Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62013CC0439
Opinion of Advocate General Jääskinen delivered on 4 December 2014.#Elitaliana SpA v Eulex Kosovo.#Appeal — Public service contracts — Joint Action 2008/124/CFSP — Call for tenders for helicopter support for the Eulex Mission in Kosovo — Action brought against the decision awarding the contract — Article 24(1), second subparagraph, TEU — Article 275, first paragraph, TFEU — Common foreign and security policy (CFSP) — Jurisdiction of the Court — Article 263, first paragraph, TFEU — Meaning of ‘bodies, offices or agencies of the Union’ — Measures attributable to the European Commission — Excusable error.#Case C-439/13 P.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Jääskinen, ippreżentati fl-4 ta’ Diċembru 2014.
Elitaliana SpA vs Eulex Kosovo.
Appell – Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK – Sejħa għal offerti dwar l-appoġġ permezz ta’ ħelikopter għall-missjoni Eulex Kosovo – Azzjoni kontra d-deċiżjoni ta’ għoti – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE – L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 275 TFUE – Politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – L‑ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE – Kunċett ta’ ‘korp jew ta’ organu tal-Unjoni’ – Miżuri imputabbli lill-Kummissjoni Ewropea – Żball skużabbli.
Kawża C-439/13 P.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Jääskinen, ippreżentati fl-4 ta’ Diċembru 2014.
Elitaliana SpA vs Eulex Kosovo.
Appell – Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK – Sejħa għal offerti dwar l-appoġġ permezz ta’ ħelikopter għall-missjoni Eulex Kosovo – Azzjoni kontra d-deċiżjoni ta’ għoti – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE – L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 275 TFUE – Politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – L‑ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE – Kunċett ta’ ‘korp jew ta’ organu tal-Unjoni’ – Miżuri imputabbli lill-Kummissjoni Ewropea – Żball skużabbli.
Kawża C-439/13 P.
Rapporti tal-qorti - ġenerali
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2014:2416
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
JÄÄSKINEN
ippreżentati fl-4 ta’ Diċembru 2014 ( 1 )
Kawża C‑439/13 P
Elitaliana SpA
vs
Eulex Kosovo
“Appell — Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK — Sejħa għal offerti dwar appoġġ permezz ta’ ħelikopter għall-missjoni Eulex Kosovo — Deċiżjoni li l-kuntratt jingħata lil offerent ieħor li ma huwiex l-appellanti — Rikors għal annullament u talba għall-kumpens għad-dannu allegatament imġarrab — ‘Korpi jew organi ta’ l-Unjoni’ fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE — Identifikazzjoni tal-konvenuta korretta għal deċiżjonijiet meħuda mill-kap tal-missjoni — Inammissibbiltà tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea — Żball skużabbli — Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva”
I – Introduzzjoni
1. |
Fl-4 ta’ Frar 2008, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta l-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo, EULEX KOSOVO ( 2 ). |
2. |
Fil-kuntest ta’ din il-missjoni, ġie ppubblikat avviż ta’ kuntratt ristrett li jikkonċerna proġett intitolat “Appoġġ permezz ta’ ħelikopter għall-missjoni Eulex Kosovo” intiż sabiex jiġi konkluż kuntratt ta’ servizz. Elitaliana SpA (iktar ’il quddiem “Elitaliana”) ipparteċipat f’dan il-kuntratt. L-offerta tagħha ġiet ikklassifikata fit-tieni post. Il-kap tal-missjoni tal-Eulex Kosovo kkonċeda l-kuntratt inkwistjoni lill-offerent li l-offerta tiegħu ġiet ikklassifikata fl-ewwel post. |
3. |
Elitaliana ppreżentat rikors kontra Eulex Kosovo quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea. |
4. |
Fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, Eulex Kosovo qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata l-ewwel nett fuq l-assenza ta’ locus standi ta’ konvenuta ta’ Eulex Kosovo u t-tieni nett fuq in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali f’dak li jikkonċerna l-atti dwar il-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK). |
5. |
B’digriet tal-Qorti Ġenerali Elitaliana vs Eulex Kosovo ( 3 ) (iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”), din ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli. |
6. |
B’dan l-appell, Elitaliana titlob l-annullament tad-digriet appellat. |
7. |
Fil-kuntest ta’ dan l-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tindirizza l-kwistjoni dwar jekk Eulex Kosovo hijiex legalment responsabbli għad-deċiżjonijiet meħuda mill-kap ta’ din il-missjoni u, b’mod iktar partikolari, jekk jistax jiġi ppreżentat rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE kontra Eulex Kosovo, kwistjoni li tidher mingħajr preċedent. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu pożizzjoni wkoll dwar l-allegazzjonijiet ta’ Elitaliana rigward ksur tad-dritt fundamentali għal rimedju effettiv u l-eżistenza ta’ żball skużabbli min-naħa tagħha f’dak li jikkonċerna l-identifikazzjoni tal-konvenuta fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali. |
II – Il-kuntest ġuridiku
8. |
Skont l-Artikolu 1(1) tal-Azzjoni Konġunta 2008/124, Eulex Kosovo nħolqot mill-Unjoni Ewropea bħala missjoni “għall-Istat tad-Dritt” fil-Kosovo. |
9. |
Mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2, tal-Azzjoni Konġunta 2008/124, jirriżulta li Eulex Kosovo tassisti lill-istituzzjonijiet tal-Kosovo, lill-awtoritajiet ġudizzjarji u lil agenziji tal-infurzar tal-liġi fil-progress tagħhom lejn is-sostenibbiltà u r-responsabbiltà u fl-iżvilupp u t-tisħiħ ulterjuri ta’ sistema ġudizzjarja multietnika indipendenti u servizz tal-pulizija u tad-dwana multietniku, b’mod li dawn l-istituzzjonijiet ikunu ħielsa minn kwalunkwe interferenza politika u jaderixxu mal-istandards rikonoxxuti fl-ambitu internazzjonali u mal-aħjar prattika Ewropea. |
10. |
L-Artikolu 6 tal-Azzjoni Konġunta 2008/124 jistabbilixxi l-istruttura ta’ Eulex Kosovo. Fil-fatt il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jipprovdi li din hija missjoni ta’ politika Ewropea ta’ sigurtà u ta’ difiża (PESD) unifikata fil-Kosovo kollu. Skont il-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu, Eulex Kosovo għandha tistabbilixxi l-kwartier ġenerali prinċipali tagħha u uffiċċji reġjonali u lokali fil-Kosovo, element ta’ appoġġ lil Brussell (il-Belġju) u uffiċċji ta’ kollegament, kif meħtieġ. Skont il-paragrafu 3 tal-istess artikolu, Eulex Kosovo hija kkostitwita minn kap tal-missjoni u l-persunal kif ukoll minn komponent tal-pulizija, tal-ġustizzja u doganali. |
11. |
Skont l-Artikolu 7(1) u (2) tal-Azzjoni Konġunta 2008/124, id-Direttur tal-Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija għandu jkun il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għal Eulex Kosovo, li, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) u l-awtorità ġenerali tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (RGħ), għandu jeżerċita kmand u kontroll ta’ Eulex Kosovo fil-livell strateġiku. Skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, għandu jiżgura implementazzjoni xierqa u effettiva tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-KPS, anki billi jagħti struzzjonijiet fil-livell strateġiku, jekk meħtieġ, lill-kap tal-missjoni billi jipprovdilu konsulenza u appoġġ tekniku. |
12. |
L-Artikolu 11 tal-Azzjoni Konġunta 2008/124 jippreżenta l-linja ta’ kmand ta’ Eurlex Kosovo. Skont il-paragrafu 2 tiegħu, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u r-RGħ, il-KPS għandu jeżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika ta’ Eulex Kosovo. Skont il-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-artikolu, il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, li huwa l-kmandant fil-livell strateġiku ta’ Eulex Kosovo, għandu jirrapporta lill-Kunsill permezz tar-RGħ. Il-paragrafu 5 ta’ din id-dispożizzjoni jistabbilixxi li l-kap tal-missjoni għandu jeżerċita l-kmand u l-kontroll ta’ Eulex Kosovo fuq il-post u għandu jkun direttament responsabbli lejn il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili. |
13. |
Fl-aħħar nett, mill-Artikolu 12(1) tal-Azzjoni Konġunta 2008/124 jirriżulta li l-KPS għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill, il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-missjoni. |
III – Il- “miżuri kontenzjużi ”, il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, id-digriet appellat u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
A – Il-miżuri kontenzjużi
14. |
L-adozzjoni tal-miżuri kontenzjużi hija deskritta kif ġej fid-digriet appellat:
|
B – Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali
15. |
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, sa fejn hija rilevanti għal dan l-appell, tista’ tiġi deskritta fil-qosor kif ġej. |
16. |
B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑23 ta’ Mejju 2012, Elitaliana ppreżentat rikors kontra Eulex Kosovo sabiex:
|
17. |
B’att separat imressaq fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑14 ta’ Settembru 2012, Eulex Kosovo qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Eulex Kosovo talbet li r-rikors jiġi miċħud bħala inammissibbli u li Elitaliana tiġi kkundannata għall-ispejjeż kollha. |
18. |
Fit-28 ta’ Novembru 2012, Elitaliana ressqet l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, filwaqt li talbet li tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà u, fi kwalunkwe każ, tipproċedi bin-notifika tar-rikors lill-istituzzjoni kkunsidrata bħala l-konvenuta. |
C – Id-digriet appellat
19. |
Bid-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ddikjarat ir-rikors bħala inammissibbli abbażi tal-ewwel motiv ta’ inammissibbiltà invokat mill-konvenuta. |
20. |
L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali analizzat l-eċċezzjoni mqajma minn Eulex Kosovo li sostniet “li hija ma għandhiex locus standi sabiex tkun il-konvenuta fil-kawża odjerna peress li hija ma tgawdix mill-istatus ta’ entità indipendenti” (digriet appellat, punti 18 sa 37). |
21. |
Il-Qorti Ġenerali bdiet l-analiżi tagħha bil-kwistjoni dwar jekk Eulex Kosovo kellhiex locus standi sabiex tkun il-konvenuta, b’mod iktar preċiż jekk Eulex Kosovo tikkostitwixxix korp jew organu tal-Unjoni fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (digriet appellat, punti 19 sa 21). |
22. |
Wara li analizzat il-formulazzjoni tal-Artikoli 1(1), 6, 7(1) u (2), u 11 tal-Azzjoni Konġunta 2008/124, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet kif ġej (digriet appellat, punt 26): “Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet suesposti, Eulex Kosovo ma għandhiex personalità ġuridika u ma huwiex previst li hija tista’ tkun parti fi proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni.” |
