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    16.

    B’att tal-5 ta’ Frar 2009, id-Direttorat Reġjonali tal-Kompetizzjoni, tal-Konsum u tar-Repressjoni tal-Frodi ta’ Auvergne (Franza) intima lil Neptune Distribution, li tbiegħ u tiddistribwixxi l-ilmijiet minerali naturali bil-gass “Saint‑Yorre” u “Vichy Célestins”, biex tħassar mill-ittikkettjar u mir-reklamar ta’ dawn l-ilmijiet l-indikazzjonijiet li ġejjin:

    “Is-sodju ta’ St Yorre huwa essenzjalment bikarbonat tas-sodju. St‑Yorre fih biss 0.53 g ta’ melħ (jew klorur tas-sodju) għal kull litru, li huwa inqas minn f’litru ħalib!!!” u

    “Trid issir distinzjoni bejn melħ u sodju – is-sodju ta’ Vichy Célestins huwa essenzjalment dak li jinħoloq mill-bikarbonat tas-sodju. Fuq kollox ma għandux jiġi konfuż mal-melħ tal-mejda (klorur tas-sodju). Vichy Célestins fih biss 0.39 g ta’ melħ għal kull litru, jiġifieri bejn darbtejn u tliet darbiet inqas minn f’litru ħalib!”, kif ukoll,

    b’mod ġenerali, kull indikazzjoni li tagħti x’jifhem li l-ilmijiet inkwistjoni huma baxxi jew baxxi ħafna fil-melħ jew fis-sodju.

    17.

    B’deċiżjoni tal-25 ta’ Awwissu 2009, il-Ministru Franċiż tal-Ekonomija, l-Industrija u l-Impjiegi ċaħad ir-rikors ġerarkiku li ġie ppreżentat minn Neptune Distribution kontra din l-intimazzjoni.

    18.

    B’sentenza tas-27 ta’ Mejju 2010, il-qorti amministrattiva ta’ Clermont‑Ferrand ċaħdet ir-rikors kontenzjuż ta’ Neptune Distribution intiż sabiex jiġu annullati għal eċċess ta’ poter kemm l-intimazzjoni tal-5 ta’ Frar 2009 kif ukoll id-Deċiżjoni Ministerjali sussegwenti. Il-qorti amministrattiva tal-appell ta’ Lyon ikkonfermat din is-sentenza, b’sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2011. Neptune Distribution ippreżentat appell kontra din is-sentenza quddiem il-Conseil d’État.

    19.

    Fir-rigward tal-motivi li jirreferu għad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li tqajmu fil-kuntest ta’ dan l-appell, permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Marzu 2014 li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ April 2014, il-Conseil d’État iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Il-bażi ta’ kalkolu ta’ ’il-valur ekwivalenti għall-melħ’ tal-kwantità ta’ sodju preżenti fi prodotti tal-ikel, fis-sens tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, hija magħmulha biss mill-kwantità ta’ sodju li, imħallta ma’ joni tal-klorur, tifforma klorur tas-sodju, jew melħ tal-mejda, jew inkella tinkludi l-kwantità totali ta’ sodju li jinsab fil-prodott, fil-forom kollha tiegħu?

    2)

    Fit-tieni ipoteżi, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/13/KE u tal-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva 2009/54/CE, ikkumbinati flimkien mal-Anness III ta’ din id-direttiva, moqrija fid-dawl tar-relazzjoni ta’ ekwivalenza stabbilita bejn is-sodju u l-melħ fl-Anness tar-Regolament Nru 1924/2006, billi jipprojbixxu lil distributur tal-ilma minerali milli jinkludi fuq it-tikketti u fil-messaġġi pubbliċitarji tiegħu kwalunkwe riferiment [indikazzjoni] għall-kontenut baxx ta’ melħ li jista’ jkollu l-prodott tiegħu li fil-fatt għandu livell għoli ta’ bikarbonat ta’ sodju, sa fejn huwa ta’ natura li jiżgwida lix-xerrej dwar il-kontenut totali ta’ sodju fl-ilma, jiksru l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tat-[TUE], moqri flimkien mal-Artikolu 11(1) (libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni) u l-Artikolu 16 (libertà tal-intrapriża) tal-[Karta], kif ukoll l-Artikolu 10 tal-[KEDB]?”

    20.

    Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Neptune Distribution, mill-gvernijiet ta’ Franza, il-Greċja u l-Italja, kif ukoll mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Gvern Taljan biss ma kienx irrappreżentat waqt is-seduta tas-26 ta’ Frar 2015.

    IV – Analiżi

    A – Fuq l-interpretazzjoni tal-anness tar-Regolament Nru 1924/2006 (l-ewwel domanda)

    21.

    Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, l-ewwel nett, l-interpretazzjoni ta’ kunċett, jiġifieri “l-valur ekwivalenti għall-melħ” tal-kwantità ta’ sodju preżenti fi prodott tal-ikel, li jidher fl-anness tar-Regolament Nru 1924/2006, fir-rigward tal-indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni “baxx fis-sodju/melħ” u “baxx ħafna fis-sodju/melħ” imsemmija iktar ’il fuq ( 10 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistoqsija, għall-ewwel darba, dwar jekk l-imsemmi kunċett għandux jiġi interpretat fis-sens li dan l-att jieħu bħala bażi ta’ kalkolu tal-“valur ekwivalenti għall-melħ”, jew il-kwantità ta’ sodju biss li – flimkien mal-joni tal-klorur – tista’ tikkostitwixxi l-klorur tas-sodju (imsejjaħ “melħ tal-mejda”), jew il-kwantità totali ta’ sodju – irrispettivament mill-forma – li tinsab fil-prodott ikkonċernat.

    22.

    Insostenn tal-ewwel parti ta’ din il-possibbiltà, li hija favuriha Neptune Distribution, il-qorti tar-rinviju tinnota li “sa fejn is-sodju ma jkunx jinsab b’mod frekwenti fin-natura ħlief assoċjat ma’ elementi kimiċi oħra”, ikun possibbli li jitqies li l-imsemmi anness jimponi li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni biss il-kwantità ta’ sodju li tifforma l-klorur tas-sodju ( 11 ). Din tinnota wkoll li jekk, għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja tadotta t-tieni possibbiltà, bħalma sostniet l-amministrazzjoni Franċiża, ilma b’livell għoli ta’ bikarbonat tas-sodju jista’ ma jiġix ikklassifikat bħala “baxx fis-sodju/melħ” fis-sens tal-anness tar-Regolament Nru 1924/2006, anki jekk dan ikun baxx, jew saħansitra baxx ħafna, fil-klorur tas-sodju ( 12 ).

    23.

    Għalhekk, inqis li hemm problema li għandha tiġi solvuta minn qabel, jiġifieri dik tal-applikabbiltà f’dan il-każ tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1924/2006, u b’mod partikolari ta’ dawk li jinsabu fl-anness tiegħu. Bħall-Gvern Franċiż u dak Elleniku, inqis li d-Direttiva 2009/54 tintroduċi sistema speċifika għall-indikazzjonijiet li jistgħu jidhru fuq it-tikketti u fir-reklamar dwar l-ilmijiet minerali naturali, u minn dan fil-fehma tiegħi jirriżulta li l-użu tal-indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni jew is-saħħa previsti mir-Regolament Nru 1924/2006 huwa ġeneralment eskluż fir-rigward ta’ din il-kategorija partikolari ta’ prodotti tal-ikel ( 13 ). Neptune Distribution u l-Kummissjoni jsostnu, għall-kuntrarju, li r-Regolament Nru 1924/2006 u d-Direttiva 2009/54 huma ta’ natura komplementari f’dak li jirrigwarda l-indikazzjonijiet li jistgħu jintużaw fir-rigward tal-ilmijiet minerali naturali, iżda dan l-argument ma jikkonvinċinix għalkollox, meta jitqiesu l-formulazzjoni u l-istruttura tal-atti tad-dritt tal-Unjoni rilevanti hawnhekk.

    24.

    Fil-fatt, l-Artikolu 1(5)(b) tar-Regolament Nru 1924/2006, li għandu bħala suġġett l-indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa ( 14 ) li jirrigwardaw il-prodotti tal-ikel inġenerali, jeskludi b’mod espliċitu l-fatt li dan ir-regolament japplika bi ħsara għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 80/777 dwar il-kummerċ tal-ilmijiet minerali naturali, li ġiet issostitwita mid-Direttiva 2009/54 mis-16 ta’ Lulju 2009 ( 15 ).

