Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62014CO0394

    Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-14 ta’ Novembru 2014.
    Sandy Siewert et vs Condor Flugdienst GmbH.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Amtsgericht Rüsselsheim.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regoli tal-proċedura – Artikolu 99 – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Dewmien twil ta’ titjira – Dritt tal-passiġġieri għal kumpens – Kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni tat-trasportatur tal-ajru mill-obbligu ta’ kumpens tiegħu – Kunċett ta’ ‘ċirkustanzi straordinarji’ – Ajruplan li saritlu ħsara minn taraġ mobbli għat-tlugħ abbord matul titjira preċedenti.
    Kawża C‑394/14.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2014:2377

    DIGRIET TAL‑QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

    14 ta’ Novembru 2014 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Regoli tal-proċedura — Artikolu 99 — Trasport bl-ajru — Regolament (KE) Nru 261/2004 — Dewmien twil ta’ titjira — Dritt tal-passiġġieri għal kumpens — Kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni tat-trasportatur tal-ajru mill-obbligu ta’ kumpens tiegħu — Kunċett ta’ ‘ċirkustanzi straordinarji’ — Ajruplan li saritlu ħsara minn taraġ mobbli għat-tlugħ abbord matul titjira preċedenti”

    Fil-kawża C‑394/14,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Amtsgericht Rüsselsheim (Il-Ġermanja), b’deċiżjoni tat-12 ta’ Awwissu 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Awwissu 2014, fil-kawża

    Sandy Siewert,

    Emma Siewert,

    Nele Siewert

    vs

    Condor Flugdienst GmbH,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

    Komposta minn T. von Danwitz, President ta’ Awla, C. Vajda, A. Rosas, E. Juhász u D. Šváby (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ permezz ta’ digriet motivat, skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

    tagħti l-preżenti

    Digriet

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3), tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Condor Flugdienst GmbH (iktar ’il quddiem “Condor”), trasportatur tal-ajru, u S. Siewert, E. Siewert u N. Siewert fir-rigward tar-rifjut ta’ dan it-trasportatur li jikkumpensa lil dawn tal-aħħar li t-titjira tagħhom kienet ġarbet dewmien twil.

    Il-kuntest ġuridiku

    3

    Il-premessi 14 u 15 tar-Regolament Nru 261/2004 jipprovdu:

    “(14)

    Bħal taħt il-Konvenzjoni ta’ Montreal, obbligazzjonijiet dwar trasportaturi ta’ l-ajru li jaħdmu għandhom ikunu limitati jew esklużi fejn xi ħaġa ġiet ikkawżata minn ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri kollha raġonevoli kienu ttieħdu. Ċirkustanzi bħal dawn jistgħu, partikolarment, iseħħu f’każijiet ta’ nuqqas ta’ stabbilitá politika, kondizzjonijiet meteoroloġiċi li ma jaqblux ma’ l-operazzjoni tat-titjira in kwistjoni, riskji tas-sigurtá, nuqqasijiet mhux mistennijin fir-rigward tas-sigurtá tat-titjira u strajkijiet li jaffettaw l-operazzjoni ta’ trasportatur ta’ l-ajru li jopera.

    (15)

    Ċirkustanzi straordinarji għandhom jiġu meqjusin li jeżistu fejn l-impatt ta’ deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku ta’ l-ajru fir-rigward ta’ inġenju ta’ l-ajru partikolari fuq ġurnata partikolari tikkawża dewmien twil, dewmien ta’ matul il-lejl, jew il-kanċellazzjoni ta’ titjira waħda jew aktar titjiriet ta’ dak l-inġenju ta’ l-ajru, anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ttieħdu mil-trasportatur ta’ l-ajru in kwistjoni biex jiġu evitati id-dewmien jew kanċellazzjonijiet.”

