EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62013CJ0470

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tat-18 ta’ Diċembru 2014.
Generali-Providencia Biztosító Zrt vs Közbeszerzési Hatóság Közbeszerzési Döntőbizottság.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kuntratti pubbliċi — Kuntratti li ma jilħqux il-limitu previst mid-Direttiva 2004/18/KE — Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE — Applikabbiltà — Interess transkonfinali ċert — Kawżi ta’ esklużjoni mill-proċedura ta’ sejħa għal offerti — Esklużjoni ta’ operatur ekonomiku li jkun wettaq ksur tar-regoli nazzjonali tal-kompetizzjoni kkonstatat permezz ta’ sentenza mogħtija inqas minn ħames snin ilu — Ammissibbiltà — Proporzjonalità.
Kawża C‑470/13.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2014:2469

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

18 ta’ Diċembru 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kuntratti pubbliċi — Kuntratti li ma jilħqux il-limitu previst mid-Direttiva 2004/18/KE — Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE — Applikabbiltà — Interess transkonfinali ċert — Kawżi ta’ esklużjoni mill-proċedura ta’ sejħa għal offerti — Esklużjoni ta’ operatur ekonomiku li jkun wettaq ksur tar-regoli nazzjonali tal-kompetizzjoni kkonstatat permezz ta’ sentenza mogħtija inqas minn ħames snin ilu — Ammissibbiltà — Proporzjonalità”

Fil-Kawża C‑470/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Awwissu 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Settembru 2013, fil-proċedura

Generali-Providencia Biztosító Zrt

vs

Közbeszerzési Hatóság Közbeszerzési Döntőbizottság,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn C. Vajda (Relatur), President tal-Awla, E. Juhász u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Settembru 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Generali-Providencia Biztosító Zrt, minn G. Fejes u P. Tasi, ügyvédek,

għall-Közbeszerzési Hatóság Közbeszerzési Döntőbizottság, minn P. Csanádi, ügyvéd,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u K. Szíjjártó, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn M. J. García-Valdecasas Dorrego, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Tokár u A. Sipos, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 18 TFUE, 34 TFUE, 49 TFUE u 56 TFUE kif ukoll tal-punti (ċ) u (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132), kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1177/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009 (ĠU L 314, p. 64, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2004/18”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Generali‑Providencia Biztosító Zrt (iktar ’il quddiem “Generali”) u l-Közbeszerzési Hatóság Közbeszerzési Döntőbizottság (bord tal-appell tal-uffiċċju għal kuntratti pubbliċi) dwar iċ-ċaħda tal-appell ta’ din il-kumpannija ppreżentat quddiem dan il-bord kontra d-deċiżjoni li hija tiġi eskluża mill-proċedura ta’ sejħa għal offerti minħabba l-fatt li hija preċedentement kienet wettqet ksur tar-regoli nazzjonali tal-kompetizzjoni.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessa 2 tad-Direttiva 2004/18 tipprovdi:

“L-għoti tal-kuntratti ffinalizzati fl-Istati Membri f’isem l-Istat, l-awtoritajiet reġjonali u lokali u korpi oħra mmexxija minn entitajiet legali pubbliċi, huwa soġġett li josserva l-prinċipji tat-Trattat u in partikolari għall-prinċipji tal-moviment ħieles tal-prodotti, il-prinċipju ta’ l-istabbiliment ħieles u l-prinċipju tal-libertà li tipprovdi servizzi u l-prinċipji li jitnisslu minn dawn, bħal ma huwa il-prinċipju tat-trattament ugwali, il-prinċipju ta’ bla diskriminazzjoni, il-prinċipju ta’ għarfien reċiproku, il-prinċipju tal-proporzjonalità u l-prinċipju tat-trasparenza. [...]”

4

L-Artikolu 7(b) ta’ din id-Direttiva jipprevedi, b’mod partikolari għal kuntratti pubbliċi ta’ provvista u ta’ servizz mogħtija mill-awtoritajiet kontraenti minbarra dawk elenkati fl-Anness IV tal-imsemmija direttiva, limitu ta’ applikazzjoni tagħhom ta’ EUR 193 000.