23. |
Il-Qorti Ġenerali, wara li kkonstatat li Elitaliana kienet qiegħda titlob l-annullament tal-miżuri meħuda minn Eulex Kosovo fil-kuntest tal-għoti ta’ kuntratt, analizzat l-imputabbiltà tad-deċiżjoni inkwistjoni, billi kkonkludiet kif ġej (digriet appellat, punt 34): “F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-atti adottati mill-kap ta’ Eulex Kosovo fil-kuntest tal-proċedura tal-għoti tal-kuntratt inkwistjoni huma imputabbli lill-Kummissjoni li għandha l-locus standi skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Għaldaqstant, dawn l-atti jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, b’mod konformi mar-rekwiżiti tal-prinċipju ġenerali, invokat mir-rikorrenti, li l-atti kollha li jirriżultaw minn istituzzjoni, entità jew korp tal-Unjoni intiżi li jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ terzi għandhom ikunu jistgħu jiġu mistħarrġa ġudizzjarjament”. Il-Qorti Ġenerali żiedet tgħid ukoll (digriet appellat, punt 35) li “[k]onsegwentement, Eulex Kosovo ma għandhiex locus standi sabiex tkun konvenuta”. |
24. |
Fit-tieni lok, Eitaliana sostniet sussidjarjament li, fl-ipoteżi li Eulex Kosovo ma għandhiex il-locus standi sabiex tkun konvenuta, il-Qorti Ġenerali, fl-ewwel lok, tista’ tidentifika l-parti li fil-konfront tagħha tista’ tinfetaħ il-kawża (digriet appellat, punt 38). |
25. |
Madankollu, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, f’dan il-każ, l-indikazzjoni ta’ Eulex Kosovo fir-rikors ma tikkostitwixxix żball min-naħa ta’ Elitaliana. Għall-kuntrarju, mill-kontenut tar-rikors jirriżulta b’mod ċar li Elitaliana kellha l-intenzjoni li tippreżenta r-rikors espressament kontra Eulex Kosovo li, skont Elitaliana, tikkostitwixxi korp jew organu tal-Unjoni fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, fatt, li barra minn hekk, ġie kkonfermat minn Elitaliana fl-osservazzjonijiet tagħha fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà (digriet appellat, punt 39). |
26. |
It-tieni nett, Elitaliana talbet lill-Qorti Ġenerali tagħtiha l-benefiċċju tal-iżball skużabbli u f’dan ir-rigward tinvoka l-ġurisprudenza li tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ tali żball jekk l-istituzzjoni kkonċernata tkun adottat aġir ta’ natura, li waħdu jew f’miżura determinanti joħloq konfużjoni ammissibbli fil-moħħ ta’ individwu ta’ bona fide u li juri d-diliġenza kollha mitluba minn operatur ta’ esperjenza raġonevoli (digriet appellat, punt 40). |
27. |
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-eżistenza ta’ żball skużabbli tista’, skont il-ġurisprudenza invokata minn Elitaliana, tirriżulta biss fil-konsegwenza li r-rikors ma jkollux jiġi miċħud minħabba t-tardività tiegħu. Issa, f’dan il-każ, huwa stabbilit li Elitaliana osservat it-terminu għall-preżentata tar-rikors (digriet appellat, punt 42). |
28. |
Il-Qorti Ġenerali nnotat ukoll li Elitaliana fl-ebda mument ma ppreżentat rikors kontra xi parti oħra li ma hijiex Eulex Kosovo, iżda li hija sempliċiment talbet lill-Qorti Ġenerali tidentifika l-parti konvenuta li kontra tagħha kellu jiġi ppreżentat dan ir-rikors sabiex dan ikun ammissibbli (digriet appellat, punt 42). |
29. |
Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet l-analiżi tagħha kif ġej fil-punt 45 tad-digriet appellat: “Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li, minħabba nuqqas ta’ locus standi ta’ Eulex Kosovo, ir-rikors ippreżentat kontra din tal-aħħar mir-rikorrenti huwa inammissibbli, kemm sa fejn dan jikkonċerna t-talba għall-annullament kif ukoll sa fejn jikkonċerna t-talba għal ħlas ta’ kumpens għad-danni li hija marbuta mill-qrib mat-talbiet għal annullament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja [Bossi vs Il-Kummissjoni, 346/87, EU:C:1989:59] punt 31, u d-digriet Elti vs Id-Delegazzjoni tal-Unjoni għall-Montenegro, [T‑395/11, EU:T:2012:274] [...], punt 74, u l-ġurisprudenza ċċitata), mingħajr il-bżonn li tingħata deċiżjoni fuq l-allegata inkompetenza tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-atti adottati abbażi tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat [UE] relatati mal-PESK.” |
D – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
30. |
Bl-appell tagħha, Elitaliana titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-digriet appellat u tilqa’ r-rikors tal-ewwel istanza jew, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża, tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali. |
31. |
Eulex Kosovo titlob li l-appell jiġi miċħud u li Elitaliana tiġi kkundannata għall-ispejjeż. |
IV – Fuq l-aggravji tal-appell
32. |
Insostenn tal-appell, Elitaliana tqajjem tliet aggravji, jiġifieri:
|
33. |
It-tliet aggravji huma ppreċeduti minn taqsima intitolata “Premessa” ( 7 ) li tagħmel riferiment għall-“prinċipju tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva [...] stabbilit illum mill-Artikoli 6 u 13 [tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il‑‘KEDB’)]”, li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tirrikonoxxi “billi tilqa’ l-aggravji li ġejjin”. |
34. |
Huwa xieraq li l-analiżi tibda b’din il-premessa. |
A – Fuq il- “premessa ”
1. L-argumenti tal-partijiet
35. |
Elitaliana tittratta dan il-prinċipju kif ġej:
|
36. |
