Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62012CJ0103
Judgment of the Court (Grand Chamber), 26 November 2014.#European Parliament and European Commission v Council of the European Union.#Actions for annulment — Decision 2012/19/EU — Legal basis — Article 43(2) and (3) TFEU — Bilateral agreement authorising utilisation of the surplus of allowable catch — Choice of the third country that the European Union authorises to utilise living resources — Exclusive economic zone — Policy decision — Fixing fishing opportunities.#Joined Cases C‑103/12 and C‑165/12.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-26 ta’ Novembru 2014.
Il‑Parlament Ewropew u Il‑Kummissjoni Ewropea vs Il‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea.
Rikors għal annullament – Deċiżjoni 2012/19/UE ‑ Bażi legali – Artikolu 43(2) u (3) TFUE ‑ Ftehim bilaterali li jawtorizza l-użu ta’ dak li jifdal mill-volum ammissibbli tal-qbid ‑ Għażla tal-Istat terz ikkonċernat awtorizzat mill-Unjoni sabiex juża riżorsi bijoloġiċi ‑ Żona ekonomika esklużiva ‑ Deċiżjoni politika ‑ Iffissar tal-opportunitajiet ta’ sajd.
Kawżi magħquda C‑103/12 u C‑165/12.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-26 ta’ Novembru 2014.
Il‑Parlament Ewropew u Il‑Kummissjoni Ewropea vs Il‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea.
Rikors għal annullament – Deċiżjoni 2012/19/UE ‑ Bażi legali – Artikolu 43(2) u (3) TFUE ‑ Ftehim bilaterali li jawtorizza l-użu ta’ dak li jifdal mill-volum ammissibbli tal-qbid ‑ Għażla tal-Istat terz ikkonċernat awtorizzat mill-Unjoni sabiex juża riżorsi bijoloġiċi ‑ Żona ekonomika esklużiva ‑ Deċiżjoni politika ‑ Iffissar tal-opportunitajiet ta’ sajd.
Kawżi magħquda C‑103/12 u C‑165/12.
Rapporti tal-qorti - ġenerali
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2014:2400
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
26 ta’ Novembru 2014 ( *1 )
“Rikors għal annullament — Deċiżjoni 2012/19/UE — Bażi legali — Artikolu 43(2) u (3) TFUE — Ftehim bilaterali li jawtorizza l-użu ta’ dak li jifdal mill-volum ammissibbli tal-qbid — Għażla tal-Istat terz ikkonċernat awtorizzat mill-Unjoni sabiex juża riżorsi bijoloġiċi — Żona ekonomika esklużiva — Deċiżjoni politika — Iffissar tal-opportunitajiet ta’ sajd”
Fil-Kawżi magħquda C‑103/12 u C‑165/12,
li għandhom bħala suġġett rikorsi għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentati rispettivament fl-24 ta’ Frar u fit-3 ta’ April 2012,
Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn L. G. Knudsen kif ukoll minn I. Liukkonen u I. Díez Parra, bħala aġenti (C‑103/12),
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Bouquet u E. Paasivirta, bħala aġenti, iddomiċiljati l-Lussemburgu (C‑165/12),
rikorrenti,
vs
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn A. Westerhof Löfflerová u A. de Gregorio Merino, bħala aġenti,
konvenut,
sostnut minn:
Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, E. Ruffer u D. Hadroušek, bħala aġenti,
Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn N. Díaz Abad, bħala aġent,
Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u D. Colas kif ukoll minn N. Rouam, bħala aġenti,
Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata, minn B. Majczyna u M. Szpunar, bħala aġenti,
intervenjenti,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, L. Bay Larsen, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, A. Borg Barthet, J. Malenovský (Relatur), C. Toader, C. G. Fernlund u J. L. da Cruz Vilaça, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Novembru 2013,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Mejju 2014,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tar-rikorsi tagħhom, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/19/UE, tas-16 ta’ Diċembru 2011, dwar l-approvazzjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tad-Dikjarazzjoni dwar l-għoti ta’ opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-UE lil bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela fiż-żona ekonomika esklussiva ’l barra mill-kosta tal-Gujana Franċiża (ĠU 2012, L 6, p. 8, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt internazzjonali
|
2 |
Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, iffirmata f’Montego Bay fl-10 ta’ Diċembru 1982 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Montego Bay”), daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Novembru 1994. Din ġiet approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE tat-23 ta’ Marzu 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 3, p. 260). |
|
3 |
Ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela ma hijiex parti kontraenti fl-imsemmija konvenzjoni. |
|
4 |
L-Artikoli 55 sa 75 tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay jinsabu fil-Parti V tagħha, bit-titolu “Żona ekonomika esklużiva”. |
|
5 |
L-Artikolu 55 tal-imsemmija Konvenzjoni jistabbilixxi: “Iż-żona ekonomika esklussiva hija żona lil hinn u biswit tal-baħar territorjali, suġġetti għar-reġim legali speċifiku stabbilit f’din il-parti, permezz tad-drittijiet u l-ġurisdizzjoni ta’ l-Istat kostali u tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ l-Istati l-oħrajn li huma rregolati bid-disposizzjonijiet relevanti ta’ din il-Konvenzjoni.” |
|
6 |
Skont l-Artikolu 56(1) tal-istess konvenzjoni: “Fiż-żona ekonomika esklussiva, l-Istat kostali għandu:
[...]” |
|
7 |
L-Artikolu 61(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay jistabbilixxi li “[l]-Istat kostali għandu jiddetermina l-qabda permissibbli tar-riżorsi ħajjin fiż-żona ekonomika esklussiva”. |
|
8 |