5

L-Artikolu 45 ta’ din l-istess direttiva, intitolat “Sitwazzjoni personali tal-kandidat jew ta’ min jixħet l-offerta”, jistabbilixxi fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Kull operatur ekonomiku jista’ jkun eskluż minn parteċipazzjoni f’kuntratt fejn dak l-operatur eknomiku:

[...]

(ċ)

ingħata sentenza b’ħaqq tal-qorti li għandha s-saħħa [awtorità] tar-res judicata skond il-disposizzjonijiet legali tal-pajjiż [u li tikkonstata] [...] offiża [reat] li tikkonċerna il-kondotta professjonali tiegħu;

(d)

kien misjub ħati ta’ kondotta professjonali ħażina ta’ ċerta gravità ippruvata bi kull mezz li l-awtoritajiet kontrattwanti [kontraenti] jistgħu juru;

[...]

Stati Membri għandhom jispeċifikaw, skond il-liġi nazzjonali tagħhom u b’rigward tal-liġi tal-Kommunità, il-kondizzjonijiet li jimplimentaw dan il-paragrafu.”

6

Il-premessa 101 tad-Direttiva 2014/24/UE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2014, dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, p. 65) tistabbilixxi dan li ġej:

“Barra minn hekk, l-awtoritajiet kontraenti għandha tingħatalhom il-possibbiltà li jeskludu operaturi ekonomiċi li wrew li mhumiex affidabbli, pereżempju minħabba ksur ta’ obbligi ambjentali jew soċjali, inklużi regoli dwar l-aċċessibbiltà għal persuni b’diżabilità jew forom oħra ta’ kondotta professjonali serjament skorretta, bħal ksur ta’ regoli tal-kompetizzjoni jew ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. Għandu jiġi ċċarat li kondotta professjonali ħażina ta’ ċerta gravità tista’ twassal għad-dubju fl-integrità ta’ operatur ekonomiku u għalhekk twassal biex l-operatur ekonomiku ma jkunx adattat biex jingħata kuntratt pubbliku irrispettivament minn jekk l-operatur ekonomiku jkollux il-kapaċità ekonomika u teknika biex jitwettaq il-kuntratt.

[...]”

7

Skont l-Artikolu 57(4) tad-Direttiva Nru 2014/24/KE:

“L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeskludu jew jistgħu jiġu obbligati minn Stati Membri li jeskludu mill-parteċipazzjoni fi proċedura tal-akkwist kwalunkwe operatur ekonomiku fi kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

[...]

(d)

fejn l-awtorità kontraenti ikollha indikazzjonijiet plawsibbli biżżejjed biex tikkonkludi li l-operatur ekonomiku ikun daħal f’akkordji ma’ operaturi ekonomiċi oħrajn li għandhom l-għan li jikkawżaw distorsjoni tal-kompetizzjoni;

[...]”

Id-dritt Ungeriż

8

L-Artikolu 61(1) tal-Liġi CXXIX tal-2003 dwar il-kuntratti pubbliċi (közbeszerzésekről szóló 2003, évi CXXIX. törvény, Magyar Közlöny 2003/157, iktar ’il quddiem il-“Kbt”) huwa redatt fit-termini segwenti:

“L-awtorità kontraenti tista’ tipprovdi, fl-avviż tas-sejħa għal offerti, li ma jistax jipparteċipa fil-proċedura, bħala offerent, subkuntrattur jew fornitur anċillari, sa fejn ikun qed ifittex jikseb iktar minn 10 % tal-valur tal-kuntratt, jew bħala subkuntrattur skont it-tifsira fid-dispożizzjonijiet (d) u (e), kull min:

a)

ikun wettaq ksur fir-rigward tal-attività kummerċjali jew professjonali tiegħu kkonstatat permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li għandha l-awtorità ta’ res judicata u li tkun ingħatat matul il-ħames snin preċedenti.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9

Permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Diċembru 2006, il-Gazdasági Versenyhivatal (uffiċċju għall-kompetizzjoni) ikkonstata li ċerti ftehimiet vertikali konklużi bejn Generali u konċessjonarji tal-karozzi kienu jmorru kontra r-regoli nazzjonali tal-kompetizzjoni u impona multa fuq din il-kumpannija. Meta tressaq quddiemha l-appell, il-Fővárosi ítelőtábla (qorti tal-appell ta’ Budapest) ikkonfermat din id-deċiżjoni permezz ta’ sentenza kklassifikata bħala “jogerős” (“li jkollha l-awtorità ta’ res judicata”). Appell minn din is-sentenza ġie ppreżentat quddiem il-Magyar Köztársaság Legfelsőbb Bírósága (qorti suprema), li għamlet domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja li wasslet għas-sentenza Allianz Hungária Biztosító et (C‑32/11, EU:C:2013:160).

