Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62014CO0078
Order of the Court - 8 April 2014#Commission / ANKO#Case C-78/14 P-R
Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja - 8 ta' April 2014
Commission / ANKO
Kawża C-78/14 P-R
Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja - 8 ta' April 2014
Commission / ANKO
Kawża C-78/14 P-R
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2014:93
DIGRIET TAL-VIĊI PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA
8 ta’ April 2014 (*)
“Proċeduri għal miżuri provviżorji — Appell — Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Is-Seba’ Programm Qafas għall-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni (2007-2013) — Kuntratti li jikkonċernaw il-proġetti Oasis u Perform — Sospensjoni tal-pagamenti — Irregolaritajiet ikkonstatati fil-kuntest ta’ verifiki dwar proġetti oħra — Kundanna tal-Kummissjoni Ewropea sabiex twettaq il-pagamenti — Insolvabbiltà manifesta tal-benefiċjarju — Fumus boni juris — Dannu gravi u irreparabbli — Urġenza — Ibbilanċjar tal-interessi”
Fil-Kawża C‑78/14 P‑R,
li għandha bħala suġġett talba għal sospensjoni tal-eżekuzzjoni abbażi tal-Artikolu 278 TFUE, imressqa fis-17 ta’ Frar 2014,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Triantafyllou u B. Conte, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
appellanti,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
ANKO AE Antiprosopeion, Emporiou kai Viomichanias, stabbilita f’Ateni (il-Greċja), irrappreżentata minn V. Christianos, dikigoros,
appellata,
IL-VIĊI PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,
wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali Ewlieni, P. Cruz Villalón,
jagħti l-preżenti
Digriet
1 Permezz tal-appell tagħha, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Frar 2014, il-Kummissjoni Ewropea talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, ANKO vs Il-Kummissjoni (T‑117/12, EU:T:2013:643, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”).
2 Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Frar 2014, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tissospendi l-eżekuzzjoni tas-sentenza appellata sal-għoti tas-sentenza dwar l-appell. Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Frar 2014, il-Kummissjoni talbet ukoll li din it-talba tintlaqa’ b’mod provviżorju qabel ma l-parti l-oħra fil-proċedura tkun ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha, sal-għoti tad-digriet li jagħlaq il-proċedura għal miżuri provviżorji.
3 Permezz ta’ digriet tal-21 ta’ Frar 2014, il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, skont l-Artikolu 160(7) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jissospendi l-eżekuzzjoni tas-sentenza appellata sal-għoti tad-digriet li jagħlaq il-proċedura għal miżuri provviżorji qabel ma l-parti l-oħra fil-proċedura tkun ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha. Din tal-aħħar, ANKO AE Antiprosopeion, Emporiou kai Viomichanias (iktar ’il quddiem “ANKO”), ippreżentat l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha dwar it-talba għal miżuri provviżorji fl-4 ta’ Marzu 2014.
Il-fatti li wasslu għall-kawża u s-sentenza appellata
4 ANKO hija kumpannija rregolata mid-dritt Grieg li l-iskop tagħha huwa l-kummerċjalizzazzjoni u l-produzzjoni ta’ prodotti tal-metall kif ukoll ta’ prodotti, ta’ tagħmir u ta’ apparat elettroniku u għat-telekomunikazzjonijiet u li ilha sa mis-sena 2006 tipparteċipa fl-implementazzjoni ta’ diversi proġetti ssussidjati mill-Komunità Ewropea jew mill-Unjoni Ewropea.
5 Mill-punt 2 tas-sentenza appellata jirriżulta li, skont ir-Regolament (KE) Nru 1906/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni ta’ impriżi, ċentri tar-riċerka u universitajiet f’azzjonijiet taħt is-Seba’ Programm Kwadru u għad-disseminazzjoni tar-riżultati tar-riċerka (2007-2013) (ĠU L 391, p. 1), fil-qafas iddefinit permezz tad-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar is-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni (2007-2013) (ĠU L 412, p. 1), u, b’mod partikolari, fil-kuntest tal-programm speċifiku “Kooperazzjoni”, il-Kummissjoni, li taġixxi f’isem il-Komunità, ikkonkludiet, fid-19 ta’ Diċembru 2007 u fil-21 ta’ Jannar 2008, ma’ Siemens SA u FIMI Srl, rispettivament, fil-kwalità tagħhom ta’ koordinaturi ta’ żewġ konsorzji distinti li minnhom kienet tagħmel parti ANKO, il-ftehim ta’ sussidju Nru 215754 għall-finanzjament tal-proġett intitolat “Arkitettura miftuħa għas-servizzi aċċessibbli, għall-integrazzjoni u għall-istandardizzazzjoni” (iktar ’il quddiem il-“proġett Oasis”), u l-ftehim ta’ sussidju Nru 215952 għall-finanzjament tal-proġett intitolat “Sistema multiparametrika kumplessa għall-evalwazzjoni u l-monitoraġġ effettivi u kontinwi tal-kapaċità ta’ moviment fil-każijiet tal-marda Parkinson u ta’ mard ieħor li jikkawża deġenerazzjoni newroloġika” (iktar ’il quddiem il-“proġett Perform”).