    25.

    Iktar minn hekk, l-anness ta’ dan ir-regolament jillimita għall-ilmijiet biss “barra mill-ilma minerali naturali li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-[Direttiva 2009/54]” l-indikazzjoni dwar in-nutrizzjoni li skontha prodott tal-ikel huwa “baxx fis-sodju/melħ” li dan l-anness jawtorizza l-użu tagħha taħt ċerti kundizzjonijiet. Jidhirli li huwa ċar li l-leġiżlatur tal-Unjoni hawnhekk kellu l-intenzjoni li jiddistingwi l-ilmijiet minerali naturali, sa fejn jikkostitwixxu kategorija partikolari ta’ prodotti tal-ikel, li fir-rigward tagħha d-Direttiva 2009/54 tapplika bi prijorità u saħansitra b’mod esklużiv fil-qasam kopert mid-dispożizzjonijiet ta’ din ( 16 ).

    26.

    Huwa minnu li l-anness tar-Regolament Nru 1924/2006 jistabbilixxi projbizzjoni tal-użu ta’ indikazzjoni dwar in-nutrizzjoni li skontha prodott tal-ikel huwa “baxx ħafna fis-sodju/melħ” li tapplika kemm għall-ilmijiet minerali naturali kif ukoll għall-ilmijiet l-oħra. Madankollu, fil-fehma tiegħi, din hija kwistjoni ta’ kjarifika dwar it-tip ta’ indikazzjonijiet li bl-ebda mod ma hija rregolata mid-Direttiva 2009/54. Din id-dispożizzjoni speċjali tal-anness tal-imsemmi regolament għalhekk tista’ għall-ilmijiet minerali naturali, li addizzjonalment jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/54. Madankollu, din tipprojbixxi l-użu tal-imsemmija indikazzjoni fir-rigward tal-ilmijiet minerali naturali u l-ilmijiet l-oħra li hija ta’ natura assoluta billi, bħalma tindika l-aħħar sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, il-projbizzjoni tapplika indipendentement mill-kriterju tal-“valur ekwivalenti għall-melħ” tas-sodju. Għaldaqstant, l-applikazzjoni tagħha f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali ma tiddependix mill-interpretazzjoni ta’ dan il-kriterju.

    27.

    Għall-kuntrarju, fir-rigward tal-indikazzjoni dwar in-nutrizzjoni “baxx fis-sodju/melħ”, imsemmija preċedentement, l-anness tar-Regolament Nru 1924/2006 li jawtorizza l-użu tagħha seta’ jidħol f’kunflitt sostanzjali mal-Anness III tad-Direttiva 2009/54 li jirregola l-użu tal-indikazzjoni “[a]datt għall-dieta baxxa fis-sodju”, kunflitt ta’ liġijiet deċiż favur din id-direttiva.

    28.

    Minn dan jirriżulta, fil-fehma tiegħi, li l-uniċi indikazzjonijiet li jistgħu jippermettu li tiġi sostnuta kwantità baxxa ta’ sodju preżenti f’ilma minerali naturali huma dawk previsti mid-Direttiva 2009/54, f’konformità mal-Artikolu 9(2) ta’ din id-direttiva moqrija flimkien mal-Anness III tagħha. Madankollu, il-kunċett ta’ “valur ekwivalenti għall-melħ” li l-interpretazzjoni tiegħu hija mitluba fl-ewwel domanda preliminari jidher biss fir-Regolament Nru 1924/2006, u mhux fl-imsemmija direttiva ( 17 ), u lanqas fid-Direttiva 2000/13 ( 18 ).

    29.

    Madankollu, nippreċiża għall-finijiet utli kollha, li fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “valur ekwivalenti għall-melħ” fis-sens tal-anness tal-imsemmi regolament, jien nikkondividi l-perspettiva espressa mill-gvernijiet ta’ Franza, tal-Greċja u tal-Italja kif ukoll mill-Kummissjoni ( 19 ) li skontha l-kwantità totali ta’ sodju preżenti fi prodott tal-ikel hija l-unika bażi rilevanti għall-kalkoli tal-“valur ekwivalenti għall-melħ” tas-sodju li fih dan il-prodott.

    30.

    Fil-fatt, ir-Regolament Nru 1924/2006 u l-anness tiegħu ma jagħmlux distinzjoni bejn is-sorsi differenti ta’ sodju preżenti fi prodott tal-ikel. B’mod partikolari, ma jagħmlu l-ebda differenza skont l-eventwali assoċjazzjoni tas-sodju mal-joni tal-bikarbonat jew joni tal-klorur. Għall-kuntrarju, fl-indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni meqjusa, l-imsemmi anness jistabbilixxi korrelazzjoni diretta bejn il-kontenut massimu ta’ “sodju” awtorizzat, irrispettivament mill-forma li jieħu s-sodju, u “l-valur ekwivalenti għall-melħ” ta’ dan il-kontenut ta’ referenza ( 20 ).

    31.

    Skont l-istess loġika, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-ħsieb jevita kull konfużjoni bejn il-kunċett ta’ sodju u l-kunċett ta’ melħ (jew klorur tas-sodju) f’dak li jirrigwarda, b’mod iktar speċifiku, il-kummerċ tal-ilmijiet minerali naturali li huwa rregolat mid-Direttiva 2009/54 ( 21 ) u l-informazzjoni tal-konsumaturi dwar prodotti tal-ikel li issa taqa’ taħt ir-Regolament Nru 1169/2011 ( 22 ).

    32.

    Dawn l-argumenti litterali huma sostnuti minn kunsiderazzjonijiet teleoloġiċi. Fil-fatt, bħalma jfakkru l-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni, ir-Regolament Nru 1924/2006 għandu l-għan li jiżgura kemm il-lealtà tal-indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa kif ukoll livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi f’dan il-qasam ( 23 ). Madankollu, fil-fehma tiegħi dawn l-għanijiet ma jistgħux jintlaħqu b’mod sħiħ sakemm ma jitteħidx inkunsiderazzjoni l-kontenut totali ta’ sodju li jinsab fi prodott tal-ikel, u mhux parti biss – fil-forma ta’ klorur tas-sodju –, fir-rigward tal-indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni awtorizzati skont applikazzjoni konġunta tal-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament u tal-anness tiegħu.

    33.

    Fl-aħħar nett, il-Kunsill jenfasizza ġustament li “t-teħid inkunsiderazzjoni tal-kontenut totali f’sodju, bis-sorsi kollha mħallta, jikkorrispondi għal prattika xjentifika twila fi ħdan il-korpi internazzjonali fil-qasam tal-ikel” ( 24 ). Il-Parlament Ewropew iżid li “fir-rigward tal-għan ta’ tnaqqis tal-kontenut f’sodju, id-dokumenti tad-WHO jistabbilixxu espressament valur ekwivalenti bejn il-melħ tal-mejda (klorur tas-sodju) u sorsi oħrajn ta’ sodju, inkluż, fost l-oħrajn, il-bikarbonat tas-sodju” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 25 ).

    34.

    Għaldaqstant, inqis li l-kunċett ta’ “valur ekwivalenti għall-melħ” fis-sens tal-anness tar-Regolament Nru 1924/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li jirreferi għall-kwantità totali ta’ sodju li jinsab fi prodott tal-ikel, fil-forom kollha tiegħu, u mhux biss is-sodju li jista’ jiġi assoċjat ma’ joni tal-klorur (klorur tas-sodju msejjaħ “melħ tal-mejda”).

    B – Fuq l-evalwazzjoni tal-validità tad-dispożizzjonijiet imsemmija tad-Direttiva 2000/13 u tad-Direttiva 2009/54 (it-tieni domanda)

    1. Fuq il-kontenut u l-portata tad-domanda magħmula

    35.