L-Artikolu 62 tal-imsemmija konvenzjoni, bit-titolu “L-utilizzazzjoni tar-riżorsi ħajjin”, jipprovdi fil-paragrafi 1 sa 4 tiegħu: “1. L-Istat kostali għandu jħeġġeġ l-obbjettiv ta’ l-aqwa utilizzazzjoni tar-riżosi ħajjin fiż-żona ekonomika esklussiva mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 61. 2. L-Istat kostali għandu jiddetermina l-potenzjal tiegħu dwar il-qbid tar-riżorsi ħajjin fiż-żona ekonomika esklussiva. Meta l-Istat kostali ma jkollux il-kapaċità li jiġbor il-qabda permissibbli kollha, huwa għandu, permezz ta’ ftehim jew arranġamenti oħrajn u skond it-termini, l-kondizzjonijiet, il-liġijiet u r-regolamenti msemmija fil-paragrafu 4, jgħati lil Stati oħrajn aċċess għaż-żejjed tal-qabda permissibbli, wara li jkunu ħa l-qies xieraq tad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 69 u 70, speċjalment fir-rigward ta’ l-Istati li qiegħdin jiżviluppaw imsemmija hemmhekk. 3. Meta jagħti aċċess lil Stati oħrajn għaż-żona ekonomika esklussiva tiegħu permezz ta’ dan l-Artikolu, l-Istat kostali għandu jieħu akkont tal-fatturi relevanti kollha, inklużi, inter alia, is-sinifikanza tar-riżorsi ħajjin taż-żona għall-ekonomija ta’ l-Istat kostali kkonċernat u ta’ l-interessi nazzjonali l-oħrajn tiegħu, id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 69 u 70, il-ħtiġiet ta’ l-Istati li għadhom jiżviluppaw fis-subreġjun jew fir-reġjun fil-ġbir ta’ parti taż-żejjed u l-ħtieġa li tkun minimizzata d-dislokazzjoni [disturb] ekonomika fl-Istati li ċ-ċittadini tagħhom kienu abitwalment jistadu fiż-żona jew li jkun għamlu sforzi sostanzjali fir-riċerka u l-identifikazzjoni tal-ħażniet. 4. Ċittadini ta’ Stati oħrajn li jistadu fiż-żona ekonomika esklussiva għandhom ikunu konformi mal-miżuri tal-konservazzjoni u mat-termini u l-kondizzjonijiet l-oħrajn stabbiliti bil-liġijiet u r-regolamenti ta’ l-Istat kostali. Dawn il-liġijiet u regolamenti għandhom ikunu konsistenti ma din il-Konvenzjoni […]” |
Id-dritt tal-Unjoni
|
9 |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008, tad-29 ta’ Settembru 2008, dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità barra mill-ilmijiet tal-Komunità u l-aċċess ta’ bastimenti ta’ pajjiżi terzi għall-ilmijiet tal-Komunità, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93 u (KE) Nru 1627/94 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 3317/94 (ĠU L 286, p. 33), jipprovdi fl-Artikolu 18(1)(a) tiegħu li “[i]l-bastimenti tas-sajd ta’ pajjiżi terzi huma intitolati […] jipparteċipaw f’attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet [tal-Unjoni Ewropea] bil-kondizzjoni li dawn tkun inħarġitilhom awtorizzazzjoni tas-sajd [...]”. |
|
10 |
L-Artikolu 21(a) ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi li “[i]l-Kummissjoni għandha toħroġ biss awtorizzazzjoni tas-sajd għall-bastimenti tas-sajd ta’ pajjiż terz […] li huma eleġibbli għal awtorizzazzjoni tas-sajd taħt il-ftehim ikkonċernat u, fejn xieraq, ikunu inklużi fil-lista ta’ bastimenti notifikati li jwettqu attivitajiet tas-sajd taħt dak il-ftehim”. |
|
11 |
Skont l-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament: “Il-bastimenti tas-sajd ta’ pajjiż terz li għalihom tkun inħarġet awtorizzazzjoni tas-sajd skond dan il-Kapitolu għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-PKS dwar il-miżuri ta’ konservazzjoni u kontroll u dispożizzjonijiet oħra li jirregolaw is-sajd minn bastimenti tas-sajd tal-[Unjoni] fiż-żona tas-sajd li fiha joperaw, u d-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim ikkonċernat.” |
|
12 |
Ta’ kull sena l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jiffissa, b’regolamenti dwar l-ammont totali ammissibbli ta’ qbid u ta’ kwota, l-opportunitajiet ta’ sajd fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għall-bastimenti ta’ din tal-aħħar, f’ċerti ilmijiet li ma jappartjenux lill-Unjoni. |
|
13 |
Fost dawn ir-regolamenti hemm ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 44/2012, tas-17 ta’ Jannar 2012, li jiffissa għall-2012 l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli fl-ilmijiet tal-UE u, għall-bastimenti tal-UE, f’ċerti ilmijiet mhux tal-UE għal ċerti stokkijiet tal-ħut li huma suġġetti għal negozjati jew ftehimiet internazzjonali (ĠU L 25, p. 55). |
|
14 |
L-Artikolu 36(1) ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi li “[l]-għadd massimu ta’ awtorizzazzjonijiet tas-sajd għall-bastimenti ta’ pajjiżi terzi li jistadu fl-ilmijiet tal-[Union] huwa stipulat fl-Anness VIII”. |
|
15 |
Fir-rigward tal-ilmijiet tad-département d’outre-mer de la Guyane (Franza, iktar ’il quddiem il-“Gujana”), dan l-anness jiffissa bħala 45 in-numru ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ sajd applikabbli għall-bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Venezwela. In-nota ta’ qiegħ il-paġna tal-imsemmi anness, dwar ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, jispeċifika barra minn hekk li “[b]iex jinħarġu dawk l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd, għandha tiġi prodotta prova li jeżisti kuntratt validu bejn sid il-bastiment li qed japplika għall-awtorizzazzjoni tas-sajd u impriża tal-ipproċessar li tinsab [fil-Gujana] u li dan jinkludi obbligu tal-ħatt l-art ta’ mill-inqas 75 % tal-qabdiet kollha ta’ snapper mill-bastiment ikkonċernat f’dak id-dipartiment sabiex dawn ikunu jistgħu jiġu pproċessati fl-impjant ta’ dik l-impriża. […]” |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
16 |
Fit-30 ta’ Settembru 1977, il-Kunsill adotta r-Regolament (KEE) Nru 2159/77, li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1014/77, li jiffissa ċerti miżuri interim ta’ konservazzjoni u ta’ amministrazzjoni tar-riżorsi tas-sajd applikabbli fir-rigward tal-bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ ċerti pajjiżi terzi fiż-żona ta’ 200 mil mill-kosta tad-dipartiment Franċiż tal-Gujana (ĠU L 250, p. 15). Permezz ta’ dan ir-regolament, il-Kunsill awtorizza lill-bastimenti li jtajru l-bandiera Venezweljana biex jeżerċitaw l-attività tas-sajd fiż-żona ekonomika esklużiva li tinsab ’il barra mill-kosta tal-Gujana (iktar ’il quddiem iż-“żona ekonomika esklużiva tal-Gujana”). |
|
17 |
