Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62014CJ0063

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-9 ta’ Lulju 2015.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Franċiża.
    Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Għajnuna mill-Istat – Għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern – Obbligu ta’ rkupru – Impossibbiltà assoluta – Kumpens għal servizz komplementari għas-servizz bażiku.
    Kawża C-63/14.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2015:458

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

    9 ta’ Lulju 2015 ( *1 )

    “Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Għajnuna mill-Istat — Għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern — Obbligu ta’ rkupru — Impossibbiltà assoluta — Kumpens għal servizz komplementari għas-servizz bażiku”

    Fil-Kawża C‑63/14,

    li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 108(2) TFUE, ippreżentant fl-10 ta’ Frar 2014,

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Stromsky, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    rikorrenti,

    vs

    Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u D. Colas kif ukoll minn N. Rouam u J. Bousin, bħala aġenti,

    konvenuta,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

    komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, C. Vajda, A. Rosas, E. Juhász (Relatur) u D. Šváby, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

    Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Frar 2015,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Marzu 2015,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li billi ma adottatx, fit-termini previsti, il-miżuri kollha neċessarji bil-għan li tirkupra, mingħand il-benefiċjarju, l-għajnuna mill-Istat iddikjarata illegali u inkompatibbli mas-suq intern permezz tal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/435/UE, tat-2 ta’ Mejju 2013, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.22843 (2012/C) (ex 2012/NN) implimentata minn Franza favur is-Société Nationale Corse Méditerranée u l-Compagnie Méridionale de Navigation (ĠU L 220, p. 20, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), billi ma annullatx, fit-termini previsti, il-ħlasijiet kollha tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2(1) u billi ma informatx lill-Kummissjoni, fit-terminu previst, bil-miżuri adottati sabiex tikkonforma ruħha ma’ din id-deċiżjoni, ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha bis-saħħa tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE kif ukoll tal-Artikoli 3 sa 5 ta’ din id-deċiżjoni;

    Il-kuntest ġuridiku

    2

    L-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), jipprevedi:

    “1.   Fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna llegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju (minn hawn ’l quddiem imsejjħa ‘deċiżjoni ta’ rkupru’). Il-Kummissjoni m’għandhiex teħtieġ ir-rkupru ta’ l-għajnuna jekk dan ikun kuntrarju għal prinċipju ġenerali tal-liġi tal-[Unjoni].

    2.   L-għajnuna li ser tkun rikuperata skond deċiżjoni ta’ rkupru għandha tinkludi l-imgħax f’rata xierqa ffissata mill-Kummissjoni. L-imgħax għandu jkun pagabbli mid-data li fiha l-għajnuna llegali kienet fid-disposizzjoni tal-benefiċjarju sad-data li fiha kienet irkuprata.

    3.   Mingħajr preġudizzju għall-ebda ordni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-[Unjoni Ewropea] skont l-Artikolu [278 TFUE], ir-rkupru għandu jsir mingħajr dewmien u f’konformità mal-proċeduri tal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, sakemm jippermettu għall-esekuzzjoni mmedjata u effettiva tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Għal dan l-effett u fl-eventwalità ta’ proċedura quddiem il-qrati nazzjonali, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa li huma disponibbli fis-sistemi legali rispettivi tagħhom, li jinkludu miżuri proviżjonali, mingħajr preġudizzju għall-liġi tal-[Unjoni].”

    Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    3

    Permezz ta’ riżoluzzjoni tas-7 ta’ Ġunju 2007, l-Assemblea ta’ Corse tat lill-grupp iffurmat minn Société nationale maritime Corse-Méditerranée (SNCM) SA (iktar ’il quddiem “SNCM”) u minn Compagnie méridionale de navigation SA (iktar ’il quddiem “CMN”) id-delega ta’ servizz pubbliku għas-servizz marittimu bejn il-port ta’ Marseille u l-portijiet ta’ Corse. B’deċiżjoni tal-istess jum, il-President tal-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità ta’ Corse ġie awtorizzat jiffirma l-Ftehim ta’ delega ta’ servizz pubbliku.

    4

    Il-Ftehim ta’ delega ta’ servizz pubbliku ġie konkluż għall-perijodu li jkopri mill-1 ta’ Lulju 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2013.

    5

    L-Artikolu 1 ta’ dan il-ftehim jiddefinixxi l-għan ta’ dan bħala l-provvista ta’ servizzi marittimi regolari fir-rotot kollha tad-delega ta’ servizz pubbliku bejn il-port ta’ Marseille u l-portijiet ta’ Bastia, Ajaccio, Porto Vecchio, Propriano u ta’ Balagne.

    6

    L-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, fl-Anness 1 tal-Ftehim ta’ delega ta’ servizz pubbliku jiddefinixxu n-natura ta’ dawn is-servizzi. B’mod partikolari, dan jipprevedi:

    servizz permanenti “passiġġieri u merkanzija” li l-grupp kompost minn SNCM u minn CMN għandu jiżgura matul is-sena kollha (iktar ’il quddiem “is-servizz bażiku”) u

    servizz komplementari “tal-passiġġieri” li għandu jkun ipprovdut minn SNCM fl-eqqel tat-traffiku, għal madwar 37 ġimgħa fuq ir-rotot Marseille-Ajaccio u Marseille-Bastia, kif ukoll għall-perijodu li jkopri mill-1 ta’ Mejju sat-30 ta’ Settembru għar-rotta Marseille-Propriano (iktar ’il quddiem “is-servizz komplementari”).

