Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62014CJ0087

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tad-9 ta’ Lulju 2015.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Irlanda.
    Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 2003/88/KE — Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol — Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol tat-tobba waqt it-taħriġ.
    Kawża C-87/14.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2015:449

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

    9 ta’ Lulju 2015 ( *1 )

    “Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 2003/88/KE — Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol — Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol tat-tobba waqt it-taħriġ”

    Fil-Kawża C‑87/14,

    li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fit-18 ta’ Frar 2014,

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. van Beek u J. Enegren, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    rikorrenti,

    vs

    L-Irlanda, irrappreżentata minn E. Creedon u E. Mc Phillips kif ukoll minn A. Joyce u B. Counihan, bħala aġenti, assistiti minn D. Fennelly, barrister,

    konvenuta,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, K. Jürimäe, J. Malenovský, M. Safjan u A. Prechal (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: Y. Bot,

    Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Marzu 2015,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Marzu 2015,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Bir-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, bin-nuqqas ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381), għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol tat-tobba żgħażagħ waqt it-taħriġ [imsejħa wkoll tobba tal-isptar mhux konsulenti (“non-consultant hospital doctors”, iktar ’il quddiem l-“NCHD”)], l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 3, 5, 6 kif ukoll 17(2) u (5) ta’ din id-direttiva.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    2

    L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

    “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    1.

    ‘ħin tax-xogħol’ ifisser kwalunkwe perjodu li matulu il-ħaddiem ikunu għax-xogħol, għad-disposizzjoni ta’ min jimpjegah u jwettaq l-attivitajiet jew id-doveri tiegħu, b’konformità mal-liġijiet nazzjonali u/jew prattiċi;

    [...]”

    3

    L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Serħan ta’ kull jum”, jipprevedi:

    “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal perjodu minimu ta’ serħan kull jum ta’ 11-il siegħa konsekuttivi f’perjodu ta’ 24 siegħa.”

    4

    L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Perjodu ta’ serħan ta’ kull ġimgħa”, jipprevedi fl-ewwel paragrafu tiegħu:

    “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li, f’kull perjodu ta’ sebat ijiem kull ħaddiem ikun intitolat għal perjodu minimu mingħajr interruzzjoni ta’ serħan kull perjodu ta’ 3 il-siegħa flimkien ma 11-il siegħa serħan ta’ kull jum kif li hemm referenza għalih fl-Artikolu 3.”

    5

    Skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/88, intitolat “Ħin massimu ta’ xogħol matul ġimgħa”:

    “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li, skond il-ħtieġa tal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema:

    [...]

    b)

    il-medja tal-ħin tax-xogħol għal kull perjodu ta’ sebat ijiem, inkluża s-sahra, ma tkunx teċċedi it-48 siegħa.”

    6

    L-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva, intitolat “Perjodu ta’ referenza”, jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jipprevedu perijodi ta’ referenza għall-applikazzjoni, b’mod partikolari, tal-Artikoli 5 u 6 ta’ din id-direttiva.

    7

    L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/88 jistabbilixxi, fil-paragrafi 2 u 5 tiegħu:

    “2.   Id-derogi li hemm provvediment dwarhom fil-paragrafi 3, 4 u 5 jistgħu jkunu adottati permezz ta’ liġijiet, regolamenti jew disposizzjonijiet amministrattivi jew permezz ta’ ftehim kollettiv jew ftehim bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industria, basta li l-ħaddiema kkonċernati jkunu mogħtija perijodu ekwivalenti ta’ mistrieħ obligatorju jew li, f’każi eċċezzjonali li fihom dan ma jkunx possibbli, għal raġunijiet objettivi, li jagħtu perijodi bħal dawn ta’ serħan obligatorju, il-ħaddiema kkonċernati għandhom igawdu minn protezzjoni xierqa.

    [...]

    5.   B’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, derogi jistgħu isiru mill-Artikolu 6 u l-Artikolu 16(b), fil-każ ta’ tobba waqt it-taħriġ, b’konformità mad-disposizzjonijiet stabbiliti fit-tieni sas-seba’ subparagrafi ta’ dan il-paragrafu.

    Fir-rigward ta’ l-Artikolu 6, id-derogi li hemm referenza għalihom fl-ewwel subparagrafu għandhom jinżammu għal perijodu transitorju ta’ ħames snin mill-1 ta’ Awissu 2004.

