Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62012CJ0611
Judgment of the Court (Grand Chamber), 14 October 2014.#Jean-François Giordano v European Commission.#Appeals — Common fisheries policy — Fishing quotas — Emergency measures adopted by the Commission — Non-contractual liability of the European Union — Second paragraph of Article 340 TFEU — Conditions — Actual and certain harm — Individual fishing rights.#Case C‑611/12 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-14 ta’ Ottubru 2014.
Jean-François Giordano vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Politika komuni tas-sajd – Kwoti tas-sajd – Miżuri ta’ emerġenza adottati mill-Kummissjoni – Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni – It‑tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE – Kundizzjonijiet – Dannu reali u ċert – Drittijiet suġġettivi għas-sajd.
Kawża C‑611/12 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-14 ta’ Ottubru 2014.
Jean-François Giordano vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Politika komuni tas-sajd – Kwoti tas-sajd – Miżuri ta’ emerġenza adottati mill-Kummissjoni – Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni – It‑tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE – Kundizzjonijiet – Dannu reali u ċert – Drittijiet suġġettivi għas-sajd.
Kawża C‑611/12 P.
Rapporti tal-qorti - ġenerali
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2014:2282
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
14 ta’ Ottubru 2014 ( *1 )
“Appell — Politika komuni tas-sajd — Kwoti tas-sajd — Miżuri ta’ emerġenza adottati mill-Kummissjoni — Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni — It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE — Kundizzjonijiet — Dannu reali u ċert — Drittijiet suġġettivi għas-sajd”
Fil-Kawża C‑611/12 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis-27 ta’ Diċembru 2012,
Jean-François Giordano, residenti fi Sète (Franza), irrappreżentat minn D. Rigeade u A. Scheuer, avukati,
appellant,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Bouquet u D. Nardi, bħala aġenti,
konvenuta fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi President, A. Tizzano, R. Silva de Lapuerta, C. Vajda u S. Rodin, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, E. Juhász, A. Borg Barthet, J. Malenovský, E. Levits (Relatur), J. L. da Cruz Vilaça u F. Biltgen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-20 ta’ Marzu 2014,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tal-appell tiegħu, J.‑F. Giordano jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Giordano vs Il‑Kummissjoni (T‑114/11, EU:T:2012:585, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors intiż sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu allegatament imġarrab minħabba l-adozzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 530/2008, tat-12 ta’ Ġunju 2008, li jistabbilixxi miżuri ta’ emerġenza fir-rigward ta’ bastimenti bil-purse seines li jistadu għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45 °W, u fil-Baħar Mediterran (ĠU L 155, p. 9). |
Il-kuntest ġuridiku
|
2 |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002, tal-20 ta’ Diċembru 2002, dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 5, p. 460), huwa intiż li jistabbilixxi approċċ multiannwali ta’ mmaniġġjar ta’ żoni tas-sajd sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà għal żmien twil ta’ dan is-settur. |
|
3 |