Din l-awtorizzazzjoni ġġeddet, b’mod perijodiku, permezz tar-regolamenti dwar l-ammont totali ammissibbli ta’ qbid u ta’ kwota li kienu jawtorizzaw tali opportunitajiet ta’ sajd minkejja l-fatt li l-ebda ftehim internazzjonali fil-qasam tas-sajd ma kien ġie konkluż mar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela. |
|
18 |
Il-Kummissjoni qieset li din is-sitwazzjoni kienet tikkostitwixxi lakuna legali u li kienet tirrappreżenta, fir-rigward tal-Artikolu 21(a) tar-Regolament Nru 1006/2008, ostakolu għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ sajd għall-bastimenti li jtarju l-bandiera Venezweljana f’dak li jikkonċerna ż-żona ekonomika esklużiva tal-Gujana. Konsegwentement, hija adottat, fis-7 ta’ Jannar 2011, proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-aċċess minn bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela għaż-żona ekonomika esklussiva ’l barra mill-kosta tad-dipartiment Franċiż tal-Gujana [COM(2010) 807]. Din il-proposta kienet intiża li tistabbilixxi bażi legali taħt id-dritt internazzjonali għall-attivitajiet tal-imsemmija bastimenti f’din iż-żona. Il-Kummissjoni pproponiet li tadotta l-imsemmija deċiżjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 43(2) TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a)(v) TFUE. |
|
19 |
Wara li eżamina l-imsemmija proposta, il-Kunsill iddeċieda li jemenda l-bażi legali tad-deċiżjoni li kellha tiġi adottata, billi bbażaha fuq l-Artikolu 43(3) TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(6)(b) TFUE. |
|
20 |
Skont dawn l-aħħar dispożizzjonijiet, il-Kunsill talab l-opinjoni tal-Parlament. |
|
21 |
Billi kkontesta l-għażla tal-imsemmija bażi legali, il-Parlament issuġġerixxa lill-Kunsill biex ibiddilha u jressaq quddiemu proposta ġdida bbażata fuq il-bażi legali inizjalment proposta mill-Kummissjoni. |
|
22 |
Il-Kunsill irrifjuta li jbiddel il-bażi legali tad-deċiżjoni li kellha tiġi adottata u bagħat lill-Parlament, b’ittri tat-28 ta’ Ottubru u tal-1 ta’ Diċembru 2011, żewġ talbiet għal eżami urġenti. Il-Parlament ċaħad dawn it-talbiet rispettivament fil-15 ta’ Novembru u fit-13 ta’ Diċembru 2011. Kull darba, huwa indika li ma kienx kontra din id-deċiżjoni fuq il-mertu, iżda kien iqis li l-bażi legali tagħha kienet inkorretta. |
|
23 |
Fis-16 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill, mingħajr ma stenna l-pożizzjoni tal-Parlament, adotta d-deċiżjoni kkontestata, u adottaha fuq il-bażi tal-Artikoli 43(3) TFUE u l-Artikolu 218(6)(b) TFUE. |
|
24 |
L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi: “Id-Dikjarazzjoni indirizzata lir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela dwar l-għoti ta’ opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-UE lil bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela fiż-żona ekonomika esklussiva ’l barra mill-kosta [tal-Gujana], hija b’dan approvata f’isem l-Unjoni Ewropea [iktar ’il quddiem id-‘dikjarazzjoni inkwistjoni’].” |
|
25 |
Din id-dikjarazzjoni, li ġiet annessa mal-imsemmija deċiżjoni, hija redatta kif ġej:
|
|
26 |
Fis-16 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill ikkomunika d-dikjarazzjoni inkwistjoni lir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela li kkonfermat li rċevietha fl-istess jum. |
|
27 |
Fis-17 ta’ Jannar 2012, il-Kunsill adotta r-Regolament Nru 44/2012 li l-bażi legali tiegħu huwa l-Artikolu 43(3) TFUE. |
|
28 |
B’nota tat-30 ta’ Jannar 2012, ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela talbet lill-Kunsill informazzjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk l-intenzjoni tal-Parlament li tikkontesta l-validità tad-deċiżjoni kkontestata setgħetx taffettwa l-attivitajiet ta’ sajd tal-bastimenti li jtajru l-bandiera Venezweljana fiż-żona ekonomika esklużiva tal-Gujana. |
|
29 |
Fl-20 ta’ Marzu 2012, l-imsemmi Stat bagħat lill-Kummissjoni, permezz tal-intermedjarju tal-awtoritajiet kompetenti Franċiżi, talbiet għall-awtorizzazzjoni ta’ sajd għall-bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Venezwela fl-imsemmija żona, li magħhom kellhom kuntratti konklużi mal-impriżi ta’ pproċessar li jinsabu fil-Gujana. |
|
30 |
Fis-26 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2012) 2162, li permezz tagħha hija awtorizzat 38 bastiment li jtajjar il-bandiera Venezweljana, elenkati fl-anness tagħha, biex ikunu jistgħu jistadu fiż-żona ekonomika esklużiva tal-Gujana. Skont l-Artikolu 2 tagħha, din id-deċiżjoni ġiet innotifikata lir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, bħala l-Istat tal-bandiera, u lir-Repubblika Franċiża, bħala l-Istat kostali tal-imsemmija żona. |
|
31 |
Fl-24 ta’ Frar u fit-3 ta’ April 2012, rispettivament il-Parlament u l-Kummissjoni ppreżentaw dawn ir-rikorsi. |
|
32 |
Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Mejju 2012, il-Kawżi C‑103/12 u C‑165/12 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza. |
|
33 |
B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Awwissu 2012, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika tal-Polonja ġew ammessi bħala intervenjenti insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. |
Fuq ir-rikorsi
|
34 |
Fil-Kawża C‑103/12, il-Parlament jinvoka żewġ motivi. Permezz tal-ewwel motiv, huwa jsostni li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq bażi legali żbaljata. Permezz tat-tieni motiv tiegħu, huwa sussidjarjament isostni li din id-deċiżjoni ġiet adottata fuq il-bażi ta’ dispożizzjoni proċedurali żbaljata. |
|
35 |
Fil-Kawża C‑165/12, il-Kummissjoni tqajjem tliet motivi, fejn l-ewwel motivi huwa maqsum fi tliet partijiet. Fil-kuntest tal-ewwel u tat-tieni partijiet tal-ewwel motiv, hija tqis li l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata hija żbaljata. Skont l-ewwel parti, il-Kunsill wettaq żball billi assimila d-dikjarazzjoni inkwistjoni mal-iffissar estern tal-opportunitajiet ta’ sajd. Skont it-tieni parti, dan tal-aħħar wettaq żball meta qies li l-issuġġettar tal-bastimenti li jtajru l-bandiera Venezweljana għad-dispożizzjonijiet tal-politika komuni tas-sajd jirriżulta minn dan l-iffissar estern tal-opportunitajiet ta’ sajd. Permezz tat-tielet parti tal-ewwel motiv tagħha, il-Kummissjoni tinvoka nuqqas ta’ motivazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni. Permezz tat-tieni motiv tagħha, hija ssostni li l-Kunsill kiser il-prerogattivi istituzzjonali tal-Parlament. It-tielet motiv huwa bbażat fuq żnaturament tal-proposta ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Jannar 2011. |