    7

    Permezz tal-Ftehim ta’ delega ta’ servizz pubbliku, iż-żewġ delegati jirċievu kontribuzzjoni annwali mill-Uffiċċju tat-Trasport ta’ Corse, inkambju għas-servizz bażiku u għas-servizz komplementari. Il-kumpens finanzjarju finali ta’ kull delegat għal kull sena huwa limitat għall-ammont tad-defiċit operattiv li jirriżulta mill-obbligi tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratti, filwaqt li titqies produzzjoni raġonevoli tal-valur konvenzjonali tal-flotta fi proporzjon mal-jiem ta’ użu effettiv tagħha għall-vjaġġi li jikkorrispondu għal dawn l-obbligi. Fil-każ li d-dħul reali jkun inferjuri mid-dħul stmat kif stabbilit mid-delegati fl-offerta tagħhom, dan il-ftehim jipprovdi aġġustament tal-kumpens pubbliku.

    8

    Wara l-iffirmar tiegħu, il-Ftehim ta’ delega ta’ servizz pubbliku ġie emendat b’tali mod li tneħħew iktar minn 100 vjaġġ fis-sena bejn Corse u Marseille, l-ammonti annwali tat-tariffa finanzjarja ta’ referenza għaż-żewġ delegati tnaqqsu b’EUR 6.5 miljuni u ġie stabbilit limitu għall-mekkaniżmu ta’ aġġustament annwali tad-dħul għal kull delegat.

    Id-deċiżjoni kkontestata

    9

    Wara lment mill-kumpannija Franċiża Corsica Ferries France SAS (iktar ’il quddiem “Corsica Ferries”) dwar l-għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern li minnha bbenefikaw SNCM u CMN permezz tal-Ftehim ta’ delega ta’ servizz pubbliku fuq rotot marittimi bejn Corse u Marseille, il-Kummissjoni, b’ittra tas-27 ta’ Ġunju 2012, informat lir-Repubblika Franċiża bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE, dwar l-allegata għajnuna lil SNCM u lil CMN permezz tal-Ftehim ta’ delega ta’ servizz pubbliku (ĠU 2012, C 301, p. 1).

    10

    Fil-kuntest tal-eżami tagħha, il-Kummissjoni pproċediet għal evalwazzjoni taż-żewġ servizzi inkwistjoni, jiġifieri s-servizz bażiku u s-servizz komplementari.

    11

    Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kumpens li rċevew SNCM u CMN għas-servizz bażiku kien jikkostitwixxi għajnuna illegali sa fejn din l-għajnuna ngħatat bi ksur tal-proċedura prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE. Madankollu, hija kkonstatat li dan il-kumpens kien kompatibbli mas-suq intern.

    12

    Sabiex tiddeċiedi jekk il-kumpens previst mill-Ftehim ta’ delega ta’ servizz pubbliku dwar is-servizz komplementari, żgurat biss minn SNCM, kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli mas-suq intern, il-Kummissjoni kkunsidrat li tnejn mill-erba’ kriterji ffissati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415) ma ġewx issodisfatti.

    13

    Il-Kummissjoni fil-fatt ikkonstatat, fl-ewwel lok, li s-servizz komplementari la kien neċessarju u lanqas proporzjonat għas-sodisfazzjon ta’ bżonn reali ta’ servizz pubbliku. Fit-tieni lok, hija kkunsidrat, minn naħa, li l-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti ma kinux ippermettew li tkun żgurata kompetizzjoni effettiva u, min-naħa l-oħra, li l-kumpens finanzjarju ma ġiex iddefinit b’riferiment għal bażi ta’ spejjeż stabbiliti a priori, jew b’paragun mal-istruttura ta’ spejjeż ta’ impriżi marittimi oħrajn paragunabbli.

    14

    Fid-dawl tal-punti hawn fuq iċċitati, il-Kummissjoni, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, innotifikata lir-Repubblika Franċiża fit-3 ta’ Mejju 2013, iddeċidiet dan li ġej:

    “Artikolu 1

    Il-kumpens imħallas lill-SNCM u lis-CMN fil-qafas tal-[FDSP] tas-7 ta’ Ġunju 2007 huwa għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1)[ TFUE]. Din l-għajnuna mill-Istat ingħatat bi ksur tal-obbligi previsti fl-Artikolu 108(3)[ TFUE]

    Artikolu 2

    1.   Il-kumpens imħallas lill-SNCM fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-kapaċità addizzjonali pprovduta f’I a) 2), I b) 2) u I d) 1.4) tal‑ispeċifikazzjonijiet tal-[Ftehim ta’ delega ta’ servizz pubbliku] msemmi hawn fuq, huwa inkompatibbli mas-suq intern.

    2.   Il-kumpens imħallas lill-SNCM u lis-CMN għall-operat tas-servizzi l-oħrajn previsti mill-[Ftehim ta’ delega ta’ servizz pubbliku] msemmi hawn fuq huwa kompatibbli mas-suq intern.

    Artikolu 3

    1.   Franza għandha l-obbligu li tirkupra l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2(1), mill-benefiċjarju.

    2.   L-ammonti li għandhom jiġu rkuprati għandu jkollhom imgħaxijiet, li jibdew mid-data li fiha tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju sal-irkupru attwali tagħhom.

