Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62013CJ0530

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-11 ta’ Novembru 2014.
Leopold Schmitzer vs Bundesministerin für Inneres.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2000/78/KE – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Artikolu 2(1) u (2)(a) – Artikolu 6(1) – Diskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Leġiżlazzjoni nazzjonali li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-remunerazzjoni, tissuġġetta t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodi ta’ taħriġ u ta’ servizz imwettqa qabel l-età ta’ 18-il sena għal estensjoni tat-termini għal avvanz – Ġustifikazzjoni – Natura adegwata sabiex jintlaħaq l-għan imfittex – Possibbiltà li tiġi kkontestata l-estensjoni tat-termini għal avvanz.
Kawża C‑530/13.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2014:2359

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

11 ta’ Novembru 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Direttiva 2000/78/KE — Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol — Artikolu 2(1) u (2)(a) — Artikolu 6(1) — Diskriminazzjoni bbażata fuq l-età — Leġiżlazzjoni nazzjonali li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-remunerazzjoni, tissuġġetta t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodi ta’ taħriġ u ta’ servizz imwettqa qabel l-età ta’ 18-il sena għal estensjoni tat-termini għal avvanz — Ġustifikazzjoni — Natura adegwata sabiex jintlaħaq l-għan imfittex — Possibbiltà li tiġi kkontestata l-estensjoni tat-termini għal avvanz”

Fil-Kawża C‑530/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Settembru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Ottubru 2013, fil-proċedura

Leopold Schmitzer

vs

Bundesministerin für Inneres,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi President, A. Tizzano, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, C. Vajda, S. Rodin u K. Jürimäe, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, E. Juhász, A. Borg Barthet, J. Malenovský, A. Arabadjiev (Relatur), M. Safjan u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.-R. Killmann u D. Martin, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u tal-Artikoli 2, 6(1) u 16 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn L. Schmitzer u l-Bundesministerin für Inneres (Ministru Federali tal-Intern) dwar il-legalità tas-sistema ta’ remunerazzjoni tas-servizz pubbliku adottata mil-leġiżlatur Awstrijak sabiex iġib fi tmiemha d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età.

Il-kuntest ġuridiku

Id-Direttiva 2000/78

3

Skont l-Artikolu 1 tagħha, “[l]-iskop [tad-Direttiva 2007/78] huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”.

4

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ’il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

a)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet [abbażi ta’ xi waħda mir-raġunijiet] imsemmija fl-Artikolu 1;

[...]”

5

Skont l-Artikolu 3(1)(ċ) tal-imsemmija direttiva, din għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fis-settur privat, inklużi l-korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol, inklużi l-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni.

6

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/78 huwa redatt b’dan il-mod:

“1.   Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, [b’mod partikolari] politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji.

Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:

a)

l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali għall-aċċess għall-impjieg u t-taħriġ professjonali, l-impjieg u x-xogħol, inkluzi l-kundizzjonijiet ta’ sensji u pagi, għaż-żgħażagħ, ħaddiema ta’ età, u persuni li jkollhom responsabbilitajiet li jieħdu ħsieb persuni oħra sabiex jippromwovu l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew jiżguraw il-protezzjoni tagħhom;

b)

L-iffissar ta’ kondizzjonijiet minimi ta’ età, esperjenza professjonali jew anzjanità f’servizz għall-aċċess ta’ mpjieg jew għal ċerti vantaġġi marbuta ma’ l-impjieg;

[...]”

7

Fil-paragrafu 1 tiegħu, l-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-difiża ta’ drittijiet”, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ġudizzjarji u/jew amministrattivi, inklużi meta jitqies approprjat proċeduri ta’ konċiljazzjoni, għall-eżekuzzjoni ta’ obbligi taħt din id-Direttiva, ikunu disponibbli għal-persuni kollha li jikkunsidraw ruħhom trattati ħażin minħabba nuqqas ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament, anke wara li r-relazzjoni li fiha jkun allegat li saret id-diskriminazzjoni tkun spiċċat.”

8

L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Il-konformità”, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li:

[...]

b)

kwalunkwe dispożizzjoni kuntrarja għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li hija inkluża fil-kuntratti [jew fil-ftehimiet kollettivi] [...] huma, jew jistgħu jiġu, ddikjarati nulli u bla effett jew jiġu emendati.”

Id-dritt Awstrijak

Is-sistema qabel il-Liġi ta’ riforma

9

Fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ sal-emenda retroattiva tiegħu bil-Liġi Federali tat-30 ta’ Awwissu 2010 li temenda l-Liġi tal-1979 dwar ir-regolamenti tal-persunal, il-Liġi tal-1956 dwar is-salarji, il-Liġi tal-1948 dwar il-membri tal-persunal bil-kuntratt u l-Liġi dwar l-istatus u l-kariga tal-imħallfin u tal-prosekuturi (BGBl. I, 82/2010), applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2004 sat-30 ta’ Awwissu 2010 (iktar ’il quddiem il-“Liġi ta’ Riforma”), l-Artikolu 8 tal-Liġi tal-1956 dwar is-salarji (Gehaltsgesetz 1956, BGBl. 54/1956, iktar ’il quddiem il-“GehG”) kien jipprevedi regola ġenerali ta’ avvanz kull sentejn.