    L-Istati Membri jistgħu ikollhom sa sentejn oħrajn, jekk meħtieġ, sabiex jqisu d-diffikultajiet ħalli jilħqu d-disposizzjonijiet tal-ħin tax-xogħol fir-rigward tar-responsabbiltajiet tagħom għall-organizzazzjoni u t-twassil tas-servizzi tas-saħħa u l-kura medika. [...]

    L-Istati Membri jistgħu jkollhom perijodu addizzjonali sa sena żmien, jekk meħtieġ, sabiex jieħdu kont ta’ diffikultajiet speċjali ħhalli jkunu jistgħu jlaħħqu mar-responsabbiltajiet li hemm referenza għalihom fit-tielet subparagrafu. [...]

    L-Istati Membri għandhom jassiguraw li fl-ebda każ m’għandu n-numru ta’ sigħat ta’ xogħol matul kull ġimgha jeċċcedu l-medja ta’ 58 siegħa għall-ewwel tlett snin tal-perijodu transitorju, medja ta’ 56 għas-sentejn li jsegwu u medja ta’ 52 għal xi perijodu ieħor.

    [...]

    Fir-rigward ta’ l-Artikolu 16(b), id-derogi li hemm referenza għalihom fl-ewwel subparagrafu għandhom ikunu mħollija basta li l-perijodu ta’ referenza ma jeċċedix 12 il-xhar, matul l-ewwel parti tal-perijodu transitorju speċifikat fil-ħames subparagrafu, u sitt xhur wara dan.”

    8

    L-Artikolu 19 ta’ din id-direttiva, intitolat “Limiti għad-derogi mill-perjodi ta’ referenza”, jipprevedi:

    “L-għażla ta’ deroga mill-Artikolu 16(b) [...] ma tistax tirriżulta fl-istabbiliment ta’ perjodu ta’ referenza li jeċċedi sitt xhur.

    B’dana kollu, l-Istati Membri għandhom ikollhom l-għażla, bla ħsara għal konformità mal-prinċipji ġenerali li jirrigwardjaw il-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa ta’ ħaddiema, li jippermettu, għal raġunijiet oġġettivi jew tekniċi jew għal raġunijiet li jikkonċernaw l-organizzazzjoni tax-xogħol, ftehim kollettiv jew ftehim konklużi bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industria ħalli jistabbilixxu perijodi ta’ referenza li fl-ebda każ ma jeċċedu 12 il-xhar.

    [...]”

    Id-dritt Irlandiż

    9

    Ir-Regolament dwar il-Komunitajiet Ewropej (organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol) (tobba waqt it-taħriġ) tal-2004 [European Communities (Organisation of Working Time) (Activities of Doctors in Training) Regulations 2004, SI 2004, no 494], kif emendat bir-Regolament tal-2010 (SI 2010, Nru 533, iktar ’il quddiem, ir-“Regolament tal-2004”) huwa intiż sabiex jittrasponi, fid-dritt Irlandiż, id-Direttiva 2003/88 fir-rigward tal-NCHD.

    Il-proċedura prekontenzjuża

    10

    Peress li qieset li, fir-rigward tal-NCHD, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha skont l-Artikoli 3, 5 u 17 tad-Direttiva 2003/88, f’dak li jirrigwarda l-perijodi minimi ta’ serħan, u skont l-Artikoli 6 u 17(5) ta’ din, f’dak li jirrigwarda l-limiti tal-ħin ta’ xogħol matul ġimgħa, il-Kummissjoni bagħtet lil dan l-Istat Membru, fit-23 ta’ Novembru 2009, ittra ta’ intimazzjoni li l-imsemmi Stat Membru rrisponda b’ittra bid-data tal-25 ta’ Jannar 2010.

    11

    Fit-30 ta’ Settembru 2011, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata fejn stiednet lill-Irlanda tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha f’terminu ta’ xahrejn minn meta tirċeviha. Dan l-Istat Membru wieġeb għaliha permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Jannar 2012.