    4

    L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

    “1.   Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom:

    […]

    ċ)

    jkollhom id-dritt għal kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 7, […]

    3.   Trasportatur ta’ l-ajru li jopera m’għandux ikun obbligat iħallas kumpens skond l-Artikolu 7, jekk jista’ juri li l-kanċellazzjoni hi kkawżata minn ċirkustanzi staordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin.

    […]”

    5

    Bit-titolu “Dritt għall-kumpens”, l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal:

    a)

    EUR 250 għat-titjiriet kollha ta’ 1500 kilometru jew inqas;

    b)

    EUR 400 għat-titjiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1500 kilometru, u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1500 u 3500 kilometru:

    ċ)

    EUR 600 għat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b).

    […]”

    6

    L-Artikolu 13 ta’ dan l-istess regolament huwa mfassal b’dan il-mod:

    “F’każijiet fejn trasportatur ta’ l-ajru li jopera jħallas kumpens jew jilħaq l-obbligazzjonijiet oħra li għandu d-dmir iwettaq taħt dan ir-Regolament, l-ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-Regolament ma jista’ jiġi interpretat li jirrestrinġi d-dritt tiegħu li jfittex kumpens minn kwalunkwe persuna, inklużi partijiet terzi, skond il-liġi applikabbli. Partikolarment, dan ir-Regolament m’għandu bl-ebda mod jirrestrinġi d-dritt tal-trasportatur ta’ l-ajru li jopera biex ifittex rimbors minn operatur tat-tour jew persuna oħra ma’ liema l-trasportatur ta’ l-ajru li jopera għandu kuntratt. B’mod simili, l-ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-Regolament ma tista’ tiġi interpretata li tirrestrinġi d-dritt ta’ operatur tat-tour jew ta’ parti terza, barra minn passiġġier, ma’ liema trasportatur ta’ l-ajru li jopera għandu kuntratt, biex ifittex rimbors jew kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond il-liġijiet applikabbli rilevanti.”

    Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    7

    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali rriżervaw titjira ma’ Condor, bi tluq minn Antalya (it-Turkija) b’destinazzjoni lejn Frankfurt‑am‑Main.

    8

    Din it-titjira ġiet operata fit-3 ta’ Ottubru 2011 b’dewmien mal-ħin tal-wasla ta’ sitt sigħat u tletin minuta.

    9

    Biex tirrifjuta li tilqa’ t-talba għal kumpens imressqa minn S. Siewert, E. Siewert u N. Siewert abbażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja moqrija flimkien mal-Artikoli 5(3) u 7 tar-Regolament Nru 261/2004, Condor issostni li dan id-dewmien huwa dovut għall-ħsarat imġarrba, matul il-lejl ta’ qabel fl-ajruport ta’ Stuttgart, mill-ajruplan li kellu jwettaq it-titjira inkwistjoni. Dan l-ajruplan intlaqat fi Stuttgart minn taraġ mobbli għat-tlugħ abbord li kkaġuna ħsarat strutturali f’ġewnaħ u li kien jeħtieġ it-tibdil tal-imsemmi ajruplan. Għalhekk, kien hemm “ċirkustanzi straordinarji” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, b’tali mod li Condor ma hijiex marbuta li tħallas kumpens.

    10

    Il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar il-punt jekk iċ-“ċirkustanzi straordinarji” li jeżentaw lit-trasportatur ikkonċernat mill-obbligu ta’ kumpens tiegħu skont l-Artikoli 5(3) u 7 tar-Regolament Nru 261/2004 għandhomx ikunu direttament relatati mat-titjira inkwistjoni jew jekk jistgħux jirriżultaw ukoll minn traġitti li jsiru qabel li jsiru mill-ajruplan li jopera t-titjira msemmija.

    11

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Amtsgericht Rüsselsheim iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    “1)

    Iċ-ċirkustanzi straordinarji msemmija fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) [Nru 261/2004] għandhom ikunu direttament relatati mat-titjira rriżervata?