L-argumenti tal-partijiet
|
36 |
Permezz tal-ewwel motiv tar-rikors tal-Parlament u l-ewwel u t-tieni partijiet tal-ewwel motiv tal-Kummissjoni, dawn l-istituzzjonijiet isostnu li l-Kunsill wettaq żball meta adotta d-deċiżjoni kkontestata fuq il-bażi tal-Artikoli 43(3) TFUE u l-Artikolu 218(6)(b) TFUE u mhux fuq l-Artikolu 43(2) TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a)(v) TFUE. |
|
37 |
Il-Parlament u l-Kummissjoni jqisu, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 43(3) TFUE jikkostitwixxi deroga mill-bażi legali ġenerali prevista mill-Artikolu 43(2) TFUE, b’mod li dan il-paragrafu 3 għandu, bħal kull deroga minn regola, jiġi interpretat b’mod strett fir-rigward tal-kamp tal-applikazzjoni tiegħu. Għalhekk, il-miżuri intiżi espliċitament għall-iffissar u għat-tqassim tal-opportunitajiet konkreti ta’ sajd biss jistgħu jiġu adottati fuq il-bażi tal-imsemmi paragrafu 3. Dawn l-opportunitajiet ta’ sajd huma ta’ bilfors drittijiet ikkwantifikati għal sajd. Għalhekk, att għandu jiġi adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 43(2) TFUE meta jsegwi għan li jaqa’ taħt il-politika komuni tas-sajd u li ma huwiex is-sempliċi għoti tal-opportunitajiet ta’ sajd f’termini kwantitattivi u ġeografiċi. |
|
38 |
Dan huwa l-każ tad-deċiżjoni kkontestata u tad-dikjarazzjoni inkwistjoni. Fil-fatt, permezz ta’ din tal-aħħar, l-Unjoni timpenja ruħha li toħroġ awtorizzazzjonijiet ta’ sajd lill-bastimenti li jtarju l-bandiera Venezweljana, filwaqt li timponi fuq l-operaturi kkonċernati l-osservanza tad-dispożizzjonijiet adottati mill-Unjoni fil-qasam tal-konservazzjoni tar-riżorsi tal-ħut u li tobbligahom iħottu parti mill-qbid tagħhom fil-Gujana. Għalhekk, tali kundizzjonijiet ta’ aċċess huma intiżi biex jiggarantixxu t-twettiq tal-għanijiet tal-politika komuni tas-sajd, b’mod li l-għan u l-kontenut tal-imsemmija deċiżjoni huma marbuta mal-għanijiet ta’ din il-politika, filwaqt li jmorru lil hinn mis-sempliċi ffissar u mit-tqassim tal-opportunitajiet ta’ sajd fis-sens tal-Artikolu 43(3) TFUE. |
|
39 |
Fit-tieni lok, il-Parlament u l-Kummissjoni jqisu li għandha ssir distinzjoni bejn l-aċċess għall-ilmijiet għall-finijiet tas-sajd u l-aċċess għar-riżorsi tal-ħut fis-sens tal-għoti tal-opportunitajiet konkreti ta’ sajd f’dawn l-ilmijiet (iktar ’il quddiem, rispettivament, l-“aċċess għall-ilmijiet” u l-“aċċess għar-riżorsi”). Qafas regolatorju msejjes fuq żewġ komponenti huwa implementat meta l-Unjoni tkun tixtieq, abbażi tal-politika komuni tas-sajd, tiftaħ l-aċċess għall-ilmijiet tagħha u għar-riżorsi li jinsabu fihom lil operaturi ta’ Stati terzi. Fl-ewwel stadju, l-aċċess għall-Istat terz jingħata permezz ta’ ftehim internazzjonali skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 218(6)(a)(v) TFUE. Fit-tieni stadju, l-għoti tal-opportunitajiet ta’ sajd jingħata mill-Kunsill permezz tal-Artikolu 43(3) TFUE. |
|
40 |
F’din il-kawża, id-dikjarazzjoni inkwistjoni għandha titqies li taqa’ taħt l-ewwel stadju peress li, permezz tagħha, l-Unjoni tat l-aċċess għall-ilmijiet, iżda ma tatx opportunitajiet konkreti ta’ sajd lill-bastimenti li jtajru l-bandiera Venezweljana. Dawn tal-aħħar ġew iffissati wara l-adozzjoni ta’ din id-dikjarazzjoni, peress li, għas-sena 2012, il-Kunsill iddeterminahom bir-Regolament Nru 44/2012. |
|
41 |
Il-Kunsill, sostnut mir-Repubblika Ċeka, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika tal-Polonja, isostni li d-deċiżjoni kkontestata ġiet korrettament ibbażata fuq l-Artikolu 43(3) TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(6)(b) TFUE. |
|
42 |
L-imsemmija istituzzjoni kif ukoll l-Istati Membri msemmija iktar ’il fuq iqisu, l-ewwel nett, li d-distinzjoni bejn l-aċċess għall-ilmijiet u l-aċċess għar-riżorsi hija artifiċjali. Id-dikjarazzjoni inkwistjoni fil-fatt ma tistax tagħti aċċess għall-ilmijiet tal-Unjoni mingħajr ma tagħti, fl-istess ħin, aċċess għar-riżorsi. |
|
43 |
It-tieni nett, il-kunċett ta’ “opportunitajiet tas-sajd” fis-sens tal-Artikolu 43(3) TFUE jiġbor fih ħdanu l-awtorizzazzjonijiet ta’ sajd. Issa, sempliċi qari tad-deċiżjoni kkontestata juri li din tirrigwarda l-għoti tal-awtorizzazzjonijiet ta’ sajd. Għalhekk, l-għan u l-kontenut tad-dikjarazzjoni inkwistjoni jikkonsistu fl-għoti tal-opportunitajiet ta’ sajd lill-bastimenti li jtajru l-bandiera Venezweljana u mhux li tagħti aċċess għall-ilmijiet tal-Unjoni. |
|
44 |
It-tielet nett, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 43(3) TFUE jippermetti li jiġu adottati miżuri li ma humiex limitati biss għall-iffissar tal-opportunitajiet ta’ sajd f’data numerika. Tali interpretazzjoni hija konformi kemm mal-kliem kif ukoll mal-għan ta’ din id-dispożizzjoni, għaliex din tawtorizza lill-Kunsill biex jadotta l-miżuri kollha “dwar” l-iffissar u t-tqassim tal-opportunitajiet ta’ sajd. |
|
45 |
F’din il-kawża, għalkemm id-deċiżjoni kkontestata ma tagħtix hija stess dawn l-opportunitajiet f’data numerika, hija tikkostitwixxi tali miżura. Fil-fatt, hija toħloq titolu internazzjonali għall-iffissar u għat-tqassim fil-livell tar-regoli interni tal-Unjoni, għaliex, permezz ta’ din id-deċiżjoni, l-Unjoni tindika lir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela li hija ser tibqa’ disposta li tattribwixxi opportunitajiet ta’ sajd lill-bastimenti li jtajru l-bandiera Venezweljana. |
|
46 |