10

Fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 2003, l-Artikolu 12(1) tal-GehG, kif emendat bil-Liġi tal-2002 dwar id-deregolamentazzjoni u s-servizz pubbliku (Deregulierungsgesetz‑Öffentlicher Dienst 2002, BGBl. I, 119/2002), kien jipprovdi:

“Ħlief għall-perijodi li l-persuna kkonċernata wettqet qabel għalqet 18-il sena u bla ħsara għar-restrizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 4 sa 8, id-data ta’ referenza li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-avvanz fl-iskala għandha tiġi kkalkulata billi wieħed imur lura għall-jum tar-reklutaġġ:

1.

fir-rigward tal-perijodi elenkati fil-paragrafu 2, li jittieħdu inkunsiderazzjoni fit-totalità tagħhom;

2.

fir-rigward ta’ perijodi oħra

a)

li jissodisfaw il-kriterji tal-paragrafi 3 jew 3a, li jittieħdu inkunsiderazzjoni fit-totalità tagħhom

b)

li ma jissodisfawx il-kriterji msemmija fil-paragrafi 3 jew 3a, li jittieħdu inkunsiderazzjoni bin-nofs għal massimu ta’ tliet snin.”

Il-Liġi ta’ riforma

11

Il-Liġi ta’ riforma kellha l-għan li tikkonforma r-regoli federali tal-komputazzjoni tal-perijodi ta’ qabel id-dħul fis-servizz mad-Direttiva 2000/78, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Hütter (C‑88/08, EU:C:2009:381), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat l-inkompatibbiltà, mal-Artikoli 1, 2 u 6 tad-Direttiva 2000/78, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li, sabiex it-tagħlim ġenerali ma jkunx żvantaġġat meta mqabbel mat-tagħlim professjonali u sabiex tiġi mħeġġa l-integrazzjoni tal-apprentisti żgħażagħ fis-suq tax-xogħol, kienet teskludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ impjieg imwettqa qabel l-età ta’ 18-il sena għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-iskala li fiha jitqiegħdu l-membri tal-persunal bil-kuntratt tas-servizz pubbliku ta’ Stat Membru.

12

Din il-liġi emendat b’mod partikolari, b’effett retroattiv sal-1 ta’ Jannar 2004, l-Artikoli 8 u 12 tal-GehG.

13

Bit-titolu “Avvanz”, l-Artikolu 8 tal-GehG, kif emendat bil-Liġi ta’ riforma, huwa redatt kif ġej fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-avvanz huwa ddeterminat skont data ta’ referenza. Ħlief għal dispożizzjoni kuntrarja f’dan l-artikolu, il-perijodu neċessarju għal avvanz għat-tieni skala ta’ kull kategorija ta’ impjieg huwa ta’ ħames snin u ta’ sentejn għall-iskali l-oħra.”

14

Bit-titolu “Data ta’ referenza għall-avvanz”, l-Artikolu 12 tal-GehG, kif emendat bil-Liġi ta’ riforma, jipprovdi:

“(1)   Bla ħsara għar-restrizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 4 sa 8, id-data ta’ referenza li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-avvanz fl-iskala għandha tiġi kkalkulata billi wieħed imur lura għall-jum tar-reklutaġġ fir-rigward ta’ perijodi sussegwenti għat-30 ta’ Ġunju tas-sena li matulha jkunu twettqu disa’ snin ta’ skola jew kienu jitwettqu wara ammissjoni fl-ewwel livell ta’ tagħlim:

1.

il-perijodi elenkati fil-paragrafu 2 għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fit-totalità tagħhom;

2.

il-perijodi l-oħra

a)

li jissodisfaw il-kriterji msemmija fil-paragrafi 3 jew 3a, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fit-totalità tagħhom;

b)

li ma jissodisfawx il-kriterji msemmija fil-paragrafi 3 jew 3a

aa)

għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fit-totalità tagħhom għal tliet snin u

bb)

għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni bin-nofs għal tliet snin addizzjonali.

[...]

(3)   Il-perijodi msemmija fil-punt (2) tal-paragrafu 1, li matulhom l-uffiċjal ikun eżerċita attività jew wettaq studji jistgħu, fl-interess ġenerali, jittieħdu inkunsiderazzjoni fit-totalità tagħhom sa fejn din l-attività jew dawn l-istudji jkunu ta’ interess partikolari għas-servizz. [...]

[...]”