10

Fil-5 ta’ Diċembru 2011, Nemzeti Adó- és Vámhivatal (awtorità nazzjonali tat-taxxa u tad-dwana) ippubblikat avviż ta’ kuntratt rigward il-provvista ta’ servizzi ta’ assigurazzjoni. F’dan l-avviż, l-awtorità kontraenti semmiet, fost il-motivi ta’ esklużjoni mill-parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti marbuta mas-sitwazzjoni personali tal-offerent, dawk imsemmija fl-Artikoli 61(1)(a) sa (c), u 62(1) tal-Kbt.

11

Bħala risposta għall-imsemmi avviż, Generali ppreżentat offerta fit-terminu impost.

12

L-awtorità kontraenti nnotifikat lil Generali bid-deċiżjoni tagħha li teskludiha mill-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt ikkonċernat fid-dawl tal-fatt li hija kienet taqa’ taħt il-kawża ta’ esklużjoni prevista fl-Artikolu 61(1)(a) tal-Kbt peress li kisret ir-regoli nazzjonali tal-kompetizzjoni li kienu ġew ikkonfermati permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li għandha l-awtorità ta’ res judicata.

13

Wara li l-azzjoni amministrattiva tagħha kontra d-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti ġiet miċħuda, Generali ressqet kawża quddiem il-Fővárosi Törvényszék (qorti ta’ Budapest), li l-kawżi amministrattivi tagħha ġew assenjati sussegwentement lill-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (qorti għal kawżi amministrattivi u tax-xogħol ta’ Budapest).

14

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-motiv ta’ esklużjoni ta’ Generali mill-imsemmija proċedura ta’ għoti. Hija tinnota li l-punti (ċ) u (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2004/18 jippermettu li operatur ekonomiku jiġi eskluż mill-parteċipazzjoni f’kuntratt minħabba motivi bbażati fuq ċirkustanzi oġġettivi marbuta mal-attività professjonali ta’ dan l-operatur. Filwaqt li tqis li l-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(2) ta’ din id-direttiva ma japplikax fiċ-ċirkustanzi tal-kawża li tinsab quddiemha, peress li l-ksur li wettqet Generali ma hijiex kklassifikata bħala “offiża [reat]” fid-dritt nazzjonali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(2) tal-imsemmija direttiva jistax japplika f’dawn l-istess ċirkustanzi.

15

Il-qorti tar-rinviju tqis li, fid-dawl tal-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tat lill-kunċett ta’ “kondotta professjonali ħażina” li jidher f’din l-aħħar dispożizzjoni fis-sentenza tagħha Forposta u ABC Direct Contact (C‑465/11, EU:C:2012:801), il-prattiki li magħhom irid jikkonforma l-operatur ekonomiku jew li jrid jastjeni minnhom sabiex josserva r-rekwiżiti tal-lealtà kummerċjali jirrigwardaw il-kredibbiltà professjonali tiegħu. Għalhekk, prattika li tmur kontra l-projbizzjoni ta’ ftehimiet li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, li hija effettivament stabbilita permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li saret res judicata, taqa’ taħt dan il-kunċett. Il-gravità tal-kondotta ħażina għandha tiġi evalwata skont l-aġir konkret tal-operatur ekonomiku.

16

Jekk, min-naħa l-oħra, għandu jitqies li tali ksur ma jinfluwenzax il-kredibbiltà professjonali tal-operatur ekonomiku jew ma jimplikax ksur tal-kodiċi tal-etika tal-professjoni li huwa jagħmel parti minnha, il-qorti tar-rinviju hija tal-opinjoni li dan l-operatur ma jistax jiġi eskluż mill-parteċipazzjoni fil-kuntratt, minħabba fi ksur tar-regoli nazzjonali tal-kompetizzjoni, abbażi tal-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2004/18 li jelenka, b’mod eżawrjenti, il-kawżi li jistgħu jiġġustifikaw l-esklużjoni ta’ tali operatur għal raġunijiet relatati mal-kwalitajiet professjonali tiegħu.