L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2371/2002, intitolat “Miżuri ta’ emerġenza tal-Kummissjoni”, jipprevedi li: “1. Jekk ikun jidher li hemm xi theddida serja għall-konservazzjoni ta’ riżorsi akwatiċi ħajjin, jew għall-eko-sistema tal-baħar b’riżultat ta’ attivitajiet tas-sajd u jkun hemm bżonn ta’ azzjoni immedjata, il-Kummissjoni, fuq it-talba sostanzjata ta’ Stat Membru jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, tista’ tiddeċiedi fuq xi miżuri ta’ emerġenza li m’għandhomx ikunu għal aktar minn sitt xhur. Il-Kummissjoni tista’ tieħu deċiżjoni ġdida biex ittawwal iż-żmien dwar il-miżuri ta’ emerġenza b’mhux aktar minn sitt xhur. 2. L-Istat Membru għandu jgħaddi t-talba fl-istess ħin lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali konċernati. Jistgħu jibagħtu l-kummenti tagħhom bil-miktub lill-Kummissjoni fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol wara li tkun waslet it-talba. Il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni fi żmien ħmistax-il ġurnata wara l-wasla tat-talba msemmija fil-paragrafu 1. 3. Il-miżuri ta’ emerġenza għandhom jibdew iseħħu minnufih. Għandhom jiġu notifikati lill-Istati Membri konċernati, u pubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali. 4. L-Istati Membri konċernati jistgħu jirreferu d-deċiżjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill fi żmien 10 ġranet mill-wasla tan-notifikazzjoni. 5. Il-Kunsill, waqt li jaġixxi fuq maġġoranza kwalifikata, jista’ jieħu deċiżjoni differenti fi żmien xahar mill-wasla tat-talba riferita lilu.” |
|
4 |
L-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 2371/2002, intitolat “Allokazzjoni ta’ opportunitajiet tas-sajd”, jistabbilixxi li: “1. Il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jiddeċiedi dwar il-limiti ta’ qbid u/jew opportunitajiet tas-sajd u dwar l-allokazzjoni ta’ opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri kif ukoll dwar il-kondizzjonijiet assoċjati ma’ dawk il-limiti. Opportunitajiet tas-sajd għandhom jitqassmu bejn l-Istati Membri b’mod li jassigura lil kull Stat Membru stabbilità relattiva ta’ attivitajiet tas-sajd għal kull ħażna jew żona tas-sajd. 2. Meta l-Komunità tistabbilixxi opportunitajiet tas-sajd ġodda il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar l-allokazzjoni ta’ dawk l-opportunitajiet, waqt li jqis l-interessi ta’ kull Stat Membru. 3. Kull Stat Membru għandu jiddeċiedi, għal bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu, dwar il-metodu kif jiġu allokati opportunitajiet tas-sajd assenjati lil dak l-Istat Membru skond il-liġi tal-Komunità. Għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar il-metodu ta’ allokazzjoni. 4. Il-Kunsill għandu jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għal pajjiżi terzi f’ilmijiet tal-Komunità u jalloka dawk l-opportunitajiet lil kull pajjiż terz. 5. L-Istati Membri jistgħu, wara li javżaw lill-Kummissjoni, ibiddlu l-opportunitajiet kollha jew parti minnhom li jkunu allokati lilhom.” |
|
5 |
F’dan il-kuntest, ġie adottat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/2008, tas-16 ta’ Jannar 2008, li jistabbilixxi għall-2008 l-opportunitajiet ta’ sajd u l-kundizzjonijiet assoċjati magħhom għal ċerti stokkijiet ta’ ħut u gruppi ta’ stokkijiet ta’ ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Komunità u, għal bastimenti Komunitarji f’ilmijiet fejn huma meħtieġa limiti ta’ qbid (ĠU L 19, p. 1). |
|
6 |
Dawn il-limiti u kwantitajiet ġew emendati bir‑Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 446/2008, tat-22 ta’ Mejju 2008, li jadatta ċerti kwoti tat-tonn fl-2008 skont l-Artikolu 21(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 li jistabbilixxi sistema ta’ kontroll li tapplika għall-politika tas-sajd komuni (ĠU L 134, p. 11). |
|
7 |
Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2371/2002, il-Kummissjoni adottat, fit-12 ta’ Ġunju 2008, ir-Regolament Nru 530/2008. |
|
8 |
Il-premessa 6 tar-Regolament Nru 530/2008 tiddikjara li: “Id-dejta li għandha, kif ukoll it-tagħrif miksub mill-ispetturi tal-Kummissjoni matul il-missjonijiet tagħhom fl-Istati Membri kkonċernati, juru li l-opportunitajiet ta’ sajd tat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45 °W, u fil-Baħar Mediterran allokati lil bastimenti li jistadu bil-purse seines li jtajru l-bandiera tal-Greċja, ta’ Franza, ta’ l-Italja, ta’ Ċipru u ta’ Malta jew li huma rreġistrati fihom se jitqiesu li ġew eżawriti fis-16 ta’ Ġunju 2008 u li l-opportunitajiet ta’ sajd għall-istess stokk allokati lil bastimenti li jistadu bil-purse seines li jtajru l-bandiera ta’ Spanja jew li huma rreġistrati fiha se jitqiesu li ġew eżawriti fit-23 ta’ Ġunju 2008.” |