    It-tieni domanda preliminari hija magħmula b’mod sussidjarju. Hija magħmula biss fil-każ li, b’risposta għall-ewwel domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-kwantità totali ta’ sodju li jinsab fi prodott tal-ikel, irrispettivament mill-forma ta’ dan il-mineral, għall-kalkolu tal-kontenut tal-“valur ekwivalenti għall-melħ” tar-rata massima ta’ sodju permessa biex ikunu jistgħu jintużaw l-indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni “baxx fis-sodju/melħ” u “baxx ħafna fis-sodju/melħ” li huma previsti mir-Regolament Nru 1924/2006.

    36.

    Din id-domanda għandha bħala għan, essenzjalment, l-evalwazzjoni tal-validità ta’ diversi dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju tal-Unjoni, li l-qorti tar-rinviju tiddubita l-kompatibbiltà tagħhom, minn naħa, mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE, li ta valur vinkolanti lill-Karta, u min-naħa l-oħra, mal-Artikoli 11(1) u 16 tal-Karta, dwar il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni u l-libertà ta’ intrapriża ( 26 ) rispettivament, kif ukoll mal-Artikolu 10 tal-KEDB, ukoll dwar il-libertà tal-espressjoni ( 27 ).

    37.

    Il-qorti tar-rinviju tindika li fil-każ li jirriżulta li l-forom kollha ta’ sodju preżenti fi prodott tal-ikel għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-“valur ekwivalenti għall-melħ”, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/13 u dawk tal-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva 2009/54, flimkien mal-Anness III ta’ din id-direttiva tal-aħħar, “moqrija fid-dawl tar-relazzjoni ta’ ekwivalenza stabbilita bejn is-sodju u l-melħ fl-anness tar-Regolament Nru 1924/2006” ( 28 ), jistgħu jwasslu għal restrizzjoni eċċessiva tal-libertajiet imsemmija iktar ’il fuq.

    38.

    F’dan ir-rigward, Neptune Distribution biss tallega li d-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju tal-Unjoni li huma msemmija hawnhekk fit-tieni domanda preliminari jmorru kontra l-libertajiet fundamentali protetti mill-Artikoli 11, 16 u 52 tal-Karta u mill-Artikolu 10 tal-KEDB, sa fejn, skont l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti amministrattiva tal-appell ta’ Lyon, dawn id-dispożizzjonijiet iċaħħduha mill-possibbiltà li tesponi l-kwalitajiet tal-prodott tagħha bl-għajnuna ta’ informazzjoni dwar il-kompożizzjoni tiegħu li madankollu hija preċiża ( 29 ). Il-gvernijiet ta’ Franza, tal-Greċja u tal-Italja, kif ukoll il-Kunsill u l-Kummissjoni jqisu, għall-kuntrarju, li d-dispożizzjonijiet imsemmija tad-Direttivi 2000/13 u 2009/54 ma jiksrux l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE, flimkien mal-Artikoli 11(1) u 16 tal-Karta, u, għaldaqstant, li l-validità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma hijiex affettwata.

    39.

    Qabelxejn, għandi dubji dwar in-natura effettiva tat-talba għal evalwazzjoni tal-validità kif magħmula mill-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, jidhirli li ma huwiex raġonevoli li jitqies li eventwali invalidità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2000/13 u 2009/54, li tfassal mill-ġdid id-Direttiva 80/777, tista’ tirriżulta mill-fatt li dispożizzjonijiet ta’ att ieħor, jiġifieri r-Regolament 1924/2006 kif se jiġi interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jagħmlux distinzjoni, f’dan il-każ fir-rigward tal-forma tas-sodju li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-kontenut ta’ dan in-nutriment ta’ prodott tal-ikel. Jidhirli eċċezzjonali li l-kwistjoni tal-validità ta’ att tad-dritt tal-Unjoni hija, bħal hawnhekk, imqajma f’kuntest fejn l-eventwali inkompatibbiltà mal-Karta tkun tirriżulta mill-effett akkumulat tad-dispożizzjonijiet ta’ diversi atti leġiżlattivi distinti. Barra minn hekk, infakkar li l-evalwazzjoni tal-validità ta’ att li tagħmel il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari għandha normalment tkun ibbażata fuq is-sitwazzjoni, ta’ fatt u ta’ dritt, li kienet teżisti fil-mument li dan l-att ġie adottat ( 30 ).

    40.

    Barra minn hekk, kif jinnotaw il-Gvern Franċiż u l-Kunsill, fir-rigward tas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali ( 31 ), il-portata tat-tieni domanda preliminari hija ddefinita b’mod żbaljat. Fil-fehma tiegħi l-evalwazzjoni tal-validità mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiġi limitata għad-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) u tal-Anness III tad-Direttiva 2009/54, li l-applikazzjoni tagħhom flimkien hija l-unika waħda li tista’ tkun rilevanti f’dan il-każ ( 32 ). Peress li ma hemm l-ebda rekwiżit partikolari f’dak li jirrigwarda l-indikazzjonijiet dwar il-kompożizzjoni f’sodju ta’ prodott tal-ikel fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/13, li tifformula biss regoli “ta’ natura ġenerali [...] applikabli orizzontalment” ( 33 ), il-validità ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar ma tistax tkun affettwata mill-kunsiderazzjonijiet esposti mill-qorti tar-rinviju.

    41.

    Jien għalhekk inqis li t-tieni domanda preliminari għandha tiġi fformulata mill-ġdid. Fi kwalunkwe każ, inqis li l-invalidità ta’ atti tad-dritt sekondarju tal-Unjoni li hija bbażata minn Neptune Distribution fuq l-allegata inkompatibbiltà mad-dispożizzjonijiet tal-Karta, ma tistax tiġi ammessa f’kuntest bħal dak inkwistjoni ( 34 ), u dan b’mod iktar partikolari minħabba l-motivi li ġejjin.

    2. Fuq il-ġustifikazzjoni u l-proporzjonalità tar-restrizzjonijiet inkwistjoni

    42.

    Ma hemm l-ebda dubju li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/54 ikkonċernati jikkostitwixxu restrizzjoni fir-rigward tad-drittijiet fundamentali stabbiliti mill-Artikoli 11 u 16 tal-Karta, peress li jillimitaw il-possibbiltà għall-kumpanniji li jikkummerċjalizzaw ilmijiet minerali naturali milli jiddeċiedu b’mod liberu dwar il-kontenut tal-indikazzjonijiet li huma jużaw fil-messaġġi kummerċjali tagħhom dwar dawn il-prodotti.

    43.

    Madankollu, hija ġurisprudenza stabbilita li l-libertà ta’ intrapriża ggarantita mill-Artikolu 16 tal-Karta ma tikkostitwixxix prerogattiva assoluta u li l-użu tagħha jista’ għalhekk jiġi ristrett b’mod validu mil-leġiżlatur tal-Unjoni ( 35 ). L-istess japplika għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni protetta mill-Artikolu 11 tal-Karta ( 36 ). Madankollu, mill-Artikolu 52(1) tal-Karta jirriżulta, min-naħa, li “[k]ull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet” u, min-naħa l-oħra, li “[b]la ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn”.

    44.

    Fl-ewwel lok, jidhirli li, f’dan każ, il-limitazzjonijiet ta’ oriġini legali li jirriżultaw mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija hawnhekk ma jaffettwawx il-kontenut essenzjali tal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni u tal-libertà ta’ intrapriża rikonoxxuti rispettivament fl-Artikoli 11 u 16 tal-Karta. Għalkemm dawn id-dispożizzjonijiet għandhom l-għan li jirregolaw u jistabbilixxu limiti għall-użu li jsir mill-imsemmija libertajiet, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-indikazzjonijiet dwar il-kontenut ta’ sodju fl-ittikkettjar u r-reklamar fir-rigward tal-ilmijiet minerali naturali, dawn madankollu ma humiex tali li jippreġudikaw “is-sustanza stess” ta’ dawn il-libertajiet ( 37 ), peress li l-persuni li dawn ir-regoli japplikaw għalihom iżommu l-possibbiltà li jesprimu ruħhom u li jinformaw lill-konsumaturi kif ukoll id-dritt li jeżerċitaw l-attività intraprenditorjali tagħhom fil-kuntest li huwa ddefinit b’mod proporzjonat mid-dritt tal-Unjoni.

    45.

    Fit-tieni lok, infakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jirrikjedi, f’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi segwiti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, filwaqt li huwa mifhum li, meta teżisti għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel dik li hija l-inqas oneruża, u li l-inkonvenjenzi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta pparagunati mal-għanijiet segwiti ( 38 ).