17

Il-qorti tar-rinviju tqis li tali interpretazzjoni tobbligaha sabiex ma tapplikax l-Artikolu 61(1)(a) tal-Kbt, fid-dawl ukoll tal-fatt li, kif jirriżulta mill-premessa 2 tad-Direttiva 2004/18, ir-regoli nazzjonali fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għandhom josservaw ir-regoli u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, hija tinnota li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 61(1)(a) tal-Kbt mogħtija mill-Közbeszerzési Hatóság Közbeszerzési Döntőbizottság tista’ tostakola l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni, sa fejn din id-dispożizzjoni la tippreċiża l-karatteristiċi u lanqas il-gravità tal-ksur li l-operatur ekonomiku allegatament wettaq fir-rigward tal-attività kummerċjali jew professjonali tiegħu, iżda tipprovdi li l-esklużjoni tiegħu mill-parteċipazzjoni f’kuntratt hija sempliċement l-konsegwenza tal-iżvolġiment ta’ proċedura ġudizzjarja dwar dan il-ksur.

18

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1.

L-Istati Membri jistgħu jipprevedu l-esklużjoni ta’ operatur ekonomiku mill-parteċipazzjoni f’sejħa għal offerti pubblika għal motivi differenti minn dawk elenkati fl-Artikolu 45 tad-Direttiva [2004/18], b’mod partikolari għal motivi li jistgħu jkunu ġġustifikati minn raġunijiet relatati mal-protezzjoni tal-interessi pubbliċi, mal-interessi leġittimi tal-awtorità kontraenti, mal-lealtà tal-kompetizzjoni kif ukoll maż-żamma ta’ kompetizzjoni leali? Fl-affermattiv, l-esklużjoni ta’ operatur ekonomiku mill-parteċipazzjoni f’sejħa għal offerti pubblika hija konformi mat-[tieni premessa] ta’ din id-direttiva kif ukoll mal-Artikoli 18 TFUE, 34 TFUE, 49 TFUE u 56 TFUE, sa fejn dan l-operatur wettaq ksur relatat mal-attività kummerċjali jew professjonali tiegħu kkonstatat permezz ta’ deċiżjoni ta’ qorti li għandha awtorità ta’ res judicata, mogħtija matul il-ħames snin preċedenti?

2.

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fin-negattiv [għall-ewwel domanda], id-dispożizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2004/18, b’mod partikolari dawk tal-punti (ċ) u (d) għandhom jiġu interpretati fis-sens li huwa possibbli li jiġi eskluż mill-parteċipazzjoni f’sejħa għal offerti pubblika kull operatur ekonomiku li jkun wettaq ksur ikkonstatat minn awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja f’proċeduri ta’ investigazzjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni mibdija minħabba l-attività ekonomika jew professjonali tiegħu u li jkunu ġew imposti fuqu s-sanzjonijiet previsti fil-qasam tal-kompetizzjoni minħabba dan il-ksur?”

Fuq id-domandi preliminari

19

Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li għalkemm, kif innotat il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 61(1)(a) tal-Kbt jippermetti li jiġi eskluż minn proċedura ta’ sejħa għal offerti operatur ekonomiku għal kull ksur imwettaq b’konnessjoni mal-attività ekonomika jew professjonali tiegħu, mingħajr ma jippreċiża l-karatteristiċi jew il-gravità ta’ dan il-ksur, Generali ġiet eskluża mill-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt ikkonċernat fil-kawża prinċipali, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, minħabba l-ksur li hija kienet wettqet tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni, liema fatt ġie kkonfermat minn deċiżjoni ġudizzjarja li kisbet is-saħħa ta’ res judicata, u li minħabba fih ġiet imposta fuqha multa.