|
9 |
L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprevedi li: “Is-sajd għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45 °W, u fil-Baħar Mediterran minn bastimenti li jistadu bil-purse seines u li jtajru l-bandiera tal-Greċja, ta’ Franza, ta’ l-Italja, ta’ Ċipru u ta’ Malta jew li huma rreġistrati fihom għandu jiġi pprojbit mis-16 ta’ Ġunju 2008. Għandu jiġi pprojbit ukoll, li stokk ta’ dan it-tip jinżamm abbord, jitqiegħed f’gaġeġ għat-tismin jew għat-trobbija, u t-trażbord jew il-ħatt l-art minn dawk il-bastimenti minn dik id-data.” |
|
10 |
L-Artikolu 2 tal-istess regolament huwa fformulat kif ġej: “Is-sajd għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45 °W, u fil-Baħar Mediterran minn bastimenti li jistadu bil-purse seines u li jtajru l-bandiera ta’ Spanja jew li huma rreġistrati fiha għandu jiġi pprojbit mit-23 ta’ Ġunju 2008. Għandu jiġi pprojbit ukoll, li stokk ta’ dan it-tip jinżamm abbord, jitqiegħed f’gaġeġ għat-tismin jew għat-trobbija, u t-trażbord jew il-ħatt l-art minn dawk il-bastimenti minn dik id-data.” |
|
11 |
L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 530/2008 jipprevedi li: “1. Skond [Bla ħsara għal] it-tieni paragrafu, mis-16 ta’ Ġunju 2008, operaturi Komunitarji ma għandhomx jaċċettaw il-ħatt l-art, it-tqegħid f’gaġeġ għat-tismin jew għat-trobbija, jew it-trażbordi f’ilmijiet jew f’portijiet tal-Komunità ta’ tonn maqbud fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45 °W, u fil-Baħar Mediterran minn bastimenti li jistadu bil-purse seines. 2. Il-ħatt l-art, it-tqegħid fil-gaġeġ għat-tismin u għat-trobbija u t-trażbord f’ilmijiet jew f’portijiet tal-Komunità, ta’ tonn maqbud fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45 °W, u fil-Baħar Mediterran minn bastimenti li jistadu bil-purse seines u li jtajru l-bandiera ta’ Spanja jew li huma rreġistrati fiha, għandhom ikunu konċessi sat-23 ta’ Ġunju 2008.” |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
12 |
J.‑F. Giordano huwa sid il-bastiment “Janvier Giordano”, bastiment li jistad bil-purse seines u jtajjar il-bandiera Franċiża u li jeżerċita l-attività tiegħu tas-sajd fil-Baħar Mediterran. |
|
13 |
Skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, ir-Repubblika Franċiża kellha, għall-2008, kwoti tas-sajd għat-tonn li jammontaw għal 4164 tunnellata, li 90 % minnhom ġew allokati lil bastimenti li jistadu bil-purse seines u jtajru l-bandiera Franċiża u li jeżerċitaw l-attività tagħhom fil-Baħar Mediterran. |
|
14 |
F’dan il-kuntest, permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ April 2008, il-Ministru Franċiż tal-Agrikoltura u tas-Sajd ta liċenzja speċjali għas-sajd lill-bastiment “Janvier Giordano”, li tawtorizzah jaqbad, iżomm, jittrażborda, jittrasferixxi, iħott l-art, jittrasporta, jaħżen u jbigħ it-tonn mill-Meditteran, fil-limitu tal-opportunitajiet ta’ sajd mogħtija lilu taħt il-forma ta’ kwota individwali ta’ 132.02 tunnellata. L-awtorizzazzjoni kienet valida għall-perijodu mill-1 ta’ April 2008 sat-30 ta’ Ġunju 2008. |
|
15 |
Wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 530/2008, li jipprojbixxi s-sajd għat-tonn fil-Baħar Mediterran, l-istaġun tas-sajd ta’ dan tal-aħħar ġie interrot fis-16 ta’ Ġunju 2008 u, għaldaqstant, il-liċenzja għas-sajd tal-appellant ġiet irrevokata permezz ta’ deċiżjoni tal-Prefett tar-reġjun Languedoc-Roussillon tas-16 ta’ Ġunju 2008 li timplementa l-imsemmi regolament. |
|
16 |