    46.

    Fir-rigward tal-għanijiet tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/54, ninnota, bħall-gvernijiet u l-istituzzjonijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-limitazzjonijiet li dawn jintroduċu jissodisfaw “[l]-għanijiet primarji [...] biex iħarsu s-saħħa tal-konsumaturi, biex jevitaw li l-konsumaturi jisfaw mqarrqa u jassiguraw kummerċ ġust” ( 39 ). Madankollu, il-“protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem” u l-“protezzjoni tal-konsumatur” ta’ “livell għoli” jikkostitwixxu għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali li t-twettiq tagħhom huwa previst mill-Unjoni, kif jirriżulta minn diversi dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE u tal-Karta ( 40 ).

    47.

    Fir-rigward tal-protezzjoni tas-saħħa tal-konsumaturi, ir-rabta bejn dan l-għan, li huwa stabbilit mill-Artikolu 35 tal-Karta, u l-adozzjoni tad-Direttiva 2009/54 tirriżulta b’mod ċar mill-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha, u b’mod partikolari tal-premessa 5 tagħha, iċċitata iktar ’il fuq, u tal-Artikolu 9(2) tagħha.

    48.

    F’dan ir-rigward, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni jenfasizzaw li l-indikazzjoni ta’ kontenut baxx fil-melħ (klorur tas-sodju), fl-ittikkettjar u/jew fir-reklamar għal ilmijiet minerali naturali, jista’ jiġi pperċepit mix-xerrejja bħala li jippreżenta vantaġġ nutrittiv, filwaqt li tali indikazzjoni ma titkellimx dwar il-kontenut totali ta’ sodju, minkejja l-opinjonijiet xjentifiċi li jirrakkomandaw it-tnaqqis tal-konsum ta’ sodju għal raġunijiet mediċi ( 41 ). Għall-kuntrarju, Neptune Distribution tilmenta li d-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju inkwistjoni ma jagħmlu l-ebda distinzjoni bejn, minn naħa, il-klorur tas-sodju li l-konsum eċċessiv tiegħu jkun magħruf bħala ħażin għas-saħħa u, min-naħa l-oħra, il-bikarbonat tas-sodju preżenti f’ċerti ilmijiet minerali. Min-naħa tagħha, il-qorti tar-rinviju tqis li “jeżisti dubju serju dwar l-ekwivalenza, f’termini ta’ riskji għas-saħħa ta’ persuni li jbatu minn ipertensjoni u b’mod iktar ġenerali tal-konsumatur Ewropew, bejn il-konsum ta’ ilmijiet b’kontenut għoli ta’ bikarbonat tas-sodju u l-ilmijiet b’kontenut għoli ta’ klorur tas-sodju”, b’mod partikolari fid-dawl tad-diversi opinjonijiet mogħtija mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (iktar ’il quddiem l-“EFSA”) ( 42 ).

    49.

    Jien inqis, minn naħa, li fl-istat attwali tal-għarfien xjentifiku, ma huwiex possibbli li tittieħed pożizzjoni soda fir-rigward tal-karattru iktar ta’ ħsara jew le, b’mod partikolari fir-rigward tal-ipertensjoni arterjali, ta’ konsum abbundanti ta’ sodju fl-istat ta’ bikarbonat jew fl-istat ta’ klorur ( 43 ). Madankollu, skont il-prinċipju ta’ prekawzjoni ( 44 ), li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu l-obbligu li jieħu inkunsiderazzjoni ( 45 ), jidhirli xieraq li d-distributuri ta’ ilmijiet minerali naturali jiġu pprojbiti milli jagħmlu użu minn indikazzjoni li tibbaża ruħha fuq l-argument ta’ kontenut baxx fil-melħ (klorur tas-sodju), iżda li tħalli barra l-kontenut globali ta’ sodju li jista’ joħroġ mill-preżenza, possibbilment qawwija, ta’ bikarbonat tas-sodju f’dawn l-ilmijiet. Bl-istess mod, fil-fehma tiegħi huwa meħtieġ li dawn id-distributuri ma jkunux awtorizzati jiddikjaraw, kif tixtieq Neptune Distribution, id-differenza li teżisti bejn id-diversi forom ta’ kontenut tas-sodju fl-indikazzjonijiet dwar il-prodotti tagħhom, peress li tali indikazzjoni tista’ tiżgwida lill-konsumaturi fir-rigward tal-benefiċċji possibbli għas-saħħa tagħhom tal-konsum tas-sodju f’forom oħra minbarra l-melħ tal-mejda ( 46 ).

    50.

    Min-naħa l-oħra, mis-sentenza Deutsches Weintor ( 47 ) jirriżulta li, għalkemm indikazzjoni fiha nnifisha tista’ tkun preċiża, il-projbizzjoni tagħha hija leġittima peress li din l-indikazzjoni tirriżulta frammentata. F’din il-kawża, fuq talba għall-evalwazzjoni tal-validità tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1924/2006, b’mod partikolari fir-rigward tal-Artikolu 16 tal-Karta, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset kompatibbli mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE l-imsemmija dispożizzjonijiet li jipprojbixxu mingħajr eċċezzjoni lil produttur jew distributur ta’ nbejjed milli jużaw indikazzjoni dwar is-saħħa tat-tip bħal dik li kienet inkwistjoni fil-kawża prinċipali ( 48 ), fid-dawl tan-natura inkompluta tagħha minkejja li din setgħet tkun vera ( 49 ). Il-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ għalhekk iqis ġustament li huwa meħtieġ li jiġi evitat l-użu ta’ indikazzjonijiet eventwalment preċiżi iżda madankollu ambigwi li jċaħħdu lill-konsumaturi mill-possibbiltà li jirregolaw il-konsum tagħhom b’mod ċar, fl-imsemmija kawża f’dak li jirrigwarda x-xorb alkoħoliku u f’din il-kawża f’dak li jirrigwarda s-sodju li jinsab fl-ilmijiet minerali naturali.

    51.

    Fir-rigward tal-informazzjoni lill-konsumaturi dwar il-karatteristiċi essenzjali ta’ prodotti bħall-ilmijiet minerali naturali, ninnota l-ewwel nett li l-osservanza ta’ dan l-għan ta’ interess ġenerali hija f’dan il-każ marbuta b’mod strett ma’ dak imsemmi preċedentement, relatat mal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, u li, għaldaqstant, ċerti kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq jistgħu jkunu rilevanti wkoll f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li l-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni li hija ggarantita mill-Artikolu 11 tal-Karta tkopri l-informazzjoni ta’ natura kummerċjali, b’mod partikolari f’għan promozzjonali, bħalma japplika għall-Artikolu 10 tal-KEDB ( 50 ).

    52.

    F’din il-kawża, jista’ jiġi osservat li għalkemm il-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja jibbażaw ruħhom fuq l-istess argument tal-ħtieġa tal-protezzjoni tal-konsumatur permezz ta’ informazzjoni preċiża u eżatta, dawn madankollu jifformulaw proposti għal risposti kompletament opposti filwaqt li jibbażaw fuq l-istess bażi ( 51 ). Fil-fehma tiegħi, fid-dawl tal-pożizzjonijiet meħuda mill-korpi internazzjonali msemmija iktar ’il fuq ( 52 ), huwa effettivament meħtieġ li d-distributuri tal-ilmijiet minerali naturali jipprovdu informazzjoni kemm ċara kif ukoll kompleta fir-rigward tal-kwantità totali ta’ sodju li jinsab fihom, b’mod li konsumatur normalment avżat ikun jista’ jagħmel għażla informata fost il-prodotti kollha simili proposti lilu ( 53 ), u dan jimplika li ma jkun hemm l-ebda konfużjoni dwar dan is-suġġett, u anki f’każ li l-informazzjoni mogħtija eventwalment tkun vera ( 54 ).

    53.

    Fl-aħħar nett, fir-rigward tan-natura adegwata tal-mezzi użati mil-leġiżlatur tal-Unjoni biex jintlaħqu ż-żewġ għanijiet imsemmija iktar ’il fuq, Neptune Distribution issostni li r-restrizzjonijiet għal-libertajiet tal-informazzjoni u ta’ intrapriża li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet imsemmija fit-tieni domanda preliminari huma sproporzjonati meta mqabbla ma’ dawn l-għanijiet.

