Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62013CJ0045

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tas-16 ta’ Jannar 2014.
    Andreas Kainz vs Pantherwerke AG.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Responsabbiltà minħabba prodott difettuż — Merkanzija prodotta fi Stat Membru u mibjugħa fi Stat Membru ieħor — Interpretazzjoni tal-kunċett ta’ ‘post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq’ — Post tal-avveniment kawżali.
    Kawża C‑45/13.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2014:7

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

    16 ta’ Jannar 2014 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Responsabbiltà minħabba prodott difettuż — Merkanzija prodotta fi Stat Membru u mibjugħa fi Stat Membru ieħor — Interpretazzjoni tal-kunċett ta’ ‘post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq’ — Post tal-avveniment kawżali”

    Fil-Kawża C‑45/13,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Novembru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Jannar 2013, fil-proċedura

    Andreas Kainz

    vs

    Pantherwerke AG,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, M. Safjan (Relatur) u J. Malenovský, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal M. Kainz, minn K. Kozák, avukat,

    għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, bħala aġent,

    għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

    għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Brighouse, bħala aġent, assistita minn S. Lee, barrister,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Bogensberger u A.‑M. Rouchaud-Joët, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn A. Kainz, residenti f’Salzburg (l-Awstrija), u Pantherwerke AG, li għandha s-sede tagħha fil-Ġermanja, dwar kawża għad-danni abbażi tar-responsabbiltà minħabba prodotti difettużi li A. Kainz ressaq wara inċident li huwa sofra, fil-Ġermanja, b’rota li ġiet immanifatturata f’dan l-Istat Membru minn Pantherwerke AG, iżda li nxtrat mingħand bejjiegħ bl-imnut fl-Awstrija.

    Il-kuntest ġuridiku

    Ir-Regolament Nru 44/2001

    3

    Il-premessi 2, 11, 12 u 15 tar-Regolament Nru 44/2001 jistabbilixxu:

    “(2)

    Ċerti differenzi bejn regoli nazzjonali li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent ta’ sentenzi jfixklu l-operat tajjeb tas-suq intern. Disposizzjonijiet biex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali u sabiex jħaffu l-formalitajiet bl-iskop ta’ għarfien malajr u sempliċi u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi minn Stati Membri marbuta b’dan ir-Regolament huma essenz[j]ali.

    [...]

    (11)

    Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.

    (12)

    B’żieda mad-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

    [...]

    (15)

    Fl-interessi tal-amministrazzjoni armoniżż[zz]ata tal-ġustizzja huwa meħtieġ li titnaqqas il-possibiltà ta’ proċedimenti simultanji u biex ikun assigurat li ma jiġux mogħtija ġudizzji rrikonċiljabbli f’żewġ Stati Membri. [...]”

    4

    L-Artikoli 2 sa 31 ta’ dan ir-regolament, li jinsabu fil-Kapitolu II tiegħu, jirrigwardaw ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni.

    5

    It-Taqsima 1 ta’ dan il-kapitolu, intitolata “Dispożizzjonijiet ġenerali”, tinkludi Artikolu 2(1), li huwa fformulat kif ġej:

    “Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

    6

    L-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament, li jagħmel parti mill-istess taqsima, jipprovdi:

    “Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jiġi mfittxija fil-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla f’Sezzjonijiet 2 sa 7 ta’ dan il-Kapitolu.”

    7

    L-Artikolu 5(3) tal-istess regolament jinsab fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu II tiegħu, intitolata “Ġurisdizzjoni speċjali”. Dan huwa fformulat kif ġej:

    “Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

    [...]

    3)

    f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq.”

    Ir-Regolament (KE) Nru 864/2007

    8

    Skont il-premessa 7 tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Lulju 2007, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (“Ruma II”) (ĠU L 199, p. 40):

    “Il-kamp sostantiv u d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu konsistenti mar-Regolament [Nru 44/2001] u l-istrumenti relattivi għal-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali.”

    9

    Dan ir-regolament jipprovdi fl-Artikolu 5 tiegħu, intitolat, “Responsabbiltà għal dannu minn prodotti”:

    “1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4(2), il-liġi applikabbli għal obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn dannu kawżat minn prodott għandha tkun:

    a)

    il-liġi tal-pajjiż fejn il-persuna li ssofri d-dannu kellha r-residenza abitwali tagħha meta seħħ id-dannu, jekk il-prodott kien kummerċjalizzat f’dak il-pajjiż; jew, fin-nuqqas ta’ din

    b)

    il-liġi tal-pajjiż minn fejn kien akkwistat il-prodott, jekk il-prodott kien kummerċjalizzat f’dak il-pajjiż; jew, fin-nuqqas ta’ din,

    ċ)

    il-liġi tal-pajjiż fejn ikun seħħ id-dannu, jekk il-prodott kien kummerċjalizzat f’dak il-pajjiż.