    12

    Peress li baqgħet, wara skambju addizzjonali ta’ ittri, mhux sodisfatta bl-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Irlanda, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

    Fuq ir-rikors

    Osservazzjonijiet preliminari

    13

    Il-Kummissjoni tispeċifika li, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, hija ma tikkontestax it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2003/88 permezz tar-Regolament tal-2004. Din l-istituzzjoni, madankollu, issostni li l-awtoritajiet pubbliċi Irlandiżi ma japplikawx dan ir-regolament, u dan jikkostitwixxi nuqqas minn dan l-Istat Membru li jwettaq l-obbligi imposti fuqu skont l-Artikoli 3, 5, 6 kif ukoll 17(2) u (5) ta’ din id-direttiva.

    14

    Insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tirreferi għall-fatt li, sabiex tiġi riżolta tilwima dwar il-ħin tax-xogħol tal-NCHD, l-Irish Medical Organisation (il-federazzjoni tat-tobba tal-Irlanda, iktar ’il quddiem, l-“IMO”), li tirrappreżenta lit-tobba kollha li jipprattikaw fit-territorju Irlandiż, u l-Health Service Executive (l-amministrazzjoni tas-servizzi tas-saħħa, iktar ’il quddiem, l-“HSE”), il-korp pubbliku li jirrappreżenta lill-awtoritajiet tas-saħħa, iffirmaw ftehim ta’ soluzzjoni fit-22 ta’ Jannar 2012, li miegħu hemm anness ftehim kollettiv li jiġbor flimkien lil dawn il-partijiet (iktar ’il quddiem, il-“ftehim kollettiv”) kif ukoll mudell ta’ kuntratt tax-xogħol għall-NCHD (iktar ’il quddiem, il-“mudell ta’ kuntratt tax-xogħol”).

    15

    Skont il-Kummissjoni, il-klawżola 3(a) u (b) tal-ftehim kollettiv kif ukoll ċerti dispożizzjonijiet tal-klawżola 5 tal-mudell ta’ kuntratt tax-xogħol imorru kontra d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88. Diversi rapporti relatati mal-implementazzjoni ta’ din id-direttiva u dikjarazzjoni tal-IMO jikkonfermaw l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi li jirriżultaw minnha fil-prattika.

    Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq ksur tad-Direttiva 2003/88 permezz tal-klawżola 3(a) tal-ftehim kollettiv

    16

    Permezz tal-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-klawżola 3(a) tal-ftehim kollettiv, skont liema ċerti sigħat ta’ taħriġ tal-NCHD ma għandhomx jingħaddu bħala “ħin tax-xogħol”, tikser id-Direttiva 2003/88. Skont din l-istituzzjoni, sa fejn l-attivitajiet ta’ taħriġ ikkonċernati huma meħtieġa mill-programm ta’ taħriġ u jseħħu f’post stabbilit minn dan il-programm, dawn għandhom jingħaddu bħala “ħin tax-xogħol” għall-finijiet ta’ din id-direttiva.

    17

    L-Irlanda tosserva, minn naħa, li s-sigħat ta’ taħriġ ikkonċernati jirrappreżentaw perijodu ta’ taħriġ “protett” li matulu l-NCHD ma humiex disponibbli sabiex jeżerċitaw l-attività professjonali tagħhom. Min-naħa l-oħra, skont dan l-Istat Membru, ir-relazzjoni bejn l-NCHD u l-korp ta’ taħriġ tagħhom hija distinta minn dik li teżisti bejn l-NCHD u l-persuna li timpjegahom. Ir-rekwiżiti tat-taħriġ tal-NCHD ma hijiex parti integrali mill-impjieg tagħhom. Il-persuna li timpjega ma tmexxix l-iżvolġiment ta’ tali taħriġ, ma tiddeterminax liema attivitajiet l-NCHD għandhom iwettqu fil-kuntest tat-taħriġ tagħhom u lanqas il-progress tal-NCHD fil-kuntest ta’ dan, u ma tiddeterminax il-post tal-imsemmi taħriġ.