6 Mill-punt 3 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-kundizzjonijiet ġenerali komuni għall-ftehim ta’ sussidju Nru 215754 għall-finanzjament tal-proġett Oasis u għall-ftehim ta’ sussidju Nru 215952 għall-finanzjament tal-proġett Perform (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, il-“ftehimiet ta’ sussidju”) jinsabu fl-Anness II tal-ftehimiet imsemmija (iktar ’il quddiem l-“Anness II”). Fil-punt 46 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali osservat ukoll li, skont il-paragrafu 3(d) tal-punt II.5 tal-Anness II, wara li tirċievi r-rapporti msemmija fil-punt II.4 tal-anness imsemmi, il-Kummissjoni tista’ tissospendi l-pagamenti, f’kull ħin, fir-rigward tal-ammont kollu jew ta’ parti minnu li jkun iddestinat għall-benefiċjarju kkonċernat:
– jekk ix-xogħlijiet imwettqa ma jkunux konformi mad-dispożizzjonijiet tal-ftehim ta’ sussidju;
– jekk il-benefiċjarju jkollu jirrimborsa lill-Istat li jkun ċittadin tiegħu somma riċevuta indebitament bħala għajnuna mill-Istat;
– fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim ta’ sussidju, jew fil-każ ta’ suspett jew ta’ preżunzjoni ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tiegħu, b’konsegwenza b’mod partikolari tal-kontrolli u tal-verifiki previsti fil-punti II.22 u II.23 tal-Anness II;
– fil-każ ta’ suspett ta’ irregolarità mwettqa minn benefiċjarju jew minn diversi benefiċjarji fl-implementazzjoni tal-ftehim ta’ sussidju inkwistjoni; u
– fil-każ ta’ suspett jew ta’ konstatazzjoni ta’ irregolarità mwettqa minn benefiċjarju jew minn diversi benefiċjarji fl-implementazzjoni ta’ ftehim ta’ sussidju ieħor iffinanzjat mill-baġit ġenerali tal-Unjoni jew minn baġits amministrati minnha. F’tali każ, il-pagamenti għandhom jiġu sospiżi meta l-irregolarità tkun ta’ natura gravi u sistematika u tkun tista’ taffettwa l-implementazzjoni tal-ftehim ta’ sussidju inkwistjoni.
7 Il-Kummissjoni, peress li qieset, essenzjalment, li kien hemm raġunijiet validi għal suspett ta’ eventwali ksur tal-ftehimiet ta’ sussidju u, b’mod partikolari, tal-paragrafu 3(d) tal-punt II.5 tal-Anness II ta’ dawn il-ftehimiet, minħabba l-eżistenza ta’ irregolaritajiet imwettqa minn ANKO, issospendiet, permezz ta’ żewġ ittri tad-9 ta’ Awwissu 2011, il-ħlas lil din il-kumpannija tal-pagamenti previsti minn dawn l-istess ftehimiet, bħala miżura preventiva.
8 Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fuq il-bażi tal-Artikolu 272 TFUE u tal-klawżoli ta’ arbitraġġ inklużi fil-ftehimiet ta’ sussidju inkwistjoni, ANKO talbet lill-Qorti Ġenerali:
– tikkonstata li s-sospensjoni tal-pagamenti imposta mill-Kummissjoni fir-rigward tal-proġetti Oasis u Perform kienet tikkostitwixxi ksur tal-obbligi kuntrattwali tagħha;
– “tordna” lill-Kummissjoni tħallasha s-somma ta’ EUR 637 117.17 fir-rigward tal-proġett Perform, miżjuda bl-interessi previsti fil-paragrafu 5 tal-punt II.5 tal-Anness II, b’effett min-notifika ta’ dan ir-rikors;
– “tordna” lill-Kummissjoni tikkonstata li ANKO ma kinitx obbligata tirrimborsa lil din l-istituzzjoni s-somma ta’ EUR 56 390 li kienet tħallset lilha fir-rigward tal-proġett Oasis; u
– tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
9 Fil-punt 79 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħat il-motiv imqajjem minn ANKO insostenn tal-ewwel talba tagħha fis-sens li l-Kummissjoni kienet issospendiet il-pagamenti li jikkorrispondu għall-proġetti Oasis u Perform mingħajr bażi legali u bi ksur tal-ftehimiet ta’ sussidju dwar dawn il-proġetti. Fil-punt 93 tas-sentenza msemmija, il-Qorti Ġenerali laqgħat ukoll it-tieni talba “sa fejn hija intiża għall-kundanna tal-Kummissjoni sabiex din twettaq il-ħlas tas-somom li kienu ġew sospiżi fir-rigward tal-proġett Perform, mingħajr ma dan il-ħlas jippreġudika n-natura eliġibbli tal-infiq iddikjarat minn [ANKO]”. Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-tielet talba fil-punt 98 tas-sentenza appellata.