    Madankollu, il-liġi applikabbli għandha tkun il-liġi tal-pajjiż fejn il-persuna allegatament responsabbli tkun abitwalment residenti jekk ma setgħetx raġonevolment tipprevedi l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott, jew ta’ prodott ta’ l-istess tip, fil-pajjiż li l-liġi tiegħu tkun applikabbli taħt (a), (b) jew (ċ).

    2.   Fejn ikun jidher ċar miċ-ċirkustanzi kollha tal-każ li d-delitt jew kważi-delitt ċivili huwa manifestament konness aktar mill-qrib ma’ pajjiż divers minn dak indikat fil-paragrafu 1, għandha tapplika l-liġi ta’ dak il-pajjiż l-ieħor. Konnessjoni manifestament aktar mill-qrib ma’ pajjiż ieħor tista’ tkun ibbażata b’mod partikolari fuq relazzjoni pre-eżistenti bejn il-partijiet, bħal kuntratt, li tkun konnessa mill-qrib mad-delitt jew kważi-delitt ċivili in kwistjoni.”

    Id-Direttiva 85/374/KEE

    10

    L-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE, tal-25 ta’ Lulju 1985, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar respon[s]abbiltà għall-prodotti difettużi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 257) kif emendata bid-Direttiva 1999/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-10 ta’ Mejju 1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 147), jipprovdi:

    “L-Istati Membri għandhom jipprovdu fil-leġislazzjoni tagħhom li d-drittijiet mogħtija lil persuna li saritilha l-ħsara skond din id-Direttiva jispiċċaw mal-iskadenza ta’ perjodu ta’ 10 snin mid-data li fiha l-produttur ikun poġġa fiċ-ċirkulazzjoni l-prodott attwali li kkawża d-dannu, kemm-il darba l-persuna korruta tkun fil-frattemp tat bidu għal proċedimenti kontra l-produttur.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    11

    Pantherweke AG hija impriża li għandha s-sede tagħha fil-Ġermanja u li timmanifattura u tikkumerċjalizza roti. A. Kainz, li joqgħod f’Salzburg, xtara, fit-3 ta’ Novembru 2007, mingħand Funbike GmbH, kumpannija stabbilita fl-Awstrija, rota mmanifatturata minn Pantherwerke AG. Fit-3 ta’ Lulju 2009, waqt li kien qiegħed isuq din ir-rota fil-Ġermanja, A. Kainz waqa’ u weġġa’.

    12

    Quddiem il-Landesgericht Salzburg, A. Kainz talab li Pantherwerke AG, abbażi tar-responsabbiltà minħabba prodotti difettużi, tħallas somma ta’ EUR 21 200, barra l-interessi u l-ispejjeż annessi, kif ukoll dikjarazzjoni tar-responsabbiltà ta’ din il-kumpannija għad-danni futuri li jirriżultaw minn dan l-inċident. Skont A. Kainz, il-waqa’ tiegħu ġiet ipprovokata mill-fatt li t-trufijiet tal-furketta ddistakkaw ruħhom mill-furketta tar-rota. Pantherwerke AG, bħala manifattur tal-prodott, hija responsabbli għal dan id-difett fil-produzzjoni.

    13

    Sabiex jiġġustifika l-ġurisdizzjoni tal-qorti li quddiemha tressqet il-kawża, A. Kainz jinvoka l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001. Il-post tal-avveniment kawżali jinsab fl-Awstrija peress li r-rota kienet tqiegħdet fis-suq hemmhekk, fis-sens li din kienet disponibbli għal utent finali fil-kuntest ta’ distribuzzjoni kummerċjali.

    14

    Pantherwerke AG tikkontesta l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Awstrijaċi. Il-post tal-avveniment kawżali jinsab, skont din, fil-Ġermanja. Minn naħa, il-proċess ta’ produzzjoni tal-prodott kien sar fil-Ġermanja u, min-naħa l-oħra, il-prodott kien tpoġġa fiċ-ċirkulazzjoni f’dan l-Istat Membru, permezz tal-kunsinna tal-imsemmi prodott mis-sede ta’ din il-kumpannija.

    15

    Il-qrati ordinarji li quddiemhom tressqet it-talba ta’ A. Kainz ċaħdu l-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħhom, kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell.

    16

    Il-qorti tar-rinviju, li quddiemha tressaq appell “fuq punt ta’ liġi”, tqis li huwa neċessarju li jiġi ċċarat il-kunċett tal-post tal-avveniment kawżali fil-qasam tar-responsabbiltà minħabba prodotti difettużi.