    3.   L-imgħax għandu jiġi kkalkolat fuq bażi komposta skont il‑Kapitolu V tar-Regolament [tal-Kummissjoni] (KE) Nru 794/2004[, tal-21 ta’ April 2004, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 4, p. 3)] u skont ir‑Regolament [tal-Kummissjoni] (KE) Nru 271/2008[, tat-30 ta’ Jannar 2008, li jemenda ir-Regolament (KE) Nru 794/2004 (ĠU L 82, p. 1)].

    4.   Franza tħassar il-ħlasijiet kollha ta’ għajnuna msemmija fl-Artikolu 2(1), li jistgħu jseħħu wara d-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni.

    Artikolu 4

    1.   L-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2(1), huwa immedjat u effettiv.

    2.   Franza tiżgura li din id-deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba’ xhur mid-data tan-notifika tagħha.

    Artikolu 5

    1.   Fix-xahrejn ta’ wara n-notifika ta’ din id-deċiżjoni, Franza tikkomunika l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:

    (a)

    l-ammont totali (kapital u imgħax) li għandu jiġi rkuprat mill-benefiċjarju;

    (b)

    deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri diġà meħuda u dawk ippjanati sabiex tikkonforma ma’ din id-deċiżjoni;

    (c)

    id-dokumenti li juru li l-benefiċjarju ġie ordnat iħallas lura l-għajnuna;

    (d)

    id-data u l-ammont eżatt ta’ ħlasijiet ta’ kull xahar u tal-aġġustamenti annwali li saru mid-dħul fis-seħħ tal-ftehim sad-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

    2.   Franza żżomm lill-Kummissjoni informata dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali meħuda biex tiġi implimentata din id-deċiżjoni sal-irkupru sħiħ tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2(1). Hi tissottometti immedjatament, fuq talba tal-Kummissjoni, kull informazzjoni dwar il-miżuri li diġà ttieħdu u dawk ippjanati sabiex tkun konformi ma’ din id-deċiżjoni. Tipprovdi wkoll informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti ta’ għajnuna u l-imgħaxijiet diġà rkuprati mingħand il-benefiċjarju.

    Artikolu 6

    Din id-deċiżjoni hija indirizzata lejn ir-Repubblika ta’ Franza.”

    15

    Skont il-Kummissjoni, l-ammont ta’ għajnuna li kellha tiġi rkuprata kien stmat, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, għal madwar EUR 220.224 miljun.

    16

    B’rikorsi ppreżentati rispettivament mar-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fit-12 ta’ Lulju u fis-26 ta’ Awwissu 2013, ir-Repubblika Franċiża u SNCM ippreżentaw kull wieħed minnhom rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni kkontestata [kawżi Franza vs Il‑Kummissjoni (T‑366/13) u SNCM vs Il‑Kummissjoni (T-454/13), pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali).

    17

    Fl-istess jum, b’att ippreżentat mar-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, ir-Repubblika Franċiża talbet għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u dan sakemm il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq il-mertu tat-talba għal annullament iċċitata iktar ’il fuq. Din it-talba ġiet miċħuda permezz tad-Digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali Franza vs Il‑Kummissjoni (T‑366/13 R, EU:T:2013:396). L-appell ippreżentat mir-Repubblika Franċiża kontra dan id-digriet ġie miċħud permezz tad-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja Franza vs Il‑Kummissjoni (C‑574/13 P(R), EU:C:2014:36).

    18

    B’ittra tal-20 ta’ Ġunju 2013, il-President tal-Kunsill Eżekuttiv ta’ Corse talab lill-Viċi President tal-Kummissjoni, sabiex jingħata informazzjoni dwar il-modalitajiet tal-implementazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

    19

    Fl-10 ta’ Lulju 2013, il-prefett ta’ Corse bagħat ittra lill-President tal-Kunsill Eżekuttiv ta’ Corse li magħha kien hemm annessa d-deċiżjoni kkontestata. Skont din l-ittra, il-prefett ta’ Corse talab lill-President tal-Kunsill Eżekuttiv ta’ Corse sabiex jagħrfu dwar l-iżviluppi li kienu ser iseħħu. Barra minn hekk, il-prefett ta’ Corse rrefera għall-fatt li r-Repubblika Franċiża kienet lesta li tikkontesta d-deċiżjoni kkontestata permezz ta’ rikors għal annullament akkumpanjat minn talba għal miżuri provviżorji.

    20

    Fl-istess jum, il-prefett ta’ Corse bagħat lill-President ta’ SNCM kopja tal-ittra indirizzata lill-President tal-Kunsill Eżekuttiv ta’ Corse kif ukoll kopja tad-deċiżjoni kkontestata.