10 Il-punti 1 u 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata huma fformulati kif ġej:
“1) Il-Kummissjoni [...] hija kkundannata tħallas lil ANKO [...] is-somom li l-pagament tagħhom ġie sospiż abbażi tal-[paragrafu 3(d) tal-punt II.5 tal-Anness II], mingħajr ma dan [il-ħlas] jippreġudika n-natura eliġibbli tal-infiq iddikjarat ta’ ANKO [...] u l-implementazzjoni tal-konklużjonijiet tar-rapport finali ta’ [verifika] 11-INFS-0035 mill-Kummissjoni. L-ammont tas-somom li għandhom [jitħallsu] għandhom jidħlu fil-limiti tal-bilanċ tal-kontribuzzjoni finanzjarja disponibbli fil-mument tas-sospensjoni tal-pagamenti u mal-imsemmija somom għandhom jiżdiedu l-interessi moratorji li għandhom jibdew jiddekorru, għal kull perijodu, mill-iskadenza tat-terminu ta’ ħlas ta’ 105 jum wara li jiġu riċevuti r-rapporti korrispondenti mill-Kummissjoni. Ir-rata’ ta’ żieda applikabbli għall-interessi hija dik fis-seħħ fl-ewwel jum tat-terminu ta’ ħlas, kif ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, serje C.
2) Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.”
It-talbiet tal-partijiet
11 Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tissospendi l-eżekuzzjoni tas-sentenza appellata; u
– tikkundanna lil ANKO għall-ispejjeż.
12 ANKO titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tiċħad it-talba għal sospensjoni tal-eżekuzzjoni; u
– tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Fuq it-talba għal miżuri provviżorji
13 Għandu jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, appell minn sentenza tal-Qorti Ġenerali, bħala regola ġenerali, ma għandux effett sospensiv. Madankollu, skont l-Artikolu 278 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, jekk tqis li dan ikun meħtieġ miċ-ċirkustanzi, tordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tas-sentenza appellata (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, Front national u Martinez vs Il-Parlament C‑486/01 P‑R u C‑488/01 P‑R, EU:C:2002:116, punt 71).
14 L-Artikolu 160(3) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li t-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jispeċifikaw “is-suġġett tal-kawża, iċ-ċirkustanzi li jistabbilixxu l-urġenza, kif ukoll il-motivi ta’ fatt u ta’ liġi li jiġġustifikaw prima facie l-adozzjoni tal-miżura provviżorja mitluba”. Għaldaqstant, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni u l-miżuri provviżorji l-oħra jistgħu jingħataw mill-Imħallef għall-miżuri provviżorji jekk jiġi stabbilit li l-għoti ta’ dawn il-miżuri huwa ġġustifikat prima facie fil-fatt u fid-dritt (fumus boni juri) u jekk ikunu urġenti, fis-sens li jkun neċessarju, sabiex jiġi evitat dannu gravi u irreparabbli għall-interessi tal-parti li tkun qiegħda titlobhom, li dawn il-miżuri jiġu adottati u jkollhom l-effetti tagħhom qabel id-deċiżjoni prinċipali. Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi, b’tali mod li t-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jiġu miċħuda jekk waħda minnhom ma tkunx issodisfatta. L-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu jwettaq ukoll, meta jkun meħtieġ, ibbilanċjar tal-interessi preżenti (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni, C‑404/04 P‑R, EU:C:2005:267, punti 10 u 11 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
15 Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ fumus boni juris, għandu jitfakkar li din tkun issodisfatta meta jkun hemm, fl-istadju tal-proċedura għal miżuri provviżorji, kwistjoni legali importanti li s-soluzzjoni tagħha ma tkunx evidenti, b’tali mod li, prima facie, l-appell ma jkunx nieqes minn bażi serja (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja Publishers Association vs Il-Kummissjoni, 56/89 R, EU:C:1989:238, punt 31, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Artegodan et, C‑39/03 P‑R, EU:C:2003:269, punt 40). Fil-fatt, peress li l-iskop tal-proċedura għal miżuri provviżorji huwa li tiġi ggarantita l-effikaċja sħiħa tad-deċiżjoni finali li tkun għad trid tingħata, sabiex tiġi evitata lakuna fil-protezzjoni ġudizzjarja żgurata mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu jevalwa biss “prima facie” l-fondatezza tal-motivi invokati fil-kuntest tat-tilwima dwar il-mertu sabiex jistabbilixxi jekk hemmx probabbiltà suffiċjentement kbira li r-rikors ikollu eżitu pożittiv [digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja C‑426/13 P(R), EU:C:2013:848, punt 41].