    18

    F’dan ir-rigward, huwa stabbilit li, skont il-klawżola 3(a) tal-ftehim kollettiv, ma jitqisux li huma ħin tax-xogħol is-sigħat ta’ taħriġ imsemmija fil-punt 1 tal-Anness 1 tal-ftehim kollettiv, li jipprevedi:

    “Jistgħu jiġi identifikati tliet kategoriji ta’ sigħat ta’ taħriġ:

    A)

    is-sigħat ta’ taħriġ barra mis-sit ipprogrammati u protetti kif meħtieġa mill-programm ta’ taħriġ;

    B)

    l-attivitajiet ta’ tagħlim u taħriġ ipprogrammati organizzati fuq il-post perjodikament (kull ġimgħa/ġimagħtejn), bħall-konferenzi, il-laqgħat xjentifiċi kif ukoll l-analiżi tal-morbożità u l-mortalità; u

    C)

    l-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ studju, eċċ.”

    19

    Waqt is-seduta, ġie espost li t-tul ta’ dawn is-sigħat ta’ taħriġ ivarja bejn sagħtejn u nofs u sbatax-il siegħa fix-xahar, skont il-fażi ta’ taħriġ li fiha jkunu jinsabu l-NCHD u l-attivitajiet ikkonċernati. Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni speċifikat li s-sigħat ta’ taħriġ imsemmija fil-punti A) u B) tal-punt 1 tal-Anness 1 tal-ftehim kollettiv (iktar ’il quddiem, is-“sigħat ta’ taħriġ A u B”), bl-esklużjoni tal-kategorija ta’ sigħat imsemmija fil-punt C) tal-imsemmi punt 1, għandhom jitqiesu li huma “ħin tax-xogħol”, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/88.

    20

    Hija ġurisprudenza stabbilita, minn naħa, li l-klassifikazzjoni ta’ “ħin tax-xogħol”, fis-sens tad-Direttiva 2003/88, ta’ perijodu ta’ preżenza tal-ħaddiem tirriżulta mill-obbligu ta’ dan tal-aħħar li jkun fid-dispożizzjoni tal-persuna li timpjegah (sentenza Dellas et, C‑14/04, EU:C:2005:728, punt 58, kif ukoll id-digriet Grigore, C‑258/10, EU:C:2011:122, punt 53).

    21

    Il-fattur deċiżiv huwa l-fatt li l-ħaddiem huwa mġiegħel ikun fiżikament preżenti fuq il-post stabbilit mill-persuna li timpjegah u li jżomm ruħu għad-dispożizzjoni ta’ din tal-aħħar sabiex f’każ ta’ bżonn ikun jista’ jipprovdi s-servizzi xierqa immedjatament (sentenza Dellas et, C‑14/04, EU:C:2005:728, punt 48, kif ukoll id-digrieti Vorel, C‑437/05, EU:C:2007:23, punt 28, u Grigore, C‑258/10, EU:C:2011:122, punt 53).

    22

    Min-naħa l-oħra, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat u li għandha ġġib quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-elementi neċessarji sabiex din tal-aħħar tivverifika l-eżistenza ta’ dan in-nuqqas, mingħajr ma l-Kummissjoni tkun tista’ tibbaża ruħha fuq kwalunkwe preżunzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑356/13, EU:C:2014:2386, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    23

    Barra minn hekk, fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ lment dwar l-implementazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, il-prova ta’ nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu teħtieġ il-produzzjoni ta’ elementi ta’ prova ta’ natura partikolari meta mqabbla ma’ dawk li s-soltu jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jirrigwarda biss il-kontenut ta’ dispożizzjoni nazzjonali u, f’dawn iċ-ċirkustanzi, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jista’ biss jiġi pprovat permezz ta’ prova suffiċjentement iddokumentata u ddettaljata tal-prassi allegata fil-konfront tal-amministrazzjoni nazzjonali u imputabbli lill-Istat Membru kkonċernat (ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑287/03, EU:C:2005:282, punt 28, u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑441/02, EU:C:2006:253, punt 49).

    24

    Għandu jiġi osservat, qabel kollox, li l-Kummissjoni ma tikkontestax l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Irlanda, skont liema s-sigħat ta’ taħriġ ikkonċernati jirrappreżentaw perijodu ta’ taħriġ “protett” li matulu l-NCHD ma humiex disponibbli sabiex jipprovdu kura medika lill-pazjenti. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ssostni li l-attivitajiet ta’ taħriġ tal-NCHD jagħmlu parti integrali mill-impjieg tagħhom sa fejn dawn tal-aħħar għandhom jeżerċitaw l-imsemmija attivitajiet skont il-kuntratt ta’ xogħol tagħhom.