15

L-Artikolu 113(10) sa (12) tal-GehG, kif emendat bil-Liġi ta’ riforma, jipprovdi:

“(10)   Id-data ta’ referenza li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-avvanz fl-iskala u l-pożizzjoni fl-iskala ta’ remunerazzjoni li tirriżulta minnha jistgħu jiġu kkalkulati mill-ġdid skont l-Artikoli 8 u 12 [tal-GehG, kif emendata bil-Liġi ta’ riforma] fuq talba biss, u dan fil-każijiet biss fejn il-pożizzjoni fl-iskala ta’ remunerazzjoni eżistenti tkun iddeterminata bid-data ta’ referenza. Jistgħu wkoll iressqu talba l-persuni li jirċievu benefiċċji perjodiċi b’applikazzjoni tal-Liġi tal-1965 dwar il-pensjonijiet.

(11)   Lill-persuni li ma jressqux talba skont il-paragrafi 10 u 12 jew li għalihom id-data ta’ referenza ma għandhiex tiġi kkalkulata mill-ġdid skont il-paragrafu 10,

1.

l-Artikoli 8 u 12(1) [tal-GehG] għandhom ikomplu japplikaw fil-verżjoni fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 2003 [...].

[...]

(12)   It-talbiet imsemmija fil-paragrafu (10) għandhom jiġu ppreżentati permezz ta’ formularju li għandu jkun stabbilit mill-Kanċillier Federali permezz tal-leġiżlazzjoni. Il-persuni awtorizzati jressqu talba li, qabel id-data tal-promulgazzjoni [tal-Liġi ta’ riforma], kienu talbu kalkolu ġdid tad-data ta’ referenza tagħhom jew tal-pożizzjoni tagħhom fl-iskala ta’ remunerazzjoni billi jsir użu mill-perijodi ta’ qabel id-dħul fis-servizz tagħhom li huma kienu wettqu qabel l-età ta’ 18-il sena jew li kienu talbu aġġustament tas-salarju għal din ir-raġuni għandhom jiġu mistiedna jressqu talba ġdida permezz tal-formularju msemmi hawn fuq [...]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16

L. Schmitzer huwa uffiċjal tal-Bundesministerium für Inneres (Ministeru Federali tal-Intern). Fit-22 ta’ Jannar 2013, huwa ressaq talba għal reviżjoni tad-data ta’ referenza meħuda inkunsiderazzjoni għall-avvanz tiegħu sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ taħriġ u ta’ servizz fis-sens tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli li huwa wettaq qabel l-età ta’ 18-il sena. Filwaqt li l-liġi fi żmien ir-reklutaġġ tiegħu ma kinitx tippermetti li dawn il-perijodi jingħaddu, l-Artikolu 113 tal-GehG, kif emendat bil-Liġi ta’ riforma, issa jawtorizza li dan isir.

17

Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Jannar 2013, il-Bundesministerin für Inneres stabbilixxiet id-data ta’ referenza ġdida bħala l-1 ta’ Lulju 1975 skont it-talba ta’ L. Schmitzer. Fir-raġunijiet ta’ din id-deċiżjoni hemm indikat li s-sistema ta’ remunerazzjoni ta’ L. Schmitzer hija suġġetta wkoll għall-Artikolu 8 tal-GehG, kif emendat bil-Liġi ta’ riforma, li jissuġġetta l-avvanz għat-tieni skala għat-twettiq ta’ perijodu ta’ ħames snin fl-ewwel skala.

18

Fis-26 ta’ Frar 2013, L. Schmitzer ressaq talba għall-korrezzjoni tal-pożizzjoni tiegħu fl-iskala ta’ remunerazzjoni skont l-Artikolu 8 tal-GehG, fil-verżjoni tiegħu preċedenti għal-Liġi ta’ riforma, sabiex jibbenefika minn avvanz fl-iskala kull sentejn sa mill-imsemmija data ta’ referenza.

19

Fl-4 ta’ April 2013, il-Bundesministerin für Inneres ċaħdet din it-talba.