16 Fil-kawża ineżami, il-Kummissjoni tqajjem aggravju wieħed li huwa maqsum f’ħames partijiet ibbażati, essenzjalment, fuq ksur tal-kundizzjonijiet kuntrattwali applikabbli għall-ftehimiet ta’ sussidju, u b’mod partikolari tal-paragrafu 3(d) tal-punt II.5 tal-Anness II. B’mod iktar partikolari, l-ewwel parti ta’ dan l-aggravju hija bbażata fuq żball imwettaq mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-interpretazzjoni tagħha ta’ din il-klawżola kuntrattwali u tal-applikazzjoni tagħha sabiex tevalwa n-natura “gravi u sistematika” tal-irregolaritajiet inkwistjoni bħala raġuni għas-sospensjoni tal-pagamenti previsti fil-ftehimiet ta’ sussidju, it-tieni parti hija bbażata fuq evalwazzjoni żbaljata fir-rigward tal-eżistenza tar-riskju li l-irregolaritajiet imsemmija jiġu rrepetuti, it-tielet parti hija bbażata fuq in-natura żbaljata tad-deduzzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fuq il-bażi ta’ ċerti korrezzjonijiet ad hoc u ta’ ħlasijiet lura ta’ somom imwettqa minn ANKO, ir-raba’ parti hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata, mill-Qorti Ġenerali, tal-Anness II fir-rigward tal-possibbiltà, għall-benefiċjarji tas-sussidju, li jintuża metodu ta’ kalkolu tal-infiq li jkun ibbażat fuq l-ispejjeż medji u fuq applikazzjoni ta’ din il-possibbiltà għal infiq fittizju minflok reali, kif ukoll fuq żnaturament tal-provi f’dan ir-rigward, u, fl-aħħar nett, il-ħames parti hija bbażata fuq l-argument li l-Qorti Ġenerali naqset milli tagħmel distinzjoni bejn il-kundizzjonijiet għas-sospensjoni tal-pagamenti u l-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà tal-infiq iddikjarat.
17 F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li dawn id-diversi partijiet tal-aggravju jqajmu kwistjonijiet kumplessi li s-soluzzjoni tagħhom ma hijiex evidenti. Fil-fatt, l-eżami mill-Qorti Ġenerali tat-tilwima li hija s-suġġett tal-appell ippreżentat mill-Kummissjoni kien jeħtieġ l-evalwazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, ta’ sett ta’ elementi kkostitwit minn punti ta’ liġi, kif ukoll mill-klassifikazzjoni legali, mill-evalwazzjoni u mill-konstatazzjoni tal-fatti, kwistjonijiet dawn li kienu kollha marbuta mill-qrib ma’ xulxin. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà u tal-fondatezza tal-ilmenti mressqa fil-kuntest ta’ dan l-appell teħtieġ eżami fid-dettall, b’tali mod li l-appell imsemmi għandu jitqies, fl-istadju ta’ din il-proċedura għal miżuri provviżorji, bħala li bl-ebda mod ma huwa nieqes mill-possibbiltà li jkollu eżitu pożittiv fir-rigward tal-mertu.
18 B’mod iktar partikolari, għandu jiġi osservat li permezz tar-raba’ parti tal-aggravju mqajjem insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, billi aċċettat il-validità ta’ ċerti spejjeż tal-persunal iddikjarati minn ANKO, b’riferiment għall-klawżoli kuntrattwali u, b’mod partikolari, għat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 tal-punt II.14 tal-Anness II li jawtorizza li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż medji tal-persunal tal-prestatarju f’ċerti kundizzjonijiet, il-Qorti Ġenerali injorat, fil-punti 71 sa 75 tas-sentenza appellata, il-portata ta’ dawn il-klawżoli kuntrattwali, u dan sa fejn, għalkemm dawn il-klawżoli jippermettu li jintuża metodu ta’ kalkolu tal-infiq ibbażat fuq medja, dan huwa permess biss sa fejn il-kalkolu ta’ din il-medja jsir fuq il-bażi ta’ spejjeż tal-persunal reali u mhux fittizji. L-użu ta’ “medja” skont il-klawżoli inkwistjoni ma jistax jivvalida tali spejjeż fittizji peress li din il-medja għandha tiġi stabbilita fuq il-bażi ta’ spejjeż reali. Fi kwalunkwe każ, ANKO fil-verità pproduċiet quddiem il-Qorti Ġenerali provi bbażati fuq spejjeż li ma humiex “medji” iżda li huma speċifiċi u individwalizzati. Għaldaqstant, is-sentenza appellata tista’ tkun, minn naħa, ivvizzjata bi żball ta’ liġi fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-klawżoli kuntrattwali inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, bi żnaturament, mill-Qorti Ġenerali, tal-provi sottomessi minn ANKO.
19 ANKO tikkontesta l-fatt li l-argumenti żviluppati mill-Kummissjoni fil-kuntest tar-raba’ parti tal-aggravju mqajjem insostenn tal-appell tagħha juru li hemm fumus boni juris. Fil-fehma ta’ ANKO, dawn l-argumenti huma manifestament infondati sa fejn jikkonċernaw l-allegat żnaturament tal-provi u huma mill-bqija inammissibbli sa fejn il-Kummissjoni qiegħda fil-verità tipprova tikkontesta l-evalwazzjonijiet ta’ fatt magħmula mill-Qorti Ġenerali.