    54.

    Madankollu, f’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, “għandu jiġi rikonoxxut li l-leġiżlatur komunitarju għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’qasam bħal dak tal-każ in eżami, li tinvolvi, min-naħa tiegħu, għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, u li fiha huwa msejjaħ jagħmel evalwazzjonijiet kumplessi”, u minn dan jirriżulta li “l-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità ta’ dawn l-atti għandu neċessarjament ikun ristrett” u li “huwa biss il-karattru manifestament inadegwat ta’ miżura adottata f’dan il-qasam, fir-rigward ta’ l-għan li l-istituzzjonijiet kompetenti jixtiequ jilħqu, li jista’ jaffettwa l-validità ta’ miżura bħal din” ( 55 ).

    55.

    B’mod partikolari, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika kumplessi ħafna biex jiġu ddeterminati n-natura u l-portata tal-miżuri li jadotta l-leġiżlatur tal-Unjoni, f’kuntest bħal dan, huwa stabbilit li l-qorti tal-Unjoni ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha ta’ dawn l-element flok dik tal-istituzzjonijiet li huma l-uniċi li ngħataw dan il-kompitu mit-Trattat KE ( 56 ). Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li “s-setgħa diskrezzjonarja li għandhom l-awtoritajiet kompetenti, fir-rigward tal-kwistjoni li jiġi stabbilit fejn jinsab il-bilanċ ġust bejn il-libertà tal-espressjoni u l-għanijiet imsemmija iktar ’il fuq, tvarja skont kull wieħed mill-għanijiet li jiġġustifikaw il-limitu ta’ dan id-dritt u skont in-natura tal-attivitajiet inkwistjoni” u jidhirli li l-marġni ta’ diskrezzjoni permessa mill-Qorti tal-Ġustizzja huwa usa’ fir-rigward tal-użu kummerċjali, speċifikament, – u għalhekk ta’ lukru – tal-libertà tal-espressjoni, b’mod partikolari f’messaġġi ta’ natura promozzjonali ( 57 ).

    56.

    F’dan il-każ, inqis li fir-rigward tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tad-data xjentifika u teknika li għandha tiġi rrikonoxxuta lil-leġiżlatur tal-Unjoni f’dan il-qasam u fid-dawl tal-ħtieġa li huwa jieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ prekawzjoni msemmi iktar ’il fuq ( 58 ), huwa seta’ jqis b’mod raġonevoli li l-għanijiet segwiti leġittimament mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/54 inkwistjoni ma setgħux jintlaħqu permezz ta’ miżuri inqas restrittivi fir-rigward tal-libertajiet li huma invokati hawnhekk, fil-kuntest ta’ komunikazzjoni ta’ natura kummerċjali minn Neptune Distribution.

    57.

    Barra minn hekk, bħall-Gvern Franċiż, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, ninnota li r-restrizzjoni ta’ dawn il-libertajiet hija fil-verità moderata, peress li d-distributuri ta’ ilmijiet minerali naturali għadhom liberi li jinformaw lill-konsumaturi dwar il-kompożizzjoni ta’ dawn l-ilmijiet, u b’mod partikolari l-kontenut baxx fis-sodju, bl-użu, fl-ittikkettjar jew fir-reklamar tagħhom, ta’ indikazzjonijiet li huma espressament awtorizzati mil-leġiżlatur tal-Unjoni, jiġifieri dawk li jidhru fl-Anness III tad-Direttiva 2009/54, jew tal-indikazzjonijiet li jkunu eventwalment ammessi mil-leġiżlaturi tal-Istati Membri ( 59 ).

    58.

    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, jien tal-fehma li bl-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) u tal-Anness III tad-Direttiva 2009/54, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma qabiżx il-limiti li timponi l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-Artikoli 11, 16 u 52(1) tal-Karta.

    V – Konklużjoni

    59.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi b’dan il-mod għad-domandi preliminari magħmula mill-Conseil d’État (Franza):

    1)

    Id-dispożizzjoni tal-anness tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel, dwar il-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni tal-indikazzjoni dwar in-nutrizzjoni “baxx fis-sodju/melħ” ma hijiex intiż sabiex tiġi applikata għall-ilmijiet minerali naturali. Għall-kuntrarju, l-imsemmi anness jipprojbixxi espressament l-użu tal-indikazzjoni “baxx ħafna fis-sodju/melħ” għall-ilmijiet minerali naturali.

    2)

    Id-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) u tal-Anness III tad-Direttiva 2009/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Ġunju 2009, dwar l-isfruttament u t-tqegħid fis-suq ta’ ilmijiet minerali naturali (Tfassil mill-ġdid), huma validi.


    ( 1 )   Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 )   ĠU L 404, p. 9, u r-rettifika, ĠU 2007, L 12, p. 3.

    ( 3 )   Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja diġà tat l-interpretazzjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1924/2006, hija, għall-kuntrarju, qatt ma kellha tiddeċiedi fir-rigward tal-imsemmi anness.

    ( 4 )   Sodju li jidher fil-lista ta’ “nutrijent” ippreżentata fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1924/2006.

    ( 5 )   ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 75.

    ( 6 )   ĠU L 164, p. 45. Din id-direttiva, applikabbli mis-16 ta’ Lulju 2009, fasslet mill-ġdid u ħassret id-Direttiva tal-Kunsill 80/777/KEE, tal-15 ta’ Lulju 1980, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mal-isfruttament u t-tqegħid fis-suq ta’ ilmijiet minerali naturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 6, p. 50).

    ( 7 )   Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2011, dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU L 304, p. 18).

    ( 8 )   Ara n-nota 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 9 )   L-Artikolu R. 112-7 tal-Kodiċi tal-Konsum jittrasponi l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/13 fid-dritt Franċiż. Fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ mill-25 ta’ Novembru 2005 sat-13 ta’ Diċembru 2014, dan kien jipprevedi, fl-ewwel paragrafu tiegħu, li “[l]-ittikkettjar u l-metodi skont kif dan jitwettaq ma jridux ikunu tali li jqarrqu bix-xerrej jew il-konsumatur, b’mod partikolari fir-rigward tal-karatteristiċi tal-prodott tal-ikel naturali u b’mod partikolari fir-rigward [...] il-kwalitajiet, il-kompożizzjoni [...]” u, fir-raba’ paragrafu tiegħu, li “[i]l-projbizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet previsti iktar ’il fuq japplikaw ukoll għar-reklamar u l-preżentazzjoni tal-prodotti tal-ikel”.

    ( 10 )   Ara l-punt 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Dawn iż-żewġ indikazzjonijiet huma awtorizzati biss jekk il-prodott ma jkunx fih iktar minn kwantità definita ta’ sodju (“0,12g” u “0,04g” ta’ sodju“f’kull 100g jew 100ml” rispettivament) jew inkella l-valur ekwivalenti għall-melħ ta’ din il-kwantità ta’ sodju.

    ( 11 )   Neptune Distribution issostni li metodu ieħor għall-kalkolu tal-valur ekwivalenti għall-melħ ma jkunx adatt, peress li fl-ilmijiet minerali naturali, is-sodju huwa essenzjalment assoċjat mal-bikarbonat u parti żgħira biss tas-sodju tkun assoċjata mal-kloruri għall-formazzjoni tal-melħ.

    ( 12 )   Ir-riżultat prattiku ta’ din l-interpretazzjoni tal-aħħar huwa li d-distributur ta’ ilma minerali naturali baxx fil-klorur tas-sodju iżda b’livell għoli ta’ bikarbonat tas-sodju ma jkunx jista’ juża indikazzjoni dwar il-kontenut baxx ta’ melħ (jew klorur tas-sodju) tal-prodott tiegħu peress li, anki jekk din tkun preċiża, tali indikazzjoni tkun ta’ natura li toħloq konfużjoni fil-moħħ tax-xerrejja fir-rigward tal-kontenut totali ta’ sodju f’dan l-ilma.