20

L. Schmitzer appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (Qorti amministrattiva). Din il-qorti għandha dubju dwar jekk emenda leġiżlattiva li tintroduċi mod ġdid ta’ determinazzjoni mhux diskriminatorja tad-data ta’ referenza li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-avvanz tal-uffiċjali tistax, fl-istess waqt, tipprevedi estensjoni tat-tul tal-perijodi li għandhom jitwettqu sabiex ikun hemm bidla fl-iskala. L-imsemmija qorti għandu dubju wkoll dwar il-kompatibbiltà ta’ tali estensjoni mad-dritt tal-Unjoni f’dak li jikkonċerna biss l-uffiċjali li jitolbu reviżjoni tad-data ta’ referenza meħuda inkunsiderazzjoni għall-avvanz fl-iskala tagħhom u għall-pożizzjoni tagħhom fl-iskala ta’ remunerazzjoni, bl-esklużjoni ta’ dawk li ma jagħmlux tali talba u bl-esklużjoni ta’ dawk li għalihom il-bidla ta’ din id-data ma hijiex rilevanti.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Bla ħsara għall-Artikolu 52(1) tal-[Karta] u għall-Artikolu 6 tad-Direttiva [2000/78], inugwaljanza fit-trattament (diretta) ibbażata fuq l-età fis-sens tal-Artikolu 21 tal-Karta u tal-Artikolu 2(1) u (2)(a) [ta’ din id‑direttiva] għandha tiġi ddeplorata meta fl-okkażjoni tal-introduzzjoni ta’ skema [sistema] ta’ avvanz fl-iskala ta’ remunerazzjoni mhux diskriminatorja għall-uffiċjali l-ġodda, uffiċjal vittma ta’ diskriminazzjoni abbażi tar-regolament preċedenti (li ma kienx jippermetti t-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi qabel l-età ta’ 18-il sena għall-finijiet tal-avvanzi) jista’ ċertament jitlob li jibbenefika mill-iskema l-ġdida u jikseb data ta’ referenza għal avvanz tiegħu li tkun ikkalkolata mingħajr diskriminazzjoni, iżda fil-każ li tintlaqa’ t-talba tiegħu, il-pożizzjoni tiegħu fl-iskala ta’ remunerazzjoni (u għaldaqstant is-salarju li għalih huwa intitolat) ma jkollux għalih, minħabba fir-ritmu inqas mgħaġġel ta’ avvanzi previst taħt l-iskema l-ġdida, minkejja li tinkiseb data ta’ referenza iktar favorevoli għall-finijiet tal-avvanz tiegħu, vantaġġ bħal ma tikseb l-istess pożizzjoni fl-iskala ta’ remunerazzjoni bħal uffiċjal li b’mod diskriminatorju huwa ffavorit mir-regolament preċedenti (li għamel perijodi komparabbli mhux qabel, iżda wara l-età ta’ 18-il sena, perijodi li diġà ttieħdu inkunsiderazzjoni favur tiegħu skont ir-regolament preċedenti), li dan l-uffiċjal iffavorit ma għandu l-ebda raġuni li jitlob sabiex jibbenefika mill-iskema l-ġdida?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, u fl-assenza ta’ ġustifikazzjoni skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta u l-Artikolu 6 tad-Direttiva [2000/78] (ara, b’mod partikolari dwar dan is-suġġett it-tielet domanda), uffiċjal jista’ jinvoka l-effett dirett tal-Artikolu 21 tal-Karta u tal-Artikolu 2 [ta’ din id-direttiva] fi proċedura għall-iffissar tal-pożizzjoni tiegħu fl-iskala ta’ remunerazzjoni anki meta jkun diġà kiseb qabel, fuq talba tiegħu, titjib fid-data ta’ referenza għall-kalkolu tal-avvanz tiegħu fl-iskala taħt l-iskema l-ġdida?

3)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, huwa ġġustifikat li tinżamm temporanjament, fl-okkażjoni tal-introduzzjoni ta’ sistema mhux diskriminatorja għall-uffiċjali l-ġodda, distinzjoni f’termini ta’ skala ta’ remunerazzjoni bejn, minn naħa, l-uffiċjali vantaġġati li ma għażlux l-iskema l-ġdida u, min-naħa l-oħra, l-uffiċjali li jibqgħu żvantaġġati minkejja l-fatt li jkunu għażlu l-iskema l-ġdida, [fid-dawl] tal-Artikolu 52(1) tal-Karta u tal-Artikolu 6 [tal-imsemmija direttiva], għal raġunijiet dedotti mill-ekonomija amministrattiva u miż-żamma tad-drittijiet miksuba [kweżiti], kif ukoll mill-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi,

a)

anki jekk il-leġiżlatur nazzjonali ma jkunx meħtieġ li jikseb il-kunsens tal-imsieħba soċjali meta jistabbilixxi r-regoli tal-iskema ta’ avvanz u jkun marbut biss bil-limiti kostituzzjonali tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, li ma teħtieġx iż-żamma tad-drittijiet miksuba kollha għaż-żamma b’mod sħiħ tal-iskema preċedenti għall-uffiċjali ffavoriti li ma jkunux għażlu l-iskema l-ġdida;

b)

anki kieku kien possibbli għal-leġiżlatur nazzjonali f’dan il-kuntest li jiżgura l-ugwaljanza tal-uffiċjali billi jippermetti t-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi mwettqa qabel l-età ta’ 18-il sena filwaqt li jżomm ukoll ir-regoli dwar l-avvanz applikabbli għall-uffiċjali li kienu vittmi ta’ diskriminazzjoni sal-lum;

c)

anki jekk ix-xogħol amministrattiv li jirriżulta minn dan minħabba n-numru għoli ta’ talbiet li jistgħu jkunu mistennija kien konsiderevoli, mingħajr ma l-ispiża li dan jirrappreżenta tkun toqrob, anki mill-bogħod, għas-somma tal-ammonti li ser jitilfu l-uffiċjali żvantaġġati meta mqabbla mal-uffiċjali vantaġġati u li ser ikompli jitilfu fil-futur;

d)

anki jekk il-perijodu tranżitorju li matulu l-inugwaljanza fit-trattament bejn uffiċjali tinżamm għandha tkompli għal għexur ta’ snin u tikkonċerna l-parti l-kbira tal-uffiċjali kollha matul perijodu ta’ żmien twil ħafna (minħabba l-iffriżar tar-reklutaġġ ta’ uffiċjali pubbliċi ġodda);

e)

anki jekk l-iskema kienet ġiet introdotta b’effett retroattiv, retroattività li tibdel, bi ħsara tal-uffiċjali [għall-uffiċjal], il-leġiżlazzjoni l-iktar favorevoli għalih, li, fid-dawl tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, għandha f’kull każ tkun applikata bejn l-1 ta’ Jannar 2004 u t-30 ta’ Awwissu 2010 u li kien talab l-applikazzjoni tagħha għall-każ personali tiegħu anki qabel l-adozzjoni tal-liġi l-ġdida li temendaha [tal-Liġi ta’ riforma]?