20 Għandu jiġi kkonstatat li minn eżami ta’ din ir-raba’ parti tal-aggravju mqajjem mill-Kummissjoni insostenn tal-appell tagħha jirriżulta li hemm kwistjoni importanti bejnha u l-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu tal-ispejjeż inkwistjoni minn ANKO u, għaldaqstant, fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ dawn l-ispejjeż fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet ta’ sussidju, u li din il-kwistjoni hija ta’ natura li tista’ teħtieġ analiżi ddettaljata kemm tal-klawżoli kuntrattwali li fuq il-bażi tagħhom il-Qorti Ġenerali vvalidat il-metodu ta’ kalkolu applikat minn ANKO u kemm tal-provi prodotti minnha f’dan il-kuntest quddiem il-Qorti Ġenerali u li din tal-aħħar allegatament żnaturat. Fid-dawl tan-natura teknika tal-kwistjoni msemmija, għandu jiġi kkonstatat li dan l-aggravju, f’din il-parti, iqajjem effettivament, fl-istadju tal-proċedura għal miżuri provviżorji, kwistjonijiet legali importanti li s-soluzzjoni tagħhom ma hijiex evidenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-allegat żnaturament tal-provi, b’tali mod li, prima facie, l-appell ma huwiex mingħajr bażi serja, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 15 ta’ dan id-digriet.
21 Barra minn hekk, jekk jitqies li r-raba’ parti ta’ dan l-aggravju ser titqies li hija fondata fis-sentenza li għandha tingħata dwar il-mertu, din il-parti tkun ta’ natura tali li tikkontesta l-konklużjoni adottata mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 78 u 79 tas-sentenza appellata, fis-sens li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tal-paragrafu 3(d) tal-punt II.5 tal-Anness II ma kinux issodisfatti u li, għaldaqstant, il-Kummissjoni kisret il-ftehimiet ta’ sussidju meta ssospendiet il-pagamenti fuq din il-bażi, u hija wkoll ta’ natura tali li tikkontesta l-konklużjoni adottata fil-punti 88 u 93 tas-sentenza appellata fuq il-bażi tal-imsemmija punti 78 u 79, fis-sens li s-somom li l-pagament tagħhom kien ġie sospiż mill-Kummissjoni kellhom jitħallsu lil ANKO, flimkien ma’ interessi moratorji. Għaldaqstant, il-fumus boni juris ikkonstatat fir-rigward tar-raba’ parti tal-aggravju huwa rilevanti fil-każ ineżami għall-finijiet tal-għoti tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni mitluba mill-Kummissjoni.
22 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi konkluż li l-kundizzjoni dwar il-fumus boni juris hija ssodisfatta f’dan il-każ.
23 Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-urġenza, hija l-parti li titlob l-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji li għandha tipproduċi l-prova li hija ma tistax tistenna l-eżitu tal-proċedura dwar ir-rikors fil-mertu mingħajr ma ġġarrab dannu gravi u irreparabbli [ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja Matra vs Il-Kummissjoni, C‑225/91 R, EU:C:1991:460, punt 19, kif ukoll SCK u FNK vs Il-Kummissjoni, C‑268/96 P(R), EU:C:1996:381, punt 30]. Sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali dannu gravi u irreparabbli, ma huwiex neċessarju li jkun meħtieġ li l-materjalizzazzjoni tad-dannu tiġi stabbilita b’ċertezza assoluta iżda li dan id-dannu jista’ jiġi previst bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti [digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja EMA vs InterMune UK et, C‑390/13 P(R), EU:C:2013:795, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata].
24 Il-Kummissjoni tibbaża ruħha, f’dan ir-rigward, fuq id-dannu finanzjarju li hija ser iġġarrab fil-każ li tiġi eżegwita s-sentenza appellata. Sabiex tistabbilixxi n-natura irreparabbli ta’ dan id-dannu, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-fatt li din is-sentenza hija eżekuttiva, skont l-Artikolu 280 TFUE, kif ukoll fuq il-fatt li s-sentenza msemmija tikkundannaha tħallas lil ANKO “is-somom li l-pagament tagħhom ġie sospiż abbażi tal-[paragrafu 3(d) tal-punt II.5 tal-Anness II]”, flimkien mal-interess moratorji. Hija ssostni li għaldaqstant hija tista’ tkun suġġetta, f’kull mument, għal miżuri li jinfurzaw din il-kundanna. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li skont, b’mod partikolari, l-informazzjoni li ANKO stess ikkomunikatilha, din il-kumpannija tinsab “viċin ta’ falliment” u hija s-suġġett ta’ proċeduri ta’ insolvabbiltà fil-Greċja, fejn jirriżulta li din il-kumpannija ma għandhiex assi li jippermettulha tissodisfa l-kredituri tagħha.