Eulex Kosovo ssostni li dan l-argument ġie ppreżentat, sussidjarjament, minn Elitaliana, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li għandha ġurisdizzjoni, li Eulex Kosovo tiċħad. Fi kwalunkwe każ, il-konvenuta tqis li l-Qorti Ġenerali ma kisritx l-Artikoli 6 u 13 tal-KEDB. |
2. Evalwazzjoni
37. |
Elitaliana ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikoli 6 u 13 tal-KEDB meta kkonstatat li Eulex Kosovo ma għandhiex personalità ġuridika u meta ċaħdet l-iżball skużabbli f’dak li jikkonċerna l-identità tal-konvenuta. |
38. |
Ikun xieraq li jiġi ppreċiżat qabelxejn li l-prinċipji previsti fl-Artikoli 6 u 13 tal-KEDB jikkorrispondu għal dawk minn issa ’l quddiem stabbiliti fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) li, fil-prinċipju, kellu l-għan li japplika fil-każ inkwistjoni. Madankollu, ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta ma jistax jiġi invokat fil-każ ħlief jekk ir-rikorsi mibdija kontra l-istituzzjonijiet li l-ġurisdizzjoni tagħhom hija plawżibbli jiġu ddikjarati inammissibbli għal raġunijiet mhux proċedurali u li, f’dan il-każ, min iressaq it-talba ma jkollu ebda rikors ġudizzjarju effettiv ( 8 ). |
39. |
Ir-rikors mibdi quddiem il-Qorti Ġenerali kien kontra parti li, skontha, ma hijiex il-konvenuta t-tajba. Mill-appell jirriżulta li Elitaliana tqis li din il-konstatazzjoni hija ekwivalenti għal ksur tad-drittijiet fundamentali tagħha, li f’dan il-każ huma ggarantiti mill-Artikolu 47 tal-Karta. |
40. |
Ninnota li l-konstatazzjoni li Eulex Kosovo ma hijiex il-konvenuta t-tajba, kemm minħabba li din ma għandhiex locus standi in judicio, kif ukoll għal raġunijiet oħrajn, ma tippermettix li tiġi konkluża l-assenza ta’ protezzjoni ġudizzjarja. |
41. |
Fil-fatt, il-problema fir-rigward tal-Artikolu 47 tal-Karta hija evidentement prematura. Jekk l-azzjoni nbdiet kontra parti li ma hijiex il-konvenuta t-tajba, konsegwentement, ma għandux ikun hemm ksur tal-imsemmi artikolu. Is-sitwazzjoni ta’ Elitaliana ma tistax tiġi analizzata fir-rigward ta’ din id-dispożizzjoni ħlief fil-każ fejn tiġi ppreżentata azzjoni kontra l-konvenuta t-tajba quddiem il-qorti kompetenti, li tikkonstata l-assenza ta’ rimedji ġudizzjarji. |
42. |
Għaldaqstant l-argument imressaq minn Elitaliana dwar dan il-punt huwa ineffettiv. Fir-rigward tal-allegazzjoni li kien diffiċli ferm għal Elitaliana li tidentifika l-konvenuta li kellha tressaq quddiem il-Qorti Ġenerali, se nerġa’ nittratta dan il-punt fil-kuntest tat-tielet aggravju. |
B – Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta ’ rikonoxximent ta ’ Eulex Kosovo bħala korp jew organu tal-Unjoni fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE
1. L-argumenti tal-partijiet
43. |
Bl-ewwel aggravju tagħha, Elitaliana ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li “Eulex Kosovo ma għandhiex personalità ġuridika u [li] ma huwiex previst li hija tista’ tkun parti fi proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni” (digriet appellat, punt 26). Elitaliana ssostni li Eulex Kosovo għandha l-karatteristiċi kollha meħtieġa biex titqies bħala korp jew organu tal-Unjoni fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. |
44. |
Eulex Kosovo titlob li dan l-aggravju jiġi miċħud. |
2. Evalwazzjoni
45. |
Għandu jiġi nnotat li, f’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-mekkaniżmu ta’ stħarriġ ġudizzjarju previst fl-Artikolu 263 TFUE japplika għall-korpi u għall-organi stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni li ngħataw setgħat biex jadottaw atti legalment vinkolanti fir-rigward ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi f’oqsma speċifiċi, bħall-Aġenzija Ewropea dwar is-Sikurezza fl-Avjazzjoni (EASA), l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA), l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), l-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (CPVO) u l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinji) (UASI) ( 9 ). |
46. |
Biex jiġi evalwat jekk korp jew organu jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-definizzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, għandu jiġi eżaminat l-istrument li joħloq din l-entità. Il-ġurisprudenza tippermetti li f’dan ir-rigward jiġu stabbiliti tal-inqas żewġ kriterji ( 10 ) li Eulex Kosovo ma jidhirx li tissodisfa. |
47. |
L-ewwel nett, l-Azzjoni Konġunta 2008/124 ma tipprevedix li Eulex Kosovo għandha l-personalità ġuridika, bħalma huwa ħafna drabi l-każ, pereżempju f’dak li jikkonċerna l-atti li joħolqu l-aġenziji ( 11 ), u lanqas il-locus standi quddiem il-qrati tal-Unjoni ( 12 ). |
48. |
It-tieni nett, l-atti li jistabbilixxu l-korpi jew l-organi tal-Unjoni ħafna drabi jkun fihom dispożizzjoni li ssemmi l-artikolu rilevanti tat-Trattat u li tiddefinixxi fl-istess ħin il-portata tar-rikors ( 13 ). Madankollu, fl-Azzjoni Konġunta 2008/124 tali dispożizzjoni ma teżistix. |
49. |
Insostenn tat-talbiet tagħha, Elitaliana tinvoka s-sentenza tal-Qorti Ġenerali Sogelma vs EAR ( 14 ). F’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali analizzat il-ġurisdizzjoni tagħha biex tagħti deċiżjoni dwar rikors ippreżentat fuq il-bażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE (illum l-Artikolu 263 TFUE), kontra att tal-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni (EAR). Madankollu, din is-sentenza ngħatat f’kuntest kompletament differenti, peress li l-Qorti Ġenerali kkonstatat b’mod preċiż li l-EAR hija organu Komunitarju b’personalità ġuridika u li r-regolament li jistabbilixxi l-aġenzija jipprevedi espressament il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 15 ). |