Ir-raba’ nett, il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata ma jeċċedix il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 43(3) TFUE. Fil-fatt, il-punti 2 u 3 tad-dikjarazzjoni inkwistjoni huma intiżi li sempliċement iservu ta’ tfakkira għar-regoli preeżistenti li magħhom il-bastimenti tal-Istati terzi għandhom jikkonformaw ruħhom fl-ilmijiet tal-Unjoni. Dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet huma ta’ natura dikjaratorja sa fejn huma la jagħtu lok għal dritt ġdid u lanqas obbligu għal dawn il-bastimenti. Bl-istess mod, id-dritt li jiġu rtirati l-awtorizzazzjonijiet ta’ sajd mogħtija lill-bastimenti kkonċernati, ippreċiżat fil-punt 4 ta’ din id-dikjarazzjoni, hija miżura dwar l-iffissar u t-tqassim tal-opportunitajiet ta’ sajd. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
47 |
Permezz tal-ewwel motiv tar-rikors tal-Parlament u l-ewwel u t-tieni partijiet tal-ewwel motiv tal-Kummissjoni, dawn l-istituzzjonijiet isostnu li l-Kunsill għażel bażi legali żbaljata, billi bbaża d-deċiżjoni kkontestata fuq l-Artikolu 43(3) TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(6)(b) TFUE u mhux fuq l-Artikolu 43(2) TFUE flimkien mal-Artikolu 218(6)(a)(v) TFUE. |
|
48 |
Fir-rigward tal-kliem tal-Artikolu 43 TFUE, jirriżulta, minn naħa, mill-paragrafu 2 tiegħu, li l-istituzzjonijiet kompetenti tal-Unjoni għandhom jadottaw, skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika komuni tal-agrikoltura u tas-sajd. |
|
49 |
Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 43(3) TFUE, moqri flimkien mal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, jirriżulta li, b’mod partikolari, il-miżuri dwar l-iffissar u t-tqassim tal-opportunitajiet ta’ sajd ma humiex meqjusa waħedhom bħala li jidħlu fil-kategorija tad-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika komuni tas-sajd fis-sens ta’ dan l-istess paragrafu 2 u ma humiex suġġetti għall-imsemmija proċedura leġiżlattiva. |
|
50 |
Fil-fatt, l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 43(2) TFUE ta’ bilfors tippreżumi evalwazzjoni dwar il-kwistjoni jekk dawn humiex “meħtieġa” sabiex jintlaħqu l-għanijiet marbuta mal-politiki komuni rregolati mit-Trattat FUE, b’mod li timplika deċiżjoni politika li għandha tkun irriżervata lil-leġiżlatur tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, l-adozzjoni tal-miżuri dwar l-iffissar u t-tqassim tal-opportunitajiet ta’ sajd, skont l-Artikolu 43(3) TFUE, ma teħtieġx tali evalwazzjoni peress li tali miżuri għandhom natura prinċipalment teknika u huma meqjusa li jittieħdu biex jeżegwixxu d-dispożizzjonijiet adottati fuq il-bażi tal-paragrafu 2 tal-istess artikolu. |
|
51 |
Qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għażla tal-bażi legali ta’ att tal-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, li fosthom hemm, b’mod partikolari, l-għan u l-kontenut ta’ dan l-att (sentenzi Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑130/10, EU:C:2012:472, punt 42, u Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, C‑431/11, EU:C:2013:589, punt 44). |
|
52 |
F’din il-kawża, l-uniku għan tad-deċiżjoni kkontestata huwa li tapprova d-dikjarazzjoni inkwistjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tiġi eżaminata l-bażi legali ta’ din id-deċiżjoni fid-dawl tal-għan u tal-kontenut tad-dikjarazzjoni inkwistjoni. |
|
53 |
Fir-rigward tal-kontenut tad-dikjarazzjoni inkwistjoni, l-Unjoni indikat lir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, fil-punt 1 ta’ din id-dikjarazzjoni, li hija ser toħroġ awtorizzazzjonijiet ta’ sajd fiż-żona ekonomika esklużiva tal-Gujana lil numru limitat ta’ bastimenti ta’ sajd li jtajru l-bandiera Venezweljana. |
|
54 |
Fil-punti 2 u 3 tal-istess dikjarazzjoni, l-Unjoni ssuġġettat l-għoti ta’ tali awtorizzazzjonijiet għall-kundizzjoni li l-bastimenti li jtajru bandiera Venezweljana, li ser jiġu awtorizzati jistadu fl-imsemmija żona, għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet tal-politika komuni tas-sajd tal-Unjoni dwar il-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ kontroll kif ukoll għad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Unjoni li jirregolaw l-attivitajiet ta’ sajd f’din l-istess żona. |
|
55 |
Fir-rigward tal-għan tad-dikjarazzjoni inkwistjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest stabbilit mill-Konvenzjoni ta’ Montego Bay li tistabbilixxi s-sistema internazzjonali taż-żona ekonomika esklużiva. Din il-konvenzjoni, li torbot lill-Unjoni, isservi ta’ qafas għall-għażliet politiċi li din tal-aħħar tieħu fl-imsemmija żona u, b’mod partikolari, tiddetermina l-istrumenti u l-forom ġuridiċi li huma għad-dispożizzjoni tagħha meta hija twettaq tali għażliet. |
|
56 |
Mill-Artikolu 55 tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay jirriżulta li ż-żona ekonomika esklużiva hija suġġetta għal sistema partikolari, li abbażi tagħha d-drittijiet u l-ġurisdizzjoni tal-Istat kostali kif ukoll id-drittijiet u libertajiet tal-Istati l-oħra huma rregolati mid-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din il-konvenzjoni. |
|
57 |
Skont l-Artikolu 56(1)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay, l-Istat kostali għandu, fiż-żona ekonomika esklużiva tiegħu, id-dritt li juża r-riżorsi bijoloġiċi. Meta l-kapaċità tiegħu ta’ użu ta’ dawn ir-riżorsi tkun inqas mill-volum kollu ammissibbli ta’ qbid, huwa għandu, skont l-Artikolu 62(2) ta’ din il-konvenzjoni, jawtorizza lil Stati oħra biex jużaw il-bqija ta’ dan il-volum. |
|
58 |
Fit-twettiq ta’ dan l-obbligu, l-Istat kostali għandu ċertu marġni ta’ manuvra. Minn naħa, huwa jista’ jagħżel, bla ħsara għar-rekwiżiti tal-Artikolu 62(3) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay, l-Istati li huwa jawtorizza biex jużaw l-imsemmi volum li jkun fadal. Min-naħa l-oħra, l-Istat kostali għandu jieħu inkunsiderazzjoni ċerti elementi, jiġifieri l-importanza li r-riżorsi bijoloġiċi taż-żona inkwistjoni jirrappreżentaw għall-ekonomija tiegħu u l-interessi nazzjonali l-oħra tiegħu, il-ħtiġijiet tal-Istati fi żvilupp fir-reġjun ikkonċernat u n-neċessità li jitnaqqsu kemm jista’ jkun id-disturbu ekonomiċi fl-Istati li fihom iċ-ċittadini abitwalment jipprattikaw is-sajd f’din iż-żona jew li jkunu kkontribwixxew ħafna għar-riċerka u għall-inventarju tal-ħażniet. |