    21

    B’ittra tas-17 ta’ Lulju 2013, il-Viċi President tal-Kummissjoni indika lill-President tal-Kunsill Eżekuttiv ta’ Corse li, skont id-deċiżjoni kkontestata, il-ħlasijiet tal-kumpens mogħti lil SNCM għas-servizz komplementari għandhom jiġu immedjatament sospiżi, li t-terminu previst fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tintbagħat l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(1) kien diġà għadda u li barra minn hekk kien importanti li t-terminu ta’ eżekuzzjoni, stabbilit fl-Artikolu 4(2) tal-imsemmija deċiżjoni jiġi rrispettat. F’din l-ittra, il-Viċi President tal-Kummissjoni fakkar li, bħala regola, l-għajnuna “għandha tiġi rkuprata mill-entità li tkun tat l-istess għajnuna, abbażi ta’ titolu eżekuttiv b’mod sħiħ maħruġ minn din l-entità (bil-kundizzjoni li din tal-aħħar hija legalment awtorizzata tagħmel dan), jew fin-nuqqas, minn awtorità pubblika investita b’tali poter. Fil-każ preżenti, l-obbligu ta’ rkupru jidher għalhekk li jaqa’ fuq il-Kunsill Eżekuttiv [tal-Awtorità ta’ Corse] […] sa fejn kien dan tal-aħħar li ta l-għajnuna inkompatibbli, kif irrilevat fil punt 28 tad-deċiżjoni [kkontestata]”.

    22

    Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Lulju 2013, il-President tal-Kunsill Eżekuttiv ta’ Corse informa lill-Viċi President tal-Kummissjoni li kien ħa l-miżuri neċessarji sabiex jannulla l-ħlas tal-kumpens li jikkorrispondi mas-servizz komplementari. Hu żied li kien qed jiltaqa’ ma’ diffikultajiet mal-awtoritajiet tal-Istat Franċiż, b’mod partikolari, id-dipartimenti tal-prefett ta’ Corse u l-Kamra Reġjonali tal-Awdituri li kienu qed jikkonfutaw il-validità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni billi jinnegaw in-natura eżekuttiva tagħha.

    Il-proċedura prekontenzjuża

    23

    Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Settembru 2013, il-Kummissjoni talbet lir-Repubblika Franċiża sabiex tinformaha, fi żmien għaxart ijiem mid-data ta’ din l-ittra, bil-miżuri li tkun ħadet sabiex timplementa d-deċiżjoni kkontestata. F’din l-ittra, il-Kummissjoni fakkret lil dan l-Istat Membru li sakemm deċiżjoni ta’ rkupru ta’ għajnuna mill-Istat ma ġietx sospiża b’mod validu, hija tibqa’ infurzabbli b’mod sħiħ u dirett. Barra minn hekk, hija talbitu jispjegalha l-konsegwenzi tal-implementazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata dwar is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ SNCM peress li, skont dan l-Istat, l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni kkontestata kienet ser twassal b’mod inevitabbli għall-insolvenza u għall-istralċ ġudizzjarju ta’ SNCM. Għalhekk, il-Kummissjoni għamlet mistoqsijiet fir-rigward ta’ informazzjoni li hija kellha, li l-Kunsill Eżekuttiv ta’ Corse kellu l-ħsieb li, abbażi ta’ rapport tal-Uffiċċju tat-Trasport ta’ Corse, jipproponi lill-Assemblea ta’ Corse tiffirma mal-grupp iffurmat minn SNCM u minn CMN, il-Ftehim ta’ delega ta’ servizz pubbliku għat-trasport ta’ passiġġieri u ta’ merkanzija bejn Marseille u l-portijiet ta’ Corse għall-perijodu li jkopri s-sena 2014 sas-sena 2023.

    24

    B’ittra tal-20 ta’ Settembru 2013, il-Kummissjoni “[stiednet] mill-ġdid [ir-Repubblika Franċiża] sabiex [tipproċedi] immedjatament għall-irkupru tal-għajnuna, bl-interessi, sabiex [tannulla] u jekk ikun il-każ sabiex [tirkupra] l-għajnuna kollha li setgħet tħallset għas-servizz komplimentari mill-jum tan-notifika tad-[deċiżjoni kkontestata] u sabiex [tipprovdi] rapport dwar l-istat tal-irkupru, inkluż spjegazzjoni tal-metodu tal-kalkolu tal-interessi”. Il-Kummissjoni indikat lil dan l-Istat Membru li għandu jipprovdilha din l-informazzjoni f’terminu ta’ 20 jum ta’ xogħol mid-data ta’ din l-ittra. Finalment, il-Kummissjoni enfasizzat li dan it-terminu supplimentari ma kien bl-ebda mod jibdel l-obbligu ta’ eżekuzzjoni immedjata ta’ din id-deċiżjoni u li, fin-nuqqas ta’ tali eżekuzzjoni, id-dipartimenti tal-Kummissjoni kellhom l-obbligu jipproponu lill-Kummissjoni li tiftaħ kawża kontra r-Repubblika Franċiża bis-saħħa tal-Artikolu 108(2) TFUE.

    25

    Fid-29 ta’ Novembru 2013, ir-Repubblika Franċiża informat lill-Kummissjoni li l-Awtorità ta’ Corse kienet issospendiet il-ħlasijiet ta’ kumpens relatati mas-servizz imsejjaħ “komplimentari” mill-aħħar tax-xahar ta’ Lulju 2013, abbażi ta’ stima provviżorja kkalkolata abbażi tal-ammonti msemmija fid-deċiżjoni kkontestata. Fir-rigward tal-ammont totali tal-kumpens li għandu jiġi rkuprat mingħand il-benefiċjarji (is-somma prinċipali u l-interessi), dan l-Istat Membru spjega d-diffikultajiet tiegħu li jikkalkola tali ammont, peress li fl-opinjoni tiegħu, id-distinzjoni użata mill-Kummissjoni bejn is-“servizz bażiku” u s-“servizz komplimentari” kienet artifiċjali. Fil-fatt, skont ir-Repubblika Franċiża, dawn iż-żewġ servizzi kienu inseparabbli u kellhom l-għan ta’ kontinwità territorjali.