J.‑F. Giordano beda proċedura intiża għall-annullament tal-imsemmija deċiżjoni quddiem il-qrati amministrattivi Franċiżi. It-tribunal administratif de Montpellier (Tribunal Amministrattiv ta’ Montpellier) u l-cour administrative d’appel de Marseille (Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Marseille) ċaħdu t-talba tiegħu għal annullament peress li l-miżura ta’ projbizzjoni inkwistjoni kienet tirriżulta mir-Regolament Nru 530/2008 u mhux mid-deċiżjoni tal-Prefett tar-reġjun Languedoc-Roussillon. |
|
17 |
Permezz tas-sentenza tagħha tas-17 ta’ Marzu 2011, ADJ Tuna (C‑221/09, EU:C:2011:153), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-Regolament Nru 530/2008 kien invalidu sa fejn, filwaqt li ġew adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2371/2002, il-projbizzjonijiet li huwa stabbilixxa daħlu fis‑seħħ fit‑23 ta’ Ġunju 2008 fir-rigward tal-bastimenti li jistadu bil-purse seines u li jtajru l-bandiera Spanjola jew huma rreġistrati f’dan l-Istat Membru u l-operaturi Komunitarji li kkonkludew kuntratti magħhom filwaqt li dawn il-projbizzjonijiet daħlu fis-seħħ fis-16 ta’ Ġunju 2008 fir-rigward tal-bastimenti li jistadu bil-purse seines u li jtajru l-bandiera Maltija, Griega, Franċiża, Taljana u Ċiprijotta jew huma rreġistrati f’dawn l-Istati Membri u l-operaturi Komunitarji li kkonkludew kuntratti magħhom, mingħajr ma din id-differenza fit-trattament kienet oġġettivament ġustifikata. |
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
|
18 |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Frar 2011, J.‑F. Giordano ressaq azzjoni sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu allegatament imġarrab minħabba l-adozzjoni tar-Regolament Nru 530/2008. |
|
19 |
Wara li fakkret, fil-punt 12 tas-sentenza appellata, il-ġurisprudenza stabbilita li tipprevedi li l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni għal aġir illegali tal-korpi tagħha huwa suġġett għall-eżistenza ta’ numru ta’ kundizzjonijiet, il-Qorti Ġenerali għażlet li teżamina, fl-ewwel lok, jekk ir-rikorrent ipproduċiex prova tar-realtà tad-dannu li huwa jinvoka. |
|
20 |
B’hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 18 tas-sentenza appellata, li l-kwoti ma jagħtu ebda garanzija lis-sajjieda li ser ikunu jistgħu jistadu għat-totalità tal-kwota allokata lilhom, billi kwota tikkostitwixxi unikament limitu teoretiku ta’ qbid massimu li fl-ebda każ ma għandu jinqabeż. |
|
21 |
Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, billi r-rikorrent kien illimita ruħu li jsostni li l-projbizzjoni ta’ sajd stabbilita skont ir-Regolament Nru 530/2008 ma ħallitux jeżerċita l-attività tiegħu matul il-perijodu mis-16 ta’ Ġunju sat-30 ta’ Ġunju 2008, id-dannu li huwa kien qed jinvoka ma kienx reali. |
|
22 |
Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ippreżentat mir-rikorrent u kkundannatu għall-ispejjeż. |
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet
|
23 |
L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
24 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
Fuq l-appell
L-argumenti tal-partijiet
|
25 |
Permezz tal-ewwel aggravju tiegħu, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 17 sa 22 tas-sentenza appellata, li r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni minħabba att illegali ma tistax tiġi stabbilita, peress li d-dannu invokat ma għandux natura reali u ċerta. |
|
26 |
Permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali ħawwdet, fil-punti 17 sa 19 tas-sentenza appellata, iċ-ċertezza tad-dannu mad-determinazzjoni tal-ammont tiegħu. |
|
27 |
Minn naħa, in-natura reali u ċerta tad-dannu invokat tirriżulta mill-fatt li, bis-saħħa tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 530/2008, huwa kellu jwaqqaf l-attività tiegħu tas-sajd qabel l-għeluq normali tal-istaġun tas-sajd u, min-naħa l-oħra, id-determinazzjoni tal-ammont tad-dannu għandha ssir neċessarjament f’kuntest ipotetiku, peress li ma tistax tkun magħrufa l-kwantità ta’ ħut li l-appellant kien jaqbad. |