    25

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, kif esponiet l-Irlanda mingħajr ma ġiet kontradetta, ir-relazzjoni bejn l-NCHD u l-korp ta’ taħriġ tagħhom hija distinta minn dik li teżisti bejn l-NCHD u l-persuna li timpjegahom. B’mod partikolari, waqt is-seduta, il-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża t-teżi tagħha li l-korpi ta’ taħriġ ikkonċernati u l-persuni li jimpjegaw lill-NCHD kellhom kollha jiġu identifikati mal-Istat, li huwa l-unika persuna li timpjega lill-NCHD, fis-sens tad-Direttiva 2003/88.

    26

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt, li għalih tirreferi l-Kummissjoni, li s-sigħat ta’ taħriġ A u B huma meħtieġa “mill-programm ta’ taħriġ” u jseħħu f’post stabbilit “minn dan il-programm” ma jippermettix il-kunsiderazzjoni li l-NCHD huma mġiegħla jkunu fiżikament preżenti fuq il-post stabbilit mill-persuna li timpjegahom u li jżommu ruħhom għad-dispożizzjoni ta’ din tal-aħħar sabiex f’każ ta’ bżonn ikunu jistgħu jipprovdu s-servizzi xierqa immedjatament, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 21 ta’ din is-sentenza.

    27

    Din il-konstatazzjoni, imbagħad, ma hijiex ikkontestata permezz tar-riferiment, magħmul mill-Kummissjoni, għall-klawżoli 6 u 8 tal-mudell ta’ kuntratt tax-xogħol.

    28

    Fil-fatt, fir-rigward tal-klawżola 6, li telenka l-obbligi u l-funzjonijiet imposti fuq l-NCHD fil-kuntest tal-kuntratt ta’ xogħol tagħhom, il-Kummissjoni ma wrietx li dawn tal-aħħar għandhom, skont l-imsemmija klawżola, obbligu ta’ taħriġ.

    29

    Bl-istess mod, fir-rigward tal-klawżola 8 tal-mudell ta’ kuntratt tax-xogħol, skont liema l-persuna li timpjega “għandha, skont ir-rekwiżiti tal-Liġi tal-2007 dwar it-tobba (Medical Practitioners Act 2007), tiffaċilita kif xieraq it-taħriġ/il-garanzija ta’ kompetenza meħtieġa għal pożizzjonijiet ta’ NCHD” u l-NCHD għandhom jipparteċipaw fit-taħriġ “skont ir-rekwiżiti [tal-imsemmija liġi]”, il-Kummissjoni ma turix li din il-klawżola għandha sens differenti minn dak, difiż mill-Irlanda, li l-imsemmija klawżola sempliċement tirriproduċi r-rekwiżiti imposti permezz tal-imsemmija liġi u ma tintroduċix, u lanqas ma timponi, obbligi ta’ xogħol speċifiċi fil-qasam ta’ taħriġ.

    30

    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma ġġib l-ebda prova insostenn tal-allegazzjoni tagħha, ikkontestata mill-Irlanda, li l-NCHD jirriskjaw li jitkeċċew mill-persuna li timpjegahom jekk ma jikkompletawx it-taħriġ taħt is-sigħat ta’ taħriġ A u B.

    31

    Minn dak li ntqal jirriżulta li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma wrietx li s-sigħat ta’ taħriġ A u B jikkostitwixxu “ħin tax-xogħol”, fis-sens tad-Direttiva 2003/88. Għaldaqstant, hija ma stabbilixxietx, fir-rigward tal-klawżola 3(a) tal-ftehim kollettiv, l-eżistenza ta’ prattika li tmur kontra din id-direttiva. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

    Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq ksur tad-Direttiva 2003/88 permezz tal-klawżola 3(b) tal-ftehim kollettiv

    32

    Permezz tat-tieni lment tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-klawżola 3(b) tal-ftehim kollettiv, li tgħid li “l-perijodu ta’ referenza tal-NCHD li l-kuntratti ta’ xogħol tagħhom jaqbżu tnax-il xahar għandu jinbidel minn sitta għal tnax-il xahar” tmur kontra d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88. Hija tirrikonoxxi li l-Artikolu 19 ta’ din id-direttiva jipprevedi l-possibbiltà li, skont ftehimiet kollettivi, il-perijodu ta’ referenza użat sabiex jiġi kkalkolat il-ħin massimu ta’ xogħol matul ġimgħa jinbidel għal tnax-il xahar. Din l-istituzzjoni tfakkar, madankollu, li tali proroga hija possibbli biss, skont l-imsemmija dispożizzjoni, b’osservanza tal-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema u biss għal raġunijiet oġġettivi jew tekniċi jew għal raġunijiet relatati mal-organizzazzjoni tax-xogħol.