    ( 13 )   Il-Gvern Franċiż jenfasizza li, fit-tilwima fil-kawża prinċipali, il-qrati kemm tal-ewwel istanza kif ukoll tal-appell qiesu li d-deċiżjoni li tipprojbixxi l-indikazzjonijiet kontenzjużi kienet ibbażata b’mod żbaljat fuq ir-Regolament Nru 1924/2006, iżda li din setgħet tiġi ġġustifikata skont id-Direttiva 80/777, li saret id-Direttiva 2009/54. Dan jinnota li l-qorti tar-rinviju ma tqajjimx dubju dwar din l-analiżi, iżda madankollu tagħmel l-ewwel domanda tagħha għaliex hija tqis li d-dispożizzjonijiet li fil-fehma tagħha huma applikabbli f’dan il-każ – jiġifieri l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/13 kif ukoll l-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva 2009/54 u l-Anness III tagħha – għandhom jinqraw fid-dawl tal-kunċett ta’ “valur ekwivalenti għall-melħ” li jidher fl-anness tar-Regolament Nru 1924/2006 (ara l-punt 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

    ( 14 )   Bħalma huma ddefiniti fir-raba’ u l-ħames subparagrafi tal-Artikolu 2(2) tal-imsemmi regolament. Fuq id-differenzi bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ indikazzjonijiet u r-rabta bejn id-dispożizzjonijiet relatati magħhom, ara, b’mod partikolari, is-sentenza Ehrmann (C‑609/12, EU:C:2014:252, punti 25 et seq).

    ( 15 )   Il-Gvern Elleniku jsostni li fl-ebda każ ma jista’ jiġi sostnut li l-kunċett ta’ indikazzjoni dwar in-nutrizzjoni, fis-sens tar-Regolament Nru 1924/2006, huwa differenti mill-kunċett ta’ ttikkettjar li huwa rregolat mid-Direttiva 2009/54, peress li finalment dan jirrigwarda l-protezzjoni tal-istess interess ġuridiċi, jiġifieri kemm il-protezzjoni tas-saħħa u tal-konsumaturi kif ukoll il-protezzjoni tal-moviment liberu tal-merkanzija u tal-kompetizzjoni ġusta.

    ( 16 )   Fid-Direttiva 2000/13 huwa rriżervat ukoll trattament speċifiku għall-ilmijiet minerali naturali [ara l-Artikolu 2(1)(b)], kif ukoll fir-Regolament Nru 1169/2011 li jissostitwixxi din id-direttiva (ara r-riferimenti għad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li huma xierqa għall-ilmijiet minerali naturali li jinsabu fl-Artikoli 7 u 29 u fl-Anness V ta’ dan ir-regolament).

    ( 17 )   B’applikazzjoni konġunta tal-imsemmija dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/54, l-indikazzjoni “[a]datt għall-dieta baxxa fis-sodju” tista’ tintuża għall-ilmijiet minerali naturali li għandhom “[k]ontenut ta’ sodju inqas minn 20 mg/l”, kriterju li ma jirreferix għal valur ekwivalenti għall-melħ possibbli. Nosserva li din l-indikazzjoni, li l-kontenut tagħha huwa perfettament espliċitu għal konsumatur medju, ma hijiex marbuta biss ma’ valur marbut mal-kontenut tas-sodju iżda, b’riferiment għas-sistema prevista, ma’ valur assolut ta’ dan il-kontenut.

    ( 18 )   Dan jiġi spjegat ukoll mid-data kimika li skontha l-ilmijiet minerali naturali ma fihomx melħ (klorur tas-sodju) bħala tali. Bħalma enfasizzaw il-Gvern Franċiż u l-Kunsill, dawn jista’ jkun fihom l-elementi minerali fosthom is-sodju, il-bikarbonat u l-klorur b’mod separat biss, u mhux it-taħlitiet li dawn tal-aħħar jistgħu jifformaw, bħall-bikarbonat tas-sodju jew il-klorur tas-sodju, peress li l-joni ta’ kull wieħed minn dawn l-imsemmija elementi jinsabu mdewba f’dawn il-likwidi.

    ( 19 )   Il-Parlament u l-Kunsill ħadu pożizzjoni biss dwar is-suġġett tar-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda preliminari. Madankollu, ċerti elementi li jinsabu fl-osservazzjonijiet tagħhom jipprovdu perspettiva utli għall-ewwel domanda preliminari wkoll.

    ( 20 )   Ara n-nota 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 21 )   Infakkar li l-imsemmija direttiva tagħmel riferiment biss għas-“sodju” preżenti f’dawn l-ilmijiet (ara l-Anness III).

    ( 22 )   Skont il-kliem tal-premessa 37 tar-Regolament Nru 1169/2011, sabiex “[i]l-konsumatur finali jifhem faċilment l-informazzjoni pprovduta fuq it-tikkettar”, huwa “adatt li fuq it-tikkettar jintuża t-teminu ‘melħ’ minflok it-terminu korrispondenti tan-nutrijent ‘sodju’”. Barra minn hekk, l-Anness I(11) tiegħu jippreċiża, fir-rigward ta’ “dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni” imposta minn dan ir-regolament, li “l-kontenut ta’ melħ ekwivalenti [għandu jiġi] kkalkulat permezz tal-formula: salt = sodium × 2,5” u d-dokument tal-Kummissjoni bit-titolu “Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011”, tal-31 ta’ Jannar 2013, iżid li “[l-]kontenut tas-sodju totali tal-prodott tal-ikel” għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward (ara l-punt 3.25).

    ( 23 )   Ara, b’mod partikolari, il-premessi 1, 2, 9 u 10 kif ukoll l-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament, minbarra l-punt 6 tan-nota spjegattiva tal-proposta [KUMM(2003) 424 finali] li wasslet għall-adozzjoni tiegħu.

    ( 24 )   Il-Kunsill isemmi, b’mod partikolari, id-direttivi tal-Codex Alimentarius – korp konġunt tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO) u tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) –, li wħud minnhom “jikkonċernaw l-ittikkettjar nutrittiv” (CAC/GL 2‑1985, kif riveduti fl-2013) u, l-oħrajn huma “għall-użu ta’ indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni jew is-saħħa” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (CAC/GL 23‑1997, kif riveduti fl-2004). Ninnota li l-premessa 7 tar-Regolament Nru 1924/2006 tagħmel riferiment espliċitu għal dawn tal-aħħar.

    ( 25 )   Il-Parlament Ewropew jiċċita, b’mod partikolari, dokument tad-WHO bit-titolu “Reducing salt intake in populations, Report of a WHO forum and technical meeting, 5-7 October 2006, Paris, France” (aċċessibbli fuq l-indirizz tal-Internet li ġej: http://apps.who.int/iris/handle/10665/43712), li jippreċiża li “[f]is-sens [...] ta’ dan ir-rapport, [...] it-terminu melħ japplika b’mod differenti għall-kontenut ta’ sodju jew ta’ klorur tas-sodju. It-terminu tnaqqis tal-konsum tal-ikel bil-melħ juri t-tnaqqis tal-kontenut totali ta’ sodju li ġej mis-sorsi alimentari kollha” [traduzzjoni libera] (p. 3, enfażi magħmula fl-oriġinal).

    ( 26 )   Fuq il-kontenut ta’ din il-libertà, ara “spjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali” (ĠU 2007, C 303, p. 17), li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni tagħha f’konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u mal-Artikolu 52(7) tal-Karta.

    ( 27 )   Mill-Artikolu 52(3) tal-Karta jirriżulta li sa fejn din tinkludi drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-KEDB, it-tifsira u l-portata tagħhom għandhom ikunu l-istess bħal dawk li l-Konvenzjoni msemmija tagħtihom, madankollu mingħajr ma dan il-prinċipju jipprekludi lid-dritt tal-Unjoni milli jagħti protezzjoni iktar estensiva. Nippreċiża li din id-dispożizzjoni hija rilevanti fir-rigward tal-Artikolu 11 tal-Karta, li l-kontenut tiegħu jikkorrispondi għal dak tal-Artikolu 10 tal-KEDB, u mhux fir-rigward tal-Artikolu 16, li ma għandux ekwivalenti fil-KEDB.

    ( 28 )   Il-qorti tar-rinviju tispjega l-imsemmija “relazzjoni ta’ ekwivalenza” billi tinnota li sabiex jiġu ddefiniti l-limiti minimi li taħthom huma awtorizzat l-indikazzjonijiet “baxx [jew] baxx ħafna fis-sodju/melħ”, l-anness tar-Regolament Nru 1924/2006 jirreferi, mingħajr distinzjoni, għall-kontenut f’sodju ta’ prodott jew għall-“valur ekwivalenti għall-melħ”.