    26

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u peress li r-Repubblika Franċiża ma adottatx il-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma mad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

    L-avvenimenti sussegwenti għall-preżentata tar-rikors

    27

    Seħħew diversi avvenimenti bejn il-preżentata ta’ dan ir-rikors u s-seduta tal-5 ta’ Frar 2015, fejn il-Kummissjoni u r-Repubblika Franċiża għamlu l-osservazzjonijiet tagħhom.

    28

    Waqt is-seduta, ir-Repubblika Franċiża ppreċiżat li l-kumpannija Veolia Transdev, li kienet tat self lil SNCM, kienet talbet fid-29 ta’ Ottubru 2014, ir-rimbors antiċipat ta’ dan, li wassal lill-President tat-Tribunal de commerce de Marseille jikkonstata, fit-28 ta’ Novembru 2014, il-waqfien tal-ħlasijiet ta’ SNCM u jqiegħed lill-amministrazzjoni tagħha taħt il-kontroll ta’ qorti għal perijodu ta’ sitt xhur.

    29

    Hija żiedet ukoll li fis-7 u fid-19 ta’ Novembru 2014, l-Uffiċċju tat-Trasport ta’ Corse ħareġ żewġ avviżi sabiex jirkupra l-għajnuna ddikjarata inkompatibbli, iżda għal ammont ta’ madwar EUR 198 miljun li, skont il-Kummissjoni, kien jibqa’ inferjuri minn dak indikat fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri EUR 220.224 miljun.

    30

    Id-deċiżjoni li ordnat il-bidu ta’ din il-proċedura ġiet ippubblikata fl-14 ta’ Diċembru 2014, liema deċiżjoni tat bidu għat-terminu ta’ xahrejn mogħti lill-kredituri sabiex jiddikjaraw id-dejn tagħhom.

    31

    Fid-9 ta’ Jannar 2015, l-awtoritajiet Franċiżi inkludew l-għajnuna ddikjarata inkompatibbli mad-dejn ta’ SNCM għal ammont ta’ madwar EUR 198 miljun.

    32

    Matul is-seduta, ir-Repubblika Franċiża barra minn hekk informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li diversi offerti ta’ xiri ta’ SNCM kienu ġew iddepożitati mat-Tribunal tal-Kummerċ ta’ Marseille fit-2 ta’ Frar 2015, fil-kuntest tal-proċedura li permezz tagħha l-amministrazzjoni ta’ SNCM tqiegħdet taħt il-kontroll ta’ qorti.

    Fuq ir-rikors

    33

    Insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tinvoka tliet motivi, ibbażati fuq ksur tal-Artikoli 3 sa 5 tad-deċiżjoni kkontestata.

    34

    Il-Kummissjoni ssostni, fl-ewwel lok, li r-Repubblika Franċiża ma ħaditx il-miżuri neċessarji sabiex tirkupra l-għajnuna illegali fit-termini mitluba, fit-tieni lok, li jekk il-ħlas tal-għajnuna effettivament twaqqaf mix-xahar ta’ Lulju 2013, dan il-waqfien ta’ ħlas seħħ madankollu wara d-data ffissata mid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri fit-3 ta’ Mejju 2013 u, fl-aħħar nett, fit-tielet lok, li l-informazzjoni mitluba fid-deċiżjoni kkontestata ġiet biss ikkomunikata fid-29 ta’ Novembru 2013, meta din kellha tingħata xahrejn min-notifika ta’ din id-deċiżjoni, meħuda fit-3 ta’ Mejju 2013.

    Fuq l-ewwel motiv ibbażat fuq nuqqas ta ’ rkupru tal-għajnuna illegali

    L-argumenti tal-partijiet

    35

    Il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Franċiża ma ħaditx il-miżuri neċessarji sabiex tirkupra l-għajnuna illegali fit-termini mitluba.

    36

    Hija tiċħad l-argument imqajjem mill-konvenuta, dwar l-impossibbiltà assoluta għal din tal-aħħar li teżegwixxi d-deċiżjoni kkontestata.

    37

    Il-Kummissjoni ssostni b’mod partikolari li tali impossibbiltà ma hijiex stabbilita peress, li f’din il-kawża, ebda tentattiv ta’ implementazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma nbeda effettivament mid-destinatarju ta’ din id-deċiżjoni.

    38

    Hija żżid li l-problemi soċjali invokati mill-konvenuta sabiex tiġġustifika tali impossibbiltà għandhom jiġu kkwalifikati.

    39

    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tafferma li, l-ewwel nett, meta jkun hemm verament urġenza fil-konfront ta’ miżura li l-legalità tagħha hija serjament ikkontestata, dejjem ikun hemm punt ta’ liġi li jippermetti lill-Istati Membri jew lill-operaturi ekonomiċi kkonċernati minn din il-miżura li jitolbu s-sospensjoni tal-implementazzjoni tagħha. It-tieni nett, huwa għar-Repubblika Franċiża li tiżgura l-osservanza tad-dritt u li żżomm l-ordni pubbliku fit-territorju tagħha, mingħajr ma ċċedi għal sempliċi theddid ta’ problemi ta’ ordni pubbliku. Fl-aħħar nett, it-tielet nett, l-argument ibbażat fuq il-waqfien tal-kontinwità territorjali ta’ Corse, minħabba fil-waqfien tar-rotot marittimi lejn Corse minn SNCM, għandu jkun ikkwalifikat, peress li, b’mod partikolari, dan is-servizz jista’ jkun żgurat minn kumpanniji oħra kompetituri u, f’kull każ, bl-ajru.