    17

    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Oberster Gerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    F’każ ta’ responsabbiltà minħabba prodott difettuż, l-espressjoni ‘post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq’ li tinsab fl-Artikolu 5(3) tar-[Regolament Nru 44/2001], għandha tiġi interpretata fis-sens:

    a)

    li l-post fejn seħħ l-avveniment li kkawża d-dannu (post tal-avveniment kawżali) (‘Handlungsort’) huwa s-sede tal-manifattur;

    b)

    li l-post fejn seħħ l-avveniment li kkawża d-dannu (‘Handlungsort’) huwa l-post fejn il-prodott jitqiegħed fis-suq;

    c)

    li l-post fejn seħħ l-avveniment li kkawża d-dannu (‘Handlungsort’) huwa l-post fejn il-prodott ikun akkwistat mill-utent?

    2)

    Fl-eventwalità li d-domanda 1.b tingħata risposta fl-affermattiv:

    a)

    Il-prodott jitqiegħed fis-suq meta joħroġ mill-proċess ta’ produzzjoni applikat mill-manifattur u jidħol fil-proċess ta’ kummerċjalizzazzjoni fejn jiġi offert lill-pubbliku lest għall-użu jew għall-konsum?

    b)

    Il-prodott jitqiegħed fis-suq meta jiġi ddistribwit b’mod strutturat lill-utent finali?”

    Fuq id-domandi preliminari

    18

    Permezz tad-domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment kif għandu jiġi interpretat, fil-każ li tiġi kkontestata r-responsabbiltà ta’ manifattur minħabba prodott difettuż, l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 sabiex jiġi identifikat il-post fejn seħħ l-avveniment li kkawża d-dannu.

    19

    Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar l-ewwel u qabel kollox li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu, billi jirreferu għas-sistema u għall-għanijiet tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2009, Zuid-Chemie, C-189/08, Ġabra p. I-6917, punt 17, u tat-3 ta’ Ottubru 2013, Pinckney, C‑170/12, punt 23).

    20

    Sussegwentement, għandu jiġi ppreċiżat li, minkejja l-fatt li mill-premessa 7 tar-Regolament Nru 864/2007 jirriżulta b’mod ċar li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li jiżgura koerenza bejn, minn naħa, ir-Regolament Nru 44/2001, u min-naħa l-oħra, il-kamp ta’ applikazzjoni rationae materiae u d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 864/2007, dan ma jfissirx madankollu li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 għandhom, għaldaqstant, jiġu interpretati fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 864/2007. Fl-ebda każ il-koerenza mixtieqa ma tista’ twassal għal interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 li ma għandha l-ebda rabta mas-sistema u mal-għanijiet ta’ dan ir-regolament.

    21

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li s-sistema ta’ regoli komuni għall-attribuzzjoni tal-kompetenzi prevista fid-dispożizzjonijiet li huma elenkati fil-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001, hija bbażata fuq regola ġenerali, imniżżla fl-Artikolu 2(1) tiegħu, li tipprovdi li persuni domiċiljati fit-territorju ta’ Stat Membru għandhom jiġu mħarrkin fil-qrati ta’ dak l-Istat, indipendentement min-nazzjonalità tal-partijiet. Huwa biss b’deroga għar-regola ġenerali tal-ġurisdizzjoni tad-domiċilju tal-konvenut li d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II, Taqsima 2 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi ċertu numru ta’ regoli dwar il-ġurisdizzjoni speċjali, fosthom ir-regola fl-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, ÖFAB, C‑147/12, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    22

    Dawn ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali għandhom jiġu interpretati b’mod strett u ma jippermettux interpretazzjoni li tmur lil hinn mis-sitwazzjonijiet previsti b’mod espliċitu mill-imsemmi regolament (sentenza ÖFAB, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    23

    Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-każ li l-post fejn iseħħ l-avveniment li jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà ta’ delitt jew kważi-delitt u l-post fejn dan il-fatt ikkawża dannu ma humiex identiċi, il-frażi “post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq”, fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, għandha tinftiehem fis-sens li tkopri l-post fejn seħħ id-dannu u l-post fejn seħħ l-avveniment li kkawża dan id-dannu, sabiex il-konvenut ikun jista’ jiġi mħarrek, bl-għażla tar-rikorrent, quddiem il-qorti ta’ wieħed jew l-ieħor minn dawn iż-żewġ postijiet. (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Zuid‑Chemie, punt 23, u Pinckney, punt 26).