    ( 29 )   Peress li ilma minerali naturali jista’ ma jkunx fih klorur tas-sodju (melħ) imma biss joni tal-klorur jew joni tas-sodju preżenti b’mod indipendenti minn xulxin (ara n-nota 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet), jidhirli, fil-fehma tiegħi, li l-indikazzjonijiet inkwistjoni fit-tilwima fil-kawża prinċipali ma humiex preċiżi.

    ( 30 )   Ara s-sentenza SAM Schiffahrt u Stapf (C‑248/95 u C‑249/95, EU:C:1997:377, punt 46).

    ( 31 )   Dan il-gvern jenfasizza, ġustament, li d-dubji tal-qorti tar-rinviju jikkonċernaw biss il-validità tal-projbizzjoni tal-indikazzjoni tal-kontenut baxx fil-melħ jew fil-klorur tas-sodju ta’ ilma minerali naturali b’livell għoli ta’ bikarbonat tas-sodju, u mhux il-validità tal-projbizzjoni ġenerali ta’ ttikkettjar li jista’ jiżgwida lill-konsumatur jew jattribwixxi lil prodott tal-ikel effetti jew proprjetajiet li dan ma għandux.

    ( 32 )   Jien inqis li l-qorti tar-rinviju tirreferi b’mod żbaljat għall-paragrafu 1 u l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-imsemmi Artikolu 9 , peress li huwa biss it-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu 2 li jirreferi għall-Anness III tad-Direttiva 2009/54, li jinkludi biss l-indikazzjonijiet awtorizzati u l-kriterji tal-applikazzjoni tagħhom li fil-verità huma s-suġġett tat-tieni domanda preliminari.

    ( 33 )   Ara l-premessi 4 u 5 tad-Direttiva 2000/13. F’konformità mal-premessa 8 tad-Direttiva 2009/54, din fiha ż-“żidiet u derogi” meħtieġa fir-rigward tar-“regoli ġenerali” stabbiliti mid-Direttiva 2000/13.

    ( 34 )   Bħala paragun, fis-sentenza Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238), il-kwistjonijiet tal-interferenzi li wasslu biex il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara d-direttiva kkonċernata f’din il-kawża bħala invalida , minħabba nuqqas ta’ proporzjonalità, kienu kompletament differenti.

    ( 35 )   Ara, b’mod partikolari, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mazák fil-Kawża Deutsches Weintor (C‑544/10, EU:C:2012:189, punti 66 et seq) kif ukoll is-sentenza Sky Österreich (C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 36 )   Ara s-sentenzi Schmidberger (C‑112/00, EU:C:2003:333, punt 79) u Damgaard (C‑421/07, EU:C:2009:222, punt 26). L-ispjegazzjonijiet dwar l-Artikolu 11 tal-Karta, imsemmija iktar ’il fuq, jippreċiżaw li l-limiti legali li għalihom jista’ jkun suġġett id-dritt għal-libertà tal-espressjoni li huwa ggarantit minn din il-Karta għandhom jirrispettaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 10(2) tal-KEDB.

    ( 37 )   Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Karlsson et (C‑292/97, EU:C:2000:202, punti 45 et seq); Deutsches Weintor (C‑544/10, EU:C:2012:526, punti 54 u 57), kif ukoll Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punti 39 u 40).

    ( 38 )   Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Schaible (C‑101/12, EU:C:2013:661, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 39 )   Ara l-premessa 5 tad-Direttiva 2009/54.

    ( 40 )   Bħala estensjoni tal-Artikoli 9 u 12 TFUE (dwar dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni ġenerali) u tal-Artikolu 114(3) TFUE (dwar l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri) l-Artikoli 168(1) u 169(1) TFUE, jikkonfermaw li “livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa fiżika u mentali għandu jkun assigurat fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ l-istrateġiji u l-attivitajiet kollha ta’ l-Unjoni” kif ukoll “livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur”, dispożizzjonijiet li l-kontenut tagħhom ġie stabbilit fil-livell ta’ “prinċipji” fl-Artikoli 35 u 38 tal-Karta rispettivament (ara “spjegazzjonijiet dwar il-Karta”, imsemmija iktar ’il fuq).

    ( 41 )   Il-Gvern Franċiż isostni li r-riżultati tar-riċerka internazzjonali miġbura mid-diversi awtoritajiet sanitarji, b’mod partikolari d-WHO, iwasslu għall-istabbiliment ta’ rabta diretta bejn konsum eċċessiv ta’ sodju u r-riskji ta’ ipertensjoni arterjali kif ukoll il-mard kardjovaskulari u renali assoċjat ma’ dan ir-riskju.

    ( 42 )   Skont id-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju, mill-atti tal-proċess nazzjonali, u b’mod partikolari minn opinjoni tal-EFSA tal-21 ta’ April 2005, jirriżulta li ż-żieda fit-tensjoni arterjali hija l-effett avvers ewlieni identifikat fir-rigward ta’ teħid ta’ sodju akkumulat. Għalkemm is-sodju huwa fil-parti l-kbira responsabbli, il-joni tal-klorur għandhom ukoll rwol fiż-żieda fit-tensjoni arterjali marbuta mal-konsum sinjifikattiv ta’ melħ. Diversi studji għandhom tendenza juru li dieta għolja fil-bikarbonat tas-sodju ma għandhiex l-istess effett avvers bħal dieta għolja fil-klorur tas-sodju għall-persuni li jbatu minn ipertensjoni. F’opinjoni ppubblikata fix-xahar ta’ Ġunju 2011, l-EFSA rrifjutat li tinkludi fil-lista ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa awtorizzati prevista fl-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 1924/2006, l-indikazzjoni li skontha l-bikarbonat tas-sodju ma għandux effett avvers fuq it-tensjoni arterjali, minħabba li l-istudju prodott insostenn ta’ din l-indikazzjoni ma kienx jagħti biżżejjed garanziji metodoloġiċi, iżda, skont il-qorti tar-rinviju, din iċ-ċirkustanza waħedha lanqas ma tippermetti li jiġi sostnut li l-bikarbonat tas-sodju għandu jitqies li jista’ jwassal għal ipertensjoni arterjali jew li jiggravaha bl-istess mod u bl-istess proporzjonijiet bħall-klorur tas-sodju.

    ( 43 )   Il-kontenut tal-artiklu pprovdut minn Neptune Distribution (Dr Helwig, J.‑J., “À l’instar du chlorure de sodium, le bicarbonate de sodium doit‑il être considéré comme pouvant induire ou aggraver l’hypertension artérielle?”, Médecine et nutrition, 2008, Volum 44, Nru 1, p. 29 sa 37) ma jidhirlix li huwa deċiżiv f’dan ir-rigward, peress li la huwa stabbilit li din il-pubblikazzjoni toriġina minn awtorità xjentifika rrikonoxxuta, u lanqas li hija tirrifletti kunsens mediku attwali. Barra minn hekk, l-awtur tiegħu jindika huwa stess li dan l-artiklu “ma għandux l-għan li jiddeċiedi dwar [il-]mistoqsija [magħmula fit-titolu tiegħu] iżda pjuttost li, bl-iktar mod oġġettiv possibbli, jiffoka fuq id-data sperimentali ġġenerata f’dan il-qasam [...] matul dawn l-aħħar għoxrin sena” [traduzzjoni libera].

    ( 44 )   Minn dan il-prinċipju, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li “meta jkunu jeżistu inċertezzi xjentifiċi rigward l-eżistenza jew il-portata ta’ riskji għas-saħħa tal-bniedem, ikunu jistgħu jittieħdu miżuri ta’ protezzjoni mingħajr il-bżonn li persuna tistenna li r-realtà u l-gravità ta’ dawn ir-riskji jiġu pprovati b’mod sħiħ” u li huwa biżżejjed li “l-probabbiltà ta’ dannu reali għas-saħħa pubblika tippersisti fl-ipoteżi li r-riskju jimmaterjalizza” (is-sentenza Acino vs Il-Kummissjoni, C‑269/13 P, EU:C:2014:255, punti 57 u 58 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), b’mod partikolari fid-dawl ta’ “l-iktar data xjentifika affidabbli disponibbli u fuq l-iktar riżultati reċenti tar-riċerka internazzjonali” (is-sentenza Afton Chemical, C‑343/09, EU:C:2010:419, punt 60).