    40

    Fir-risposta tagħha, ir-Repubblika Franċiża ssostni li kienet f’impossibbiltà li tirkupra s-somma ta’ EUR 220.224 miljun, li hija s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata.

    41

    F’dan ir-rigward, hija tafferma li l-irkupru ta’ tali somma wassal inevitabbilment għall-bidu tal-istralċ ġudizzjarju ta’ SNCM, proċess li jwassal huwa stess għal problemi gravi ta’ ordni pubbliku, bħal dawk li seħħew matul l-istrajk tas-sena 2005 u, sa ċertu punt, matul is-sena 2014. Tali strajkijiet jistgħu għalhekk, bħal fil-passat, għal darb’oħra jagħlqu għal żmien twil l-port ta’ Marseille, iqajmu l-kwistjoni tal-waqfien tal-kontinwità territorjali ma’ Corse, u fl-aħħar nett jaffettwaw gravement l-istabbiltà ekonomika tar-reġjun kollu.

    42

    Ir-Repubblika Franċiża tenfasizza li l-interruzzjoni, temporanja jew permanenti, tal-attività ta’ SNCM teffettwa sostanzjalment, għall-inqas fit-terminu qasir, ir-rotot marittimi tal-kontinent ma’ Corse u għalhekk l-kontinwità territorjali ta’ Corse mal-kontinent, b’mod partikolari fir-rotot marittimi bejn Marseille u portijiet differenti f’Corse, peress li l-inizjattiva privata ma tkunx tista’ tissupplimenta dan in-nuqqas ta’ SNCM.

    43

    Ir-Repubblika Franċiża tippreċiża li SNCM twettaq parti sostanzjali mir-rotot marittimi bejn Corse u l-kontinent, peress li din il-kumpannija tirrappreżenta 34.2 % mit-traffiku tal-passiġġieri u 39 % tal-merkanzija fuq dawn ir-rotot. Hija żżid li CMN tipprovdi biss 40 % minn dawn ir-rotot f’dak li jirrigwarda s-servizz bażiku. Hija tindika li Corsica Ferries kienet l-unika li kkompetiet ma’ SNCM u CMN fis-sejħa għal offerti għall-għoti ta’ delega ta’ servizz pubbliku 2007‑2013, li jeskludi l-idea li kumpannija privata oħra tiżgura s-servizz effettwat minn SNCM u li, f’kull każ, l-intervent ta’ Corsica Ferries mill-port ta’ Marseille jimplika li din il-kumpannija tittrasferixxi parti mill-attività tagħha mill-portijiet fejn topera, jiġifieri Nice u Toulon, li min-naħa tiegħu jaffettwa l-kontinwità territorjali bejn Corse u dawn iż-żewġ portijiet.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    44

    Għandha titfakkar l-ġurisprudenza stabbilita li tgħid li t-tħassir ta’ għajnuna illegali permezz tal-irkupru hija l-konsegwenza loġika tal-konstatazzjoni tal-illegalità tagħha. Id-deċiżjoni li tobbliga lil Stat Membru jirkupra għajnuna illegali, adottata skont l-Artikolu 108(2) TFUE, tgawdi minn preżunzjoni ta’ legalità u tibqa’, minkejja l-eżistenza ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, torbot fl-intier tagħha lid-destinatarju tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑261/99, EU:C:2001:179, punti 22 u 26, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, l-Istat Membru destinatarju ta’ tali deċiżjoni għandu, bis-saħħa tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, jieħu l-miżuri kollha xierqa sabiex jiżgura l-implementazzjoni tagħha.

    45

    Konformement mal-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 659/1999, l-irkupru tal-għajnuna għandu jseħħ mingħajr dewmien jew, fejn xieraq, f’dak previst fid-deċiżjoni li tordna dan l-irkupru. Irkupru tardiv, wara t-termini previsti, ma jissodisfax ir-rekwiżiti tat-Trattat FUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑353/12, EU:C:2013:651, punti 31 u 32, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    46

    F’din il-kawża, ma huwiex ikkontestat li r-Repubblika Franċiża ma kinitx ħadet fl-iskadenza tat-terminu previst mid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri fit-3 ta’ Settembru 2013, il-miżuri neċessarji sabiex tirkupra l-għajnuna illegali. Huwa biss fis-7 u fid-19 ta’ Novembru 2014 li dan l-Istat Membru ħareġ żewġ avviżi kontra SNCM, li jammontaw għal madwar EUR 198 miljun, ammont li huwa inferjuri minn dak irrapportat mill-Kummissjoni, jiġifieri EUR 220.224 miljun mingħajr ma rkupru effettiv tal-għajnuna illegali seħħ. Il-ħruġ ta’ avviż waħdu ma setax jitqies bħala rkupru tal-għajnuna illegali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Is‑Slovakkja, C‑507/08, EU:C:2010:802, punt 48).