4)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel u għat-tieni domandi jew ta’ risposta fl-affermattiv għat-tielet domanda:

a)

Skema legali li tipprovdi għal terminu ta’ avvanz itwal għall-perijodi ta’ impjieg fil-bidu tal-karriera u li jagħmlu iktar diffiċli t-tranżizzjoni għall-iskala ta’ remunerazzjoni sussegwenti twassal għal inugwaljanza fit-trattament indiretta bbażata fuq l-età?

b)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, din l-iskema hija proporzjonata u neċessarja jekk jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li fil-bidu tal-karriera, l-uffiċjal jkollu inqas esperjenza professjonali?

5)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tielet domanda:

a)

Skema legali li tieħu inkunsiderazzjoni ‘perijodi oħra’ kompluti sa tliet snin u bin-nofs għat-tliet snin sussegwenti, anki jekk dawn il-perijodi la kienu ddedikati għat-taħriġ u lanqas biex tinkiseb esperjenza professjonali, hija diskriminazzjoni bbażata fuq l-età?

b)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, din l-inugwaljanza fit-trattament hija ġġustifikata mill-ħtieġa tal-prevenzjoni tad-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni fl-iskala ta’ remunerazzjoni tal-uffiċjali (li manifestament [t]ikkonċerna lill-uffiċjali l-ġodda wkoll) li ma kkompletawx, qabel l-età ta’ 18-il sena, perijodi li jistgħu jiġu kkunsidrati għall-finijiet tal-avvanz tagħhom, minkejja li perijodi oħra kkompletati wara l-età ta’ 18-il sena jistgħu wkoll jittieħdu inkunsiderazzjoni?

6)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-punt (a) tar-raba’ domanda u risposta fin-negattiv għall-punt (b) tar-raba’ domanda u fl-istess waqt risposta fl-affermattiv għat-tielet domanda jew fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-punt (a) tal-ħames domanda u risposta fin-negattiv għall-punt (b) tal-ħames domanda:

L-aspetti diskriminatorji li għalhekk tippreżenta l-iskema l-ġdida għandhom bħala konsegwenza li l-inugwaljanza fit-trattament li tagħha huma vittmi l-uffiċjali ma tibqax iġġustifikata inkwantu fenomenu tranżitorju?”

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

22

Permezz tad-domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età, stabbilit fl-Artikolu 21 tal-Karta u kkonkretizzat bid-Direttiva 2000/78.

23

Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta jadottaw miżuri li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, li tikkonkretizza, fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età, l-Istati Membri għandhom jaġixxu b’rispett għal din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Prigge et, C‑447/09, EU:C:2011:573, punt 48, u Tyrolean Airways Tiroler Luftfahrt, C‑132/11, EU:C:2012:329, punt 22).

24

F’dawn il-kundizzjonijiet, hemm lok li d-domandi magħmula fil-kuntest ta’ kawża, bħal dik fil-kawża prinċipali, bejn individwu u l-amministrazzjoni nazzjonali, jiġu eżaminati fir-rigward tad-Direttiva 2000/78 biss.

Fuq l-ewwel u t-tielet domandi

25

Permezz tal-ewwel u tat-tielet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 2(1) u (2)(a) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, sabiex iġġib fi tmiemha diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, tieħu inkunsiderazzjoni perijodi ta’ taħriġ u ta’ servizz qabel l-età ta’ 18-il sena iżda li, fl-istess waqt, tintroduċi fir-rigward tal-uffiċjali vittmi ta’ din id-diskriminazzjoni estensjoni ta’ tliet snin taż-żmien neċessarju sabiex wieħed ikun jista’ jgħaddi mill-ewwel għat-tieni skala ta’ kull kategorija ta’ impjieg u ta’ kull kategorija ta’ remunerazzjoni.

26

L-ewwel nett għandu jiġi mistħarreġ jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkunsidrata fihiex differenza fit-trattament fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, “il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament” ifisser li ma għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva. L-Artikolu 2(2)(a) tagħha jippreċiża li, għall-finijiet tal-Artikolu 2(1) tagħha, għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli minn persuna oħra f’sitwazzjoni paragunabbli, abbażi ta’ xi waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva.