50. |
Il-fatt li l-istrument kostituttiv jipprevedi espressament ir-rimedju ġudizzjarju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jikkonferma din ir-rabta mal-Artikolu 263 TFUE. Madankollu, l-assenza ta’ tali dispożizzjoni fiha nnifisha, fil-fehma tiegħi, ma tippermettix li tiġi kkonstatata l-assenza ta’ tali rabta. |
51. |
Fil-fatt, anki fl-assenza ta’ dispożizzjoni espressa li tagħti lill-entità inkwistjoni l-personalità ġuridika, inqis li l-formulazzjoni tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE toħloq preżunzjoni qawwija ħafna fis-sens li jekk l-istituzzjonijiet joħolqu entità li tista’ tieħu deċiżjonijiet li jaffettwaw lill-individwi, għandu xorta waħda jkun jeżisti rimedju ġudizzjarju. F’tali sitwazzjoni, din il-preżunzjoni ta’ rimedju ġudizzjarju tista’ tkun ammissibbli taħt kundizzjonijiet stretti ħafna. Entità li għandha identità distinta, li tibbenefika minn kompetenzi ġuridiċi proprji u li ġew attribwiti lilha kompiti ta’ ċerta natura, tista’ titqies benefiċjarja tal-locus standi in judicio jew tista’ titressaq quddiem il-qrati Ewropej anki fl-assenza ta’ dispożizzjoni espressa ( 16 ). |
52. |
L-eżami tal-Azzjoni Konġunta 2008/124 juri li din tirrigwarda missjoni konġunta tal-Kunsill u tal-Kummissjoni. Din l-azzjoni konġunta ma tistabbilixxix personalità ġuridika distinta għal Eulex Kosovo. Fil-fatt, skont l-Artikoli 11 u 12, il-Kunsill u l-KPS jeżerċitaw il-kontroll politiku u jiddeterminaw id-direzzjonijiet strateġiċi. Barra minn hekk, l-Artikolu 16 tagħha jissuġġetta l-aspett finanzjarju tal-missjoni għall-kontroll tal-Kummissjoni. |
53. |
Dawn l-elementi jwassluni biex nikkonkludi li, fil-kuntest tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, Eulex Kosovo ma hijiex korp jew organu previst mill-imsemmi artikolu. Din pjuttost hija missjoni konġunta bejn żewġ istituzzjonijiet. Madankollu, fil-fehma tiegħi, ma huwiex eskluż li, fil-prinċipju, tiġi rikonoxxuta l-personalità ġuridika tal-missjoni fuq il-bażi tal-evalwazzjoni funzjonali ( 17 ). Il-missjoni nħolqot minn att normattiv u hija kapaċi pereżempju li tieħu deċiżjonijiet li joħolqu effetti ġuridiċi fil-konfront ta’ terzi. Madankollu, l-ekonomija tal-Azzjoni Konġunta 2008/124 turi r-rieda li l-missjoni tiġi ssuġġetta għal dipendenza organika għaż-żewġ istituzzjonijiet imsemmija ( 18 ). Sitwazzjoni simili, f’dan il-każ bejn il-Kummissjoni u ċ-Ċentru għar-Riċerka Nukleari, ġiet analizzata diġà mill-Avukat Ġenerali Roemer fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Ufficio imposte consumo vs Il-Kummissjoni ( 19 ). Għalhekk, fil-każ inkwistjoni, din pjuttost tinvolvi struttura ta’ kooperazzjoni interistituzzjonali provviżorja milli organu li għandu eżistenza ġuridika proprja. |
54. |
F’tali ċirkustanzi jien tal-fehma li Eulex Kosovo ma tistax titqies bħala entità li kontriha jista’ jiġi ppreżentat rikors fuq il-bażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Għalhekk il-Qorti Ġenerali setgħet ġustament tikkonstata li Eulex Kosovo ma kinitx korp jew organu tal-Unjoni fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni. |
55. |
Konsegwentement, nipproponi li l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
C – Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq l-assimilazzjoni żbaljata tal-missjoni Eulex Kosovo mad-delegazzjonijiet tal-Unjoni
1. L-argumenti tal-partijiet
56. |
Bit-tieni aggravju tagħha, Elitaliana ssostni li l-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat ikkunsidrat li Eulex Kosovo kellha titqies bħala delegazzjoni tal-Kummissjoni, f’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali dwar id-delegazzjoni tal-Unjoni fil-Montenegro, u, konsegwentement, li l-Kummissjoni kienet fil-fatt l-istituzzjoni li kellha tiddefendi l-att inkwistjoni quddiem il-qrati tal-Unjoni skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (digriet appellat, punti 27 sa 35). |
57. |
Eulex Kosovo titlob li dan l-aggravju jiġi miċħud. |
2. Evalwazzjoni
a) Id-distinzjoni bejn id-delegazzjonijiet u l-missjonijiet
58. |
F’dak li jikkonċerna d-distinzjoni bejn delegazzjoni u missjoni, ikun xieraq li jiġu nnotati qabelxejn żewġ aspetti tal-preżenza tal-Unjoni ’l barra mit-territorju tal-Unjoni. |
59. |
L-ewwel aspett jikkonċerna l-preżenza u l-azzjoni esterni skont it-Trattat KE. F’dan il-kuntest hemm inklużi d-delegazzjonijiet f’pajjiżi terzi u f’organizzazzjonijiet internazzjonali. Il-ġurisprudenza, fil-parti l-kbira maħruġa mill-Qorti Ġenerali, hija ċara biżżejjed u, fil-fehma tiegħi, korretta. Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija bbażata fuq id-dispożizzjonijiet abitwali tat-Trattat, bħal dawk dwar ir-rikors għal annullament u l-kawża għad-danni. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, li tippreċedi d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona u l-ħolqien tal-SEAE ( 20 ) jirriżulta li, f’tali sitwazzjoni, il-konvenuta li għandha titressaq quddiem qorti hija tassew il-Kummissjoni. Id-delegazzjonijiet huma marbuta mal-Kummissjoni u kull rikors għandu jiġi ppreżentat kontra l-Kummissjoni ( 21 ). Fil-fatt, azzjoni diretta biss kontra delegazzjoni titqies bħala inammissibbli mill-Qorti Ġenerali ( 22 ). |