    47

    Ir-rikors għal annullament ippreżentat mir-Repubblika Franċiża u SNCM kontra d-deċiżjoni kkontestata ma għandux effett fuq din il-kawża. Fil-fatt, hekk kif dan jirriżulta mill-Artikolu 278 TFUE, fin-nuqqas ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tinqata’ bil-kontra, rikors għal annullament ma għandux effett sospensiv (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑232/05, EU:C:2006:651, punt 60). Ir-rikors għas-sospensjoni tal-implementazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ppreżentat mir-Repubblika Franċiża ġie miċħud fl-appell mill-Qorti tal-Ġustizzja u l-introduzzjoni ta’ rikors għal annullament minn dan l-Istat Membru ma jaffettwax in-natura eżekuttiva tad-deċiżjoni kkontestata.

    48

    Hija ġurisprudenza stabbilita li, bl-eċċezzjoni tal-każijiet li fihom deċiżjoni ta’ rkupru kienet is-suġġett ta’ annullament bis-saħħa tal-Artikolu 263 TFUE, l-uniku motiv ta’ difiża li jista’ jiġi invokat minn Stat Membru kontra rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 108(2) TFUE huwa dak ibbażat fuq impossibbiltà assoluta li jeżegwixxi d-deċiżjoni inkwistjoni li tagħha huwa d-destinatarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑527/12, EU:C:2014:2193, punt 48, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    49

    Il-kundizzjoni ta’ impossibbiltà assoluta ta’ eżekuzzjoni ma hijiex issodisfatta meta l-Istat Membru konvenut sempliċiment jinforma lill-Kummissjoni bid-diffikultajiet legali, politiċi jew prattiċi involuti fl-implementazzjoni tad-deċiżjoni, mingħajr ma jittieħdu passi reali għall-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni u mingħajr ma jiġu proposti lill-Kummissjoni xi modalitajiet alternattivi għall-implementazzjoni tad-deċiżjoni li setgħu għamluha possibbli li jingħelbu dawk id-diffikultajiet (ara s-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑415/03, EU:C:2005:287, punt 43; Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑331/09, EU:C:2011:250, punt 70; Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑305/09, EU:C:2011:274, punt 33; u Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑243/10, EU:C:2012:182, punt 41).

    50

    F’dan il-każ, ir-Repubblika Franċiża tressaq żewġ tipi ta’ argumenti intiżi sabiex jiġi kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja impossibbiltà assoluta ta’ implementazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

    51

    L-ewwel argument li jikkonċerna l-problemi soċjali li jistgħu jseħħu bħala riżultat tat-tħabbir tal-istralċ ġudizzjarju ta’ SNCM, problemi li jistgħu jkunu ta’ preġudizzju għall-ordni pubbliku u, li għalhekk, jikkawżaw waqfien tal-kontinwità territorjali ta’ Corse mal-kontinent. It-tieni argument jirreferi għad-diffikultajiet prattiċi li jirriżultaw fil-każ tat-tmiem ta’ SNCM, in-neċessità li tiftaħ il-proċedura li twassal għall-konklużjoni ta’ ftehim ta’ delega ta’ servizz pubbliku ġdid ma’ operatur ekonomiku ieħor li ma huwiex SNCM, operatur li mhux neċessarjament u immedjatament jiddisponi mill-materjal u mir-riżorsi umani sabiex jissodisfa n-neċessitajiet għad-delega ta’ servizz pubbliku. In-neċessità għal tali proċedura hija għalhekk suxxettibbli, għall-inqas għal ċertu perijodu, li tostakola wkoll il-kontinwità territorjali fuq imsemmija.

    52

    Fir-rigward tal-okkorrenza ta’ problemi soċjali eventwali, li jistgħu jkunu ta’ preġudizzju għall-ordni pubbliku, hija ġurisprudenza stabbilita, hekk kif irrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 86 tal-konklużjonijiet tiegħu, li fil-preżenza ta’ theddid ta’ problemi bħal dawn, huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jadotta l-miżuri kollha xierqa sabiex jiggarantixxi l-portata u l-effett sħiħ tad-dritt tal-Unjoni, sabiex jiżgura l-implementazzjoni korretta ta’ dan id-dritt, fl-interessi tal-operaturi ekonomiċi kollha, sakemm ma jkunx stabbilit li azzjoni min-naħa ta’ dan l-istat jista’ jkollha konsegwenzi fuq l-ordni pubblika bil-konsegwenzi li ma jkunx jista’ jikkontrollaha bil-mezzi għad-dispożizzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑265/95, EU:C:1997:595, punti 56 u 57).

    53

    F’dan il-każ, ir-Repubblika Franċiża ma werietx li azzjoni min-naħa tagħha li ttemm kull allegata problema pubblika eventwali jkollha konsegwenzi li ma tkunx tista’ tlaħħaq magħhom permezz tal-mezzi għad-dispożizzjoni tagħha. Anki jekk wieħed jassumi li jingħalqu r-rotot marittimi ma’ Corse għal tul ta’ żmien minħabba azzjonijiet illegali, l-ebda prova prodotta mir-Repubblika Franċiża ma tippermetti li jiġi kkunsidrat impossibbli l-issodisfar ta’ rotta bejn Corse u l-kontinent permezz ta’ rotta marittima oħra jew bl-ajru, li għalhekk għandu jippermetti l-provvista ta’ prodotti tal-ewwel bżonn lil din il-gżira.