|
59 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 62(2) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay jeżiġi li l-Istat kostali jawtorizza l-użu tal-volum li jkun fadal “permezz ta’ ftehim jew arranġamenti oħrajn”. Għalhekk, huwa l-Istat kostali kkonċernat li għandu jiftiehem mal-Istati kkonċernati. Fil-fatt, ir-relazzjonijiet bejn l-Istat kostali u l-Istati l-oħra jistabbilixxu d-drittijiet u l-obbligi reċiproċi tagħhom, kif imsemmija fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, b’mod li l-Istat kostali ma jistax jimponi l-kundizzjonijiet tiegħu b’mod unilaterali. |
|
60 |
Ir-responsabbiltà speċifika tal-Istat kostali għall-użu tar-riżorsi bijoloġiċi fiż-żona ekonomika esklużiva tiegħu timplika li normalment huwa huwa stess li għandu jindirizza offerta mmirata lil ċerti Stati oħra kkonċernati li huma għalhekk liberi li jaċċettaw jew le, jew saħansitra, jekk ikun il-każ, li jitolbu li jsir bdil għal tali offerta. |
|
61 |
Fi tmiem dan il-proċess, l-espressjoni tal-volontajiet konkordanti tal-Istat kostali u tal-Istat ikkonċernat tikkostitwixxi ftehim bħal dak previst fl-Artikolu 62(2) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay, peress li, fid-dritt internazzjonali, il-fatt li tali ftehim huwa fformalizzat f’dokument wieħed komuni jew f’żewġ jew iktar strumenti miktuba konnessi ma għandux rilevanza (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/13, EU:C:2014:2303, punt 37). |
|
62 |
Il-ftehim bejn l-Istat kostali u l-Istat ikkonċernat jinkludi drittijiet u obbligi reċiproċi li jikkonkretizzaw dawk evokati fil-punt 57 ta’ din is-sentenza. F’dan il-kuntest, b’mod partikolari, mill-Artikolu 62(4) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay jirriżulta li ċ-ċittadini tal-Istati li ma humiex tal-Istat kostali li jistadu fiż-żona ekonomika esklużiva ta’ dan tal-aħħar għandhom jikkonformaw ruħhom mal-miżuri ta’ konservazzjoni u mal-modalitajiet u l-kundizzjonijiet l-oħra ffissati mil-liġijiet u r-regolamenti tal-Istat kostali. |
|
63 |
Peress li l-individwi ma jibbenefikawx, bħala regola ġenerali, minn statut awtonomu skont il-Konvenzjoni ta’ Montego Bay, huwa kull Stat ikkonċernat li għandu jieħu fir-rigward tal-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu l-miżuri neċessarji kollha biex jipproteġu l-interessi tal-Istat kostali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Intertanko et, C‑308/06, EU:C:2008:312, punti 59 sa 62). |
|
64 |
Minn dan jirriżulta li l-Istat ikkonċernat għandu jimpenja ruħu fir-rigward tal-Istat kostali kkonċernat, inkambju għall-parteċipazzjoni tiegħu fl-użu tar-riżorsi bijoloġiċi fiż-żona ekonomika esklużiva tiegħu, li jiggarantixxi li l-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu jikkonformaw ruħhom mal-miżuri li l-Istat kostali ħa f’din iż-żona. |
|
65 |
Tali garanzija, mogħtija permezz ta’ ftehim jew arranġament ieħor konkluż mal-Istat kostali, hija meħtieġa speċjalment meta l-Istat ikkonċernat ma jkunx parti kontraenti fil-Konvenzjoni ta’ Montego Bay u għalhekk ma jkunx marbut bl-Artikolu 62(4) tagħha. |
|
66 |
Hekk kif il-ftehim jew l-arranġament bejn l-Istat ikkonċernat u l-Istat kostali jiġi konkluż, dan tal-aħħar jista’ jimplementah permezz ta’ regoli u miżuri konkreti fid-dritt nazzjonali tiegħu li huma adottati konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay u applikati b’osservanza ta’ dan il-ftehim bilaterali. |
|
67 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet stabbiliti fil-punti 56 sa 66 ta’ din is-sentenza, hemm lok li qabelxejn jiġi evalwat jekk id-dikjarazzjoni inkwistjoni hijiex element kostituttiv ta’ ftehim fis-sens tal-Artikolu 62(2) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay. |
|
68 |
Fir-rigward ta’ dak li ġie stabbilit fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, hemm lok li d-dikjarazzjoni inkwistjoni titqies li hija offerta indirizzata mill-Unjoni, minflok mill-Istat kostali kkonċernat, lir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, li permezz tagħha hija tipproponi lil dan l-aħħar Stat l-użu ta’ parti minn dak li jkun fadal mill-volum ammissibbli tal-qbid fiż-żona ekonomika esklużiva tal-Gujana, bla ħsara għall-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet speċifiċi li fosthom hemm, b’mod partikolari, il-kundizzjoni li l-imsemmi Stat għandu jiggarantixxi li l-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu u li jistadu f’din iż-żona jikkonformaw ruħhom mad-dispożizzjonijiet tal-politika komuni tas-sajd tal-Unjoni li japplikaw għalihom. |
|
69 |
Id-dikjarazzjoni inkwistjoni ġiet ikkomunikata lir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, u din tal-aħħar ikkonfermat li rċevietha u rreaġixxiet f’żewġ modi. Minn naħa, hija formalment bagħtet lill-Unjoni talbiet għall-awtorizzazzjoni ta’ sajd fiż-żona ekonomika esklużiva tal-Gujana sabiex il-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħha, u ehmżet ma’ dawn it-talbiet kuntratti ta’ pproċessar fil-Gujana, kif jeżiġi l-punt 3 tal-istess dikjarazzjoni flimkien man-nota ta’ qiegħ il-paġna tal-Anness VIII tar-Regolament Nru 44/2012. Min-naħa l-oħra, dan l-Istat esprima tħassib dwar l-eventwali tqegħid inkwistjoni ta’ din id-dikjarazzjoni, billi talab lill-Kunsill informazzjoni fuq il-kwistjoni jekk l-intenzjoni tal-Parlament li jikkontesta l-validità tad-deċiżjoni kkontestata setgħetx taffettwa l-attivitajiet ta’ sajd tal-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu fl-imsemmija żona. |
|
70 |
Għalhekk, billi adottat tali aġir, jidher li r-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela qieset id-dikjarazzjoni inkwistjoni bħala offerta ta’ użu, skont il-kundizzjonijiet speċifikati f’dan id-dokument, ta’ parti minn dak li jkun fadal mill-volum ammissibbli għall-qbid fiż-żona ekonomika esklużiva tal-Gujana, offerta li għaliha hija ġiet mistiedna twieġeb. |