60. |
It-tieni aspett jikkonċerna l-azzjoni esterna fil-kuntest tal-PESK. Din tinvolvi b’mod partikolari azzjonijiet li joħolqu missjonijiet tal-PESK fil-pajjiżi terzi. Il-ġurisprudenza, li toħroġ ukoll mill-Qorti Ġenerali, ma hijiex żviluppata. Tressqu biss ftit azzjonijiet, u wara dawn ġew revokati u konsegwentement imħassra ( 23 ). Fost il-kawżi rari li wasslu għal deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, ikun xieraq li tiġi ċċitata l-kawża H vs Il-Kunsill et. Fid-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali tirreferi wkoll għad-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali dwar il-miżuri provviżorji ( 24 ). F’dak li jikkonċerna l-kawża prinċipali, H vs Il-Kunsill et, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli, madankollu bħalissa għaddej appell ( 25 ). Din il-kawża tirrigwarda l-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea fil-Bosnja-Ħerzegovina ( 26 ). Minħabba l-ftit deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar il-missjonijiet tal-PESK, għandu jiġu kkonstatat li l-ġurisprudenza fil-qasam għadha ’l bogħod milli tiġi stabbilita. |
61. |
Fil-fehma tiegħi, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali dwar id-delegazzjonijiet tal-Unjoni ma hijiex applikabbli għall-missjonijiet maħluqa mill-Unjoni, anki jekk dawn iż-żewġ tipi ta’ strutturi għandhom ċertament karatteristiċi simili bħall-assenza ta’ personalità ġuridika proprja. Għaldaqstant, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet espressi, għandha tiġi vverifikata n-natura reali tar-rabta bejn il-missjonijiet u l-istituzzjonijiet. |
62. |
Għandu jiġi enfasizzat li fid-digriet appellat ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali ma huwiex ibbażat fuq analoġija perfetta bejn il-pożizzjonijiet ta’ delegazzjoni u ta’ missjoni. Ċertament, il-Qorti Ġenerali ssemmi digriet dwar id-delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-Montenegro ( 27 ), iżda dan sar bl-intenzjoni li tfakkar li “l-atti adottati bis-saħħa tas-setgħat delegati jiġu normalment imputati lill-istituzzjoni deleganti, li għandha tiddefendi ġudizzjarjament l-att inkwistjoni” (digriet appellat, punt 33). Wara li fformulat din il-konstatazzjoni b’hekk iddeċidiet, fil-punt 34 tad-digriet appellat: “F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-atti adottati mill-kap ta’ Eulex Kosovo fil-kuntest tal-proċedura tal-għoti tal-kuntratt inkwistjoni huma imputabbli lill-Kummissjoni li għandha l-locus standi skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Għaldaqstant, dawn l-atti jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, b’mod konformi mar-rekwiżiti tal-prinċipju ġenerali, invokat mir-rikorrenti, li l-atti kollha li jirriżultaw minn istituzzjoni, entità jew korp tal-Unjoni intiżi li jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ terzi għandhom ikunu jistgħu jiġu mistħarrġa ġudizzjarjament.” |
63. |
Għalhekk, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni Elitaliana, il-Qorti Ġenerali ma assimilatx il-missjonijiet tal-PESK mad-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni. |
b) Ir-rabta bejn il-missjonijiet u l-istituzzjonijiet
64. |
Fir-rigward tal-ewwel aggravju, jien għadni kemm ikkonstatajt li Eulex Kosovo ma għandhiex il-karatteristiċi meħtieġa biex titqies bħala li għandha kapaċità proprja biex tiddefendi lilha nnifisha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Jien indikajt ukoll li l-missjoni Eulex Kosovo ma hijiex marbuta mal-Kummissjoni bħala delegazzjoni. Ikun xieraq għalhekk li wieħed jistħarreġ ir-rabta ta’ din il-missjoni mal-istituzzjonijiet. |
65. |
Mill-Azzjoni Konġunta 2008/124 jirriżulta li Eulex Kosovo ġiet maħluqa bħala entità separata mill-Kunsill u mill-Kummissjoni. B’mod partikolari, mill-elementi tal-Azzjoni Konġunta 2008/124 u l-kuntratt konkluż bejn il-kap tal-missjoni u l-Kummissjoni jirriżulta li, f’dak li jikkonċerna l-amministrazzjoni u l-aspetti finanzjarji, ir-rabtiet mal-Kummissjoni huma partikolarment stretti. Il-Qorti Ġenerali qieset li l-elementi, meħuda flimkien, jikkostitwixxu delega ta’ setgħat normalment eżerċitati mill-Kummissjoni lil Eulex Kosovo u l-kap tal-missjoni tagħha. Din tikkonkludi li l-atti adottati minn Eulex Kosovo, inkluż mill-kap tagħha, huma imputabbli fl-aħħar nett lill-Kummissjoni (digriet appellat, punt 34). Ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali jiżvolġi kif ġej:
|
66. |
Dan ir-raġunament, li jien nikkondividi, ma huwiex ikkaratterizzat minn żball ta’ liġi. Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, ġustament, li fl-assenza ta’ kapaċità ġuridika proprja, għandu jitfittex punt ta’ rabta mal-funzjonijiet inkwistjoni, li f’dan il-każ, jirrigwardaw il-miżuri meħuda fil-kuntest tal-proċedura tal-għoti tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni, mal-kwistjonijiet baġitarji. Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni Elitaliana, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali ma huwiex ibbażat fuq assimilazzjoni tal-missjoni Eulex Kosovo mad-delegazzjonijiet tal-Unjoni, iżda fuq approċċ funzjonali dwar il-kompiti inkwistjoni. |
67. |
Għaldaqstant, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu. |
D – Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq l-allegata assenza ta ’ żball skużabbli