27

Fil-kawża prinċipali, il-kategoriji ta’ persuni rilevanti għall-finijiet ta’ dan il-paragun huma, minn naħa, l-uffiċjali li l-esperjenza tagħhom kisbuha, anki jekk parzjalment, qabel l-età ta’ 18-il sena (iktar ’il quddiem l-“uffiċjali żvantaġġati mis-sistema preċedenti”) u, min-naħa l-oħra, dawk li kisbu, wara li għalqu din l-età, esperjenza tal-istess natura u ta’ tul paragunabbli (iktar ’il quddiem l-“uffiċjali vantaġġati mis-sistema preċedenti”).

28

Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Awstrijak, il-fatt li ċerti uffiċjali għażlu li ma jagħmlux użu mill-Artikolu 12(1) tal-GehG, kif emendat bil-Liġi ta’ riforma, u, minħabba f’hekk, jibqgħu suġġetti għas-sistema preċedenti għal din il-liġi ma jistax jaffettwa r-rilevanza ta’ dawn il-kategoriji għall-finijiet tal-imsemmi paragun.

29

F’dak li jikkonċerna l-eżistenza ta’ differenza fit-trattament bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ uffiċjali, mill-proċess li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, wara s-sentenza Hütter (EU:C:2009:381), il-leġiżlatur Awstrijak emenda, permezz tal-adozzjoni tal-Liġi ta’ riforma, il-kliem tal-Artikolu 12(1) tal-GehG u stabbilixxa sistema ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz li tippermetti li tittieħed inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-data ta’ referenza għall-avvanz, l-esperjenza kollha tal-ħaddiema, sew jekk din tkun inkisbet qabel, u sew jekk wara, li jkunu għalqu l-età ta’ 18-il sena. Kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, din id-data ta’ referenza issa hija ddeterminata mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq l-età.

30

Madankollu, għandu jiġi eżaminat jekk il-Liġi ta’ riforma għandhiex tapplika trattament differenti għaż-żewġ kategoriji ta’ uffiċjali kkonċernati.

31

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-uffiċjali żvantaġġati mis-sistema preċedenti li jitolbu, billi jinvokaw l-Artikolu 113(10) tal-GehG, kif emendat bil-Liġi ta’ riforma, li l-perijodi ta’ qabel għeluq it-tmintax-il sena tagħhom jittieħdu inkunsiderazzjoni jkunu suġġetti għall-Artikolu 8(1) tal-GehG, kif emendat bl-istess liġi, li jipprevedi avvanz mill-ewwel għat-tieni skala biss fi tmiem terminu ta’ ħames snin, filwaqt li s-sistema preċedenti għal din il-liġi kienet tipprevedi li dan l-avvanz iseħħ fi tmiem terminu ta’ sentejn.

32

Għall-kuntrarju, skont l-Artikolu 113(11) tal-GehG, kif emendat bil-Liġi ta’ riforma, id-data ta’ referenza li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-avvanz tal-uffiċjali vantaġġati mis-sistema preċedenti għandha tiġi kkalkulata mill-ġdid biss wara li titressaq talba li, kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, dawn l-uffiċjali ma għandhom ebda raġuni sabiex iressquha. Għaldaqstant, l-estensjoni ta’ tliet snin tal-perijodu meħtieġ għall-avvanz mill-ewwel għat-tieni skala, kuntrarjament għall-uffiċjali żvantaġġati mis-sistema preċedenti li ressqu tali talba, ma tiġix applikata fir-rigward tagħhom.

33

Għaldaqstant, billi adotta l-Artikolu 8(1) tal-GehG, kif emendat bil-Liġi ta’ riforma, il-leġiżlatur Awstrijak introduċa dispożizzjoni li tkompli tapplika trattament differenti bejn l-uffiċjali żvantaġġati mis-sistema preċedenti u dawk li ġew vantaġġati minn din is-sistema, f’dak li jikkonċerna l-pożizzjoni tagħhom fl-iskala ta’ remunerazzjoni u r-remunerazzjoni korrispondenti.

34

Billi tagħmel hekk, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali mhux biss ixxejjen il-vantaġġ li jirriżulta mit-teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodi ta’ taħriġ u ta’ servizz imwettqa qabel l-età ta’ 18-il sena, iżda tiżvantaġġa, ukoll, biss lill-uffiċjali żvantaġġati mis-sistema preċedenti sa fejn l-estensjoni tat-termini għal avvanz tista’ tapplika biss għal dawn tal-aħħar. Għaldaqstant, l-effetti żvantaġġużi tas-sistema preċedenti għal-Liġi ta’ riforma fir-rigward ta’ dawn l-uffiċjali ma ntemmewx kompletament.

35

Sa fejn l-estensjoni ta’ tliet snin tal-perijodu meħtieġ għall-avvanz mill-ewwel għat-tieni skala tapplika biss għall-uffiċjali li jkunu wettqu perijodi qabel ma jkunu għalqu 18-il sena, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali fiha differenza fit-trattament diretta bbażata fuq l-età fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78.

36

It-tieni nett għandu jiġi eżaminat jekk din id-differenza fit-trattament tistax tiġi ġġustifikata.