20

Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 18 TFUE, 34 TFUE, 49 TFUE u 56 TFUE kif ukoll il-punti (ċ) u (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2004/18 jipprekludux l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi l-parteċipazzjoni f’proċedura ta’ sejħa għal offerti ta’ operatur ekonomiku li jkun wettaq ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, ikkonstatat minn deċiżjoni ġudizzjarja li tkun kisbet is-saħħa ta’ res judicata, u li minħabba fih tkun ġiet imposta fuqu multa.

21

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/18 li jissemmew fid-domandi preliminari, kemm Generali, bħala risposta għal mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta, kif ukoll il-Gvern Ungeriż, fl-osservazzjonijiet tiegħu bil-miktub, ikkonstataw li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa ta’ valur inferjuri għal-limitu li jissemma’ fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 7(b) ta’ din id-direttiva li, skont dan il-gvern, huwa l-limitu rilevanti sa fejn l-awtorità nazzjonali tat-taxxa u tad-dwana ma tissemmiex fl-Anness IV tal-imsemmija direttiva. Konsegwentement, bla ħsara għall-istħarriġ mill-qorti tar-rinviju, id-Direttiva 2004/18 ma tapplikax għal dan il-kuntratt.

22

Waqt is-seduta, Generali kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea nnotaw madankollu li l-leġiżlazzjoni Ungeriża li tittrasponi d-Direttiva 2004/18 tapplika kemm għall-kuntratti li jilħqu l-limiti stabbiliti fl-Artikolu 7 tagħha kif ukoll għal dawk li ma jilħquhomx. F’dan il-kuntest, huma fakkru li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li hija għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni preliminari li tirrigwarda dispożizzjonijiet ta’ att tal-Unjoni Ewropea f’sitwazzjonijiet fejn il-fatti fil-kawża prinċipali ma jkunux jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-att, iżda fejn l-imsemmija dispożizzjonijiet ikunu saru applikabbli permezz tad-dritt nazzjonali minħabba riferiment minn dan tal-aħħar lejn il-kontenut ta’ dawk id-dispożizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Dzodzi, C‑297/88 u C‑197/89, EU:C:1990:360, punt 36, u Nolan, C‑583/10, EU:C:2012:638, punt 45).

23

Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ att tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar hija ġġustifikata meta dawn id-dispożizzjonijiet ikunu saru applikabbli għal tali sitwazzjonijiet permezz tad-dritt nazzjonali b’mod dirett u inkundizzjonat, bil-għan li jiġi żgurat trattament identiku għal dawn is-sitwazzjonijiet u għal dawk li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Nolan, EU:C:2012:638, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

Madankollu dan ma huwiex il-każ fil-kawża prinċipali.

25

Fil-fatt, ma jirriżulta la mid-deċiżjoni tar-rinviju u lanqas mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja li kienet teżisti dispożizzjoni fid-dritt Ungeriż li tirrendi lid-Direttiva 2004/18 applikabbli b’mod dirett u inkundizzjonat għall-kuntratti pubbliċi li l-valur tagħhom ma jilħaqx il-limitu rilevanti previst fl-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva.

26

Minn dan kollu jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tipprovdi lill-qorti tar-rinviju, sabiex tippermettilha tiddeċiedi t-tilwima li tressqet quddiemha fil-kawża prinċipali, interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/18 imsemmija fid-domandi preliminari.

27

Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE invokati mill-qorti tar-rinviju, għandu jitfakkar li, meta kuntratt pubbliku ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/18 minħabba l-fatt li huwa ma jilħaqx il-limitu rilevanti stabbilit fl-Artikolu 7 tagħha, dan il-kuntratt huwa suġġett għar-regoli fundamentali u għall-prinċipji ġenerali ta’ dan it-trattat sa fejn jippreżenta interess transkonfinali ċert fid-dawl, b’mod partikolari, tal-importanza tiegħu u tal-post ta’ eżekuzzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Ordine degli Ingegneri della Provincia di Lecce et, C‑159/11, EU:C:2012:817, punt 23, u Consorzio Stabile Libor Lavori Pubblici, C‑358/12, EU:C:2014:2063, punt 24).