|
28 |
Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tiegħu, l-appellant isostni li huwa ġarrab dannu anormali u speċjali. In-natura anormali tad-dannu huwa marbut mal-fatt li l-ammont tiegħu jikkorrispondi għal nofs tad-dħul mistenni, filwaqt li d-dannu huwa speċjali sa fejn jirrigwarda biss numru ta’ membri tal-kollettività. |
|
29 |
Il-Kummissjoni, fl-ewwel lok, issostni li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, peress li l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu reali u ċert tikkostitwixxi evalwazzjoni ta’ fatti li ma taqax taħt l-istħarriġ ġuridiku mwettaq mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
30 |
Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tqis li l-ewwel aggravju ma huwiex fondat. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
Fuq l-ammissibbiltà
|
31 |
Għal dak li jirrigwarda l-ewwel parti tal-ewwel aggravju, din hija ammissibbli sa fejn l-appellant talab lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali fil-klassifikazzjoni tad-dannu invokat bħala reali u ċert fil-kuntest tal-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni, C‑510/06 P, EU:C:2009:166, punt 105, u Il‑Kummissjoni vs Schneider Electric, C‑440/07 P, EU:C:2009:459, punt 191). |
|
32 |
Għaldaqstant, għal dak li jirrigwarda din l-ewwel parti, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għandha tiġi eskluża. |
|
33 |
Għal dak li jirrigwarda t-tieni parti tal-ewwel aggravju, għandu jiġi kkonstatat li hija ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ ammissibbiltà speċifiċi għal appell sa fejn, billi jiżviluppa serje ta’ argumenti bil-għan li juri li ġarrab dannu anormali u speċjali, l-appellant qiegħed jipprova, essenzjalment, jikseb sempliċi eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Interporc vs Il‑Kummissjoni, C‑41/00 P, EU:C:2003:125, punt 16, kif ukoll Reynolds Tobacco et Il‑Kummissjoni, C‑131/03 P, EU:C:2006:541, punt 50). |
|
34 |
Għaldaqstant, din il-parti għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli. |
Fuq il-mertu
|
35 |
Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, huwa suġġett għall-eżistenza ta’ numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir ikkritikat tal-istituzzjoni tal-Unjoni, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir tal-istituzzjoni u d-dannu invokat (sentenza Agraz et vs Il‑Kummissjoni, C‑243/05 P, EU:C:2006:708, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
36 |
Il-kundizzjoni dwar ir-realtà tad-dannu tirrikjedi li d-dannu li għalih ikun qed jintalab kumpens ikun reali u ċert, liema fatt għandu jiġi pprovat mir-rikorrent (sentenza Agraz et vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2006:708, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
37 |
F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 17 sa 19 tas-sentenza appellata, li d-dannu invokat mill-appellant, li jikkonsisti mill-parti tal-kwota individwali tiegħu mhux użata u mhux mibjugħa minħabba l-probizzjoni ta’ sajd għat-tonn mis-16 ta’ Ġunju 2008, kien jirrifletti sitwazzjoni ipotetika u ma setax jitqies bħala reali u ċert. |
|
38 |
B’mod iktar preċiż, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-allokazzjoni ta’ kwoti ma tagħti ebda garanzija lill-appellant li jkun jista’ jistad għat-totalità tal-kwota individwali tiegħu, sa fejn din tal-aħħar tikkostitwixxi limitu teoretiku ta’ qbid massimu u li, f’kull każ, ma jistax jiġi eskluż li, anki li kieku l-appellant baqa’ jistad sat-30 ta’ Ġunju 2008, huwa ma kienx jilħaq il-kwota tiegħu għal raġunijiet indipendenti mir-rieda tiegħu. |
|
39 |
Għandu madankollu jiġi kkonstatat li, b’hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. |
|
40 |