    33

    Bħala difiża, l-Irlanda ssostni li l-proroga tal-perijodu ta’ referenza minn sitt xhur għal tnax-il xahar għall-NCHD li l-kuntratt ta’ xogħol tagħhom jaqbeż it-tnax-il xahar hija kompatibbli ma’ din id-direttiva u, b’mod partikolari, mal-Artikolu 19 tagħha. Hija tenfasizza li l-ftehim kollettiv ikkonċernat isemmi r-raġuni oġġettiva jew relatata mal-organizzazzjoni tax-xogħol li titlob il-proroga tal-perijodu ta’ referenza, jiġifieri t-tħassib tal-HSE rigward il-fakultà tagħha li tinkludi l-NCHD fir-roster b’mod suffiċjentement flessibbli sabiex timplementa b’mod sħiħ l-obbligi legali tagħha.

    34

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni, filwaqt li tammetti li l-perijodu ta’ referenza jista’ jiġi estiż għal tnax-il xahar skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/88, sempliċement tfakkar il-kundizzjonijiet għal tali proroga, mingħajr bl-ebda mod ma tispjega kif, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Irlanda, dawn il-kundizzjonijiet huma ssodisfatti f’dan il-każ.

    35

    Konsegwentement, il-Kummissjoni ma tistabbilixxix, fir-rigward tal-klawżola 3(b) tal-ftehim kollettiv, l-eżistenza ta’ prattika li tmur kontra d-Direttiva 2003/88. Minħabba f’hekk, it-tieni lment għandu jiġi miċħud.

    Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq ksur tad-Direttiva 2003/88 permezz ta ’ ċerti dispożizzjonijiet tal-klawżola 5 tal-mudell ta ’ kuntratt tax-xogħol

    36

    Permezz tat-tielet ilment tagħha, il-Kummissjoni tqis li ċerti dispożizzjonijiet tal-klawżola 5 tal-mudell ta’ kuntratt tax-xogħol imorru kontra d-Direttiva 2003/88. B’dan il-mod, l-ewwel nett, hija tirreferi għall-klawżola 5(a) ta’ dan il-mudell ta’ kuntratt tax-xogħol, li tipprevedi li l-ġimgħa ta’ xogħol bażika hija ta’ 39 siegħa, kif ukoll għall-klawżola 5(e) u (f) ta’ dan il-kuntratt, li tipprojbixxi li l-NCHD jiġu mitluba jaħdmu iktar minn 24 siegħa konsekuttiva fuq il-post u li tipprevedi li l-persuna li timpjega għandha tiżgura li dawn tal-aħħar ma jkunux fuq ix-xogħol għal perijodu ta’ xogħol ta’ 24 siegħa f’iktar minn wieħed minn ħamsa tal-każijiet ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali. Skont din l-istituzzjoni, l-ebda element ma jindika li t-tobba għandhom id-dritt għas-serħan ta’ kuljum u fil-ġimgħa minimi stabbiliti permezz tad-Direttiva 2003/88, u lanqas għas-serħan b’kumpens ekwivalenti.

    37

    It-tieni nett, il-Kummissjoni tirreferi għall-klawżola 5(i) tal-mudell ta’ kuntratt tax-xogħol, li tipprevedi li l-NCHD jistgħu jkunu mitluba jwettqu sahra (fuq is-sit) minbarra d-39 siegħa ta’ xogħol tagħhom, li jaħdmu barra mis-sit u barra mill-ħinijiet obbligatorji (“core hours”) u/jew is-sahra kif stabbiliti mid-direttur tas-servizzi kliniċi/il-persuna li timpjega u li jaħdmu barra mill-ħinijiet imniżżla fir-roster skont ir-rekwiżiti tas-servizz, anki jekk il-persuna li timpjega jkollha tirrikorri għal din il-modalità b’mod eċċezzjonali. Skont din l-istituzzjoni, ma jeżisti l-ebda limitu espliċitu fuq it-tul totali tal-ħin ta’ xogħol matul ġimgħa.