    2)

    Fil-każ li ċirkustanzi straordinarji li jkunu seħħew waqt vjaġġi preċedenti jkunu wkoll rilevanti għal titjira ulterjuri: il-miżuri raġonevoli li għandu jieħu t-trasportatur tal-ajru effettiv skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament [Nru 261/2004] għandhom ikunu intiżi biss għall-prevenzjoni taċ-ċirkustanzi straordinarji jew inkella għal-prevenzjoni ta’ dewmien twil ukoll?

    3)

    L-interventi minn terzi li jaġixxu fuq responsabbiltà tagħhom stess u li ġew fdati b’kompiti relatati mal-attivitajiet ta’ trasportatur tal-ajru jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu ċirkustanzi straordinarji fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament [Nru 261/2004]?

    4)

    Fil-każ li t-tielet domanda teħtieġ risposta pożittiva, huwa importanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni li jkun magħruf minn min (kumpannija tal-ajru, operatur tal-ajruport, etc) ġie inkarigat it-terz?”

    Fuq id-domandi preliminari

    12

    Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta r-risposta għal domanda preliminari tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza, jew meta r-risposta għal tali domanda ma tħalli spazju għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

    13

    Din id-dispożizzjoni għandha tiġi applikata fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

    Fuq it-tielet u r-raba ’ domandi

    14

    Bit-tielet u bir-raba’ domandi, li għandhom jiġu eżaminati preliminarjament, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li avveniment bħal ħabta ta’ taraġ mobbli għat-tlugħ abbord ta’ ajruport ma’ ajruplan għandux jiġi kkwalifikat bħala “ċirkustanza straordinarja” li teżenta lit-trasportatur tal-ajru mill-obbligu ta’ kumpens tiegħu lill-passiġġieri f’każ ta’ dewmien twil ta’ titjira operata minn dan l-ajruplan.

    15

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, f’każ ta’ annullament ta’ titjira jew ta’ dewmien twil, jiġifieri ta’ tul ugwali jew superjuri għal tliet sigħat, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jistabbilixxi l-obbligi tat-trasportaturi tal-ajru previsti fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 261/2004 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Nelson et, C‑581/10 u C‑629/10, EU:C:2012:657, punt 39, kif ukoll McDonagh, C‑12/11, EU:C:2013:43, punt 37).

    16

    Għalhekk, skont il-premessi 14 u 15 kif ukoll l-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament, b’deroga mid-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 tal-istess artikolu, it-trasportatur tal-ajru huwa eżentat mill-obbligu ta’ kumpens tiegħu lill-passiġġieri skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 jekk dan ikun jista’ jipprova li l-annullament ikun dovut għal ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri kollha raġonevoli kienu ttieħdu, jiġifieri dawk li ma humiex fil-kontroll effettiv tat-trasportatur tal-ajru (sentenza McDonagh, EU:C:2013:43, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    17

    Fir-rigward ta’ deroga mill-prinċipju tal-kumpens lill-passiġġieri, l-imsemmi Artikolu 5(3) għandu jiġi interpretat b’mod strett (sentenza Wallentin‑Hermann, C‑549/07, EU:C:2008:771, punt 20). Barra minn hekk, mhux iċ-ċirkustanzi straordinarji kollha jistgħu jeżentaw dan l-obbligu u huwa t-trasportatur tal-ajru li jrid jinvokahom li għandu jistabbilixxi, barra minn hekk, li dawn ma setgħux, f’kull każ, jiġu evitati b’miżuri adegwati fis-sitwazzjoni, jiġifieri minn miżuri li, fil-mument meta jseħħu dawn iċ-ċirkustanzi straordinarji, jissodisfaw b’mod partikolari lil kundizzjonijiet li teknikament u ekonomikament jistgħu jiġu ttrattati mit-trasportatur tal-ajru kkonċernat (sentenza Eglītis u Ratnieks, C‑294/10, EU:C:2011:303, punt 25).