1. L-argumenti tal-partijiet
68. |
Bit-tielet aggravju tagħha, Elitaliana ssostni li l-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, ikkunsidrat li ma kienx jeżisti żball skużabbli fl-identifikazzjoni tal-konvenuta, wara li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li “l-eżistenza ta’ żball skużabbli tista’ [...] tirriżulta biss fil-konsegwenza li r-rikors ma jkollux jiġi miċħud minħabba t-tardività tiegħu” (digriet appellat, punti 41 u 43). Elitaliana tqis li l-ġurisprudenza dwar l-iżball skużabbli tista’ tapplika wkoll għall-identità tal-konvenuta u titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tidentifika, jekk ikun il-każ, lill-konvenuta korretta. |
69. |
Eulex Kosovo titlob li dan l-aggravju jiġi miċħud. |
2. Evalwazzjoni
70. |
Jien nosserva mill-ewwel li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li, f’dan il-każ, l-indikazzjoni ta’ Eulex Kosovo fir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali ma kinitx tikkostitwixxi żball min-naħa ta’ Elitaliana (digriet appellat, punt 39). Madankollu, fid-digriet appellat il-Qorti Ġenerali ammettiet li “kien inkontestabbilment diffiċli [għal Elitaliana] li tidentifika l-parti li kienet responsabbli għall-miżuri inkwistjoni u li kellha l-locus standi sabiex tkun konvenuta” (punt 41). |
71. |
Din il-konstatazzjoni, li jidhirli li hija għalkollox iġġustifikata, hija bbażata fuq il-premessa, sostnuta mill-Qorti Ġenerali, li skontha l-azzjoni kellha tittieħed kontra l-Kummissjoni. |
72. |
Jien nikkondividi l-analiżi tal-Qorti Ġenerali li skontha l-ġurisprudenza dwar l-iżball skużabbli ma tistax tkun il-bażi tat-talbiet ta’ Elitaliana. Fil-fatt, din il-ġurisprudenza tirrigwarda t-termini proċedurali ( 28 ) u ma tistax tiġi invokata f’sitwazzjoni fejn ir-rikorrenti tieħu żball fl-identità tal-konvenuta. |
73. |
Anki jekk jiġi ammess tali żball, il-konvenuta li tkun ittieħdet l-azzjoni kontriha madankollu ma tistax tiġi rikonoxxuta lilha l-kapaċità ġuridika biex tkun tista’ tagħti risposta għaliha. Għalhekk, l-iżball skużabbli ma jistax jiġi invokat f’dan is-sens. Żball skużabbli jista’ jiġi applikat biss fi proċedura oħra ppreżentata kontra parti oħra u invokat bħala ġustifikazzjoni għat-tardività possibbli tar-rikors għal annullament u/jew għad-danni. |
74. |
Fl-aħħar nett, infakkar li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx pożizzjoni dwar l-allegat nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tagħha ( 29 ), u li fl-appell tagħha, Elitaliana ma kkontestatx id-digriet appellat f’dan ir-rigward. Din il-kwistjoni tista’ titqajjem f’rikors ieħor, u ladarba l-Qorti Ġenerali tkun iddeċidiet f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun f’pożizzjoni, fl-istadju tal-appell, li teżamina l-fondatezza tad-deċiżjoni meħuda mill-Qorti Ġenerali. Madankollu, fil-każ inkwistjoni, peress li l-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx, ma huwiex f’idejn il-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar dan il-punt. |
75. |
Il-Qorti Ġenerali għalhekk ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta kkonkludiet, fid-digriet appellat, li tiċħad il-motiv ta’ Elitaliana bbażat fuq żball skużabbli. |
76. |
Peress li l-ebda wieħed mill-aggravji ma huwa fondat, ikun xieraq li l-appell jiġi miċħud fl-intier tiegħu. |
V – Konklużjoni
77. |
B’dawn il-motivi, jien nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikors u tikkundanna lil Elitaliana SpA għall-ispejjeż. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) ĠU L 42, p. 92.
( 3 ) T‑213/12, EU:T:2013:292.
( 4 ) Punti 19 sa 32 tal-appell.
( 5 ) Punti 33 sa 39 tal-appell.
( 6 ) Punti 40 sa 47 tal-appell.
( 7 ) Punti 16 sa 18 tal-appell.
( 8 ) Ninnota li fid-digriet H vs Il-Kunsill et (T‑271/10, EU:T:2014:702) il-Qorti Ġenerali qieset li, skontha, kien jeżisti rimedju ġudizzjarju, f’dan il-każ quddiem l-awtoritajiet nazzjonali.
( 9 ) Ara s-sentenzi Ir-Renju Unit vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑270/12, EU:C:2014:18, punt 81) kif ukoll Liivimaa Lihaveis (C‑562/12, EU:C:2014:2229, punt 46).
( 10 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Liivimaa Lihaveis (C‑562/12, EU:C:2014:155, punti 34 sa 36).
( 11 ) Ara, pereżempju, l-Artikolu 100(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi [ECHA], li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, p. 1, u rettifika ĠU 2007, L 136, p. 3, iktar ’il quddiem ir-“Regolament REACH”), li jipprevedi li l-imsemmija aġenzija għandha tkun korp tal-Komunità Ewropea u għandu jkollha personalità ġuridika. Barra minn hekk, fil-baġit tal-Unjoni, il-korpi maħluqa mill-Unjoni Ewropea u li jkollhom il-personalità ġuridika jiġu ttrattati apparti; ara, f’dan is-sens, id-dokument COM(2012) 300, tal-25 ta’ Mejju 2012 intitolat “Draft General Budget of the European Commission for the Financial Year 2013. Working Document Part III. Bodies set up by the European Union and having legal personality” (dokument disponibbli bl-Ingliż).
( 12 ) Huwa għalkollox possibbli, fid-dritt privat u fid-dritt pubbliku, li entità mingħajr personalità ġuridika proprja jkollha xorta waħda l-locus standi quddiem il-qrati. Dwar il-locus standi in judicio, ara s-sentenza Überseering (C‑208/00, EU:C:2002:632) u l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża VALE Építési (C‑378/10, EU:C:2011:841, punt 37).