    38

    Il-Kummissjoni tenfasizza li l-Istati Membri huma marbuta, waqt it-traspożizzjoni u l-implementazzjoni ta’ direttiva, li jistabbilixxu kuntest ġuridiku ċar li jippermetti lill-individwi jkunu jafu d-drittijiet tagħhom. Il-klawżola 5 tal-mudell ta’ kuntratt tax-xogħol ma tipprovdix tali kuntest ġuridiku. Din il-konstatazzjoni hija, barra minn hekk, ikkonfermata permezz tal-klawżola 5(m) tal-mudell ta’ kuntratt tax-xogħol, li tgħid “[i]x-xogħol barra mill-kuntest previst mill-kuntratt ma huwiex awtorizzat jekk is-somma tal-ħin tax-xogħol marbuta mal-impjieg preżenti u tal-ħin tax-xogħol marbuta ma’ kwalunkwe impjieg ieħor taqbeż il-ħin massimu ta’ xogħol matul ġimgħa ddefinit fir-[Regolament tal-2004]”. Skont din l-istituzzjoni, din id-dispożizzjoni donnha tindika, a contrario, li l-limiti previsti mir-Regolament tal-2004 ma japplikawx għall-mudell ta’ kuntratt tax-xogħol.

    39

    L-Irlanda ssostni li, minkejja li huma ma humiex riprodotti fil-formulazzjoni tal-mudell ta’ kuntratt tax-xogħol, il-protezzjonijiet previsti mir-Regolament tal-2004 u mid-Direttiva 2003/88 jagħmlu parti integrali minnu, skont il-ftehim ta’ soluzzjoni tat-22 ta’ Jannar 2010. F’kull każ, dawn il-protezzjonijiet huma vinkolanti għall-persuni li jimpjegaw lill-NCHD skont ir-Regolament tal-2004.

    40

    Dan l-Istat Membru jqis li l-fatt li Kummissjoni tibbaża ruħha fuq ċerti dispożizzjonijiet iżolati tal-klawżola 5 tal-mudell ta’ kuntratt tax-xogħol ma jiħux inkunsiderazzjoni l-kuntest ġuridiku ċar li jagħmlu parti minnu dan il-kuntratt, b’mod ġenerali, u dawn id-dispożizzjonijiet, b’mod partikolari. Fir-rigward tal-klawżola 5(m) tal-mudell ta’ kuntratt tax-xogħol, l-Irlanda ssostni li din id-dispożizzjoni tipprevedi protezzjoni espressa tal-limiti fuq il-ħin tax-xogħol kif huma stabbiliti permezz tar-Regolament tal-2004.

    41

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet li jittrasponu direttiva għandhom jippermettu lill-individwi li jirreferu għal kuntest ġuridiku ċar, preċiż u mhux ekwivoku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑282/02, EU:C:2005:334, punt 80).

    42

    Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, il-Kummissjoni ma tikkontestax madankollu t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2003/88 permezz tar-Regolament tal-2004. Hija sempliċement issostni, billi tirreferi, b’mod partikolari, għal ċerti dispożizzjonijiet tal-klawżola 5 tal-mudell ta’ kuntratt tax-xogħol, li dan ir-regolament ma huwiex applikat fil-prattika.

    43

    Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat mill-partijiet li l-kuntest ġuridiku, kif jirriżulta mil-leġiżlazzjoni li tittrasponi d-Direttiva 2003/88, jiġifieri r-Regolament tal-2004, huwa ċar u f’kull każ applikabbli.

    44

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, billi tirreferi għal ċerti dispożizzjonijiet iżolati tal-klawżola 5 tal-mudell ta’ kuntratt tax-xogħol, li l-portata eżatta tagħhom hija, mill-bqija, suġġetta għal diskussjoni bejn il-partijiet, il-Kummissjoni ma jirnexxilhiex turi l-eżistenza ta’ prattika li tmur kontra d-Direttiva 2003/88. Għaldaqstant, it-tielet ilment għandu jiġi miċħud.