B’mod partikolari, billi llimitat ruħha li tinvoka, hekk kif jirriżulta mill-punt 18 tas-sentenza appellata, in-natura żbaljata tal-premessa li tgħid li l-appellant kellu dritt li jistad u li l-kwota tiegħu kienet tiġi neċessarjament eżawrita, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta eżaminat il-kundizzjoni relatata mad-dannu. Fil-fatt, minn naħa, l-eżistenza ta’ dritt mogħti lill-individwi minn dispożizzjoni legali ma tirrigwardax ir-realtà tad-dannu iżda tikkostitwixxi kundizzjoni li għaliha hija suġġetta l-konstatazzjoni ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ tali dispożizzjoni, minn istituzzjoni tal-Unjoni, sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, iċ-ċaħda mill-Qorti Ġenerali tal-argument tal-appellant li jgħid li kien jeżawrixxi l-kwota tiegħu hija rilevanti biss għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-portata tad-dannu invokat iżda mhux għall-eżistenza stess ta’ tali dannu, li n-natura ċerta tiegħu ma hijiex ikkontestata minn inċertezza dwar il-portata eżatta tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Agraz et vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2006:708, punt 36). |
|
41 |
Għaldaqstant, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata mingħajr ma hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq l-aggravji l-oħra tal-appell. |
Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali
|
42 |
Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tista’, fil-każ ta’ annullament tas-sentenza appellata, tiddeċiedi definittivament il-kawża meta din tkun fi stat li tiġi deċiża. |
|
43 |
F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li r-rikors għad-danni ppreżentat minn J.‑F. Giordano huwa fi stadju li jiġi deċiż u li, għaldaqstant, hemm lok li tittieħed deċiżjoni definittiva fuq dan. |
|
44 |
Hekk kif tfakkar fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni huwa suġġett għall-eżistenza ta’ numru ta’ kundizzjonijiet. Fosthom hemm, fil-każijiet li jikkonċernaw l-illegalità ta’ att ġuridiku, il-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha bħala għan l-għoti ta’ drittijiet lill-individwi (sentenza Il‑Kummissjoni vs Schneider Electric, C‑440/07 P, EU:C:2009:459, punt 160). |
|
45 |
F’dan il-każ, J.‑F. Giordano jsostni, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2371/2002 billi adottat ir-Regolament Nru 530/2008 filwaqt li ma kellhiex provi li kienet nqabżet il-kwota 2008 allokata lil bastimenti li jtajru l-bandiera Franċiża. |
|
46 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li dan l-argument huwa bbażat fuq il-premessa li tgħid li l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ emerġenza mill-Kummissjoni tirrikjedi l-prova li tkun effettivament inqabżet il-kwota allokata. Fil-fatt, skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2371/2002, il-Kummissjoni tista’ tadotta tali miżuri mill-mument li jeżistu provi ta’ “theddida serja għall-konservazzjoni ta’ riżorsi akwatiċi ħajjin, jew għall-eko-sistema tal-baħar b’riżultat ta’ attivitajiet tas-sajd u jkun hemm bżonn ta’ azzjoni immedjata”, mingħajr ma jkollha tistenna li tinqabeż il-kwota allokata. Issa, hekk kif tosserva il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 63 sa 65 tas-sentenza AJD Tuna (EU:C:2011:153), diversi premessi tar-Regolament Nru 530/2008 jinkludu numru ta’ indikazzjonijiet, li l-eżattezza tagħhom ma ġietx ikkontestata minn J.‑F. Giordano, li juru suffiċjentement li tali theddida kienet teżisti f’dan il-każ. |
|
47 |
It-tieni nett, J.‑F. Giordano jsostni li l-adozzjoni tar-Regolament Nru 530/2008 wasslet għal restrizzjoni tal-attività tiegħu, li hija inkompatibbli mad-dritt tiegħu li jeżerċità u li jwettaq l-attività professjonali tiegħu, kif iggarantit mill-Artikolu 15 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), kif ukoll mad-dritt tiegħu għall-proprjetà, kif iggarantit mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-imsemmija Karta. |
|