28

Madankollu, il-qorti tar-rinviju ma kkonstatatx l-elementi neċessarji li jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika jekk, fil-kawża prinċipali, jeżistix interess transkonfinali ċert. Issa, kif jirriżulta mill-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2012, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun tista’ ssib, f’talba għal deċiżjoni preliminari, espożizzjoni tal-informazzjoni fattwali li fuqha jkunu bbażati d-domandi kif ukoll rabta li teżisti b’mod partikolari bejn din l-informazzjoni u dawn id-domandi. Għalhekk, il-konstatazzjoni tal-elementi neċessarji li jippermettu l-verifika tal-eżistenza ta’ interess transkonfinali ċert, kif ukoll, b’mod ġenerali, il-konstatazzjonijiet kollha li għandhom jagħmlu l-qrati nazzjonali u li minnhom tiddependi l-applikabbiltà ta’ att ta’ dritt derivat jew ta’ dritt primarju tal-Unjoni, għandhom jitwettqu qabel ma titressaq azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenza Azienda sanitaria locale n. 5 “Spezzino”et, C‑113/13, EU:C:2014:2440, punt 47).

29

Fid-dawl tal-ispirtu ta’ kooperazzjoni li teżisti fir-relazzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari, l-assenza ta’ tali konstatazzjonijiet minn qabel mill-qorti tar-rinviju dwar l-eżistenza ta’ interess transkonfinali eventwali ċert ma twassalx għall-inammissibbiltà tat-talba jekk, minkejja dawn in-nuqqasijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-elementi li jirriżultaw mill-proċess, tqis li hija tista’ tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta d-deċiżjoni tar-rinviju jkun fiha elementi rilevanti suffiċjenti għall-evalwazzjoni tal-eżistenza eventwali ta’ tali interess. Madankollu, ir-risposta pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja hija suġġetta għall-konstatazzjoni tal-qorti tar-rinviju ta’ interess transkonfinali ċert fil-kawża prinċipali, abbażi ta’ evalwazzjoni ddettaljata tal-elementi rilevanti kollha fil-kwistjoni fil-kawża prinċipali (ara s-sentenza Azienda sanitaria locale n. 5 “Spezzino”et, EU:C:2014:2440, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin huma suġġetti għal din il-kundizzjoni.

30

Għal dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE msemmija f’dawn id-domandi, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-imsemmi kuntratt jirrigwarda l-provvista ta’ servizzi ta’ assigurazzjoni. Għalhekk, l-Artikolu 34 TFUE, li jirrigwarda l-moviment liberu tal-merkanzija, ma jistax jiġi applikat. Min-naħa l-oħra, l-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE, li jirrigwardaw rispettivament il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, għandhom jitqiesu li huma rilevanti fil-kuntest tal-kawża prinċipali.

31

Sa fejn dawn l-aħħar dispożizzjonijiet jikkostitwixxu applikazzjonijiet partikolari tal-projbizzjoni ġenerali ta’ diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, stabbilita fl-Artikolu 18 TFUE, ma huwiex neċessarju, sabiex tingħata risposta għad-domandi preliminari, li jsir riferiment għal dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Wall, C‑91/08, EU:C:2010:182, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Peress li l-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE japplikaw għal kuntratt bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sakemm dan il-kuntratt ikollu interess transkonfinali ċert, l-awtoritajiet kontraenti huma obbligati li josservaw il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità kif ukoll l-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minn dawn l-artikoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Wall, EU:C:2010:182, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Issa, ma hemm xejn fil-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jew fl-osservazzjonijiet ippreżentati mill-persuni interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li jippermetti li jitqies li l-applikazzjoni tal-kawża ta’ esklużjoni li tinsab fl-Artikolu 61(1)(a) tal-Kbt f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tikkostitwixxi diskriminazzjoni, anki indiretta, minħabba n-nazzjonalità jew tikser l-obbligu ta’ trasparenza. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-awtorità kontraenti semmiet espressament, fl-avviż ta’ kuntratt, li l-kawża ta’ esklużjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni tal-Kbt tapplika fir-rigward ta’ dan il-kuntratt.

34

Għal dak li jirrigwarda l-esklużjoni tal-operaturi ekonomiċi minn kuntratt pubbliku fil-kuntest tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi previsti fl-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE, għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 45(2)(d) tad-Direttiva 2004/18 jippermetti li jiġi eskluż kull operatur li “kien misjub ħati ta’ kondotta professjonali ħażina ta’ ċerta gravità ippruvata bi kull mezz li l-awtoritajiet kontrattwanti [kontraenti] jistgħu juru”.