|
71 |
F’dan ir-rigward, billi bagħtet lill-Unjoni, wara l-offerta magħmula lilha minn din tal-aħħar, talbiet konkreti għall-awtorizzazzjoni ta’ sajd u billi naqset, meta bagħtithom, milli tifformula riżervi dwar il-kundizzjonijiet ta’ din l-offerta, ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela għandha titqies li aċċettat l-imsemmija offerta. |
|
72 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-aġir tal-imsemmi Stat għandu jitqies li aċċetta l-offerta magħmula lilu mill-Unjoni permezz tad-dikjarazzjoni inkwistjoni. |
|
73 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, id-dikjarazzjoni inkwistjoni magħmula mill-Unjoni u l-fatt li ġiet aċċettata mir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela għandhom jitqiesu, meta meħuda flimkien, bħala ftehim konkluż minn dawn tal-aħħar fir-rigward tal-awtorizzazzjoni għall-użu, skont il-kundizzjonijiet speċifikati f’din l-istess dikjarazzjoni, ta’ parti minn dak li jifdal mill-volum ammissibbli għall-qbid fiż-żona ekonomika esklużiva tal-Gujana. |
|
74 |
Huwa fid-dawl tal-analiżi tal-kontenut u tal-għan tad-dikjarazzjoni inkwistjoni li saret iktar ’il fuq li għandu jiġi sussegwentement ivverifikat jekk din tal-aħħar tikkostitwixxix miżura li taqa’ taħt il-kompetenza rriżervata lil-leġiżlatur tal-Unjoni jew jekk din hijiex sempliċi miżura teknika ta’ eżekuzzjoni, kif imsemmi fil-punt 50 ta’ din is-sentenza. |
|
75 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, irrispettivament mit-titolu tagħha u minn ċerti kliem użat fid-dikjarazzjoni inkwistjoni, l-għan tagħha ma huwiex li tiżgura “l-iffissar u [...] l-allokazzjoni ta’ opportunitajiet tas-sajd”, fis-sens tal-Artikolu 43(3) TFUE, iżda, kif jirriżulta mill-punt 68 ta’ din is-sentenza, li toffri lir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela l-opportunità li tipparteċipa fl-użu tar-riżorsi bijoloġiċi fiż-żona ekonomika esklużiva tal-Gujana, skont il-kundizzjonijiet iffissati mill-Unjoni. |
|
76 |
Issa, matul l-evalwazzjoni tagħhom li għandha tippreċedi tali offerta, l-istituzzjonijiet kompetenti tal-Unjoni għandhom l-ewwel nett jieħdu inkunsiderazzjoni elementi tal-politika bilaterali. It-tieni nett, fid-dawl tar-responsabbiltà speċifika tal-Unjoni, li taġixxi minflok l-Istat kostali kkonċernat, għall-użu tar-riżorsi bijoloġiċi fiż-żona ekonomika esklużiva ta’ dan tal-aħħar, dawn l-istituzzjonijiet jevalwaw jekk l-Istat ikkonċernat huwiex f’pożizzjoni li jiggarantixxi li l-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu josservaw il-kundizzjonijiet li għalihom tali użu huwa suġġett, bħal b’mod partikolari l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-politika komuni tas-sajd tal-Unjoni li japplikaw fiż-żona kkonċernata. Fl-aħħar nett, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi msemmija fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, li teħtieġ l-evalwazzjoni tad-diversi aspetti li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni tal-Istati tar-reġjun ikkonċernat u, tal-inqas, dik tal-Istat ikkonċernat. |
|
77 |
Barra minn hekk, mill-premessa 3 tad-deċiżjoni kkontestata u mill-punti 1 sa 3 tad-dikjarazzjoni inkwistjoni jirriżulta li din tal-aħħar mhux biss għandha l-għan li tagħti, bħala regola ġenerali, l-opportunità lir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela li tipparteċipa fl-użu tar-riżorsi bijoloġiċi fiż-żona ekonomika esklużiva tal-Gujana, iżda li, kif tfakkar fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, din tissuġġetta wkoll dan l-għoti għall-kundizzjoni li jiġu osservati d-dispożizzjonijiet tal-politika komuni tas-sajd tal-Unjoni dwar il-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ kontroll kif ukoll dispożizzjonijiet oħra tal-Unjoni li jirregolaw l-attivitajiet ta’ sajd f’din iż-żona, bħal pereżempju l-istandards u r-regolamenti tal-Unjoni li jindikaw, b’mod partikolari, il-ħażniet tal-ħut li jistgħu jinqabdu, in-numru massimu ta’ bastimenti ta’ sajd awtorizzati joperaw u l-perċentwali ta’ qbid li għandu jinħatt fil-portijiet tal-Gujana. |
|
78 |
Għalhekk, id-dikjarazzjoni inkwistjoni għandha l-għan li tistabbilixxi qafas ġenerali, sabiex tawtorizza lill-bastimenti ta’ sajd li jtajru l-bandiera Venezweljana biex jistadu fl-imsemmija żona, fejn dan il-qafas, sussegwentement, ġie ppreċiżat bl-Artikolu 36(1) u l-Anness VIII tar-Regolament Nru 44/2012, bl-Artikolu 34(1) u l-Anness VIII tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 40/2013, tal-21 ta’ Jannar 2013, li jiffissa għall-2013 l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli fl-ilmijiet tal‑UE u, għall-bastimenti tal-UE, f’ċerti ilmijiet mhux tal-UE għal ċerti stokkijiet tal-ħut li huma suġġetti għal negozjati jew ftehimiet internazzjonali (ĠU L 23, p. 54), kif ukoll bl-Artikolu 40(1) u l-Anness VIII tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 43/2014, tal-20 ta’ Jannar 2014, li jiffissa għall-2014 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni (ĠU L 24, p. 1). F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-imsemmija regoli ġew it-tlieta li huma adottati abbażi tal-Artikolu 43(3) TFUE. |
|
79 |
Minn dan jirriżulta li l-offerta indirizzata lir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela ma hijiex miżura teknika jew ta’ eżekuzzjoni, iżda, kuntrarjament, miżura li tippreżumi l-adozzjoni ta’ deċiżjoni awtonoma li għandha ssir fir-rigward tal-interessi politiċi li l-Unjoni ssegwi fil-politiki komuni tagħha, b’mod partikolari dik tas-sajd. |
|
80 |
Minn dan isegwi li d-dikjarazzjoni inkwistjoni taqa’ taħt qasam ta’ kompetenza li huwa fost dawk li fihom huwa l-leġiżlatur tal-Unjoni li għandu jiddeċiedi. |
|
81 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-deċiżjoni kkontestata tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 43(2) TFUE u mhux tal-Artikolu 43(3) TFUE. |