48 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-fatt li persuna jkollha dritt li tistad kif ukoll kwota allokata mill-Istat Membru kompetenti għal staġun tas-sajd partikolari ma jistax, kuntrarjament għal dak li jsostni J.‑F. Giordano, jagħtiha d-dritt li tkun tista’, f’kull ċirkustanza, teżawrixxi din il-kwota. |
|
49 |
Għandu jitfakkar ukoll li, hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżerċizzju liberu ta’ attivitajiet professjonali ma huwiex dritt assolut, iżda għandu jiġi kkunsidrat fid-dawl tar-rwol tiegħu fis-soċjetà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza FIAMM et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, EU:C:2008:476, punt 183 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, jistgħu jiġu stabbiliti limitazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt sakemm, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, dawn ikun previsti mil-liġi u jkunu, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, neċessarji u jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-bżonn ta’ protezzjoni tad-drittijiet u libertajiet ta’ ħaddieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Digital Rights Ireland et, C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 38). |
|
50 |
F’dan il-każ, ir-Regolament Nru 530/2008 jissodisfa definittivament għan ta’ interess ġenerali tal-Unjoni, jiġifieri dak li tiġi evitata, skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2371/2002, theddida gravi għall-konservazzjoni u għall-irkupru tal-istokk tat-tonn fl-Atlantiku tal-Lvant u fil-Baħar Mediterran. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punti 77 sa 85 tas-sentenza AJD Tuna (EU:C:2011:153), għandu jiġi kkonstatat li l-miżuri ta’ projbizzjoni ta’ sajd li jinsabu fl-imsemmi Regolament Nru 530/2008 ma humiex manifestament inadegwati fir-rigward ta’ dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan ta’ interess ġenerali, u għalhekk huma konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
|
51 |
It-tielet nett, J.‑F. Giordano jsostni li l-adozzjoni tar-Regolament Nru 530/2008 kisret il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi, peress li dan ir-regolament waqqaf l-istaġun tas-sajd għat-tonn mis-16 ta’ Ġunju 2008 filwaqt li l‑awtorizzazzjoni li jistad kienet ingħatat, oriġinarjament, minn Franza sat-30 ta’ Ġunju 2008. |
|
52 |
Madankollu, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà osservat, il-possibbiltà li jittieħdu miżuri li jkollhom l-effett li jwaqqfu l-istaġuni tas-sajd qabel id-data normali hija prevista, b’mod partikolari, fl-Artikoli 7(1) u 26(4) tar-Regolament Nru 2371/2002 (sentenza AJD Tuna EU:C:2011:153, punt 75). L-operaturi Komunitarji, li l-attività tagħhom tikkonsisti fis-sajd għat-tonn, ma jistgħux għaldaqstant jinvokaw il-benefiċċju taċ-ċertezza legali u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi billi huma jistgħu jipprevedu li tali miżuri jistgħu jiġu adottati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza AJD Tuna EU:C:2011:153, punt 75). |
|
53 |
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li J.‑F. Giordano ma weriex l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha bħala għan l-għoti ta’ drittijiet lill-individwi. |
|
54 |
Billi waħda mill-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Unjoni ma hijiex issodisfatta, ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala infondat, mingħajr ma hemm lok li jiġu eżaminati jekk humiex issodisfatti l-kundizzjonijiet l-oħra f’dan il-każ. |
Fuq l-ispejjeż
|
55 |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(2) tal-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn tal-aħħar, jekk ikun hemm iktar minn parti waħda li titlef il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar kif għandhom jitqassmu l-ispejjeż. |
|
56 |
Billi l-appell ta’ J.‑F. Giordano ntlaqa’, iżda r-rikors tiegħu għad-danni ġie miċħud, J.‑F. Giordano u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.