37

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 fil-fatt jippreċiża li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età ma għandhiex tikkostitwixxi diskriminazzjoni jekk din tkun oġġettivament u raġonevolment iġġustifikata, fil-kuntest tad-dritt nazzjonali, minn għanijiet leġittimi, b’mod partikolari minn għanijiet leġittimi ta’ politika tal-impjieg, tas-suq tax-xogħol u tat-taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi intiżi sabiex dawn l-għanijiet jintlaħqu jkunu xierqa u neċessarji.

38

Il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod repetut iddeċidiet li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-għażla mhux biss tat-tfittxija ta’ għan partikolari fost għanijiet oħra fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg, iżda wkoll fid-definizzjoni tal-miżuri li kapaċi jilħquh (sentenza Specht et, C-501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Skont il-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija, qabelxejn, intiża sabiex tistabbilixxi sistema ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz mhux diskriminatorja. Fil-kuntest tal-Liġi ta’ riforma, ir-regoli li jissuġġettaw ir-reviżjoni tad-dati ta’ referenza għal talba minn kull persuna interessata kif ukoll dawk dwar l-estensjoni tat-termini għal avvanz għandhom għanijiet ta’ ekonomija amministrattiva, ta’ rispett tad-drittijiet kweżiti u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

40

Il-Gvern Awstrijak barra minn hekk jenfasizza li l-adozzjoni tal-Liġi ta’ riforma kienet motivata minn kunsiderazzjonijiet baġitarji.

41

Fir-rigward tal-għan ta’ bilanċ baġitarju tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jqisu kunsiderazzjonijiet baġitarji b’mod parallel ma’ kunsiderazzjonijiet politiċi, soċjali jew demografiċi, sakemm, filwaqt li jagħmlu hekk, jirrispettaw, b’mod partikolari, il-prinċipju ġenerali ta’ projbizzjoni tad-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq l-età. F’dan ir-rigward, minkejja li kunsiderazzjonijiet baġitarji jistgħu jkunu l-bażi tal-għażliet ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru u jinfluwenzaw in-natura jew il-portata tal-miżuri li huwa jkun jixtieq jadotta, tali kunsiderazzjonijiet waħedhom ma jistgħux jikkostitwixxu għan leġittimu fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 (sentenza Fuchs u Köhler, C‑159/10 u C‑160/10, EU:C:2011:508, punti 73 u 74). L-istess jgħodd f’dak li jikkonċerna l-kunsiderazzjonijiet amministrattivi msemmija mill-qorti tar-rinviju.

42

Fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet kweżiti u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tal-uffiċjali vantaġġati mis-sistema preċedenti f’dak li jikkonċerna r-remunerazzjoni tagħhom, għandu jiġi rrilevat li dawn jikkostitwixxu għanijiet leġittimi ta’ politika tal-impjieg u tas-suq tax-xogħol li jistgħu jiġġustifikaw, matul perijodu tranżitorju, iż-żamma tar-remunerazzjonijiet preċedenti u, konsegwentement, iż-żamma ta’ sistema diskriminatorja bbażata fuq l-età (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Hennigs u Mai, C‑297/10 u C‑298/10, EU:C:2011:560, punti 90 u 92).

43

F’dan il-każ, sa fejn l-Artikolu 113(11) tal-GehG, kif emendat bil-Liġi ta’ riforma, jipprovdi li, għall-persuni li ma jressqux talba għal reviżjoni tad-data ta’ referenza tagħhom għall-finijiet tal-avvanz jew li għalihom din id-data ma għandhiex tiġi kkalkulata mill-ġdid, l-Artikoli 8 u 12 tal-GehG, fil-formulazzjoni tagħhom fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 2003, ikomplu jkunu applikabbli, dawn id-dispożizzjonijiet jippermettu li l-għanijiet ta’ preservazzjoni tad-drittijiet kweżiti u tal-aspettattivi leġittimi tal-uffiċjali vantaġġati mis-sistema preċedenti fir-rigward taż-żamma tal-livell ta’ remunerazzjoni tagħhom jintlaħqu. Fil-fatt, dawn ma jesperjenzawx l-estensjoni retroattiva tat-terminu għal avvanz.

44

Madankollu, dawn l-għanijiet ma jistgħux jiġġustifikaw miżura li żżomm b’mod definittiv, anki jekk għal ċerti persuni biss, id-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età li r-riforma ta’ sistema diskriminatorja, li din il-miżura tagħmel parti minnha, hija intiża li telimina. Tali miżura, minkejja li tista’ tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet kweżiti u tal-aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-uffiċjali vantaġġati mis-sistema preċedenti, ma hijiex idonea sabiex tistabbilixxi sistema nondiskriminatorja għall-uffiċjali żvantaġġati mill-imsemmija sistema preċedenti.

45

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-risposta għall-ewwel u għat-tielet domandi għandha tkun li l-Artikolu 2(1) u (2)(a) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, sabiex iġġib fi tmiemha diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, tieħu inkunsiderazzjoni perijodi ta’ taħriġ u ta’ servizz qabel l-età ta’ 18-il sena iżda li, fl-istess waqt, tintroduċi fir-rigward biss tal-uffiċjali vittmi ta’ din id-diskriminazzjoni estensjoni ta’ tliet snin tat-tul neċessarju sabiex wieħed ikun jista’ jgħaddi mill-ewwel għat-tieni skala ta’ kull kategorija ta’ impjieg u ta’ kull kategorija ta’ remunerazzjoni.