    24

    Peress li l-identifikazzjoni ta’ wieħed minn dawn il-fatturi ta’ rabta għandha tippermetti li tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qorti li oġġettivament hija fl-aħjar pożizzjoni sabiex tevalwa jekk l-elementi li jikkostitwixxu r-responsabbiltà tal-persuna mħarrka humiex sodisfatti, hija biss il-qorti li għandha ġurisdizzjoni fuq il-fattur ta’ rabta rilevanti li tista’ tiġi adita b’mod validu (ara s-sentenza Pinckney, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    25

    Fil-kuntest tal-kawża prinċipali mressqa quddiemha, huwa paċifiku li l-qorti tar-rinviju hija biss inċerta fir-rigward tal-istabbiliment tal-post fejn seħħ l-avveniment li kkawża d-dannu.

    26

    Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li dan il-post jinsab, fil-każ ta’ responsabbiltà minħabba prodott difettuż, fil-lok fejn seħħ il-fatt li kkawża d-dannu lill-prodott stess (ara f’dan is-sens, is-sentenza Zuid-Chemie, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27). Bħala prinċipju, din iċ-ċirkustanza sseħħ fil-post fejn il-prodott inkwistjoni ġie mmanifatturat.

    27

    Billi l-viċinanza mal-post fejn seħħ il-fatt li kkawża d-dannu lill-prodott stess tiffaċilita, b’mod partikolari minħabba l-possibbiltà li jinġabru minn hemmhekk mezzi ta’ prova sabiex jiġi stabbilit id-difett inkwistjoni, l-organizzazzjoni xierqa tal-proċeduri u, għaldaqstant, l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, l-attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni lill-qorti, li fit-territorju tagħha jinsab dan il-post, hija konsistenti mar-raġuni għall-eżistenza tal-ġurisdizzjoni speċjali prevista fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, jiġifieri, l-eżistenza ta’ rabta partikolarment stretta bejn il-kawża u l-qorti tal-post tal-avveniment kawżali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Zuid‑Chemie, punt 24, u Pinckney, punt 27).

    28

    Barra minn hekk, attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni lill-qorti tal-post fejn ġie mmanifatturat il-prodott inkwistjoni tissodisfa l-eżiġenza tal-prevedibbiltà tar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni, sa fejn kemm il-manifattur konvenut kif ukoll ir-rikorrent li huwa vittma jistgħu jipprevdu b’mod raġonevoli li din il-qorti tinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar kawża li tirrigwarda, b’mod partikolari, il-konstatazzjoni ta’ difett fil-prodott inkwistjoni.

    29

    Konsegwentement għandu jiġi kkonstatat li, fil-każ li tiġi kkontestata r-responsabbiltà ta’ manifattur minħabba prodott difettuż, il-post tal-avveniment kawżali huwa l-post fejn ġie mmanifatturat il-prodott inkwistjoni.

    30

    Għal dak li jirrigwarda, finalment, l-argument, invokat minn A. Kainz, li jgħid li l-interpretazzjoni tal-ġurisdizzjoni speċjali f’materja ta’ delitt jew kważi delitt għandha tieħu inkunsiderazzjoni, mhux biss l-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, iżda wkoll l-interess tal-persuna li sofriet dannu billi tagħtiha l-opportunità li tadixxi lill-qorti tal-Istat Membru fejn hija domiċiljata, ma jistax jintlaqa’.

    31

    Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà osservat mhux biss li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 ma jfittix speċifikament li joffri lill-parti l-iktar dgħajfa protezzjoni iktar qawwija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2012, Folien Fischer u Fofitec, C‑133/11, punt 46), iżda għandu jiġi osservat ukoll li lanqas l-interpretazzjoni proposta minn A. Kainz, li tgħid li l-post tal-avveniment kawżali huwa dak fejn il-prodott inkwistjoni ġie ttrasferit lill-konsumatur finali jew lil bejjiegħ ġdid, ma tiggarantixxi li l-imsemmi konsumatur ikun jista’, fi kwalunkwe każ, jadixxi lill-qrati ta’ fejn huwa domiċiljat peress li dan il-post jista’ jkun x’imkien ieħor jew anki f’pajjiż ieħor.

    32

    F’kull każ, l-impossibbiltà eventwali li tiġi stabbilita, skont kriterji oġġettivi adottati għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, il-ġurisdizzjoni ta’ qorti fl-Istat Membru fejn huwa domiċiljat ir-rikorrent hija konformi mar-regola ġenerali, imsemmija fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-post fejn huwa domiċiljat il-konvenut.

    33

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi li saru hija li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ li tiġi kkontestata r-responsabbiltà ta’ manifattur minħabba prodott difettuż, il-post tal-avveniment kawżali huwa l-post fejn ġie mmanifatturat il-prodott inkwistjoni.

    Fuq l-ispejjeż

    34

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ li tiġi kkontestata r-responsabbiltà ta’ manifattur minħabba prodott difettuż, il-post tal-avveniment kawżali huwa l-post fejn ġie mmanifatturat il-prodott inkwistjoni.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Fuq