    54

    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-ħruġ ta’ titolu eżekuttiv ta’ ammont ta’ madwar EUR 198 miljun flimkien mad-dikjarazzjoni ta’ dejn ippreżentata mill-Gvern Franċiż fil-proċedura kollettiva li hija s-suġġett tagħha SNCM, ma kkawżawx problemi partikolari.

    55

    Fid-dawl tal-konstatazzjonijiet fuq imsemmija, il-problemi soċjali eventwali jew ta’ natura ta’ ordni pubblika, invokati f’din il-kawża mir-Repubblika Franċiża, ma jistgħux jitqiesu bħala li jikkostitwixxu impossibbiltà assoluta ta’ implementazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

    56

    F’dak li jirrigwarda l-allegat riskju ta’ waqfien tal-kontinwità territorjali li jista’ jseħħ fil-perijodu bejn it-tmiem ta’ SNCM u l-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ delega ta’ servizz pubbliku ġdid, jirriżulta mill-provi kollha prodotti mir-Repubblika Franċiża li t-terminazzjoni eventwali tal-attività ta’ SNCM, jista’, fuq terminu ta’ żmien qasir, ikun ta’ natura tali li jikkawża xi tnaqqis fit-traffiku fuq ir-rotot marittimi bejn Marseille u l-portijiet ta’ Corse. Madankollu, dan l-Istat Membru ma jurix ċirkustanzi li jippermettu li jiġi konkluż li tali tnaqqis ikollu konsegwenzi fuq skala tali li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala impossibbiltà assoluta ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

    57

    Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Franċiża ma tipproduċix prova li hija kienet fl-impossibbiltà assoluta li tirkupra l-għajnuna illegali u li tikkonkludi li dan l-Istat Membru naqas mill-obbligu tiegħu li jirkupra l-għajnuna illegali mħallsa, kif previst fl-Artikoli 3(1) sa (3) u 4 tad-deċiżjoni kkontestata.

    Fuq it-tieni motiv ibbażat fuq nuqqas ta ’ annullament, fit-termini previsti, tal-ħlas tal-għajnuna illegali

    58

    L-Artikolu 3(4) tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi l-obbligu għar-Repubblika Franċiża li tannulla l-ħlasijiet kollha ta’ għajnuna illegali mid-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni li ngħatat fit-3 ta’ Mejju 2013.

    59

    Issa, jirriżulta mill-elementi li jinsabu fir-replika tal-Kummissjoni, li ma ġewx ikkontestati mir-Repubblika Franċiża, li din ikkonformat ruħha ma’ dan l-obbligu biss mit-23 ta’ Lulju 2013 u, għaldaqstant, naqset mill-obbligi tagħha bejn it-3 ta’ Mejju 2013 u t-23 ta’ Lulju 2013.

    60

    Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat in-nuqqas ta’ dan l-obbligu.

    Fuq it-tielet motiv ibbażat fuq in-nuqqas li tinforma lill-Kummissjoni fit-termini previsti

    61

    L-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata jipprevedi l-obbligu għar-Repubblika Franċiża li tikkomunika fix-xahrejn ta’ wara n-notifika ta’ din id-deċiżjoni, numru ta’ elementi ta’ informazzjoni.

    62

    Peress li r-Repubblika Franċiża ma ħaditx, fit-termini previsti, il-miżuri neċessarji sabiex tannulla l-ħlas tal-għajnuna futura u tirkupra l-ammonti ta’ għajnuna diġà mħallsa, hija naqset ukoll mill-obbligu tagħha li tinforma lill-Kummissjoni dwar miżuri meħuda fix-xahrejn ta’ wara n-notifika tad-deċiżjoni kkontestata, kif mitluba tagħmel mill-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata.

    63

    Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat in-nuqqas ta’ dan l-obbligu.

    64

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma adottatx, fit-termini previsti, il-miżuri kollha neċessarji bil-għan li tirkupra, mingħand SNCM l-għajnuna mill-Istat iddikjarata illegali u inkompatibbli mas-suq intern permezz tal-Artikolu 2(1) tad-deċiżjoni kkontestata, billi ma annullatx, fit-termini previsti, il-ħlasijiet kollha tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2(1) u billi ma informatx lill-Kummissjoni, fit-terminu previst, bil-miżuri adottati sabiex tikkonforma ruħha ma’ din id-deċiżjoni, ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha bis-saħħa tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE u tal-Artikoli 3 sa 5 ta’ din id-deċiżjoni.

    Fuq l-ispejjeż

    65

    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Franċiża tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Billi ma adottatx, fit-termini previsti, il-miżuri kollha neċessarji bil-għan li tirkupra, mingħand Société nationale maritime Corse-Méditerranée (SNCM) SA l-għajnuna mill-Istat iddikjarata illegali u inkompatibbli mas-suq intern permezz tal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/435/UE, tat-2 ta’ Mejju 2013, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.22843 (2012/C) (ex 2012/NN) implimentata minn Franza favur is-Société Nationale Corse Méditerranée u l-Compagnie Méridionale de Navigation, billi ma annullatx, fit-termini previsti, il-ħlasijiet kollha tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2(1) u billi ma informatx lill-Kummissjoni Ewropea, fit-terminu previst, bil-miżuri adottati sabiex tikkonforma ruħha ma’ din id-deċiżjoni, ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha bis-saħħa tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE u tal-Artikoli 3 sa 5 ta’ din id-deċiżjoni.

     

    2)

    Ir-Repubblika Franċiża hija kkundannata għall-ispejjeż.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Fuq