    ( 45 )   Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Alliance for Natural Health et (C‑154/04 u C‑155/04, EU:C:2005:449, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 46 )   Il-Gvern Franċiż jinnota, ġustament, li indikazzjoni li tenfasizza l-kontenut baxx fil-melħ (klorur tas-sodju) ta’ ilma minerali naturali minkejja li jkollu livell għoli ħafna ta’ bikarbonat tas-sodju hija tali li taħbi l-kontenut sinjifikattiv ta’ sodju ta’ tali ilma u għalhekk tista’ tħeġġeġ konsum eċċessiv ta’ dan l-ilma li jista’ jwassal għal qbiż tal-konsum standard ta’ kuljum ta’ sodju rrakkomandat mid-WHO.

    ( 47 )   C‑544/10, EU:C:2012:526.

    ( 48 )   Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “stqarrijiet dwar vantaġġ għas-saħħa [indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni]” fis-sens tal-imsemmi regolament, li normalment huma pprojbiti għax-xorb alkoħoliku, ikopri indikazzjoni bħal “diġestibbli”, li jkun akkumpanjat bl-indikazzjoni dwar il-kontenut ta’ aċidi mnaqqas, sustanzi meqjusa minn numru kbir ta’ konsumaturi bħala dannużi (ibidem, punt 41).

    ( 49 )   Il-Qorti tal-Ġustizzja tinnota li l-indikazzjoni kontenzjuża, jekk jiġi preżunt li tista’ titqies bħala materjalment preċiża, hija madankollu inkompleta, u għalhekk ambigwa u saħansitra qarrieqa, peress li tenfasizza l-karattru diġestibbli tal-inbid ikkonċernat, filwaqt li ma ssemmix il-fatt li l-perikli inerenti għall-konsum tax-xarbiet alkoħoliċi la huma eliminati u lanqas limitati mill-proċess tajjeb ta’ diġestjoni (ibidem, punti 50 et seq). Bl-istess mod, fis-sentenza Teekanne (C‑195/14, EU:C:2015:361, punti 36 sa 41), il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-ittikkettjar ta’ prodott tal-ikel, fid-dehra globali tiegħu, jista’ jkun tali li jiżgwida konsumatur medju minkejja l-fatt li l-lista tal-ingredjenti li huwa jinkludi hija eżatta.

    ( 50 )   Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑380/03, EU:C:2006:772, punt 155) u Damgaard (C‑421/07, EU:C:2009:222, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll is-sentenza tal-QEDB, Hachette Filipacchi Presse Automobile u Dupuy vs Franza (Nru 13353/05 (§ 30 u l-ġurisprudenza ċċitata, 5 ta’ Marzu 2009).

    ( 51 )   B’hekk, Neptune Distribution issostni li d-diffużjoni ta’ informazzjoni allegatament preċiża (ara r-riżervi tiegħi espressi fin-nota 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet) dwar il-kompożizzjoni ta’ ilma minerali naturali b’livell għoli ta’ bikarbonat tas-sodju iżda baxx fil-klorur tas-sodju, tikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-konsumatur, billi tgħinu jagħżel tajjeb l-elementi li jikkostitwixxu d-dieta tiegħu, filwaqt li l-Gvern Franċiż isostni li r-restrizzjonijiet previsti mid-Direttivi 2000/13 u 2009/54 fir-rigward ta’ indikazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma xierqa u meħtieġa sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażla ċara li tikkorrispondi l-aħjar għall-bżonnijiet nutrittivi tagħhom.

    ( 52 )   B’mod partikolari, l-opinjonijiet tad-WHO u l-EFSA msemmija fin-noti 25 u 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 53 )   Għalkemm ir-Regolament Nru 1169/2011 ma japplikax f’dan il-każ (ara l-punt 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet), inqis utli li jiġi enfasizzat li l-kwistjoni li l-konsumaturi jiġu informati bl-aħjar mod biex ikunu jistgħu “jagħmlu għażliet informati” dwar l-ikel tagħhom tidher diversi drabi f’dan ir-regolament, b’mod partikolari fir-rigward tal-elementi nutrittivi bħas-sodju [ara, b’mod partikolari, il-premessi 3, 4, 10, 34, 36 u 37 kif ukoll l-Artikoli 3(1) u 4]. Ara wkoll il-White paper tal-Kummissjoni, intitolata “Strateġija għall-Ewropa dwar kwistjonijiet ta’ saħħa marbuta man-Nutriment, il-Piż Żejjed u l-Obeżità”, KUMM(2007) 279 finali, p. 5 et seq.

    ( 54 )   Ara l-punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet u, b’analoġija, is-sentenza tal-QEDB, Markt intern Verlag GmbH u Klaus Beermann vs Il-Ġermanja, 20 ta’ Novembru 1989, Nru 10572/83, Serje A Nru 165 (§ 35).

    ( 55 )   Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Alliance for Natural Health et (C‑154/04 u C‑155/04, EU:C:2005:449, punt 52); Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑380/03, EU:C:2006:772, punt 145 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll Etimine (C‑15/10, EU:C:2011:504, punt 125 u l- ġurisprudenza ċċitata), enfażi magħmula minni.

    ( 56 )   Ara s-sentenzi Nickel Institute (C‑14/10, EU:C:2011:503, punt 60) kif ukoll Etimine (C-15/10, EU:C:2011:504, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 57 )   Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Il-Ġermanja vs Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑380/03, EU:C:2006:772, punt 155) u Damgaard (C‑421/07, EU:C:2009:222, punt 27), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Novo Nordisk (C‑249/09, EU:C:2010:616, punti 46 et seq). Bl-istess mod, il-QEDB teżerċita s-setgħa ta’ stħarriġ tagħha b’mod meqjus u tħalli marġni ta’ diskrezzjoni li l-portata tagħha tvarja skont it-tipi ta’ użu tal-libertà tal-espressjoni u l-kuntest tagħhom, bil-marġni permess ikun evidentement usa’ fil-qasam kummerċjali (ara, b’mod partikolari, QEDB, Ahmed et vs Ir-Renju Unit, Nru 22954/93, QEDB 1998‑VI, § 61, kif ukoll Remuszko vs Il-Polonja, Nru 1562/10, § 64 u l-ġurisprudenza ċċitata, 16 ta’ Lulju 2013).

    ( 58 )   Ara l-punt 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 59 )   F’dan ir-rigward, il-Kunsill u l-Kummissjoni jenfasizzaw li l-indikazzjonijiet li huma previsti fl-imsemmi Anness III jippermettu li l-konsumatur jiġi informat fir-rigward kemm tal-livell ġenerali ta’ mineralizzazzjoni ta’ ilma minerali naturali (ara, pereżempju, l-indikazzjoni “li għandu ħafna melħ minerali”) kif ukoll tal-elementi karatteristiċi tal-ilma (ara, pereżempju, l-indikazzjonijiet “fih il-bikarbonat”, “fih il-klorur” u “fih is-sodju”) jew il-kapaċità tal-ilma li jissodisfa dieta speċifika (permezz tal-indikazzjoni “adatt għall-dieta baxxa fis-sodju” li fil-fehma tiegħi hija l-iktar waħda xierqa, peress li l-ilma minerali naturali kkonċernat għandu kontenut ta’ sodju ta’ inqas minn 20 mg/l kif teżiġi din id-dispożizzjoni). Huma jżidu, ġustament, li l-fatt li l-ebda Stat Membru ma jagħmel użu minn din il-possibbiltà – prevista fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2009/54 – li jawtorizza indikazzjonijiet oħra li ma humiex elenkanti fl-Anness III huwa indizju konkret li l-leġiżlazzjoni kkritikata hija fiha nnifisha adegwata biex tiżgura l-informazzjoni utli lill-konsumatur mid-distributuri ta’ ilmijiet minerali naturali. Barra minn hekk, il-Parlament jenfasizza ġustament li l-imsemmija possibbiltà tikkostitwixxi element ta’ flessibbiltà li jikkonferma li s-sistema ġuridika implementata mil-leġiżlatur tal-Unjoni tissodisfa l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    Fuq