Fuq it-tieni domanda

46

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk uffiċjal li kien vittma ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, li tirriżulta mill-mod ta’ stabbiliment tad-data ta’ referenza meħuda inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-avvanz tiegħu, għandux ikun jista’ jinvoka l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78 sabiex jikkontesta l-effetti diskriminatorji tal-estensjoni tat-termini għal avvanz, minkejja li huwa jkun kiseb, fuq talba tiegħu, ir-reviżjoni ta’ din id-data.

47

Fil-fatt dik il-qorti tqis li l-possibbiltà li wieħed jikkontesta l-effetti diskriminatorji tal-estensjoni tat-termini għal avvanz tista’ tiġi miċħuda lil uffiċjal żvantaġġat mis-sistema preċedenti, minħabba li din id-diskriminazzjoni ġdida tirriżulta biss mill-fatt li dan tal-aħħar ikun talab u kiseb ir-reviżjoni tad-data ta’ referenza tiegħu, filwaqt li l-uffiċjali li jkunu wettqu, wara l-età ta’ 18-il sena, il-perijodi kollha li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni ma ressqux talba f’dan is-sens u, għalhekk, ma humiex suġġetti għall-estensjoni tat-termini għal avvanz.

48

Għandha titfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tistabbilixxi li d-dritt għal ugwaljanza fit-trattament, li jirriżulta mill-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78, jikkostitwixxi dritt li jista’ jiġi invokat minn individwu kontra awtorità pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Römer, C‑147/08, EU:C:2011:286, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2000/78 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull persuna li tqis li hija leża minn diskriminazzjoni tkun tista’ tasserixxi d-drittijiet tagħha. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex ikunu jew ikunu jistgħu jiġu ddikjarati nulli u bla effett, jew jiġu emendati, id-dispożizzjonijiet kuntrarji għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li jkunu inklużi fil-kuntratti jew fil-ftehimiet kollettivi.

50

Issa, jekk uffiċjal żvantaġġat mis-sistema preċedenti ma setax jikkontesta l-effetti diskriminatorji tal-estensjoni tat-termini għal avvanz minħabba l-fatt li huwa talab u kiseb ir-reviżjoni tad-data ta’ referenza tiegħu meħuda inkunsiderazzjoni għall-avvanz tiegħu, filwaqt li l-uffiċjali vantaġġati mis-sistema preċedenti ma ressqux talba f’dan is-sens, ma jkunx possibbli għalih li jasserixxi d-drittijiet kollha li huwa jislet mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament iggarantit bid-Direttiva 2000/78, u dan ikun imur kontra l-Artikoli 9 u 16 ta’ din id-direttiva.

51

Konsegwentement, fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel u għat-tielet domandi, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikoli 9 u 16 tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li uffiċjal li kien vittma ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, li tirriżulta mill-mod ta’ stabbiliment tad-data ta’ referenza meħuda inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-avvanz tiegħu, għandu jkun jista’ jinvoka l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva sabiex jikkontesta l-effetti diskriminatorji tal-estensjoni tat-termini għal avvanz, minkejja li huwa jkun kiseb, fuq talba tiegħu, ir-reviżjoni ta’ din id-data.

Fuq ir-raba ’ sas-sitt domandi

52

Ir-raba’ sas-sitt domandi saru b’mod sussidjarju, għall-każ fejn tkun ingħatat risposta fin-negattiv għall-ewwel u t-tieni domandi jew fl-affermattiv għat-tielet domanda.

53

Fid-dawl tar-risposti mogħtija għall-ewwel sat-tielet domandi, ma hemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ sas-sitt domandi.

Fuq l-ispejjeż

54

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 2(1) u (2)(a) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, sabiex iġġib fi tmiemha diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, tieħu inkunsiderazzjoni perijodi ta’ taħriġ u ta’ servizz qabel l-età ta’ 18-il sena iżda li, fl-istess waqt, tintroduċi fir-rigward biss tal-uffiċjali vittmi ta’ din id-diskriminazzjoni estensjoni ta’ tliet snin tat-tul neċessarju sabiex wieħed ikun jista’ jgħaddi mill-ewwel għat-tieni skala ta’ kull kategorija ta’ impjieg u ta’ kull kategorija ta’ remunerazzjoni.

 

2)

L-Artikoli 9 u 16 tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li uffiċjal li kien vittma ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, li tirriżulta mill-mod ta’ stabbiliment tad-data ta’ referenza meħuda inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-avvanz tiegħu, għandu jkun jista’ jinvoka l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva sabiex jikkontesta l-effetti diskriminatorji tal-estensjoni tat-termini għal avvanz, minkejja li huwa jkun kiseb, fuq talba tiegħu, ir-reviżjoni ta’ din id-data.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Fuq