|
82 |
Fl-aħħar nett, għandha tiġi ddeterminata d-dispożizzjoni tat-Trattat FUE li tispeċifika l-proċedura li abbażi tagħha d-deċiżjoni kkontestata kellha tiġi adottata. |
|
83 |
Peress li d-dikjarazzjoni inkwistjoni, li ġiet approvata bid-deċiżjoni kkontestata, tikkostitwixxi element kostituttiv ta’ ftehim internazzjonali (ara l-punt 73 ta’ din is-sentenza), din id-dikjarazzjoni taqa’ taħt l-Artikolu 218 TFUE. Fil-fatt, dan l-artikolu jirregola n-negozjati u l-konklużjoni tal-ftehimiet bejn l-Unjoni u l-pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali, peress li skont il-ġurisprudenza, il-kelma “ftehim” użata f’dan l-artikolu għandha tinftiehem f’sens ġenerali, biex tirreferi għal kull impenn meħud mis-suġġetti tad-dritt internazzjonali u li għandu saħħa vinkolanti, irrispettivament mill-klassifikazzjoni formali (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/75, EU:C:1975:145, p. 1360, u l-Opinjoni 2/92, EU:C:1995:83, punt 8, kif ukoll is-sentenza Franza vs Il-Kummissjoni, C‑327/91, EU:C:1994:305, punt 27). |
|
84 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Artikolu 218(6)(a)(v) TFUE jipprovdi proċedura applikabbli fl-ipoteżi tal-ftehimiet li jkopru oqsma li fihom tapplika l-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Peress li l-Artikolu 43(2) TFUE, dispożizzjoni li fuqha kellha tiġi adottata d-deċiżjoni kkontestata, tipprovdi preċiżament tali proċedura, din id-deċiżjoni kellha tiġi adottata abbażi tal-Artikolu 218(6)(a)(v) TFUE. |
|
85 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, id-deċiżjoni kkontestata, li approvat id-dikjarazzjoni inkwistjoni f’isem l-Unjoni, kellha tiġi adottata abbażi tal-Artikolu 43(2) TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a)(v) TFUE u mhux tal-Artikolu 43(3) TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(6)(b) TFUE. |
|
86 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel motiv tar-rikors tal-Parlament kif ukoll l-ewwel u t-tieni partijiet tal-ewwel motiv tar-rikors tal-Kummissjoni għandhom jintlaqgħu. |
|
87 |
Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata mingħajr il-ħtieġa li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra invokati mill-Parlament u mill-Kummissjoni fir-rikorsi tagħhom. |
Fuq it-talba li jinżammu ratione temporis l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata
|
88 |
Il-Kunsill u l-Kummissjoni, sostnuti f’dan ir-rigward mir-Repubblika Ċeka, ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Franċiża, jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja żżomm, fil-każ li hija tannulla d-deċiżjoni kkontestata, l-effetti ta’ din tal-aħħar sakemm deċiżjoni ġdida tiġi adottata. Il-Parlament indika li ma jopponix li tali talba tintlaqa’. |
|
89 |
Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 264 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, jekk tqis li huwa meħtieġ, tindika liema mill-effetti ta’ att annullat għandhom jitqiesu li huma definittivi. |
|
90 |
F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fir-rigward tal-motivi li jirrigwardaw iċ-ċertezza legali, l-effetti ta’ tali att jistgħu jinżammu, b’mod partikolari, meta l-effetti immedjati tal-annullament tiegħu jwasslu għal konsegwenzi negattivi gravi għall-persuni kkonċernati u li l-legalità tal-att ikkontestat huwa kkontestat mhux minħabba l-għan jew il-kontenut tiegħu, iżda minħabba inkompetenza tal-awtur tiegħu jew ksur tal-forom proċedurali sostanzjali. Dawn ir-raġunijiet jinkludu, b’mod partikolari, l-iżball imwettaq fir-rigward tal-bażi legali tal-att ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑414/04, EU:C:2006:742, punt 59; Il-Parlament u Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni, C‑14/06 u C‑295/06, EU:C:2008:176, punt 86, kif ukoll Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑490/10, EU:C:2012:525, punti 91 u 92). |
|
91 |
F’din il-kawża, mill-premessa 2 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, billi r-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela ġiet awtorizzata tuża dak li jifdal mill-volum ammissibbli tal-qbid fiż-żona ekonomika esklużiva tal-Gujana, din id-deċiżjoni hija intiża li tiżgura l-kontinwità tal-ħatt fil-Gujana mill-bastimenti li jtajru l-bandiera Venezweljana, għaliex l-industrija tal-ipproċessar stabbilita f’dan id-dipartiment Franċiż tiddependi minn dan il-ħatt. Issa, l-annullament b’effett immedjat tal-imsemmija deċiżjoni jista’ jaffettwa tali kontinwità billi jwassal għalhekk għal konsegwenzi negattivi gravi għall-operaturi ekonomiċi kkonċernati. |
|
92 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm raġunijiet importanti ta’ ċertezza legali li jiġġustifikaw li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ t-talba intiża għaż-żamma tal-effetti tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li la l-Parlament u lanqas il-Kummissjoni ma kkontestaw il-legalità ta’ din id-deċiżjoni minħabba l-għan jew il-kontenut tagħha, b’mod li ma hemmx, f’dan ir-rigward, ostakolu li jipprekludi lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tordna tali żamma. |
|
93 |
Konsegwentement, hemm lok li l-effetti ta’ din id-deċiżjoni jinżammu sakemm tidħol fis-seħħ, f’terminu raġonevoli li jibda’ jiddekorri mid-data li fiha tingħata din is-sentenza, deċiżjoni ġdida bbażata fuq il-bażi legali xierqa, jiġifieri l-Artikolu 43(2) TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a)(v) TFUE. |
Fuq l-ispejjeż
|
94 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kunsill tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Parlament u mill-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 140(1) tal-istess regoli, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika tal-Polonja, li intervjenew f’dawn il-kawżi, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. |
|
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.