25 ANKO tikkontesta dawn l-argumenti. L-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-istat finanzjarju tagħha huma “kompletament mingħajr bażi” u huma bbażati fuq provi invalidi, ineżatti u ineffettivi. ANKO tressaq provi oħra insostenn tat-teżi tagħha li hija perfettament solventi u li għadha għaddejja normalment bl-attivitajiet kummerċjali tagħha. Barra minn hekk, l-Artikolu 1 tal-Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattati UE, FUE u KEEA, jelimina r-riskju ta’ infurzar fil-konfront tal-Kummissjoni mingħajr ma l-qbid tal-beni u tal-assi tal-Unjoni ma jkun ġie awtorizzat minn qabel mill-Qorti tal-Ġustizzja.
26 F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li meta d-dannu invokat ikun ta’ natura finanzjarja, il-miżuri provviżorji mitluba jkunu ġġustifikati, bħala regola ġenerali, jekk jidher li, fl-assenza ta’ dawn il-miżuri, ir-rikorrent ser isib ruħu f’sitwazzjoni li tista’ tipperikola l-vijabbiltà finanzjarja tiegħu qabel tingħata d-deċiżjoni li tagħlaq il-proċedura fil-mertu jew li l-ishma tas-suq tiegħu ser jinbidlu b’mod kunsiderevoli [ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja Camar vs Il-Kummissjoni u Il-Kunsill, C‑43/98 P(R), EU:C:1998:166, punt 36, kif ukoll tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja EDF vs Il-Kummissjoni, C‑551/12 P(R), EU:C:2013:157, punt 54]. Issa, id-dannu finanzjarju invokat mill-Kummissjoni f’dan il-każ ma jikkorrispondi għal ebda wieħed minn dawn iż-żewġ każijiet.
27 Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li d-dannu finanzjarju li ser iġġarrab il-Kummissjoni fil-każ li tiġi eżegwita s-sentenza appellata, għalkemm huwa differenti minn dak deskritt fid-digrieti ċċitati fil-punt preċedenti, xorta waħda ser ikun irreparabbli fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża, jekk jitqies li ANKO verament tinsab f’sitwazzjoni finanzjarja li hija viċin ta’ falliment. Fil-fatt, f’dan il-każ, il-ħlas lil ANKO tas-somom imsemmija fid-dispożittiv tas-sentenza appellata jista’ jwassal għat-telf b’mod irrimedjabbli ta’ dawn is-somom għall-baġit tal-Unjoni.
28 Issa, minkejja l-argumenti kuntrarji mressqa minn ANKO f’dan ir-rigward, il-provi prodotti mill-Kummissjoni fir-rigward tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ din il-kumpannija jsostnu t-teżi tagħha. F’dan id-dawl, il-Kummissjoni tosserva, mingħajr ma hija kontradetta minn ANKO, li, fuq talba ta’ din tal-aħħar, infetħet proċedura sabiex jintlaħaq arranġament mal-kredituri ta’ din il-kumpannija u li, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-Protodikeio Athinon (Qorti tal-ewwel istanza ta’ Ateni) iddeċidiet li s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ ANKO kienet tant insolventi li l-patrimonju tagħha ma kienx biżżejjed sabiex ikunu koperti l-ispejjeż tal-proċedura marbuta ma’ dikjarazzjoni ta’ falliment.
29 Il-Kummissjoni, mingħajr ma hija kkritikata fuq dan il-punt minn ANKO, tagħmel fil-fatt riferiment għal-leġiżlazzjoni Griega dwar il-falliment, u b’mod iktar partikolari għall-Artikolu 6(2) tal-Liġi 3588/2007, li jipprovdi li l-qorti inkarigata bil-każijiet ta’ falliment għandha tiċħad talba mressqa quddiemha jekk jintwera li, minkejja li l-kundizzjonijiet għal dikjarazzjoni ta’ falliment ikunu ssodisfatti, il-patrimonju tad-debitur ma huwiex ser ikun biżżejjed sabiex jiġu koperti l-ispejjeż tal-proċedura. Fil-każ ta’ ċaħda għal din ir-raġuni, il-qorti inkarigata bil-każijiet ta’ falliment għandha tordna r-reġistrazzjoni tal-isem jew tad-denominazzjoni, skont il-każ, tad-debitur fir-reġistru ġenerali tal-kummerċ kif ukoll fir-reġistri tal-fallimenti sabiex tingħata pubbliċità uffiċjali lill-istat finanzjarju tad-debitur, reġistrazzjoni li titħassar wara perijodu ta’ tliet snin. Issa, iċ-ċertifikat maħruġ fl-20 ta’ Jannar 2014 mir-Reġistru tal-Protodikeio Athinon, anness mat-talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni, jattesta li, minkejja li l-proċedura miftuħa fuq talba ta’ ANKO ma kellhiex suċċess u minkejja li din tal-aħħar ma ġietx iddikjarata falluta, din il-kumpannija ġiet xorta waħda rreġistrata fir-reġistru ġenerali tal-kummerċ kif ukoll fir-reġistri tal-fallimenti, bis-saħħa tal-Artikoli 6(2) u 8(3) tal-Liġi 3588/2007.