( 13 ) Ara, pereżempju, l-Artikolu 94(1) tar-Regolament REACH li jipprevedi li tista’ tinġieb azzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali jew il-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 263 TFUE, li tikkontesta deċiżjoni meħuda mill-Bord tal-Appell tal-ECHA jew, f’każijiet fejn ma jkunx hemm dritt ta’ appell quddiem dan il-Bord, minn deċiżjoni tal-ECHA.
( 14 ) T‑411/06, EU:T:2008:419.
( 15 ) Sentenza Sogelma vs EAR (EU:T:2008:419, punti 34 u 50).
( 16 ) Madankollu għandu jiġi enfasizzat li dan il-każ huwa differenti mis-sentenza Les Verts vs Il-Parlament (294/83, EU:C:1986:166, punti 23 u 24).
( 17 ) Fuq l-approċċ funzjonali, ara d-Deċiżjoni 2010/427/UE tal-Kunsill, tas-26 ta’ Lulju 2010, li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU L 201. p. 30), li fl-Artikolu 1 tagħha tipprovdi li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) “għandu jkun korp funzjonalment [li jopera b’mod] awtonomu tal-Unjoni Ewropea, separat mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea] u mill-Kummissjoni [Ewropea], bil-kapaċità legali meħtieġa li jwettaq il-kompiti tiegħu u jilħaq l-objettivi tiegħu” (korsiv magħmul minni). Ara wkoll M. Gatti, “Diplomats at the Bar: The European External Action Service before EU Courts”, European Law Review, 2014, p. 664.
( 18 ) Għall-kuntrarju tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna SEAE, li, skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni 2010/427 huwa korp li jopera b’mod awtonomu u li għandu leġittimazzjoni passiva, Eulex Kosovo ma għandhiex l-istess karatteristiċi. L-elementi ppreżentati minn Eulex Kosovo fir-risposta tagħha jistgħu jiġu spjegati fil-qasir kif ġej. Fl-ewwel lok, Eulex Kosovo pjuttost għandha statut ta’ operazzjoni ta’ maniġġar ta’ kriżi taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill li stabbilixxiha u li jeżerċita kontroll politiku u direzzjoni strateġika. Fit-tieni lok, ir-rieda tal-leġiżlatur li jara l-missjonijiet bħala sempliċi “operazzjonijiet” u mhux bħala korpi hija enfasizzata mill-fatt li l-Istati Membri jissekondaw persunal fil-“kmand” lill-missjoni, iżda li “[l]-Istat Kontribwenti jew l-istituzzjoni ta’ l-[Unjoni] li jkunu ssekondaw membru tal-persunal [lil Eulex Kosovo] għandhom ikunu responsabbli sabiex iwieġbu għal kwalunkwe pretensjoni marbuta ma’ l-issekondar, minn jew rigward membru tal-persunal. L-Istat Membru jew l-istituzzjoni ta’ l-[Unjoni] in kwistjoni għandhom ikunu responsabbli mit-tressiq ta’ kwalunkwe azzjoni kontra l-persuna sekondata” (ara l-Artikolu 10(2) tal-Azzjoni Konġunta 2008/124). Fit-tielet lok, il-pajjiżi terzi jipparteċipaw fl-attivitajiet ta’ Eulex Kosovo. Fir-raba’ lok, il-kap tal-missjoni Eulex Kosovo kkonkluda kuntratt mal-Kummissjoni li skontu “l-Kummissjoni rreklutat lil Xavier Bout de Marnhac bħala konsulent speċjali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] li għalhekk ma ġiex irreklutat fuq il-bażi ta’ kompetizzjoni skont il-proċedura tal-korpi tal-istituzzjonijiet Ewropej iżda bħala konsulent indipendenti għal żmien determinat.
( 19 ) 2/68‑IMM, EU:C:1968:45, p. 647.
( 20 ) Ara n-nota 17 f’qiegħ il-paġna.
( 21 ) Sentenza IDT Biologika vs Il-Kummissjoni (T‑503/10, EU:T:2012:575).
( 22 ) Digriet Tecnoprocess vs Il-Kummissjoni u Delegazzjoni tal-Unjoni fil-Marokk (T‑264/09, EU:T:2011:319).
( 23 ) Ara, pereżempju, id-digrieti Fucci vs MINUK (T‑51/05, EU:T:2005:175), kif ukoll Unity OSG FZE vs Il-Kunsill u EUPOL Afganistan (T‑511/08, EU:T:2010:138).
( 24 ) Ara d-digriet H vs Il-Kunsill et (T‑271/10 R, EU:T:2010:315) kif ukoll id-digriet ikkontestat (punt 26).
( 25 ) Ara d-digriet H vs Il-Kunsill et (EU:T:2014:702) u l-kawża H vs Il-Kunsill et (C‑455/14 P), pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
( 26 ) Ara l-Azzjoni Konġunta 2002/210/PESK tal-Kunsill, tal-11 ta’ Marzu 2002, fuq il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 278) u d-Deċiżjoni 2009/906/PESK tal-Kunsill, tat‑8 ta’ Diċembru 2009, dwar il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea (MPUE) fil-Bosnja u Ħerzegovina (ĠU L 322, p. 22).
( 27 ) Digriet Elti vs Id-Delegazzjoni tal-Unjoni għall-Montenegro (T‑395/11, EU:T:2012:274).
( 28 ) Ara d-digriet ikkontestat (punt 40).
( 29 ) Ara l-punt 45 tad-digriet appellat iċċitat fil-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Barra minn hekk jidhirli li, fid-digriet appellat, sar żball tal-ittajpjar fl-imsemmi punt 45. Minflok “atti adottati abbażi tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE relatati mal-PESK” għandha probabbilment tinqara “atti adottati abbażi tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat UE relatati mal-PESK”. Din l-istess osservazzjoni għandha tapplika għall-punt 18 tad-digriet appellat..