    Fuq id-diversi rapporti ta ’ kontroll u d-dikjarazzjoni tal-IMO

    45

    Il-Kummissjoni tirreferi wkoll għal diversi rapporti ta’ kontroll fuq l-implementazzjoni tad-Direttiva 2003/88, stabbiliti matul is-snin 2013 u 2014 mill-awtoritajiet Irlandiżi u kkomunikati lill-Kummissjoni, kif ukoll għal dikjarazzjoni tal-IMO, li minnha jirriżulta, skont il-Kummissjoni, li, anki jekk sar progress fl-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88, l-Irlanda għadha ma tikkonformax b’mod sħiħ mal-obbligi li jirriżultaw minn din id-direttiva.

    46

    L-Irlanda tammetti li ma kienx possibbli li tintlaħaq, fil-prattika, sitwazzjoni ta’ konformità perfetta mad-Direttiva 2003/88 fil-każijiet kollha, iżda hija tikkontesta li dan huwa dovut għal nuqqas min-naħa tagħha milli twettaq l-obbligu li tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tintlaħaq tali sitwazzjoni. Hija tenfasizza li hija għamlet sforzi kostanti u uniti sabiex tilħaq konformità totali fil-prattika u li hija tkompli tiġġieled il-każijiet kollha ta’ nuqqas ta’ osservanza, inklużi permezz tal-użu ta’ sanzjonijiet finanzjarji.

    47

    Skont dan l-Istat Membru, l-argument tal-Kummissjoni jammonta, essenzjalment, għal affermazzjoni li s-sempliċi fatt li l-leġiżlazzjoni li tittrasponi d-Direttiva 2003/88 ma hijiex osservata fil-każijiet kollha fil-prattika huwa suffiċjenti sabiex jiġġustifika konstatazzjoni ta’ nuqqas tal-Istat Membru kkonċernat milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni.

    48

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ma tispeċifikax, fir-rikors tagħha, jekk hija tirreferix għar-rapporti ta’ kontroll u għad-dikjarazzjoni kkonċernati biss inkwantu illustrazzjoni tal-problemi li wassal għalihom l-allegat ksur tad-Direttiva 2003/88 li jirriżulta mill-klawżola 3, punti (a) u (b) tal-ftehim kollettiv u minn ċerti dispożizzjonijiet tal-klawżola 5 tal-mudell ta’ kuntratt tax-xogħol, jew inkella inkwantu indikazzjoni awtonoma ta’ nuqqas ta’ applikazzjoni fil-prattika ta’ din id-direttiva.

    49

    F’kull każ, ma huwiex biżżejjed li l-Kummissjoni tirreferi għar-rapporti ta’ kontroll ikkonċernati u għad-dikjarazzjoni tal-IMO sabiex turi li l-Irlanda ma applikatx id-Direttiva 2003/88. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 22 u 23 ta’ din is-sentenza, hija għandha turi wkoll, mingħajr ma tkun tista’ tibbaża ruħha fuq kwalunkwe preżunzjoni, li l-prattika li allegatament tmur kontra din id-direttiva ma tistax tiġi attribwita, b’mod jew ieħor, lill-Irlanda.

    50

    F’dan il-każ, il-Kummissjoni sempliċement tindika, f’dan ir-rigward, li l-HSE hija emanazzjoni tal-Istat. Hija ma tispjegax, madankollu, l-irwol ta’ din l-amministrazzjoni, għajr dak li ffirmat il-ftehim ta’ soluzzjoni msemmi fil-punt 14 ta’ din is-sentenza, li miegħu huma annessi l-ftehim kollettiv u l-mudell ta’ kuntratt tax-xogħol. Kif jirriżulta mill-punti 16 sa 44 ta’ din is-sentenza, ma ġiex stabbilit minn din l-istituzzjoni li dawn iż-żewġ dokumenti msemmija l-aħħar jikkostitwixxu prattika li tmur kontra d-Direttiva 2003/88.

    51

    Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ma pprovatx l-eżistenza, fir-rigward tal-Irlanda, ta’ prattika li tmur kontra l-Artikoli 3, 5, 6 u 17(2) u (5) tad-Direttiva 2003/88, relatata mal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol tal-NCHD.

    52

    Għalhekk, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

    Fuq l-ispejjeż

    53

    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Irlanda.

     

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Ir-rikors huwa miċħud.

     

    2)

    Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Fuq