30 Għaldaqstant, minn dan iċ-ċertifikat, li huwa validu sal-20 ta’ Jannar 2017, moqri flimkien mal-Artikolu 6(2) tal-Liġi 3588/2007, jirriżulta b’mod inekwivoku, minn naħa, li ANKO tinsab f’sitwazzjoni finanzjarja li hija manifestament viċin ta’ falliment, billi l-qorti inkarigata bil-każijiet ta’ falliment ikkunsidrat li l-patrimonju tagħha ma kienx ser ikun biżżejjed sabiex jiġu koperti minn tal-inqas l-ispejjeż tal-proċedura, u, min-naħa l-oħra, bħala korollarju ta’ dan, li ma jistax jintlaqa’ l-argument ta’ din il-kumpannija fis-sens li ċ-ċertifikat maħruġ mir-Reġistru tal-Protodikeio Athinon sempliċement jikkonferma li hija ma ġietx iddikjarata falluta. Barra minn hekk, minn dan iċ-ċertifikat jirriżulta li ANKO għadha attwalment irreġistrata fuq ir-reġistri msemmija.
31 Barra minn hekk, il-provi prodotti minn ANKO, li juru li hija ma naqsitx milli tagħmel xi ħlas, la fil-qasam tal-kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali u lanqas fil-qasam fiskali, u li għadha tiffirma ċerti kuntratti kummerċjali, ma humiex biżżejjed sabiex jegħlbu l-konklużjoni li tirriżulta miċ-ċertifikat tal-Protodikeio Athinon prodott mill-Kummissjoni.
32 Fir-rigward tal-argument ta’ ANKO bbażat fuq l-assenza ta’ riskju immedjat ta’ infurzar, fid-dawl tal-kliem tal-Artikolu 1 tal-Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, l-eżistenza tas-sentenza appellata hija biżżejjed, madankollu, sabiex jiġi stabbilit li l-Kummissjoni ma tistax tistenna l-eżitu tal-proċedura dwar ir-rikors fil-mertu mingħajr ma ġġarrab dannu irreparabbli u li l-materjalizzazzjoni tad-dannu invokat tista’ tiġi prevista bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 23 ta’ dan id-digriet. Fil-fatt, bl-istess mod bħalma l-adozzjoni minn Stat Membru ta’ miżuri legalment vinkolanti tkun biżżejjed sabiex tagħmel ir-riskju tad-dannu li jista’ jirriżulta mill-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat prevedibbli bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti sabiex tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni dwar l-urġenza [ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja Franza vs Il-Kummissjoni, C‑574/13 P(R), EU:C:2014:36, punti 22 sa 26], in-natura eżekuttiva tas-sentenza appellata għandha l-istess konsegwenza fil-kuntest ta’ din il-proċedura.
33 Fir-rigward tan-natura gravi tad-dannu invokat mill-Kummissjoni, mit-talba għal miżuri provviżorji, moqrija fl-intier tagħha, u b’mod partikolari mill-punti 5 u 6 tagħha, jirriżulta li dan id-dannu jikkonsisti fil-fatt li din l-istituzzjoni ser ikollha tħallas lil ANKO, skont il-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, “is-somom li l-pagament tagħhom ġie sospiż abbażi tal-[paragrafu 3(d) tal-punt II.5 tal-Anness II]”, flimkien mal-interessi moratorji. Għalkemm il-punt 1 ta’ dan id-dispożittiv ma jispeċifikax l-ammont preċiż li għandu jitħallas lil ANKO mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali essenzjalment laqgħat it-tieni talba mressqa minn din il-kumpannija, intiża għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 637 117.17, miżjuda b’interessi moratorji, kif tosserva l-Kummissjoni fit-talba għal miżuri provviżorji tagħha.
34 Għandu jitqies li l-fatt li l-Kummissjoni u, għaldaqstant, il-finanzi pubbliċi tal-Unjoni, iġarrbu t-telf ta’ somma ta’ flus ta’ dan l-ammont, li oġġettivament huwa ammont mhux negliġibbli, għandu jitqies li jikkostitwixxi dannu gravi għall-finijiet ta’ din il-proċedura għal miżuri provviżorji.
35 Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-kundizzjoni dwar l-urġenza hija ssodisfatta wkoll.
36 Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ibbilanċjar tal-interessi preżenti, ANKO ssostni li l-Kummissjoni kkawżatilha dannu irreparabbli billi ċaħditha minn likwidità importanti ħafna matul perijodu kruċjali għall-vijabbiltà tagħha meta hija ilha teżegwixxi b’suċċess kuntratti f’isem din l-istituzzjoni għal diversi snin. Hija tinsisti wkoll fuq il-fatt li s-somma flus dovuta lilha hija negliġibbli meta mqabbla mal-baġit rilevanti tal-Kummissjoni iżda hija ta’ importanza ħafna ikbar għall-impriża tagħha. Fil-fatt, is-somma ta’ EUR 637 117.17 tirrappreżenta biss 0.007 % tal-baġit allokat mill-Kummissjoni għall-proġetti ta’ żvilupp teknoloġiku biss imwettqa fil-kuntest tas-Seba’ Programm Qafas għall-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni, li jammonta għal EUR 9.05 biljun għas-snin 2007 sa 2013. Għall-kuntrarju, tali somma tirrappreżenta 0.953 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ ANKO għas-snin 2007 sa 2012, li kien ta’ EUR 66 835 051.14.