    18

    B’mod partikolari, fir-rigward tal-problemi tekniċi li jaffettwaw lil ajruplan, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, għalkemm tali problemi tekniċi jistgħu jiġu inklużi fost tali ċirkustanzi, xorta jibqa’ l-fatt li ċ-ċirkustanzi madwar tali avveniment jistgħu biss jiġu kkwalifikati bħala “straordinarji”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, jekk dawn ikunu relatati ma’ avveniment li, bħal dawk elenkati fil-premessa 14 ta’ dan ir-regolament, ma jkunx inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat u ma jinsabx fil-kontroll effettiv tiegħu minħabba n-natura u l-oriġini tiegħu (sentenza Wallentin‑Hermann, C‑549/07, EU:C:2008:771, punt 23).

    19

    Issa, fir-rigward ta’ problema teknika li toriġina mill-ħabta ta’ taraġ mobbli għat-tlugħ abbord ta’ ajruport ma’ ajruplan, għandu jiġi rrilevat li tali taraġ jew kurituri mobbli jintużaw neċessarjament fil-kuntest ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri, li jippermetti li dawn tal-aħħar jitilgħu u li jinżlu mill-ajruplan, b’tali mod li t-trasportaturi tal-ajru jinsabu regolarment f’sitwazzjonijiet li jirriżultaw mill-użu ta’ tali taraġ mobbli. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ħabta ta’ ajruplan ma’ tali taraġ mobbli għandha titqies bħala avveniment inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività ta’ trasportatur tal-ajru. Barra minn hekk, xejn ma jindika li l-ħsara tal-ajruplan li kellu jwettaq it-titjira inkwistjoni ġiet ikkaġunata minn att estern għas-servizzi normali ta’ ajruport, bħal att ta’ sabotaġġ jew ta’ terroriżmu, li jidħol, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenza Wallentin‑Hermann, EU:C:2008:771, punt 26), fil-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji”, liema ħaġa Condor kienet marbuta li tipprova quddiem il-qorti tar-rinviju b’mod konformi mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 17 ta’ dan id-digriet.

    20

    Konsegwentement, tali avveniment ma jistax jiġi kkwalifikat bħala “ċirkustanza straordinarja” li teżonera lit-trasportatur tal-ajru mill-obbligu tiegħu li jikkumpensa lill-passiġġieri f’każ ta’ dewmien twil ta’ titjira.

    21

    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-obbligi mħallsa abbażi tar-Regolament Nru 261/2004 jitħallsu bla ħsara għad-dritt tat-trasportaturi li jitolbu kumpens mingħand kull persuna li kkawżat id-dewmien, inklużi terzi, hekk kif jipprovdi l-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament (sentenza Folkerts, C‑11/11, EU:C:2013:106, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    22

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għat-tielet u r-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li avveniment, bħal fil-kawża prinċipali, bħal ħabta ta’ taraġ mobbli għat-tlugħ abbord ta’ ajruport ma’ ajruplan ma jistax jiġi kkwalifikat bħala “ċirkustanza straordinarja” li teżenta lit-trasportatur tal-ajru mill-obbligu tiegħu li jikkumpensa lil passiġġieri f’każ ta’ dewmien twil ta’ titjira operata minn dan l-ajruplan.

    23

    Fid-dawl tar-risposta mogħtija lit-tielet u lir-raba’ domandi, ma hemmx lok li tingħata risposta lid-domandi l-oħra.

    Fuq l-ispejjeż

    24

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, għandu jiġi interpretat fis-sens li avveniment, bħal fil-kawża prinċipali, bħal ħabta ta’ taraġ mobbli għat-tlugħ abbord ta’ ajruport ma’ ajruplan ma jistax jiġi kkwalifikat bħala “ċirkustanza straordinarja” li teżenta lit-trasportatur tal-ajru mill-obbligu tiegħu li jikkumpensa lil passiġġieri f’każ ta’ dewmien twil ta’ titjira operata minn dan l-ajruplan.

     

    Signatures


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Fuq