35

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kunċett ta’ “kondotta professjonali ħażina”, fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, ikopri kull aġir ħażin li għandu rilevanza fuq il-kredibbiltà professjonali tal-operatur inkwistjoni u mhux biss il-ksur tal-kodiċi tal-etika fis-sens strett tal-professjoni li għaliha jappartjeni dan l-operatur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Forposta u ABC Direct Contact, EU:C:2012:801, punt 27). F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li t-twettiq ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari meta dan il-ksur kien ġie ssanzjonat permezz ta’ multa, jikkostitwixxi kawża ta’ esklużjoni li taqa’ taħt l-Artikolu 45(2)(d) tad-Direttiva 2004/18.

36

Issa, jekk tali klawżola ta’ esklużjoni hija possibbli b’applikazzjoni tad-Direttiva 2004/18, hija għandha a fortiori titqies li hija ġġustifikata għal dak li jirrigwarda l-kuntratti pubbliċi li ma jilħqux il-limitu rilevanti ddefinit fl-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva u li, konsegwentement, ma humiex suġġetti għall-proċeduri partikolari u stretti previsti minn din l-istess direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Consorzio Stabile Libor Lavori Pubblici, EU:C:2014:2063, punt 37).

37

Barra minn hekk, il-premessa 101 tad-Direttiva 2014/24, adottata wara li seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi li l-awtoritajiet kontraenti għandhom jkollhom il-possibbiltà li jeskludu l-operaturi ekonomiċi, b’mod partikolari, minħabba kondotta professjonali ħażina, bħall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, peress li tali kondotta ħażina tista’ tqiegħed fid-dubju l-integrità ta’ operatur ekonomiku, turi li l-kawża ta’ esklużjoni msemmija fil-punt 35 ta’ din is-sentenza titqies li hija ġġustifikata fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 57(4)(d) ta’ din id-direttiva jipprevedi b’mod ċar u preċiż din il-kawża ta’ esklużjoni.

38

Għandu jingħad ukoll li, hekk kif Generali spjegat waqt is-seduta, hija ma tikkontestax il-possibbiltà li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, kawża ta’ esklużjoni minn kuntratt pubbliku bbażat fuq it-twettiq, mill-operatur ekonomiku kkonċernat, ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Dak li hija tikkontesta hija l-portata tal-Artikolu 61(1)(a) tal-Kbt li, fl-opinjoni tagħha, tikkostitwixxi kawża ta’ esklużjoni ta’ natura ġenerali li tmur ħafna lil hinn mill-kuntest tal-kawżi ta’ esklużjoni li jinsabu fl-Artikolu 45 tad-Direttiva 2004/18. Issa, kif tfakkar fil-punt 19 ta’ din is-sentenza, il-kawża prinċipali tirrigwarda l-esklużjoni ta’ Generali mill-parteċipazzjoni fil-kuntratt ikkonċernat minħabba l-fatt li hija wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u li għalhekk ġiet immultata. Għaldaqstant, eżami tal-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ kawżi ta’ esklużjoni oħra eventwalment koperti mill-imsemmija dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni Ungeriża ma huwiex rilevanti sabiex tinstab soluzzjoni għall-kwistjoni fil-kawża prinċipali.

39

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal preċedentement, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi preliminari hija li l-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE ma jipprekludux l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi l-parteċipazzjoni f’proċedura ta’ sejħa għal offerti ta’ operatur ekonomiku li jkun wettaq ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, ikkonstatat minn deċiżjoni ġudizzjarja li tkun kisbet is-saħħa ta’ res judicata, u li minħabba fih tkun ġiet imposta fuqu multa.

Fuq l-ispejjeż

40

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE ma jipprekludux l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi l-parteċipazzjoni f’proċedura ta’ sejħa għal offerti ta’ operatur ekonomiku li jkun wettaq ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, ikkonstatat minn deċiżjoni ġudizzjarja li tkun kisbet is-saħħa ta’ res judicata, u li minħabba fih tkun ġiet imposta fuqu multa.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.

Fuq