37 F’dan ir-rigward, il-fatt li ANKO tkun imċaħħda mill-possibbiltà li tikseb l-eżekuzzjoni immedjata tas-sentenza appellata, u għalhekk milli tirċievi mingħajr dewmien is-somom inkwistjoni, ma jistax iċaħħadha definittivament, u lanqas ma jista’ jċaħħad lill-kredituri tagħha, jekk ikun il-każ, mill-benefiċċju tad-drittijiet tagħha fl-eventwalità li l-appell jiġi sussegwentement miċħud. Barra minn hekk, mid-dispożittiv tas-sentenza appellata jirriżulta li huma dovuti interessi moratorji fuq l-ammont prinċipali, b’tali mod li l-ħlas ta’ dawn l-interessi huwa kkunsidrat li jikkumpensa, jekk ikun il-każ, id-dannu marbut ma’ dewmien fl-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza.
38 Għall-kuntrarju, kif ġie kkonstatat fil-punt 27 ta’ dan id-digriet, eżekuzzjoni immedjata tas-sentenza appellata, qabel ma tingħata s-sentenza li tagħlaq il-proċedura tal-appell, tista’ tkun ta’ natura li tikkawża dannu irreparabbli għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni protetti mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni hija meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-effettività tas-sentenza li tagħlaq il-proċedura tal-appell fl-eventwalità li din tannulla s-sentenza appellata.
39 Din il-konklużjoni ma hijiex megħluba permezz tal-argumenti mressqa minn ANKO u bbażati fuq paragun bejn ir-riżorsi tagħha u dawk illikwidati mill-Kummissjoni fil-kuntest tas-Seba’ Programm Qafas għall-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni. Fil-fatt, fid-dawl tal-assenza ta’ riskju li ANKO tkun definittivament imċaħħda mill-ammonti inkwistjoni fil-kawża ineżami, punt dan li ma huwiex ikkontestat minn ANKO, filwaqt li l-Kummissjoni, min-naħa tagħha, hija esposta għal riskju mhux negliġibbli, fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ din il-kumpannija, li ma tkunx iktar f’pożizzjoni fejn tkun tista’ tirkupra dawn l-istess ammonti fl-eventwalità li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, dawn l-argumenti ta’ ANKO ma humiex ta’ natura li jxaqilbu l-ibbilanċjar tal-interessi favur tagħha.
40 Fl-aħħar nett, sa fejn ANKO ssostni li hija tista’ ġġarrab dannu irreparabbli fl-assenza ta’ eżekuzzjoni immedjata tas-sentenza appellata peress li ser tkun imċaħħda minn likwidità importanti ħafna matul perijodu kruċjali għall-vijabbiltà tagħha, huwa minnu li, mill-eżami tal-kundizzjoni dwar l-urġenza, imwettaq fil-punti 23 sa 25 ta’ dan id-digriet, jirriżulta li ANKO tinsab f’sitwazzjoni qrib il-falliment, b’tali mod li din l-affermazzjoni tgawdi minn ċerta kredibbiltà. Madankollu, minn dan ma jistax jiġi dedott li l-interess ta’ ANKO li s-sentenza appellata tiġi eżegwita immedjatament, eżekuzzjoni li għandha tippermettilha tirċievi somma li, skont id-dikjarazzjonijiet tagħha stess, tirrappreżenta biss madwar 1 % tad-dħul mill-bejgħ iġġenerat minnha matul il-perijodu inkwistjoni, għandu jipprevali fuq l-interess marbut mal-protezzjoni tal-finanzi tal-Unjoni protett mill-Kummissjoni. Fil-fatt, huwa preċiżament minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja defiċitarja ta’ ANKO, kif ikkonstata f’dan id-digriet, li għandu jirbaħ l-interess tal-Unjoni li l-flus pubbliċi ma jitħallsux lil kumpannija li tippreżenta riskju kunsiderevoli li ma hijiex ser tkun kapaċi tħallashom lura bl-interessi moratorji fl-eventwalità li s-sentenza li tagħlaq il-proċedura tal-appell, jew eventwali sentenza ulterjuri tal-Qorti Ġenerali, tordnaha tagħmel hekk.
41 F’dawn iċ-ċirkustanzi, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, l-eżekuzzjoni tas-sentenza appellata għandha tiġi sospiża sal-għoti tas-sentenza li tagħlaq il-proċedura tal-appell.
Għal dawn il-motivi, il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja jordna:
1) L-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea ANKO vs Il-Kummissjoni (T‑117/12) hija sospiża sal-għoti tas-sentenza li tagħlaq il-proċedura tal-appell fil-Kawża C‑78/14 P.
2) L-ispejjeż huma rriżervati.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Grieg.